EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0459

Kawża T-459/08: Rikors ippreżentat fis- 6 ta' Ottubru 2008 — EuroChem MCC vs Il-Kunsill

ĠU C 327, 20.12.2008, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 327/37


Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2008 — EuroChem MCC vs Il-Kunsill

(Kawża T-459/08)

(2008/C 327/66)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: EuroChem Mineral u Chemical Company OAO (EuroChem MCC) (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: P. Vander Schueren u B. Evtimov, lawyers)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008 tat-8 ta' Lulju 2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (1) safejn jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti, fuq is-sussidjarji tagħha ta' manifattura u kumpanniji relatati, indikati fil-premessa 23(a) u (ċ) u l-Artikoli 1(2)(a) u 2(2)(a) tar-regolament ikkontestat;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tat-talba tagħhom ir-rikorrenti jressqu żewġ motivi għal annullament. It-tieni motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni kisru l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (2) u/jew kisru rekwiżit proċedurali essenzjali billi rrifjutaw li, ex officio, jwettqu reviżjoni interim tal-ħsara u l-konstatazzjonijiet tal-marġini tal-ħsara flimkien mar-reviżjoni tal-iskadenza, u għaldaqstant wettqet żball manifest billi kkonstatat il-probabbiltà li terġa' tirriżulta l-ħsara fil-kuntest tar-reviżjoni tal-iskadenza.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni ikkonstataw b'mod żbaljat il-valur normali għar-rikorrenti fir-reviżjoni interim parzjali, li rriżultat fiż-żieda artifiċjali tagħha, u wettqet paragun żbaljat mal-prezz tal-esportazzjoni u għaldaqstant waslet għal konstatazzjoni żbaljata ta' dumping, u b'hekk kisret l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament bażiku, filwaqt li wettqet għadd ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u kisret prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju.

B'mod iktar partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni wettqu żball ta' liġi u kisru l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament bażiku kif ukoll il-kuntest legali tagħhom ipprovdud mill-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament bażiku, billi ma ħadux inkunsiderazzjoni parti kbira mill-ispejjeż ta' produzzjoni tar-rikorrenti għaliex qisuha inaffidabbli u/jew billi de facto applikaw metodoloġija li ma tgħoddx għal ekonomija tas-suq għall-konstatazzjoni tal-parti l-kbira tal-valur normali tar-rikorrenti.

Ladarba ddeċidiet li tipproċedi bl-aġġustament tal-gass, il-Kummissjoni kisret it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5), u/jew wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u wriet nuqqas ta' motivazzjoni billi implementat l-aġġustament tal-gass abbażi tal-prezz intra-Komunitarju tal-gass f'Waidhaus, il-Ġermanja u naqset milli tagħmel tnaqqis ulterjuri.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni kisru l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u wettqu żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti billi naqqsu mill-prezz għall-esportazzjoni tar-rikorrenti l-ewwel bejgħ lil konsumatur indipendenti, spejjeż ġenerali u amministrattivi u kummissjoni fir-rigward tal-kumpanniji relatati, li huma parti integrali ta' entità ekonomika waħda u tad-dipartiment tal-bejgħ integrat tar-rikorrenti.


(1)  ĠU L 185, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1).


Top