Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0387

    Kawża T-387/08: Rikors ippreżentat fl- 1 ta' Settembru 2008 — Evropaïki Dynamiki vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 301, 22.11.2008, p. 49–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 301/49


    Rikors ippreżentat fl-1 ta' Settembru 2008 — Evropaïki Dynamiki vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża T-387/08)

    (2008/C 301/83)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Korogiannakis, avukat)

    Konvenut: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem l-“OPOCE”), ikkommunikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tal-20 ta' Ġunju 2008, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata għas-sejħa għal offerti miftuħa AO 10185 għal “Servizzi tal-informatika — Manutenzjoni tas-sistemi SEI-BUD/AMD/CR u servizzi relatati” (ĠU 2008/S 43-058884), u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul;

    tikkundanna lill-OPOCE iħallas kumpens għad-danni kkawżati lir-rikorrenti mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, għal ammont ta' EUR 1 444 930;

    tikkundanna lill-OPOCE jbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fir-rigward ta' dan ir-rikors, anki jekk dan jiġi miċħud.

    Motivi u argumenti prinċipali

    F'dan il-każ, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenut li tiċħad l-offerta ta' Evropaïki Dynamiki ppreżentata għas-sejħa għal offerti mifuħa AO 10185 għal “Servizzi tal-informatika — Manutenzjoni tas-sistemi SEI-BUD/AMD/CR u servizzi relatati” u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li billi ta l-imsemmi kuntratt lil offerent ieħor, il-konvenut naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament Finanzjarju (1), ir-regoli tiegħu ta' implementazzjoni u d-Direttiva 2004/18/KE (2) kif ukoll tal-prinċipji ta' trasparenza, ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità.

    Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorità kontraenti kisret l-obbligu tagħha, previst fir-regoli applikabbli ċċitati iktar 'il fuq, li tagħti motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-awtorità kontraenti użat kriterji li ma kinux jidhru espressament fis-sejħa għal offerti, li hija ħawdet il-kriterji tal-evalwazzjoni ma' dawk tal-għoti, u dan bi ksur tal-istruzzjonijiet tas-sejħa għal offerti, u li hija wettqet numru ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni li wasslu għaċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti.

    Ir-rikorrenti b'hekk titlob li d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul tiġi annullata u li minbarra li jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fir-rigward tal-kawża, il-konvenut jiġi kkundannat iħallas kumpens għad-danni tar-rikorrenti kkawżati mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/[2002], tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p.1).

    (2)  Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134, p. 114).


    Top