Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TJ0541

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2014  .
    Sasol et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tax-xema’ tal-paraffin – Suq tax-xema’ ratba – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq – Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha u minn impriża konġunta miżmuma parzjalment minnha – Influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent – Preżunzjoni fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % – Suċċessjoni ta’ impriżi – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Ċirkustanzi aggravanti – Rwol ta’ mexxej – Limitu tal-multa – Ġurisdizzjoni sħiħa.
    Kawża T‑541/08.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2014:628

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    11 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

    “Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha u minn impriża konġunta miżmuma parzjalment minnha — Influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent — Preżunzjoni fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % — Suċċessjoni ta’ impriżi — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej — Limitu tal-multa — Ġurisdizzjoni sħiħa”

    Fil-Kawża T‑541/08,

    Sasol, stabbilita f’Rosebank (l-Afrika t’Isfel),

    Sasol Holding in Germany GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

    Sasol Wax International AG, stabbilita f’Hamburg,

    Sasol Wax GmbH, stabbilita f’Hamburg,

    irrappreżentati minn W. Bosch, U. Denzel, C. von Köckritz, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, avukat,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

    komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

    Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1. Il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

    1

    Permezz tad-Deċiżjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li r-rikorrenti, Sasol Wax GmbH, Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol (iktar ’il quddiem “Sasol Ltd”) (iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti meħuda flimkien, “Sasol”), kienu, flimkien ma’ impriżi oħra, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw f’akkordju relatat mas-suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE u mas-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba.

    2

    Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma, minbarra Sasol, il-kumpanniji segwenti: ENI SpA, Esso Deutschland GmbH, Esso Société anonyme française, ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u Exxon Mobil Corp. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “ExxonMobil”), H&R ChemPharm GmbH, H&R Wax Company Vertrieb GmbH u Hansen & Rosenthal KG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “H&R”), Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG, MOL Nyrt., Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Repsol”), Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Ltd, The Shell Petroleum Company Ltd, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Shell”), RWE Dea AG u RWE AG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “RWE”) kif ukoll Total SA u Total France SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Total”) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    3

    Ix-xema’ tal-paraffin tiġi prodotta fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Hija tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħal xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

    4

    Ix-xema’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tax-xema’ tal-paraffin. Hija prodotta f’raffineriji bħala prodott sekondarju fil-produzzjoni taż-żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Hija tinbiegħ ukoll lil klijenti finali, pereżempju lil produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

    5

    Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara li Shell Deutschland Schmierstoff informatha, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar l-eżistenza ta’ akkordju filwaqt li ressqet quddiemha talba għal immunità abbażi tal-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

    6

    Fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’verifiki fil-binjiet ta’ “H & R/Tudapetrol”, ta’ ENI, ta’ MOL kif ukoll f’dawk tal-kumpanniji tal-gruppi Sasol, ExxonMobil, Repsol u Total (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

    7

    Bejn il-25 u d-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil kull waħda mill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, fosthom lir-rikorrenti wkoll (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2007, Sasol Wax u Sasol Wax International wieġbu flimkien għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. (Sasol A.31) Permezz ta’ ittra tal-istess jum, anki Sasol Holding in Germany u Sasol Ltd. wieġbu flimkien għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. (Sasol A.30)

    8

    Fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

    9

    Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li hija kellha, il-Kummissjoni qieset li d-destinatarji, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produtturi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li kien ikopri t-territorju taż-ŻEE. Dan il-ksur kien jikkonsisti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq livell kummerċjali li jaffettwaw ix-xema’ tal-paraffin (iktar ’il quddiem il-“parti prinċipali tal-ksur”). F’dak li jirrigwarda lil RWE (sussegwentement Shell), ExxonMobil, MOL, Repsol, Sasol u Total, il-ksur li jaffettwa lix-xema’ tal-paraffin kien jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew ta’ swieq (iktar ’il quddiem it-“tieni parti tal-ksur”). Barra minn hekk, il-ksur imwettaq minn RWE, ExxonMobil, Sasol u Total kien jirrigwarda wkoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur”) (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

    10

    Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew saħansitra laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul il-“laqgħat tax-xema’ ratba” ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

    11

    Il-multi imposti f’dan il-każ ġew ikkalkolati abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

    12

    Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

    “Artikolu 1

    L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

    […]

    Sasol Wax GmbH: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005;

    Sasol Wax International AG: mill-1 ta’ Mejju 1995 sat-28 ta’ April 2005;

    Sasol Holding in Germany GmbH: mill-1 ta’ Mejju 1995 sat-28 ta’ April 2005;

    Sasol [Ltd.]: mill-1 ta’ Mejju 1995 sat-28 ta’ April 2005;

    […]

    Fir-rigward tal-impriżi segwenti, il-ksur jikkonċerna wkoll, għall-perijodi indikati, ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż:

    […]

    Sasol Wax GmbH: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004;

    Sasol Wax International AG: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004;

    Sasol Holding in Germany GmbH: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004;

    Sasol [Ltd.]: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004;

    […]

    Artikolu 2

    Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

    ENI SpA: EUR 29 120 000;

    Esso Société anonyme française: EUR 83 588 400,

    li minnha flimkien u in solidum ma’

    ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u ExxonMobi1 Corporation għal EUR 34 670 400, li minnu flimkien u in solidum ma’ Esso Deutschland GmbH għal EUR 27 081 600;

    Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG: EUR 12 000 000;

    Hansen & Rosenthal KG flimkien u in solidum ma’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH: EUR 24 000 000,

    li minnha flimkien u in solidum ma’

    H&R ChemPharm GmbH għal EUR 22 000 000;

    MOL Nyrt.: EUR 23 700 000;

    Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA flimkien u in solidum ma’ Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA: EUR 19 800 000;

    Sasol Wax GmbH: EUR 318 200 000,

    li minnha flimkien u in solidum ma’

    Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol [Ltd.] għal EUR 250 700 000;

    Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Limited, The Shell Petroleum Company Limited, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Limited: EUR 0;

    RWE-Dea AG flimkien u in solidum ma’ RWE AG: EUR 37 440 000;

    Total France SA flimkien u in solidum ma’ Total SA: EUR 128 163 000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    2. Fuq l-istruttura tal-grupp Sasol u ta ’ Vara u fuq l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpanniji parent fid-deċiżjoni kkontestata

    13

    Fil-premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett identifikat, f’dak li jirrigwarda l-grupp Sasol, il-kumpannija direttament responsabbli għall-ksur. B’hekk, hija kkonkludiet li fost il-persuni li pparteċipaw għal-laqgħat tekniċi kien hemm impjegati ta’ Hans-Otto Schümann GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “HOS”), u dan mill-bidu tal-ksur, fit-3 ta’ Settembru 1992, sat-30 ta’ April 1995. Mill-1 ta’ Mejju 1995 sat-31 ta’ Diċembru 2002, kien hemm sussegwentement Schümann Sasol & Co. KG, li fl-2000 saret Schümann Sasol GmbH (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Schümann Sasol”). Mill-1 ta’ Jannar 2003, il-persuna li timpjega lill-impjegati inkwistjoni kienet Sasol Wax.

    14

    Għalhekk, fil-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, Sasol Wax, suċċessura ta’ HOS u ta’ Schümann Sasol, inżammet responsabbli għall-ksur bħala parteċipanti diretta fih għall-perijodu mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005.

    15

    Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-iżvilupp ratione temporis taż-żamma tal-kapital ta’ HOS, ta’ Schümann Sasol u ta’ Sasol Wax. F’dan ir-rigward hija ddistingwiet tliet perijodi (premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata).

    16

    Fir-rigward tal-ewwel perijodu, mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-30 ta’ April 1995 (iktar ’il quddiem il-“perijodu Schümann”), il-Kummissjoni kkonstatat li HOS kienet fl-aħħar mill-aħħar ikkontrollata minn H-O. Schümann personalment, permezz ta’ Vara Holding GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Vara”), li kienet l-uniku soċju akkomandanti ta’ HOS (premessi 450 u 457 tad-deċiżjoni kkontestata). H‑O. Schümann kien l-azzjonist maġġoritarju ta’ Vara u l-azzjonisti l-oħra kienu l-membri tal-familja tiegħu. Fid-deċiżjoni kkontestata, la Vara u lanqas H‑O. Schümann ma nżammew responsabbli għall-ksur imwettaq minn HOS.

    17

    It-tieni perijodu dam mill-1 ta’ Mejju 1995 sat-30 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ impriża konġunta”). Fl-1 ta’ Mejju 1995, Sasol Ltd xtrat żewġ terzi ta’ HOS. Wara riorganizzazzjoni, HOS saret Schümann Sasol u baqgħet il-kumpannija direttament responsabbli għall-ksur. Schümann Sasol kienet sussidjarja 99.9 % ta’ Schümann Sasol International AG, li terz tal-kapital tagħha baqa’ miżmum minn Vara u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-familja Schümann. Żewġ terzi tal-kapital ta’ Schümann Sasol International kienu miżmuma minn Sasol Holding in Germany, li min-naħa tagħha kienet sussidjarja 100 % ta’ Sasol Ltd. Fir-rigward ta’ dan il-perijodu, il-Kummissjoni żammet responsabbli in solidum lil Sasol Wax (inkwantu suċċessura fid-dritt ta’ Schümann Sasol), lil Sasol Wax International (inkwantu suċċessura fid-dritt ta’ Schümann Sasol International, kumpannija parent ta’ Schümann Sasol), lil Sasol Holding in Germany (inkwantu kumpannija parent li għandha żewġ terzi tal-kapital ta’ Schümann Sasol International) u lil Sasol Ltd (inkwantu kumpannija parent ta’ Sasol Holding in Germany) (premessi 451 u 478 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, hija qieset li dawn l-aħħar tlieta kienu eżerċitaw influwenza determinanti fuq Schümann Sasol (premessa 453 tad-deċiżjoni kkontestata). La Vara, detentriċi ta’ terz tal-kapital ta’ Schümann Sasol International, u lanqas il-familja Schümann, proprjetarja ta’ Vara, ma nżammew responsabbli għall-ksur imwettaq minn Schümann Sasol, li dak iż-żmien kienet miżmuma minn Schümann Sasol International (iktar ’il quddiem “Schümann Sasol International” jew l-“impriża konġunta”), il-kumpannija miżmuma konġuntament minn Vara u mill-grupp Sasol.

    18

    It-tielet perijodu dam mill-1 ta’ Lulju 2002 sat-28 ta’ April 2005, li hija d-data ta’ meta ntemm il-ksur (iktar ’il quddiem il-“perijodu Sasol”). Fit-30 ta’ Ġunju 2002, il-grupp Sasol xtara t-terz li kien għad fadal mill-kapital ta’ Schümann Sasol International, li sa dak iż-żmien kien miżmum minn Vara. Schümann Sasol, li isimha nbidel għal Sasol Wax, baqgħet is-sussidjarja ta’ Schümann Sasol International, li min-naħa tagħha isimha nbidel għal Sasol Wax International. Il-kapital kollu ta’ Sasol Wax International issa kien miżmum minn Sasol Holding in Germany u, fl-aħħar mill-aħħar, minn Sasol Ltd. Fir-rigward ta’ dan il-perijodu, il-Kummissjoni żammet lill-erba’ rikorrenti responsabbli flimkien u in solidum għall-ksur imwettaq minn Sasol Wax, peress li qieset li l-ewwel tliet rikorrenti kienu eżerċitaw influwenza determinanti fuq Sasol Wax (premessi 451 u 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    19

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw din l-azzjoni.

    20

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal ċerti domandi u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu mogħti.

    21

    Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2013.

    22

    Fid-dawl tar-rabtiet fattwali mal-Kawżi T‑540/08, Esso et vs Il‑Kummissjoni, T‑543/08, RWE u RWE Dea vs Il‑Kummissjoni, T‑544/08, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni, T‑548/08, Total vs Il‑Kummissjoni, T‑550/08, Tudapetrol vs Il‑Kummissjoni, T‑551/08, H&R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni, T‑558/08, ENI vs Il‑Kummissjoni, T‑562/08, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, u T‑566/08, Total Raffinage Marketing vs Il‑Kummissjoni, u fid-dawl tal-prossimità u tad-diffikultà tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti s-sentenza f’dawn il-kawżi relatati biss wara l-aħħar seduta, jiġifieri fit-3 ta’ Lulju 2013, miżmuma fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    23

    Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernahom;

    sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata jew tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tagħha;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    24

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors kollu kemm hu, inklużi t-talbiet sussidjarji;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    25

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil Sasol Ltd, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Wax International tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Schümann Sasol matul il-perijodu tal-impriża konġunta. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil Sasol Ltd, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Wax International tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Sasol Wax matul il-perijodu Sasol. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Kummissjoni ma żammitx lil Vara responsabbli in solidum għall-perijodu Schümann u għall-perijodu ta’ impriża konġunta. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tar-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-limitu mingħajr differenzjazzjoni tal-ammont tal-multa fir-rigward tad-diversi perijodi tal-ksur. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-ommissjoni illegali li Sasol tingħata immunità totali f’dak li jirrigwarda ċerti partijiet tal-multa.

    1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil Sasol Ltd, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Wax International tar-responsabbiltà għall-ksur f’dak li jikkonċerna l-perijodu tal-impriża konġunta

    26

    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddeċidiet li Sasol Ltd, permezz ta’ Sasol Holding in Germany, is-sussidjarja tagħha miżmuma 100 % minnha, kienet teżerċita, waħedha, influwenza determinanti fuq Schümann Sasol International u li għalhekk hija kienet żbaljata meta imputat lil Sasol Ltd, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Wax International ir-responsabbiltà relatata mal-perijodu ta’ impriża konġunta. Ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn Schümann Sasol u l-imsemmija kumpanniji, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma jsostnux tali deċiżjoni.

    27

    Ir-rikorrenti jqisu, prinċipalment, li Vara, il-kumpannija parent l-oħra, kienet l-unika waħda li eżerċitat influwenza determinanti fuq Schümann Sasol International matul il-perijodu ta’ impriża konġunta. Sussidjarjament huma jikkunsidraw li din l-influwenza determinanti kienet eżerċitata b’mod konġunt miż-żewġ kumpanniji parent.

    28

    Il-Kummissjoni tirrispondi li Sasol tabilħaqq ġiet issanzjonata fid-dawl tar-responsabbiltà tagħha stess u skont il-linji gwida tal-2006. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata timmotiva l-fatt li ma adottatx deċiżjoni ta’ ksur fir-rigward ta’ terzi u li impriża ma tistax tikkontesta sanzjoni imposta fuqha minħabba li impriża oħra ma ġietx suġġetta għal multa.

    Osservazzjonijiet preliminari

    29

    Fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha jew ta’ impriża konġunta miżmuma minnha, hemm lok li jitfakkar li l-fatt li sussidjarja jew impriża konġunta għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jkun imputat lill-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 132).

    30

    Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jinkludi l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 54, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, T-141/07, T-142/07, T-145/07 u T-146/07, Ġabra p. II-4977, punt 53).

    31

    Il-qorti tal-Unjoni speċifikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il‑Kummissjoni, T-234/95, Ġabra p. II-2603, punt 124). Hija b’hekk enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji jew iktar li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jifformawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li tadotta aġir uniku fis-suq (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 140; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T-325/01, Ġabra p. II-3319, punt 85, u General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 54).

    32

    Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 56, u sentenza General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 55

    33

    L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent, minħabba l-appartenenza tagħhom fl-istess impriża, meta din is-sussidjarja ma tiddefinixxix b’mod indipendenti l-aġir tagħha fis-suq, għaliex din tinsab taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent f’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 58, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 527).

    34

    L-aġir fis-suq tas-sussidjarja huwa taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent b’mod partikolari fil-każ fejn is-sussidjarja essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent f’dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 133, 137 u 138; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 27).

    35

    L-aġir fis-suq tas-sussidjarja huwa, bħala prinċipju, ukoll taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent meta hija jkollha biss is-setgħa li tiddefinixxi jew tapprova ċerti deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi, jekk ikun neċessarju permezz tar-rappreżentanti tagħha fil-korpi tas-sussidjarja, filwaqt li s-setgħa ta’ definizzjoni tal-politika kummerċjali strictu sensu tas-sussidjarja hija ddelegata lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija inkarigati mill-ġestjoni operattiva tagħha, magħżula mill-kumpannija parent u li jirrappreżentaw u jippromwovu l-interessi kummerċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, T-25/06, Ġabra p. II-5741, punti 138 u 139, ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2012, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑593/11 P u C‑654/11 P, punt 30).

    36

    Meta l-uniformità tal-aġir fis-suq tas-sussidjarja u tal-kumpannija parent tagħha hija żgurata, b’mod partikolari fil-każijiet deskritti fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq, jew permezz ta’ rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi oħra li jgħaqqdu lill-kumpanniji inkwistjoni, dawn jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq. Il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 59).

    37

    Il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 29 sa 36 iktar ’il fuq tapplika wkoll għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil kumpannija parent waħda jew iktar għal ksur imwettaq mill-impriża konġunta tagħhom (sentenza General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 52 sa 56

    38

    Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-regoli li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti u l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni minħabba l-aġir ta’ Schümann Sasol u tal-kumpannija parent tagħha Schümann Sasol International, miżmuma, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, b’żewġ terzi minn Sasol Holding in Germany u b’terz minn Vara.

    Id-deċiżjoni kkontestata

    39

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti intiż li juri li, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, Schümann Sasol International kienet effettivament ikkontrollata minn Vara. Hija essenzjalment ibbażat din id-deċiżjoni fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    “[…]

    (471)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li Sasol, permezz tas-sussidjarja 100 % tagħha Sasol Holding in Germany GmbH, kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Schümann Sasol International.

    (472)

    Kif tispjega Sasol, [il-bord tad-diretturi], responsabbli mill-attivitajiet ta’ kuljum, kien kompost minn rappreżentant ta’ Sasol, minn rappreżentant ta’ Vara u minn president. Skont ir-regoli tal-[bord tad-diretturi], dan tal-aħħar jiddeċiedi, sa fejn possibbli, unanimament jew inkella b’maġġoranza sempliċi. Fil-każ li l-voti jkunu ndaqs, il-president tal-[bord tad-diretturi] għandu vot deċiżiv. Sasol tallega li l-president kien, għall-parti l-kbira tal-perijodu ta’ impriża konġunta, rappreżentant ta’ Vara. Wara riċerki iktar fil-fond, il-Kummissjoni tikkuntesta l-allegazzjonijiet ta’ Sasol fuq dan il-punt. It-titolu ta’ president tal-persuna inkwistjoni iktar kien dovut għall-għarfien tiegħu tal-attività u għall-fatt li anki Sasol xtaqitu jippresiedi l-[bord tad-diretturi] tal-impriża konġunta. Kien importanti għal Sasol, inkwantu azzjonista maġġoritarja, li fuq il-[bord tad-diretturi] jkollha persuna li diġa kienet taf l-attivitajiet preċedenti ta’ HOS. Il-persuna inkwistjoni kienet ħadmet f’isem il-predeċessur Ġermaniż ta’ Schümann Sasol International u konsegwentement kienet taf perfettament il-funzjonament tal-kumpannija, li sussegwentement ġiet assorbita minn Sasol. Barra minn hekk, fiż-żmien meta l-persuna inkwistjoni saret president (fit-2 ta’ Mejju 1995), hija ma kinitx impjegata minn Vara. Fil-fatt, din il-persuna ma kinitx impjegata minn Vara qabel l-1997. Hija kienet president tal-impriża konġunta mit-2 ta’ Mejju 1995 sat-30 ta’ Ġunju 2001, id-data ta’ meta ġiet issostitwita minn [D. S. R.], ta’ Sasol.

    (473)

    Il-bord ta’ sorveljanza tal-impriża konġunta kien kompost minn sitt membri, erba’ rappreżentanti ta’ Sasol u tnejn ta’ Vara. Kif spjegat Sasol, il-ftehim bejn l-azzjonisti dwar id-drittijiet ta’ votazzjoni konkluż bejn Sasol u Vara kien jipprevedi li Sasol u Vara kellhom jadottaw id-deċiżjonijiet unanimanent, peress li kull waħda minnhom kellha vot, u għalhekk il-maġġoranza ta’ Sasol fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza kienet imneħħija. Fl-assenza ta’ qbil, il-proposta kienet titqies miċħuda. Madankollu, il-ftehim bejn l-azzjonisti dwar id-drittijiet ta’ votazzjoni kien jistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 3 tiegħu dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-bord ta’ sorveljanza, li l-Artikolu 1 tal-ftehim kien applikabbli mutatis mutandis. L-Artikolu 1.5 tal-ftehim jipprevedi li jekk ma tistax tinkiseb deċiżjoni unanima dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-punti a) sa d) tal-imsemmi artikolu, il-proposta ta’ Sasol, sakemm din ikollha iktar minn 50 % tal-kapital tal-kumpannija, tieħu l-preċedenza u li Vara għandha tivvota skont id-deċiżjoni ta’ Sasol. Il-kwistjonijiet li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 1.5 (a) sa (d) huma s-segwenti: l-istabbiliment tal-kontijiet annwali, il-ħatra ta’ awdituri, il-ħatra ta’ awdituri speċjali u l-approvazzjoni tal-investimenti [f’kapital mill-kumpannija] jew minn xi waħda mas-sussidjarji tagħha.

    (474)

    [F’dak li jirrigwarda l-assemblea ġenerali] Sasol tispjega li Vara kellha minorità li tista’ timblokka, peress li r-riżoluzzjonijiet kienu jeħtieġu maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-voti mitfugħa u peress li Vara kellha terz tal-voti. Barra minn hekk, skont Sasol, il-ftehim bejn l-azzjonisti dwar id-drittijiet ta’ votazzjoni kien jipprovdi li Sasol u Vara jimpenjaw ruħhom li jadottaw b’mod konġunt kull deċiżjoni ta’ azzjonarjat u li jivvotaw b’mod unanimu fiċ-ċirkustanzi kollha, peress li kull waħda minnhom għandha vot, u li jekk ma tistax tintlaħaq l-unanimità, la Sasol u lanqas Vara ma kellhom jaġixxu, u għalhekk Vara ma setgħetx titpoġġa f’minoranza. Madankollu, kif spjegat iktar ’il fuq, il-ftehim bejn l-azzjonisti dwar id-drittijiet ta’ votazzjoni jipprovdi, fl-Artikolu 1.5, li japplika għall-assemblea [ġenerali], lista ta’ ċerti suġġetti li fir-rigward tagħhom kellhom jieħdu preċedenza x-xewqat ta’ Sasol [ara l-premessa 473].

    (475)

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni deskritta fil-premessi (472)-(474) u, b’mod partikolari, tal-fakultà ta’ Sasol li timponi r-rieda tagħha fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet strateġiċi importanti fil-każ fejn ma jintlaħaqx ftehim unanimu, kif elenkati fl-Artikolu 1.5 tal-ftehim bejn l-azzjonisti dwar id-drittijiet ta’ votazzjoni (pereżempju, l-approvazzjoni tal-investimenti f’kapital), Sasol għandha titqies li kienet de facto kkontrollat lill-impriża konġunta. Il-fatt li, kif tallega Sasol, id-diretturi ta’ [Schümann Sasol] kienu preċedentement ħadmu fi ħdan HOS ma jikkonfutax din il-konklużjoni, peress li l-awtorizzazzjoni tal-bord ta’ sorveljanza kienet meħtieġa għal tali deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ fir-rigward ta’ pożizzjonijiet għolja ta’ tmexxija (Artikolu 2(2)(c) tar-regoli tal-bord tad-diretturi), u peress li Sasol kienet, għalhekk, f’pożizzjoni li topponi dawn id-deċiżjonijiet.

    […]

    (481)

    Għar-raġunijiet żviluppati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma żżommx biss lill-kumpannija direttament involuta, [Schümann Sasol], iżda anki lill-kumpanniji parent tagħha Sasol International AG, Sasol Ltd u Sasol Holding in Germany GmbH bħala responsabbli matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, sa fejn il-kontroll ta’ Sasol fuq l-impriża konġunta ġie stabbilit […] Kif huwa stabbilit fil-premessi (329)-(333), diversi kumpanniji appartenenti għall-istes grupp jiffurmaw unità ekonomika waħda u, konsegwentement, impriża fis-sens tal-Artikolu 81 [KE], jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeċidux b’mod awtonomu dwar l-aġir tagħhom fis-suq. Fil-każ ta’ impriża konġunta, jista’ jiġi konkluż li l-impriża konġunta u l-kumpanniji parent jiffurmaw unità ekonomika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] jekk l-impriża konġunta ma ddeċidietx b’mod awtonomu dwar l-aġir tagħha fis-suq. Jekk l-impriża konġunta għandiex jew le titqies li hija impriża konġunta li topera b’mod sħiħ [huwa irrelevanti] f’dan il-kuntest, [peress li] l-provi fattwali juru l-eżerċiżżju ta’ influwenza determinanti. Il-fatt li l-kumpanniji parent ta’ impriża konġunta jkunu jistgħu jinżammu responsabbli huwa konformi mal-prassi tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni speċifika, skont il-prinċipji legali ġenerali spjegati fil-premessa (340) u ddefiniti mill-qrati Komunitarji. Il-fatt li f’ċirkustanzi oħra d-deċiżjoni ma ġietx indirizzata lill-kumpanniji parent ta’ impriża konġunta ma jfissirx, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li Sasol International AG, Sasol Ltd u Sasol Holding in Germany GmbH, inkwantu kumpanniji parent appartenenti għall-grupp Sasol, ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-attivitajiet tas-sussidjarja tagħhom, peress li l-Kummissjoni effettivament għandha marġni ta’ diskreżżjoni dwar id-deċiżjoni tagħha li timputa r-responsabbiltà għal ksur lil ċerti entitajiet ta’ impriża u tagħmel l-evalwazzjonijiet tagħha każ b’każ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Fuq id-differenza bejn il-kunċett ta ’ kontroll u dak tal-eżerċizzju effettiv ta ’ influwenza determinanti, kif applikata fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE

    40

    Preliminarjament, għandu jiġi indikat li, matul l-eżami tal-imputabbiltà tal-ksur imwettaq minn Schümann Sasol, sussidjarja tal-impriża konġunta, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni espliċita bejn il-kunċetti ta’ “kontroll” u “setgħa ta’ kontroll”, minn naħa, u ta’ “unità ekonomika” u ta’ “eżerċiżżju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali”, min-naħa l-oħra.

    41

    Ir-rikorrenti jsostnu li dan l-approċċ ma huwiex korrett peress li l-kunċett ta’ kontroll ma jimplikax eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

    42

    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40-61), “[k]ontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża”.

    43

    Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax, sabiex timputa l-aġir antikompetittiv ta’ kumpannija lil oħra skont l-Artikolu 81 KE, tibbaża ruħha fuq is-sempliċi kapaċità ta’ influwenza determinanti, kif ikkunsidrata fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 waqt l-istabbiliment tal-kontroll, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata (sentenza General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 69).

    44

    Għall-kuntrarju, hija għandha, bħala prinċipju, turi tali influwenza determinanti abbażi ta’ numru ta’ fatti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-fatti jinkludu l-kumulu ta’ pożizzjonijiet, mill-istess persuni fiżiċi, fit-tmexxija tal-kumpannija parent u f’dik tas-sussidjarja jew tal-impriża konġunta tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, T-132/07, Ġabra p. II-4091, punt 184; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 119 u 120), jew il-fatt li dawn il-kumpanniji kienu obbligati jsegwu d-direttivi maħruġa mill-bord tad-diretturi uniku tagħhom mingħajr ma setgħu jadottaw aġir indipendenti fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 527)

    45

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq tali dimostrazzjoni diretta tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Sasol Ltd u minn Sasol Holding in Germany fuq Schümann Sasol International

    46

    Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment eżaminat is-setgħa deċiżjonali li Sasol setgħet teżerċita fi ħdan il-korpi tal-impriża konġunta permezz tar-rappreżentanti tagħha. L-analiżi f’dan ir-rigward hija essenzjalment imsejsa fuq eżami astratt tal-modalitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan l-imsemmija korpi, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim bejn l-azzjonisti u tar-regoli tal-bord tad-diretturi, li jirriproduċu l-modalitajiet ta’ votazzjoni previsti fl-istatuti ta’ assoċjazzjoni tal-istruttura konġunta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar l-imputazzjoni lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd. International tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ Schümann Sasol International b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni li tgħid li “il-kontroll ta’ Sasol fuq l-impriża konġunta [ġie] stabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 481 tad-deċiżjoni kkontestata).

    47

    Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonludiet li kien hemm eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Sasol Ltd u Sasol Holding in Germany fuq l-aġir kummerċjali ta’ Schümann Sasol International essenzjalment fuq il-bażi ta’ analiżi astratta tad-dokumenti ffirmati qabel ma bdiet tiffunzjona Schümann Sasol International, l-istess bħal analiżi magħmula skont ir-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet.

    48

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali hija għaldaqstant mitluba teżamina sa fejn tali analiżi astratta u prospettiva, imwettqa fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet fejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tippreċedi l-bidu tal-funzjonament tal-impriża konġunta, tista’ sservi wkoll sabiex tingħata prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta f’deċiżjoni li timputa lill-kumpanniji parent ir-responsabbiltà għal ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq fil-passat minn din l-impriża konġunta.

    49

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, anki jekk is-setgħa jew il-possibbiltà li jiġu ddeterminati d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta taqa’ biss, fiha nnifisha, taħt is-sempliċi kapaċità ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tagħha u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “kontroll” fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni jistgħu jippreżumu li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-istipulazzjonijiet tal-ftehimiet relatati mal-funzjonament ta’ din l-impriża, b’mod partikolari dawk tal-kuntratt li jistabbilixxi l-impriża konġunta u tal-ftehim bejn l-azzjonisti fuq il-voti, ġew implementati u osservati. F’dan il-każ, l-eżami tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta jista’ jikkonsisti f’analiżi astratta tad-dokumenti ffirmati qabel il-bidu tal-funzjonament tagħha, bħall-analiżi li tikkonċerna l-kontroll. B’mod partikolari, meta dawn id-dispożizzjonijiet u dawn l-istipulazzjonijiet jipprevedu li l-voti ta’ kull kumpannija parent kienu neċessarji għall-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni fi ħdan korp tal-impriża konġunta, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, li dawn ir-riżoluzzjonijiet ġew iddeterminati b’mod konġunt mill-kumpanniji parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 137 sa 139; Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 186 sa 193, u General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 112 u 113). Bl-istess mod, meta l-istipulazzjonijiet inkwistjoni jippermettu lil kumpannija parent waħda biss tiddetermina d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-impriża konġunta, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, li l-imsemmija kumpannija parent kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-imsemmija deċiżjonijiet.

    50

    Madankollu, peress li l-eżami dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa retrospettiv u jista’ għaldaqstant ikun ibbażat fuq elementi konkreti, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipproduċu l-prova li d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta ġew iddeterminati skont modalitajiet differenti minn dawk li kienu jirriżultaw mill-eżami astratt biss tal-ftehimiet relatati mal-funzjonament tal-impriża konġunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fuji Electric vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 194 u 195, u General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 115 sa 117). B’mod partikolari, il-Kummissjoni jew il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipproduċu l-prova li, minkejja s-setgħa ta’ kumpannija parent waħda li tadotta d-deċiżjonijiet inkwistjoni permezz tar-rappreżentanti tagħha li għandhom pożizzjonijiet fil-korpi tal-impriża konġunta, dawn ittieħdu, fil-fatt, minn diversi jew mill-kumpanniji parent kollha b’mod unanimu.

    Fuq il-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd tal-ksur imwettaq minn Schümann Sasol International

    51

    Ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw fuq żewġ punti l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd tal-ksur imwettaq minn Schümann Sasol International. Minn naħa, huma jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ma rrikonoxxietx li B. I., president tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International, kien ir-rappreżentant ta’ Vara. Fil-fatt, skonthom, Vara setgħet, permezz tar-rappreżentant tagħha, B. I., tiddetermina waħedha d-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi matul il-parti l-kbira tal-perijodu ta’ impriża konġunta, peress li, skont ir-regoli tal-bord tad-diretturi, il-president kellu vot deċiżiv fil-każ li l-voti tal-membri fi ħdan l-imsemmi bord tad-diretturi jkunu ndaqs. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, skont l-istatuti ta’ assoċjazzjoni tal-impriża konġunta u skont il-ftehim bejn l-azzjonisti, Vara setgħet timblokka l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-assemblea ġenerali u fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza tal-impriża konġunta, b’tali mod li Sasol Holding in Germany ma setgħetx tadotta dawn id-deċiżjonijiet waħedha, permezz tal-vot tar-rappreżentanti tagħha. Fuq din il-bażi, ir-rikorrenti jqisu li Sasol Holding in Germany ma setgħetx teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ Schümann Sasol International.

    52

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-imputazzjoni lil diversi kumpanniji parent tar-responsabbiltà għal ksur imwettaq minn impriża konġunta, il-Kummissjoni tista’ turi l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti billi tistabbilixxi t-tmexxija konġunta tal-impriża konġunta mill-kumpanniji parent tagħha. Fir-rigward tan-natura tat-tmexxija konġunta, fis-sentenza tagħha Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq (punti 136 sa 138), il-Qorti Ġenerali qieset bħala rilevanti l-indizji bbażati fuq il-fatt li l-membri tal-korpi tal-impriża konġunta maħtura minn kull waħda mill-kumpanniji parent, li jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tagħhom, kellhom jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta waqt id-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tal-impriża konġunta u li d-deċiżjonijiet adottati minnhom kellhom neċessarjament jirriflettu konkordanza tar-ridiet ta’ kull waħda mill-kumpanniji parent miżmuma responsabbli mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx biss it-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi fi ħdan l-impriża konġunta, iżda wkoll il-ġestjoni tal-affarijiet ta’ kuljum u indikat li ż-żewġ diretturi maħtura miż-żewġ kumpanniji parent kellhom jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta wkoll f’dan ir-rigward (sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 136 sa 138).

    53

    Madankollu, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma attribwietx ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Schümann Sasol International liż-żewġ kumpanniji parent, iżda biss lil Sasol Holding in Germany u lil kumpannija parent tagħha Sasol Ltd.

    54

    Issa, fil-każ fejn il-Kummissjoni timputa r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn impriża konġunta lil waħda biss mill-kumpanniji parent tagħha, hija għandha turi li l-influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta kienet eżerċitata unilateralment minn din il-kumpannija parent.

    55

    Mid-deċiżjoni kkontestata u mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni tqis li r-rekwiżit deskritt fil-punt 54 iktar ’il fuq kien issodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata hija kkonstatat li “Sasol [Ltd.], permezz tas-sussidjarja 100 % tagħha Sasol Holding in Germany GmbH, kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Schümann Sasol International AG” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara, fil-punt 49 tar-risposta tagħha, li “Sasol [Ltd] (permezz ta’ Sasol Holding) kienet eżerċitat kontroll esklużiv fuq [Schümann Sasol International]” u, fil-punt 67 tal-istess risposta, li “l-ksur ma kellux jiġi imputat lil Vara peress li Sasol kienet l-unika waħda li eżerċitat influwenza determinanti fuq l-impriża konġunta”.

    56

    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkonkludi, abbażi tal-elementi miġbura fid-deċiżjoni kkontestata u minkejja l-argumenti tar-rikorrenti esposti matul il-proċedura amministrattiva f’dak li jirrigwarda l-importanza ta’ Vara fit-tmexxija tal-impriża konġunta, li Sasol eżerċitat unilateralment influwenza determinanti fuq Schümann Sasol International.

    Fuq il-bord tad-diretturi ta ’ Schümann Sasol International

    57

    Ir-rikorrenti josservaw li r-riżoluzzjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International kienu adottati b’maġġoranza sempliċi u li, fil-każ li l-voti jkunu ndaqs, il-vot tal-president tal-bord tad-diretturi kien deċiżiv. Issa, il-president tal-bord tad-diretturi, B. I., kien irrappreżenta l-interessi ta’ Vara.

    58

    Huma essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-provi li hija kellha, sa fejn ikkonkludiet li B. I. ma kienx jirrappreżenta lil Vara, iżda kien jippresjedi l-impriża konġunta fuq talba ta’ Sasol. Il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Vara tal-11 ta’ Ottubru 2007, li fiha B. I. irrisponda f’isem Vara għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni u allegatament iddikjara paradossalment, minkejja li huwa kien ippreżenta ruħu bħala rappreżentant ta’ Vara fir-rigward ta’ kull mistoqsija oħra li l-Kummissjoni jista’ jkollha, li ma kienx irrappreżenta lil Vara matul il-perijodu ta’ impriża konġunta.

    59

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għad-dikjarazzjoni tagħhom tat-18 ta’ April 2008, li tgħid li fil-verità B. I. dejjem aġixxa bħala l-id il-leminija ta’ H‑O. Schümann u kien irrappreżenta lil Vara fl-impriża konġunta ma’ Sasol. Qabel il-perijodu ta’ impriża konġunta, B. I. kien il-persuna fiżika li kienet teżerċita funzjoni dominanti fi ħdan HOS, ikkontrollata minn Vara, li tagħha huwa kien direttur ġenerali sa mill-1987, u kien aġixxa bħala l-persuna ta’ fiduċja ta’ H‑O. Schümann. Barra minn hekk, B. I. kien ukoll eżerċita pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’Vara u f’kumpanniji oħra miżmuma minn H‑O. Schümann matul u wara l-perijodu ta’ impriża konġunta. Ir-rabta stretta ta’ B. I. ma’ Vara u ma’ H‑O. Schümann tirriżulta wkoll mill-avviż ta’ stabbiliment tal-istruttura konġunta tas-6 ta’ Ġunju 1995.

    60

    Ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni kienet taf dwar dawn il-fatti matul il-proċedura amministrattiva, iżda li, madankollu, hija injorathom u mingħajr ebda raġuni ffavorixxiet id-dikjarazzjoni ta’ Vara, magħmula personalment minn B. I., jiġifieri persuna li hija nnifisha kellha parti mill-kapital ta’ Vara bħala soċju akkomandanti.

    61

    Il-Kummissjoni l-ewwel nett tinvoka l-fatt li l-kunċett ta’ influwenza determinanti ma jirrigwardax il-ġestjoni operattiva tal-impriża konġunta, iżda l-linji gwida fundamentali li jikkonċernaw il-politika kummerċjali tagħha. Issa, kif jirriżulta mill-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ Schümann Sasol International, il-bord tad-diretturi kien jaġixxi taħt il-kontroll tal-bord ta’ sorveljanza u l-atti tal-bord tad-diretturi dwar aspetti importanti tal-politika kummerċjali tagħha kienu suġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-bord ta’ sorveljanza.

    62

    Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li B. I. ma kienx irrappreżenta lil Vara, iżda li t-titolu tiegħu kien dovut għall-għarfien li kellu fil-qasam li fih kienet attiva Schümann Sasol u li l-ħatra tiegħu kienet tikkorrispondi mar-rieda ta’ Sasol. Permezz tad-dikjarazzjoni tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2007 Vara informat lill-Kummissjoni li B. I. kien ġie maħtur bħala direttur ta’ Sasol International għaliex Sasol xtaqet tisfrutta l-għarfien fil-fond tiegħu tal-attivitajiet ta’ HOS u għalhekk xtaqet tqiegħdu fuq il-bord tad-diretturi. Skont il-Kummissjoni, din l-informazzjoni hija kredibbli, peress li Sasol kellha interess partikolari li tara li l-impriża konġunta tkun iġġestita tajjeb u peress li xtaqet tiżgura l-kontinwità fil-ġestjoni tagħha billi tafda t-tmexxija ta’ kuljum tagħha lil membru tal-bord tad-diretturi li kellu għarfien dwar is-settur tax-xema’ tal-paraffin u, b’mod partikolari, dwar l-attivitajiet il-qodma ta’ HOS. F’kull każ, fil-punt 10 tal-kontroreplika, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konstatazzjonijiet tagħha, kif esposti fil-premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jimplikaw li B. I. kien irrappreżenta lil Sasol u mhux lil Vara fuq il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International.

    63

    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa utli li qabel kollox teżamina r-rwol li B. I. kellu fil-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International u, sussegwentement, il-kwistjoni iktar ġenerika ta’ jekk Sasol setgħetx tiddetermina unilateralment ir-riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan l-imsemmi bord tad-diretturi.

    Fuq ir-rwol ta’ B. I.

    64

    Għandu jitfakkar li kważi matul il-perijodu ta’ impriża konġunta kollu, B. I. kien il-president tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International.

    65

    Matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ddikjaraw li B. I. kien rappreżentant ta’ Vara, filwaqt li Vara ddikjarat li l-ħatra tiegħu kienet tikkorrispondi għar-rieda ta’ Sasol, b’tali mod li huwa ma kienx jirrappreżentaha.

    66

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-konstatazzjonijiet esposti fil-premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata jirriflettu b’mod preċiż il-kontenut ta’ dikjarazzjoni ta’ Vara tal-11 ta’ Ottubru 2007. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni injorat kemm il-pożizzjoni esposta fid-dikjarazzjoni ta’ Sasol tat-18 ta’ April 2008 li tgħid li B. I. kien jirrappreżenta lil Vara kif ukoll id-dokumenti li jsostnu din id-dikjarazzjoni.

    67

    Fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rwol ta’ B. I., ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ma rrikonoxxietx li huwa kien jirrappreżenta lil-Vara fuq il-bord tad-diretturi.

    68

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li B. I. kellu pożizzjonijiet importanti fil-kumpanniji miżmuma minn H‑O. Schümann u mill-grupp Vara qabel, matul u wara l-perijodu ta’ impriża konġunta.

    69

    Għandu jitfakkar li fid-29 ta’ Novembru 1996 B. I. sar soċju akkomandanti ta’ Vara, waħda mill-kumpanniji parent diretti ta’ Schümann Sasol International. Din il-kwalità kienet timplika li huwa kellu parti mill-kapital ta’ Vara, fejn il-proprjetarji l-oħra ta’ Vara kienu l-membri tal-familja Schümann. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li ż-żamma ta’ parti mill-kapital azzjonarju tikkostitwixxi ċirkustanza li tista’ turi li B. I. seta’ jidentifika ruħu mal-interessi kummerċjali speċifiċi ta’ Vara.

    70

    Bl-istess mod, għal mill-inqas parti mill-perijodu ta’ impriża konġunta u b’mod parallel mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala president tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International, B. I. kien direttur ġenerali ta’ Vara.

    71

    Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kumulu ta’ pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’waħda mill-kumpanniji parent u fl-impriża konġunta ta’ dawn tal-aħħar jikkostitwixxi indizju importanti tal-fatt li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta, permezz tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali li għandu tali membru tal-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 199).

    72

    Barra minn dan, mill-15 ta’ Ġunju 1995 B. I. kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ Vara Beteiligungsgesellschaft mbH. Skont waħda mill-provi prodotti mir-rikorrenti, huwa kien għadu jokkupa din il-pożizzjoni fl-2011, flimkien ma H‑O. Schümann. Barra minn hekk, huwa kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ Beteiligungsgesellschaft Hans-Otto Schümann mbH mill-4 ta’ April 1989 sad-data tax-xoljiment ta’ din il-kumpannija, fit-13 ta’ Settembru 1996. Anki din il-kumpannija hija marbuta ma’ H‑O. Schümann, fundatur u proprjetarju prinċipali ta’ Vara.

    73

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fl-1 ta’ Lulju 2001, meta D. S. R. issostitwixxa lil B. I. bħala president tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International, dan sar wieħed mis-sitt membri tal-bord ta’ sorveljanza tal-imsemmija kumpannija. Billi għamel dan, B. I. issostitwixxa lil E. B. R, li skont il-Kummissjoni wkoll kien rappreżentant ta’ Vara (risposta, punt 27), filwaqt li mill-bqija l-kompożizzjoni tal-bord ta’ sorveljanza ma nbidlitx. Dan jindika li B. I. kien jirrappreżenta lil Vara fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza. Barra minn hekk, dan l-element huwa suffiċjenti, waħdu, sabiex tiġi miċħuda t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li B. I. kien jirrappreżenta lil Sasol fi ħdan il-bord tad-diretturi, peress li huwa inkonċepibbli li, f’tali każ, immedjatament wara t-tmiem tal-mandat tiegħu, huwa setgħa jibda jirrappreżenta lil Vara fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza.

    74

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li fl-ittra tat-2 ta’ Frar 1995 indirizzata lill-impjegati kollha ta’ HOS, H‑O. Schümann u B. I. informaw lill-imsemmija impjegati bin-negozjati li huma kien qed ikollhom ma’ Sasol. Fiha huma jindikaw: “[F]il-futur aħna nkunu nistgħu neżerċitaw l-influenza tagħna fuq [il-bord tad-diretturi l-ġdid tal-impriża konġunta] l-istess bħalma konna ngħamlu fil-passat”.

    75

    Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva r-rikorrenti pproduċew provi li jistgħu juru li B. I. kellu rabtiet stretti mal-grupp Vara u ma’ H‑O. Schümann, li huwa seta’ jidentifika ruħu mal-interessi kummerċjali speċifiċi ta’ Vara, b’mod partikolari minħabba l-kwalità tiegħu ta’ soċju akkomandanti, u li Vara setgħet teżerċita influwenza kunsiderevoli fuq id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta minħabba l-kumulu tal-pożizzjonijiet minn B. I., fatt li seta jikkawża li l-politika kummerċjali ta’ Schümann Sasol International tkun tirrifletti dik ta’ Vara.

    76

    Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta fl-analiżi tagħha ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-provi rilevanti kollha u enfasizzat biss, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ħatra ta’ B. I. kienet tirrifletti r-rieda ta’ Sasol. Tali preżentazzjoni tagħti immaġni distorta taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ u ma tosservax il-kriterju li jgħid li r-responsabbiltà għal ksur tal-Artikolu 81 KE għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ provi preċiżi u konkordanti, u li jgħid li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod imparzjali, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha prodotti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punti 59 sa 63; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C-450/98 P, Ġabra p. I-3947, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    77

    L-argumenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

    78

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-fatt li Sasol tat il-kunsens tagħha għall-ħatra ta’ B. I. bħala president tal-bord tad-diretturi.

    79

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ Schümann Sasol International u skont il-ftehim bejn l-azzjonisti, il-membri kollha tal-bord tad-diretturi u l-president tiegħu kellhom jinħatru mill-bord ta’ sorveljanza, b’vot unanimu mir-rappreżentanti ta’ Vara u ta’ Sasol. Għalhekk, minn naħa, il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi kellha tirrifletti qbil bejn iż-żewġ kumpanniji parent, jiġifieri r-rieda ta’ kull waħda minnhom. Min-naħa l-oħra, Vara kellha wkoll tagħti l-kunsens tagħha għall-ħatra tal-membri, innominati minn Sasol, li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala r-rappreżentanti ta’ din tal-aħħar.

    80

    Konsegwentement, il-fatt li Sasol tat il-kunsens tagħha għall-ħatra ta’ B. I. bħala president tal-bord tad-diretturi la jippermetti li jiġi kkonstatat li huwa rrappreżenta l-interessi kummerċjali ta’ Sasol, lil hinn minn dak li huwa meħtieġ fil-kuntest ta’ ġestjoni leali ta’ impriża konġunta miżmuma minn żewġ kumpanniji parent, u lanqas li jiġu kkonfutati l-provi prodotti mir-rikorrenti li juru li Vara kienet teżerċita influwenza fi ħdan il-bord tad-diretturi permezz tas-setgħa deċiżjonali ta’ B. I.

    81

    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-unika prova konkreta li fuqha l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li B. I. ma rrappreżentax lil Vara, iżda li l-ħatra tiegħu kienet tirrifletti r-rieda ta’ Sasol, hija d-dikjarazzjoni ta’ Vara tal-11 ta’ Ottubru 2007, imsemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq.

    82

    Skont il-Kummissjoni, din id-dikjarazzjoni hija partikolarment affidabbli, peress li din intbagħtet b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, Vara kellha interess primordjali li tippreżenta s-sitwazzjoni b’mod korrett, peress li dikjarazzjoni falza setgħet tiġi ssanzjonata b’multa proċedurali, kif previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

    83

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ewwel paġna tar-risposta tal-11 ta’ Ottubru 2007 għat-talba għall-informazzjoni, li tinkludi d-dikjarazzjoni inkwistjoni, tindika li l-persuna responsabbli għat-tweġibiet kien, fl-ewwel lok, B. I. Huwa wkoll paċifiku, kif josservaw ir-rikorrenti, li, f’dak il-mument B. I. kien għadu soċju akkomandanti ta’ Vara.

    84

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ddefinietx, la fit-talba tagħha għall-informazzjoni indirizzata lil Vara u, barra minn hekk, lanqas fid-deċiżjoni kkontestata, dak li hija kienet tifhem bil-kelma “rappreżentazzjoni”. Għalhekk, peress li B. I. ma kienx formalment ingħata mandat sabiex jirrappreżenta lil Vara fuq il-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta, Vara setgħet tiddikjara, fid-dikjarazzjoni tagħha, l-assenza ta’ rappreżentazzjoni mingħajr ir-riskju li teħel multa proċedurali.

    85

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-eżami tar-rabtiet organizzattivi bejn l-impriża konġunta u l-kumpannija parent mhux neċessarjament jirrigwarda l-kwistjoni tar-rappreżentazzjoni tal-kumpannija parent li tirriżulta minn mandat formali mogħti minn din tal-aħħar lill-membru tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-impriża konġunta. Iktar huwa rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni, f’sens wiesa’, tal-interessi kummerċjali tal-kumpannija parent (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) u l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-korpi tal-impriża konġunta sabiex il-politika kummerċjali tal-imsemmija impriża tkun tirrifletti dik tal-kumpannija parent, li tagħha huma xhieda, b’mod partikolari, kemm il-kumulu ta’ pożizzjonijiet fit-tmexxija tal-kumpannija parent u tal-impriża konġunta, kif ukoll iż-żamma ta’ parti mill-kapital tal-kumpannija parent minn membru tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-impriża konġunta (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

    86

    Minn din il-perspettiva, għandu jingħad ukoll li l-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-interessi kummerċjali ta’ kumpannija parent fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ impriża konġunta ma huwiex sempliċi fatt li n-negazzjoni tiegħu tista’ raġonevolment twassal għal multa proċedurali, bla ħsara għall-każijiet fejn ikun hemm żnaturament tal-fatti. Bil-kontra ta’ dan, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha twettaq billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod imparzjali, il-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti li ġew prodotti quddiemha mill-kumpanniji parent li ta’ spiss ikollhom interessi kunfliġġenti li jwassluhom jenfasizzaw wieħed jew ieħor mill-elementi rilevanti. Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni la imponiet multa proċedurali fuq Sasol u lanqas fuq Vara, anki jekk fuq dan il-punt huma għamlu dikjarazzjonijiet bil-miktub li huma kompletament opposti.

    87

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni waqt l-eżami tar-rwol ta’ B. I. (ara l-punt 76 iktar ’il fuq) jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-influwenza eżerċitata minn Sasol fuq il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International.

    Fuq id-determinazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International

    88

    Ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba r-rwol dominanti tal-membri tal-bord tad-diretturi li jirrappreżentaw lil Vara, b’mod partikolari dak ta’ B. I., Sasol Ltd u Sasol Holding in Germany ma setgħux jiddeterminaw id-deċiżjonijiet tal-imsemmi bord tad-diretturi.

    89

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fl-avviż tiegħu tas-6 ta’ Ġunju 1995 lill-kollaboraturi ta’ Schümann Sasol AG (li saret Schümann Sasol International), B. I. iddeskriva r-rwoli tal-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta. Huwa ppreċiża li “huwa [kien ser] jibqa’ responsabbli, minbarra għall-koordinazzjoni tax-xogħol tal-bord tad-diretturi, għall-marketing, għall-bejgħ u għax-xiri u għall-kontroll tas-sussidjarji”, filwaqt li D. S. R. (ta’ Sasol) kellu jżomm il-pożizzjoni tiegħu fl-Afrika t’Isfel u kellu jieħu ħsieb il-produzzjoni u l-aspetti tekniċi, B. I. indika wkoll li tielet membru kellu jissejjaħ f’Hamburg (il-Ġermanja).

    90

    Għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-kompetenzi deċiżjonali ta’ B. I. huma indizju tar-rwol ċentrali tiegħu fuq il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International.

    91

    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tat-2 ta’ Frar 1995 indirizzata lill-impjegati kollha ta’ HOS, H‑O. Schümann u B. I. indikaw li ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw il-bord tad-diretturi l-ġdid tal-impriża konġunta, l-istess bħalma kienu jagħmlu fil-passat, meta Vara kienet l-unika azzjonista ta’ HOS (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

    92

    Minn din l-ittra jirriżulta wkoll li, skont l-aspettattivi ta’ B. I. u ta’ H‑O. Schümann, dan tal-aħħar u Vara seta’ jkollhom, permezz ta’ B. I., rwol ċentrali fit-tmexxija ta’ Schümann Sasol International.

    93

    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma semmiet ebda element li jista’ juri li, minkejja l-kompetenzi deċiżjonali ta’ B. I. u l-vot deċiżiv tiegħu fil-każ ta’ ugwaljanza ta’ voti li jirriżulta mill-pożizzjoni tiegħu ta’ president, Sasol setgħet unilateralment tiddefinixxi d-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi, fil-każ fejn jiġri li, fil-verità B. I. kien jirrappreżenta lil Vara u lil H‑O. Schümann fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International.

    94

    Ir-raba’ nett, tali kapaċità ta’ Sasol li tiddetermina b’mod deċiżiv id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi lanqas ma tirriżulta mill-elementi dwar id-diversi kompożizzjonijiet tal-bord tad-diretturi li ġew ippreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

    95

    Bejn it-2 ta’ Mejju u l-31 ta’ Ottubru 1995, il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International kien kompost minn B. I. u minn D. S. R., rappreżentant ta’ Sasol. Kif ġustament josservaw ir-rikorrenti, B. I. seta’ jimponi d-deċiżjonijiet tiegħu stess fuq il-bord tad-diretturi minħabba l-vot deċiżiv tiegħu.

    96

    Matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Novembru 1995 u t-30 ta’ Ġunju 2001, il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International kien kompost mill-president, jiġifieri B. I., minn D. S. R. u minn H. G. B. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li dan tal-aħħar kien ir-rappreżentant ta’ Vara, filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li dan kien ir-rappreżentant ta’ Sasol.

    97

    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni ta’ jekk H. G. B. kienx, fil-fatt, irrappreżenta l-interessi kummerċjali ta’ waħda jew ta’ oħra mill-kumpannija parent. Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet li juru li H. G. B. kien jirrappreżenta l-interessi ta’ Vara (ara l-punt 99 iktar ’il quddiem). Għalhekk, lanqas din il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ma tippermetti li jiġi konkluż li Sasol iddeterminat unilateralment id-deċiżjonijiet tal-imsemmi bord.

    98

    Bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u s-16 ta’ Mejju 2002, D. S. R. (ta’ Sasol) kien president tal-bord tad-diretturi, fejn il-membru l-ieħor kien H. G. B.

    99

    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li din il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi hija prova tal-fatt li H. G. B. kien ir-rappreżentant ta’ Vara. Fil-fatt, ma huwiex raġonevoli li jiġi preżunt li Vara, li kellha terz tal-kapital ta’ Schümann Sasol International, kienet tat il-kunsens tagħha sabiex il-bord tad-diretturi jkun kompost biss minn rappreżentanti ta’ Sasol.

    100

    Ir-rikorrenti jsostnu li, matul dan il-perijodu, ir-riżoluzzjonijiet kollha tal-bord tad-diretturi ttieħdu bl-unanimità.

    101

    Għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda analiżi fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni. Peress li r-responsabbiltà kollha għall-ksur imwettaq mill-impriża konġunta ġiet imputata fuq Sasol waħedha, il-Kummissjoni kellha turi li Sasol kienet, unilateralment, eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Schümann Sasol International (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

    102

    Madankollu, għandu jitfakkar (ara l-punt 52 iktar ’il fuq) li t-teħid ta’ riżoluzzjonijiet bl-unanimità fi ħdan il-bord tad-diretturi huwa xhieda ta’ kollaborazzjoni stretta bejn ir-rappreżentanti tal-kumpanniji parent u, għalhekk, ta’ tmexxija konġunta tal-impriża konġunta, u dan huwa indikazzjoni tal-eżerċizzju konġunt ta’ influwenza determinanti u mhux tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn waħda biss mill-kumpanniji parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 137 u 138, u Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 194).

    103

    Għalhekk, din il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi lanqas ma tista’ sservi bħala bażi għall-konklużjoni li tgħid li Sasol kienet iddefinixxiet unilateralment id-deċiżjonijiet ta’ Schümann Sasol International.

    104

    Fl-aħħar nett, bejn is-17 ta’ Mejju u l-24 ta’ Settembru 2002, il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International kien kompost minn D. S. R., minn H. G. B. u minn C. D. I.

    105

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-aħħar żewġ membri tal-bord tad-diretturi msemmija iktar ’il fuq kienu r-rappreżentanti ta’ Vara, b’tali mod li huma setgħu jqiegħdu lil D. S. R., minkejja li kien il-president, f’minoranza.

    106

    Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda eżami dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn waħda jew oħra mill-kumpanniji parent permezz ta’ H. G. B. u ta’ C. D. I., saħansitra din lanqas ma tinkludi l-preżentazzjoni ġenerali ta’ din il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi. Barra minn hekk, jeżistu indikazzjonijiet li juru li H. G. B. kien jirrappreżenta l-interessi ta’ Vara (ara l-punt 99 iktar ’il fuq). Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li matul il-perijodu inkwistjoni, Sasol setgħet unilateralment tiddefinixxi, permezz tar-rappreżentanti tagħha fuq il-bord tad-diretturi, id-deċiżjonijiet ta’ dan il-bord.

    107

    Fid-dawl tal-eżami magħmul iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma wrietx li, fid-dawl tas-setgħa deċiżjonali ta’ B. I. u tal-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi li setgħu jiġu assoċjati ma’ Vara, Sasol kienet, fil-fatt, ddefinixxiet unilateralment il-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International permezz tal-membri li kienu jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tagħha u li kienu attenti sabiex l-aġir ta’ Schümann Sasol International ikun jirrifletti dak ta’ Sasol. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tinkludi provi diretti (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) li jistgħu juru tali influwenza determinanti min-naħa ta’ Sasol.

    Fuq ir-rilevanza tal-ġestjoni operattiva

    108

    Il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li l-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International kien inkarigat mill-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ kuljum ta’ din il-kumpannija. Issa, skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (T-112/05, Ġabra p. II-5049, punti 63 sa 65, 82 u 83), il-ġestjoni operattiva ta’ sussidjarja hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn sussidjarja u l-kumpannija parent tagħha, peress li l-kontroll eżerċitat fuq il-politika kummerċjali stricto sensu ma huwiex rekwiżit neċessarju sabiex jiġi kkunsidrat li kumpannija parent tifforma impriża ma’ sussidjarja. Bil-kontra ta’ dan, huwa suffiċjenti li l-kumpannija parent ikollha rwol sinjifikattiv fil-kwistjonijiet li jiddefinixxu l-politika kummerċjali tas-sussidjarja.

    109

    Għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni tikkonċerna sitwazzjoni fattwali fejn il-kumpannija parent kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja.

    110

    Huwa veru li l-kwistjoni tat-tmexxija operattiva tista’ tkun irrilevanti fil-każ ta’ sussidjarja miżmuma 100 % minn kumpannija parent waħda, peress li d-dimostrazzjoni tal-awtonomija operattiva tas-sussidjarja ma tistax fiha nnifisha tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 iktar ’il quddiem)

    111

    Madankollu, fil-każ ta’ azzjonist wieħed, id-deċiżjonijiet kollha — inklużi dawk relatati mat-tmexxija operattiva tas-sussidjarja — huma meħuda minn ġestjonarji li huma maħtura u nnominati jew direttament jew indirettament (mill-korpi li l-membri tagħhom inħatru mill-kumpannija parent) mill-unika kumpannija parent. Bl-istess mod, fl-assenza ta’ azzjonist ieħor, l-uniċi interessi kummerċjali li jirriżultaw fi ħdan is-sussidjarja huma bħala prinċipju dawk tal-azzjonist uniku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti anki fil-każijiet fejn it-tmexxija operattiva hija mwettqa mill-ġestjonarji tas-sussidjarja b’mod awtonomu.

    112

    Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-impriżi konġunti, hemm numru ta’ azzjonisti involuti u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-impriża konġunta huma meħuda mill-membri li jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tad-diversi kumpanniji parent, li jistgħu jikkoinċidu, iżda li jistgħu wkoll ikun diverġenti. Għaldaqstant tibqa’ rilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija parent eżerċitatx influwenza reali fuq it-tmexxija operattiva tal-impriża konġunta, b’mod partikolari permezz tal-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija li nħatru minnha jew li kienu jokkupaw fl-istess ħin pożizzjonijiet fit-tmexxija tal-kumpannija parent

    113

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall il-modalitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaqgħu taħt it-tmexxija operattiva fis-sentenzi Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq (punt 195), u General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq (punti 112 sa 117), sabiex tevalwa l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti min-naħa tar-rikorrenti fl-imsemmija kawżi fid-dawl tal-aġir fis-suq tal-impriżi konġunti tagħhom.

    114

    Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li d-determinazzjoni tal-politika kummerċjali stricto sensu tal-impriża konġunta mill-kumpannija parent ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejniethom, għandu jiġi miċħud.

    Konklużjoni fuq il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International

    115

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta eżaminat ir-rwol ta’ B. I. (ara l-punt 76 iktar ’il fuq). Ma huwiex eskluż li, fl-assenza ta’ dan l-iżball, hija kienet tikkonkludi li Vara kienet teżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International matul parti kunsiderevoli tal-perijodu ta’ impriża konġunta. It-tieni nett, f’kull każ, il-Kummissjoni ma wrietx li Sasol kienet, fil-fatt, iddefinixxiet unilateralment il-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-influwenza eżerċitata fuq id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta hija kompletament rilevanti mill-perspettiva tal-imputabbiltà lill-kumpanniji parent tagħha tar-responsabbiltà għal ksur imwettaq minnha (ara l-punt 114 iktar ’il fuq).

    Fuq il-bord ta ’ sorveljanza u fuq l-assemblea ġenerali ta ’ Schümann Sasol International

    116

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tiddeċiedi li Sasol kienet influwenzat b’mod deċiżiv id-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza u fi ħdan l-assemblea ġenerali ta’ Schümann Sasol International minħabba s-setgħat deċiżjonali li kellha Vara.

    117

    Għandu jiġi osservat li l-elementi li l-Kummissjoni ġabret fil-premessi 473 u 474 tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw li kemm Sasol kif ukoll Vara setgħu jimblokkaw id-deċiżjonijiet kollha fi ħdan l-assemblea ġenerali u fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza ta’ Schümann Sasol International, ħlief għal dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 1.5 tal-ftehim bejn l-azzjonisti.

    118

    Fost id-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 1.5 tal-ftehim bejn l-azzjonisti, hija biss l-approvazzjoni tal-investimenti li taqa’ taħt il-kategorija ta’ deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi li jaffettwaw lill-impriża konġunta skont l-Avviż ġurisdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2008, C 95, p. 1).

    119

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-punt 69 tal-Avviż ġurisdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, l-iktar drittijiet ta’ veto importanti huma dawk li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet dwar il-ħatra u t-tneħħija ta’ maniġers fi grad għoli u l-approvazzjoni tal-baġit tal-impriża konġunta. F’dan il-punt huwa wkoll ippreċiżat li s-setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet dwar l-istruttura tal-maniġers fi grad għoli (bħal pereżempju l-membri tal-bord tad-diretturi), ġeneralment tagħti lid-detentur tagħha s-setgħa li jeżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ impriża. L-istess jgħodd fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-baġit għaliex il-baġit jiddetermina l-qafas preċiż tal-attivitajiet tal-impriża konġunta u, b’mod partikolari, l-investimenti li hija tista’ tagħmel.

    120

    Issa, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-istipulazzjonijiet tal-ftehimiet li jirregolaw il-funzjonament tal-impriża konġunta Schümann Sasol International, Sasol Holding in Germany kellha s-setgħa li tiddetermina, b’mod unilaterali, biss id-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-investimenti u mhux l-iktar deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi importanti, jiġifieri dawk dwar il-baġit, il-ħatra u t-tneħħija tal-maniġers jew dawk dwar il-pjan azjendali.

    121

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wrietx, permezz ta’ analiżi astratta bbażata fuq il-leġiżlazzjoni u l-istipulazzjonijiet tal-ftehimiet li jirregolaw il-funzjonament tal-impriża konġunta (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), li Sasol setgħet tiddetermina, waħedha, fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza u fi ħdan l-assemblea ġenerali ta’ Schümann Sasol International, id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi kollha li jaffettwaw lill-impriża konġunta. Bil-kontra ta’ dan, mill-analiżi astratta jirriżulta li l-maġġoranza ta’ dawn id-deċiżjonijiet kellhom jiġu adottati b’mod konġunt minn Sasol Holding in Germany u minn Vara.

    122

    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda dimostrazzjoni bbażata fuq elementi konkreti (ara l-punt 50 iktar ’il fuq) li minnha jirriżulta li, effettivament, Sasol Ltd u Sasol Holding in Germany kienu ddeterminaw waħedhom, minkejja s-setgħa ta’ imblokkar ta’ Vara, id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi tal-impriża konġunta Schümann Sasol International.

    123

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma wrietx li Sasol kienet iddeterminat unilateralment il-maġġoranza tad-deċiżjonijiet tal-bord ta’ sorveljanza u tal-assemblea ġenerali ta’ Schümann Sasol International u, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi li jirrigwardaw il-baġit, il-pjan azjendali u l-ħatra ta’ maniġers fi grad għoli tal-imsemmija impriża.

    Fuq l-eżerċizzju effettiv minn Sasol Holding in Germany ta ’ influwenza determinanti fuq l-aġir fis-suq ta ’ Schümann Sasol International

    124

    Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 475 tad-deċiżjoni kkontestata “[f]id-dawl tas-sitwazzjoni deskritta fil-premessi (472)-(474) u, b’mod partikolari, tal-fakultà ta’ Sasol li timponi r-rieda tagħha fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet strateġiċi importanti fil-każ fejn ma jintlaħaqx ftehim unanimu, kif elenkati fl-Artikolu 1.5 tal-ftehim bejn l-azzjonisti dwar id-drittijiet ta’ votazzjoni (pereżempju, l-approvazzjoni tal-investimenti f’kapital), Sasol għandha titqies li kienet de facto tikkontrolla lill-impriża konġunta” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 481 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li “l-kontroll ta’ Sasol fuq l-impriża konġunta [kien] ġie stabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “l-provi fattwali [kienu] juru l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minn Sasol Holding in Germany fuq Schümann Sasol International.

    125

    Mill-analiżi magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma wrietx li Sasol kienet iddeterminat, b’mod unilaterali, ir-riżoluzzjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International u l-maġġoranza tad-deċiżjonijiet strateġiċi adottati mill-assemblea ġenerali u mill-bord ta’ sorveljanza tagħha (ara l-punti 115 u 123 iktar ’il fuq).

    126

    Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma wrietx, permezz ta’ provi diretti, l-eżistenza ta’ influwenza determinanti minn Sasol Holding in Germany u minn Sasol Ltd fuq l-aġir kummerċjali ta’ Schümann Sasol International.

    127

    Konsegwentement, l-analiżi tal-Kummissjoni li wasslet sabiex ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn Schümann Sasol, sussidjarja ta’ Schümann Sasol International, tiġi imputata lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd hija vvizzjata minn żbalji ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din timputa lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Schümann Sasol.

    128

    Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat li Sasol Holding in Germany u Sasol Ltd kienu pparteċipaw fil-ksur qabel l-1ta’ Lulju 2002.

    Fuq l-offerta ta ’ produzzjoni ta ’ prova tar-rikorrenti

    129

    Ir-rikorrenti jipproponu li C. D. I. (membru attwali tal-bord tad-diretturi ta’ Sasol Wax International) jinstema’ bħala xhud tal-fatt li, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, id-direzzjoni fundamentali tal-istrateġija u tal-operazzjonijiet kummerċjali tal-istruttura konġunta kienet stabbilita minn Vara, permezz ta’ H‑O. Schümann u ta’ B. I.

    130

    Fid-dawl tal-analiżi esposta hawn fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li din ix-xhieda ma hijiex neċessarja, b’tali mod li l-offerta ta’ produzzjoni ta’ prova hija miċħuda.

    2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil Sasol Ltd, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Wax International tar-responsabbiltà għall-ksur f’dak li jirrigwarda l-perijodu Sasol

    131

    Ir-rikorrenti jsostnu li f’dak li jirrigwarda l-perijodu Sasol, mill-1 ta’ Lulju 2002 sat-28 ta’ April 2005, l-imputazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-responsabbiltà għall-aġiri ta’ Sasol Wax lill-kumpannija parent tagħha, Sasol Wax International, lill-kumpannija parent ta’ din tal-aħħar, Sasol Holding in Germany, u lill-kumpannija holding finali tal-grupp, Sasol Ltd, kienet illegali.

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta ’ liġi f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li ksur imwettaq minn sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha biss abbażi tal-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma ta ’ 100 % tal-kapital

    132

    Fil-premessa 494 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset dan li ġej:

    “[i]l-ġurisprudenza stabbiliet li l-Kummissjoni tista’ tippreżumi li l-kumpanniji parent jeżerċitaw influwenza determinanti fuq is-sussidjarji li huma 100 % tagħhom. Meta tali preżunzjoni tkun aplikabbli, bħal f’dan il-każ f’dak li jirrigwarda lil Sasol Wax International AG, lil Sasol Holding in Germany GmbH u lil Sasol Ltd, huma l-kumpanniji parent li għandhom jikkonfutaw il-preżunzjoni billi jipproduċu l-provi li s-sussidjarja tagħhom iddeċidiet l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu.”

    133

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija applikat regola ġuridika żbaljata. Ebda bażi ġuridika valida ma tippermetti li jiġi preżunt li sehem ta’ 100 % huwa biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi stabbilit li kumpannija parent hija responsabbli għall-akkordju li fih ipparteċipat is-sussidjarja tagħha. Tali preżunzjoni tikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà legali individwali u l- preżunzjoni ta’ innoċenza.

    134

    Għandu jitfakkar li fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    135

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà bbażata fuq iż-żamma, minn kumpannija, tal-kapital kollu ta’ kumpannija oħra, tapplika mhux biss fil-każijiet fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll fil-każijiet fejn, bħal f’din il-kawża, din ir-relazzjoni hija indiretta fid-dawl tal-interpożizzjoni ta’ kumpannija oħra. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C-90/09 P, Ġabra p. I-1, punt 90).

    136

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li, fil-każ li l-kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja hija tista’ tippreżumi li l-imsemmija kumpannija parent u l-kumpanniji parent indiretti effettivament eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja.

    137

    Meta l-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja ma tiġix ikkonfutata, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi li s-sussidjarja u l-kumpanniji parent diretti u indiretti jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant jifformaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq. Il-fatt li l-kumpanniji parent u s-sussidjarja jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpanniji parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ dawn tal-aħħar fil-ksur (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq).

    138

    Tali proċess ma jiksirx il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Fil-fatt, Sasol Wax International, Sasol Holding in Germany u Sasol Ltd kienu individwalment issanzjonati għall-ksur li huma stess huma meqjusa li wettqu minħabba r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi stretti li jgħaqqduhom ma’ Sasol Wax u li jirriżultaw miż-żamma tat-totalità tal-kapital ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 34).

    139

    F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jitfakkar li, skont dan il-prinċipju, kull persuna akkużata għandha titqies li hija innoċenti sakemm ma tiġix pprovata l-ħtija tagħha skont il-liġi. Din il-preżunzjoni b’hekk tipprekludi kull konstatazzjoni formali, u saħansitra kull allużjoni, dwar ir-responsabbiltà ta’ persuna akkużata bi ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun setgħet tibbenefika mill-garanziji kollha inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura li tissokta b’mod normali u li twassal għal deċiżjoni dwar il-mertu tal-kwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T-474/04, Ġabra p. II-4225, punt 76).

    140

    L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni għandu jiġi adattat għall-fatt li, bil-kontra tal-proċeduri kriminali li neċessarjament jikkonċernaw persuna (persuna fiżika jew persuna ġuridika), id-dritt tal-kompetizzjoni japplika għall-impriża, li hija unità ekonomika magħmula, jekk ikun il-każ, minn diversi persuni ġuridiċi. Barra minn hekk, il-kumpanniji li jinsabu f’ras il-grupp huma liberi li jirriorganizzaw l-istrutturi interni tagħhom, b’mod partikolari billi joħolqu kumpanniji li jkollhom personalità ġuridika distinta għal ċerti attivitajiet.

    141

    F’tali ċirkustanzi, sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, is-sempliċi fatt li kumpannija parent żżomm b’100 %, jew kważi, sussidjarja li pparteċipat direttament fil-ksur jista’ jkun suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni żżomm il-kumpannija parent responsabbli. Ladarba l-Kummissjoni tikkomunika dan l-ilment, hija l-kumpannija parent li għandha tipproduċi l-provi kuntrarji sabiex tipprova l-assenza ta’ unità ekonomika bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni segwiet dan l-approċċ, billi eżaminat bir-reqqa l-provi prodotti mir-rikorrenti, u għalhekk osservat il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

    142

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-konstatazzjoni allegatament żbaljata tal-assenza ta ’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni

    143

    Ir-rikorrenti jqisu li, bil-provi li jinsabu fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma wrew li, effettivament, Sasol Wax International ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Sasol Wax, peress li hija la kienet indaħlet fid-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi u lanqas fit-tmexxija operattiva tagħha.

    Fuq id-deċiżjoni kkontestata

    144

    F’dak li jirrigwarda l-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tar-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

    “[…]

    (498)

    F’dak li jirrigwarda l-amministraturi ġestjonarji u l-kompożizzjoni u r-rwol tal-bord ta’ sorveljanza ta’ Sasol Wax GmbH, Sasol tammetti li Sasol Wax International AG kellha l-awtorità li taħtar l-amministraturi ġestjonarji u l-membri tal-bord ta’ sorveljanza ta’ Sasol Wax GmbH. Huwa wkoll ikkonfermat li diversi membri tal-bord ta’ sorveljanza ta’ Sasol Wax GmbH kienu matul is-snin membri tal-bord tad-diretturi ta’ Sasol Wax International AG. Madankollu, Sasol tallega li dawn il-fatti huma infondati, peress li l-bord ta’ sorveljanza ma kellux rwol importanti (ebda kontroll effettiv fuq il-ġestjoni u/jew l-istrateġija ta’ Sasol Wax GmbH), li dan kien jinsab f’idejn ex impjegati ta’ Vara u li dan ma kien jeżerċita l-ebda influwenza fuq l-aġir ta’ Sasol Wax GmbH. Fl-ewwel lok, huwa biżżejjed li Sasol International AG kellha l-awtorità li taħtar l-amministraturi ġestjonarji u l-membri tal-bord ta’ sorveljanza sabiex il-kwistjoni ta’ jekk dan baqax jiddependi fuq ex impjegati ta’ Vara ssir bla skop. It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda r-rwol tal-bord ta’ sorveljanza, l-istatuti ta’ assoċjazzjoni jipprovdu lista ta’ ċerti kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-bord ta’ sorveljanza, pereżempju l-ħatra, it-tneħħija u s-superviżjoni tat-tmexxija, l-approvazzjoni tal-kontijiet annwali u tal-baġits, l-approvazzjoni tal-investimenti ta’ iktar minn EUR 0.5 miljun u tal-bidliet li jirrigwardaw l-organizzazjoni kummerċjali. Għalkemm Sasol tallega li ebda waħda minn dawn is-setgħat ma kellha rwol sinjifikattiv fl-aġir kummerċjali ta’ Sasol Wax GmbH, li qatt ma kien hemm xi eżempju ta’ ċirkustanza fejn il-bord ta’ sorveljanza eżerċita xi tip ta’ influwenza fuq il-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ Sasol Wax GmbH u li l-amministraturi ta’ Sasol Wax GmbH kellhom l-abitudni li jiddeċiedu dwar miżuri essenzjali għall-aġir kummerċjali strateġiku ta’ Sasol Wax GmbH mingħajr ma jitolbu l-kunsens tal-bord ta’ sorveljanza, is-setgħat mogħtija lill-bord ta’ sorveljanza juru li kien previst li l-bord ta’ sorveljanza effettivament ikollu rwol strateġiku u finanzjarju u li jeżerċita responsabbiltajiet distinti mill-ġestjoni tal-affarijiet ta’ kuljum tal-kumpannija li normalment jiġu ġġestiti mill-bord tad-diretturi u mill-amministraturi tal-kumpannija.

    (499)

    Sasol targumenta wkoll li l-assenza ta’ influwenza ta’ Sasol Wax International AG hija kkonfermata mill-fatt li r-rappreżentanti ta’ Sasol preżenti għal-laqgħat tekniċi baqgħu jkunu ex impjegati ta’ Vara u li l-ġestjonarji tal-unitajiet kummerċjali li l-attivitajiet tagħhom kienu affettwati mil-laqgħat tekniċi ma kellhom l-ebda relazzjoni ma’ Sasol Ltd. F’dak li jirrigwarda l-aġir tal-hekk imsejħa ex impjegati ta’ Vara, dawn il-persuni kienu, meta wettqu l-attivitajiet illegali, impjegati tal-grupp Sasol, u l-fatt li kienu ex impjegati ta’ Vara u li l-persuna li timpjegahom direttament kienet sussidjarja ta’ Sasol Wax International AG, ta’ Sasol Holding in Germany GmbH jew ta’ Sasol Ltd huwa irrilevanti sa fejn huwa possibbli li jiġi pprovat li l-kumpanniji parent kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq din is-sussidjarja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Osservazzjonijiet ġenerali

    145

    Skont il-ġurisprudenza, sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, deskritta fil-punt 134 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellhom jipproduċu kull prova relatata mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi eżistenti bejn Sasol Wax u bejn Sasol Wax International li huma kienu jqisu bħala li huma tali li juru li huma ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti, li n-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 65, ikkonfermata bis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Eni vs Il‑Kummissjoni, T-39/07, Ġabra p. II-4457, punt 95).

    146

    Il-preżunzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjonijiet li, minn naħa, ħlief f’ċirkustanzi għall-kollox eċċezzjonali, kumpannija li żżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl ta’ dan is-sehem kapitali biss, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment titfittex b’mod l-iktar utli fil-qasam tal-entitajiet li kontrihom tapplika l-preżunzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 60).

    147

    Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, meta l-kumpannija parent hija l-unika azzjonista tas-sussidjarja, hija għandha l-istrumenti kollha possibbli sabiex tiżgura li l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja jirrifletti dak tagħha. B’mod partikolari, huwa l-azzjonist uniku li bħala prinċipju jiddefinixxi l-portata tal-awtonomija tas-sussidjarja permezz tal-istabbiliment tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, li jagħżel il-ġestjonarji tagħha, u li jieħu jew japprova d-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi tas-sussidjarja, jekk ikun il-każ, permezz tal-preżenza tar-rappreżentanti tiegħu fi ħdan il-korpi tagħha. Bl-istess mod, l-unità ekonomika bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha hija normalment imħarsa iktar permezz ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Membri, bħaż-żamma ta’ kontijiet ikkonsolidati, l-obbligu għas-sussidjarja li perjodikament tagħti rendikont tal-attivitajiet tagħha lill-kumpannija parent, kif ukoll permezz tal-approvazzjoni tal-kontijiet annwali tas-sussidjarja mill-assemblea ġenerali kkostitwita mill-kumpannija parent biss, fatt li neċessarjament jimplika li l-kumpannija parent issegwi, tal-inqas f’termini wiesgħa, l-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarja.

    148

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ ta’ sussidjarja miżmuma 100 %, jew kważi, minn kumpannija parent waħda, hemm bħala regola ġenerali interess kummerċjali wieħed u l-membri tal-korpi tas-sussidjarja huma maħtura u nnominati mill-azzjonist uniku, li jista’ jagħtihom istruzzjonijiet għall-inqas b’mod informali u jimponilhom kriterji ta’ rendiment. Għalhekk, f’tali każ, hemm neċessarjament relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tas-sussidjarja u dawk tal-kumpannija parent u l-imsemmija membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija jaġixxu neċessarjament billi jirrappreżentaw u billi jippromwovu l-uniku interess kummerċjali li jeżisti, jiġifieri dak tal-kumpannija parent (ara, ukoll, il-punt 35 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-uniċità ta’ aġir fis-suq tal-kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha hija żgurata minkejja kull awtonomija mogħtija lill- membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tas-sussidjarja f’dak li jirrigwarda t-tmexxija operattiva ta’ din tal-aħħar, li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-politika kummerċjali stricto sensu tagħha. Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, huwa l-azzjonist uniku li jiddefinixxi waħdu u skont l-interessi tiegħu l-modalitajiet ta’ teħid tad-deċiżjoni tas-sussidjarja u li jiddeċiedi dwar il-portata tal-awtonomija operattiva tagħha, fatt li huwa jista’ jbiddel skont ir-rieda tiegħu billi jbiddel ir-regoli li jirregolaw il-funzjonament tas-sussidjarja jew fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni, jew saħansitra permezz tal-ħolqien ta’ strutturi informali ta’ teħid ta’ deċiżjoni.

    149

    Għalhekk, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni li l-kumpannija parent fil-fatt teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja tagħha hija ġġustifikata sa fejn din tkopri sitwazzjonijiet karatteristiċi f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn sussidjarja u l-kumpannija parent unika tagħha, billi tipprovdi li ż-żamma tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja minn kumpannija parent waħda timplika bħala prinċipju l-uniċità tal-aġir tagħhom fis-suq.

    150

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandhom kull opportunità juru li l-mekkaniżmi deskritti fil-punti 147 u 148 iktar ’il fuq, li jwasslu normalment sabiex l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja jirrifletti dak tal-kumpannija parent, ma ħadmux bħas-soltu, b’mod li l-unità ekonomika tal-grupp intemmet.

    Fuq it-tmexxija operattiva ta’ Sasol Wax

    151

    Ir-rikorrenti jqisu li wrew li l-politika tal-grupp Sasol kienet li ma jindaħalx fl-aġir awtonomu tas-sussidjarja tagħha Sasol Wax. F’dan ir-rigward huma jinvokaw avviż li l-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija ta’ Sasol Wax International iffirmaw fid-9 ta’ April 2001.

    152

    Għalhekk, skont ir-rikorrenti, “is-suġġetti li jiffurmaw parti mill-attivitajiet operattivi ta’ kuljum għandhom jiġu ttrattati minn Wax […] bħala unità awtonoma”, filwaqt li l-“pjanijiet, il-missjonijiet u l-istrateġiji” kellhom jiġu żviluppati minn Sasol Wax International. Barra minn hekk, il-ġestjonarji ta’ Sasol Wax fl-ebda mument ma kienu ffaċċjati bl-eżerċizzju ta’ veto minn Sasol Wax International u l-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija ta’ din tal-aħħar, matul il-perijodu Sasol, ma jiftakru dwar l-ebda istruzzjoni mogħtija lill-ġestjonarji ta’ Sasol Wax.

    153

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-fatt li sussidjarja għandha t-tmexxija lokali tagħha u l-mezzi tagħha ma jagħtix prova, fih innifsu, li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu meta mqabbla mal-kumpannija parent tagħha. It‑tqassim tal-kompiti bejn is-sussidjarji u l-kumpanniji parent tagħhom, u, b’mod partikolari, il-fatt li t-tmexxija operattiva tingħata lill- membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija lokali ta’ sussidjarja miżuma 100 %, hija prassi normali tal-impriżi ta’ daqs kbir u li huma komposti minn diversi sussidjarji miżuma, fl-aħħar mill-aħħar, mill-istess kumpannija holding finali. Għalhekk, fil-każ taż-żamma tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja direttament involuta fil-ksur, il-provi prodotti f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja mill-kumpannija parent u mill-kumpannija holding finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 130 u 131).

    154

    Tali soluzzjoni hija barra minn hekk iġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 35, 147 u 148 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tas-sussidjarja miżmuma 100 % jew kważi minn kumpannija parent waħda, normalment jaġixxu billi jirrappreżentaw u billi jippromwovu biss l-interessi kummerċjali attwali, jiġifieri dawk tal-unika kumpannija parent. Huma jiżguraw b’dan il-mod il-konformità tal-aġir kummerċjali tas-sussidjarja ma’ dak tal-bqija tal-grupp fl-eżerċizzju tal-kompetenzi awtonomi tagħhom.

    155

    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-awtonomija operattiva ta’ Sasol Wax, li ma jistgħux juru li l-unità ekonomika bejnha u bejn Sasol Wax International intemmet, għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi

    156

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li Sasol Wax International ma użatx is-setgħa tagħha li taħtar il-ġestjonarji ta’ Sasol Wax u ma kinitx issostitwixxiet it-tmexxija preċedenti ta’ HOS. Sasol Wax kienet immexxija bħala unità ekonomika indipendenti fit-tradizzjoni tal-familja Schümann minn tliet ġestjonarji miruta minn HOS. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rilevanza ta’ dan l-element fid-deċiżjoni kkontestata u meta kkunsidrat li kien biżżejjed li Sasol Wax International kellha s-setgħa li taħtar il-ġestjonarji.

    157

    Għandu jiġi osservat li tali argument diġà ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Alliance One vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq (punt 137). Fid-dawl tas-setgħa tal-uniku soċju, f’dan il-każ Sasol Wax International, li jagħżel il-ġestjonarji ta’ Sasol Wax wara l-kisba tal-kapital kollu tagħha, iż-żamma fis-servizz tal-imsemmija ġestjonarji tista’ tiġi attribwita biss għal deċiżjoni tal-unika kumpannija parent u tindika li l-imsemmija ġestjonarji kienu affiljati magħha. Għalhekk, dan l-element ma jistax jikkonfuta l-preżunzjoni li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

    158

    It-tieni nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw li pproduċew il-minuti tal-laqgħat kollha tal-bord ta’ sorveljanza ta’ Sasol Wax u ta’ Sasol Wax International. L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma fih indikazzjoni ta’ xi influwenza sinjifikattiva eżerċitata fuq Sasol Wax mill-kumpanniji parent diretti u indiretti tagħha. Barra minn hekk, il-ġestjonarji ta’ Sasol Wax kellhom l-abitudni li jieħdu inizjattivi f’dak li jirrigwarda l-aġir kummerċjali strateġiku ta’ din tal-aħħar, mingħajr ma jitolbu l-kunsens tal-bord ta’ sorveljanza jew tas-soċji. Dan kien il-każ fir-rigward tal-kuntratti ta’ provvista fit-tul ma’ ExxonMobil u Shell, li ġew innegozjati u konklużi biss mill-ġestjonarji ta’ Sasol Wax, fir-rigward tal-assenjazzjoni tal-persunal taċ-ċentri ta’ profitt ta’ Sasol Wax, kif ukoll fir-rigward ta’ programm ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u ta’ sub-appaltar lil terzi tas-servizzi loġistiċi ta’ Sasol Wax.

    159

    Għandu jiġi kkonstatat li l-inizjattivi tal-ġestjonarji ta’ Sasol Wax ma jikkonċernawx l-iktar deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi importanti mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-uniċità tal-aġir fis-suq tas-sussidjarja u tal-kumpannija parent tagħha, bħal dawk dwar il-baġit, fuq il-pjan azjendali, fuq l-investimenti kbar jew fuq il-ħatra ta’ maniġers fi grad għoli. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-bord ta’ sorveljanza kellu l-kompetenza li japprova l-kontijiet annwali ta’ Sasol Wax.

    160

    Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-argumenti tar-rikorrenti ma jurux li l-mekkaniżmi abitwali li jiżguraw l-uniċità tal-aġir fis-suq tal-kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha miżmuma 100 % minnha, fatt li jipprovdi l-bażi għall-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, kienu ntemmu (ara l-punti 147 u 148 iktar ’il fuq), b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet validament tistabbilixxi l-preżenza ta’ entità ekonomika li tikkorrispondi mal-kunċett ta’ impriża, kif previst fl-Artikolu 81 KE.

    Fuq in-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni

    161

    Skont ir-rikorrenti, fil-każ fejn jitqies li, minkejja l-elementi kollha prodotti mir-rikorrenti, dawn ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, din il-preżunzjoni hija de facto inkonfutabbli, bi ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

    162

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-argumenti tar-rikorrenti miġbura sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni jiddeskrivu l-funzjonament abitwali ta’ impriża kbira internazzjonali li l-unità lokali tagħha, Sasol Wax, hija mmexxija minn ġestjonarji li nżammew fil-pożizzjoni tagħhom b’deċiżjoni ta’ Sasol Wax International, il-kumpannija parent li għandha 100 % tal-kapital tagħha, li ddeċidiet ukoll li tiddelega lill-imsemmija ġestjonarji s-setgħa li jiddefinixxu l-politika kummerċjali stricto sensu u żammet għaliha s-setgħa li tadotta d-deċiżjonijiet strateġiċi kummerċjali fi ħdan il-bord ta’ sorveljanza u fi ħdan l-assemblea ġenerali ta’ Sasol Wax.

    163

    Il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha madankollu ma hijiex kwistjoni ta’ kwantità u ta’ dettall tal-provi fil-każ fejn dawn jesponu sitwazzjoni abitwali ta’ organizzazzjoni f’impriża internazzjonali kbira, fejn is-setgħat tat-tmexxija operattiva huma ddelegati lill-ġestjonarji tal-unitajiet lokali tagħha. Sabiex din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata, għandhom jiġu ppreżentati ċirkustanzi inabitwali li juru li, minkejja li l-kapital kollu tas-sussidjarji tal-grupp huwa miżmum mil-kumpanniji parent tagħhom, l-unità ekonomika tal-grupp intemmet, peress li l-mekkaniżmi li jiżguraw li l-aġir kummerċjali tas-sussidjarji jkun jirrifletti dak tal-kumpanniji parent ma kinux jiffunzjonaw b’mod ordinarju.

    164

    Issa, f’dan il-każ ir-rikorrenti ma pproduċewx tali elementi.

    165

    Għandu wkoll jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali diġà kkonstataw li l-preżunzjoni li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha ma hijiex inkonfutabbli. Skont il-ġurisprudenza preżunzjoni, anki jekk ikun diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata mal-għan leġittimu segwit, sakemm teżisti l-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova kuntrarja u sakemm jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża (sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 62, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, punt 54). Dan huwa l-każ f’dak li jirrigwarda l-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn is-sussidjarja u l-kumpannija parent unika tagħha, anki fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 147 sa 150 iktar ’il fuq.

    166

    Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

    Konklużjoni

    167

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta ddeċidiet li Sasol Wax u Sasol Wax International kienu jifformaw unità ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, peress li l-kumpanniji li jifformaw din l-unità setgħu jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur inkwistjoni.

    168

    Mill-kumplament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument speċifiku f’dak li jirrigwarda l-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ Sasol Wax International la minn Sasol Holding in Germany u lanqas minn Sasol Ltd fuq din tal-aħħar.

    169

    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-offerta ta ’ produzzjoni ta ’ prova tar-rikorrenti

    170

    Ir-rikorrenti jipproponu li C. D. I. u R. G. S., ġestjonarji ta’ Sasol Wax matul il-perijodu Sasol, jinstemgħu bħala xhieda dwar il-fatt li la Sasol Wax International u lanqas Sasol Ltd ma taw instruzzjonijiet lis-sussidjarja tagħhom, u li Sasol Wax iddeterminat b’mod awtonomu l-aġir kummerċjali tagħha.

    171

    Fid-dawl tal-analiżi magħmula iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-imsemmija xhieda ma tistax tinfluwenza l-kwistjoni tal-imputazzjoni lil Sasol Wax International, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd tal-ksur imwettaq minn Sasol Wax. Għalhekk, ma hemmx lok li l-offerta ta’ produzzjoni ta’ prova tar-rikorrenti tiġi milqugħa.

    3. Fuq it-tielet motiv, dwar l-assenza ta ’ responsabbiltà in solidum ta ’ Vara matul il-perijodu Schümann u matul il-perijodu ta ’ impriża konġunta

    172

    Ir-rikorrenti josservaw li, matul il-perijodu Schümann, il-kumpannija direttament involuta fil-ksur, HOS, kienet ikkontrollata minn Vara u fl-aħħar mill-aħħar minn H‑O. Schümann personalment. Bl-istess mod, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, Vara kienet ukoll eżerċitat, minn tal-inqas, kontroll konġunt fuq l-entità operattiva, Schümann Sasol. Billi ma imputatx lil Vara r-responsabbiltà għall-aġiri ta’ HOS u ta’ Schümann Sasol u billi ddeċidiet li Sasol biss kienet responsabbli in solidum għall-perijodu ta’ impriża konġunta, il-Kummissjoni wettqet diskriminazzjoni kontra Sasol meta mqabbla ma’ Vara.

    173

    Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tispjega r-raġunijiet li għalihom hija ttrattat b’mod differenti lil Sasol, minn naħa, u lil Vara/H-O Schümann, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jfakkru l-prinċipji li rriżultaw mis-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (punt 105).

    174

    Dan l-aġir tal-Kummissjoni jikkomprometti b’mod serju r-rimedji li Sasol Ltd, Sasol Holding in Germany u Sasol Wax International għandhom sabiex jibdew azzjoni ta’ rkupru kontra H‑O. Schümann jew kontra Vara, peress li Sasol jkollha turi li dawn tal-aħħar ipparteċipaw fil-ksur. Issa, tali dimostrazzjoni tkun partikolarment diffiċli, peress li r-rikorrenti jkollhom jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma żammet responsabbli la lil Vara u lanqas lil H‑O. Schümann. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ dawn tal-aħħar kienet tkun iktar u iktar importanti għal Sasol peress lil-akkordju kien inbeda, b’mod partikolari, minn HOS u minn H‑O. Schümann, f’mument meta Sasol ma kienet teżerċita l-ebda attività fis-settur Ewropew tax-xema’ tal-paraffin.

    175

    Fl-aħħar nett, minħabba n-nuqqas ta’ konstatazzjoni li Vara hija responsabbli in solidum, il-Kummissjoni ma applikatx il-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta’ Vara.

    176

    Il-Kummissjoni ssotni li hija għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi liema entitajiet ta’ impriża hija żżomm responsabbli għal ksur, peress li l-evalwazzjoni tagħha ssir każ b’każ, u peress li ma hijiex obbligata timmotiva l-fatt li fir-rigward ta’ terzi ma adottatx atti simili għal dawk indirizzati lill-entitajiet miżmuma responsabbli.

    177

    F’kull każ, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-ġurisprudenza, meta impriża, bl-aġir tagħha stess, tikser l-Artikolu 81(1) KE, hija ma tistax tevita kwalunkwe sanzjoni għar-raġuni li impriża oħra ma ġietx suġġetta għal multa. Anki li kieku l-Kummissjoni wettqet żball, billi ma imputatx il-ksur lil Vara, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tkun irrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor.

    178

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, peress li l-ewwel motiv ġie milqugħ, ma hemmx lok li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġi eżaminat f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ impriża konġunta, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija annullata f’dan ir-rigward.

    179

    Fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, il-Qorti Ġenerali ser teżamina biss l-ilment tar-rikorrenti dwar id-diskriminazzjoni tagħhom meta mqabbla ma’ Vara u ma’ H‑O. Schümann f’dak li jirrigwarda l-perijodu Schümann.

    180

    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ammettiet espliċitament, fil-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, li “HOS, il-kumpannija direttament involuta fil-ksur, kienet fl-aħħar mill-aħħar miżmuma minn […] Schümann personalment u li r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq matul dan il-perijodu [kienet], fl-aħħar mill-aħħar, ta’ H‑O. Schümann” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, il-Kummissjoni ma kkundannat in solidum, għall-ksur imwettaq minn HOS, la lil Vara, il-kumpannija parent diretta tagħha, u lanqas lil H‑O. Schümann.

    181

    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2012, Otis Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, C‑494/11 P, punt 53; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C-550/07 P, Ġabra p. I-8301, punti 54 u 55).

    182

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà, prevista fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq, li s-sanzjoni għall-aġir illegali tas-sussidjarja tiġi imposta fuq il-kumpannija parent ma tipprekludix, fiha nfisha, li s-sussidjarja stess tkun issanzjonata. Fil-fatt, impriża — jiġifieri unità ekonomika li tinkludi elementi personali, tanġibbli u intanġibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1962, Mannesmann vs l-Awtorità Għolja, 19/61, Ġabra p. 675, 705 u 706) — hija amministrata mill-korpi previsti mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha u kull deċiżjoni li timponilha multa tista’ tiġi indirizzata lit-tmexxija prevista fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-impriża (il-bord tad-diretturi, il-kumitat ta’ amministrazzjoni, il-president, il-ġestjonarju, eċċ.), anki jekk il-konsegwenzi finanzjarji huma finalment sostnuti mill-proprjetarji tagħha. Din ir-regola ma tkunx osservata jekk il-Kummissjoni, meta ffaċċjata bl-aġir illegali ta’ impriża, tintalab tivverifika dejjem min huwa l-proprjetarju li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-impriża, sabiex tkun tista’ tissanzjona lil dan il-proprjetarju biss (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punti 279 sa 281). Għalhekk, peress li l-fakultà li l-kumpannija parent tiġi ssanzjonata għall-aġir ta’ sussidjarja ma taffettwax il-legalità ta’ deċiżjoni indirizzata lill-unika sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, il-Kummissjoni għandha l-għażla li tissanzjona kemm lis-sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, kif ukoll lill-kumpannija parent li kkontrollatha matul dan il-perijodu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni et, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 331).

    183

    Din l-għażla hija wkoll tal-Kummissjoni fil-każ ta’ suċċessjoni ekonomika fil-kontroll tas-sussidjarja. Għalkemm, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ timputa l-aġir tas-sussidjarja lill-ex kumpannija parent, għall-perijodu preċedenti għat-trasferiment, u lill-kumpannija parent il-ġdida għall-bqija, hija ma hijiex obbligata tagħmel dan u tista’ tagħżel li tissanzjona biss lis-sussidjarja għall-aġir tagħha stess (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punt 332).

    184

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn HOS lil Sasol Wax minħabba s-suċċessjoni legali bejn kumpanniji. Tali imputazzjoni hija barra minn hekk iġġustifikata mill-ġurisprudenza li tgħid li, meta entità li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil ġuridiku jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-aġiri kuntrarji għar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mill-entità preċedenti jekk, mill-perspettiva ekonomika, hemm identiċità bejn iż-żewġ entitajiet (ara, s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    185

    Madankollu, ir-rikorrenti jqisu li, peress li l-Kummissjoni żammet lil Sasol Wax International, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd responsabbli in solidum ma’ Sasol Wax fir-rigward tal-perijodu Sasol, hija ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, teżonera lill-kumpanniji parent ta’ HOS mir-responsabbiltà in solidum f’dak li jirrigwarda l-perijodu Schümann.

    186

    Għandu jiġi kkonstatat li Sasol Wax International, Sasol Holding in Germany u Sasol Ltd, sa fejn dawn kellhom il-kapital kollu tal-kumpannija direttament involuta fil-ksur matul il-perijodu Sasol, kienu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann f’dak li jirrigwarda l-perijodu Schümann.

    187

    Għalhekk, il-Kummissjoni ttrattat żewġ sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti.

    188

    L-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkonfutaw din il-konstatazzjoni.

    189

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-regoli dwar il-preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ipprekludewha milli tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann għall-ksur imwettaq minn HOS, peress li dawn kellhom il-kapital kollu ta’ HOS biss sat-30 ta’ April 1995.

    190

    F’dan ir-rigward, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali ma jkollha għalfejn tiddetermina, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-responsabbiltà ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann għall-ksur imwettaq minn Schümann Sasol, għandu jiġi osservat li huwa possibbli li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ tali responsabbiltà ġiet eżaminata mill-Kummissjoni, fil-każ fejn ma twettqux żbalji ta’ evalwazzjoni bħal dawk li ġew osservati waqt l-eżami tal-ewwel motiv. Issa, li kieku l-Kummissjoni ddeċidiet li r-responsabbiltà ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann kienet tikkonċerna l-perijodu ta’ impriża konġunta, f’dan il-każ sat-30 ta’ Ġunju 2002, ebda wieħed mit-termini ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 ma kien ikun skada fis-17 ta’ Marzu 2005 meta l-Kummissjoni ġiet informata bl-akkordju u bl-involviment ta’ HOS.

    191

    Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-preskrizzjoni għandhom jiġu miċħuda, peress li hija ma tistax validament tinvoka, sabiex tiġġustifika inugwaljanza fit-trattament, differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann, minn naħa, u s-sitwazzjoni tar-rikorrenti, min-naħa l-oħra, differenza li ma kinitx tkun teżisti fl-assenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa minnha.

    192

    It-tieni nett, il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni ma tistax tirrimedja għall-inugwaljanza fit-trattament osservata fil-punt 187 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq (punt 331), il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-Kummissjoni setgħet validament iżżomm responsabbli “kemm il-kumpannija sussidjarja li pparteċipat għall-ksur, kif ukoll lill-kumpannija ewlenija [parent] li kkontrollata matul dan il-perijodu”, iżda ma semmietx li l-Kummissjoni setgħet iżomm responsabbli in solidum lill-kumpannija parent il-ġdida, għall-perijodu ta’ wara t-trasferiment tas-sussidjarja u, fl-istess ħin, teżenta lill-ex kumpannija parent mir-responsabbiltà in solidum għall-perijodu preċedenti għat-trasferiment. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tippermetti l-prattika li l-Kummissjoni żżomm responsabbli jew biss lill-kumpannija li pparteċipat direttament fl-akkordju, jew kemm lill-ex kumpannija parent u lill-kumpannija parent il-ġdida, in solidum mas-sussidjarja (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il‑Kummissjoni, T-40/06, Ġabra p. II-4893, punt 72, u tat-3 ta Marzu 2011, Areva et vs Il‑Kummissjoni, T-117/07 u T-121/07, Ġabra p. II-633, punt 137). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda preċedent ta’ ġurisprudenza li jikkonferma tqassim tar-responsabbiltà bħal dak li hija applikat fil-każ inkwistjoni hawnhekk.

    193

    Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 187 iktar ’il fuq.

    194

    Skont il-ġurisprudenza l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tkun irrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor. Fil-fatt, illegalità eventwali mwettqa fil-konfront ta’ impriża oħra, li ma hijiex parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tistax twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata diskriminazzjoni u, għaldaqstant, illegalità fir-rigward tar-rikorrenti. Tali approċċ ikun ekwivalenti għall-istabbiliment tal-prinċipju ta’ “ugwaljanza fit-trattament fl-illegalità” u għall-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni tal-obbligu li jiġu injorati l-provi li hija għandha biex tissanzjona lill-impriża li wettqet ksur punibbli, għall-unika raġuni li impriża oħra li tinsab eventwalment f’sitwazzjoni paragunabbli tkun, illegalment, evitat tali sanzjoni. Barra minn hekk, ladarba impriża, bl-aġir tagħha, tkun kisret l-Artikolu 81(1) KE, hija ma tistax tevita kull sanzjoni minħabba li operaturi ekonomiċi oħra ma jkunx ingħataw multa, meta, bħal f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar lanqas ma tkun tressqet quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 197, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T-120/04, Ġabra p. II-4441, punt 77).

    195

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni validament ikkonstatat li Sasol Wax kienet responsabbli għall-ksur imwettaq minn HOS, li tagħha hija kienet is-suċċessura bħala l-kumpannija li pparteċipat direttament fil-ksur (ara l-punt 184 iktar ’il fuq), b’tali mod li din setgħet b’mod leġittimu tiġi kkundannata għall-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-28 ta’ April 2005.

    196

    Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta imputat ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq direttament minn Sasol Wax matul il-perijodu Sasol lil Sasol Wax International, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd. Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta żammithom responsabbli, in solidum, għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2002 u t-28 ta’ April 2005, b’tali mod li dan il-motiv għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

    197

    Madankollu, l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 187 iktar ’il fuq tiġġustifika l-bdil tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-riżultat tagħha huwa l-aggravar tar-responsabbiltà ta’ Sasol Wax International, ta’ Sasol Holding in Germany u ta’ Sasol Ltd f’dak li jirrigwarda l-parti tal-multa imposta abbażi tal-perijodu Schümann (ara l-punt 452 iktar ’il quddiem).

    198

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-fatt li Vara u H‑O. Schümann ma ġewx ikkundannati għall-aġiri ta’ HOS ma taffettwax l-eventwali dritt tar-rikorrenti li jressqu azzjoni ta’ rkupru quddiem qorti nazzjonali.

    4. Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta ’ bażi legali valida tad-deċiżjoni kkontestata

    199

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jikkostitwixxix bażi legali valida għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    200

    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżit li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ta’ natura repressiva għandu jkollhom “bażi ċara u mhux ambigwa”, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li din tħalli lill-Kummissjoni kompletament libera li timponi multi fil-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mil-bejgħ tal-impriża kkonċernata.

    201

    Għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà eżaminat u ċaħdet tali argumenti.

    202

    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ “bażi legali ċara u mhux ambigwa” għandu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti qed jinvokaw il-prinċipju ta’ legalità tad-delitti u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan il-prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 80).

    203

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta tadotta deċiżjonijiet li jimponu multi minħabba parteċipazzjoni f’akkordji illegali, il-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni illimitat għall-iffissar tal-ammont ta’ tali multa, sa fejn id-dispożizzjonijiet applikabbli jipprevedu limitu massimu tal-multi skont id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, jiġifieri, skont kriterju oġġettiv. Għalhekk, għalkemm ma jeżisti l-ebda limitu massimu assolut applikabbli għall-ksur kollu tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-multa li tista’ tiġi imposta hija madankollu limitata minn limitu ċifrabbli u assolut, ikkalkolat skont kull impriża, għal kull każ ta’ ksur, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897, punti 74 sa 76; tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, T-69/04, Ġabra p. II-2567, punti 35 u 36, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, punt 28).

    204

    Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur imsemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, jagħtu lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, dawn huma kriterji magħżula minn leġiżlaturi oħra għal dispożizzjonijiet li jixxiebhu, fatt li jippermettilha tadotta sanzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-grad tal-illegalità tal-aġir inkwistjoni (sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 76, Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 37, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 29).

    205

    Barra minn hekk, biex tiffissa multi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-istess mod, il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ tal-qorti tal-Unjoni. Dan l-istħarriġ ippermetta speċifikament, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata, li jiġu ppreċiżati l-kunċetti mhux iddeterminati li setgħu jinsabu fl-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punti 77 u 79; Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 41, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 30).

    206

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, li anki jekk id-dritt tal-kompetizzjoni huwa, ċertament, ta’ natura kważi kriminali, madankollu dan ma jifformax parti mill-“qalba” tad-dritt kriminali. Issa, lil hinn min-“nukleu” tad-dritt kriminali, il-garanziji fil-qasam kriminali stipulati fl-Artikolu 6 tal-KEDB ma għandhomx neċessarjament jiġu applikati fis-severità kollha tagħhom (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Jussila vs Il‑Finlandja, tat-23 ta’ Novembru 2006, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet, 2006-XIV, § 43).

    207

    F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi osservat li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u b’kuntrast mad-dritt kriminali, kemm il-benefiċċji kif ukoll is-sanzjonijiet tal-attivitajiet illegali huma purament pekunjarji, l-istess bħalma hija l-motivazzjoni tal-persuni li jwettqu l-ksur li barra minn hekk isegwu loġika ekonomika fl-azzjonijiet tagħhom. Għalhekk, il-prevedibbiltà approssimattivament preċiża tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta minħabba parteċipazzjoni f’akkordju illegali jkollha konsegwenzi dannużi ħafna fuq l-effettività tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sa fejn l-impriżi li jwettqu l-ksur ikunu jistgħu jqabblu direttament l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-attivitajiet illegali tagħhom, kif ukoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet li jinqabdu, u għalhekk jippruvaw jiżguraw il-profittabbiltà tal-imsemmija attivitajiet (ara, f’dan is-sens, sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 83; Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 45, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 32).

    208

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi kemm mezz li jippermetti lill-Kummissjoni timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni bl-effettività neċessarja, kif ukoll bażi legali suffiċjentement ċara u preċiża għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu multi fuq il-parteċipanti fl-akkordji. Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

    209

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività billi applikat il-linji gwida tal-2006 fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-ksur inkwistjoni ntemm f’April 2005.

    210

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-Kummissjoni kienet applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġu li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punt 81, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 169).

    211

    Fil-fatt, ir-rwol ta’ sorveljanza mogħti lill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE ma jinvolvix biss il-kompitu li tinvestiga u tikkastiga każijiet ta’ ksur individwali, iżda jinkludi wkoll id-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li jiġu applikati, fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-prinċipji stabbiliti fit-Trattat u li torjenta l-aġir tal-impriżi f’din id-direzzjoni (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, punt 105, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 170).

    212

    Konsegwentement, l-impriżi inkwistjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fl-imgħoddi. Dan jgħodd mhux biss meta l-Kummissjoni tipproċedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi billi tiddeċiedi multi f’deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssir bl-applikazzjoni, għal każijiet speċifiċi, ta’ regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali bħal-linji gwida (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 229 u 230).

    213

    Għalhekk, is-sostituzzjoni tal-linji gwida tal-1998 b’metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi, li jinsab fil-linji gwida tal-2006, jekk jitqies li dan kellu effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti, kienet raġonevolment prevedibbli għall-parteċipanti fl-akkordju fid-dawl taż-żmien ta’ meta dan ġie implementat. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 206 iktar ’il fuq, il-garanziji fil-qasam kriminali stipulati fl-Artikolu 6 tal-KEDB ma għandhomx neċessarjament jiġu applikati fis-severità kollha tagħhom fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-portata ta’ din il-ġurisprudenza għandha tiġi estiża, b’analoġija, għall-artikolu 7 tal-KEDB. F’kull każ l-introduzzjoni ta’ linji gwida ġodda ma biddlitx il-livell massimu tal-multa, previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa l-uniku kuntest leġiżlattiv applikabbli. Għaldaqstant, billi applikat il-linji gwida tal-2006 fid-deċiżjoni kkontestata għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 231 u 232).

    214

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, li kieku l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tapplika l-linji gwida fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta twettaq il-ksur, li dam għaddej tlettax-il sena fil-kawża inkwistjoni, tali obbligu jirrendi bla effett id-dritt tal-Kummissjoni, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 210 iktar ’il fuq, li tadatta l-metodi ta’ kalkolu tal-multa fid-dawl tal-obbligu tagħha ta’ applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

    215

    Minn dan isegwi li peress li anki t-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hija.

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-inklużjoni żbaljata tal-bejgħ tal-mikroxema ’ fil-valur tal-bejgħ ta ’ Sasol

    216

    Skont il-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew ta’ servizzi, magħmul mill-impriża, fil-kuntest dirett jew indirett tal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat, fit-territorju taż-ŻEE. Skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna relatata ma’ dan il-punt, il-bejgħ indirett jittieħed inkunsiderazzjoni, pereżempju, għall-ftehimiet fuq il-prezz orrizontali li jirrigwardaw prodott speċifiku, meta l-prezz ta’ dan il-prodott iservi sussegwentement bħala bażi għall-prezz ta’ prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri.

    217

    Ir-rikorrenti jqisu li l-mikroxema’ ma kinitx ikkonċernata mill-akkordju, b’tali mod li l-Kummissjoni żbaljat meta inkludiet id-dħul mill-bejgħ relatat ma’ dawn il-prodotti fil-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

    Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

    218

    Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58, u s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    219

    Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali jkollha quddiemha rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, hija għandha teżerċita, b’mod ġenerali, stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ġewx issodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II-3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    220

    F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tkun ta’ benefiċċju għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement skont il-liġi jekk f’moħħha jibqa’ dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 60, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, T-112/07, Ġabra p. II-3871, punt 58).

    221

    Fil-fatt, fis-sitwazzjoni msemmija l-aħħar, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, li jifforma parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet li huma marbutin magħhom, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza huwa applikabbli b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 59; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    222

    Għalhekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tagħti provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji għal kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    223

    L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur minn naħa ta’ impriża tal-Artikolu 81(1) KE ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T-53/03, Ġabra p. II-1333, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    224

    Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-prattika, il-Kummissjoni hija ta’ spiss obbligata tipprova l-eżistenza ta’ ksur f’ċirkustanzi li ma tantx huma xierqa għal dan il-kompitu, sa fejn setgħu għaddew diversi snin wara ż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li diversi mill-impriżi li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni ma kkooperawx b’mod attiv magħha. Għalkemm il-Kummissjoni għandha neċessarjament tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illegali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, madankollu jkun eċċessiv li, barra minn hekk, hija tintalab tipproduċi prova tal-mekkaniżmu speċifiku li bih kellu jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, ikun faċli wisq għal impriża li wettqet ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ tislet argument min-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata f’dak li jirrigwarda l-funzjonament ta’ ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod utli f’tali sitwazzjoni, sakemm huma jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw fuq il-provi kollha invokati fil-konfront tagħhom mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 203 ).

    225

    Fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal‑produzzjoni libera tal-provi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T-50/00, Ġabra p. II-2395, punt 72, u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 64).

    226

    Fir-rigward tal-valur probatorju tad-diversi provi, l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punt 72).

    227

    Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punti 1053 u 1838) u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 70).

    228

    Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur, huwa biżżejjed għal dawn tal-aħħar li juru l-eżistenza ta’ fatti li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti minnha u li jippermettu għalhekk li spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti tissostitwixxi dik użata minnha sabiex tikkonkludi li hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 186).

    229

    Min-naħa l-oħra, fil-każijiet li fihom il-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha fuq provi dokumentali, l-impriżi kkonċernati għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għat-teżi tal-Kummissjoni, iżda saħansitra jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 187). Tali produzzjoni tal-provi ma tiksirx il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 181).

    230

    Fid-dawl tan-notorjetà tal-projbizzjoni ta’ ftehimiet antikompetittiv, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li hija jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati b’deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawżibbli, evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 55 sa 57; ara, ukoll, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    231

    Fl-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi dokumentali, għandha tingħata importanza kbira għall-fatt li dokument ġie stabbilit b’rabta immedjata mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, T-157/94, Ġabra p. II-707, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II-5761, punt 181) jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 207)).

    232

    L-assenza ta’ data jew ta’ firma ta’ dokument jew il-fatt li ma nkitibx tajjeb ma tneħħilux is-saħħa probatorja kollha tiegħu, b’mod partikolari meta l-oriġini tiegħu, id-data probabbli tiegħu u l-kontenut tiegħu jistgħu jiġu ddeterminati b’ċertezza suffiċjenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il-Kummissjoni, T-217/03 u T-245/03, Ġabra p. II-4987, punt 12; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 86).

    233

    Mill-prinċipju tal-produzzjoni libera tal-provi jirriżulta li, minkejja li l-assenza ta’ provi dokumentali tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-sensiela ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, waħedha, hija ma għandhiex il-konsegwenza li tippermetti li l-impriża kkonċernata tikkonfuta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan ikun il-każ biss meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mingħajr ekwivoku u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Coat Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T-36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

    234

    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinqeda, fil-konfront ta’ impriża, b’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġiri li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 192, u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 67).

    235

    Valur probatorju partikolarment għoli jista’ jiġi rrikonoxxut lid-dikjarazzjonijiet li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, isiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’ nett, imorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il‑ħames nett, ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija fihom u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).

    236

    Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 219 u 220 u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 68).

    237

    Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, peress li huwa possibbli li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dik tal-parteċipanti l-oħra, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-ammont tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv magħmul biex il-Kummissjoni taqa’ fi żball jista’ jqiegħed f’dubju kemm is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-applikant u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà tiegħu li jibbenefika kompletament mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 220 iktar ’il fuq, punt 72; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 194 iktar ’il fuq, punt 70).

    238

    B’mod partikolari, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tistqarr li wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma provi partikolarment affidabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 166, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

    239

    Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

    Fuq id-deċiżjoni kkontestata u fuq id-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti fl-akkordju

    240

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata:

    “Matul il-parti l-kbira tal-laqgħat tekniċi, id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kienu ġeneralment jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin u rarament biss id-differenti tipi ta’ xema’ tal-paraffin (bħax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata, ix-xema’ tal-paraffin nofsha raffinata, it-taħlit ta’ xema’/speċjalizzata, ix-xema’ tal-paraffin solida jew x-xema’ finalizzata bl-ilma). Barra minn hekk, kien ċar għall-impriżi kollha li l-prezzijiet għal kull tip ta’ xema’ tal-paraffin kellhom jiżdiedu bl-istess ammont jew bl-istess perċentwali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    241

    Id-dikjarazzjoni ta’ Shell tas-26 ta’ April 2005, li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika li t-tipi kollha ta’ xema’ tal-paraffin kienu kkonċernati mill-prattiki intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, Shell iddikjarat li, matul il-laqgħat tekniċi, kien ġeneralment sottointiż bejn il-parteċipanti li l-prezzijiet tat-tipi kollha ta’ xema’ tal-paraffin kellhom jiżdiedu bl-istess ammont jew perċentwali.

    242

    Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni orali tagħha tal-21 ta’ Marzu 2007, Shell iddikjarat ukoll li kien biss f’każijiet rari li kienu ssemmew id-diversi tipi ta’ xema’ tal-paraffin (pereżempju x-xema’ tal-paraffin totalment raffinata, nofsha raffinata, solida u t-taħlit ta’ xema’/speċjalizzata). Il-parteċipanti kienu miftiehma sabiex il-prezzijiet tat-tipi kollha ta’ xema’ tal-paraffin jiżdiedu bl-istess ammont jew bl-istess perċentwali.

    243

    Sussegwentement, Total iddikjarat li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu jirrigwardaw pprinċipalment il-paraffin ta’ kwalità normali prinċipalment użat fis-settur tax-xemgħat, l-uniku paraffin li kien verament jinteressa lil Sasol u lill-produtturi Ġermaniżi l-oħra (DEA u Hansen & Rosenthal). Peress li x-xemgħa kienet waħda mis-swieq prinċipali tal-paraffin fl-Ewropa, varjazzjoni fil-prezz f’dan is-suq kienet iġġib magħha varjazzjoni fil-prezzijiet fl-applikazzjonijiet l-oħra.

    244

    Sasol ikkonfermat ukoll din il-prattika billi ddikjarat li l-ftehimiet konklużi matul laqgħat tekniċi kienu jistabbilixxu ftit jew wisq it-tendenza għal segmenti oħra tal-prodott, peress li l-parteċipanti kienu ta’ spiss u b’mod approssimattiv ipprovaw jittrasponu fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ prodotti ż-żidiet fil-prezz li kienu deċiżi.

    245

    Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet konkordanti tal-parteċipanti fl-akkordju jsostnu u jikkonfermaw il-kontenut tal-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq l-allegata assenza ta’ ftehim fuq il-prezzijiet tal-mikroxema’

    246

    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-mikroxema’ ssemmiet b’mod okkażjonali matul il-laqgħat tekniċi. Madankollu, mid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, miġbura matul il-proċedura amministrattiva, jirriżulta li x-xema’ tal-paraffin totalment jew nofsha raffinata kienet is-suġġett prinċipali tal-laqgħat “Blauer Salon”. Iktar minn hekk, ma kien hemm l-ebda laqgħa matul il-perijodu tal-ksur li fiha l-parteċipanti ftiehmu fuq il-prezzijiet tal-mikroxema’ jew qassmu l-klijenti bejniethom f’dak li jirrigwarda dawn il-prodotti. Dan il-punt huwa kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet ta’ Shell.

    247

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjoni ta’ Shell tal-14 ta’ Ġunju 2006, li għaliha jagħmlu riferiment ir-rikorrenti, tillimita ruħha li tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-mikroxema’ u li tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-materji primi li minnhom din hija magħmula. L-imsemmija dikjarazzjoni ma tirrigwardax l-assenza jew il-preżenza ta’ prattiki li jikkostitwixxu ksur fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

    248

    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-ksur relatat max-xema’ tal-paraffin li ġie imputat lir-rikorrenti kien jikkonsisti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u dwar l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva mil-lat kummerċjali, li kienu jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin (il-parti prinċipali tal-ksur) u t-tqassim tal-klijenti jew tas-swieq (it-tieni parti tal-ksur).

    249

    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-parti prinċipali tal-akkordju hija kumplessa, jiġifieri li tikkonsisti f’taħlita ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet, ta’ prattiki miftiehma u ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva.

    250

    Issa, skont kliem l-Artikolu 81 KE, “[huma] inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni [...]”.

    251

    Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod iddeterminat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 256, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 199). Ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jitqies li huwa konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata jkunu għadhom is-suġġett ta’ negozjati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni, T-240/07, Ġabra p. II-3355, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

    252

    Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi li, mingħajr ma twasslet sal-istadju li fih ftehim veru u proprju ġie konkluż, intenzjonalment tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 115, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 158).

    253

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 252 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

    254

    Għalhekk, sabiex id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ tal-mikroxema’ jiġi inkluż fil-valur tal-bejgħ tal-parteċipanti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li turi li matul il-laqgħat tekniċi kienu jiġu konklużi ftehimiet dwar il-preżżijiet tagħhom. Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegata assenza ta’ ftehimiet f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezz tal-mikroxema’ u t-tqassim tal-klijenti fir-rigward ta’ dawn il-prodotti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

    Fuq il-provi dokumentali dwar il-mikroxema’

    255

    Għandhom jiġu eżaminati l-provi dokumentali dwar il-mikroxema’, prodotti fid-deċiżjoni kkontestata, u fid-dokumentazzjoni li għaliha tagħmel riferiment l-imsemmija deċiżjoni u li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

    256

    L-ewwel nett, in-nota ta’ MOL dwar il-laqgħa teknika tal-24 ta’ Ġunju 1994 f’Budapest (l-Ungerija), li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni fin-noti ta’ qiegħ il-paġna relatati mal-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, issemmi, taħt it-titolu “Repsol”:

    “bejgħ: 60000 t [20000 t importazzjonijiet]

    Cepsa/Elf 15-2000 t inkl. 3000 t mikro

    ERT xema’ ratba biss 15000 tu”

    257

    Dawn l-indikazzjonijiet, li ma ġewx riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, iżda kkomunikati lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, huma xhieda tal-fatt li l-parteċipanti indikaw it-tunnellaġġi ta’ xema’ tal-paraffin, inkluża l-mikroxema’, mibjugħa jew li kellha tinbiegħ lid-diversi klijenti, bil-għan tat-tqassim tas-swieq u tal-klijenti.

    258

    It-tieni nett, in-nota ta’ MOL dwar il-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 f’Hamburg, iċċitata fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika:

    “Nuqqas ta’ kwantità 50/52 mikro -> Repsol Mobil Agip

    [...]

    mikroxema’ – prezz Franċiż 1500-1600 żieda 10 %”

    259

    It-tielet nett, in-nota ta’ MOL dwar il-laqgħa tal-5 u tas-6 ta’ Mejju 1998 f’Budapest, li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni f’nota ta’ qiegħ il-paġna relatata mal-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika:

    “Total – [mhux leġġibbli] 5500–6500 mikro [viskożita] 14-15 [;] lil Cepsa 4900 emu [mhux leġġibbli] + 4 % Total/E”

    260

    Anki fid-dawl tal-provi l-oħra msemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn id-diversi noti huma xhieda tal-fatt li l-parteċipanti indikaw it-tunnellaġġi ta’ xema’ tal-paraffin, inkluża l-mikroxema’, mibjugħa jew li kellha tinbiegħ lid-diversi klijenti, bil-għan tat-tqassim tas-swieq u tal-klijenti.

    261

    Ir-raba’ nett, in-nota ta’ MOL dwar il-laqgħa tat-13 u tal-14 ta’ April 1999 f’München (il-Ġermanja), iċċitata fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, tinkludi tabella li kolonna sħiħa tagħha hija intitolata “Mikro”. L-indikazzjonijiet dwar il-kolonni l-oħra, li jikklassifikaw it-tipi l-oħra tax-xema’ tal-paraffin skont il-punt ta’ tidwib tagħhom, ma jħallu ebda dubju dwar il-fatt li s-suġġett kien il-mikroxema’.

    262

    Il-ħames nett, rapport tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol dwar il-laqgħa tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 f’Pariġi (Franza), iċċitat fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, jinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    “F’Lulju: annullament tal-prezzijiet tal-klijenti speċjali (= dawk li ma jixtrux jew li xtraw ftit ħafna s-sena li għaddiet/baġit) mill-iktar fiss possibbli, per eżempju 30 ġurnata. Obbjettiv: iffissar ta’ punt ta’ riferiment!

    Fl-aħħar ta’ Awwissu[:] annullament tal-prezzijiet kollha fit-30/9.01

    Fl-1/10.01 + EUR 7,-

    Injam/emulsion + kawċú/tyres = iktar tard

    Jekk il-klijenti jistaqsu dwar it-tendenza tal-prezzijiet għat-tieni nofs tas-sena:

    It-tendenza hija lejn żieda fil-prezzijiet għaliex iċ-ċifri baġitarji kollha, per eż. iż-żejt mhux maħdum b’$ 25,- / Rata tal-kambju mad-Dollaru ta’ DM 2, inqabżu b’mod sinjifikattiv. Barra minn hekk, il-mikroxema’ + madwar 30 %/ paraffin ta’ kwalità superjuri rari ħafna u li jswa ħafna flus.”

    263

    Dawn l-indikazzjonijiet juru, minn naħa, li l-parteċipanti fl-akkordju kkunsidraw li ż-żidiet fil-prezzijiet tat-tipi kollha ta’ xema’ tal-paraffin kienu marbuta ma’ xulxin u, min-naħa l-oħra, li huma kienu wkoll fasslu ġustifikazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn iż-żidiet fil-konfront tal-klijenti.

    264

    Is-sitt nett, nota miktuba bl-idejn li nstabet għand Total dwar il-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, iċċitata fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, issemmi “1 ta’ Lulju – [...] + Mikroxema’: 25 -> 50 $/T”. Għalhekk, din hija traċċa diretta li tagħmel riferiment għal deċiżjoni, jekk mhux saħansitra għal ftehim, dwar il-prezzijiet tal-mikroxema’.

    265

    Kif imfakkar fil-punt 222 iktar ’il fuq, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa kriterji ta’ preċiżjoni u ta’ qbil għal kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni tal-Unjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit.

    266

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 230 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li hija jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati b’deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti.

    267

    Barra minn hekk, in-noti ta’ MOL tħejjew matul il-laqgħat mill-persuna li kienet assistiet għalihom u l-kontenut tagħhom huwa strutturat u relattivament iddettaljat. Għalhekk, il-valur probatorju ta’ dawn in-noti huwa għoli ħafna. F’dak li jirrigwarda r-rapporti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol, dawn huma dokumenti taż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti u ġew redatti in tempore non suspecto, jiġifieri ftit wara kull laqgħa teknika. Anki jekk il-persuna li kitbithom ma kinitx preżenti għal-laqgħat tekniċi, hija bbażat ruħha fuq l-informazzjoni miksuba minn parteċipant. Għalhekk, il-valur probatorju ta’ dawn ir-rapporti huwa wkoll għoli.

    268

    Fid-dawl tal-provi kollha miġbura mill-Kummissjoni, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-prezzijiet, il-volumi prodotti u informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva dwar il-mikroxema’, kif ukoll il-volumi ta’ mikroxema’ mibjugħa jew li kellhom jinbiegħu lill-klijenti, kienu diskussi matul il-laqgħat tekniċi.

    Fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti

    269

    Ir-rikorrenti jqisu li l-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata u nofsha raffinata (prodotti li kienu s-suġġett tal-ftehimiet inkwistjoni) ma servewx “bħala bażi għall-prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-mikroxema’ bħala “prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, b’tali mod li l-prezzijiet tagħhom ma setgħux ikunu influwenzati mill-ftehimiet dwar il-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata u nofsha raffinata. Fil-fatt, il-mikroxema’ (b’kuntrast mat-taħlit ta’ xema’ jew max-xema’ speċjalizzata) ma hijiex immanifatturata minn xema’ tal-paraffin totalment raffinata u nofsha raffinata. Il-mikroxema’ lanqas biss ma fiha l-istess materji primi bħax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata u nofsha raffinata. Filwaqt li dawn tal-aħħar jinħadmu minn żejt mhux maħdum ħafif, il-mikroxema’ hija mmanifatturata minn bażi lubrifikanti b’viskożità għolja. Il-materja prima tal-mikroxema’ u l-mikroxema’ nnifisha huma nettament differenti mix-xema’ ratba u mix-xema’ tal-paraffin totalment raffinata u nofsha raffinata. Dawn l-elementi kollha nġabu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni b’mod dettaljat fil-paġni 2 sa 4 tat-talba għal klemenza ta’ Sasol.

    270

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għat-tabella li tinsab fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minnha jirriżulta li l-andament tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin nofsha raffinata u dak tal-prezz tax-xema’ totalment raffinata żviluppaw b’mod li jixxiebah ħafna, filwaqt li l-prezzijiet tal-mikroxema’ kienu “iktar irregolari”. Għalhekk, il-prezz tal-mikroxema’ ma jiddependix mis-suq tax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata u nofsha raffinata, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-mikroxema’ ta’ Sasol sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa.

    271

    Fir-rigward tal-karatteristiċi differenti tal-mikroxema’ meta mqabbla max-xema’ tal-paraffin l-oħra, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-prodotti suġġetti għall-kartell eventwalment ikun jappartjenu għal diversi swieq ta’ prodotti ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata meta l-Kummissjoni jkollha provi materjali li juru li l-attivitajiet antikompetittivi kienu jikkonċernaw direttament jew indirettament il-prodotti kollha kkonċernati mid-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tokai II”, punt 90).

    272

    Fid-dawl tad-dimostrazzjoni diretta dwar l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar il-prezzijiet u d-data kummerċjali sensittiva relatata mal-mikroxema’, kif ukoll dwar it-tqassim tas-swieq fir-rigward tal-mikroxema’ (ara l-punti 255 et seq), għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jinvalidaw l-approċċ tal-Kummissjoni, li jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-bejgħ tal-mikroxema’ fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

    273

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma għandhom il-kapaċitajiet biex jipproduċu xema’ tal-paraffin minn xema’ ratba, iżda li ma għandhomx kapaċitajiet biex jipproduċu l-mikroxema’ minn bażijiet lubrifikanti b’viskożità għolja. Għalhekk, Sasol innifisha hija xerrej tal-mikroxema’ u, konsegwentement, ma kellha l-ebda interess li l-prezz tagħha jogħla.

    274

    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

    275

    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta li l-prezzijiet artifiċjalment għolja tax-xema’ ratba ma kinux japplikaw għall-provvisti reċiproċi ta’ dan il-prodott bejn il-parteċipanti fl-akkordju. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti pprovdew data ddettaljata dwar il-volumi tal-mikroxema’ li huma xtraw jew biegħu bejn l-2002 u l-2005 u espressi kemm f’EUR kif ukoll f’tunnellati. Minn din id-data jirriżulta li l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom kien medjament 63.7 % ogħla mill-prezz li bih huma xtraw il-mikroxema’. Għalhekk, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li l-prezzijiet artifiċjali li jirriżultaw mill-akkordju lanqas ma kienu japplikaw għall-provvisti reċiproċi tal-mikroxema’ bejn il-parteċipanti fl-akkordju, l-istess bħal fil-każ tax-xema’ ratba. Għalhekk, għalkemm Sasol nnifisha ma kinitx tipproduċi l-mikroxema’, hija setgħet tapprofitta ruħha b’mod sħiħ mill-effetti tal-akkordju fuq il-prezz tal-mikroxema’, peress li hija setgħet tiksibha mingħand produtturi li kienu jipparteċipaw fl-akkordju jew minn sorsi oħra bi prezz korrispondenti għal prezz kompetittiv u tbigħha bil-prezzijiet artifiċjalment għolja li jirriżultaw mill-akkordju.

    276

    Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta inkludiet il-bejgħ tal-mikroxema’ fil-valur tal-bejgħ.

    277

    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji li jivvizzjaw il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa f’dak li jirrigwarda x-xema ’ ratba

    278

    Ir-rikorrenti jsostnu li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni identifikat biss laqgħa teknika waħda li matulha kien issemma l-bejgħ tax-xema’ ratba lil klijenti finali u li hija lanqas biss ma ddikjarat fermament li Sasol kienet ipparteċipat għall-imsemmija laqgħa. Għalhekk, il-gravità tal-ksur relatat max-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż ma tistax tiġġustifika rata ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni wettqet żball inkwantu hija ppreżumiet li l-ksur kien dam għaddej sitt snin u sitt xhur.

    Dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba bejn it-30 ta’ Ottubru 1997 u t-12 ta’ Mejju 2004

    279

    Fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata l-kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

    “Kemm Sasol kif ukoll Shell espressament jammettu li l-prezzijiet tax-xema’ ratba kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-kompetituri, b’mod speċjali lejn l-aħħar tas-snin disgħin, u pprovdew dettalji dwar ċerti kuntatti inkwistjoni (ara wkoll il-premessa 112). Matul il-laqgħa li nżammet fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 1997 (ara l-premessa 145), diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba tal-inqas laqqgħu lil ENI, H&R/Tudapetrol, MOL, Repsol, Sasol, Dea (wara l-2002, Shell) u Total, li [...] qablu li jżidu l-prezzijiet. Il-preżenza ta’ Shell u ta’ Total ġiet stabbilita f’minn tal-inqas laqgħa waħda speċifikament iddedikata għax-xema’ ratba, dik tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999 (ara l-premessa 152). Sasol u ExxonMobil ma jiċħdux il-preżenza tagħhom f’din il-laqgħa fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u l-preżenza tagħhom tidher effettivament probabbli fid-dawl ta’ nota miktuba bl-idejn fuq messaġġ elettroniku intern ta’ Shell mibgħut l-għada u li jirreferi għall-‘produtturi kollha’. Sasol, Shell u Total kienu wkoll rappreżentati f’laqgħa teknika tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 (ara l-premessa 174) li matulha ġie konkluż ftehim dwar il-prezz tax-xema’ ratba. Il-Kummissjoni ssemmi barra minn hekk li x-xema’ ratba kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet matul ċerti laqgħat tekniċi, li seħħew fil-preżenza ta’ ExxonMobil, Sasol, Shell u Total. ExxonMobil ammettiet li pparteċipat f’dawn id-diskussjonijiet bejn l-1993 u l-1996. ExxonMobil ammettiet ukoll li [T. H.], rappreżentant ta’ ExxonMobil, ipparteċipa f’diskussjonijiet fuq ix-xema’ ratba f’isem produtturi ta’ particle boards fil-parti Ġermanofonika tal-Ewropea bejn l-1999 u l-2001 u tikkonferma b’mod ġenerali li ġew organizzati diksussjonijiet fil-kuntest ta’ ftehimiet tal-akkordju dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali. Bl-istess mod Total tinnota li seħħew diskussjonijiet dwar iż-żieda fil-prezzijiet tax-xema’ ratba. Shell u ExxonMobil jikkonfermaw ukoll li laqgħat dwar ix-xema’ ratba kienu seħħew lil hinn mil-laqgħat tekniċi. Għalkemm ENI, H&R-Tudapetrol, MOL u Repsol kienu wkoll rappreżentati f’ċerti minn dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni tqis li l-provi disponibbli ma humiex biżżejjed biex dawn l-impriżi jinżammu responsabbli għall-ksur dwar ix-xema’ ratba. Barra minn hekk, għalkemm ċerti provi jidhru li jaqblu ma’ perijodi u ma’ swieq oħra, il-Kummissjoni tqis li l-provi disponibbli jippermettu biss li jiġi konkluż ksur dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż fis-snin 1997 sal-2004.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    280

    Barra minn hekk, fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

    “Il-kwistjoni tax-xema’ ratba ġiet diskussa f’ċerti laqgħat tekniċi [nota ta’ qiegħ il-paġna: premessi 144, 145, 152, 157, 174 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata]. Barra minn hekk, ftehimiet dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż ġew konklużi minn tal-inqas darba lil hinn mil-laqgħat tekniċi meta r-rappreżentanti ta’ Shell, Sasol, ExxonMobil u Total, u forsi oħrajn, iltaqgħu u approfondew id-diskussjoni dwar ix-xema’ ratba, jiġifieri fi kliem ieħor, iffissaw il-prezzijiet u skambjaw informazzjoni sensittiva fuq il-pjan kummerċjali. Pereżempju, huwa ppruvat li tali laqgħa seħħet f’Düsseldorf fit-8 u fid-9 ta’ Marzu 1999. Il-persuni li jirrappreżentaw l-impriżi matul il-laqgħa speċifika ddedikata għax-xema’ ratba kienu, fil-parti l-kbira tal-impriżi, l-istess bħal dawk li kienu jattendu għall-laqgħat tekniċi, bl-eċċezzjoni ta’ Total.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    281

    Għandu jiġi osservat li l-premessi 144, 145, 152, 157, 174 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw rispettivament il-laqgħat tad-19 u tal-20 ta’ Ġunju 1997, tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997, tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999, tat-3 u tal-4 ta’ Frar 2000, tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u tat-3 u tal-4 ta’ Awwissu 2004.

    282

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxix l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi għax-xema’ ratba biss f’dak li jirrigwarda l-bejgħ lil klijenti finali fil-Ġermanja b’dan il-mod:

    “[…]

    (289)

    Il-Kummissjoni tqis barra minn hekk li dawn id-diskussjonijiet ittrattaw biss ix-xema’ ratba mibjugħa minn impriżi marbuta lill-klijenti finali bħall-produtturi ta’ particle boards u mhux, pereżempju, ix-xema’ tal-paraffin. Għalkemm id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi spiss ma jistabbilixxu l-ebda distinzjoni bejn l-użu differenti tax-xema’ ratba, il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 152 [dwar il-laqgħa f’Düsseldorf tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999] isemmi esklużivament ix-xema’ ratba mibjugħa lill-produtturi ta’ particle boards. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li hemm dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-bejgħ tax-xema’ ratba lil klijenti oħra li ma humiex il-klijenti finali kienx is-suġġett tal-ksur u ser tillimita l-konklużjonijiet tagħha għax-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati minn Shell u ExxonMobil.

    (290)

    Il-provi disponibbli jagħtu x’jifhem li d-diskussjonijiet okkażjonali dwar ix-xema’ ratba kienu essenzjalment jirrigwardaw is-suq Ġermaniż. ExxonMobil, Sasol, Shell u Total kollha jbiegħu xema’ ratba fis-suq Ġermaniż u l-laqgħat li fihom ġiet diskussa x-xema’ ratba seħħew fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li ma hemmx biżżejjed indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li l-ftehimiet applikabbli għax-xema’ ratba kienu jirrigwardaw ukoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali ta’ pajjiżi oħra.

    (291)

    Il-Kummissjoni tqis li l-ksur, sa fejn jirrigwarda x-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż, beda matul il-laqgħa tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u ntemm matul il-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004.

    (292)

    Il-Kummissjoni tqis konsegwentement li d-diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż jagħtu lok għal ftehim u/jew prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet indipendenti u konkordanti ta’ Shell u ta’ Sasol, sostnuti mid-dikjarazzjonijiet ta’ ExxonMobil u ta’ Total. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-provi bil-miktub.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    283

    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-laqgħa tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997, li għaliha kienet preżenti Sasol, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq nota ta’ MOL li tinkludi l-kliem “slack wax: DM 550 ‑> 600”. Barra minn hekk din in-nota tinkludi indikazzjonijiet iddettaljati dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin, fejn tispeċifika ċ-ċifri u d-dati previsti għall-implementazzjoni taż-żidiet minn kull produttur membru tal-akkordju.

    284

    Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li “peress li l-linja ‘Żieda fil-prezzijiet f’Jannar’ [kienet] tirreferi għall-futur, din in-nota [kienet] tikkonferma li l-impriżi parteċipanti [kienu] ftiehmu dwar strateġija biex jarmonizzaw u jżidu l-prezzijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[n]-nota [kienet] tikkonċerna kemm ix-xema’ tal-paraffin kif ukoll ix-xema’ ratba” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    285

    Ir-rikorrenti jsostnu li n-nota tikkonċerna x-xema’ ratba pprovduta lill-membri tal-akkordju sabiex tiġi prodotta x-xema’ tal-paraffin.

    286

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti fl-akkordju, il-prezzijiet tax-xema’ ratba, sa fejn din kienet is-suġġett ta’ provvisti reċiproċi bejn il-parteċipanti, ma kinux is-suġġett tal-laqgħat tekniċi iżda kienu jiġu stabbiliti permezz tan-negozjati bilaterali bejn l-impriżi. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    287

    Wara dan, ir-rikorrenti josservaw li MOL ma kinitx tipprovdi xema’ ratba lill-klijenti Ġermaniżi, b’tali mod li n-nota ma tikkonċernax il-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba. Iktar minn hekk, minn dawn l-indikazzjonijiet ma jistax jiġi dedott li kien ġie konkluż ftehim dwar il-prezzijiet.

    288

    Għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti huma irrilevanti, peress li l-iffissar tal-prezz ġeneralment japplika għall-klijenti kollha, inkluż, bħal f’dan il-każ, għall-klijenti finali Ġermaniżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex hija kienet iddeċidiet li tillimita l-portata tal-prattiki antikompetittivi dwar ix-xema’ ratba għall-bejgħ lill-klijenti finali Ġermaniżi fil-premessi 289 sa 292 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotti fil-punt 282 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma ppreżentawx argumenti dwar dawn is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata.

    289

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni akkużat lir-rikorrenti bi ksur kumpless, li jikkonsisti fi “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] b’tali mod li ma huwiex meħtieġ li jintwera li kien ġie konkluż ftehim fuq il-prezzijiet partikolari.

    290

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-rapport tal-laqgħa “Blauer Salon” dwar din il-laqgħa teknika ma jsemmix diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

    291

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 230 iktar ’il fuq, l-elementi frammentarji u mifruxa li l-Kummissjoni jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati b’deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti, u l-evalwazzjoni tikkonċerna l-provi kollha aċċessibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi raġonevolment meħtieġa li tipprova kull dettall tal-ksur permezz ta’ diversi provi dokumentali konkordanti.

    292

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta ddeċidiet li n-nota ta’ MOL dwar din il-laqgħa teknika, b’mod partikolari fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti, kienet tifforma parti mill-kumpless ta’ provi li juru li kien hemm “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali Ġermaniżi.

    293

    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-laqgħa tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999, imsemmija fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

    “Shell tippreżenta nota li skontha nkitbet bl-idejn minn [S. R.] sabiex jipprepara din il-laqgħa. Din tispjega l-aħħar linja tan-nota li tindika ‘8/9.3.99 PM - particle board’. Shell tiddikjara li ‘PM’ tfisser ‘paraffin Mafia’ [(mafja tal-paraffin)], l-isem li Shell kienet tagħti lill-impriżi li kienu normalment jipparteċipaw għal-laqgħat tekniċi. In-nota għandha d-data ta’ meta nżammet il-laqgħa, u dan il-fatt jagħmel l-ispjegazzjoni ta’ Shell fuq in-nota prodotta bi tħejjija għal-laqgħa plawżibbli u koerenti mal-provi l-oħra. In-nota ta’ [S. R.] turi li huwa kien qed jistenna li r-rappreżentanti tad-diversi impriżi jiskambjaw informazzjoni dwar il-provvista ta’ xema’ ratba lil ċerti klijenti kbar. L-għada ta’ din il-laqgħa, [S. R.] bagħat messaġġ elettroniku lis-superjur tiegħu, [S. T.], fejn iddikjara li [waħda mill-parteċipanti] kellha l-intenzjoni li żżid il-prezzijiet tagħha tax-xema’ ratba użata fis-settur tal-particle boards bi 8 sa 10 % mill-1 ta’ Ġunju 1999. Nota miktuba bl-idejn dwar dan il-messaġġ tindika li ’l-produtturi kollha jħossu l-ħtieġa li jżiedu (il-prezzijiet)’. Dan juri li r-rappreżentanti tal-kumpanniji matul il-laqgħa kienu qablu biex iżiedu l-prezzijiet tax-xema’ ratba fl-industrija tal-particle boards u li [waħda mill-parteċipanti] kienet ser timplementa dan il-ftehim minn Ġunju 1999. Ir-riferiment għall-‘produtturi kollha’ juri wkoll li l-impriżi l-oħra, minbarra Total et Shell, kienu x’aktarx ipparteċipaw għal-laqgħa.”

    294

    Skont il-premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata, Sasol ma teskludix il-preżenza tagħha f’din il-laqgħa.

    295

    Bl-istess mod, skont il-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, ExxonMobil ma tiċħadx li pparteċipat u tammetti li r-rappreżentant tagħha pparteċipa għal xi diskussjonijiet multilaterali ma’ Sasol, Shell/Dea u Total iddedikati speċifikament għax-xema’ ratba intiża għall-produtturi tal-particle boards fil-parti Ġermanofonika tal-Ewropea, “jista’ jkun bejn l-1999 u l-2001” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    296

    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dikjarazzjonijiet ta’ ExxonMobil u ta’ Shell, kif ukoll in-nota ta’ Shell, iċċitati fil-premessi 151 u 152 tad-deċiżjoni kkontestata, jifformaw parti mill-kumpless ta’ provi li minnu l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeduċi li Sasol kienet ipparteċipat, matul il-perijodu 1999 sa 2001, għal minn tal-inqas laqgħa waħda li kienet tirrigwarda “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar l-iffissar tal-prezz tax-xema’ ratba intiża għal klijenti finali Ġermaniżi.

    297

    It-tielet nett, fir-rigward tal-laqgħa teknika tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2002 li għaliha kienet preżenti Sasol, fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata u waqt li kienet qed teżamina nota ta’ Total, il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

    “Hemm ukoll grafika bid-data intitolata ‘Suq Ewropew’ li ġiet iddistribwita matul il-laqgħa. Il-kopja li nstabet għand Total fiha noti miktuba bl-idejn li juru li matul il-laqgħa kienu ġew diskussi ċ-ċifri. Din in-nota tinkludi wkoll kummenti oħra miktuba bl-idejn li jindikaw, fost l-oħrajn: ‘Manutenzjoni f’Marzu għand Petrogal. Ix-xema’ ratba taħt l-EUR 500. Sitwazzjoni ta’ manutenzjoni ta’ tliet gimgħat f’Lulju għand MOL.’ Dan juri li matul din il-laqgħa kien hemm diskussjonijiet dwar il-prezz tax-xema’ ratba.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    298

    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument f’dak li jirrigwarda s-siltiet inkwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    299

    Għalhekk, l-imsemmija grafika misjuba għand Total tifforma parti mill-kumpless ta’ provi li juru li kien hemm “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar l-iffissar tal-prezz tax-xema’ ratba intiża għall-klijenti finali Ġermaniżi.

    300

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 li għaliha kienet preżenti Sasol, il-Kummissjoni ssemmi, fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, nota miktuba bl-idejn misjuba għand Total u li fiha l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    “-> Sasol 40 €/50 $. – Fl-aħħar ta’ Lulju.

    -> Mer: 38 - 28.

    -> l-1 ta’ Lulju

    + FRP: 70 -> 6000 €/T

    + Tealights: 50 -> 500 €/T

    + Mikroxema’: 25 -> 50 $/T

    [...]

    -> 40 €/T xema’ ratba.”

    301

    Skont il-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-aħħar linja tindika li kienet ġiet ukoll miftiehma żieda fil-prezz għax-xema’ ratba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, “mill-kuntest ġenerali tan-nota jirriżulta li vleġġa qabel il-prezz tindika l-eżistenza ta’ strateġija miftiehma għall-futur, jiġifieri li hemm pjan biex jiżdied il-prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali]».

    302

    Skont ir-rikorrenti, ma hemm xejn li jindika li din is-silta kienet effettivament tirrigwarda ftehim dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fil-Ġermanja. Ebda waħda mill-impriżi l-oħra li pparteċipaw għal-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 ma semmiet il-konklużjoni ta’ tali ftehim. Barra minn hekk, peress li ExxonMobil, li hija waħda mill-ikbar bejjiegħa tax-xema’ ratba lill-klijenti finali, ma tidhirx fost l-impriżi li pparteċipaw elenkati fil-punt 174 tad-deċiżjoni, ma huwiex probabbli wisq li l-kwistjoni tax-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali kienet ġiet diskussa matul din il-laqgħa.

    303

    Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda abbażi tal-kunsiderazzjonijiet diġà esposti fil-punti 289 sa 291 iktar ’il fuq u għandu jiġi kkunsidrat li n-nota inkwistjoni tifforma parti mill-kumpless ta’ provi li juru li kien hemm “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali Ġermaniżi.

    304

    Fil-qosor, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ġabret flimkien kumpless ta’ provi dokumentali li juri li kien hemm “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali Ġermaniżi.

    305

    Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-provi ma jurux l-eżistenza ta’ ftehimiet konklużi ma’ Sasol.

    306

    Fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ natura antikompetittiva li, bħal f’din il-kawża, jimmanifestaw ruħhom matul il-laqgħat tal-impriżi kompetituri, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jkun hemm ksur tal-Artikolu 81 KE meta dawn il-laqgħat ikollhom bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkunu għalhekk intiżi li jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, sabiex il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju tiġi ppruvata. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq, punt 81, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 47).

    307

    Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet ser timxi miegħu (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq, punt 82, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 306 iktar ’il fuq, punt 48).

    308

    Għalhekk, il-preżenza tar-rikorrenti għal-laqgħat antikompetittivi u n-nuqqas tagħhom li jiddisassoċjaw ruħhom fir-rigward tal-kontenut li jikkostitwixxi ksur jiġġustifika li l-Kummissjoni timputalhom dan il-ksur, mingħajr ma jkun meħtieġ li turi speċifikament li matul dawn il-laqgħat huma kkonkludew ftehimiet. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huwa irrilevanti.

    309

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-laqgħat tekniċi tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 ma kinux iċċitati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala li kienu “laqgħat dwar ix-xema’ ratba”.

    310

    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, il-provi relatati mal-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba, iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, diġà kienu jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Bl-istess mod, l-imsemmija dikjarazzjoni kienet tindika b’mod ċar li l-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba kienet imputata lir-rikorrenti.

    311

    Mill-kumplament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-prattiki relatati max-xema’ tal-paraffin u dawk relatati max-xema’ ratba jikkostitwixxu ksur wieħed, uniku u kontinwat. Għalhekk, il-provi relatati mal-prattiki li jikkonċernaw ix-xema’ ratba għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-kumpless tal-provi miġbura mill-Kummissjoni u li jirrigwardaw il-ksur uniku. Dawn il-provi juru l-eżistenza ta’ kuntatti kontinwati bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-prattiki relatati max-xema’ ratba.

    312

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li r-rikorrenti pparteċipaw fil-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur kumpless, uniku u kontinwat, kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Ottubru 1997 u t-12 ta’ Mejju 2004.

    313

    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-valur tal-bejgħ magħmul mill-provvista ta’ xema’ ratba u meta applikat koeffiċjent multiplikatur li jikkorrispondi għat-tul inkwistjoni.

    Fuq in-natura sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ 15 % applikat fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ tax-xema’ ratba

    314

    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn din tal-aħħar ikkalkolat l-ammont tal-multa billi użat rata ta’ 15 % fir-rigward tal-bejgħ tax-xema’ ratba magħmul minn Sasol lill-klijenti finali fil-Ġermanja.

    315

    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punt 96; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223)

    316

    Fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità u t-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 315 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont tal-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T-446/05, Ġabra p. II-1255, punt 171).

    317

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba kienet tikkonsisti b’mod partikolari f’attivitajiet kollużorji dwar l-iffissar tal-prezzijiet bejn kompetituri u għalhekk kienet taqa’ taħt il-kategorija tal-iktar ksur dannuż għall-kompetizzjoni libera.

    318

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 15 % għall-valur tal-bejgħ tax-xema’ ratba għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa hija proporzjonata għall-gravità ta’ din il-parti tal-ksur.

    319

    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat. Fil-fatt, il-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba taqa’ taħt il-punt 23 tal-linji gwida tal-2006, li jikkonċerna l-iktar forom serji ta’ ksur, li fil-konfront tagħhom l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent “fuq il-parti l-għolja tal-iskala”, jiġifieri bejn 15 u 30 % tal-valur tal-bejgħ, hija ġeneralment iġġustifikata. Billi ffissat il-koeffiċjent għal 15 % tal-valur tal-bejgħ tax-xema’ ratba, il-Kummissjoni osservat bis-sħiħ l-imsemmija linji gwida, peress li hija għażlet l-iktar koeffiċjent baxx li seta jiġi applikat, skont ir-regoli ġenerali stabbiliti mil-linji gwida tal-2006, għall-ftehimiet jew prattiki miftiehma orizzontali intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet.

    320

    It-tielet nett, ir-rikorrenti madankollu jikkunsidraw li l-imsemmi koeffiċjent huwa sproporzjonat, fid-dawl tan-numru limitat ta’ laqgħat u ta’ parteċipanti, tal-portata limitata tal-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba, kif ukoll tas-sehem tas-suq relattivament żgħir miżmum mill-parteċipanti.

    321

    Fir-rigward tan-numru allegatament limitat ta’ laqgħat li matulhom ġiet diskussa l-kwistjoni tax-xema’ ratba, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-analiżi esposta fil-punti 283 sa 310 iktar ’il fuq, in-numru ta’ laqgħat kien ħafna ogħla miż-żewġ laqgħat rikonoxxuti mir-rikorrenti. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur kumpless, uniku u kontinwat, kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Ottubru 1997 u t-12 ta’ Mejju 2004 (ara l-punt 312 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-argument ibbażat fuq in-numru limitat ta’ laqgħat dwar ix-xema’ ratba għandu jiġi miċħud.

    322

    F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-portata limitata tal-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba sa fejn din tikkonċerna biss il-bejgħ lill-klijenti finali Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, is-sehem tas-suq allegatament limitat ta’ Sasol, għandu jiġi osservat li dawn l-elementi diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, kien biss id-dħul mill-bejgħ tal-impriża Sasol (li jirrifletti s-sehem tas-suq eżatt tagħha) magħmul mill-bejgħ lill-grupp ta’ klijenti inkwistjoni (li jirrifletti l-portata limitata tal-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba) li ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ li għalih ġie sussegwentement applikat il-koeffiċjent ta’ 15 % abbażi tal-gravità tal-ksur.

    323

    Għalhekk, dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

    324

    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li huma ma jipproduċux xema’ ratba.

    325

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prezzijiet artifiċjalment għolja tax-xema’ ratba ma kinux japplikaw għall-provvisti reċiproċi bejn il-parteċipanti. Għalhekk, minkejja l-fatt li Sasol nnifisha ma pproduċietx xema’ ratba, hija setgħet tapprofitta mill-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba, peress li hija setgħet tixtriha bi prezz kompetittiv u terġa tbigħha lill-klijenti finali Ġermaniżi bil-prezzijiet artifiċjalment għolja li kienu jirriżultaw mill-akkordju.

    326

    Għalhekk, anki dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    327

    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta għażlet bħala koeffiċjent multiplikatur ir-rata ta’ 15 % tal-valur tal-bejgħ abbażi tal-gravità tal-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba.

    328

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, anki t-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq ir-raba ’ parti, ibbażata fuq l-assenza ta ’ determinazzjoni ddifferenzjata tal-ammont bażiku tal-multa skont id-diversi perijodi ta ’ parteċipazzjoni fl-akkordju mid-diversi kumpanniji

    329

    Ir-rikorrenti josservaw li, skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, meta diversi destinatarji jiġu kkundannati jħallsu multi għal diversi perijodi ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta billi tiddividi l-porzjon tal-imsemmi ammont bażiku kkalkolat skont il-bejgħ bin-numru tal-perijodi differenti.

    330

    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat, abbażi tat-tul tal-ksur, koeffiċjent ta’ 13 fir-rigward ta’ Sasol Wax għall-perijodu kollu tal-ksur, minn naħa, u koeffiċjent ta’ 10 għall-perijodi li għalihom ir-rikorrenti kollha tqiesu li huma responsabbli in solidum, min-naħa l-oħra, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-istess valur tal-bejgħ għal dawn id-diversi perijodi.

    331

    Il-Kummissjoni adottat dan l-approċċ mingħajr ma spjegat għaliex l-applikazzjoni tajba tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kienet teħtieġ sanzjoni partikolarment ħarxa kontra grupp mill-Afrika t’Isfel ta’ kumpanniji, għall-perijodi ta’ ksur li matulhom l-imsemmi grupp kien kompletament assenti fl-Ewropa, f’dan il-każ matul il-perijodu Schümann, jew kien preżenti biss permezz ta’ impriża konġunta, f’dan il-każ matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, filwaqt li l-Kummissjoni ma rat l-ebda raġuni għaliex Vara, il-kumpannija parent preċedenti ta’ HOS, li kellha terz tal-kapital ta’ Schümann Sasol, kellha tiġi ssanzjonata.

    332

    Billi għamlet dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ multi eċċessivi u ta’ individwalità tal-pieni.

    333

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-punt 6 tal-linji gwida tal-2006, il-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul ta’ dan tal-aħħar huwa meqjus bħala li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur. Barra minn hekk, skont il-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, magħmul mill-impriża, relatat direttament jew indirettament mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE.

    334

    Skont il-ġurisprudenza, sa fejn wieħed għandu jibbaża ruħu fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi involuti fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu l-iktar paragunabbli possibbli. Minn dan jirriżulta li impriża speċifika ma tistax teħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fir-rigward tagħha, fuq perijodu differenti minn dak ġeneralment ikkunsidrat ħlief fil-każ fejn hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet speċifiċi għaliha, indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika reali tagħha, u lanqas indikazzjoni tal-portata tal-ksur li hija wettqet (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il‑Kummissjoni, T-319/94, Ġabra p. II-1331, punt 42, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑175/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 142).

    335

    Fil-premessa 634 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet tammetti li s-sena 2004 kienet tirrappreżenta, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni f’Mejju, sena eċċezzjonali u li kienet tikkunsidra li kien xieraq li l-valur tal-bejgħ magħmul matul is-sena 2004 ma jintużax bħala bażi għall-kalkolu uniku tal-ammont tal-multa, iżda li għandu jintuża l-valur tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin li matulhom l-entità pparteċipat fil-ksur.

    336

    Għalhekk, fir-rigward tal-parti prinċipali u tat-tieni parti tal-ksur, dwar ix-xema’ tal-paraffin, il-Kummissjoni użat il-medja tal-valur tal-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin magħmul minn Sasol matul is-snin 2002 sa 2004. Għalhekk, hija waslet għal ċifra ekwivalenti għal EUR 167 326 016. F’dak li jirrigwarda t-tielet parti, dwar ix-xema’ ratba, hija użat il-medja tal-valur tal-bejgħ magħmul minn Sasol matul is-snin 2001 sa 2003. Hija għalhekk waslet għal ammont ekwivalenti għal EUR 5 404 922 għax-xema’ ratba.

    337

    Fl-ewwel lok, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva tas-sitwazzjoni ta’ Sasol Wax.

    338

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-parti tal-multa li għaliha Sasol Wax inżammet responsabbli waħedha tammonta għal EUR 67.5 miljun, li jirrappreżenta madwar 22 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-2007. Multa ta’ dan l-ammont hija ta’ natura tali li teqred is-sustanza ekonomika ta’ Sasol Wax, sakemm il-grupp Sasol ma jiħux volontarjament ir-responsabbiltà għall-ħlas ta’ din il-multa, fin-nuqqas ta’ kull ħtija u ta’ kull responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-perijodu Schümann.

    339

    Sa fejn dan l-argument jikkonċerna l-limitu massimu tal-multa, qed isir riferiment għall-analiżi magħmula fil-kuntest tas-sitt motiv.

    340

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jressqu l-ebda argument intiż li juri li l-valur tal-bejgħ li serva bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Sasol Wax ma kien jirrifletti b’mod xieraq la l-importanza ekonomika tal-ksur imwettaq minnha u lanqas il-piż relattiv tagħha fl-akkordju, fis-sens tal-linji gwida tal-2006 u tal-ġurisprudenza ċċittata fil-punt 334 iktar ’il fuq.

    341

    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li Sasol Wax hija responsabbli, inkwantu s-suċċessura legali tal-kumpanniji preċedenti li pparteċipaw direttament fl-akkordju, għall-aġiri li jikkostitwixxu ksur ta’ HOS u ta’ Schümann Sasol.

    342

    Għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati jifforma parti inerenti mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tindividwalizza s-sanzjoni skont l-aġiri u l-karatteristiċi partikolari tal-impriżi kkonċernati sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra r-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda dispożizzjoni legali li tobbliga lill-Kummissjoni tindividwalizza l-valur tal-bejgħ fi ħdan grupp.

    343

    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kienet wettqet xi żball meta użat il-medja tal-valur tal-bejgħ magħmul mill-impriża Sasol matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004 sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull waħda mill-kumpanniji li jifformawha, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-partijiet tal-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-28 ta’ April 2005.

    344

    Għall-istess raġunijiet, ir-rikorrenti lanqas ma wrew li l-Kummissjoni kienet wettqet xi żball meta użat il-medja tal-valur tal-bejgħ magħmul mill-impriża Sasol matul il-perijodu ta’ bejn l-2001 u l-2003 sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull waħda mill-kumpanniji li jifformawha, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-partijiet tal-ksur dwar ix-xema’ ratba, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Ottubru 1997 u t-12 ta’ Mejju 2004.

    345

    F’dak li jirrigwarda n-neċessità li l-grupp Sasol jiħux ir-responsabbiltà, minn perspettiva ekonomika, għall-parti tal-multa imposta fuq Sasol Wax li taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li din il-kwistjoni ma taqax taħt il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, iżda pjuttost taħt l-eżami mwettaq fil-kuntest tas-sitt motiv.

    346

    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, bla ħsara għar-riżultat tal-eżami tas-sitt motiv.

    347

    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-imputazzjoni tal-aġiri ta’ Schümann Sasol lil Schümann Sasol International, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, għandha tiġi kkonfermata minħabba l-applikazzjoni tal-preżunzjoni li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja miżmuma 100 % minnha, preżunzjoni li ma ġietx ikkonfutata mir-rikorrenti.

    348

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-imputazzjoni tar-responsabbiltà ta’ Schümann Sasol International lil Sasol Wax International minħabba s-suċċessjoni legali bejn dawn iż-żewġ persuni ġuridiċi.

    349

    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni b’mod żbaljat użat l-istess valur tal-bejgħ għal Sasol Wax u għall-unika kumpannija parent tagħha, Sasol Wax International.

    350

    It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-ewwel motiv ġie milqugħ u li d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata f’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd tar-responsabbiltà għall-aġiri ta’ Schümann Sasol matul il-perijodu ta’ impriża konġunta (ara l-punt 127 iktar ’il fuq). Għalhekk, il-kwistjoni tal-allegata illegalità minħabba l-valur tal-bejgħ użat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, kif ġiet imposta fuq dawn tal-aħħar għall-perijodu ta’ impriża konġunta, diġà ġiet solvuta.

    351

    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-perijodu Sasol, li matulu l-kapital kollu ta’ Sasol Wax kien miżmum indirettament minn Sasol Holding in Germany u minn Sasol Ltd, ebda dispożizzjoni legali ma kienet tipprekludi lill-Kummissjoni milli tuża l-istess valur tal-bejgħ sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja direttament involuta fil-ksur u fuq il-kumpanniji parent tagħha.

    352

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kisritx, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-valur tal-bejgħ, il-prinċipji ta’ projbizzjoni ta’ multi eċċessivi u ta’ individwalità tal-pieni. Għalhekk, ir-raba’ parti tar-raba’ motiv u, konsegwentement, ir-raba’ motiv kollu kemm huwa, għandhom jiġu miċħuda, bla ħsara għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ilqugħ tal-ewwel u tas-sitt motivi.

    5. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-istabbiliment żbaljat tar-rwol ta ’ mexxej ta ’ Sasol

    353

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni tal-provi sa fejn iddeċidiet li l-parti tal-multa dwar ix-xema’ tal-paraffin li kellha tiġi imposta fuq Sasol kellha tiżdied b’50 % (jiġifieri b’EUR 210 miljuni), minħabba li Sasol kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju fil-qasam tax-xema’ tal-paraffin.

    Fuq id-deċiżjoni kkontestata

    354

    Il-Kummissjoni esponiet il-konstatazzjonijiet tagħha dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol fil-premessi 681 sa 686 tad-deċiżjoni kkontestata:

    “[…]

    (681)

    Il-[punt] 28 tal-linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi jipprovdi li ’L-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti bħalma huwa: r-rwol ta’ mexxej jew ta’ instigatur tal-ksur (...).’ Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni [ddikjarat] li hija ‘tiġbed b’mod partikolari l-attenzjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej li Sasol kellha, kif jirriżulta mill-fatti deskritti iktar ’il fuq’. Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Sasol tikkontesta li hija kellha tali rwol ta’ mexxej tal-ksur. Sasol tallega li hija kellha rwol ta’ mexxej biss f’dak li jirrigwarda l-parti teknika tal-laqgħat tekniċi, minħabba l-għarfien superjuri tagħha tal-attivitajiet; barra minn hekk, Sasol, li tiddependi fuq il-provvisti tal-kompetituri tagħha, ma kinitx f’pożizzjoni li tmexxi akkordju, għalkemm hija tammetti li kienet bdiet diskussjonijiet fuq il-prezzijiet; anki jekk HOS — ta’ daqs żgħir f’termini ta’ dħul mill-bejgħ meta mqabbla mal-kompetituri tagħha — setgħa kellha rwol ta’ mexxej, l-influwenza tagħha naqset maż-żmien. Fl-aħħar nett, Sasol tallega li r-rwol ta’ mexxej tagħha ma huwiex rifless fil-provi disponibbli. Sasol donnha tissuġġerixxi li Total u ExxonMobil kellhom rwol ta’ mexxej fir-rigward ta’ ċerti perijodi u/jew ċerti aspetti tal-ksur.

    (682)

    L-argumenti ta’ Sasol ma jistgħux jiġu aċċettati. Il-provi msemmija fil-Kapitolu 4 juru li:

    1)

    Sasol sejħet kważi l-laqgħat tekniċi kollha, billi bagħtet stediniet u billi pproponiet aġendi, u organizzat numru minnhom, billi rriżervat kmamar f’lukandi, billi kriet swali tal-konferenzi u billi organizzat ikliet;

    2)

    Sasol ippresidiet il-laqgħat tekniċi u bdiet u organizzat id-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet;

    3)

    Sasol stabbilixxiet, minn tal-inqas okkażjonalment, kuntatti bilaterali wara l-laqgħat tekniċi;

    4)

    Sasol irrappreżentat, minn tal-inqas darba, waħda mill-impriżi l-oħra inkwistjoni (ara l-premessa 129).

    (683)

    L-argument li Sasol kienet biss sejħet, organizzat u ppresiediet il-parti teknika tal-laqgħat tekniċi ma jistax jiġi aċċettat. Ma hemm xejn li jindika li Sasol abbandunat ir-rwol ta’ mexxej tagħha meta d-diskussjonijiet tal-laqgħat tekniċi ċedew posthom għall-kwistjonijiet antikompetittivi, li kienu parti integrali minn dawn il-laqgħat tekniċi, u Sasol innifisha tammetti li bdiet id-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet. Ebda waħda min-noti ta’ dak iż-żmien ma tindika bdil fl-istruttura bejn iż-żewġ partijiet tal-laqgħat. Il-Kummissjoni f’kull każ tikkunsidra li ż-żewġ partijiet tal-laqgħat kienu strettament marbutin ma’ xulxin u li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita distinzjoni netta bejniethom. Fl-aħħar nett, il-parteċipanti l-oħra għal-laqgħat tekniċi kienu pperċepixxew lil Sasol bħala li kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra li r-rappreżentant ta’ ExxonMobil (ara l-premessa 600) bagħat sabiex itemm il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju. Ma hemm xejn li jindika li Sasol kienet qatt ipprovat tbiddel l-impressjoni li l-parteċipanti l-oħra kellhom tal-pożizzjoni tagħha ta’ mexxej tal-akkordju. Il-fatt li Sasol setgħet kienet dipendenti fuq il-kumpanniji l-oħra biex tikseb il-provvisti ma jeskludix li hija kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju. Fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ mexxej ta’ Sasol fis-suq tax-xema’ tal-paraffin, il-fatt li kienet tiddependi fuq il-provvisti ta’ kumpanniji oħra huwa biss aspett wieħed tas-sitwazzjoni, fejn l-aspetti l-oħra huma li Sasol kienet, sa ċertu punt, kapaċi tinfluwenza s-suq tax-xema’ tal-paraffin u li hija kienet xerrej b’saħħitha ħafna. Filwaqt li Sasol u l-predeċessuri tagħha setgħu jidhru bħala ta’ daqs żgħir meta mqabbla mad-destinatarji l-oħra ta’ din id-deċiżjoni f’termini ta’ dħul mill-bejgħ dinji, ma għandux jintesa li Sasol hija l-iktar attriċi importanti fis-suq tax-xema’ tal-paraffin f’termini ta’ valur tal-bejgħ. Il-fatt li l-impriża kkonċernata kienet ekonomikament indipendenti mill-kompetituri tagħha u li hija kienet f’pożizzjoni li teżerċita pressjoni fuqhom lanqas ma jikkostitwixxi rekwiżit preliminari għall-konstatazzjoni ta’ rwol ta’ mexxej. Il-ġurisprudenza ma tirrikjedix, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ mexxej, li dan ikun jista’ jiddetta l-aġir tal-oħrajn. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li dan ir-rwol ta’ mexxej jista’ jkun eskluż abbażi tas-siltiet tad-dikjarazzjonijiet imsemmija minn Sasol.

    (684)

    Peress li r-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol ma setax jiġi stabbilit fir-rigward tax-xema’ ratba, il-Kummissjoni tikkonkludi li ċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mal-fatt li hija kellha rwol ta’ mexxej setgħet tiġi applikata biss fir-rigward tal-prodotti l-oħra kkonċernati mill-ksur.

    (685)

    Sa fejn Sasol tissuġġerixxi li l-impriżi l-oħra kellhom rwol ta’ mexxej, fir-rigward ta’ ċerti perijodi u ta’ ċerti aspetti tal-ksur, il-Kummissjoni tinnota li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex ibbażati fuq provi u ma jistgħux, għalhekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    (686)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ammont bażiku tal-multa għal Sasol għandu jiżdied b’50 % tal-parti tal-ammont bażiku bbażat fuq il-bejgħ magħmul minn Sasol ta’ xema’ tal-paraffin totalment raffinata, ta’ xema’ tal-paraffin nofsha raffinata, ta’ taħlit ta’ xema’, ta’ xama’ speċjalizzata, ta’ xema’ ffinalizzata bl-ilma u ta’ xema’ tal-paraffin solida.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Fuq il-ġurisprudenza qafas

    355

    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta jkun twettaq ksur minn numru ta’ impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur tul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 252 iktar ’il fuq, punt 150). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxej” ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sa fejn l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 45).

    356

    Skont dawn il-prinċipji, il-punt 28 tal-linji gwida tal-2006 jistabbilixxi, taħt it-titolu “ċirkustanzi aggravanti”, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa, li fosthom hemm ir-rwol ta’ mexxej tal-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punti 280 sa 282, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 197).

    357

    Sabiex tiġi kklassifikata bħala mexxej ta’ akkordju, impriża għandha tkun irrappreżentat saħħa ta’ influwenza sinjifikattiva għall-akkordju jew għandha tkun ikkontribwixxiet b’responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu. Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali fid-dawl tal-kuntest tal-każ. Din tista’, b’mod partikolari, tkun inferita mill-fatt li l-impriża, permezz ta’ inizjattivi ad hoc, tat spontanjament imbottatura fondamentali fl-akkordju, jew minn kumpless ta’ indizji li juru d-dedikazzjoni tal-impriża li tiżgura l-istabbiltà u s-suċċess tal-akkordju (sentenzi BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punti 299, 300, 351, 370 sa 375 u 427, u Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punt 198).

    358

    Dan huwa l-każ meta l-impriża tkun ipparteċipat għal-laqgħat tal-akkordju f’isem impriża oħra li ma kinitx tassisti għalihom u tkun ikkomunikatilha r-riżultati tal-imsemmija laqgħat. L-istess jgħodd meta jirriżulta li l-imsemmija impriża kellha rwol ċentrali fil-funzjonament konkret tal-akkordju, pereżempju billi organizzat bosta laqgħat, billi ġabret u qassmet l-informazzjoni fi ħdan l-akkordju, u billi ta’ spiss ifformulat proposti relatati mal-funzjonament tal-akkordju (sentenzi BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punti 404, 439 u 461, u Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punt 199). Fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ tali rwol ċentrali, huma wkoll rilevanti l-presidenza tal-laqgħat u t-teħid ta’ inizjattivi bil-għan li jinħoloq l-akkordju jew sabiex parteċipant ġdid jiġi mħeġġeġ jingħaqad fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T-29/05, Ġabra p. II-4077, punti 333 u 335).

    359

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li impriża teżerċita pressjoni, jew saħansitra tiddetta l-aġir tal-membri l-oħra fl-akkordju, ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex din l-impriża tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala mexxej tal-akkordju. Il-pożizzjoni fis-suq ta’ impriża jew ir-riżorsi li hija għandha lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu ħjiel ta’ rwol ta’ mexxej tal-ksur, anki jekk dawn jagħmlu parti mill-kuntest li fir-rigward tiegħu għandhom jiġu evalwati tali ħjiel (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 286, u Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punt 201; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punti 299 u 374).

    360

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl tal-konsegwenzi importanti f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq il-mexxej tal-akkordju, hija l-Kummissjoni li għandha tesponi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi li hija tqis rilevanti sabiex l-impriża akkużata li tista’ tiġi kklassifikata bħala mexxej tal-akkordju tkun tista’ tirrispondi għal tali akkuża. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li tali dikjarazzjoni tibqa’ biss stadju fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u li din ma tikkostitwixxix għalhekk il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, ma jistax jintalab li din tal-aħħar, diġà f’dan l-istadju, twettaq klassifikazzjoni ġuridika tal-elementi li fuqhom hija ser tibbaża ruħha fid-deċiżjoni finali tagħha sabiex impriża tiġi kklassifikata bħala mexxej tal-akkordju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C-511/06 P, Ġabra p. I-5843, punti 70 u 71).

    361

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li s-siltiet mid-dokumenti u mid-dikjarazzjonijiet li, jekk ikun il-każ, ma ġewx iċċitati espliċitament mill-Kummissjoni la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jistgħu madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dejjem sakemm l-imsemmija dokumenti u dikjarazzjonijiet kienu saru aċċessibbli għar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C-297/98 P, Ġabra p. I-10101, punt 55; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punt 354, u Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, punt 356 iktar ’il fuq, punt 176).

    Fuq l-osservanza tal-obbligu ta ’ motivazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni dwar ir-rwol ta ’ mexxej ta ’ Sasol

    362

    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement il-konstatazzjoni tagħha li tgħid li Sasol kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju.

    363

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tkun evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att inkwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    364

    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 681 sa 686 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjentement preċiż l-elementi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tikklassifika lil Sasol bħala mexxejja tal-parti tal-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin. Fil-fatt, il-Kummissjoni esponiet il-fatti li hija qieset rilevanti f’dan ir-rigward u ppreċiżat id-dokumenti insostenn ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fattwali.

    365

    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-elementi miġbura mill-Kummissjoni sabiex issostni d-deċiżjoni dwar ir-rwol ta ’ mexxej ta ’ Sasol

    366

    Preliminarjament, ir-rikorrenti jqisu li l-elementi miġbura fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux iservu bħala bażi għad-deċiżjoni li Sasol kienet il-mexxej tal-akkordju, b’tali mod li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

    367

    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li jidhru fil-premessa 682 tad-deċiżjoni kkontestata li jgħidu li Sasol sejħet kważi l-laqgħat tekniċi kollha, bagħtet stediniet u pproponiet aġendi fir-rigward tal-imsemmija laqgħat, organizzat numru minnhom, billi rriżervat kmamar f’lukandi, billi kriet swali tal-konferenzi u billi organizzat l-ikliet u li jgħidu li hija ppresidiet dawn il-laqgħat u bdiet u organizzat id-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet.

    368

    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżattezza tal-fatti msemmija iktar ’il fuq.

    369

    Madankollu huma jsostnu li Sasol ma stabbilixxietx l-aġenda dwar id-diskussjonijiet tal-akkordju, iżda biss dwar il-parti teknika u legali tal-laqgħat. Barra minn hekk, id-dati u l-postijiet tal-laqgħat tal-“Blauer Salon” ma ġewx stabbiliti unilateralment minn Sasol, iżda ġew deċiżi mill-parteċipanti kollha.

    370

    Barra minn hekk, Sasol la organizzat u lanqas ma strutturat b’xi mod id-diskussjoni fuq il-prezzijiet tal-parteċipanti fl-akkordju. Wara li kienet tippresjedi l-parti teknika tal-laqgħa, Sasol kienet b’mod ġenerali tibda d-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet, iżda l-iffissar tal-prezzijiet kien sussegwentement jiġi diskuss bil-miftuh u d-deċiżjonijiet f’dan ir-rigward kienu jittieħdu mill-parteċipanti kollha fil-forma ta’ “ġbir tal-opinjonijiet tal-persuni madwar il-mejda” bil-miftuh. Ma hemm xejn li jindika li Sasol kienet eżerċitat l-iċken pressjoni fuq xi waħda mill-parteċipanti l-oħra sabiex id-diskussjonijiet iwasslu għal riżultat speċifiku.

    371

    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux itaffu l-importanza tal-fatt li kienet Sasol li sejħet kważi l-laqgħat tekniċi kollha, li bagħtet l-istediniet lill-parteċipanti, li rriżervat kmamar f’lukandi, li kriet swali tal-konferenzi u li organizzat l-ikliet. Dawn l-elementi juru li Sasol kienet organizzatriċi tal-laqgħat antikompetittivi mil-lat prattiku.

    372

    Barra minn hekk, il-fatt li Sasol bagħtet l-istediniet huwa ta’ importanza partikolari, li jmur lil hinn minn dik tal-organizzazzjoni prattika, peress li, meta wħud mill-parteċipanti fl-akkordju ma kinux preżenti għal waħda jew għal diversi mil-laqgħat tekniċi suċċessivi, u għalhekk ma kinux saru jafu dwar il-post u d-data tal-laqgħa teknika li jmiss, huma setgħu jerġgħu jibdew jattendu għal-laqgħat sussegwenti fuq stedina ta’ Sasol.

    373

    Bl-istess mod, il-fatt li Sasol stabbilixxiet l-aġenda mill-inqas f’dak li jirrigwarda l-parti teknika u legali tad-diskussjonijiet jindika ċerta preeminenza fost il-parteċipanti għal-laqgħat tekniċi, li setgħet issaħħaħ l-awtorità li Sasol diġà kellha minħabba l-kwalità tagħha tal-ikbar produttur tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE, li kellha sehem tas-suq ta’ 22.4 % fl-2004.

    374

    Barra minn hekk, anki l-fatt li kienet Sasol li kienet b’mod ġenerali tibda’ d-diskussjoni fuq il-prezzijiet huwa importanti, peress li, b’dan il-mod kienet ġeneralment Sasol li kienet tgħaddi mid-diskussjonijiet legali ta’ natura teknika lejn id-diskussjonijiet antikompetittivi. Għalhekk, anki fl-assenza ta’ indikazzjonijiet dwar diskussjonijiet antikompetittivi fl-aġenda stabbilita minn Sasol, li hija konsegwenza naturali tan-natura klandestina tal-akkordji, kienet ġeneralment Sasol li kienet tiddetermina l-post tad-diskussjonijiet antikompetittivi fost is-suġġetti diskussi. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li ġeneralment Sasol kienet l-ewwel waħda li kienet tħabbar kemm il-prezz mixtieq tax-xema’ tal-paraffin jew id-daqs taż-żieda, kif ukoll id-data ta’ meta l-prezzijiet il-ġodda kellhom jibdew japplikaw fil-konfront tal-klijenti.

    375

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 359 iktar ’il fuq, il-fatt li impriża teżerċita pressjoni, jew saħansitra tiddetta l-aġir tal-membri l-oħra fl-akkordju, ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex din l-impriża tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala mexxej tal-akkordju. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod utli l-fatt li Sasol ma kinitx teżerċita pressjoni fuq il-parteċipanti l-oħra matul il-laqgħat tekniċi.

    376

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li minn tal-inqas darba Sasol kienet irrappreżentat lil waħda mill-impriżi l-oħra inkwistjoni, jiġifieri lil Wintershall. Barra minn hekk, Sasol kienet tinforma lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, li r-rappreżentanti tagħhom ma setgħux jattendu għal laqgħa, dwar ir-riżultati tagħha, kif jintwera fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punt 185 tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda lil MOL, Eni u Repsol.

    377

    It-tielet nett, fil-premessa 683 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-parteċipanti l-oħra għal-laqgħat tekniċi kienu pperċepixxew lil Sasol bħala li kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra li r-rappreżentant ta’ ExxonMobil bagħat sabiex itemm il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju.

    378

    Ir-rikorrenti jqisu li l-provi miġbura mill-Kummissjoni ma jsostnux id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tgħid li l-parteċipanti l-oħra kienu pperċepixxew lil Sasol bħala l-mexxej tal-akkordju. L-ittra ta’ ExxonMobil kienet ġiet indirizzata lil Sasol għas-sempliċi raġuni li kienet din tal-aħħar li kienet bagħtet l-ittra preċedenti li kienet tinkludi l-aġenda tal-laqgħa proposta.

    379

    L-ittra ta’ ExxonMobil ġiet eżaminata fil-premessa 600 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni stabbilixxiet dan li ġej:

    “ExxonMobil tiddikjara li l-aħħar laqgħa li għaliha assista wieħed mir-rappreżentanti tagħha kienet il-laqgħa teknika tas-27 u tat-28 ta’ Frar f’München. B’reazzjoni għall-istedina għal-laqgħa [...] tal-15 ta’ Jannar 2004 mibgħuta minn [M. A.], ta’ Sasol, [H.U.] ta’ Exxon Mobil iwieġeb, fost affarijiet oħra: ’Il-punti indikati fuq l-aġenda jidhru li huma ta’ interess għall-impriża tagħna. Madankollu, aħna nqisu li dan il-grupp ta’ kompetituri qed jiltaqa’ mingħajr l-appoġġ ta’ assoċjazzjoni professjonali u għaldaqstant la għandu struttura u lanqas statut ta’ assoċjazzjoni. Ma nħossuniex komdi b’din is-sitwazzjoni u nixtiequ nissuġġerixxu li dawn il-laqgħat jinżammu taħt it-tmexxija tal-[European Wax Federation] jew fi ħdan il-kumitat tekniku, jew bħala sottokumitat separat. Fl-assenza tal-appoġġ ta’ assoċjazzjoni professjonali rregolata Exxon Mobil ma hijiex ser tattendi għal din il-laqgħa’.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    380

    Fid-dawl tal-kuntest ta’ din l-ittra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-fatt li din issemmi laqgħat “bejn kompetituri […] fl-assenza tal-appoġġ ta’ assoċjazzjoni professjonali” jindika li ExxonMobil xtaqet ittemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, kif barra minn hekk ġustament iddeċidiet il-Kummissjoni. L-użu ta’ lingwaġġ iktar espliċitu ma kienx ikun raġonevoli, fid-dawl tan-natura klandestina tal-akkordji u tar-riskji ta’ multa li setgħu jirriżultaw li kieku f’ittra jissemmew espliċitament l-aġiri antikompetittivi.

    381

    Il-fatt li din l-ittra kienet ġiet indirizzata biss lil Sasol u mhux lill-parteċipanti kollha jindika, mingħajr ebda dubju raġonevoli, li ExxonMobil kienet tqis lil Sasol bħala l-mexxej tal-akkordju.

    382

    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Shell u ta’ Sasol li għalihom tagħmel riferiment il-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu indikazzjonijiet konkordanti, sa fejn iż-żewġ impriżi ddikjaraw li l-laqgħat kienu ġeneralment organizzati u ppreseduti mir-rappreżentant ta’ Sasol.

    383

    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda u l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-parteċipanti l-oħra kienu jipperċepixxu lil Sasol bħala l-mexxej tal-akkordju għandha tiġi kkonfermata.

    384

    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġabret kumpless ta’ provi konkordanti li, fid-dawl tal-ġurisprudenza qafas, jiġġustifika d-deċiżjoni li tgħid li Sasol kienet irrappreżentat saħħa ta’ influwenza sinjifikattiva għall-akkordju u kkontribwixxiet b’responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta ddeċidiet li hija kienet il-mexxej tal-partijiet tal-akkordju dwar ix-xema’ tal-paraffin.

    385

    L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jistgħux jikkonfutaw il-validità ta’ din il-konstatazzjoni.

    386

    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, l-unika differenza li kienet teżisti bejn Sasol u l-parteċipanti l-oħra hija l-fatt li Sasol kienet torganizza u tippresjedi l-laqgħat, li hija kienet ta’ spiss tibda d-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet u fuq l-implementazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma u li ġeneralment hija kienet l-ewwel waħda li kienet timplementa l-prezzijiet miftiehma mal-parteċipanti kollha.

    387

    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata biss fuq dawn id-dikjarazzjonijiet, kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-eżami magħmul iktar ’il fuq.

    388

    Sussegwentement, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, ma kien hemm ebda impriża oħra għajr Sasol li fir-rigward tagħha kien hemm daqstant elementi li jwasslu sabiex jiġi stabbilit ir-rwol ta’ mexxej tagħha. Fil-fatt, mill-anness tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li jeżistu provi espliċiti ta’ laqgħat organizzati mill-parteċipanti l-oħra biss fir-rigward ta’ ħames laqgħat, jiġifieri waħda organizzata minn MOL, tlieta organizzati minn Total u waħda organizzata minn Shell, minn total ta 51, filwaqt li stediniet u aġendi mibgħuta bil-posta elettronika jippermettu li Sasol tiġi imputata bl-inizjattiva u bl-organizzazzjoni ta’ ħdax-il laqgħa.

    389

    Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    390

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li Sasol ma kinitx f’pożizzjoni li tmexxi l-akkordju, peress li hija kienet tiddependi fuq il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju integrati vertikalment li mingħandhom hija kienet tikseb ix-xema’ ratba, il-materja prima tax-xema’ tal-paraffin.

    391

    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fl-2004, is-sehem tas-suq tax-xema’ tal-paraffin miżmum minn Sasol fiż-ŻEE kien ta’ 22.4 %, b’tali mod li Sasol kienet, kif jammettu r-rikorrenti, l-iktar fornitur importanti ta’ xema’ tal-paraffin u l-“mexxej tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, hija kienet xerrej importanti tax-xema’ ratba, per eżempju, skont kif indikat hija stess, hija kienet l-iktar xerrej importanti tax-xema’ ratba prodotta minn Shell u minn ExxonMobil. Għalhekk, hija kellha setgħa ta’ negozjar qawwija fil-konfront tal-produtturi tax-xema’ ratba minħabba s-setgħa tagħha ta’ xerrej. Mill-kumplament, il-fatt li Sasol ma ġiet suġġetta għal ebda pressjoni fir-rigward tal-prezz tax-xema’ ratba mill-produtturi integrati vertikalment huwa suffiċjentement muri mill-fatt li anki l-bejgħ mill-ġdid tax-xema’ ratba li hija għamlet lil klijenti finali Ġermaniżi kienet attività kummerċjali li tiġġenera profitt. Minn dan jirriżulta li l-piż kummerċjali ta’ Sasol fost il-parteċipanti fl-akkordju ma kienx effettwat mill-fatt li hija ma kinitx integrata vertikalment.

    392

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx b’mod validu tiddeċiedi, fl-istess ħin, li l-ftehimiet u l-prattiki antikompetittivi relatati max-xema’ ratba u max-xema’ tal-paraffin kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat u li r-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol ma setax jiġi stabbilit fir-rigward tax-xema’ ratba. Fid-dawl tal-fatt li ma huwiex possibbli li akkordju jitmexxa biss parzjalment, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

    393

    Kif ġustament osservat il-Kummissjoni, il-kunċetti ta’ “ksur uniku u kontinwat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ta’ “mexxej tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma humiex suġġetti għall-istess kriterji. Il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwat” huwa bbażat fuq l-idea ta’ għan antikompetittiv uniku, filwaqt li l-kunċett ta’ “mexxej tal-ksur” huwa bbażat fuq il-fatt li impriża tirrappreżenta saħħa ta’ influwenza importanti fi ħdan l-akkordju.

    394

    Għalhekk, ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tistabbilixxi li r-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol kien jestendi għall-partijiet kollha tal-ksur. Bil-kontra ta’ dan, il-fatt li l-Kummissjoni ma ddeċidietx li Sasol kellha rwol ta’ mexxej fir-rigward tal-parti dwar ix-xema’ ratba, minkejja r-rwol ta’ organizzatriċi tagħha f’dak li jirrigwarda l-laqgħat tekniċi, li matulhom kien hemm diskussjonijiet anki dwar ix-xema’ ratba, jirrifletti approċċ ekwu min-naħa tal-Kummissjoni.

    395

    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni pproduċiet diversi provi konkordanti li, ikkunsidrati flimkien, jippermettu li jiġi deċiż li Sasol irrappreżentat saħħa ta’ influwenza sinjifikattiva għall-akkordju.

    396

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni u lanqas żball ta’ liġi meta ddeċidiet, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji koerenti u konkordanti, li r-rikorrenti kienet assumiet ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju fil-qasam tax-xema’ tal-paraffin.

    397

    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

    Fuq in-natura allegatament eċċessiva, sproporzjonata u diskriminatorja taż-żieda b’50 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-rwol ta ’ mexxej

    398

    Ir-rikorrenti jqisu li ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa sal-ammont ta’ EUR 210 miljun hija indebitament eċċessiva u sproporzjonata. Konsegwentement, huma jitolbu li l-Qorti Ġenerali tannulla ż-żieda b’50 % tal-multa jew, minn tal-inqas, tnaqqas sostanzjalment ir-rata ta’ żieda sabiex din tkun tirrifletti b’mod xieraq u proporzjonat il-gravità tal-ksur imwettaq minn Sasol meta mqabbel mal-ksur imwettaq mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

    399

    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeduċiet l-allegat rwol ta’ mexxej ta’ Sasol esklużivament minn ċirkustanzi li, fuq livell iktar baxx, jikkonċernaw ukoll il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, b’tali mod li ma teżistix differenza kwalitattiva bejn il-kontribuzzjoni ta’ Sasol fl-akkordju u dik tal-parteċipanti l-oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija timputa dawn il-fatti biss lil Sasol u mhux lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

    400

    Għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-analiżi esposta fil-punti 367 sa 396 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wriet li Sasol kienet, fid-dawl tar-rwol tagħha ta’ mexxej fi ħdan l-akkordju, f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-parteċipanti l-oħra. L-ilħiq ta’ din id-deċiżjoni kien possibbli kemm abbażi ta’ elementi kwantitattivi kif ukoll abbażi ta’ elementi kwalitattivi, peress li ċerti aġiri li jindikaw rwol ta’ mexxej ma jistgħux jiġu validament imputati lil Sasol. F’kull każ, il-Kummissjoni tista’ validament tiddifferenzja l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq id-diversi parteċipanti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-intensità partikolari tal-attivitajiet organizzattivi ta’ parteċipant wieħed fi ħdan l-akkordju.

    401

    Konsegwentement, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Sasol meta mqabbla ma’ dik tal-parteċipanti l-oħra, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 181 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    402

    It-tieni nett, ir-rikorrenti jesponu li l-ksur imwettaq minn Sasol ma huwiex iktar serju minn dak imwettaq mill-parteċipanti l-oħra tant li jiġġustifika żieda b’50 % tal-multa. Barra minn hekk, il-kapaċità finanzjarja ta’ Sasol hija kunsiderevolment iktar dgħajfa minn dik tal-membri l-oħra tal-akkordju, b’tali mod li l-ammont bażiku tal-multa diġà jaffettwaha b’mod iktar qawwi milli jaffettwa lill-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordju.

    403

    Ir-rata ta’ żieda ta’ 50 % miżjuda mal-ammont bażiku tal-multa tirrappreżenta 125 % tal-bejgħ annwali tax-xema’ tal-paraffin magħmul minn Sasol Wax fiż-ŻEE. Dan jammonta wkoll għal 75 % tal-ammont bażiku kkumulat tal-multi imposti fuq il-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordju, filwaqt li s-sehem tas-suq ta’ Sasol Wax huwa ta’ madwar 25 sa 30 %.

    404

    Skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multa għandu jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 283, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T-410/03, Ġabra p. II-881, punt 379).

    405

    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 316 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità u t-tul tiegħu. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont tal-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

    406

    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-ammont bażiku tal-multa jirrappreżenta 125 % tal-bejgħ annwali tax-xema’ tal-paraffin magħmul minn Sasol Wax fiż-ŻEE essenzjalment jirriżulta mis-sempliċi fatt li hija pparteċipat fl-akkordju matul tlettax-il sena u li t-tul tal-parteċipazzjoni huwa multiplikatur applikat għall-valur tal-bejgħ.

    407

    Bl-istess mod, il-fatt li ż-żieda minħabba r-rwol ta’ mexxej tikkorrispondi għal 75 % tal-ammont bażiku kumulat tal-multi imposti fuq il-membri l-oħra kollha tal-akkordju huwa spjegat mill-fatt li Sasol, leader tas-suq tax-xema’ tal-paraffin li kellha sehem ta’ 22.4 % ta’ dan is-suq, wettqet bejgħ li kien ta’ valur ħafna iktar għoli minn dak tal-parteċipanti l-oħra.

    408

    Għalhekk, ebda wieħed mill-paraguni magħmula mir-rikorrenti ma jidħol fil-linja ta’ analiżi tal-proporzjonalità fir-rigward taż-żieda b’50 % tal-ammont bażiku minħabba r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju.

    409

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali diġà kkonfermat, f’ċirkustanzi analogi għal dawk tal-kawża preżenti u fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa kienet tirrifletti b’mod xieraq in-natura dannuża addizzjonali tal-ksur li tirriżulta mir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju (sentenza Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, punt 359 iktar ’il fuq, punt 302).

    410

    Mill-kumplament, għandu jiġi osservat li ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa ma tikkonċernax il-kwistjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża miżmuma responsabbli għall-ksur. L-element ta’ kalkolu użat għal dan il-għan huwa l-limitu massimu tal-ammont totali tal-multa għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriża. Għalhekk, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward huma ineffettivi.

    411

    Konsegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u tal-elementi miġbura mill-Kummissjoni li juru li Sasol kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma żiditx b’mod eċċessiv l-ammont bażiku tal-multa billi applikat żieda b’50 % ta’ dan l-ammont bażiku minħabba dan ir-rwol ta’ mexxej.

    412

    Konsegwentement, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda.

    413

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    6. Fuq is-seba ’ motiv, ibbażat fuq l-ommissjoni li Sasol tingħata immunità totali f’dak li jirrigwarda ċerti partijiet tal-multa

    414

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u kisret il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 sa fejn hija bbażat il-multa li għandha tiġi imposta fuq Sasol fuq diversi elementi li ġew ipprovduti b’mod volontarju minn din tal-aħħar u li ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni qabel id-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol u li kellhom effett sinjifikattiv u dirett fuq il-gravità u fuq it-tul tal-ksur.

    415

    Fil-premessa 741 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-provi prodotti minn Sasol wara l-ispezzjonijiet, permezz ta’ żewġ komunikazzjonijiet ippreżentati f’April u f’Mejju 2005 u fl-annessi mibgħuta magħhom, jagħtu valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, peress li dawn isaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti relatati mal-akkordju.

    416

    Barra minn hekk, fil-premessa 743 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara li l-ewwel provi li kellhom impatt dirett fuq id-determinazzjoni tat-tul tal-akkordju ma ġewx prodotti minn Sasol, iżda nstabu matul l-ispezzjonijiet, jiġifieri n-noti ta’ MOL u r-rapporti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol, u kienu jinsabu fit-talba għal immunità ta’ Shell.

    417

    Fuq din il-bażi, skont il-premessa 749 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa imposta fuq Sasol, jiġifieri r-rata massima ta’ tnaqqis li tista’ tingħata abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 lil impriża li ma tkunx l-ewwel waħda li tiżvela l-eżistenza ta’ akkordju, sa fejn din kienet Shell f’dan il-każ.

    Fuq l-ewwel parti, dwar il-laqgħat tekniċi preċedenti għall-2000

    418

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-laqgħa li l-iktar tmur lura fiż-żmien imsemmija minn Shell fit-talba tagħha għal klemenza hija dik li nżammet f’Budapest fit-3 u fl-4 ta’ Frar 2000. Id-dikjarazzjoni ta’ Shell ma kienet tinkludi l-ebda prova konkreta dwar il-laqgħat li nżammew qabel din id-data. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol biex turi ż-żamma ta’ ċerti laqgħat, b’mod partikolari għall-perijodu ta’ bejn l-1995 u l-2000.

    419

    F’dak li jirrigwarda n-noti ta’ MOL u r-rapporti tal-laqgħat “Blauer Salon”, misjuba waqt l-ispezzjonijiet, u li għalhekk jikkostitwixxu provi preċedenti għall-komunikazzjonijiet volontarji ta’ Sasol, ir-rikorrenti jqisu li dawn is-sorsi ma jkoprux il-laqgħat kollha msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u li l-informazzjoni mogħtija minn dawn in-noti ma kinitx, fil-parti l-kbira tagħha, suffiċjentement espliċita sabiex tipprova t-tul tal-ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għal seba’ laqgħat tekniċi miżmuma bejn l-1996 u l-2001 li l-elementi essenzjali tagħhom, bħad-dati, il-postijiet, l-identità tal-parteċipanti u l-kontenuti antikompetittivi, setgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni bil-grad ta’ ċertezza meħtieġ biss bis-saħħa tat-talbiet għal klemenza ta’ Sasol.

    420

    Għalhekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li huwa abbażi tal-elementi prodotti minn Sasol li l-Kummissjoni setgħet turi, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza ta’ ksur bejn l-1992 u l-1999. Konsegwentement huma jitolbu li l-Qorti Ġenerali tbiddel id-deċiżjoni kkontestata billi tagħtihom immunità sħiħa għall-parti tal-ksur relatata mal-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1999.

    421

    Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti la huma kkonfermati mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mid-dokumenti ċċitati fiha.

    422

    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l-ewwel laqgħa, fl-1992, u t-tmien laqgħa, li nżammet fis-27 ta’ Jannar 1995, il-Kummissjoni kellha informazzjoni dwar l-akkordju li kienet toriġina minn sorsi oħra għajr mit-talba għal klemenza ta’ Sasol, jiġifieri n-noti ta’ MOL u r-rapporti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol, misjuba waqt l-ispezzjonijiet. Dawn kienu l-laqgħat tekniċi tat-3 u tal-4 ta’ Settembru 1992 (premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata), tas-26 ta’ Marzu 1993 (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-2 ta’ Ġunju 1993 (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata), tal-25 ta’ Ottubru 1993 (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata), tal-24 ta’ Ġunju 1994 (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-30 ta’ Settembru 1994 (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata) u tas-27 ta’ Jannar 1995 (premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata). In-noti ta’ MOL u r-rapporti tal-laqgħat “Blauer Salon” relatati ma’ dawn il-laqgħat, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ippermettew li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-identità tal-parteċipanti, id-data u l-post tal-laqgħat, jew saħansitra, fil-parti l-kbira, il-kontenut tad-diskussjonijiet u n-natura antikompetittiva tagħhom.

    423

    F’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn id-disa’ laqgħa, li nżammet fis-16 u fis-17 ta’ Marzu 1995, u t-tnejn u għoxrin laqgħa, li nżammet fis-27 u fit-28 ta’ Ottubru 1999, id-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol ippermettew biss li l-Kummissjoni ssir taf dwar tliet laqgħat, jiġifieri dawk tat-12 u tat-13 ta’ Jannar 1999 (premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-2 u tat-3 ta’ Marzu 1999 (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata) u tat-23 u l-24 ta’ Settembru 1999 (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi ż-żamma ta’ erba’ laqgħat, dawk tat-22 u tat-23 ta’ Ġunju 1995 (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata), tal-14 u tal-15 ta’ Mejju 1996 (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-12 u tat-13 ta’ Frar 1998 (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata) u tat-8 u tad-9 ta’ Lulju 1999 (premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata) abbażi tan-noti ta’ MOL misjuba waqt l-ispezzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet ukoll tibni l-kontenut ta’ tnejn minn dawn il-laqgħat abbażi tal-provi miġbura waqt l-ispezzjonijiet.

    424

    Minn dan isegwi li l-provi li l-Kummissjoni kellha qabel il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol ippermettewlha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur għall-perijodu ta’ qabel it-3 ta’ Frar 2000. Għalhekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex sostnuti mill-fatti.

    425

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jinvokaw in-natura frammentarja tal-informazzjoni li tinsab fin-noti ta’ MOL u fir-rapporti tal-laqgħat “Blauer Salon”.

    426

    Għandu jiġi osservat li n-noti ta’ MOL huma noti miktuba bl-idejn li tħejjew matul il-laqgħat mill-persuna li kienet assistit għalihom u l-kontenut tagħhom huwa strutturat u relattivament iddettaljat. Għalhekk, il-valur probatorju ta’ dawn in-noti huwa għoli ħafna. F’dak li jirrigwarda r-rapporti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol, dawn huma dokumenti taż-żmien ta’ meta seħħ il-ksur u ġew redatti in tempore non suspecto, jiġifieri ftit wara l-laqgħa teknika li għalihom dawn jirreferu. Għalhekk, il-valur probatorju ta’ dawn ir-rapporti huwa għoli.

    427

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 230 iktar ’il fuq, fid-dawl tan-natura klandestina tal-akkordji, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li hija jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati b’deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawżibbli, evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    428

    Issa, in-noti u r-rapporti msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu kumpless ta’ provi li fuqhom il-Kummissjoni setgħet validament tibbaża l-konstatazzjoni li tgħid li l-akkordju diġà kien stabbilit bejn l-1992 u l-1999.

    429

    Ċertament, iż-żewġ komunikazzjonijiet ta’ Sasol iffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni billi pproduċew provi addizzjonali u kjarifiki fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-provi l-oħra disponibbli. Madankollu, din il-kontribuzzjoni hija riflessa, b’mod xieraq, mir-rata ta’ tnaqqis tal-multa ta’ 50 % mogħtija lil Sasol abbażi tal-kooperazzjoni tagħha.

    430

    Għalhekk, l-ewwel parti tas-seba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti dwar it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti

    431

    Għandu jitfakkar li skont il-premessa 653 tad-deċiżjoni kkontestata, ladarba ġie stabbilit li ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total kienu wkoll ipparteċipaw fi tqassim tal-klijenti jew tas-swieq, li jikkostitwixxi t-tieni parti tal-ksur, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal dawn l-impriżi ġie stabbilit għal 18 % minflok għal 17 %, rata li ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi li pparteċipaw biss fl-ewwel parti tal-ksur.

    432

    Ir-rikorrenti josservaw li l-informazzjoni li Shell ipprovdiet dwar din il-kwistjoni qabel id-dikjarazzjonijiet tagħhom kienet frammentarja, skont il-premessa 741 tad-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, huma jallegaw li l-provi ddettaljati dwar it-tqassim tal-klijenti jew tas-swieq jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol tat-30 ta’ April u tat-12 ta’ Mejju 2005.

    433

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-elementi, li jindikaw b’mod ċar tqassim tal-klijenti waqt il-laqgħat tekniċi, kienu preżenti fin-noti ta’ MOL iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 145 u 147, f’rapport ta’ Sasol, iċċitat fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, u f’nota ta’ Total, imsemmija fil-premessa 170 tal-istess deċiżjoni. Dawn il-provi kienu nkisbu waqt l-ispezzjonijiet, jiġifieri qabel il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol.

    434

    Għalhekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex sostnuti mill-fatti.

    435

    Fir-rigward tan-natura frammentarja tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija noti, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 426 u 427 iktar ’il fuq.

    436

    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

    437

    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ ta’ legalità ta’ deċiżjonijiet adottati mil-Kummissjoni huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 229 KE u, issa, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti lill-qorti s-setgħa li, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti. Għaldaqstant l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali u li din għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 60 sa 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il‑Kummissjoni, T-368/00, Ġabra p. II-4491, punt 181).

    438

    Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, fid-data li fiha hija tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta fuq ir-rikorrenti multa li l-ammont tagħha jirrifletti korrettament il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, b’mod li dawn il-multi jkunu ta’ natura proporzjonata fir-rigward tal-kriterji previsti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punti 584 sa 586, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 93.

    439

    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C-386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 64).

    1. Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq l-assenza ta ’ limitu separat f’dak li jirrigwarda l-perijodu Schümann

    440

    Ir-rikorrenti jfakkru li Sasol Ltd, Sasol Holding in Germany u Sasol Wax International ma nżammewx responsabbli għall-parti tal-multa relatata mal-perijodu Schümann (jiġifieri EUR 67.5 miljun), li tikkorrispondi għal 22 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Sasol Wax, l-unika kumpannija miżmuma responsabbli għall-ksur fir-rigward tal-perijodu Schümann, inkwantu suċċessura legali ta’ HOS. Madankollu, il-Kummissjoni żbaljatament naqset milli tistabbilixxi u tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 f’dak li jirrigwarda l-perijodu Schümann.

    441

    Il-multa imposta fuq Sasol Wax fir-rigward tal-perijodu Schümann hija eċċessiva u ta’ natura li teqred is-sustanza tagħha, ħlief jekk Sasol Ltd volontarjament tagħżel li tieħu r-responsabbiltà għall-multa, li jwassal sabiex din tal-aħħar terfa’ indirettament ir-responsabbiltà fir-rigward tal-perijodu Schümann.

    442

    Għalhekk, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni. Konsegwentement, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija timponi fuq Sasol Wax multa li taqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fl-2007 minn Hans-Otto Schümann u mill-grupp ta’ kumpanniji kkontrollati minnu. Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbu, alternattivament, tnaqqis ta’ din il-parti tal-multa billi l-ammont tagħha jiġi limitat għal 10% tad-dħul mill-bejgħ ta’ Sasol Wax.

    443

    Il-Kummissjoni tqis li matul il-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-unità ekonomika kif din teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza. Mill-bqija, il-Kummissjoni tosserva li la H‑O. Schümann u lanqas Vara ma huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u li, anki jekk biss għal din ir-raġuni, hija ma tistax tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % għad-dħul mill-bejgħ tagħhom.

    444

    Skont il-ġurisprudenza, il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, sa fejn huwa biss dan id-dħul mill-bejgħ li jagħti indikazzjoni tal-importanza u tal-influwenza ta’ din l-impriża fis-suq (ara s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 227 iktar ’il fuq, punt 5022, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-imsemmi limitu massimu huwa, b’mod partikolari, intiż li jipproteġi lill-impriżi kontra livell eċċessiv ta’ multa li jista’ jeqred is-sustanza ekonomika tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tokai II, punt 271 iktar ’il fuq, punt 389, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, T-138/07, Ġabra p. II-4819, punt 193).

    445

    Minn dan isegwi li, l-għan imfittex bl-introduzzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % jista’ jintlaħaq biss jekk dan il-limitu massimu jiġi applikat, inizjalment, lil kull destinatarju separat tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Huwa biss jekk jirriżulta, sussegwentement, li diversi destinatarji kienu jikkostitwixxu l-impriża fis-sens tal-entità ekonomika responsabbli għall-ksur issanzjonat, u dan fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li l-limitu massimu jista’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri abbażi tal-komponenti akkumulati tiegħu kollha. Min-naħa l-oħra, jekk sa dak iż-żmien din l-unità ekonomika ma tkunx għadha teżisti, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li l-limitu massimu inkwistjoni jiġi applikat għalih individwalment (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tokai II, punt 271 iktar ’il fuq, punt 390; tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il‑Kummissjoni, T‑26/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 113, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, T‑54/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 92).

    446

    Fl-ewwel lok, f’dan il-każ huwa paċifiku li, matul il-perijodu Schümann tal-ksur, HOS, li saret Sasol Wax, ma kinitx tifforma entità ekonomika ma’ Sasol Ltd, ma’ Sasol Holding in Germany u ma’ Sasol Wax International. Madankollu, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Sasol Wax kienet tifforma unità ekonomika mar-rikorrenti l-oħra.

    447

    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li s-sentenzi invokati mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 528; tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, T‑52/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 353, u Tokai II, punt 271 iktar ’il fuq, punt 389) ma jikkonċernawx sitwazzjonijiet fejn, matul perijodu kopert mill-ksur, il-kumpannija direttament responsabbli kienet għadha ma tifformax unità ekonomika mal-kumpanniji parent li kellhom il-kapital tagħha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni. Għalhekk, is-soluzzjonijiet misjuba fl-imsemmija sentenzi ma jistgħux jiġu segwiti letteralment f’sitwazzjoni fattwali li hija differenti fir-rigward ta’ dan il-punt kruċjali.

    448

    It-tielet nett, għandu jingħad ukoll li waħda mill-konsegwenzi pożittivi tar-regoli li jgħidu li s-separazzjoni formali bejn żewġ impriżi għandha tiġi injorata u li għandhom jiġu imposti multi in solidum fuq is-sussidjarja u fuq il-kumpannija parent tagħha li jifformaw l-istess impriża (ara l-punti 31 sa 36 iktar ’il fuq) hija l-eliminazzjoni tar-riskju li kumpannija tkun tista’ tevita jew tnaqqas il-multi billi tikkonċentra l-attivitajiet illegali f’sussidjarja li għandha dħul mill-bejgħ negliġibbli. Ir-regola li tgħid li l-limitu massimu tal-multa għandu jiġi stabbilit abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża tista’ titqies li tiżgura tali riżultat. Issa, tali għan ma huwiex mittiefes mil-limitu differenzjat tal-multa fir-rigward ta’ perijodu tal-ksur li ġie qabel l-istabbiliment ta’ unità ekonomika bejn is-sussidjarja li pparteċipat direttament fl-akkordju u l-kumpannija parent li kienet iżżommha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meta l-assi tas-sussidjarja ma jiġux assenjati mill-ġdid lill-entitajiet legali l-oħra wara li s-sussidjarja tinxtara u, sussegwentement, wara li jiġi skopert l-akkordju.

    449

    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, peress li Sasol Wax ma hijiex f’pożizzjoni li tħallas il-parti tal-multa għall-perijodu Schümann li tikkorrispondi għal 22 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha, Sasol Ltd, il-kumpannija holding finali, ser ikollha tħallas parti mill-multa minflok Sasol Wax, jiġifieri l-parti lil hinn mil-limitu massimu ta’ 10 %, li mhux suppost għandha tiġi sostnuta minn Sasol Wax.

    450

    Il-ħames nett, għandu wkoll jiġi enfasizzat li, matul il-perijodu Schümann, Sasol Wax International, Sasol Holding in Germany u Sasol Ltd ma setgħux japprofittaw mill-attivitajiet li jikkostitwixxu ksur, peress li kien għadhom ma humiex proprjetarji ta’ Sasol Wax.

    451

    Is-sitt nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-drittijiet nazzjonali, ir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa imposta minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE tagħti lill-kull wieħed mid-debituri kkundannati għall-ħlas id-dritt li jitolbu lill-ieħor jikkontribwixxi għall-ħlas tal-parti tal-multa mħallsa f’ismu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2013, Mindo vs Il‑Kummissjoni, C‑652/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 36 u 37). Issa, f’dan il-każ ir-rikorrenti jargumentaw speċifikament dwar id-diffikultajiet biex jibdew azzjoni ta’ rkupru kontra Vara u kontra H‑O. Schümann fin-nuqqas li dawn jiġu kkundannati mill-Kummissjoni, mingħajr ma ġew kontradetti dwar dan il-punt minn din tal-aħħar.

    452

    Għalhekk, l-inugwaljanza fit-trattament attwata mill-Kummissjoni (ara l-punti 187 u 197 iktar ’il fuq), flimkien mal-assenza ta’ limitu separat għall-parti tal-multa relatata mal-perijodu Schümann, tista’ taggrava r-responsabbiltà finanzjarja ta’ Sasol Wax International, ta’ Sasol Holding in Germany u ta’ Sasol Ltd għall-ksur imwettaq minn HOS. Fil-fatt, il-parti tal-multa li taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Sasol Wax hija meqjusa bħala sostnuta mill-kumpanniji parent tagħha, filwaqt li l-assenza ta’ kundanna in solidum ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann tista’ taffettwa t-tqassim finali tal-ammont tal-multa quddiem il-qrati nazzjonali, għad-dannu tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, tat-tliet kumpanniji parent attwali ta’ Sasol Wax.

    453

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, huwa xieraq li l-parti tal-multa imposta fuq Sasol Wax fir-rigward tal-ksur imwettaq matul il-perijodu Schümann tiġi llimitata għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-2007. Peress li dan kien jammonta għal EUR 308 600 000, il-parti tal-multa imposta fuq Sasol Wax għal dan il-perijodu tal-ksur hija ffissata għal EUR 30 860 000.

    454

    Din il-parti tal-ammont tal-multa, hekk iffissata, hija bla ħsara għal evalwazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effett, f’dan ir-rigward, ta’ din is-sentenza.

    2. Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq l-assenza ta ’ limitu separat f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta ’ impriża konġunta, eżaminata flimkien mal-ilqugħ tal-ewwel motiv

    455

    Ir-rikorrenti jerġgħu jsostnu li Sasol Holding in Germany u Sasol Ltd ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-perijodu ta’ impriża konġunta u għall-perijodu Sasol. Minn dan isegwi li l-parti tal-multa dwar dawn il-perijodi għandha tiġi limitata għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Sasol Wax jew, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li Schümann Sasol u Schümann Sasol International, kif ukoll Sasol Wax u Sasol Wax International kienu jifformaw entità ekonomika unika matul dawn il-perijodi rispettivi, għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fl-2007 minn Sasol Wax International.

    456

    Kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkonfermata sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li kienet teżisti unità ekonomika kemm bejn Schümann Sasol u Schümann Sasol International, kif ukoll bejn il-friegħi tagħhom, Sasol Wax u Sasol Wax International.

    457

    Madankollu, għandu jitfakkar li, abbażi tad-deċiżjonijiet finali dwar l-ewwel motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tinbidel sa fejn il-Kummissjoni jattribwixxi lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-entità ekonomika unika magħmula minn Schümann Sasol u minn Schümann Sasol International.

    458

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-parti tal-multa imposta fuq Sasol Wax u fuq Sasol Wax International, relatata mal-perijodu ta’ impriża konġunta (EUR 179 657 803), taqbeż kunsiderevolment l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Sasol Wax International (EUR 480 800 000 fl-2007).

    459

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li peress li Sasol Wax International ma hijiex f’pożizzjoni li tħallas il-multa kollha fir-rigward tal-perijodu ta’ impriża konġunta, Sasol Ltd, il-kumpannija holding finali, ser ikollha tħallas parti mill-multa minflokha, jiġifieri l-parti lil hinn mil-limitu massimu ta’ 10 %, li tqieset bħala li ma tistax tiġi sostnuta minn Sasol Wax International.

    460

    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-iżball ta’ evalwazzjoni żvelat fil-kuntest tal-ewwel motiv ipoġġi f’dubju d-daqs tal-impriża li wettqet il-ksur matul il-perijodu ta’ impriża konġunta. Barra minn hekk, il-kundanna in solidum ta’ diversi kumpanniji għall-ksur imwettaq minn Schümann Sasol tiddependi fuq il-konstatazzjoni minn qabel li flimkien dawn kienu jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE fiż-żmien ta’ meta twettaq il-ksur. Peress li f’dan il-każ id-definizzjoni ta’ impriża hija vvizzjata, ma huwiex eskluż li, fl-assenza tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann għall-ksur imwettaq direttament minn Schümann Sasol.

    461

    Ir-raba’ nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 451 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-iżbalji ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tal-impriża li wettqet il-ksur matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, flimkien mal-assenza ta’ limitu separat għall-parti tal-multa relatata mal-imsemmi perijodu, jistgħu jaggravaw il-konsegwenzi finanzjarji tal-ksur imwettaq direttament minn Schümann Sasol fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, il-parti tal-multa li taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Sasol Wax hija meqjusa bħala sostnuta mill-kumpanniji parent tagħha, filwaqt li l-assenza ta’ kundanna in solidum ta’ Vara u ta’ H‑O. Schümann tista’ taffettwa t-tqassim finali tal-ammont tal-multa quddiem il-qrati nazzjonali, għad-dannu tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, ta’ Sasol Holding in Germany u ta’ Sasol Ltd.

    462

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, huwa xieraq li l-parti tal-multa imposta fuq Sasol Wax u fuq Schümann Sasol International fir-rigward tal-ksur imwettaq matul il-perijodu ta’ impriża konġunta tiġi limitata għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-2007. Peress li dan kien jammonta għal EUR 480 800 000, il-parti tal-multa inkwistjoni, imposta fuq Sasol Wax u fuq Sasol Wax international, għandha titnaqqas għal EUR 48 080 000.

    463

    Din il-parti tal-ammont tal-multa, hekk iffissata, hija bla ħsara għal evalwazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effett, f’dan ir-rigward, ta’ din is-sentenza.

    3. Fuq il-parti tal-ammont tal-multa relatata mal-perijodu Sasol

    464

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-perijodu Sasol tal-ksur u l-parti tal-multa relatata miegħu, li tammonta għal EUR 71 042 197, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa xieraq, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq.

    Fuq l-ispejjeż

    465

    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

    466

    F’dan il-każ, tliet motivi mis-seba’ motivi mressqa mir-rikorrenti ġew milqugħa u l-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda minnhom tnaqqas kunsiderevolment. Għalhekk, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, li għalhekk għandhom ibatu terz tal-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2008) 5476, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81[KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa) huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat fih li Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol kienu pparteċipaw fil-ksur qabel l-1 ta’ Lulju 2002.

     

    2)

    L-ammont tal-multa imposta fuq Sasol Wax GmbH huwa mnaqqas għas-somma ta’ EUR 149 982 197 li għandha titħallas in solidum, minn naħa, minn Sasol Wax International AG, sal-ammont ta’ EUR 119 122 197 u, min-naħa l-oħra, minn Sasol u minn Sasol Holding in Germany, sal-ammont ta’ EUR 71 042 197.

     

    3)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    4)

    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti minn Sasol, minn Sasol Holding in Germany, minn Sasol Wax International u minn Sasol Wax.

     

    5)

    Sasol, Sasol Holding in Germany, Sasol Wax International u Sasol Wax għandhom ibatu terz tal-ispejjeż tagħhom.

     

    Czúcz

    Labucka

    Gratsias

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2014.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    1. Il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

     

    2. Fuq l-istruttura tal-grupp Sasol u ta’ Vara u fuq l-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpanniji parent fid-deċiżjoni kkontestata

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil Sasol Ltd, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Wax International tar-responsabbiltŕ għall-ksur f’dak li jikkonċerna l-perijodu tal-impriża konġunta

     

    Osservazzjonijiet preliminari

     

    Id-deċiżjoni kkontestata

     

    Fuq id-differenza bejn il-kunċett ta’ kontroll u dak tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, kif applikata fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE

     

    Fuq il-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Ltd tal-ksur imwettaq minn Schümann Sasol International

     

    Fuq il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International

     

    Fuq ir-rwol ta’ B. I.

     

    Fuq id-determinazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International

     

    Fuq ir-rilevanza tal-ġestjoni operattiva

     

    Konklużjoni fuq il-bord tad-diretturi ta’ Schümann Sasol International

     

    Fuq il-bord ta’ sorveljanza u fuq l-assemblea ġenerali ta’ Schümann Sasol International

     

    Fuq l-eżerċizzju effettiv minn Sasol Holding in Germany ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir fis-suq ta’ Schümann Sasol International

     

    Fuq l-offerta ta’ produzzjoni ta’ prova tar-rikorrenti

     

    2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil Sasol Ltd, lil Sasol Holding in Germany u lil Sasol Wax International tar-responsabbiltŕ għall-ksur f’dak li jirrigwarda l-perijodu Sasol

     

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-possibbiltŕ li ksur imwettaq minn sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha biss abbażi tal-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma ta’ 100 % tal-kapital

     

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-konstatazzjoni allegatament żbaljata tal-assenza ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni

     

    Fuq id-deċiżjoni kkontestata

     

    Osservazzjonijiet ġenerali

     

    Fuq it-tmexxija operattiva ta’ Sasol Wax

     

    Fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi

     

    Fuq in-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni

     

    Konklużjoni

     

    Fuq l-offerta ta’ produzzjoni ta’ prova tar-rikorrenti

     

    3. Fuq it-tielet motiv, dwar l-assenza ta’ responsabbiltà in solidum ta’ Vara matul il-perijodu Schümann u matul il-perijodu ta’ impriża konġunta

     

    4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa

     

    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ bażi legali valida tad-deċiżjoni kkontestata

     

    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-inklużjoni żbaljata tal-bejgħ tal-mikroxema’ fil-valur tal-bejgħ ta’ Sasol

     

    Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

     

    Fuq id-deċiżjoni kkontestata u fuq id-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti fl-akkordju

     

    Fuq l-allegata assenza ta’ ftehim fuq il-prezzijiet tal-mikroxema’

     

    Fuq il-provi dokumentali dwar il-mikroxema’

     

    Fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti

     

    Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji li jivvizzjaw il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa f’dak li jirrigwarda x-xema’ ratba

     

    Dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba bejn it-30 ta’ Ottubru 1997 u t-12 ta’ Mejju 2004

     

    Fuq in-natura sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ 15 % applikat fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ tax-xema’ ratba

     

    Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ determinazzjoni ddifferenzjata tal-ammont bażiku tal-multa skont id-diversi perijodi ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju mid-diversi kumpanniji

     

    5. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-istabbiliment żbaljat tar-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol

     

    Fuq id-deċiżjoni kkontestata

     

    Fuq il-ġurisprudenza qafas

     

    Fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol

     

    Fuq l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-elementi miġbura mill-Kummissjoni sabiex issostni d-deċiżjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ Sasol

     

    Fuq in-natura allegatament eċċessiva, sproporzjonata u diskriminatorja taż-żieda b’50 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba r-rwol ta’ mexxej

     

    6. Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-ommissjoni li Sasol tingħata immunitŕ totali f’dak li jirrigwarda ċerti partijiet tal-multa

     

    Fuq l-ewwel parti, dwar il-laqgħat tekniċi preċedenti għall-2000

     

    Fuq it-tieni parti dwar it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti

     

    Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

     

    1. Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ limitu separat f’dak li jirrigwarda l-perijodu Schümann

     

    2. Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ limitu separat f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ impriża konġunta, eżaminata flimkien mal-ilqugħ tal-ewwel motiv

     

    3. Fuq il-parti tal-ammont tal-multa relatata mal-perijodu Sasol

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top