This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008TJ0335
Judgment of the General Court (Fifth Chamber) of 1 July 2010.#BNP Paribas and Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) v European Commission.#State aid - Measures taken by the Italian authorities concerning certain restructured banks - Scheme for the realignment of the value of assets for tax purposes - Decision classifying the aid scheme as incompatible with the common market and ordering recovery of the aid - Action for annulment - Individual concern - Admissibility - Concept of State aid - Advantage - Selective nature - Obligation to state reasons.#Case T-335/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) ta’ l-1 ta' Lulju 2010.
BNP Paribas u Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat - Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani fir-rigward ta’ ċerti banek ristrutturati - Skema ta’ riallinjament tal-valuri fiskali tal-assi - Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna - Rikors għal annullament - Interess individwali - Ammissibbiltà - Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat - Vantaġġ - Natura selettiva - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-335/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) ta’ l-1 ta' Lulju 2010.
BNP Paribas u Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat - Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani fir-rigward ta’ ċerti banek ristrutturati - Skema ta’ riallinjament tal-valuri fiskali tal-assi - Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna - Rikors għal annullament - Interess individwali - Ammissibbiltà - Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat - Vantaġġ - Natura selettiva - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-335/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-03323
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:271
Kawża T-335/08
BNP Paribas u Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL)
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Għajnuna mill-Istat — Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani fir-rigward ta’ ċerti banek ristrutturati — Skema ta’ riallinjament tal-valuri fiskali tal-assi — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna — Rikors għal annullament — Interess individwali — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġ — Natura selettiva — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali — Rikors ta’ impriża li bbenefikat minn għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li għandha tiġi rkuprata — Ammissibbiltà
(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)
2. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat
(Artikolu 253 KE)
3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Deroga mis-sistema fiskali ġenerali
(Artikolu 87(1) KE)
4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Nuqqas ta’ osservazzjonijiet mill-persuni kkonċernati — Nuqqas ta’ effett fuq il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (Artikolu 88(2) KE)
1. Persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minnha ħlief jekk id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni. Għaldaqstant ma huwiex ammissibbli, fil-prinċipju, li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din l-impriża, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tinvolvi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.
Madankollu, impriża li ma hijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni bħala impriża tas-settur ikkonċernat, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, tinsab f’pożizzjoni differenti. Tali impriża hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli.
(ara l-punti 64-66)
2. Il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.
Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li hija tadotta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni bħal din. Madankollu, hija obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, issemmi għall-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’hekk il-qorti Komunitarja u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat.
(ara l-punti 93, 94)
3. Waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 87(1) KE, hija l-kundizzjoni li miżura trid tkun ta’ natura speċifika jew inkella selettiva. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE jitlob li l-miżura inkwistjoni tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ impriżi oħra, li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan ta’ din il-miżura, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli.
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, ma tagħmilx differenza jekk is-sitwazzjoni tal-allegat benefiċjarju tal-miżura tkunx marret għall-aħjar jew għall-agħar meta mqabbla mal-pożizzjoni legali preċedenti jew jekk, bil-kontra ta’ dan, ma tkunx evolviet matul iż-żmien. Għandu biss jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura tal-Istat tkunx tali li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward tal-għan tal-miżura kkonċernata.
Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għall-eżami ta’ selettività ta’ miżura għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-istess eżistenza ta’ vantaġġ ma tistax tiġi stabbilita ħlief meta mqabbla ma’ taxxa msejħa “normali”, jiġifieri, it-taxxa li hija applikabbli normalment għall-impriżi li, fid-dawl tal-għan tal-iskema kkontestata, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli ma’ dik tal-impriżi benefiċjarji ta’ din l-iskema. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali vantaġġ ekonomiku għall-impriżi benefiċjarji ta’ eżenzjoni mit-taxxa normali ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni li jeżistu eżenzjonijiet oħra tal-istess taxxa favur impriżi oħra. Għaldaqstant, il-fatt li jeżistu eżenzjonijiet oħra mill-iskema tat-taxxa normali, minbarra l-iskema inkwistjoni, ma timminax il-konstatazzjoni li din l-iskema għandha, fil-fatt, natura derogatorja.
Fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rigward għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni oġġettiva. Fil-fatt, sabiex tiddetermina jekk, oġġettivament, l-iskema inkwistjoni tagħtix vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mat-taxxa li dderogat minnha u li kienet normalment tapplika fin-nuqqas tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina din l-iskema b’mod oġġettiv. Ma huwiex obbligu tal Kummissjoni li tikkunsidra l-għażliet suġġettivi li setgħu jagħmlu l-benefiċjarji ta’ din l-iskema fin-nuqqas tagħha.
(ara l-punti 160‑162, 169, 187, 204)
4. L-Artikolu 88(2) KE jimponi fuq il-Kummissjoni li tiġbor l-informazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha. Madankollu, huwa ma jipprojbixxix lilha milli, fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, hija tikkonkludi li għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt u punti ta’ liġi eventwali li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u abbażi ta’ preżunzjonijiet liema hija l-informazzjoni li setgħet tiġi sottomessa lilha.
(ara l-punt 188)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
1 ta’ Lulju 2010(*)
“Għajnuna mill-Istat – Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Taljani fir-rigward ta’ ċerti banek ristrutturati – Skema ta’ riallinjament tal-valuri fiskali tal-assi – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tal-għajnuna – Rikors għal annullament – Interess individwali – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Natura selettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża T‑335/08,
BNP Paribas, stabbilita f’Pariġi (Franza),
Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL), stabbilita f’Ruma (l-Italja),
irrappreżentati minn R. Silvestri, G. Escalar u M. Todino, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/711/KE, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 15/07 (ex NN 20/07) li implementat l-Italja, dwar inċentivi fiskali favur ir-ristrutturazzjoni ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 237, p. 70),
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,
Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Dispożizzjonijiet Taljani inkwistjoni
1 Fl-1990, fid-dritt Taljan, it-trasferiment ta’ fergħa ta’ negozju kien ipparagunat, fuq livell fiskali, ma’ bejgħ ta’ assi u, bħala tali, kien iwassal għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-differenza bejn il-valur kurrenti tal-assi ttrasferiti u l-valur fiskali tagħhom.
2 Bil-għan li jiġu rrazzjonalizzati l-attivitajiet bankarji fl-Italja u, b’mod partikolari, sabiex l-entitajiet pubbliċi tas-settur bankarju jkunu jistgħu jieħdu l-forma ġuridika ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, meqjusa li hija l-iktar waħda adatta, il-legge n° 218 su disposizione in materia di ristrutturazione e integrazione patrimoniale degli istituti di credito di diritto pubblico (Liġi Nru 218 dwar dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ ristrutturazzjoni u integrazzjoni tal-patrimonju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt id-dritt pubbliku), tat-30 ta’ Lulju 1990 (GURI Nru 182, tas-6 ta’ Awwissu 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi 218/1990”), introduċiet skema fiskali derogatorja sabiex tiffaċilita t-trasferiment tal-assi fissi u ta’ assi bankarji oħra, miżmuma minn dawn l-entitajiet pubbliċi, lil istituzzjonijiet privati ta’ kreditu eżistenti jew li għadhom kif twaqqfu (Artikoli 1 u 7(2) tal-Liġi 218/1990).
3 Bis-saħħa ta’ din l-iskema, 85 % tal-valur tal-profitt kapitali miksub permezz tat-trasferiment ta’ assi minn istituzzjoni pubblika ta’ kreditu lil istituzzjoni privata ta’ kreditu, bl-iskambju ta’ azzjonijiet tal-imsemmija istituzzjoni privata ta’ kreditu, ma kienx rikonoxxut fuq livell fiskali, u għaldaqstant ma kienx intaxxat, sakemm dan il-profitt kapitali effettivament ma twettaqx, kemm jekk permezz ta’ distribuzzjoni mill-istituzzjoni trasferenti lill-assoċjati tagħha, taħt forma ta’ dividendi, tar-riżerva kontabbli stabbilita obbligatorjament minnha (li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur imniżżel fil-bilanċ kontabbli tagħha tal-azzjonijiet irċevuti u l-valur fiskali tal-assi ttrasferiti), kemm jekk permezz taċ-ċessjoni mill-istituzzjoni trasferenti tal-azzjonijiet irċevuti, u kemm jekk permezz taċ-ċessjoni, mill-kumpannija benefiċjarja tat-trasferimenti, tal-assi ttrasferiti.
4 Min-naħa l-oħra, l-istituzzjoni trasferenti kienet intaxxata immedjatament fuq il-15 % li jibqa’ mill-profitt kapitali miksub matul it-trasferiment, bir-rata tat-taxxa normali fuq il-kumpanniji. Flimkien ma’ din it-taxxa, dan l-ammont ta’ 15 % tal-profitt kapitali kien taxxabbli bħala żieda tal-valur fiskali tal-azzjonijiet irċevuti bi skambju tat-trasferiment u tal-valur fiskali tal-assi ttrasferiti, fil-kontabbiltà tal-istituzzjoni trasferenti u tal-kumpannija benefiċjarja tat-trasferiment, rispettivament.
5 Din is-sistema ta’ newtralità fiskali parzjali stabbilita mil-Liġi 218/1990 kienet konsegwentement tirriżulta f’allinjament ħażin doppju tal-valuri fiskali meta mqabbla mal-valuri kontabbli, jiġifieri allinjament ħażin ta’ dawn il-valuri fiskali kemm fil-livell ta’ assi ttrasferiti (kontabbiltà tal-kumpannija benefiċjarja), kif ukoll tal-azzjonijiet irċevuti bi skambju (kontabbiltà tal-istituzzjoni trasferenti). Filwaqt li l-valuri kontabbli tal-assi ttrasferiti u tal-azzjonijiet irċevuti bi skambju kienu jikkorrispondu għall-valur kurrenti ta’ dawn l-assi fid-data tat-trasferiment, il-valuri fiskali ta’ dawn l-assi u azzjonijiet kienu ugwali għall-valur fiskali tal-assi meta dawn kienu proprjetà tal-istituzzjoni trasferenti, miżjud bil-15 % tal-profitt kapitali miksub u li kien immedjatament suġġett għat-taxxa.
6 L-Artikolu 2 tal-legge n° 489 su proroga del termine di cui all’articolo 7, comma 6, della legge 30 luglio 1990, n° 218, recante disposizioni per la ristrutturazione e la integrazione del patrimonio degli istituti di credito di diritto pubblico, nonché altre norme sugli istituti medesimi (Liġi Nru 489 dwar, b’mod partikolari, proroga tat-terminu previst fl-Artikolu 7(6) tal-Liġi Nru 218/90), tas-26 ta’ Novembru 1993 (GURI Nru 284, tat-3 ta’ Diċembru 1993) stabbilixxa l-obbligu għall-entitajiet pubbliċi ta’ kreditu, li l-fondi kapitali tagħhom kienu fl-intier jew il-parti l-kbira tagħhom miżmuma mill-Istat, sabiex jadottaw il-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata sat-30 ta’ Ġunju 1994, skont il-modalitajiet previsti mil-Liġi 218/1990.
7 Flimkien mas-sistema ta’ newtralità fiskali parzjali stabbilita mil-Liġi 218/1990, li kienet intiża speċifikament għar-riorganizzazzjoni tas-settur bankarju pubbliku Taljan, ir-Repubblika Taljana ttrasponiet, permezz tad-decreto legislativo n° 544 su attuazione della direttiva del Consiglio 90/434/CEE relativa al regime fiscale comune da applicare alle fusioni, alle scissioni, ai conferimenti d’attivo ed agli altri scambi concernenti società di Stati membri diversi (Digriet Leġiżlattiv Nru 544 li jittrasponi d-Direttiva 90/434/KE, tat-30 ta’ Diċembru 1992 (GURI Nru 9, tat-13 ta’ Jannar 1993), id-Direttiva tal-Kunsill Nru 90/434/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-azzjonijiet li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142). L-għan ta’ din id-direttiva kien li, billi tistabbilixxi sistema komuni ta’ tassazzjoni, ittemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, u li tiffaċilita l-operazzjonijiet ta’ riorganizzazzjoni bejn il-kumpanniji tad-diversi Stati Membri billi tiġi evitata t-tassazzjoni meta jiġu implementati dawn l-operazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri kkonċernati (premessi 1 sa 6 tad-Direttiva 90/434).
8 Id-Direttiva 90/434 u d-dispożizzjonijiet Taljani ta’ traspożizzjoni kienu jipprovdu skema ta’ newtralità fiskali paragunabbli għal dik tal-Liġi 218/1990, bid-differenza li dawn kienu jistabbilixxu newtralità fiskali totali, li kienet tinvolvi nuqqas ta’ tassazzjoni immedjata fuq parti mill-profitt kapitali miksub, u li ma kinux iwasslu għal allinjament ħażin doppju tal-valuri fiskali meta mqabbel mal-valuri kontabbli, jiġifieri kemm fil-livell tal-azzjonijiet irċevuti kif ukoll tal-assi ttrasferiti, iżda allinjament ħażin tal-valuri fiskali sempliċement fil-livell tal-assi ttrasferiti, jiġifieri fil-kontabbiltà tal-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti biss.
9 Permezz tal-Artikolu 23 tad-decreto legislativo n° 41 su misure urgenti per il risanamento della finanza pubblica e per l’occupazione nelle aree depresse (Digriet Leġiżlattiv Nru 41 dwar miżuri ta’ urġenza għall-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi u għall-impjieg fir-reġjuni żvantaġġati), tat-23 ta’ Frar 1995 (GURI Nru 45 tat-23 ta’ Frar 1995, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv 41/1995”), il-leġiżlatur Taljan irrikonoxxa għall-ewwel darba, lill-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti tal-assi mwettqa taħt il-Liġi 218/1990, id-dritt li jagħmlu riallinjament tal-valur fiskali tal-assi ttrasferiti u dak tal-azzjonijiet irċevuti mill-entitajiet trasferenti, fuq il-valuri kontabbli ogħla minn dawn l-assi u l-azzjonijiet, u b’hekk elimina l-allenjamenti ħżiena tal-valuri fiskali u ħeles ir-riżerva obbligatorja stabbilita fil-kontabbiltà tal-istituzzjonijiet trasferenti mis-sospensjoni tat-taxxa. Dan ir-riallinjament kien suġġett għal ħlas, min-naħa tal-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti, ta’ taxxa sostituttiva b’rata ta’ 14 % għar-riallinjament tal-valur fiskali tal-assi rċevuti minn trasferiment biss, jew ta’ 18 % mhux biss għar-riallinjament tal-valur fiskali ta’ dawn l-assi, iżda wkoll għal dak tal-azzjonijiet irċevuti mill-entitajiet li ttrasferew. Jekk id-dritt ta’ riallinjament kien eżerċitat, huwa kellu jirrigwarda l-assi kollha ttrasferiti fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni mwettqa taħt il-Liġi 218/1990, mingħajr ma jestendi għal assi oħra li l-valur fiskali tagħhom kien inqas mill-valur kontabbli.
10 Peress li d-Direttiva 90/434 ma kinitx tapplika ħlief għar-riorganizzazzjonijiet tal-kumpanniji ta’ diversi Stati Membri, ir-Repubblika Taljana estendiet, awtonomament, permezz tad-decreto législativo n° 358 su riordino delle imposte sui redditi applicabili alle operazioni di cessione e conferimento di aziende, fusione, scissione et permuta di partecipazioni (Digriet Leġiżlattiv Nru 358 dwar ir-riorganizzazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ ċessjoni u ta’ trasferiment ta’ impriżi, ta’ inkorporazzjoni, ta’ diviżjoni u ta’ skambju ta’ ishma), tat-8 ta’ Ottubru 1997 (GURI Nru 249, tal-24 ta’ Ottubru 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv 358/1997”), is-sistema ta’ newtralità fiskali għar-riorganizzazzjonijiet tal-kumpanniji li jinsabu fit-territorju nazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin ipproponiet, lill-operaturi, soluzzjoni alternattiva ta’ taxxa immedjata fuq il-profitt kapitali.
11 Is-sistema ta’ newtralità fiskali kienet prevista fl-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997. Abbażi ta’ din is-sistema, it-trasferiment tal-assi ta’ fergħa ta’ negozju bejn kumpanniji li jinsabu fit-territorju Taljan kien fiskalment newtrali, bil-kundizzjoni li l-valur fiskali tal-assi ttrasferiti jiġi allokat lill-azzjonijiet irċevuti mill-kumpannija li tittrasferixxi u li jiġi attribwit, lill-assi rċevuti, l-istess valur fiskali li kellhom meta kienu proprjetà tal-kumpannija trasferenti (kontribuzzjoni fis-sistema ta’ newtralità fiskali).
12 Din is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, bħall-iskema tal-Liġi 218/1990, kienet għaldaqstant tistabbilixxi allinjament ħażin doppju tal-valuri fiskali meta mqabbel mal-valuri kontabbli, jiġifieri kemm fil-livell ta’ assi trasferiti (kontabbiltà tal-kumpannija benefiċjarja tat-trasferimenti), kif ukoll fil-livell ta’ azzjonijiet irċevuti bi skambju ta’ dawn l-assi (kontabbiltà tal-kumpannija trasferenti).
13 Skont is-soluzzjoni alternattiva ta’ tassazzjoni immedjata fuq il-profitt kapitali, l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 kien jipprovdi għall-ħlas, matul ir-riorganizzazzjoni, ta’ taxxa sostituttiva ta’ 19 % fuq il-profitt kapitali miksub. Peress li l-profitt kapitali kien rikonoxxut għall-finijiet ta’ taxxa, ma kienx hemm allinjament ħażin tal-valuri fiskali meta mqabbla mal-valuri kontabbli tal-assi (kontribuzzjoni fis-sistema ta’ kontabbiltà newtrali).
14 Permezz tal-legge n° 342 su misure in materia fiscale (Liġi Nru 342 dwar miżuri fiskali), tal-21 ta’ Novembru 2000, (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 276, tal-25 ta’ Novembru 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi 342/2000”, il-leġiżlatur Taljan introduċa tliet skemi ta’ natura temporanja.
15 L-ewwel skema, li tirriżulta mill-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000, kienet intiża għar-rivalutazzjoni ta’ ċerti assi tal-impriżi. Din id-dispożizzjoni kienet tippermetti lill-impriżi sabiex “jirrivalutaw l-assi materjali u immaterjali, bl-esklużjoni ta’ dawk li l-produzzjoni jew l-iskambju tagħhom jikkostitwixxu l-attività prinċipali tal-impriża, kif ukoll l-ishma f’kumpanniji kkontrollati jew f’kumpanniji assoċjati skont l-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili, meta dawn l-ishma jikkostitwixxu assi fissi, bħal dawk li jidhru fil-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja mitmuma mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999”.
16 Skont l-Artikolu 12 tal-Liġi 342/2000, din l-iskema ta’ rivalutazzjoni kienet timponi l-ħlas, fuq l-ogħla valuri mniżżla fil-bilanċ kontabbli wara r-rivalutazzjoni, ta’ taxxa sostituttiva b’rata ta’ 19 %, għall-assi deprezzabbli, u b’rata ta’ 15 % fuq l-assi mhux deprezzabbli.
17 It-tieni skema, li tirriżulta mill-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000, kienet intiża għar-riallinjament, fir-rigward tal-assi msemmija fl-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000, tal-valuri fiskali, fuq l-ikbar valuri kontabbli mniżżla fil-bilanċ kontabbli. L-Artikolu 14 kien jipprovdi għaldaqstant li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 [setgħu] jiġu applikati għar-rikonoxximent, għall-finijiet tat-taxxi fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi u tat-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet ta’ produzzjoni, tal-ikbar valuri mniżżla fil-bilanċ kontabbli msemmija fl-Artikolu 10 [...], tal-assi msemmija fl-istess l-Artikolu 10”.
18 Ir-rivalutazzjoni taħt l-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000, li hija operazzjoni ta’ natura kontabbli li tipproduċi effett fiskali, u r-riallinjament taħt l-Artikolu 14 tal-istess liġi, li huwa operazzjoni ta’ natura fiskali, meta jiġu kkumbinati flimkien, iwasslu għal rivalutazzjoni msejħa “fiskali” li tikkonsisti f’rivalutazzjoni tal-valuri kontabbli mniżżla fil-bilanċ kontabbli fil-valuri kurrenti u l-allinjament tal-valuri fiskali li huma allinjati ħażin fil-valuri kontabbli kif rivalutati.
19 It-tielet skema kienet intiża għar-riallinjament tal-valuri fiskali fuq il-valuri kontabbli mniżżla fil-bilanċ kontabbli tal-kumpanniji kkonċernati mir-riorganizzazzjoni mwettqa skont il-Liġi 218/1990 jew tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 17 sa 19 tal-Liġi 342/2000 jipprovdu:
“Artikolu 17
1. Il-kumpanniji destinatarji tat-trasferimenti previsti mill-Artikolu 7(2) u (5) tal-[Liġi 218/1990] [...] jistgħu japplikaw taxxa [sostituttiva] b’rata ta’ 19 % fuq id-differenza bejn il-valur tal-assi rċevuti wara l-imsemmija trasferimenti u l-valur tagħhom rikonoxxut għall-finijiet tat-taxxa. Il-valur tal-assi kkunsidrati huwa dak li jirriżulta mill-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja mitmuma qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.
2. Id-differenza suġġetta għat-taxxa sostituttiva msemmija fl-paragrafu 1 hija kkunsidrata bħala n-nefqa għall-assi rrikonoxxuti għall-finijiet tat-taxxa li lilu tista’ tiġi attribwita d-differenza mis-sena finanzjarja ta’ wara dik indikata fil-paragrafu 1. Din l-istess differenza hija kkunsidrata bħala n-nefqa rikonoxxuta għall-finijiet tat-taxxa tal-azzjonijiet irċevuti mill-kumpannija jew mill-entità trasferenti fil-limitu tal-valur tagħhom li jidher fil-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja jew għall-perjodu ta’ amministrazzjoni applikabbli fid-data tat-tmiem tas-sena finanzjarja indikata fil-paragrafu 1. Konsegwentement, għall-istess ammont, ir-riżervi jew il-fondi kkostitwiti b’riferiment għall-ikbar valuri mniżżla fil-bilanċ kontabbli matul it-trasferiment, huma kkunsidrati bħala suġġetti għat-taxxa [...]
3. Minflok it-taxxa sostituttiva msemmija fil-paragrafu 1, il-kumpanniji msemmija fl-istess paragrafu jistgħu japplikaw taxxa sostituttiva ekwivalenti għal 15 %. F’dan il-każ, id-differenza suġġetta għat-taxxa sostituttiva ma hijex rikonoxxuta għall-finijiet tat-taxxa għall-kumpannija jew entità trasferenti.
[...]
5. L-applikazzjoni tat-taxxa sostituttiva għandha tintalab fid-dikjarazzjoni tad-dħul għall-perijodu tat-taxxa applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. It-taxxa sostituttiva għandha titħallas f’massimu ta’ tliet pagamenti annwali tal-istess ammont [...]
Artikolu 18
1. Fir-rigward tal-kumpanniji li wettqu operazzjonijiet ta’ trasferiment, fis-sens tal-Artikolu 7(5) tal-[Liġi 218/1990], id-differenza bejn il-valur tal-azzjonijiet irċevuti u l-valur tagħhom rikonoxxut għall-finijiet tat-taxxa hija kkunsidrata bħala effettiva, bil-kundizzjoni li tkun suġġetta, skont il-modalitajiet u fit-termini previsti fl-Artikolu 17, għal taxxa sostituttiva [...] b’rata ta’ 19 %. Il-valur tal-azzjonijiet ikkunsidrat huwa dak li jirriżulta mill-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja mitmuma qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.
2. Id-differenza suġġetta għat-taxxa sostituttiva fis-sens tal-paragrafu 1 hija kkunsidrata bħala nefqa, rikonoxxuta, għall-finijiet tat-taxxa, tal-azzjonijiet irċevuti. Ir-riżervi jew il-fondi kkostitwiti b’riferiment għall-ikbar valuri mnizzla fil-bilanċ kontabbli matul it-trasferiment huma kkunsidrati bħala suġġetti għat-taxxa għall-ammont li jikkorrispondi għad-differenza msemmija iktar ’il fuq, wara t-tnaqqis tat-taxxa sostituttiva. Din id-differenza ma titqiesx li hija n-nefqa rikonoxxuta għall-finijiet tat-taxxa, għall-kumpanniji benefiċjarji ta’ trasferimenti [...]
Artikolu 19
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 japplikaw ukoll għall-kumpanniji destinatarji tat-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-[Digriet Leġiżlattiv 358/1997].”
20 L-Artikolu 20 tal-Liġi 342/2000 iffissa regoli dettaljati dwar it-taxxa sostituttiva li kellha titħallas fuq il-profitt kapitali u l-kreditu tat-taxxa korrispondenti favur l-azzjonisti li jirċievu d-dividendi li jirriżultaw mill-profitti kapitali rikonoxxuti.
21 Permezz tal-Artikolu 3(1) tal-legge n° 448 su disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2002) [Liġi Nru 448 dwar dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (liġi tal-finanzi 2002)], tat-28 ta’ Diċembru 2001 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 301, tad-29 ta’ Diċembru 2001, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 448/2001”), il-leġiżlatur Taljan estenda l-applikabbiltà tal-iskemi ta’ rivalutazzjoni u ta’ riallinjament tal-Artikoli 10 u 14 tal-Liġi 342/2000 għall-assi li jirriżultaw mill-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja mitmuma qabel il-31 ta’ Diċembru 2000, permezz ta’ ħlas tat-taxxa sostituttiva bir-rata, mhux mibdula, ta’ 19 % għall-assi deprezzabbli u ta’ 15 % għall-assi mhux deprezzabbli.
22 Permezz tal-Artikolu 3(11) tal-Liġi 448/2001, il-leġiżlatur Taljan estenda l-applikabbiltà tal-iskema ta’ riallinjament prevista mill-Artikoli 17 sa 19 tal-Liġi 342/2000 għall-assi li jirriżultaw mil-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2001 u ffissa r-rati tat-taxxa sostituttiva għal 12 % u 9 % skont il-portata tar-riallinjament ikkunsidrat.
23 Is-sistema fiskali Taljana tat-taxxa fuq il-kumpanniji ġiet irriformata fl-2003 permezz tad-decreto législativo n° 344 su riforma dell’imposizione sul reddito delle società, a norma dell’articolo 4 della legge 7 aprile 2003, n° 80 (Digriet Leġiżlattiv Nru 244 dwar riforma tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 80, tas-7 ta’ April 2003), tat-12 ta’ Diċembru 2003 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 291, tas-16 ta’ Diċembru 2003).
24 Permezz tal-legge n° 350 su disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2004) [Liġi Nru 350 dwar dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi tal-Finanzi 2004)], tal-24 ta’ Diċembru 2003 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 299, tas-27 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Liġi 350/2003”, il-leġiżlatur Taljan reġa’ estenda l-applikabbiltà tal-iskemi ta’ rivalutazzjoni u ta’ riallinjament tal-Liġi 342/2000.
25 L-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 jipprovdi li:
“Fl-Artikolu 10 [tal-Liġi 342/2000], il-kliem ‘mitmuma mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999’ għandhom jiġu ssostitwiti bil-kliem ‘mitmuma mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002’. It-taxxa sostituttiva dovuta abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu għandha titħallas fi tliet pagamenti annwali, qabel ma jsir dovut il-ħlas tal-bilanċ tat-taxxi fuq id-dħul, skont l-ammont rispettivi li ġejjin: 50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006.”
26 Għaldaqstant din id-dispożizzjoni biddlet l-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000, b’mod li jippermetti lill-impriżi li jużaw il-mekkaniżmu tar-rivalutazzjoni volontarja għall-assi li jidhru fil-bilanċ kontabbli tas-sena finanzjarja mitmuma mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002.
27 Din id-dispożizzjoni awtorizzat ukoll lill-impriżi jinvokaw l-iskema ta’ riallinjament prevista fl-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000. Fil-fatt, l-Artikolu 14 kien jagħtihom id-dritt li jinvokaw l-iskema ta’ riallinjament għall-istess assi bħal dawk li jistgħu jkunu suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ rivalutazzjoni previst mill-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000. Konsegwentement, l-impriżi kollha ġew awtorizzati jeliminaw l-allinjament ħażin bejn il-valur fiskali u l-valur kontabbli tal-assi, permezz ta’ ħlas tat-taxxa sostituttiva ta’ 19 % għar-riallinjament tal-assi deprezzabbli u ta’ 15 % għar-riallinjament tal-assi mhux deprezzabbli.
28 L-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 jipprovdi li:
“Id-dispożizzjonijiet ipprovduti fl-Artikoli 17, 18 u 20 tal-[Liġi 342/2000] jistgħu jiġu applikati wkoll għall-beni li jirriżultaw mill-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2003. F’dan il-każ, ir-rata tat-taxxa sostituttiva ta’ 19 % għandha titnaqqas għal 12 % u dik ta’ 15 % għal 9 %. It-taxxa sostituttiva dovuta abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu għandha titħallas fi tliet pagamenti annwali, mingħajr ħlas ta’ interessi, qabel ma jsir dovut il-ħlas tal-bilanċ tat-taxxi fuq id-dħul, skont l-ammonti rispettivi li ġejjin: 50 % fl-2004, 25 % fl-2005 u 25 % fl-2006. L-applikazzjoni tat-taxxa sostituttiva għandha tintalab fid-dikjarazzjoni tad-dħul għall-perjodu taxxabbli meta l-valuri jiġu ntaxxati.”
29 Din id-dispożizzjoni, li estendiet l-applikabbiltà tal-Artikoli 17, 18 u 20 tal-Liġi 342/2000 u naqqset ir-rata tat-taxxa sostituttiva għal 12 % u għal 9 % skont il-portata tar-riallinjament, ma estendietx l-applikabbiltà tal-Artikolu 19 ta’ din il-liġi rigward il-possibbiltà ta’ riallinjament għat-trasferimenti ta’ kumpanniji mwettqa taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997.
Il-proċedura amministrattiva u deċiżjoni kkontestata
30 Wara li wettqet investigazzjoni preliminari tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li kkunsidrat li din id-dispożizzjoni kienet tidher li tinvolvi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, informat lir-Repubblika Taljana, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, bid-deċiżjoni tagħha li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ bidu tal-proċedura”. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Lulju 2007, (ĠU C 154, p. 15).
31 B’risposta għall-istedina magħmula lir-Repubblika Taljana u lill-partijiet interessati, fid-deċiżjoni ta’ bidu tal-proċedura, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana, kif ukoll tal-grupp bankarju Paribas, li l-Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) jagħmel parti minnu.
32 Fil-11 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/711/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 15/07 (ex NN 20/07) li implementat l-Italja, dwar inċentivi fiskali favur ir-ristrutturazzjoni ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 237, p. 70, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
33 Fid-deċiżjoni kkontestata, wara li ddeskriviet ir-regoli li jirregolaw l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-profitti kapitali fis-sistema fiskali Taljana (premessi 13 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata), tal-proċedura amministrattiva u tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana u tal-partijiet interessati (premessi 57 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni bdiet l-evalwazzjoni tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat.
34 Wara li kkonstatat li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat relattiva għall-użu ta’ riżorsi tal-Istat kienet sodisfatta (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni vverifikat ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv u l-ġustifikazzjoni tiegħu fid-dawl tan-natura tas-sistema (premessi 82 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).
35 F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni fakkret il-pożizzjoni tagħha li tgħid li s-sistemi ta’ newtralità fiskali stabbilti mil-Liġi 218/1990 u mill-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, peress li d-differiment tat-taxxa relatat man-newtralità fiskali applikat kien fil-fatt, fil-fehma tagħha, iġġustifikat mil-loġika tas-sistema fiskali (premessi 82 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).
36 Fir-rigward tal-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, il-Kummissjoni kkunsidrat li kienet tagħti d-dritt għal żieda fil-valur fiskali, li għaliha kellha titħallas it-taxxa normali fuq il-kumpanniji, fin-nuqqas ta’ taxxa sostituttiva speċjali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ. Il-Kummissjoni indikat li fil-fehma tagħha, l-introduzzjoni ta’ taxxa sostituttiva, b’rata mnaqqsa, tista’ tkun iġġustifikata, fil-prinċipju, sa fejn tali taxxa tirrappreżenta miżura teknika intiża sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-profitti kapitali għall-finijiet tat-taxxa (l-ewwel u l-aħħar sentenzi tal-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).
37 Madanakollu, hija qalet ukoll li tali riallinjament fiskali preferenzjali jista’ jkun iġġustifikat biss jekk ikun oġġettivament applikabbli, taħt l-istess kundizzjonijiet paragunabbli, għal kull rikonoxximenti ta’ profitti kapitali għall-finijiet tat-taxxa, bħal dawk li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet li ma jissemmewx mil-Liġi 218/1990, inklużi r-riorganizzazzjonijiet relatati ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata).
38 Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-riallinjamenti previsti mil-Liġijiet 342/2000 u 448/2001, aċċessibbli permezz ta’ ħlas ta’ taxxa sostituttiva applikata taħt l-istess kundizzjonijiet għall-impriżi kollha li għażlu li jirrikonoxxu l-profitti kapitali storiċi miksuba iżda li ma humiex rikonoxxuti temporanjament skont il-Liġi 218/1990 u d-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, jikkostitwixxu miżuri fiskali ġenerali ġġustifikati mil-loġika tas-sistema fiskali u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).
39 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li r-riallinjament fiskali tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma jikkostitwixxix miżura ġenerali, sa fejn japplika għall-profitti kapitali miksuba minn ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’riżultat tar-riorganizzazzjonijiet implementati skont il-Liġi 218/1990 biss (premessi 90 u 93 tad-deċiżjoni kkontestata).
40 Il-Kummissjoni qieset li din l-iskema fiskali pprovdiet vantaġġ ugwali għad-differenza bejn it-taxxa effettivament imħallsa sabiex ikun riallinjat il-valur tal-assi u t-taxxa normali li kellha titħallas kieku l-istess riallinjament kellu jsir fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata) u, barra minn hekk, hija nnotat li t-taxxa sostitutttiva tħallset fi tliet pagamenti annwali mingħajr interessi, filwaqt li t-taxxa normali kellha titħallas kollha fl-2004 (premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata).
41 Il-Kummissjoni kkwotat l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, li fil-fehma tagħhom, l-ewwel nett, l-ebda wieħed mill-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni ma kien ser jaċċetta li jallinja mill-ġdid il-valur tal-assi tiegħu jekk, meta jagħmel dan, kien ser ikun suġġett għat-taxxa normali, it-tieni nett, il-kumpanniji l-oħra li ma kinux suġġetti għal riorganizzazzjonijiet taħt il-Liġi 218/1990 setgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa impliċitu tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 skont il-modalitajiet ġenerali, li huma essenzjalment ekwivalenti, previsti fl-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 u, it-tielet nett, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa fid-data tat-trasferimenti inizjali, bil-konsegwenza li, fir-realtà mhux ser inkun hemm ebda vantaġġ (premessi 94 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata).
42 “Madanakollu, il-Kummissjoni ssostni[et] li l-iskema skond l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma [kinitx ]tikkostitwixxi riallinjament tat-taxxi ta’ valuri mhux allinjati li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet fiskalment newtrali iżda skema ta’ valutazzjoni mill-ġdid tat-taxxa li [kienet] wasslet għar-rikonoxximent ta’ profitti kapitali moħbija li jirriżultaw mill-aġġustament tal-valur tat-taxxa ta’ l-assi miżmuma mill-kumpanniji benefiċjarji għall-valur attwali tagħhom”. Hija “ma [kkunsidratx] iż-żewġ skemi komparabbli u, barra minn dan, ma [qisitx] l-iskema ta’ rivalutazzjoni tat-taxxa taħt l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ekwivalenti għall-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa skond l-Artikolu 2(26) ta’ l-istess Liġi, fid-dawl tad-differenza bejn ir-rati legali tat-taxxa sostituttiva previsti minn dawn iż-żewġ skemi” (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata).
43 Għaldaqstant hija kkonkludiet li l-kumpanniji li għamlu riallinjament tal-valuri fiskali tal-assi tagħhom skont l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kienu bbenefikaw minn vantaġġ speċifiku kkostitwit mid-differenza bejn ir-rata tat-taxxa normali fuq il-qligħ rikonoxxut u t-taxxa sostituttiva speċjali fuq l-istess qligħ (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata).
44 Wara li rreferiet għall-argument tal-partijiet interessati li r-rata iktar baxxa tat-taxxa sostituttiva prevista fl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma kinitx selettiva peress li kienet iġġustifikata mill-elementi speċifiċi fattwali u ġuridiċi tat-tassazzjoni fuq il-profitti kapitali li jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet skont il-Liġi 218/1990 u li r-Repubblika Taljana ma setatx, wara dawn is-snin kollha, legalment tintaxxa dawn il-profitti kapitali bħall-profitti kapitali li rriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet oħra ta’ kumpanniji (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni qieset li, minkejja dawn l-elementi speċifiċi, is-sistema ta’ newtralità fiskali parzjali tal-Liġi 218/1990 kienet essenzjalment ekwivalenti għas-sistema ta’ newtralità fiskali totali tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 u li l-leġiżlatur Taljan kellu japplika l-istess trattament meta, fl-2003, ipprovda għar-rikonoxximent fiskali tal-profitti kapitali sospiżi (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).
45 Fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset, barra minn hekk, li l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa iktar baxxa ma setatx tiġi kkunsidrata sempliċement bħala kumpens għal taxxa ogħla fuq il-profitti kapitali li rriżultaw mir-ristrutturazzjonijiet tas-settur bankarju skont il-Liġi 218/1990 u li ġew imqassma lill-azzjonisti bħala dividendi, meta mqabbla mat-taxxa fuq il-profitti kapitali mqassma bħala dividendi li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet oħra fis-sistema ta’ newtralità fiskali. Skont il-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li tkun aċċettata affermazzjoni bħal din, billi l-applikazzjoni ta’ taxxi sostituttivi differenti fil-każ tal-profitti kapitali ma tistax tkun dejjem iġġustifikata mill-piżijiet fiskali differenti applikabbli fil-każ li l-profitti kapitali sospiżi jiġu mqassma bħala dividendi. Il-Kummissjoni osservat li jekk tkun aċċettata din il-ġustifikazzjoni, dan ikun ifisser li tiġi aċċettata l-applikazzjoni ta’ rati effettivi tat-taxxa li jkunu differenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji fil-konfront ta’ xi kumpanniji għas-sempliċi raġuni li dawn ikunu ħadu sehem f’ċertu tipi ta’ riorganizzazzjonijiet ippreferuti mill-Istat.
46 Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-vantaġġ fiskali li rriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma setax jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ “de minimis”, li l-preżunzjoni li l-vantaġġ finanzjarju mogħti mill-Istat huwa insinifikanti ma hijiex fiha nfisha raġuni biżżejjed biex ikun eskluż li tali vantaġġ jitqies li huwa għajnuna, u li l-eċċezzjoni “de minimis” ma setatx, barra minn hekk, tiġi invokata fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna li ma hijiex trasparenti (premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).
47 Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma kinitx tirrappreżenta adattament tas-sistema ġenerali għall-karatteristiċi distintivi tas-settur bankarju, iżda pjuttost vantaġġ selettiv li kellu effett fuq it-titjib tal-kompetittività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu involuti fir-riorganizzazzjonijiet taħt il-Liġi 218/1990. Barra minn hekk, din l-iskema ma hijiex biss repetizzjoni tal-iskema introdotta bis-saħħa tal-Liġi 342/2000, peress li r-riallinjament fis-sens tal-Liġi 350/2003 seta’ kellu portata iktar limitata milli r-riallinjament ġenerali previst mil-Liġi 342/2000 (premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).
48 Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-vantaġġ mogħti lil ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt il-Liġi 350/2003, ikkostitwit mill-applikazzjoni ta’ taxxa sostituttiva speċjali għall-qligħ miksub permezz ta’ ċerti kontribuzzjonijiet ta’ assi minflok ir-rata tat-taxxa normali, kien vantaġġ speċifiku u mhux iġġustifikat min-natura tas-sistema fiskali (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).
49 Wara li kkunsidrat li r-rekwiżiti rigward id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kienu sodisfatti (premessi 108 sa 110 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ebda deroga prevista fl-Artikolu 87(2) u (3) KE ma kienet tapplika (premessi 111 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema inkwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata).
50 Il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-għajnuna kienet illegali, kien hemm lok li jiġi ordnat l-irkupru tagħha, iżda qieset li dan l-irkupru kellu jikkonċerna biss “it-taxxi mħallsa inqas milli kieku kell[hom iħallsu] l-benefiċjarj[i]u ta’ l-iskema kieku ibbenefika[w] minn skemi oħra ta’ taxxi li kien hemm dak iż-żmien”. Il-Kummissjoni qieset li f’dan il-każ l-applikazzjoni tal-iskema alternattiva ta’ rivalutazzjoni fiskali msemmija fl-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma kinitx għażla purament ipotetika iżda għażla raġonevoli li setgħet tintuża mill-benefiċjarji inkwistjoni li xtaqu r-rikonoxximent tal-valur effettiv tal-assi tagħhom għall-finijiiet tat-taxxa (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li għalkemm ma jistax isir paragun bejn l-operazzjonijiet ta’ riallinjament u dawn ta’ rivalutazzjoni, jekk dak iż-żmien l-iskema ta’ riallinjament ma kinitx teżisti, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati kienu kważi ċertament jagħżlu l-iskema ġenerali ta’ rivalutazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata).
51 Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-irkupru tal-għajnuna kellu jkun limitat esklużivament għad-differenza bejn it-taxxa dovuta għar-rivalutazzjoni tal-assi miżmuma skont l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa effettivament imħallsa skont l-Artikolu 2(26) tal-istess liġi (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).
52 Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet dan li ġej:
“Artikolu 1
L-iskema fiskali eċċezzjonali skond l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 li implimentat [ir-Repubblika Taljana] tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u hija inkumpatibbli mas-suq komuni.
Artikolu 2
[Ir-Repubblika Taljana] għandha tabolixxi l-iskema msemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 3
1. [Ir-Repubblika Taljana] għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mogħtija permezz tal-pagament tat-taxxa sostituttiva previst mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 rigward ir-rikonoxximent fiskali tal-profitti kapitali li jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet magħmula skond il-Liġi 218/1990, għajnuna li diġà tpoġġiet illegalment għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji.
2. L-ammont li għandu jkun irkuprat huwa limitat għad-differenza bejn it-taxxa li kienet tiħallas kieku l-benefiċarji ta’ l-għajnuna applikaw l-iskema ta’ valutazzjoni fiskali mill-ġdid msemmija fl-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa effettivament imħallsa skond l-Artikolu 2(26) ta’ l-istess Liġi 350/2003 [...]
3. L-irkupru għandu jsir mingħajr ebda telf ta’ żmien u skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali bil-kondizzjoni li din tippermetti l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.
[...]
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.”
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
53 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li mill-1 ta’ Diċembru 2009 saret il-Qorti Ġenerali) fl-14 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti BNP Paribas (iktar ’il quddiem “BNP”) u BNL ressqu dan ir-rikors.
54 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) ddeċidiet li tibda l-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010.
55 Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiddikjara r-rikors ammissibbli;
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata.
56 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;
– sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
57 Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata li biha ddikjarat l-iskema fiskali inkwistjoni bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li ordnat lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna mogħtija, huwa att ta’ portata ġenerali. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-fatt li r-rikorrenti huma l-benefiċjarji effettivi ta’ din l-iskema ma jfissirx li tagħmilhom persuni kkonċernati individwalment li għandhom dritt jippreżentaw rikors għal annullament.
58 Il-Kummissjoni tibbaża l-oġġezzjonijet tagħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, li għal diversi drabi kkunsidrat bħala inammissibbli r-rikorsi ppreżentati minn benefiċjarji attwali jew potenzjali ta’ skema tal-għajnuna kontra deċiżjonijiet li jiddikjaraw lil dawn l-iskemi inkompatibbli mas-suq komuni.
59 Il-Kummissjoni ma tinjorax is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li, min-naħa l-oħra, għandhom tendenza jiddikjaraw ammissibbli ċerti rikorsi ppreżentati minn benefiċjarji ta’ skemi ta’ għajnuna ddikjarati inkompatibbli minħabba li r-rikorrenti kienu obbligati jħallsu lura l-għajnuna li kienet tħallset lilhom taħt dawn l-iskemi. Madankollu hija tiddubita jekk din il-ġurisprudenza tosservax il-prinċipji li jirregolaw ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi.
60 Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-kwalità ta’ benefiċjarju effettiv jippermetti li tiġi kkonstatata l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li BNL ma għandux locus standi, minħabba li jista’ jitqies li huwa benefiċjarju effettiv tal-miżuri inkwistjoni peress li l-kumpannija proprjetarja tal-impriża li f’dak iż-żmien irċiviet trasferiment fil-kuntest tas-sistema ta’ newtralità fiskali prevista fl-Artikolu 7 tal-Liġi 218/1990 (iktar ’il quddiem “ex BNL”) kien inkorporat f’BNP. Il-fatt li BNL irċieva, permezz ta’ trasferiment, il-fergħa bankarja tal-ex BNL ma għandhux x’jaqsam mal-benefiċċju tal-għajnuna u mar-rimbors tagħha. Iktar sussidjarjament, jekk ikollu jirriżulta li, minħabba fatti mhux magħrufa mill-Kummissjoni, huwa BNL u mhux BNP li għandu jirrimborsa l-għajnuna, ir-rikors ikun inammissibbli inkwantu ġie ppreżentat minn BNP.
61 Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni. Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet, b’mod ċar, l-interess individwali tal-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna mogħtija skont l-iskemi tal-għajnuna msemmija minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjarha inkompatibbli mas-suq komuni u li timponi obbligu fuq l-Istat Membru li jirkupra l-għajnuna mħallsa.
62 Għal dak li jirrigwarda l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni, dan huwa ineffettiv peress li fi kwalunkwe każ ir-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ mill-inqas wieħed miż-żewġ rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
63 Għandu jiġi rrilevat li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra jekk l-imsemmija deċiżjoni tkun tikkonċernaha direttament u individwalment.
64 Skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minnha ħlief jekk id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C‑321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 7 u 28).
65 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala regola, ma huwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din l-impriża, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li tinvolvi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke Friesland Campina, C‑519/07 P, Ġabra p. I-8495, punt 53; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15).
66 Madankollu, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punti 34 u 35) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, peress li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża minħabba li kienet impriża tas-settur marittimu f’Sardegna, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna għall-armaturi Sardi, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kienet ikkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni kien ammissibbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 39).
67 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhomx il-kwalità ta’ benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna settorjali u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063, punt 70, u tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni, T‑445/05, Ġabra p. II-289, punt 49).
68 Fin-noti tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostnew, f’dan ir-rigward, tliet kunsiderazzjonijiet li ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni.
69 Fl-ewwel lok, meta l-ex BNL kien proprjetarju tal-impriża bankarja li bbenefikat minn kontribuzzjoni taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali skont il-Liġi 218/1990, fid-dikjarazzjoni tagħha għas-sena bażi 2003, li ġiet ippreżentata fid-29 ta’ Ottubru 2004, hija użat l-iskema ta’ riallinjament prevista fl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, għall-assi ta’ din l-impriża.
70 Fit-tieni lok, fl-1 ta’ Ottubru 2007, l-ex BNL ittrasferixxa l-fergħa tan-negozju tiegħu fl-Italja, inklużi l-assi li għalihom għamel użu mill-iskema ta’ riallinjament imsemmija iktar ’il fuq, lil kumpannija b’responsabbiltà limitata li kienet għada kif twaqqfet bl-isem Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) li, fil-fatt, hija t-tieni rikorrenti.
71 Fit-tielet lok, fl-istess jum, immedjatament wara t-trasferiment, l-ex BNL ġiet amalgamata u akkwistata minn BNP, l-ewwel rikorrenti, u permezz ta’ din l-operazzjoni, BNP assumiet mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi tal-ex BNL, u konsegwentement daħlet fir-relazzjonijiet ġuridiċi kollha ta’ din tal-aħħar, inklużi l-proċeduri mibdija qabel l-amalgamazzjoni.
72 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-vantaġġ miksub mill-ex BNL mill-iskema fiskali kkontestata jew ġie ttrasferit lil BNP meta ġiet amalgamata u akkwistata kif imsemmi fil-punt preċedenti, jew lil BNL waqt it-trasferiment tal-fergħa ta’ negozju bankarju tal-ex BNL lil din il-kumpannija u li għaldaqstant, BNP jew BNL għandha tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna li ngħatat taħt l-iskema inkwistjoni u, minħabba f’hekk, ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.
73 Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw li kienet BNP li, minħabba l-amalgamazzjoni u akkwist imsemmija iktar ’il fuq, kienet il-benefiċjarja effettiva tal-miżura kkontestata, u ttieħdet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta.
74 Minn dan isegwi li BNP hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.
75 Għal dak li jikkonċerna lil din ir-rikorrenti, fir-rigward tar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ interess dirett, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra, mingħand il-benefiċjarji, l-għajnuna mogħtija permezz tal-iskema fiskali msemmija fl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, din ir-rikorrenti, bħala l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna, hija direttament ikkonċernata minn din id-deċiżjoni.
76 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn ġie ppreżentat minn BNP.
77 Peress li hemm rikors wieħed, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrent l-ieħor (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Settembru 2009, Cheminova et vs Il-Kummissjoni, T‑326/07, Ġabra p. II-4877, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, Ġabra p. II‑1971, punt 82; tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra p. II‑1399, punti 51 u 52; tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II‑1275, punt 52).
Fuq il-mertu
78 Ir-rikorrenti jressqu żewġ motivi għal annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, inkwantu l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, peress li din hija skema li ma tagħti ebda vantaġġ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn żball ta’ fatt.
79 Huwa xieraq li jiġi eżaminat it-tieni motiv l-ewwel.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn żball ta’ fatt
– L-argumenti tal-partijiet
80 Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, injorat l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, liema skema kellha tkun ipparagunata mal-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003. Madankollu, kemm l-awtoritajiet Taljani kif ukoll ir-rikorrenti indikaw lill-Kummissjoni, fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li kellha twettaq tali paragun bejn dawn iż-żewġ skemi sabiex tistabbilixxi jekk it-tieni waħda, meħuda kollha kemm hi, tagħtix xi vantaġġ meta mqabbla mal-ewwel waħda.
81 Madankollu, billi l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sempliċi konstatazzjoni li fl-2000 u fl-2001 il-leġiżlatur estenda l-iskema ta’ riallinjament, li inizjalment kienet irriżervata għall-entitajiet ikkonċernati mir-ristrutturazzjoni previst mil-Liġi 218/1990, lill-kumpanniji benefiċjarji ta’ trasferimenti mwettqa taħt l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, filwaqt li l-Liġi 350/2003 ma estendietx l-iskema iktar, hija pratikament iddispensat ruħha minn dan il-paragun. Il-Kummissjoni ċaħdet, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-oġġezzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani u tar-rikorrenti mingħajr ma pprovdiet risposta motivata fid-deċiżjoni kkontestata, iżda biss ikkonstatat li r-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 japplika biss għall-kumpanniji benefiċjarji ta’ trasferimenti mwettqa taħt il-Liġi 218/1990, u mhux għal kull kumpannija kkonċernata minn operazzjonijiet ta’ trasferimenti ta’ assi.
82 Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konvinzjoni żbaljata li l-Liġi 350/2003 pprovdiet biss l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26), mingħajr ma pprovdiet xi skema ta’ riallinjament oħra ta’ applikazzjoni ġenerali. Din il-pożizzjoni tirriżulta mingħajr ekwivoku mill-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata.
83 Madankollu, l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 biddel il-kliem tal-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000 b’mod li jippermetti lill-impriżi jużaw il-mekkaniżmu tar-rivalutazzjoni volontarja għall-assi “li jidhru fil-bilanċ kontabbli għas-sena finanzjarja mitmuma mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002”. Permezz ta’ dan, l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 awtorizza, b’mod impliċitu, l-istess impriżi jinvokaw ukoll l-iskema ta’ riallinjament prevista mill-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet tagħtihom il-possibbiltà li jinvokaw l-iskema ta’ riallinjament għall-istess assi bħal dawk li jistgħu jkunu suġġetti għall-mekkaniżmu ta’ rivalutazzjoni previst mill-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000. Konsegwentement, l-impriżi kollha ġew awtorizzati jeliminaw l-allinjamenti ħżiena bejn il-valur fiskali u l-valur kontabbli tal-assi, premezz tal-ħlas tat-taxxa sostituttiva ta’ 19 % għar-riallinjament tal-assi deprezzabbli, u ta’ 15 % għar-riallinjament tal-assi mhux deprezzabbli.
84 Barra minn hekk, il-fatt li din l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 kienet effettivament applikata u aċċessibbli għall-impriżi kollha interessati jintwera mill-provi fil-proċess.
85 Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li fl-ipoteżi li l-Kummissjoni pparagunat l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma’ dik tal-Artikolu 2(25) tal-istess liġi, kienet tikkonstata li l-ewwel skema ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mat-tieni waħda. L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha sabiex tiġġustifika n-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-iskema ta’ riallinjament tal-aħħar, huma tentattiv sabiex tipprovdi motivazzjoni ex post, u għaldaqstant, huma inamnmissibbli.
86 Il-Kummissjoni ssostni li, bħar-rikorrenti, hija tikkunsidra li l-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 ġie estiż mill-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003. Madankollu, dan ma jaffettwax il-motivazzjoni korretta, imsemmija fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika li l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 estendiet dispożizzjonijiet ta’ natura differenti minn dawk estiżi mill-Artikolu 2(26). Għalkemm huwa veru li din il-premessa setgħet tirreferi, b’mod iktar espliċitu, kemm għar-rivalutazzjoni, kif ukoll għar-riallinjament, li t-tnejn li huma kienu estiżi mill-Artikolu 2(25), xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunament ewlieni huwa ċar u juri kuntrast bejn ir-“riallinjament tat-taxxi ta’ valuri mhux allinjati li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet fiskalment newtrali” u “[l-kisba tal-]profitti kapitali moħbija li jirriżultaw mill-aġġustament tal-valur tat-taxxa ta’ l-assi miżmuma mill-kumpanniji benefiċjarji għall-valur attwali tagħhom”.
87 Barra minn hekk, id-differenza bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet hija spjegata fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li l-profitti kapitali relatati maċ-ċessjoni u mar-riorganizzazzjoni tal-kumpanniji li jitwettqu b’riżultat ta’ skambju, jinkisbu iżda jiġu sospiżi, dawk li jkunu “sempliċement imniżżla fil-bilanċ kontabbli” ma humiex marbuta ma’ “okkorrenza ta’ avvenimnent preċedenti”. Fi kliem ieħor, ir-riallinjamenti msemmija fl-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 huma relatati mal-profitti kapitali mhux miksuba li huma perfettament paragunabbli mal-profitti kapitali ta’ rivalutazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tal-istess liġi, u dan jispjega għaliex l-ambitu ta’ applikazzjoni oġġettiv u r-rati huma l-istess għat-tnejn li huma.
88 Din l-analoġija fundamentali bejn dawn iż-żewġ strumenti hija konnessa mar-rivaltuazzjonijiet skont l-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000 u r-riallinjamenti skont l-Artikolu 14 ta’ din l-istess liġi u tagħmel distinzjoni radikali bejn ir-riallinjament tal-profitti kapitali li nkisbu diġà meta saru t-trasferimenti u r-riorganizzazzjonijiet tal-kumpanniji, imsemmija fl-Artikolu 17 tal-istess liġi.
89 Għaldaqstant, ma jeżisti ebda żball ta’ fatt kif allegat mir-rikorrenti u lanqas nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn dan l-iżball. Il-Kummissjoni qieset li r-riallinjament tal-profitti kapitali li nkisbu diġà meta saru t-trasferimenti u tar-riorganizzazzjonijiet tal-kumpanniji, li l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kien irriżerva għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għar-riorganizzazzjonijiet taħt il-Liġi 218/1990, seta’ jiġi pparagunat biss ma’ miżura analoga, ta’ natura ġenerali, li tirriżulta mill-Artikolu tal-Liġi 342/2000, li kienet fis-seħħ sa dik id-data, iżda li ma ġietx estiża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li l-vantaġġ inkwistjoni, li kien ġenerali, sar wieħed speċifiku u tikkonkludi, ġustament, li dan kien għajnuna mill-Istat.
90 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ċertament qieset li kellha tillimita l-irkupru għad-differenza bejn, minn naħa, it-taxxa dovuta għar-rivalutazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tal-Liġi 342/2000 u għar-riallinjament tal-profitti kapitali mhux miksuba u msemmija fl-Artikolu 14 tal-istess liġi, li t-tnejn ġew estiżi permezz tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u, min-naħa l-oħra, it-taxxa effettivament imħallsa skont l-Artikolu 17 tal-Liġi 342/2000, estiża permezz tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003. Madankollu, anki fil-każ li jiġi aċċettat dak li ntqal, jekk din l-għażla kellha tkun inkonsistenti mar-raġunament żviluppat li wassal għall-konklużjoni li teżisti għajnuna mill-Istat, din l-inkonsistenza kellha tkun ta’ vantaġġ għall-benefiċjarji tal-iskema, li fosthom kien hemm ir-rikorrenti, u li ma jkollhom ebda interess li jikkontestawha. Huwa wkoll ċar li fil-każ ta’ annullament minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid il-miżura inkwistjoni u tieħu deċiżjoni ġdida.
91 Il-Kummissjoni tqis li fi kwalunkwe każ, it-tieni motiv huwa ineffettiv. Minn naħa, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li r-riallinjament skont l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u dak skont l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 huma żewġ strumenti differenti, anki jekk jibbażaw ruħhom fuq kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk tal-Kummissjoni, paragun iktar fil-fond bejn iż-żewġ strumenti ma’ setax ibiddel il-konklużjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata.
92 Min-naħa l-oħra, u kif ġie diġà indikat, id-deċiżjoni kkontestata llimitat l-irkupru għad-differenza bejn it-taxxa li kellha titħallas kieku l-benefiċjarji tal-iskema kkontestata applikaw l-iskema ta’ rivalutazzjoni fiskali msemmija fl-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa effettivament imħallsa skont l-Artikolu 2(26) tal-istess liġi. Huwa irrilevanti li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss ir-rivalutazzjoni, peress li ż-żewġ strumenti, estiżi permezz tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 – rivalutazzjoni u riallinjament – huma suġġetti għall-istess rata. Konsegwentement, anki kieku l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet, skont eżami iktar fil-fond tar-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, li dan kien jikkostitwixxi l-livell normali ta’ taxxa li fir-rigward tiegħu kellu jiġi pparagunat ir-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, hija xorta waħda kienet tikkonkludi li l-vantaġġ kellu jiġi kkunsidrat bħala d-differenza bejn iż-żewġ rati u għaldaqstant, kienet tordna l-istess porzjon ta’ rkupru kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
93 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħrajn li huma kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
94 Barra minn hekk, anki jekk, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li tadotta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni bħal din, hija madanakollu obbligata, skont l-Artikolu 253 KE, issemmi għall-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’hekk il-qorti Komunitarja u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).
95 Fir-rigward tal-ilment li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma injoratx din l-iskema, wara li fit-tieni sentenza tal-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata evokat l-argument li “il-kumpanniji l-oħra li ma kellhomx x’jaqsmu f’riorganizzazzjoni magħmula taħt il-Liġi 218/1990 setgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ riallinjament tat-taxxa impliċitu skond l-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 skond il-kundizzjonijiet ġenerali, li huma sostanzjalment ekwivalenti [previsti] mill-Artikolu [14] tal-Liġi 342/2000”.
96 Fil-fatt, anki li kieku, kif tammetti barra minn hekk il-Kummissjoni, il-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata setgħet isemmi, b’mod iktar espliċitu, ir-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunament ta’ din il-premessa jirrispondi għall-argumenti tal-partijet interessati.
97 F’din il-premessa, il-Kummissjoni sostniet li “l-iskema skond l-Artikolu 2 (25) tal-Liġi 350/2003 ma [kinitx] tikkostitwixxi riallinjament tat-taxxi ta’ valuri mhux allinjati li jirriżultaw minn riorganizzazzjonijiet fiskalment newtrali iżda skema ta’ valutazzjoni mill-ġdid tat-taxxa li wasslet għar-rikonoxximent ta’ profitti kapitali moħbija li jirriżultaw mill-aġġustament tal-valur tat-taxxa ta’ l-assi miżmuma mill-kumpanniji benefiċjarji”.
98 Din il-kunsiderazzjoni, li għandha tinqara flimkien ma’ dak li ntqal fil-premessi 16 sa 19 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, tesprimi b’mod ċar, il-pożizzjoni tal-Kummisjoni li r-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma kellu ebda rilevanza, minħabba li kien biss estensjoni ta’ riallinjament – dak tal-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 – li ma kellux l-għan li jiżgura r-riallinjament ta’ valuri mhux allinjati li jirriżultaw minn operazzjonijiet newtrali fuq livell fiskali, bħalma huma r-riorganizzazzjonijiet.
99 Skont il-Kummissjoni, ir-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, l-istess bħar-riallinjament tal-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 li l-Artikolu 2(25) estenda, kellu l-kompitu li jagħmel riallinjament tal-assi li kienu allinjati ħażin mhux waqt riorganizzazzjoni ta’ impriżi preċedenti, iżda waqt operazzjoni ta’ rivalutazzjoni preċedenti li fil-kuntest tagħha “[b]iex ikun evitat li tiġi mħallsa t-taxxa fuq il-kumpanniji fuq qligħ li għadu ma sarx flus likwidi, is-sistema tat-taxxi [ppermettiet] li l-qligħ taxabbli jiġi ffriżat billi jinżamm il-valur fiskali storiku ta’ l-assi, li jkun inqas mill-valur tagħhom fuq il-karta [rivalutat]” (it-tielet sentenza tal-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kliem ieħor, u sabiex tintuża l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma kinitx intiża għall-profitti kapitali li għalkemm miksuba, baqgħu sospiżi, iżda l-profitti kapitali li kienu “sempliċement imniżżla fil-bilanċ kontabbli”, jiġifieri profitti kapitali li ma kinux marbuta ma’ “okkorrenza ta’ avvenimnent preċedenti”.
100 Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li l-Kummissjoni, mhux talli ma injoratx l-argument tal-partijiet interessati, ibbażat fuq l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, iżda rrispondiet għal dan l-argument u motivat ir-risposta tagħha b’mod xieraq billi kkunsidrat li din l-iskema ta’ riallinjament ma għandha ebda rilevanza.
101 Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE
– L-argumenti tal-partijiet
102 Fl-ewwel lok ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku lill-kumpanniji benefiċjarji ta’ trasferimenti mwettqa taħt il-Liġi 218/1990.
103 L-ewwel nett, is-sistema ta’ taxxa normali fuq il-qligħ tal-impriżi ma hijiex kriterju validu ta’ paragun sabiex jiddetermina jekk ir-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 jagħtix vantaġġ ekonomiku.
104 Fil-fatt, peress li s-sistema fiskali Taljana ma pprovdietx il-possibbiltà li jsir riallinjament volontarju, il-kumpanniji inkwistjoni ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jagħmlu riallinjament tal-assi tagħhom b’mod volontarju u jħallsu t-taxxa normali fuq il-valur tar-riallinjament. Fir-rigward tal-oġġezzjoni li s-sistema ta’ taxxa normali hija kriterju ta’ paragun peress li dawn il-kumpanniji kienu jkunu suġġetti għat-taxxa normali kieku kienu ċedew l-assi tagħhom, huwa evidenti li, kieku din iċ-ċessjoni kellha fil-fatt ikollha tali konsegwenzi fiskali, il-kumpanniji inkwistjoni ma kien ikollhom ebda interess li jgħamlu dan. Fi kwalunkwe każ, għalkemm iċ-ċessjoni tal-assi, li tkun suġġetta għat-taxxa normali, ċertament telimina kwalunkwe allinjament ħażin ta’ dawk l-assi, l-azzjonijiet irċevuti mill-entità trasferenti jibqgħu allinjati ħażin.
105 Fi kwanunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li s-sistema ta’ taxxa normali tikkostitwixxi kriterju validu ta’ paragun, għandu xorta jiġi kkonstatat li r-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku reali meta mqabbel ma’ din is-sistema.
106 Fil-fatt, il-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn rata mnaqqsa ta’ taxxa applikabbli fil-kuntest ta’ dan ir-riallinjament huwa totalment annullat mill-fatt li trid titħallas immedjatament (matul ir-riallinjament) taxxa li, f’każ differenti, kienet titħallas biss iktar tard (matul l-eventwali ċessjoni), jew anki qatt (jekk ma ssirx iċ-ċessjoni). Barra minn hekk, peress li r-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 japplika obbligatorjament għall-assi kollha ttrasferiti taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Liġi 218/1990, it-taxxa sostituttiva kellha tkun dovuta wkoll fuq assi li ċ-ċessjoni tagħhom ma kinitx prospettata (immobbli allokati għall-eżerċizzju tal-attività bankarja), kif ukoll fuq l-assi li l-profitti kapitali tagħhom kienu jkunu kważi eżenti mit-taxxa normali fil-każ ta’ ċessjoni (ishma li jikkostitwixxu investimenti fit-tul).
107 Lanqas ma huwa minnu li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 tat vantaġġ lill-kumpanniji benefiċjarji, għar-raġunijiet li l-ħlas tat-taxxa sostituttiva fi tliet pagamenti hija mingħajr interessi filwaqt li t-taxxa normali hija dovuta immedjatament. Fil-fatt, fil-każ ta’ ċessjoni tal-assi, it-taxxa fuq il-profitt kapitali tista’ titqassam fuq ħames snin taxxabbli, mingħajr interessi, u dan ikun iktar vantaġġuż milli l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003.
108 Fl-aħħar nett, l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma tat ebda vantaġġ ekonomiku. Barra minn hekk, dan huwa l-fatt li jispjega għaliex il-kumpanniji kollha benefiċjarji tat-trasferimenti mwettqa taħt il-Liġi 218/1990 ma użawx immedjatament l-iskema ta’ riallinjament meta dan ġie propost fl-2001, u dan wassal lil-leġiżlatur jipproroga t-terminu sabiex din l-iskema tiġi użata sal-2003. Il-vantaġġ meħud minn dan ir-riallinjament jikkonsisti sempliċement fis-simplifikazzjoni tal-ġestjoni amministrattiva u tal-kontabbiltà, permezz tal-eliminazzjoni ta’ sistema doppja ta’ valuri kontabbli u fiskali.
109 It-tieni nett, fir-rigward tal-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, din ma setatx tkun, wisq iktar mit-taxxa normali, kriterju ta’ paragun sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, peress li l-karatteristiċi ta’ din is-sistema huma differenti minn dawk tal-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003.
110 Fil-fatt, ir-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma jippermettix li jiġi riallinjat il-valur fiskali tal-assi miżmuma minn kumpanniji oħra minbarra l-kumpannija li tuża dan, filwaqt li r-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 jippermetti li jintemm allinjament doppju ħażin. Barra minn hekk, ir-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 la jippermetti r-riallinjament tal-assi oħra minbarra dawk ittrasferiti taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali, u lanqas l-għażla tal-assi għar-riallinjament, b’differenza mir-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, li mhux biss jippermetti r-riallinjament tal-assi kollha, tkun xi tkun ir-raġuni tal-allinjament ħażin tagħhom, iżda wkoll l-għażla tal-assi għar-riallinjament.
111 Fi kwaunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li paragun huwa possibbli bejn dawn iż-żewġ sistemi ta’ riallinjament, ir-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku meta mqabbel mar-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003.
112 Ċertament, ir-rati tat-taxxa sostituttiva dovuta għar-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 huma inqas mir-rati tat-taxxa dovuti għar-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003. Madankollu, il-piżijiet fiskali globali ta’ dawn iż-żewġ skemi huma essenzjalment l-istess peress li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-taxxi fuq id-dħul kollha mħallsa fuq il-profitti kapitali li jirriżultaw mit-trasferiment minn dawn iż-żewġ partijiet lil dan it-trasferiment, jiġifieri mill-entità trasferenti u mill-impriża benefiċjarja ta’ dan it-trasferiment. Irrispettivament minn din il-kunsiderazzjoni wkoll, id-differenzi bejn ir-rati tat-taxxa sostituttiva dovuta għall-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 u r-rati ta’ dak dovut għar-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 huma ġġustifikati wkoll mill-fatt li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet timponi r-riallinjament tal-valur fiskali tal-assi trasferiti kollha, filwaqt li t-tieni waħda tippermetti r-riallinjament tal-valur fiskali ta’ ċerti assi b’mod separat.
113 Barra minn hekk, dawn ir-rati ta’ taxxi differenti huma ġġustifikati wkoll mill-fatt li peress li l-Liġi 218/1990 tipprovdi sospensjoni tat-taxxa dovuta mill-entitajiet trasferenti mhux biss fuq il-profitti kapitali tal-azzjonijiet, iżda wkoll fuq ir-riżervi fejn ġie allokat il-qligħ tat-trasferiment, dawn l-entitajiet transferenti jistgħu jkunu diġà ħallsu t-taxxa fuq id-dħul fuq il-profitti kapitali li bbenefikaw minn sospensjoni tat-taxxa, fil-każ fejn huma jkunu ċedew l-azzjonijiet irċevuti jew qassmu r-riżerva fejn ġie allokat il-qligħ miksub mit-trasferiment.
114 Bħala konklużjoni, il-possibbiltà mogħtija lill-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferiment imwettaq taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali fis-sens tal-Liġi 218/1990, li japplikaw taxxa sostituttiva li r-rata tagħha hija mnaqqsa meta mqabbla ma’ dik tal-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku lil dawn il-kumpanniji.
115 Fl-aħħar nett, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li fl-2000 impriża kienet tuża r-riallinjament tal-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 sabiex teħles profitti kapitali sospiżi li jirriżultaw minn trasferimenti mwettqa taħt il-Liġi 218/1990, u billi tinvoka wkoll iċ-ċirkulari fiskali Taljana Nru 27, tas-16 ta’ Novembru 2000, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari 207/2000” li minnha jirriżulta li dan ir-riallinjament kien applikabbli għal profitti kapitali sospiżi li jirriżultaw minn trasferimenti mwettqa taħt l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997. Dawn iċ-ċirkustanzi jipprovaw li l-iskema tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 setgħet perfettament tintuża għar-rikonoxximent ta’ profitt kapitali miksuba meta jitwettaq trasferiment taħt il-Liġi 218/1990 jew l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlativ 358/1997.
116 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-ipoteżi li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 tat vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji tiegħu, xorta ma hemmx għajnuna mill-istat peress li l-vantaġġ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala selettiv.
117 Fil-fatt, fl-ewwel lok, filwaqt li l-eżami tal-kundizzjoni tas-selettività jimponi paragun bejn l-impriżi benefiċjarji tal-vantaġġ u impriżi oħrajn li, fid-dawl tal-għanijiet tal-iskema inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni ġuridika u fattwali paragunabbli, jidher li l-benefiċjarji tar-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 jinsabu f’sitwazzjoni ħafna iktar differenti minn dik tal-benefiċjarji ta’ trasferiment tal-assi minbarra dawk imsemmija fil-Liġi 218/1990.
118 Għaldaqstant, it-trasferimenti ta’ assi mwettqa mill-entitajiet pubbliċi ta’ kreditu kienu suġġetti għal skema ħafna iktar differenti minn dik li, f’dak iż-żmien, kienet tirregola t-trasferimenti ta’ assi mwettqa minn kumpanniji oħrajn. Din is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, bħalma, barra minn hekk, irrilevat il-Kummissjoni u kif ġie ġġustifikat ukoll mill-fatt li kienet applikata għal ristrutturazzjoni li ma twettqitx b’mod spontanju iżda abbazi ta’ rakkommandazzjoni, u mill-1993 abbażi ta’ obbligu. Madankollu din l-iskema malajr uriet li kienet waħda punittiva, mhux biss f’termini assoluti iżda wkoll meta mqabbla mas-sistema fiskali normali tat-trasferimenti ta’ assi, peress li kien possibbli li jkun hemm taxxa doppja kompleta fuq il-profitti kapitali tal-assi ttrasferiti, kemm fuq it-trasferenti kif ukoll fuq il-kumpannija benefiċjarja tat-trasferimenti fl-istess ħin. Fil-fatt, l-ebda mekkaniżmu ta’ rettifika tat-tip previst fl-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 u li jikkonsisti f’li jikklassifika bħala dividendi d-distribuzzjoni mill-kumpanniji benefiċjarji lill-kumpanniji trasferenti tal-valur taż-żieda tal-patrimonju nett iġġenerat mit-trasferiment, ma ġie introdott sabiex jeħles minn jew itaffi din it-taxxa doppja.
119 Kien sabiex jiġi eliminat dan ir-riskju ta’ taxxa doppja kompleta li l-Artikolu 23 tad-Digriet Leġiżlattiv 41/1995 ipprovda l-possibbiltà ta’ riallinjament doppju permezz tal-ħlas ta’ taxxa sostituttiva, liema possibbiltà ġiet ipprorogata fl-2000, fl-2001 u fl-2003.
120 Barra minn hekk, in-natura unika ta’ din is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990 ma ġietx imminata bl-introduzzjoni, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlativ 358/1997, ta’ sistema ta’ newtralità fiskali għat-trasferimenti ta’ assi mewttqa bejn il-kumpanniji u l-entitajiet kummerjali. Fil-fatt, l-ewwel sistema għandha karatteristiċi totalment differenti minn dawk tat-tieni waħda.
121 L-ewwel nett, is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990 kienet “straordinarja” u temporanja, peress li kienet intiża sabiex tippermetti l-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi ta’ kreditu u li ma kinitx użata ħlief għal perijodu limitat (mill-1990 sa l-1995), filwaqt li l-iskema tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 kienet “ordinarja” u permanenti. Imbagħad, bil-kontra tal-iskema prevista fl-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, hija ma kinitx tippermetti li t-taxxa, fl-ammont totali tal-profitti kapitali, tiġi posposta. Barra minn hekk, hija setgħet twassal għat-taxxa doppja kompleta fuq il-profitti kapitali, filwaqt li l-iskema tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 ma setatx twassal għal tali taxxa doppja, għall-anqas jekk il-kumpanniji benefiċjarji kienu jużaw il-mekkaniżmu ta’ rettifika msemmi fil-punt 118 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, għall-kumpanniji trasferenti, l-iskema tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, bil-kontra ta’ dik tal-Liġi 218/1990, ma pprovdietx sospensjoni tat-taxxa ħlief għall-profitti kapitali tal-azzjonijiet irċevuti u mhux għar-riżervi kkostitwiti mill-allokazzjoni tal-qligħ iġġenerat mit-trasferiment.
122 L-għażla, fl-2003, li l-possibbiltà tar-riallinjament prevista fl-Artikoli 17 u 18 tal-Liġi 342/2000 tiġi estiża biss għal-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti tal-assi mwettqa taħt il-Liġi 218/1990, hija għaldaqstant iġġustifikata mis-sitwazzjoni fattwali u ġuridika differenti ta’ dawn il-kumpanniji meta mqabbla mal-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti mwettqa fil-kuntest tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997).
123 It-tieni nett, l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma kienet tagħti ebda vantaġġ selettiv, sa fejn dan il-vantaġġ huwa ġġustifikat mill-istruttura tas-sistema fiskali Taljana.
124 Fil-fatt, ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji permezz tad-Digriet Leġiżlattiv 344/2003 ippermettiet li jiġi eliminat kull riskju ta’ taxxa ekonomika doppja tal-profitti kapitali tal-assi ttrasferiti taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, jiġifieri kemm minn fuq il-kumpanniji trasferenti kif ukoll fuq il-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti fl-istess ħin.
125 B’mod partikolari, din ir-riforma ssostitwiet it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi (iktar ’il quddiem l-“IRPEG”) bit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem l-“IRES”), applikabbli b’rata ta’ 33 % għall-persuni taxxabbli li huma suġġetti għall-IRPEG, jiġifieri mhux biss l-entitajiet kummerċjali, iżda wkoll l-entitajiet mhux kummerċjali. Filwaqt li qabel ir-riforma t-taxxa doppja fuq id-dividendi kienet evitata billi l-azzjonist kien jingħata kreditu tat-taxxa li jikkorrispondi għall-IRPEG imħallsa mill-kumpannija li ddistribwiet id-dividendi, wara r-riforma, dan kien isir permezz ta’ eżenzjoni ta’ 95 % tal-ammont totali tad-dividendi mill-IRES.
126 Skema ta’ eżenzjoni speċjali msejħa “participation exemption” (eżenzjoni fiskali tal-ishma) ġiet ukoll introdotta għall-profitti kapitali miksuba mill-kumpanniji suġġetti għall-IRES b’riżultat taċ-ċessjoni bi ħlas tal-ishma kklassifikati fost l-assi fissi finanzjarji. Dawn il-profitti kapitali li ġejjin mill-kapitalizzazzjoni tad-dividendi li 95 % tal-ammont tagħhom kienu esklużi mill-IRES, kienu mbagħad eżenti minn din it-taxxa sal-istess perċentwali, b’riżultat tal-“participation exemption”.
127 Għaldaqstant, permezz tal-introduzzjoni tal-iskema tal-“participation exemption”, ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji prattikament eliminat ir-riskju ta’ taxxa doppja tal-assi ttrasferiti fil-kuntest tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997. Bis-saħħa ta’ din l-iskema, 95 % tal-ammont tal-profitti kapitali li ġejjin miċ-ċessjoni bi ħlas mill-kumpanniji trasferenti tal-azzjonijiet irċevuti bi skambju tat-trasferimenti mwettqa fil-kuntest tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 kienu eżenti mit-taxxa. Barra minn hekk, peress li d-differenza bejn il-valur kontabbli tal-azzjonijiet u l-valur fiskali tagħhom ma kienx taxxabbli taħt l-IRES, dawn il-kumpanniji trasferenti setgħu jqassmu lill-assoċjati tagħhom ir-riżervi kollha fejn ġiet allokata din id-differenza. Konsegwentement, is-sistema ta’ newtralità fiskali prevista fl-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 fil-fatt tilfet in-natura ta’ skema bisospensiva u saret skema monosospensiva.
128 Min-naħa l-oħra, ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma ppermettietx li jintlaħaq l-istess riżultat, jiġifieri li tiġi eliminata t-taxxa doppja fir-rigward tal-profitti kapitali tal-assi ttrasferiti fil-kuntest tas-sistema ta’ newtralità prevista fl-Artikolu 7 tal-Liġi 218/1990, preċiżament minħabba l-karatteristiċi sui generis ta’ din l-iskema.
129 Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, fil-każ previst minn din id-dispożizzjoni fejn l-entitajiet li ċedew, fil-kuntest tal-Liġi 218/1990, l-assi kollha tagħhom lil kumpannija b’responsabbiltà limitata, u għaldaqstant saru entitajiet mhux kummerċjali fir-rigward tal-IRES, huma ma setgħux jibbenfikaw mill-iskema tal-“participation exemption”, iżda kienu taxxabbli minn din it-taxxa għal 40 % tal-profitti kapitali li ġejjin miċ-ċessjoni bi ħlas tal-ishma kkwalifikati, kif ukoll għat-taxxa sostituttiva fuq id-dħul bi 12.50 % fuq il-profitti kapitali li ġejjin miċ-ċessjoni bi ħlas ta’ ishma mhux kwalifikati. Barra minn hekk, l-entitajiet trasferenti kollha taħt il-Liġi 218/1990, indipendentement mill-introduzzjoni tal-iskema tal-“participation exemption”, baqgħu, bil-kontra tal-kumpanniji trasferenti taħt l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, taxxabbli taħt l-IRES għar-riżerva fejn huma allokaw id-differenza bejn il-valur kontabbli tal-azzjonijiet irċevuti u l-valur fiskali tagħhom, jekk qassmu din ir-riżerva bejn l-assoċjati tagħhom. Konsegwentement, is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990 fil-fatt baqgħet skema bisospensiva.
130 Fl-aħħar nett, l-għażla li tiġi estiża biss l-iskema ta’ riallinjament għat-trasferimenti mwettqa fil-kuntest tal-Liġi 218/1990, u mhux dik intiża għall-kumpanniji kummerċjali benefiċjarji mit-trasferimenti ta’ assi taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, tispjega ruħha bil-fatt li, bir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji, l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ skemi setgħet xorta tiġġenera taxxa doppja fuq il-profitti kapitali. In-neċessità li tiġi prevista skema xierqa sabiex tiġi evitata taxxa doppja baqgħet biss fil-konfront tal-iskema tat-trasferimenti mwettqa fil-kuntest tal-Liġi 218/1990, u għaldaqstant, l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 tiġġustifika ruħha mill-istruttura tas-sistema fiskali Taljana.
131 Fit-tielet lok, l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma tat, għaldaqstant, ebda vantaġġ ekonomiku selettiv sa fejn il-leġiżlatur sempliċement ġedded skema li l-kumpanniji benefiċjarji ta’ trasferimenti skont il-Liġi 218/1990 setgħu diġà jibbenefikaw minnha legalment matul il-perijodi taxxabbli preċedenti. Din l-iskema ta’ riallinjament, introdotta fl-1995, u estiża fl-2000 u fl-2001, ipprovdiet rati ta’ taxxa identiċi għal dawk iffissati għall-applikazzjoni tagħha fl-2003, mingħajr ma kienet qatt iddikjaratha bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.
132 Il-Kummissjoni tqis li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 tinvolvi għoti ta’ vantaġġ selettiv u li ma hijiex iġġustifikata minn natura tas-sistema fiskali Taljana.
133 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni tal-vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni tfakkar li l-eżistenza stess ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ taxxa normali u għaldaqstant, meta mqabbla ma’ regoli normali tal-liġi.
134 F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li qabel il-Liġi 350/2003, ir-riallinjament previst għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal riorganizzazzjonijiet skont il-Liġi 218/1990 ma kienx jinvolvi vantaġġ selettiv, peress li miżura simili kienet prevista favur il-kumpanniji kollha li wettqu riorganizzazzjonijiet tal-kumpanniji. Fi kliem ieħor, din l-iskema kellha natura ġenerali sa fejn kienet tapplika għall-impriżi kollha li kienu jinsabu f’sitwazzjoni simili.
135 Is-sitwazzjoni nbidlet bl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, li estenda l-applikabbiltà tal-Artikolu 17 tal-Liġi 342/2000 biss, u mhux dik tal-Artikolu 19 tagħha. Minn din id-data, kienu biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal riorganizzazzjonijiet skont il-Liġi 218/1990 li setgħu jallinjaw il-profitti kapitali mnizzla fil-bilanċ kontabbli wara riorganizzazzjoni, filwaqt li l-impriżi l-oħra kollha, li kienu jinsabu f’sitwazzjoni simili ma setgħux jagħmlu iktar dan. Fir-rigward tal-argument li l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 hija l-iskema ta’ riferiment, il-Kummissjoni tirrispondi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola u, għaldaqstant, in-numru ta’ valuri li setgħu jiġu riallinjati, huma totalment differenti. Għaldaqstant, l-allegat fatt li bank ieħor għażel din l-iskema differenti sabiex jagħmel riallinjament tad-diversi profitti kapitali, ma juri xejn. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata llimita l-irkupru għad-differenza bejn it-taxxa li kienet titħallas kieku l-benefiċjarji applikaw l-iskema ta’ rivalutazzjoni fiskali jew ta’ riallinjament fiskali msemmija fl-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa effettivament mħallsa skont l-Artikolu 2(26) tal-istess liġi.
136 Fl-iskema l-ġdida li tirriżulta mil-Liġi 350/2003, il-livell tat-taxxa normali ma setax ikun iktar dak applikabbli għal riallinjament tal-profitti kapitali mniżżla fil-bilanċ kontabbli wara r-riorganizzazzjoni, liema riallinjament ma kienx iktar possibbli inġenerali, iżda kien jista’ jinkludi biss ir-rati tat-taxxa normali applikabbli fuq id-dħul tal-kumpanniji.
137 Ir-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ippermetta lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal riorganizzazzjonijiet skont il-Liġi 218/1990 li juru l-profitti kapitali miksuba meta saru operazzjonijiet ta’ trasferiment, iżda li kienu sospiżi għal finijiet fiskali. Qabel kollox, il-profitti kapitali rriallinjati setgħu jitqassmu bħala dividendi lill-kumpanniji, mingħajr ma l-istituzzjoni ta’ kreditu kellha l-obbligu li tħallas it-taxxa fuq il-kumpanniji bħalma kieku kien ikollha tagħmel kieku ddeċidiet li tqassam ir-riżerva kkostitwita wara r-riorganizzazzjoni msemmija mil-Liġi 218/1990. Imbagħad, jekk ir-riżervi rriallinjati setgħu jagħtu lok għal deprezzamenti, dawn kienu jkunu kkalkolati fuq il-valuri l-ġodda rrikonoxxuti bħala r-riżultat tar-riallinjament. Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ kwalunkwe ċessjoni, il-profitti kapitali rriallinjati ma kinux iktar suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti nnifishom hija prova konkreta ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq.
138 Bil-kontra, kull impriża oħra riorganizzata skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 ma setatx, mill-2003 tagħmel riallinjament tar-riżervi ttrasferiti kollha u, fil-każ taċ-ċessjoni tagħha, il-profitti kapitali sospiżi kienu suġġetti għat-taxxa normali.
139 Ma jistax jiġi oġġezzjonat li, fin-nuqqas tal-iskema ta’ riallinjament imsemmija fl-Artikolu 17 tal-Liġi 342/2000 u estiża mill-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal riorganizzazzjonijiet skont il-Liġi 218/1990 ma kinux iċedu r-riżervi tagħhom. Minn naħa, il-fatti reċenti marbuta mal-kriżi finanzjarja juru l-kuntrarju. Min-naħa l-oħra, u fuq kollox, meta hija kwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma għandhiex tindirizza l-problema tal-għażla suġġettiva tal-benefiċjarju, iżda tivverifika l-livell ta’ taxxa normali applikata f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili, u dak il-livell huwa kkostitwit mit-taxxi sostitwiti mit-taxxa sostituttiva eżaminata.
140 L-istess raġunament japplika għall-argument li kwalunkwe vantaġġ jisfaxxa fix-xejn permezz tal-obbligu li titħallas immedjatament taxxa li, f’każ differenti ma kinitx titħallas jew kienet titħallas iktar tard. Dan l-argument huwa iktar żbaljat peress li r-riallinjament li bbenefikaw biss minnu l-istabbilimenti ta’ kreditu suġġetti għal riorganizzazzjonijiet skont il-Liġi 218/1990 ippermettilhom jinvokaw il-profitti kapitali li huma rrikonoxxuti fiskalment għall-finijiet tal-kalkolu tad-deprezzament u tad-distribuzzjoni tad-dividendi, bl-istess mod bħal li kieku t-taxxi kienu tħallsu kollha fl-istess waqt.
141 Barra minn hekk, la l-Artikolu 17 tal-Liġi 342/2000 u lanqas l-estensjoni msemmija fl-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma obbligaw lil dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jużaw din l-iskema ta’ riallinjament. L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet fakultattiva, fejn l-uniku obbligu kien li ladarba jiġi deċiż li dawn ser jintużaw, l-iskema kellha tapplika għar-riżervi ttrasferiti kollha li kienu mniżżlin fil-bilanċ kontabbli.
142 Il-Kummissjoni tgħid ukoll li, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ estensjonijiet oħra tas-sistema ta’ taxxa normali ma timminax il-konstatazzjoni li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 għandha, fil-fatt, natura derogatorja u li tillimita l-benefiċċju tal-applikazzjoni tagħha għal persuni speċifiċi. Għaldaqstant, l-argument intiż li jipparaguna l-iskema derogatorja rriżervata għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ġew irristrutturati skont il-Liġi 218/1990, is-suġġett ta’ din il-kawża, ma’ kwalunkwe skemi derogatorji oħra, ma għandux jintlaqa’.
143 Fir-rigward tal-argument li l-pagament fuq tliet snin tal-ħlas tat-taxxa sostituttiva kkostitwixxa żvantaġġ meta mqabbel mal-possibbiltà li t-taxxa normali titħallas fuq ħames snin, dan ma tqajjimx matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, filwaqt li dan l-aspett ġie enfasizzat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, dan l-argument jissoponi, mingħajr ebda prova, li l-pagament fuq ħames snin xorta waħda huwa applikabbli, anki għall-profitti kapitali sospiżi abbażi tal-iskemi ta’ newtralizzazzjoni.
144 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni taqbel mal-konklużjoni tar-rikorrenti li l-iskema ta’ riallinjament għall-profitti kapitali mniżżla fil-bilanċ kontabbli, estiża mill-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, ma tistax tiġi kkunsidrata bħas-sistema ta’ taxxa normali li għandha tittieħed bħala riferiment, u għaldaqstant, hija ma għamlitx dan.
145 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħti spjegazzjoni differenti minn dik invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, għall-Kummissjoni, id-differenza fundamentali bejn l-iskemi ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 u tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 tinsab fil-fatt li l-ewwel waħda hija limitata biss għal ċerti kategoriji ta’ assi u tirreferi biss għall-profitti kapitali mniżżla fil-bilanċ kontabbli biss, filwaqt li t-tieni waħda tikkonċerna l-profitti kapitali sospiżi, li kienu miksuba meta saru operazzjonijiet ta’ riorganizzazzjoni ta’ impriżi u għaldaqstant jistgħu jirreferu għall-assi kollha u riżervi ttrasferiti meta saru dawn l-operazzjonijiet.
146 Barra minn hekk, il-metodu ta’ paragun tad-diversi rati ta’ taxxa ssuġġerit mir-rikorrenti ma jistax jiġi aċċettat għar-raġunjiet imsemmija fil-premessi 99 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li l-entitajiet ta’ kreditu trasferenti kienu ħallsu, waqt it-trasferiment, it-taxxa normali fuq 15 % tal-profitti kapitali miksuba, huwa element estrinsiku. L-importanti kien li fuq il-profitti kapitali nnewtralizzati li kienu għadhom iminżżla fil-bilanċ kontabbli, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal riorganizzazzjonijiet taħt il-Liġi 218/1990, kienu jgawdu minn rata iktar vantaġġuża minn kumpanniji oħra li kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika. Din il-pożizzjoni hija iktar konvinċenti minħabba li l-bażi stess tar-raġunament tar-rikorrenti ma hijiex ivverifikata, peress li huwa impossibbli li jsir magħruf, u l-Kummissjoni la hija obbligata li, f’deċiżjoni dwar skema, tanalizza l-ammont tal-profitti kapitali inizjali mniżżel fil-bilanċ kontabbli li kull benefiċjarju għad għandu, u lanqas – a fortiori – jekk tħallsux taxxi normali u x’kien l-ammont tagħhom, fuq l-istess profitti kapitali minn kumpanniji riorganizzati oħrajn, iżda li huma barranin għas-settur ta’ kreditu.
147 Fir-rigward tal-argument li s-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu riorganizzati skont il-Liġi 218/1990 hija differenti min dik tal-impriżi l-oħrajn kollha, riorganizzati taħt l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li ma hijiex il-Kummissjoni iżda l-leġiżlatur Taljan li qies li din id-dispożizzjoni tal-aħħar “kienet essenzjalment tirrproduċi l-Liġi [218/1990]” u li konsegwentement, dawn iż-żewġ tipi ta’ impriżi kellhom jibbenefikaw mill-istess skema ta’ riallinjament. Imbagħad, għalkemm is-sitwazzjonijiet irregolati mil-Liġi 218/1990 u d-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 kienu sostanzjalment differenti, dawn ma effettwawx il-miżura msemmija mid-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda t-trattament fiskali tar-riallinjament sussegwenti tal-profitti kapitali sospiżi.
148 Fl-aħħar nett, ma jkunx korrett li jiġi kkunsidrat li l-Liġi 218/1990 kellha karatteristiċi partikolari meta mqabbla mal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 jew li dawn kienu deċiżivi f’dan il-każ. L-ewwel nett, il-vantaġġi fiskali tal-Liġi 218/1990 ma kinux iġġustifikati min-natura obbligatorja tagħha, li dehret biss fl-1993. Sussegwentement, il-fatt li l-iskema tal-Liġi 218/1990 kienet ta’ natura “straordinarja” meta ġiet introdotta u kienet temporanja, ma jeskludix li l-iskema permanenti sussegwenti stabbilita fl-1997 kellha eżattament l-istess natura, minn perspettiva fiskali. Għadaqstant, ma huwiex importanti li l-Liġi 218/1990 ipprovdiet in-newtralizzazzjoni ta’ 85 % tal-profitti kapitali biss u mhux ta’ 100 % bħall-iskema preċedenti, għaliex il-problema ta’ riallinjament, li skont id-definizzjoni stess jikkonċerna biss l-ammonti allinjati ħażin, hija l-istess. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni differenti tal-kumpanniji trasferenti ma għandhiex rilevanza peress li l-Artikolu 19 tal-Liġi 342/2000 japplika biss għall-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti u peress li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu benefiċjarji tat-trasferiment.
149 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni ta’ jekk il-miżura hijiex iġġustifikata permezz tan-natura tas-sistema, il-Kummissjoni ssostni li dan ma huwiex il-każ.
150 Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, dwar is-sitwazzjoni tal-entitajiet trasferenti fil-konfront ta’ mekkaniżmu ta’ taxxa doppja, il-Kummissjoni tispeċifika li d-deċiżjoni kkontestata assolutament ma tikkonċernax lil dawn l-entitajiet trasferenti, peress li tirreferi biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal riorganizzazzjonijiet. L-entitajiet trasferenti ma jistgħux jibqgħu istituzzjonijiet ta’ kreditu peress li temmew kull attività bankarja, speċifikament bis-saħħa tal-Liġi 218/1990. Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma kinux impriżi peress li kienu sempliċement iżommu l-ishma.
151 Madankollu, ir-rikorrenti jidhru li qegħdin isostnu wkoll li t-trattament fiskali tal-entitajiet trasferenti u tal-kumpanniji benefiċjarji ta’ trasferimenti għandu jiġi eżaminat globalment, fid-dawl tal-piżijiet imposti fuq iż-żewġ kategoriji ta’ entitajiet u, b’mod partikolari, ta’ allegata taxxa doppja. Billi jagħmlu hekk, ir-rikorrenti jonqsu milli jikkunsidraw li l-kumpanniji trasferenti minbarra l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ kreditu ma bbenefikaw qatt mill-iskema għal trasferiment ta’ assi peress li l-Artikolu 19 tal-Liġi 342/2000 jsemmi biss l-Artikolu 17 u mhux l-Artikolu 18 ta’ din l-istess liġi, filwaqt li dan tal-aħħar japplika, min-naħa l-oħra, għall-fondazzjonijiet bankarji trasferenti.
152 B’mod iktar fundamentali, ma jkunx loġiku li jiġi kkunsidrat bl-istess mod it-trattament fiskali ta’ żewġ entitajiet, li fil-parti l-kbira tal-każijijet, ma jkollhomx iktar rabta bejniethom, bħalma jkun il-każ meta l-fondazzjoni bankarja ma jkollhiex iktar ishma fil-kumpannija benefiċjarja, jew li mill-perspettiva fiskali jkunu separati minn kull aspett, bħalma jkun il-każ meta l-ishma jkunu minoritarji.
153 Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll it-tieni parti tal-ilment inkwistjoni, li tgħid li l-miżura hija ġġustifikata permezz tan-natura tas-sistema, peress li r-rati tat-taxxa mnaqqsa tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, li huma iktar vantaġġużi minn dawk tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, jieħdu inkunsidrazzjoni l-fatt li l-profitti kapitali rreġistati meta sar it-trasferiment taħt il-Liġi 218/1990 kienu suġġetti għat-taxxa nornali ta’ 15 %. Fil-fatt, huwa l-obbligu tal-Istat Membru li introduċa tali distinzjoni bejn l-impriżi rigward it-taxxi li juri li huma effettivament iġġustifikati permezz tan-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema inkwistjoni.
154 Barra minn hekk, ir-raġunament tar-rikorrenti fuq dan il-punt huwa infondat. Huwa biżżejjed li jiġi osservat li skont l-Artikolu 19 tal-Liġi 342/2000, ir-rati previsti għar-riallinjament imwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġew applikati għal diversi snin, għar-riallinjamenti ta’ trasferimenti ta’ assi mwettqa taħt is-sistema ta’ newtralità skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997. Għaldaqstant huwa evidenti li l-previżjoni ta’ rati mnaqqsa ma għandha ebda rabta ma’ ħlas preċedenti tat-taxxa fuq parti mill-profitt kapitali miksub.
155 Barra min hekk, ma huwiex possibbli li jsir magħruf l-ammont tal-profitti kapitali inizjali mniżżel fil-bilanċ kontabbli li kull benefiċjarju kien għad għandu u lanqas – a fortiori – jekk tħallsux taxxi normali u x’kien l-ammont tagħhom, fuq l-istess profitti kapitali minn kumpanniji riorganizzati oħrajn, iżda li huma barranin għas-settur ta’ kreditu.
156 Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argumenti dwar il-fatt li l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma tat ebda vantaġġ ekonomiku selettiv, sa fejn il-leġiżlatur sempliċement ġedded skema li teżisti diġà, il-Kummissjoni ssostni li ma tagħmilx differenza jekk is-sitwazzjoni tal-allegat benefiċjarju ta’ miżura tkunx marret għall-aħjar jew għall-agħar meta mqabbla mal-pożizzjoni legali preċedenti jew jekk, bil-kontra ta’ dan, ma tkunx evolviet matul iż-żmien. Is-soluzzjoni li l-kwalifika ta’ miżura ta’ għajuna ssir dipendenti fuq l-intenzjoni tal-Istat Membru li jiġġeneralizzaha twassal sabiex id-dritt Komunitarju jiġi miċħud mill-effettività tiegħu fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-possibbiltà, f’każ bħal dan, li jevita l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji billi sempliċement jiddikkjara li, fil-futur, għandu l-intenzjoni li jiġġeneralizza l-miżura kkontestata. L-istess raġunament japplika a fortiori f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-miżura li qabel kienet ġenerali tinżamm biss għal settur wieħed u, għalhekk,tiġi ttrasformata f’miżura selettiva.
157 Fl-ipoteżi li r-rikorrenti jsostnu l-preżenza ta’ għajnuna eżistenti, l-uniku każ ta’ għajnuna eżistenti prevista mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) u li huwa potenzjalment rilevanti għal dan il-każ, jista’ jkun dak dwar miżura li “meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu”. Madankollu, dan ma huwiex il-każ tal-miżura eżaminata hawnhekk, li saret għajnuna wara intervent tal-leġiżlatur li, minn miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li kienet għamilha miżura ta’ applikazzjoni settorjali, u għaldaqstant, selettiva.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
158 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE jiġu sodisfatti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 25; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 20, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 68).
159 Il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE jinkludi l-kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent min-naħa tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun tali li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. It-tielet nett, din l-għajnuna għandha tagħti vantaġġ lil min jibbenefika minnha. Ir-raba’ nett, hija għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.
160 Fir-rigward tat-tielet waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, l-Artikolu 87(1) KE jitlob li l-miżura inkwistjoni tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 52) meta mqabbla ma’ impriżi oħra, li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan ta’ din il-miżura, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 41; tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et, C‑308/01, Ġabra p. I‑4777, punt 68; tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 40, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 54). Din il-kundizzjoni li miżura trid tkun ta’ natura speċifika jew inkella selettiva, hija waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 40; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II‑3207, punt 39).
161 Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għall-eżami ta’ selettività ta’ miżura għandha importanza partikolari fil-kas ta’ miżuri fiskali, peress li l-istess eżistenza ta’ vantaġġ ma tistax tiġi stabbilita ħlief meta mqabbla ma’ taxxa msejħa “normali” (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 160 iċċitata iktar ’il fuq, punt 56), jiġifieri, t-taxxa li tapplika normalment għall-impriżi li, fid-dawl tal-għan tal-iskema kkontestata, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli ma’ dik tal-impriżi benefiċjarji ta’ din l-iskema (sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 160 iktar ’il fuq, punt 41).
162 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eżistenza ta’ tali vantaġġ ekonomiku għall-impriżi benefiċjarji ta’ eżenzjoni mit-taxxa normali ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li jeżistu eżenzjonijiet oħra tal-istess taxxa favur impriżi oħra. Għaldaqstant, il-fatt li jeżistu eżenzjonijiet oħra mill-iskema tat-taxxa normali minbarra l-iskema inkwistjoni, ma timminax il-konstatazzjoni li din l-iskema għandha, fil-fatt, natura derogatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punti 112 u 120).
163 Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilta, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu distinzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ spejjeż li jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprduenza ċċitata). In-natura selettiva ta’ miżura tista, fil-fatt, tkun iġġustifikata b’“in-natura jew l-istruttura tas-sistema” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 33). F’dan il-każ, il-miżura tevita li tiġi ddikjarata bħala għajnuna mill-Istat msemmija mill-Artikolu 87(1) KE, peress li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, ma hijiex sodisfatta.
164 Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma tagħtix vantaġġ ekonomiku selettiv u sussidjarjament, li din l-iskema kienet iġġustifikata minn-natura jew l-istruttura tas-sistema.
165 Qabel kollox għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-għażla, mill-Kummissjoni, tat-taxxa normali fuq il-kumpanniji bħala kuntest ta’ riferiment, u l-konstatazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, fil-kuntest kif definit, tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv.
166 F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata li, għal dak li jirrigwarda l-profitti kapitali miksuba imma mhux rikonoxxuti, għalkemm is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990 kienet ekwivalenti għas-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Artikolu 4 tad-Digriet 358/1997 (it-tieni sentenza tal-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata), konstatazzjoni li kienet titlob li kwalunkwe skema ta’ riallinjament stabbilita mil-leġiżlatur tkun applikata mingħajr distinzjoni, u taħt l-istess kundizzjonijiet, għall-profitti kapitali miksuba fil-kuntest ta’ waħda minn dawn iż-żewġ skemi (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-Repubblika Taljana kienet irriżervat il-benefiċċju tal-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 għall-impriżi riorganizzati taħt il-Liġi 218/1990 biss (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata)
167 Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Repubblika Taljana tat vantaġġ selettiv lil dawn l-impriżi, li jikkorrispondi għad-differenza bejn it-taxxa effettivament imħallsa taħt l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa normali li tħallset kieku dan ir-riallinjament seħħ fin-nuqqas ta’ din l-iskema preferenzjali (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).
168 Bil-kontra ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti jsostnu li (ara l-punt 104 iktar ’il fuq) is-sistema ta’ taxxa normali ma tistax tikkostitwixxi l-kuntest ta’ riferiment għall-kalkolu ta’ vantaġġ, essenzjalment minħabba li fin-nuqqas tal-iskema ta’ riallinjament ikkontestata, l-impriżi kkonċernati ma kienu bla ebda mod iwettqu ċessjoni ta’ assi suġġetti għat-taxxa normali.
169 Madankollu għandu jiġi rrilevat li, fl-investigazzjoni ta’ skema fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rigward għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-għażliet suġġettivi li setgħu jagħmlu l-benefiċjarji ta’ din l-iskema fin-nuqqas tagħha, iżda li teżamina din l-iskema sabiex tiddetermina jekk, oġġettivament, tagħtix vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mat-taxxa li dderogat minnhom u li kienu normalment japplikaw fin-nuqqas tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 118). Il-kunsiderazzjoni li, fin-nuqqas tal-iskema ta’ riallinjament ikkontestata, l-impriżi kkonċernati, allegatament ma kinux iċedu l-assi tagħhom hija irrilevanti, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni oġġettiva.
170 Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li (ara l-punt 104 iktar ’il fuq) l-kuntest ta’ riferiment tat-taxxa normali ma huwiex xieraq għaliex l-applikazzjoni ta’ din it-taxxa normali fil-każ ta’ ċessjoni, waqt li ċertament telimina l-allinjament ħażin fil-livell ta’ assi għall-istituzzjonijiet benefiċjari tat-trasferiement taħt il-Liġi 218/1990, min-naħa l-oħra, ma jkollha ebda effett fuq l-allinjament ħażin fil-livell ta’ azzjonijiet irċevut minn entitajiet trasferenti.
171 Fir-rigward ta’ dan ir-riferiment mir-rikorrenti għas-sitwazzjoni tal-entitajiet trasferenti taħt il-Liġi 218/1990, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċerna bla ebda mod lil dawn l-entitajiet, iżda biss lill-banek benefiċjarji ta’ trasferimenti taħt din il-liġi. Huwa biss fir-rigward ta’ dawn il-banek li d-deċiżjoni kkontestata teżamina u tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ.
172 Minn dan isegwi li r-riferimenti li r-rikorrenti jagħmlu ripetittivament fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara, b’mod partikolari, il-punti 118 u 119 iktar ’il fuq), għas-sitwazzjoni tal-entitajiet trasferenti taħt il-Liġi 218/1990 u, b’mod partikolari, għall-fatt li r-riforma fiskali tal-2003 ma eliminatx fir-rigward tagħhom ir-riskju ta’ taxxa doppja tal-profitti kapitali sospiżi u ddistribwiti bħala dividendi, ma għandhom ebda rilevanza.
173 Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 ma hijiex, għall-inqas mhux iktar mit-taxxa normali, kuntest ta’ riferiment (ara l-punt 109 iktar ’il fuq), argument li barra minn hekk jikkontradixxi dak imressaq fil-punt 174 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma qisitx l-iskema tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 bħala kuntest ta’ riferiment.
174 Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti (ara l-punti 111 sa 115 iktar ’il fuq) li jgħid li l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 setgħet perfettament tintuża għar-rikonoxximent ta’ profitt kapitali miksuba meta jitwettaq trasferiment taħt il-Liġi 218/1990 jew l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, argument li jerġa’ jsostni li din l-iskema ta’ riallinjament kienet, fi kwalunkwe każ, iktar xierqa minn dik tat-taxxa normali u kienet wassal għall-konklużjoni li ma kien hemm ebda vantaġġ ekonomiku, dan għandu jiġi miċħud.
175 Fil-fatt, fir-rigward tal-allegazzjonijiet, l-ewwel nett, li fl-2000 bank kien juża r-riallinjament tal-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 sabiex jeħles profitti kapitali sospiżi li jirriżultaw minn trasferimenti mwettqa taħt il-Liġi 218/1990 u t-tieni nett, li ċ-ċirkulari 207/2000 tindika li dan ir-riallinjament kien japplika għall-profitti kapitali sospiżi li jirriżultaw minn trasferimenti mwettqa taħt l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 (ara l-punt 115 iktar ’il fuq), ma jippermettux li l-għażla tal-Kummissjoni, tat-taxxa normali bħala kuntest ta’ riferiment għall-kalkolu tal-vantaġġ, tiġi mminata.
176 Għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn l-allegazzjonijiet, li bank kien japplika r-riallinjament tal-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 sabiex jeħles profitti kapitali sospiżi li jirriżultaw minn trasferimenti mwettqa taħt il-Liġi 218/1990, din ma hijiex sostanzjata mill-provi prodotti insostenn tagħha, li skont ir-rikorrenti tikkonsisti f’rendikont tal-kontijiet annwali ta’ dan il-bank. Fil-fatt, il-prova prodotta fl-istadju tar-replika, u mingħajr ebda ġustifikazzjoni għad-dewmien tagħha, hija inammissibbli skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
177 Għal dak li jirrigwarda t-tieni waħda minn dawn l-allegazzjonijiet, ibbażata fuq iċ-ċirkulari 207/2000, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux, permezz tar-riferiment tagħhom għal din iċ-ċirkulari, li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet żbaljata u li l-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 kellha wkoll l-għan li tirrikonoxxi profitti kapitali sospiżi li jirriżultaw minn trasferimenti mwettqa taħt l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 jew tal-Liġi 218/1990.
178 Għaldaqstant, u bil-kontra tal-affermazzjoni mhux eżatta tar-rikorrenti li din iċ-ċirkulari kienet “tisspeċifika testwalment li din l-iskema [tal-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000] kienet tippermetti li jiġu meħlusa l-‘profitti kapitali kollha mniżżla fil-bilanċ kontabbli u li ma humiex rikonoxxuti għall-finijiet tat-taxxa, anki minħabba t-tħassir tal-Artikolu 54(1)(ċ) tal-[liġi kkonsolidata dwar it-taxxa fuq id-dħul (TUIR)] [...] billi jiġu suġġetti għat-taxxa sostituttiva, taħt il-kundizzjoni li l-assi rilevanti [...] jkunu għadhom imniżżlin fil-bilanċ kontabbli mitmum fid-data prevista mil-liġi”, din iċ-ċirkulari kienet tipprovdi biss li, “essenzjalment, fl-Artikolu 14 [tal-Liġi 342/2000] huwa speċifikat li l-ikbar valuri mniżżla fil-bilanċ kontabbli u li ma humiex rikonoxxuti għall-finijiet tat-taxxa, anki minħabba t-tħassir tal-Artikolu 54(1)(ċ) tat-TUIR, jistgħu jiġu rrikonoxxuti billi jiġu suġġetti għat-taxxa sostituttiva bil-kundizzjoni li l-assi rilevanti – sakemm jagħmlu parti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 10 tal-liġi [342/2000] – ikunu għadhom preżenti fil-bilanċ kontabbli mitmum wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-baġit kollettiv”.
179 B’dan il-mod, mhux talli ċ-ċirkulari 207/2000 ma kinitx tindika li l-Artikolu 14 tal-Liġi 342/2000 seta’ japplika għall-profitti kapitali sospiżi kollha, iżda fil-fatt din iċ-ċirkulari fakkret li din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika – bil-kontra tal-Artikoli 17 sa 19 tal-Liġi 342/2000 – għall-assi kollha li kienu jidhru fil-bilanċ kontabbli, iżda għal dawk biss imsemmija mill-Artikolu 10 ta’ din il-liġi.
180 Bara minn hekk, fil-kwotazzjonijiet qosra li jirreferu għalihom ir-rikorrenti u li ma għandhomx magħhom id-dispożizzjonijiet Taljani ċċitati, iċ-ċirkulari 207/2000 ma ssemmix il-profitti kapitali sospiżi inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri dawk li jirriżultaw minn trasferimenti taħt il-Liġi 218/1990 jew l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, liema profitti kapitali huma, bil-kontra, suġġetti għall-punt 1.3 taċ-ċirkulari 207/2000, dwar l-Artikoli 17 sa 19 tal-Liġi 342/2000. Barra minn hekk din iċ-ċirkulari tgħid ukoll, f’sentenza li tippreċedi dan il-punt, li “għandu jiġi affermat mill-ġdid li huma biss l-assi rivalutati abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija sa hawnhekk, li jistgħu jiġu rrikonoxxuti”.
181 Minn dan isegwi li, permezz tar-riferiment tagħhom għaċ-ċirkulari 207/2000, li huwa bbażat fuq ċitazzjonijiet mhux kompleti u ma humiex sostnuti minn spjegazzjonijiet xierqa, ir-rikorrenti jonqsu milli jistabbilixxu n-natura allegatament żbaljata tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-Artikoli 10 u 14 tal-Liġi 342/2000 u l-Artikoli 17 sa 19 tal-istess liġi, u konsegwentement, iż-żewġ skemi ta’ riallinjament tal-Artikolu 2(25) u (26) tal-Liġi 350/2003, għandhom għanijiet differenti.
182 Fid-dawl ta’ din id-differenza fl-għan taż-żewġ skemi ta’ riallinjament, ma kienx hemm lok li jsir paragun bejn ir-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 u r-riallinjament tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003.
183 L-unika miżura li r-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 seta’ jiġi pparagunat magħha kienet il-miżura ta’ riallinjament li tirriżulta mill-Artikolu 19 tal-Liġi 342/2000 u li biha l-leġiżlatur kien estenda, lill-impriżi suġġetti għal riorganizzazzjonijiet taħt l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, l-benefiċċji tar-riallinjament tal-Artikolu 17 tal-Liġi 342/2000.
184 Madankollu, peress li l-Artikolu 19 tal-Liġi 342/2000 ma ġiex estiż bil-Liġi 350/2003 u peress li, minħabba dan, ir-riallinjament tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma kienx jikkostitwixxi miżura ġenerali, applikabbli taħt l-istess kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-profitti kapitali paragunabbli (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata) iżda miżura rriżervata għall-profitti kapitali miksuba minn ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu wara riorganizzazzjonijiet taħt il-Liġi 218/1990 biss (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ġustament qieset li t-taxxa normali li kienet tkun dovuta fin-nuqqas ta’ din l-iskema ta’ riallinjament kienet il-kuntest ta’ riferiment.
185 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq, il-fatt li jeżistu eżenzjonijiet oħra mill-iskema tat-taxxa normali minbarra l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, ma timminax il-konstatazzjoni li din l-iskema għandha, fil-fatt, natura derogatorja u li tillimita l-benefiċċju tal-applikazzjoni tagħha għal impriżi speċifiċi.
186 Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma żbaljatx meta, bħala kuntest ta’ riferiment sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, qieset il-kuntest ta’ riferiment tat-taxxa normali.
187 Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti (ara l-punti 105 et seq iktar ’il fuq) li anki jekk tittieħed it-taxxa normali bħala kuntest ta’ riferiment xorta ma jkunx hemm vantaġġ ekonomiku, dawn għandhom jiġu miċħuda peress li, għal darba oħra, huma meħudin minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-għażliet suġġettivi li l-impriżi setgħu jagħmlu fin-nuqqas tal-iskema ta’ riallinjament ikkontestata. Fil-fatt, kif diġà ssemma fil-punt 169 iktar ’il fuq, ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni li, meta teżamina skema fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, tikkunsidra l-għażliet suġġettivi li setgħu jagħmlu l-benefiċjarji ta’ din l-iskema fin-nuqqas tagħha, iżda li teżamina din l-iskema, meħuda fiha nnifisha, sabiex tiddetermina jekk, oġġettivament, tagħtix vantaġġ ekonomiku meta mqabbel mat-taxxa li dderogat minnha u li kienet normalment tapplika fin-nuqqas tagħha.
188 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti (ara l-punt 107 iktar ’il fuq) ibbażat fuq il-fatt li, meta kkalkolat il-vantaġġ, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-taxxa normali fuq il-profitt kapitali fil-każ ta’ ċessjoni setgħet titqassam fuq ħames snin taxxabbli, mingħajr interessi, li hija naqset milli tagħmel fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, għalkemm l-Artikolu 88(2) KE jimponi fuq il-Kummissjoni li tiġbor l-informazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati qabel ma tieħu d-deċiżjoni, huwa ma jipprojbixxix milli, fin-nuqqas ta’ tali oservazzjonijiet, hija tikkonkludi li għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑113/00, Ġabra p. I‑7601, punt 39). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u l-punti ta’ liġi li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u abbażi ta’ preżunzjonijiet liema hija l-informazzjoni li setgħet tiġi sottomessa lilha (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punti 48 u 49, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑200/04, Ġabra p. II-34, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li din l-oġġezzjoni ma tqajmitx fl-istadju tal-proċedura tal-investigazzjoni formali, filwaqt li fil-paragrafi 29 u 37 tad-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura formali, il-Kummissjoni ġibdet espressament l-attenzjoni tal-partjiet ikkonċernati dwar dan l-aspett tal-kalkolu tal-vantaġġ. Għaldqastant, l-argument tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.
189 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssostanzjawx l-argument tagħhom billi pproduċew id-dispożizzjonjiet fiskali Taljani rilevanti, u lanqas ma sostnew u wisq anqas ipprovaw li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali tqassim ta’ ħlas, fl-ipoteżi li kien japplika f’dan il-każ, kien jeqred il-vantaġġ ekonomiku, b’iktar minn EUR 586 miljun, ikkalkolat mill-Kummissjoni fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata.
190 L-argumenti tar-rikorrenti (ara l-punti 117 et seq iktar ’il fuq) ibbażati fuq il-fatt li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma tistax titqies li hija waħda li tat vantaġġ selettiv, sa fejn l-impriżi benefiċjarji ta’ din l-iskema u l-impriżi benefiċjarji ta’ trasferiment ta’ assi, minbarra dawk imsemmija fil-Liġi 218/1990 jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti ħafna, għandhom jiġu miċħuda.
191 Fil-fatt, għandu jiġi konstatat, kif tfakkar il-Kummissjoni, il ma hijiex din l-istituzzjoni iżda l-leġiżlatur Taljan innifsu li, fil-kuntest tat-tfassil tal-Liġi 342/2000, ikkunsidra li s-sistema ta’ newtralità fiskali tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 kien essensjalment jirripproduċi s-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990, bil-konsegwenza li kien hemm lok – kif għamel il-leġiżlatur bl-Artikoli 17 sa 19 tal-Liġi 342/2000 – li tiġi stabbilita skema ta’ riallinjament uniformi għar-rikonoxximent tal-profitti kapitali sospiżi li jirriżultaw minn riorganzzazzjonijiet taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali skont waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ skemi.
192 Fi kwalunkwe każ, id-differenzi msemmija mir-rikorrenti huma jew mhux deċiżivi jew irrilevanti.
193 Għaldaqstant, fir-rigward tan-natura obbligatorja tal-iskema tal-Liġi 218/1990, u għaldaqstant, tal-obbligu impost fuq l-entitajiet pubbliċi ta’ kreditu li jittrasferixxu l-assi bankarji tagħhom lil kumpanniji b’responsabbiltà limitata (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-obbligu nħoloq biss fl-1993 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Madankollu, qabel ma ġie stabbilit dan l-obbligu, il-Liġi 218/1990 kienet diġà tirrikonoxxi n-newtralità fiskali lit-trasferimenti ta’ assi mwettqa fil-kuntest tagħha, mill-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ kreditu.
194 Għal dak li jikkonċerna l-fatt li l-iskema tal-Liġi 218/1990, skont ir-rikorrenti, kienet waħda “straordinarja” u temporanja, inkwantu kienet tapplika biss għall-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ kreditu u għal perijodu limitat (1990-1995), filwaqt li l-iskema tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 kienet “ordinarja” u permanenti (ara l-punt 121 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt bla ebda mod ma jimplika li dawn iż-żewġ skemi jiddistingwu ruħhom minn xulxin fil-livell fiskali.
195 Fir-rigward tal-fatt li l-entitajiet trasferenti taħt il-Liġi 218/1990 kellhom iħallsu, matul it-trasferiment, it-taxxa normali fuq 15 % tal-profitti kapitali, filwaqt li l-iskema tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 kien jipprovdi newtralita fiskali totali (ara l-punt 121 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li (ara l-punt 171 iktar ’il fuq) d-deċiżjoni kkontestata bla ebda mod ma tikkonċerna l-entitajiet trasferenti, iżda biss l-impriżi benefiċjarji ta’ trasferiment taħt il-Liġi 218/1990 u l-vantaġġ selettiv irċevut minn dawn l-impriżi minħabba li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kienet tapplika fil-konfront tagħhom biss.
196 Barra minn hekk, u kif essenzjalment jirriżulta mill-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata u kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż fiskali globali li jinsab fuq it-trasferimenti mill-bidu nett – inklużi dawk sostnuti mill-entitajiet trasferenti – kien irrilevanti, peress li l-unika kwistjoni li qamet kienet dik tat-trattament favorevoli rriżervat għall-profitti kapitali sospiżi li jkunu għadhom jidhru fil-bilanċ kontabbli tal-impriżi benefiċjarji ta’ trasferiment taħt il-Liġi 218/1990. Barra minn hekk, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma setax jitqies peress li l-Kummissjoni ma kinitx taf, u barra minn hekk, ma kellhiex tkun taf, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, x’inhu l-ammont korrett tal-profitti kapitali sospiżi li fadal fil-bilanċ kontabbli u liema ammont konkret diġà ġie suġġett għal taxxa, sew jekk meta jsir riallinjament jew meta ssir distribuzzjoni bħala dividendi.
197 Għaldaqstant huwa inutli li r-rikorrenti jinvokaw id-differenzi bejn l-iskemi ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990 u tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997 sabiex jallegaw li, fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ta vantaġġ selettiv.
198 Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li l-Kummissjoni ma żbaljatx meta, abbażi ta’ paragun bejn l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 u l-iskema tat-taxxa normali, ikkonstatat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv ta’ ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn it-taxxa mħallsa taħt l-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 u t-taxxa li kellha titħallas skont it-taxxa normali.
199 Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti (ara l-punti 123 et seq iktar ’il fuq) li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkundisrat li n-natura selettiva tal-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 ma setatx tkun iġġustifikata permezz tal-loġika tas-sistema.
200 F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu (ara l-punti 124 sa 130 iktar ’il fuq) li r-riforma fiskali tal-2003 ippermettiet li jiġi eliminat kull riskju ta’ taxxa doppja fuq il-profitti kapitali tal-assi ttrasferiti taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv 358/1997, jiġifieri t-taxxa fuq il-kumpanniji trasferenti u l-kumpanniji benefiċjarji tat-trasferimenti. Bil-kontra, din ir-riforma fiskali ma eliminatx ir-riskju ta’ taxxa doppja tal-profitti kapitali tal-assi ttrasferiti taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali tal-Liġi 218/1990. Dan il-fatt jispjega l-għażla tal-leġiżlatur Taljan li jestendi l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikoli 17 u 18 tal-Liġi 342/2000 biss għat-trasferimenti mwettqa fil-kuntest tal-Liġi 218/1990.
201 Madankollu, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax l-entitajiet trasferenti, iżda sempliċement l-istituzzjonijiet bankarji benefiċjarji ta’ trasferimenti taħt il-Liġi 218/1990 u l-vantaġġ ekonomiku rriżervat għal dawn l-istituzzjonijiet mill-iskema kkontestata. Konsegwentement, il-fatt li l-entitajiet trasferenti taħt il-Liġi 218/1990 jistgħu jħallsu taxxa minħabba l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ taxxa doppja ma huwiex fatt tali li jiġġustifika l-għoti, lill-banek benefiċjarji, ta’ vantaġġ selettiv permezz tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003.
202 Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 kienet tagħti vantaġġ selettiv li għandu l-effett li jtejjeb il-kompetittività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu involuti f’riorganizzazzjonijiet taħt il-Liġi 218/1990, meta mqabbla ma’ impriżi oħra.
203 Fl-aħħar nett, l-argument (ara l-punt 131 iktar ’il fuq) li jgħid li l-iskema kkontestata sempliċement estendiet, għall-benefiċċju tal-impriżi bankarji involuti f’riorganizzazzjonjiet taħt il-Liġi 218/1990, skema ta’ riallinjament li kienet teżisti fil-passat u li dak iż-żmien ma kinitx meqjusa mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat, għandu jiġi miċħud.
204 Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, ma tagħmilx differenza jekk is-sitwazzjoni tal-allegat benefiċjarju tal-miżura tkunx marret għall-aħjar jew għall-agħar meta mqabbla mal-pożizzjoni legali preċedenti jew jekk, bil-kontra ta’ dan, ma tkunx evolviet matul iż-żmien. Għandu biss jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura tal-Istat tkunx tali li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward tal-għan tal-miżura kkonċernata (ara s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 160 iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
205 F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament qieset li, billi l-iskema ta’ riallinjament tal-Artikoli 17 u 18 tal-Liġi 342/2000 inżammet biss għall-benefiċċju tal-impriżi benefiċjarji ta’ trasferimenti taħt il-Liġi 218/1990, permezz tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003, ingħata vantaġġ selettiv lil dawn l-impriżi meta mqabbla mal-impriżi benefiċjarji l-oħra ta’ trasferimenti bis-saħħa ta’ riorganizzazzjonijiet oħra minbarra dawk previsti mil-Liġi 218/1990 (ara l-punt 202 iktar ’il fuq).
206 Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti, permezz ta’ dan l-argument, jallegaw li l-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 tikkostitwixxi għajnuna mill-istat eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi rrilevat, bħalma ssostni l-Kummissjoni, li l-uniku każ ta’ għajnuna eżistenti li jista’ jkun potenzjalment rilevanti f’dan il-każ, jista’ jkun dak ta’ miżura li “meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Membru”. Madankollu, f’dan il-każ, kien permezz tal-intervent tal-leġiżlatur Taljan li l-iskema ta’ riallinjament ikkontestata, li qabel kienet aċċessibbli għall-impriżi kollha benefiċjarji ta’ trasferimenti taħt is-sistema ta’ newtralità fiskali, ġiet irriżervata biss għall-impriżi benefiċjarji ta’ trasferimenti taħt il-Liġi 218/1990.
207 Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 87(1) KE meta, f’dan il-każ, ikkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.
208 Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, anki fl-ipoteżi li l-Kummissjoni ma kinitx qieset, bħala kuntest ta’ riferiment sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ, is-sistema ta’ taxxa normali, iżda l-iskema tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003, din l-istituzzjoni xorta kienet tasal sabiex tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat fl-istess termini bħal dawk tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.
209 Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-dawl, l-ewwel nett, tan-nuqqas ta’ rilevanza, għall-kalkolu ta’ vantaġġ, tat-taxxi mħallsa qabel il-Liġi 350/2003 (b’mod partikolari, t-taxxa mħallsa immedjatament, meta jsir trasferiment, mill-entitajiet trasferenti taħt il-Liġi 218/1990, fuq 15 % tal-profitt kapitali miksub) (ara l-punt 195 iktar ’il fuq), it-tieni nett, tad-differenzi bejn ir-rati tat-taxxa mnaqqsa ffissati mill-Artikolu 2(25) u (26) tal-Liġi 350/2003 rispettivament (ara, rispettivament, il-punti 27 u 29 iktar ’il fuq) u, it-tielet nett, tal-mod oġġettiv li bih ġie ddeterminat il-vantaġġ (ara l-punti 169 u 187 iktar ’il fuq), ikkonstatat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv li, anki kieku l-ammont kien inqas minn dak ikkonstatat fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, xorta ma kienx ikun jista’ jibbenefika mill-eċċezzjoni de minimis, fir-rigward – bħalma ġie rrilevat fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata – vantaġġ mhux trasparenti.
210 Barra minn hekk, tali vantaġġ xorta ma setax jiġi ġġustifikat, mhux iktar minn dak ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti u bbażati fuq trattament fiskali inqas favorevoli, wara r-riforma fiskali tal-2003, tal-entitajiet trasferenti taħt il-Liġi 218/1990. Fil-fatt, kif diġà ssemma, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċerna bla ebda mod lil dawn l-entitajiet trasferenti, iżda biss lill-banek destinatarji ta’ trasferimenti taħt il-Liġi 218/1990, liema banek, permezz tal-iskema tal-Artikolu 2(26) tal-Liġi 350/2003 li kienet irriżervata għalihom, kienu bbenefikaw minn vantaġġ selettiv li għandu l-effett li jtejjeb il-kompetittività tagħhom meta mqabbla mal-impriżi l-oħra kollha (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).
211 Minn dan isegwi li anki paragun tal-iskema kkontestata mal-iskema tal-Artikolu 2(25) tal-Liġi 350/2003 kien iwassal lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fit-termini tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex tordna l-irkupru, fit-termini tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni.
212 Peress li r-rikorrenti tilfu fil-motivi kollha tagħhom, ir-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
213 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
214 Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) BNP Paribas u Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) huma kkundannati għall-ispejjeż.
Vilaras |
Prek |
Ciucă |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2010.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.