Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TJ0192

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tal-25 ta' Ottubru 2011.
Transnational Company "Kazchrome" AO u ENRC Marketing AG vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Dumping - Importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, miċ-Ċina, mill-Eġittu, mill-Każakistan u mir-Russja - Rabta kawżali - Interess tal-Komunità - Nuqqas ta’ kooperazzjoni - Data disponibbli - Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq - Drittijiet tad-difiża - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-192/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-07449

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:619

Kawża T-192/08

Transnational Company “Kazchrome” AO u

ENRC Marketing AG

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, miċ-Ċina, mill-Eġittu, mill-Każakistan u mir-Russja — Rabta kawżali — Interess tal-Komunità — Nuqqas ta’ kooperazzjoni — Data disponibbli — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Ħsara — Stabbiliment tar-rabta kawżali — Kriterji

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(6) u (7), u Nru 1225/2009, Artikolu 3(6) u (7))

2.      Ftehim internazzjonali — Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ —GATT tal-1994 — Effett dirett — Assenza — Impossibbiltà li jiġi invokat il-ftehim tad-WTO sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ att Komunitarju — Eċċezzjonijiet — Att Komunitarju intiż li jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim jew li jirreferi għalihom b’mod espliċitu u preċiż

(Artikolu 230 KE ; Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994)

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Ħsara — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3, u Nru 1225/2009, Artikolu 3)

4.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Ħsara — Stabbiliment tar-rabta kawżali — Obbligi tal-istituzzjonijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(7), u Nru 1225/2009, Artikolu 3(7))

5.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi — Antidumping

6.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Ħsara — Stabbiliment tar-rabta kawżali — Obbligi tal-istituzzjonijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(7), Nru 172/2008 u Nru 1225/2009, Artikolu 3(7))

7.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

8.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Evalwazzjoni tal-interess Komunitarju — Teħid inkunsiderazzoni ta’ informazzjoni dwar perijodu sussegwenti għall-investigazzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 6(1) u 21(1), u Nru 1225/2009, Artikoli 6(1) u 21(1))

9.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Evalwazzjoni tal-interess Komunitarju — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 21(1), u Nru 1225/2009, Artikolu 21(1))

10.    Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolament li jistabbilixxi dazji antidumping

(Artikolu 253 KE)

11.    Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Żvolġiment tal-investigazzjoni — Data disponibbli — Possibbiltà ta’ użu fil-każ li tiġi annullata żjara ta’ verifika

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 18(1) u (3), u Nru 1225/2009, Artikolu 18(1) u (3))

12.    Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati — Informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(7)(b), 6(8) u 16(1), u Nru 1225/2009, Artikoli 2(7)(b), 6(8) u 16(1))

13.    Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Evalwazzjoni tal-interess Komunitarju — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Assenza ta’ effett fuq il-legalità tar-regolament li jimponi dazju definittiv — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(7), u Nru 1225/2009, Artikolu 3(7))

1.      Mill‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1225/2009] jirriżulta li l‑istituzzjonijiet għandhom jipprovaw li l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ikunu qegħdin jikkawżaw ħsara sostanzjali għall‑industrija Komunitarja fid‑dawl tal‑volum u tal‑prezz tagħhom (analiżi ta’ imputazzjoni). Sussegwentement, mill‑Artikolu 3(7) tal-istess regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009], jirriżulta li l‑istituzzjonijiet għandhom, minn naħa, jeżaminaw il‑fatturi l‑oħra magħrufa kollha li jkunu qegħdin jikkawżaw ħsara lill‑industrija Komunitarja fl‑istess ħin bħall‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, u, min‑naħa l‑oħra, għandhom jiżguraw li l‑ħsara kkawżata minn dawn il‑fatturi l‑oħra ma tkunx imputata lill‑importazzjonijiet imsemmija (analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni).

L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jisseparaw u jiddistingwu l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping mill-effetti ta’ fatturi oħra.

Għal dan il-għan, f’ċerti ċirkustanzi, analiżi kollettiva ta’ dawn il-fatturi hija meħtieġa. Dan ikun il‑każ, b’mod partikolari, jekk l‑istituzzjonijiet, fi tmiem analiżi individwali, jikkonkludu li kull wieħed minn dawn il‑fatturi kellu effett negattiv fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, mingħajr ma dan l‑impatt ikun jista’ jitqies bħala sinjifikattiv.

L‑analiżi tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali ma għandhiex neċessarjament titwettaq fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, b’tali mod li kull ħsara kkawżata lil produttur Komunitarju wieħed, minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet, minn naħa, għandhom jeżaminaw il-fatturi magħrufa l-oħra kollha li jikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja, fl-istess mument bħall-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping, u, min-naħa l-oħra, għandhom jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma tiġix imputata lill-importazzjonijiet imsemmija. L‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku ma jispeċifikax li dan l‑eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss ħsara kkawżata, minn fatturi oħra, lill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha. Għalhekk, jista’ jkun il-każ li, f’ċerti ċirkustanzi, ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komunitarju minn fattur ieħor minbarra l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan sa fejn din il-ħsara tkun ikkontribwixxiet għall-ħsara li tkun ġiet osservata fir-rigward tal-industrija Komunitarja fl-intier tagħha. Madankollu, tali possibbiltà ma tfissirx li l-istituzzjonijiet huma meħtieġa janalizzaw sistematikament is-sitwazzjoni individwali ta’ kull produttur Komunitarju.

(ara l-punti 30, 31, 37, 41-45, 88, 180, 194, 195, 209)

2.      Fid‑dawl tan‑natura u tal‑istruttura tagħhom, il‑ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ma huwiex, bħala regola ġenerali, fost in‑normi li fid‑dawl tagħhom il‑qorti tal‑Unjoni għandha tistħarreġ il‑legalità tal‑atti tal‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 230 KE. Madankollu, f’sitwazzjoni fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari li tkun assumiet fil-kuntest tad-WTO, jew f’każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim tad-WTO, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO. Dan huwa l-każ fir-rigward tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, li l-għan tiegħu huwa li jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn possibbli, ir-regoli li jinsabu fil-Ftehim antidumping tal-1994. Barra minn hekk, għalkemm l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim antidumping adottati mill-Korp tar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità ta’ regolament ta’ applikazzjoni, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tagħmel riferiment għalihom meta tkun qiegħda tinterpreta dispożizzjoni tar-Regolament bażiku.

(ara l-punti 32, 33, 36)

3.      Il‑kwistjoni ta’ jekk l‑industrija Komunitarja ġarrbitx ħsara u jekk din il‑ħsara hijiex imputabbli lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping kif ukoll il‑kwistjoni ta’ jekk fatturi magħrufa oħra kkontribwixxewx għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja jeħtieġu l‑evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi li fir‑rigward tagħhom l‑istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 51, 90, 164)

4.      Ma jistax jingħad li l-fatt li l‑analiżi tar‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja tkun ibbażata fuq il‑kapaċità ta’ użu nominali teoretika u mhux fuq il‑kapaċità ta’ użu reali, jikser neċessarjament ir‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni. Fil-fatt, għalkemm bidla fl-użu tal-mezzi ta’ produzzjoni għal suq ieħor għandha twassal għal aġġustament tad-data dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, ma huwiex meħtieġ li d‑data msemmija tirrifletti kull waqfien temporanju tal‑installazzjonijiet ta’ produzzjoni. Għall‑kuntrarju, f’tali ċirkustanzi, l‑istituzzjonijiet għandhom jiżguraw l‑osservanza tal‑obbligi previsti fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009] u għandhom iwettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni kif meħtieġ, b’tali mod li l‑ħsara kkawżata, jekk ikun il‑każ, minn dan il‑waqfien temporanju tal‑produzzjoni tiġi separata u distinta mill‑ħsara kkawżata mill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping.

(ara l-punti 105, 109)

5.      Ir‑rekwiżiti li jirriżultaw mir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża ma japplikawx biss fil‑kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iżda anki fil‑kuntest tal‑proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l‑adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw l‑impriżi interessati b’mod dirett u individwali u li jistgħu jimplikaw konsegwenzi sfavorevoli għal dawn l‑impriżi. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l-impriżi interessati jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-fehma tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha.

Fir‑rigward tal‑inkonsistenzi u tal‑anomaliji fir-rigward tal-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuq il‑bażi tagħhom ikun maħsub li jiġu imposti dazji antidumping provviżorji, parti interessata ma tistax tassimila n‑nuqqas ta’ rispett tad‑drittijiet tad‑difiża tagħha mal‑eżistenza ta’ żbalji materjali li jistgħu jaffettwaw il‑legalità tar‑regolament li jimponi dazju antidumping definittiv. Fil-fatt, dan il-fatt xorta waħda ma jipprovax li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet imsemmija. Fi kwalunkwe każ, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża b’ebda mod ma jeħtieġ li l-istituzzjonijiet iwieġbu għal kull argument imqajjem minn produttur/esportatur, matul il-proċedura, iżda jeħtieġ biss li l-istituzzjonijiet iqiegħdu lill-partijiet interessati f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jiddefendu effettivament l-interessi tagħhom.

(ara l-punti 110, 319, 321, 326, 327, 332)

6.      L-istituzzjonijiet jiksru l-Artikolu 3(7) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009], meta jonqsu milli jisseparaw u jiddistingwu l‑effetti tal‑investimenti sostanzjali mwettqa mill‑industrija Komunitarja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni mill-effetti tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping. L-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-ommissjoni tal-istituzzjonijiet li jevalwaw l-impatt tan-nuqqas ta’ profittabbiltà ta’ ċerti produtturi Komunitarji fuq l‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

Madankollu, tali ksur jiġġustifika l‑annullament ta’ regolament ta’ applikazzjoni, bħalma huwa r-Regolament Nru 172/2008, biss jekk dan il-ksur jista’ jdaħħal inkwistjoni l-legalità ta’ dan ir-regolament billi jinvalida l-analiżi kollha tal-istituzzjonijiet fir-rigward tar-rabta kawżali. Dan ma jkunx il-każ meta l-investimenti msemmija ma jkunux ikkontribwixxew, b’mod sinjifikattiv, għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni.

(ara l-punti 116, 119, 120, 180-182, 211)

7.      Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 21 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, applikabbli għall‑Qorti Ġenerali bis‑saħħa tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 53 tal‑istess Statut, u skont l‑Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s‑suġġett tat-tilwima, it‑talbiet tar‑rikorrent u għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal‑motivi invokati. Din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill‑konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u lill‑Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir‑rikors. Sabiex jiġu żgurati ċ‑ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja, huwa meħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il‑punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir‑rikors jirriżultaw, minn tal‑inqas fil‑qosor iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit‑test tar‑rikors. Għalkemm it‑test prinċipali tar‑rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir‑rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar‑rikors, ma jistax jirrimedja n‑nuqqas tal‑punti essenzjali tal‑argumenti legali, punti li għandhom ikunu inklużi fir‑rikors.

(ara l-punt 212)

8.      L-Artikolu 6(1) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009] ma japplikax għall‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess tal‑Komunità, kif prevista fl‑Artikolu 21(1) tal-istess regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009], u dan ifisser li data dwar perijodu iktar reċenti mill‑perijodu ta’ investigazzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kuntest ta’ din il‑konstatazzjoni. Fil-fatt, l‑iffissar ta’ perijodu ta’ investigazzjoni u l‑projbizzjoni li elementi sussegwenti għalih jittieħdu inkunsiderazzjoni huma intiżi sabiex jiġi żgurat li r‑riżultati tal‑investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli. Il‑perijodu ta’ investigazzjoni previst fl‑imsemmi Artikolu 6(1) huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiġi żgurat li l‑elementi li fuqhom tkun ibbażata d‑determinazzjoni tad‑dumping u tal‑ħsara ma jkunux influwenzati mill‑aġir tal‑produtturi kkonċernati sussegwenti għall‑ftuħ tal‑proċedura antidumping u għalhekk sabiex id‑dazju definittiv impost fi tmiem il‑proċedura jkun adegwat sabiex tiġi rrimedjata effettivament il‑ħsara kkawżata mid‑dumping.

Barra minn hekk, minn naħa, l‑Artikolu 21 tal-imsemmi regolament bażiku ma jinkludi ebda restrizzjoni ratione temporis fir‑rigward tad‑data li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill‑istituzzjonijiet għall‑finijiet tal‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess Komunitarju. Min‑naħa l‑oħra, l‑eżami tal‑interess Komunitarju jeħtieġ evalwazzjoni tal‑konsegwenzi probabbli kemm tal‑applikazzjoni kif ukoll tan‑nuqqas ta’ applikazzjoni tal‑miżuri kkunsidrati fir‑rigward tal‑interess tal‑industrija Komunitarja u fir‑rigward tal‑interessi l‑oħra involuti. Din l‑evalwazzjoni timplika tbassir imsejjes fuq ipoteżi dwar avvenimenti futuri li jinkludi l‑evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Din l-evalwazzjoni taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni u, għalhekk, hija suġġetta għal stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni li huwa limitat għall‑verifika tal‑osservanza tar‑regoli proċedurali, tal‑eżattezza materjali tal‑fatti kkunsidrati sabiex issir l‑għażla kkontestata, tan‑nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tan‑nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 221-224, 227)

9.      L‑evalwazzjoni tal‑interess Komunitarju skont l-Artikolu 21(1) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009] teżiġi l‑ibbilanċjar tal‑interessi tad‑diversi partijiet interessati u tal‑interess ġenerali. Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl‑evalwazzjoni tal‑interess Komunitarju, li għandha tiġi eżerċitata każ b’każ fid‑dawl tal‑fatti rilevanti kollha. Madankollu, deċiżjoni preċedenti li tikkonkludi li l‑miżuri antidumping imposti, fil‑passat, fuq l‑importazzjonijiet ta’ prodott identiku li joriġinaw mill‑istess pajjiżi bħal dawk koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni, tista’ tkun rilevanti fil‑kuntest tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament bażiku jekk tikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li l‑adozzjoni ta’ miżuri antidumping ma hijiex fl‑interess ġenerali.

(ara l-punti 240, 241)

10.    Il‑motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 253 KE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal‑awtorità tal‑Unjoni, li tkun l‑awtriċi tal‑att inkriminat, b’mod li l‑persuni interessati jkunu jistgħu jidentifikaw il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d‑drittijiet tagħhom u b’mod li l‑qorti tal‑Unjoni tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ tagħha. Għall‑kuntrarju, l‑istituzzjonijiet ma humiex obbligati jwieġbu, fil‑motivazzjoni ta’ regolament provviżorju jew definittiv dwar dazji antidumping, għall‑punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha invokati mill‑persuni interessati matul il‑proċedura amministrattiva. Sa fejn il-Kummissjoni wettqet analiżi ċara u inekwivoka tal‑konsegwenzi tal‑miżuri antidumping fir‑rigward tal‑utenti kkonċernati u sa fejn il-Kunsill eżamina, b’mod iktar konċiż iżda xorta waħda ċar, l‑impatt tal‑impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq l‑utenti msemmija, l‑istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu akkużati bi ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 256, 257)

11.    Fil-qasam tal-investigazzjonijiet imwettqa matul proċedura antidumping, l-annullament ta’ żjara ta’ verifika minn parti interessata ma għandhiex tiġi kkunsidrata fid‑dawl tal‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament Nru 1225/2009], iżda fid-dawl tal-Artikolu 18(1) tiegħu [li sar l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009]. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm l‑annullament ta’ żjara ta’ verifika ma huwiex kopert mill‑aħħar tliet sitwazzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, tali annullament għandu jitqies, ħlief fil‑każ ta’ forza maġġuri, bħala rifjut ta’ aċċess għal informazzjoni li l‑Kummissjoni kkunsidrat neċessarja, fis‑sens tal‑ewwel sitwazzjoni deskritta minn din id‑dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l‑Artikolu 18(3) tal-imsemmi regolament bażiku ma jistax jintuża sabiex jiġi evitat l‑obbligu li tiġi ospitata żjara ta’ verifika meta tali żjara titqies li hija neċessarja mis‑servizzi tal‑Kummissjoni. Huwa minnu li, skont din id‑dispożizzjoni, fil‑preżenza ta’ informazzjoni li ma tkunx l‑aħjar minn kull aspett, l‑użu tad‑data disponibbli jista’ jitwarrab biss jekk il‑parti interessata tkun aġixxiet bl‑aħjar mod li tista’. Issa, fis‑sitwazzjoni ta’ rifjut li tiġi ospitata żjara ta’ verifika, parti ma tistax titqies li aġixxiet bl‑aħjar mod li tista’.

Fir‑rigward tal‑għan tal‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku, sa fejn dan ir-regolament tal-aħħar ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa investigattiva li tippermettilha tobbliga lill‑produtturi jew lill‑esportaturi msemmija f’ilment sabiex jipparteċipaw fl‑investigazzjoni jew sabiex jipproduċu informazzjoni, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni jiddependu mill‑kooperazzjoni volontarja tal‑partijiet interessati sabiex jipprovdulhom l‑informazzjoni meħtieġa fit‑termini mogħtija. Ir‑rifjut li tiġi ospitata żjara ta’ verifika jmur kontra l‑għan ta’ kooperazzjoni leali u diliġenti, għan li l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku jipprova jiżgura l‑osservanza tiegħu.

Fl aħħar nett, minn analiżi tal-istruttura tal-istess regolament bażiku jirriżulta, minn naħa, li huma l‑istituzzjonijiet li għandhom jiddeċiedu jekk, għall‑finijiet tal‑verifika tal‑informazzjoni pprovduta minn parti interessata, huma jikkunsidrawx li huwa meħtieġ li din l‑informazzjoni tiġi kkorroborata permezz ta’ żjara ta’ verifika fil‑post fejn topera din il‑parti u, min‑naħa l‑oħra, li, f’sitwazzjoni fejn parti interessata tostakola l‑verifika tad‑data li tkun ipprovdiet, japplika l‑Artikolu 18 tar‑Regolament bażiku u tkun tista’ tintuża d‑data disponibbli.

(ara l-punti 270-276)

12.    Sa fejn l-Artikolu 6(8) tar‑Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 6(8) tar‑Regolament Nru 1225/2009] ma jinkludi ebda limitazzjoni għall‑portata tal‑obbligu ta’ verifika tad‑data użata bħala l‑bażi għall‑konklużjonijiet tal‑istituzzjonijiet, tali obbligu jestendi għall‑informazzjoni pprovduta minn parti interessata fil‑kuntest ta’ talba għall‑għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, l‑Artikolu 16(1) tal-istess regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 16(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009] ma jinkludi ebda limitazzjoni għall‑possibbiltà li jitwettqu żjarat fil‑postijiet fejn joperaw il-partijiet interessati meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun opportun fid‑dawl tal‑informazzjoni li tkun tixtieq tikkorrobora. Minn dan isegwi li din it-tieni dispożizzjoni tawtorizza lill‑Kummissjoni twettaq żjara fil‑postijiet ta’ produttur/esportatur sabiex tipproċessa t‑talba tiegħu għall‑għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u sabiex tivverifika l‑eżattezza tal‑informazzjoni li tkun ingħatatilha, jekk tqis li dan ikun meħtieġ.

Għalhekk, il‑fatt li l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament antidumping bażiku [li sar l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament Nru 1225/2009] ma jeħtieġx li ssir żjara ta’ verifika fil‑postijiet tal‑produttur/esportatur li jkun talab l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma jfissirx li tali żjara ma tistax issir. Bl‑istess mod, ma jistax jitqies li l‑organizzazzjoni ta’ żjara ta’ verifika, fil‑kuntest tal‑ipproċessar ta’ talba għall‑għoti ta’ dan l-istatus, timponi kundizzjoni addizzjonali għall‑Artikolu 2(7)(b) tal-imsemmi regolament bażiku.

(ara l-punti 294-296)

13.    Fil-kuntest ta’ proċedura antidumping, l‑istituzzjonijiet ma humiex obbligati jitolbu lill‑produtturi Komunitarji sabiex jipprovdu spjegazzjonijiet fir‑rigward tat‑tendenzi dwar is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, u dan sa fejn il‑produtturi msemmija ma humiex meħtieġa jwettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, skont l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku Nru 384/96 [li sar l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009]. Għall‑kuntrarju, tali analiżi għandha ssir mill‑istituzzjonijiet għall‑finijiet tad‑determinazzjoni provviżorja u ta’ dik definittiva. Barra minn hekk, jekk jitqies li l‑prinċipju tar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża jeżiġi li l‑produtturi/esportaturi jiġu informati dwar il‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuq il‑bażi tagħhom ikun maħsub li jiġu imposti dazji provviżorji, in‑nuqqas ta’ rispett ta’ dawn id‑drittijiet ma jistax, bħala tali, ikollu l‑effett li jivvizzja r‑regolament li jistabbilixxi d‑dazji definittivi sakemm, matul il‑proċedura li twassal għall‑adozzjoni ta’ dan ir‑regolament tal‑aħħar, ikun ġie rrimedjat id‑difett li jkun ivvizzja l‑proċedura li twassal għall‑adozzjoni tar‑regolament korrispondenti li jkun stabbilixxa d‑dazji provviżorji.

(ara l-punti 314, 319)







SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)

25 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw minn dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, miċ‑Ċina, mill‑Eġittu, mill‑Każakistan u mir‑Russja – Rabta kawżali – Interess tal‑Komunità – Nuqqas ta’ kooperazzjoni – Data disponibbli – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas‑suq – Drittijiet tad‑difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil‑Kawża T‑192/08,

Transnational Company “Kazchrome” AO, stabbilita f’Aqtöbe (il‑Każakistan),

ENRC Marketing AG, stabbilita fi Kloten (l‑Isvizzera),

inizjalment irrappreżentati minn L. Ruessmann u A. Willems, sussegwentement minn A. Willems u S. de Knop, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J.‑P. Hix, sussegwentement minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn G. Berrisch u G. Wolf, sussegwentement minn G. Berrisch, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u K. Talabér‑Ritz, bħala aġenti,

u minn

Euroalliages, stabbilit fi Brussell (il‑Belġju), irrappreżentat minn J. Bourgeois, Y. van Gerven u N. McNelis, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall‑annullament parzjali tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 172/2008, tal‑25 ta’ Frar 2008, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id‑dazju provviżorju impost fuq l‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina, l‑Eġittu, il‑Każakstan, dik li kienet ir‑Repubblika Jugożlava tal‑Maċedonja u r‑Russja (ĠU L 55, p. 6), sa fejn dan ir‑regolament japplika għar‑rikorrenti,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Ir‑rikorrenti, Transational Company Kazchrome AO (iktar ’il quddiem “Kazchrome”) u ENRC Marketing AG, joperaw fil‑produzzjoni u l‑bejgħ ta’ ferrosilikon, waħda mill‑materji primi użati fil‑fabbrikazzjoni tal‑azzar u tal‑ħadid. Kazchrome, li hija stabbilita fil‑Każakistan, tbiegħ il‑produzzjoni kollha tagħha lil ENRC Marketing, li hija stabbilita fl‑Isvizzera. Din tal‑aħħar tbiegħ mill‑ġdid il‑produzzjoni ta’ Kazchrome mad‑dinja kollha.

2        Sussegwentement għal ilment imressaq fis‑16 ta’ Ottubru 2006 minn Euroalliages (il‑kumitat ta’ komunikazzjoni u ta’ koordinazzjoni għall‑industriji tal‑ligi tal‑ħadid), il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura antidumping fir‑rigward tal‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw minn dik li kienet ir‑Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja, miċ‑Ċina, mill‑Eġittu, mill‑Każakistan u mir‑Russja, skont ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 384/96, tat‑22 ta’ Diċembru 1995, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament bażiku”) [issostitwit bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat‑30 ta’ Novembru 2009, dwar il‑protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, b’rettifika fil‑ĠU 2010 L 7, p. 22)], u b’mod partikolari skont l‑Artikolu 5 tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 1225/2009). L‑avviż tal‑ftuħ tal‑proċedura ġie ppubblikat f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Novembru 2006 (ĠU C 291, p. 34). L‑investigazzjoni dwar id‑dumping u l‑ħsara kopriet il‑perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2005 u t‑30 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem il‑“perijodu ta’ investigazzjoni”). L‑eżami tat‑tendenzi fil‑kuntest tal‑analiżi tal‑ħsara kopra l‑perijodu bejn Jannar 2003 sat‑tmiem tal‑perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il‑“perijodu kkunsidrat”).

3        Fil‑kuntest ta’ din il‑proċedura, fil‑15 ta’ Diċembru 2006, ir‑rikorrenti ppreżentaw talba sabiex jingħataw l‑istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas‑suq (iktar ’il quddiem is‑“SEM”) quddiem is‑servizzi tal‑Kummissjoni, skont l‑Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar‑Regolament Nru 1225/2009].

4        Fit‑12 ta’ Jannar 2007, ir‑rikorrenti ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall‑kwestjonarju antidumping tal‑Kummissjoni kif ukoll dokument li jikkonċerna l‑ħsara. Fil‑25 ta’ Jannar 2007, ir‑rikorrenti kkomunikaw lill‑Kummissjoni osservazzjonijiet addizzjonali dwar il‑ħsara.

5        Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Frar 2007, ir‑rikorrenti informaw lill‑Kummissjoni li huma kienu qegħdin jirrinunzjaw milli jipparteċipaw fl‑investigazzjoni iżda li huma kienu lesti jipprovdu spjegazzjonijiet fir‑rigward tad‑data li huma kienu diġà kkomunikawlha. Permezz ta’ faks tal‑istess jum, il‑Kummissjoni informat lir‑rikorrenti li hija kienet qiegħda tannulla ż‑żjara ta’ verifika li kienet prevista bejn it‑22 ta’ Frar u t‑2 ta’ Marzu 2007. Hija enfasizzat li tali annullament kien ifisser li, fin‑nuqqas ta’ verifika, id‑data kkomunikata mir‑rikorrenti lis‑servizzi tagħha ma setgħetx tiġi aċċettata u li, skont l‑Artikolu 18 tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 18 tar‑Regolament Nru 1225/2009), seta’ jkun meħtieġ li l‑konklużjonijiet tal‑investigazzjoni jiġu stabbiliti fuq il‑bażi tad‑data disponibbli. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Frar 2007, ir‑rikorrenti informaw lill‑Kummissjoni li, minkejja li ma setgħux jikkooperaw kompletament mal‑investigazzjoni, huma xtaqu, sa fejn ikun possibbli, jipprovdulha l‑assistenza tagħhom fil‑kuntest ta’ din l‑investigazzjoni.

6        Fil‑5 ta’ Lulju 2007, il‑Kummissjoni informat lir‑rikorrenti li, peress li hija ma kienx irnexxielha tivverifika, fil‑bini tar‑rikorrenti, id‑data li huma kienu ppreżentaw, huma ma kinux ser jingħataw is‑SEM. Fis‑16 ta’ Lulju 2007, ir‑rikorrenti bagħtu lill‑Kummissjoni l‑osservazzjonijiet tagħhom b’mod partikolari dwar ir‑rifjut li jingħata s‑SEM.

7        Fid‑29 ta’ Awwissu 2007, il‑Kummissjoni ppubblikat ir‑Regolament (KE) Nru 994/2007, tat‑28 ta’ Awwissu 2007, li jimponi dazju proviżorju antidumping fuq l‑importazzjonijiet tal‑Ferro‑silikon li joriġinaw fir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina, fl‑Eġittu, fil‑Każakstan, fl‑ex Repubblika Jugoslava tal‑Maċedonja u fir‑Russja (ĠU L 223, p. 1, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament provviżorju”). Ir‑Regolament provviżorju stabbilixxa, b’mod partikolari, dazju antidumping provviżorju bir‑rata ta’ 33.9 % għall‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw mill‑Każakistan. Fil‑premessa 25 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni ppreċiżat li t‑talba għall‑għoti tas‑SEM imressqa mir‑rikorrenti ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni minħabba li dawn ma kinux ippermettew li ssir żjara ta’ verifika.

8        Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2007, il‑Kummissjoni kkomunikat lir‑rikorrenti l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom kienu ġew adottati l‑miżuri antidumping provviżorji (iktar ’il quddiem id‑“dokument ta’ informazzjoni provviżorja”). Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Settembru 2007, il‑Kummissjoni bagħtet lir‑rikorrenti anness għad‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja. Fil‑5 ta’ Ottubru 2007, ir‑rikorrenti kkomunikaw lill‑Kummissjoni l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja.

9        Fit‑18 ta’ Diċembru 2007, il‑Kummissjoni bagħtet lir‑rikorrenti ittra bil‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il‑bażi tagħhom kienet qiegħda tikkunsidra li tirrakkomanda l‑impożizzjoni ta’ miżuri antidumping definittivi (iktar ’il quddiem id‑“dokument ta’ informazzjoni finali”). Ir‑rikorrenti ppreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali permezz ta’ ittra indirizzata lill‑Kummissjoni fit‑3 ta’ Jannar 2008.

10      Fil‑25 ta’ Frar 2008, il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea adotta r‑Regolament (KE) Nru 172/2008, tal‑25 ta’ Frar 2008, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id‑dazju provviżorju impost fuq l‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina, l‑Eġittu, il‑Każakstan, dik li kienet ir‑Repubblika Jugożlava tal‑Maċedonja u r‑Russja (ĠU L 55, p. 6, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament ikkontestat”). Skont ir‑Regolament ikkontestat, ir‑rata tad‑dazju antidumping definittiv applikabbli għall‑prezz nett ħieles fil‑fruntiera tal‑Komunità, qabel il‑ħruġ mid‑dwana, kienet stabbilita bħala 33.9 % għall‑prodotti li joriġinaw mill‑Każakistan.

 Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Mejju 2008, ir‑rikorrenti ppreżentaw il-kawża ineżami.

12      Permezz ta’ atti ppreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali, rispettivament, fl‑1 u fit‑3 ta’ Settembru 2008, Euroalliages u l‑Kummissjoni talbu sabiex jintervjenu f’din il‑kawża insostenn tat‑talbiet tal‑Kunsill.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ottubru 2008, ir‑rikorrenti talbu sabiex, skont l‑Artikolu 116(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, ċerti elementi kunfidenzjali fil‑proċess jiġu esklużi mill‑komunikazzjoni lil Euroalliages. Għall‑finijiet ta’ din il‑komunikazzjoni, ir‑rikorrenti pproduċew verżjoni mhux kunfidenzjali tan‑noti u tad‑dokumenti inkwistjoni.

14      Permezz ta’ digrieti tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tas‑16 ta’ Frar 2009, il‑President tat‑Tieni Awla tal‑Qorti Ġenerali laqa’, rispettivament, it‑talbiet għal intervent tal‑Kummissjoni u ta’ Euroalliages.

15      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Marzu 2009, Euroalliages iddikjara li ma kellux oġġezzjonijiet fir‑rigward tat‑talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir‑rikorrenti.

16      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Ġunju 2009, il‑Kummissjoni informat lill‑Qorti Ġenerali li kienet qiegħda tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent iżda kienet ser tipparteċipa fis‑seduta.

17      Ir‑rikorrenti jitolbu li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata l‑ammissibbiltà tar‑rikors;

–        tannulla r‑Regolament ikkontestat, sa fejn japplika għalihom;

–        tikkundanna lill‑Kunsill għall‑ispejjeż.

18      Il‑Kunsill, sostnut mill‑Kummissjoni, jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

19      Euroalliages jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż, inklużi l‑ispejjeż sostnuti minnu għall‑finijiet tal‑intervent tiegħu.

 Id‑dritt

20      Insostenn tat‑talba għal annullament tagħhom, ir‑rikorrenti jinvokaw erba’ motivi. Fil‑kuntest tal‑ewwel motiv, huma jikkontestaw l‑evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara. Fil‑kuntest tat‑tieni motiv, huma jikkontestaw l‑analiżi tal‑interess Komunitarju. Fil‑kuntest tat‑tielet motiv, huma jikkritikaw l‑evalwazzjoni magħmula mill‑istituzzjonijiet tal‑kooperazzjoni tagħhom fl‑investigazzjoni, l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 18 tar‑Regolament bażiku u t‑trattament tat‑talba għall‑għoti tas‑SEM. Fil‑kuntest tar‑raba’ motiv, huma jinvokaw ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

A –  Fuq l‑ewwel motiv, dwar ir‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara

21      L‑ilmenti invokati mir‑rikorrenti fil‑kuntest tal‑ewwel motiv jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji.

–        l‑ewwel nett, l‑ilmenti marbuta mal‑interpretazzjoni tal‑prinċipji legali li jirregolaw l‑analiżi tar‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, fejn ir‑rikorrenti qegħdin jinvokaw, fil‑kuntest tal‑ewwel parti, l‑eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament Nru 1225/2009];

–        it‑tieni nett, l‑ilmenti li jikkonċernaw l‑analiżi individwali magħmula mill‑istituzzjonijiet fir‑rigward ta’ ċertu numru ta’ fatturi oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u li setgħu kkawżaw il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja jew li setgħu jikkontribwixxu għaliha, fejn ir‑rikorrenti qegħdin jinvokaw, f’dan ir‑rigward, fit‑tieni sat‑tmien parti, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll diversi istanzi ta’ ksur imwettqa mill‑istituzzjonijiet fil‑kuntest tal‑analiżi individwali ta’ ċerti fatturi ta’ ħsara;

–        it‑tielet nett, l‑ilmenti li jikkonċernaw in‑nuqqas ta’ analiżi kollettiva tad‑diversi fatturi ta’ ħsara oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, fejn ir‑rikorrenti qegħdin jinvokaw b’mod iktar partikolari, fl‑ewwel u fit‑tmien parti, żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill‑istituzzjonijiet sa fejn ma wettqux analiżi kollettiva ta’ dawn il‑fatturi.

22      Dawn it‑tliet kategoriji ta’ lmenti ser jiġu eżaminati suċċessivament.

1.     Fuq l‑interpretazzjoni tal‑prinċipji legali applikabbli għall‑analiżi tar‑rabta kawżali (l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv)

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

23      Fil‑kuntest tal‑ewwel parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑metodoloġija adottata mill‑Kunsill, fil‑kuntest tal‑istabbiliment tar‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara, hija vvizzjata minn żewġ żbalji ta’ liġi.

24      Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑approċċ tal‑Kunsill jirrifletti diviżjoni artifiċjali tal‑analiżi ta’ imputazzjoni u ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni tal‑ħsara. Skont l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, analiżi adegwata tar‑rabta kawżali teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jkunu magħrufa sa mill‑bidu, u dan sabiex jiġi evitat li l‑impatt tal‑importazzjonijiet koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni jiġi konfuż ma’ dak ta’ fatturi oħra. Għaldaqstant, l‑istituzzjonijiet ma setgħux jikkonkludu li l‑importazzjonijiet koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni kienu kkawżaw il‑ħsara mingħajr ma eżaminaw minn qabel jekk din il‑ħsara kinitx fil‑verità kkawżata minn fatturi oħra.

25      Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li mir‑rappporti tal‑Korp tal‑Appell tal‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Kummerċ (WTO) u mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u tal‑Qorti Ġenerali jirriżulta li l‑impatt tal‑fatturi kawżali għandu jiġi eżaminat kollettivament.

26      Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jirribatti, minn naħa, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ikkawżawx ħsara sostanzjali, huwa meħtieġ li l‑ewwel nett jiġi eżaminat jekk il‑ħsara kinitx ikkawżata mill‑importazzjonijiet imsemmija, u dan fid‑dawl b’mod partikolari tal‑volum u tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u tal‑kalkolu tat‑tnaqqis fil‑prezz. Huwa biss meta tkun stabbilita l‑eżistenza ta’ din ir‑rabta kawżali li jkun imbagħad meħtieġ li jiġi eżaminat jekk kienx hemm fatturi oħra li setgħu kkontribwixxew għall‑ħsara b’mod li jiksru r‑rabta kawżali. Min‑naħa l‑oħra, il‑Kunsill iqis li ma hemm xejn fuq livell legali li jimponi l‑eżami kollettiv tal‑fatturi l‑oħra, li tali eżami ma huwiex applikat fil‑prattika u li dan l‑eżami ma huwiex prinċipju stabbilit mill‑qorti tal‑Unjoni.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

27      L‑ewwel parti tal‑ewwel motiv tikkonċerna, essenzjalment, il‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku. Skont din id‑dispożizzjoni, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni għandhom l‑obbligu li jeżaminaw jekk il‑ħsara li huma jkollhom l‑intenzjoni jieħdu inkunsiderazzjoni tirriżultax effettivament mill‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping u li jeliminaw kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, C‑358/89, Ġabra p. I‑3813, punt 16, u sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, T‑107/04, Ġabra p. II‑669, punt 72).

28      Fl‑ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu r‑rikorrenti, din id‑dispożizzjoni teħtieġx li l‑istituzzjonijiet jeżaminaw, fl‑ewwel lok, l‑impatt tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping u ta’ fatturi oħra magħrufa fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja qabel ma jikkonkludu, fit‑tieni lok, li hemm rabta kawżali bejn l‑imsemmija importazzjonijiet u d‑dumping, jew jekk, kif isostni l‑Kunsill, huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat, fl‑ewwel lok, jekk il‑ħsara kinitx ikkawżata mill‑imsemmija importazzjonijiet u, fit‑tieni lok, meta tkun stabbilita din ir‑rabta kawżali, jekk hemmx fatturi oħra li setgħu kkontribwixxew għall‑ħsara b’tali mod li jiksru din ir‑rabta kawżali.

29      Sabiex tingħata tweġiba għal din il‑kwistjoni, għandhom jiġu analizzati l‑kliem, l‑għan kif ukoll il‑kuntest tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku.

30      L‑ewwel nett, fir‑rigward tat‑termini ta’ din id‑dispożizzjoni, mill‑Artikolu 3(6) tar‑Regolament bażiku jirriżulta li l‑istituzzjonijiet għandhom jipprovaw li l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ikunu qegħdin jikkawżaw ħsara sostanzjali għall‑industrija Komunitarja fid‑dawl tal‑volum u tal‑prezz tagħhom. Dan jinvolvi analiżi msejħa ta’ imputazzjoni. Sussegwentement, mill‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku jirriżulta li l‑istituzzjonijiet għandhom, minn naħa, jeżaminaw il‑fatturi l‑oħra magħrufa li jkunu qegħdin jikkawżaw ħsara lill‑industrija Komunitarja fl‑istess ħin bħall‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, u, min‑naħa l‑oħra, għandhom jiżguraw li l‑ħsara kkawżata minn dawn il‑fatturi l‑oħra ma tkunx imputata lill‑importazzjonijiet imsemmija. Dan jinvolvi analiżi msejħa ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni.

31      It‑tieni nett, kif osservaw kemm ir‑rikorrenti u kif il‑Kunsill fin‑noti tagħhom, l‑għan tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku huwa li jiġi żgurat li l‑istituzzjonijiet jisseparaw u jiddistingwu l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping minn dawk ta’ fatturi oħra. Jekk l‑istituzzjonijiet ma jisseparawx u ma jiddistingwux l‑impatt tad‑diversi fatturi ta’ ħsara, huma ma jkunux jistgħu jikkonkludu b’mod validu li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ikkawżaw ħsara lill‑industrija Komunitarja.

32      It‑tielet nett, fir‑rigward tal‑kuntest ta’ din id‑dispożizzjoni, sa fejn, skont il‑premessa 5 tar‑Regolament bażiku (li saret il‑premessa 3 tar‑Regolament Nru 1225/2009), l‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑regolament imsemmi jikkostitwixxu t‑traspożizzjoni, fid‑dritt tal‑Unjoni, tal‑Artikolu 3.5 tal‑Ftehim dwar l‑implimentazzjoni tal‑Artikolu VI tal‑Ftehim ġenerali dwar it‑tariffi u l‑kummerċ tal‑1994 (GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il‑“Ftehim antidumping”), li jinsab fl‑Anness 1 A tal‑Ftehim li jistabbilixxi d‑WTO (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), għandu jsir riferiment għal din id‑dispożizzjoni kif ukoll għall‑interpretazzjoni mogħtija lil din id‑dispożizzjoni mill‑Korp tar‑Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad‑WTO.

33      F’dan ir‑rigward għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid‑dawl tan‑natura u tal‑istruttura tiegħu, il‑ftehim tad‑WTO ma huwiex, bħala regola ġenerali, fost in‑normi li fid‑dawl tagħhom il‑qorti tal‑Unjoni għandha tistħarreġ il‑legalità tal‑atti tal‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 230 KE (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 47, u tad‑9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punt 53). Madankollu, f’sitwazzjoni fejn il‑Komunità kellha l‑intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari li tkun assumiet fil‑kuntest tad‑WTO, jew f’każ bħal dak ineżami fejn l‑att tal‑Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal‑ftehim tad‑WTO, il‑qorti tal‑Unjoni għandha tistħarreġ il‑legalità tal‑att tal‑Unjoni inkwistjoni fid‑dawl tar‑regoli tad‑WTO (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49; Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 30).

34      Issa, mill‑premessa 5 tar‑Regolament bażiku jirriżulta li dan ir‑regolament huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiġu trasposti fid‑dritt tal‑Unjoni, sa fejn possibbli, ir‑regoli li jinsabu fil‑Ftehim antidumping tal‑1994, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, dawk dwar id‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ ħsara u ta’ rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 33 iktar ’il fuq, punt 55).

35      Minn dan isegwi li d‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet korrispondenti tal‑Ftehim antidumping (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20, u Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 33 iktar ’il fuq, punt 57).

36      Barra minn hekk, għalkemm l‑interpretazzjonijiet tal‑Ftehim antidumping adottati mill‑Korp tar‑Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad‑WTO ma jistgħux jorbtu lill‑Qorti Ġenerali fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑validità tar‑Regolament ikkontestat (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, Ġabra p. I‑1465, punt 54), ma hemm xejn li jipprekludi lill‑Qorti Ġenerali milli tagħmel riferiment għalihom meta, bħalma huwa l‑każ hawnhekk, tkun qiegħda tinterpreta dispożizzjoni tar‑Regolament bażiku (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑45/06, Ġabra p. II‑2399, punt 107).

37      F’dan il‑kuntest, għandu jiġi osservat li l‑Korp tal‑Appell tad‑WTO kkunsidra, fir‑rapport tiegħu dwar it‑tilwima “États‑Unis – Acier laminé à chaud” (“L‑Istati Uniti – Azzar illaminat bis‑sħana”), adottat fit‑23 ta’ Awwissu 2001 (WT/DS184AB/R, punt 226), li, sabiex jikkonformaw mal‑formulazzjoni tal‑Artikolu 3.5 tal‑Ftehim antidumping fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ imputazzjoni, l‑awtoritajiet responsabbli għall‑investigazzjoni kellhom jagħmlu evalwazzjoni adegwata tal‑ħsara kkawżata lill‑industrija nazzjonali mill‑fatturi l‑oħra magħrufa kif ukoll kellhom jisseparaw u jiddistingwu l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping u l‑effetti dannużi ta’ dawn il‑fatturi l‑oħra.

38      Fir‑rigward ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku ma jimponi fuq l‑istituzzjonijiet ebda obbligu fir‑rigward tal‑forma jew tal‑ordni tal‑analiżi ta’ imputazzjoni u tal‑analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni li huma meħtieġa jwettqu. Għall‑kuntrarju, din id‑dispożizzjoni tipprovdi li dawn iż‑żewġ analiżi għandhom jitwettqu b’tali mod li l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping jkunu jistgħu jiġu separati u distinti mill‑effetti kkawżati minn fatturi oħra.

39      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t‑tilwima bejn il‑partijiet hawnhekk hija ta’ natura semantika u mhux ta’ natura sostanzjali. Fil‑fatt, il‑mod kif il‑Kunsill jiddeskrivi, fin‑noti tiegħu, il‑metodoloġija applikata mill‑istituzzjonijiet sabiex jagħmlu l‑analiżi ta’ imputazzjoni u l‑analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni ma huwiex importanti sa fejn il‑metodoloġija effettivament applikata mill‑Kunsill u mill‑Kummissjoni, fil‑każ ineżami, ippermettitilhom jiżguraw li l‑ħsara kkawżata minn fatturi oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ma kinitx imputata lil dawn l‑importazzjonijiet tal‑aħħar. B’hekk, l‑istituzzjonijiet eżaminaw, fl‑ewwel lok, l‑effett tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, fil‑premessi 112 sa 114 tar‑Regolament provviżorji u fil‑premessi 85 u 86 tar‑Regolament ikkontestat. Fit‑tieni lok, fil‑premessi 115 sa 136 tar‑Regolament provviżorju u fil‑premessi 87 sa 101 tar‑Regolament ikkontestat, huma analizzaw l‑effetti tal‑fatturi l‑oħra. Fit‑tielet lok, fil‑premessi 137 sa 140 tar‑Regolament provviżorju u fil‑premessi 102 sa 104 tar‑Regolament ikkontestat, huma wettqu sinteżi qasira tal‑analiżi ta’ imputazzjoni u tal‑analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni u minn din is‑sinteżi siltu l‑konklużjonijiet tagħhom fir‑rigward tar‑rabta kawżali. Għalkemm huwa minnu li l‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ittieħdu inkunsiderazzjoni biss fit‑tieni stadju, kien biss fi tmiem dan it‑tieni stadju li l‑istituzzjonijiet ifformulaw il‑konklużjoni definittiva tagħhom dwar l‑imputazzjoni tal‑ħsara, b’tali mod li l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping setgħu jiġu sseparati u distinti minn dawk ikkawżati minn fatturi oħra.

40      Minn dan isegwi li, fil‑każ ineżami, l‑analiżi tar‑rabta kawżali, li tinsab fil‑premessi 111 sa 140 tar‑Regolament provviżorju u fil‑premessi 83 sa 104 tar‑Regolament ikkontestat, ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn l‑istituzzjonijiet wettqu l‑ewwel l‑analiżi ta’ imputazzjoni u mbagħad dik ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni.

41      Fit‑tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif jallegaw ir‑rikorrenti, il‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping għandhomx jiġu eżaminati kollettivament jew jekk, kif jallega l‑Kunsill, għandhomx jiġu eżaminati individwalment. L‑istess bħall‑kwistjoni preċedenti, din il‑kwistjoni għandha tiġi mistħarrġa fid‑dawl tal‑kliem, tal‑għan kif ukoll tal‑kuntest tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku.

42      L‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑kliem tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku, kif riprodotti fil‑punt 30 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li din id‑dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk il‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping għandhomx jiġu analizzati kollettivament jew individwalment.

43      It‑tieni nett, kif ingħad fil‑punt 31 iktar ’il fuq, l‑għan tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku huwa li l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping jiġu sseparati u distinti minn dawk ta’ fatturi oħra, b’tali mod li l‑ħsara kkawżata minn dawn il‑fatturi l‑oħra ma tiġix imputata lill‑importazzjonijiet imsemmija. Sabiex jintlaħaq dan l‑għan hija meħtieġa, f’ċerti ċirkustanzi, analiżi kollettiva tal‑fatturi l‑oħra. Dan ikun il‑każ, b’mod partikolari, jekk l‑istituzzjonijiet, fi tmiem analiżi individwali, jikkonkludu li kull wieħed minn dawn il‑fatturi kellu effett negattiv fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, mingħajr ma dan l‑impatt ikun jista’ jitqies bħala sinjifikattiv. Kif osservaw ir‑rikorrenti fin‑noti tagħhom, jekk għaxar fatturi oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ikunu kkawżaw flimkien 99 % tal‑ħsara, iżda ebda wieħed minn dawn ma kellu impatt sinjifikattiv fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, l‑istituzzjonijiet jibqgħu jikkunsidraw li l‑imsemmija importazzjonijiet ikkawżaw il‑ħsara materjali minħabba li ebda wieħed mill‑għaxar fatturi l‑oħra, ikkunsidrati separatament, ma jiġi kkunsidrat li kkawża l‑ħsara. Tali analiżi ma tistax titqies li hija konformi mal‑għan tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku.

44      It‑tielet nett, l‑analiżi kuntestwali ta’ din id‑dispożizzjoni tikkonferma li, f’ċerti ċirkustanzi, analiżi kollettiva tal‑fatturi l‑oħra hija meħtieġa. Kif diġà ġie osservat, l‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku huwa intiż sabiex jittrasponi fid‑dritt tal‑Unjoni l‑Artikolu 3.5 tal‑Ftehim antidumping. Issa, fir‑rapport tiegħu dwar it‑tilwima “Communautés européennes – Accessoires de tuyauterie” (“Komunitajiet Ewropej – Fittings tat‑tubi u tal‑pajpijiet”), adottat fit‑18 ta’ Awwissu 2003 (WT/DS219/AB/R, punti 190 u 192), il‑Korp tal‑Appell tad‑WTO kkunsidra li, għalkemm l‑Artikolu 3.5 tal‑Ftehim antidumping ma kienx jimponi, f’kull każ, evalwazzjoni tal‑effetti kollettivi tal‑fatturi kawżali l‑oħra, seta’ jkun hemm każijiet fejn, minħabba ċ‑ċirkustanzi fattwali partikolari tagħhom, il‑fatt li ma jsirx eżami tal‑impatt kollettiv tal‑fatturi kawżali l‑oħra jista’ jkollu l‑konsegwenza li l‑awtorità responsabbli għall‑investigazzjoni tattribwixxi b’mod żbaljat l‑effetti tal‑fatturi kawżali l‑oħra lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping. Skont il‑Korp tal‑Appell tad‑WTO, awtorità responsabbli għall‑investigazzjoni ma hijiex obbligata teżamina l‑impatt kollettiv tal‑fatturi kawżali l‑oħra bil‑kundizzjoni li, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi fattwali partikolari għall‑każ, hija tissodisfa l‑obbligu tagħha li ma timputax lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping il‑ħsara kkawżata mill‑fatturi kawżali l‑oħra.

45      Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat, kif isostnu r‑rikorrenti, li analiżi kollettiva tal‑effetti tal‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping tista’ tkun meħtieġa f’ċerti ċirkustanzi. Dan ikun il‑każ b’mod partikolari meta l‑istituzzjonijiet ikunu kkonkludew, fir‑rigward ta’ numru kbir ta’ fatturi ta’ ħsara oħra minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, li dawn il‑fatturi setgħu kkontribwixxew għall‑ħsara iżda li l‑impatt tagħhom ma setax, individwalment, jitqies bħala sinjifikattiv.

46      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku li jipproponi l‑Kunsill, mhux fir‑Regolament ikkontestat iżda esklużivament fin‑noti tiegħu, hija żbaljata. Madankollu, dan xorta waħda ma jfissirx li r‑Regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi ta’ natura li jiġġustifika l‑annullament tar‑Regolament ikkontestat. Fil‑fatt, fir‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill sempliċement għamel l‑analiżi individwali tad‑diversi fatturi ta’ ħsara mingħajr ma semma b’xi mod li huwa kien jikkunsidra li ma kinitx meħtieġa analiżi kollettiva tal‑imsemmija fatturi. Għaldaqstant, sabiex jiġi konkluż li hemm żball ta’ liġi li jivvizzja r‑Regolament ikkontestat huwa meħtieġ li jiġi konkluż ukoll li, f’dan il‑każ, tali analiżi kollettiva kienet meħtieġa.

47      Issa, mill‑punt 45 iktar ’il fuq jirriżulta li għandu jsir eżami tal‑ilmenti mressqa mir‑rikorrenti fir‑rigward tal‑analiżi individwali ta’ kull wieħed mill‑fatturi magħrufa ta’ ħsara l‑oħra qabel ma jkun jista’ jiġi ddeterminat jekk analiżi kollettiva kinitx meħtieġa fil‑każ ineżami. Għalhekk, huwa biss fi tmiem l‑eżami, magħmul fil‑punti 49 sa 215 iktar ’il quddiem, intiż sabiex jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l‑analiżi individwali ta’ kull wieħed mill‑fatturi magħrufa ta’ ħsara l‑oħra hijiex ivvizzjata minn illegalità u, min‑naħa l‑oħra, jekk iċ‑ċirkustanzi tal‑każ ineżami kinux jeħtieġu analiżi kollettiva tal‑fatturi l‑oħra ta’ ħsara, li jkun jista’ jiġi konkluż li l‑Kunsill, billi wettaq biss analiżi individwali tal‑fatturi ta’ ħsara, wettaq żball ta’ liġi.

48      Għall‑kuntrarju, hemm lok sa minn issa li l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv tiġi miċħuda sa fejn hija bbażata fuq żball ta’ liġi dwar il‑metodoloġija tal‑istituzzjonijiet fir‑rigward tal‑analiżi tar‑rabta kawżali.

2.     Fuq l‑analiżi individwali tal‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping (it‑tieni sat‑tmien parti tal‑ewwel motiv)

49      Preliminarjament, għandhom jiġu mfakkra l‑prinċipji ġurisprudenzjali li fid‑dawl tagħhom għandhom jiġu eżaminati d‑diversi lmenti invokati mir‑rikorrenti fir‑rigward tal‑analiżi individwali tad‑diversi fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

50      Skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 27 iktar ’il fuq, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni huma obbligati li jeżaminaw jekk il‑ħsara li huma jkollhom l‑intenzjoni jikkunsidraw tirriżultax effettivament mill‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping u li jinjoraw kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra.

51      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kwistjoni ta’ jekk l‑industrija Komunitarja ġarrbitx ħsara u jekk din il‑ħsara hijiex imputabbli lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping kif ukoll il‑kwistjoni ta’ jekk fatturi magħrufa oħra kkontribwixxewx għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja jeħtieġu l‑evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi li fir‑rigward tagħhom l‑istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Minn dan jirriżulta li l‑istħarriġ tal‑qorti tal‑Unjoni dwar l‑evalwazzjonijiet tal‑istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall‑verifika tal‑osservanza tar‑regoli proċedurali, tal‑eżattezza materjali tal‑fatti kkunsidrati sabiex issir l‑għażla kkontestata, tan‑nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tan‑nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑Qorti Ġenerali Aluminium Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 27 iktar ’il fuq, punt 71, u tas‑17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il‑Kunsill, T‑462/04, Ġabra p. II‑3685, punt 120).

a)     Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑evoluzzjoni tad‑domanda għall‑azzar u tal‑prezzijiet fis‑suq Komunitarju u f’dak mondjali

 L‑argumenti tal‑partijiet

52      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑premessa 85 tar‑Regolament ikkontestat hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u tikser l‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku peress li l‑pressjoni fuq il‑prezzijiet Komunitarji ma tistax tiġi imputata lill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping iżda għandha tiġi imputata lill‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet fis‑suq mondjali u lill‑evoluzzjoni tad‑domanda għall‑azzar.

53      Fil‑fatt, fl‑ewwel lok, il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon kellhom l‑istess evoluzzjoni f’kull wieħed mis‑swieq il‑kbar mondjali u l‑evoluzzjoni tal‑prezz Komunitarju tirrifletti d‑dinamika tas‑suq mondjali. Skont ir‑rikorrenti, peress li l‑prezzijiet fuq is‑swieq kollha kienu qegħdin jonqsu, b’mod partikolari bejn l‑2005 u t‑tmiem tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, huwa manifestament irraġonevoli li jiġi allegat li, mingħajr l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, il‑prezzijiet fil‑Komunità kienu ser jiżdiedu sabiex jiġu koperti l‑ispejjeż dejjem jikbru tal‑industrija Komunitarja flimkien ma’ marġni ta’ profitt raġonevoli.

54      Fit‑tieni lok, il‑livell baxx tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon ma huwiex iddeterminat mill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping iżda mill‑evoluzzjoni tad‑domanda. Il‑Kunsill stess irrikonoxxa, fir‑Regolament ikkontestat, li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon isegwu l‑varjazzjonijiet fid‑domanda. Madankollu, huwa analizza, b’mod żbaljat, l‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità fil‑konfront tal‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni mondjali tal‑azzar mhux ipproċessat meta dawn il‑prezzijiet huma ddeterminati mill‑produzzjoni tal‑azzar fil‑Komunità. L‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità rriflettiet preċiżament dik tad‑domanda għall‑azzar u l‑imsemmija prezzijiet naqsu proporzjonalment għall‑istaġnar u għat‑tnaqqis tad‑domanda fil‑Komunità. Għalhekk, ir‑rikorrenti huma tal‑fehma li, anki li kieku ma kienx hemm tnaqqis fil‑prezz minħabba l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, l‑industrija Komunitarja kienet ser iġġarrab telf minħabba ż‑żieda fl‑ispejjeż u minħabba t‑tnaqqis simultanju fid‑domanda.

55      Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti josservaw li, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, il‑ferrosilikon kien jinbiegħ bi prezz ogħla fil‑Komunità milli fis‑swieq l‑oħra. Issa, f’suq mondjali fejn il‑prezzijiet ixaqilbu lejn bilanċ, ma jistax jingħad li l‑prezzijiet tas‑suq li fih dawn il‑prezzijiet ikunu l‑ogħla kienu ġew imnaqqsa jew żvalutati inġustament.

56      Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

57      It‑tieni parti tal‑ewwel motiv tikkonċerna, essenzjalment, l‑evalwazzjoni mill‑istituzzjonijiet tar‑rwol tal‑evoluzzjoni mondjali tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon u tad‑domanda mis‑settur tal‑azzar bħala fatturi magħrufa li setgħu kkawżaw il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja jew li setgħu kkontribwixxew għaliha.

58      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l‑Kunsill ikkunsidra, fil‑premessa 85 tar‑Regolament ikkontestat, li, minħabba l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, l‑industrija Komunitarja ma setgħetx iżżid il‑prezzijiet tal‑bejgħ tagħha sal‑livell meħtieġ sabiex tkopri l‑ispejjeż kollha tagħha. Min‑naħa l‑oħra, il‑Kunsill espona, fil‑premessi 87 sa 90 tar‑Regolament ikkontestat, ir‑raġunijiet li kienu wassluh sabiex jiddeċiedi li jiċħad l‑allegazzjoni li l‑livell baxx tal‑prezz tal‑ferrosilikon kien marbut mad‑dinamika tas‑suq mondjali, li min‑naħa tiegħu kien jevolvi skont il‑varjazzjonijiet fid‑domanda mis‑settur tal‑azzar, u mhux mal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Fl‑ewwel lok, il‑Kunsill spjega li, fl‑ekonomiji tas‑suq, il‑prezzijiet kienu ġeneralment iddeterminati mil‑livelli tal‑provvista u tad‑domanda iżda fatturi oħra setgħu jintervjenu, bħall‑preżenza ta’ importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping. Fit‑tieni lok, huwa speċifika li, għalkemm ma kien hemm ebda dubju li d‑domanda mondjali għall‑ferrosilikon, b’mod partikolari mis‑settur tal‑azzar, kienet influwenzat l‑iffissar tal‑prezz f’ċerti mumenti matul il‑perijodu kkunsidrat, kien hemm perijodi fejn il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon kienu naqsu minkejja żieda fid‑domanda. Fit‑tielet lok, huwa kkonstata li, anki fuq livell Komunitarju, il‑prezz tal‑ferrosilikon kien qiegħed jonqos f’ċerti mumenti, minkejja żieda fid‑domanda mis‑settur tal‑azzar.

59      Ir‑rikorrenti jikkontestaw din il‑konklużjoni fuq il‑bażi ta’ tliet argumenti. L‑ewwel nett, il‑prezzijiet fis‑suq mondjali kienu qegħdin jonqsu, b’mod partikolari bejn l‑2005 u t‑tmiem tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, anki fin‑nuqqas tal-importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, u għalhekk il‑prezzijiet Komunitarji ma setgħux jiżdiedu. It‑tieni nett, il‑prezzijiet Komunitarji tal‑ferrosilikon segwew il‑varjazzjonijiet fil‑produzzjoni Komunitarja tal‑azzar u kienu marru lura fl‑istess waqt li d‑domanda mill‑industrija tal‑azzar Komunitarja staġnat jew naqset. It‑tielet nett, il‑prezzijiet fis‑suq Komunitarju kienu l‑ogħla fid‑dinja, u dan jeskludi kull tnaqqis fil‑prezz jew fil‑valur.

60      Issa, ebda wieħed minn dawn it‑tliet argumenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u kiser l‑Artikolu 3(6) u (7) tar‑Regolament bażiku.

61      B’hekk, fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq l‑evoluazzjoni tal‑prezzijiet fis‑suq mondjali, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti jirreferu, insostenn ta’ dan l‑argument, għal tabella riprodotta fir‑rikors li turi, fil‑fehma tagħhom, li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon isegwu l‑istess evoluzzjoni fuq l‑iswieq il‑kbar kollha tad‑dinja u li l‑evoluzzjoni tal‑prezz Komunitarju sempliċement tirrifletti d‑dinamika tas‑suq mondjali. Għalkemm huwa minnu li din it‑tabella turi li l‑prezz Komunitarju tal‑ferrosilikon isegwi globalment l‑istess evoluzzjoni bħall‑prezzijiet fl‑Istati Uniti u fil‑Ġappun, din it‑tabella b’ebda mod ma turi li l‑prezzijiet fis‑suq mondjali kienu qed jonqsu matul il‑perijodu kkunsidrat kollu, jiġifieri bejn l‑1 ta’ Jannar 2003 u t‑30 ta’ Settembru 2006 jew, minn tal‑inqas, bejn Jannar 2005 u t‑tmiem tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri t‑30 ta’ Settembru 2006. Għall‑kuntrarju, minn din it‑tabella jirriżulta li l‑prezzijiet żdiedu bejn l-2003 u l-2004 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni. Dawn it‑tendenzi huma kkonfermati mid‑data dwar il‑prezzijiet medji fil‑Komunità li jinsabu fil‑premessa 96 tar‑Regolament provviżorju, data li ma ġietx ikkontestata mir‑rikorrenti. Għalhekk, ir‑rikorrenti ma jistgħux isostnu li, minħabba t‑tnaqqis ġeneralizzat tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon, ma kienx raġonevoli li jingħad li, fin‑nuqqas tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, il‑prezzijiet Komunitarji kienu jiżdiedu sa livell li kien jippermetti lill‑industrija Komunitarja tkopri l‑ispejjeż dejjem jiżdiedu tagħha kif ukoll tikseb marġni ta’ profitt raġonevoli.

62      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq il‑varjazzjonijiet fid‑domanda mis‑settur tal‑azzar u fuq l‑analiżi tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità fil‑konfront tal‑produzzjoni mondjali ta’ azzar mhux ipproċessat, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti jirrifjutaw il‑grafika prodotta mill‑istituzzjonijiet fid‑dokument ta’ informazzjoni finali li turi l‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità fid‑dawl tal‑evoluzzjoni tal‑produzzjoni mondjali ta’ azzar mhux ipproċessat, u jirreferu, insostenn tal‑argument tagħhom, għal grafika riprodotta f’anness mar‑rikors, li turi l‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet Komunitarji tal‑ferrosilikon fil‑konfront ta’ dik tal‑produzzjoni Komunitarja ta’ azzar. Issa, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, din il‑grafika ma tippermettix li jintwera li l‑prezzijiet Komunitarji tal‑ferrosilikon segwew il‑varjazzjonijiet tal‑produzzjoni Komunitarja ta’ azzar u kienu marru lura fl‑istess waqt li d‑domanda mill‑industrija tal‑azzar Komunitarja staġnat jew naqset.

63      B’hekk, l‑ewwel nett, għandu jiġi osservat, kif għamel il‑Kunsill, li din il‑grafika turi li l‑prezzijiet Komunitarja mhux dejjem segwew il‑varjazzjonijiet tal‑produzzjoni Komunitarja ta’ azzar. Pereżempju, il‑grafika tindika li, fl‑2004, f’mument meta l‑produzzjoni Komunitarja ta’ azzar żdiedet, il‑prezzijiet kienu komplew jonqsu. Bl‑istess mod, fl‑2006, skont il‑grafika, il‑produzzjoni ta’ azzar naqset filwaqt li l‑prezzijiet żdiedu. Dawn l‑eżempji jikkonfermaw li l‑grafika prodotta mir‑rikorrenti ma hijiex suffiċjenti sabiex tissostanzja l‑allegazzjoni tagħhom li t‑tnaqqis fid‑domanda kien ikkawża t‑tnaqqis fil‑prezzijiet.

64      It‑tieni nett, għandu jingħad li l‑grafika ma turix tnaqqis fid‑domanda matul il‑perijodu kkunsidrat kollu. Din il‑grafika fil‑fatt turi żieda fil‑produzzjoni ta’ azzar mit‑tielet perijodu ta’ tliet xhur tal‑2003 sat‑tieni perijodu ta’ tliet xhur tal‑2004, mir‑raba’ perijodu ta’ tliet xhur tal‑2004 sat‑tieni perijodu ta’ tliet xhur tal‑2005 u matul l‑ewwel tliet perijodi ta’ tliet xhur tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, perijodu li jkopri l‑1 ta’ Ottubru 2005 sat‑30 ta’ Settembru 2006. Il‑grafika turi wkoll li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità żdiedu mit‑tielet perijodu ta’ tliet xhur tal‑2003 sat‑tieni perijodu ta’ tliet xhur tal‑2004 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni kollu. Fid‑dawl ta’ dawn l‑evoluzzjonijiet pożittivi, ma huwiex biżżejjed li jingħad li l‑prezzijiet Komunitarji kienu marru lura fl‑istess waqt li d‑domanda mill‑industrija tal‑azzar Komunitarja staġnat jew naqset sabiex jiġi stabbilit li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostna li, minħabba l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, l‑industrija Komunitarja ma setgħetx iżżid il‑prezzijiet tal‑bejgħ tagħha sal‑livell meħtieġ sabiex tkopri l‑ispejjeż tagħha. Kien meħtieġ li r‑rikorrenti juru li ż‑żieda fil‑produzzjoni ta’ azzar, matul il‑perijodi msemmija iktar ’il fuq, kienet dgħajfa wisq sabiex twassal għal żieda fil‑prezz li kienet tippermetti lill‑produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon jittrasferixxu ż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni fuq il‑konsumaturi, ħaġa din li r‑rikorrenti ma wrewx.

65      Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑argument li l‑livell tal‑prezzijiet fil‑Komunità huwa tali li ma jistax jiġi allegat li kien hemm tnaqqis fil‑prezz jew fil‑valur tagħhom, għandu jitfakkar li t‑tnaqqis fil‑prezz jew fil‑valur huma kunċetti legali li għalihom isir riferiment fl‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 1225/2009]. B’mod skematiku, fil‑kuntest tad‑determinazzjoni tat‑tnaqqis fil‑prezz, fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni, l‑istituzzjonijiet jagħmlu paragun tal‑prezzijiet Komunitarji mal‑prezzijiet aġġustati tal‑importazzjonijiet, b’mod li jinkiseb marġni ta’ tnaqqis fil‑prezz espress f’perċentwali. Bl‑istess mod, meta jiġi kkonstatat li l‑prezzijiet Komunitarji kien tnaqqsu fil‑valur jew ma żdiedux biżżejjed, l‑istituzzjonijiet iwettqu, dejjem b’mod skematiku, paragun tal‑prezzijiet tal‑importazzjoni mal‑prezz Komunitarju mixtieq, jiġifieri mal‑prezz li kien jintlaħaq, fin‑nuqqas tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, sabiex jinkiseb marġni ta’ eliminazzjoni tal‑ħsara, marġni li jkun ukoll espress f’perċentwali. F’dan il‑każ, mill‑premessi 87 sa 89 u 112 tar‑Regolament provviżorju jirriżulta li l‑istituzzjonijiet iddeterminaw it‑tnaqqis fil‑prezzijiet, skont l‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament bażiku. B’hekk, fil‑premessa 89 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni tindika li hija kienet ikkalkolat il‑marġni ta’ tnaqqis fil‑prezz bħala ta’ bejn 4 sa 11 % skont il‑produtturi/esportaturi, bl‑eċċezzjoni ta’ tliet produtturi/esportaturi li fir‑rigward tagħhom ma kien ikkonstatat ebda tnaqqis fil‑prezz. Issa, ir‑rikorrenti ma jressqu ebda argument ta’ natura li jikkontesta l‑kalkolu tal‑marġni ta’ tnaqqis fil‑prezz magħmul mill‑istituzzjonijiet. Is‑sempliċi konstatazzjoni li l‑prezzijiet Komunitarji huma l‑ogħla fid‑dinja ma tistax tikkostitwixxi tali kontestazzjoni.

66      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostna li l‑industrija Komunitarja ma setgħetx iżżid il‑prezzijiet tal‑bejgħ tagħha sal‑livell meħtieġ sabiex tkopri l‑ispejjeż tagħha kollha minħabba l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u mhux minħabba d‑dinamika tas‑suq mondjali u minħabba l‑varjazzjonijiet fid‑domanda mis‑settur tal‑azzar.

67      Għalhekk, it‑tieni parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑effetti tal‑ħsara li l‑industrija Komunitarja kkawżat lilha nnifisha

 Fuq l‑ewwel ilment, dwar il‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni minn ċerti produtturi Komunitarji

–       L‑argumenti tal‑partijiet

68      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l‑impatt, fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, tal‑bidliet volontarji fl‑orjentament tal‑produzzjoni implementati minn Huta Laziska S.A., OFZ a.s. u Vargön Alloys AB, fl‑2004, sena kkunsidrata bħala “eċċezzjonalment prosperi [favorevoli]” fir‑Regolament ikkontestat.

69      Fl‑ewwel lok, l‑istituzzjonijiet wettqu, skont ir‑rikorrenti, żball ta’ fatt serju li kellu impatt kunsiderevoli fuq l‑analiżi tar‑rabta kawżali u dan sa fejn, filwaqt li mill‑premessa 135 tar‑Regolament provviżorju jirriżulta li, fl‑2004, żewġ produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon kienu bidlu l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħhom lejn il‑produzzjoni ta’ liġi tal‑manganiż, mill‑premessa 93 ta’ dan l‑istess regolament jirriżulta li dan it‑tnaqqis fil‑produzzjoni tal‑ferrosilikon kien ittieħed inkunsiderazzjoni b’effett biss mis‑sena 2005. Issa, id‑deċiżjoni li titnaqqas il‑produzzjoni tal‑ferrosilikon, f’mument meta l‑kundizzjonijiet tas‑suq kienu favorevoli, kienet wasslet għal żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni f’termini ta’ unitajiet tal‑ferrosilikon, għal tnaqqis fil‑produzzjoni u fil‑bejgħ kif ukoll għal sitwazzjoni fejn il‑ferrosilikon kien iktar rari fis‑suq. Min‑naħa l‑oħra, in‑nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni għas‑sena 2004 kien ukoll ħoloq immaġni li tqarraq b’dak li jkun fir‑rigward tal‑evoluzzjoni tal‑kapaċità ta’ produzzjoni, tal‑produzzjoni u tal‑profitabbiltà tal‑industrija Komunitarja.

70      Fit‑tieni lok, l‑istituzzjonijiet, skont ir‑rikorrenti, wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostnew li l‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni kienu reazzjoni għall‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Fil‑fatt, minn naħa, is‑sena 2004 kienet sena eċċezzjonali li matulha l‑profitabbiltà tal‑industrija Komunitarja kienet żdiedet sal‑ogħla livell tal‑perijodu kkunsidrat u li matulha l‑livell tar‑rendiment fuq l‑investiment kien laħaq kważi 20 % u, min‑naħa l‑oħra, Huta Laziska kienet għażlet li tibdel l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħha lejn is‑silikomanganiż, prodott li jeżiġi konsum tal‑enerġija mill‑inqas u li huwa iktar profitabbli. Għaldaqstant, skont ir‑rikorrenti, il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni hija dovuta għal dawn il‑bidliet volontarji fl‑orjentament tal‑produzzjoni li kienu wasslu għal żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni li min‑naħa tagħha wasslet għal tnaqqis addizzjonali fil‑produzzjoni.

71      Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

72      Dan l‑ilment jikkonċerna, essenzjalment, il‑mod kif l‑istituzzjonijiet analizzaw l‑impatt, għall‑industrija Komunitarja, tal‑fatt li ċerti produtturi Komunitarji, fl‑2004, iddeċidew li jibdew jużaw numru ta’ fran li qabel kienu jintużaw għall‑fabbrikazzjoni tal‑ferrosilikon sabiex jipproduċu s‑silikomanganiż.

73      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li l‑Kummissjoni analizzat l‑impatt ta’ din il‑bidla fl‑użu fil‑premessi 135 u 136 tar‑Regolament provviżorju. F’dawn il‑premessi hija ssostni li, minkejja l‑ispejjeż involuti meta ssir bidla fl‑orjentament tal‑produzzjoni, parti mill‑produzzjoni kienet is‑suġġett ta’ tali bidla fl‑orjentament fl‑2004, meta ma kienx hemm ligi tal‑manganiż fis‑suq Komunitarju filwaqt li l‑provvista tal‑ferrosilikon kienet suffiċjenti. Minn dan hija tikkonkludi li d‑deċiżjoni ta’ ċerti produtturi Komunitarji li jnaqqsu l‑produzzjoni tagħhom ma kinitx mixtieqa iżda kienet ipprovokata mid‑dumping fuq l‑importazzjonijiet li kien ipprekluda kull profittabbiltà tal‑industrija Komunitarja fuq il‑bejgħ tal‑ferrosilikon. Barra minn hekk, fil‑premessa 93 tar‑Regolament provviżorju, hija aġġustat, b’effett mis‑sena 2005, id‑data dwar il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, li tinsab fit‑tabella dwar il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l‑użu tal‑kapaċità, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l‑bidliet fl‑użu tal‑ifran.

74      Ir‑rikorrenti jikkontestaw kemm il‑premessa 93 kif ukoll il‑premessi 135 u 136 tar‑Regolament provviżorju.

75      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑argument li r‑rikorrenti jibbażaw fuq l‑iżball ta’ fatt li skonthom jinsab fil‑premessa 93 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kunsill spjega, bi tweġiba għal mistoqsija bil‑miktub li saritlu permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, li l‑produzzjoni kienet għaddiet minn bidla fl‑orjentament fil‑bidu ta’ Diċembru 2004. Huwa rrikonoxxa wkoll, matul is‑seduta, li l‑kapaċitajiet li kienu s‑suġġett ta’ din il‑bidla fl‑orjentament ma setgħux jintużaw għall‑produzzjoni tal‑ferrosilikon f’Diċembru 2004. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l‑figuri dwar il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni kellhom jiġu aġġustati b’effett mill‑2004 u mhux mill‑2005. Minn dan isegwi li l‑premessa 93 tar‑Regolament provviżorju hija vvizzjata minn ineżattezza materjali.

76      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma taqbilx mal‑pożizzjoni tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑konsegwenzi li għandhom jinstiltu minn din l‑ineżattezza. Fil‑fatt, minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat, kif osserva l‑Kunsill matul is‑seduta, li, fid‑dawl tal‑fatt li l‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni ma naqsux qabel Diċembru 2004, l‑aġġustament globali tal‑imsemmija kapaċitajiet, għas‑sena 2004 kollha, kien jirrappreżenta biss volum żgħir ħafna, ekwivalenti għal parti minn tnax tal‑aġġustament magħmul għas‑sena 2005. Min‑naħa l‑oħra, li kieku l‑aġġustament tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni twettaq ukoll għall‑2004, is‑sitwazzjoni ekonomika tas‑suq Komunitarju tal‑ferrosilikon għall‑2004 kienet tkun din li ġejja: żieda fid‑domanda, żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, tnaqqis fil‑produzzjoni, tnaqqis żgħir fil‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, tnaqqis fil‑bejgħ u fl‑ishma tas‑suq tal‑industrija Komunitarja, żieda fil‑prezz tagħhom, fil‑marġni ta’ profitt tagħhom u fir‑rendiment fuq l‑investiment tagħhom. Fi kliem ieħor, ħlief għall‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, għall‑produzzjoni, għall‑bejgħ u għall‑ishma tas‑suq, l‑indikaturi ekonomiċi kollha kienu juru evoluzzjoni favorevoli. Huwa minnu li f’tali ċirkustanzi jista’ jkun li d‑deċiżjoni ta’ ċerti produtturi Komunitarji li jibdlu l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħhom kienet ir‑riżultat ta’ għażla kummerċjali intiża sabiex jintlaħaq livell aħjar ta’ profittabbiltà fis‑suq tas‑silikomanganiż u mhux il‑konsegwenza tal‑preżenza ta’ importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fis‑suq tal‑ferrosilikon li kienet ikkompromettiet il‑profitabbiltà tal‑industrija Komunitarja. Madankollu, jista’ jkun ukoll li d‑deċiżjoni ta’ ċerti produtturi Komunitarji li jibdlu l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħhom ma ħaditx inkunsiderazzjoni biss il‑perspettivi ta’ iktar profittabbiltà fis‑suq tas‑silikomanganiż iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il‑preżenza tal‑importazzjonijiet bi prezz baxx li l‑volum tagħhom kien diġà żdied ħafna fl‑2004 u li kienu qegħdin jagħmlu l‑perspettivi ta’ profittabbiltà fis‑suq tal‑ferrosilikon inqas attraenti milli fis‑suq tas‑silikomanganiż.

77      Għaldaqstant, l‑iżball ta’ liġi li jivvizzja l‑premessa 93 tar‑Regolament provviżorju ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l‑analiżi tar‑rabta kawżali.

78      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti bbażat fuq l‑iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill‑istituzzjonijiet sa fejn, fil‑premessa 136 tar‑Regolament provviżorju, sostnew li l‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni kienu reazzjoni għall‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, ġie stabbilit, fil‑punt 76 iktar ’il fuq, li, għalkemm jista’ jkun li l‑bidliet fl‑orjentament kienu r‑riżultat ta’ deċiżjoni kummerċjali intiża sabiex jintlaħaq livell aħjar ta’ profittabbiltà fis‑suq tas‑silikomanganiż u mhux il‑konsegwenza tal‑preżenza ta’ importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fis‑suq tal‑ferrosilikon li kienet ikkompromettiet il‑profitabbiltà tal‑industrija Komunitarja, jista’ jkun ukoll li d‑deċiżjonijiet ta’ bidla fl‑orjentament ma kinux immotivati biss mill‑perspettivi ta’ iktar profittabbiltà fis‑suq tas‑silikomanganiż iżda wkoll mill‑preżenza tal‑importazzjonijiet bi prezz baxx fis‑suq tal‑ferrosilikon.

79      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni.

80      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it‑tieni lment, dwar il‑waqfien tal‑produzzjoni minn ċerti produtturi Komunitarji

–       L‑argumenti tal‑partijiet

81      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l‑effetti, fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, tal‑waqfien volontarju tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ ċerti produtturi Komunitarji u b’mod żbaljat attribwixxa dawn l‑effetti lill‑importazzjonijiet kontenzjużi.

82      Fl‑ewwel lok, il‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjuta, fil‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat, li jieħu inkunsiderazzjoni l‑effetti tal‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ Huta Laziska, għar‑raġuni li l‑evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali kellha ssir fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, u dan minkejja li l‑fattur imsemmi kellu influwenza fuq ir‑rendiment tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti josservaw, l‑ewwel nett, li Huta Laziska waqqfet il‑produzzjoni tagħha diversi drabi, matul il‑perijodu kkunsidrat, minħabba li kellha diffikultajiet fir‑relazzjonijiet tagħha mal‑fornitur tal‑enerġija tagħha, it‑tieni nett, li din ma kellhiex għażla oħra ħlief li tibdel l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħha lejn il‑produzzjoni ta’ prodotti, bħas‑silikomanganiż, li jikkonsmaw inqas enerġija u li huma iktar profittabbli u, it‑tielet nett, li, fil‑kuntest tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1420/2007, tal‑4 ta’ Diċembru 2007, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l‑importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw fir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina u fil‑Każakstan u li jtemm il‑proċediment dwar l‑importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw fl‑Ukrajna (ĠU L 317, p. 5), l‑istituzzjonijiet analizzaw l‑evoluazzjoni tas‑sitwazzjoni ta’ Huta Laziska separatament.

83      Fit‑tieni lok, l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l‑effetti tal‑waqfien tal‑produzzjoni implementat, minn naħa, minn FerroAtlántica SL, matul perijodi ta’ konsum qawwi ta’ enerġija, li matulhom dan il‑produttur immassimalizza l‑profitti tiegħu billi biegħ l‑enerġija, u, min‑naħa l‑oħra, minn Vargön Alloys, li temmet il‑produzzjoni tagħha ta’ ferrosilikon matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni. Fir‑rigward ta’ FerroAtlántica, ir‑rikorrenti josservaw, fir‑replika, li, fir‑risposta, il‑Kunsill sostna għall‑ewwel darba li l‑waqfien tal‑produzzjoni ta’ ferrosilikon matul is‑sigħat fejn id‑domanda għall‑elettriku tkun l‑iktar għolja minn dejjem kien jagħmel parti mill‑mudell kummerċjali tal‑kumpannija. Barra minn hekk, din l‑affermazzjoni tinsab kontradetta fil‑premessa 81 tar‑Regolament ikkontestat, fejn il‑Kunsill isostni li t‑tnaqqis fil‑produzzjoni minħabba qtugħ fil‑provvista tal‑elettriku ma kienx iseħħ b’mod regolari.

84      Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

85      Dan l‑ilment jikkonċerna l‑mod kif l‑istituzzjonijiet analizzaw l‑impatt, għall‑industrija Komunitarja, tal‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ tliet produtturi Komunitarji, jiġifieri Huta Laziska, FerroAtlántica u Vargön Alloys.

86      Essenzjalment, ir‑rikorrenti jilmentaw li l‑Kunsill, minn naħa, ma analizzax b’mod korrett, fil‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat, l‑effetti tal‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ Huta Laziska u, min‑naħa l‑oħra, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l‑waqfien min‑naħa ta’ FerroAtlántica u Vargön Alloys.

87      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq fit‑trattament tas‑sitwazzjoni ta’ Huta Laziska, għandu jitfakkar li, fil‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill sostna li l‑kawża tal‑ħsara mġarrba kellha tiġi analizzata fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha u li, anki jekk id‑data li tikkonċerna lil dan il‑produttur setgħet tiġi eskluża mill‑evalwazzjoni tal‑ħsara, it‑tendenzi osservati fir‑rigward tal‑bqija tal‑industrija Komunitarja jibqgħu nettament negattivi u jibqgħu jindikaw ħsara sostanzjali.

88      F’dan ir‑rigward, l‑ewwel nett, għandu jiġi osservat, bħalma jagħmlu r‑rikorrenti, li l‑analiżi tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali ma għandhiex neċessarjament titwettaq fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, b’tali mod li kull ħsara kkawżata lil produttur Komunitarju wieħed, minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil‑fatt, diġà ġie enfasizzat, fil‑punt 30 iktar ’il fuq, li, fil‑kuntest tal‑analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, l‑istituzzjonijiet, minn naħa, għandhom jeżaminaw il‑fatturi magħrufa l‑oħra kollha li jikkawżaw ħsara lill‑industrija Komunitarja, fl‑istess mument bħall‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, u, min‑naħa l‑oħra, għandhom jiżguraw li l‑ħsara kkawżata minn dawn il‑fatturi l‑oħra ma tiġix imputata lill‑importazzjonijiet imsemmija. L‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku ma jispeċifikax li dan l‑eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss ħsara kkawżata, minn fatturi oħra, lill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha. Fid‑dawl tal‑għan ta’ din id‑dispożizzjoni, li, kif jingħad fil‑punt 31 iktar ’il fuq, huwa li jiġi żgurat li l‑istituzzjonijiet jisseparaw u jiddistingwu l‑effetti dannużi tal‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping mill‑effetti ta’ fatturi oħra, jista’ jkun il‑każ li, f’ċerti ċirkustanzi, ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komunitarju minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan sa fejn din il‑ħsara tkun ikkontribwixxiet għall‑ħsara li tkun ġiet osservata fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

89      It‑tieni nett, huwa minnu li, fil‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill sostna, b’mod kemmxejn sottili, li l‑kawża tal‑ħsara kellha tiġi analizzata fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, b’tali mod li jagħti x’jifhem li fattur ta’ ħsara li jaffettwa individwalment produttur Komunitarju qatt ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, il‑ħsara li l‑waqfien tal‑produzzjoni seta’ kkawża lil Huta Laziska ttieħdet debitament inkunsiderazzjoni fil‑premessa msemmija. B’hekk, kif intqal fil‑punt 87 iktar ’il fuq, il‑Kunsill spjega, fil‑premessa inkwistjoni, li, anki jekk id‑data li tikkonċerna lil dan il‑produttur tiġi eskluża mill‑analiżi tal‑ħsara, it‑tendenzi osservati fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja jibqgħu jindikaw l‑eżistenza ta’ ħsara. Issa, ir‑rikorrenti ma humiex jipprovaw jistabbilixxu li din il‑kunsiderazzjoni tal‑aħħar hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huma sempliċement isostnu li d‑diffikultajiet li ltaqgħet magħhom Huta Laziska mal‑fornitur tal‑elettriku tagħha kienu l‑kawża tal‑waqfien tal‑produzzjoni, sitwazzjoni din li l‑Kunsill aċċetta li jieħu inkunsiderazzjoni fil‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat.

90      Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tar‑Regolament Nru 1420/2007, kif tfakkar fil‑punti 50 u 51 iktar ’il fuq, huwa l‑kompitu tal‑istituzzjonijiet, fil‑kuntest tal‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jeżaminaw jekk l‑industrija Komunitarja ġarbitx ħsara u jekk din il‑ħsara hijiex imputabbli lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping jew jekk kienx hemm fatturi magħrufa oħra li kkontribwixxew għall‑ħsara. Din is‑setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata każ b’każ fid‑dawl tal‑fatti rilevanti kollha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑156/87, Ġabra p. I‑781, punt 43). Fi kwalunkwe każ, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, it‑trattament tas‑sitwazzjoni ta’ Huta Laziska, fir‑Regolament ikkontestat, ma huwiex kunsiderevolment differenti mit‑trattament li tingħatha fir‑Regolament Nru 1420/2007. L‑istess bħal fir‑Regolament ikkontestat, fir‑Regolament Nru 1420/2007 ma hemmx subdiviżjoni ddedikata għal Huta Laziska. Barra minn hekk, bħal fir‑Regolament ikkontestat, fir‑Regolament Nru 1420/20007 is‑sitwazzjoni ta’ Huta Laziska hija ttrattata fil‑kuntest tas‑subdiviżjoni ddedikata għall‑impatt tal‑evoluzzjoni tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni fuq il‑ħsara. Tista’ tiġi identifikata biss differenza waħda bejn ir‑Regolament Nru 1420/2007 u r‑Regolament ikkontestat. Filwaqt li, fir‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill ammetta, b’mod ipotetiku u għall‑finijiet biss li jiġi eskluż kull impatt fuq l‑evalwazzjoni tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, li l‑ħsara ta’ Huta Laziska setgħet kienet ikkawżata mit‑tilwima li kellha mal‑fornitur tal‑elettriku tagħha, fir‑Regolament Nru 1420/2007, il‑Kunsill ammetta li din it‑tilwima kif ukoll iż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑elettriku seta’ kellhom impatt fuq ir‑rendiment ta’ Huta Laziska, iżda li, b’mod ġenerali, l‑evoluzzjoni tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni ma kinitx ikkontribwixxiet għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

91      Minn dan isegwi li ebda wieħed mill‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑premessa 101 tar‑Regolament ikkontestat hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

92      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq fit‑trattament tal‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ FerroAtlántica u Vargön Alloys, għandu jiġi osservat, l‑ewwel nett, fir‑rigward ta’ FerroAtlántica, li r‑rikorrenti speċifikaw, matul is‑seduta, li huma kienu qegħdin jikkunsidraw li l‑waqfien tal‑produzzjoni minn din il‑kumpannija kien il‑kawża ta’ ħsara “ikkawżata fuqha stess”, sa fejn iż‑żieda fil‑prezz tal‑elettriku kienet wasslet lil FerroAtlántica sabiex tippreferi l‑bejgħ ta’ enerġija minflok il‑bejgħ ta’ ferrosilikon. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l‑uniku dokument li fuqu jibbażaw ruħhom ir‑rikorrenti sabiex jallegaw dan l‑allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni min‑naħa tal‑istituzzjonijiet huwa ittra mibgħuta minn FerroAtlántica lil Euroalliages fis‑26 ta’ Frar 2007. F’din l‑ittra, FerroAtlántica spjegat li, minħabba s‑sistema tariffarja tagħha, il‑produzzjoni ta’ ferrosilikon kienet twaqqfet matul is‑sigħat fejn id‑domanda għall‑elettriku tkun l‑iktar għolja u li l‑elettriku prodott minnha, matul dawn is‑sigħat, kien jinbiegħ mill‑ġdid. Din l‑ittra b’ebda mod ma tipprova li FerroAtlántica kienet twaqqaf il‑produzzjoni tagħha meta jiżdiedu l‑prezzijiet tal‑elettriku. Għaldaqstant, ir‑rikorrenti ma ressqu ebda element li jista’ jistabbilixxi li t‑tnaqqis fil‑produzzjoni min‑naħa ta’ FerroAtlántica, matul is‑sigħat fejn id‑domanda għall‑elettriku tkun l‑iktar għolja, kien ikkontribwixxa għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha u li l‑Kunsill kellu jieħdu inkunsiderazzjoni.

93      It‑tieni nett, fir‑rigward ta’ Vargön Alloys, ir‑rikorrenti sempliċement isostnu li din il‑kumpannija waqqfet il‑produzzjoni lejn nofs il‑perijodu ta’ investigazzjoni. Għalkemm huma jsostnu, f’dokument anness mar‑rikors, li dan il‑waqfien kien il‑konsegwenza tal‑livell tal‑prezzijiet tal‑elettriku, huma ma jressqu ebda prova insostenn ta’ din id‑dikjarazzjoni. Għaldaqstant, huma b’ebda mod ma juru li din il‑kumpannija kienet ikkontribwixxiet hija stess għall‑ħsara tagħha stess u li din il‑kumpannija ma waqqfitx il‑produzzjoni tagħha b’reazzjoni għall‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Għalhekk, ma jistax jingħad li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqas milli jiddedika argumenti speċifiċi għas‑sitwazzjoni ta’ Vargön Alloys.

94      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, dan l‑ilment tat‑tielet parti tal‑ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it‑tielet ilment, dwar l‑użu tal‑kapaċità ta’ produzzjoni nominali teoretika

–       L‑argumenti tal‑partijiet

95      Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kiser l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku kif ukoll id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom meta rrifjuta li juża l‑kapaċità ta’ produzzjoni reali minflok il‑kapaċità ta’ produzzjoni nominali teoretika.

96      Fl‑ewwel lok, il‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, l‑ewwel nett, injora numru ta’ elementi, bħall‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni u l‑waqfien fil‑provvista tal‑elettriku, li kellhom impatt sinjifikattiv fuq il‑fatturi ta’ ħsara importanti li huma l‑kapaċità ta’ produzzjoni u l‑użu tal‑kapaċità ta’ produzzjoni.

97      It‑tieni nett, ir‑rikorrenti josservaw li huwa żbaljat li jingħad, kif għamel il‑Kunsill, li, anki li kieku ntużat il‑kapaċità ta’ produzzjoni reali, ma kienx ikun hemm bidla fit‑tendenzi osservati fir‑rigward tal‑evoluzzjoni tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tal‑użu tal‑kapaċitajiet kif ukoll fil‑konklużjonijiet fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ ħsara. Fil‑fatt, jekk jitqies li t‑tendenzi osservati fir‑rigward tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tal‑użu tal‑kapaċitajiet baqgħu l‑istess, il‑fatt li, pereżempju, l‑użu tal‑kapaċitajiet inbidel minn 50 % għal 95 % huwa importanti sa fejn tali żieda tfisser li l‑industrija Komunitarja ma hijiex f’pożizzjoni li tissodisfa d‑domanda.

98      It‑tielet nett, skont ir‑rikorrenti, l‑affermazzjoni tal‑Kunsill li l‑kapaċità ta’ użu nominali teoretika tista’ tintuża, minħabba li l‑waqfien jew it‑tnaqqis tal‑produzzjoni ma seħħewx b’mod regolari, tirriżulta minn żball ta’ fatt serju u minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir‑rikorrenti josservaw, minn naħa, li l‑waqfien jew it‑tnaqqis fil‑produzzjoni seħħew b’mod regolari u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dan japplika b’mod partikolari għall‑waqfien tal‑produzzjoni minn FerroAtlántica, matul is‑sigħat fejn id‑domanda għall‑elettriku tkun l‑iktar għolja, waqfien li huwa partikolari għall‑mudell kummerċjali tagħha u li għalhekk twettaq b’mod regolari. Bl‑istess mod, l‑ifran tal‑ferrosilikon huma suġġetti għal manutenzjoni annwali, li matulha ma jkunux jistgħu jintużaw. Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑fatt li l‑kapaċità ta’ produzzjoni tiġi kkalkolata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss avvenimenti li jseħħu b’mod regolari jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’hekk, meta naqset il‑provvista tal‑elettriku tagħha, Huta Laziska sofriet diversi istanzi ta’ tnaqqis kunsiderevoli fil‑kapaċità tagħha li pprekludewha milli tipproduċi l‑ferrosilikon, irrispettivament mill‑kundizzjonijiet tas‑suq.

99      Fit‑tieni lok, skont ir‑rikorrenti, il‑fatt li l‑analiżi tar‑rabta kawżali tkun ibbażata fuq il‑kapaċità ta’ użu nominali teoretika u mhux fuq il‑kapaċità ta’ użu reali, jikser neċessarjament ir‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, kif prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, sa fejn dan iwassal sabiex tinħeba l‑kawża reali tal‑bidliet li jaffettwaw il‑figuri li jikkonċernaw il‑produzzjoni.

100    Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti jsostnu li r‑Regolament ikkontestat jikser id‑drittijiet tad‑difiża tagħha, sa fejn l‑affermazzjoni li t‑tendenzi kienu jibqgħu l‑istess anki li kieku ttieħdet inkunsiderazzjoni l‑kapaċità ta’ użu reali ma hijiex issostanzjata.

101    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

102    Fil‑kuntest ta’ dan l‑ilment, ir‑rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, meta użaw il‑kapaċità ta’ produzzjoni nominali teoretika, u mhux il‑kapaċità ta’ produzzjoni reali, l‑istituzzjonijiet, l‑ewwel nett, wettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żball ta’ fatt, it‑tieni nett, kisru l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku u, it‑tielet nett, kisru d‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

103    Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u tal‑iżball ta’ fatt li allegatament twettqu mill‑istituzzjonijiet, għandu jitfakkar li l‑Kummissjoni, fil‑premessi 92 u 93 tar‑Regolament provviżorju, spjegat kif stabbiliet il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni fuq il‑bażi tal‑kapaċitajiet nominali teoretiċi tal‑unitajiet ta’ produzzjoni tal‑industrija Komunitarja filwaqt li madankollu aġġustathom sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l‑fatt li matul il‑perijodu kkunsidrat żewġ produtturi Komunitarji kienu bidlu l‑orjentament ta’ parti mill‑produzzjoni tal‑ferrosilikon tagħhom lejn il‑produzzjoni ta’ ligi tal‑ħadid oħra. Barra minn hekk, fil‑premessa 81 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill wieġeb għall‑kritika magħmula fil‑konfront tal‑metodoloġija applikata fil‑premessa 93 tar‑Regolament provviżorju u, b’mod iktar partikolari, għas‑suġġerimenti li kienu saru minn uħud mill‑partijiet interessati, fil‑kuntest tal‑proċedura amministrattiv, sabiex tintuża ċifra li tieħu inkunsiderazzjoni l‑waqfien tal‑produzzjoni minħabba l‑qtugħ tal‑elettriku u għal raġunijiet ta’ manutenzjoni. F’dan id‑dawl il‑Kunsill irrefera għall‑investigazzjoni li, fil‑fehma tiegħu, kienet stabbilixxiet li l‑waqfien tal‑installazzjonijiet għal raġunijiet ta’ manutenzjoni jew minħabba l‑qtugħ tal‑elettriku kien ta’ natura temporanja u għalhekk ma kienx iseħħ b’mod regolari matul il‑perijodu kkunsidrat. Huwa spjega wkoll li, anki li kieku saru aġġustamenti fir‑rigward tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, ma kienx ikun hemm bidliet fl‑evoluzzjoni tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tal‑użu tal‑kapaċitajiet kif ukoll fil‑konklużjonijiet magħmula fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ ħsara sostanzjali.

104    Ir‑rikorrenti jikkunsidraw li dawn il‑kunsiderazzjonijiet huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari minħabba li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l‑waqfien u t‑tnaqqis fil‑produzzjoni. Għandu jiġi osservat li l‑allegazzjoni tar‑rikorrenti ma hijiex preċiża sa fejn dawn tal‑aħħar ma jispeċifikawx għal liema waqfien u bidliet fl‑orjentament qegħdin jirreferu. Madankollu, jekk jitqies li qegħdin jirreferu għall‑avvenimenti kkunsidrati fil‑kuntest tal‑eżami taż‑żewġ ilmenti preċedenti, jiġifieri l‑bidla fl‑orjentament u l‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ Huta Laziska u l‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ FerroAtlántica u Vargön Alloys, għandu jiġi kkonstatat, l‑ewwel nett, li r‑rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw li d‑deċiżjoni ta’ Huta Laziska, fl‑2004, li tibdel l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon lejn il‑produzzjoni tas‑silikomanganiż ittieħdet inkunsiderazzjoni fit‑tabella tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tal‑użu tal‑kapaċitajiet li tinsab fil‑premessa 93 tar‑Regolament provviżorju, u dan permezz ta’ aġġustament tal‑imsemmija kapaċitajiet għas‑sena 2005 u l‑perijodu ta’ investigazzjoni.

105    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ Huta Laziska, fl‑2005 u fl‑2006, minħabba tilwima mal‑fornitur tal‑elettriku tagħha, u min‑naħa ta’ Vargön Alloys, fl‑2006, minħabba, skont ir‑rikorrenti, iż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑elettriku, l‑approċċ tal‑istituzzjonijiet mhux biss jagħmel sens iżda huwa ħieles minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil‑fatt, mill‑premessa 81 tar‑Regolament ikkontestat jirriżulta li l‑istituzzjonijiet iddeċiedew li ma jaġġustawx iċ‑ċifri dwar il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni minħabba li l‑waqfien imsemmi kien ta’ natura temporanja. L‑approċċ tal‑istituzzjonijiet huwa korrett sa fejn, minn naħa, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, mill‑elementi fil‑proċess jirriżulta li l‑waqfien imsemmi kien fil‑fatt ta’ natura temporanja. Min‑naħa l‑oħra, li kieku ċ-ċifri dwar il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni kellhom jirriflettu l‑waqfien temporanju tal‑installazzjonijiet bħall‑waqfien li għalih qed isir riferiment hawnhekk, dawn iċ-ċifri kienu jitilfu l-funzjoni tagħhom, jiġifieri li jipprovdu indikazzjoni tal‑kapaċità ta’ produzzjoni tal‑industrija Komunitarja u mhux li jindikaw il‑varjazzjonijiet fil‑produzzjoni li jirriżultaw miċ-ċifri dwar il‑produzzjoni. Madankollu, sabiex l‑approċċ tal‑istituzzjonijiet ma jkunx ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, tali waqfien temporanju tal‑installazzjonijiet għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kuntest tal‑analiżi ta’ nuqqas ta’ impotazzjoni, prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku.

106    Issa, fil‑każ ineżami, l‑istituzzjonijiet sostnew, fil‑premessa 81 tar‑Regolament ikkontestat, li, anki li kieku saru aġġustamenti għall‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, il‑konklużjonijiet magħmula fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ ħsara sostanzjali mġarrba mill‑industrija Komunitarja kienu jibqgħu l‑istess. Għalkemm ir‑rikorrenti jallegaw li din id‑dikjarazzjoni hija żbaljata, huma madankollu ma jressqu ebda element sabiex jistabbilixxu li dan huwa l‑każ. Huma sempliċement isostnu li, anki jekk it‑tendenzi osservati fir‑rigward tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tal‑użu tal‑kapaċitajiet kienu jibqgħu l‑istess, il‑fatt li, pereżempju, l‑użu tal‑kapaċitajiet inbidel minn 50 % għal 95 % huwa importanti sa fejn tali żieda tfisser li l‑industrija Komunitarja ma hijiex f’pożizzjoni li tissodisfa d‑domanda. Apparti l‑fatt li l‑eżempju li għalih jirreferu r‑rikorrenti huwa purament teoretiku, il‑fatt li l‑industrija Komunitarja ma hijiex f’pożizzjoni li tissodisfa d‑domanda f’sitwazzjoni fejn, bħal fil‑każ ineżami, numru ta’ indikaturi ekonomiċi jindikaw ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, ma jipprovdi ebda indikazzjoni fir‑rigward tal‑oriġini ta’ din il‑ħsara u għalhekk, fih innifsu, ma jistax jistabbilixxi li l‑ħsara msemmija ma kinitx ikkawżata mill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

107    Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑waqfien tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ FerroAtlántica, diġà ġie stabbilit, fil‑punt 92 iktar ’il fuq, li r‑rikorrenti ma ressqu ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li dan it‑tnaqqis fil‑produzzjoni, li kien seħħ b’mod regolari, kien ikkontribwixxa għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha. Għalkemm, kif jenfasizzaw ir‑rikorrenti, aġġustament tal‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il‑waqfien seta’ jvarja r‑rata ta’ użu tal‑kapaċitajiet tal‑industrija Komunitarja, b’tali mod li jiġi stabbilit li din tal‑aħħar kienet inqas u inqas f’pożizzjoni li tissodisfa d‑domanda, diġà ġie osservat, fil‑punt 106 iktar ’il fuq, li, f’sitwazzjoni fejn numru ta’ indikaturi ekonomiċi jindikaw ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, tali fatt ma jistax, fih innifsu, jistabbilixxi li l‑ħsara ma kinitx ikkawżata mill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

108    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi l‑eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tal‑użu tal‑kapaċità nominali teoretika.

109    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑ksur tal‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, ma jistax jingħad, kif jagħmlu r‑rikorrenti, li l‑fatt li l‑analiżi tar‑rabta kawżali tkun ibbażata fuq il‑kapaċità ta’ użu nominali teoretika u mhux fuq il‑kapaċità ta’ użu reali, jikser neċessarjament ir‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni. Fil‑fatt, għandu jiġi osservat li, għalkemm ma hemm ebda dubju li l‑bidla fl‑użu tal‑mezzi ta’ produzzjoni minn suq għal ieħor, kif ġara fil‑każ ineżami, għandha twassal għal aġġustament tad‑data dwar il‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni, diġà ġie enfasizzat, fil‑punt 105 iktar ’il fuq, ma kienx meħtieġ li d‑data msemmija tirrifletti kull waqfien temporanju tal‑installazzjonijiet ta’ produzzjoni sa fejn dan il‑waqfien jidher fiċ-ċifri dwar il‑produzzjoni. Għall‑kuntrarju, f’tali ċirkustanzi, l‑istituzzjonijiet għandhom jiżguraw l‑osservanza tal‑obbligi previsti fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku u għandhom iwettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni kif meħtieġ, b’tali mod li l‑ħsara kkawżata, jekk ikun il‑każ, minn dan il‑waqfien temporanju tal‑produzzjoni tiġi separata u distinta mill‑ħsara kkawżata mill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping.

110    Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti, għandu jitfakkar li mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li r‑rekwiżiti li jirriżultaw mir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża ma japplikawx biss fil‑kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iżda anki fil‑kuntest tal‑proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l‑adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw l‑impriżi interessati b’mod dirett u individwali u li jistgħu jimplikaw konsegwenzi sfavorevoli għal dawn l‑impriżi (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al‑Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I‑3187, punt 15). B’mod partikolari, huwa meħtieġ li l‑impriżi interessati jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il‑fehma tagħhom dwar ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti u ċ‑ċirkustanzi allegati u dwar il‑provi kkunsidrati mill‑Kummissjoni insostenn tal‑allegazzjoni tagħha dwar l‑eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal‑ħsara li tirriżulta minnha (sentenza Al‑Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

111    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat, kif jagħmel il‑Kunsill, li l‑punt 80 tad‑dokument ta’ informazzjoni finali kien essenzjalment identiku għall‑premessa 81 tar‑Regolament ikkontestat, li tipprovdi li t‑tendenzi kienu jibqgħu l‑istess anki li kieku l‑kapaċitajiet ta’ produzzjoni kienu ġew aġġustati. Issa, fl‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni finali, ir‑rikorrenti ma talbux li ċ‑ċifri li fuqhom hija bbażata din l‑affermazzjoni jiġu kkomunikati lilhom. Għaldaqstant, huma ma jistgħux isostnu li d‑drittijiet tad‑difiża tagħhom kienu miksura.

112    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir‑raba’ lment, dwar l‑investimenti mwettqa mill‑industrija Komunitarja fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni

–       L‑argumenti tal‑partijiet

113    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser ir‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, kif prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, sa fejn naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, fir‑Regolament ikkontestat, l‑effetti ta’ investimenti sostanzjali mwettqa mill‑industrija Komunitarja fl‑2005 u fil‑perijodu ta’ investigazzjoni, liema investimenti jammontaw, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, għal iktar minn terz tat‑telf totali tal‑industrija Komunitarja. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jenfasizzaw li l‑istituzzjonijiet osservaw, fil‑premessa 99 tar‑Regolament provviżorju, li l‑industrija Komunitarja kienet investiet kważi EUR 10 miljuni fl‑2005 u kważi EUR 6 miljuni matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, investimenti dawn maħsuba sabiex jiġi mmodernizzat it‑tagħmir ta’ produzzjoni. Skont ir‑rikorrenti, fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑portata tal‑investimenti msemmija meta mqabbla mal‑profitabbiltà tal‑industrija, l‑effetti ta’ dawn l‑investimenti kien imisshom ġew eżaminati anki jekk jiġu amortizzati fuq perijodu twil u irrispettivament mit‑tweġiba għall‑kwistjoni ta’ jekk il‑konformità mal‑leġiżlazzjoni ambjentali vinkolanti kinitx tikkostitwixxi ħsara li l‑industrija Komunitarja kkawżat lilha nnifisha.

114    Fl‑ewwel lok, il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, iwieġeb li r‑rikorrenti jesaġeraw il‑portata tal‑investimenti u l‑effett tagħhom fuq il‑profittabbiltà. L‑investimenti totali mwettqa matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni ma jistgħux jitqabblu mat‑telf totali rreġistrat matul dan il‑perijodu. Skont il‑Kunsill, sa fejn l‑investimenti inkwistjoni kienu investimenti fit‑tagħmir tal‑produzzjoni li ġew amortizzati fuq diversi snin, kienet biss parti żgħira mill‑investimenti mwettqa fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni li kellha impatt fuq il‑profitt. Fit‑tieni lok, sa fejn l‑investimenti twettqu sabiex l‑industrija tikkonforma ruħha ma’ leġiżlazzjoni ambjentali vinkolanti, dawn l‑investimenti ma jistgħux jitqiesu bħala ħsara li l‑industrija “ikkawżat lilha nnifisha”. Fit‑tielet lok, l‑effett tal‑investimenti msemmija fuq l‑indikaturi ta’ ħsara kien ittieħed inkunsiderazzjoni fil‑premessi 99, 100 u 109 tar‑Regolament provviżorju kif ukoll fil‑premessa 82 tar‑Regolament ikkontestat. Fir‑raba’ lok, ir‑rikorrenti ma ressqu ebda element li permezz tiegħu jista’ jiġi stabbilit li l‑istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludew li l‑investimenti inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu ħsara li l‑industrija kienet “ikkawżat lilha nnifisha”.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

115    Ir‑rikorrenti essenzjalment jallegaw li l‑istituzzjonijiet kisru l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku sa fejn naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l‑effetti ta’ investimenti sostanzjali mwettqa mill‑industrija Komunitarja fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, liema investimenti jammontaw, għal iktar minn terz tat‑telf totali tal‑industrija Komunitarja.

116    F’dan ir‑rigward għandu jiġi osservat, kif jagħmlu r‑rikorrenti, li mill‑premessa 99 tar‑Regolament provviżorju jirriżulta li fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni kienu saru investimenti sostanzjali. Madankollu, dawn l‑investimenti ma kienu s‑suġġett ta’ ebda analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, la mill‑Kummissjoni fir‑Regolament provviżorju, u lanqas mill‑Kunsill fir‑Regolament ikkontestat. B’hekk, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Kunsill, ir‑regolamenti msemmija ma jindirizzawx il‑kwistjoni ta’ jekk l‑investimenti msemmija jikkostitwixxux jew le ħsara li l‑industrija kienet “ikkawżat lilha nnifisha”. Issa, fid‑dawl tal‑ammonti ta’ dawn l‑investimenti, jiġifieri kważi EUR 10 miljuni fl‑2005 u kważi EUR 6 miljuni matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, l‑investimenti msemmija setgħu kkontribwixxew għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l‑istituzzjonijiet kisru l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku meta naqsu milli jisseparaw u jiddistingwu l‑effetti tal‑investimenti msemmija minn dawk tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

117    Din il‑konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill‑argumenti tal‑Kunsill. L‑ewwel nett, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallega dan tal‑aħħar, il‑fatt li l‑investimenti twettqu sabiex l‑industrija tikkonforma ruħha ma’ leġiżlazzjoni ambjentali vinkolanti ma kienx ifisser li l‑istituzzjonijiet setgħu jaħarbu mill‑obbligu tagħhom li jwettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni. Il‑kwistjoni ta’ jekk il‑ħsara tiġix ikkunsidrata jew le bħala ħsara li l‑industrija tkun “ikkawżat lilha nnifisha” ftit hija importanti sa fejn l‑investimenti seta’ kellhom effett fuq l‑industrija Komunitarja u sa fejn l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku kien jipprekludi lill‑istituzzjonijiet milli jimputaw ħsara lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping meta tali ħsara ma kellhiex tiġi hekk imputata.

118    It‑tieni nett, kif josserva l‑Kunsill, huwa veru li l‑investimenti totali mwettqa matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni ma jistgħux jitqabblu mat‑telf irreġistrat matul dan l‑istess perijodu. Madankollu, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑istituzzjonijiet ma wettqux analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni kif suppost fir‑rigward tal‑investimenti.

119    Għalkemm il‑Kunsill kiser ir‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni li tinsab fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, tali ksur jiġġustifika l‑annullament tar‑Regolament ikkontestat biss jekk dan il‑ksur jista’ jdaħħal inkwistjoni l‑legalità ta’ dan ir‑regolament billi jinvalida l‑analiżi kollha tal‑istituzzjonijiet fir‑rigward tar‑rabta kawżali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shangahi Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 167). Issa, ir‑rikorrenti ma ressqu ebda argument f’dan ir‑rigward.

120    Il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan il‑ksur ma jaffettwax il‑legalità tar‑Regolament ikkontestat. Fil‑fatt, kif josserva l‑Kunsill, l‑investimenti inkwistjoni kienu investimenti f’tagħmir ta’ produzzjoni amortizzati fuq diversi snin u li parti minnhom biss kellha impatt fuq il‑profittabbiltà tal‑industrija Komunitarja fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni. F’dan ir‑rigward, bi tweġiba għal mistoqsija bil‑miktub li saritlu mill‑Qorti Ġenerali permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, il‑Kunsill speċifika, fuq il‑bażi ta’ ċifri u ta’ spejgazzjonijiet preċiżi, li l‑investimenti mwettqa fl‑2005 kienu responsabbli għal mhux iktar minn 4.7 % tat‑telf ta’ profittabbiltà tal‑industrija Komunitarja osservat fl‑2005. Madankollu, l‑investimenti msemmija ma jistgħux jitqiesu li kkontribwixxew, b’mod sinjifikattiv, għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni.

121    Minn dan isegwi li l‑ksur ikkonstatat ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l‑legalità tar‑Regolament ikkontestat u li dan l‑ilment għandu jiġi miċħud, kif ukoll it‑tielet parti tal‑ewwel motiv fl‑intier tagħha.

c)     Fuq ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑impatt taż‑żieda fl‑ispiża tal‑materji primi

 L‑argumenti tal‑partijiet

122    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet ma ħadux inkunsiderazzjoni, b’mod adegwat, l‑impatt taż‑żieda fl‑ispiża tal‑materji primi fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, u b’hekk wettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

123    Fl‑ewwel lok, il‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostna, fil‑premessa 99 tar‑Regolament ikkontestat, li ż‑żidiet fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni osservati fis‑settur tal‑ligi kienu seħħew fuq livell mondjali u għalhekk kellhom l‑istess impatt fuq is‑settur fuq livell mondjali. Fil‑fehma tar‑rikorrenti, għalkemm l‑ispejjeż tal‑produzzjoni jistgħu jiżdiedu fuq livell mondjali, tali żieda ma għandhiex l‑istess impatt fid‑dinja kollha.

124    Fil‑fatt, l‑ewwel nett, il‑Kunsill ma ħax inkunsisderazzjoni l‑fatt li l‑produtturi Komunitarji għandhom, fundamentalment, spejjeż ta’ produzzjoni ogħla mill‑bqija tal‑produtturi mondjali. Skont ir‑rikorrenti, anki meta l‑produtturi kollha jaffrontaw żieda analoga fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni, dawk li jkollhom spejjeż bażiċi ogħla jġarrbu ħsara iktar sostanzjali u b’mod iktar mgħaġġel mill‑oħrajn. Għaldaqstant, fil‑fehma tar‑rikorrenti, għall‑kuntrarju ta’ dak li l‑Kunsill sostna fir‑Regolament ikkontestat, produttur ta’ pajjiż terz ma jkunx neċessarjament marbut li jżid il‑prezzijiet tiegħu b’mod daqstant sostanzjali bħal prodottur Komunitarju li jkollu jaffronta l‑istess żieda fl‑ispejjeż sa fejn, fir‑rigward ta’ prezz ta’ bejgħ partikolari, il‑prodottur tal‑pajjiż terz igawdi minn profittabbiltà inizjali iktar favorevoli.

125    Issa, qabel kollox, l‑istituzzjonijiet kellhom informazzjoni li turi li l‑produtturi Komunitarji kellhom spejjeż strutturali ta’ produzzjoni tal‑ferrosilikon ogħla minn dawk tal‑produtturi tal‑pajjiżi koperti mill‑proċedura antidumping. Ir‑rikorrenti jitolbu lill‑Qorti Ġenerali tordna l‑produzzjoni ta’ din l‑informazzjoni. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jsostnu li huma ppreżentaw, matul il‑proċedura amministrattiva, elementi intiżi li jistabbilixxu li, fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon Komunitarju kienu l‑ogħla fid‑dinja u li l‑ispejjeż ta’ produzzjoni tal‑industrija Komunitarja kienu dejjem iktar ogħla minn dawn il‑prezzijiet. Ir‑rikorrenti josservaw ukoll li, fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, meta l‑ispejjeż tal‑industrija Komunitarja żdiedu b’mod spettakulari, il‑prezzijiet fuq is‑swieq mondjali kollha naqsu minħabba li naqas il‑konsum. Minkejja li l‑industrija Komunitarja kienet tapplika l‑ogħla prezzijiet fid‑dinja, hija rreġistrat telf, fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, minħabba ż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha.

126    It‑tieni nett, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet ma ħadux inkunsiderazzjoni l‑fatt li, anki li kieku l‑prezzijiet applikati fis‑swieq kollha kienu ekwivalenti fil‑livell makroekonomiku, fid‑dawl tad‑differenzi mikroekonomiċi, il‑produtturi Komunitarji kienu affettwati iktar miż‑żieda fl‑ispiża tal‑inputs milli kienu l‑produtturi tal‑pajjiżi kkonċernati mill‑investigazzjoni antidumping. Fil‑fatt, minn naħa, il‑parti l‑kbira tal‑produtturi stabbiliti fil‑pajjiżi msemmija huma integrati vertikalment, sitwazzjoni din li tipproteġihom min‑natura volatili tal‑prezzijiet fis‑swieq mondjali, filwaqt li ebda produttur Komunitarju ma huwa integrat vertikalment b’mod komparabbli. Min‑naħa l‑oħra, il‑produtturi Komunitarji ma jibbenefikawx mill‑istess ekonomiji fil‑kobor bħall‑produtturi stabbiliti fil‑pajjiżi kkonċernati mill‑investigazzjoni antidumping. Pereżempju, Erdos Xijin Kuangye Co., Ltd, waħda mill‑produtturi ta’ ferrosilikon Ċiniżi, għandha kapaċità ta’ produzzjoni kważi darbtejn daqs dik tal‑produtturi Komunitarji kollha f’daqqa. Minħabba f’hekk l‑ispiża tal‑produzzjoni għal kull unità hija ġeneralment inqas f’pajjiżi terzi.

127    Fit‑tieni lok, l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostnew, fil‑premessa 132 tar‑Regolament provviżorju, bi tweġiba għall‑argument li ż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni kienet ikkawżat ħsara, li l‑prezzijiet tal‑enerġija kienu żdiedu fid‑dinja kollha, f’xi każijiet b’mod iktar kunsiderevoli milli fl‑Ewropa. Fil‑fatt, l‑osservanza tar‑rekwiżit ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni ma tkunx żgurata bis‑sempliċi paragun tal‑prezzijiet tal‑elettriku fid‑dinja kollha jew fil‑pajjiżi kkonċernati mill‑investigazzjoni antidumping mal‑prezzijiet applikati fl‑Ewropa. Fil‑fehma tar‑rikorrenti, l‑istituzzjonijiet kienu obbligati jidentifikaw l‑impatt taż‑żieda fil‑prezzijiet tal‑elettriku fuq l‑industrija Komunitarja u li jiddistingwu dan l‑impatt mill‑impatt tal‑importazzjonijiet tal‑ferrosilikon. B’mod iktar preċiż, l‑ewwel nett, l‑istituzzjonijiet la ħadu inkunsiderazzjoni d‑data ta’ Eurostat u lanqas ma ħadu inkunsiderazzjoni l‑investigazzjonijiet tagħhom stess dwar is‑suq tal‑elettriku Komunitarju, li kienu kollha jindikaw żieda sostanzjali fl‑ispejjeż tal‑enerġija fl‑Istati Membri fejn kienu stabbiliti l‑produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon. It‑tieni nett, sa fejn il‑prezzijiet tal‑elettriku jvarjaw b’mod kunsiderevoli fi ħdan l‑Unjoni, l‑istituzzjonijiet kien imisshom ipparagunaw iċ‑ċifri reali tal‑produtturi Komunitarji ma’ dawk tal‑produtturi stabbiliti fil‑pajjiżi kkonċernati mill‑investigazzjoni antidumping. It‑tielet nett, il‑livell tal‑prezzijiet tal‑elettriku fil‑livell mondjali ma huwiex rilevanti iżda hija rilevanti biss iż‑żieda fil‑prezzijiet tal‑elettriku fil‑pajjiżi produtturi tal‑ferrosilikon meta mqabbla maż‑żieda tal‑industrija Komunitarja. Ir‑raba’ nett, skont ir‑rikorrenti, anki jekk il‑prezzijiet tal‑enerġija f’pajjiżi terzi setgħu żdiedu, dawn il‑prezzijiet xorta waħda baqgħu inqas minn dawk sostnuti mill‑industrija Komunitarja, u dan ippermetta lill‑produtturi tal‑ferrosilikon stabbiliti f’pajjiżi terzi sabiex ikomplu jiġġeneraw profitti filwaqt li l‑industrija Komunitarja kienet qiegħda tirreġistra telf.

128    Fit‑tielet lok, fil‑premessa 92 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill wettaq żball manifest fl‑interpretazzjoni tad‑dokument ta’ ħidma tas‑servizzi tal‑Kummissjoni, intitolat “Analysis of economic indicators of the EU metals industry : the impact of raw materials and energy supply on competitiveness” (“Analiżi tal‑indikaturi ekonomiċi tal‑industrija Ewropea tal‑metalli: impatt tal‑provvista tal‑materji primi u tal‑enerġija fuq il‑kompetittività”, iktar ’il quddiem id‑“dokument ta’ ħidma tal‑Kummissjoni”), li fuqu l‑Kunsill ibbaża ruħu sabiex jiċħad l‑argument li l‑industrija Komunitarja kienet qiegħda tbati minn nuqqas ta’ kompetittività minħabba l‑istruttura tal‑ispejjeż tagħha. Issa, skont ir‑rikorrenti, dan id‑dokument jindika b’mod ċar li l‑industrija tal‑ħadid Komunitarja kienet qiegħda ġġarrab pressjoni dejjem ikbar min‑naħa tal‑kompetituri li l‑istruttura tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħhom hija differenti. B’mod iktar partikolari, id‑dokument jindika li l‑bejgħ, mill‑produtturi Komunitarji, tal‑ligi tal‑ħadid li l‑produzzjoni tagħhom teħtieġ l‑iktar enerġija, jiġifieri s‑silikonmetal u l‑ferrosilikon, huwa vulnerabbli minħabba n‑nuqqas ta’ kompetittività ta’ dawn il‑produtturi fir‑rigward tal‑ispejjeż.

129    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

130    Din il‑parti tal‑ewwel motiv tikkonċerna l‑mod kif l‑istituzzjonijiet analizzaw l‑impatt taż‑żieda fl‑ispiża tal‑materji primi fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Essenzjalment, ir‑rikorrenti qegħdin isostnu li twettqu tliet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Fil‑fehma tagħhom, dawn it‑tliet żbalji jivvizzjaw il‑premessi 92 u 99 tar‑Regolament ikkontestat kif ukoll il‑premessa 132 tar‑Regolament provviżorju.

131    Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑premessa 99 tar‑Regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li din il‑premessa tipprovdi dan li ġej:

“Rigward iż‑żidiet fl‑ispiża, l‑industrija tal‑Komunità allegat li ż‑żidiet fl‑ispiża osservati fl‑industrija ta’ l‑allojs ġeneralment iseħħu fuq skala dinjija u hekk jaffettwaw ugwalment l‑industrija madwar id‑dinja. Analiżi ta’ l‑iżvilupp tal‑prezz ta’ oġġetti ewlenin matul il‑perjodu kkunsidrat juri li l‑ispejjeż żdiedu (l‑elettriku, quartzite u electrode paste). Madankollu, l‑investigazzjoni wriet li anke jekk dawn iż‑żidiet kienu parzjalment kumpensati minn żidiet fil‑prezz tal‑bejgħ, il‑preżenza ta’ importazzjonijiet dumped bi prezz baxx ma ħallietx lill‑industrija tal‑Komunità li tgħaddi l‑effett sħiħ taż‑żidiet fl‑ispejjeż fuq il‑prezz tal‑bejgħ.”

132    Ir‑rikorrenti jallegaw li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostna li ż‑żidiet fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni osservati fis‑settur tal‑ligi kienu seħħew fuq livell mondjali u għalhekk kellhom l‑istess impatt fuq is‑settur fuq livell mondjali.

133    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, il‑Kunsill b’ebda mod ma sostna, fil‑premessa 99 tar‑Regolament ikkontestat, li ż‑żidiet fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni osservati fis‑settur tal‑ligi kienu seħħew fuq livell mondjali u li għalhekk kellhom l‑istess impatt fuq is‑settur fuq livell mondjali. Mill‑formulazzjoni ta’ din il‑premessa jirriżulta b’mod ċar li l‑Kunsill sempliċement irriproduċa din id‑dikjarazzjoni kif kienet saret mill‑industrija Komunitarja.

134    Barra minn hekk, il‑Kunsill b’ebda mod ma bbaża ruħu fuq din id‑dikjarazzjoni tal‑industrija Komunitarja sabiex jiġġustifika l‑konklużjoni, li kienet diġà ġiet ifformulata fil‑premessa 133 tar‑Regolament provviżorju, li ż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni ma kinitx kisret ir‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara. B’hekk, fil‑premessa 99 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill ikkunsidra ż‑żieda f’ċerti spejjeż tal‑produzzjoni iżda kkonkluda li din iż‑żieda setgħet tiġi kkumpensata biss parzjalment b’żidiet fil‑prezzijiet, u dan minħabba l‑preżenza tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Fi kliem ieħor, skont il‑Kunsill, għalkemm huwa minnu li kien hemm żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni, il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja ma rriżultatx minn din iż‑żieda iżda mill‑fatt li kien impossibbli li din iż‑żieda tiġi ttrasferita kompletament fuq il‑prezzijiet tal‑bejgħ, u dan minħabba l‑preżenza tal‑importazzjonijiet kontenzjużi.

135    Issa, ir‑rikorrenti ma jressqu ebda argument ta’ natura li jistabbilixxi li l‑Kunsill, meta għamel dan, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, u dan sa fejn huma sempliċement jipprovaw juru li l‑Kunsill żbalja meta sostna li ż‑żidiet fl‑ispejjeż kellhom l‑istess impatt fuq livell mondjali. Għaldaqstant, l‑argument tar‑rikorrenti dwar il‑premessa 99 tar‑Regolament ikkontestat għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi ordnata l‑produzzjoni ta’ dokumenti.

136    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑argument dwar il‑premessa 132 tar‑Regolament provviżorju, għandu jitfakkar li l‑Kummissjoni kkonstatat, f’din il‑premessa, minn naħa, li l‑ispejjeż tal‑elettriku kienu jikkostitwixxu parti importanti mill‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑prodott ikkonċernat u, min‑naħa l‑oħra, li l‑investigazzjoni kienet uriet li l‑prezzijiet tal‑enerġija kienu żdiedu mad‑dinja kollha, inkluż fil‑pajjiżi kkonċernati, u dan xi drabi b’mod iktar sostanzjali milli fl‑Unjoni. Fil‑premessa 133 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni kkunsidrat li, f’dan il‑kuntest, il‑kwistjoni tal‑enerġija ma kinitx ta’ natura li tikser ir‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

137    Ir‑rikorrenti jikkontestaw dawn il‑premessi għar‑raġuni li, sabiex tikkonforma ruħha mar‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, il‑Kummissjoni ma setgħetx sempliċement issostni, b’mod ġenerali u mhux sostanzjat, li l‑prezzijiet tal‑enerġija kienu żdiedu mad‑dinja kollha, u f’ċerti każijiet b’mod iktar sostanzjali milli fl‑Unjoni. Madankollu, iż‑żewġ raġunijiet invokati mir‑rikorrenti insostenn ta’ dan l‑argument ma humiex konvinċenti.

138    Fil‑fatt, minn naħa, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kummissjoni kien imissha analizzat id‑data ta’ Eurostat kif ukoll ir‑riżultati tal‑investigazzjonijiet tagħha stess dwar is‑suq tal‑elettriku, li juru, skont ir‑rikorrenti, li l‑prezzijiet tal‑elettriku kienu żdiedu b’mod kunsiderevoli fl‑Istati Membri fejn huma stabbiliti l‑produtturi Komunitarji. Madankollu, ir‑rikorrenti ma jressqu ebda prova insostenn ta’ din id‑dikjarazzjoni.

139    Min‑naħa l‑oħra, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kummissjoni kien imissha wettqet paragun taċ-ċifri dwar il‑produtturi Komunitarji u dwar il‑produtturi/esportaturi koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni. Ir‑rikorrenti, madankollu, ma jipproduċu ebda prova intiża sabiex jiġi stabbilit li tali paragun taċ‑ċifri kien se jkun ta’ natura li jistabbilixxi li ż‑żieda fl‑ispiża tal‑enerġija fil‑Komunità kienet ta’ natura tali li kkawżat il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Għaldaqstant, l‑argument tar‑rikorrenti dwar il‑premessa 132 tar‑Regolament provviżorju għandu jiġi miċħud.

140    Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑argument dwar il‑premessa 92 tar‑Regolament ikkontestat, għandu jiġi osservat li l‑Kunsill f’din il‑premessa indirizza l‑kwistjoni tal‑kompetittività tal‑industrja Komunitarja u d‑dokument ta’ ħidma tal‑Kummissjoni li jistabbilixxi, skont ir‑rikorrenti, in‑nuqqas ta’ kompetittività tal‑industrija Komunitarja minħabba l‑ispejjeż għolja li din l‑industrija kellha taffronta. Fil‑premessa msemmija, il‑Kunsill ikkunsidra li l‑Kummissjoni, f’dan id‑dokument, ma tislet ebda konklużjoni dwar eventwali nuqqas ta’ kompetittività tas‑settur Ewropew tal‑ligi tal‑ħadid. Għall‑kuntrarju, skont il‑Kunsill, dan id‑dokument ta’ ħidma jgħid li l‑produtturi tal‑ligi tal‑ħadid jaffrontaw importazzjonijiet dejjem iktar voluminużi li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħaċ‑Ċina, ir‑Russja, l‑Ukraina, il‑Brażil u l‑Każakistan, sitwazzjoni din li setgħet tiżviluppa f’theddida għall‑vijabbiltà fit‑tul tas‑settur Ewropew tal‑ligi tal‑ħadid jekk ma jiġux żgurati malajr kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti mal‑kompetituri minn pajjiżi terzi.

141    Ir‑rikorrenti jikkunsidraw li l‑Kunsill interpreta b’mod żbaljat dan id‑dokument ta’ ħidma. B’mod partikolari, huma jikkunsidraw li l‑Kummissjoni f’dan id‑dokument ikkonfermat b’mod partikolari li l‑bejgħ Komunitarju ta’ ferrosilikon kien vulnerabbli fid‑dawl tan‑nuqqas ta’ kompetittività tiegħu fir‑rigward tal‑ispejjeż.

142    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat, kif għamlu r‑rikorrenti, li d‑dokument ta’ ħidma tal‑Kummissjoni jindika li l‑industrija tal‑ħadid Komunitarja kienet taħt pressjoni dejjem ikbar min‑naħa tal‑kompetituri li l‑istruttura tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħhom hija differenti u li jibbenefikaw minn aċċess għall‑materji primi u/jew għal enerġija irħisa.

143    Madankollu, il‑Qorti Ġenerali ma taqbilx mal‑interpretazzjoni tar‑rikorrenti fir‑rigward tal‑vulnerabbiltà tal‑produtturi Komunitarji tal‑ferrosilikon minħabba l‑istruttura tal‑ispejjeż tagħhom. B’hekk, ir‑rikorrenti jirreferu għal silta mid‑dokument ta’ ħidma fejn jingħad li “il‑produtturi Komunitarji tal‑ligi tal‑ħadid, b’mod partikolari tas‑silikonmetall u tal‑ferrosilikon, jaffrontaw żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħaċ‑Ċina, ir‑Russja, l‑Ukraina, il‑Brażil u l‑Każakistan” u fejn jiġi ppreċiżat li, “[s]akemm ma jiġux stabbiliti mingħajr dewmien kundizzjonijiet ġusti mal‑kompetituri minn pajjiżi terzi, il‑kapaċità tal‑industrija Komunitarja tal‑ligi tal‑ħadid li ssostni lilha nnifisha fit‑tul tista’ tkun mheddha”. Issa, la mill‑formulazzjoni u lanqas mill‑kuntest ta’ dawn is‑sentenzi ma jirriżulta li l‑bejgħ Komunitarju tal‑ferrosilikon huwa vulnerabbli fid‑dawl tan‑nuqqas ta’ kompetittività tal‑produtturi Komunitarji fir‑rigward tal‑ispejjeż. Min‑naħa, ma jkunx jagħmel sens jekk ir‑riferiment għall‑istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ġusti mal‑kompetituri minn pajjiżi terzi jiġi interpretat fis‑sens li l‑produtturi Komunitarji huma vulnerabbli minħabba l‑istruttura tal‑ispejjeż tagħhom. Huwa ħafna iktar raġonevoli li jitqies li l‑intenzjoni tal‑Kummissjoni kienet li tagħmel riferiment għall‑prezzijiet anormalment baxxi applikati mill‑produtturi/esportaturi ta’ pajjiżi terzi. Min‑naħa l‑oħra, il‑Kummissjoni semmiet, fl‑aħħar tal‑paragrafu fejn jinsab dan ir‑riferiment, il‑miżuri antidumping dwar il‑ferromolibdenum, u dan pjuttost juri li, meta l‑Kummissjoni semmiet l‑istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ġusti mal‑kompetituri minn pajjiżi terzi, hija kienet qiegħda tirreferi għall‑adozzjoni eventwali ta’ miżuri antidumping.

144    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ebda wieħed mill‑argumenti invokati mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li juri li l‑Kunsill, fil‑premessa 92 tar‑Regolament ikkontestat, interpretata b’mod żbaljat id‑dokument ta’ ħidma tal‑Kummissjoni u wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tal‑impatt tal‑istruttura tal‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja fuq il‑ħsara mġarrba minn din tal‑aħħar.

145    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

d)     Fuq il‑ħames parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑effetti tan‑nuqqas fid‑domanda fl‑2005

 L‑argumenti tal‑partijiet

146    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑premessa 81 tar‑Regolament provviżorju hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn tipprovdi li l‑konsum Komunitarju tal‑ferrosilikon baqa’ stabbli matul il‑perijodu kkunsidrat, ħlief għall‑2003 u għall‑2004 fejn dan il‑konsum żdied b’6 % minħabba domanda eċċezzjonali mill‑industrija tal‑azzar. B’hekk, il‑Kunsill għamel evalwazzjoni żbaljata tal‑impatt tal‑evoluzzjoni tad‑domanda u, b’mod żbaljat, jattribwixxi t‑tnaqqis fil‑prezzijiet għall‑importazzjonijiet kontenzjużi, bi ksur tal‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku.

147    Fil‑fatt, skont ir‑rikorrenti, il‑konsum Komunitarju ma baqax stabbli matul il‑perijodu kkunsidrat. F’dan is‑sens, ir‑rikorrenti josservaw li, bejn l‑2004 u l‑2005, il‑konsum Komunitarju naqas b’4.4 %. Dan it‑tnaqqis fid‑domanda kien ikkawżat minn staġnar, u sussegwentement minn kollass, fid‑domanda li kellhom impatt negattiv sostanzjali fuq il‑prezzijiet applikati fil‑Komunità. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jsostnu li, f’suq trasparenti u kompetittiv bħal dak tal‑ferrosilikon, il‑prezzijiet huma ddeterminati fl‑ewwel lok mill‑varjazzjonijiet fil‑provvista u fid‑domanda mondjali kif ukoll, sa ċertu punt, mill‑ispejjeż tal‑produzzjoni. Matul perijodi fejn id‑domanda tkun iktar b’saħħitha u/jew il‑provvista limitata, il‑prezzijiet jiżdiedu filwaqt li, matul perijodu fejn id‑domanda tonqos u/jew il‑provvista tiżdied, il‑prezzijiet jonqsu, kif irrikonoxxiet espliċitament il‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza tagħha Aluminium Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 27 iktar ’il fuq, fir‑rigward ta’ liga tal‑ħadid oħra, is‑silikonmetall. Għalhekk, il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità kienu naqsu filwaqt li l‑ispejjeż tal‑produzzjoni sostnuti mill‑produtturi Komunitarji kienu qabżu l‑prezzijiet tas‑suq, sitwazzjoni din li wasslet sabiex l‑industrija Komunitarja tirreġistra telf sinjifikattiv.

148    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

149    Permezz ta’ din il‑parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment jikkontestaw l‑evalwazzjoni mill‑istituzzjonijiet tal‑impatt tal‑evoluzzjoni tad‑domanda, matul il‑perijodu kkunsidrat. Huma jqisu, b’mod partikolari, li l‑premessa 81 tar‑Regolament provviżorju hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

150    Għandu jitfakkar li, fil‑premessa 81 tar‑Regolament provviżorju, hemm tabella li tinkludi ċ-ċifri dwar il‑konsum Komunitarju, għall‑perijodu kkunsidrat, kif ukoll dan il‑kumment tal‑Kummissjoni: “[i]l‑konsum tal‑Komunità tal‑[ferrosilikon] baqa’ pjuttost stabbli matul il‑perjodu meqjus [ikkunsidrat] bl‑eċċezzjoni ta’ l‑2003 u l‑2004 meta żdied b’6 % minħabba d‑domanda kbira eċċezzjonali mill‑industrija ta’ l‑azzar”. Għandu jiġi osservat ukoll li, fil‑premessa 124 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni, fil‑kuntest tal‑analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, tosserva dan li ġej:

“[...] il‑konsum li jidher li hemm tal‑[ferrosilikon] fis‑suq tal‑Komunità bl‑eċċezzjoni ta’ l‑2004 kien pjuttost stabbli matul il‑perjodu meqjus [ikkunsidrat]. Għalhekk, il‑ħsara materjali li saret lill‑industrija Komunitarja ma tistax tiġi attribwita lit‑tnaqqis fid‑domanda fis‑suq tal‑Komunità.”

151    Ir‑rikorrenti jikkunsidraw li dawn l‑affermazzjonijiet huma żbaljati sa fejn il‑konsum Komunitarju ma baqax stabbli matul il‑perijodu kkunsidrat iżda naqas b’4.4 % bejn l‑2004 u l‑2005.

152    F’dan ir‑rigward, l‑ewwel nett, għandu jiġi osservat, kif għamel il‑Kunsill, li r‑rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw l‑eżattezza taċ-ċifri li jinsabu fil‑premessa 81 tar‑Regolament provviżorju. Kif josserva l‑Kunsill, it‑tilwima bejn il‑partijiet tikkonċerna biss l‑interpretazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri.

153    It‑tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti jiżnaturaw il‑kunsiderazzjonijiet magħmula mill‑Kummissjoni fil‑premessa 81 tar‑Regolament provviżorju. F’dan is‑sens, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, il‑Kummissjoni ma ddikjaratx biss li l‑konsum Komunitarju kien baqa’ stabbli, iżda osservat li dan il‑konsum kien żdied bejn l‑2003 u l‑2004 minħabba ż‑żieda fid‑domanda mis‑settur tal‑azzar. Barra minn hekk, mill‑premessa 124 tar‑Regolament provviżorju jirriżulta li hija ħadet inkunsiderazzjoni l‑varjazzjoni fil‑konsum fl‑2004, fil‑kuntest tal‑analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, iżda kkunsidrat li, minkejja din il‑varjazzjoni, il‑konsum kellu jitqies bħala globalment stabbli, u dan kien ifisser li l‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja ma setgħetx tiġi imputata lil tnaqqis fid‑domanda Komunitarja. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni ssodisfat l‑obbligu tagħha taħt l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, jiġifieri li tissepara u tiddistingwi l‑ħsara kkawżata speċifikament mit‑tnaqqis fid‑domanda jew mill‑bidliet fil‑konfigurazzjoni tal‑konsum.

154    Fl‑aħħar nett, ebda wieħed mill‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑konklużjoni tal‑Kummissjoni li tinsab fil‑premessa 124 tar‑Regolament provviżorju tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil‑fatt, ir‑rikorrenti sempliċement jipproponu l‑interpretazzjoni tagħhom taċ‑ċifri li jinsabu fil‑premessa 81 tar‑Regolament provviżorju iżda b’ebda mod ma jispjegaw kif l‑intepretazzjoni ta’ dawn iċ‑ċifri kif proposta mill‑istituzzjonijiet tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li huwa possibbli li, kif isostnu r‑rikorrenti, it‑tnaqqis fil‑konsum Komunitarju ta’ 4.4 %, osservat bejn l‑2004 u l‑2005, kellu impatt negattiv fuq il‑prezzijiet applikati fil‑Komunità. Madankollu, huwa possibbli wkoll li ċ‑ċifri li jinsabu fil‑premessa 81 tar‑Regolament provviżorju jiġu interpretati bil‑mod kif jinterpretawhom l‑istituzzjonijiet, jiġifieri bħala indikazzjoni ta’ domanda relattivament stabbli matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni kollu, f’liema każ il‑varjazzjonijiet osservati fl‑2004 u fl‑2005 jistgħu jiġu interpretati bħala kkawżati minn domanda eċċezzjonali mis‑settur tal‑azzar fl‑2004, segwiti b’ritorn lejn il‑livell normali fl‑2005. F’din l‑ipoteżi tal‑aħħar, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod leġittimu li l‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, kif tirriżulta fid‑dawl tad‑data dwar il‑perijodu kkunsidrat kollu, ma tistax tiġi imputata lill‑varjazzjonijiet fil‑konsum fl‑2004 u fl‑2005. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r‑rikorrenti ma jistabbilixxux li l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni.

155    Għaldaqstant, il‑ħames parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

e)     Fuq is‑sitt parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑effetti tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra

 L‑argumenti tal‑partijiet

156    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet kisru r‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni sa fejn ma ħadux inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l‑effetti tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra minbarra dawk koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il‑“pajjiżi terzi oħra”). Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kummissjoni sempliċement iddikjarat, fir‑Regolament provviżorju, kif ikkonfermat mir‑Regolament ikkontestat, li l‑impatt tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra ma setax jitqies bħala sinjifikativ fid‑dawl tal‑volum u tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping, dikjarazzjoni din li ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il‑prinċipju ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni.

157    Fil‑fatt, skont ir‑rikorrenti, minkejja li, fil‑premessi 116, 118 u 120 tar‑Regolament provviżorju, l‑istituzzjonijiet identifikaw ċerti effetti tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra, huma ma sseparawhomx sabiex iwettqu imputazzjoni korretta tal‑kawżi tal‑ħsara. L‑ewwel nett, fil‑premessa 116 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni indikat li l‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn dawn il‑pajjiżi terzi kienu inqas bi 2.3 % sa 5.7 % mill‑prezzijiet applikati mill‑industrija Komunitarja. Issa, marġni ta’ tnaqqis fil‑prezzijiet ta’ livell komparabbli kien iġġustifika, fir‑Regolament Nru 1420/2007, l‑impożizzjoni ta’ dazji antidumping. It‑tieni nett, fil‑premessi 118 u 120 tar‑Regolament provviżorju, li jikkonċernaw b’mod iktar partikolari l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela, il‑Kummissjoni allegatament ikkonfermat li l‑importazzjonijiet imsemmija kellhom effett negattiv fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja. Issa, l‑istituzzjonijiet huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni l‑effetti akkumulati tal‑importazzjonijiet dannużi kollha li joriġinaw minn pajjiżi terzi, kif ukoll l‑effetti tal‑fatturi ta’ ħsara magħrufa l‑oħra kollha, u li ma jattribwixxux dawn l‑effetti lill‑importazzjonijiet kontenzjużi.

158    Fir‑replika, ir‑rikorrenti jżidu li l‑Kunsill injora l‑fatt li parti kbira miż‑żieda fil‑volum tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping kienet intiża sabiex jimtela l‑“vojt” li ħalla fis‑suq l‑irtirar ta’ ċerti produtturi minn pajjiżi terzi matul il‑perijodu eżaminat.

159    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

160    Permezz ta’ din il‑parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment jikkontestaw l‑evalwazzjoni, min‑naħa tal‑istituzzjonijiet, tal‑impatt tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Huma jqisu, b’mod partikolari, li l‑premessi 116, 118 u 120 tar‑Regolament provviżorju huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il‑Kummissjoni, f’dawn il‑premessi, identifikat ċerti effetti tal‑importazzjonijiet imsemmija mingħajr ma sseparathom b’mod korrett.

161    Għandu jitfakkar li, fil‑premessa 116 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni kkonstatat, fir‑rigward tal‑importazzjonijiet kollha li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra, li, fil‑perijodu kkunsidrat, il‑volum tagħhom kien naqas b’madwar 45 % u li s‑sehem tas‑suq tagħhom kien naqas minn 54.8 % għal 30 %, li, fl‑istess perijodu, il‑prezzijiet ta’ dawn l‑importazzjonijiet kienu żdiedu b’7 % u li l‑prezz medju ta’ dawn l‑importazzjonijiet kien ogħla minn dak tal‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping matul il‑perijodu kkunsidrat u bejn 2.3 % u 5.7 % inqas minn dak tal‑industrija Komunitarja fl‑istess perijodu. Fil‑premessi 117 sa 120 tal‑istess regolament, il‑Kummissjoni analizzat l‑impatt fuq il‑ħsara tal‑importazzjonijiet li joriġinaw, rispettivament, min‑Norveġja, mill‑Islanda, mill‑Brażil u mill‑Venezwela. Il‑Kummissjoni kkunsidrat li la l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Brażil u lanqas dawk li joriġinaw min‑Norveġja ma kienu kkontribwixxew għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Għall‑kuntrarju, hija kkonkludiet li l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela seta’ kellhom effett negattiv fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, impatt dan li iżda ma setax jitqies bħala sinjifikattiv fid‑dawl tal‑volum u tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping. Fil‑premessa 121 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni waslet għall‑konklużjoni, fuq il‑bażi tal‑punti esposti fil‑premessi 116 sa 120 tal‑istess regolament, li l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra ma kinux ikkontribwixxew verament għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

162    L‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li dan ir‑raġunament jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

163    Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti dwar il‑premessa 116 tar‑Regolament provviżorju, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti sempliċement jiddikjaraw li marġni ta’ tnaqqis ta’ prezzijiet ta’ 2.3 % sa 5.7 % kien iġġustifika, fir‑Regolament Nru 1420/2007, l‑impożizzjoni ta’ dazji antidumping, u dan skonthom juri li l‑Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra ma kinux ikkontribwixxew għall‑ħsara.

164    F’dan ir‑rigward, l‑ewwel nett, għandu jitfakkar, kif ġie osservat fil‑punt 90 iktar ’il fuq, minn naħa, li huwa l‑kompitu tal‑istituzzjonijiet, fil‑kuntest tal‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jeżaminaw jekk l‑industrija Komunitarja ġarbitx ħsara u jekk din il‑ħsara hijiex imputabbli lill‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping jew jekk kienx hemm fatturi magħrufa oħra li kkontribwixxew għall‑ħsara u, min‑naħa l‑oħra, li din is‑setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata każ b’każ fid‑dawl tal‑fatti rilevanti kollha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, fir‑Regolament Nru 1420/2007, il‑marġni ta’ tnaqqis ta’ prezz li fuq il‑bażi tiegħu ġew imposti l‑miżuri antidumping kienet ta’ 4.5 %. F’dan ir‑regolament, il‑Kunsill ma għamilx riferiment għall‑iskala msemmija mir‑rikorrenti. Barra minn hekk, b’mod iktar sinjifikattiv, fir‑Regolament Nru 1420/2007, il‑Kunsill ibbaża ruħu fuq diversi kunsiderazzjonijiet oħra sabiex jikkonkludi li kien meħtieġ li jiġu adottati dawn il‑miżuri. Għalhekk, ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni mill‑fatt li, fir‑Regolament Nru 1420/2007, il‑Kunsill, minn naħa, ikkalkola marġni ta’ tnaqqis tal‑prezz ta’ 4.5 % u, min‑naħa l‑oħra, impona miżuri antidumping.

165    It‑tieni nett, għandu jiġi osservat, kif għamel il‑Kunsill, li, fil‑premessa 116 tar‑Regolament provviżorju, il‑Kummissjoni ma għamlitx riferiment għall‑marġni ta’ tnaqqis tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra iżda indikat li l‑prezz tal‑importazzjonijiet imsemmija kien inqas minn dak tal‑industrija Komunitarja matul il‑perijodu kkunsidrat. Issa, diġà ntqal, fil‑punt 65 iktar ’il fuq, li t‑tnaqqis tal‑prezzijiet huwa kunċett legali previst fl‑Artikolu 3(3) tar‑Regolament bażiku li jintuża mill‑istituzzjonijiet sabiex iqabblu l‑prezzijiet Komunitarji mal‑prezzijiet aġġustati tal‑importazzjonijiet sabiex jinkiseb marġni ta’ tnaqqis tal‑prezzijiet espress f’perċentwali. Madankollu, ma tista’ ssir ebda analoġija bejn marġni ta’ tnaqqis tal‑prezzijiet u sempliċi paragun tal‑prezzijiet.

166    It‑tielet nett, il‑konstatazzjoni tal‑Kummissjoni dwar il‑livell ta’ prezz hija biss element wieħed minn raġunament ħafna iktar żviluppat fil‑premessa 116 tar‑Regolament provviżorju. Għalkemm il‑livell tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra fil‑konfront tal‑livell tal‑prezzijiet Komunitarji jista’ jikkostitwixxi element intiż li juri li l‑importazzjonijiet imsemmija kkontribwixxew għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, l‑elementi l‑oħra li jagħmlu parti mir‑raġunament tal‑Kummissjoni u li wassluha sabiex twarrab tali kontribuzzjoni ma jistgħux jiġu injorati. F’dan is‑sens, il‑Kummissjoni kkonstatat li l‑ishma tas‑suq tal‑importazzjonijiet imsemmija kienu naqsu matul il‑perijodu kkunsidrat u li, matul dan l‑istess perijodu, il‑prezzijiet tagħhom kienu żdiedu u kienu dejjem ogħla mill‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Minn dan isegwi, kif josserva l‑Kunsill, li, jekk jitqies li l‑konsum ma żdiedx, huwa impossibbli li l‑importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra setgħu, kollettivament, jieħdu ishma tas‑suq għad‑detriment tal‑industrija Komunitarja, għall‑kuntrarju tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

167    Minn dan isegwi li ebda wieħed mill‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑premessa 116 tar‑Regolament provviżorju hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

168    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑argument dwar il‑premessi 118 u 120 tar‑Regolament provviżorju, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw il‑konstatazzjoni tal‑Kummissjoni li, għalkemm l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela seta’ kellhom impatt negattiv fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, dan l‑impatt ma jistax jitqies li kien sinjifikattiv fid‑dawl tal‑volum u tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Ir‑rikorrenti sempliċement isostnu li l‑istituzzjonijiet kien imisshom wettqu analiżi tal‑effetti akkumulati tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra kif ukoll analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara magħrufa l‑oħra kollha.

169    L‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑analiżi tal‑effetti akkumulati tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra, għandu jiġi osservat li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir‑rikorrenti, tali analiżi twettqet mill‑Kummissjoni. Din l‑analiżi hija l‑ewwel waħda mit‑tliet stadji tal‑eżami tal‑impatt tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra. B’hekk, fl‑ewwel stadju, il‑Kummissjoni, fil‑premessa 116 tar‑Regolament provviżorju, esponiet l‑evoluzzjoni tal‑indikaturi ekonomiċi li jikkonċernaw l‑importazzjonijiet kollha li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra. Kif intqal fil‑punt 166 iktar ’il fuq, fid‑dawl ta’ din l‑evoluzzjoni, ma jistax jitqies li l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra setgħu, kollettivament, jakkwistaw ishma tas‑suq għad‑detriment tal‑industrija Komunitarja. Fit‑tieni stadju, il‑Kummissjoni eżaminat, fil‑premessi 117 sa 120 tar‑Regolament provviżorju, jekk l‑effetti individwali tal‑importazzjonijiet li joriġinaw rispettivament min‑Norveġja, mill‑Islanda, mill‑Brażil u mill‑Venezwela setgħux ikkawżaw il‑ħsara. Kif ġie spjegat fil‑punt 161 iktar ’il fuq, il‑Kummissjoni kkonkludiet li, individwalment, l‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela seta’ kellhom effett negattiv fuq is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja, impatt dan iżda li ma jistax jitqies li huwa sinjifikattiv fid‑dawl tal‑volum u tal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping. Fit‑tielet stadju, il‑Kummissjoni siltet il‑konklużjonijiet tal‑ewwel żewġ stadji tar‑raġunament tagħha u, b’mod loġiku, ikkonstatat, fil‑premessa 121 tar‑Regolament provviżorju, li l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra ma kinux ikkontribwixxew għall‑ħsara.

170    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara magħrufa l‑oħra kollha, diġà ġie spejgat, fil‑punt 47 iktar ’il fuq, li l‑analiżi tal‑ilmenti mressqa mir‑rikorrenti fir‑rigward tal‑analiżi individwali ta’ kull wieħed mill‑fatturi magħrufa l‑oħra kollha kellha tiġi konkluża qabel ma jkun jista’ jiġi ddeterminat jekk tali analiżi kollettiva kinitx meħtieġa. Din il‑kwistjoni ser tiġi eżaminata fil‑punti 204 sa 215 iktar ’il quddiem.

171    Għaldaqstant, ebda wieħed mill‑argumenti mressqa mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑premessi 118 u 120 tar‑Regolament provviżorju huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

172    Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑argument dwar il‑“vojt” li ħalla fis‑suq l‑irtirar ta’ ċerti produtturi ta’ pajjiżi terzi oħra, argument imqajjem għall‑ewwel darba fir‑replika, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex intiż sabiex jiġi stabbilit li l‑istituzzjonijiet evalwaw b’mod żbaljat il‑ħsara kkawżata mill‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra iżda sabiex jiġi stabbilit li l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping ma kinux ikkawżaw ħsara lill‑industrija Komunitarja minħabba li dawn l‑importazzjonijiet kienu ħadu post l‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra. Għaldaqstant, dan l‑argument ma huwiex marbut mill‑qrib mal‑motiv inizjalment imqajjem fir‑rikors u ma jikkostitwixxix żvilupp tiegħu. Minn dan isegwi li, sa fejn ma huwiex imsejjes fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ħarġu matul il‑proċedura, dan l‑argument għandu jiġi kkunsidrat bħala motiv ġdid fis‑sens tal‑Artikolu 48(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Frar 1997, Petit‑Laurent vs Il‑Kummissjoni, T‑211/95, Ġabra p. II‑57, punti 43 sa 45). Għaldaqstant, dan l‑argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

173    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, is‑sitt parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

f)     Fuq is‑seba’ parti tal‑ewwel motiv, dwar in‑nuqqas ta’ kompetittività tal‑produtturi Komunitarji qabel ma seħħ xi kwalunke dumping dannuż

 L‑argumenti tal‑partijiet

174    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u kiser ir‑regola ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, kif prevista fl‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku, sa fejn, fil‑premessi 93 u 94 tar‑Regolament ikkontestat, ċaħad l‑argument li l‑parti l‑kbira tal‑produtturi Komunitarji kienu diġà f’sitwazzjoni fejn ma kinux profittabbli qabel ma seħħ xi kwalunkwe dumping dannuż, u dan għar‑raġuni li l‑industrija Komunitarja kienet globalment profittabbli fl‑2004. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jsostnu li tlieta mis‑sitt produtturi Komunitarji diġà kienu qegħdin jirreġistraw telf fl‑2003 u kollha, bl‑eċċezzjoni ta’ FerroAtlántica, kienu qegħdin jirreġistraw telf matul is‑sena 2004 – sena “eċċezzjonalment prosperi [favorevoli]” għall‑industrija tal‑ligi tal‑ħadid. Għaldaqstant, il‑profittabbiltà globali ta’ 3 % tal‑industrija Komunitarja għall‑2004 kienet dovuta kompletament għal FerroAtlántica. Barra minn hekk, minkejja li, fl‑2004, ir‑rendiment globali tal‑industrija Komunitarja kien aħjar milli fl‑2003 u minkejja li dik l‑industrija kienet żiedet il‑prezzijiet tagħha b’10 %, is‑sitwazzjoni ta’ ħamsa mis‑sitt produtturi kienet marret għall‑agħar, u dan għal raġunijiet li ma humiex marbuta mal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. L‑istituzzjonijiet kien imisshom, minn tal‑inqas, ħadu inkunsiderazzjoni dan il‑fatt minħabba li huwa importanti sabiex tiġi spjegata l‑evoluzzjoni tal‑ħsara tal‑produtturi Komunitarji u juri b’mod ċar in‑nuqqas ta’ kompetittività tal‑industrija Komunitarja, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑istruttura tal‑ispejjeż tagħha. Dan huwa kkonfermat mill‑bidliet fl‑orjentament u mit‑tnaqqis tal‑produzzjoni mwettqa mill‑industrija Komunitarja fl‑2004, u dan minkejja ż‑żieda fil‑konsum u fil‑profittabbiltà tal‑bejgħ tal‑ferrosilikon.

175    Essenzjalment, il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, josserva li, minkejja li r‑rikorrenti jallegaw li l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddikjaraw li l‑industrija Komunitarja kienet profittabbli fl‑2003 u fl‑2004, huma ma humiex qegħdin jikkontestaw iċ‑ċifri tal‑marġni ta’ profitt qabel it‑taxxa ċċitati fil‑premessa 94 tar‑Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il‑Kunsill isostni li l‑fatt li r‑rikorrenti jirreferu għas‑sitwazzjoni tad‑diversi produtturi Komunitarji fl‑2003 u fl‑2004 ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l‑eżistenza ta’ żball manifest. L‑ewwel nett, l‑evalwazzjoni tal‑ħsara u tar‑rabta kawżali għandha titwettaq billi tiġi eżaminata s‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja b’mod ġenerali, u mhux billi tiġi eżaminata dik tad‑diversi produtturi tal‑Komunità. It‑tieni nett, il‑fatt li tliet produtturi Komunitarji, li flimkien jirrappreżentaw 24 sa 28 % tal‑produzzjoni Komunitarja totali, kienu qegħdin jirreġistraw telf fl‑2003 ma jfissirx li l‑industrija Komunitarja kollha kienet qiegħda tbati min‑nuqqas ta’ kompetittività. It‑tielet nett, il‑Kunsill josserva li s‑sena 2004 hija kkaratterizzata minn tnaqqis fis‑sehem tas‑suq tal‑industrija Komunitarja, minn tnaqqis ta’ 2 % tal‑bejgħ ta’ din tal‑aħħar meta mqabbel mal‑2003, minn żieda fl‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u fis‑sehem tas‑suq tagħhom, u minn tnaqqis fil‑prezzijiet tagħhom, sitwazzjoni din li tfisser li fl‑2004 ċerti produtturi Komunitarji kienu diġà qed iġarrbu l‑effetti negattivi tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping minkejja li, b’mod globali, l‑industrija Komunitarja setgħet iżżid il‑profitti tagħha.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

176    Permezz ta’ din il‑parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti jikkritikaw il‑fatt li, fil‑premessi 93 u 94 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill ċaħad l‑argument li l‑industrija Komunitarja kienet diġà f’sitwazzjoni fejn ma kinitx profittabbli qabel ma seħħ xi kwalunkwe dumping dannuż.

177    Għandu jitfakkar li, fil‑premessa 94 tar‑Regolament ikkontestat, bi tweġiba għal dan l‑argument, il‑Kunsill spejga li, kif turi l‑premessa 97 tar‑Regolament provviżorju, l‑industrija Komunitarja kienet profittabbli fl‑2003, b’marġni ta’ profitt qabel it‑taxxa ta’ 2.3 %, li żdied għal 2.7 % fl‑2004, u li kien osservat telf fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni.

178    Għalkemm ir‑rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw, kif josserva l‑Kunsill, iċ‑ċifri li jinsabu fil‑premessa 97 tar‑Regolament provviżorju, ċifri li jindikaw li l‑industrija Komunitarja kienet globalment profittabbli fl‑2003 u fl‑2004, huma għall‑kuntrarju qegħdin jikkritikaw lill‑istituzzjonijiet li ma ħadux inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni individwali ta’ tlieta mis‑sitt produtturi Komunitarji, fl‑2003, u dik ta’ ħamsa mis‑sitt produtturi Komunitarji, fl‑2004.

179    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti jibbażaw l‑argumenti tagħhom fuq ċifri li juru li ħamsa mis‑sitt produtturi Komunitarji kienu rreġistraw telf fl‑2004. Dawn iċ‑ċifri ma humiex ikkontestati mill‑Kunsill. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jsostnu li tlieta mis‑sitt produtturi Komunitarji kienu f’sitwazzjoni fejn ma kinux profittabbli fl‑2003. Filwaqt li r‑rikorrenti ma jressqu ebda prova insostenn ta’ dan, il‑Kunsill jikkonferma, fl‑atti tiegħu, li dan kien il‑każ.

180    F’dan il‑kuntest, għandu jitfakkar, kif espost fil‑punt 88 iktar ’il fuq, li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Kunsill, l‑analiżi tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali ma għandhiex neċessarjament titwettaq fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, b’tali mod li kull ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komuntiarju wieħed minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komunitarju minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan sa fejn din il‑ħsara tkun ikkontribwixxiet għall‑ħsara li tkun ġiet osservata fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

181    Sa fejn id‑data prodotta mir‑rikorrenti tindika effettivament li ċerti produtturi kienu f’sitwazzjoni fejn ma kinux profittabbli fl‑2003 u fl‑2004, l‑istituzzjonijiet kienu obbligati jevalwaw l‑impatt ta’ din is‑sitwazzjoni fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, evalwazzjoni li huma ma għamlux. Minn dan isegwi li l‑istituzzjonijiet naqsu milli jwettqu l‑obbligu tagħhom li jagħmlu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni u għalhekk kisru l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku.

182    Madankollu, kif ġie osservat fil‑punt 119 iktar ’il fuq, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li tali ksur jista’ jaffettwa l‑legalità tar‑Regolament ikkontestat billi jinvalida l‑analiżi kollha tal‑istituzzjonijiet fir‑rigward tar‑rabta kawżali. F’dan il‑każ, ir‑rikorrenti għandhom għalhekk jistabbilixxu li s‑sitwazzjoni partikolari ta’ parti mill‑produtturi Komunitarji, fl‑2003 u fl‑2004, kienet il‑kawża tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, jew kienet ikkontribwixxet għal din il‑ħsara. Huma għandhom jistabbilixxu wkoll li t‑telf irreġistrat minn ħamsa mis‑sitt produtturi Komunitarji ma kienx il‑konsegwenza tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

183    Sabiex jistabbilixxu dan, ir‑rikorrenti jsostnu li n‑nuqqas ta’ profittabbiltà ta’ ħamsa mis‑sitt produtturi Komunitarji, fl‑2004, huwa l‑konsegwenza tan‑nuqqas ta’ kompetittività ta’ dawn tal‑aħħar, kif fil‑fehma tagħhom jikkonfermaw il‑bidliet fl‑orjentament u t‑tnaqqis tal‑produzzjoni implementati min‑naħa tal‑industrija Komunitarja sa mill‑2004 minkejja ż‑żieda fil‑konsum u fil‑profittabbiltà tal‑bejgħ tal‑ferrosilikon. Madankollu, il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra li tista’ tingħata interpretazzjoni differenti tad‑data dwar is‑sena 2004. F’dan is‑sens, tliet produtturi Komunitarji, li flimkien jirrappreżentaw 24 sa 28 % tal‑produzzjoni Komunitarja totali, kienu rreġistraw telf fl‑2003 u ħames produtturi kienu rreġistraw telf fl‑2004. Issa, għandu jiġi osservat, kif jagħmel il‑Kunsill, li, minkejja ż‑żieda fil‑konsum, is‑sena 2004 hija kkaratterizzata minn tnaqqis fis‑sehem tas‑suq tal‑industrija Komunitarja, minn tnaqqis ta’ 2 % tal‑bejgħ ta’ din tal‑aħħar meta mqabbel mal‑2003, minn żieda fl‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u fis‑sehem tas‑suq tagħhom, u minn tnaqqis fil‑prezzijiet tagħhom, sitwazzjoni li din tfisser li fl‑2004 ċerti produtturi Komunitarji kienu diġà qed iġarrbu l‑effetti negattivi tal‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping minkejja li, b’mod globali, l‑industrija Komunitarja setgħet iżżid il‑profitti tagħha

184    Sa fejn it‑telf imġarrab minn ċerti produtturi Komunitarji fl‑2003 u fl‑2004 seta’ ġie kkawżat mill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, il‑ksur ikkonstatat fil‑punt 181 iktar ’il fuq ma huwiex ta’ natura tali li jista’ jinvalida l‑legalità tar‑Regolament ikkontestat.

185    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, is‑seba’ parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

g)     Fuq it‑tmien parti tal‑ewwel motiv, sa fejn tikkonċerna ċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑produtturi

 L‑argumenti tal‑partijiet

186    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisru l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku sa fejn irrifjutaw li jwettqu eżami tal‑fatturi li kkawżaw individwalment ħsara lill‑produtturi Komunitarji filwaqt li kellhom ukoll impatt fuq l‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, u dan minkejja li l‑imsemmija produtturi kienu ftit u minkejja li s‑sitwazzjoni ekonomika tagħhom kienet ferm kontrastanti.

187    F’dan is‑sens, l‑ewwel nett, ir‑rikorrenti josservaw, fir‑rigward ta’ Huta Laziska, li, fl‑2004, din bidlet l‑orjentament ta’ parti mill‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon lejn il‑produzzjoni tas‑silikomanganiż sabiex iżżid il‑profittabbiltà tagħha. Dan wassal għal tnaqqis fil‑produzzjoni tal‑ferrosilikon ta’ din il‑kumpannija kif ukoll għal tnaqqis fil‑bejgħ ta’ ferrosilikon lil klijenti indipendenti. Fid‑dawl tat‑tnaqqis fil‑produzzjoni u tal‑fatt li ma kienx hemm bidla fl‑ispejjeż fissi, fl‑2004, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha għal kull tunnellata żdiedu b’madwar 17 % u t‑telf tagħha żdied b’iktar minn tliet darbiet, u dan mingħajr ebda konnessjoni mal‑importazzjonijiet. Madankollu, id‑dħul mill‑bejgħ iġġenerat minn klijenti indipendenti żdied. Fl‑2005, Huta Laziska bdiet billi naqqset il‑produzzjoni tagħha qabel ma waqfitha għal kollox, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, minħabba tilwima mal‑fornitur tal‑elettriku tagħha. Għaldaqstant, il‑bejgħ tagħha naqas u l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha għal kull unità żdiedu b’mod sostanzjali, sitwazzjoni din li wasslet għal tnaqqis fil‑profittabbiltà u għal tnaqqis fis‑sehem tas‑suq.

188    It‑tieni nett, fir‑rigward ta’ OFZ, ir‑rikorrenti josservaw, fl‑ewwel lok, li, fl‑2004, din bidlet il‑funzjoni ta’ jew keċċiet 47 % mill‑persunal tagħha, b’tali mod li ma kellhiex il‑kapaċità sabiex tissodisfa ż‑żieda fid‑domanda. Barra minn hekk, OFZ bidlet l‑orjentament ta’ parti mill‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon lejn il‑produzzjoni tas‑silikomanganiż sabiex iżżid il‑profittabbiltà tagħha. Kien għalhekk li l‑bejgħ tagħha lill‑klijenti indipendenti naqas b’19 %. Madankollu, peress li s‑suq kien sejjer tajjeb, hija rnexxielha tillimita t‑tnaqqis fid‑dħul mill‑bejgħ tagħha għal 11 %, u dan minkejja żieda ta’ 14 % fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha, żieda li parzjalment irriżultat mill‑eżistenza ta’ spejjeż fissi filwaqt li l‑produzzjoni kienet tnaqqset. Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li, fl‑2005, OFZ kienet is‑suġġett ta’ ristrutturazzjoni, eżerċizzju dan li ppermettielha tnaqqas l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha u żżid il‑profittabbiltà tagħha. Għal dan il‑għan, OFZ kellha tnaqqas provviżorjament il‑bejgħ tagħha u s‑sehem tas‑suq tagħha.

189    It‑tielet nett, fir‑rigward ta’ TDR – Metalurgija d.d., ir‑rikorrenti jsostnu li, fl‑2004, din żiedet il‑volum tal‑bejgħ tagħha lil klijenti indipendenti b’perċentwali ogħla minn dik tad‑domanda, li din żiedet il‑produzzjoni tagħha u pprofittat minn prezzijiet ogħla filwaqt li żiedet id‑dħul mill‑bejgħ tagħha minn klijenti indipendenti. Madankollu, minħabba żieda ġenerali ta’ 12 % fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha, din ma rnexxilhiex tiġġenera profitt. Meta s‑suq mar lura fl‑2005, TDR ma kinitx kapaċi tirkupra mir‑rendiment negattiv irreġistrat fl‑2004, sena “eċċezzjonalment prosperi [favorevoli]”.

190    Ir‑raba’ nett, fir‑rigward ta’ Vargön Alloys, ir‑rikorrenti jsostnu li, fl‑2004, din żiedet il‑volum tal‑bejgħ tagħha lill‑klijenti indipendenti b’perċentwali ogħla minn dik tad‑domanda kif ukoll żiedet il‑produzzjoni tagħha u pprofittat minn prezzijiet ogħla filwaqt li żiedet id‑dħul mill‑bejgħ iġġenerat minn klijenti indipendenti. Madankollu, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha żdiedu bi 15 %. Ir‑rikorrenti josservaw li, skont l‑istituzzjonijiet, Vargön Alloys irreġistrat telf addizzjonali ta’ 45 %. Minkejja li l‑istituzzjonijiet ma pprovdew ebda spjegazzjoni f’dan ir‑rigward, jidher ċar li dan l‑iżvilupp għandu jiġi imputat lil problemi partikolari għal din il‑kumpannija u mhux lill‑importazzjonijiet kontenzjużi. Bejn l‑2004 u l‑2005, Vargön Alloys kienet naqqset b’nofs il‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon minħabba ż‑żidiet fil‑prezz tal‑elettriku. Barra minn hekk, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, hija kienet bidlet l‑orjentament ta’ parti mill‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon bil‑għan li żżid il‑profittabbiltà tagħha, u dan kien wassal għal tnaqqis fil‑bejgħ tal‑ferrosilikon u fis‑sehem tas‑suq.

191    Il‑ħames nett, fir‑rigward ta’ FerroPem SAS u ta’ FerroAtlántica, ir‑rikorrenti jsostnu li, mill‑2003 sal‑2004, FerroPem naqqset il‑bejgħ tagħha tal‑ferrosilikon lil klijenti indipendenti iżda żiedet il‑produzzjoni tagħha u biegħet il‑ħażniet, u dan pjuttost juri li FerroPem żiedet l‑użu kaptiv tagħha. Minn dan isegwi, skont ir‑rikorrenti, li d‑dħul mill‑bejgħ iġġenerat minn FerroPem mill‑klijenti indipendenti naqas. Barra minn hekk, peress li fl‑istess ħin l‑ispejjeż tal‑produzzjoni żdiedu b’24 %, huwa loġiku li l‑profittabbiltà ta’ FerroPem naqset b’mod sostanzjali. Sussegwentement għaż‑żieda fil‑prezzijiet tal‑elettriku, FerroAtlántica waqqfet il‑produzzjoni matul is‑sigħat fejn id‑domanda għall‑elettriku kienet l‑iktar għolja, u b’hekk id‑diviżjoni tagħha responsabbli għall‑elettriku setgħet tiġġenera iktar profitti. Barra minn hekk, l‑akkwist min‑naħa tagħha ta’ FerroPem kien wassal għal spejjeż ta’ ristrutturazzjoni għaż‑żewġ kumpanniji. Dawn tal‑aħħar xorta waħda rreġistraw l‑aħjar rendimenti tas‑suq billi żiedu l‑bejgħ tagħhom bejn l‑2004 u l‑2005, u dan filwaqt li l‑konsum globali fil‑Komunità kien qiegħed jonqos. Fir‑rigward tal‑2005 u tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, id‑diviżjoni tal‑Venezwela ta’ FerroAtlántica kienet żiedet l‑esportazzjonijiet tagħha lejn il‑Komunitá. Il‑grupp FerroAtlántica, fl‑intier tiegħu, kien irreġistra rendimenti tajbin ħafna u ma jidhirx li ġarrab xi ħsara. Skont ir‑rikorrenti, fi kwalunkwe każ, tali ħsara ma tistax tiġi imputata lill‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping.

192    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

193    Fil‑kuntest tat‑tmien parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti jikkritikaw, b’mod partikolari, il‑fatt li l‑istituzzjonijiet naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi li kienu kkawżaw individwalment ħsara lill‑produtturi Komunitarji filwaqt li kellhom ukoll impatt fuq l‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

194    Diġà ġie stabbilit, fil‑punt 88 iktar ’il fuq, li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Kunsill, l‑analiżi tal‑eżistenza ta’ rabta kawżali ma għandhiex neċessarjament titwettaq fil‑livell tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha, b’tali mod li kull ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komuntiarju wieħed minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazjzoni. Ħsara kkawżata individwalment lil produttur Komunitarju minn fattur ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u dan sa fejn din il‑ħsara tkun ikkontribwixxieet għall‑ħsara li tkun ġiet osservata fir‑rigward tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha.

195    Madankollu, għandu jiġi speċifikat li r‑rekwiżit li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi li kkawżaw individwalment ħsara lil produttur meta dawn il‑fatturi jkunu kkontribwixxew għall‑ħsara tal‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha ma jfissirx, f’dan il‑każ, li l‑istituzzjonijiet kienu meħtieġa janalizzaw sistematikament is‑sitwazzjoni individwali ta’ kull produttur Komunitarju.

196    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi kkonstatat li l‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li s‑sitwazzjoni individwali tal‑produtturi Komunitarji kienet il‑kawża tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja fl‑intier tagħha jew, minn tal‑inqas, li tali sitwazzjoni kienet ikkontribwixxiet għal din il‑ħsara.

197    F’dan is‑sens, l‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑argumenti dwar is‑sitwazzjoni ta’ Huta Laziska, dawn huma essenzjalment identiċi għal uħud mill‑argumenti mqajma fil‑kuntest tat‑tielet parti ta’ dan il‑motiv. Issa, ġie kkonstatat li dawn l‑argumenti kienu infondati. Minn dan isegwi li dawn l‑argumenti għandhom jiġu miċħuda wkoll bħala infondati fil‑kuntest tal‑eżami ta’ din il‑parti.

198    It‑tieni nett, fir‑rigward tas‑sitwazzjoni ta’ OFZ, il‑punti ta’ fatt deskritti mir‑rikorrenti huma intiżi li juru li din il‑kumpannija kienet is‑suġġett ta’ ristrutturazzjoni, fatt li dan allegatament ikkontribwixxa għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Issa, diġà ġie kkonstatat, fil‑kuntest tal‑eżami tat‑tielet parti ta’ dan il‑motiv, li l‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni, inkluża l‑bidla min‑naħa ta’ OFZ, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill‑istituzzjonijiet. Barra minn hekk, għalkemm is‑sitwazzjoni deskritta mir‑rikorrenti fir‑rigward tal‑2004 u tal‑2005 setgħet effettivament ikkontribwixxiet għall‑ħsara, huwa possibbli wkoll, kif josserva l‑Kunsill, li tali sitwazzjoni kienet ikkawżata mill‑preżenza ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx fis‑suq Komunitarju. Għalhekk, ma jistax jitqies li r‑rikorrenti stabbilixxew li s‑sitwazzjoni ta’ OFZ ikkontribwixxiet għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

199    It‑tielet nett, fir‑rigward tas‑sitwazzjoni ta’ TDR, il‑fatti deskritti mir‑rikorrenti huma intiżi li jistabbilixxu li l‑ħsara mġarrba minn din il‑kumpannija hija marbuta maż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha. Sa fejn tali allegazzjoni diġà ġiet miċħuda fil‑kuntest tal‑eżami tar‑raba’ parti ta’ dan il‑motiv, għandhom, bl‑istess mod, jiġu miċħuda bħala infondati l‑argumenti dwar is‑sitwazzjoni ta’ TDR invokati fil‑kuntest ta’ din il‑parti.

200    Ir‑raba’ nett, fir‑rigward tas‑sitwazzjoni ta’ Vargön Alloys, ir‑rikorrenti jirreferu għal bidla fl‑orjentament tal‑produzzjoni min‑naħa ta’ din il‑kumpannija kif ukoll għaż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni tagħha. Peress li l‑argumenti dwar l‑impatt ta’ dawn il‑fatturi fuq il‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja diġà ġew miċħuda fil‑kuntest tal‑eżami tat‑tielet u tar‑raba’ partijiet ta’ dan il‑motiv, għandhom jiġu miċħuda wkoll l‑argumenti dwar is‑sitwazzjoni ta’ Vargön Alloys invokati fil‑kuntest ta’ din il‑parti.

201    Il‑ħames nett, fir‑rigward tas‑sitwazzjoni ta’ FerroPem u ta’ FerroAtlántica, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti jiddeskrivu sitwazzjoni ekonomika globalment pożittiva fir‑rigward ta’ dawn il‑kumpanniji u ma jindikawx kif tali sitwazzjoni setgħet ikkontribwixxiet għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Għaldaqstant, l‑argumenti dwar is‑sitwazzjoni ta’ dawn iż‑żewġ kumpanniji ma jistgħux jintlaqgħu.

202    Minn dan isegwi li t‑tmien parti tal‑ewwel motiv, sa fejn tikkonċerna ċ‑ċirksutanzi partikolari għall‑produtturi, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

203    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l‑ewwel, it‑tieni, ir‑raba’ u l‑ħames partijiet tal‑ewwel motiv, l‑ewwel tliet ilmenti tat‑tielet parti tal‑ewwel motiv kif ukoll it‑tmien parti tal‑ewwel motiv, sa fejn tikkonċerna l‑analiżi individwali tal‑fatturi ta’ ħsara, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Barra minn hekk, is‑sitt parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli. Fl‑aħħar nett, għandu jiġi osservat li l‑ksur ikkonstatat fil‑kuntest tal‑eżami tar‑raba’ lment tat‑tielet parti tal‑ewwel motiv kif ukoll fil‑kuntest tal‑eżami tas‑seba’ parti ta’ dan l‑istess motiv ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l‑annullament tar‑Regolament ikkontestat.

3.     Fuq in‑nuqqas ta’ analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara (l‑ewwel u t‑tmien partijiet tal‑ewwel motiv)

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

204    Fil‑kuntest tal‑ewwel parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑approċċ tal‑Kunsill huwa manifestament inadegwat sa fejn dan analizza jekk fatturi oħra, meħuda individwalment, kinux il‑kawża tal‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja meta f’dan il‑każ kienet meħtieġa analiżi tal‑impatt kollettiv tal‑fatturi l‑oħra. Fil‑fatt, l‑ewwel nett, numru kbir ta’ fatturi oħra kellhom impatt fuq l‑industrija Komunitarja u din l‑industrija ġarrbet biss ħsara żgħira. It‑tieni nett, il‑produtturi Komunitarji jinsabu individwalment f’sitwazzjonijiet ferm differenti. It‑tielet nett, diversi partijiet fil‑proċedura antidumping enfasizzaw, matul dik il‑proċedura, li fatturi oħra, meħuda flimkien, setgħu jispjegaw il‑ħsara materjali mġarrba mill‑industrija Komunitarja.

205    Fil‑kuntest tat‑tmien parti tal‑ewwel motiv, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet kien imisshom evalwaw kollettivament l‑impatt tal‑fatturi magħrufa l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping. Fil‑fatt, skont ir‑rikorrenti, għalkemm wieħed minn dawn il‑fatturi, meħud b’mod iżolat, jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex jikser ir‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni u l‑ħsara, dawn il‑fatturi meħuda flimkien jistgħu jiksru din ir‑rabta. Issa, f’dan il‑każ, li kieku twettqet tali analiżi, din kienet tikkonferma li l‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja kienet ikkawżata mill‑evoluzzjoni tal‑ispejjeż u tas‑suq u ma kinitx ikkawżata mill‑importazzjonijiet koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni.

206    B’hekk, l‑ewwel nett, ir‑rikorrenti jispjegaw li ma kienx leġittimu li l‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni – jiġifieri prezzijiet li fl‑2005 kienu 15 % inqas milli fl‑2004 u li, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, kienu 6 % inqas milli fl‑2004 – tiġi imputata lill‑importazzjonijiet koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni, u dan sa fejn l‑evoluzzjoni msemmija kienet tagħmel parti mill‑kuntest ta’ bbilanċjar mill‑ġdid ġenerali tal‑prezzijiet tas‑suq fil‑konfront tal‑2004. Fil‑fatt, skont ir‑rikorrenti, it‑tnaqqis fil‑prezzijiet huwa l‑konsegwenza loġika ta’ tnaqqis mondjali fid‑domanda fl‑2005. Issa, matul perijodu ta’ tnaqqis tad‑domanda, wieħed jista’ jipprevedi li l‑produtturi Komunitarji jġarrbu tnaqqis fil‑profitti, u dan ifisser li tnaqqis fil‑profitti ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita ħsara.

207    It‑tieni nett, ir‑rikorrenti jenfasizzaw il‑korrelazzjoni mill‑qrib bejn iż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni u t‑tnaqqis tal‑profittabbiltà. Huma jsostnu li t‑tnaqqis tal‑profitti fl‑2005, b’konsegwenza ta’ suq li kien qiegħed jiċkien, kien aggravat miż‑żieda fl‑ispejjeż, liema spejjeż kien diġà kellhom impatt sejru fuq il‑profittabbiltà tal‑produtturi Komunitarji fl‑2004. Dan kellu l‑effett li s‑sitwazzjoni kompliet sejra lura b’mod rapidu fir‑rigward taż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni u t‑tnaqqis tal‑profitti, effett li kien ikkumpensat bit‑tnaqqis fil‑produzzjoni. Ir‑rikorrenti josservaw ukoll li, fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja kienu qabżu l‑prezz tas‑suq, u dan minkejja li, fl‑2005, dawn il‑prezzijiet kienu l‑ogħla fid‑dinja. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jsostnu li ż‑żidiet fl‑ispejjeż tal‑produzzjoni rriżultaw, l‑ewwel nett, minn spejjeż ogħla fir‑rigward tal‑inputs, it‑tieni nett, mit‑telf ta’ ekonomiji fil‑kobor minħabba t‑tnaqqis jew il‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni u, fl‑aħħar nett, minn fatturi oħra li ma għandhomx relazzjoni mal‑importazzjonijiet kontenzjużi.

208    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

209    Qabel kollox, għandu jitfakkar li diġà ġie stabbilit, fil‑punt 43 iktar ’il fuq, li analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara tista’ tkun meħtieġa f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari meta l‑istituzzjonijiet ikunu kkonkludew, fir‑rigward ta’ numru kbir ta’ fatturi ta’ ħsara oħra minbarra l‑importazzjonijiet li jkunu s‑suġġett ta’ dumping, li dawn il‑fatturi setgħu kkontribwixxew għall‑ħsara iżda li l‑impatt tagħhom ma setax, individwalment, jitqies bħala sinjifikattiv.

210    F’dan il‑każ, fil‑premessi 115 sa 136 tar‑Regolament provviżorju u fil‑premessi 87 sa 101 tar‑Regolament ikkontestat, l‑istituzzjonijiet analizzaw individwalment tnax‑il fattur ta’ ħsara ieħor minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping, jiġifieri l‑importazzjonijiet li joriġinaw, rispettivament, min‑Norveġja, mill‑Islanda, mill‑Brażil u mill‑Venezwela, il‑kompetizzjoni minn produttur Komunitarju ieħor, l‑evoluzzjoni tad‑domanda, ir‑rendiment f’termini ta’ esportazzjoni tal‑industrija Komunitarja, il‑varjazzjonijiet fir‑rata tal‑kambju, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni, il‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni, il‑mod kif il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon jiġu stabbiliti u l‑kompetittività tal‑industrija Komunitarja. L‑istituzzjonijiet ikkonkludew li ebda wieħed minn dawn il‑fatturi ma kien ikkontribwixxa individalwment għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, ħlief għall‑importazzjonijiet li joriġinaw mill‑Islanda u mill‑Venezwela, li l‑impatt tagħhom madankollu tqies li ma kienx sinjifikattiv.

211    Issa, permezz tal‑analiżi magħmula fil‑punti 49 sa 203 iktar ’il fuq ġie stabbilit li l‑analiżi individwali tal‑fatturi ta’ ħsara ma kinitx ivvizzjata minn żball manifest, ħlief madankollu fir‑rigward ta’ żewġ fatturi, imsemmija fil‑kuntest tal‑eżami tar‑raba’ lment tat‑tielet parti u tas‑seba’ parti tal‑ewwel motiv, fatturi li l‑istituzzjonijiet ma kinux analizzaw iżda li fir‑rigward tagħhom ir‑rikorrenti ma ressqux prova, f’dan il‑każ, li kienu kkontribwixxew għall‑ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja. Għaldaqstant, minn dak li ntqal għandu jiġi konkluż li l‑istituzzjonijiet setgħu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, jastjenu milli jwettqu analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping.

212    Din il‑konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti fil‑kuntest tal‑ewwel parti tal‑ewwel motiv. L‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq l‑osservazzjonijiet magħmula minn partijiet oħra fil‑proċedura antidumping, matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn ir‑rikorrenti essenzjalment ma jiżviluppaw ebda argument iżda sempliċement jagħmlu riferiment għall‑osservazzjonijiet ta’ partijiet oħra fil‑proċedura antidumping li huma annettew mar‑rikors. F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 21 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, applikabbli għall‑Qorti Ġenerali bis‑saħħa tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 53 tal‑istess Statut, u skont l‑Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s‑suġġett tat-tilwima, it‑talbiet tar‑rikorrent u għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal‑motivi invokati. Din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill‑konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u lill‑Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir‑rikors. Sabiex jiġu żgurati ċ‑ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja, huwa meħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il‑punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir‑rikors jirriżultaw, minn tal‑inqas fil‑qosor iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit‑test tar‑rikors stess (sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑679, punt 20, u tat‑3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 64). Għalkemm it‑test prinċipali tar‑rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir‑rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar‑rikors, ma jistax jirrimedja n‑nuqqas tal‑punti essenzjali tal‑argumenti legali, punti li għandhom ikunu inklużi fir‑rikors (digriet tal‑Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Mejju 1999, Asia Motors et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49).

213    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq il‑fatt li l‑produtturi kienu jinsabu individwalment f’sitwazzjonijiet differenti ħafna, għandu jiġi kkonstatat li dan l‑argument huwa essenzjalment identiku għall‑argumenti mqajma fil‑kuntest tat‑tmien parti, sa fejn tikkonċerna ċ‑ċirkustanzi partikolari għall‑produtturi. Sa fejn ġie deċiż li dik il‑parti kellha tiġi miċħuda bħala infondata, dan l‑argument ma jistax jintuża sabiex jiġi stabbilit li f’dan il‑każ kienet meħtieġa analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping.

214    Bl‑istess mod, din il‑konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti fil‑kuntest tat‑tmien parti tal‑ewwel motiv. Fil‑fatt, dawn l‑argumenti huma essenzjalment identiċi għal uħud mill‑argumenti mqajma fil‑kuntest tat‑tielet sal‑ħames partijiet tal‑ewwel motiv. Sa fejn ġie deċiż, fil‑kuntest tal‑eżami ta’ dawn il‑partijiet, li dawn l‑argumenti kienu infondati, dawn l‑argumenti ma jistgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit li f’dan il‑każ kienet meħtieġa analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li kienu s‑suġġett ta’ dumping.

215    Għaldaqstant, l‑ewwel u t‑tmien partijiet tal‑ewwel motiv, sa fejn huma bbażati fuq in‑nuqqas ta’ analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Barra minn hekk, fid‑dawl ta’ din il‑konklużjoni, għandha tiġi miċħuda wkoll l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv sa fejn hija bbażata fuq żball ta’ liġi fir‑rigward tal‑obbligu li ssir analiżi kollettiva tad‑diversi fatturi ta’ ħsara.

B –  Fuq it‑tieni motiv, dwar l‑eżistenza ta’ interess Komunitarju

1.     Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni motiv, dwar il‑fatt li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon għolew wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

216    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill manifestament wettaq żball ta’ interpretazzjoni fir‑rigward tal‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009]. F’dan is‑sens, fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill invoka din id‑dispożizzjoni, b’mod żbaljat, sabiex isostni li, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal‑interess Komunitarju, huwa ma kienx obbligat jikkunsidra l‑evoluzzjoni sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni. Issa, l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku japplika biss għall‑evalwazzjoni tad‑dumping u tal‑ħsara. L‑Artikolu 21 tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 1225/2009), dwar l‑interess Komunitarju, ma jinkludi ebda restrizzjoni ratione temporis. Għalhekk, il‑kriterju tal‑interess Komunitarju huwa kriterju prospettiv, b’tali mod li l‑applikazzjoni tiegħu ma tistax, minħabba l‑essenza tiegħu, tkun limitata għal data li tikkonċerna perijodu li jintemm qabel il‑bidu tal‑investigazzjoni. Barra minn hekk, l‑istituzzjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod abitwali, informazzjoni li tkun sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni, kif għamlu pereżempju fir‑Regolament Nru 1420/2007. Barra minn hekk, fis‑sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il‑Kunsill (T‑138/02, Ġabra p. II‑4347, punt 59), il‑Qorti Ġenerali spejgat li l‑projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni kienet intiża li jiġi żgurat li l‑elementi li fuqhom tkun ibbażata d‑determinazzjoni tad‑dumping u tal‑ħsara ma jkunux influwenzati mill‑aġir tal‑produtturi kkonċernati wara l‑ftuħ tal‑proċedura antidumping. Madankollu, dan ir‑raġunament ma japplikax għall‑evalwazzjoni tal‑interess Komunitarju peress li dan l‑interess ma huwiex suġġett għal manipulazzjoni min‑naħa tal‑partijiet fl‑investigazzjoni.

217    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostna, fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, li, peress li l‑ispejjeż tal‑produzzjoni kienu żdiedu matul ix‑xhur ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni, l‑industrija Komunitarja ma kinitx irkuprat sa punt tali li ma kienx għadu ġustifikat li jiġu imposti miżuri antidumping, u dan minkejja li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon kienu għolew. Skont ir‑rikorrenti, għalkemm huwa minnu li l‑ispejjeż prinċipali tal‑produzzjoni tal‑ferrosilikon kienu komplew jiżdiedu wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni, il‑portata ta’ dawn iż‑żidiet fl‑ispejjeż kienet iktar limitata minn dik taż‑żieda fil‑prezzijiet tal‑ferrosilikon. Għalhekk, filwaqt li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon kienu għolew b’50 % bejn il‑perijodu ta’ investigazzjoni u l‑adozzjoni tar‑Regolament ikkontestat, il‑prezz tal‑elettriku, li huwa l‑ispiża prinċipali tal‑produzzjoni, kien żdied b’madwar 4 % matul it‑tieni nofs tal‑2007. Dan ippermetta lill‑produtturi Komunitarji jaqbżu l‑limitu ta’ 5 % ta’ marġni ta’ profitt, ikkunsidrat bħala raġonevoli fir‑Regolament ikkontestat. Sussegwentement, il‑produtturi Komunitarji kienu reġgħu bdew jipproduċu l‑ferrosilikon.

218    Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti jsostnu, fir‑replika, li l‑Kunsill ma mmotivax b’mod adegwat iċ‑ċaħda min‑naħa tiegħu tal‑argumenti u tal‑provi li huma kienu ressqu fil‑kuntest tal‑investigazzjoni antidumping sabiex jistabbilixxu li ż‑żieda fil‑prezzijiet tal‑ferrosilikon wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni kienet ogħla miż‑żieda fl‑ispejjeż.

219    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

220    Fil‑kuntest tal‑eżami ta’ din il‑parti tat‑tieni motiv, fl‑ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il‑Kunsill wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra, fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, li l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku japplika għall‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess tal‑Komunità fl‑impożizzjoni ta’ miżuri antidumping, ħaġa din li timplika li informazzjoni sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni normalment ma għandhiex tintuża għall‑finijiet ta’ din il‑konstatazzjoni.

221    Minn qari letterali u teleoloġiku kemm tal‑Artikolu 6(1) u kif ukoll tal‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009] jista’ jiġi konkluż li, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑Kunsill fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku ma japplikax għall‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess tal‑Komunità, kif prevista fl‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament bażiku, u dan ifisser li data dwar perijodu iktar reċenti mill‑perijodu ta’ investigazzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kuntest ta’ din il‑konstatazzjoni.

222    Fil‑fatt, għandu jitfakkar li l‑Artikolu 6 tar‑Regolament bażiku huwa intitolat “L‑investigazzjoni”. L‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li l‑investigazzjoni “għandha tkopri kemm il‑bejgħ taħt il‑prezz [dumping] u l‑ħsara u [li] dawn għandhom jiġu investigati fl‑istess ħin”. Dan l‑artikolu jispeċifika wkoll li, “[g]ħall‑iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perijodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul” u li “[i]nformazzjoni li għandha x’taqsma ma perjodu wara l‑perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata”. Sa fejn l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku jispeċifika li l‑investigazzjoni għandha tikkonċerna biss id‑determinazzjoni tad‑dumping u tal‑ħsara, l‑aħħar sentenza ta’ din l‑istess dispożizzjoni, li tipprovdi li normalment l‑evoluzzjoni sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, tapplika bl‑istess mod biss għall‑evalwazzjoni tad‑dumping u tal‑ħsara.

223    Din l‑interpretazzjoni hija kkonfermata mill‑analiżi tal‑għan tal‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku. Skont il‑ġurisprudenza, l‑iffissar ta’ perijodu ta’ investigazzjoni u l‑projbizzjoni li elementi sussegwenti għalih jittieħdu inkunsiderazzjoni huma intiżi sabiex jiġi żgurat li r‑riżultati tal‑investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, Ġabra p. II‑1757, punt 74). Il‑perijodu ta’ investigazzjoni previst fl‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku huwa b’mod partikolari intiż sabiex jiġi żgurat li l‑elementi li fuqhom tkun ibbażata d‑determinazzjoni tad‑dumping u tal‑ħsara ma jkunux influwenzati mill‑aġir tal‑produtturi kkonċernati sussegwenti għall‑ftuħ tal‑proċedura antidumping u għalhekk sabiex id‑dazju definittiv impost fi tmiem il‑proċedura jkun adegwat sabiex tiġi rrimedjata effettivament il‑ħsara kkawżata mid‑dumping (sentenza Nanjing Metalink vs Il‑Kunsill, iċċitata fil‑punt 216 iktar ’il fuq, punt 59). Issa, għandu jiġi osservat, kif jagħmlu r‑rikorrenti, li, għalkemm il‑partijiet interessati jistgħu jinfluwenzaw id‑determinazzjoni tad‑dumping u tal‑ħsara billi jibdlu l‑politika kummerċjali tagħhom, dan ma huwiex possibbli fir‑rigward tad‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess Komunitarju fl‑impożizzjoni tal‑miżuri. Għalhekk, l‑għan segwit permezz tad‑definizzjoni ta’ perijodu ta’ investigazzjoni, fejn tittieħed inkunsiderazzjoni biss id‑data relatata ma’ dan il‑perijodu, ma huwiex rilevanti fil‑kuntest tal‑Artikolu 21 tar‑Regolament bażiku.

224    Bl‑istess mod, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l‑Artikolu 21 tar‑Regolament bażiku ma jinkludi ebda restrizzjoni ratione temporis fir‑rigward tad‑data li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill‑istituzzjonijiet għall‑finijiet tal‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess Komunitarju. Min‑naħa l‑oħra, skont il‑ġurisprudenza, l‑eżami tal‑interess Komunitarju jeħtieġ evalwazzjoni tal‑konsegwenzi probabbli kemm tal‑applikazzjoni kif ukoll tan‑nuqqas ta’ applikazzjoni tal‑miżuri kkunsidrati fir‑rigward tal‑interess tal‑industrija Komunitarja u fir‑rigward tal‑interessi l‑oħra involuti. Din l‑evalwazzjoni timplika tbassir imsejjes fuq ipoteżi dwar avvenimenti futuri li jinkludi l‑evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Lulju 2003, Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni, T‑132/01, Ġabra p. II‑2359, punt 47). Sa fejn l‑analiżi prevista fl‑Artikolu 21 tar‑Regolament bażiku hija ta’ natura prospettiva, l‑istituzzjonijiet jista’ jkollhom bżonn jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni li ma tikkonċernax il‑perijodu ta’ investigazzjoni iżda li tkun sussegwenti għalih.

225    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu r‑rikorrenti, il‑Kunsill wettaq żball ta’ liġi, fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, meta applika l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku għad‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess Komunitarju.

226    Madankollu, anki jekk l‑istituzzjonijiet ikkunsidraw li l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament bażiku kien japplika għad‑determinazzjoni tal‑eżistenza ta’ interess Komunitarju, huma analizzaw, fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, l‑informazzjoni disponibbli sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, bħala tali, l‑iżball ta’ liġi ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l‑legalità tar‑Regolament ikkontestat.

227    Fit‑tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l‑eżami tal‑informazzjoni sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni, imwettaq mill‑istituzzjonijiet fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għandu jitfakkar, f’dan ir‑rigward, li fir‑rigward tal‑evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa, il‑Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl‑evalwazzjoni tal‑interess Komunitarju. Għaldaqstant, il‑qorti tal‑Unjoni għandha tillimita l‑istħarriġ tagħha għall‑verifika tal‑osservanza tar‑regoli proċedurali, tal‑eżattezza materjali tal‑fatti kkunsidrati sabiex issir l‑għażla kkontestata, tan‑nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tan‑nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 224 iktar ’il fuq, punt 67).

228    Għandu jitfakkar li, fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill sostna li ma setax jiġi konkluż li l‑industrija Komunitarja ma kinitx irkuprat sa punt tali li ma kienx għadu ġustifikat li jiġu imposti miżuri antidumping sa fejn, minkejja li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon kienu għolew fix‑xhur ta’ wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni, il‑prezzijiet tal‑elementi prinċipali tal‑ispiża tal‑ferrosilikon kienu żdiedu wkoll.

229    L‑allegazzjoni tar‑rikorrenti, fis‑sens li l‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, hija bbażata fuq żewġ argumenti. Minn naħa, il‑prezzijiet kienu żdiedu b’50 % bejn il‑perijodu ta’ investigazzjoni u l‑adozzjoni tar‑Regolament ikkontestat. Min‑naħa l‑oħra, l‑ispejjeż tal‑produzzjoni ma kinux żdiedu daqs il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon.

230    Madankollu, għandu jiġi osservat li d‑dokumenti prodotti mir‑rikorrenti insostenn ta’ dawn l‑argumenti, kemm fil‑kuntest tal‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u kif ukoll fil‑kuntest tal‑proċedura antidumping, għandhom difett fundamentali. Għalkemm dawn id‑dokumenti huma ta’ natura tali li jistabbilixxu li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon żdiedu fix‑xhur ta’ wara t‑tmiem tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, dawn l‑istess dokumenti b’ebda mod ma jistabbilixxu li ż‑żieda tal‑ispejjeż b’mod globali kienet ħafna iktar limitata. F’dan ir‑rigward, ir‑rikorrenti jipproduċu biss dokument li jsemmi żieda fil‑prezz tal‑elettriku ta’ 4 % mingħajr ma jsemmi l‑evoluzzjoni tal‑prezz tal‑inputs l‑oħra.

231    Issa, skont l‑Artikolu 21(7) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 21(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009], l‑informazzjoni ppreżentata lill‑istituzzjonijiet għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss meta tkun issostanzjata bi provi konkreti li jistabbilixxu l‑validità tagħha. Sa fejn tali provi ma kinux disponibbli, il‑Kunsill ma jista’ jiġi akkużat b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

232    Fid‑dawl tal‑insuffiċjenza tal‑provi mressqa mir‑rikorrenti, l‑argumenti tagħhom huma inqas u inqas ġustifikati minħabba li r‑Regolament bażiku jipprevedi mekkaniżmi speċifiċi intiżi sabiex jiġu ttrattati ċerti żviluppi sussegwenti għall‑perijodu ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑7 ta’ Mejju 1987, Nipon Seiko vs Il‑Kunsill, 258/84, Ġabra p. 1899, punt 53). F’dan is‑sens, l‑Artikolu 11(3) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 11(3) tar‑Regolament Nru 1225/2009] jipprovdi li tista’ ssir reviżjoni interim fi tliet każijiet: meta ż‑żamma tal‑miżura ma tkunx għadha meħtieġa sabiex tirribatti d‑dumping, meta l‑kontinwazzjoni jew ir‑rikorrenza tal‑ħsara jkunu improbabbli jekk il‑miżura titneħħa jew tkun emendata u meta l‑miżura eżistenti ma tkunx jew ma tkunx għadha suffiċjenti sabiex tirribatti d‑dumping. L‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 11(8) tar‑Regolament Nru 1225/2009)] jipprovdi għall‑ħlas lura tad‑dazji antidumping meta jintwera li l‑marġni ta’ dumping li fuq il‑bażi tiegħu tħallsu d‑dazji jkun tneħħa jew tnaqqas sa livell inqas mil‑livell tad‑dazju fis‑seħħ. Fl‑aħħar nett, skont l‑Artikolu 14(4) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 14(4) tar‑Regolament Nru 1225/2009], il‑miżuri antidumping jistgħu jiġu sospiżi jekk il‑kundizzjonijiet tas‑suq ikunu nbidlu temporanjament b’tali mod li jkun improbabbli li l‑ħsara terġa’ timmaterjalizza bħala konsegwenza tas‑sospensjoni.

233    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jitqies li l‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

234    Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti dwar iċ‑ċaħda mhux motivata tal‑provi li huma kienu ressqu, dan l‑argument ma huwiex fondat. Fil‑fatt, fil‑punt 230 iktar ’il fuq ġie stabbilit li d‑dokumenti pprovduti lill‑istituzzjonijiet mir‑rikorrenti kienu ta’ natura li jistabbilixxu li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon kienu żdiedu fix‑xhur ta’ wara t‑tmiem tal‑perijodu ta’ investigazzjoni, iżda b’ebda mod ma kienu jistabbilixxu li ż‑żieda tal‑ispejjeż b’mod globali kienet ħafna iktar limitata. Għaldaqstant, il‑motivazzjoni li tinsab fil‑premessa 106 tar‑Regolament ikkontestat hija suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda dawn id‑dokumenti.

235    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l‑ewwel parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda fl‑intier tagħha. Fil‑fatt, għandu jiġi osservat li l‑iżball ta’ liġi kkonstatat fil‑kuntest tal‑eżami ta’ din il‑parti ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l‑annullament tar‑Regolament ikkontestat.

2.     Fuq it‑tieni parti tat‑tieni motiv, dwar l‑esperjenza miksuba fil‑passat li turi li l‑miżuri antidumping ma humiex ta’ għajnuna għall‑industrija Komunitarja

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

236    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, fil‑premessi 117 u 118 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l‑esperjenza miksuba fil‑passat meta din l‑esperjenza kienet turi, minn naħa, li l‑miżuri antidumping fis‑settur tal‑ferrosilikon ma jippermettux li jinkiseb l‑effett korrettiv mixtieq u, min‑naħa l‑oħra, li dawn il‑miżuri jimponu piż inutli fuq l‑industrija Komunitarja. Skont ir‑rikorrenti, għalkemm huwa minnu li d‑deċiżjoni li jiġu imposti miżuri antidumping għandha tkun ibbażata fuq l‑informazzjoni miġbura u analizzata matul l‑investigazzjoni korrespondenti, l‑impatt ta’ miżuri preċedenti huwa fattur importanti u rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kuntest tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 21 tar‑Regolament bażiku. Skont ir‑rikorrenti, fid‑Deċiżjoni 2001/230/KE, tal‑21 ta’ Frar 2001, li tagħlaq il‑proċedura antidumping fir‑rigward tal‑importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġinaw mill‑Brażil, mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina, mill‑Każakistan, mir‑Russja, mill‑Ukraina u mill‑Venezwela (ĠU L 84, p. 36), il‑Kummissjoni temmet il‑miżuri antidumping applikati għall‑importazzjonijiet tal‑ferrosilikon sa mill‑1987 minħabba li ma kinux ippermettew li jintlaħaq l‑effett korrettiv mixtieq minkejja l‑piż sinjifikattiv li dawn il‑miżuri kienu imponew fuq l‑utenti Komunitarji. Skont ir‑rikorrenti, id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni kienet ġiet ikkonfermata mill‑Qorti Ġenerali. Fid‑dawl ta’ dan, ir‑rikorrenti huma tal‑fehma li l‑istituzzjonijiet kien imisshom iddeteriminaw fuq liema punt il‑każ ineżami kien differenti, b’mod li tiġi ġustifikata d‑differenza fl‑analiżi adottata.

237    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

238    Fil‑kuntest ta’ din il‑parti tat‑tieni motiv, ir‑rikorrenti jallegaw essenzjalment li, fil‑premessi 117 u 118 tar‑Regolament ikkontestat, l‑istituzzjonijiet kien imisshom ħadu inkunsiderazzjoni d‑Deċiżjoni 2001/230, li temmet il‑miżuri antidumping imposti fuq l‑importazzjonijiet tal‑ferrosilikon minħabba li ma kellhomx l‑effett korrettiv mixtieq. Dan l‑ilment għandu jiġi analizzat fid‑dawl tal‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 227 iktar ’il fuq.

239    Għandu jiġi osservat li l‑Kunsill, fil‑premessi 117 u 118 tar‑Regolament ikkontestat, jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni d‑Deċiżjoni 2001/230 sa fejn ir‑Regolament bażiku jipprovdi li d‑deċiżjonijiet għandhom jittieħedu fuq il‑bażi tal‑informazzjoni miġbura u analizzata matul l‑investigazzjoni korrespondenti u mhux matul investigazzjonijiet preċedenti.

240    F’dan ir‑rigward għandu jitfakkar li l‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l‑adozzjoni tal‑miżuri tkunx fl‑interess tal‑Komunità, għandhom jiġu evalwati l‑interessi involuti kollha b’mod ġenerali, inklużi dawk tal‑industrija Komunitarja kif ukoll tal‑utenti u tal‑konsumaturi. Skont il‑ġurisprudenza, l‑evalwazzjoni tal‑interess Komunitarju teżiġi l‑ibbilanċjar tal‑interessi tad‑diversi partijiet interessati u tal‑interess ġenerali (sentenza Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 224 iktar ’il fuq, punt 48).

241    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif intqal fil‑punt 227 iktar ’il fuq, il‑Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl‑evalwazzjoni tal‑interess Komunitarju. Din is‑setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata każ b’każ fid‑dawl tal‑fatti rilevanti kollha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 227 iktar ’il fuq, punt 43). Madankollu, deċiżjoni preċedenti li tikkonkludi li l‑miżuri antidumping imposti, fil‑passat, fuq l‑importazzjonijiet ta’ prodott identiku li joriġinaw mill‑istess pajjiżi bħal dawk koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni, ma kinux ta’ natura korrettiva, tista’ tkun rilevanti fil‑kuntest tal‑applikazzjoni tal‑Artikolu 21(1) tar‑Regolament bażiku jekk tikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li l‑adozzjoni ta’ miżuri antidumping ma hijiex fl‑interess ġenerali. F’każ bħal dan, madnakollu, hija l‑parti li tinvoka d‑deċiżjoni msemmija li għandha tispjega b’liema mod iċ‑ċirkustanzi li fihom din id‑deċiżjoni kienet ġiet adottata huma paragunabbli għal dawk tal‑proċedura antidumping pendenti u għalfejn il‑konklużjonijiet magħmula f’din id‑deċiżjoni għandhom jiġu trasposti għall‑proċedura msemmija.

242    F’dan il‑każ, ir‑rikorrenti ma stabbilixxewx b’liema mod iċ‑ċirkustanzi li fihom kienet ġiet adottata d‑Deċiżjoni 2001/230 kienu paragunabbli u kienu jiġġustifikaw l‑applikazzjoni tal‑konklużjonijiet magħmula f’dik id‑deċiżjoni għall‑fatti ineżami. Barra minn hekk, kif josserva l‑Kunsill, iċ‑ċirkustanzi li fihom kienet ġiet adottata d‑Deċiżjoni 2001/230 kienu differenti minn dawk tal‑każ ineżami. B’hekk, dik id‑deċiżjoni kienet irriżultat minn reviżjoni ta’ miżuri li kienu wasslu sabiex jiskadu u kienet ingħatat f’sitwazzjoni fejn kien hemm miżuri li kienu ilhom fis‑seħħ fil‑konfront ta’ diversi pajjiżi għal diversi snin, u dan jimplika li l‑industrija Komuntiarja kienet ilha għal ħafna żmien tibbenefika minn protezzjoni fuq is‑suq. Dan ma kienx il‑każ fil‑każ ineżami. Barra minn hekk, id‑Deċiżjoni 2001/230, sabiex tasal għall‑konklużjoni li ma kienx opportun li jiġu adottati miżuri antidumping, il‑Kummissjoni bbażat ruħha fuq il‑fatt li, minkejja l‑protezzjoni għal żmien twil, is‑sitwazzjoni tal‑industrija Komunitarja ma kinitx tjiebet. Għaldaqstant, il‑kundizzjonijiet prevalenti fis‑suq Komunitarju tal‑ferrosilikon, kif eżaminat fid‑Deċiżjoni 2001/230, kienu fundamentalment differenti minn dawk tal‑każ ineżami.

243    Għaldaqstant, sa fejn ebda wieħed mill‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑premessi 117 u 118 tar‑Regolament ikkontestat huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, it‑tieni parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3.     Fuq it‑tielet parti tat‑tieni motiv, dwar l‑analiżi tal‑impatt tal‑miżuri antidumping fuq l‑utenti

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

244    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jargumentaw li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li l‑impatt tal‑miżuri antidumping fuq l‑utenti ma kienx ser ikun sinjifikattiv. L‑ewwel nett, il‑Kunsill semma biss, fil‑premessa 115 tar‑Regolament ikkontestat, l‑impatt fuq il‑profitt, f’perċentwali. Dan iqarraq b’dak li jkun sa fejn, b’rata medja ta’ impożizzjoni ta’ 23.4 %, l‑industriji utenti jkollhom ibatu żieda addizzjonali diretta ta’ madwar EUR 104 miljuni fis‑sena. Barra minn hekk, il‑miżuri antidumping jimplikaw spejjeż indiretti addizzjonali għall‑utenti Komunitarji marbuta mal‑waqfien fil‑provvista u maż‑żidiet għal żmien qasir jew medju fil‑prezzijiet tal‑ferrosilikon.

245    It‑tieni nett, ir‑rikorrenti josservaw li l‑Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l‑fatt li, matul il‑perijodu kkunsidrat, l‑utenti Komunitarji kienu dejjem iktar dipendenti fuq l‑importazzjonijiet sabiex jissodisfaw il‑ħtiġijiet tagħhom ta’ ferrosilikon, u dan sa fejn il‑produtturi Komunitarji la setgħu u lanqas ma xtaqu jissodisfaw dawn il‑ħtiġijiet. Barra minn hekk, id‑diffikultajiet fil‑provvista kienu komplew jaggravaw wara l‑perijodu kkunsidrat u dan sa fejn Vargön Alloys iddeċidiet li twaqqaf il‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon, sa fejn OFZ iddeċidiet li tikkonċentra fuq il‑produzzjoni kaptiva maħsuba għal ArcelorMittal, sa fejn TDR ideċidiet li tibdel l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħha lejn is‑silikon u sa fejn Huta Laziska kellha tkompli l‑operazzjonijiet tagħha taħt kontroll ġudizzjarju, mingħajr ċertezza fir‑rigward tal‑provvista tal‑elettriku tagħha.

246    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jqisu li, sabiex ikun osservat il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ li l‑ispejjeż għolja sostnuti mill‑utenti jiġu bbilanċjati mal‑vantaġġ miksub mill‑industrija Komunitarja. Issa, fid‑dawl tal‑proċeduri antidumping preċedenti u tal‑evoluzzjoni fil‑kundizzjonijiet tas‑suq, l‑interess tal‑Komunità kien jirrikjedi li ma jiġi impost ebda dazju.

247    Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti jsostnu, fir‑replika, li l‑Kunsill ma mmotivax b’mod adegwat id‑deċiżjoni li ma jiħux inkunsiderazzjoni l‑piżijiet li jirriżultaw mill‑waqfien fil‑produzzjoni għall‑utenti Komunitarji.

248    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

249    Fil‑kuntest ta’ din il‑parti tat‑tieni motiv, ir‑rikorrenti qegħdin essenzjalment jikkontestaw il‑fatt li l‑miżuri antidumping se jkollhom impatt ftit importanti fuq l‑utenti. Bħaż‑żewġ partijiet preċedenti, din il‑parti għandha tiġi analizzata fid‑dawl tal‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 227 iktar ’il fuq.

250    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jqisu li l‑premessa 115 tar‑Regolament ikkontestat hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l‑Kunsill, f’din il‑premessa, sostna li, fid‑dawl tal‑fatt li r‑rata medja ta’ dazju definittiv kienet ta’ 23.4 %, l‑impatt tal‑miżuri fuq is‑settur tal‑azzar u fuq il‑funderiji ma kellux ikun importanti peress li l‑effett fuq ir‑riżultati finanzjarji tagħhom ma kellux ikun iktar minn 0.16 % u minn 0.33 % rispettivament.

251    L‑ewwel nett, ir‑rikorrenti jsostnu li din il‑premessa tqarraq b’dak li jkun sa fejn l‑utenti tal‑ferrosilikon għandhom ibatu spiża addizzjonali diretta ta’ madwar EUR 104 miljuni fis‑sena. Madankollu, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti ma humiex qegħdin jallegaw li ċ‑ċifri ppreżentati mill‑Kunsill, fil‑premessa msemmija, fir‑rigward tal‑effett fuq ir‑riżultati finanzjarji tal‑utenti, huma żbaljati. Huma sempliċement jippreżentaw ċifra li tikkorrispondi għall‑ispiża addizzjonali assoluta sostnuta mill‑utenti, iżda ma jispjegawx għalfejn din iċ‑ċifra hija iktar affidabbli jew iktar rivelattriċi miċ‑ċifri ppreżentati mill‑Kunsill.

252    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑ispejjeż indiretti li l‑utenti ser ikollhom isostnu, ir‑rikorrenti ma jressqu ebda prova insostenn tal‑allegazzjoni li l‑utenti tal‑ferrosilikon ser ikollhom jaffrontaw waqfien fil‑provvista. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, kif jagħmel il‑Kunsill, li din hija allegazzjoni purament spekulattiva sa fejn l‑impożizzjoni ta’ miżuri antidumping ma tipprekludix il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑ferrosilikon li joriġina mill‑pajjiżi koperti mill‑proċedura ta’ investigazzjoni iżda tipprekludi biss li l‑esportaturi jikkummerċjalizzawh bi prezz ta’ dumping.

253    It‑tielet nett, fir‑rigward tal‑allegazzjoni tar‑rikorrenti li l‑produtturi Komunitarji la xtaqu u lanqas ma setgħu jissodisfaw il‑ħtiġijiet tal‑utenti matul il‑perijodu kkunsidrat, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti, insostenn ta’ din l‑allegazzjoni, jibbażaw ruħhom fuq żewġ dokumenti ppreżentati lill‑Kummissjoniu mill‑European Confederation of Iron and Steel Industries (Eurofer, Konfederazzjoni Ewropea tal‑industriji tal‑ħadid u tal‑azzar) fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ investigazzjoni. Sa fejn fihom biss sempliċi allegazzjonijiet minn parti interessata oħra, dawn id‑dokumenti ma għandhom ebda valur probatorju. Ir‑rikorrenti jibbażaw ruħhom ukoll fuq artiklu li deher fl‑istampa speċjalizzata u li jsostni li Vargön Alloys kienet iddeċidiet li tibdel l‑orjentament tal‑produzzjoni tagħha tal‑ferrosilikon lejn il‑produzzjoni tal‑ferrokromju. Dan id‑dokument ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l‑produtturi Komunitarji, fl‑intier tagħhom, la xtaqu u lanqas ma setgħu jipprovdu l‑ferrosilikon lill‑utenti Komunitarji.

254    Minn dan isegwi li ebda wieħed mill‑argumenti mressa mir‑rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra, b’mod partikolari fil‑premessa 115 tar‑Regolament ikkontestat, li l‑miżuri antidumping kien ser ikollhom impatt ftit importanti fuq l‑utenti.

255    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l‑ilment essenzjalment jirrepeti l‑argumenti mressqa insostenn tal‑ewwel u tat‑tieni partijiet tat‑tieni motiv. Peress li dawn l‑argumenti diġà ġew ikkunsidrati li huma infondati, dan l‑ilment ukoll għandu jiġi miċħud bħala infondat.

256    Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑waqfien tal‑provvista, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, il‑motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 253 KE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal‑awtorità tal‑Unjoni, li tkun l‑awtriċi tal‑att inkriminat, b’mod li l‑persuni interessati jkunu jistgħu jidentifikaw il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d‑drittijiet tagħhom u b’mod li l‑qorti tal‑Unjoni tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ tagħha (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Ottburu 1999, Acme vs Il‑Kunsill, T‑48/96, Ġabra p. II‑3089, punt 141). Għall‑kuntrarju, l‑istituzzjonijiet ma humiex obbligati jwieġbu, fil‑motivazzjoni tar‑regolament provviżorju jew definittiv, għall‑punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha invokati mill‑persuni interessati matul il‑proċedura amministrattiva (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 94).

257    F’dan il‑kuntest, għandu jiġi osservat li l‑Kummissjoni, fil‑premessi 159 sa 166 tar‑Regolament provviżorju, wettqet analiżi ċara u inekwivoka tal‑konsegwenzi tal‑miżuri antidumping fir‑rigward tal‑utenti Komunitarji tal‑ferrosilikon. Bl‑istess mod, fil‑premessi 113 sa 116 tar‑Regolament ikkontestat, il‑Kunsill eżamina, b’mod iktar konċiż iżda xorta waħda ċar, l‑impatt tal‑impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq l‑utenti msemmija. Għaldaqstant, fid‑dawl tal‑fatt li l‑istituzzjonijiet ma humiex obbligati jwieġbu għall‑punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha invokati mill‑partijiet interessati matul il‑proċedura amministrattiva, ir‑rikorrenti ma jistgħux jakkużaw lill‑istituzzjonijiet bi ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

258    Għaldaqstant, it‑tielet parti tat‑tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

259    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it‑tieni motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq it‑tielet motiv, dwar in‑nuqqas ta’ kooperazzjoni, l‑użu tad‑data disponibbli u l‑għoti tas‑SEM

1.     Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet motiv, dwar in‑nuqqas ta’ kooperazzjoni

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

260    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u kiser l‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament Nru 1225/2009], l‑Artikolu 6.8 tal‑Ftehim antidumping kif ukoll il‑paragrafi 3 u 5 tal‑Anness II tal‑ftehim imsemmi, sa fejn ikkunsidra li huma kienu rrifjutaw li jikkooperaw, sa fejn, minħabba f’hekk, il‑Kunsill ċaħad it‑talba tagħhom għall‑għoti tas‑SEM u sa fejn il‑Kunsill ibbaża ruħu fuq id‑data disponibbli sabiex jikkalkola l‑marġni ta’ dumping u l‑ħsara.

261    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jispjegaw li huma kkooperaw mal‑investigazzjoni antidumping. Il‑kooperazzjoni tagħhom hija pprovata mill‑osservazzjonijiet li huma kienu ppreżentaw fil‑kuntest tal‑proċedura antidumping. Id‑dokumenti li jinkludu dawn l‑osservazzjonijiet kienu ħafna iktar milli normalment ikun meħtieġ fil‑kuntest ta’ tali proċedura.

262    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li, għalkemm huwa minnu li, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali u indipendenti mir‑rieda tagħhom, huma ma setgħux jospitaw iż‑żjara ta’ verifika, din is‑sitwazzjoni ma tikkostitwixxix rifjut ta’ kooperazzjoni fis‑sens tar‑Regolament bażiku sa fejn, apparti mill‑verifika, għamlu minn kollox sabiex jikkooperaw kompletament mal‑investigazzjoni. F’dan ir‑rigward ir‑rikorrenti jippreċiżaw li huma kienu ppjanaw li jospitaw din iż‑żjara iżda din kellha tiġi annullata sitt ijiem biss qabel kellha tibda. Huma jispjegaw li ma kellhomx il‑persunal meħtieġ għal din iż‑żjara minħabba li dan il‑persunal kien qiegħed jaħdem fuq il‑preparazzjoni għall‑introduzzjoni ta’ diversi miljuni ta’ euro fil‑Borża ta’ Londra kif ukoll fuq l‑investigazzjoni antidumping dwar is‑silikomanganiż. Minħabba l‑volum straordinarju ta’ xogħol li kien meħtieġ sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni sħiħa f’investigazzjoni antidumping waħda u minħabba l‑ħtieġa ta’ investiment massiv ta’ persunal fil‑preparazzjoni għall‑introduzzjoni fil‑Borża, ir‑rikorrenti kellhom jagħżlu li jew ikomplu jikkooperaw b’mod sħiħ mal‑investigazzjoni antidumping dwar is‑silikomanganiż, investigazzjoni li diġà kienet fi stadju avvanzat, jew ikomplu jikkooperaw b’mod sħiħ mal‑investigazzjoni dwar il‑ferrosilikon. Issa, l‑investigazzjoni dwar is‑silikomanganiż kienet teħtieġ inqas xogħol peress li ż‑żjara ta’ verifika kienet diġà saret u kienet tirrappreżenta kwistjoni kummerċjali iktar sinjifikattiva minħabba li r‑rikorrenti kienu naqsu l‑produzzjoni tagħhom tal‑ferrosilikon iżda mhux dik tas‑silikomanganiż. Kien għalhekk li huma informaw lill‑Kummissjoni li kienu ser ikomplu jikkooperaw mal‑investigazzjoni dwar il‑ferrosilikon iżda li ma kinux ser ikunu daqstant attivi daqs kemm kienu fl‑investigazzjoni dwar is‑silikomanganiż.

263    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li żjara ta’ verifika ma kinitx meħtieġa. L‑ewwel nett, huma josservaw li diversi gruppi speċjali tad‑WTO kienu pprovdew preċiżazzjonijiet dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 6.8 tal‑Ftehim antidumping u tal‑paragrafi 3 u 5 tal‑Anness II ta’ dan l‑istess ftehim, dispożizzjonijiet li skont il‑premessa 5 tar‑Regolament bażiku huma implementati permezz tal‑Artikolu 18(1) u (3) ta’ dan ir‑regolament. B’hekk fit‑tilwima “États‑Unis – Tôles en acier” (L‑Istati Uniti – Folji tal‑azzar) (WT/DS206/R), il‑grupp speċjali indika li l‑informazzjoni kellha tkun verifikabbli iżda li l‑awtoritajiet responsabbli għall‑investigazzjoni ma setgħux jagħżlu li jwarrbu l‑informazzjoni li kienet ġiet ippreżentata quddiemhom għas‑sempliċi raġuni li din l‑informazzjoni ma kinitx ġiet ivverifika fuq il‑post. Din l‑affermazzjoni hija kkonfermata mill‑grupp speċjali fit‑tilwima “CE – Saumon (Norvège)” [KE – Salamun (in‑Norveġja)] (WT/DS337/R), li żied li l‑Ftehim antidumping jirrikonoxxi li l‑investigazzjonijiet fuq il‑post ma kinux l‑uniku mod kif jiġi kkonstatat li l‑informazzjoni kienet verifikabbli. It‑tieni nett, skont ir‑rikorrenti, meta l‑partijiet li jikkooperaw jippreżentaw informazzjoni li ma tkunx tista’ tiġi vverifikata fuq il‑post, il‑Kummissjoni tista’ tiċħad l‑informazzjoni inkwistjoni jekk ikun hemm sorsi oħra li joħolqu dubju dwar l‑eżattezza ta’ din l‑informazzjoni. Kien għalhekk li r‑rikorrenti pproponew lill‑Kummissjoni li tivverifika d‑data ppreżentata permezz ta’ informazzjoni disponibbli oħra. Fil‑fatt, ir‑rikorrenti jispjegaw li huma kienu ċerti li l‑informazzjoni ppreżentata ma kinitx ser tiġi kkontestata u li għalhekk ma hemm xejn li jiġġustifika li l‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni ma jużawx din l‑informazzjoni sabiex jisiltu l‑konklużjonijiet tagħhom.

264    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

265    Fil‑kuntest ta’ din il‑parti tat‑tielet motiv, għandu jiġi ddeterminat jekk l‑istituzzjonijiet kisrux ir‑Regolament bażiku u l‑Ftehim antidumping meta bbażaw il‑konklużjonijiet tagħhom fuq id‑data disponibbli, minħabba d‑deċiżjoni tar‑rikorrenti li ma jospitawx iż‑żjara ta’ verifika prevista mis‑servizzi tal‑Kummissjoni, u dan fid‑dawl tal‑fatt li r‑rikorrenti kienu pparteċipaw b’mod attiv fil‑bqija tal‑proċedura ta’ investigazzjoni u tal‑fatt li d‑data pprovduta mir‑rikorrenti setgħet tiġi vverifikata permezz ta’ mod ieħor minbarra permezz ta’ żjara ta’ verifika.

266    In‑nuqqas ta’ ftehim bejn il‑partijiet jikkonċerna, essenzjalment, l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament bażiku, li jittrasponi fid‑dritt tal‑Unjoni l‑Artikolu 6.8 tal‑Ftehim antidumping kif ukoll il‑paragrafi 3 u 5 tal‑Anness II ta’ dan l‑istess ftehim. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, skont din id‑dispożizzjoni, ir‑rifjut li tiġi ospitata żjara ta’ verifika jiġġustifikax l‑użu tad‑data disponibbli. Sabiex tingħata tweġiba għal din il‑kwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, it‑termini tal‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament bażiku kif ukoll l‑għan tiegħu, u min‑naħa l‑oħra, l‑istruttura tar‑regolament imsemmi.

267    Fl‑ewwel lok, għandu jiġi osservat li l‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament bażiku huwa fformulat b’tali mod li l‑istituzzjonijiet jistgħu jużaw id‑data disponibbli meta parti interessata tkun ostakolat żjara ta’ verifika prevista mis‑servizzi tal‑Kummissjoni.

268    Fil‑fatt, l‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament bażiku jikkonċerna l‑użu tad‑data disponibbli mill‑istituzzjonijiet, minflok id‑data ta’ parti jew ta’ diversi partijiet interessati. Filwaqt li l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku jiddefinixxi l‑każijiet meta tista’ tintuża d‑data disponibbli, l‑Artikolu 18(3) ta’ dan l‑istess regolament jiddeskrivi l‑każijiet meta d‑data disponibbli ma għandhiex neċessarjament tintuża. Skont l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku, il‑possibbiltà li tintuża d‑data disponibbli teżisti f’erba’ każijiet: meta parti interessata tirrifjuta l‑aċċess għall‑informazzjoni meħtieġa, meta din il‑parti ma tipprovdihiex fit‑termini previsti, meta din il‑parti tostakola b’mod sinjifikattiv l‑investigazzjoni jew meta tipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa. L‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament bażiku jipprovdi li, meta l‑informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx l‑aħjar informazzjoni f’kull aspett, din l‑informazzjoni xorta waħda ma għandhiex tiġi injorata, bil‑kundizzjoni iżda li n‑nuqqasijiet eventwali ma jagħmlux id‑determinazzjoni ta’ konklużjonijiet raġonevolment korretti eċċessivament diffiċli, li l‑informazzjoni tkun ipprovduta fil‑ħin, li din l‑informazzjoni tkun tista’ tiġi vverifikata u li l‑parti tkun aġixxiet bl‑aħjar mod li tista’.

269    Minn dan isegwi li l‑Artikolu 18 tar‑Regolament bażiku jindirizza, fil‑paragrafi 1 u 3 tiegħu, sitwazzjonijiet differenti. B’hekk, filwaqt li l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku jiddeskrivi, b’mod ġenerali, il‑każijiet fejn l‑informazzjoni li tkun meħtieġa mill‑istituzzjonijiet, għall‑finijiet tal‑investigazzjoni, ma tkunx ingħatat, l‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament bażiku jirrigwarda l‑każijiet fejn id‑data meħtieġa, għall‑finijiet tal‑investigazzjoni, tkun ingħatat iżda ma tkunx l‑aħjar minn kull aspett.

270    Fil‑fehma tal‑Qorti Ġenerali, l‑annullament ta’ żjara ta’ verifika minn parti interessata ma għandhiex tiġi kkunsidrata fid‑dawl tal‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament bażiku iżda fid‑dawl tal‑Artikolu 18(1) tiegħu. Fil‑fatt, minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat li tali annullament jaqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 18(1) ta’ dan ir‑regolament. Huwa minnu li dan l‑annullament ma jistax jitqies li huwa kopert mill‑aħħar tliet sitwazzjonijiet imsemmija f’din id‑dispożizzjoni, kif deskritti fil‑punt 268 iktar ’il fuq. F’dan is‑sens, evidentement, permezz ta’ annullament bħal dak inkwistjoni f’dan il‑każ, parti interessati ma tonqosx milli tipprovdi informazzjoni fit‑termini previsti u lanqas ma tipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa. Bl‑istess mod, f’dan il‑każ, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi tal‑annullament taż‑żjara ta’ verifika, ma jistax jingħad li r‑rikorrenti ostakolaw b’mod sinjifikattiv l‑investigazzjoni. Madankollu, għalkemm l‑annullament ta’ żjara ta’ verifika, bħall‑annullament inkwistjoni f’dan il‑każ, ma huwiex kopert mill‑aħħar tliet sitwazzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku, tali annullament għandu jitqies, ħlief fil‑każ ta’ forza maġġuri, bħala rifjut ta’ aċċess għal informazzjoni li l‑Kummissjoni kkunsidrat neċessarja, fis‑sens tal‑ewwel sitwazzjoni deskritta minn din id‑dispożizzjoni. F’dan il‑każ, ir‑raġunijiet imressqa mir‑rikorrenti sabiex jiġġustifikaw l‑annullament taż‑żjara ma jistgħux jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri.

271    Min‑naħa l‑oħra, għall‑kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu r‑rikorrenti, l‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament bażiku ma jistax jintuża sabiex jiġi evitat l‑obbligu li tiġi ospitata żjara ta’ verifika meta tali żjara titqies li hija neċessarja mis‑servizzi tal‑Kummissjoni. Huwa minnu li żjara ta’ verifika hija intiża li tiġi kkorroborata d‑data pprovduta minn parti interessata fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ investigazzjoni u jista’ jkun li din id‑data tkun tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ metodi oħra minbarra żjara fuq il‑post fejn topera l‑parti interessata. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament bażiku, fil‑preżenza ta’ informazzjoni li ma tkunx l‑aħjar minn kull aspett, l‑użu tad‑data disponibbli jista’ jitwarrab biss jekk il‑parti interessata tkun aġixxiet bl‑aħjar mod li tista’. Issa, fis‑sitwazzjoni ta’ rifjut li tiġi ospitata żjara ta’ verifika, parti ma tistax titqies li aġixxiet bl‑aħjar mod li tista’.

272    Fit‑tieni lok, l‑għan tal‑Artikolu 18(1) u (3) tar‑Regolament bażiku huwa ta’ natura tali li jikkonferma li r‑rifjut li tiġi ospitata żjara ta’ verifika jiġġustifika l‑użu tad‑data disponibbli. B’hekk, fir‑rigward tal‑għan tal‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, sa fejn ir‑Regolament bażiku ma jagħti lill‑Kummissjoni ebda setgħa investigattiva li tippermettilha tobbliga lill‑produtturi jew lill‑esportaturi msemmija f’ilment sabiex jipparteċipaw fl‑investigazzjoni jew sabiex jipproduċu informazzjoni, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni jiddependu mill‑kooperazzjoni volontarja tal‑partijiet interessati sabiex jipprovdulhom l‑informazzjoni meħtieġa fit‑termini mogħtija. F’dan il‑kuntest, it‑tweġibiet ta’ dawn il‑partijiet għall‑kwestjonarju previst fl‑Artikolu 6(2) tar‑Regolament bażiku [l‑Artikolu 6(2) tar‑Regolament Nru 1225/2009], kif ukoll il‑verifika sussegwenti li l‑Kummissjoni tista’ twettaq fuq il‑post, prevista fl‑Artikolu 16 tal‑istess regolament (li sar l‑Artikolu 16 tar‑Regolament Nru 1225/2009), huma essenzjali għall‑iżvolġiment tal‑proċedura antidumping. Ir‑riskju li, fil‑każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mill‑impriżi koperti mill‑investigazzjoni, l‑istituzzjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni data oħra minbarra dik ipprovduta bi tweġiba għall‑kwestjonarju huwa inerenti għall‑proċedura antidumping u huwa intiż li jinkoraġġixi l‑kooperazzjoni leali u diliġenti ta’ dawn l‑impriżi (sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il‑Kunsill, T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 65). L‑Artikolu 18(3) tar‑Regolament bażiku huwa intiż, min‑naħa tiegħu, li jiżgura li l‑istituzzjonijiet ma jinjorawx b’mod abbużiv data li, għalkemm ma tkunx perfetta, xorta waħda tkun tista’ tintuża u tkun tista’ tiġi vverifikata.

273    L‑użu tad‑data disponibbli meta parti interessata tirrifjuta li tospita żjara ta’ verifika huwa konformi ma’ dawn l‑għanijiet. Fil‑fatt, tali rifjut imur kontra l‑għan ta’ kooperazzjoni leali u diliġenti, għan li l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku jipprova jiżgura l‑osservanza tiegħu. Barra minn hekk, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑istituzzjonijiet ma jistgħu jiġu akkużati b’ebda twarrib abbużiv ta’ data, u dan ifisser li d‑data li ma tkunx ġiet ivverifikata fil‑kuntest ta’ verifika fuq il‑post ma għandhiex neċessarjament tiġi vverifikata permezz ta’ metodi oħra iżda tista’ tiġi injorata.

274    Fit‑tielet lok, il‑possibbiltà li tintuża d‑data disponibbli meta parti interessata tirrifjuta li tospista ż‑żjara ta’ verifika hija kkonfermata minn analiżi tal‑istruttura tar‑Regolament bażiku. F’dan ir‑rigward għandu jiġi osservat li, skont l‑Artikolu 6(8) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 6(8) tar‑Regolament Nru 1225/2009], fil‑kuntest tal‑investigazzjoni dwar id‑dumping u l‑ħsara li hija obbligata twettaq, il‑Kummissjoni għandha tivverifika, sa fejn ikun possibbli, l‑eżatteza tal‑informazzjoni pprovduta mill‑partijiet interessati u li fuqha jkunu bbażati l‑konklużjonijiet, ħlief fiċ‑ċirkustanzi previsti fl‑Artikolu 18 tar‑regolament imsemmi. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 16(1) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 16(1) tar‑Regolament Nru 1225/2009], meta tqis li jkun opportun il‑Kummissjoni għandha twettaq żjarat sabiex teżamina l‑kotba tal‑importaturi, tal‑esportaturi, tal‑operaturi kummerċjali, tal‑aġenti, tal‑produtturi, tal‑assoċjazjzonijiet u tal‑organizzazzjonijiet professjonali u għandha tivverifika l‑informazzjoni pprovduta fir‑rigward tad‑dumping u tal‑ħsara.

275    Minn dan isegwi, minn naħa, li huma l‑istituzzjonijiet li għandhom jiddeċiedu jekk, għall‑finijiet tal‑verifika tal‑informazzjoni pprovduta minn parti interessata, huma jikkunsidrawx li huwa meħtieġ li din l‑informazzjoni tiġi kkorroborata permezz ta’ żjara ta’ verifika fil‑post fejn topera din il‑parti u, min‑naħa l‑oħra, li, f’sitwazzjoni fejn parti interessata tostakola l‑verifika tad‑data li tkun ipprovdiet, japplika l‑Artikolu 18 tar‑Regolament bażiku u tkun tista’ tintuża d‑data disponibbli.

276    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku jawtorizza lill‑istituzzjonijiet sabiex jużaw id‑data disponibbli meta parti interessata tkun ostakolat iż‑żjara ta’ verifika u li l‑Artikolu 18(3) ta’ dan l‑istess regolament ma jimponi ebda obbligu fuq l‑istituzzjonijiet li jivverifikaw id‑data pprovduta minn parti interessata u li ma tkunx suġġetta għal verifika fuq il‑post billi jagħmlu riferiment għal sorsi oħra disponibbli ta’ informazzjoni.

277    Din il‑konklużjoni la hija mdgħajfa mir‑rapport tal‑grupp speċjali tad‑WTO, adottat fid‑29 ta’ Lulju 2002, fit‑tilwima “États‑Unis – Tôles en acier” (L‑Istati Uniti – Folji tal‑azzar) (WT/DS206/R), u lanqas minn dak adottat fil‑15 ta’ Jannar 2008, fit‑tilwima “CE – Saumon (Norvège)” [KE – Salamun (in‑Norveġja)].

278    Fil‑fatt, ebda wieħed minn dawn ir‑rapporti ma jindirizza l‑kwistjoni ta’ kif jiġi kkunsidrat, mill‑istituzzjonijiet, ir‑rifjut fil‑konfront tagħhom min‑naħa ta’ parti interessata li tospita żjara ta’ verifika. B’hekk, fis‑silta mir‑rapport dwar it‑tilwima “L‑Istati Uniti – Folji tal‑azzar”, iċċitata mir‑rikorrenti fl‑atti tagħhom, il‑grupp speċjali oġġezzjona għall‑affermazzjoni tal‑Istati Uniti li ċerta informazzjoni kienet ġiet miċħuda fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ investigazzjoni minħabba li ma kinitx tissodisfa l‑kriterji tal‑paragrafu 3 tal‑Anness II tal‑Ftehim antidumping. F’dan il‑kuntest, il‑grupp speċjali ddefinixxa l‑kunċett ta’ informazzjoni verifikabbli. Bl‑istess mod, is‑silta mir‑rapport tal‑grupp speċjali fit‑tilwima “KE – Salamun (in‑Norveġja)”, li fuqha jibbażaw ruħhom ir‑rikorrenti fl‑atti tagħhom, kienet tikkonċerna l‑kwistjoni ta’ jekk informazzjoni ppreżentata wara ż‑żjara ta’ verifika setgħetx titqies li hija verifikabbli.

279    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, fid‑dawl tad‑deċiżjoni tar‑rikorrenti li jirrinunjzaw milli jospitaw iż‑żjara ta’ verifika prevista mis‑servizzi tal‑Kummissjoni, il‑Kunsill seta’ legalment u mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni juża d‑data disponibbli.

280    Għaldaqstant, l‑ewwel parti tat‑tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Fuq it‑tieni parti tat‑tielet motiv, dwar l‑użu tad‑data disponibbli mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d‑data verifikabbli

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

281    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑Kunsill kiser l‑Artikolu 18(5) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 18(5) tar‑Regolament Nru 1225/2009], l‑Artikolu 6.8 kif ukoll il‑paragrafi 3 u 5 tal‑Anness II tal‑Ftehim antidumping sa fejn naqas milli jeżamina l‑informazzjoni verifikabbli li kienet ġiet ippreżentata quddiemu b’mod eżawrjenti u fit‑termini previsti. Fil‑fatt, l‑istituzzjonijiet kienu obbligati jivverifikaw il‑konklużjonijiet tagħhom b’riferiment għall‑informazzjoni li r‑rikorrenti kienu ppreżentaw, bħala parti kkonċernata, u filwaqt li jqabblu din l‑informazzjoni ma’ informazzjoni disponibbli oħra. Dan huwa kkonfermat mir‑rapport tal‑grupp speċjali tad‑WTO, adottat fl‑20 ta’ Diċembru 2005, fit‑tilwima “Mexique – Mesures antidumping visant le riz” (Il‑Messiku – Miżuri antidumping dwar ir‑ross) (WT/DS295/R).

282    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

283    Ir‑rikorrenti jsostnu, fil‑kuntest tat‑tieni parti tat‑tielet motiv, li l‑istituzzjonijiet kien imisshom ivverifikaw il‑konklużjonijiet tagħhom b’riferiment għall‑informazzjoni li huma kienu pprovdew.

284    F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li, fid‑dawl tal‑Artikolu 18(5) tar‑Regolament bażiku, huwa minnu li meta jużaw id‑data disponibbli l‑istituzzjonijiet huma obbligati, sa fejn ikun possibbli, li jivverifikaw din id‑data b’riferiment għal sorsi indipendenti oħra jew b’riferiment għall‑informazzjoni miksuba minn partijiet ikkonċernati oħra matul l‑investigazzjoni.

285    Madankollu, f’dan il‑każ, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il‑Kunsill, li r‑rikorrenti ma jispeċifikawx liema konklużjonijiet kienu jiġu kkontestati li kieku d‑data disponibbli kienet ġiet ivverifikata b’riferiment għall‑informazzjoni pprovduta minnhom. Huma lanqas ma jippreċiżaw liema informazzjoni kienet tippermetti l‑kontestazzjoni tal‑konklużjonijiet imsemmija.

286    Minn dan isegwi, fid‑dawl tal‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 212 iktar ’il fuq, li din il‑parti tat‑tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

3.     Fuq it‑tielet parti tat‑tielet motiv, dwar iċ‑ċaħda tat‑talba għall‑għoti tas‑SEM

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

287    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisru l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament bażiku sa fejn imponew kundizzjoni addizzjonali li ma hijiex prevista minn din id‑dispożizzjoni u injoraw informazzjoni importanti għas‑sempliċi raġuni li minħabba avvenimenti indipendenti mir‑rieda tagħhom huma ma setgħux jospitaw żjara ta’ verifika.

288    B’hekk, l‑ewwel nett, għall‑kuntrarju ta’ dak li jimplikaw l‑istituzzjonijiet fil‑premessi 10 u 25 tar‑Regolament provviżorju, l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament bażiku ma jeżiġix li t‑talbiet għall‑għoti tas‑SEM jagħtu lok għal żjara ta’ verifika fuq il‑post. Dan jirriżulta wkoll mill‑prassi tal‑istituzzjonijiet li, meta l‑verifika ta’ ċerta informazzjoni fuq il‑post ma tkunx possibbli, jibbażaw ruħhom fuq analiżi dokumentarja. Dan kien il‑każ fil‑kuntest tal‑investigazzjonijiet antidumping li wasslu għar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1212/2005, tal‑25 ta’ Lulju 2005, li jimponi dazju definittiv kontra d‑dumping fuq l‑importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal‑ħadid fondut li joriġinaw mir‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina (ĠU L 164M, 16.06.2006, p. 325) u għar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 426/2005, tal‑15 ta’ Marzu 2005, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l‑importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti għal ħwejjeġ b’filamenti tal‑poliester li joriġinaw mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina (ĠU L 69, p. 6).

289    It‑tieni nett, skont ir‑rikorrenti, l‑istituzzjonijiet kellhom informazzjoni sostanzjali dwar il‑funzjonament tagħhom sa fejn, fil‑kuntest tal‑investigazzjoni antidumping dwar is‑silikomanganiż, il‑Kummissjoni kienet ikkonfermat li huma kienu joperaw fil‑kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas‑suq u li setgħu jingħataw is‑SEM.

290    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet kisru l‑Artikolu 2(7)(ċ) tar‑Regolament bażiku sa fejn kien biss fil‑5 ta’ Lulju 2007 li r‑rikorrenti ġew informati dwar iċ‑ċaħda tat‑talba tagħhom għall‑għoti tas‑SEM, jiġifieri seba’ xhur wara l‑ftuħ tal‑investigazzjoni. Fil‑fehma tar‑rikorrenti, l‑Artikolu 2(7)(ċ) tar‑Regolament bażiku jeżiġi li d‑determinazzjoni ssir fi żmien tliet xhur mill‑ftuħ tal‑investigazzjoni, kif ikkonfermat mill‑Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jindikaw li, li kieku l‑Kummissjoni kienet aġixxiet fit‑terminu meħtieġ ta’ tliet xhur, huma kienu jkunu jistgħu jospitaw iż‑żjara ta’ verifika sa fejn ma kinitx tikkoinċidi mal‑introduzzjoni fil‑Borża.

291    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

292    Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrenti jsostnu li, meta ċaħdu t‑talba għall‑għoti tas‑SEM minħabba li ma kienet saret ebda żjara ta’ verifika, l‑istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisru l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament bażiku sa fejn, minn naħa, skont din id‑dispożizzjoni ma hija meħtieġa ebda żjara ta’ verifika u, min‑naħa l‑oħra, l‑istituzzjonijiet kellhom informazzjoni sostanzjali dwar il‑funzjonament tagħhom, miksuba fil‑kuntest tal‑proċedura antidumping dwar is‑silikomanganiż.

293    L‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq il‑fatt li l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament bażiku ma jeżiġix li ssir żjara ta’ verifika, fil‑punt 274 iktar ’il fuq diġà sar riferiment għall‑Artikolu 6(8) u għall‑Artikolu 16(1) tar‑Regolament bażiku.

294    Skont l‑Artikolu 6(8) tar‑Regolament bażiku, il‑Kummissjoni hija obbligata tivverifika, sa fejn ikun possibbli, l‑eżattezza tal‑informazzjoni pprovduta mill‑partijiet interessati u li fuqha jkunu bbażati l‑konklużjonijiet. Sa fejn l‑Artikolu 6(8) tar‑Regolament bażiku ma jinkludi ebda limitatazzjoni għall‑portata tal‑obbligu ta’ verifika tad‑data użata bħala l‑bażi għall‑konklużjonijiet tal‑istituzzjonijiet, tali obbligu jestendi għall‑informazzjoni pprovduta minn parti interessata fil‑kuntest ta’ talba għall‑għoti tas‑SEM.

295    Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 16(1) tar‑Regolament bażiku, il‑Kummissjoni tista’, għall‑finijiet tal‑obbligu ta’ verifika, twettaq żjarat fil‑postijiet fejn joperaw il‑partijiet interessati meta tqis li dan ikun opportun. Din id‑dispożizzjoni ma tinkludi ebda limitazzjoni għall‑possibbiltà li jitwettqu tali żjarat, fid‑dawl tal‑informazzjoni li l‑Kummissjoni tkun tixtieq tikkorrobora. Minn dan isegwi li l‑Artikolu 16(1) tar‑Regolament bażiku jawtorizza lill‑Kummissjoni twettaq żjara fil‑postijiet ta’ produttur/esportatur sabiex tipproċessa t‑talba tiegħu għall‑għoti tas‑SEM u sabiex tivverifika l‑eżattezza tal‑informazzjoni li tkun ingħatatilha, jekk tqis li dan ikun meħtieġ.

296    Għalhekk, il‑fatt li l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament bażiku ma jeħtieġx li ssir żjara ta’ verifika fil‑postijiet tal‑produttur/esportatur li jkun talab is‑SEM ma jfissirx li tali żjara ma tistax issir. Bl‑istess mod, ma jistax jitqies li l‑organizzazzjoni ta’ żjara ta’ verifika, fil‑kuntest tal‑ipproċessar ta’ talba għall‑għoti tas‑SEM, timponi kundizzjoni addizzjonali għall‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament bażiku.

297    Din il‑konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal‑preċedenti msemmija mir‑rikorrenti, preċedenti li fil‑kuntest tagħhom il‑Kummissjoni, meta kienet qiegħda teżamina t‑talbiet għall‑għoti tas‑SEM, ma wettqitx żjara ta’ verifika iżda wettqet biss analiżi dokumentarja.

298    Fil‑fatt, fl‑ewwel lok, kif osservat fil‑punt 295 iktar ’il fuq, huma l‑istituzzjonijiet li għandhom jevalwaw jekk żjara ta’ verifika tkunx opportuna. Għalhekk, jekk tali żjara ma tkunx opportuna f’investigazzjoni antidumping, dan ma jfissirx li din iż‑żjara ma hijiex ser tkun neċessarja f’investigazzjoni oħra.

299    Fit‑tieni lok, il‑preċedenti msemmija mir‑rikorrenti ma jistgħux jitqabblu mas‑sitwazzjoni ineżami. Kemm fir‑Regolament Nru 1212/2005 kif ukoll fir‑Regolament Nru 426/2005, l‑istituzzjonijiet użaw it‑teknika tat‑teħid ta’ kampjuni, fis‑sens tal‑Artikolu 17 tar‑Regolament bażiku (li sar l‑Artikolu 17 tar‑Regolament Nru 1225/2009), fid‑dawl tan‑numru kbir ta’ produtturi/esportaturi kkonċernati u li kienu għamlu talba għall‑għoti tas‑SEM. F’dan il‑kuntest, l‑istituzzjonijiet wettqu żjara ta’ verifika biss fil‑postijiet fejn joperaw il‑produtturi/esportaturi inklużi fil‑kampjun. Fir‑rigward tal‑produtturi/esportaturi l‑oħra, l‑istituzzjonijiet wettqu biss analiżi dokumentarja.

300    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq il‑fatt li l‑istituzzjonijiet kellhom informazzjoni dwar is‑sitwazzjoni tar‑rikorrenti miksuba fil‑kuntest tal‑proċedura antidumping dwar is‑silikomanganiż, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 2(7)(b) tar‑Regolament bażiku, sabiex jingħata s‑SEM, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, fuq il‑bażi ta’ talba dokumentata mressqa minn produttur li jkun is‑suġġett tal‑investigazzjoni, li l‑kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas‑suq jipprevalixxu, għal dan il‑produttur, fir‑rigward tal‑fabbrikazzjoni u tal‑bejgħ tal‑prodott simili kkonċernat. Minn dan isegwi li l‑konklużjonijiet magħmula mill‑istituzzjonijiet fil‑kuntest ta’ investigazzjoni dwar prodott partikolari ma jistgħux jiġu estiżi għal prodott ieħor. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat, kif jagħmel il‑Kunsill, li, jekk investigazzjoni tippermetti li jiġi stabbilit li kumpannija tissodisfa l‑kriterji meħtieġa sabiex tikseb is‑SEM fir‑rigward ta’ prodott partikolari, dan ma jfissirx awtomatikament li hija tissodisfa dawn il‑kriterji wkoll fir‑rigward ta’ prodott ieħor, u dan sa fejn, pereżempju, jista’ jkun li l‑Istat ikollu interess strateġiku fi prodott u jintervjeni fid‑deċiżjonijiet dwar il‑prezz, l‑ispejjeż u l‑inputs tiegħu.

301    Għalhekk, id‑data miksuba fil‑kuntest tal‑ipproċessar tat‑talbiet għall‑għoti tas‑SEM imressqa fl‑investigazzjoni dwar is‑silikomanganiż ma tistax tintuża sabiex jiġu pproċessati l‑istess talbiet imressqa fl‑investigazzjoni dwar il‑ferrosilikon.

302    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑ilment ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 2(7)(ċ) tar‑Regolament bażiku, din id‑dispożizzjoni tipprovdi, kif jenfasizzaw ir‑rikorrenti, li l‑kwistjoni ta’ jekk il‑kundizzjonijiet tas‑suq jipprevalixxux fir‑rigward ta’ produttur għandha tiġi deċiża fi żmien tliet xhur mill‑ftuħ tal‑investigazzjoni. F’dan il‑każ, l‑avviż tal‑ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni ġie ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali fit‑30 ta’ Novembru 2006. It‑terminu ta’ tliet xhur kien għalhekk jiskadi fit‑28 ta’ Frar 2007. Issa, ir‑rikorrenti rċevew tweġiba għat‑talba tagħhom għall‑għoti tas‑SEM fil‑5 ta’ Lulju 2007, jiġifieri iktar minn sitt xhur wara l‑ftuħ tal‑investigazzjoni. Għalhekk, kif isostnu r‑rikorrenti, għandu jiġi osservat li t‑terminu stabbilit fl‑Artikolu 2(7)(ċ) tar‑Regolament bażiku ma kienx osservat.

303    Madankollu, tali irregolarità tista’ taffettwa l‑legalità tar‑Regolament ikkontestat biss jekk ir‑rikorrenti jistabbilixxu li, li kienu ngħatat fit‑termini previsti, it‑tweġiba għat‑talba għall‑għoti tas‑SEM kienet tkun differenti. Issa, l‑affermazzjoni tar‑rikorrenti li, li kieku l‑Kummissjoni kienet aġixxiet b’mod li tiżgura l‑osservanza tat‑terminu ta’ tliet xhur, huma kienu jkunu jistgħu jospitaw iż‑żjara ta’ verifika, ma hija ssostanzjata b’ebda prova. F’dan is‑sens, matul is‑seduta, ir‑rikorrenti sostnew li huma kienu jkunu jistgħu jospitaw iż‑żjara ta’ verifika – li kellha tinżamm bejn il‑21 ta’ Frar u t‑2 ta’ Marzu 2007 – li kieku kienet organizzata f’Jannar 2007, u dan sa fejn kien biss mill‑aħħar ta’ Frar 2007 li l‑introduzzjoni fil‑Borża rrikjediet xogħol addizzjonali. Ir‑rikorrenti ma pproduċew ebda dokument insostenn ta’ din l‑affermazzjoni. Għall‑kuntrarju, fl‑ittra tagħhom tal‑14 ta’ Frar 2007 u fl‑atti tagħhom, huma spjegaw li, fi Frar 2007, il‑preparazzjonijiet għall‑introduzzjoni fil‑Borża kienu ilhom li bdew diversi xhur.

304    Barra minn hekk, sa fejn jidher li huwa minnu li kemm l‑introduzzjoni fil‑Borża kif ukoll l‑investigazzjoni dwar is‑silikomanganiż kienu ħtieġu l‑attenzjoni tal‑persunal tar‑rikorrenti għal perijodu relattivament twil, huwa ftit probabbli li dawn tal‑aħħar kienu ser ikunu f’pożizzjoni li jospitaw iż‑żjara ta’ verifika anki li kieku din inżammet iktar kmieni, u dan fid‑dawl tal‑fatt li t‑talba għall‑għoti tas‑SEM tressqet fil‑15 ta’ Diċembru 2006.

305    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti ma jistabbilixxux li l‑irregolarità kkonstatata fir‑rigward tal‑Artikolu 2(7)(ċ) tar‑Regolament bażiku tista’ tiġġustifika l‑annullament tar‑Regolament ikkontestat.

306    Għaldaqstant, it‑tielet parti tat‑tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

D –  Fuq ir‑raba’ motiv, dwar id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

1.     Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti, sa fejn l‑istituzzjonijiet naqsu milli jagħtuhom espożizzjoni sommarja sinjifikattiva, koerenti u fil‑ħin tal‑fajl kunfidenzjali

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

307    Ir‑rikorrenti jsostnu li d‑drittijiet tad‑difiża tagħhom ġew miksura sa fejn il‑kwalità tal‑informazzjoni mhux kunfidenzjali li tqiegħdet għad‑dispożizzjoni tagħhom kif ukoll il‑mument li fih din l‑informazzjoni ngħatat kellhom impatt serju fuq il‑kapaċità tagħhom li jwieġbu għall‑allegazzjoni li l‑importazzjonijiet kontenzjużi kienu kkawżaw ħsara sostanzjali.

308    F’dan is‑sens, fl‑ewwel lok, huma jsostnu li d‑data mhux kunfidenzjali kkomunikata mill‑produtturi Komunitarji, fil‑forma ta’ indiċi, kienet insuffiċjenti. L‑ewwel nett, dawn l‑indiċi ma kinux iddettaljati biżżejjed sabiex ir‑rikorrenti setgħu jifhmu s‑sustanza tal‑informazzjoni kkomunikata b’mod kunfidenzjali. F’dan ir‑rigward ir‑rikorrenti jispeċifikaw li, fil‑parti l‑kbira tagħha, id‑data mhux kunfidenzjali fil‑forma ta’ indiċi ma kienet akkumpanjata minn ebda test ta’ spjegazzjoni, b’tali mod li huma kienu preklużi milli jeżerċitaw effettivament id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom. It‑tieni nett, skont ir‑rikorrenti, din id‑data ma tikkonċernax l‑indikaturi tal‑ħsara kollha. B’hekk, pereżempju, ma kienx hemm informazzjoni dwar l‑esportazzjonijiet kif ukoll dwar il‑bejgħ lill‑kumpanniji relatati.

309    Fit‑tieni lok, ir‑rikorrenti jqisu li s‑sommarji tad‑data fil‑forma ta’ indiċi kien imisshom ġew inklużi fil‑fajl mhux kunfidenzjali sa minn Jannar 2007 mentri dawn is‑sommarji kienu inklużi fil‑jum tal‑pubblikazzjoni tar‑Regolament provviżorju, jiġifieri fit‑28 ta’ Awwissu 2007. Fil‑prattika, dan ifisser li r‑rikorrenti tilfu disa’ xhur li matulhom huma kieku kienu jkunu jistgħu jeżaminaw din id‑data u għalhekk kien biss fi stadju avvanzat ħafna tal‑proċedura li huma setgħu jindirizzaw parti sostanzjali minn dak li huma kienu diġà ppreżentaw. B’mod iktar preċiż, huma ma setgħux isibu soluzzjoni għal kwistjonijiet pendenti u lanqas ma setgħu jiksbu ċerta informazzjoni rilevanti qabel it‑terminu għall‑preżentata tal‑osservazzjonijiet dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja.

310    Fit‑tielet lok, ir‑rikorrenti jispjegaw li s‑sommarji tad‑data fil‑forma ta’ indiċi inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali fit‑28 ta’ Awwissu 2007 jikkontradixxu d‑data mhux kunfidenzjali preċedenti, u dan ifisser li minn verifika rriżulta li d‑data mogħtija kienet ineżatta. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti jindikaw, fir‑replika, li din id‑data kellha diversi anomaliji, b’mod partikolari fir‑rigward tad‑data dwar FerroAtlántica u dwar FerroPem.

311    Il‑Kunsill, sostnut mir‑rikorrenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

312    Huwa fid‑dawl tal‑Artikolu 19(1) u (2) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 19(1) u (2) tar‑Regolament Nru 1225/2009] kif ukoll fid‑dawl tal‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 110 iktar ’il fuq li għandu jiġi ddeterminat jekk id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti kinux effettivament miksura minħabba l‑kwalità ħażina tal‑verżjoni mhux kunfidenzjali tas‑sommarji tad‑data pprovduta individwalment mill‑produtturi Komunitarji fir‑rigward tal‑evoluzzjoni tas‑sitwazzjoni ekonomika tagħhom u minħabba l‑mument li fih din il‑verżjoni ġiet inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali.

313    Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑argument ibbażat fuq l‑insuffiċjenza tal‑verżjoni mhux kunfidenzjali tas‑sommarji msemmija minħabba, l‑ewwel nett, in‑nuqqas ta’ test ta’ spjegazzjoni, għandu jiġi osservat li s‑sommarji msemmija jikkonsistu f’tabelli li jindikaw, għal kull produttur Komunitarju u għal kull sena bejn l‑2003 u l‑perijodu ta’ investigazzjoni, l‑evoluzzjoni ta’ 19‑il fattur ta’ ħsara differenti. Għalkemm huwa minnu li d‑data inkluża f’dawn it‑tabelli tinsab ippreżentata fil‑forma ta’ indiċi, din id‑data tippermetti li jinftiehem b’mod raġonevoli l‑mod kif żviluppat is‑sitwazzjoni tad‑diversi produtturi. Ma huwa meħtieġ ebda test ta’ spjegazzjoni sabiex jinftiehmu dawn l‑iżviluppi u r‑rikorrenti setgħu effettivament jesprimu l‑pożizzjoni tagħhom dwar dawn l‑iżviluppi.

314    Barra minn hekk, għalkemm fin‑noti tagħhom ir‑rikorrenti jallegaw li, fin‑nuqqas ta’ test ta’ spejgazzjoni, huma kellhom jipprovaw jimmaġinaw kif kienet is‑sitwazzjoni reali tal‑produtturi Komunitarji, b’tali mod li ma setgħux jeżerċitaw effettivament id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom, mill‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja jirriżulta li huma fir‑realtà kienu qegħdin joġġezzjonaw għan‑nuqqas ta’ spjegazzjonijiet fir‑rigward tal‑kawżi tat‑tendenzi osservati fir‑rigward ta’ kull produttur Komunitarju. Issa, l‑istituzzjonijiet ma kinux obbligati jitolbu lill‑produtturi Komunitarji sabiex jipprovdu tali spjegazzjonijiet, u dan sa fejn il‑produtturi msemmija ma humiex meħtieġa jwettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, skont l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku [li sar l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament Nru 1225/2009]. Għall‑kuntrarju, tali analiżi kellha ssir mill‑istituzzjonijiet għall‑finijiet tad‑determinazzjoni provviżorja u ta’ dik definittiva. Fi kliem ieħor, tali spjegazzjoni ma kellhiex tirriżulta mill‑verżjoni mhux kunfidenzjali tad‑data pprovduta mill‑produtturi Komunitarji iżda mill‑analiżi mogħtija mill‑istituzzjonijiet.

315    Issa, kif jirriżulta mill‑punti 192 sa 203 iktar ’il fuq, l‑istituzzjonijiet analizzaw ir‑raġunijiet li fuqhom kienu bbażati ċerti tendenzi partikolari tal‑produtturi Komunitarji. Din l‑analiżi kienet tinsab kemm fir‑Regolament provviżorju kif ukoll fid‑dokumenti ta’ informazzjoni provviżorja u finali, u għalhekk ir‑rikorrenti setgħu jifformulaw l‑osservazzjonijiet tagħhom fir‑rigward tagħha, kif huma fil‑fatt għamlu. B’hekk, pereżempju, fis‑subdiviżjoni tal‑osservazzjonijiet tagħhom dwar id‑dokument ta’ informazzjoni provviżorja li fiha r‑rikorrenti jsostnu l‑ħtieġa li mal‑verżjoni mhux kunfidenzjali tad‑data dwar l‑evoluzzjoni tas‑sitwazzjoni ekonomika individwali tal‑produtturi Komunitarji jkun hemm noti ta’ spjegazzjoni, ir‑rikorrenti ressqu numru ta’ argumenti dwar ir‑raġunijiet tat‑tendenzi osservati fir‑rigward ta’ kull produttur Komunitarju.

316    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti eżerċitaw id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom u li ebda ksur ta’ dawn id‑drittijiet ma jista’ jiġi invokat fil‑konfront tal‑istituzzjonijiet minħabba n‑nuqqas ta’ noti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw id‑data fil‑forma ta’ indiċi tal‑produtturi Komunitarji, fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑fajl tal‑proċedura.

317    It‑tieni nett, fir‑rigward tal‑argument dwar in‑nuqqas ta’ data fir‑rigward ta’ ċerti indikaturi tal‑ħsara, għandu jiġi osservat li r‑rikorrenti jirreferu għad‑data dwar l‑esportazzjonijiet kif ukoll dwar il‑bejgħ lill‑kumpanniji relatati. Issa, minn naħa, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostnu r‑rikorrenti, it‑tabelli li jippreżentaw espożizzjoni sommarja tad‑data tal‑produtturi Komunitarji jinkludu data dwar l‑esportazzjonijiet. Min‑naħa l‑oħra, fir‑rigward tad‑data dwar il‑bejgħ lill‑kumpanniji relatati, il‑Kunsill jispjega, fin‑noti tiegħu, li, għalkemm din id‑data ma tinsabx fit‑tabelli li jippreżentaw espożizzjoni sommarja tal‑indikaturi tal‑ħsara dwar il‑produtturi Komunitarji, din id‑data tinsab, għall‑kuntrarju, f’parti oħra tal‑fajl mhux kunfidenzjali li kienet ikkonsultata mir‑rikorrenti diversi drabi. Bi tweġiba għal talba għall‑produzzjoni ta’ dokumenti adottata mill‑Qorti Ġenerali fil‑kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, din id‑data ġiet prodotta mill‑Kunsill, kif kienet tinsab fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura.

318    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, l‑argument dwar in‑nuqqas ta’ data dwar ċerti indikaturi tal‑ħsara għandu jiġi miċħud bħala infondat.

319    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑mument li fih id‑data mhux kunfidenzjali dwar il‑produtturi Komunitarji kienet ikkomunikata lir‑rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din id‑data kienet inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali tal‑proċedura fit‑28 ta’ Awwissu 2007 u li r‑Regolament ikkontestat ma kienx adottat qabel il‑25 ta’ Frar 2008. Huwa minnu li r‑rikorrenti ma setgħux jesprimu l‑fehma tagħhom dwar din id‑data qabel l‑adozzjoni tar‑Regolament provviżorju. Madankollu, skont il‑ġurisprudenza, jekk jitqies li l‑prinċipju tar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża jeżiġi li l‑produtturi/esportaturi jiġu informati dwar il‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet prinċipali li fuq il‑bażi tagħhom ikun maħsub li jiġu imposti dazji provviżorji, in‑nuqqas ta’ rispett ta’ dawn id‑drittijiet ma jistax, bħala tali, ikollu l‑effett li jivvizzja r‑regolament li jistabbilixxi d‑dazji definittivi sakemm, matul il‑proċedura li twassal għall‑adozzjoni ta’ dan ir‑regolament tal‑aħħar, ikun ġie rrimedjat id‑difett li jkun ivvizzja l‑proċedura li twassal għall‑adozzjoni tar‑regolament korrispondenti li jkun stabbilixxa d‑dazji provviżorji (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑3 ta’ Mejju 2001, Ajinomoto u NutraSweet vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑76/98 P u C‑77/98 P, Ġabra p. I‑3223, punt 67).

320    Sa fejn ir‑rikorrenti kellhom diversi xhur, qabel l‑adozzjoni tar‑Regolament ikkontestat, sabiex jesprimu l‑pożizzjoni tagħhom dwar din id‑data, ma jistax jitqies li d‑drittjiet tad‑difiża tagħhom kienu ġew miksura minħabba l‑inklużjoni tardiva tad‑data msemmija fil‑fajl tal‑proċedura.

321    Fit‑tielet lok, fir‑rigward tal‑inkonsistenzi u tal‑anomaliji f’din id‑data, ir‑rikorrenti ma jistgħux jassimilaw in‑nuqqas ta’ rispett tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom mal‑eżistenza ta’ żbalji materjali li jistgħu jaffettwaw il‑legalità tar‑Regolament ikkontestat. Fil‑fatt, il‑fatt li r‑rikorrenti jqisu li d‑data dwar il‑produtturi Komunitarji hija inkoerenti u hija vvizzjata minn anomaliji ma jistabbilixxix b’daqshekk li l‑Kummissjoni kisret id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti.

322    Minn dan isegwi li l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.     Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti sa fejn l‑istituzzjonijiet naqsu milli jirreaġixxu għall‑anomaliji li jinsabu fil‑fajl mhux kunfidenzjali

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

323    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑preżenza ta’ anomaliji fil‑fajl mhux kunfidenzjali, anomaliji li ma pprovokawx reazzjoni min‑naħa tal‑istituzzjonijiet minkejja talbiet f’dan is‑sens, kienet dgħajfet b’mod kunsiderevoli l‑valur tal‑informazzjoni disponibbli fil‑fajl imsemmi, u b’hekk ippreġudikat serjament il‑possibbiltà tagħhom li jeżerċitaw id‑drittijiet tad‑difiża tagħhom. F’dan is‑sens, l‑ewwel nett, la l‑fajl mhux kunfidenzjali u lanqas id‑dokument ta’ informazzjoni finali ma jindikaw ir‑raġuni għalfejn OFZ kienet naqset l‑impjegati tagħha bin‑nofs bejn l‑2003 u l‑2004. It‑tieni nett, la l‑fajl mhux kunfidenzjali u lanqas id‑dokument ta’ informazzjoni finali ma jispjegaw il‑modalitajiet tat‑tqassim tal‑ispejjeż sussegwentement għall‑akkwist ta’ FerroPem minn FerroAtlántica fl‑2005. Issa, skont ir‑rikorrenti, dan kellu impatt sostanzjali fuq il‑profittabbiltà ta’ dawn l‑impriżi. It‑tielet nett, ma ngħata ebda test ta’ spjegazzjoni fir‑rigward tad‑data dwar l‑investimenti. Ir‑raba’ nett, ir‑rikorrenti għandhom dubju dwar kif FerroAtlántica setgħet iżżid il‑bejgħ tagħha filwaqt li l‑bejgħ ta’ Huta Laziska kien naqas b’żewġ terzi. Il‑ħames nett, ir‑rikorrenti jenfasizzaw id‑differenzi bejn l‑informazzjoni mogħtija inizjalment u dik inkluża sussegwentement fil‑fajl.

324    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

325    L‑argument żviluppat f’din il‑parti tar‑raba’ motiv huwa varjant ta’ dak li r‑rikorrenti jinvokaw fil‑kuntest tal‑ewwel parti ta’ dan il‑motiv, fis‑sens li ċerti anomaliji affettwaw id‑data inkluża fil‑fajl mhux kunfidenzjali. Ir‑rikorrenti jenfasizzaw il‑preżenza ta’ anomaliji fid‑data li tinsab fil‑fajl mhux kunfidenzjali u jsostnu li huma kienu indikaw dawn l‑anomaliji lill‑istituzzjonijiet, matul il‑proċedura, iżda dawn tal‑aħħar ma kinux irreaġixxew.

326    F’dan ir‑rigward, kif ġie spjegat fil‑punt 321 iktar ’il fuq, ir‑rikorrenti ma jistgħux jassimilaw in‑nuqqas ta’ rispett tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom mal‑eżistenza ta’ żbalji materjali li jistgħu jaffettwaw il‑legalità tar‑Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il‑fatt li r‑rikorrenti jqisu li d‑data dwar il‑produtturi Komunitarji hija inkoerenti u hija vvizzjata minn anomaliji ma jistabbilixxix b’daqshekk li l‑Kummissjoni kisret id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti.

327    Fi kwalunkwe każ, sa fejn ir‑rikorrenti jsostnu li ġibdu l‑attenzjoni tal‑istituzzjonijiet fir‑rigward tal‑preżenza ta’ dawn l‑anomaliji, huma juru għaldaqstant li kienu esprimew effettivament il‑pożizzjoni tagħhom dwar dawn l‑anomaliji. Għalhekk, huma ma jistgħux jinvokaw ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom. F’dan ir‑rigward għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 110 iktar ’il fuq, ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża b’ebda mod ma jeħtieġ li l‑istituzzjonijiet iwieġbu għal kull argument imqajjem minn produttur/esportatur, matul il‑proċedura, iżda jeħtieġ biss li l‑istituzzjonijiet iqiegħdu lill‑partijiet interessati f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jiddefendu effettivament l‑interessi tagħhom.

328    Minn dan isegwi li t‑tieni parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3.     Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti sa fejn l‑istituzzjonijiet naqsu milli jirreaġixxu għall‑osservazzjonijiet tagħhom

a)     L‑argumenti tal‑partijiet

329    Ir‑rikorrenti jsostnu li l‑istituzzjonijiet kisru d‑drittijeit tad‑difiża tagħhom meta injoraw diversi argumenti mressqa minnhom, matul il‑proċedura, u meta naqsu milli jimmotivaw iċ‑ċaħda ta’ dawn l‑argumenti. F’dan is‑sens, ir‑rikorrenti jispjegaw li l‑istituzzjonijiet, pereżempju, ma wieġbux għall‑argumenti li, l‑ewwel nett, għar‑rikorrenti kien impossibbli li jospitaw iż‑żjara ta’ verifika u kienu għamlu l‑aħjar li setgħu sabiex jikkooperaw, it‑tieni nett, il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fis‑suq Komunitarju kienu l‑ogħla fid‑dinja, it‑tielet nett, it‑tnaqqis tal‑persunal kien preċedenti għat‑tnaqqis fil‑produzzjoni tal‑industrija Komunitarja, ir‑raba’ nett, Huta Laziska ddikjarat li l‑produzzjoni tagħha, matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni, kienet ammontat biss għal 29 % tal‑produzzjoni tagħha fl‑2003, filwaqt li kienet essenzjalment impjegat l‑istess numbru ta’ impjegati bħalma kienet impjegat matul l‑2003, il‑ħames nett, il‑prezzijiet tal‑ferrosilikon isewgu l‑istess evoluzzjoni fuq is‑swieq prinċipali kollha tad‑dinja u, is‑sitt nett, jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑proċeduri antidumping preċedenti fis‑settur tal‑ferrosilikon, huwa probabbli li l‑miżuri antidumping ma humiex ser ikunu konkretament favorevoli għall‑industrija Komunitarja.

330    Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

b)     Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

331    Mit‑titolu ta’ din il‑parti tar‑raba’ motiv jirriżutla li r‑rikorrenti qegħdin jinvokaw ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li essenzjalment ir‑rikorrenti qegħdin iqajmu wkoll ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni. Issa, skont il‑ġurisprudenza, il‑motivi ta’ rikorrent għandhom jiġu interpretati fid‑dawl tas‑sustanza tagħhom pjuttost milli permezz tal‑kwalifikazzjoni tagħhom (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L‑Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 559). Għaldaqstant, minbarra l‑ilment ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti, għandu jiġi eżaminat ukoll l‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni.

332    Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tal‑ilment ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 110 iktar ’il fuq, ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża b’ebda mod ma jeħtieġ li l‑istituzzjonijiet iwieġbu għal kull argument imqajjem minn produttur/esportatur, matul il‑proċedura, iżda jeħtieġ biss li l‑istituzzjonijiet iqiegħdu lill‑partijiet interessati f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jiddefendu effettivament l‑interessi tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn ir‑rikorrenti jiddikjaraw li, matul il‑proċedura antidumping, huma kienu ressqu numru ta’ argumenti, huma b’dan juru li kellhom l‑opportunità jesprimu effettivament il‑pożizzjoni tagħhom. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jinvokaw ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tagħhom.

333    Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r‑Regolament ikkontestat u r‑Regolament provviżorju jindikaw, b’mod ċar u inekwivoku, ir‑raġunament li wassal lill‑istituzzjonijiet sabiex jadottaw dazji antidumping provviżorji u mbagħad dawk definittivi. B’mod partikolari, l‑istituzzjonijiet wettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni skont l‑Artikolu 3(7) tar‑Regolament bażiku. Sa fejn il‑konklużjonijiet ta’ din l‑analiżi huma esposti fil‑premessi 115 sa 136 tar‑Regolament provviżorju u fil‑premessi 96 sa 101 tar‑Regolament ikkontestat, fid‑dawl tal‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 256 iktar ’il fuq, l‑istituzzjonijiet ma kinux obbligati jwieġbu, iktar minn hekk, l‑argumenti mqajma mir‑rikorrenti dwar il‑livell u l‑evoluzzjoni tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità u fil‑bqija tad‑dinja, dwar ir‑relazzjoni bejn it‑tnaqqis fl‑impjiegi fl‑industrija Komunitarja u t‑tnaqqis fil‑produzzjoni tagħha, dwar is‑sitwazzjoni partikolari ta’ Huta Laziska kif ukoll dwar il‑proċeduri antidumping preċedenti. Bl‑istess mod, sa fejn il‑Kummissjoni spjegat, fil‑premessi 10 u 25 tar‑Regolament provviżorju, li fil‑fehma tagħha l‑fatt li r‑rikorrenti kienu ostakolaw iż‑żjara ta’ verifika kien jiġġustifika li ma tittiħidx inkunsiderazzjoni d‑data ppreżentata minnhom, skont l‑Artikolu 18(1) tar‑Regolament bażiku, l‑istituzzjonijiet ma kinux obbligati jwieġbu għall‑argumenti dettaljati tar‑rikorrenti dwar il‑konsegwenzi tal‑fatt li ma saritx żjara.

334    Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad li l‑istituzzjonijiet wieġbu għal dawn l‑argumenti kollha. F’dan is‑sens, l‑ewwel nett, fir‑rigward tal‑argumenti invokati mir‑rikorrenti dwar iż‑żjara ta’ verifika, il‑Kummissjoni, fil‑premessa 25 tar‑Regolament provviżorju, wieġbet parzjalment għal dawn l‑argumenti. Fil‑fatt, f’dik il‑premessa l‑Kummissjoni spejgat għalfejn ma setgħetx tapplika l‑konklużjonijiet tal‑investigazzjoni dwar is‑silikomanganiż għall‑investigazzjoni dwar il‑ferrosilikon. It‑tieni nett, l‑argumenti dwar il‑livell u l‑iżvilupp tal‑prezzijiet tal‑ferrosilikon fil‑Komunità u fil‑bqija tad‑dinja ttieħdu inkunsiderazzjoni fil‑premessi 87 sa 90 tar‑Regolament ikkontestat. It‑tielet nett, l‑istituzzjonijiet analizzaw l‑evoluzzjoni tal‑impjieg u tal‑produzzjoni Komunitarji fil‑premessi 91, 102 u 103 tar‑Regolament provviżorju. Ir‑raba’ nett, l‑istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni partikolari ta’ Huta Laziska, b’mod partikolari fil‑premessa 93 tar‑Regolament provviżorju kif ukoll fil‑premessi 100 u 101 tar‑Regolament ikkontestat. Il‑ħames nett, il‑Kunsill spjega, fil‑premessi 117 u 118 tar‑Regolament ikkontestat, għalfejn fil‑fehma tiegħu ma kienx possibbli li jibbaża ruħu fuq il‑proċeduri antidumping preċedenti.

335    Minn dan isegwi li r‑rikorrenti ma jistabbilixxux ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, it‑tielet parti tar‑raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata, kif ukoll ir‑raba’ motiv fl‑intier tiegħu.

336    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

 Fuq l‑ispejjeż

337    Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall‑ispejjeż, skont it‑talbiet tal‑Kunsill u ta’ Euroalliages.

338    Barra minn hekk, skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 87(4) tar‑Regoli tal‑Proċedura, l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet intervenjenti fil‑kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom. Il‑Kummissjoni għalhekk għandha tbati l‑ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑rikors huwa miċħud.

2)      Transnational Company “Kazchrome” AO u ENRC Marketing AG għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea u ta’ Euroalliages.

3)      Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, fil‑25 ta’ Ottubru 2011.

Firem

Werrej


Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

Id‑dritt

A –  Fuq l‑ewwel motiv, dwar ir‑rabta kawżali bejn l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping u l‑ħsara

1.  Fuq l‑interpretazzjoni tal‑prinċipji legali applikabbli għall‑analiżi tar‑rabta kawżali (l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv)

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

2.  Fuq l‑analiżi individwali tal‑fatturi ta’ ħsara l‑oħra minbarra l‑importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping (it‑tieni sat‑tmien parti tal‑ewwel motiv)

a)  Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑evoluzzjoni tad‑domanda għall‑azzar u tal‑prezzijiet fis‑suq Komunitarju u f’dak mondjali

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

b)  Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑effetti tal‑ħsara li l‑industrija Komunitarja kkawżat lilha nnifisha

Fuq l‑ewwel ilment, dwar il‑bidliet fl‑orjentament tal‑produzzjoni minn ċerti produtturi Komunitarji

–  L‑argumenti tal‑partijiet

–  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tieni lment, dwar il‑waqfien tal‑produzzjoni minn ċerti produtturi Komunitarji

–  L‑argumenti tal‑partijiet

–  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tielet ilment, dwar l‑użu tal‑kapaċitŕ ta’ produzzjoni nominali teoretika

–  L‑argumenti tal‑partijiet

–  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq ir‑raba’ lment, dwar l‑investimenti mwettqa mill‑industrija Komunitarja fl‑2005 u matul il‑perijodu ta’ investigazzjoni

–  L‑argumenti tal‑partijiet

–  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

c)  Fuq ir‑raba’ parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑impatt taż‑żieda fl‑ispiża tal‑materji primi

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

d)  Fuq il‑ħames parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑effetti tan‑nuqqas fid‑domanda fl‑2005

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

e)  Fuq is‑sitt parti tal‑ewwel motiv, dwar l‑effetti tal‑importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

f)  Fuq is‑seba’ parti tal‑ewwel motiv, dwar in‑nuqqas ta’ kompetittività tal‑produtturi Komunitarji qabel ma seħħ xi kwalunke dumping dannuż

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

g)  Fuq it‑tmien parti tal‑ewwel motiv, sa fejn tikkonċerna ċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑produtturi

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

3.  Fuq in‑nuqqas ta’ analiżi kollettiva tal‑fatturi ta’ ħsara (l‑ewwel u t‑tmien partijiet tal‑ewwel motiv)

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

B –  Fuq it‑tieni motiv, dwar l‑eżistenza ta’ interess Komunitarju

1.  Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni motiv, dwar il‑fatt li l‑prezzijiet tal‑ferrosilikon għolew wara l‑perijodu ta’ investigazzjoni

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

2.  Fuq it‑tieni parti tat‑tieni motiv, dwar l‑esperjenza miksuba fil‑passat li turi li l‑miżuri antidumping ma humiex ta’ għajnuna għall‑industrija Komunitarja

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

3.  Fuq it‑tielet parti tat‑tieni motiv, dwar l‑analiżi tal‑impatt tal‑miżuri antidumping fuq l‑utenti

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

C –  Fuq it‑tielet motiv, dwar in‑nuqqas ta’ kooperazzjoni, l‑użu tad‑data disponibbli u l‑għoti tas‑SEM

1.  Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet motiv, dwar in‑nuqqas ta’ kooperazzjoni

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

2.  Fuq it‑tieni parti tat‑tielet motiv, dwar l‑użu tad‑data disponibbli mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d‑data verifikabbli

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

3.  Fuq it‑tielet parti tat‑tielet motiv, dwar iċ‑ċaħda tat‑talba għall‑għoti tas‑SEM

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

D –  Fuq ir‑raba’ motiv, dwar id‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti

1.  Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti, sa fejn l‑istituzzjonijiet naqsu milli jagħtuhom espożizzjoni sommarja sinjifikattiva, koerenti u fil‑ħin tal‑fajl kunfidenzjali

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

2.  Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti sa fejn l‑istituzzjonijiet naqsu milli jirreaġixxu għall‑anomaliji li jinsabu fil‑fajl mhux kunfidenzjali

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

3.  Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrenti sa fejn l‑istituzzjonijiet naqsu milli jirreaġixxu għall‑osservazzjonijiet tagħhom

a)  L‑argumenti tal‑partijiet

b)  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq l‑ispejjeż



* Lingwa tal‑kawża: l‑Ingliż.

Top