This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008TJ0035
Judgment of the General Court (Second Chamber) of 23 November 2010. # Codorniu Napa, Inc. v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for figurative Community trade mark ARTESA NAPA VALLEY - Earlier figurative Community trade mark ARTESO and earlier national word mark LA ARTESA - Relative ground for refusal - Likelihood of confusion - Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 40/94 (now Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 207/2009). # Case T-35/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tat-23 ta' Novembru 2010.
Codorniu Napa, Inc. vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva ARTESA NAPA VALLEY - Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti ARTESO u trade mark nazzjonali verbali preċedenti LA ARTESA - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
Kawża T-35/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tat-23 ta' Novembru 2010.
Codorniu Napa, Inc. vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva ARTESA NAPA VALLEY - Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti ARTESO u trade mark nazzjonali verbali preċedenti LA ARTESA - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
Kawża T-35/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-05405
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:476
Kawża T-35/08
Codorniu Napa, Inc.
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva ARTESA NAPA VALLEY — Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti ARTESO u trade mark nazzjonali verbali preċedenti LA ARTESA — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Sommarju tas-sentenza
1. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
2. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Trade mark kumplessa
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
3. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Tendenza tad-diverġenzi kunċettwali li jinnewtralizzaw ix-xebh viżiv jew fonetiku
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
4. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Kunsiderazzjoni tal-elementi ta’ xebh jew ta’ diverġenza tas-sinjali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi intrinsiċi tas-sinjali jew tal-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))
1. Teżisti, għall-konsumatur medju Ewropew, probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal figurattiv li jirrappreżenta rettangolu vertikali li jinkludi, min-naħa waħda, fil-parti superjuri tiegħu bl-isfond griż, triangolu li huwa stess jinkludi element li jitgħawweġ, li taħtu hemm miktuba l-kelma “artesa” f’ittri kbar kulur id-deheb fuq sfond iswed, u min-naħa l-oħra, fil-parti inferjuri, l-espressjoni “napa valley”, ukoll miktuba b’ittri kbar kulur id-deheb fuq sfond iswed, li għalih saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għal “Inbid prodott u bbottiljat f’Napa Valley (California, l-Istati Uniti)” fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza, u t-trade mark figurattiva li tirrappreżenta, bl-iswed u bl-abjad, ċentawru mrikkeb minn kavallier, fejn iż-żewġ persunaġġi jżommu fuq spallejhom bastun li jiflaħ amfora fuq kull waħda mit-truf tiegħu, u taħt id-disinn hemm miktub f’karattri kbar il-kelma “arteso”, irreġistrata preċedentement bħala trade mark Komunitarja għal “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni ta’ birer)” fl-istess klassi.
Fil-fatt, il-prodotti kkonċernati miż-żewġ trade marks, jiġifieri l-inbejjed, huma identiċi u s-sinjali jippreżentaw xebh fonetiku qawwi kif ukoll xebh viżiv dgħajjef. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-mod li bih il-konsumaturi jirreferu u jagħrfu l-prodotti inkwistjoni skont l-element verbali li jservi sabiex jidentifikahom, u għalhekk, tal-imporanza partikolari li għandha tingħata lix-xebh fonetiku, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali, u dan anki meta, għall-pubbliku, il-prodotti inkwistjoni jkollhom postijiet ta’ produzzjoni differenti.
(ara l-punti 30, 40, 62-64)
2. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata b’mod li jittieħed inkunsiderazzjoni biss komponent wieħed ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. B’mod kuntrarju, għandu jsir paragun billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, proċess dan li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni ġenerali maħluqa minnha.
Matul l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta’ wieħed jew ta’ numru ta’ elementi speċifiċi ta’ trade mark kumplessa, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi b’paragun ma’ dawk tal-elementi l-oħra. Barra dan, u alternattivament, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tal-komponenti differenti fl-għamla tat-trade mark kumplessa.
Meta sinjal huwa kompost kemm minn elementi figurattivi kif ukoll minn elementi verbali, ma jirriżultax awtomatikament li huwa l-element verbali li għandu jiġi kkunsidrat bħala dak dominanti. Fil-fatt, fil-każ ta’ trade mark kumplessa, l-element figurattiv jista’ jkollu post ekwivalenti għal dak tal-element verbali.
Il-fatt li ż-żewġ trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom jinkludu elementi verbali simili ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li jeżisti xebh viżiv bejn is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom. Il-preżenza fis-sinjali ta’ elementi figurattivi li għandhom konfigurazzjoni partikolari tista’ twassal sabiex l-impressjoni globali maħluqa minn kull sinjal tkun differenti.
(ara l-punti 32, 35, 37, 43)
3. Fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, id-differenzi kunċettwali jistgħu jkunu tali li jxejnu x-xebh viżiv u fonetiku jekk mill-inqas waħda mit-trade marks inkwistjoni jkollha, għall-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u determinata, b’tali mod li dan il-pubbliku jkun jista’ jiftakarha b’mod immedjat.
(ara l-punt 51)
4. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, l-aspett viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom mhux dejjem għandhom l-istess importanza, u għalhekk għandhom jiġu evalwati l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trade marks jistgħu jiġu ppreżentati fis-suq.
Fil-fatt, l-importanza tal-elementi ta’ xebh jew ta’ differenza bejn is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom jew mill-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Jekk il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni normalment jinbiegħu fi ħwienet fejn il-konsumatur jagħżel il-prodott huwa stess u għandu, għalhekk, jafda prinċipalment fl-immaġni tat-trade mark imwaħħla fuq dan il-prodott, xebh viżiv tas-sinjali jkun, bħala regola ġenerali, ta’ importanza ikbar. Jekk, min-naħa l-oħra, il-prodott jinbiegħ fuq kollox b’mod orali, tingħata iktar importanza lix-xebh fonetiku tas-sinjali.
Fis-settur tal-inbid, il-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti huma mdorrija li jirreferu għalihom u li jirrikonoxxuhom abbażi tal-element verbali li jservi biex jidentifikahom, b’mod partikolari fil-bars u fir-ristoranti, fejn l-inbejjed jiġu ordnati b’mod orali wara li isimhom ikun inqara mil-lista tal-inbejjed. Għalhekk għandha tingħata importanza partikolari lix-xebh fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni.
(ara l-punti 60-62)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
23 ta’ Novembru 2010 (*)
“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva ARTESA NAPA VALLEY – Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti ARTESO u trade mark nazzjonali verbali preċedenti LA ARTESA – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Fil-Kawża T‑35/08,
Codorniu Napa, Inc., stabbilita f’Napa, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn X. Fàbrega Sabaté u M. Curell Aguilà, avukati, wara minn M. Curell Aguilà u J. Güell Serra, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Bodegas Ontañón, SA, stabbilita fi Quel, La Rioja (Spanja), irrappreżentata minn J. Grimau Muñoz u J. Villamor Muguerza, avukati,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-20 ta’ Novembru 2007 (Każ R 747/2006‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Bodegas Ontañón, SA u Codorniu Napa, Inc.,
IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2008,
wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Mejju 2008,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2008,
wara s-seduta tat-13 ta’ April 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Fit-13 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti, Codorniu Napa, Inc., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [mibdul bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].
2 It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:
3 Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Inbid prodott u bbottiljat f’Napa Valley (California, l-Istati Uniti)”.
4 L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 83/2003, tal-24 ta’ Novembru 2003.
5 Fit-23 ta’ Frar 2004, l-intervenjenti, Bodegas Ontañón, SA, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti indikati fil-punt 3 iktar ’il fuq.
6 L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq żewġ sinjali. L-ewwel sinjal kien it-trade mark Komunitarja figurattiva riprodotta iktar ’il quddiem u li hija s-suġġett tar-reġistazzjoni Nru 2 050 623
għal prodotti fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni ta’ birer)”. It-tieni sinjal kien it-trade mark Spanjola verbali LA ARTESA Nru 844194, għal prodotti fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Inbejjed, spirti u likuri”.
7 Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].
8 Fil-31 ta’ Marzu 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni billi bbażat ruħha biss fuq il-paragun bejn it-trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti ARTESO u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-provi tal-użu tat-trade mark Spanjola verbali LA ARTESA kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-użu effettiv tat-trade mark imsemmija.
9 Fit-30 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, abbażi tal-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.
10 B’deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, dan qies li l-elementi verbali “arteso” u “artesa” kienu jokkupaw pożizzjoni ċentrali u predominanti fit-trade marks li kienu jinsabu f’kunflitt bejniethom, li l-element grafiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kienx partikolarment distintiv u li l-espressjoni “napa valley” kienet deskrittiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u ma setgħetx titqies bħala element distintiv u dominanti. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, min-naħa waħda, li l-prodotti kkunsidrati kienu identiċi, u min-naħa l-oħra, li, minkejja differenzi ċari bejn l-elementi grafiċi tat-trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom, l-imsemmija trade marks kienu jaqsmu bejniethom l-elementi l-iktar distintivi u dominanti tagħhom, u b’hekk kellhom ċertu livell ta’ xebh fuq il-pjan viżiv u kienu simili fuq il-pjan fonetiku. Fid-dawl ta’ dan, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali msemmija. Fir-rigward tal-provi dwar l-użu serju tat-trade mark Spanjola preċedenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kien inutli li jeżaminahom, peress li, abbażi ta’ wieħed mid-drittijiet preċedenti, ġew milqugħa b’mod sħiħ it-talbiet tal-parti li ressqet l-oppożizzjoni.
It-talbiet tal-partijiet
11 Ir-rikorrenti titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
12 L-UASI u l-intervenjenti jitolbu sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
13 Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed biss insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
L-argumenti tal-partijiet
14 Ir-rikorrenti tqis li s-sinjali inkwistjoni mhumiex simili biżżejjed sabiex joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni.
15 Hija ssostni li, meta evalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ma segwiex il-proċedura msemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, peress li dan ma wettaqx analiżi globali tas-sinjali inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell illimita ruħu sabiex jidentifika u jipparaguna l-elementi verbali, billi kkonferilhom karattru dominanti, u ddissoċja l-komponenti grafiċi tas-sinjali msemmija, billi kkunsidrahom bħala aċċessorji. Dawn l-elementi grafiċi ġew eżaminati biss wara li ġew ipparagunati l-elementi verbali, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn kinux jikkostitwixxu element ta’ differenza biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.
16 Ir-rikorrenti tqis li l-elementi verbali tat-trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom ma jiddominawx id-dehra tal-imsemmija trade marks, u li l-elementi figurattivi, fid-dawl tal-impressjoni sħiħa li joħolqu, ma humiex negliġibbli. B’mod kuntrarju, dawn igawdu importanza simili għal dik tal-elementi verbali, għaliex dawn jokkupaw post mill-inqas ekwivalenti għal dak tal-imsemmija elementi, id-daqs tagħhom huwa ferm superjuri, u jagħtu lis-sinjali forma partikolari u oriġinali ħafna.
17 Hija ssostni li, mill-aspett fonetiku, iż-żewġ sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom huma kjarament differenti, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn tliet kelmiet u minn seba’ sillabi (“ar”, “te”, “sa”, “na”, “pa”, “va”, “lley”), filwaqt li t-trade mark preċedenti hija komposta minn kelma waħda ta’ tliet sillabi (“ar”, “te”, “so”). Bl-istess mod, hija tenfasizza li mill-aspett fonetiku, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija itwal mit-trade mark preċedenti.
18 Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Bord tal-Appell, l-espressjoni “napa valley” ma tistax tiġi eskluża mill-paragun fonetiku tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom, għaliex l-espressjoni “artesa napa valley” tintuża b’mod sħiħ mill-pubbliku waqt ix-xiri tal-prodotti, u għalhekk, tikkostitwixxi element ta’ distinzjoni supplementari tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
19 Hija ssostni li, minn aspett kunċettwali, il-fatt li l-element verbali “artesa” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu tifsira determinata fl-Ispanjol, jikkontribwixxi sabiex ixejjen ix-xebh fonetiku mat-trade mark preċedenti, fejn l-element verbali “arteso”, li ma għandu ebda tifsira fl-Ispanjol, jista’ jirreferi għal persunaġġ mitoloġiku, bħal dak imqiegħed fuq l-imsemmi element.
20 Hija żżid li ż-żewġ trade marks jagħtu impressjonijiet kunċettwali differenti, għaliex l-espressjoni “napa valley” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tagħti lill-konsumaturi informazzjoni kunċettwali mhux ekwivoka, u l-element grafiku tagħha jesprimi idea ta’ modernità. Min-naħa l-oħra, l-elementi verbali u figurattivi tat-trade mark preċedenti jassoċjaw is-sinjal mal-mitoloġija klassika.
21 Ir-rikorrenti tippreċiża li l-inbid u x-xorb alkoħoliku b’mod ġenerali huma kkummerċjalizzati f’supermarkits, fi ħwienet tal-ikel u f’ristoranti, liema ħaġa tippermetti lill-konsumaturi li jeżaminaw it-tikketti tal-fliexken. Għalhekk, il-konsumaturi jaraw it-trade marks inkwistjoni b’mod viżwali iktar milli fonetiku.
22 Ir-rikorrenti tenfasizza li l-espressjoni “napa valley”, li tidher fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tindika oriġini ġeografika differenti minn dik tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Din iċ-ċirkustanza tikkontribwixxi sabiex tiddistingwi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mit-trade mark preċedenti, għaliex l-oriġini ġeografika tax-xorb alkoħoliku normalment titqies bħala partikolarità li għaliha l-konsumatur medju jagħti attenzjoni importanti.
23 Ir-rikorrenti tikkonkludi li, peress li s-sinjali għandhom differenzi grafiċi kbar u, peress li fis-settur tal-prodotti inkwistjoni, l-aspett viżiv tas-sinjali huwa iktar importanti mill-aspett fonetiku, it-trade marks figurattivi li jinsabu f’kunflitt bejniethom jistgħu “jikkoeżistu b’mod paċifiku” fis-suq.
24 L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
25 Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 207/2009], trade marks preċedenti għandhom ifissru dawk it-trade marks irreġistrati fil-Komunità Ewropea, li d-data ta’ applikazzjoni tagħhom tippreċedi dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.
26 Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Torres vs UASI – Navisa Industrial Vinícola Española (MANSO DE VELASCO), T‑259/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 23 u 24].
27 Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra p. II‑43, punt 42, u tat-23 ta’ Settembru 2009, Viñedos y Bodegas Príncipe Alfonso de Hohenlohe vs UASI – Byass (ALFONSO), T‑291/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25].
28 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernata, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni [is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u ALFONSO, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27].
29 F’dan il-każ, il-probabbiltà ta’ konfużjoni ġiet evalwata mill-Bord tal-Appell fid-dawl taż-żewġ trade marks Komunitarji, it-trade mark preċedenti li tkopri “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni ta’ birer)” u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ta’ “Inbid prodott u bbottiljat f’Napa Valley (California, l-Istati Uniti)”. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu identiċi għal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, liema ħaġa ma ġietx direttament ikkontestata mir-rikorrenti.
30 Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-prodotti inkwistjoni u tal-fatt li t-trade mark preċedenti hija trade mark Komunitarja, il-pubbliku rilevanti kien kompost mill-konsumaturi medji Ewropej, liema ħaġa lanqas ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti.
Fuq il-paragun tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom
31 L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn is-sinjali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata b’mod li jittieħed inkunsiderazzjoni biss komponent wieħed ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, proċess dan li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni ġenerali maħluqa minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
33 F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade marks inkwistjoni kienu jaqsmu bejniethom l-iktar elementi distintivi u dominanti tagħhom u kellhom, għalhekk, ċertu livell ta’ xebh fuq il-pjan viżiv u kienu simili fuq il-pjan fonetiku.
34 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-element grafiku ma huwiex negliġibbli fl-impressjoni ġenerali maħluqa minn kull sinjal u tikkontesta l-fatt li l-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ħa inkunsiderazzjoni b’mod esklużiv l-elementi verbali.
– Fuq ix-xebh viżiv
35 Skont ġurisprudenza stabbilita, matul l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta’ wieħed jew ta’ numru ta’ elementi speċifiċi ta’ trade mark kumplessa, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi b’paragun ma’ dawk ta’ l-elementi l-oħra. Barra dan u alternattivament, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tal-komponenti differenti fl-għamla tat-trade mark kumplessa [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 35, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Cabrera Sánchez vs UASI – Industrias Cárnicas Valle (el charcutero artesano), T‑242/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47].
36 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-element verbali huwiex element dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta minn kull waħda mit-trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom.
37 Fl-ewwel lok, għandu jingħad li meta sinjal huwa kompost kemm minn elementi figurattivi kif ukoll minn elementi verbali, ma jirriżultax awtomatikament li huwa l-element verbali li għandu jiġi kkunsidrat bħala dak dominanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Simonds Farsons Cisk vs UASI – Spa Monopole (KINJI by SPA), T‑3/04, Ġabra p. II‑4837, punt 45]. Fil-fatt, fil-każ ta’ trade mark kumplessa, l-element figurattiv jista’ jkollu post ekwivalenti għal dak tal-element verbali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT), T‑110/01, Ġabra p. II‑5275, punt 53, u el charcutero artesano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55].
38 Fit-tieni lok, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir abbażi tal-element dominanti biss.
39 F’dan il-każ, b’mod kuntrarju għal dak li kkonkluda l-Bord tal-Appell, l-element verbali preżenti fiż-żewġ trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom ma jikkostitwixxix l-element dominanti, fid-dawl, min-naħa waħda, tad-diversi elementi figurattivi li l-imsemmija trade marks huma komposti minnhom u, min-naħa l-oħra, tal-pożizzjoni li l-elementi inkwistjoni jokkupaw fis-sinjali. Dawn l-elementi figurattivi, b’mod partikolari l-forma, id-daqs u l-kulur tagħhom, impoġġija fuq elementi verbali, jikkontribwixxu b’mod ċar sabiex jiddeterminaw id-dehra ta’ kull waħda mit-trade marks inkwistjoni li l-pubbliku rilevanti jibqa’ jiftakar, b’tali mod li dawn ma jistgħux jiġu injorati matul il-perċezzjoni tagħhom.
40 Fil-fatt, id-dehra tat-trade mark preċedenti miftakkra mill-konsumaturi tirrappreżenta, bl-iswed u bl-abjad, ċentawru mrikkeb minn kavallier, fejn iż-żewġ persunaġġi jżommu fuq spallejhom bastun li jiflaħ amfora fuq kull waħda mit-truf tiegħu, u taħt id-disinn hemm miktub f’karattri kbar il-kelma “arteso”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, id-dehra miftakkra mill-konsumaturi hija rettanglu vertikali li jinkludi, min-naħa waħda, fil-parti superjuri tiegħu bl-isfond griż, triangolu li huwa stess jinkludi element li jitgħawweġ, li taħtu hemm miktuba l-kelma “artesa” f’ittri kbar kulur id-deheb fuq sfond iswed, u min-naħa l-oħra, fil-parti inferjuri, l-espressjoni “napa valley” ukoll miktuba b’ittri kbar kulur id-deheb fuq sfond iswed.
41 Għalhekk, kif sewwa osservat ir-rikorrenti, il-paragun viżiv bejn is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom għandu jsir abbażi tat-totalità tad-diversi elementi kostituttivi, figurattivi u verbali tagħhom.
42 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat ix-xebh tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom skont l-impressjoni globali maħluqa mit-totalità tad-diversi elementi kostituttivi tagħhom, u għandu jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell fl-aħħar tal-evalwazzjoni tiegħu hijiex milquta minn żball imwettaq minnu.
43 B’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-fatt li ż-żewġ trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom jinkludu elementi verbali simili ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li jeżisti xebh viżiv bejn is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom. Il-preżenza fis-sinjali ta’ elementi figurattivi li għandhom konfigurazzjoni partikolari tista’ twassal sabiex l-impressjoni globali maħluqa minn kull sinjal tkun differenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T‑156/01, Ġabra p. II‑2789, punti 73 u 74, u KINJI by SPA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48].
44 Ċertament, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 39 iktar ’il fuq, is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom għandhom differenzi importanti fir-rigward tal-forma, tad-daqs u tal-kulur tal-elementi grafiċi tagħhom li jikkostitwixxu, fir-rigward tat-trade mark preċedenti, ir-rappreżentazzjoni bl-iswed u bl-abjad ta’ ċentawru mrikkeb minn kavallier u, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rappreżentazzjoni f’diversi kuluri ta’ triangolu li jinkludi element li jitgħawweġ u mqiegħed f’rettanglu vertikali. Madankollu, minkejja dawn id-differenzi, il-paragun bejn is-sinjali msemmija juri xebh qawwi bejn l-elementi verbali “arteso” u “artesa”, li huma miktuba b’karattri kbar li jixxiebhu, li huma mpoġġija f’pożizzjoni simili, taħt elementi grafiċi, u li l-uniċi differenzi bejniethom huma l-kulur u l-aħħar vokali tagħhom. F’dak li jirrigwarda l-element verbali “napa valley”, minħabba l-pożizzjoni, id-daqs tal-ittri tiegħu, iżgħar minn dawk użati għall-element “artesa”, u s-separazzjoni żgħira bejn l-ittri li jiffurmawh, dan jiddistingwi ruħu b’mod minimu mit-totalità tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jippreżenta ruħu bħala element sekondarju tal-imsemmija trade mark, li ma jistax ikollu rwol determinanti fid-differenzazzjoni fuq il-pjan viżiv bejn is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-preżenza fiż-żewġ sinjali tal-parti verbali komuni “artes” tippermetti li jiġi kkonstatat livell baxx ta’ xebh fuq il-pjan viżiv bejn dawn it-trade marks.
45 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tqis li s-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom għandhom livell baxx ta’ xebh viżiv.
– Fuq ix-xebh fonetiku
46 Mill-aspett fonetiku, ma jistax jiġi kkontestat li l-elementi verbali “arteso” u “artesa” li jidhru fiż-żewġ trade marks inkwistjoni jirrappreżentaw xebh qawwi. Fil-fatt, kif diġà ġie rilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-kelmiet imsemmija huma differenti biss minħabba l-aħħar vokali tagħhom.
47 Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma kkunsidrax, waqt il-paragun fonetiku tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom, l-element verbali “napa valley” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li ssaħħaħ id-differenzi bejn l-imsemmija sinjali.
48 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, a priori, l-espressjoni “artesa napa valley” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tipproduċi impressjoni fonetika differenti minn dik prodotta mill-kelma “arteso”.
49 Madankollu, f’dan il-każ, l-espressjoni “napa valley” tokkupa post sekondarju meta mqabbla mal-kelma “artesa” u, bħala element sekondarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, din tiġi injorata mill-pubbliku rilevanti fil-mument meta jsemmu t-trade mark imsemmija. Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Ingliż iktar jifhem dan l-element bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti inkwistjoni, milli bħala element distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minħabba dan, huwa ferm probabbli li, meta jirreferu għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-konsumaturi jillimitaw ruħhom sabiex isemmu l-kelma “artesa” [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2007, Castell del Remei vs UASI – Bodegas Roda (CASTELL DEL REMEI ODA), T‑101/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66]. Għalhekk, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, l-element verbali “napa valley” ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ kull xebh fonetiku bejn is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom.
50 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li jeżisti xebh fonetiku qawwi bejn iż-żewġ sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom.
– Fuq ix-xebh kunċettwali
51 Skont il-ġurisprudenza, id-differenzi kunċettwali jistgħu jkunu tali li jxejnu x-xebh viżiv u fonetiku jekk mill-inqas waħda mit-trade marks inkwistjoni jkollha, għall-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u determinata, b’tali mod li dan il-pubbliku jkun jista’ jiftakarha b’mod immedjat [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips‑Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 54].
52 F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif osserva l-UASI, il-kelma “arteso” ma tinkludi l-ebda valur semantiku u l-kelma “artesa”, li tirreferi għal reċipjent li għandu forma speċifika biex jintgħaġen il-ħobż, hija ftit li xejn użata fl-Ispanjol, peress li l-użu tagħha huwa limitat għal pubbliku speċjalizzat. Barra minn hekk, peress li t-terminu “artesa” hija kelma Spanjola, dan ma jkollu ebda tifsira għall-bqija tal-pubbliku rilevanti Komunitarju li ma jitkellimx bl-Ispanjol. Għalhekk, il-pubbliku rilevanti, kif ġie definit fil-punt 30 iktar ’il fuq, ma jattribwixxi ebda kontenut kunċettwali lill-imsemmija elementi verbali.
53 Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jitqies li l-espressjoni “napa valley” mhijiex biżżejjed sabiex jiġi evitat li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti inkwistjoni jipprovjenu mill-istess impriża jew impriżi marbuta ekonomikament. Ċertament, hekk kif ġie rilevat fil-punt 49 iktar ’il fuq, l-espressjoni inkwistjoni tinftiehem bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti inkwistjoni minn parti sinjifikanti tal-pubbliku rilevanti, iżda mingħajr ma dan tal-aħħar jattribwixxi kontenut kunċettwali partikolari lis-sinjal.
54 L-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-elementi figurattivi tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom jevokaw kunċetti differenti, ma jistax ixejjen din il-konklużjoni. Min-naħa waħda, ir-rappreżentazzjoni ta’ ċentawru mrikkeb minn kavallier li jġorru bastun bl-amfori jagħmel allużjoni għall-oriġini mitoloġiċi tal-inbid u għalhekk jagħmel riferiment għall-inbid u għall-produzzjoni tiegħu. Għalhekk, is-sinjal jevoka, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, l-inbid, iżda mingħajr ma din l-evokazzjoni tikkostitwixxi tifsira ċara u determinata għall-pubbliku rilevanti li tista’ tkun tali li tistabbilixxi differenza kunċettwali bejn iż-żewġ sinjali.
55 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-istil tal-element grafiku jagħmel diffiċli t-trażmissjoni ta’ kontenut kunċettwali u, fuq kollox, li dan jinftiehem b’mod ċar mill-konsumatur medju. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tagħmel allużjoni, fl-impressjoni globali li toħloq, għal idea ta’ modernità li tiġi mifhuma immedjatament mill-pubbliku kkonċernat.
56 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tas-sinjali inkwistjoni, fuq il-pjan kunċettwali, il-konsumaturi ma jirrilevaw ebda konnotazzjoni semantika partikolari li tippermettilhom li jistabbilixxu differenza jew xebh bejn iż-żewġ sinjali.
Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni
57 L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].
58 F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjali pparagunati kellhom ċertu livell ta’ xebh fuq il-pjan viżiv u kienu simili fuq il-pjan fonetiku, u għalhekk ikkonkluda, fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti inkwistjoni, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks.
59 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkunsidra li s-sinjali jippreżentaw differenzi grafiċi kbar u li, minħabba l-importanza tal-aspett viżiv tas-sinjali fis-settur tal-prodotti inkwistjoni, it-trade marks li jinsabu f’kunflitt bejniethom jistgħu “jikkoeżistu b’mod paċifiku” fis-suq.
60 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-aspett viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom mhux dejjem għandhom l-istess importanza, u għalhekk għandhom jiġu evalwati l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trade marks jistgħu jiġu ppreżentati fis-suq [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, Ġabra p. II‑3471, punt 49].
61 Fil-fatt, l-importanza tal-elementi ta’ xebh jew ta’ differenza bejn is-sinjali li jinsabu f’kunflitt bejniethom tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom jew mill-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Jekk il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni normalment jinbiegħu fi ħwienet fejn il-konsumatur jagħżel il-prodott huwa stess u għandu, għalhekk, jafda prinċipalment fl-immaġni tat-trade mark imwaħħla fuq dan il-prodott, xebh viżiv tas-sinjali jkun, bħala regola ġenerali, ta’ importanza ikbar (sentenzi NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u el charcutero artesano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80). Jekk, min-naħa l-oħra, il-prodott jinbiegħ fuq kollox b’mod orali, tingħata iktar importanza lix-xebh fonetiku tas-sinjali [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Frar 2007, Quelle vs UASI – Nars Cosmetics (NARS), T‑88/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68].
62 Fis-settur tal-inbid, diversament mix-xorb mhux alkoħoliku kkunsidrat fis-sentenza KINJI by SPA, iċċitata iktar ’il fuq (punti 57 u 58), il-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti huma mdorrija li jirreferu għalihom u li jirrikonoxxuwhom abbażi tal-element verbali li jservi biex jidentifikahom, b’mod partikolari fil-bars u fir-ristoranti, fejn l-inbejjed jiġu ordnati b’mod orali wara li isimhom ikun inqara mil-lista tal-inbejjed [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2005, Murúa Entrena vs UASI – Bodegas Murúa (Julián Murúa Entrena), T‑40/03, Ġabra p. II‑2831, punt 56, u tat-12 ta’ Marzu 2008, Sebirán vs UASI – El Coto De Rioja (Coto D’Arcis), T‑332/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38]. Għalhekk, f’dan il-każ, għandha tingħata importanza partikolari lix-xebh fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni.
63 F’dan il-każ, ġie kkonstatat li l-prodotti inkwistjoni kkonċernati miż-żewġ trade marks, jiġifieri l-inbejjed, huma identiċi u li s-sinjali jippreżentaw xebh fonetiku qawwi kif ukoll xebh viżiv dgħajjef. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-mod li bih il-konsumaturi jirreferu għall-prodotti inkwistjoni u, għalhekk, tal-imporanza li għandha tingħata lix-xebh fonetiku, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
64 Barra minn hekk, il-fatt li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma prodotti, hekk kif tindika t-trade mark imsemmija, fil-wied ta’ Napa (Napa valley) ma jistax jipprekludi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. B’mod konformi mal-ġurisprudenza, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni anki meta, għall-pubbliku, il-prodotti inkwistjoni għandhom postijiet ta’ produzzjoni differenti [sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH) T‑29/04, Ġabra p. II‑5309, punt 52].
65 Konsegwentement, għandu jiġi miċħud il-motiv u għalhekk, ir-rikors fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
66 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.
Għal dawn il-motivi,
IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Codorniu Napa, Inc., hija kkundannata għall-ispejjeż.
Pelikánová |
Jürimäe |
Soldevila Fragoso |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2010.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.