Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TJ0012

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) ta' 6 ta' Mejju 2009.
    M vs L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA).
    Appell - Servizz pubbliku - Rikors għal annullament - Att konfermattiv - Ammissibbiltà.
    Kawża T-12/08 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2009 I-B-1-00031; II-B-1-00159

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:143

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

    6 ta’ Mejju 2009

    Kawża T-12/08 P

    M

    vs

    Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA)

    “Appell – Servizz Pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Invalidità – Talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li ċaħdet l-ewwel talba għall-konvokazzjoni tal-Kumitat tal-Invalidità – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Att konfermatorju – Fatti ġodda u sostanzjali – Ammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu morali”

    Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F-23/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), u li huwa intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

    Deċiżjoni: Id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F-23/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), huwa annullat. Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA), tal-25 ta’ Ottubru 2006, hija annullata, inkwantu din ċaħdet it-talba ta’ M tat-8 ta’ Awwissu 2006, intiża sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità. L-EMEA hija kkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 3 000 lill-appellant. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-EMEA hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll għal dawk ta’ din l-istanza.

    Sommarju

    Uffiċjali – Invalidità – Membri tal-persunal temporanju – Talba għall-eżami mill-ġdid ta' deċiżjoni li tirrifjuta l-ftuħ tal-proċedura ta' invalidità – Estensjoni kunsiderevoli tal-leave tal-mard tal-persuna kkonċernata wara ċ-ċaħda tal-ewwel talba tagħha – Fatt ġdid li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid u l-ftuħ tal-proċedura

    (Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 33)

    Fil-każ fejn membru tal-persunal temporanju jippreżenta talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Awtorità awtorizzata biex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg, li ċaħdet l-ewwel talba tal-imsemmi membru tal-persunal intiża sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, l-imsemmija awtorità għandha, jekk it-talba l-ġdida tkun ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali, teżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni u għandha tilqa’ din it-talba jekk, fid-dawl tal-imsemmija fatti, ma jkunx iktar possibbli li jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi u mhux ikkontestati li jkollha din l-awtorità, li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 33 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej ikunu sodisfatti.

    L-Awtorità awtorizzata biex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għandha twettaq tali eżami mill-ġdid mhux biss fil-każ fejn l-istat tas-saħħa tal-membru tal-persunal temporanju inkwistjoni jkun differenti minn kif kien meta adottat id-deċiżjoni msemmija fit-talba għal eżami mill-ġdid jew fil-każ fejn l-inkapaċità għax-xogħol tal-imsemmi membru tal-persunal tirriżulta minn patoloġija differenti minn dik ikkonstatata u meħuda inkunsiderazzjoni f’din l-istess deċiżjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li ċerti ċirkustanzi ġodda jkunu jistgħu, minkejja li ma jurux li l-istat tas-saħħa tal-membru tal-persunal ikkonċernat huwa differenti, ibiddlu sostanzjalment il-kundizzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni preċedenti li ċaħdet li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità u, għaldaqstant, ikunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala fatti ġodda u sostanzjali li jirrikjedu l-eżami mill-ġdid tal-imsemmija deċiżjoni.

    Tikkostitwixxi tali fatt, b’mod partikolari, l-estensjoni tal-leave tal-mard tal-persuna kkonċernata għal terminu kunsiderevoli wara ċ-ċaħda tal-ewwel talba tiegħu sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, anki jekk dan il-leave il-ġdid ikun iġġustifikat mill-istess patoloġija bħal dik li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni meta inċaħdet l-ewwel talba. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li l-istituzzjoni kkonċernata tista’ tikkonkludi li l-assenza mill-post tax-xogħol ta’ membru tal-persunal temporanju minħabba mard ma tiġġustifikax li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità ladarba l-imsemmija istituzzjoni jkollha elementi oġġettivi u mhux ikkontestati li juru li l-membru tal-persunal inkwistjoni għandu jkun, fil-futur qarib, f’pożizzjoni li jerġa’ jibda jwettaq dmirijietu, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li estensjoni, għal perijodu kunsiderevoli, ta’ assenza minħabba mard ta’ din il-persuna tikkostitwixxi, inkontestabbilment, indizju serju li jista’ jagħti lok għal dubji fuq il-possibbiltajiet tiegħu li jerġa’ jibda jwettaq dmirijietu u, għalhekk, jikkonfuta l-fondatezza taċ-ċaħda inizjali li l-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità.

    (ara l-punti 59 u 63 sa 66)

    Top