This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008FJ0049
Judgment of the Civil Service Tribunal (Second Chamber) of 2 July 2009.#Massimo Giannini v European Commission.#Case F-49/08.
Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Lulju 2009.
Massimo Giannini vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kawża F-49/08.
Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Lulju 2009.
Massimo Giannini vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kawża F-49/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2009 I-A-1-00217; II-A-1-01195
ECLI identifier: ECLI:EU:F:2009:76
SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)
2 ta’ Lulju 2009
Kawża F-49/08
Massimo Giannini
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Perijodu ta’ prova mwettaq f’kundizzjonijiet irregolari – Irregolaritajiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni – Spejjeż tal-ivvjaġġar – Delegazzjoni f’pajjiż terz”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Giannini jitlob: l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkeċċih, innotifikata fl-10 ta’ Lulju 2007, u, sa fejn meħtieġ, l-annullament taċ-ċaħda tal-ilment tiegħu kontra din id-deċiżjoni; b’konsegwenza ta’ dan, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-drittijiet pekunjarji kollha marbuta mal-kuntratt tiegħu; fi kwalunkwe każ, l-annullament tad-deċiżjonijiet tas-27 ta’ Ġunju 2007 u tal-20 ta’ Settembru 2007 li tipproċedi għal ġbir ta’ EUR 5 218.22 fuq ir-remunerazzjoni tiegħu ta’ Awwissu 2007 u, għaldaqstant, ir-rimbors ta’ din is-somma flimkien mal-interessi moratorji; fi kwalunkwe każ, l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Awwissu 2007 li tillimita l-allowance tal-installazzjoni għal terz tas-somma miġbura f’Novembru 2006 u li tirkupra ż-żewġ terzi l-oħra, jiġifieri EUR 4 278.50, fuq ir-remunerazzjoni ta’ Frar 2008 u, għaldaqstant, ir-rimbors ta’ din is-somma flimkien, mal-interessi moratorji; l-allokazzjoni ta’ danni u interessi bħala kumpens għad-dannu materjali u morali subit, stmat provviżorjament għal EUR 200 000.
Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Lulju 2007, li tordna l-irkupru ta’ terz tal-ammont li jkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar allokati lir-rikorrent għas-sena 2007, hija annullata. Il-Kummissjoni għandha tħallas lir-rikorrent is-somma indebitament miġbura skont id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2007, ħlief sa fejn din tikkonċerna l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-familja tar-rikorrent; ma’ din is-somma għandhom jiżdiedu l-interessi li jiddekorru mid-data tal-ġbir sad-data tal-ħlas effettiv, ikkalkolata bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament u applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjud b’żewġ punti. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Awwissu 2007, li permezz tagħha l-Kummissjoni limitat l-allowance tal-installazzjoni tar-rikorrent għal terz tas-somma miġbura f’Novembru 2006. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Tilwim ta’ natura finanzjarja taħt l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))
2. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Suġġett – Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment
(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 84)
3. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni – Superviżjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet IV minn uffiċjal li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet AST
(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 80(2))
4. Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment – Twissija
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)
5. Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, u Anness I, Artikolu 7(3); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(c); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1))
6. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni tar-riżultati
(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 84(3))
7. Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Uffiċjali permanenti u membri tal-persunal fuq perijodu ta’ prova
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 84)
8. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Portata u kontenut
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11, u Artikolu 81)
9. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11, Artikoli 81 u 84(3))
10. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Deċiżjoni ta’ tkeċċija
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11, u Artikolu 81)
11. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni negattiva tal-kompetenzi tal-parti kkonċernata – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova
(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 84(3))
12. Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Spejjeż tal-ivvjaġġar annwali
(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 8)
13. Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Spejjeż tal-ivvjaġġar annwali
(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 88(4))
1. Mhux biss azzjonijiet għad-danni mill-membri tal-persunal kontra istituzzjoni jikkostitwixxu “tilwim ta’ karattru finanzjarju”, iżda wkoll dawk kollha intiżi għall-ħlas minn istituzzjoni lil membru tal-persunal ta’ somma li dan iqis li hija dovuta lilu skont ir-Regolamenti tal-Persunal jew skont att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti Komunitarja għandha, f’dawn il-kawżi, ġurisdizzjoni sħiħa, li tinkarigaha bil-missjoni li tagħti soluzzjoni kompleta lill-kawżi quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi fuq id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membru tal-persunal, ħlief meta tirreferi lill-istituzzjoni kkonċernata, u taħt il-kontroll tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti tas-sentenza taħt il-kundizzjonijiet preċiżi li hija tiffissa. B’hekk, hija l-qorti Komunitarja li għandha, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi kontra istituzzjoni b’kundanna għall-ħlas ta’ somma li għaliha r-rikorrent ikollu dritt skont ir-Regolamenti tal-Persunal jew att legali ieħor.
(ara l-punti 39 sa 42)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, Ġabra p. I‑12041, punti 65, 67 u 68
2. Deċiżjoni ta’ tkeċċija fi tmiem perijodu ta’ prova għandha tiġi annullata jekk ir-rikorrent ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jtemm il-perijodu ta’ prova tiegħu taħt kundizzjonijiet normali.
Għalkemm il-perijodu ta’ prova, li huwa intiż sabiex jippermetti li jiġu evalwati l-kapaċitajiet u l-imġieba tal-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova, ma jistax jitqies li huwa perijodu ta’ taħriġ, huwa xorta waħda imperattiv li, matul il-perijodu ta’ prova tiegħu, il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li turi l-kapaċitajiet tagħha. Din il-kundizzjoni tfisser, fil-prattika, li l-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova għandu jibbenefika minn istruzzjonijiet u minn pariri adegwati sabiex ikun f’pożizzjoni li jadatta ruħu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-impjieg li huwa jokkupa.
Il-livell rikjest ta’ dawn l-istruzzjonijiet u pariri għandu jiġi evalwat mhux b’mod astratt, iżda b’mod konkret, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-funzjonijiet eżerċitati. F’din il-perspettiva, l-esperjenza preċedenti tal-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova ma tistax tiġi mwarrba. Fil-fatt, għalkemm din l-esperjenza ma tistax, fiha nnifisha, tqiegħed inkwistjoni l-utilità tal-perijodu ta’ prova, hija tista’ tiddetermina l-livell ta’ kollokament li minnu għandu jibbenefika sabiex il-perijodu ta’ prova jissodisfa l-għan tiegħu.
(ara l-punt 65)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1985, Patrinos vs CES, 3/84, Ġabra p. 1421, punti 20 sa 24
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ April 1992, Kupka‑Floridi vs CES, T‑26/91, Ġabra p. II‑1615, punt 44; 30 ta’ Novembru 1994, Correia vs Il‑Kummissjoni, T‑568/93, ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑857, punt 34; 5 ta’ Marzu 1997, Rozand‑Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, ĠabraSP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 95
It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, F‑112/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 48, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑498/07 P ; 16 ta’ April 2008, Doktor vs Il‑Kunsill, F‑73/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 31 u 33 sa 36, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑248/08 P
3. Mill-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet IV jistgħu jeżegwixxu l-inkarigi tagħhom taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali mingħajr distinzjoni ta’ kategorija. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant ma tipprojbixxix li l-inkarigi ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jappartjeni għall-grupp ta’ funzjonijiet IV jistgħu, jekk ikun il-każ, jitwettqu taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijet AST.
(ara l-punt 72)
4. Id-dritt ta’ uffiċjal fuq perijodu ta’ prova li jwettaq il-perijodu ta’ prova tiegħu taħt kundizzjonijiet regolari jkun iggarantit b’mod suffiċjenti permezz ta’ twissija orali li tippermettilu jadatta l-prestazzjonijiet tiegħu skont il-ħtiġijiet tad-dipartiment.
(ara l-punt 84)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Rozand‑Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102
5. Għalkemm rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet minn dokumenti annessi miegħu, l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali u ma jistgħux, għalhekk, iservu sabiex jiġi żviluppat motiv li kien ġie espost b’mod sommarju fir-rikors billi jitressqu lmenti jew argumenti li ma jissemmewx fir-rikors. Ir-rikorrent għandu jindika fir-rikors tiegħu l-ilmenti preċiżi li fuqu hemm lok li tingħata deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas b’mod sommarju, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom dawn l-ilmenti jkunu bbażati.
Quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa wisq inqas possibbli li l-annessi jiżviluppaw motiv espost b’mod sommarju fir-rikors, billi jitressqu lmenti jew argumenti assenti fir-rikors, peress li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub quddiem l-imsemmi tribunal, bħala prinċipju jkun fiha, ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni kuntrarja minn dan tal-aħħar, skambju wieħed biss ta’ noti. Dan l-aspett partikolari tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jispjega li, b’differenza għal dak li huwa previst quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fir-rikors ma tistax tkun sommarja. Tali flessibbiltà jkollha bħala effett, fil-prattika, li ċċaħħad minn parti kbira tal-utilità tagħha r-regola speċjali u sussegwenti msemmija fl-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
(ara l-punti 86 u 87)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 167
6. L-Artikolu 84(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra għandu t-tendenza li jagħti lill-evalwatur u lill-awtorità kompetenti sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ marġni kbira għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u tas-servizzi ta’ uffiċjal fuq perijodu ta’ prova fid-dawl tal-interess tad-dipartiment. Għalhekk, il-qorti Komunitarja ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-istituzzjonijiet fir-rigward tar-rilevanza tal-elementi ta’ evalwazzjoni ta’ perijodu ta’ prova, għaliex l-istħarriġ tagħha jkopri biss in-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter.
(ara l-punt 89)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza Rozand‑Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112;
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Krcova vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62
7. Il-garanziji proċedurali mogħtija lill-uffiċjali fil-mument tal-evalwazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu estizi lill-membri tal-persunal fuq perijodu ta’ prova. Is-sitwazzjonijiet legali u fattwali tal-uffiċjali permanenti u tal-membri tal-persunal fuq perijodu ta’ prova jippreżentaw differenzi essenzjali. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ fatt ta’ uffiċjal fuq perijodu ta’ prova ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ uffiċjal li jkun ilu snin jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-uffiċjali ma humiex trasponibbli għall-evalwazzjoni tal-uffiċjali fuq perijodu ta’ prova. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjal permanenti u r-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova għandhom funzjonijiet distinti, billi r-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova huwa prinċipalment intiż sabiex jevalwa l-kompetenza tal-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova li jwettaq id-dmirijiet li jirriżultaw mill-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li r-rapport ta’ evalwazzjoni għandu bħala funzjoni ewlenija li jiżgura li l-amministrazzjoni tingħata informazzjoni perjodika kemm jista’ jkun kompleta fuq il-kundizzjonijiet ta’ twettiq ta’ xogħol ta’ uffiċjal mid-dipartiment tiegħu.
(ara l-punti 92 u 95)
Referenza:
It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Doktor vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 85 u 86
8. Ir-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt u l-opinjonijiet sussegwenti, bħall-opinjoni tas-superjur ġerarkiku jew tal-kumitat tar-rapporti, ma humiex deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal li għalih jirreferu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 u l-Artikolu 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. B’hekk, għalkemm ir-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova u l-opinjonijiet sussegwenti għandhom ikunu suffiċjentement iddettaljati sabiex jippermettu lill-awtorità kompetenti biex tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ timmotiva u tieħu d-deċiżjoni tagħha, dawn ma għandhomx madankollu jiddeskrivu b’mod dettaljat il-fatti kollha li fuqhom jistrieħu. B’mod partikolari, l-evalwatur ma huwiex marbut jiddeskrivi l-attivitajiet kollha tal-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova, u lanqas li jsemmi b’mod eżawrjenti u ddettaljat id-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom matul il-perijodu ta’ prova. Barra minn hekk, ma jistax jiġi mitlub minn superjur ġerarkiku tal-membru tal-persunal jew mill-kumitat tar-rapporti li jiddiskutu l-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li tqajmu mill-membru tal-persunal fuq perijodu ta’ prova fl-awtoevalwazzjoni tiegħu jew f’noti supplimentari.
(ara l-punt 93)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il‑Kummissjoni, 98/81, Ġabra p. 1155, punt 14
9. Għalkemm l-Artikolu 84(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra għandu t-tendenza li jiggarantixxi lill-membri tal-persunal bil-kuntratt id-dritt li jressqu l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom lill-awtorità kompetenti biex tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ u tiżgurahom li dawn l-osservazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-istess Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalihom jirrreferi l-Artikolu 81 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, ma jinkludux l-opinjonijiet maħruġa mis-superjuri ġerarkiċi kkonsultati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni. Dawn ma jistgħux, għalhekk, ikunu obbligati li jadottaw pożizzjoni b’mod espliċitu, fil-kuntest ta’ motivazzjoni, fuq l-argumenti kollha li l-membru tal-persunal fuq perijodu ta’ prova jinvoka.
(ara l-punti 103 u 105)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Settembru 1999, Trigari-Venturin vs Centre de traduction, T‑98/98, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑821, punt 57
10. Id-deċiżjoni li jitkeċċa membru tal-persunal temporanju fi tmiem il-perijodu ta’ prova hija suġġetta għall-formalità tal-motivazzjoni. Sa fejn l-Artikolu 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirreferi, fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-istess Kondizzjonijiet tal-impjieg, li huma applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju, u sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni testendi għall-imsemmija membri tal-persunal temporanju l-benefiċċju tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponi li tiġi motivata kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, id-deċiżjoni li membru tal-persunal bil-kuntratt ma jiġix reklutat fi tmiem il-perijodu ta’ prova għandha tkun motivata.
Deċiżjoni tkun motivata b’mod suffiċjenti meta tkun saret f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata u li tippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu. Dan huwa l-każ meta din id-deċiżjoni tkun ġiet ippreċeduta b’diskussjonijiet mal-ġerarkija li jkunu ttrattaw is-sitwazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, deċiżjoni li tirreferi għal dokument li diġà jinsab fil-pussess tal-persuna kkonċernata u li jinkludi l-elementi li fuqhom l-istituzzjoni tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha tissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni.
(ara l-punti 115 u 117)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il‑Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, Ġabra p. I‑599, punti 26 u 27
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Ottubru 1997, IPK vs Il‑Kummissjoni, T‑331/94, Ġabra p. II‑1665, punt 52; Trigari‑Venturin vs Centre de traduction, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84
11. L-amministrazzjonin għandha marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompetenzi u tas-servizzi ta’ uffiċjal fuq perijodu ta’ prova u fid-dawl tal-interess tad-dipartiment. B’mod partikolari, l-użu tal-kliem “f’ċirkostanzi eċċezzjonali” mill-Artikolu 84(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra juri li l-awtorità kompetenti biex tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina, skont il-fatti tal-każ u ċ-ċirkustanzi individwali, f’liema sitwazzjoni għandha tingħata estensjoni tal-perijodu ta’ prova. B’hekk il-qorti Komunitarja tista’ twaqqaf l-evalwazzjoni, mill-istituzzjoni, tar-riżultat ta’ perijodu ta’ prova biss fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter.
Għalkemm l-obbligu ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tiegħu jimplika li, meta hija tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tad-dipartiment, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat, dan l-obbligu ma jistax ikollu bħala effett li jittrasforma f’regola l-possibbiltà “eċċezzjonali” li jittawwal il-perijodu ta’ prova previst mill-Artikolu 84(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, mingħajr ma tinbidel din id-dispożizzjoni li tirrifletti ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi maħluq mill-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg fir-relazzjonijiet tal-amministrazzjoni mal-membri tal-persunal li jinsabu f’perijodu ta’ prova.
(ara l-punti 126, 128 u 129)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Ġunju 2002, Tralli vs BĊE, T‑373/00, T‑27/01, T‑56/01 u T‑69/01, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑453, punt 76
It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Krcova vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 77
12. It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirregola l-kwistjoni tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar fir-rigward tal-uffiċjal li l-post ta’ kollokament tiegħu jinsab barra mit-territorju ta’ Stat Membru. Din id-dispożizzjoni tipprovdi d-dritt, għall-persuna kkonċernata u għall-familja tagħha, kull sena kalendarja, għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, mingħajr ma tissuġġetta dan ir-rimbors għar-regola tal-prorata tal-Artikolu 8(3), applikabbli għall-uffiċjal li l-post ta’ kollokament tiegħu jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Membru tal-persunal li huwa kkollokat f’pajjiż terz għandu b’hekk id-dritt għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu indipendentement mit-tul effettiv tal-funzjonijiet tiegħu. Tali trattament differenti ma huwiex diskriminatorju, peress li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali li l-post ta’ kollokament tagħhom jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u dik tal-uffiċjali kkollokati barra minn tali territorju għandhom differenzi kunsiderevoli.
(ara l-punti 155 u 158 sa 160)
Referenza:
It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 97
13. Il-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 8(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-uffiċjali kkollokati f’pajjiż terz, li nżamm fis-seħħ mil-leġiżlatur Komunitarju meta saret ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2004, tassumi li l-vjaġġ realment ikun sar u l-ispiża tiegħu effettivament tkun tħallset. Minkejja li din id-dispożizzjoni ma ssemmix iktar l-obbligu li jiġu ppreżentati dokumenti ġustifikattivi, tali obbligu huwa inerenti għall-kundizzjoni li l-vjaġġ realment ikun sar.
(ara l-punti 168 u 169)