Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0526

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta' Ġunju 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ammissibbiltà - Ne bis in idem - Res judicata - Artikoli 226 KE u 228 KE - Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura - Lingwa tal-kawża - Direttiva 91/676/KEE - Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli - Nuqqas ta’ konformità tal-miżuri nazzjonali mar-regoli dwar il-perijodi, il-kundizzjonijiet u t-teknika ta’ applikazzjoni tal-fertilizzant fuq l-art - Kapaċità ta’ ħażna minima ta’ demel - Projbizzjoni ta’ applikazzjoni fuq artijiet b’xaqliba wieqfa - Teknika li tippermetti li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u effettiva tal-fertilizzant.
    Kawża C-526/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-06151

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:379

    Kawża C-526/08

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ammissibbiltà — Ne bis in idem — Res judicata — Artikoli 226 KE u 228 KE — Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura — Lingwa tal-kawża — Direttiva 91/676/KEE — Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Nuqqas ta’ konformità tal-miżuri nazzjonali mar-regoli dwar il-perijodi, il-kundizzjonijiet u t-teknika ta’ applikazzjoni tal-fertilizzant fuq l-art — Kapaċità ta’ ħażna minima ta’ demel — Projbizzjoni ta’ applikazzjoni fuq artijiet b’xaqliba wieqfa — Teknika li tippermetti li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u effettiva tal-fertilizzant”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Proċedura — Sistema lingwistika — Preżentata ta’ atti jew ta’ dokumenti f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 29(2)(a) u (3))

    2.        Proċedura — Res judicata — Portata

    3.        Ambjent — Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Direttiva 91/676

    (Direttiva tal-Kunsill 91/676, Artikoli 4 u 5, punti 1, 2, 5 u 6 tal-Anness II(A), u punti 1 u 2 tal-Anness III(1))

    1.        Skont l-Artikolu 29(2)(a) u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikoli 29(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-noti u l-annessi tagħhom għandhom jiġu ppreżentati fil-lingwa tal-kawża. B’hekk, id-dokumenti redatti b’lingwa oħra għandhom jinkludu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

    Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(3) tal-istess regoli, fil-każ ta’ atti u ta’ dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ estratti. Barra minn hekk, f’kull mument, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrikjedi traduzzjoni iktar kompleta jew sħiħa, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.

    Għaldaqstant, ma hemmx lok li jitneħħew mill-atti żewġ annessi prodotti f’lingwa differenti minn dik tal-kawża fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, li l-partijiet rilevanti tagħhom ġew tradotti u ċċitati fir-rikors u li t-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-kawża kienet prodotta, fi stadju ulterjuri, skont it-talba magħmula mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    (ara l-punti 16, 17, 19, 20)

    2.        Il-prinċipju ta’ res judicata huwa applikabbli għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, ir-res judicata tintrabat biss mal-punti fattwali u legali li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Stat Membru, ir-res judicata ma tistax tiġi validament ikkontestata minn dan l-Istat fid-dawl ta’ sentenza preċedenti meta essenzjalment ma jeżistix qbil fattwali u legali bejn dawn iż-żewġ kawżi, u dan fid-dawl tal-kontenut tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni.

    (ara l-punti 27, 34)

    3.        Billi ma jipprovdix, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, għal perijodi ta’ projbizzjoni għall-applikazzjoni ta’ kull tip ta’ fertilizzanti, inklużi l-fertilizzanti kimiċi, billi jipprovdi li l-perijodi li matulhom l-applikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija pprojbita ma japplikawx għall-art bil-ħaxix, billi jagħti setgħa diskrezzjonali lill-ministri kompetenti sabiex jidderogaw mill-perijodi ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti, fil-każ ta’ sitwazzjoni klimatika eċċezzjonali jew avvenimenti straordinarji li jkollhom inċidenza fuq impriża agrikola, billi, fir-rigward tal-impjanti eżistenti għall-ħażna tad-demel tal-annimali li ma humiex suġġetti għal modernizzazzjoni, ma jipprovdix regoli dwar il-kapaċità tat-tankijiet għall-ħażna tad-demel tal-annimali u l-anqas ma jipprovdi li din il-kapaċità għandha teċċedi dak li huwa neċessarju matul l-itwal mill-perijodi ta’ projbizzjoni mill-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fiż-żona vulnerabbli, sakemm ma jkunx jista’ jiġi pprovat li l-volum ta’ demel tal-annimali li jeċċedi l-kapaċità ta’ ħażna reali jintrema b’mod li ma jkunx ta’ ħsara għall-ambjent, billi jipprojbixxi biss, fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna, l-applikazzjoni tal-fertilizzanti organiċi mingħajr ma jinkludi l-fertilizzanti kimiċi f’din il-projbizzjoni u billi jonqos milli jipprovdi regoli li jkopru l-metodi ta’ applikazzjoni tal-fertilizzanti kimiċi u tad-demel tal-annimali, b’mod partikolari l-livell u l-uniformità tiegħu, sabiex l-iskular tal-elementi nutrijenti jinżamm fuq livell aċċettabbli, Stat Membru jonqos mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/676, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, moqrija flimkien mal-punti 1, 2, 5 u 6 tal-Anness II(A) kif ukoll mal-punti 1 u 2 tal-Anness III(1) ta’ din id-direttiva.

    (ara l-punti 54, 55, 58, 60, 62-66, 68, 70, 71 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    29 ta’ Ġunju 2010 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Ne bis in idem – Res judicata – Artikoli 226 KE u 228 KE – Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura – Lingwa tal-kawża – Direttiva 91/676/KEE – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Nuqqas ta’ konformità tal-miżuri nazzjonali mar-regoli dwar il-perijodi, il-kundizzjonijiet u t-teknika ta’ applikazzjoni tal-fertilizzant fuq l-art – Kapaċità ta’ ħażna minima ta’ demel – Projbizzjoni ta’ applikazzjoni fuq artijiet b’xaqliba wieqfa – Teknika li tippermetti li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u effettiva tal-fertilizzant”

    Fil-Kawża C‑526/08,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2008,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán, N. von Lingen u B. Smulders, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Il‑Gran Dukat tal‑Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent, assistit minn P. Kinsch, avukat,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet orali ppreżentati:

    –      għar-Renju tad-Danimarka, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

    –      għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn N. Wunderlich, bħala aġent,

    –      għar-Repubblika Ellenika, minn A. Samoni Rantou u S. Chala, bħala aġenti,

    –      għar-Repubblika Franċiża, minn G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti,

    –      għar-Repubblika Taljana, minn G. almieri, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

    –      għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. Wissels, bħala aġent,

    –      għar-Repubblika tal-Awstrija, minn E. Riedl, bħala aġent,

    –      għar-Repubblika tal-Polonja, minn M. Jarosz u K. Zawisza, bħala aġenti,

    –      għar-Repubblika tal-Finlandja, minn A. Guimaraes Purokoski, bħala aġent,

    –      għar-Renju tal-Isvezja, minn A. Falk, K. Petkovska u S. Johannesson, bħala aġenti,

    –      għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, minn S. Behzadi Spencer, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

    –      għall-Parlament Ewropew, minn K. Bradley u A. Auersperger Matić, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu kompletament u korrettament mal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il‑protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), b’rabta mal-punti 1, 2, 5 u 6 tal-Anness II(A), kif ukoll il-punti 1 u 2 tal-Anness III(1) ta’ din id‑direttiva, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    2        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676:

    “Din id-Direttiva għandha l-mira li:

    –        tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

    –        tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.”

    3        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.      Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:

    a)      jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas l-intestaturi msemmija f’L-Anness II A;

    b)      jistabbilixxu meta meħtieġ programm, li jinkludi l-provvediment tat-taħriġ u t-tagħrif għall-bdiewa, li jippromwovi t-tħaddim tal-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba.

    2.      L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-kodiċijiet tagħhom ta’ prattika agrikola tajba u l-Kummissjoni għandha tinkludi t‑tagħrif dwar dawn il-kodiċijiet fir-rapport riferit fl-Artikolu 11. Fid-dawl tat-tagħrif li tkun irċeviet, il-Kummissjoni tista’, jekk tikkunsidrhom meħtieġa, tagħmel il-proposti xierqa lill-Kunsill.”

    4        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.      Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

    2.      Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

    3.      Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

    a)      l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

    b)      il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

    4.      Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

    a)      il-miżuri f’L-Anness III;

    b)      dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

    5.      L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l‑effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.

    6.      L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu.

    L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.

    7.      L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il‑paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.”

    5        Skont l-Anness II tad-Direttiva 91/676, intitolat “Il-kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba”:

    “A.      Kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba bil-mira li jitnaqqas it-tniġġis min-nitrati u jingħata kas tal-kundizzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Komunità għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-intestaturi li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti:

    1)      il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fir-raba’ tkun barra minn lokha;

    2)      l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna;

    […]

    5)      il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri li jaħżnu d-demel ta’ l-annimali, inklużi miżuri li jipprevjienu t-tniġġis ta’ ilma meta l-likwidi li jkun fihom id-demel tal-bhejjem tar-rziezet u l-effluwenti mill-materjali tal-pjanti maħżuna bħall-għalf tal-ħaxix, jiskulaw jew inixxu fl-ilma ta’ taħt l-art u l‑ilma tal-wiċċ;

    6)      il-proċeduri sabiex jiġu applikati fir-raba, inklużi r-rata u l-uniformità tat-tferrix, kemm tal-fertilizzanti kimiċi u kemm tad-demel ta’ l-annimali, li żżomm it-telf tan-nutrijenti fl-ilma għal livell aċċettabbli.

    [...]”

    6        Skont l-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-miżuri li għandhom jiġu [i]nklużi fil-programmi ta’ azzjoni skond l-Artikolu 5(4)(a)”:

    “1.      Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x'jaqsmu ma’:

    1)      il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni fir-raba’ ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti hija projbita;

    2)      il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel ta’ l-annimali; din il-kapaċità għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perijodu taż-żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni fir-raba’ fiż-żona vulnerabbli, għajr fejn jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti illi kull kwantità ta’ demel li taqbeż il-kapaċità attwali tal-ħażna tiġi [mormija] b’manjiera li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent;

    […]

    2.      Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l‑ammont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, m’għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru.

    L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N. […]

    […]”

     Id-dritt nazzjonali

    7        L-Artikolu 6 tar-Regolament Gran Dukali tal-24 ta’ Novembru 2000, dwar l-użu ta’ fertilizzanti organiċi fl-agrikoltura (Mémorial A 2000, p. 2856, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Gran Dukali”), intitolat “Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet”, jipprovdi kif ġej:

    “A.      Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli fit-territorju kollu

    1)      Ma hijiex permessa l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi

    –        fuq raba’ mhux maħduma mingħajr veġetazzjoni;

    –        fuq raba’ mhux maħduma għal perijodi multiannwali;

    –        fuq raba’ mhux maħduma b’mod spontanju;

    –        fuq l-art iffriżata fil-fond li tista’ tagħti lok għal skular barra miż-żona ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti qabel ma tibda’ tinħall;

    –        fuq l-art imfawra bl-ilma, mgħottija bl-għarar jew mgħottija bil-borra b’mod partikolari meta ma jkunx jista’ jassorbi iżjed;

    –        fuq distanza ta’ inqas minn 50 metru mill-bjar, mill-ġibjuni u minn imkejjen għall-ġbir tal-ilma, li fihom ilma għax-xorb fir-rigward tal-fertilizzanti organiċi u ta’ inqas minn 10 metri mill-bjar u minn imkejjen għall-ġbir tal-ilma, li fihom ilma għax-xorb fir-rigward tal-fertilizzanti minerali b’komponent ta’ nitroġenu;

    –        fuq distanza ta’ inqas minn 10 metri minn mill-mgħodijiet ta’ ilma u mill-pjani ta’ ilma fir-rigward tal-fertilizzanti organiċi.

    Fir-rigward tal-fertilizzanti minerali b’komponent ta’ nitroġenu, l-applikazzjoni għandha ssir b’mod li l-applikazzjoni tkun diretta f’sens oppost tal-art biswit il‑mgħodija tal-ilma. Kull rimi ta’ fertilizzanti b’komponent ta’ nitroġenu fil-mgħodija tal-ilma huwa pprojbit.

    2)      L-applikazzjoni ta’ demel, ta’ materjal insolubbi u ta’ ħama tad-drenaġġ likwidi matul il-perijodu mill-15 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Marzu fuq l-artijiet mhux mgħottija hija pprojbita.

    3)      L-applikazzjoni ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u ta’ ħama tad-drenaġġ likwidi matul il-perijodu mill-15 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Frar fuq l-artijiet mgħottija minbarra l-artijiet bil-ħaxix u l-artijiet għall-mergħa hija pprojbita. L-artijiet bil-ħaxix u l-artijiet għall-mergħa li fuqhom ikunu ġew applikati fertilizzanti organiċi matul il-perijodu mill-15 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Frar ma jistgħux jinħadmu qabel il‑15 ta’ Frar tas-sena attwali.

    4)      Il-kwantità totali ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u ta’ ħama tad-drenaġġ likwidi applikata matul il-perijodu mill-1 ta’ Settembru sal-1 ta’ Marzu ma għandhomx jirrappreżentaw iktar minn 80 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru.

    5)      L-applikazzjoni ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u ta’ ħama tad-drenaġġ likwidi fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa għandha ssir b’mod li ma jkunx hemm tnixxija barra miż-żona ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari billi jittieħdu inkunsiderazzjoni

    –        in-natura u l-koltivazzjoni tal-art;

    –        id-direzzjoni ta’ kif inhi miżrugħa l-firxa ta’ veġetazzjoni;

    –        il-kundizzjonijiet klimatiċi li jikkorrispondu għall-perijodi ta’ applikazzjoni possibbli;

    –        in-natura tal-fertilizzanti.

    L-applikazzjoni ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u ta’ ħama ta’ drenaġġ likwidi hija pprojbita fuq l-artijiet b’xaqliba medja ogħla minn 8 % u mhux koperti minn veġetazzjoni, ħlief jekk tiġi inkorporata fl-iqsar żmien possibbli sa mhux iktar tard minn 48 siegħa wara l-applikazzjoni tagħhom.

    6)      L-applikazzjonijiet ta’ fertilizzanti b’komponent ta’ nitroġenu huma permessi biss biex jiġu koperti l-bżonnijiet fiżjoliġiċi tal-veġetazzjoni filwaqt li tingħata attenzjoni sabiex ma jkunx hemm telf ta’ nutrijenti u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-preżenza ta’ nitroġenu preżenti fl-art.

    Il-kwantità ta’ fertilizzanti organiċi applikati għal kull sena u għal kull ettaru ma għandhiex tirrappreżenta iktar minn 170 kg ta’ nitroġenu, ħlief għall-koltivazzjonijiet b’rata għolja ta’ proteina u l-koltivazzjonijiet puri ta’ leguminużi li għalihom il-limitu huwa ta’ 85 kg ta’ nitroġenu.

    Il-kwantità ta’ fertilizzanti minerali b’komponent ta’ nitroġenu applikata għal kull sena u għal kull ettaru ma għandhiex taqbeż il-kwantitajiet massimi ta’ demel b’komponent ta’ nitroġenu bħal dawk iddefiniti fit-tabella riprodotta fl-Anness I, skont in-natura u r-rendiment tal-koltivazzjonijiet u fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet lokali u l-kundizzjonijiet agro-klimatiċi tas-sena.

    Fil-każ ta’ taħlit ta’ fertilizzanti organiċi u minerali, ir-rata ta’ demel b’komponent ta’ nitroġenu minerali massimu għandha titnaqqas skont il-kwantità ta’ fertilizzanti organiċi applikati fid-dawl tan-natura tal-fertilizzant organiku, tal-metodu ta’ applikazzjoni, tat-tip ta’ koltivazzjoni u tal-perijodu ta’ applikazzjoni hekk kif deskritti fil-linji gwida agrikoli.

    Jekk l-operatur agrikolu ma jkollux biżżejjed artijiet għad-dispożizzjoni tiegħu fejn l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi hija permessa, huwa għandu jiżgura d-disponibbiltà ta’ għelieqi li jappartjenu għal operaturi agrikoli oħra bil-kundizzjoni li tkun tista’ ssir applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq dawn l-għelieqi.

    B.      Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet speċjali applikabbli fiż-żoni ta’ protezzjoni tal-ilma intiża għall-konsum mill-bniedem

    1)      Fiż-żoni ta’ protezzjoni immedjata, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti b’komponent ta’ nitroġenu hija pprojbita.

    2)      Fiż-żoni ta’ protezzjoni viċini u distanti, hija pprojbita l-applikazzjoni

    –        ta’ demel, ta’ kompost u ta’ ħama tad-drenaġġ imnixxef matil il-perijodu mill-1 ta’ Awwissu sal-1 ta’ Frar. Fuq l-artijiet mgħottija, din il-projbizzjoni tapplika mill-1 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Frar.

    –        ta’ kull fertilizzant organiku ieħor matul il-perijodu mill-1 ta’ Awwissu sal-1 ta’ Marzu. Fuq l-artijiet mgħottija, ħlief għall-koltivazzjoni ta’ qamħ fix-xitwa, ta’ triticale (tip ta’ qamħ ibridu) fix-xitwa u ta’ segala fix-xitwa, din il-projbizzjoni tapplika mill-1 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Marzu.

    3)      L-applikazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi meta jinbidel l-użu tal-artijiet bil-ħaxix u tal-artijiet għall-mergħa b’mod permanenti jew temporanju jew meta ssir ir-rotazzjoni ta’ koltivazzjonijiet puri ta’ leguminużi, hija pprojbita.

    4)      Il-kwantità totali ta’ demel, ta’ materjal insolubbli, ta’ ħama tad-drenaġġ likwidi applikata matul il-perijodu mill-1 ta’ Awwissu sal-1 ta’ Ottubru ma għandhiex tirrappreżenta iktar minn 80 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru.

    5)      L-artijiet mgħottija li fuqhom ikunu ġew applikati fertilizzanti organiċi matul il-perijodu mill-1 ta’ Awwissu sal-1 ta’ Ottubru ma jistgħux jinħadmu qabel l-1 ta’ Diċembru tas-sena attwali.

    6)      Il-kwantità ta’ fertilizzanti organiċi applikati għal kull sena u għal kull ettaru ma għandhiex tirrappreżenta iktar minn 130 kg ta’ nitroġenu, ħlief għal koltivazzjonijiet b’rata għolja ta’ proteina u l-koltivazzjonijiet puri ta’ leguminużi li għalihom l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi hija pprojbita.

    Il-kwantità ta’ fertilizzanti mineral b’komponent ta’ nitroġenu applikat għal kull sena u għal kull ettaru ma għandhiex taqbeż il-kwantità ta’ demel b’komponent ta’ nitroġenu massimu hekk kif iddefinita fit-tabella riprodotta fl-Anness II skont in‑natura u r-rendiment tal-koltivazzjonijiet u fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet lokali u l-kundizzjonijiet agro-klimatiċi tas-sena.

    Fil-każ ta’ taħlit ta’ fertilizzanti organiċi u minerali, id-demel minerali massimu b’komponent ta’ nitroġenu għandu jitnaqqas skont il-kwantità ta’ fertilizzanti organiċi applikati fid-dawl tan-natura tal-fertilizzant organiku, tal-metodu ta’ applikazzjoni, tat-tip ta’ koltivazzjoni u tal-perijodu ta’ applikazzjoni hekk kif deskritti fil-linji gwida agrikoli.”

    8        L-Artikolu 7 tar-Regolament Gran Dukali, intitolat “Derogi”, jipprovdi:

    “1)      Fil-każ ta’ sitwazzjoni klimatika eċċezzjonali, il-ministri li fost il‑kompetenzi tagħhom għandhom l-agrikoltura u l-ambjent jistgħu jidderogaw mill-perijodi ta’ projbizzjoni mill-applikazzjoni ta’ fertilizzant imsemmija fl-Artikolu 6 u jipprovdu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni approprjati.

    2)      Fil-każ ta’ avvenimenti straordinarji li jkollhom inċidenza fuq impriża agrikola, il-ministri li għandhom fost il-kompetenzi tagħhom l-agrikoltura u l‑ambjent jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu, fuq talba speċjali tal-operatur agrikolu kkonċernat, jidderogaw mill-perijodi ta’ projbizzjoni mill-applikazzjoni ta’ fertilizzant imsemmija fl-Artikolu 6 u jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-metodi li taħthom tkun tista’ sseħħ l-applikazzjoni.”

    9        L-Artikolu 8 tar-Regolament Gran Dukali, intitolat “ħażna” jipprovdi:

    “L-operaturi agrikoli għandu jkollhom għalihom infushom jew jiżguraw lilhom infushom mid-disponibbiltà ta’ tagħmir approprjat li jservi għall-ħażna u għall-applikazzjoni ta’ demel tal-annimali.

    It-tagħmir ġdid jew li għandu jiġi mmodernizzat għandu jiggarantixxi l-ħażna ta’ demel u ta’ materjal insolubbli għal perijodu minimu ta’ 6 xhur konsekuttivi.”

     Il-proċedura prekontenzjuża

    10      Billi qieset li l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/676 kif ukoll il-punti 1, 2, 5 u 6 tal-Anness II(A) l-punti 1 u 2 tal-Anness III(1) ta’ din id-direttiva ma ġewx trasposti korrettament mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Kummissjoni bdiet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE.

    11      Wara li intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni, billi qieset li dawn tal-aħħar ma kinux sodisfaċenti fir-rigward tal-elementi mqajma, ħarġet opinjoni motivata fis-27 ta’ Ġunju 2007, fejn stiednet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

    12      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2008, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ddefenda l-pożizzjoni tiegħu.

    13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

     Fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tar-regoli dwar id-determinazzjoni tal-lingwa tal-kawża

    14      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu talab li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi ddikjarat null jew inammissibbli minħabba kunsiderazzjoni żbaljata tal-Artikolu 29(2)(a) u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 29(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi hija ma osservatx ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-lingwa tal-kawża. Huwa josserva li r-rikors ġie ppreżentat bil-lingwa Franċiża bħala l-lingwa meqjusa bħala lingwa tal-kawża. Madankollu l-Annessi V u VII tar-rikors kienu redatti bil-lingwa Ingliża.

    15      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(3) tar-Regoli tal-Proċedura jinkludi eċċezzjoni, li abbażi tagħha hija setgħet tikkunsidra li, minħabba n-natura voluminuża tal-Anness V tar-rikors, billi ssir referenza għaż-żewġ annessi inkwistjoni biss darba waħda fir-rikors u billi din tinkludi traduzzjoni sħiħa tal-partijiet rilevanti ta’ dawn l-annessi, ma kienx indispensabbli li tiġi pprovduta traduzzjoni sħiħa ta’ dawn l-annessi. Il‑Kummissjoni tfakkar li, fi kwalunkwe każ, hija kkonformat ruħha bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura billi wara talba f’dan is‑sens, hija ttrażmettiet verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-annessi inkwistjoni lir-Reġistru.

    16      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 29(2)(a) u l-ewwel u t‑tieni paragrafi tal-Artikoli 29(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-lingwa ta’ din il‑kawża hija l-lingwa Franċiża u li, b’hekk, billi n-noti u l-annessi tagħhom għandhom jiġu ppreżentati f’din il-lingwa, id-dokumenti redatti b’lingwa oħra għandhom jinkludu traduzzjoni bil-Franċiż.

    17      Issa, f’dan il-każ, ir-rikors huwa redatt kollu kemm hu bil-lingwa Franċiża. Barra minn hekk, għalkemm żewġ dokumenti annessi ma’ dan ir-rikors kienu prodotti f’lingwa oħra, il-partijiet rilevanti ta’ dawn id-dokumenti ġew tradotti u ċċitati fir-rikors.

    18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli u l‑kwistjoni li tirriżulta hija biss dik dwar jekk iż-żewġ annessi inkwistjoni għandhomx jitneħħew mill-atti.

    19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ ta’ atti u ta’ dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ estratti. Barra minn hekk, f’kull mument, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrikjedi traduzzjoni iktar kompleta jew sħiħa, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba ta’ waħda mill-partijiet. Issa, f’dan il-każ, it‑traduzzjonijiet bil-lingwa Franċiża taż-żewġ annessi inkwistjoni ġew ipprovduti mill-Kummissjoni skont it-talba magħmula mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    20      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jitneħħew mill-atti ż-żewġ annessi inkwistjoni, prodotti f’lingwa differenti minn dik tal-kawża fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, li t-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-kawża kienet prodotta, fi stadju ulterjuri, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 29(3) tar-Regoli tal-proċedura.

     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ res judicata u tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

    21      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba l‑kunsiderazzjoni żbaljata tal-Artikolu 226 KE, minħabba li jikser il-prinċipju ta’ res judicata u l-prinċipju ta’ ne bis in idem, fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel ilment u t-tielet ilment. Huwa jsostni li l-ewwel parti tal-ewwel ilment, dwar in‑nuqqas ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzant kimiku, jikkorrispondi għall-ewwel ilment ifformulat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑266/00, Ġabra p. I‑2073) u li t-tielet ilment, dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa, kien ukoll ġie fformulat fil-kuntest ta’ din il-kawża, fejn kien jikkostitwixxi t-tieni lment. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa tal-fehma li, jekk il-Kummissjoni tqis li hija ma adottatx il-miżuri li tikkomporta l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, hija għandha timxi skont l-Artikolu 228(2) KE u mhux tibda proċeduri ġodda abbażi tal-Artikolu 226 KE.

    22      Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm din il-kawża hija ispirata minn dak li jirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, hija tkopri leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida u lmenti differenti. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-Kummissjoni ssostni li dan ma japplikax għal din il‑kawża, peress li din ma tirrigwardax proċeduri reprissivi ta’ natura amministrattiva jew kriminali. Fil-fehma tagħha, li kieku kellu jitqies li dan il‑prinċipju jista’ japplika għar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il‑kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu mhumiex sodisfatti f’dan il-każ, billi din l-applikazzjoni hija suġġetta għal kundizzjoni tripla, jiġifieri l-identiċità tal-fatti, l-identiċità ta’ min iwettaq il-ksur u l-identiċità tal-interess ġuridiku protett.

    23      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tat lok għall-proċeduri preżenti skont l-Artikolu 226 KE. Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 228 KE sseħħ biss jekk kellu jirriżulta li l-ilmenti mqajma fiha huma fattwalment u legalment identiċi għal dawk ifformulati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq.

    24      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ res judicata, kemm il-partijiet kif ukoll l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Parlament Ewropew isostnu li dan il‑prinċipju jista’ japplika għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    25      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ res judicata jipprekludix il-preżentata ta’ dan ir-rikors skont l-Artikolu 226 KE min-naħa tal-Kummissjoni minħabba s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fuq rikors ippreżentat minnha skont dan l-istess artikolu.

    26      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’diversi drabi, l-importanza li għandu, kemm fis-sistema legali tal-Unjoni kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali, il-prinċipju ta’ res judicata (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punt 38; tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C‑234/04, Ġabra p. I‑2585, punt 20, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, fil-Ġabra p. I-7501, punt 22).

    27      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-prinċipju huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li r-res judicata tintrabat biss mal-punti fattwali u legali li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwisjtjoni (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C462/05, Ġabra p. I‑4183, punt 23 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    28      Peress li kemm il-proċeduri fil-kawża li taw lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll dawn il-proċeduri nbdew mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 226 KE, hemm lok biex jiġi eżaminat il-kuntest fattwali u legali ta’ dawn iż-żewġ kawżi sabiex jiġi kkonstatat jekk essenzjalment teżistix identiċità fattwali u legali bejniethom.

    29      L-eżami tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni f’kawża li tat lok għal sentenza timplika analiżi tad-dispożittiv tagħha fid-dawl tal-konstatazzjonijiet u tal-motivi warajha.

    30      B’hekk, fir-rigward tal-ewwel ilment fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, id-dispożittiv ta’ din is‑sentenza għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-punti 22 u 29 sa 31 ta’ din l-istess sentenza. Minn dawn il-punti jirriżulta li, f’din il-kawża, kienu kkonċernati l‑obbligi li jirriżultaw mill-punt 4 tal-Anness II(A) u mill-punt 3 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676. Dawn l-obbligi jikkonċernaw, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-fertilizzanti kimiċi viċin mogħdijiet tal-ilma u, min-naħa l‑oħra, it-tfassil ta’ ekwilibriju bejn il-bżonnijiet ta’ nitroġenu previsti għall-koltivazzjonijiet u n-nitroġenu pprovdut lilhom, b’mod partikolari permezz tal-provvista ta’ kompost b’komponenti ta’ nitroġenu derivanti minn fertilizzanti kimiċi.

    31      Min-naħa l-oħra, l-ewwel parti tal-ewwel ilment f’din il-kawża tirreferi għall-punt 1 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676. Din id-dispożizzjoni tipprovdi l‑obbligu ta’ inklużjoni, fil-linji gwida agrikoli, tal-perijodi li matulhom l‑applikazzjoni ta’ fertilizzanti ma hijiex approprjata.

    32      Fir-rigward tat-tieni lment fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, mid-dispożittiv ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-punti 23 u 33 tagħha jirriżulta li permezz ta’ dan l-ilment il-Kummissjoni akkużat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu talli ma rregolat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna biss meta l‑artijiet ikunu mfawra bl-ilma, mgħottija bl-għarar jew mgħottija bil-borra għal iktar minn 24 siegħa jew iffriżati meta kien jaqbel iżjed li tiġi adottata leġiżlazzjoni indipendenti mill-kundizzjonijiet klimatiċi.

    33      Madankollu, permezz tat-tielet ilment imqajjem f’din il-kawża, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Gran Dukali dwar l-artijiet b’xaqliba jikkonċernaw biss il-fertilizzanti organiċi likwidi u l-fatt li ma teżistix leġiżlazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi fuq it-tali artijiet.

    34      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-kontenut, minn naħa, tal-ewwel u tat-tieni lmenti fformulati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu ċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, tal-ewwel parti tal-ewwel ilment u tat-tielet ilment imqajma mill-Kummissjoni f’din il-kawża, essenzjalment ma teżistix identiċità fattwali u legali bejn dawn iż-żewġ kawżi.

    35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ppreżentat dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma għamlitx kunsiderazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ res judicata.

    36      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, u jekk jitqies li dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat f’dan il-każ, l-applikazzjoni tiegħu huwa fi kwalunkwe każ eskluż f’din il-kawża minħabba n-nuqqas ta’ identiċità fattwali u legali bejnha u l-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq.

    37      Barra minn hekk, fin-nuqqas tat-tali identiċità bejn dawn iż-żewġ kawżi, il‑kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 228 KE ma tirriżultax.

    38      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.

     Fuq il-mertu tar-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    39      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem erba’ lmenti.

    40      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, maqsum fi tliet partijiet, il-Kummissjoni tikkritika lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu l-fatt li r-Regolament Gran Dukali li jfassal il-perijodi li matulhom il-fertilizzanti ma jistgħux jintużaw fuq l-artijiet agrikoli ma jinkludix il-fertilizzanti kimiċi, ma jipprovdi ebda perijodu ta’ projbizzjoni kompleta għall-artijiet bil-ħaxix u ma jiddefinixxix biżżejjed il‑kuntest tad-derogi.

    41      Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il‑punt 1 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tinkludi regoli li jipprojbixxu, matul ċerti perijodi, l-applikazzjoni ta’ “fertilizzanti”, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn fertilizzanti organiċi u fertilizzanti kimiċi. Issa, fil-fehma tagħha, il-perijodi ta’ projbizzjoni għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Gran Dukali jikkonċernaw biss il-fertilizzanti organiċi u mhux il-fertilizzanti kimiċi, u dan meta ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 91/676 ma tipprovdi jew tawtorizza l‑esklużjoni ta’ fertilizzanti kimiċi. Għaldaqstant il-Kummissjoni ssostni li l‑leġiżlazzjoni Lussemburgiża ma hijiex kompatibbli mad-definizzjoni tat-terminu “fertilizzant”, mogħtija fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva.

    42      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tindika li r‑Regolament Gran Dukali ma jinkludix preskrizzjoni dwar il-perijodi li matulhom l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti hija pprojbita fir-rigward tal-artijiet bil-ħaxix, filwaqt li l-Artikolu 5 u l-punt 1 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676 ma jippermettu l-esklużjoni ta’ ebda wiċċ tal-art agrikola. Billi tistrieħ fuq studji xjentifiċi, hija żżid minn naħa, li r-riskji ta’ lissija ta’ nitrati fl-art fil-ħarifa u fix-xitwa huma partikolarment għolja, mhux biss għar-raba’ li tista’ tiġi kkoltivata iżda wkoll għall-artijiet bil-ħaxix u, min-naħa l-oħra, li t-temperaturi medji Lussemburgiżi fi tmiem il-ħarifa u fix-xitwa mhumiex approprjati biex jippermettu biżżejjed assorbiment u biex jiġu evitati riskji kunsiderevoli ta’ lissija. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-limitazzjoni prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 6(A) tar-Regolament Gran Dukali hija insuffiċjenti biex tevita r-riskji ta’ tniġġiż, peress li dan ir-regolament ma jinkludix il-fertilizzanti kimiċi, ma jeżisti ebda perijodu ta’ projbizzjoni stretta u l-limitu ta’ 80 kilogramma ta’ nitroġenu għal kull ettaru jirrappreżenta madwar nofs il-valur massimu annwali awtorizzat fl-Anness III(2) tad-Direttiva 91/676.

    43      Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża għandha tiddefinixxi b’mod iktar preċiż il-każijiet li jistgħu jagħtu lok għal deroga mill-projbizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzant għal ċerti perijodi tas-sena. Hija tal-fehma li l-Artikolu 7 tar-Regolament Gran Dukali huwa nieqes minn preċiżjoni, peress li jipprovdi li, fil-każ ta’ “sitwazzjoni klimatika eċċezzjonali” jew ta’ “avvenimenti straordinarji li jkollhom inċidenza fuq impriża agrikola” il-ministru kompetenti jista’ jawtorizza l-applikazzjoni ta’ fertilizzant matul il-perijodi ta’ projbizzjoni, iżda dan ir-regolament ma jiddefinix dawn il‑kunċetti. Il-Kummissjoni żżid li l-projbizzjoni mill-applikazzjoni ta’ fertilizzant għal ċerti perijodi tas-sena hija dispożizzjoni essenzjali tad-Direttiva 91/676, li din ma tipprovdix din id-deroga u li t-transpożizzjoni ċara u preċiża ta’ din id-direttiva hija indispensabbli sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u li tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa u kompleta ta’ din id-direttiva.

    44      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Gran Dukali jimponi kapaċità minima ta’ ħażna tad-demel tal-annimali ta’ sitt xhur biss għall-impjanti l-ġodda, iżda mhux għall-impjanti eżistenti. Hija tindika li, minkejja li d-Direttiva 91/676 ma tagħmilx distinzjoni bejn l-impjanti ġodda u l‑impjanti eżistenti, ir-Regolament Gran Dukali jipprovdi, fl-Artikolu 8 tiegħu, li t-tagħmir ġdid jew li għandu jiġi mmodernizzat għandu jiggarantixxi l-ħażna ta’ demel u ta’ materjal insolubbli għal perijodu minimu ta’ sitt xhur konsekuttivi.

    45      Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-punt 2 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tinkludi regoli li jkopru “l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna” kif ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Anness II(A) ta’ din id-direttiva jinkludi l-fertilizzanti kollha u mhux biss dawk li, bħad-demel tal-annimali, huma ta’ oriġini organika (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑322/00, Ġabra p. I‑11267, punt 134). Issa, ir-Regolament Gran Dukali jipprovdi fil-punt 5 tal-Artikolu 6(A) tiegħu, li, “[l]-applikazzjoni ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u ta’ ħama ta’ drenaġġ likwidi hija pprojbita fuq l-artijiet b’xaqliba medja ogħla minn 8 % u mhux koperti minn veġetazzjoni”, mingħajr ma testendi din il-projbizzjoni għall-fertilizzanti kimiċi.

    46      Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri adottati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma insuffiċjenti, peress li, skont il-punt 6 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għandhom jinkludu regoli dwar il-“proċeduri sabiex jiġu applikati fir-raba’, inklużi r-rata u l‑uniformità tat-tferrix, kemm tal-fertilizzanti kimiċi u kemm tad-demel tal-annimali, li żżomm it-telf tan-nutrijenti fl-ilma għal livell aċċettabbli”. Madankollu, fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża ma tinkludix elementi fuq il-proċeduri ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzant, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tekniki li jiżguraw applikazzjoni uniformi u effettiva tal-fertilizzanti. Il-Kummissjoni tqis li l-karatteristika moderna tal-agrikoltura Lussemburgiża u l‑prestazzjoni tal-magni agrikoli mhumiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit li l‑adozzjoni ta’ regoli dwar il-metodi ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi u tad-demel tal-annimali ma hijiex rilevanti. Id-Direttiva 91/676 ma teżentax lill-Istati Membri milli jipprovdu għal proċeduri ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti anki jekk l-agrikoltura tagħhom hija żviluppata.

    47      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkontesta l-mertu tar-rikors tal-Kummissjoni biss fil-kontroreplika tiegħu.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48      Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet fuq il-mertu invokata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit sakemm dawn il-motivi ma jibbażawx rwieħhom fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li rriżultaw matul il-proċeduri.

    49      Issa, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, l-eċċezzjonijiet fuq il-mertu proposti għall-ewwel darba fil-kontroreplika kienu ġew essenzjalment ippreżentati fir-risposta tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fl-opinjoni motivata. Wara din ir-risposta, il‑Kummissjoni ppreżentat ir-rikors tagħha fejn eskludiet erbgħa mit-tmien ilmenti fformulati fl-opinjoni motivata u żammet l-erbgħa l-oħra. Fir-risposta tiegħu, il‑Gran Dukat tal-Lussemburgu la adotta pożizzjoni fuq il-fondatezza tar-rikors tal-Kummissjoni u lanqas talab sabiex dan jiġi miċħud bħala infondat, iżda llimita d-difiża tiegħu fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

    50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu kkunsidrati tardivi u għaldaqstant, inammissibbli, it-talbiet intiżi għaċ-ċaħda tar-rikors fuq il-mertu kif ukoll il-motivi sottostanti ppreżentati għall-ewwel darba fil-kontroreplika (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑471/98, Ġabra p. I‑9681, punti 41 sa 43).

    51      Għaldaqstant, għandu sempliċement jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistax jiġi stabbilit sempliċement abbażi tal-ilmenti tal-Kummissjoni.

    52      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel ilment, għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676 jipprovdi l-obbligu li fil-linji gwida agrikoli jiġu inklużi l-perijodi li matulhom l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti ma hijiex xierqa.

    53      Għandu jitfakkar ukoll li, minn naħa, l-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“fertilizzant” bħala kull sustanza li jkun fiha komponent tan-nitroġenu jew komponenti tan-nitroġenu utilizzati fir-raba’ sabiex jgħinu t-tkabbir tal-pjanti u s-siġar, inkluż id-demel tal-annimali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(f) ta’ din l-istess direttiva jiddefinixxi l-“fertilizzant kimiku” bħala kull ferilizzant li jiġi fabbrikat bi proċess industrijali. Għaldaqstant, il-kelma “fertilizzant” tinkludi, fis-sens tad-Direttiva 91/676, il-fertilizzanti kimiċi.

    54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-Direttiva 91/676 tobbliga lill-Istati Membri, mingħajr ma tipprovdi derogi, jistabbilixxu perijodi ta’ projbizzjoni għall-applikazzjoni ta’ kull tip ta’ fertilizzanti, għandu jiġi kkonstatat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu fir-rigward tal-fertilizzanti kimiċi.

    55      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel ilment, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża dwar il-perijodi li matulhom hija pprojbita l‑applikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti ma japplikawx għall-art bil-ħaxix, meta ebda deroga mhija espressament prevista mid-Direttiva 91/676 għal dan it‑tip ta’ raba’.

    56      Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-artijiet bil-ħaxix jassorbu kwantità kunsiderevoli ta’ nitroġenu, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġġustifika l‑awtorizzazzjoni li tiġi applikata kwantità totali ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u ta’ ħama tad-drenaġġ li tista’ tammonta għal 80 kilogramma ta’ nitroġenu għal kull ettaru bejn l-1 ta’ Settembru u l-1 ta’ Marzu, bħalma hu previst fil-punt 4 tal-Artikolu 6(A) tar-Regolament Gran Dukali. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-aħħar kwantità hija eċċessiva, fid-dawl tal-fatt li l-Anness III(2) tad-Direttiva 91/676 jippermetti l-applikazzjoni ta’ 170 kilogramma ta’ nitroġenu tul is-sena kollha. Issa, awtorizzazzjoni ta’ kważi nofs din l-aħħar kwantità għal matul is-sitt xhur xitwin timplika li matul dan il‑perijodu l-veġetazzjoni tassorbi u tittrasforma kważi l-istess ammont ta’ nitroġenu bħas-sitt xhur sajfin. Barra minn hekk, filwaqt li l-limitu li jinsab fl-Anness III(2) ta’ din id-direttiva japplika għall-kwantità ta’ nitroġenu derivanti mill-applikazzjoni tad-demel kollu tal-annimali, dak previst fil-punt 4 tal-Artikolu 6(A) tar-Regolament Gran Dukali jikkonċerna biss il-kwantità ta’ nitroġenu li jiġi esklużivament mill-applikazzjoni ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u minn ħama tad-drenaġġ likwidu.

    57      Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l‑projbizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti f’ċerti perijodi tas-sena hija dispożizzjoni essenzjali tad-Direttiva 91/676 u din ma tipprovdix derogi.

    58      Issa, l-Artikolu 7 tar-Regolament Gran Dukali jippermetti lill-ministri kompetenti, fil-każ ta’ sitwazzjoni klimatika eċċezzjonali jew avvenimenti straordinarji li jkollhom inċidenza fuq impriża agrikola, sabiex jidderogaw mill-perijodi ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti.

    59      Anki li kieku kellu jitqies li Stat Membru għandu d-dritt jipprovdi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, għal derogi mill-perijodi ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ fertilizzanti, fil-każ ta’ sitwazzjoni klimatika eċċezzjonali jew ta’ avvenimenti straordinarji li jkollhom inċidenza fuq impriża agrikola, dawn id-derogi għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu suffiċjentement ċirkoskritti fil-leġiżlazzjoni li tittransponi d-Direttiva 91/676.

    60      Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti setgħa diskrezzjonali lill-ministri kompetenti għad-deċiżjoni li għandha tingħata lil talbiet individwali għat-tali derogi ma tissodisfax dan ir-rekwiżit.

    61      Fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħażna msemmija mit-tieni lment tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-unika dispożizzjoni determinanti fil-konfront tagħha tinsab fil-punt 2 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676.

    62      Skont din id-dispożizzjoni, il-programmi ta’ azzjoni jikkomportaw regoli fir-rigward tal-kapaċità tat-tankijiet għall-ħażna tad-demel tal-annimali u din il‑kapaċità għandha teċċedi dik li hi neċessarja għall-ħażna matul l-itwal perijodi tal-projbizzjoni mill-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fiż-żona vulnerabbli.

    63      L-unika deroga prevista f’din l-istess dispożizzjoni tikkonċerna s-sitwazzjoni fejn jista’ jiġi pprovat li l-volum ta’ demel tal-annimali li jeċċedi l-kapaċità ta’ ħażna reali jintrema b’mod li ma jkunx ta’ ħsara għall-ambjent.

    64      Issa, l-Artikolu 8 tar-Regolament Gran Dukali ma jinkludix din il-kundizzjoni.

    65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li billi r-Regolament Gran Dukali ma jipprovdix l-obbligu li jinsab fil-punt 2 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676 fir-rigward tal-impjanti eżistenti li ma humiex suġġetti għal modernizzazzjoni, dan ma huwiex konformi ma’ din id-direttiva.

    66      Fir-rigward tat-tielet ilment tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, skont il‑punt 2 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676, il-linji gwida agrikoli għandhom jinkludu regoli li jkopru l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-fertilizzanti fuq l‑artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna, sa fejn dan l-element huwa rilevanti.

    67      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676 jinkludi l-fertilizzanti kollha u mhux biss dawk li huma ta’ oriġini organika (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 134).

    68      Issa, il-punt 5 tal-Artikolu 6(A) tar-Regolament Gran Dukali jipprojbixxi biss l‑applikazzjoni ta’ demel, ta’ materjal insolubbli u ta’ ħama tad-drenaġġ likwidu, li huma fertilizzanti organiċi, iżda ma jinkludix dispożizzjoni dwar l-applikazzjon ta’ fertilizzanti kimiċi.

    69      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 91/676 ma ġietx korrettament trasposta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, f’dan ir-rigward.

    70      Fir-rigward tar-raba’ lment tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-punt 6 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 91/676 jipprovdi li l-linji gwida agrikoli għandhom jinkludu regoli li jkopru l-metodi ta’ applikazzjoni tal-fertilizzanti kimiċi u tad-demel tal-annimali, b’mod partikolari l-livell u l-uniformità tiegħu, sabiex, fejn rilevanti, l-iskular tal-elementi nutrijenti fl-ilma jinżamm fuq livell aċċettabbli.

    71      Billi fil-Lussemburgu dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżistux, għandu jiġi kkonstatat il-ksur ta’ din il-preskrizzjoni.

    72      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stabbilit fuq is-sempliċi bażi tal-ilmenti tal-Kummissjoni.

    73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-liġijiet, ir‑regolamenti u l-miżuri amministrattivi kollha sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/676 moqrija flimkien mal-punti 1, 2, 5 u 6 tal-Anness II(A) kif ukoll mal-punti 1 u 2 tal-Anness III(1) ta’ din id-direttiva, il‑Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id‑direttiva.

     Fuq l-ispejjeż

    74      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Billi ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi kollha sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, moqrija flimkien mal-punti 1, 2, 5 u 6 tal-Anness II(A) kif ukoll mal-punti 1 u 2 tal-Anness III(1) ta’ din id-direttiva, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

    2)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa kkundannat għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top