EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0518
Judgment of the Court (Third Chamber) of 15 April 2010.#Fundación Gala-Salvador Dalí and Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP) v Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP) and Others.#Reference for a preliminary ruling: Tribunal de grande instance de Paris - France.#Approximation of laws - Intellectual property - Copyright and related rights - Resale right for the benefit of the author of an original work of art - Directive 2001/84/EC - Persons entitled to receive royalties after the death of the author of the work of art - Concept of ‘those entitled’ - National legislation retaining, for a period of 70 years after the death of the author, the resale right solely for the benefit of the author’s heirs, to the exclusion of all legatees and successors in title - Whether that legislation is compatible with Directive 2001/84.#Case C-518/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-15 ta' April 2010.
Fundación Gala-Salvador Dalí u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP) vs Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de grande instance de Paris - Franza.
Approssimazzjoni tal-liġijiet - Proprjetà intellettwali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali - Direttiva 2001/84/KE - Benefiċjarji tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur tax-xogħol tal-arti - Kunċett ta’ ‘dawk intitolati’ - Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm, għal perijodu ta’ 70 sena, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur il-werrieta tal-awtur biss, bl-esklużjoni ta’ legatarji u aventi kawża oħrajn - Kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/84.
Kawża C-518/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-15 ta' April 2010.
Fundación Gala-Salvador Dalí u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP) vs Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de grande instance de Paris - Franza.
Approssimazzjoni tal-liġijiet - Proprjetà intellettwali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali - Direttiva 2001/84/KE - Benefiċjarji tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur tax-xogħol tal-arti - Kunċett ta’ ‘dawk intitolati’ - Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm, għal perijodu ta’ 70 sena, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur il-werrieta tal-awtur biss, bl-esklużjoni ta’ legatarji u aventi kawża oħrajn - Kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/84.
Kawża C-518/08.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:191
*A9* Tribunal de grande instance de Paris, 3ème chambre, 3ème section, jugement du 29/10/2008 (06/00303)
Kawża C-518/08
Fundación Gala-Salvador Dalí
u
Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP)
vs
Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP) et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de grande instance de Paris)
“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali — Direttiva 2001/84/KE — Benefiċjarji tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur tax-xogħol tal-arti — Kunċett ta’ ‘dawk intitolati’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm, għal perijodu ta’ 70 sena wara s-sena tal-mewt, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur il-werrieta tal-awtur biss, bl-esklużjoni tal-legatarji u l-aventi kawża kollha — Kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/84”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/84 — Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur dawk intitolati taħt l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali wara mewtu
(Artikolu 95 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/84, Artikolu 6(1))
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall‑benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji. Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 6(1), li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha intiżi li jsolvu l-kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.
Fil-fatt, l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84 hija bbażata fuq żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li tiżgura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ arti grafika jew plastika jkollhom sehem ekonomiku mis-suċċess tax-xogħlijiet tagħhom u min-naħa l-oħra, li tintemm id-distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-arti, peress li l-ħlas ta’ royalties f’ċerti Stati Membri jista’ jwassal għall-ispostament tal-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti fl-Istati Membri fejn ma huwiex applikat id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li dawk intitolati taħt l-awtur jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tal-bejgħ wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar, min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, huwa ma qiesx xieraq li jintervjeni permezz tal-imsemmija direttiva fil-qasam tad-dritt ta’ suċċessjoni tal-Istati Membri, u b’dan il-mod ħalla f’idejn kull Stat li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiġu kklassifikati bħala dawk intitolati taħt l-awtur. Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għażla leġiżlattiva tagħhom sabiex jiddeterminaw il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur ta’ xogħol ta’ arti.
(ara l-punti 27, 32, 33, 36 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ April 2010 (*)
“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur l-awtur ta’ xogħol ta’ arti oriġinali – Direttiva 2001/84/KE – Benefiċjarji tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur tax-xogħol tal-arti – Kunċett ta’ ‘dawk intitolati’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżomm, għal perijodu ta’ 70 sena wara s-sena tal-mewt, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid favur il-werrieta tal-awtur biss, bl-esklużjoni tal-legatarji u l-aventi kawża kollha – Kompatibbiltà mad-Direttiva 2001/84”
Fil-Kawża C‑518/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal de Grande Instance de Paris (Franza), permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura
Fundación Gala-Salvador Dalí,
Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP)
vs
Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (ADAGP),
Juan-Leonardo Bonet Domenech,
Eulalia-María Bas Dalí,
María del Carmen Domenech Biosca,
Antonio Domenech Biosca,
Ana-María Busquets Bonet,
Mónica Busquets Bonet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Fundación Gala-Salvador Dalí u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (VEGAP), minn P.‑F. Veil, avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,
– għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Krämer u C. Vrignon, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6(1) u 8(2) u (3) tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Fundación Gala-Salvador Dalí u Visual Entidad de Gestión de Artistas Plásticos (iktar ’il quddiem “VEGAP”), u min-naħa l-oħra, is-Société des auteurs dans les arts graphiques et plastiques (iktar ’il quddiem l-“ADAGP”), kif ukoll J.‑L Domenech, E-M. Dalí, M. Domenech Biosca, A. Domenech Biosca, A‑M. Busquets Bonet u M. Busquets Bonet, membri tal-familja tal-pittur Salvador Dalí, dwar somom relatati mad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid li jirriżultaw minn bejgħ ta’ xogħlijiet tal-arti ta’ dan tal-aħħar.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2001/84
3 Il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2001/84 jipprovdu:
“(3) Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa maħsub sabiex jassigura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi jaqsmu s-suċċess ekonomiku tax-xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti tagħhom. Jgħin biex jagħti mill-ġdid il-bilanċ bejn is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi u dak ta’ kreaturi oħra li jibbenefikaw mill-isfruttar suċċessiv tax-xogħlijiet tagħhom.
(4) Id-dritt għall-bejgħ mill-ġdid jifforma parti integrali tad-dritt ta’ l-awtur u huwa prerogattiv essenzjali għall-awturi. L-imposizzjoni ta’ dritt bħal dan fl-Istati Membri kollha tissodisfa l-ħtieġa li tipprovdi lill-kreaturi bil-livell ta’ protezzjoni adegwata u komuni.”
4 Skont il-premessi 9 u 10 tal-imsemmija direttiva:
“(9) Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, fil-preżent, hemm ipprovdut għalih mil-leġislazzjoni domestika ta’ maġġoranza ta’ Stati Membri. Liġijiet bħal dawn, fejn ikunu jeżistu, juru ċerti differenzi, b’mod partikolari fir-rigward tax-xogħlijiet koperti, dawk intitolati jirċievu royalties, ir-rata applikata, it-transizzjonijiet soġġetti għal ħlas ta’ royalty, u l-bażi li fuqhom ikunu kkalkolati. L-applikazzjoni jew nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dritt bħal dan għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent kompetittiv fi ħdan is-suq intern, minħabba li l-eżistenza jew nuqqas ta’ obbligazzjoni għal ħlas fuq il-bażi tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid hija element li għandu jingħata każ tiegħu minn kull individwu li jixtieq ibiegħ xogħol ta’ l-arti. Dan id-dritt huwa għalhekk fattur li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tgħawwiġ[distorsjoni] fil-kompetizzjoni kif ukoll l-ispjazzament[l-ispostament] ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità.
(10) Disparitajiet bħal dawn dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid u l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandhom impatt negattiv dirett fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern tax-xogħlijiet ta’ l-arti kif ipprovdut bl-Artikolu 14 tat-Trattat [KE]. F’sitwazzjoni bħal din l-Artikolu 95 tat-Trattat jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa.”
5 Il-premessi 13 sa 16 tal-istess direttiva jipprovdu kif ġej:
“(13) Id-differenzi eżistenti bejn il-liġijiet għandhom ikunu eliminati fejn dawn ikollhom effett ta’ tfixkil fuq it-tħaddim tas-suq intern, u l-ħolqien ta’ kwalunkwe differenzi ġodda ta’ dak it-tip m’għandhomx jitħallew. M’hemmx ħtieġa għall-eliminazzjoni, jew prevenzjoni tal-ħruġ ta’, differenzi li ma jkunux mistennija li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern.
(14) Prekondizzjoni tal-funzjonament xieraq tas-suq intern hija l-eżistenza tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux imgħawġa[distorti]. L-eżistenza ta’ differenza bejn disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid toħloq tfixkil tal-kompetizzjoni u spostament ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità u twassal għal trattament mhux ugwali bejn artisti li jiddependu fuq fejn jinbiegħu ix-xogħlijiet tagħhom. Il-materja li qiegħda tkun ikkunsidrata għalhekk għandha aspetti transnazzjonali li ma jistgħux ikunu regolati b’mod sodisfaċjenti b’azzjoni minn Stati Membri. Nuqqas ta’ azzjoni tal-Komunità tmur kontra l-ħtieġa tat-Trattat li jkunu korretti t-tgħawwiġ[ix-xkiel] tal-kompetizzjoni u tat-trattament mhux ugwali.
(15) Minħabba l-iskala ta’ diverġenzi bejn id-disposizzjonijiet nazzjonali, huwa għalhekk neċessarju li jkunu adottati miżuri ta’ armonizzazzjoni sabiex jieħdu ħsieb id-disparitajiet bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri fl-inħawi fejn disparitajiet bħal dawn jistgħu joħolqu jew iżommu kondizzjonijiet ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni. Iżda mhuwiex neċessarju li tkun armonizzata kull disposizzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid u, sabiex jitħalla kemm jista’ jkun skop għal deċiżjoni nazzjonali, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni jkun limitat għal dawk id-disposizzjonijiet domestiċi li għandhom l-aktar impatt dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern.
(16) Din id-Direttiva għalhekk tikkonforma, fit-totalità tagħha, mal-prinċipji tas-sussidjarità u proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.”
6 Il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/84 tipprovdi:
“Il-persuni intitolati li jirċievu r-royalties għandhom ikunu speċifikati, filwaqt li jingħata il-każ dovut [b’kunsiderazzjoni] għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Mhuwiex xieraq li tittieħed azzjoni permezz ta’ din id-Direttiva dwar liġijiet ta’ Stati Membri ta’ suċċessjoni. Madankollu, dawk intitolati taħt l-awtur għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw totalment mid-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid wara mewtu, għallinqas wara l-iskadenza tal-perjodu transizzjonali msemmi aktar qabel.”
7 L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Materja tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid”, jipprovdi kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu, għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti, dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li għandu jkun definit bħala dritt mhux trasferibbli, li ma jistax jitneħħa, anki bil-quddiem, sabiex jirċievi royalty ibbażata fuq il-prezz tal-bejgħ għal kwalunkwe bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, sussegwentament għall-ewwel trasferiment tax-xogħol mill-awtur.”
8 Taħt it-titolu “Il-persuni intitolati li jirċievu r-royalties”, l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi kif ġej:
“Ir-royalty imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun pagabbli lill-awtur tax-xogħol u, soġġett għall-Artikolu 8(2), wara l-mewt tiegħu lil dawk intitolati taħtu/taħtha.”
9 Taħt it-titolu “It-termini tal-protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid”, l-Artikolu 8(1) sa (3) jipprovdi:
“It-termini ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandu jikkorrispondi għal dak stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill, 93/98/KEE, [tad-29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU L 290, p. 9), li tipprovdi li d-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol artistiku u letterarju skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna huma validi matul il-ħajja tal-awtur u għal 70 sena wara mewtu].
2. Permezz ta’ deroga minn paragrafu 1, dawk l-Istati Membri li ma japplikawx id-dritt għal bejgħ mill-ġdid mad-[data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 13], ma jkunux meħtieġa, għal perjodu li jiskadi mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010, sabiex japplikaw id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ dawk intitolati taħt l-artist wara l-mewt tiegħu jew tagħha.
3. L-Istat Membru li għalih japplika l-paragrafu 2 jista’ jkollu sa sentejn aktar, jekk ikun hemm bżonn sabiex jippermetti lill-operaturi ekonomiċi f’dak l-Istat Membru jaddattaw gradwalment għas-sistema tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid filwaqt li jżommu l-vijabilità ekonomika tagħhom, qabel ma jkun meħtieġ li japplikaw id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju ta’ dawk intitolati taħt l-artist wara l-mewt tiegħu/tagħha. [...]”.
10 Taħt it-titolu “Implimentazzjoni”, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2001/84 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2006. Għandhom jinformaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bihom.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Il-Liġi Nru 2006-961, tal-1 ta’ Awwissu 2006, dwar id-drittijiet tal-awturi u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informatika (JORF tat-3 ta’ Awwissu 2006, p. 11529), li ttrasponiet id-Direttiva 2001/84 fid-dritt nazzjonali Franċiż, emendat l-Artikolu L. 122-8 tal-Kodiċi ta’ Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem il-“KPI”). Dan l-artikolu, fl-ewwel paragrafu tiegħu, jipprovdi dan li ġej:
“L-awturi ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ arti grafika jew plastika li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew ta’ Stat li huwa parti kontraenti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, igawdu minn dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li huwa dritt inaljenabbli għal parteċipazzjoni fir-rikavat minn kwalunkwe bejgħ ta’ xogħol wara l-ewwel trasferiment ta’ dak ix-xogħol mill-awtur jew minn dawk intitolati taħtu, meta bniedem professjonali fis-suq tal-arti jipparteċipa bħala bejjiegħ, xerrej jew intermedjarju. […]”.
12 Skont l-Artikolu L. 123-7 tal-KPI, li ma ġiex emendat waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/84:
“Wara l-mewt tal-awtur, id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu L.122-8 għandu jgħaddi għand il-werrieta tiegħu […], u l-użufrutt imsemmi fl-Artikolu L.123-6, għand il-konjuġi tiegħu, bl-esklużjoni tal-legatarji u l-aventi kawża kollha, matul il-kumplament tas-sena kalendarja inkwistjoni u s-70 sena sussegwenti.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Il-pittur Salvador Dalí miet fit-23 ta’ Jannar 1989 fi Figueras (Spanja), u ħalla warajh ħames werrieta legali. Permezz ta’ testment tal-20 ta’ Settembru 1982, huwa nnomina l-Istat Spanjol bħala legatarju universali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu, skont id-dritt tas-suċċessjoni Franċiż. Dawn id-drittijiet huma amministrati mill-Fundación Gala-Salvador Dalí, fondazzjoni taħt id-dritt Spanjol maħluqa fl-1983 fuq inizjattiva u taħt it-tmexxija tal-pittur.
14 Fl-1997, il-Fundación Gala-Salvador Dalí tat mandat esklużiv, validu mad-dinja kollha, tal-ġestjoni kollettiva u tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet ta’ Salvador Dalí, lil VEGAP, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Spanjol.
15 Barra minn hekk, VEGAP hija marbuta kuntrattwalment mal-kumpannija affiljata tagħha fi Franza, l-ADAGP, li hija inkarigata mill-ġestjoni tad-drittjiet tal-awtur ta’ Salvador Dalí fit-territorju Franċiż.
16 B’effett mill-1997, l-ADAGP talbet ħlas għad-drittijiet tal-użu relatati max-xogħol ta’ Salvador Dalí, li ġew ittrasferiti minn VEGAP lil Fundación Gala-Salvador Dalí, bl-eċċezzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 123-7 tal-KPI, li jirriżerva d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lil werrieta, bl-esklużjoni tal-legatarji u tal-aventi kawża, l-ADAGP ittrasferixxiet il-ħlas relatat mad-dritt għal bejgħ mill-ġdid direttament lil werrieta ta’ Salvador Dalí.
17 Peress li qiesu li, skont it-testment ta’ Salvador Dalí u d-dritt Spanjol, ir-royalties relatati mal-bejgħ bl-irkant tax-xogħlijiet tal-artist, fit-territorju Franċiż, kellhom jiġu ttrasferiti lilha, il-Fundación Gala-Salvador Dalí u VEGAP ressqu kawża quddiem it-tribunal de grande instance de Paris, fit-28 ta’ Diċembru 2005, kontra l-ADAGP, sabiex tiġi ordnata tħallas dawn ir-royalties, filwaqt li din tal-aħħar talbet li jingħaqdu l-werrieta sabiex is-sentenza tapplika konġuntament fir-rigward tagħhom.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de grande instance de Paris iddeċieda li jissopendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Sussegwentement għad-Direttiva [2001/84], [ir-Repubblika Franċiża] tista’ żżomm dritt ta’ bejgħ mill-ġdid irriżervat lill-werrieta bl-esklużjoni tal-legatarji jew aventi kawża?
2) Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva [2001/84] jippermettu li [r-Repubblika Franċiża] jkollha sistema ta’ deroga?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
19 Il-Gvern Spanjol kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
20 F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-determinazzjoni ta’ dawk intitolati taħt l-awtur tax-xogħol tal-arti, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84, ma taqax taħt id-dritt Franċiż, iżda esklużivament taħt id-dritt ta’ suċċessjoni Spanjol, peress li l-pittur Salvador Dalí, ċittadin Spanjol, miet fir-residenza tiegħu fi Figueras, Spanja. Huma jikkunsidraw, konsegwentement, li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu L. 123-7 tal-KPI huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2001/84 mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li għandha tiġi deċiża fid-dawl tad-dritt Spanjol.
21 Madankollu, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas tiddeċiedi dwar jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju lil dawn tal-aħħar hijiex korretta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fit-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u legiżlattiv, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jagħmlu parti minnu d-domandi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C-244/06, Ġabra p. I‑505, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Issa, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan huwa bbażat fuq il-premessa li d-dritt Franċiż, u b’mod partikolari l-Artikolu L.123-7 tal-KPI, huwa applikabbli għall-kawża prinċipali. Peress li l-qorti tar-rinviju titlob l‑interpretazzjoni tal-Artikoli 6(1) u 8(2) u (3) tad-Direttiva 2001/84 sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikolu L.123-7 tal-KPI, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tidhirx li hija manifestament irrilevanti għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali.
23 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel domanda
24 Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu L. 123-7 tal-KPI, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji.
25 Preliminarjament, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas, C‑223/98, Ġabra p. I‑7081, punt 23; tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig, C‑199/08, Ġabra p. I‑8295, punt 38).
26 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-kliem tad-Direttiva 2001/84 ma jagħti ebda indikazzjoni tal-kunċett, imsemmi fl-Artikolu 6(1), ta’ dawk intitolati taħt l-awtur tax-xogħol. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni espressa ta’ dan il-kunċett, għandhom jiġu eżaminati l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84.
27 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84 hija bbażata fuq żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tagħha, li tiżgura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ arti grafika jew plastika jkollhom sehem ekonomiku mis-suċċess tax-xogħlijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, kif jippreċiżaw il-premessi 9 u 10 ta’ din id-direttiva, l-għan l-ieħor huwa li tintemm id-distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-arti, peress li l-ħlas ta’ royalties f’ċerti Stati Membri jista’ jwassal għall-ispostament tal-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti fl-Istati Membri fejn ma huwiex applikat id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.
28 L-ewwel għan huwa intiż li jiżgura ċertu livell ta’ remunerazzjoni lill-artisti. Huwa għal din ir-raġuni li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid huwa ddefinit bħala inaljenabbli u ma jistax ikun suġġett għal rinunzja bil-quddiem, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/84.
29 Issa, it-twettiq ta’ dan l-ewwel għan b’ebda mod ma huwa kompromess bid-devoluzzjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lil ċerti kategoriji ta’ individwi bl-esklużjoni ta’ oħrajn wara l-mewt tal-artist, peress li d-devoluzzjoni hija inċidentali meta mqabbla ma’ dan l-għan.
30 Fir-rigward tat-tieni għan, kien deher indispensabbli li jkun hemm armonizzazzjoni tax-xogħlijiet tal-arti u l-bejgħ ikkonċernat mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kif ukoll tal-impożizzjoni ta’ royalties u tar-rata tagħhom. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 9 fil-preambolu tad-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jemenda sitwazzjoni li fiha l-bejgħ tax-xogħlijiet ta’ arti jkunu kkonċentrati fl-Istati Membri fejn id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid ma jkunx applikat jew ikun applikat b’rata inqas, għad-detriment ta’ irkantaturi jew negozjanti oħrajn li jinsabu fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar.
31 Dan it-tieni għan jispjega l-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84, jiġifieri l-Artikolu 95 KE. L-imsemmija għażla tikkonferma li l-adozzjoni ta’ din id-direttiva tagħmel parti mill-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-operat tas-suq intern. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-premessi 13 u 15 tal-istess direttiva, ma hemmx lok li jitneħħew id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ma jistgħux jippreġudikaw l-operat tas-suq intern, u, sabiex jitħalla l-ikbar marġni possibbli għal deċiżjoni nazzjonali, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-ikbar impatt dirett fuq l-operat tas-suq intern.
32 Din l-analiżi hija sostnuta mill-premessa 27 tad-Direttiva 2001/84, li minnha jirriżulta li, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li dawk intitolati taħt l-awtur jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tal-bejgħ wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar, min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, huwa ma qiesx xieraq li jintervjeni permezz tal-imsemmija direttiva fil-qasam tad-dritt ta’ suċċessjoni tal-Istati Membri, u b’dan il-mod ħalla f’idejn kull Stat li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiġu kklassifikati bħala dawk intitolati taħt l-awtur.
33 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-għanijiet mixtieqa mid-Direttiva 2001/84, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għażla leġiżlattiva tagħhom sabiex jiddeterminaw il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt tal-bejgħ mill-ġdid wara l-mewt tal-awtur ta’ xogħol ta’ arti.
34 Fid-dawl ta’ dan kollu, ma hemm xejn fid-Direttiva 2001/84 li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jelimina l-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-koordinament bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti fil-qasam tas-suċċessjoni, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt id-dritt privat internazzjonali li huma intiżi li jirregolaw kunflitt ta’ liġijiet bħal dak ineżami fil-kawża prinċipali.
35 Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha li huma intiżi li jsolvu l-kunflitt ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji. Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 6(1), li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha intiżi li jsolvu l-kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.
Fuq it-tieni domanda
37 It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2001/84 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw, b’mod tranżitorju, iż-żamma tad-dispożizzjoni inkwistjoni tal-KPI.
38 Madankollu, fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall‑benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża inkwistjoni, li tirriżerva l-benefiċċju tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid biss lill-werrieta legali tal-artist, bl-esklużjoni tal-legatarji testamentarji. Fid-dawl ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-imsemmi Artikolu 6(1), li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli rilevanti kollha intiżi li jsolvu l-kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tad-devoluzzjoni ta’ suċċessjoni tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.