Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0462

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Jannar 2010.
    Ümit Bekleyen vs Land Berlin.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg - il-Ġermanja.
    Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni - Dritt tal-wild ta’ ħaddiem Tork li jaċċetta kull offerta ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti fejn huwa jkun ħa taħriġ professjonali - Bidu tat-taħriġ professjonali wara t-tluq tal-ġenituri minn dan l-Istat Membru.
    Kawża C-462/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:30

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    21 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

    “Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Dritt tal-wild ta’ ħaddiem Tork li jwieġeb għal kull offerta ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti fejn huwa jkun ħa taħriġ professjonali — Bidu tat-taħriġ professjonali wara t-tluq definittiv tal-ġenituri minn dan l-Istat Membru”

    Fil-Kawża C-462/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ottubru 2008, fil-proċedura

    Ümit Bekleyen

    vs

    Land Berlin,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Bekleyen, minn C. Rosenkranz, avukat,

    għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turikija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ü. Bekleyen, ċittadina Torka, u l-Land Berlin, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tirrifjuta l-għoti ta’ permess ta’ residenza fil-Ġermanja.

    Il-kuntest ġuridiku

    L-Assoċjazzjoni KEE-Turkija

    3

    L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2760/72/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41), jgħid kif ġej:

    “Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri japplikaw bejniethom skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

    “1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

    għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

    għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartiment tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

    għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jgħid kif ġej:

    “Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

    għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-inqas tliet snin;

    għandhom igawdu minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.

    Ulied il-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-inqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-Direttiva 2004/38/KE

    6

    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), tiddisponi fl-Artikolu 7 tagħha:

    “1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

    […]

    ċ)

    miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

    għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    7

    Ü. Bekleyen, li twieldet fl-1975 f’Berlin, għexet sa kemm għalqet erbatax-il sena fit-territorju Ġermaniż mal-familja tagħha. Il-ġenituri tagħha, li huma ċittadini Torok, kienu t-tnejn li huma impjegati fil-Ġermanja sa mill-1971. Fl-1989, U. Bekleyen irritornat mal-familja tagħha kollha fit-Turkija, fejn hija lestiet il-formazzjoni skolastika tagħha u studji fil-landscaping.

    8

    Matul ix-xahar ta’ Jannar 1999, U. Bekleyen, mingħajr il-familja tagħha, irritornat fil-Ġermanja bil-kunsens tal-Land Berlin biex tkompli tistudja hemmhekk. F’Marzu tal-istess sena, hija kisbet titolu ta’ residenza li ġġedded diversi drabi, fejn fl-aħħar ħa l-forma ta’ permess ta’ residenza validu sal-31 ta’ Diċembru 2005. Matul is-sajf 2005, hija lestiet l-istudji tagħha fl-università teknika ta’ Berlin u kisbet diploma ta’ inġinier fil-landscaping.

    9

    Fid-19 ta’ Diċembru 2005, U. Bekleyen talbet li jingħatalha permess ta’ residenza minħabba l-istudji superjuri li hija kienet għamlet fil-Ġermanja, billi invokat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-Land Berlin ċaħad din it-talba b’deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2006, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza abbażi tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija ma kinux sodisfatti. Il-Land Berlin isostni li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 jeżiġi li jkun hemm rabta temporali bejn ir-residenza tal-ġenituri u dik tal-wild, kundizzjoni li ma kinitx sodisfatta f’dan il-każ. Skont dan, id-diċitura u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jippresupponu li sabiex wieħed jikseb d-dritt għall-impjieg u għar-residenza li, tal-inqas wieħed miż-żewġ ġenituri jkun għadu joqgħod fl-Istat Membru ospitanti meta l-wild jibda t-taħriġ professjonali tiegħu.

    10

    F’Mejju 2007, U. Bekleyen kisbet, abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, permess ta’ residenza validu sat-13 ta’ Mejju 2009, minħabba l-fatt li hija kienet impjegata ma’ kumpannija Ġermaniża.

    11

    B’rikors li fil-bidu kien għal nuqqas li tittieħed azzjoni, ippreżentat f’Lulju 2006 u mibdul sussegwentement f’rikors kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2006, U. Bekleyen talbet li jiġi kkonfermat id-dritt tagħha ta’ residenza skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

    12

    Il-Verwaltungsgericht Berlin ċaħdet dan ir-rikors b’deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2007. Din il-qorti indikat li r-rikors kien ċertament ammissibbli peress li minkejja d-dritt ta’ residenza mogħti lil U. Bekleyen taħt l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija kellha interess ġuridiku. Fil-fatt, li kieku hija kellha tingħata d-dritt li tinvoka t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, hija kienet tkun tista’ taċċedi liberament għas-suq tax-xogħol fil-Ġermanja. Ir-rikors madankollu ġie miċħud bħala infondat peress li r-residenza estiża ta’ U. Bekleyen fit-Turkija kellha l-effett li ttelfilha d-dritt li tibbenefika mis-sistema privileġġjata tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7.

    13

    U. Bekleyen ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    14

    Filwaqt li kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-soluzzjoni tal-kawża teħtieġ li tiġi interpretata d-Deċiżjoni Nru 1/80, l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dritt korrispondenti ta’ residenza wara l-ikkompletar ta’ kors ta’ taħriġ professjonali fl-Istat Membru ospitanti, jista’ wkoll jiġi invokat f’sitwazzjoni fejn wild li twieled fl-Istat Membru ospitanti, u li wara mar lura mal-familja tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tal-familja tiegħu, jerġa’ lura waħdu fl-Istat Membru ospitanti, wara li jkun laħaq l-età maġġuri, sabiex jibda kors ta’ taħriġ professjonali, u dan wara għaxar snin minn meta l-ġenituri tiegħu, ċittadini Torok li kienu impjegati f’dak l-Istat Membru, kienu telqu definittivament minn dak l-Istat Membru?”

    Fuq id-domanda preliminari

    15

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta ħaddiem Tork li jkun ħadem legalment bħala impjegat fl-Istat Membru ospitanti għal tliet snin, il-wild ta’ dan il-ħaddiem ladarba jkun lesta t-taħriġ professjonali f’dan l-Istat Membru jkun jista’ jinvoka d-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dritt ta’ residenza korrispondenti, minkejja l-fatt li wara li kien mar lura mal-ġenituri tiegħu fl-istat ta’ oriġini jkun ġie lura waħdu f’dan l-Istat Membru sabiex jibda dan it-taħriġ.

    16

    Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’tali mod li ċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tiegħu jistgħu jinvokaw direttament id-drittijiet li huwa jagħtihom (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu, C-355/93, Ġabra p. I-5113, punt 17, u tas-16 ta’ Frar 2006, Torun, C-502/04, Ġabra p. I-1563, punt 19).

    17

    Id-drittijiet li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħti lill-wild ta’ ħaddiem Tork f’dak li jirrigwarda l-impjieg fl-Istat Membru ospitanti jimplikaw neċessarjament l-eżistenza ta’ dritt korrelattiv ta’ residenza għall-persuna kkonċernata u, fin-nuqqas tiegħu, jitneħħa kull effett mid-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u dak li effettivament jiġi eżerċitat impjieg (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eroglu, punti 20 u 23, kif ukoll Torun, punt 20).

    18

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, hekk kif jirriżulta mid-diċitura tiegħu, it-tieni paragrafu tal-istess Artikolu 7, id-dritt li hija tagħraf lil wild ta’ ċittadin Tork li jwieġeb kull offerta ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti, jiddependi fuq li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li wild il-ħaddiem ikkonċernat ikun temm taħriġ professjonali fl-Istat Membru inkwistjoni u li wieħed mill-ġenituri tiegħu jkun eżerċita legalment impjieg f’dan l-Istat għal minn tal-inqas tliet snin (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Akman, C-210/97, Ġabra p. I-7519, punt 25).

    19

    Barra minn dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx bżonn li, fil-mument fejn il-wild ikun temm l-istudji tiegħu u jkun kiseb id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u, għaldaqstant, li jikseb permess ta’ residenza għal dan il-għan, il-ġenitur ta’ dan il-wild ikun għad għandu l-kwalità ta’ ħaddiem jew li jkun għadu residenti f’dan l-Istat, sakemm fil-passat huwa kien regolarment impjegat għal minn tal-inqas tliet snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, u tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C-329/97, Ġabra p. I-1487, punt 44).

    20

    F’dan il-każ huwa stabbilit li Ü. Bekleyen temmet it-taħriġ professjonali fil-Ġermanja u li l-ġenituri tagħha kellhom impjieg b’salarju għal iktar minn tliet snin.

    21

    Madankollu, il-Gvernijiet Daniżi u Olandiżi jqisu li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jissuġġetta d-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-wild ta’ ħaddiem Tork bil-kundizzjoni li l-impjieg jew għallinqas ir-residenza ta’ wieħed mill-ġenituri fl-Istat Membru ospitanti sseħħ fl-istess waqt meta l-wild jibda t-taħriġ professjonali. Fin-nuqqas ta’ din ir-rabta temporali fil-kawża prinċipali, Ü. Bekleyen ma tistax tibbenefika mid-drittijiet mogħtija mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

    22

    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

    23

    L-ewwel nett għandu jiġi ppreċiżat li tali kundizzjoni ma tinsabx espressament fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza Akman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

    24

    Id-Deċiżjoni Nru 1/80 hija intiża sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni gradwali fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u li jibbenefikaw mid-drittijiet li hija tagħtihom (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Altun, C-337/07, Ġabra p. I-10323, punt 29).

    25

    Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta mqabbel mal-ewwel paragrafu tal-istess artikolu, jikkostitwixxi dispożizzjoni iżjed favorevoli intiża sabiex tirriżerva, fost il-membri tal-familja tal-ħaddiema Torok, trattament speċjali għat-tfal, bil-ħsieb li tiffaċilita d-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol wara li jtemmu taħriġ professjonali, sabiex jitwettaq b’mod progressiv il-moviment liberu tal-ħaddiema, konformement mal-għan tal-imsemmija deċiżjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akman, punt 38, u Torun, punt 23).

    26

    Kuntrarjament għal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jimponi lill-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork l-obbligu li jirrisjedi miegħu, mingħajr interruzzjoni, matul ċertu perijodu (sentenza Altun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30), it-tieni paragrafu tal-istess artikolu ma jipprovdi l-ebda kundizzjoni dwar il-koabitazzjoni effettiva fl-istess dar mal-ħaddiem.

    27

    Għalhekk dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa intiż mhux sabiex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-membri tal-familja fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Akman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43), iżda sabiex jiffavorixxi l-aċċess għas-suq tax-xogħol lill-ulied il-ħaddiema Torok.

    28

    Din il-konstatazzjoni tiffavorixxi interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax id-drittijiet li tagħti lill-ulied il-ħaddiema Torok għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tagħhom għad għandu l-kwalità ta’ ħaddiem jew ta’ residenti f’dan l-Istat Membru ospitanti fil-mument fejn il-wild beda t-taħriġ professjonali tiegħu.

    29

    Meta l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma sodisfatti, din id-dispożizzjoni tagħti lill-wild ħaddiem Tork dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti u, korrelettivament, dritt ta’ residenza.

    30

    Id-dritt tal-wild ta’ ħaddiem Tork li jkun jista’ jaċċedi liberament għas-suq tax-xogħol huwa bbażat fuq ix-xogħol imwettaq fil-passat mill-ġenitur fl-Istat Membru ospitanti.

    31

    Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali semma fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-funzjoni eżatta tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7, li l-ulied tal-ħaddiema Torok ikunu integrati fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, għandu bħala konsegwenza li r-rekwiżit li wieħed mill-ġenituri jkun ħadem f’dan l-Istat għal minn tal-inqas tliet snin ma għandux jinftiehem bħala li jimponi li, fil-mument fejn il-wild beda t-taħriġ professjonali tiegħu, dan il-ġenitur dejjem għad għandu l-istatus ta’ ħaddiem. Dan ir-rekwiżit għandu biss l-għan li jistabbilixxi, fl-istess ħin mat-taħriġ professjonali tal-wild, il-livell ta’ integrazzjoni suffiċjenti ta’ dan fl-Istat Membru ospitanti li jippermettilu jibbenefika mit-trattament speċifiku previst f’din id-dispożizzjoni.

    32

    Ir-rekwiżit li l-ġenitur irid ikun żamm l-istatus ta’ ħaddiem kif ukoll dak li jimponi rabta temporali bejn ir-residenza tal-ġenituri fl-Istat Membru ospitanti u dak tal-wild meta jibda t-taħriġ professjonali diffiċilment huma kkonċiljati mal-għan tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li hekk kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, ma huwiex intiż sabiex joħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-membri tal-familja f’dan l-Istat Membru.

    33

    Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tistax twassal sabiex, bi ksur tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970, l-ulied tal-ħaddiema Torok ikunu suġġetti għal trattament iktar favorevoli minn dak li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-ulied iċ-ċittadini tal-Istati Membri.

    34

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-kwistjoni jekk id-dritt ta’ residenza li Ü. Bekleyen titlob li tibbenefika minnu fil-Ġermanja wara li temmet it-taħriġ professjonali u li kellha aċċess għas-suq tax-xogħol għandux ikun ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hekk kif hija ssostni, jew fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni, hekk kif jirriżulta mill-permess ta’ residenza li ngħatalha sat-13 ta’ Mejju 2009. Madankolllu, id-dubju tal-qorti nazzjonali jidher li qed jirriżulta mill-fatt li hija tikkunsidra li l-wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ma jgawdix, taħt id-dritt Komunitarju, minn dritt ta’ residenza awtonomu ladarba l-ġenituri tiegħu telqu l-Istat Membru ospitanti u li dan il-wild ikun ġie lura waħdu f’dan l-Istat sabiex jibda taħriġ professjonali.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Nru 1/80 ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jirregolaw kemm id-dħul fit-territorju tagħhom taċ-ċittadini Torok, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ewwel impjieg tagħhom (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus, C-237/91, Ġabra p. I-6781, punt 25, u Altun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

    36

    L-Istati Membri żammew ukoll il-kompetenza tagħhom li jirregolaw kemm id-dħul fit-territorju tagħhom ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork u l-kundizzjonijiet tar-residenza tiegħu matul il-perijodu inizjali ta’ tliet snin li jippreċedu dak li fih huwa jkollu d-dritt li jwieġeb għal kull offerta ta’ impjieg (sentenza Ergat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    37

    Barra minn dan, b’differenza mill-ħaddiema tal-Istati Membri, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx minn moviment liberu ġewwa l-Unjoni Ewropea, iżda jistgħu jgawdu biss minn ċerti drittijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C-325/05, Ġabra p. I-6495, punt 66).

    38

    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti, irid jingħad iktar preċiżament li waqt li Ü. Bekleyen għandha tirrispetta l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-wild ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu dritt bħal dan li jirriżulta direttament mill-Artikolu 39(1) KE, intiż sabiex jiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

    39

    Barra minn dan, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tad-dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, huwa stabbilit li r-ritorn ta’ Ü. Bekleyen fil-Ġermanja sabiex tkun tista’ tkompli l-istudji tagħha u l-permess ta’ residenza lilha mogħti għal dan il-għan huma bbażati fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali li ma humiex applikabbli minħabba fid-Deċiżjoni Nru 1/80, iżda biss minħabba fid-dritt nazzjonali.

    40

    Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ Ü. Bekleyen, ir-ritorn u r-residenza fl-Istat Membru ospitanti tal-wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li, fil-passat, kellu impjieg b’salarju fl-ewwel Stat jirriżulta mill-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    41

    F’dan il-każ, il-wild ta’ ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru kellu d-dritt li jistabbilixxi ruħu fl-Istat Membru ospitanti sabiex ikomplu l-istudji tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1) KE, li jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jmur mnn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

    42

    L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ residenza huwa biss suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, li jgħid li ċittadin tal-Unjoni għandu b’mod partikolari, jiddisponi minn assigurazzjoni għal kontra l-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat.

    43

    Barra minn dan, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu ristretti tipprovdi, barra mill-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini Torok u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, kawża ulterjuri ta’ dekadenza tal-imsemmija drittijiet li tolqot biss lill-immigranti Torok, jiġifieri l-fatt li dawn tal-aħħar jitilqu mill-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

    44

    Għalhekk ma jistax jingħad li l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hekk kif tirriżulta mill-punti 23 sa 32 ta’ din is-sentenza, seta’ kellha l-konsegwenza li wild ħaddiem Tork ikun f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dak ta’ wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, jeħtieġ li d-domanda magħmula tingħatalha r-risposta li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem Tork ikun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn tliet snin, il-wild ta’ dan il-ħaddiem jista’ jinvoka f’dan l-Istat Membru, wara li jkun lesta t-taħriġ professjonali tiegħu f’dan l-Istat, id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dritt ta’ residenza korrispondenti, minkejja l-fatt li wara li kien mar lura mal-ġenituri tiegħu fl-istat ta’ oriġini jkun ġie lura waħdu f’dan l-Istat Membru sabiex jibda dan it-taħriġ.

    Fuq l-ispejjeż

    46

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem Tork ikun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn tliet snin, il-wild ta’ dan il-ħaddiem jista’ jinvoka f’dan l-Istat Membru, wara li jkun lesta t-taħriġ professjonali tiegħu f’dan l-Istat, id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dritt ta’ residenza korrispondenti, minkejja l-fatt li wara li kien mar lura mal-ġenituri tiegħu fl-istat ta’ oriġini jkun ġie lura waħdu f’dan l-Istat Membru sabiex jibda dan it-taħriġ.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top