Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0398

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Jannar 2010.
    Audi AG vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Appell - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikoli 7(1)(b) u 63 - Trade mark verbali Vorsprung durch Technik - Trade marks li jikkonsistu fi slogans ta’ reklamar - Karattru distintiv - Applikazzjoni għal trade mark għal numru ta’ prodotti u servizzi - Pubbliku rilevanti - Evalwazzjoni u motivazzjoni globali - Dokumenti ġodda.
    Kawża C-398/08 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:29

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    21 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

    “Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikoli 7(1)(b) u 63 — Trade mark verbali Vorsprung durch Technik — Trade marks li jikkonsistu fi slogans ta’ reklamar — Karattru distintiv — Applikazzjoni għal trade mark għal numru ta’ prodotti u servizzi — Pubbliku rilevanti — Evalwazzjoni u motivazzjoni globali — Dokumenti ġodda”

    Fil-Kawża C-398/08 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2008,

    Audi AG, stabbilita f’Ingolstadt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. O. Gillert u F. Schiwek, Rechtsanwälte,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tal-Ewwel Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u J.-J. Kasel Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2009,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Audi AG (iktar ’il quddiem “Audi”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-9 ta’ Lulju 2008 Audi vs UASI — Biofarma (Vorsprung durch Technik) (T-70/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-16 ta’ Diċembru 2005 (Każ R 968/2001-3, iktar il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li parzjalment ikkonfermat id-deċiżjoni tal-eżaminatur li kienet irrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Vorsprung durch Technik għal parti mill-prodotti u servizzi koperti minnha.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 185, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”), jipprevedi:

    “1.   Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

    […]

    (b)

    trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

    (ċ)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

    (d)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

    […]

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità.

    […]”

    3

    L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi:

    “1.   Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli.

    2.   Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

    […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    4

    Fit-30 ta’ Jannar 2003, Audi ressqet quddiem l-UASI, skont ir-Regolament Nru 40/94, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Vorsprung durch Technik bħala trade mark Komunitarja. Il-prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 12, 14, 16, 18, 25, 28, 35 sa 43 u 45 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

    Klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal skopijiet ta’ sondaġġi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat u strumenti li jittrażmettu, jikkonnettjaw, ibiddlu, jakkumulaw, jirregolaw u jikkontrollaw l-elettriku; apparat biex tirrekordja, għat-trasmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u stampi; tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski li tirrekordja fuqhom; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti; cash registers, kalkulaturi, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; tagħmir għat-tifi tan-nar.”;

    Klassi 12: “Vetturi; apparat għall-lokomozzjoni fuq l-art, fl-ajru u fil-baħar.”;

    Klassi 14: “Materjal prezzjuż u l-ligi tagħhom u oġġetti ta’ metall prezzjuż jew miksija b’dan, mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġojjelli, ħaġar prezzjuż; strumenti li juru l-ħin u kronometriċi.”;

    Klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għall-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali ta’ l-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (minbarra apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); tipa tal-printer; inċiżjonijiet ta’ l-istampar.”;

    Klassi 18: “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali, ġlud ħoxnin; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ.”;

    Klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras”;

    Klassi 28: “Logħob u ġugarelli; oġġetti tal-ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħra; dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied.”;

    Klassi 35: “Reklamar; il-ġestjoni ta’ negozju; l-amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

    Klassi 36: “Assigurazzjoni; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli.”;

    Klassi 37: “Servizzi ta’ kostruzzjoni; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni”;

    Klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet.”;

    Klassi 39: “Trasport; l-ippakkjar u l-ħażna ta’ oġġetti; arranġamenti għall-ivvjaġġjar”;

    Klassi 40: “Trattament ta’ materjali”;

    Klassi 41: “Edukazzjoni; provvediment ta’ taħriġ; divertiment; attivitajiet kulturali u sportivi”;

    Klassi 42: “Servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi u riċerka u disinn relatati ma’ l-istess; analiżi industrijali u servizzi ta’ riċerka; disinn u żvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter.”;

    Klassi 43: “Servizzi għall-provvista ta’ ikel u xorb; akkomodazzjoni temporanja”;

    Klassi 45: “Servizzi legali; servizzi ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-propjetà u ta’ l-individwi; servizzi personali u soċjali provduti minn oħrajn sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ individwi”.

    5

    Fis-7 ta’ Jannar 2004, l-eżaminatur kkunsidra, fil-komunikazzjoni tiegħu tar-raġunijiet għal rifjut, li l-espressjoni “Vorsprung durch Technik” (“avvanz permezz tat-teknoloġija”) kienet tikkostitwixxi għal ċerti prodotti u servizzi, inklużi fil-klassijiet 9, 12, 14, 25, 28, 37 sa 40 u 42 u li jikkonċernaw it-teknoloġija, messaġġ oġġettiv li huwa pperċepit bħala deskrizzjoni ta’ reklamar mill-konsumatur rilevanti. Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex ta’ karattru distintiv fir-rigward tal-imsemmija prodotti u servizzi. Madankollu, fir-rigward tal-prodotti inklużi fil-klassi 12, huwa indika li r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark tista’ tkun aċċettata minħabba l-karattru distintiv li din kisbet għall-vetturi bil-mutur u għall-komponenti tagħhom. F’dan ir-rigward huwa rrefera għat-trade mark Komunitarja verbali Vorsprung durch Technik li kienet ġiet irreġistrata fis-27 ta’ April 2001 bin-Numru 621086 għall-imsemmija prodotti tal-klassi 12.

    6

    Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Frar 2004, Audi kkontestat ir-raġunijiet mogħtija mill-eżaminatur fl-imsemmija komunikazzjoni billi b’mod partikolari sostniet li t-trade mark Komunitarja Nru 621086 kienet ġiet irreġistrata mhux minħabba karattru distintiv miksub permezz tal-użu, iżda minħabba li, intrinsikament, din kellha karattru distintiv. F’tieni komunikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut tat-30 ta’ Ġunju 2004, l-eżaminatur spjega li, involontarjament, fil-mument tal-eżami tal-applikazzjoni għall-imsemmija trade mark Audi ma kinitx ġie informata li din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata biss minħabba l-karattru distintiv miksub tagħha. Madankollu, peress li l-imsemmija applikazzjoni għal trade mark kienet tmur lura għas-sena 1997, huwa issa meħtieġ li Audi tipproduċi l-prova tal-karattru distintiv miksub permezz tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha u servizzi kollha indikati, inklużi dawk tal-klassi 12.

    7

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2005, l-eżaminatur ċaħad parzjalment l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark għal ċerti prodotti u servizzi inklużi fil-klassijiet 9, 12, 14, 25, 28, 37 sa 40 u 42 billi reġa’ tenn ir-raġunijiet esposti fil-komunikazzjoni tiegħu tar-raġunijiet għal rifjut tas-7 ta’ Jannar 2004. Permezz ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda il-ġdida, huwa kkonstata wkoll li ebda prova tal-ksib ta’ karattru distintiv ma kienet ġiet prodotta għall-prodotti tal-klassi 12.

    8

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord tal-Appell laqa’ l-appell ippreżentat minn Audi għall-prodotti fil-klassi 12, peress li d-deċiżjoni preċedenti dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Nru 621086 kienet tipproduċi l-prova li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kisbet karattru distintiv għall-vetturi u l-apparat għal-lokomozzjoni bl-art. Il-kumplament tar-rikors, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi l-oħra li taw lok għal oġġezzjonijiet tal-eżaminatur, ġie miċħud.

    9

    F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-distinzjoni li l-eżaminatur għamel bejn prodotti u servizzi li jikkonċernaw it-teknoloġija hija dubjuża. F’dan ir-rigward huwa spjega li “kważi l-prodotti u s-servizzi kollha ftit jew wisq jikkonċernaw it-teknoloġija. It-teknoloġija għandha wkoll rwol importanti fis-settur tal-ħwejjeġ. Manifattur ta’ tali prodotti li t-teknoloġija tiegħu hija avvanzata għandu vantaġġ kbir meta mqabbel mal-impriżi konkorrenti. Is-slogan ‘Vorsprung durch Technik’ jittrażmetti messaġġ oġġettiv li abbażi tiegħu s-superjorità teknoloġika tippermetti l-manifattura u l-provvista ta’ prodotti u servizzi aħjar. Bħala regola ġenerali kombinazzjoni ta’ kliem li tillimita ruħha għal dan il-messaġġ oġġettiv banali ma hijiex ta’ karattru distintiv. Peress li, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-klassi 12, l-appellanti ma pproduċiet ebda prova tal-istabbiliment tas-slogan ‘Vorsprung durch Technik’ bħala trade mark f’moħħ il-pubbliku, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda inkwantu din tikkonċerna prodotti u servizzi inklużi fi klassijiet oħrajn”.

    Is-sentenza appellata

    10

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza (li llum saret il-Qorti Ġenerali) ċaħdet ir-rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2006 minn Audi kontra d-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant warrbet iż-żewġ motivi invokati mill-appellanti, ibbażati fuq ksur, minn naħa, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u min-naħa l-oħra, tad-drittijiet tad-difiża.

    11

    L-ewwel parti tal-ewwel motiv, li permezz tagħha Audi lmentat li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tinkludi konstatazzjonijiet relatati mal-pubbliku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u mal-perċezzjoni li dan kellu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ġiet miċħuda fil-punti 30 sa 33 tas-sentenza appellata.

    12

    Wara li fakkret il-ġurisprudenza li abbażi tagħha l-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat b’mod partikolari fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħha għall-prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata effettivament ma kienx fiha “evalwazzjoni differenzjata” għall-prodotti u s-servizzi kollha inklużi fil-klassijiet kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata minn Audi, din madankollu kien fiha l-analiżi tal-perċezzjoni ta’ din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-prodotti u servizzi li hija kienet tkopri, kif meħtieġ minn din il-ġurisprudenza.

    13

    F’dan ir-rigward, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata seta’ jiġi dedott li l-Bord tal-Appell, essenzjalment, qies li l-pubbliku huwa uniformament interessat fit-teknoloġija fir-rigward tal-prodotti u servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark u li dan il-pubbliku jipperċievi l-espressjoni “Vorsprung durch Technik ” bħala slogan li fih messaġġ oġġettiv ta’ eloġju.

    14

    F’dan il-kuntest, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkonstatat li l-imsemmija ġurisprudenza ma teħtieġx analiżi eżawrjenti tal-prodotti u servizzi kollha inklużi fil-klassijiet kollha koperti mill-imsemmija applikazzjoni, peress li l-eżaminatur jew il-Bord tal-Appell jistgħu jsostnu li l-pubbliku rilevanti għandu l-istess perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal dawn il-prodotti u servizzi kollha. Issa, skont din il-qorti, ma huwiex ikkontestat li l-Bord tal-Appell wettaq dan l-eżerċizzju ta’ analiżi fejn ikkonkluda li l-pubbliku għandu perċezzjoni identika fir-rigward tal-klassijiet kollha ta’ prodotti u servizzi koperti minn din it-trade mark, u dan iktar u iktar peress li huwa kkritika d-differenzazzjoni tal-klassijiet, li fl-opinjoni tiegħu hija żbaljata, imwettqa mill-eżaminatur.

    15

    Fl-aħħar nett, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument imqajjem minn Audi li abbażi tiegħu, f’dan il-każ għandha tiġi eskluża opinjoni unitarja f’moħħ il-pubbliku peress li minħabba n-natura differenti tal-prodotti u servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark il-livell ta’ tekniċità tagħhom ivarja ħafna. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espressament aċċetta dan il-livell ta’ tekniċità differenti skont il-prodotti u s-servizzi u qies li dawn “ftit jew wisq” jikkonċernaw it-teknoloġija. Madankollu, skont l-istess qorti, l-imsemmi Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li l-espressjoni Ġermaniża “Vorsprung durch Technik” hija uniformament ipperċepita bħala oġġettiva u ta’ eloġju minkejja dan il-livell ta’ tekniċità differenti.

    16

    It-tieni parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tikkostitwixxix messaġġ oġġettiv deskrittiv, iżda tagħti bidu għal proċess ta’ riflessjoni, hija imaġinattiva kif ukoll memorizzabbli u għalhekk turi relazzjoni bejn il-prodotti kif ukoll is-servizzi koperti minn din it-trade mark u l-impriża ta’ oriġini tagħhom. Din il-parti ġiet miċħuda fil-punti 34 sa 48 tas-sentenza appellata.

    17

    Fil-punti 34 u 35 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat li mill-proċess kif ukoll, b’mod partikolari minn dokument ipprovdut mill-UASI anness mar-risposta tagħha li fih Audi tispjega lill-pubbliku Ingliż l-espressjoni “Vorsprung durch Technik ”, jirriżulta b’mod ċar li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tirrappreżenta għaliha slogan ta’ tifħir, jew ta’ reklamar. Fil-punt 36 tal-imsemmija sentenza hija sussegwentement irrilevat li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess kif ukoll skont dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell (C-517/99, Ġabra p. I-6959, punt 40), ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax madankollu tkun fiha nnifisha eskluża minħabba dan l-użu ta’ tifħir jew ta’ reklamar.

    18

    Billi rreferiet għall-punt 27 tas-sentenza appellata, li fih hija fakkret il-ġurisprudenza tagħha li abbażi tagħha sinjal li, bħal slogan ta’ reklamar, jissodisfa funzjonijiet oħra għajr dik ta’ trade mark fis-sens klassiku huwa madankollu distintiv biss jekk dan jista’ immedjatament jiġi pperċepit bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi indikati, il-Qorti Ġenerali fl-aħħar irrilevat, fil-punt 37 tal-istess sentenza, li għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ f’dan il-każ jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija trade mark hijiex messaġġ oġġettiv banali li huwa pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala ta’ eloġju.

    19

    F’dan ir-rigward, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm it-trade mark Vorsprung durch Technik jista’ jkollha diversi sinjifikati, tikkostitwixxi logħob tal-kliem jew tkun ipperċepita bħala immaġinattiva, sorprendenti u mhux mistennija u, bl-istess mod, tkun memorizzabbli, dan madankollu ma jirrendihiex distintiva. Skont din il-qorti, dawn l-elementi differenti jirrendu tali trade mark distintiva biss jekk din immedjatament kienet ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u servizzi li hija tkopri. Issa, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti kif iddefinit mill-Bord tal-Appell, bħall-pubbliku kollu kkonċernat mill-prodotti u mis-servizzi koperti minn din it-trade mark, effettivament jipperċepiha qabel kollox bħala espressjoni promozzjonali.

    20

    Fil-fatt, fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, l-ewwel nett, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ teknoloġija fil-Ġermanja, ir-referiment għalih ma huwiex, għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti, tali li jagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni karattru distintiv. It-tieni nett, il-kelma Ġermaniża “Vorsprung”, li tfisser “avvanz”, assoċjata mal-prepożizzjoni “durch”, li tfisser “permezz ta’” hija pjuttost ta’ eloġju għall-pubbliku kkonċernat mill-applikazzjoni għal trade mark u, b’mod partikolari, għall-pubbliku Ġermaniż. It-tielet nett, għalkemm, fir-rigward ta’ trade mark kumplessa, hemm lok, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha, li din tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha, għandu wkoll jiġi kkonstatat li t-trade mark hija indirizzata lil pubbliku wiesa’ u li l-biċċa l-kbira tal-impriżi li jixtiequ jipprovdu prodotti u servizzi lil dan il-pubbliku wiesa’ jistgħu, fid-dawl tal-karattru ta’ eloġju tagħha, jużaw din l-espressjoni għalihom infushom, u dan indipendentement mill-interpretazzjoni li din għandha tingħata.

    21

    Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li t-trade mark Vorsprung durch Technik ma għandhiex elementi li jistgħu, lil hinn mis-sinjifikat promozzjonali evidenti tagħha, jippermettu lill-pubbliku rilevanti jimmemorizza faċilment u immedjatament l-espressjoni bħala trade mark distintiva għall-prodotti u s-servizzi koperti.

    22

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, Audi sostniet li l-Bord tal-Appell kien għamel applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 38(3) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 u kien, b’mod partikolari kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha billi naqas milli jinformaha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li din kienet tipprevedi ċaħda tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minnha bl-eċċezzjoni tal-klassi 12, u għalhekk ukoll għal dawk li għalihom l-eżaminatur kien aċċetta r-reġistrazzjoni. Dan il-motiv ġie miċħud fil-punti 58 sa 64 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li sostniet Audi, l-imsemmija deċiżjoni tannulla d-deċiżjoni tal-eżaminatur tat-12 ta’ Jannar 2005 biss f’dak li jikkonċerna l-prodotti tal-klassi 12 u għalhekk ma tinvolvix preġudizzju addizzjonali meta mqabbla magħha.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    23

    Permezz tal-appell tagħha, Audi titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tiċħad parzjalment ir-rikors ippreżentat minnha kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur tat-12 ta’ Jannar 2005 u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    24

    L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    25

    Insostenn tal-appell tagħha, Audi tinvoka żewġ aggravji, ibbażati fuq ksur, minn naħa, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 63 tiegħu kif ukoll tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

    26

    L-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, Audi ssostni li l-Qorti Ġenerali ma għamlietx biżżejjed konstatazzjonijiet fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, filwaqt li t-tieni parti, li jaqbel li tiġi ttrattata l-ewwel, hija intiża sabiex turi li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju wisq strett sabiex tevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet dwar it-tieni parti tal-ewwel aggravju

    27

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Audi ssostni li, sabiex tistabbilixxi jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhiex karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali ħtieġet, b’mod żbaljat, rekwiżiti iktar stretti minn dawk normalment meħtieġa minħabba s-sempliċi motiv li din kienet tikkostitwixxi slogan ta’ reklamar.

    28

    Fil-fatt, billi ħtieġet li s-sinjal jista’ “immedjatament” jiġi pperċepit bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi koperti, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju li jmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u minn dawk normalment meħtieġa minn din il-qorti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark verbali.

    29

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bla dubju ta’ xejn tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-premessa li l-użu tat-trade mark Vorsprung durch Technik bħala slogan ta’ reklamar jipprekludi li jiġi rikonoxxut il-karattru distintiv u għandu għalhekk jiġi kkumpensat, sa ċertu punt, permezz tal-kriterju tal-perċezzjoni “immedjata” ta’ din it-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi koperti. Għaldaqstant, hija tammetti li din it-trade mark jista’ jkollha diversi sinjifikati, tikkostitwixxi logħob tal-kliem jew tkun ipperċepita bħala immaġinattiva, sorprendenti u mhux mistennija u, bl-istess mod, tkun memorizzabbli, iżda madankollu tirrifjuta li tirrikonoxxi li din għandha karattru distintiv minħabba li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxiha qabel kollox bħala espressjoni promozzjonali u mhux bħala indikazzjoni ta’ din l-oriġini kummerċjali. Issa, permezz tal-analiżi mwettqa f’dan ir-rigward fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċiment terġa’ tgħid fi kliem ieħor li t-trade mark Vorsprung durch Technik hija slogan ta’ reklamar, mingħajr madankollu ma tispjega f’liema mod din ma tistax tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti jew servizzi.

    30

    Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li s-slogans ta’ reklamar ma jikkostitwixxux forma partikolari ta’ trade mark iżda trade mark sempliċi li fir-rigward tagħha japplikaw il-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-ġurisprudenza għall-evalwazzjoni tal-karattru distinitv, fatt li b’mod partikolari huwa kkonfermat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk (C-64/02 P, Ġabra p. I-10031, punt 36). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li trade mark tista’ tiġi kkunsidrata bħala slogan ta’ reklamar jew il-karattru ta’ eloġju ta’ sinjal ma jipprekludux lil tali trade mark milli jkollha biżżejjed karattru distinittiv. Ma jeżisti ebda prinċipju legali li abbażi tiegħu sinjal li għandu konnotazzjoni pożittiva ma għandu ebda jew ftit karattru distintiv.

    31

    L-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali ma imponietx rekwiżiti ogħla minn dawk normalment meħtieġa fir-rigward tal-livell ta’ karattru distintiv ta’ trade mark u lanqas ma introduċiet kriterji legali ġodda sabiex tistabbilixxih, iżda fformulat, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar is-slogans ta’ reklamar, prinċipju impiriku li abbażi tiegħu s-sinjali li jissodisfaw funzjonijiet oħra għajr dik li jindikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi ma humiex neċessarjament ipperċepiti mill-konsumatur bl-istess mod bħal sinjal verbali totalment indipendenti mit-trade mark. Fil-fatt, f’dawn il-każijiet huwa possibbli, jekk mhux inevitabbli, li, f’moħħ il-konsumatur, il-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini tkun moħbija mill-funzjoni l-oħra. Dan ġie, barra minn hekk, ikkonfermat fi kliem ieħor mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI (C-473/01 P u C-474/01 P, Ġabra p. I-5173, punt 51), għas-sinjali li huma konfużi mal-aspett tal-prodott innifsu. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali, billi użat l-espressjoni avverbali “immedjatament”, riedet turi l-perikolu li jikkonsisti fil-fatt li slogan ta’ reklamar jista’ jiġi pperċepit mill-konsumatur biss fil-funzjoni promozzjonali tiegħu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32

    Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

    33

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens ta’ dan l-artikolu jfisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li fir-rigward tiegħu ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; UASI vs Erpo Möbelwerk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C-144/06 P, Ġabra p. I-8109, punt 34, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C-304/06 P, Ġabra p. I-3297, punt 66).

    34

    Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il-karattru distintiv (sentenzi Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 25; Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, kif ukoll Eurohypo vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

    35

    Fir-rigward ta’ trade marks komposti minn sinjali jew indikazzjonijiet li huma barra minn hekk użati bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew servizzi koperti minn dawn it-trade marks, ir-reġistrazzjoni tagħhom ma hijiex eskluża minħabba użu bħal dan (ara s-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Merz & Krell, punt 40, kif ukoll UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 41).

    36

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ tali trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li ma hemmx lok li fir-rigward ta’ tali trade marks jiġu applikati kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal sinjali oħra (sentenza UASI vs Erpo Möbelwerk, punti 35 u 44).

    37

    Madankollu minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-kriterji dwar l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv huma l-istess għall-kategoriji differenti ta’ trade marks, jista’ jkun li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess għal kull waħda minn dawn il-kategoriji u li, għaldaqstant, jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv tat-trade marks ta’ ċerti kategoriji milli ta’ dawk ta’ kategoriji oħra (ara s-sentenzi Procter & Gamble vs UASI, UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 34, kif ukoll Henkel vs UASI, punti 36 u 38).

    38

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li din il-ġurisprudenza tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tirriżulta rilevanti għal trade marks li jikkonsistu fi slogans ta’ reklamar, din madankollu enfasizzat li d-diffikultajiet li dawn tal-aħħar jistgħu jinvolvu, minnħabba n-natura tagħhom stess, sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv tagħhom u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ma jiġġustifikawx il-fatt li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi li jissupplixxu jew jidderogaw mill-kriterju tal-karattru distintiv kif interpretat fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza (ara s-sentenza UASI vs Erpo Möbelwerk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36).

    39

    B’mod partikolari hija ddeċidiet li ma jistax jiġi meħtieġ li slogan ta’ reklamar ikollu “element ta’ immaġinazzjoni”, jew “kamp ta’ tensjoni kunċettwali li jista’ joħloq sorpriża u jħalli impressjoni li tiġbed l-attenzjoni” sabiex tali slogan ikollu l-karattru distintiv minimu meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza UASI vs Erpo Möbelwerk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32; ara, ukoll, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 41).

    40

    Issa, f’dan il-każ, ir-raġunament li għamlet il-Qorti Ġenerali jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji mfakkra fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza.

    41

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax tiġi eskluża minħabba l-użu ta’ tifħir jew ta’ reklamar tagħha, sussegwentement, hija immotivat il-konstatazzjoni tagħha li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx ta’ karattru distintiv bil-fatt li din hija pperċepita bħala espressjoni promozzjonali u, għaldaqstant, preċiżament permezz tal-użu ta’ tifħir u ta’ reklamar tagħha.

    42

    Għaldaqstant, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm it-trade mark Vorsprung durch Technik jista’ jkollha diversi sinjifikati, tikkostitwixxi logħob tal-kliem jew tkun ipperċepita bħala immaġinattiva, sorprendenti u mhux mistennija u, bl-istess mod, tkun memorizzabbli, dan madankollu ma jirrendihiex distintiva. Hija sostniet li dawn l-elementi differenti jirrendu din it-trade mark distintiva biss jekk din kienet ġiet immedjatament ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u servizzi koperti minn tali trade mark. Issa, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti kien jipperċepiha qabel kollox bħala espressjoni promozzjonali.

    43

    Il-Qorti Ġenerali bbażat din l-aħħar konstatazzjoni fuq l-analażi li hija wettqet fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata. Hija qieset li, l-ewwel nett, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ teknoloġija, ir-referiment għalih ma huwiex, għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti, tali li jagħti karattru distintiv lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tieni nett, il-kelma “Vorsprung”, li tfisser “avvanz”, assoċjata mal-prepożizzjoni “durch”, li tfisser “permezz ta’” hija pjuttost ta’ eloġju għall-pubbliku kkonċernat mill-applikazzjoni għal trade mark u, b’mod partikolari, għall-pubbliku Ġermaniż. It-tielet nett, għalkemm, fir-rigward ta’ trade mark kumplessa, hemm lok, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha, li din tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha, għandu wkoll jiġi kkonstatat li din it-trade mark hija indirizzata lil pubbliku wiesa’ u li l-biċċa l-kbira tal-impriżi li jixtiequ jipprovdu prodotti u servizzi lil dan il-pubbliku wiesa’ jistgħu, fid-dawl tal-karattru ta’ eloġju tagħha, jużaw din l-espressjoni għalihom infushom, u dan indipendentement mill-interpretazzjoni li din għandha tingħata.

    44

    Madankollu, għalkemm huwa ċertament veru, hekk kif barra minn hekk ġie imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li trade mark għandha karattru distintiv biss inkwantu din tippermetti li l-prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġu identifikati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li trade mark hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala espressjoni promozzjonali u li, fid-dawl tan-natura ta’ eloġju tagħha, din tista’ bħala regola ġenerali tintuża minn impriżi oħra ma huwiex fih innifsu biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din it-trade mark ma hijiex ta’ karattru distintiv.

    45

    B’mod partikolari, f’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-konnotazzjoni ta’ eloġju ta’ trade mark verbali ma teskludix li din hija xorta waħda adatta sabiex tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew servizzi li hija tkopri. Għaldaqstant, tali trade mark tista’ fl-istess ħin tkun ipperċepita mill-pubblika rilevanti bħala espressjoni promozzjonali u indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi. Minn dan jirriżulta li, sakemm dan il-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ din l-oriġini, il-fatt li din tkun simultanjament, jekk mhux ukoll fl-ewwel lok, mifhuma bħala espressjoni promozzjonali huwa irrilevanti għall-karattru distintiv tagħha.

    46

    Issa, permezz tar-raġunament espost fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma sostnietx il-konklużjoni tagħha li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tkunx ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u servizzi inkwistjoni, iżda, essenzjalment, illimitat ruħha sabiex turi l-fatt li din it-trade mark hija kkostitwita minn espressjoni promozzjonali u mifhuma bħala tali.

    47

    Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li t-trade mark Vorsprung durch Technik jista’ jkollha diversi sinjifikati, tikkostitwixxi logħob tal-kliem jew tkun ipperċepita bħala immaġinattiva, sorprendenti u mhux mistennija u, bl-istess mod, tkun memorizzabbli, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm l-eżistenza ta’ tali karatteristiċi, hekk kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ slogan ta’ reklamar, xorta jibqa’ l-fatt li l-preżenza tagħhom hija, bħala regola ġenerali, tali li tagħtih dan il-karattru.

    48

    Fir-rigward tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li “t-trade mark Vorsprung durch Technik ma għandhiex għaldaqstant elementi li jistgħu, lil hinn mis-sinjifikat promozzjonali evidenti tagħha, jippermettu lill-pubbliku rilevanti jimmemorizza faċilment u immedjatament l-espressjoni bħala trade mark distintiva għall-prodotti u s-servizzi koperti”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-konklużjoni mhux biss ma hija bl-ebda mod sostnuta mir-raġunament li jippreċediha, iżda, barra minn hekk, hija kontradetta sa ċertu punt mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, kif imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

    49

    Minn dan jirriżulta li Audi hija korretta li tisħaq li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Għaldaqstant hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha tiġi milqugħa u, għaldaqstant, li dan jiġi milqugħ mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-istess aggravju.

    50

    Barra minn hekk, peress li t-tieni aggravju tal-appell jikkonċerna l-allegata irregolarità ta’ konstatazzjoni magħmula fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, ma hemmx iktar lok li dan l-aggravju jiġi eżaminat.

    51

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata inkwantu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, abbażi ta’ evalwazzjoni żbaljata, li t-Tieni Bord tal-Appell ma kienx kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta adotta d-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    52

    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, f’każ li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

    53

    Hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, l-espressjoni “Vorsprung durch Technik” hija slogan irrinomat li Audi ilha tuża għal bosta snin sabiex tippromwovi l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur tagħha. Din ġiet irreġistrata fl-2001 bħala trade mark Komunitarja għal prodotti tal-klassi 12 abbażi tal-prova li dan is-slogan huwa magħruf ħafna fir-reġjuni Ġermanofoni.

    54

    F’dak li jikkonċerna l-prodotti u servizzi inkwistjoni għajr dawk tal-imsemmija klassi 12, il-Bord tal-Appell immotiva ċ-ċaħda ta’ reġistrazzjoni bil-fatt li s-slogan “Vorsprung durch Technik” jittrażmetti messaġġ oġġettiv li abbażi tiegħu s-superjorità teknoloġika tippermetti l-manifattura u l-provvista ta’ prodotti u servizzi aħjar. Skont l-istess Bord, kombinazzjoni ta’ kliem li tillimita ruħha għal dan il-messaġġ oġġettiv banali ma hijiex ta’ karattru distintiv intrinsiku u għaldaqstant tista’ tiġi rreġistrata biss jekk tkun prodotta l-prova tal-istabbiliment tagħha f’moħħ il-pubbliku.

    55

    Għandu jiġi kkonstatat li din l-analiżi turi applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    56

    F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li t-trade marks kollha komposti minn sinjali jew indikazzjonijiet li huma barra minn hekk użati bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew servizzi koperti minn dawn it-trade marks jittrażmettu bħala regola ġenerali, xi ftit jew wisq, messaġġ oġġettiv. Madankollu mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali trade marks ma humiex, minħabba dan il-fatt biss, bla karattru distintiv.

    57

    Għaldaqstant, sakemm tali trade marks ma humiex deskrittivi skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, dawn jistgħu jesprimu messaġġ oġġettiv, anki sempliċi, u xorta waħda jkunu adatti sabiex jindikaw lill-konsumatur l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni. B’mod partikolari dan jista’ jkun il-każ meta dawn it-trade marks ma jkunux limitati għal messaġġ ta’ reklamar ordinarju, iżda jkollhom ċertu oriġinalità jew reżonanza, jeħtieġu sforz minimu ta’ interpretazzjoni jew jagħtu lok għal proċess ta’ xebh f’moħħ il-pubbliku.

    58

    Anki jekk jiġi preżunt li s-slogan “Vorsprung durch Technik” jittrażmetti messaġġ oġġettiv, li abbażi tiegħu s-superjorità teknoloġika tippermetti l-manifattura u l-provvista ta’ prodotti u servizzi aħjar, dan il-fatt ma jippermettix li jiġi konkluż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandha ebda karattru distintiv intrinsiku. Fil-fatt, irrispettivament minn kemm hu sempliċi tali messaġġ, dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala ordinarju sal-punt li jista’, immedjatament u mingħajr analiżi ulterjuri, jiġi eskluż li l-imsemmija trade mark hija adatta sabiex tindika lill-konsumatur l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni.

    59

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi messaġġ ma jirriżultax b’mod evidenti mill-imsemmi slogan. Hekk kif osservat Audi, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-kombinazzjoni tal-kliem “Vorsprung durch Technik”, li tfisser “avvanz permezz tat-teknoloġija”, tipprovdi biss rabta każwali u minħabba f’hekk teħtieġ ċertu sforz ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-pubbliku. Barra minn hekk, dan is-slogan juri ċertu oriġinalità u reżonanza li jirrenduh faċli li jiġi mmemorizzat. Fl-aħħar, sa fejn dawn huwa slogan rinomat u użat għal diversi snin minn Audi, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa mdorri jistabbilixxi rabta bejn dan is-slogan u l-vetturi bil-mutur immanufatturati minn din il-kumpannija jiffaċilita wkoll l-identifikazzjoni minn dan il-pubbliku tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi koperti.

    60

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu t-Tieni Bord tal-Appell ċaħad parzjalment, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Vorsprung durch Technik.

    Fuq l-ispejjeż

    61

    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    62

    Skont l-Artikolu 69(2) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi kif mitlub minn Audi.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-9 ta’ Lulju 2008, Audi vs UASI (Vorsprung durch Technik) (T-70/06), hija annullata inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li t-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ma kienx kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, meta adotta d-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2005 (Każ R 237/2005-2).

     

    2)

    Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-16 ta’ Diċembru 2005 (Każ R 237/2005-2), hija annullata inkwantu din ċaħdet parzjalment, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Vorsprung durch Technik.

     

    3)

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) huwa kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top