EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0395

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Ġunju 2010.
Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) vs Tiziana Bruno u Massimo Pettini (C-395/08) u Daniela Lotti u Clara Matteucci (C-396/08).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Corte d'appello di Roma - l-Italja.
Direttiva 97/81/KE - Ftehim Qafas dwar xogħol part-time - Trattament ugwali bejn ħaddiema part-time u ħaddiema full-time - Kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex tinkiseb pensjoni ta’ rtirar - Esklużjoni tal-perijodi mhux maħduma - Diskriminazzjoni.
Każijiet Magħquda C-395/08 u C-396/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:329

Kawżi magħquda C-395/08 u C-396/08

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

vs

Tiziana Bruno et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Roma)

“Direttiva 97/81/KE — Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time — Trattament ugwali bejn ħaddiema part-time u ħaddiema full-time — Kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex tinkiseb pensjoni ta’ rtirar — Esklużjoni tal-perijodi mhux maħduma — Diskriminazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Drittijiet soċjali

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE; il-tielet paragrafu tal-preambolu tat-Trattat FUE; Direttiva tal-Kunsill 97/81, Anness, klawżola 4)

2.        Politika soċjali — Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż miċ-CES mill-UNICE u miċ-CEEP — Direttiva 97/81

(Artikolu 141 KE; Direttiva tal-Kunsill 97/81,Anness, klawżola 4(1))

3.        Politika soċjali — Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż miċ-CES mill-UNICE u miċ-CEEP — Direttiva 97/81

(Direttiva tal-Kunsill 97/81, Anness, klawżola 4)

4.        Politika soċjali — Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż miċ-CES mill-UNICE u miċ-CEEP — Direttiva 97/81

(Direttiva tal-Kunsill 97/81, Anness, klawżoli 1, 4 u 5(1))

1.        Il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż miċ-CES, mill-UNICE u miċ-CEEP, anness mad-Direttiva 97/81, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, ifittex għan li jifforma parti mill-għanijiet fundamentali misjuba fl-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar il-politika soċjali u rriprodott fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE, kif ukoll fit-tielet paragrafu tal-Preambolu tat-Trattat FUE, u fil-punt 7 u fl-ewwel paragrafu tal-punt 10 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, li għaliha tirreferi d-dispożizzjoni KE msemmija iktar ’il fuq. Dawn l-għanijiet fundamentali huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol kif ukoll mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema. Dan jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema part-time, u li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom kontra d-diskriminazzjoni.

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, l-imsemmija klawżola 4 tal-ftehim qafas għandha tinftiehem fis-sens li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv.

(ara l-punti 30, 32)

2.        Il-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali ta’ sigurtà soċjali, li jkunu iktar jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ kundizzjonijiet ta’ impjieg fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż miċ-CES, mill-UNICE u miċ-CEEP, anness mad-Direttiva 97/81,

F’dan ir-rigward, huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-pensjoni titħallas lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu ma min kien preċedentement jimpjegah, jiġifieri l-kriterju tal-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess tal-Artikolu 141 KE, li jista’ jkun determinanti. Madanakollu, dan il-kriterju ma jistax ikollu natura esklużiva, peress li l-pensjonijiet imħallsa minn sistema legali ta’ sigurtà soċjali jistgħu, totalment jew parzjalment, jieħdu inkunsiderazzjoni r-remunerazzjoni tal-attività. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni tal-Istat, ta’ etika jew anki l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja li kellhom jew li seta’ kellhom rwol fit-tfassil ta’ skema mil-leġiżlatur nazzjonali jistgħu jieħdu preċedenza biss jekk il-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jekk hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz moqdi u jekk l-ammont tagħha huwa kkalkulat abbażi tal-aħħar salarju.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk pensjoni ta’ rtirar tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, il-qorti nazzjonali, li hija biss għandha l-ġurisdizzjoni li tevalwa l-fatti tal-kawża mressqa quddiemha u li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, għandha teżamina jekk l-imsemmija pensjoni tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

(ara l‑punti 42, 46, 48)

3.        Fir-rigward tal-pensjonijiet ta’ rtirar, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part‑time konkluż miċ-CES, mill-UNICE u miċ-CEEP, anness mad-Direttiva 97/81, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tal-ħaddiema part-time vertikali li jalternaw, teskludi l-perijodi mhux maħduma mill-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb dritt għal tali pensjoni, kemm-il darba tali trattament differenti ma huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

Fil-fatt, il-prinċipju pro rata temporis ma japplikax għad-determinazzjoni tad-data għal ksib tad-dritt għal pensjoni, sa fejn din tiddependi esklużivament fuq it-tul tal-anzjanità miksuba mill-ħaddiem. Fil-fatt, din l-anzjanità tikkorrispondi għat-tul effettiv tar-relazzjoni ta’ impjieg u mhux għall-kwantità ta’ xogħol ipprovdut matul din ir-relazzjoni ta’ impieg. Għalhekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema part‑time u ħaddiema full‑time jimplika li t-tul ta’ anzjanità meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data għall-kisba ta’ dritt għal pensjoni għandha tiġi kkalkolata għal ħaddiem part‑time bħal li kieku kien jokkupa pożizzjoni full‑time, fejn il-perijodi mhux maħduma għandhom jiġu integralment meħuda inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 66, 75 u d-dispożittiv 1)

4.        Fil-każ fejn il-qorti nazzjonali, li hija biss għandha l-ġurisdizzjoni li tevalwa l-fatti tal-kawżi mressqa quddiemha u li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tasal għall-konklużjoni li leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time konkluż miċ-CES, mill-UNICE u miċ-CEEP anness mad-Direttiva 97/81, il-klawżoli 1 u 5(1) tal-imsemmi Ftehim Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li anki dawn jipprekludu tali leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 48, 81 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar xogħol part‑time – Trattament ugwali bejn ħaddiema part‑time u ħaddiema full‑time – Kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex tinkiseb pensjoni ta’ rtirar – Esklużjoni tal-perijodi mhux maħduma – Diskriminazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑395/08 u C‑396/08,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte d’appello di Roma (l-Italja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ April 2008, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Settembru 2008, fil-proċeduri

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

vs

Tiziana Bruno,

Massimo Pettini (C‑395/08),

u

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

vs

Daniela Lotti,

Clara Matteucci(C‑396/08),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), minn A. Sgroi, avukat,

–        għal T. Bruno u M. Pettini kif ukoll għal D. Lotti u C. Matteucci, minn R. Carlino, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part‑time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 267).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn l-Istituto nazionale della previdenza sociale (iktar ’il quddiem l-“INPS”), u T. Bruno u M. Pettini, kif ukoll D. Lotti u C. Matteuċċi dwar id-determinazzjoni tal-anzjanità meħtieġa għall-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni ta’ rtirar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/81 jispeċifika li l-iskop ta’ din id-direttiva huwa li timplementa l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part‑time konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 bejn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali inġenerali, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min Iħaddem Ewropea (UKIIE), Iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (ĊEIP) u Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU), kif ipprovdut fl-Anness ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim Qafas”)

4        It-tielet premessa tad-Direttiva 97/81 tipprovdi s-segwenti:

“Billi 1-punt 7 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema jipprovdi, inter alia, li ‘l-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-għixien tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea. Dan il-proċess għandu jirriżulta minn approssimazzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet waqt li jinżamm it-titjib, fejn għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari forom ta’ impjieg barra minn kuntratti indeterminati, bħal kuntratti għal terminu fiss, xogħol part‑time, xogħol temporanju u xogħol staġjonali’”.

5        Il-ħames premessa tal-imsemmija direttiva tipprovdi s-segwenti:

“Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Essen enfasizzaw il-bżonn li jittieħdu miżuri biex jippromwovu l-impjieg u l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u talbu li jittieħdu miżuri bl-iskop li fit-tkabbir tiżdied l-intensità ta’ l-impjiegi, b’mod partikolari permezz ta’ organizzazzjoni ta’ xogħol iktar flessibbli b’tali mod li tissodisfa kemm ix-xewqat tal-ħaddiema kif ukoll il-bżonnijiet tal-kompetizzjoni”.

6        Il-tlieta-u-għoxrin premessa tal-istess Direttiva 97/81 tipprovdi:

“Billi l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tagħraf l-importanza tal-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, speċjalment dawk ibbażati fuq sess, kulur, razza, opinjoni u twemmin”.

7        L-ewwel żewġ paragrafi tal-Preambolu tal-Ftehim Qafas jipprovdu:

“Dan il-Ftehim Qafas huwa kontribuzzjoni għall-istrateġija ġenerali Ewropea dwar l-impjieg. Ix-xogħol part‑time kellu impatt importanti fuq l-impjieg f’dawn l-aħħar snin. Għal din ir-raġuni, il-partijiet għal dan il-ftehim taw attenzjoni prijoritarja lil din il-forma tax-xogħol. Hija l-intenzjoni ta’ dawn il-partijiet li jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim dwar forom oħra ta’ xogħol flessibbli.

Waqt li jirrikonoxxu d-diversità tas-sitwazzjonjiet fl-Istati Membri u waqt li jagħrfu li x-xogħol part‑time huwa karatteristika ta’ l-impjieg f’ċerti setturi u attivitajiet, dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li għandhom x’jaqsmu max-xogħol part‑time. Turi d-disposizzjoni ta’ l-imsieħba soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part‑time u li jgħinu l-iżvilupp ta’ l-opportunitajiet għal xogħol part‑time fuq bażi aċċettabbli għal min iħaddem u għall-ħaddiema.”

8        Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas rilevanti għall-finijiet tal-kawżi prinċipali huma s-segwenti:

“Konsiderazzjonijiet Ġenerali

[…]

5.      Billi l-partijiet għal dan il-ftehim jagħtu importanza lil miżuri li jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għal xogħol part‑time għal nisa u rġiel sabiex jippreparaw għal irtirar, jaqdu flimkien l-obbligi tax-xogħol u tal-familja, u biex jieħdu opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex itejbu l-kapaċitajiet u l-opportunitajiet għal karriera u dan għal benefiċċju reċiproku ta’ min jimpjega u l-ħaddiema u manjiera [b’mod] li tgħin l-iżvilupp ta’ l-intrapriżi;

[…]

Il-Klawżola 1: L-iskop

L-iskop ta’ dan il-Ftehim Qafas hu:

a)      li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part‑time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part‑time;

b)      li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ xogħol part‑time fuq bażi volontarja u li jikkontribwixxi għall-organizzazzjoni flessibbli ta’ ħin ta’ xogħol b’tali mod li jieħu in konsiderazzjoni il-bżonnijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema.

[…]

Il-Klawżola 3: Tifsiriet

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1)      Il-kliem ‘ħaddiem part‑time’ jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full‑time ta’ l-istess tip;

2)      Il-kliem ‘ħaddiem full‑time ta’ l-istess tip’ ifisser ħaddiem full‑time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/ kapaċità.

Meta m’hemmx ħaddiem full‑time ta’ l-istess tip fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv, jew meta ma hemmx ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv u prattika.

Il-Klawżola 4 : Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

1.      Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part‑time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full‑time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part‑time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.      Meta approprjat, il-prinċipju ta’ pro rata temporis għandu japplika.

3.      L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali, b’kont meħud tal-leġiżlazzjoni Ewropea, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika.

4.      Meta oġġettivament ġustifikat l-Istati Membri jistgħu wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, meta approprjat, jikkondizzjonaw l-aċċess għal impjiegi partikolari bi kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz, ħin maħdum jew rati ta’ qligħ. Il-kwalifiki li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aċċess ta’ ħaddiema part‑time għal kondizzjonijiet ta’ l-impjieg partikolari għandhom jiġu ezaminati perjodikament b’kont meħud tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni espress fil-Klawżola 4.1.

Il-Klawżola 5: Opportunitajiet għal xogħol part‑time

1.      Fil-kuntest tal-Klawżola 1 ta’ dan il-Ftehim u tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part‑time u full‑time:

a)       L-Istati Membri, wara konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali jew prattika, għandhom jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għal xogħol part‑time u, meta approprjat, jeliminawhom;

b)      l-imsieħba soċjali, waqt li jaġixxu fis-settur tal-kompetenza tagħhom u permezz tal-proċeduri stabbiliti fil-ftehim kollettiv, għandhom jidentifikaw u jirrevedu l-ostakoli li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għal xogħol part‑time u, meta approprjat, jeliminawhom.

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

 Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2000

9        Id-Direttiva 97/81 ġiet trasposta fis-sistema legali Taljana permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 61, tal-25 ta’ Frar 2000, li jimplementa d-Direttiva 97/81/KE li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part‑time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠURI Nru 66, tal-20 ta’ Marzu 2000). Dan id-digriet leġiżlattiv, fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2000”), jipprovdi d-definizzjonijiet segwenti fl-Artikolu 1 tiegħu:

“a)      ‘full‑time’: is-sigħat normali ta’ xogħol kif provdut fl-Artikolu 3(1) tal-Digriet Leġiżlattiv Nru 66, tat-8 ta’ April 2003, jew, jekk ikun il-każ, in-numru inqas ta’ sigħat normali ta’ xogħol kif stabbilit b’xi ftehim kollettiv rilevanti;

b)      ‘part‑time’: is-sigħat ta’ xogħol stabbiliti fil-kuntratt individwali, li l-impjegat irid jaħdem u li huma inqas mis-sigħat ta’ xogħol imsemmija fil-paragrafu (a);

c)      ‘kuntratt ta’ xogħol part‑time tat-tip orizzontali’: kuntratt fejn it-tnaqqis fis-sigħat ta’ xogħol, meta pparagunat ma’ xogħol full‑time, jiġi stabbilit fir-rigward tas-sigħat ta’ xogħol normali ta’ kuljum;

d)      ‘kuntratt ta’ xogħol part-time tat-tip vertikali’: kuntratt fejn ikun stabbilit li x-xogħol isir fuq bażi full‑time imma biss fir-rigward ta’ perijodi limitati li huma stabbiliti minn qabel matul kull ġimgħa, xahar jew sena;

d(ii) ‘kuntratt ta’ xogħol part‑time tat-tip imħallta’: kuntratt li jgħaqqad iż-żewġ tipi ta’ relazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi (ċ) u (d) iktar ’il fuq;

e)      ‘xogħol supplimentari’: xogħol li jsir barra mis-sigħat tax-xogħol miftehma bejn il-partijiet skont it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2(2) u fil-limiti tax-xogħol full‑time”.

10      L-Artikolu 9(1) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2000 jipprovdi s-segwenti:

“1.      Il-paga fis-siegħa minima, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala l-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet soċjali dovuti mill-ħaddiema part‑time, għandha tiġi stabbilita billi n-numru ta’ ġranet maħduma f’ġimgħa partikolari fejn jinħadmu sigħat normali jiġi mmultiplikat bil-minimu ta’ kuljum imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 463 tat-12 ta’ Settembru 1983, emendat bil-Liġi Nru 638, tal-11 ta’ Novembru 1983, u billi r-riżultat miksub jiġi diviż bin-numru ta’ sigħat maħduma kull ġimgħa fejn jinħadmu sigħat ta’ xogħol normali, kif provdut fil-ftehim kollettiv settorjali nazzjonali għall-ħaddiema full‑time.

[…]

4.      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar f’każ fejn kuntratt ta’ xogħol full‑time jiġi konvertit f’kuntratt ta’ xogħol part‑time jew viċe versa, il-perijodi ta’ xogħol full‑time għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha kemm huma filwaqt li l-perijodi ta’ xogħol part time għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni proporzjonalment skont is-sigħat effettivament maħduma”.

 Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 463, tat-12 ta’ Settembru 1983

11      L-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 463, tat-12 ta’ Settembru 1983, dwar miżuri ta’ urġenza fil-qasam tal-assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa u għall-kontroll tal-ispejjeż pubbliċi, dispożizzjonijiet applikabbli għal diversi setturi tal-amministrazzjoni pubblika u li jġeddu ċerti termini (ĠURI Nru 250, tat-12 ta’ Settembru 1983), kif emendata bil-Liġi Nru 638, tal-11 ta’ Novembru 1983, jistabbilixxi:

“1.      Għall kull sena kalendarja wara l-1983, in-numru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kull ġimgħa li jiġu akkreditati lill-ħaddiema impjegati matul is-sena sabiex tiġi kkalkolata l-pensjoni ta’ rtirar li titħallas mill-[INPS] għandu jkun daqs in-numru ta’ ġimgħat ta’ dik is-sena li għalihom tkun ħarġet il-paga jew li huma rrikonoxxuti li huma ekwivalenti skont ir-regoli applikabbli [perijodi li jixbhu l-perijodi li għalihom ikun sar ħlas], salv li, għal kull ġimgħa minn dawn, ir-remunerazzjoni mħallsa, dovuta jew akkreditata virtwalment ma tkunx inqas minn 30 % tal-pensjoni minima ta’ kull xahar imħallsa mill-Fond għall-pensjonijiet tal-ħaddiema impjegati. B’effett mill-perijodu tal-ħlas li jkopri l-1 ta’ Jannar 1984, il-limitu minimu għall-ħlas ta’ kuljum, inkluż il-minimu ta’ kuljum tal-paga medja miftehma, għall-kontribuzzjonijiet kollha dovuti fir-rigward tal-assigurazzjoni soċjali u l-assistenza soċjali, ma jistax ikun inqas minn 7.5 % tal-pensjoni minima ta’ kull xahar imħallsa mill-Fond għall-pensjonijiet tal-ħaddiema impjegati fl-1 ta’ Jannar tas-sena rilevanti.

2.      Jekk dan ma jkunx il-każ, il-persuna kkonċernata għandha tiġi akkreditata b’numru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kull ġimgħa, li jkun daqs ir-riżultat sal-ikbar eqreb numru sħiħ miskub, billi tiġi diviża r-remunerazzjoni totali mħallsa, dovuta jew akkreditata virtwalment matul is-sena kalendarja bir-remunerazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti. Bla ħsara għat-tul attwali tal-perijodu tal-assigurazzjoni, il-kontribuzzjonijiet stabbiliti b’dan il-mod għandhom jiġu allokati lill-perijodu li jinkludi l-istess numru ta’ ġimgħat li għalihom tkun tħallset remunerazzjoni jew tkun ġiet akkreditata virtwalment daqs kemm ikun hemm kontribuzzjonijiet imħallsa, li jmorru lura għall-aħħar ġimgħa li tkun inħadmet jew akkreditata virtwalment f’dik is-sena.

3.      Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi preċedenti għandhom japplikaw għall-perijodi wara l-31 ta’ Diċembru 1983 fir-rigward tad-dritt għall-benefiċċji li ma humiex pensjonijiet, li għalihom hemm obbligu ta’ kontribuzzjoni min-naħa tal-INPS.

4.      Għas-sena li fiha tibda l-pensjoni, in-numru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kull ġimgħa li għandhom jiġu akkreditati lill-ħaddiema għall-perijodu bejn l-ewwel ġurnata tas-sena u d-data tal-irtirar għandu jiġi stabbilita billi jiġu applikati r-regoli fil-paragrafi preċedenti u dan biss għall-ġimgħat li huma inklużi fil-perijodu rilevanti li jkunu effettivament inħadmu jew li jkunu wasslu għal kreditu virtwali. L-istess kriterju japplika għal benefiċċji soċjali u ta’ assistenza.

5.      Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ta’ dan l-artikolu ma japplikawx għall-ħaddiema li jipprovdu servizzi domestiċi u familjari, għall-ħaddiema agrikoli, għall-apprentisti u għall-perijodi ta’ servizz militari jew simili. […]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

12      Il-konvenuti fil-kawżi prinċipali huma membri tal-ekwipaġġ tal-kumpannija tal-ajru Alitalia. Dawn l-impjegati jaħdmu part‑time, skont il-formula msejħa “part‑time vertikali li jalterna”. Dan huwa metodu ta’ organizzattiv fejn l-impjegat jaħdem biss matul ċerti ġimgħat jew ċerti xhur tas-sena billi jaħdem sigħat sħaħ jew imnaqqsa. Huma jsostnu li, minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom bħala membri tal-ekwipaġġ, il-part‑time vertikali li jalterna huwa l-uniku metodu ta’ xogħol part‑time previst mill-ftehim kollettiv tagħhom.

13      Dawn l-impjegati jikkritikaw lill-INPS talli ħadet inkunsiderazzjoni biss, bħala perijodi kontributorji utli sabiex jinksibu d-drittijiet għal pensjoni, il-perijodi maħduma, bl-esklużjoni tal-perijodi mhux maħduma li jikkorrispondu għat-tnaqqis fis-sigħat tagħhom meta mqabbla ma’ ħaddiema full‑time paragunabbli. Għalhekk, huma ppreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunale di Roma sabiex jikkontestaw ir-rendikonti individwali tal-perijodi kontributorji li l-INPS kien bagħatilhom. F’dawn ir-rikorsi, l-impjegati essenzjalment sostnew li l-esklużjoni tal-perijodi mhux maħduma toħloq trattament differenti bejn il-ħaddiema part‑time tat-tip vertikali li jalterna u dawk li għażlu l-formula msejħa “orizzontali”, peress li dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża għal perijodu ta’ xogħol ekwivalenti. Peress li din il-qorti laqgħet l-imsemmija rikorsi, l-INPS appella quddiem il-Corte d’appello di Roma. Insostenn tal-appell, l-INPS essenzjalment isostni li l-perijodi kontributorji rilevanti għall-kalkolu tal-benefiċċji ta’ pensjonijiet huma dawk li matulhom il-konvenuti fil-kawżi prinċipali effettivament ħadmu u li taw lok għal remunerazzjoni kif ukoll għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, fejn dan il-kalkolu twettaq pro rata temporis.

14      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte d’appello di Roma ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, miktuba b’mod identitku fiż-żewġ kawżi prinċipali:

“1)      Ir-regola fil-leġiżlazzjoni Taljana stabbilita fl-Artikolu 7(1) tal-Liġi 638/83 [, tal‑11 ta’ Novembru 1983,] li tirriżulta f’sitwazzjoni fejn il-perijodi mhux maħduma bħala part‑time vertikali ma jitqisux bħala perijodi ta’ kontribuzzjoni [li jikkwalifikaw] għall-ksib ta’ dritt għal pensjoni, hija konformi mad-Direttiva 97/81/KE, u b’mod partikolari, mal-[klawżola] 4 [tal-Ftehim Qafas] dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni?

2)      L-imsemmija sistema nazzjonali hija konformi mal-imsemmija Direttiva [97/81/KE], u b’mod partikolari, mal-klawżola 1 [tal-Ftehim Qafas], li tipprovdi li s-sistema nazzjonali għandha tiffaċilita l-iżvilupp tax-xogħol part‑time, mal-klawżola 4 u mal-klawżola 5, li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jeliminaw l-ostakoli ta’ natura legali li jillimitaw l-aċċess għal xogħol part‑time, peress li mhemmx dubju li n-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-pensjoni, ta’ ġimgħat mhux maħduma, jikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv fl-għażla ta’ xogħol part‑time tat-tip vertikali?

3)      Il-klawżola 4 [tal-Ftehim Qafas] dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tista’ testendi [u]koll għal tipi differenti ta’ kuntratti part‑time, sa fejn, fil-każ ta’ xogħol part‑time orizzontali, għal numru identiku ta’ sigħat maħduma u mħallsa fis-sena kalendarja, il-ġimgħat kollha tas-sena kalendarja jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għad-differenza ta’ xogħol part time vertikali?”

15      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2008, il-Kawżi C‑395/08 u C‑396/08 inaqgħdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

16      L-INPS iqis li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli, peress li, kemm mill-perspettiva ratione materiae kif ukoll minn dik ratione temporis, il-Ftehim Qafas huwa inapplikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

17      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li d-deċiżjonijiet ta’ rinviju huma nieqsa minn preċiżjoni fir-rigward tas-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-kawżi prinċipali u, għalhekk, tesponi wkoll ċerti dubji dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmija talbiet.

18      Għandu qabel kollox jitfakkar li fil-kuntest tal-proċedura stabbilta mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li titressaq quddiemha l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 43, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C‑414/07, Ġabra p. I‑10921, punt 22).

19      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropa mressqa mill-qorti nazzjonali f’kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex ġuriżdizzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod mhija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’din il-kawża, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw in-natura eventwalment diskriminatorja fir-rigward tal-ħaddiema li għażlu ċertu tip ta’ xogħol part‑time, f’dan il-każ il-part‑time vertikali li jalterna, bħala metodu għall-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompattibbiltà ta’ dawn il-metodi ta’ kalkolu mad-Direttiva 97/81. Fid-deċiżjonijiet tar-rinviji tagħha, din il-qorti spjegat ir-raġunijiet għaliex hija tqis li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma rilevanti u utli għad-deċiżjoni tal-kawżi mressqa quddiemha. Għalkemm dawn id-deċiżjonijiet ma jinkludux spjegazzjoni eżawrjenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, huma suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha. Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmija direttiva u l-Ftehim Qafas humiex applikabbli għall-kważi prinċipali, dan ser jiġi eżaminat fl-istadju tal-analiżi tal-mertu tad-domandi preliminari.

21      Għaldaqstant, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

 Fuq il-mertu

22      Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżoli 1, 4, u 5 tal-Ftehim Qafas jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sa fejn din, fir-rigward tal-ħaddiema part‑time vertikali li jalternaw, teskludi l-perijodi mhux maħduma mill-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb dritt għal pensjoni ta’ rtirar, filwaqt li l-ħaddiema part‑time orizzontali u dawk li jaħdmu full‑time ma humiex suġġetti għat-tali regola.

23      L-ewwel nett għandu jiġi stabbiliti jekk, u jekk ikun il-każ sa fejn, sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqgħux, kemm mill-perspettiva ratione materiae kif ukoll minn dik ratione temporis, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/81 u tal-Ftehim Qafas.

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas


 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

24      Id-Direttiva 97/81 u l-Ftehim Qafas huma intiżi, minn naħa, sabiex jippromwovu x-xogħol part‑time, u min-naħa l-oħra, sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part‑time u l-ħaddiema full‑time (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Michaeler et, C‑55/07 u C‑56/07, Ġabra p. I‑3135, punt 21).

25      Skont l-għan li tiġi eliminata diskriminazzjoni bejn ħaddiema part‑time u ħaddiema full‑time, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tipprekludi li ħaddiema part‑time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full‑time paragunabbli biss minħabba li huma jaħdmu part‑time, kemm-il darba trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

26      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet għal pensjoni tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ Alitalia jikkostitwixxux kundizzjonijiet ta’ impjieg skont l-imsemmija klawżola 4.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, billi adotta d-Direttva 97/81 intiża li timplementa l-Ftehim Qafas, ibbaża ruħu fuq il-Ftehim dwar il-politika soċjali konkluż bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1992, C 191, p. 91), Anness mal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali annessa mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-politika soċjali”), u b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 4(2) tiegħu, li jipprovdi li l-implementazzjoni tal-ftehim konklużi fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea jidħlu fil-qasam li jaqa’ taħt l-Artikolu 2 tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-politika soċjali ġew, rispettivament, riprodotti fl-Artikoli 139(2) KE u 137 KE.

28      Fost l-oqsma msemmija, hemm, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali, il-“kondizzjonijet ta’ xogħol”, dispożizzjoni li ġiet riprodotta fl-Artikolu 137(1)(b) KE, kif emendat bit-Trattat ta’ Nizza. Għandu jiġi kkonstata li l-kliem użat minn din id-dispożizzjoni tal-Ftehim dwar il-politika soċjali, kif ukoll il-kliem użat mill-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas ma jippermettux, waħedhom, li jiġi deċiż jekk il-kundizzjonijiet ta’ xogħol jew il-kundizzjonijiet ta’ impjieg, rispettivament imsemmija f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jinkludux jew le l-kundizzjonijiet relatati ma’ elementi bħalma huma l-pagi u l-pensjonijiet fil-kawżi prinċipali. Għalhekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti din il-klawżola (ara, b’mod partikolari, is-sentenza, tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 110).

29      F’dan ir-rigward, minn kliem il-klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa “li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part‑time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part‑time”. Bl-istess mod, fit-tieni paragrafu tiegħu, il-Preambolu tal-Ftehim Qafas jispeċifika li dan “[j]uri d-disposizzjoni ta’ l-imsieħba soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part‑time u li jgħinu l-iżvilupp ta’ l-opportunitajiet għal xogħol part‑time fuq bażi aċċettabbli għal min iħaddem u għall-ħaddiema”; dan l-għan huwa enfasizzat ukoll fil-ħdax-il premessa tad-Direttiva 97/81.

30      Il-Ftehim Qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, ifittex għalhekk għan li jifforma parti mill-għanijiet fundamentali misjuba fl-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar il-politika soċjali u riprodott fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE, kif ukoll fit-tielet paragrafu tal-Preambolu tat-Trattat FUE u fil-punt 7 u fl-ewwel paragrafu tal-punt 10 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata matul laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989 u li għaliha tagħmel riferiment id-dispożizzjoni KE msemmija iktar ’il fuq. Dawn l-għanijiet fundamentali huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ għixien u ta’ xogħol kif ukoll mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema. Dan jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema part‑time u li tiġi żgurata l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, kif jixhdu t-tielet u t-tielet-u-għoxrin premessa tad-Direttiva 97/81.

31      Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 136 KE, li jiddefinixxi l-għanijiet li fid-dawl tagħhom il-Kunsill jista’, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 137 KE, jimplementa, skont l-Artikolu 139(2) KE, ftehim konklużi bejn imsieħba soċjali fuq livell tal-Unjoni, jagħmel riferiment għall-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961, li fil-parti I(4) tagħha ssemmi d-dritt tal-ħaddiema kollha għal “paga xierqa li tiggarantilhom, kif ukoll lill-familji tagħhom, livell ta’ ħajja sodisfaċjenti” (traduzzjoni mhux uffiċjali) fost l-għanijiet li l-partijiet kontraenti impenjaw ruħhom li jilħqu, skont l-Artikolu 20 li jinsab fil-Parti III ta’ din il-Karta (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113).

32      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod ristrettiv (ara, b’analoġija, is-sentenzi, tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, Ġabra p. I‑7109, punt 38, u Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114).

33      Interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas li teskludi mill-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tal-impjieg”, skont dan il-ftehim, il-kundizzjonijiet finanzjarji bħal dawk marbuta mar-remunerazzjoni u mal-pensjonijiet, ikollha l-effett li tnaqqas, b’kuntrast mal-għan mogħti lill-imsemmija klawżola, il-kamp ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati, billi tintroduċi distinzjoni, ibbażata fuq in-natura tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, li t-termini ta’ din il-klawżola bl-ebda mod ma jissuġġerixxu.

34      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni twassal sabiex iċċaħħad minn kull utilità r-riferiment, li hemm fil-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas, għall prinċipju ta’ pro rata temporis , prinċipju li skont id-definizzjoni tiegħu stess japplika biss fil-preżenza ta’ benefiċċji diviżibbli, bħal dawk li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet finanzjarji tal-impjieg marbuta, pereżempju, mar-remunerazzjoni u mal-pensjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116).

35      Għalkemm huwa ċertament minnu li, skont kliem l-Artikolu 2(6) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali, kif riprodott fl-Artikolu 137(5) KE, kif emendat bit-Trattat ta’ Nizza, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, “m’għandhomx japplikaw għall-paga, għad-dritt ta’ l-assoċjazzjoni, għad-dritt ta’ l-istrike jew għad-dritt ta’ l-impożizzjoni ta’ lock-outs”. Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba din id-dispożizzjoni tidderoga mill-paragrafi 1 sa 4 tal-istess artikolu, l-oqsma rriżervati mill-imsemmi paragrafu 5 għandhom jiġu suġġetti għal interpretazzjoni stretta b’mod li ma tiġix effettwata indebitament la l-portata tal-imsemmija paragrafi 1 sa 4 u li lanqas ma jiġu ppreġudikati l-għanijiet imfittxa mill-Artikolu 136 KE (ara s-sentenzi ċċitata iktar’il fuq, Del Cerro Alonso, punt 39 u Impact, punt 122).

36      F’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-eċċezzjoni marbuta mal-“pagi” msemmija fl-Artikolu 137(5) KE, diġà ġie deċiż li din hija dovuta għall-fatt li l-iffissar tal-livell tal-pagi jaqa’ taħt l-awtonomija kuntrattwali tal-imsieħba soċjali fuq skala nazzjonali kif ukoll taħt il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġie deċiż li, fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, li d-determinazzjoni tal-livell tal-pagi tiġi eskluża minn armonizzazzjoni abbażi tal-Artikoli 136 KE et seq (ara s-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, Del Cerro Alonso, punti 40 u 46, kif ukoll Impact, punt 123).

37      Konsegwentement, l-imsemmija eċċezzjoni għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda l-miżuri li, bħal uniformalizzazzjoni ta’ parti minn, jew tal-elementi kollha li jikkostitwixxu l-pagi u/jew il-livell tagħhom fl-Istati Membri jew saħansitra l-iffissar ta’ salarju minimu, ikunu jinvolvu interferenza diretta mad-dritt tal-Unjoni fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni fi ħdan din tal-aħħar. Madankollu, din ma tistax tiġi estiża għal kull kwistjoni li tippreżenta xi tip ta’ rabta mar-remunerazzjoni, inkella wħud mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 137(1) KE jiġu mċaħħda minn parti kbira mis-sustanza tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 125)

38      Minn dan isegwi li r-riżerva msemmija fl-Artikolu 2(6) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali u riprodott fl-Artikolu 137(5) KE ma tipprekludix li l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas tinftiehem bħala li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu, favur ħaddiema part‑time, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni anki fil-qasam tar-remunerazzjoni, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni, meta dan ikun xieraq, il-prinċipju pro rata temporis.

39      Għalkemm huwa veru, li d-determinazzjoni tal-livell tad-diversi elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni ta’ ħaddiem ma taqax taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni u jibqgħu bla ebda dubju taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri differenti, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Unjoni, dawn l-awtoritajiet huma marbuta li josservaw id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129) b’mod partikolari l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

40      Minn dan isegwi li, kemm fid-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni kif ukoll f’dik tal-livell ta’ dawn l-elementi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom japplikaw, fir-rigward tal-ħaddiema part‑time, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni hekk kif stabbilit mill-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

41      F’dak li jirrigwarda l-pensjonijiet, għandu jiġi speċifikat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kuntest tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE u wara, b’effett mill-1 ta’ Mejju 1999, fil-kuntest tal-Artikolu 141 KE, li huma l-artikoli dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tar-remunerazzjoni, jiffurmaw parti mill-kunċett ta’ “paga”, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 141(2) KE, il-pensjonijiet li jiffurmaw parti mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah bl-esklużjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn sistema legali li hija ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet min-naħa tal-ħaddiema, tal-prinċipal u, eventwalment, tal-awtoritajiet pubbliċi b’tali mod li jkun iktar ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjeg (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-25 ta’ Mejju 1971, Defrenne, 80/70, Ġabra p. 445, punti 7 u 8; tat-13 ta’ Mejju 1986, Bilka-Kaufhaus, 170/84, Ġabra p. 1607, punti 16 sa 22; tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber, C‑262/88, Ġabra p. I‑1889, punti 22 sa 28, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02, Ġabra p. I‑12575, punti 56 sa 64).

42      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jitqies li jiffurmaw parti mill-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dawk il-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali ta’ sigurtà soċjali, li jkunu iktar jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg (ara, b’analoġija, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 132).

43      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-indikazzjoni msemmija fit-tielet paragrafu tal-Preambolu tal-Ftehim Qafas, li jgħid li l-partijiet għal dan il-ftehim “jirrikonoxx[u] li kwistjonijiet relatati ma’ sigurtà soċjali statutorja huma għal deċiżjoni mill-Istati Membri” u tqis li d-Dikjarazzjoni fuq ix-xogħol, adottata mill-Kunsill Ewropew mlaqqa f’Dublin f’Diċembru 1996, li tenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa li s-sistemi ta’ sigurtà soċjali jiġu addattati għall-mudelli l-ġodda ta’ impjieg sabiex tiġi offruta protezzjoni soċjali xierqa lill-persuni impjegati fil-kuntest ta’ tali mudelli, għandha tingħata effett.

44      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li l-Ftehim Qafas, peress li ġie konkluż mill-imsieħba soċjali rrappreżentati minn organizzazzjonijiet interprofessjonali, la huwa intiż li jirregola l-kwistjonijiet li jittrattaw is-sigurtà soċjali u lanqas li jimponi obbligi fuq il-korpi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, peress li dawn ma humiex parti għal dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza, tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C‑537/07, Ġabra p. I-6525, punti 48 sa 50).

45      Peress li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas tapplika għall-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min jimpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali tas-sigurtà soċjali, għandu wkoll jiġi ddeterminat jekk l-iskema ta’ pensjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali taqax taħt kategorija waħda jew oħra. Sabiex dan isir, għandhom jiġu applikati, b’analoġija, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk pensjoni ta’ rtirar tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 141 KE.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-pensjoni ta’ rtirar imħallsa lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu ma min kien preċedentement jimpjegah, jiġifieri l-kriterju tal-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess tal-Artikolu 141 KE, li jista’ jkun determinanti. Madanakollu, dan il-kriterju ma jistax ikollu natura esklużiva, peress li l-pensjonijiet imħallsa mis-sistema legali ta’ sigurtà soċjali jistgħu, totalment jew parzjalment, jieħdu inkunsiderazzjoni r-remunerazzjoni tal-attività. Issa, tali pensjonijiet ma jikkostitwixxux remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 141 KE (ara sentenza Schönheit u Becker, iċċitati iktar ’il fuq, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni tal-Istat, ta’ etika jew anki l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja li kellhom jew li seta’ kellhom rwol fit-tfassil ta’ skema mil-leġiżlatur nazzjonali jistgħu jieħdu preċedenza biss jekk il-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jekk hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz moqdi u jekk l-ammont tagħha huwa kkalkulat abbażi tal-aħħar salarju (ara s-sentenza Schönheit u Becker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk pensjoni ta’ rtirar imħallsa skont skema bħal dik applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ Alitalia tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi eżaminat jekk din il-pensjoni tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Hija l-qorti nazzjonali, li hija biss għandha l-ġuridizzjoni li tevalwa l-fatti tal-kawżi mressqa quddiemha u li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li għandha tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

49      Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza,tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Il-fatt li l-iskema ta’ pensjoni tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ Alitalia hija amministrata minn korp pubbliku, bħalma huwa l-INPS, li, barra minn hekk, imexxi, skont il-liġi, is-sistema tas-sigurtà soċjali Taljna, ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din l-iskema ta’ pensjoni taqax taħt is-sistema legali tas-sigurtà soċjali jew, kuntrarjament, taħt il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008 Maruko, C‑267/06, Ġabra p. I‑1757, punt 57).

51      Bl-istess mod, in-natura – pubblika jew privata – ta’ ħidmet Alitalia ma tikkostitwixxix kriterju determinanti, peress li l-ġurisprudenza diġà rrikonoxxiet li, jekk it-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza huma sodisfatti, il-pensjoni li persuna li tħaddem pubblika tħallas lill-uffiċjal hija għalhekk assolutament paragunabbli ma’ dik li persuna li tħaddem privata tħallas lill-ħaddiema preċedenti tagħha (ara s-sentenza Schönheit u Becker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis

52      L-INPS essenzjalment isostni li l-Ftehim Qafas jista’ jiġi applikat biss għall-perijodi ta’ impjieg wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 97/81, jiġifieri d-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2000. Issa, fir-rigward ta’ T. Bruno, D. Lotti u C. Matteucci, il-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jiksbu id-dritt għal pensjoni huwa relatat, totalment jew parzjalment, ma perijodi preċedenti għall-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, li, għalhekk, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, regola ġdida tapplika, sakemm ma hemmx deroga, immedjatament fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 7, u tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31; tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, Ġabra p. I‑3567, punt 21; tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465, punt 43, kif ukoll, tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945, punt 61).

54      Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, la d-Direttiva 97/81 u lanqas il-Ftehim Qafas ma jidderogaw mill-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti.

55      Għaldaqstant, il-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb dritt għal pensjoni ta’ rtirar bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/81, u dan anki fir-rigward tal-perijodi ta’ attività preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

–       Fuq l-ewwel domanda

56      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta l-effett tagħha, fir-rigward ta’ xogħol part‑time vertikali li jalterna, huwa li l-perijodi mhux maħduma jiġu esklużi mill-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar.

57      Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas tipprovdi li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-ħaddiema part‑time ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema full‑time paragunabbli biss minħabba li huma jaħdmu part‑time, kemm-il darba trattament differenti ma huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

58      Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jifforma parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza, tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel, C‑313/02, Ġabra p. I‑9483, punti 54 u 56).

59      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-perijodi mhux maħduma tal-ħaddiema part‑time vertikali li jalterna jiġu esklużi mill-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar, biss minħabba li huma jaħdmu part‑time, iwassalx sabiex huma jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full‑time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

60      F’dan ir-rigward, il-klawżola 3 tal-imsemmi ftehim qafas tipprovdi kriterji ta’ definizzjoni ta’ “ħaddiem full‑time ta’ l-istess tip”. Dan huwa ddefinit, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ din il-klawżola bħala “ħaddiem full‑time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/ kapaċità”. Skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ din l-istess klawżola, meta ma hemm l-ebda ħaddiem full‑time paragunabbli fl-istess stabbiliment, “il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv, jew meta ma hemmx ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv u prattika”.

61      Għal ħaddiem full‑time, it-tul meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar jikkorrispondi għat-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, għall-ħaddiema part-time vertikali li jalterna, l-anzjanità mhijiex ikkalkolata fuq l-istess bażi, għaliex din tiġi kkalkolata biss fuq it-tul tal-perijodi effettivament maħduma, fejn it-tnaqqis tas-sigħat ta’ xogħol jiġi inkluż fil-kalkolu.

62      Għalhekk, ħaddiem full‑time jibbenefika, għal perijodu ta’ impjieg ta’ tnax-il xahar konsekuttiv, minn sena ta’ anzjanità għal finijiet tad-determinazzjoni tad-data li fiha huwa jista’ jinvoka dritt għal pensjoni. Min-naħa l-oħra, ħaddiem f’sitwazzjoni paragunabbli li għażel, skont il-formula tal-part‑time vertikal li jalterna, tnaqqis ta’ 25 % fis-sigħat ta’ xogħol tiegħu, ser jiġi kkreditat, għall-istess perijodu, b’anzjanità li tkun biss tammonta għal 75 % tal-perijodu ta’ anzjanità tal-kollega tiegħu li jaħdem full‑time, u dan biss għaliex huwa jaħdem part‑time. Isegwi li, filwaqt li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom huma ta’ tul effettivament ekwivalenti, il-ħaddiem part‑time jikseb l-anzjanità li tatih dritt għal pensjoni ta’ rtirar b’ritmu iktar bil-mod mill-ħaddiem full‑time. Għaldaqstant, it-trattament differenti huwa bbażat biss fuq il-fatt li x-xogħol huwa part‑time.

63      Kemm l-INPS kif ukoll il-Gvern Taljan essenzjalment isostnu li l-imsemmija differenza ma tikkostitwixxix trattament inugwali sa fejn il-ħaddiema full‑time u dawk part‑time vertikali li jalterna ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Huma jsostnu li l-ħaddiema f’kull waħda minn dawn il-kategoriji jiksbu biss l-anzjanità li tikkorrispondi għall-perijodi effettivament maħduma. Għalhekk, huma jenfasizzaw li l-persuni li jħaddmu jħallsu l-kontribuzzjonijiet soċjali biss għall-perijodi maħduma u li, fir-rigward tal-perijodi mhux maħduma, id-dritt Taljan joffri lill ħaddiema part‑time kollha l-possibbiltà li jinxtraw krediti tal-anzjanità b’mod volontarju.

64      Madankollu, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part‑time u l-ħaddiema full‑time japplika għall-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li fosthom hemm ir-remunerazzjoni, kunċett li, kif ġie espost fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza preżenti, jinkludi wkoll il-pensjonijiet, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali li jaqgħu taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema part‑time għandha tkun daqs ir-remunerazzjoni ta’ ħaddiema full‑time, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis stabbilit fil-klawżola 4(2) tal-Ftehim Qafas.

65      Għalhekk, il-kalkolu tal-ammont ta’ pensjoni jiddependi direttament fuq il-kwantità ta’ xogħol maħdum mill-ħaddiem u fuq il-kontribuzzjonijiet korrispondenti, skont il-prinċipju pro rata temporis. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix li pensjoni ta’ rtirar tiġi kkalkolata pro rata temporis fil-każ ta’ xogħol part‑time. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwantità ta’ xogħol effettivament maħdum minn ħaddiem part‑time matul il-karriera tiegħu, imqabbel ma’ dak ta’ ħaddiem li jkun ħadem fuq bażi full‑time matul il-karriera sħiħa tiegħu, jikkostitwixxi kriterju oġġettiv li jippermetti tnaqqis proporzjonali fid-drittijiet tiegħu għal pensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Schönheit u Becker, punti 90 u 91, kif ukoll Gómez-Limón Sánchez-Camacho, punt 59).

66      Min-naħa l-oħra, il-prinċipju pro rata temporis ma japplikax għad-determinazzjoni tad-data għal ksib tad-dritt għal pensjoni, sa fejn din tiddependi esklużivament fuq it-tul tal-anzjanità miksuba mill-ħaddiem. Fil-fatt, din l-anzjanità tikkorrispondi għat-tul effettiv tar-relazzjoni ta’ impjieg u mhux għall-kwantità ta’ xogħol ipprovudut matul din ir-relazzjoni ta’ impieg. Għalhekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema part‑time u ħaddiema full‑time jimplika li t-tul ta’ anzjanità meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data għall-kisba ta’ dritt għal pensjoni għandha tiġi kkalkolata għal ħaddiem part‑time bħal li kieku kien jokkupa pożizzjoni full‑time, fejn il-perijodi mhux maħduma għandhom jiġu integralment kkunsidrati.

67      It-trattament differenti kkonstatat fil-punti 61 u 62 tas-sentenza preżenti huwa enfasizzat ukoll mill-fatt li mid-diskussjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li x-xogħol part‑time vertikali li jalterna huwa l-uniku metodu ta’ xogħol part‑time li huwa disponibbli għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ Alitalia skont il-ftehim kollettiv applikabbli għalihom.

68      Isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali titratta l-ħaddiema part‑time vertikali li jalterna b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full‑time paragunabbli, u dan biss minħabba l-fatt li huma jaħdmu part‑time.

69      Madankollu, mill-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas jirriżulta li tali trattament differenti jitqies li huwa konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jekk dan huwa ġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

70      Mistiedna jispjegaw ir-raġunijiet li jippermettu li l-imsemmi trattament differenti jiġi ġġustifikat, l-INPS u l-Gvern Taljan iddikjaraw, matul is-seduta, li kuntratt ta’ xogħol part‑time vertikali li jalterna huwa, fid-dritt Taljan, meqjus bħala sospiż matul il-perijodi mhux maħduma peress li l-ebda remunerazzjoni jew kontribuzzjoni ma titħallas matul dawn il-perijodi.

71      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li din il-ġustifikazzjoni hija, prima facie, diffiċilment kompatibbli mal-fatt li l-proċessi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja u d-diskussjonijiet quddiem din tal-aħħar urew li, fir-rigward ta’ impjegati mas-servizz pubbliku, il-leġiżlazzjoni Taljana espressament tipprovdi, fl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 554, tad-29 ta’ Diċembru 1988, dwar dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ impjieg pubbliku (GURI Nru 1, tat-2 ta’ Jannar 1989) li, “għal kisba ta’ dritt għal pensjoni mingħand l-amministrazzjoni kkonċernata […], is-snin ta’ servizz b’sigħat imnaqqsa għandhom jiġu integralment ikkunsidrati”. Din id-differenza fis-sistema diġà tippermetti li jintefa’ dubju fuq ir-rilevanza tal-ġustifikazzjoni invokata mill-INPS u mill-Gvern Taljan.

72      It-tieni nett, hemm lok li jitfakkar li, skont il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas, il-ħaddiem part‑time huwa ddefinit hekk sempliċiment għaliex is-sigħat normali ta’ xogħol li jaħdem huma inqas minn dawk ta’ ħaddiem full‑time paragunabbli. Għalhekk, ix-xogħol part‑time jikkostitwixxi metodu ta’ eżekuzzjoni partikolari tar-relazzjoni ta’ impjieg li huwa kkaratterizzat biss mill-fatt li hemm tnaqqis fis-sigħat normali ta’ xogħol. Madankollu, din il-karatteristika ma tistax tiġi assimilata mal-każ fejn l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol, full‑time jew part‑time, hija sospiża minħabba impediment jew minħabba interruzzjoni temporanja dovuta għall-ħaddiem, l-impriża jew għal raġuni esterna. Fil-fatt, il-perijodi mhux maħduma, li jikkorrispondu għat-tnaqqis tas-sigħat ta’ xogħol previsti fil-kuntratt ta’ xogħol part‑time, jirriżulta mill-eżekuzzjoni normali ta’ dan il-kuntratt u mhux mis-sospensjoni tiegħu. Ix-xogħol part‑time ma jimplikax interruzzjoni tal-impjieg (ara, b’analoġija max-xogħol maqsum, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Hill u Stapleton, C‑243/95, Ġabra p. I‑3739, punt 32).

73      Għalhekk, sa fejn l-argument tal-INPS u tal-Gvern Taljan jista’ jinftiehem bħala intiż li jsostni li t-trattament differenti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa ġġustifikat mill-fatt li l-perijodi li jikkorrispondu għat-tnaqqis fis-sigħat ta’ kuntratt ta’ xogħol part‑time għandhom l-effett li jissospendu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, dan l-argument jikkuntrasta mad-definizzjoni ta’ part‑time li tinsab fil-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas u jċaħħad minn kull effett utli l-prinċipju, stabbiliti fil-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas, li jipprojbixxi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li l-ħaddiema part‑time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full‑time paragunabbli biss minħabba li huma jaħdmu part‑time.

74      Anki jekk jiġi meqjus li l-imsemmi argument għandu jinftiehem bħala intiż li juri li t-trattament differneti bejn il-ħaddiema part‑time vertikali li jalterna u l-ħaddiema full‑time huwa ġġustifikat minn raġunijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha, sa fejn id-dritt nazzjonali jatiha marġini ta’ diskrezzjoni, tinterpreta u tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u, sa fejn tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, ma tapplikax kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dawn ir-rekwiżiti (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Frigerio Luigi & C., C‑357/06, Ġabra p. I‑12311, punt 28).

75      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, fir-rigward tal-pensjonijiet ta’ rtirar, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sena li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tal-ħaddiema part‑time vertikali li jalterna, teskludi l-perijodi mhux maħduma mill-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb dritt għal tali pensjoni, kemm-il darba tali trattament differenti ma huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

–       Fuq it-tieni domanda

76      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżoli 1 u 5(1) tal-Ftehim Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali sa fejn din tikkostitwixxi, għall-ħaddiema, ostaklu sinjifikattiv fl-għażla tax-xogħol part‑time vertikali li jalterna.

77      Mill-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas jirriżulta b’mod partikolari li din għandha għan doppju li jikkonsisti minn naħa, fil-promozzjoni tax-xogħol part‑time billi tittejjeb il-kwalità tiegħu u, min-naħa l-oħra, fl-eliminazzjoni tad-diskriminazzjonijiet bejn il-ħaddiema part‑time u l-ħaddiema full‑time (ara s-sentenza Michaeler et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

78      Il-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas timponi, skont dan l-għan doppju, fuq l-Istati Membri l-obbligu li “jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għal xogħol part‑time u, meta approprjat, jeliminawhom”.

79      Issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, inkwantu tirrigwarda l-pensjonijiet ta’ rtirar li jiddependu fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg, bl-esklużjoni ta’ dawk li jirriżultaw mis-sistema legali tas-sigurtà soċjali, billi mill-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa għall-kisba tad-dritt għal pensjoni teskludi l-perijodi mhux maħduma, din tistabbilixxi trattament differenti bejn il-ħaddiema part‑time vertikali li jalterna u l-ħaddiema full‑time u, għalhekk, tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 67 tas-sentenza preżenti, dan it-trattament differenti huwa enfasizzat mill-fatt li l-part‑time vertikali li jalterna huwa l-uniku metodu ta’ xogħol part‑time offrut lill-membri tal-ekwipaġġ ta’ Alitalia.

80      L-akkumulazzjoni ta’ dawn l-elementi x’aktarx tagħmel inqas attraenti x-xogħol part‑time għal din il-kategorija ta’ ħaddiema, u saħansitra tiddiswadi lil dawn tal-aħħar milli jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom skont dan il-metodu, sa fejn tali għażla twassal sabiex id-data tal-kisba tad-dritt għall-pensjoni tagħhom titressaq il-quddiem b’mod proporzjonalment ugwali għat-tnaqqis fis-sigħat ta’ xogħol tagħhom meta mqabbla mal-kategorija ta’ ħaddiema full‑time paragunabbli. Effetti bħal dawn manifestament imorru kontra l-għan tal-Ftehim Qafas li huwa li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tax-xogħol part‑time.

81      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija inkompatibbli mal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, il-klawżoli 1 u 5(1) tal-imsemmi Ftehim Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li anki dawn jipprekludu tali leġiżlazzjoni.

–       Fuq it-tielet domanda

82      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għadhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi, minbarra d-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part‑time u ħaddiema full‑time paragunabbli, id-diskriminazzjoni bejn il-forom differenti ta’ xogħol part‑time, bħalma huma x-xogħol part‑time vertikali li jalterna u x-xogħol part‑time orizzontali.

83      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għaż-żewġ domandi preċedenti, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fir-rigward ta’ din id-domanda.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fir-rigward tal-pensjonijiet ta’ rtirar, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part‑time anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal‑15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part‑time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tal-ħaddiema part time vertikali li jalternaw, teskludi l-perijodi mhux maħduma mill-kalkolu tal-anzjanità meħtieġa sabiex jinkiseb dritt għal tali pensjoni, kemm-il darba tali trattament differenti ma huwiex iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

2)      Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija inkompatibbli mal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part time anness mad-Direttiva 97/81, il-klawżoli 1 u 5(1) tal-imsemmi Ftehim Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li anki dawn jipprekludu tali leġiżlazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top