EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0378

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta' Marzu 2010.
Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA, Polimeri Europa SpA u Syndial SpA vs Ministero dello Sviluppo economico et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale della Sicilia - l-Italja.
Prinċipju ta’ min iniġġes għandu jħallas - Direttiva 2004/35/KE - Responsabbiltà ambjentali - Applikazzjoni ratione temporis - Tniġġis li seħħ qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u li tkompla wara din id-data - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timputa l-ispejjeż ta’ rimedju għad-danni marbuta ma’ dan it-tniġġis fuq diversi impriżi - Rekwiżit ta’ tort jew ta’ negliġenza - Rekwiżit ta’ rabta kawżali - Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet.
Kawża C-378/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:126

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Deċiżjoni dwar l-ispejjeż
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-378/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA,

Polimeri Europa SpA,

Syndial SpA

vs

Ministero dello Sviluppo economico,

Ministero della Salute,

Ministero Ambiente e Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero delle Infrastrutture,

Ministero dei Trasporti,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Interno,

Regione siciliana,

Assessorato regionale Territorio ed Ambiente (Sicilia),

Assessorato regionale Industria (Sicilia),

Prefettura di Siracusa,

Istituto superiore di Sanità,

Commissario Delegato per Emergenza Rifiuti e Tutela Acque (Sicilia),

Vice Commissario Delegato per Emergenza Rifiuti e Tutela Acque (Sicilia),

Agenzia Protezione Ambiente e Servizi tecnici (APAT),

Agenzia regionale Protezione Ambiente (ARPA Sicilia),

Istituto centrale Ricerca scientifica e tecnologica applicata al Mare,

Subcommissario per la Bonifica dei Siti contaminati,

Provincia regionale di Siracusa,

Consorzio ASI Sicilia orientale Zona Sud,

Comune di Siracusa,

Comune di Augusta,

Comune di Melilli,

Comune di Priolo Gargallo,

Azienda Unità sanitaria locale N° 8,

Sviluppo Italia Aree Produttive SpA,

Invitalia (Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa SpA), li kienet Sviluppo Italia SpA ,

fil-preżenza ta’:

ENI Divisione Exploration and Production SpA,

ENI SpA,

Edison SpA ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta, P. Lindh u C. Toader (Relatur), Presidenti ta’ Awla, C.W.A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, A. Arabadjiev u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA, minn D. De Luca, M. Caldarera, L. Acquarone u G. Acquarone, avukati,

– għal Polimeri Europa SpA u Syndial SpA, minn P. Amara, S Grassi, G. M. Roberti u I. Perego, avukati,

– għal Sviluppo Italia Aree Produttive SpA u Invitalia (Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa) SpA, li kienet Sviluppo Italia SpA, minn F. Sciaudone, avukat,

– għal ENI SpA, minn G. M. Roberti, I. Perego, S. Grassi u C. Giuliano, avukati,

– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Grieg, minn A. Samoni-Rantou u G. Karipsiadis, bħala aġenti,

– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman kif ukoll minn D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Zadra u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357), kif ukoll, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7 p. 132).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn il-kumpanniji Raffinerie Mediterranee (ERG) SpA, Polimeri Europa SpA, u Syndial SpA u diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u komunali Taljani dwar il-miżuri ta’ rimedju għal danni ambjentali adottati minn dawn l-awtoritajiet fir-rigward tar-Rada di Augusta (l-Italja) li madwarha jinsabu l-installazzjonijiet u/jew l-artijiet tal-imsemmija kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3. Il-premessi tad-Direttiva 2004/35 li huma rilevanti għall-kawża preżenti jipprovdu dan li ġej:

“(1) Bħalissa fil-Komunità hemm ħafna żoni kkontaminati, li jwasslu għal riskji konsiderevoli għas-saħħa, u t-tnaqqis tal-bijodiversità żdied drammatikament fl-aħħar għaxar snin. In-nuqqas ta’ azzjoni jista’ jwassal għal żieda fil-kontaminazzjoni taż-żoni u telfa akbar ta’ diversità bijoloġika fil-futur […]

(2) […]Il-prinċipju fondamentali ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun li l-operatur li minħabba l-attivitaÏ tiegħu jikkawża danni ambjentali jew jikkawża periklu iminenti ta’ danni għandu jitqies finanzjarjament responsabbli […].

[…]

(8) Din id-Direttiva għandha tapplika, f’dak li għandhu x’jaqsam ma danni ambjentali, lil l-attivitajiet tax-xogħol li jirrapreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem jew lil l-ambjent. Dawk l-attivitajiet għandhom jiġu identifikati, prinċipalment, b’referenza għall-liġijiet tal-Komunità relevanti li tistabbilixxi rekwiżiti regolatorji għal ċertu attivitajiet u prattiki meqjusa bħala potenzalment jew filfatt riskjuzi lis-saħħa tal-bniedem jew lil l-ambjent.

(9) Din id-Direttiva għandha ukoll tapplika, f’dak li għandu x’jaqsam ma danni lil speċi protetti u ambjenti naturali, lil kwalunkwe attività tax-xogħol minbarra dawk l-attivitajiet identifikati direttament jew indirettament b’referenza għall-liġi tal-Komunità li jistgħu jkunu ta’ riskju attwali jew potenzali lis-saħħa tal-bniedem jew lil l-ambjent. F’dawn il-każijiet l-operatur għandu biss ikun responsabbli skond din id-Direttiva fejn hu jkun naqas [għandu tort] jew [kien] negliġenti.

[…]

(13) Mhux il-forom kollha ta’ danni ambjentali jistgħu jkunu rmedjati permezz tal-mekkaniżmu tar-responsabbilità. Sabiex dan ta’ l-aħħar jista’ jkun effettiv, hemm bżonn li jkun hemm wieħed jew iktar niġġieża identifikabbli, id-danni jriedu jkunu konkreti u kwantifikabbli, u katina ta’ kawżazzjoni [rabta kawżali] għandha tkun stabbilita bejn id-danni u n-niġġies(a) identifikat(i). Ir-responsabbilità għalhekk mhiex istrument adattat fil-kuntest ta’ tinġiż mifrux, meta jkun impossibbli torbot l-effetti ambjentali negattivi ma’ azzjoni jew nuqqas ta’ ċertu atturi individwali.

[…]

(24) Huwa neċessarju li mezzi effettivi ta’ l-implimentazzjoni u infurzar jkunu disponibbli, filwaqt li jkun assigurat li l-interessi leġittimi ta’ l-operaturi relevanti u partijiet oħra li għandhom interess ikunu adekwatament protetti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu inkarigati minn kompiti speċifiċi li jirrikjedu diskrezzjoni amministrattiva xierqa, jiġifieri l-inkarigu biex issir stima ta’ l-importanza tad-danni u d-deċiżjoni liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu.

[…]

(30) Danni kkawżati qabel ma jispiċċa t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”.

4. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/35, intitolat “L-Iskop”, japplika għal:

“[…]

a) danni ambjentali ikkawżati minn attivitajiet tax-xogħol li jinstabu fil-lista ta’ l-Anness III, kif ukoll kull periklu iminenti ta’ l-imsemmija danni minħabba l-istess attivitajiet;

b) danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali kkawżati minn attivitajiet tax-xogħol mhux fil-lista ta’ l-Anness III, u lil kull periklu iminenti ta’ l-imsemmija danni li jseħħ minħabba l-msemmija attivitajiet, kull meta l-operatur għandu tort jew kien negliġenti.”

5. L-Artikolu 4(5) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li hija “għandha tgħodd biss għal danni ambjentali jew periklu iminenti ta’ danni ambjentali kkawżati minn tniġġies ta’ natura mifruxa, meta l-katina tal-kawżazzjoni [ir-rabta kawżali] bejn id-danni u l-attivitajiet ta’ l-operatur individwali tista’ tiġi stabbilita”.

6. L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Azzjoni ta’ Rimedju”, jipprovdi:

“1. Meta d-danni ambjentali filfatt seħħew l-operatur għandu, mingħajr dewmien, jinforma l-awtorità kompetenti dwar kull aspett relevanti tas-sitwazzjoni u jieħu:

[…]

b) il-miżuri ta’ rimedju neċessarji, skond l-Artikolu 7.

2. L-awtorità kompetenti tista’, f’kull ħin:

[…]

ċ) titlob lil l-operatur jieħu l-miżuri ta’ rimedju neċessarji;

d) tagħti istruzzjonijiet lil l-operatur li huwa għandu jsegwi dwar il-miżuri ta’ rimedju neċessarji; jew

e) hi innifisha tieħu il-miżuri ta’ rimedju neċessarji.

3. L-awtorità kompetenti għandha titlob li l-miżuri ta’ rimedju jittieħdu mil l-operatur. Jekk l-operatur jonqos li jħares l-obliggi stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2, [...] (c) jew (d), ma jistax jiġi identifikat jew mhux meħtieġ jbati l-ispejjeż skond din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu l-miżuri hi stess, meta jkun falla kull tentattiv ieħor.”

7. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/35 jistabbilixxi, fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-prevenzjoni u mar-rimedju, li:

“1. L-operatur għandu jbati l-ispejjeż għal l-azzjoni ta’ prevenzjoni u rimedju li ittieħdu skond din id-Direttiva.

2. Bla ħsara lill-paragrafi 3 u 4, l-awtorità kompetenti għandha tirkupra, inter alia, permezz ta’ l-garanzija fuq il-proprjetà jew garanziji oħra xierqa mill-operatur li ikkawża d-danni jew il-periklu iminenti ta’ danni, l-ispejjeż li ntefqu f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ prevenzjoni jew rimedju li ittieħdu skond din id-Direttiva.

Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li ma tirkuprax l-ispejjeż kollha meta l-ispiża biex irkupra l-ispejjeż tkun akbar mis-somma li għandha tkun irkuprata jew meta l-operatur ma jistax jiġi identifikat.

3. L-operatur m’għandux ikun mitlub jbati l-ispejjeż tal-miżuri ta’ prevenzjoni jew rimedju mwettqa skond din id-Direttiva meta jista’ juri li d-danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni ambjentali:

a) kienu kkawżati minn terza persuna u seħħew minkejja li miżuri ta’ sigurità xierqa kienu f’posthom;

[…]

F’dawn il-każijiet L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jgħinu lil l-operatur jirkupra l-ispejjeż li nefaq.

[…]”

8. L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Allokazzjoni ta’ l-ispejjeż f’każijiet fejn iktar minn parti waħda tintrabat mal-kawżazzjoni”, jipprovdi:

“Din-id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġI nazzjonali dwar l-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż f’każijiet fejn hemm iktar minn parti waħda speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mat-tqassim tar-responsabbilità bejn il-produttur u dak li juża l-prodott.”

9. L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “L-awtorità kompetenti”, jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità/awtoritaj iet kompetenti responsabbli biex taderixxi/jaderixxu mad-doveri previsti f’din id-Direttiva.

2. L-obbligu li jkun stabbilit liema operator ikkawża d-danni jew periklu iminenti ta’ danni, li ssir stima tas-sinjifikanza tad-danni u li jkun stabbilit liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu b’referenza għal l-Anness II huwa ta’ l-awtorità kompetenti. Għal dan l-iskop, l-awtorità kompetenti tkun tista’ titlob lil l-operatur relevanti, li jwettaq l-istima tiegħu u li jipprovdi kull informazzjoni u data neċessarja.

[…]

4. Kull deċiżjoni meħuda skond din id-Direttiva li timponi miżuri ta’ prevenzjoni jew rimedju għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom ġiet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni. L-imsemmija deċiżjoni għandha tkun notifikata malajr kemm jist’ jkun lil l-operatur ikkonċernat, li għandu fl-istess waqt ikun informat dwar ir-rimedji legali lilu disponibbli skond il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri kkonċernati u dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħin li dawn ir-rimedji għandhom.”

10. L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/35, intitolat “Ir-relazzjoni mal-liġi nazzjoni”, jipprovdi li hija “m’għandhiex iżżomm lil L-Istati Membri milli jżżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar stretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali, li jinkludi l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet oħra li jistgħu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ prevenzjoni u rimedju ta’ din id-Direttiva u l-identifikazzjoni ta’ partijiet responsabbli oħra”.

11. L-Artikolu 17 tal-istess direttiva, intitolat “Applikazzjoni temporali [ratione temporis ]”, jistabbilixxi li din ma tapplikax għal:

“[…]

– danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħ qabel id-data msemmija fl-Artikolu 19(1);

– danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident, seħħ wara d-data msemmija fl-Artikolu 19(1) meta tkun ir-riżultat ta’ attività speċifika li seħħet u spiċċat qabel l-imsemmija data;

– danni, jekk iktar minn 30 sena għaddew mill-emmissjoni, każ jew inċident, li jirriżultaw fid-danni, li ġraw.”

12. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jimplementaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sal-iktar tard it-30 ta’ April 2007.

13. Il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/35 jirrigwarda b’mod partikolari l-operazzjoni tal-installazzjonijiet li għandhom bżonn permess skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3 p. 80).

14. L-għan tad-Direttiva 96/61, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa l-prevenzjoni u l-kontroll sħiħ ta’ tniġġis li jinħoloq mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Il-punti 2.1 u 2.4 ta’ dan l-anness jirrigwardaw, rispettivament, l-“industriji ta’ attivitajiet tal-eneġija” u l-“industrija tal-kimika”.

Id-dritt nazzjonali

15. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22, tal-5 ta’ Frar 1997, dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva [tal-Kunsill] 91/156/KEE, [tat-18 ta’ Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3), tad-Direttiva [tal-Kunsill] 91/689/KEE, [tat-12 ta’ Diċembru 1991,] fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78) u tad-Direttiva 94/62/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1994] dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349) (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 38, tal-15 ta’ Frar 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997”). Dan id-digriet tħassar u ġie ssostitwit bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, tat-3 ta’ April 2006, dwar l-istandards ambjentali (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 88, tal-14 ta’ April 2006, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”), li permezz tal-Artikolu 299 sa 318 tiegħu, jittrasponi fis-sistema legali Taljana d-Direttiva 2004/35.

16. L-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997 jistabbilixxi li “[…] kull persuna li taqbeż, anki b’mod aċċidentali, il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1(a), jew li toħloq riskju konkret u reali li l-imsemmija limiti ser jinqabżu, għandha, minn butha, tiżgura, tirrisana u tirriabilizza l-ambjent taż-żoni mniġġsa u tal-installazzjonijiet li jippreżentaw riskju ta’ tniġġis […]”.

17. L-Artikolu 9 tad-Digriet Ministerjali Nru 471, tal-25 ta’ Ottubru 1999, dwar ir-regoli li jistabbilixxu l-kriterji, il-proċeduri u l-modalitajiet ta’ sigurtà, ta’ “risanament” u ta’ riabilitazzjoni tas-siti mniġġsa, skont l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22, tal-5 ta’ Frar 1997, emendat u ssupplimentat (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 293, tal-15 ta’ Diċembru 1999), jipprovdi:

“Il-proprjetarju ta’ sit jew persuna oħra li […] minn jeddu jixtieq jibda l-proċeduri li jirrigwardaw il-miżuri ta’ sigurtà urġenti, ta’ risanament u ta’ riabilitazzjoni ambjentali, skont l-Artikolu 17(13a) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 22/1997], għandu jikkomunika lir-reġjun, lill-provinċja u lill-komun is-sitwazzjoni tat-tniġġis ikkonstatata kif ukoll l-eventwali miżuri ta’ sigurtà urġenti meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent adottati u fil-fażi tat-twettiq. Il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti tekniċi xierqa li juru l-karatteristiċi tal-miżuri msemmija iktar ’il fuq. […] [I]l-komun jew, fil-każ fejn it-tniġġis jirrigwarda t-territorju ta’ diversi komuni, ir-reġjun, għandu jivverifika l-effikaċja tal-miżuri ta’ sigurtà urġenti adottati u jista’ jimponi struzzjonijiet u miżuri komplementari, b’mod partikolari miżuri ta’ sorveljanza li għandhom jiġu implementati sabiex jiġu vverifikati ċ-ċirkustanzi tat-tniġġis u kontrolli li għandhom jitwettqu sabiex tiġi vverifikata l-effikaċja tal-miżuri implementati għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-ambjent tal-viċinanza […]”

18. L-Artikolu 311(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tat-3 ta’ April 2006 jipprovdi:

“Kull persuna li, billi twettaq fatt illeċitu jew billi tonqos milli teżerċita attivitajiet jew milli tadotta l-aġir meħtieġ, u bi ksur ta’ dispożizzjoni, liġijiet jew miżuri amministrattivi, b’negliġenza, inkompetenza, imprudenza jew bi ksur tar-regoli tekniċi, tikkawża danni lill-ambjent billi tbiddlu, tgħarraqu jew teqirdu, totalment jew parzjalment, għandha tirrijabilitah għall- istatus quo ante u, fin-nuqqas ta’ dan, għandha tikkumpensa lill-Istat f’ammont ekwivalenti”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19. Il-kawża prinċipali tirrigwarda r-reġjun ta’ Priolo Gargallo (Sicilia), iddikjarat “sit ta’ interess nazzjonali għall-finijiet ta’ ‘risanament’”, u b’mod partikolari, ir-Rada di Augusta. Din tal-aħħar hija affettwata minn fenomeni rikorrenti ta’ tniġġis ambjentali li l-oriġini tagħhom tmur lura għas-snin 60, minn meta ġie stabbilit iċ-ċentru petrokimiku Augusta-Priolo-Melilli. Minn dak iż-żmien ’l hawn, bosta impriżi, attivi fis-settur tal-idrokarburanti u tal-petrokimika, stabbilixxew ruħhom u/jew issostitwixxew lil xulxin f’dan ir-reġjun.

20. Iż-żona kienet is-suġġett ta’ “deskrizzjoni” intiża sabiex tevalwa l-istat tal-art, tas-sfuf ta’ taħt l-art saturati bl-ilma, tal-kosta u ta’ qiegħ il-baħar. Skont l-Artikolu 9 tad-Digriet Ministerjali Nru 471 tal-25 ta’ Ottubru 1999, l-impriżi stabbiliti fiċ-ċentru petrokimiku, fil-kwalità tagħhom ta’ proprjetarji taż-żoni industrijali fuq l-art inklużi fis-sit ta’ interess nazzjonali, ippreżentaw proġetti ta’ sigurtà urġenti u ta’ “risanament” tas-sfuf ta’ taħt l-art saturati bl-ilma, li ġew approvati b’digriet interministerjali.

21. Permezz ta’ diversi miżuri suċċessivi u minħabba d-dewmien fit-twettiq tal-proġetti ta’ intervent, li hija attribwiet fuq l-impriżi kkonċernati, l-awtorità pubblika kompetenti ordnat lill-imsemmija impriżi jipproċedu għar-“risanament” u għar-riabilitazzjoni ta’ qiegħ il-baħar tar-Rada di Augusta, u, b’mod partikolari, għall-ġbir tas-sedimenti kkontaminati preżenti fih f’fond ta’ żewġ metri, bil-piena, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-imsemmija impriżi, li l-imsemmija xogħlijiet jitwettqu ex officio u bi spejjeż għal dawn l-impriżi. Matul il-konferenza dipartimentali preparatorja tal-21 ta’ Lulju 2006, ġie deċiż ukoll li l-miżuri preċedentement approvati jiġu ssuplimentati billi s-sfuf ta’ taħt l-art saturati bl-ilma jingħalqu fiżikament.

22. Peress li sostnew li t-tali xogħol ma setax jitwettaq u kien ser jiswihom spejjeż eċċessivi, l-impriżi kkonċernati ppreżentaw rikorsi kontra l-imsemmija deċiżjonijiet amministrattivi quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz tas-sentenza Nru 1254/2007, tal-21 tal-Lulju 2007, din tal-aħħar laqgħet l-imsemmija rikorsi billi kkunsidrat li l-obbligi ta’ “risanament” kienu illegali, għaliex, meta nħarġu, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni la l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, la l-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċeduri tar-“risanament” u lanqas il-prinċipju ta’ kontradittorju. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda diskussjoni mal-impriżi kkonċernati dwar il-kundizzjonijiet għat-twettiq tat-tali “risanament”.

23. Din is-sentenza ġiet appellata mill-awtoritajiet amministrattivi quddiem il-Consiglio di Giustizia amministrativa della Regione Sicilia li, b’digriet għal miżuri provviżorji tat-2 ta’ April 2008, qieset li l- fumus boni juris tal-appell ġie stabbilit, u li, fid-dawl tal-konsegwenzi dannużi marbuta mad-dewmien fit-twettiq tal-miżuri stabbiliti mill-imsemmija awtoritajiet, ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Nru 1254/2007.

24. Sussegwentement, l-awtoritajiet amministrattivi qiesu li l-miżuri preċedentament approvati ma kinux adatti biex iservu ta’ rimedju għat-tniġġis eżistenti fir-Rada di Augusta. Barra minn hekk, peress li l-kumpanniji rikorrenti ma kkollaborawx, il-konferenza dipartimentali deċiżorja, fl-20 ta’ Diċembru 2007, imponiet fuq dawn tal-aħħar miżuri oħra, li fosthom kien hemm il-bini ta’ barriera li l-ippjanar u t-twettiq tagħha ngħata lill-kumpannija Sviluppo Italia Aree produttive SpA (iktar ’il quddiem “Sviluppo”). Dawn il-miżuri ġew ikkonfermati matul il-konferenza dipartimentali deċiżorja tas-6 ta’ Marzu u tas-16 ta’ April 2008. Fl-aħħar nett, ġie adottat id-Digriet Nru 4378, tal-21 ta’ Frar 2008, li għandu bħala suġġett “miżuri finali ta’ adozzjoni […] tal-konferenza dipartimentali deċiżorja tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar is-sit ta’ interess nazzjonali ta’ Priolo” (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2 ta’ Frar 2008”).

25. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors ġdid quddiem il-qorti tar-rinviju kemm kontra dan id-digriet kif ukoll kontra atti amministrattivi oħra marbuta miegħu. F’dan ir-rikors huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-proġett magħżul, ippjanat minn Sviluppo u mogħti lilha mingħajr sejħa għal offerti, ma għandux għan ambjentali, iżda pjuttost għandu jservi sabiex tinbena infrastruttura pubblika, jiġifieri l-iżvilupp ta’ gżira artifiċjali ġewwa r-Rada di Augusta permezz tas-sedimenti kkontaminati.

26. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’deċiżjonijiet preċedenti li jirrigwardaw l-istess kwistjoni, il-Consiglio di Giustizia amministrativa della Regione Sicilia, bħala istanza ta’ appell, kienet qieset b’mod partikolari li “ma jidhirx li huwa rilevanti li […] jiġi stabbilit il-grad jew in-nuqqas ta’ involviment tal-proprjetarji jew tal-konċessjonarji attwali ta’ żoni industrijali kif ukoll ma jidhirx li huwa rilevanti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ eventwali responsabbiltà fi ħdan il-korpi tat-tmexxija, li fil-passat kienu awtorizzaw it-twettiq ta’ attivitajiet li jniġġsu”. Fil-fatt, skont din l-istess qorti, “[i]l-bilanċ bejn id-diversi interessi ta’ natura kostituzzjonali marbuta mar-rispett tas-saħħa, tal-ambjent u l-inizjattiva ekonomika privata […] għandu jinsab […] fil-kriterju ta’ responsabbiltà oġġettiva tal-impriżi, li jipprovdi li l-operaturi ekonomiċi li jipproduċu u jagħmlu qligħ permezz tat-twettiq ta’ attivitajiet perikolużu għandhom minħabba dan il-fatt, sa fejn huma jniġġsu per se jew sa fejn l-imprendituri inkwistjoni jużaw strutturi ta’ produzzjoni kkontaminati u li huma sorsi ta’ kontaminazzjoni durabbli, jassumu integralment l-ispejjeż meħtieġa sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tal-ambjent u tas-saħħa tal-poplu […] skont loġika ta’ kawża u effett b’korrelazzjoni mal-fenomini kollha tat-tniġġis marbuta mal-attività industrijali”.

27. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, kif inhi llum, il-prattika tal-awtorità pubblika kompetenti, ikkonfermata mill-qorti tal-appell, tikkonsisti għalhekk fil-fatt li responsabbiltà għat-tniġġis ambjentali eżistenti tingħadda fuq l-impriżi li joperaw fir-Rada di Augusta u dan mingħajr ma ssir distinzjoni bejn it-tniġġis preċedenti u dak attawli, u mingħajr ma ssir stima tas-sehem ta’ responsabbiltà diretta fid-dannu ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

28. Filwaqt li tipprevedi li l-ġurisprudenza tagħha x’aktarx tiżviluppa b’mod konformi ma’ dik tal-istanza tal-appell, il-qorti tar-rinviju tirrileva s-sitwazzjoni partikolari ta’ tniġġis fir-Rada di Augusta. Hija tenfasizza b’mod partikolari li diversi impriżi petrokimiċi ssostitwixxew lil xulxin fiż-żona, b’tali mod li mhux biss talli huwa impossibbli, iżda talli huwa wkoll inutli, li jiġi stabbilit is-sehem ta’ responsabbiltà rispettiva ta’ kull waħda minnhom, u b’mod partikolari jekk jiġi kkunsidrat li l-fatt biss li fis-sit ikkontaminat jitwettqu attivitajiet li fihom infushom huma ta’ periklu għandu jitqies bħala biżżejjed sabiex dawn l-impriżi jinżammu responsabbli.

29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (Artikolu 174 KE [...]) u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2004/35/KE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-amministrazzjoni [pubblika] s-setgħa li timponi fuq l-imprendituri privati, minħabba l-fatt biss li bħalissa jeżerċitaw l-attività tagħhom f’żona li ilha ħafna mniġġsa jew li tmiss ma’ żona li minn dejjem hija mniġġsa, li jeżegwixxu miżuri ta’ rimedju indipendentement mill-iżvolġiment ta’ kwalunkwe investigazzjoni sabiex jinstab min hu responsabbli tat-tniġġis?

2) Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (Artikolu 174 KE [...]) u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2004/35/KE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-amministrazzjoni [pubblika] s-setgħa li tattribwixxi r-responsabbiltà għall-kumpens tad-dannu ambjentali f’forma speċifika lil min għandu drittijiet reali u/jew jeżerċita attività ta’ negozju fis-sit imniġġes, mingħajr il-ħtieġa li jiġi aċċertat minn qabel li hemm rabta kawżali bejn l-aġir ta’ min għamel l-att u l-fatt tat-tniġġis, għar-raġuni biss tar-relazzjoni ta’ “pożizzjoni” li fiha qiegħed (peress li dan huwa operatur li jeżerċita l-attività tiegħu ġewwa s-sit)?

3) Il-leġiżlazzjoni Komunitarja stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174 KE […] u minn dawk tad-Direttiva [2004/35] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, lil hinn mill-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, tagħti lill-amministrazzjoni [pubblika] s-setgħa li tattribwixxi r-responsabbiltà għall-kumpens tad-dannu ambjentali f’forma speċifika lil min għandu drittijiet reali u/jew jeżerċita attività ta’ negozju fis-sit imniġġes, mingħajr il-ħtieġa li jiġi aċċertat minn qabel, minbarra li hemm rabta kawżali bejn l-aġir ta’ min għamel l-att u l-fatt tat-tniġġis, anki l-eżistenza tar-rekwiżit suġġettiv tad-dolo jew tal-culpa?

4) Il-prinċipji Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni li hemm fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Direttivi [tal-Kunsill] […] [2004/18], [93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163)] u 89/665/CEE [tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246)], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-amministrazzjoni pubblika s-setgħa li tagħti lil kumpanniji privati (kumpanniji Sviluppo SpA u [Sviluppo]) attivitajiet ta’ deskrizzjoni, ta’ ppjanar u ta’ implementazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ ‘bonifika’ [‘risanament’] – twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi – f’żoni ta’ art ta’ proprjetà tal-Istat direttament, mingħajr ma jkunu eżawriti l-proċeduri meħtieġa għall-kuntratti pubbliċi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

30. Il-Gvern Taljan isostni li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli b’mod partikolari minħabba l-fatt li, minn naħa, id-domandi magħmula jwasslu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, li l-għan tal-qorti tar-rinviju ma huwiex li taqta’ l-kawża li għandha quddiemha iżda, pjuttost, li tikkontesta l-ġurisprudenza tal-qorti tal-appell tagħha.

31. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, hija madankollu għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt dan id-dritt li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-kompatibbiltà bil-għan li taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C‑439/06, Ġabra p. I‑3913, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32. Barra minn hekk, qorti li ma tiddeċidiex fl-aħħar istanza għandha, b’mod partikolari jekk tqis li l-evalwazzjoni legali tal-istanza superjuri tista’ twassalha sabiex tagħti sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun libera li tressaq id-domandi li qed iħabbtuha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, Ġabra p. 33, punt 4).

33. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti huwa ammissibbli u konsegwentement id-diversi domandi magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia għandhom jiġu eżaminati.

Fuq l-ewwel tliet domandi

34. Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, kif stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 174(2) KE u mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/35, li jipprova jikkonkretizza dan il-prinċipju fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li timponi fuq l-operaturi, minħabba l-fatt li huma għandhom l-installazzjonijiet tagħhom viċin żona mniġġsa, miżuri għall-kumpens ta’ danni ambjentali, mingħajr ma tagħmel investigazzjoni minn qabel fuq il-fatti li wasslu għat-tniġġis u mingħajr ma tistabbilixxi rabta kawżali bejn l-imsemmija danni u dawn l-operaturi jew saħansitra mingħajr ma tistabbilixxi d-dolo jew it-tort tal-imsemmija operaturi.

35. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kif spjegati mill-qorti tar-rinviju u kif indirizzati mill-Gvernijiet tal-Italja, tal-Greċja u tal-Pajjiżi l-Baxxi u kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2004/35 fit-tali ċirkustanzi.

Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2004/3 5

– Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

36. Il-Gvernijiet tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni għandhom dubju dwar kemm id-Direttiva 2004/35 tista’ tapplika ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, sa fejn id-dannu ambjentali seħħ qabel it-30 ta’ April 2007 u/jew, sa fejn jirriżulta, fi kwalunkwe każ, minn attivitajiet preċedenti li ntemmu qabel l-imsemmija data. Madankollu, il-Kummissjoni tagħti x’tifhem li din id-direttiva tista’ tapplika fir-rigward tad-dannu li seħħ wara t-30 ta’ April 2007 u li jirriżulta mill-attività attwali tal-operaturi kkonċernati. Madankollu, hija ma tistax tiġi applikata għat-tniġġis li seħħ qabel din id-data u li ġie kkawżat minn operaturi differenti minn dawk li bħalissa joperaw fir-Rada di Augusta u li l-awtoritajiet kompetenti qed jipprovaw jimputaw fuqhom.

37. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Grieg iqis li d-Direttiva 2004/35 hija applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa jqis li, minn qari a contrario tat-tieni inċiż tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, din tapplika wkoll anki meta l-attività li minnha oriġina d-dannu bdiet qabel it-30 ta’ April 2007, sakemm din l-attività ma ntemmitx qabel din id-data u baqgħet għaddejja sa wara din id-data.

– Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

38. Mill-premessa 30 tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li d-dispożizzjonijiet marbuta mal-mekkaniżmu tar-responsabbiltà ambjentali stabbilit minn din id-direttiva “mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva qabel ma jispiċċa t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni” tagħha, jiġifieri t-30 ta’ April 2007.

39. L-imsemmi leġiżlatur indika espressament, fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35, is-sitwazzjonijiet fejn din ma kellhiex tapplika. Peress li s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikabbiltà ratione temporis ta’ din id-direttiva ġew iddefiniti fil-forma negattiva, għandu jiġi dedott li, bħala prinċipju, kull sitwazzjoni oħra hija koperta, mill-perspettiva ratione temporis , mill-mekkaniżmu tar-responsabbiltà ambjentali stabbilit mill-imsemmija direttiva.

40. Mill-ewwel u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li din tal-aħħar la tapplika għal danni kkawżati, kemm jekk minn emissjoni, każ jew inċident, qabel it-30 ta’ April 2007 u lanqas għal dawk ikkawżati wara din id-data meta jirriżultaw minn attività speċifika li ntemmet qabel l-imsemmija data.

41. Għandu jiġi dedott li din id-direttiva tapplika għal danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħew wara t-30 ta’ April 2007 meta dawn id-danni jirriżultaw kemm minn attivitajiet li seħħew wara din id-data, kif ukoll minn attivitajiet li seħħew qabel din id-data iżda li ma ntemmux qabel din id-data.

42. Skont l-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar għandha l-ġurisdizzjoni biss li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, billi tibbaża ruħha fuq il-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Isegwi li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-imsemmi artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi li tapplika r-regoli tal-Unjoni li hija tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjoni nazzjonali, peress li dan jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, CEPSA, C‑279/06, Ġabra p.I‑6681, punt 28).

43. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha l-ġurisdizzjoni li tistħarreġ, abbażi tal-fatti li hija biss tista’ tevalwa, jekk, fil-kawża prinċipali, id-danni li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ rimedju ambjentali deċiżi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti humiex koperti minn waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 41 tas-sentenza preżenti.

44. Jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li d-Direttiva 2004/35 ma hijiex applikabbli fil-kawża mressqa quddiemha, din is-sitwazzjoni, għalhekk, taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, fl-osservanza tar-regoli tat-Trattat u bla ħsara għal atti legali sekondarji oħra.

45. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 174 KE jindika li l-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent tfittex livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent sa fejn l-Artikolu 175 KE jagħti s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jekk ikun il-każ, skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C‑379/92, Ġabra p. I‑3453, punti 57 u 58).

46. Għalhekk, kif ġustament osserva l-Gvern Olandiż, peress li l-Artikolu 174 KE, li jinkludi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, japplika għall-azzjoni tal-Komunità, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi bl-iskop li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-qasam tal-politika ambjentali, meta l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja adottata abbażi tal-Artikolu 175 KE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni kkonċernata ma tkun applikabbli.

47. Sakemm il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li tipprovdi li d-Direttiva 2004/35 hija applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari għandhom jiġu indirizzati kif ġej.

Fuq il-mekkaniżmu tar-responsabbiltà ambjentali stabbilit mid-Direttiva 2004/35

– Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

48. Il-Gvernijiet tal-Italja u tal-Greċja jqisu li, skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2004/35, meta l-attivitajiet jaqgħu taħt l-Anness III tagħha, l-operaturi huma preżunti responsabbli għat-tniġġis ikkonstatat mingħajr il-ħtieġa li jiġi stabbilit it-tort tagħhom jew ir-rabta kawżali bejn l-attivitajiet rispettivi tagħhom u d-danni kkawżati lill-ambjent.

49. Skont il-Gvern Grieg, huwa biss meta l-attivitajiet tal-operaturi ma jaqgħux taħt l-Anness III tad-Direttiva 2004/35 li l-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-impożizzjoni, fuq dawn tal-aħħar, ta’ miżuri ta’ responsabbiltà ambjentali fis-sens ta’ din id-direttiva, għandha tistabbilixxi, skont l-Artikolu 3(1)(b) tagħha, jekk dawn l-operaturi għandhomx tort jew kinux negliġenti. Din l-awtorità lanqas ma għandha l-oneru li tipprova l-grad ta’ involviment ta’ dawn tal-aħħar għaliex l-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva jindika li l-oneru tal-prova ta’ rabta kawżali bejn id-dannu u l-persuna li realment ħolqot it-tniġġis jaqa’, fil-verità, fuq l-operatur li ma jixtieqx ibati l-ispejjeż għal danni li fir-rigward tagħhom huwa jkun f’pożizzjoni li jipprova li kienu kkawżati minn terzi. Għalhekk, il-possibbiltà li l-impriżi kkonċernati jippreżentaw, eventwalment bejniethom, rikorsi għal kumpens bi kjamata in kawża ta’ terzi bbażati fuq ir-regoli nazzjonali ta’ responsabbiltà tista’ tipprovdi soluzzjonijiet pragmatiċi.

50. Il-Gvern Taljan jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, fil-kawża prinċipali, ir-rabta kawżali hija evidenti u ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita permezz ta’ investigazzjoni, sa fejn l-impriżi kkonċernati stess ammettewha u peress li hemm koinċidenza evidenti bejn is-sustanzi li huma jipproduċu u t-tniġġis misjub. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/35 jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva.

51. Il-Kummissjoni tqis li d-Direttiva 2004/35 ma tapplikax meta ma jkunx possibbli li b’mod preċiż jiġi identifikat l-operatur li l-attività tiegħu tkun ikkawżat id-danni ambjentali. Madankollu, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu iktar strett, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li jidentifikaw kemm attivitajiet oħra li jistgħu jiġu suġġetti għar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva kif ukoll partijiet responsabbli oħra peress li, fi kwalunkwe każ, it-tali mekkaniżmu jwassal għat-tisħiħ tal-obbligi stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

– Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

52. Kif tindika l-premessa 13 tad-Direttiva 2004/35, mhux il-forom kollha ta’ danni ambjentali jistgħu jkunu rrimedjati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ responsabbilità u sabiex dan tal-aħħar jista’ jkun effettiv, hemm bżonn, b’mod partikolari, li tiġi stabbilita r-rabta kawżali bejn wieħed jew iktar niġġiesa identifikabbli u d-danni ambjentali konkreti u kwantifikabbli.

53. Mill-Artikoli 4(5) u 11(2) tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li, għalkemm l-awtorità kompetenti għandha l-obbligu li, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju fuq l-operaturi, tistabbilixxi din ir-rabta kawżali, indipendentement mit-tip ta’ tniġġis, dan ir-rekwiżit huwa wkoll kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva f’każ ta’ tniġġis ta’ natura mifruxa u mxerrda.

54. Din ir-rabta kawżali tista’ faċilment tiġi stabbilita meta l-awtorità kompetenti jkollha quddiemha tniġġis ristrett, kemm fir-rigward ta’ żona kif ukoll ta’ żmien, ikkawżat minn numru żgħir ta’ operaturi. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ għall-fenomeni ta’ tniġġis ta’ natura mifruxa, u fil-fatt il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, fir-rigward ta’ tali tniġġis, mekkaniżmu tar-responsabbiltà ma jikkostitwixxix strument xieraq meta l-imsemmija rabta kawżali ma tistax tiġi stabbilita. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 4(5) tagħha, id-Direttiva 2004/35 tapplika għal dan it-tip ta’ tniġġis biss meta jkun possibbli li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-danni u l-attivitajiet tad-diversi operaturi.

55. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/35 ma tiddefinixxix il-mod ta’ kif din ir-rabta kawżali għandha tiġi stabbilita. Issa, fil-kuntest tal-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-ambjent, meta element meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ direttiva adottata abbażi tal-Artikolu 175 KE ma ġiex definit fil-kuntest tagħha, it-tali definizzjoni taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn l-Istati Membri u, f’dan ir-rigward, huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, fl-osservanza tar-regoli tat-Trattat, sabiex jistabbilixxu leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jiżviluppaw jew jikkonkretizzaw il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et , C‑254/08, Ġabra p. I‑6995, punti 48, 52 u 55).

56. Minn din il-perspettiva, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tistabbilixxi li l-awtorità kompetenti tingħata l-fakultà li timponi miżuri ta’ rimedju għad-danni ambjentali billi tippreżumi rabta kawżali bejn it-tniġġis ikkonstatat u l-attivitajiet tal-operaturi jew operaturi, u dan minħabba l-prossimità tal-installazzjonijiet ta’ dawn l-operaturi mal-imsemmi tniġġis.

57. Madankollu, sa fejn, skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-operaturi għandhom l-obbligu ta’ rimedju biss minħabba l-kontribuzzjoni tagħhom fil-ħolqien tat-tniġġis jew ir-riskju ta’ tniġġis (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, Ġabra p. I‑4501, punt 77), għall-finijiet ta’ tali preżunzjoni ta’ rabta kawżali, l-awtorità kompetenti għandha jkollha indizji plawsibbli li fuqhom tista’ tibbaża l-preżunzjoni tagħha, bħalma huma l-prossimità tal-installazzjoni tal-operatur mat-tniġġis ikkonstatat u l-korrispondenza bejn is-sustanzi li jniġġsu misjuba u l-komponenti użati mill-imsemmi operatur fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu.

58. Meta l-awtoritajiet kompetenti jkollhom tali indizji, dawn ikunu għalhekk f’pożizzjoni li jistabbilixxu rabta kawżali bejn l-attivitajiet tal-operaturi u t-tniġġis mifrux ikkonstatat. Skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/35, sitwazzjoni bħal din taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, sa kemm dawn l-operaturi jkunu f’pożizzjoni li jinvertu din il-preżunzjoni.

59. Isegwi li, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li t-tniġġis inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ natura mifruxa u li r-rabta kawżali ma tistax tiġi stabbilita, din is-sitwazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikabbiltà ratione materiae tad-Direttiva 2004/35, iżda tad-dritt nazzjonali skont il-kundizzjonijiet spjegati fil-punt 44 tas-sentenza preżenti.

60. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-imsemmija direttiva hija applikabbli għall-kawża li għandha quddiemha, hemm lok li jsiru l-kunsiderazzjoni segwenti.

61. Mill-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2004/35 jirriżulta li, fil-każ ta’ danni lill-ispeċi protetti u lill-ambjenti naturali kkawżati minn attivitajiet tax-xogħol li ma humiex elenkati fil-lista tal-Anness III ta’ din id-direttiva, hija tapplika bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li l-operatur għandu tort jew kien negliġenti. Min-naħa l-oħra, din il-kundizzjoni ma hijiex meħtieġa meta tkun ikkawżata minn waħda mill-attivitajiet tax-xogħol elenkati fl-imsemmija anness tad-danni għall-ambjent, jiġifieri, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmija direttiva, danni kkawżati lill-ispeċi u lill-ambjenti naturali kif ukoll dawk li jaffettwaw l-ilma u l-art.

62. Bla ħsara għall-konstatazzjonijiet fattwali li huma ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, meta d-danni lill-ambjent ġew ikkawżati minn operaturi attivi fis-settur tal-industriji tal-enerġija u tal-kimika, fis-sens tal-punti 2.1 u 2.4 tad-Direttiva 96/61, attivitajiet li jaqgħu taħt dan it-titolu tal-Anness III tad-Direttiva 2004/35, miżuri ta’ prevenzjoni u miżuri ta’ rimedju jistgħu, għalhekk, jiġu imposti fuq dawn l-operaturi, u dan, mingħajr mal-awtoritajiet kompetenti jkollhom għalfejn jistabbilixxu li huma kellhom tort jew kienu negliġenti.

63. Fil-fatt, fil-każ ta’ attivitajiet tax-xogħol li jaqgħu taħt l-Anness III tad-Direttiva 2004/35, ir-responsabbiltà ambjentali tal-operaturi attivi f’dawn is-setturi hija imputata lilhom b’mod oġġettiv.

64. Madankollu, kif ġustament enfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/35, moqri flimkien mal-premessa 13 tagħha, jirriżulta li, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju, l-awtorità kompetenti għandha, skont ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-prova, tistabbilixxi liema operatur ikkawża d-danni lill-ambjent. Isegwi li, għal dan il-għan, l-imsemmija awtorità għandha l-ewwel nett tfittex l-oriġini tat-tniġġis ikkontestat u, kif ġie kkonstatat fil-punt 53 tas-sentenza preżenti, hija ma tistax timponi miżuri ta’ rimedju mingħajr ma tistabbilixxi, l-ewwel, rabta kawżali bejn id-danni kkonstatati u l-attività tal-operatur li hija tikkunsidra responsabbli għal dawn id-danni.

65. Għalhekk l-Artikoli 3(1), 4(5) u 11(2) tad-Direttiva 2004/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tiddeċiedi li timponi miżuri ta’ rimedju fuq operaturi li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt l-Anness III ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti la hija marbuta li tistabbilixxi t-tort, la n-negliġenza u saħansitra lanqas id-dolo fi ħdan l-operaturi li l-attivitajiet tagħhom huma meqjusa bħala responsabbli għad-danni kkawżati lill-ambjent. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha, minn naħa, l-ewwel nett tfittex l-oriġini tat-tniġġis ikkonstatat u, f’dan ir-rigward, l-imsemmija awtorità għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-proċeduri, il-mezzi li għandhom jintużaw u t-tul ta’ tali riċerka. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha tistabbilixxi, skont ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-prova, rabta kawżali bejn l-attivitajiet tal-operaturi kkonċernati mill-miżuri ta’ rimedju u dan it-tniġġis.

66. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li t-tniġġis fir-Rada di Augusta twettaq mill-kumpannija Montedison Spa u mill-bastimenti merkantili u militari. Għalhekk, fil-fehma tagħhom, l-awtorità kompetenti ma tistax timputalhom miżuri ta’ rimedju bħal dawk stabbiliti fid-digriet tal-21 ta’ Frar 2008.

67. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn naħa, skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2004/35, l-operaturi għandhom rimedji legali sabiex jikkontestaw kemm il-miżuri ta’ rimedju adottati abbażi ta’ din id-direttiva kif ukoll l-eżistenza ta’ kull rabta kawżali bejn l-attivitajiet tagħhom u t-tniġġis ikkontestat. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, l-imsemmija operaturi ma għandhomx ibatu l-ispejjeż tal-miżuri ta’ rimedju meta huma jkunu f’pożizzjoni li jippruvaw li d-danni inkwistjoni wettaqhom terz u seħħew minkejja l-miżuri ta’ sigurtà xierqa, peress li effettivament il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas ma jimplikax li l-operaturi għandhom jassumu l-ispejjeż inerenti mar-rimedju ta’ tniġġis li huma ma kkontribwixxewx għalih (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Standley et , C‑293/97, Ġabra p. I‑2603, punt 51).

68. Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/35, bħall-Artikolu 176 KE, espressament jistabbilixxi li d-direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri iktar stretti fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali. Din id-dispożizzjoni tindika wkoll li dawn il-miżuri jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu fl-identifikazzjoni, minn naħa, ta’ attivitajiet oħra li jistgħu jkunu suġġetti għar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva jew, min-naħa l-oħra, ta’ partijiet responsabbli oħra.

69. Isegwi li l-Istat Membru jista’ b’mod partikolari jiddeċiedi li l-operaturi f’setturi differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2004/35 jistgħu oġġettivament jinżammu responsabbli għad-danni ambjentali, jiġifieri, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmija direttiva, mhux biss għad-danni kkawżati lill-ispeċi u lill-ambjenti naturali protteti iżda wkoll għal dawk li jaffettwaw l-ilma u l-art.

70. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun:

– Meta, f’sitwazzjoni ta’ tniġġis ambjentali, il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ratione temporis u/jew ratione materiae tad-Direttiva 2004/35 ma humiex sodisfatti, din is-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, fl-osservanza tar-regoli tat-Trattat u bla ħsara għal atti legali sekondarji oħra.

– Id-Direttiva 2004/35 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti, meta taġixxi fil-kuntest ta’ din id-direttiva, li tippreżumi l-eżistenza ta’ rabta kawżali, anki fil-każ ta’ tniġġis ta’ natura mifruxa, bejn l-operaturi u t-tniġġis ikkontestat, u dan minħabba l-prossimità tal-installazzjonijiet tagħhom maż-żona mniġġsa. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, sabiex tiġi preżunta t-tali rabta kawżali, din l-awtorità għandha jkollha indizji plawsibbli li fuqhom tista’ tibbaża l-preżunzjoni tagħha, bħalma huma l-prossimità tal-installazzjoni tal-operatur mat-tniġġis ikkonstatat u l-korrespondenza bejn is-sustanzi li jniġġsu misjuba u l-komponenti użati mill-imsemmi operatur fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu.

– L-Artikoli 3(1), 4(5) u 11(2) tad-Direttiva 2004/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tiddeċiedi li timponi miżuri ta’ rimedju għal danni ambjentali fuq operaturi li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt l-Anness III ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti la hija marbuta li tistabbilixxi t-tort, la n-negliġenza u saħansitra lanqas id-dolo fi ħdan l-operatur li l-attivitajiet tiegħu huma meqjusa bħala responsabbli għad-danni kkawżati lill-ambjent. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha, minn naħa, l-ewwel nett tfittex l-oriġini tat-tniġġis ikkonstatat u, f’dan ir-rigward, l-imsemmija awtorità għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-proċeduri, il-mezzi li għandhom jintużaw u t-tul ta’ tali riċerka. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha tistabbilixxi, skont ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-prova, rabta kawżali bejn l-attivitajiet tal-operaturi kkonċernati mill-miżuri ta’ rimedju u dan it-tniġġis.

Fuq ir-raba’ domanda

71. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk id-direttivi fis-settur tal-kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/18, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tagħti direttament lill-impriża rregolata mid-dritt privat it-twettiq u l-ippjanar ta’ xogħlijiet pubbliċi kif ukoll xogħlijiet ta’ “risanament” u ta’ riabilitazzjoni ta’ sit imniġġes.

72. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu din tal-ewwel tipprovdi lil dawn tal-aħħar l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma għandhom bżonn sabiex isolvu l-kawża li huma mitluba jiddeċiedu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, Ġabra p. I‑4871, punt 22, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2008, Kirtruna u Vigano, C‑313/07, Ġabra p. I‑7907, punt 25).

73. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C‑295/05, Ġabra p. I‑2999, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74. Madankollu, meta ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tiddeċiedi t-talba mressqa minn qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Commune de Mesquer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

75. Issa, fir-rigward tad-domanda preżenti, jidher li l-qorti tar-rinviju la ppreċiżat il-persuna pubblika li tat it-twettiq tax-xogħlijiet imsemmija f’din id-domanda, la l-ammonti tal-imsemmi xogħlijiet u saħansitra lanqas l-att li permezz tiegħu dawn ix-xogħlijiet ingħataw liż-żewġ kumpanniji msemmija f’din id-domanda.

76. Fil-fatt, it-Tribunale amministrativo regionale della Sicilia jirreferi biss għax-xogħlijiet “li l-impatt ambjentali tagħhom huwa kbir u li l-ispejjeż tagħhom huma għoljien ħafna” li ngħataw lill-imsemmija kumpannija mill-awtorità kompetenti mingħajr ma’ dawn tal-aħħar tpoġġew f’kompetizzjoni ma’ kumpanniji oħra rregolati mid-dritt privat.

77. Barra minn hekk, minkejja domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Gvern Taljan u s-seduta għat-trattazzjoni, ma kienx possibbli li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li taħthom ix-xogħol inkwistjoni kien ingħata lill-imsemmija kumpanniji. Il-kumpannija Invitalia (Agenzia nazionale per l’attrazione degli investimenti e lo sviluppo d’impresa) SpA, saħansitra sostniet li ngħatat biss sempliċi attivitajiet ta’ ippjanar u li l-awtoritajiet kompetenti rrinunzjaw għax-xogħlijiet infrastrutturali msemmija fir-raba’ domanda preliminari.

78. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma għandiex biżżejjed informazzjoni dwar il-kuntest fattwali tar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u, għalhekk, din id-domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

79. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Deċiżjoni dwar l-ispejjeż

Sentenza

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Meta, f’sitwazzjoni ta’ tniġġis ambjentali, il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ratione temporis u/jew ratione materiae tad-Direttiva 2004/35, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, ma humiex sodisfatti, din is-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, fl-osservanza tar-regoli tat-Trattat u bla ħsara għal atti legali sekondarji oħra.

Id-Direttiva 2004/35 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti, meta taġixxi fil-kuntest ta’ din id-direttiva, li tippreżumi l-eżistenza ta’ rabta kawżali, anki fil-każ ta’ tniġġis ta’ natura mifruxa, bejn l-operaturi u t-tniġġis ikkonstatat, u dan minħabba l-prossimità tal-installazzjonijiet tagħhom maż-żona mniġġsa. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, sabiex tiġi preżunta t-tali rabta kawżali, din l-awtorità għandha jkollha indizji plawsibbli li fuqhom tista’ tibbaża l-preżunzjoni tagħha, bħalma huma l-prossimità tal-installazzjoni tal-operatur mat-tniġġis ikkonstatat u l-korrispondenza bejn is-sustanzi li jniġġsu misjuba u l-komponenti użati mill-imsemmi operatur fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu.

L-Artikoli 3(1), 4(5) u 11(2) tad-Direttiva 2004/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tiddeċiedi li timponi miżuri ta’ rimedju għal danni ambjentali fuq operaturi li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt l-Anness III ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti la hija marbuta li tistabbilixxi t-tort, la n-negliġenza u saħansitra lanqas id-dolo fi ħdan l-operatur li l-attivitajiet tiegħu huma meqjusa bħala responsabbli għad-danni kkawżati lill-ambjent. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha, minn naħa, l-ewwel nett tfittex l-oriġini tat-tniġġis ikkonstatat u, f’dan ir-rigward, l-imsemmija awtorità għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-proċeduri, il-mezzi li għandhom jintużaw u t-tul ta’ tali riċerka. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha tistabbilixxi, skont ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-prova, rabta kawżali bejn l-attivitajiet tal-operaturi kkonċernati mill-miżuri ta’ rimedju u dan it-tniġġis.

Top