Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0370

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-20 ta' Mejju 2010.
    Data I/O GmbH vs Hauptzollamt Hannover.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Tariffa Doganali Komuni - Klassifika tat-tariffi - Nomenklatura magħquda - Kapitolu 84, Nota 5B - Adapter li fih memory chip intiż għal konnessjoni elettrika bejn magna awtomatika ta’ programmazzjoni u l-komponenti elettriċi intiżi għal programmar - Intestaturi 8471, 8473 u 8536.
    Kawża C-370/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:284

    Kawża C‑370/08

    Data I/O GmbH

    vs

    Hauptzollamt Hannover, li kienet Bundesfinanzdirektion Südost

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

    “Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Kapitolu 84, Nota 5B — Adapter li fih memory chip intiż għal konnessjoni bejn magna awtomatika ta’ programmazzjoni u l-komponenti elettroniċi intiżi li jiġu programmati — Intestaturi 8471, 8473 u 8536”

    Sommarju tas-sentenza

    Tariffa Doganali Komuni — Intestatura tariffarja — Adapter li fih memory chip intiż għal konnessjoni bejn magna awtomatika ta’ programmazzjoni u l-komponenti elettroniċi intiżi li jiġu programmati

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1810/2004)

    Adapter li jiżgura l-funzjoni ta’ konnessjoni elettrika bejn il-programmatur u l-komponenti intiżi li jiġu programmati kif ukoll dik ta’ reġistrazzjoni tal-proċess ta’ programmazzjoni, li jista’ jiġi estratt sussegwentement, jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fin-Nota 5B(ċ) tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, li tidher fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 1810/2004, u għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura bħala “unità” ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data, sa fejn il-funzjoni prinċipali tiegħu tikkonsisti fit-twettiq ta’ proċessar tad-data. Fil-każ fejn din il-funzjoni hija nieqsa, tali adapter għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8473 tal-imsemmija nomenklatura bħala “biċċa” jew “aċċessorju” ta’ magna jekk, rispettivament, huwa indispensabbli għall-funzjonament tagħha jew jikkostitwixxi tagħmir li jippermetti l-adattament ta’ din il-magna għal xogħol partikolari jew dispożittiv ta’ natura li jiżgura servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-imsemmija magna, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Fil-każ fejn dan l-adapter ma jistax jiġi kklassifikat taħt ebda waħda miż-żewġ intestaturi msemmija, ikollu għaldaqstant jiġi kklassifikat bħala “apparat għall-konnessjoni taċ-ċirkuwiti elettriċi” li minħabba dan il-fatt jaqa’ taħt l-intestatura 8356 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.

    (ara l-punti 43-45 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    20 ta’ Mejju 2010 (*)

    “Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura magħquda – Kapitolu 84, Nota 5B – Adapter li fih memory chip intiż għal konnessjoni bejn magna awtomatika ta’ programmazzjoni u l-komponenti elettroniċi intiżi li jiġu programmati – Intestaturi 8471, 8473 u 8536”

    Fil-Kawża C‑370/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-13 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

    Data I/O GmbH

    vs

    Hauptzollamt Hannover, li kienet Bundesfinanzdirektion Südost,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Data I/O GmbH, minn A. Linscheid, avukat,

    –        għall-Hauptzollamt Hannover, li kienet il-Bundesfinanzdirektion Südost, minn J. Winterfeld, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Bouyon u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan‑Nota 5B tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat‑tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 327, p. 1).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Data I/O GmbH (iktar ’il quddiem “Data I/O”) u l-Hauptzollamt Hannover (Awtorità doganali ta’ Hanover), li qabel kienet il-Bundesfinanzdirektion Südost, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ adapter li fih memory chip intiż għal konnessjoni bejn magna awtomatika ta’ programmazzjoni u l-komponenti elettroniċi intiżi li jiġu programmati.

     Il-kuntest ġuridiku

     In-NM 

    3        Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), magħmula fi Brussel fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

    4        In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-SA u tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA b’sitt numri. L‑Anness I ta’ dan ir-regolament huwa aġġornat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej darba fis-sena. Permezz tar-Regolament Nru 1819/2004, din tal-aħħar adottat verżjoni kompleta tan-NM, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2005.

    5        L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li fiha jinsabu r-regoli ġenerali, il-Parti A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi kif ġej:

    “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill‑prinċipji li ġejjin:

    1.       It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall‑ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il‑klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l‑intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

    […]

    3.      Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

    a)      l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

    b)      taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

    ċ)       meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

    […]”

    6        It-tieni parti tan-NM fiha Taqsima XVI, li hija ppreċeduta min-noti li ġejjin:

    “[…]

    2.       Suġġett għan-nota 1 għal din it-taqsima, n-nota 1 għall-Kapitolu 84 u n-nota 1 għall-Kapitolu 85, bċejjeċ ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ ta’ l‑oġġetti ta’ l-intestatura 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom jiġu kklassifikati skond dawn ir-regoli:

    a)      Bċejjeċ li huma oġġetti inklużi f’xi wieħed mit-titli [mill-intestaturi] ta’ Kapitlu 84 jew 85 (ħlief it-titli [l-intestaturi] 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503,8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jiġu kklassifikati taħt it-titli [l-intestaturi] rispettivi tagħhom;

    […]

    3.      Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.

    4.      Fejn magna (inkluża taħlita ta’ magni) tikkonsisti f’komponenti individwali (kemm jekk separati kif jekk imwaħħlin flimkien b’pajpijiet, b’mezzi ta’ trasmissjoni, b’kejbils tal-elettriku jew b’mezzi oħrajn) maħsubin biex jikkontribwixxu flimkien għal funzjoni definita ċar koperti b’wieħed mit-titli [mill-intestaturi] f’Kapitlu 84 jew 85, hekk kollox jaqa’ biex ikun ikklassifikat fit-titlu [fl-intestatura] xieraq għal dik il-funzjoni.

    5.      Għall-għanijiet ta’ dawn in-noti, l-espressjoni “magna” tfisser kull magna, makkinarju, impjant, tagħmir, apparat jew għodda imsemmijin fit-titli [fl-intestaturi] ta’ Kapitlu 84 jew 85 ”

    7        L-imsemmija Taqsima XVI fiha l-Kapitolu 84, li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi kif ukoll il-bċejjeċ tagħhom.

    8        In-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM tipprovdi:

    “[…]

    B.      Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha:

    a)      hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;

    b)      tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar;

             u

    (ċ)       tista’ tilqa’ jew tagħti data f’forma (kowds jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema.

    Ċ.      Unitajiet ta’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data ppreżentati separatament għandhom jiġu kklassifikati taħt titlu [intestatura] 8471.

    […]

    E.      Magni li jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fit-titli [fl-intestaturi] xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fit-titli [fl-intestaturi] li jibqa’.”

    9        L-intestaturi u s-subintestaturi tal-Kapitolu 84 tan-NM li huma rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali huma dawn:

    “8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla ikkowdjata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

    […]

    8473               Bċejjeċ u aċċessorji (ħlief għata, bagalji biex jinġarru fihom u bħal dawn) tajbin biss u prinċipalment għal użu ma’ magni ta’ titli [intestaturi] 8469 sa 8472:

    […]

    8473 30          – Bċejjeċ u accessorji tal-magni ta’ titlu [intestatura] 8471

    8473 30 10  – – Immuntar elettroniku

    […]

    8473 30 90          – –Oħrajn”

    10      It-Taqsima XVI tat-Tieni Parti tan-NM fiha żewġ Kapitoli, fosthom il-Kapitolu 85, li jirrigwarda l-makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tagħhom; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti. Dan il-Kapitolu 85 jinkludi partikolarment l-intestaturi u s-subintestaturi segwenti:

    “8536 Apparat elettriku biex jixgħel (switching) jew jipproteġi ċirkuwiti elettriċi, jew biex joħloq konnessjonijiet ma’ jew ġo ċirkuwiti elettriċi (per eżempju, swiċċijiet, rilejs, fjusijiet, apparat li jrażżan it-tlugħ f’daqqa tal-kurrent, plaggs, sokits, ħowlders tal-bozoz, u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils), għal vultaġġ mhux ogħla minn 1 000 V:

    […]

    8536 90 – Apparat ieħor

    […]

    8536 90 85 – Oħrajn”.

    11      Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rata tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni applikabbli għas-subintestatura 8536 90 85 kienet ta’ 2.3 %, filwaqt li l-apparat li jaqa’ taħt l-intestaturi 8471 u 8473 kien jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju.

     In-noti ta’ spjega tas-SA

    12      Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, approva, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

    13      In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8471 huma redatti kif ġej:

    “I. – Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom.

    L-ipproċessar ta’ data tikkonsisti fl-implementazzjoni tal-informazzjoni ta’ kull każ, skont diversi proċessi loġistiċi stabbiliti minn qabel għal għan wieħed jew iktar determinati.

    […]

    D.– Unitajiet ippreżentati waħedhom.

    Din l-intestatura tkopri wkoll id-diversi unitajiet kostitwenti tas-sistemi ta’ ipproċessar tad-data ppreżentati waħdehom. Dawn jistgħu jiġu ppreżentati taħt il-forma ta’ apparat li jitqiegħed f’ħażna distinta jew taħt il-forma ta’ unitajiet mingħajr ħażna distinta, iddisinjati sabiex jitqiegħdu f’apparat (fiċ-ċirkuwiti priċipali ta’ unità ċentrali tal-ipproċessar pereżempju). […]

    […]

    Apparat ma jistax jiġi kklassifikat fil-preżenti intestatura bħala unità għal sistema awtomatika ta’ pproċessar tad-data ħlief meta dan::

    1)      iwettaq funzjoni tal-ipproċessar tad-data;

    2)      jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 5B, ta’ dan il-kapitolu, inklużi dawk fil-paragrafu ta’ introduzzjoni tal-imsemmija nota; u

    3)      ma huwiex eskluż mid-dispożizzjonijiet tan-Nota 5E tal-istess kapitolu.

    […]

    Indipendement mill-unitajiet ċentrali ta’ pproċessar u mill-unitajiet tal-input u tal-output, jistgħu jiġu ċċitati bħala eżempji ta’ unitajiet oħra:

    […]

    4)      L-unitajiet ta’ kontroll jew ta’ adattament bħal dawk intiżi sabiex titwettaq l-interkonnessjoni tal-unità ċentrali mal-magni numerċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni jew mal-gruppi tal-unitajiet tal-input jew tal-output li jistgħu jinkudu l-consoles ta’ viżwalizzazzjoni, it-terminals remoti, eċċ.

    […] L-adapters tal-kanali li jservu sabiex jikkonettjaw flimkien żewġ sistemi numeriċi, huma wkoll inklużi f’din il-kategorija (żewġ netwerks lokali, pereżempju).

    […]

    II. –  Apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kkodifikata u magni biex jipproċessaw din id-data, li ma humiex speċifikati jew inklużi band’oħra.

    […]

    B. –  Magni li jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla kkodifikata

    […]

    4)      Il-magni li jdaħħlu programmi fissi fiċ-ċirkuwiti integrati (programmaturi). Dawn il-magni għandhom bħala għan li jitrassferixxu f’għamla kkodifikata l-informazzjoni li tinsab fil-memorja interna ta’ programmatur lejn iċ-ċirkuwitu integrat li għandu jiġi pprogrammat. Il-programmaturi jistampaw permezz ta’ ‘tgħaqid’ l-informazzjoni fuq wieħed jew diversi ċirkuwiti integrat skont diversi tekniċi adattati għat-tipi ta’ ċirkuwiti integrati programabbli li dawn jużaw.

    Ċerti programmaturi jippreżentaw karatteristika addizzjonali li tippermetti lil min qed jagħmel użu minnhom sabiex jivverifika permezz ta’ simulazzjoni r-riżultat tal-programmazzjoni qabel ma jiġi rreġistrat materjalment programm fuq ċirkuwitu integrat.

    […]

    Biċċiet u aċċessorji

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-partijiet […], il-biċċiet u l-aċċessorji tal-magni f’din l-intestatura li jaqgħu [taħt l-intestatura] 8473.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    14      In-noti ta’ spjega tal-intestatura 8473 tas-SA, dwar il-biċċiet u l-aċċessorji (ħlief għata, bagalji biex jinġarru fihom u bħal dawn) tajbin biss u prinċipalment għal użu ma’ magni tal-intestaturi Nru 8469 sa 8472, jipprovdu:

    “[…]

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-biċċiet (ara l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tat-taqsima), din l-intestatura tkopri l-biċċiet u l-aċċessorji intiżi prinċipalment għall-magni jew għall-apparat li [jaqgħu taħt l-intestaturi] 8469 sa 8472.

    L-aċċessorji ta’ din l-intestatura jistgħu jikkonsistu kemm f’partijiet ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermettu li l-magni jiġu adattati għal xogħol partikolari, kemm f’mekkaniżmi li jagħtu possibbiltajiet addizzjonali, kemm ukoll f’dispożittivi ta’ natura li jiżguraw servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-magna.

    Huma rriprodotti b’mod partikolari hawnhekk:

    […]

    9)      il-komponenti ta’ memorja elettronika [il-komponenti SIMM (komponenti ta’ memorja li għandhom serje ta’ konnessjonijiet) u l-komponenti DIMM (komponenti ta’ memorja li għandhom żewġ serje ta’ konnessjonijiet), pereżempju] li huma magħrufa bħala esklussivament jew prinċipalment intiżi għal magni awtomatiċi ta’ pproċessar tad-data li mhumiex magħmula minn komponenti żgħar, kif meħtieġ min-Nota 5B(ċ) tal-Kapitolu 85 u li ma għandhomx funzjoni speċifika.

    […]”

    15      In-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 85 tas-SA, fejn il-parti A, intitolata “Portata ġenerali u struttura tal-kapitoli”, li tidher taħt il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tipprovdi:

    “Dan il-kapitolu jkopri l-magni u l-apparat elettriku kollu kif ukoll il-biċċiet tagħhom, bl-eċċezzjoni:

    a)      tal-magni u l-apparat tan-natura ta’ dawk previsti fil-Kapitolu 84, li għadhom ikklassifikati minkejja li huma elettriċi […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    16      In-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8356 tas-SA, dwar l-apparat elettriku biex jixgħel (switching) jew jipproteġi ċirkuwiti elettriċi, jew sabiex jagħmlu konnessjonijiet ma’ jew ġewwa ċirkuwiti elettriċi (pereżempju, swiċċijiet, rilejs, fjusijiet, apparat li jrażżan it-tlugħ f’daqqa tal-kurrent, plaggs, sokits, ħowlders tal-bozoz u konnekters oħrajn, kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils), għal vultaġġ mhux ogħla minn 1000 V, jipprovdu:

    “[…]

    Din l-intestatura tinkludi l-apparat elettriku għal vultaġġ mhux ogħla minn 1000 V u li essenzjalment jintuża fid-djar jew fl-istabbilimenti indistrijali. B’mod kuntrarju, jaqgħu taħt [l-intestatura] 8535, l-apparat ta’ dan it-tip għal vultaġġ ogħla minn 1000 V.

    B’mod partikolari, jaqgħu taħt din l-intestatura:

    […]

    III. –  L-Apparat biex isiru konnessjonijiet għal jew ġo ċirkuwiti elettriċi

    Dan l-apparat jintuża biex jikkonnetja bejniethom il-partijiet differenti ta’ ċirkuwitu elettroniku. Huwa jinkludi b’mod partikolari:

    A)      Il-plaggs u s-sokits, li jservu sabiex jgħaqdu ma’ pajp ġeneralment fiss, apparat jew element ta’ installazzjoni mobbli […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17      Waqt ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2005, Data I/O talbet mingħand il‑Bundesfinanzdirektion Südost informazzjoni tariffarja vinkolanti għal “adapter għal strumenti ta’ programmazzjoni PA T009”, għall‑importazzjoni lejn l-Istati Uniti.

    18      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-adapters inkwistjoni jippermettu l-programmazzjoni tal-komponenti ta’ memorja u ta’ netwerks loġistiċi. Huma jistabbilixxu konnessjoni bejn il-programmatur u l‑komponenti elettroniċi intiżi li jiġu programmati, konnessjoni li tippermetti li tintbagħat data bejn il-magna ta’ programmazzjoni u tali komponenti, li jikkonsistu f’forom u sokits differenti u ma jistgħux jitqabbdu direttament mal-programmatur. Dan l-adapter jikkonsisti f’ċirkuwitu stampat, li fih condensers kontinwi fil-forma ta’ kard ta’ estensjoni u li fuqha hemm erba’ bażijiet ta’ konnetturi ta’ plaggijiet. Barra minn hekk, fihom ċipp tal-memorja fuq il-kard ta’ adattament, li żżomm il-proċess ta’ programmazzjoni billi tirreġistra l-progress tax‑xogħol u li minnha jista’ jiġi estratt dan il-proċess.

    19      L-informazzjoni tariffarja vinkolanti, mogħtija fis-27 ta’ Lulju 2005, ikklassifikat il-merkanzija taħt is-subintestatura 8536 90 85 tan-NM. Ir‑rikors ippreżentat minn Data I/O kontra l-imsemmija reġistrazzjoni wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha kontriha u intiż sabiex tikseb il‑klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija taħt l-intestatura 8471 tan-NM jew, sussidjarjament taħt l-intestatura 8473 ta’ din in-nomenklatura, ġie miċħud b’deċiżjoni tal-Finanzgericht München.

    20      Wara li ġie ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi minn Data I/O kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-adapter inkwistjoni kellhux pjuttost jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 tan-NM.

    21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċiediet li tissospendi l‑proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)    In-Nota Spjegattiva 5(B) tal-Kapitolu 84 tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti l-klassifikar, taħt it-testatura 8471 tan-NM, ta’ adapter tal-elettriku intiż għal konnessjoni elettrika bejn magna awtomatika tal-programmazzjoni u l-komponenti elettriċi intiżi għal programmar?

    2)      Fil-każ li r-risposta [għall-ewwel domanda] tkun fin-negattiv, l-adapter imsemmi iktar ’il fuq għandu jiġi kklassifikat taħt it-testatura 8471 tan-[NM] meta dan jinkludi ċipp tal-memorja, li fuqha hemm immemorizzat il-proċess ta’ programmazzjoni u li minnu jista’ jiġi estratt?”

     Fuq id-domandi preliminari

     L-osservazzjonijiet preliminari

    22      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal domanda preliminari ma tippreċiżax jekk il-funzjoni tal-konnessjoni elettrika bejn il-programmatur u l-komponenti elettroniċi intiżi li jiġu programmati tikkostitwixxix il-funzjoni unika tal-adapter inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew jekk ir-reġistrazzjoni tal-proċess ta’ programmazzjoni, li jista’ jiġi estratt sussegwentement, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala funzjoni addizzjonali u distinta minn dik tal-konnessjoni. Il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jippermetti li jkun magħruf jekk iċ-ċipp tal-memorja tistax tiġi estratta mingħajr ma l-adapter ikun konness mal-programmatur.

    23      Issa, hekk kif tinnota l-qorti tar-rinviju stess, min-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ taħlita ta’ magni ta’ tipi differenti intiżi sabiex jiffunzjonaw flimkien u li ma jikkostitwixxux magna waħda kif ukoll il-magni intiżi sabiex jiżguraw żewġ funzjonijiet jew diversi funzjonijiet differenti titwettaq skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t-totalità. Barra minn hekk, skont in-nota 4 tal-istess taqsima, jekk magna jew taħlita ta’ magni huma kkostitwiti minn elementi distinti, iżda jiżguraw funzjoni determinata sew, it-totalità għandha tiġi kklassifikata fil-pożizzjoni li tikkorrispondi għall-funzjoni li hija tiżgura.

    24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa pjuttost li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikahom hi stess, u dan peress li hija ma għandhiex neċessarjament l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Il-qorti nazzjonali tidher, f’kull każ, li hija fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel dan. Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Pärlitigu, C‑56/08, Ġabra p. I-6719, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25      Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha, minn naħa, tiddetermina jekk l-adapters inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux taħlita ta’ magni jew magna komposta minn diversi elementi li jiżguraw funzjoni determinata sew jew diversi funzjonijiet differenti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, liema hija l-funzjoni prinċipali żgurata minn dan l-adapter sabiex tipproċedi, fid-dawl ta’ din il-funzjoni, għall-klassifikazzjoni tal‑imsemmi adapter, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

     Fuq il-mertu

    26      Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk adapter, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiżgura l-konnessjoni elettrika bejn il-programmatur u l-komponenti elettroniċi intiżi li jiġu programmati kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-proċess ta’ programmar li tista’ tiġi estratta sussegwentement, jikkostitwixxix “unità” ta’ magna awtomatika ta’ proċessar tal-informazzjoni fis-sens tan-Nota 5B tal-Kapitolu 84 tan-NM u jekk minħabba dan, jaqax taħt l-intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura.

    27      Data I/O ssostni li l-adapter inkwistjoni fil-kawża prinċipali jservi għall-konnessjoni bejn il-magna awtomatika ta’ proċessar tal-informazzjoni u l-komponent elettroniku intiż li jiġi programmat, u jippermetti b’hekk it-trasferiment ta’ data minn din il-magna lejn dan il-komponent. Barra minn hekk, dan jista’ jerġa’ jibgħat mill-ġdid din id-data u jaħżina sabiex jippermetti lill-imsemmija magna twettaq l-operazzjoni ta’ programmazzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija merkanzija għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8471 tan-NM.

    28      Min-naħa l-oħra, billi tibbaża ruħha fuq in-noti ta’ spjega tas-SA, il-Kummissjoni ssostni li merkanzija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala unità ta’ magna ta’ proċessar tad-data, ikklassifikata taħt l-intestatura 8471 tan-NM, ħlief meta din twettaq ukoll funzjoni ta’ proċessar tal-informazzjoni. Peress li din il-funzjoni hija nieqsa, l-adapter inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt din l-intestatura. Madankollu, peress li dan l-adapter elettriku fih ċipp tal-memorja li tippermettilu wkoll li jiġi estratt minnu sussegwentement il-proċess ta’ programmazzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-funzjonijiet ta’ reġistrazzjoni u ta’ estrazzjoni tad-data jikkostitwixxux funzjoni ta’ proċessar tal-informazzjoni.

    29      Qabel kollox, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16 u tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C-376/07, Ġabra p.-I 1167, punt 31).

    30      In-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill‑Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jgħinu ħafna fl‑interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madanakollu, ma huma legalment vinkolanti (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C‑250/05, Ġabra p. I-10531, punt 16 u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Kloosterboer Services, C‑173/08, Ġabra p. I-5347, punt 25).

    31      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-intestatura 8471 tan-NM, min-Nota 5B tal-Kapitolu 84 tan-NM jirriżulta li, bla ħsara għan-Nota 5E tal‑istess Kapitolu, sabiex jiġi kklassifikat fl-istess intestatura bħala unità ta’ magna awtomatika ta’ proċessar ta’ informazzjoni, l-apparat għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fin-Nota 5B(a) sa (ċ), jiġifieri, l-ewwel nett, li jkun ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għall-ipproċessar ta’ data, it-tieni nett, ikun jista’ jitqabbad mal-unità ċentrali ta’ proċessar kemm direttament jew indirettament, u t‑tielet nett, ikun jista’ jilqa’ jew jagħti data f’forma li tista’ tintuża mis-sistema.

    32      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala stabbilit, fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet imwettqa mill-Finanzgericht München, li l-adapter inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa l-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Hija tippreċiża wkoll li dan ma għandux funzjoni proprja tiegħu, fis-sens tal-imsemmija Nota 5E, li tista’ titwettaq b’mod indipendenti minn magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data. Madankollu, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, sabiex jiġi kkunsidrat bħala magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data, dan l-adapter jissodisfax il‑kundizzjoni stabbilita fin-Nota 5B(ċ), jiġifieri jkun “[j]ista’ [j]ilqa’ jew [j]agħti data f’forma (kowds jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis‑sistema”.

    33      Għandu jiġi kkonstatat li n-NM ma fiha ebda indikazzjoni dwar x’għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ “[kapaċità li] tilqa’ jew tagħti data f’forma (kowds jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema”.

    34      Madankollu, mill-Kapitolu I, parti D tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8471, jirriżulta b’mod partikolari li skont il-punt 1 tat-tmien paragrafu ta’ din il-parti, il-merkanzija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala unità ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data u kklassifikata taħt din l-istess intestatura ħlief meta din twettaq ukoll “funzjoni tal-ipproċessar tad-data”.

    35      F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “proċessar ta’ data”, minn naħa, l‑ewwel paragrafu tal-imsemmi Kapitolu I jipprovdi li tali proċessar jikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ data ta’ kull tip, f’sekwenzi loġiċi stabbiliti minn qabel u għal għan jew diversi għanijiet speċifiċi. Min‑naħa l-oħra, fid-dawl kemm tal-istruttura ġenerali tal-imsemmija nota ta’ spjega kif ukoll tal-kuntest li tinsab fiha, jidher li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jimplika, bħala prinċipju, l-użu ta’ data, bħar-reġistrazzjoni, it-tibdil, iż-żamma, il‑konverżjoni jew l-editjar tagħha.

    36      Minn dan jirriżulta li l-adapter inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li waħda mill-funzjonijiet tiegħu hija ż-żamma ta’ data permezz ta’ ċipp tal-memorja, jissodisfa l‑kundizzjoni stabbilita fin-Nota 5B(ċ) tal-Kapitolu 84 tan-NM, inkwantu dan iwettaq proċessar tad-data.

    37      Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju, billi twettaq l-istħarriġ indikat fil-punt 25 tal-imsemmija sentenza, tasal għall-konklużjoni li l-funzjoni ta’ reġistrazzjoni tikkostitwixxi l-funzjoni prinċipali ta’ adapter bħal dak inwkistjoni fil-kawża quddiemha, għandu jiġi kkunsidrat li għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 tan-NM bħala “unità” ta’ magni awtomatiċi ta’ proċessar ta’ informazzjoni.

    38      F’każ kuntrarju, hija l-imsemmija qorti li għandha tfittex jekk dan l-istess adapter għandux jiġi kkunsidrat bħala “biċċa” jew “aċċessorju” ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data u jekk għandux jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8473 tan-NM, hekk kif issostni sussidjarjament Data I/O, jew bħala “apparat għall-konnessjoni tal-ċirkuwiti elettriċi” u kklassifikat taħt l-intestatura 8536 tal-istess intestatura, kif jissuġġerixxu l-Hauptzollamt Hannover u l‑Kummissjoni.

    39      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex merkanzija tiġi kklassifikata f’dawn iż-żewġ intestaturi.

    40      Minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li t‑terminu “biċċa”, fis-sens tal-intestatura 8473 tan-NM, jimplika l‑preżenza ta’ ħaġa kompleta li din il-biċċa tkun indispensabbli għat-tħaddim tagħha (sentenza, iċċitata iktar ’il fuq, Kloosterboer Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kelma “aċċessorju”, min-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8473 jirriżulta li “[l]-aċċessorji ta’ din l-intestatura jistgħu jikkonsistu kemm f’partijiet ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermetti li l-magni jiġu adattati għal xogħol partikolari, kemm f’mekkaniżmi li jagħtu possibbiltajiet addizzjonali, kemm ukoll f’dispożittivi ta’ natura li jiżguraw servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-magna”. Din in-nota tipprovdi, b’mod partikolari, “il-komponenti ta’ memorja elettronika [...] li huma magħrufa bħala esklussivament jew prinċipalment intiżi għal magni awtomatiċi tal-ipproċessar tad-data li mhumiex magħmula minn komponenti żgħar”.

    42      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-adapter inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex indispensabbli għall-funzjonament tal-magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data jew jekk jikkostitwixxix jew tagħmir li jippermetti l-adattament ta’ din il-magna għal xogħol partikolari, jew dispożittiv ta’ natura li jiżgura servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-imsemmija magna.

    43      Huwa biss fil-każ fejn l-imsemmi adapter la jkun jista’ jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 u lanqas taħt l-intestatura 8473 tan-NM li jkollu jiġi kkunsidrat bħala “apparat għall-konnessjoni taċ-ċirkuwiti elettriċi”, li minħabba dan jaqa’ taħt l-intestatura 8536 tal-imsemmija nomenklatura, fejn il-kliem jipprovdu, b’mod partikolari “l-apparat biex jixgħel (switching) jew jipproteġi ċirkuwiti elettriċi, jew sabiex jagħmlu konnessjonijiet ma’ jew ġewwa ċirkuwiti elettriċi”.

    44      Fil-fatt, min-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 85 tan-NM jirriżulta li, skont l-ewwel paragrafu tal-parti A tagħha, dan il-Kapitolu “jkopri l-magni u l-apparat elettriku kollu kif ukoll il-biċċiet tagħhom, bl-eċċezzjoni […] tal-magni u l-apparat tan-natura ta’ dawk previsti fil-Kapitolu 84, li għadhom ikklassifikati minkejja li huma elettriċi”. Għaldaqstant, l-adapter inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8536 ta’ din in-nomenklatura ħlief jekk ma jaqax taħt l-intestaturi 8471 u 8473 ta’ din tal-aħħar.

    45      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru qabel, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li, adapter, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiżgura l-funzjoni ta’ konnessjoni elettrika bejn il-programmatur u l-komponenti intiżi li jiġu programmati, kif ukoll dik ta’ reġistrazzjoni tal-proċess ta’ programmazzjoni, li jista’ jiġi estratt sussegwentement, jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fin-Nota 5B(ċ) tal-Kapitolu 84 tan-NM u għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura bħala “unità” ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data, sa fejn il-funzjoni prinċipali tiegħu tikkonsisti fit-twettiq ta’ proċessar tad-data. Fil-każ fejn din il-funzjoni hija nieqsa, tali adapter għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8473 tal-imsemmija nomenklatura bħala “biċċa” jew “aċċessorju” ta’ magna jekk, rispettivament, huwa indispensabbli għall-funzjonament tagħha jew jikkostitwixxi tagħmir li jippermetti l-adattament ta’ din il-magna għal xogħol partikolari jew dispożittiv ta’ natura li jiżgura servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-imsemmija magna, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-każ fejn dan l-adapter ma jistax jiġi kklassifikat taħt ebda waħda miż-żewġ intestaturi msemmija, ikollu għaldaqstant jiġi kklassifikat bħala “apparat għall-konnessjoni taċ-ċirkuwiti elettriċi” li minħabba dan il-fatt jaqa’ taħt l-intestatura 8356 tan-NM.

     Fuq l-ispejjeż

    46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Adapter, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiżgura l-funzjoni ta’ konnessjoni elettrika bejn il-programmatur u l-komponenti intiżi li jiġu programmati kif ukoll dik ta’ reġistrazzjoni tal-proċess ta’ proċess ta’ programmazzjoni, li jista’ jiġi estratt sussegwentement, jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fin-Nota 5B(ċ) tal-Kapitolu 84 tan-Nomenklatura Magħquda, li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 tas-7 ta’ Settembru 2004 u għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8471 ta’ din in-nomenklatura bħala “unità” ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data, sa fejn il-funzjoni prinċipali tiegħu tikkonsisti fit-twettiq ta’ proċessar tad-data. Fil-każ fejn din il-funzjoni hija nieqsa, tali adapter għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 8473 tal-imsemmija nomenklatura bħala “biċċa” jew “aċċessorju” ta’ magna jekk, rispettivament, huwa indispensabbli għall-funzjonament tagħha jew jikkostitwixxi tagħmir li jippermetti l-adattament ta’ din il-magna għal xogħol partikolari jew dispożittiv ta’ natura li jiżgura servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-imsemmija magna, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-każ fejn dan l-adapter ma jistax jiġi kklassifikat taħt ebda waħda miż-żewġ intestaturi msemmija, ikollu għaldaqstant jiġi kklassifikat bħala “apparat għall-konnessjoni taċ-ċirkuwiti elettriċi” li minħabba dan il-fatt jaqa’ taħt l-intestatura 8356 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top