This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0362
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 26 January 2010.#Internationaler Hilfsfonds eV v European Commission.#Appeal - Access to documents of the institutions - Regulation (EC) No 1049/2001- Action for annulment - Notion of ‘measure open to challenge’ for the purposes of Article 230 EC.#Case C-362/08 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta' Jannar 2010.
Internationaler Hilfsfonds eV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001- Rikors għal annullament - Kunċett ta’ ‘att kontestabbli’ fis-sens tal-Artikolu 230 KE.
Kawża C-362/08 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta' Jannar 2010.
Internationaler Hilfsfonds eV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001- Rikors għal annullament - Kunċett ta’ ‘att kontestabbli’ fis-sens tal-Artikolu 230 KE.
Kawża C-362/08 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:40
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)
26 ta’ Jannar 2010 ( *1 )
“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Rikors għal annullament — Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’ fis-sens tal-Artikolu 230 KE”
Fil-Kawża C-362/08 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-7 ta’ Awwissu 2008,
Internationaler Hilfsfonds eV, stabbilita f’Rosbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Kaltenecker u R. Karpenstein, Rechtsanwälte,
appellanti,
appellata:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u S. Fries kif ukoll minn T. Scharf, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, R. Silva de Lapuerta u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Internationaler Hilfsfonds eV (iktar ’il quddiem “IH”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta’ Ġunju 2008, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (T-141/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-14 ta’ Frar 2005, li ċaħditilha l-aċċess għal ċerti dokumenti miżmuma minn din tal-aħħar (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għandu bħala għan li jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE. |
3 |
Taħt it-titolu “Benefiċjarji u skop”, l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-istess regolament jirrikonoxxi għal kull ċittadin tal-Unjoni u għal kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, “bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”. |
4 |
Taħt it-titolu “Eċċezzjonijiet”, l-Artikolu 4(3) tal-istess regolament jipprovdi: “Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu. Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.” |
5 |
L-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa redatt kif ġej: “L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. […]” |
6 |
L-Artikolu 6 tal-istess regolament, bit-titolu “Applikazzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mill-ilsna msemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni ssib id-dokument. L-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni.” |
7 |
F’dak li jikkonċerna l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali, l-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “1. Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. 2. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.” |
8 |
Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji, l-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi: “1. Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli [230 KE] u [195 KE] rispettivament. […] 3. Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġed fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
9 |
IH hija organizzazzjoni mhux governattiva stabbilita taħt id-dritt Ġermaniża attiva fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. Fit-28 ta’ April 1998, hija ffirmat, mal-Kummissjoni, il-kuntratt indikat bħala “LIEN 97-2011” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”) għal kofinanzjament ta’ programm ta’ għajnuna medika li hija organizzat fil-Każakistan. |
10 |
Fl-1 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni rrexxindiet unilateralment l-imsemmi kuntratt u, fis-6 ta’ Awwissu 2001, hija informat lil IH bid-deċiżjoni tagħha, meħuda wara din ir-rexissjoni, li tirkupra somma mħallsa lil IH fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. |
11 |
Fid-9 ta’ Marzu 2002, IH ippreżentat quddiem il-Kummissjoni applikazzjoni sabiex tingħata aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt. |
12 |
B’ittra tat-8 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni bagħtet lil IH lista ta’ dokumenti li kienu jinsabu f’erba’ fajls (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-8 ta’ Lulju 2002”). F’din l-ittra, filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ċaħdet it-talba ta’ IH f’dak li jikkonċerna xi wħud mid-dokumenti li kienu jinsabu fl-ewwel tliet fajls u f’dak li jikkonċerna d-dokumenti kollha li kienu jinsabu fir-raba’ fajl. |
13 |
B’ittra tal-11 ta’ Lulju 2002, indirizzata lill-President tal-Kummissjoni, IH talbet li tingħata aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt. |
14 |
B’ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, iffirmata mid-direttur tad-Direttorat “Ewropa, Kawkasu u Asja Ċentrali” fi ħdan l-Uffiċċju ta’ kooperazzjoni EuropeAid (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-26 ta’ Lulju 2002”), il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba bil-mod kif ġej: “Nirreferi għall-ittra tiegħek tal-11 ta’ Lulju 2002 lill-President Prodi, li għaliha ġejt mitlub nirrispondi. […] Fl-aħħar ittra li inti rċevejt mingħand il-Kummissjoni, datata t-8 ta’ Lulju 2002 u magħmula wara t-talba tiegħek għal informazzjoni dwar il-kontenut tal-fajls li jirrigwardaw il-kuntratt […], tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek inventarju ta’ dan il-kontenut. Fuq il-bażi ta’ dan l-inventarju, inti ġejt mitlub tinforma lis-servizzi tal-Kummissjoni liema dokumenti inti tixtieq li tingħata kopja tagħhom. Wara din it-talba, inti tkun tista’ taċċedi b’mod immedjat għad-dokumenti li ma huma suġġetti għal ebda restrizzjoni. Fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti suġġetti għal restrizzjoni, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dan jiġi normalment deċiż każ b’każ. Intenni l-attenzjoni u l-prijorità li s-servizzi tal-Kummissjoni qed jagħtu lit-talba tiegħek.” |
15 |
Fis-26 ta’ Awwissu 2002, IH ikkonsultat id-dokumenti li għalihom il-Kummissjoni kienet aċċettat li tagħtiha aċċess. |
16 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni u IH ippruvaw jaslu għal soluzzjoni bonarja fir-rigward tal-irkupru tas-somma pretiża mill-Kummissjoni skont il-kuntratt. Madankollu, fil-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni u IH ikkonstataw li huma ma kinux f’pożizzjoni li jaslu għal tali soluzzjoni bonarja. |
17 |
Fis-6 ta’ Ottubru 2003, IH ressqet quddiem l-Ombudsman ilment li bih irrapportat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt. Dan l-ilment ġie rreġistrat taħt in-Numru ta’ referenza 1874/2003/GG (iktar ’il quddiem l-“ilment imressaq minn IH”). |
18 |
Fil-15 ta’ Lulju 2004, l-Ombudsman bagħat lill-Kummissjoni abbozz ta’ rakkomandazzjoni li fih huwa kkonstata li din tal-aħħar ma kinitx ipproċessat b’mod korrett it-talba għall-aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt ippreżentata minn IH u stidinha teżamina mill-ġdid din it-talba. Barra minn hekk, huwa rrakkomanda lill-Kummissjoni tippermetti l-aċċess għad-dokumenti msemmija, sakemm ma tkunx f’pożizzjoni li turi li r-rifjut ta’ aċċess għall-istess dokumenti jkun jaqa’ taħt xi waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001. |
19 |
Fit-12 u fil-21 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ombudsman opinjoni dettaljata, redatta bl-Ingliż, segwita b’verżjoni tagħha bil-Ġermaniż (iktar ’il quddiem l-“opinjoni dettaljata”). F’din l-opinjoni, hija tafferma b’mod partikolari dan li ġej: “Il-Kummissjoni taċċetta l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew u hija eżaminat mill-ġdid it-talba ta’ [IH] sabiex tingħata aċċess għall-fajl [li jirrigwarda l-kuntratt]. Hija eżaminat mill-ġdid il-kwistjoni ta’ jekk id-dokumenti li jinsabu fil-fajls Nri 1, 2 u 3 li għalihom l-aċċess ġie rrifjutat kif ukoll id-dokumenti kollha tal-fajl Nru 4 għandhomx jiġu żvelati b’mod sħiħ jew parzjalment skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 1049/2001.” |
20 |
Wara dan l-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni aċċettat li tiżvela ħames dokumenti minn dawk li hija kienet preċedentement irrifjutat lil IH aċċess għalihom u kopji tagħhom ġew annessi mal-opinjoni dettaljata. |
21 |
Madankollu, fir-rigward tal-kumplament tad-dokumenti previsti mit-talba għal aċċess, hija tenniet ir-rifjut tagħha li tagħti dan l-aċċess lil IH. |
22 |
L-Ombudsman bagħat lil IH kopji tal-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Ġermaniż tal-opinjoni dettaljata, fit-18 u fil-25 ta’ Ottubru 2004 rispettivament, filwaqt li stedinha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, li hija għamlet fit-22 ta’ Ottubru 2004. |
23 |
Fl-14 ta’ Diċembru 2004, l-Ombudsman adotta deċiżjoni definittiva li tirrigwarda l-ilment imressaq minn IH. Bħala konklużjoni, l-Ombudsman ikkritika, fil-punt 3.1 tad-deċiżjoni tiegħu, il-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, huwa kkonstata li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet raġunijiet validi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess lil IH għal diversi dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina. Madankollu, wara li kkunsidra li l-Parlament Ewropew ma setax jieħu miżuri li jistgħu jsostnu l-pożizzjoni tiegħu u ta’ IH fil-kwistjoni li kellu quddiemu, l-Ombudsman qies li ma kienx meħtieġ li jintbagħat rapport speċjali lill-Parlament u, fil-punt 3.5 tad-deċiżjoni tiegħu, iddeċieda li jagħlaq il-proċedura ta’ dan l-ilment. |
24 |
Fit-22 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni definittiva, IH bagħtet lill-President tal-Kummissjoni talba għal aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt ifformulata kif ġej: “[…] Għandi l-unur nissottometti permezz ta’ din l-ittra talba formali sabiex [IH] titħalla taċċedi mingħajr restrizzjoni għall-fajls tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-[kuntratt], inklużi d-dokumenti kollha li l-aċċess għalihom għadu sallum irrifjutat mis-servizzi tiegħek. Ġentilment nitolbok tagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi miftiehma […] data fil-futur sabiex din l-applikazzjoni tintlaqa’ […] Sabiex insostni din l-applikazzjoni, qed [nirreferi] għad-deċiżjoni tal-Ombudsman […] tal-14 ta’ Diċembru […] Nispera li ma jkunx hemm ħtieġa ta’ proċeduri legali u li inti se tagħti struzzjonijiet lis-servizzi tiegħek sabiex jiġi ggarantit aċċess sħiħ għall-fajls inkwistjoni. […] Qed nimmarka l-21 ta’ Jannar 2005 bħala data li fiha nittama li nirċievi risposta min-naħa tiegħek. […]” |
25 |
Fil-21 ta’ Jannar 2005, b’risposta għal din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet lil IH ittra redatta kif ġej: “Nirringrazzjak tal-ittra tiegħek tat-22 ta’ Diċembru 2004 […], li permezz tagħha inti tlabt l-aċċess għad-dokumenti [li jirrigwardaw il-kuntratt], skont ir-Regolament [Nru] 1049/2001 […]. Peress li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx pożizzjoni definittiva [fir-rigward] tad-deċiżjoni tal-Ombudsman tal-14 ta’ Diċembru 2004, inti ġentilment informata li l-applikazzjoni tiegħek ser tiġi ttrattata fl-iqsar żmien possibbli. Nirringrazzjak bil-quddiem għall-kooperazzjoni tiegħek. Dejjem tiegħek.” |
26 |
Bl-att ikkontestat, iffirmat mid-direttur tad-Direttorat “Appoġġ lill-operazzjonijiet” fi ħdan l-Uffiċċju ta’ kooperazzjoni EuropeAid, il-Kummissjoni rrispondiet, fl-14 ta’ Frar 2005, għall-applikazzjoni mressqa minn IH fit-22 ta’ Diċembru 2004 bil-mod kif ġej: “Nirringrazzjak għall-ittra tiegħek tat-22 ta’ Diċembru 2004 […], li permezz tagħha inti titlob l-aċċess għad-dokumenti [li jirrigwardaw il-kuntratt], skont ir-Regolament [Nru] 1049/2001 […]. Fid-data [tal-] 21 ta’ Jannar 2005, kont informajtek li l-Kummissjoni kellha tieħu pożizzjoni definittiva [fir-rigward] tad-deċiżjoni tal-Ombudsman tal-14 ta’ Diċembru 2004 qabel ma tirrispondi għall-applikazzjoni tiegħek. Wara li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni [fir-rigward] tal-imsemmija deċiżjoni li skontha din l-istituzzjoni ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-Ombudsman fir-rigward [tal-Artikolu 4(1)(b), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3)], tar-regolament imsemmi hawn fuq u fir-rigward tar-Regolament [(KE) Nru] 45/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000,] dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità [u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102)], hija ddeċidiet li ma tagħtix aċċess għad-dokumenti li — skont il-Kummissjoni — jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-imsemmi regolament, kif invokati mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha lill-Ombudsman tat-12 ta’ Ottubru 2004. Għalhekk, b’dispjaċir, ikolli ninformak [li], apparti d-dokumenti li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijent tiegħek meta dan aċċeda għall-fajl [li jirrigwarda l-kuntratt] fis-26 [ta’ Awwissu] 2002 u l-[ħames] dokumenti li l-Kummissjoni bagħtet mal-imsemmija ittra lill-Ombudsman — li l-kontenut tagħhom ġie nnotifikat […] — il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek dokumenti oħra […]” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
27 |
B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2005, IH ippreżentat azzjoni għall-annullament tal-att ikkontestat. |
28 |
B’att separat, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fis-26 ta’ Ġunju 2005, IH ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din l-eċċezzjoni. |
29 |
Insostenn tal-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li l-att ikkontestat sempliċement jikkonferma deċiżjoni meħuda matul ix-xahar ta’ Lulju 2002, inkluża fl-ittri tat-8 u tas-26 ta’ Lulju 2002, deċiżjoni li fir-rigward tagħha IH ma ppreżentat ebda rikors fit-termini meħtieġa. Għaldaqdstant, l-imsemmi att ma jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat taħt l-Artikolu 230 KE. |
30 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 72 sa 75 tas-sentenza appellata, ikklassifikat l-ittra tat-8 ta’ Lulju 2002 bħala risposta inizjali għal applikazzjoni għall-aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
31 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 76 sa 79 tas-sentenza appellata, ikklassifikat l-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 bħala risposta għal applikazzjoni konfermatorja, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, mibgħuta lill-Kummissjoni minn IH fil-11 ta’ Lulju 2002. |
32 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni fit-terminu previst, id-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 kienet diġà saret definittiva fid-data tal-preżentata tar-rikors ta’ IH. |
33 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza li tipprovdi li rikors għal annullament kontra deċiżjoni li sempliċement tikkonferma deċiżjoni preċedenti li ma tkunx ġiet ikkontestata fit-terminu previst għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali eżaminat, konsegwentement, jekk l-att ikkontestat kienx jikkostitwixxi att purament konfermatorju tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002. |
34 |
F’dan il-kuntest, hija bbażat ruħha, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, fuq il-ġurisprudenza li tipprovdi li deċiżjoni tkun purament konfermatorja għal deċiżjoni preċedenti jekk din ma jkollha ebda element ġdid fir-rigward ta’ att preċedenti u jekk din ma tkunx ġiet ippreċeduta minn rieżami tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti. F’dan ir-rigward hija ċċitat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembri 1980, Grasselli vs Il-Kummissjoni (23/80, Ġabra p. 3709, punt 18), id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 1998, BEUC vs Il-Kummissjoni (T-84/97, Ġabra p. II-795, punt 52), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2002, AICS vs Il-Parlament (T-365/00, Ġabra p. II-2719, punt 30). |
35 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali eżaminat qabelxejn, fil-punti 83 sa 92 tas-sentenza appellata, jekk l-aspetti invokati minn IH kinux jistgħu jikkostitwixxu “element ġdid” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. Hija kkonkludiet li la l-konklużjonijiet tal-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2004 u lanqas l-iżviluppi u r-riżultati tal-investigazzjoni mmexxija minnu fil-kuntest tal-ipproċessar tal-ilment imressaq minn IH ma jikkostitwixxu elementi ġodda li jistgħu jiddistingwu l-att ikkontestat mill-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002. |
36 |
Imbagħad il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk l-att ikkontestat kienx ġie ppreċedut minn “rieżami”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, tas-sitwazzjoni ta’ IH. Din il-possibbiltà ġiet eskluża fil-punti 93 sa 100 tas-sentenza appellata. |
37 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat bħala fondat l-argument tal-Kummissjoni li l-att ikkontestat huwa purament konfermatorju u, konsegwentement, laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn din tal-aħħar. |
38 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, sussidjarjament, fil-punti 103 sa 110 tas-sentenza appellata, li, anki jekk l-att ikkontestat ma kienx jikkostitwixxi att purament konfermatorju tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, dan xorta waħda ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att li jista’ jiġi kkontestat peress li f’dan il-każ huwa jkollu jiġi kklassifikat bħala risposta inizjali, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, li ma tistax tkun suġġetta għal rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE. |
39 |
Filwaqt li bbażat ruħha fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ IH bħala inammissibbli. |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
40 |
Permezz tal-appell tagħha, IH qed titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
41 |
Il-Kummissjoni titlobli l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
42 |
Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2009, IH issuġġeriet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 tagħhom. |
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
43 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Mill-banda l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. |
45 |
Issa, fit-talba tagħha, IH sempliċement issostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1049/2001. |
46 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li f’din il-kawża hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni li għandha quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha. |
47 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. |
Fuq l-appell
48 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet essenzjalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbità mqajma quddiemha mill-Kummissjoni minħabba li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. |
49 |
IH tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, bħala risposta għal applikazzjoni konfermatorja, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni u t-tielet aggravji, li jirrigwardaw l-att ikkontestat, huma bbażati fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-imsemmi att bħala att purament konfermatorju tal-imsemmija deċiżjoni u klassifikazzjoni żbaljata ta’ dan l-att bħala risposta inizjali, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, rispettivament. |
50 |
Qabelxejn għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tieni u t-tielet aggravji. |
51 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sewwa dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament jirriżulta wkoll li għall-klassifikazzjoni ta’ dawn l-atti għandha tingħata importanza kemm lis-sustanza stess tal-atti kkontestati u kif ukoll lill-intenzjoni tal-awturi tagħhom. F’dan ir-rigward, bħala regola, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti, kif ukoll atti purament konfermatorji ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 42). |
53 |
Fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, inkwantu jipprevedu proċedura ta’ żewġ stadji, għandhom bħala għan li jippermettu, minn naħa, ipproċessar immedjat u faċli tal-applikazzjonijiet għal aċċess tad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, bħala prijorità, li possibbilment jintlaħaq ftehim bonarju tad-differenzi li jkun hemm. Fil-każijiet meta l-partijiet ma jkunux jistgħu jsolvu dawn id-differenzi, l-Artikolu 8(1) jipprevedi żewġ rimedji, jiġifieri r-rimedju ta’ proċeduri ġudizzjarji u dak tat-tressiq ta’ lment quddiem l-Ombudsman. |
54 |
L-imsemmija proċedura, inkwantu din tipprevedi l-preżentata ta’ applikazzjoni konfermatorja, tippermetti b’mod partikolari li l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel rieżami tal-pożizzjoni tagħha qabel ma tieħu deċiżjoni definittiva ta’ rifjut li tista’ tkun suġġetta għal azzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni. Tali proċedura tippermetti li l-applikazzjonijiet inizjali jiġu pproċessati iktar malajr u, konsegwentement, l-istennija tal-applikant tiġi iktar milħuqa, filwaqt li din l-istituzzjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni dettaljata qabel ma tirrifjuta b’mod definittiv l-aċċess għad-dokumenti previsti mill-applikant, b’mod partikolari jekk dan tal-aħħar jinsisti bit-talba tiegħu għall-iżvelar tagħhom minkejja rifjut motivat ta’ din l-istituzzjoni. |
55 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax ikun suġġett għal rikors taħt l-Artikolu 230 KE, huwa iktar importanti l-kontentut milli l-aspett formali tiegħu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9). |
56 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1049/2001 jagħti dritt ta’ aċċess wiesa’ ħafna għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, billi t-tgawdija ta’ dan id-dritt ma hijiex suġġetta, skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, għal ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(7) tiegħu, l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu jistgħu jiġu applikati biss matul il-perijodu li matulu l-protezzjoni tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontentut tad-dokument. |
57 |
Minn dan isegwi li persuna tista’ tagħmel applikazzjoni ġdida għal aċċess fir-rigward ta’ dokumenti li għalihom l-aċċess kien ġie lilha preċedentement miċħud. Applikazzjoni bħal din tobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata teżamina jekk ir-rifjut għal aċċess preċedenti għadux iġġustifikat fid-dawl ta’ bdil, fil-frattemp, tas-sitwazzjoni ta’ dritt jew ta’ fatt. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, li l-att ikkontestat jikkostitwixxi, fid-dawl kemm tal-kontenut, li jirreferi b’mod espliċitu għal “pożizzjoni definittiva” tal-Kummissjoni, kif ukoll tal-kuntest li fih dan sar, rifjut definittiv, min-naħa tal-Kummissjoni, li tiżvela d-dokumenti kollha mitluba minn IH. Dan ir-rifjut temm serje ta’ passi li din tal-aħħar ħadet b’mod kontinwu matul madwar tliet snin, imsemmija fil-punti 11 sa 26 ta’ din is-sentenza, bil-għan li tikseb l-aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt u li inkludiet diversi applikazzjonijiet ppreżentati minn IH għal dan il-għan. |
59 |
Kif intqal fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, IH setgħet liberament tressaq applikazzjonijiet ġodda għal aċċess għall-imsemmija dokumenti mingħajr ma l-Kummissjoni tkun tista’ tinvokalha r-rifjuti ta’ aċċess preċedenti. |
60 |
Bl-istess mod, f’ċirkustanzi bħal dawn tal-każ ineżami, il-Kummissjoni ma tistax b’mod raġonevoli tippretendi li IH kellha, wara li din rċeviet l-ittra tal-att ikkontestat, tagħmel applikazzjoni mill-ġdid u tistenna li din l-istituzzjoni terġa’ tagħtiha rifjut mill-ġdid sabiex dan ikun jista’ jiġi meqjus bħala att definittiv u, għalhekk, li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, indipendentement mill-fatt li, fl-att ikkontestat, il-Kummissjoni ma informatx lil IH bid-dritt tagħha li tippreżenta applikazzjoni konfermatorja, tali pass min-naħa ta’ din tal-aħħar ma kienx ser iwassal għall-eżitu minnha mixtieq, u dan fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mill-opinjoni dettaljata u mill-iżvelar ta’ ħames dokumenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Ombudsman, il-Kummissjoni kienet eżaminat fid-dettall l-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata minn IH u kienet b’mod ċar u definittiv iddeċidiet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba. |
61 |
Barra minn hekk, li wieħed jeżiġi tali pass huwa kuntrarju għall-għan tal-proċedura stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001, li tipprova tiggarantixxi aċċess immedjat u faċli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. |
62 |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta kkunsidrat li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, li jista’ jkun suġġett għal rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ir-rikors kontra att bħal dan huwa ammissibbli. |
63 |
Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet aggravji invokati minn IH insostenn tal-appell tagħha huma fondati. Għalhekk, filwaqt li ma hemmx ħtieġa li l-ewwel aggravju jiġi eżaminat, hemm lok li l-appell jintlaqa’ u li s-sentenza appellata tiġi annullata. |
Fuq ir-rikors tal-ewwel istanza
64 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
65 |
Madankollu, f’dan l-istadju tal-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni tiddeċiedi fuq il-fondatezza tar-rikors ippreżentat minn IH quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan l-aspett tal-kwistjoni jimplika fil-fatt l-eżami ta’ argumenti u elementi li ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din ippronunzjat ruħha fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata permezz ta’ att separat. Konsegwentement, fir-rigward tal-mertu tagħha, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizza għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċedura fl-ewwel istanza. |
66 |
Għar-raġunijiet elenkati fil-punti 51 sa 62 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-fatt li l-att ikkontestat ma jistax ikun suġġett għal rikors għal annullament, għandha tiġi miċħuda. |
67 |
Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina r-rikors ta’ IH intiż għall-annullament tal-att ikkontestat. |
Fuq l-ispejjeż
68 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
69 |
Peress li l-appell intlaqa’ u l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appell u għal dawk tal-ewwel istanza marbuta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, kif mitlub minn IH, b’riżerva tal-ispejjeż fir-rigward tal-kumplament. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.