Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0310

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta' Frar 2010.
London Borough of Harrow vs Nimco Hassan Ibrahim u Secretary of State for the Home Department.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Moviment liberu tal-persuni - Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, u tat-tfal tagħhom, li huma ċittadini ta’ Stat Membru - Waqfien mill-impjieg taċ-ċittadin ta’ Stat Membru segwit mit-tluq tiegħu mill-Istat Membru ospitanti - Reġistrazzjoni tat-tfal f’istituzzjoni skolastika - Nuqqas ta’ riżorsi għall-għajxien - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 12 - Direttiva 2004/38/KE.
Kawża C-310/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:80

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Frar 2010 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, u tat-tfal tagħhom, li huma ċittadini ta’ Stat Membru — Waqfien mill-attività mħallsa taċ-ċittadin ta’ Stat Membru segwit mit-tluq tiegħu mill-Istat Membru ospitanti — Reġistrazzjoni tat-tfal f’istituzzjoni skolastika — Nuqqas ta’ mezzi ta’ għajxien — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Direttiva 2004/38/KE”

Fil-Kawża C-310/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

London Borough of Harrow

vs

Nimco Hassan Ibrahim,

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u P. Lindh, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-London Borough of Harrow, minn K. Rutledge, barrister,

għal N. H. Ibrahim, minn N. Rogers, barrister, bħala rappreżentant ta’ S. Morshead, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn C. Lewis, QC,

għall-Gvern Daniż, minn R. Holdgaard, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u B. O’Moore, bħala aġenti, assistiti minn D. Conlan Smyth, barrister,

għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u M. Wilderspin, bħala aġenti,

għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn N. Fenger kif ukoll minn F. Simonetti u I. Hauger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 2, p. 69, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”), u tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-London Borough of Harrow (muniċipalità ta’ Harrow, Londra) u, min-naħa l-oħra, N. H. Ibrahim u s-Secretary of State for the Home Department, dwar ir-rifjut tat-talba ta’ N. H. Ibrahim intiża sabiex tirċievi l-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 1612/68 hija fformulata kif ġej:

“Billi d-dritt għall-libertà tal-moviment, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat, bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, jeħtieġ li ugwaljanza ta’ trattament għandha tkun assigurata fil-fatt u fil-liġi fir-rigward tal-materji kollha li għandhom x’jaqsmu mat-twettiq attwali ta’ attivitajiet bħala persuni mpjegati u għall-eliġibilità għal dar fejn joqogħodu, u ukoll li ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu u l-kondizzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ dik il-familja fil-pajjiż li jospitaha.”

4

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 kien jipprovdi:

“1.   Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)

il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)

qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u [ta]l-mara tiegħu.

2.   Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.

3.   Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m’għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”

5

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1612/68 kien jipprovdi:

“Fejn ċittadin ta’ xi Stat Membru jkun qed iwettaq attività bħala mpjegat jew persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-konjuġi tagħha u t-tfal li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqu għandu jkollhom id-dritt li jidħlu għal kwalunkwe attività bħala persuna mpjegata fit-territorju kollu ta’ dak l-istess Stat, anki jekk ma jkunux persuni ċittadini ta’ xi Stat Membru.”

6

L-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68 ġew imħassra b’effett mit-30 ta’ April 2006 bis-saħħa tal-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2004/38.

7

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.”

8

Il-premessi 3 u 16 tad-Direttiva 2004/38 huma fformulati kif ġej:

“(3)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(16)

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.”

9

Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-direttiva msemmija:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).”

10

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f’istituzzjoni edukattiv, għal skop ta’ studju, sat-tlestija ta’ l-istudji tagħhom.”

11

L-Artikolu 24 tad-direttiva msemmija, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat [KE] u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni fir-Renju Unit (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006], “persuna kwalifikata” għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti hija persuna li hija ċittadina ta’ Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea li hija stabbilita fir-Renju Unit bħala persuna li qed tfittex xogħol, persuna impjegata, persuna li taħdem għal rasha, persuna ekonomikament awtonoma jew student.

13

Skont l-Artikolu 19(3)(a) tar-regolamenti msemmija, persuna tista’ titkeċċa mir-Renju Unit jekk hija ma tkunx jew ma tibqax persuna kwalifikata fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti.

14

Mill-Att tal-1996 dwar l-Akkomodazzjoni (Housing Act 1996) u mir-Regolamenti tal-2006 dwar l-Allokazzjoni ta’ Akkomodazzjoni u dwar il-persuni li ma għandhomx fejn joqogħdu [Allocation of Housing and Homelessness (Eligibility) Regulations 2006] jirriżulta li persuna ma tistax tapplika sabiex tirċievi l-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni jekk ma jkollhiex dritt ta’ residenza fir-Renju Unit mogħti mid-dritt tal-Unjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

N. H. Ibrahim hija ċittadina tas-Somalja miżżewġa lil ċittadin Daniż, M. Yusuf.

16

M. Yusuf wasal fir-Renju Unit matul il-ħarifa tal-2002 u ħadem hemmhekk minn Ottubru 2002 sa Mejju 2003. Minn Ġunju 2003 sa Marzu 2004, huwa applika għal benefiċċji minħabba inkapaċità għax-xogħol. Wara li fl-aħħar ta’ dan il-perijodu ġie ddikjarat kapaċi għax-xogħol, M. Yusuf telaq mir-Renju Unit iżda rritorna hemmhekk matul Diċembru 2006.

17

Huwa paċifiku li, bejn il-mument meta waqaf mix-xogħol u meta telaq mir-Renju Unit, M. Yusuf ma baqax “persuna kwalifikata” skont l-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea). Meta rritorna lejn ir-Renju Unit, M. Yusuf ma reġax kiseb l-istatus ta’ “persuna kwalifikata” li tibbenefika minn dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni.

18

N. H. Ibrahim waslet fir-Renju Unit bil-permess tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni fi Frar 2003 sabiex tingħaqad ma’ żewġha.

19

Huma għandhom erbat itfal li huma lkoll ċittadini Daniżi, u li l-età tagħhom tvarja bejn sena u disa’ snin. It-tlett itfal il-kbar waslu fir-Renju Unit ma’ ommhom u r-raba’ wild twieled fir-Renju Unit. Iż-żewġt itfal il-kbar ilhom jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fi skola pubblika mill-wasla tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

20

Wara li żewġha telaq mir-Renju Unit fl-2004, N. H. Ibrahim isseparat minn miegħu. Hija qatt ma kienet ekonomikament awtonoma. Hija ma taħdimx u tiddependi kompletament mill-għajnuna soċjali sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ kuljum tagħha u l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni tagħha. Hija ma għandhiex assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard u tibbenefika min-National Health Service (servizz tas-saħħa nazzjonali).

21

Matul Jannar 2007, N. H. Ibrahim applikat sabiex tirċievi l-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni għaliha u għat-tfal tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2007, l-uffiċjal kompetenti tal-London Borough of Harrow ċaħad din l-applikazzjoni. Huwa qies li la N. H. Ibrahim u lanqas żewġha ma kienu residenti fir-Renju Unit bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Fid-29 ta’ Marzu 2007 din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet ikkonfermata mill-uffiċjal responsabbli sabiex jeżamina l-appelli għar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni.

22

Peress li N. H. Ibrahim appellat minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Clerkenwell and Shoreditch County Court (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Clerkenwell and Shoreditch), din il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2007, laqgħet ir-rikors imressaq quddiemha minħabba li, bħala l-omm tat-tfal li fir-rigward tagħhom hija għandha effettivament il-kustodja, N. H. Ibrahim għandha dritt ta’ residenza fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, peress li dawn tal-aħħar qegħdin jirċievu l-edukazzjoni skolastika tagħhom u peress li l-konjuġi tagħha huwa ċittadin tal-Unjoni li ħadem f’dan l-Istat Membru.

23

Il-London Borough of Harrow appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’ċirkustanzi fejn

il-konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz u t-tfal tiegħu ċittadini tal-Unjoni jkunu akkumpanjaw ċittadin tal-Unjoni li jkun stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit,

iċ-ċittadin tal-Unjoni kien jinsab fir-Renju Unit bħala ħaddiem,

iċ-ċittadin tal-Unjoni wara jkun waqaf jaħdem u sussegwentement ikun telaq mir-Rejnu Unit,

iċ-ċittadin tal-Unjoni, il-konjuġi tiegħu ċittadin ta’ Stat terz u t-tfal ma jkunux jistgħu jmantnu lilhom infushom u jkunu dipendenti fuq l-għajnuna soċjali fir-Renju Unit,

it-tfal ikunu bdew l-edukazzjoni primarja tagħhom fir-Renju Unit ftit wara l-wasla tagħhom, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni kien jaħdem:

1)

il-konjuġi u t-tfal għandhom dritt ta’ residenza fir-Renju Unit biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38 […]?

jew

(2)

(a)

huma għandhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 12 tar-Regolament […] Nru 1612/68 […], kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkun neċessarju li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 2004/38 […]; u

(b)

f’dan il-każ, għandhom ikollhom aċċess għal riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali li hemm fl-Istat Membru ospitanti waqt il-perjodu propost tagħhom ta’ residenza u għandu jkollhom assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard f’dan l-Istat Membru?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, il-pożizzjoni tinbidel meta, f’ċirkustanzi bħall-każ preżenti, it-tfal ikunu bdew l-edukazzjoni primarja u l-ħaddiem ċittadin tal-Unjoni jkun waqaf jaħdem qabel id-data li fiha d-Direttiva 2004/38 […] kellha tiġi implementata fl-Istati Membri?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

25

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, it-tfal u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom jistgħux jinvokaw dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fuq il-bażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mingħajr ma jkunu meħtieġa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38, jew jekk jistgħux jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija. Fil-każ li d-dritt ta’ residenza jirriżulta fuq il-bażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk it-tfal u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom għandhomx ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard fl-Istat Membru ospitanti.

26

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, it-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, ta’ taħriġ u ta’ formazzjoni professjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu residenti fit-territorju tiegħu.

27

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 kien jistabbilixxi d-dritt tal-konjuġi u tad-dixxendenti ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li jistabbilixxu ruħhom miegħu f’dan l-Istat tal-aħħar.

28

Mill-Artikolu 7(1)(b) u (d) u mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma jeżerċita, f’dan l-Istat, attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, għandhom id-dritt li jakkumpanjaw lil u li jingħaqdu ma’ dan iċ-ċittadin, sakemm dan tal-aħħar ikollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard fl-Istat Membru ospitanti.

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni li stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru meta l-ġenitur tagħhom kien jeżerċita drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem migrant f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jirrisjedu hemmhekk sabiex isegwu, f’dan l-istess Stat, korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Il-fatt li, fil-frattemp, il-ġenituri tat-tfal ikkonċernati jkunu ddivorzjaw, il-fatt li wieħed biss mill-ġenituri huwa ċittadin tal-Unjoni u l-fatt li dan il-ġenitur ma jkunx għadu ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti, mhumiex rilevanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 63).

30

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li, meta t-tfal jibbenefikaw, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mid-dritt li jkomplu l-edukazzjoni skolastika tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li l-ġenituri li jkollhom il-kustodja tagħhom ikunu fil-periklu li jitilfu d-drittijiet ta’ residenza tagħhom, ir-rifjut li dawn il-ġenituri jingħataw il-possibbiltà li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu li t-tfal tagħhom ikunu qegħdin jirċievu l-edukazzjoni skolastika tagħhom jista’ jkun ta’ natura tali li jċaħħad lil dawn tal-aħħar minn dritt li rrikonoxxielhom il-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

31

Wara li, barra minn hekk, fakkret, fil-punt 72 tas-sentenza msemmija Baumbast u R, li r-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżit li tiġi rrispettata l-ħajja tal-familja previst fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 73 tal-istess sentenza, li d-dritt rikonoxxut mill-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament lit-tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi, fl-aħjar kundizzjonijiet, l-edukazzjoni skolastika tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jimplika neċessarjament li dan it-tifel għandu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li effettivament ikollha l-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun f’pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-imsemmi Stat Membru matul l-istudji tiegħu.

32

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk is-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, hijiex ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 flimkien mal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, jew jekk hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 12 biss. B’mod iktar speċifiku, dik il-qorti tistaqsi jekk id-dritt ta’ residenza tat-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti, l-istess bħad-dritt tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom, jirriżultawx b’mod impliċitu mill-imsemmi Artikolu 12.

33

Fl-ewwel lok, id-dritt tat-tfal ta’ ħaddiema migranti għal trattament ugwali fl-aċċess għat-tagħlim, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, japplika biss għat-tfal li “jgħixu” fit-territorju tal-Istat Membru fejn wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa jew kien impjegat.

34

Għalhekk, l-aċċess għat-tagħlim jiddependi mill-fatt li t-tifel ikun stabbilixxa ruħu minn qabel fl-Istat Membru ospitanti.

35

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, jippermetti li t-tifel jingħata, flimkien mad-dritt tiegħu li jkollu aċċess għat-tagħlim, dritt ta’ residenza awtonomu. B’mod partikolari, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim ma kienx suġġett għall-kundizzjoni li t-tifel iżomm, matul il-perijodu kollu tal-istudji tiegħu, dritt ta’ residenza speċifiku taħt l-Artikolu 10(1)(a) tar-regolament imsemmi, meta din id-dispożizzjoni kienet għadha fis-seħħ.

36

Fil-punti 21 sa 24 tas-sentenza tagħha tal-4 ta’ Mejju 1995, Gaal (C-7/94, Ġabra p. I-1031), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espressament l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż li kien qiegħed isostni li kien hemm rabta mill-qrib bejn l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, minn naħa, u l-Artikolu 12 tal-istess regolament, min-naħa l-oħra, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet tagħti d-dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-aċċess għat-tagħlim fl-Istat Membru ospitanti lil dawk it-tfal biss li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-Artikoli 10 u 11. Fil-punt 23 tal-imsemmija sentenza Gaal, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat espliċitament li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma kien jagħmel ebda riferiment għall-imsemmija Artikoli 10 u 11.

37

Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-kuntest tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu jekk l-eżerċizzju tad-dritt għal aċċess għat-tagħlim ikun suġġett għall-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza distint tat-tifel, evalwat fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

38

Minn dan jirriżulta li, ladarba jinkiseb id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim, li t-tifel igawdi taħt l-Artikolu 12 tar-regolament imsemmi minħabba li jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt ta’ residenza jibqa’ marbut mat-tifel u ma jistax jiġi kkontestat iktar minħabba li l-kundizzjonijiet li kienu stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-istess regolament ma kinux osservati.

39

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, id-dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-aċċess għat-tagħlim mhuwiex limitat għat-tfal tal-ħaddiema migranti. Dan id-dritt japplika wkoll għat-tfal ta’ persuni li kienu ħaddiema migranti.

40

Id-dritt li t-tfal igawdu taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 mhuwiex, barra minn hekk, suġġett għad-dritt ta’ residenza tal-ġenituri tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-Artikolu 12 jeżiġi biss li t-tifel ikun għex mal-ġenituri tiegħu jew ma’ wieħed minnhom fi Stat Membru matul il-perijodu li fih mill-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu kien residenti f’dan l-Istat bħala ħaddiem (sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Brown, 197/86, Ġabra p. 3205, punt 30, u Gaal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

41

Il-fatt li jiġi rikonoxxut li t-tfal ta’ persuni li kienu ħaddiema migranti jistgħu jsegwu l-istudji tagħhom fl-Istat Membru ospitanti filwaqt li l-ġenituri tagħhom ma jkunux għadhom residenti hemmhekk huwa ekwivalenti għar-rikonoxximent, fir-rigward tagħhom, ta’ dritt ta’ residenza indipendenti minn dak mogħti lill-ġenituri tagħhom, u tali dritt huwa bbażat fuq l-imsemmi Artikolu 12.

42

L-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandha għalhekk issir b’mod awtonomu fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Tali awtonomija ta’ dan l-Artikolu 12 fil-konfront tal-Artikolu 10 tal-istess regolament kienet il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza u neċessarjament tippersisti fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

43

Soluzzjoni kuntrarja tkun ta’ natura li tikkomprometti l-għan tal-integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem migrant fi ħdan l-Istat Membru ospitanti, kif previst fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 1612/68. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tali integrazzjoni jkun jista’ jkollha suċċess, huwa indispensabbli li t-tifel ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jkollu l-possibbiltà li jirċievi l-edukazzjoni skolastika u li jwettaq l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u, jekk ikun il-każ, li jispiċċahom b’suċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punt 21, kif ukoll Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

44

Il-London Borough of Harrow, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Daniż kif ukoll l-Irlanda jsostnu li d-Direttiva 2004/38 tikkostitwixxi, minn meta daħlet fis-seħħ, il-bażi unika tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fl-Istati Membri għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, u li, għaldaqstant, minn wara d-dħul fis-seħħ tagħha, ebda dritt ta’ residenza ma jista’ jinsilet mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

45

F’dan ir-rigward, ebda element ma jippermetti li wieħed jaħseb li, meta adotta d-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jemenda l-portata tal-imsemmi Artikolu 12 kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex minn wara din l-adozzjoni jillimita l-kontenut normattiv ta’ dan l-Artikolu għal sempliċi dritt ta’ aċċess għat-tagħlim.

46

Fl-istess sens, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li sar fir-rigward tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68, id-Direttiva 2004/38 ma ħasritx l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament. Tali għażla ma tistax tindika xi ħaġa oħra għajr l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jintroduċix restrizzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

47

L-interpretazzjoni adottata fil-punt preċedenti hija kkorroborata mill-fatt li mit-travaux préparatoires tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din kienet maħsuba b’mod li tkun koerenti mas-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq (COM(2003) 199 finali, p. 7).

48

Li kieku l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kien sempliċement jagħti d-dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-aċċess għat-tagħlim mingħajr ma kien jipprovdi ebda dritt ta’ residenza favur it-tfal tal-ħaddiema migranti, huwa kien isir superfluwu wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandu jgawdi minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, u dan filwaqt li ma hemm ebda dubju li l-aċċess għat-tagħlim jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Gravier, 293/83, Ġabra p. 593, punt 19).

49

Barra minn hekk, skont il-premessa 3 tagħha, id-Direttiva 2004/38 hija b’mod partikolari intiża li tissemplifika u ssaħħaħ id-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, Ġabra p. I-6241, punt 59). Issa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(b) u (d) u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 għat-tfal tal-ħaddiema migranti għandha l-effett li d-dritt ta’ residenza ta’ dawn it-tfal fl-Istat Membru ospitanti sabiex jibdew jew isegwu l-istudji tagħhom f’dan l-Istat huwa suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li kienu applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38.

50

Minn dan isegwi li t-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll il-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom, jistgħu jinvokaw, f’dan l-Istat tal-aħħar, dritt ta’ residenza fuq il-bażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mingħajr mhuma meħtieġa jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38.

51

Jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ residenza huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard fl-Istat Membru ospitanti.

52

Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li tali kundizzjoni ma tinsabx fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, dan l-Artikolu ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv u lanqas, fi kwalunkwe każ, ma jista’ jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu (sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

53

Ir-rekwiżit marbut mal-awtonomija ekonomika tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru u mal-protezzjoni, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ dawn tal-aħħar fil-każ ta’ mard lanqas ma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ntalbet tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk it-tfal li kienu jirrisjedu fl-Istat Membru jew missierhom, ċittadin ta’ Stat Membru, li kien eżerċita attività bħala impjegat qabel ma rritorna lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu, kellhomx dritt, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, għall-benefiċċji Statali intiżi li jkopri l-ispejjeż tat-tagħlim, tal-manteniment tagħhom u tal-persuni dipendenti fuqhom, kif ukoll l-ispejjeż tal-assigurazzjoni kontra l-mard, iddeċidiet, mingħajr ma indirizzat is-sitwazzjoni ekonomika tal-istudenti inkwistjoni, li l-istatus ta’ tfal ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru, fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68, jimplika b’mod partikolari r-rikonoxximent, mid-dritt tal-Unjoni, tal-ħtieġa li jibbenefikaw mill-benefiċċji Statali għall-istudji fid-dawl tal-integrazzjoni ta’ dawn it-tfal fil-ħajja soċjali tal-Istat Membru ospitanti, liema rekwiżit huwa meħtieġ iktar u iktar fil-każijiet fejn il-persuni li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma studenti li waslu f’dan l-Istat saħansitra qabel laħqu l-età li fiha jibdew l-iskola (sentenza Echternach u Moritz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

55

Huwa minnu li, fis-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, is-Sur Baumbast, missier it-tfal li d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kien inkwistjoni, kellu riżorsi li kienu jippermettulu, u lill-familja tiegħu, li ma jkunux dipendenti fuq l-għajnuna soċjali. Madankollu, ir-risposti għad-domandi preliminari, li kienu jikkonċernaw id-dritt ta’ residenza tat-tfal u ta’ ommhom li kellha l-kustodja tagħhom, ma kinux ibbażati fuq l-awtonomija ekonomika tagħhom, iżda fuq il-fatt li l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, jeżiġi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti, u li l-fatt li l-ġenituri li jkollhom il-kustodja tat-tfal jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu li fih dawn tal-aħħar ikunu qegħdin jirċievu l-edukazzjoni skolastika tagħhom jista’ jkun ta’ natura li jċaħħadhom minn dritt li jirrikonoxxilhom il-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 71).

56

Id-Direttiva 2004/38 lanqas ma tissuġġetta, f’ċerti sitwazzjonijiet, id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tat-tfal li jkunu qegħdin isegwu l-istudji tagħhom u tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom għall-fatt li dawn tal-aħħar ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard.

57

L-interpretazzjoni li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tat-tfal li jkunu qegħdin isegwu l-istudji tagħhom hemmhekk u tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard hija kkorroborata mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-mewt tiegħu ma jimplikawx it-telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja ta’ dawn tal-aħħar, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, sakemm dawn ikunu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti u jkunu rreġistrati fi stabbiliment skolastiku, bl-iskop li jirċievu tagħlim, sa meta jispiċċaw l-istudji tagħhom.

58

Din id-dispożizzjoni, għalkemm mhijiex applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, turi l-importanza partikolari li d-Direttiva 2004/38 tagħti lis-sitwazzjoni tat-tfal li jsegwu l-istudji tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u tal-ġenituri li jkollhom il-kustodja tagħhom.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi hija li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, it-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom jistgħu jinvokaw, f’dan l-Istat tal-aħħar, dritt ta’ residenza fuq il-bażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mingħajr ma tali dritt huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard f’dan l-Istat.

Fuq it-tielet domanda

60

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, it-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom jistgħu jinvokaw, f’dan l-Istat tal-aħħar, dritt ta’ residenza fuq il-bażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992, mingħajr ma tali dritt huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard f’dan l-Istat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top