EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0303

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
Land Baden-Württemberg vs Metin Bozkurt.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Riunifikazzjoni tal-familja - L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni - Konjiġi ta’ ħaddiem Torka li għex magħha għal iktar minn ħames snin - Żamma tad-dritt ta’ residenza wara d-divorzju - Kundanna tal-parti kkonċernata għal vjolenza mwettqa kontra l-ex mara tiegħu - Abbuż ta’ dritt.
Kawża C-303/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13445

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:800

Kawża C-303/08

Land Baden-Württemberg

vs

Metin Bozkurt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Bundesverwaltungsgericht)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Riunifikazzjoni tal-familja — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni — Konjuġi ta’ ħaddiem Tork li għex magħha għal iktar minn ħames snin — Żamma tad-dritt ta’ residenza wara d-divorzju — Kundanna tal-parti kkonċernata għal vjolenza mwettqa kontra l-ex mara tiegħu — Abbuż ta’ dritt”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 – Riunifikazzjoni tal-familja

(Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 59; Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7)

2.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 — Riunifikazzjoni tal-familja

(Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7,u l-Artikolu 14(1))

1.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija għandu jiġi interpretata fis-sens li ċittadin Tork li, fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li tappartjeni legalment għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru u minħabba l-fatt tar-residenza tiegħu għand martu għal perijodu kontinwu ta’ għall-inqas ħames snin, li jibbenefika mid-drittijiet relatati mal-istatut ġuridiku mogħti fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jitlifx il-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet minħabba divorzju ppronunċat f’data wara l-kisba tagħhom.

Drittijiet legalment miksuba minn ċittadin Tork fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fil-fatt jeżistu indipendentement miż-żamma tal-kundizzjonijiet li kienu meħtieġa sabiex jagħtu lok għal dawn id-drittijiet, b’mod li l-membru tal-familja li diġà għandu drittijiet abbażi tal-imsemmija deċiżjoni huwa f’pożizzjoni li jikkonsolida progressivament is-sitwazzjoni tiegħu fl-Istat Membru li jospita u li jintegraw ruħhom fit-tul billi jgħixu ħajja indipendentement minn dik tal-persuna li permezz tagħha kiseb dawn id-drittijiet.

Interpretazzjoni bħal din tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 iċċitat iktar ’il fuq mhix inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tal-Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, peress li s-sitwazzjoni ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant Tork ma tistax tiġi raġonevolment imqabbla ma’ dik tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, minħabba d-differenzi kunsiderevoli li jeżistu bejn is-sitwazzjoni legali rispettiva tagħhom.

(ara l-punti 40, 45, 46 u d-dispożittiv 1)

2.        Ma jammontax għal abbuż ta’ dritt il-fatt li ċittadin Tork jagħmel użu minn dritt legalment kweżit taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, anki jekk il-persuna kkonċernata, wara li kisbet il-benefiċċju ta’ dan id-dritt permezz tal-ex konjuġi tagħha, wettqet kontra tagħha reat gravi li wasslet għall-kundanna kriminali tagħha.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija deċiżjoni ma jipprekludix li miżura ta’ tkeċċija tiġi kkunsidrata fir-rigward ta’ ċittadin Tork li kien is-suġġett ta’ kundanni kriminali, sakemm l-imġiba personali tiegħu ma tammontax għal theddida attwali, reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ. Barra minn hekk din hija marbuta li tiżgura l-osservanza kemm tal-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata. B’mod iktar partikolari, miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tista’ tiġi deċiża biss jekk l-imġiba individwali tal-parti kkonċernata tiżvela riskju konkret ta’ tfixkil ġdid u gravi tal-ordni pubblika.

(ara l-punti 60, 61 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Riunifikazzjoni tal-familja – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Konjuġi ta’ ħaddiema Torka li għex magħha għal iktar minn ħames snin – Żamma tad-dritt ta’ residenza wara d-divorzju – Kundanna tal-parti kkonċernata għal vjolenza mwettqa kontra l-ex mara tiegħu – Abbuż ta’ dritt”

Fil-Kawża C‑303/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2008, fil‑proċedura

Land Baden-Württemberg

vs

Metin Bozkurt,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Land Baden-Württemberg, minn M. Schenk, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad‑19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat‑Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Land Baden-Württemberg (iktar ’il quddiem il-“Land”) u M. Bozkurt, ċittadin Tork, dwar proċedura ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata mit-territorju Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970, fi Brussell u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir‑Regolament tal-Kunsill Nru 2760/72/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41), jgħid kif ġej:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri japplikaw bejniethom skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

4        It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80, intitolata “Dispożizzjonijiet soċjali”, tittratta l-“[k]wistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal‑ħaddiema”. Din it-taqsima tinkludi l-Artikoli 6 sa 16 tal-imsemmija deċiżjoni.

5        Skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal‑Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tal-impjieg ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

6        L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jgħid kif ġej:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

–        għandhom id-dritt, bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-inqas tliet snin;

–        għandhom igawdu minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil‑kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-inqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

7        L-Artikolu 14(1) tal-istess deċiżjoni jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom japplikaw bla ħsara għal‑limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubbliċi[traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        M. Bozkurt, li twieled fit-Turkija fl-1959, tħalla jidħol fit-territorju Ġermaniż f’April 1992.

9        Fix-xahar ta’ Settembru 1993, huwa żżewweġ ċittadina Torka li kienet impjegata b’mod legali fil-Ġermanja u minħabba dan il-fatt kellha permess ta’ residenza permanenti. Martu kisbet in-nazzjonalità Ġermaniża fl-1999.

10      Wara li żżewweġ, M. Bozkurt kiseb, fix-xahar ta’ Ottubru 1993, permess ta’ residenza temporanju, li f’Ottubru 1998 ġie kkonvertit f’permess ta’ residenza permanenti, jiġifieri wara li l-parti kkonċernata kienet issodisfat il-kundizzjoni tar‑residenza ta’ ħames snin imposta mit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

11      Sa minn Ġunju 2000, huwa għex separatament minn martu. Il-koppja ddivorzjat f’Novembru 2003.

12      Waqt ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, M. Bozkurt kien impjegat minn nies differenti. Skont il-qorti tar-rinviju, it-terminu eżatt tal-perijodu ta’ impjieg madankollu ma setax jiġi stabbilit fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet preċiżi u ta’ dokumenti ġustifikattivi fornuti għal dan il-għan mill-parti kkonċernata.

13      Sa mill-bidu tas-sena 2000, M. Bozkurt kien fuq leave tal-mard għal bejn wieħed u ieħor 18-il xahar, perijodu li matulu, ġie operat minħabba tumur fil-moħħ.

14      Minħabba n-nuqqas tiegħu minn fuq ix-xogħol, huwa tkeċċa mill-prinċipal. Imbagħad kien bla xogħol u kien jirċievi benefiċċji taħt it-Taqsima II tal-kodiċi tal-liġijiet soċjali (Sozialgesetzbuch, Teil II). Ospitat fil-bidu f’ċentru muniċipali, huwa jgħix minn Novembru 2005 f’appartament żgħir li krilu ħuh.

15      Filwaqt li kien diġà ġie kkundannat fl-1996 u fl-2000 għal attakk li kkawża feriti gravi kif ukoll għal tentattiv ta’ ħsara fuq proprjetà, M. Bozkurt, fix-xahar ta’ Mejju 2004, instab ħati ta’ stupru u ta’ feriti fuq martu waqt żjara fit-Turkija f’Lulju 2002. Wara li l-parti kkonċernata rebħet parzjalment l-appell, il-piena tiegħu ġiet stabbilita definittivament fis-17 ta’ Jannar 2005, għal sentejn ħabs sospiżi, b’mod li M. Bozkurt, li kien jinsab f’detenzjoni preventiva, ġie lliberat.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2005, il-Land iddeċidiet tkeċċi lil M. Bozkurt immedjatament (iktar ’il quddiem l-“ordni tat-tkeċċija”), billi bbażat ruħha fuq l-aħħar kundanna tiegħu, li kkonferma r-rieda tiegħu li jagħmel użu mill-vjolenza. Il-Land ikkunsidrat li l-parti kkonċernata ma tistax tirrikorri għad‑drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 6 jew 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li ma kienx sab xogħol ġdid f’terminu raġonevoli wara t-tkeċċija u li ma kienx qed jagħmel sforzi serji għal dan il-għan.

17      Peress li M. Bozkurt ippreżenta appell kontra l-ordni tat-tkeċċija, il‑Verwaltungsgericht Stuttgart fl-ewwel lok ordnat is-sospensjoni ta’ din is‑sentenza u, fit-tieni lok, annullatha permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2006.

18      L-appell ippreżentat mil-Land kontra din id-deċiżjoni ġie miċud permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Marzu 2007 tal-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg. Din il-qorti fil-fatt ikkunsidrat li, fir-rigward tal-perijodi ta’ residenza regolari diġà mwettqa fil-Ġermanja minn M. Bozkurt, dan setgħa jeżiġi d-dritt ta’ residenza fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7, tad‑Deċiżjoni Nru 1/80. B’hekk, l-ordni tat-tkeċċija tkun illegali minħabba l-fatt li ma hijiex konformi mal-kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni u li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi rrispettata fir-rigward taċ-ċittadini Torok li għandhom dritt ta’ residenza skont id-Deċiżjoni Nru 1/80. Barra minn hekk, din il-qorti kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li M. Bozkurt kien bla xogħol sa mill-2000, li kien eskluż definittivament mis-suq tax-xogħol minħabba mard gravi u li kien il-ħabs għal xi disa’ xhur ma telfuħx l-istat legali mogħti lilu mill-imsemmija dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fir-rigward tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din id-dritt ta’ residenza, ladarba tinkiseb, hija independenti mill-persistenza tal-kundizzjonijiet li ppermettiet din il‑kisba.

19      Il-Land b’hekk ressqet quddiem il-Bundesverwaltungsgericht proċeduri ta’ appell (“Reviżjoni”), fejn minn naħa sostniet li fil-frattemp M. Bozkurt kien tilef id-dritt tiegħu ta’ residenza fil-Ġermanja minħabba l-esklużjoni tiegħu mis-suq tax‑xogħol u li, min-naħa l-oħra, huwa ma setax validament jibbaża ruħu fuq l‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 peress li kien ippreġudika serjament is-saħħa fiżika tal-persuna li minnha kiseb id-drittijiet tiegħu.

20      Filwaqt li jikkondividu l-analiżi ġuridika żviluppata mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Marzu 2007, il‑Bundesverwaltungsgericht tikkunsidra li, sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża li qed titratta, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-data fejn ittieħdet l-ordni tat-tkeċċija, M. Bozkurt setax jirrikorri għall-protezzjoni mogħtija mill-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għadha ma teżistix ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk id-dritt tar-residenza fi Stat Membru, miksub minn ċittadin Tork fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiema Torka integrata skont il-liġi fis-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat, jintilef jew le minħabba l-fatt tax-xoljiment taż-żwieġ li seħħ wara l-kisba b’mod xieraq u skont il-liġi tad-dritt inkwistjoni.

22      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali partikolari li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, ċittadin Tork bħal M. Bozkurt jistax validament jitlob dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, mingħajr ma attitudni bħal din ma’ tista’ tkun ikkunsidrata li għandha karattru abbużiv. B’mod iktar partikolari, ikun hemm iktar lok li jiġi stabbilit jekk il-benefiċjarju ta’ dritt regolarment miksub jistax jiġi miċħud fil-każ fejn ikun ġie stabbilit a posteriori li ma ħaqqux fil-konfronti tal-persuna li kien preċedentement talab l-imsemmi dritt minnha.

23      Għalhekk, peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Id-dritt ta’ xogħol u ta’ residenza miksub, bħala membru tal-familja, mill‑konjuġi ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax‑xogħol ta’ Stat Membru, skont it-tieni inċiż tal-ewwel [sub]paragrafu tal‑Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] jibqa’ fis-seħħ anke wara x‑xoljiment taż-żwieġ?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

2)      Huwa abbuz ta’ dritt il-fatt li ċittadin Tork jinvoka, permezz tal-ex mara tiegħu, dritt ta’ residenza bbażat fuq it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] meta l-imsemmi ċittadin Tork ikun stupra u weġġa’ lil martu wara li kiseb dan l-istatus u ġie kkundannat għal sentejn priġunerija għal dan ir-reat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Mill-atti jirriżulta li ċ-ċittadin Tork inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jissodisfa l‑kundizzjonijiet kollha neċessarji sabiex legalment jibbenefika mill-istatus ġuridiku previst fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 qabel ma daħal fis-seħħ ix-xoljiment taż-żwieġ tiegħu.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda li saret mill-qorti tar‑rinviju għandha tiġi mifhuma fis-sens li essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad‑Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin Tork bħar‑rikorrent fil-kawża prinċipali li, fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-familja ta’ ħaddiema Torka li tappartjeni legalment għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru u minħabba l-fatt tar-residenza tiegħu għand martu għal perijodu kontinwu ta’ għall-inqas ħames snin, li jibbenefika mid-drittijiet relatati mal-istatut ġuridiku mogħti fuq il‑bażi tat-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, jitlef il-benefiċċju ta’ dawn id‑drittijiet minħabba divorzju ppronunċat f’data wara l-kisba tagħhom.

26      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa importanti, li fl-ewwel lok, jiġi rrelevat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-kisba tad-drittijiet previsti minn din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi minn qabel, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li l-persuna kkonċernata għandha tkun membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li diġà jappartjeni legalment għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jospitaha u, min-naħa l-oħra, li huwa ġie awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex jingħaqad mal-imsemmija ħaddiem. Huwa stabbilit li, fil-każ preżenti, dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti kemm minn M. Bozkurt kif ukoll minn martu.

27      Fit-tieni lok, b’mod konformi mas-sistema impelementata mill-partijiet kontraenti fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, id-drittijiet mogħtija minnha liċ-ċittadin Tork li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma progressivament estiżi skont il-perijodu effettiv ta’ residenza tal-parti kkonċernata mal-ħaddiem Tork diġà preżenti b’mod legali fl-Istat Membru ospitanti.

28      B’hekk, wara residenza regolari għal tliet snin, iċ-ċittadin Tork ikkonċernat kiseb id-dritt li jwieġeb għal kull offerta ta’ xogħol, suġġett għall-eċċezzjoni waħda tal‑prijorità li tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l‑ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80).

29      Wara sentejn supplementari ta’ residenza regolari fit-territorju tal-Istat Membru li jospita, l-istess ċittadin Tork jibbenefika mill-aċċess ħieles għall-kull impjieg tal‑għażla tiegħu (it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7, tal-istess deċiżjoni). Fil-każ preżenti, M. Bozkurt jissodisfa inkontestabbilment dan il‑kriterju.

30      F’dan il-kuntest għandu jiġi ppreċiżat li, b’mod kuntrarju għas-sistema prevista fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ibbażata fuq l-eżerċizzju ta’ impjieg regolari għal ċerti perijodi ta’ żmien, il-kriterju rilevanti għall‑applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni hija b’hekk ir-residenza regolari mal-ħaddiema immigranta Torka. Wara residenza bħal din ta’ ċertu żmien, il-parti kkonċernata tikseb id-dritt li teżerċità impjieg, mingħajr madankollu ma din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tipprovdi f’dan ir‑rigward obbligu jew tagħmel kundizzjoni għall-kisba ta’ dritt iggarantit mid‑Deċiżjoni Nru 1/80 (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli, C‑373/03, Ġabra p. I‑6181, punti 29 u 31; tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C‑325/05, Ġabra p. I‑6495, punt 56, u tal-25 ta’ Settembru 2008, Er, C‑453/07, Ġabra p. I‑7299, punti 31 sa 34). Is-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-impjieg hija b’hekk irrilevanti.

31      Fit-tielet lok għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet numru ta’ drabi li, minn naħa, l-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7, jipproduċi effett dirett u li, min-naħa l-oħra, il-perijodi ta’ residenza bħal dawk imsemmija f’din id‑dispożizzjoni jeħtieġu, taħt piena li jiġu mċaħħda minn kull effett, ir‑rikonoxximent ta’ dritt korrispondenti ta’ residenza (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Er, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 26, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Altun, C‑337/07, Ġabra p. I‑10323, punti 20 u 21).

32      Fir-raba’ lok, għandu jingħad li s-sistema ta’ kisba progressiva ta’ drittijiet prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha għan doppju.

33      Fl-ewwel stadju, qabel l-iskadenza tat-terminu inizzjali ta’ tliet snin, l-imsemmija dispożizzjoni għandha l-għan li tippermetti l-preżenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem immigrant għand din l-aħħar imsemmija, sabiex b’hekk tiffavorixxi, permezz ta’ riunifikazzjoni tal-familja, l-impjieg u r-residenza tal-ħaddiem Tork diġà regolarment integrat fl-Istat Membru li jospita (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman, C‑351/95, Ġabra p. I‑2133, punti 35 u 36; tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp, C‑65/98, Ġabra p. I‑4747, punt 26, u tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 25).

34      Sussegwentement, l-istess dispożizzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ id-dħul fit-tul tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork fl-istat membru li jospita, billi wara tliet snin ta’ residenza regolari tingħata lill-membru tal-familja kkonċernat, il‑possibbiltà li huwa stess ikun jista’ jaċċedi għas-suq tax-xogħol. L-għan essenzjali b’hekk imħaddan huwa li jikkonsolida l-pożizzjoni tal-imsemmi membru tal-familja, li f’dan l-istadju jinstab diġà integrat legalment fl-istat membru li jospita, billi jingħata l-mezz li jaqla’ l-għajxien tiegħu fl-Istat inkwistjoni u, b’hekk, ikunu awtonomi mill-ħaddiem immigrant (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati Eyüp, punt 26; Cetinkaya, punt 25; Aydinli, punt 23, kif ukoll Derin, punti 50 u 71).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, jekk il-membru tal-familja huwa, bħala prinċipju u ħlief għal motivi leġġittimi, marbut li effettivament jirrisjedi mal‑ħaddiem immigrant tant li huwa stess ma għandux id-dritt jaċċedi għas-suq tax‑xogħol – fi kliem ieħor, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin –, min‑naħa l-oħra dan mhux il-każ peress li l-parti kkonċernata kisbet legalment dan id-dritt skont l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u iktar minn hekk għaliex, wara ħames snin, huwa għandu dritt mingħajr kundizzjoni għall-impjieg (ara sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-fatt, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma sodisfatti, din id-dispożizzjoni tagħti lill-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork dritt proprju ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-istat membru li jospita kif ukoll, korrelattivament, id-dritt li jkompli jirrisjedi fit‑territorju tiegħu.

37      Dawn id-drittijiet ċertament għandhom l-oriġini tagħhom fis-sitwazzjoni okkupata fil-passat mill-ħaddiem Tork li jiġi minnu fit-territorju tal-istess Stat u li permezz tiegħu, il-membru tal-familja tiegħu kiseb id-dritt għal residenza.

38      Madankollu, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, peress li l-membru tal-familja ta’ ħaddiem stess kiseb dritt individwali skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa kiseb livell ta’ integrazzjoni suffiċjenti fl-Istat Membru li jospita sabiex is-sitwazzjoni tiegħu tista’ tkun meqjusa bħala li tista’ tiġi separata minn dik tal-membru tal-familja tiegħu li kien għamel possibbli l‑aċċess tiegħu għat-territorju ta’ dan l-Istat u, b’hekk, bħala awtonomu minn dik tal-membru tal-familja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Derin, punti 50 u 71, kif ukoll Altun, punti 59 u 63).

39      Interpretazzjoni bħal din hija meħtieġa wkoll fir-rigward tal-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meħudha kollha kemm hi, li dwarha ġie ripetutament deċiż li hija għandha l-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-immigranti Torok fl-Istat Membru li jospita billi tiffavorixxi l-integrazzjoni gradwali fi ħdan dan l-aħħar imsemmi, taċ‑ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’waħda mid‑dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u li minħabba dan il-fatt jibbenefikaw mid-drittijiet li hija tagħtihom (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C‑329/97, Ġabra p. I‑1487, punti 43 u 44; Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, kif ukoll Altun, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

40      Issa, huwa fid-dawl ta’ dan li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-drittijiet bħal dawk legalment miksuba minn M. Bozkurt fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jeżistu indipendentement miż-żamma tal‑kundizzjonijiet li kienu meħtieġa sabiex jagħtu lok għal dawn id-drittijiet (ara sentenzi ċċitati, Ergat, punt 40; Cetinkaya, punt 31; Aydinli, punt 26; Derin, punt 53, u Altun, punt 36), b’mod li l-membru tal-familja li diġà għandu drittijiet abbażi tal-imsemmija deċiżjoni huwa f’pożizzjoni li jikkonsolida progressivament is-sitwazzjoni tiegħu fl-Istat Membru li jospita u li jintegra ruħu fit-tul billi jgħix ħajja indipendentement minn dik tal-persuna li permezz tagħha kiseb dawn id-drittijiet (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenza Ergat, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

41      L-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti hija biss l-espressjoni tal‑prinċipju iktar ġenerali tar-rispett tad-drittijiet miksuba, trattat fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1992, Kus (C‑237/91, Ġabra p. I‑6781, punti 21 u 22), prinċipju li skont dan, peress li ċ-ċittadin Tork jista’ validament igawdi mid‑drittijiet taħt dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dawn id-drittijiet ma jiddependux iktar mill-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi li kienu tawhom lok li jseħħu, peress li kundizzjoni ta’ dan it-tip ma kinitx imposta minn din id‑deċiżjoni. Fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza Kus, iċ-ċirkustanza inkwistjoni kienet preċiżament żwieġ li ppermetta liċ-ċittadin Tork ikkonċernat jidħol fit-territorju tal-istat membru li jospita, liema żwieġ kien segwit minn divorzju li seħħ f’mument meta l-parti kkonċernata kienet diġà kisbet drittijiet, fil‑każ preżenti skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Għandu jitfakkar li permezz tal-punt 22 tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu, (C‑355/93, Ġabra p. I‑5113), dan l-istess prinċipju sar applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni (ara fl-istess sens, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati Ergat, punt 40; Aydinli, punt 26; Derin, punt 50, kif ukoll Altun, punti 42 u 43).

42      Fil-ħames lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jwasslu għat-telf tad-drittijiet li l‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirrikonoxxi lill‑membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi subparagrafu, mill-ġurisprudenza ġie stabbilit li l-limiti għal dawn id‑drittijiet jistgħu jkunu biss ta’ żewġ tipi, jiġifieri, jew il-fatt li l-preżenza tal‑immigrant Tork fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-aġir personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas‑sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 14(1) tal‑imsemmija deċiżjoni, jew il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it‑territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati Er, punt 30, u Altun, punt 62).

43      In-natura eżawrjenti tal-limiti msemmija fil-punt preċedenti ġiet ikkonfermata mill‑Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati Cetinkaya, punt 38; Derin, punt 54; Er, punt 30, u Altun, punt 62).

44      Mill-iżviluppi kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi dedott li d-divorzju tal‑konjuġi, peress li huwa ppronunċat wara l-kisba fil-forma tajba u debita mill‑membru tal-familja kkonċernata tad-drittijiet mogħtija mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa rrilevanti fir-rigward taż‑żamma tal-imsemmija drittijiet għall-vantaġġ tal-persuni li jgawduhom, anki jekk inizjalment, dawn tal-aħħar setgħu jiksbuhom biss permezz tal-ex konjuġi tagħhom.

45      Fl-aħħar nett għandu jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni mogħtija lill-punt preċedenti ma hijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tal-Protokoll addizzjonali iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostniet fil-punti 50 sa 52 tal-konklużjonijiet tagħha, għal motivi analogi għal dawk żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 62 sa 67 tas-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fil-punt 21 tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat (C‑349/06, Ġabra p. I‑8167), is-sitwazzjoni ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant Tork ma tistax tiġi raġonevolment imqabbla ma’ dik tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, minħabba d-differenzi kunsiderevoli li jeżistu bejn is‑sitwazzjoni legali rispettiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Bekleyen, C‑462/08, Ġabra p. 563, punti 35 sa 38 u 43).

46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin Tork bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali li, fil‑kapaċità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiema Torka li tappartjeni għas‑suq tax-xogħol ta’ Stat Membru b’mod legali u minħabba l-fatt tar-residenza tiegħu għand martu għal perijodu kontinwu ta’ għall-inqas ħames snin, jibbenefika minn drittijiet li jirrigwardaw l-istatut ġuridiku mogħti fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jitlifx il-benefiċċji tad-drittijiet tiegħu minħabba d-divorzju ppronunċat f’data wara l-kisba ta’ dawn id-drittijiet.

 Fuq it-tieni domanda

47      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-individwi ma ma jistgħux jirrikorru b’mod frawdolenti jew abbużiv għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li l-qrati nazzjonali jistgħu, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, jikkunsidraw l-imġieba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt (ara, b’mod partikolari, sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, Ġabra p. I‑1459, punt 25; tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C‑255/02, Ġabra p. I‑1609, punt 68, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 64).

48      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet teskludi perijodi ta’ xogħol li ċittadin Tork seta’ jwettaq biss minħabba komportament frawdolenti li wassal għall-kundanna li tista’ tkun ikkunsidrata bħala regolari għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li l-parti kkonċernata fir-realtà ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet u minħabba dan il-fatt ma bbenefikatx legalment mid-dritt skont dan l-aħħar artikolu (ara s‑sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Kol, C‑285/95, Ġabra p. I‑3069, punti 26 u 27, kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas, C‑37/98, Ġabra p. I‑2927, punt 61).

49      Fil-fatt ma huwiex ammess li ċittadin Tork ifittex li indebitament jikseb il‑benefiċċju tal-vantaġġi ggarantiti minn waħda mid-dispożizzjonijiet tad‑Deċiżjoni Nru 1/80.

50      Madankollu, fil-każ preżenti, mill-atti trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-qrati nazzjonali li ddeċidew fuq il-mertu tal-kawża attwalment pendenti quddiem il-Bundesverwaltungsgericht ikkonstataw speċifikament li M. Bozkurt kien jibbenefika legalment mill-istatut ġuridiku previst fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Barra minn hekk, lanqas ma sar riferiment quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja għal ebda element ta’ natura li jagħti x’tifhem li, fil-kawża prinċipali, kien każ ta’ żwieġ fittizju li seħħ bl-uniku għan li jittieħed benefiċċju abbużiv tal‑vantaġġi previsti mid-dritt tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, M. Bozkurt jeżerċita biss id-drittijiet mogħtija lilu speċifikament mid-Deċiżjoni Nru 1/80 u li għall-kisba tagħhom huwa ssodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa.

52      Issa, il-fatt għal ċittadin Tork bħal dan li jibbenefika totalment mill-benefiċċju tad‑drittijiet iggarantiti mill-imsemmija deċiżjoni u li huwa kiseb b’mod legali fil‑passat, fih innifsu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jammonta għal abbuż ta’ dritt.

53      Il-qorti tar-rinviju, mingħajr madankollu ma tistaqsi domanda dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, madankollu tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, il-pretensjoni ta’ M. Bozkurt tal-istat ġuridiku miksub skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7, tal-istess deċiżjoni tippreġudikax l-ordni pubblika, fir-rigward tar-reat kriminali gravi li huwa wettaq, wara din il-kisba, fir-rigward tal-persuna stess li ppermettitlu li jibbenefika minn dan l-istat.

54      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li huwa l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li jipprovdi l-kuntest ġuridiku xieraq li jippermetti li jiġi evalwat b’liema mod ċittadin Tork li kien is-suġġett ta’ kundanni kriminali jista’ jiġi miċħud, permezz ta’ tkeċċija mill-istat membru li jospita, mid-drittijiet li huwa kiseb direttament minn din id-deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

55      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita għandu jsir riferiment għall-interpretazzjoni li din l-istess eċċezzjoni ngħatat fir‑rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, sentenza Polat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem sostniet li l-imsemmija eċċezzjoni tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, sentenza Polat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors għall-kunċett ta’ ordni pubbliku minn awtorità nazzjonali jippresupponi l-eżistenza, apparti l‑inkwiet soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza Polat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għalhekk, il-miżuri meħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà pubblika jeħtieġ li jkunu bbażati esklussivament fuq l-imġieba personali tal-parti kkonċernata. Miżuri bħal dawn b’hekk ma jkunux ordnati awtomatikament wara l‑kundanna kriminali u bil-għan ta’ prevenzjoni ġenerali (sentenza Polat, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 35).

59      L-eżistenza ta’ kundanna kriminali tista’ tiġi kkunsidrata biss safejn iċ-ċirkustanzi li jkunu taw lok għal dik il-kundanna juru l-eżistenza ta’ kondotta personali li tikkostitwixxi theddida attwali għall-ordni pubbliku (sentenza Polat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      B’hekk hija responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati li jipproċedu każ b’każ għal evalwazzjoni tal-imġieba personali tal-awtur tal-ksur kif ukoll tal‑karattru attwali, reali u suffiċjentement gravi tal-periklu li huwa jirrapreżenta għall-ordni tas-sigurtà pubblika, u dawn l-awtoritajiet huma barra minn hekk marbuta jiżguraw l-osservanza kemm tal-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll tad‑drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata. B’mod iktar partikolari, miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tista’ tiġi deċiża biss jekk l-imġieba individwali tal-parti kkonċernata tiżvela riskju konkret ta’ tfixkil ġdid u gravi tal-ordni pubblika (ara s-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

61      Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li:

–        ma jammontax għal abbuż ta’ dritt il-fatt li ċittadin Tork bħar-rikorrent fil‑kawża prinċipali jagħmel użu minn dritt legalment miksub taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, anki jekk il-persuna kkonċernata, wara li kisbet il-benefiċċju ta’ dan id-dritt permezz tal-ex konjuġi tagħha, wettqet kontra tagħha reat gravi li wassal għall-kundanna kriminali tagħha;

–        min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija deċiżjoni ma jipprekludix li miżura ta’ tkeċċija tiġi kkunsidrata fir-rigward ta’ ċittadin Tork li kien is‑suġġett ta’ kundanni kriminali, sakemm l-imġieba personali tiegħu ma tammontax għal theddida attwali, reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għadha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin Tork bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali li, fil‑kapaċità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiema Torka li tappartjeni għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru b’mod legali u minħabba l-fatt tar-residenza tiegħu għand martu għal perijodu kontinwu ta’ għall-inqas ħames snin, jibbenefika minn drittijiet li jirrigwardaw l-istatut ġuridiku mogħti fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal‑imsemmija dispożizzjoni, ma jitlifx il-benefiċċji tad-drittijiet tiegħu minħabba d-divorzju ppronunċat f’data wara l-kisba ta’ dawn id‑drittijiet.

2)      Ma jammontax għal abbuż ta’ dritt il-fatt li ċittadin Tork bħar‑rikorrent fil-kawża prinċipali jagħmel użu minn dritt legalment miksub taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, anki jekk il-persuna kkonċernata, wara li kisbet il-benefiċċju ta’ dan id‑dritt permezz tal-ex konjuġi tagħha, wettqet kontra tagħha reat gravi li wassal għall-kundanna kriminali tagħha.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija deċiżjoni ma jipprekludix li miżura ta’ tkeċċija tiġi kkunsidrata fir-rigward ta’ ċittadin Tork li kien is-suġġett ta’ kundanni kriminali, sakemm l‑imġieba personali tiegħu ma tammontax għal theddida attwali, reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top