This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0250
Judgment of the Court (First Chamber) of 1 December 2011.#European Commission v Kingdom of Belgium.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Free movement of persons - Purchase of immovable property intended as a new principal residence - Calculation of a tax advantage - Registration duties - Cohesion of the tax system.#Case C-250/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-1 ta' Diċembru 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Moviment liberu tal-persuni - Xiri ta’ beni immobbli maħsub sabiex isir residenza ewlenija ġdida - Kalkolu ta’ vantaġġ fiskali - Taxxa tar-reġistrazzjoni - Koerenza tas-sistema fiskali.
Kawża C-250/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-1 ta' Diċembru 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Moviment liberu tal-persuni - Xiri ta’ beni immobbli maħsub sabiex isir residenza ewlenija ġdida - Kalkolu ta’ vantaġġ fiskali - Taxxa tar-reġistrazzjoni - Koerenza tas-sistema fiskali.
Kawża C-250/08.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:793
Kawża C-250/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju tal-Belġju
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-persuni — Xiri ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida — Kalkolu ta’ vantaġġ fiskali — Taxxa tar-reġistrazzjoni — Koerenza tas-sistema fiskali”
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq it-trasferimenti tal-beni immobbli
(Artikolu 56 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 40)
Stat Membru li jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi li, għall-kalkolu ta’ vantaġġ fiskali meta jinxtara beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida, l-ammont tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa max-xiri ta’ residenza prinċipali preċedenti huwa meħud biss inkunsiderazzjoni meta din tkun tinsab f’reġjun partikolari ta’ dan l-Istat u mhux jekk din tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, jew Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE kif ukoll l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
Huwa minnu li tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 KE peress li, billi jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra l-Istat Membru kkonċernat, li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom minn Stat Membru ieħor lejn it-territorju ta’ reġjun tal-Istat Membru kkonċernat u jużaw il-fondi miksuba mill-bejgħ tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom sabiex jiffinanzjaw l-akkwist tal-beni immobbli l-ġdid tagħhom li jinsab f’dan ir-reġjun, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa fi Stat Membru ieħor ma titnaqqasx tista’, f’ċerti każijiet, tkun dissważiva għall-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu milli jixtru beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat.
B’mod partikolari, id-differenza fit-trattament stabbilita b’dan il-mod tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli peress li, fid-dawl tat-taxxa tar-reġistrazzjoni kkontestata, is-sempliċi differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni li ma humiex residenti, inklużi ċ-ċittadini nazzjonali li użaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, u dik tar-residenti fir-reġjun ikkonċernat, ċittadini nazzjonali jew ta’ Stat Membru ieħor, li jixtru residenza prinċipali ġdida f’dan ir-reġjun, tirriżulta mill-post tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-persuni kollha xtraw beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u, max-xiri tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom, tal-ewwel ħallsu taxxa tal-istess natura tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru li din ir-residenza kienet tinsab, filwaqt li l-oħrajn ħallsu l-imsemmija taxxa fir-reġjun inkwistjoni.
Madankollu, din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata minn raġunijiet intiżi sabiex iħarsu l-koerenza tas-sistema fiskali. Fil-fatt, peress li l-Istat Membru kkonċernat ma għandu l-ebda dritt li jintaxxa t-tranżazzjoni ta’ xiri mwettqa preċedentement fi Stat Membru ieħor mill-persuni li jiddeċiedu li jistabbilixxu r-residenza prinċipali l-ġdida tagħhom fir-reġjun inkwistjoni, il-konfigurazzjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali ċċitat jirrifletti loġika simetrika. Jekk dawn il-persuni kellhom jibbenefikaw mill-iskema ta’ taxxa portabbli meta jakkwistaw beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat, huma jkollhom vantaġġ inġust minn skema ta’ taxxa li l-akkwist ta’ proprjetà immobbli preċedenti, barra mill-Istat Membru inkwistjoni, ma kinitx suġġetta għaliha. Minn dan jirriżulta li, f’tali skema, teżisti rabta bejn il-vantaġġ fiskali u l-intaxxar inizjali. Fil-fatt, minn naħa, din tirrigwarda l-istess persuna taxxabbli, li diġà ħallset it-taxxa inkwistjoni u li hija eliġibbli għat-tnaqqis u, min-naħa l-oħra, vantaġġ mogħti fil-kuntest tal-istess taxxa.
Barra minn hekk, ir-restrizzjoni inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq tali għan sakemm hija topera b’mod perfettament simetriku, billi t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa preċedentement fil-kuntest tal-iskema fiskali nazzjonali biss tista’ titnaqqas. Bl-istess mod, l-imsemmija restrizzjoni hija assolutament proporzjonata għall-għan tagħha, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tillimita għal massimu preċiż l-ammont tat-tnaqqis mogħti fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni li għaliha hija responsabbli l-persuna li tixtri residenza prinċipali ġdida fir-reġjun ikkonċernat. Fil-fatt, billi tipprovdi għal tali limitu, l-iskema kkontestata żżomm in-natura tagħha ta’ vantaġġ fiskali u ma tammontax għal eżenzjoni moħbija.
Sa fejn l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħad-dispożizzjonijiet, li huma sostanzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jistgħu jkunu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40.
(ara l-punti 42, 44, 45, 59, 60, 73-75, 80-83)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
1 ta’ Diċembru 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-persuni – Xiri ta’ beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida – Kalkolu ta’ vantaġġ fiskali – Taxxa tar-reġistrazzjoni – Koerenza tas-sistema fiskali”
Fil-Kawża C‑250/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-10 ta’ Ġunju 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. van Nuffel, R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn B. van de Walle de Ghelcke, avukat,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn R. Somssich u K. Borvölgyi kif ukoll minn M. Z. Fehér, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits, u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Settembru 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Lulju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, sa fejn fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, għall-kalkolu ta’ vantaġġ fiskali meta jinxtara beni immobbli maħsub sabiex isir residenza prinċipali ġdida, l-ammont tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa max-xiri ta’ residenza prinċipali preċedenti huwa meħud biss inkunsiderazzjoni meta din tkun tinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u mhux jekk din tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju jew Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (ETFA), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE u tal-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
2 L-Artikolu 61/3 tal-Kodiċi tat-taxxi tar-reġistrazzjoni, taxxi fuq l-ipoteki, u d-drittijiet tar-reġistru (Wetboek der registratie-, hypotheek- en griffierechten), kif emendat bid-digriet adottat fl-1 ta’ Frar 2002 mir-Reġjun ta’ Vlaanderen (iktar ’il quddiem il-“Wb.Reg.”), introduċa fir-Reġjun ta’ Vlaanderen l-iskema tat-taxxa tar-reġistrazzjoni msejħa “taxxa portabbli”. Dan l-artikolu jipprovdi li:
“Meta proprjetà immobbli użata jew maħsuba biex tiġi użata għal skopijiet residenzjali tinxtara permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ normali minn individwu sabiex din tkun ir-residenza prinċipali tiegħu, il-porzjon statutarju tiegħu tat-taxxa pagabbli, skont l-Artikoli 44, 53, 2 jew 57 mal-akkwist tad-dar li kien juża qabel bħala r-residenza prinċipali tiegħu, jew tal-art li fuqha ġiet mibnija din id-dar, għandu jiġi mnaqqas meta jitħallas il-porzjon statutarju tat-taxxa pagabbli mal-akkwist tal-proprjetà l-ġdida, sakemm l-akkwist tal-aħħar ikun sar fi żmien sentejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-dokument li permezz tiegħu tiġi stabbilita t-taxxa proprozjonali fuq il-bejgħ mill-ġdid tad-dar preċedenti permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ normali, jew fuq id-diviżjoni ta’ dik id-dar meta tkun proprjetà komuni, u meta l-individwu jkun ċeda d-drittijiet tiegħu kollha.
Ma jista’ jsir ebda tnaqqis, taħt dan l-artikolu, ta’ taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta’ proprjetà immobbli li ma tinsabx fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.
Ma jista jsir ukoll ebda tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali dovuta fuq akkwist għal kwalunkwe raġuni.
Tnaqqis li jsir skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, fl-ebda każ ma jagħti lok għal ħlas lura.
Meta tranżazzjoni, bħal dik imsemmija fl-ewwel paragrafu, hija ppreċeduta minn tranżazzjoni jew diversi tranżazzjonijiet simili u/jew minn tranżazzjoni jew diversi tranżazzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 212a, it-taxxa li tkun għadha ma tnaqqsitx matul dawn it-trażazzjonijiet preċedenti wara l-applikazzjoni tat-tielet jew il-ħames paragrafu ta’ dan l-Artikolu u/jew it-taxxa li tkun għada ma tħallsitx lura wara l-applikazzjoni tat-tielet jew il-ħames paragrafu tal-Artikolu 212a għandha, skont il-każ, tiżdied mal-porzjon statutarju, tal-individwu, tat-taxxa pagabbli skont l-Artikoli 44, 53, 2, jew 57, fuq l-akkwist ta’ qabel l-aħħar wieħed sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li jrid jitnaqqas fuq l-akkwist tal-aħħar.
L-ammont li għandu jitnaqqas, li jinkseb bl-applikazzjoni tal-ewwel jew tar-raba’ paragrafu, fl-ebda każ ma għandu jaqbeż l-EUR 12 500. Dan l-ogħla ammont li għandu jitnaqqas, huwa ddeterminat fi proporzjon għall-frazzjoni li l-individwu jikseb mill-proprjetà li jkun għadu kif akkwista.”
3 Barra minn hekk, l-Artikolu 212a tal-Wb.Reg., applikabbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, jipprovdi taħt l-istess kundizzjonijiet u, mutis mutandis, f’termini identiċi, il-ħlas lura tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa mal-ewwel akkwist ta’ beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen fil-każ li l-proprjetà immobbli mixtrija preċedentement fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, u użata preċedentement bħala residenza prinċipali, hija mibjugħa f’sentejn, jew f’ħames snin jekk tirrigwarda art għall-bini, mix-xiri, f’dan l-istess reġjun, ta’ dar maħsuba biex tiġi użata bħala r-residenza prinċipali l-ġdida.
Il-proċedura prekontenzjuża
4 Billi qieset li l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg kien jikser l-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE kif ukoll l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni, fit-23 ta’ Diċembru 2005, lir-Renju tal-Belġju li tistieden lil dan l-Istat Membru jippreżentalha l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dan il-ksur.
5 Fir-risposta tiegħu, tat-22 ta’ Marzu 2006, ir-Renju tal-Belġju espona r-raġunijiet għaliex huwa kien iqis li l-iskema kkonċernata la kienet tikkostitwixxi ksur tat-Trattat KE u lanqas tal-Ftehim ŻEE.
6 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, fit-13 ta’ Lulju 2006, fejn stiednet lir-Renju tal-Belġju jieħu l‑miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mill‑ġurnata li fiha jirċievi din l‑opinjoni.
7 Fit-13 ta’ Settembru 2006 l-awtoritajiet Belġjani rrispondew lill-Kummissjoni li l-iskema fiskali kkonċernata ma kinitx tikkostitwixxi ksur tat-Trattat. Fi kwalunkwe każ, anki jekk dan kien il-każ, l-imsemmija skema tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C‑204/90, Ġabra. p. I‑249) rigward il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tnaqqis tat-taxxa, b’tali mod li tkun aċċettata mid-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tippermetti l-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali Belġjana.
8 Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
9 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑10 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika tal-Ungerija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
10 L-ewwel nett il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 18 KE.
11 Fil-fatt, id-dritt għal ċittadin tal-Unjoni li “jirrisjedi” fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat tal-oriġni tiegħu jinkludi d-dritt li jistabbilixxi hemmhekk ir-residenza prinċipali tiegħu, u dan jimplika d-dritt li jixtri jew jibni. Għaldaqstant, billi ma jagħtix tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni lill-persuni li jakkwistaw beni immobbli li jinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ħlief jekk huma kellhom diġà residenza prinċipali f’dan l-istess reġjun, ir-Reġjun ta’ Vlaanderen jagħtihom vantaġġ fiskali li l-persuni li preċedentement xtraw ir-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, huma mċaħħdin minnu. Din id-diskriminazzjoni tolqot element essenzjali tad-dritt għall-mobbiltà intra‑Komunitarja, jiġifieri x-xiri ta’ beni immobbli.
12 It-tieni nett, din il-leġiżlazzjoni tikser l-Artikolu 43 KE dwar id-dritt ta’ stabbiliment, kif ukoll l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE.
13 Peress li l-libertà ta’ stabbiliment tinkludi wkoll, skont l-Artikolu 44(2)(e) KE, id-dritt li tiġi akkwistata propjretà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni tar-Reġjun ta’ Vlaanderen dwar it-taxxa tar-reġistrazzjoni tagħmel distinzjoni bejn iċ-ċittadini Komunitarji li jbiddlu l-post tas-sede tal-attività ekonomika tagħhom, skont jekk il-bidla ssirx fir-Reġjun ta’ Vlaanderen jew minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju lejn dan ir-reġjun. Din id-diskriminazzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ persuna li “taħdem għal rasha” minħabba li l-post ta’ stabbiliment tagħha ħafna drabi tikkoinċidi ma’ dak tar-residenza prinċipali tal-ħaddiem indipendenti.
14 Peress li l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE jagħti d-dritt ta’ stabbiliment liċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-EFTA f’termini identiċi, il-leġiżlazzjoni kkontestata tmur kontra dan l-artikolu wkoll.
15 It-tielet nett, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikolu 56 KE, sa fejn din tipprojbixxi kwalunkwe restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapital bejn Stati Membri, inklużi t-tranżazzjonijiet li bihom persuni li ma humiex residenti jidħlu għal investimenti fi proprjetà immobbli, kif jirriżulta min-nomenklatura tal‑movimenti tal-kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu [56 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). L-istess huwa l-każ għall-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE peress li dan huwa essenzjalment l-istess bħall-Artikolu 56 KE.
16 Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni kkontestata tagħti trattament mhux ugwali lil sitwazzjonijiet li huma oġġettivament paragunabbli. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sitwazzjonijiet huma oġġettivament paragunabbli f’din il-kawża, peress li f’kull każ jinsabu inkwistjoni persuni li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk il-bidla hijiex limitata għar-Reġjun ta’ Vlaanderen jew jekk issirx minn Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, lejn dan ir-reġjun. Għalkemm, f’dawn iż-żewġ każijiet, hija dovuta t-taxxa tar-reġistrazzjoni max-xiri tar-residenza prinċipali l-ġdida, vantaġġ fiskali jingħata biss mil-leġiżlazzjoni ta’ Vlaanderen lill-persuni li preċedentement kellhom residenza prinċipali fl-imsemmi reġjun.
17 Barra minm hekk, skont il-Kummissjoni, id-diskriminazzjoni ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.
18 Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li jirrigwadaw il-koerenza fiskali, mressqa mir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni tqis li dan l-Istat Membru ma jistax jinvoka s-sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 21) u tat-28 ta’ Jannar 1992 Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑300/90, Ġabra p. I‑305, punt 14), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat in-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali bħala kawża ta’ ġustifikazzjoni għall-ksur tal-moviment liberu tal-persuni.
19 Fil-fatt, sabiex din il-ġustifikazzjoni tkun aċċettata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li tiġi stabbilita rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, Ġabra p. I‑9569, punt 46). Din il-ġurisprudenza hija intiża sabiex jiġi evitat li l-istess tranżazzjoni tiġi ntaxxata darbtejn jew li ma tiġix intaxxata. Issa, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda rabta fiskali diretta bejn l-akkwist tal-ewwel residenza prinċipali u t-taxxa tar-reġistrazzjoni korrispondenti u l-akkwist tat-tieni waħda kif ukoll it-taxxa tar-reġistrazzjoni miġbura f’din l-okkażjoni.
20 Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jispjega, qabel kollox, li l-iskema inkwistjoni tapplika għall-persuni fiżiċi kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom u għandha tliet għanijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, iż-żieda tal-mobbiltà marbuta max-xogħol, it-tnaqqis proporzjonali tal-importanza tax-shuttle services u tat-traffiku, għall-benefiċċju tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, it-tieni nett, il-promozzjoni tar-rinnovazzjoni tal-proprjetà immobbli u tad-djar, kif ukoll, it-tielet nett, il-moderazzjoni tal-kirjiet.
21 Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-leġiżlazzjoni ta’ Vlaanderen għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, l-akkwist ta’ proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna li ma hijiex residenti jikkostitwixxi moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C‑302/97, Ġabra p. I‑3099, punt 22, u tat-13 ta’ Lulju 2000, Albore, C‑423/98, Ġabra p. I‑5965, punt 14), peress li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija għaldaqstant konsegwenza diretta tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (senteza tal-11 ta’ Novembru 1981, Casati, 203/80, Ġabra p. 2595, punt 8). Ir-Renju tal-Belġju jirreferi wkoll għas-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, Ġabra p. I‑4731); Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, Ġabra p. I‑4781) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99, Ġabra p. I‑4809) fuq dan il-punt.
22 Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 18 KE jsib espressjoni speċifika fil-libertajiet fundamentali tradizzjonali, ma jistax jiġi applikat b’mod awtonomu ħlief fil-każijiet fejn id-dritt tal-Unjoni japplika, iżda t-Trattat ma pprevediex dispożizzjonijiet partikolari għalihom. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jinvoka s-sentenzi tad‑29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, Ġabra p. I‑929, punt 22), kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C‑100/01, Ġabra p. I-10981, punt 26).
23 Għal dak li jirrigwarda l-mertu tal-kawża, ir-Renju tal-Belġju jinvoka n-nuqqas ta’ effett ħażin fuq il-moviment liberu tal-kapital prinċipalment minħabba l-fatt li ma hemmx diskriminazzjoni bejn sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli. Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna l-ewwel akkwist fir-Reġjun ta’ Vlaanderen ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali, is-sitwazzjonijiet simili huma ttrattati b’mod simili, peress li kull xerrej li jakkwista, għall-ewwel darba, dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali tiegħu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen huwa responsabbli għal taxxa tar-reġistrazzjoni sa’ 10 % tal-valur tas-suq tal-beni immobbli akkwistat.
24 Min-naħa l-oħra, mat-tieni akkwist ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali, it-trattament ikun differenti skont jekk ir-residenza prinċipali preċedenti kinitx tinsab fit-territorju tar-Reġjun ta’ Vlaanderen jew le. Dan l-Istat Membru jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, Ġabra. p. I‑225), kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2004, Wallentin (C‑169/03, Ġabra p. I‑6443), li jipprovdu li fil-qasam ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tar-residenti u dik tal-persuni li ma humiex residenti ma hijiex, bħala regola ġenerali, paragunabbli u l-fatt li Stat Membru ma jħallix lil persuna li ma hijiex residenti tibbenefika minn ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lil persuna residenti, ġeneralment, ma huwiex diskriminatorju.
25 Ir-Renju tal-Belġju jsostni wkoll li l-iskema inkwistjoni hija konformi mal-prinċipju fiskali ta’ territorjalità, li huwa rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni fis-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C-250/95, Ġabra p. I‑2471), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C‑374/04, Ġabra p. I‑11673), li jipprovdu li hemm koeżistenza tas-sistemi fiskali indipendenti mingħajr ma hemm ġerarkija bejniethom. Dan jikkawża differenzi u distorsjonijiet possibbli, li huma biss il-konsegwenza tad-differenzi bejn is-sistemi fiskali u, minħabba f’hekk, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 45).
26 Fl-aħħar nett, sussidjarjament, ir-Renju tal-Belġju jqis li l-iskema ta’ taxxa portabbli hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, u b’mod partikolari, skont il-prinċipju ta’ koerenza tas-sistema fiskali adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq (point 28), inkwantu teżisti rabta diretta bejn l-ewwel xiri ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali u t-tnaqqis li jingħata mat-tieni xiri ta’ dar ta’ din in-natura, rabta li ma ssirx konkreta ħlief fil-mument ta’ dan ix-xiri tal-aħħar.
27 Fin-nota ta’ intervent tiegħu insostenn tar-Renju tal-Belġju, il-Gvern Ungeriż jagħti l-istess argumenti tal-konvenut, b’mod partikolari, il-fatt li s-sitwazzjonijiet ma humiex oġġettivament paragunabbli u li għaldaqstant ma hemmx diskriminazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.
28 L-imsemmi Gvern jinvoka l-osservanza tal-prinċipju ta’ territorjalità fid-dritt fiskali u huwa tal-fehma li l-kompetenza fiskali tal-Istati Membri hija assoluta għal dak li jirrigwarda l-beni immobbli nazzjonali – inkluż l-akkwist ta’ dawn il-beni –, iżda ma teżistix fil-każ tal-akkwist ta’ beni immobbli barranin. Peress li l-kompetenza fiskali tal-Istati Membri ma tinkludix biss l-iffissar tat-taxxa iżda wkoll l-għoti ta’ vantaġġi fiskali, l-Istati Membri għandhom id-dritt jeskludu l-beni immobbli barranin mill-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali. L-eventwali limitu għal-libertajiet fundamentali invokat mill-Kummissjoni huwa l-konsegwenza neċessarja tat-tqassim territorjali tal-kompetenza fiskali tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, dan huwa ġġustifikat mill-prinċipju tal-koerenza tas-sistema fiskali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Belġju jqis li ma hemmx lok li l-leġiżlazzjoni kkontestata tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 18 KE u 43 KE, u għaldaqstant jikkunsidra li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jiġi evalwat ħlief fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital.
30 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-Artikolu 18 KE ma jistax jiġi applikat b’mod awtonomu ħlief fil-każijiet fejn id-dritt tal-Unjoni japplika, iżda t-Trattat ma pprevediex dispożizzjonijiet partikolari għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Skanavi u Chryssanthakopoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; Oteiza Olazabal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, Ġabra p. I‑6957, punti 35 u 36).
31 Barra minn hekk, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew jillimitaw l-akkwist ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage, C‑377/07, Ġabra p. I‑299, punt 24, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrian Fernandez, C‑35/08, Ġabra p. I‑9807, punt 21).
32 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 56 KE. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 18 KE ma japplikax b’mod awtonomu f’dan il-każ, peress li fil-każijiet fejn ix-xiri ta’ residenza ġdida fir-Reġjun ta’ Vlaanderen minn persuna li titlaq minn Stat Membru ieħor u tmur tgħix f’dan ir-reġjun Belġjan mingħajr raġuni ekonomika, huma koperti mill-moviment liberu tal-kapital. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, kif jirrileva r-Renju tal-Belġju, l-eventwali ksur tal-Artikolu 43 KE huwa l-konsegwenza inevitabbli tal-ksur tal-moviment liberu tal-kapital.
33 Għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑334/02, Ġabra p. I‑2229, punt 21; tal-20 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑155/09, Ġabra p. I‑0065, punt 39, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑10/10, Ġabra p. I‑0000, punt 23).
34 F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet rigward il-klassifikazzjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni bħala taxxa diretta jew indiretta, huwa irrilevanti peress li, kif tosserva l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura ta’ armonizzazzjoni dwar it-taxxa tar-reġistrazzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Dan jimplika li din it-taxxa għandha tiġi suġġetta għal eżami simili għal dak imwettaq meta tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tat-taxxi diretti mad-dritt tal-Unjoni.
35 Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk, kif tosserva l-Kummissjoni, l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg li jistabbilixxi l-iskema msejħa taxxa portabbli jikkostitwixxix restrizzjoni għal-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 56 KE kif ukoll fl-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu jeskludi l-vantaġġ fiskali li jipprevedi x-xiri ta’ proprjetà immobbli b’kapital li jkun ġej minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju.
36 L-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Għalkemm it-Trattat KE ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ moviment tal-kapital, huwa xorta waħda paċifiku li d-Direttiva 88/361, flimkien man-nomenklatura annessa magħha, għandha valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni ta’ dan il-kunċett (ara s-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 19). Barra minn hekk l-investimenti fil-proprjetà immobbli jidhru, minn naħa, taħt it-Titolu II, intitolat “Investimenti fil-bini (mhux inklużi taħt I)” tal-Anness I tad-Direttiva 88/361. Min-naħa l-oħra, minn dan it-titolu jirriżulta li dawn it-tip ta’ investimenti huma inklużi, b’mod impliċitu, fit-Titolu I, intitolat “Investimenti diretti” ta’ dan l-istess anness.
37 F’dan il-każ, l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg jipprovdi li, fil-każ ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli użata jew maħsuba għall-skopijiet residenzjali ta’ persuna fiżika bl-għan li tistabbilixxi r-residenza prinċipali tagħha, it-taxxa tar-reġistrazzjoni dovuta fuq din il-proprjetà immobbli għandha titnaqqas bit-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa għar-residenza preċedenti, mibjugħa sabiex tiffinanzja l-akkwist il-ġdid, bil-kundizzjoni li dan l-akkwist il-ġdid jkun sar fi żmien sentejn mix-xiri tal-proprjetà immobbli preċedenti u li din kienet tinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen.
38 Kif jirrikonoxxi r-Renju tal-Belġju, il-benefiċjarji ta’ dan it-tnaqqis jistgħu għaldaqstant ikunu biss il-persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, li fil-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg., jixtru residenza prinċipali ġdida fit-territorju tal-imsemmi reġjun.
39 Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-iskema ta’ taxxa portabbli teskludi mill-possibbiltà li jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni li hija tipprevedi, dawk il-persuni li jixtru għall-ewwel darba beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen maħsub biex jintuża bħala residenza prinċipali u li jkunu biegħu r-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor sabiex jiffinanzjaw ix-xiri tal-beni immobbli f’dan ir-reġjun.
40 Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni kkontestata, huma esklużi mill-benefiċċju ta’ taxxa portabbli tat-taxxa tar-reġistrazzjoni l-persuni li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom mit-territorju ta’ reġjun Belġjan, li ma huwiex ir-Reġjun ta’ Vlaanderen, lejn dan ir-reġjun tal-aħħar.
41 Madankollu għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi applikat għal tali sitwazzjoni, li hija waħda purament interna, fejn ma hemmx kwistjoni tal-eżerċizzju ta’ libertà ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern ta’ Communauté française u Gouvernement wallon vs Gouvernement flamand, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punti 37 u 38) .
42 Il-leġiżlazzjoni kkontestata teskludi wkoll mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li ma humiex ir-Renju tal-Belġju, li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom minn Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, lejn it-territorju tar-Reġjun ta’ Vlaanderen u jużaw il-fondi miksuba mill-bejgħ tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom sabiex jiffinanzjaw l-akkwist tal-beni immobbli l-ġdid tagħhom li jinsab f’dan ir-reġjun.
43 Konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ tippreġudika persuni li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u għaldaqstant għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
44 F’dan ir-rigward huwa paċifiku li, billi l-persuni msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza jiġu esklużi mill-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali tat-taxxa tar-reġistrazzjoni inkwistjoni, l-iskema ta’ taxxa protabbli tat-taxxa tar-reġistrazzjoni tirriżulta f’piż fiskali ikbar għalihom minn dak tal-persuni li jibbenefikaw mill-imsemmi tnaqqis. Peress li l-vantaġġi fiskali jistgħu jinfluwenzaw l-attitudni tal-persuna li tkun ser tixtri residenza prinċipali ġdida, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa fi Stat Membru, la ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, ma titnaqqasx tista’, f’ċerti każijiet, tkun dissważiva għall-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu milli jixtru beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, Ġabra p. I‑359, punt 38, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
45 Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg. jikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital.
46 Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxix restrizzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE. Fil-fatt, skont ir-Renju tal-Belġju, din ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ, peress li l-iskema inkwistjoni hija konformi mal-prinċipju fiskali ta’ territorjalità u r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija l-konsegwenza tad-differenzi bejn id-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali.
47 F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi rrilevat, bħal ma tagħmel il-Kummissjoni, li r-restrizzjonijiet inkwistjoni ma jirriżultawx minn differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżda mis-sempliċi skema Belġjana ta’ taxxa portabbli.
48 Barra minn hekk, huwa minnu li l-Istat Membru inkwisjoni, billi organizza l-intaxxar tax-xiri ta’ residenzi fit-territorju tiegħu, aġixxa b’konformità mal-prinċipju ta’ territorjalità stabbilit mid-dritt fiskali internazzjonali u rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Futura Participations u Singer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Madankollu, il-kompetenzi rrikonoxxuti lill-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ territorjalità għandhom jiġu eżerċitati fl-osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.
49 Madankollu, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, l-Artikolu 56 KE ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri “li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni […] rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”. Min-naħa tagħha, din id-deroga hija limitata mill-Artikolu 58(3) KE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 58(1) KE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56” (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, Ġabra p. I‑7477, punt 28, u Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
50 Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ japplika liberament trattament differenti skont is-sempliċi post tar-residenza prinċipali, ir-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jkollhomx iktar skop (ara, f’dan is-sens, b’relazzjoni mal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, 18; tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C‑397/98 u C‑410/98, Ġabra p. I‑1727, punt 42, kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C‑418/07, Ġabra p. I‑8947, punt 26).
51 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, qabel kollox li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tiddistingwi bejn it-tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa fir-Reġjun ta’ Vlaanderen u dik imħallsa fi Stat Membru ieħor, tkun tista’ titqies kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew għandha tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C‑35/98, Ġabra p. I‑4071, punt 43, Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
52 F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Belġju jinvoka li s-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli.
53 Kif ġie espost fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, dan l-Istat Membru isostni, b’mod partikolari, li l-persuni kollha li jixtru beni immobbli, għall-ewwel darba, li jinsab fir-Reġjun ta’ Vlaanderen huma ttrattati b’mod simili, inkwantu huma kollha responsabbli għal taxxa tar-reġistrazzjoni sa 10 % tal-valur tas-suq tal-beni akkwistat. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni ma tistax tkun paragunabbli ma’ dik ta’ persuni li qabel xtraw, f’dan l-istess reġjun, beni immobbli maħsub sabiex ikun il-post tar-residenza prinċipali tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jkunu diġà ħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni fl-imsemmi reġjun max-xiri tar-residenza prinċipali preċedenti.
54 Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.
55 Fil-fatt, huwa minnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tar-residenti u dik tal-persuni li ma humiex residenti fi Stat ma humiex, bħala prinċipju, paragunabbli inkwantu d-dħul irċevut fit-territorju ta’ Stat minn persuna li ma hijiex residenti jikkostitwixxi biss, fil-biċċa l-kbira, parti mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post tar-residenza tagħha, u inkwantu, min-naħa l-oħra, il-kapaċità personali tal-persuna li ma hijiex residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata bl-aktar mod faċli fil-post fejn hija għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha, li normalment ikun il-post tar-residenza abitwali tagħha (sentenza Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32; tas-16 ta’ Mejju 2000, Zurstrassen, C‑87/99, Ġabra p. I‑3337, punt 21, kif ukoll Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).
56 Barra minn hekk, u kif jenfasizza r-Renju tal-Belġju, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix lil persuna li ma hijiex residenti ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lil persuna li hija residenti ma huwiex, fil-prinċipju, diskriminatorju, meta wieħed iqis id-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tar-residenti u dik ta’ persuni li ma humiex residenti kemm mill-aspett tas-sors tad-dħul tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kapaċità personali tagħhom li jħallsu t-taxxa jew mill-aspett tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom (ara s-sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C‑234/01, Ġabra p. I‑5933, punt 44, u Wallentin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
57 Madankollu, huwa importanti li jiġi rrilevat li dawn il-prinċipji ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ ġurisprudenza li tirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, qasam fejn id-differenzi oġġettivi bejn il-persuni taxxabbli, bħas-sors tad-dħul, il-kapaċità tal-persuna li tħallas it-taxxa jew is-sitwazzjoni personali u familjari, jistgħu jkollhom impatt fuq it-taxxa tal-persuna li tħallas it-taxxa u ġeneralment huma meħuda inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur.
58 Madankollu, dan ma huwiex il-każ għal dak li jikkonċerna t-taxxa tar-reġistrazzjoni kkontestata, li hija stabbilita b’relazzjoni mal-prezz tal-bejgħ tal-beni immobbli. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju ma allegax, u dan ma jirriżulta mill-ebda dokument fil-proċess, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tieħu effettivament inkunsiderazzjoni xi waħda jew oħra mill-differenzi oġġettivi matul il-ħlas tal-imsemmija taxxa.
59 F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tat-taxxa tar-reġistrazzjoni kkontestata, is-sempliċi differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni li ma humiex residenti fil-Belġju, inklużi ċ-ċittadini Belġjani li użaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, u dik tar-residenti fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, ċittadini Belġjani jew ta’ Stat Membru ieħor, li jixtru residenza prinċipali ġdida f’dan ir-reġjun, tirriżulta mill-post tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-persuni kollha xtraw beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u, max-xiri tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom, tal-ewwel ħallsu taxxa tal-istess natura tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru li din ir-residenza kienet tinsab, filwaqt li l-oħrajn ħallsu l-imsemmija taxxa fir-reġjun inkwistjoni.
60 Għaldaqstant hemm lok li jitqies, kif tirrileva l-Kummissjoni, li ż-żewġ sitwazzjonijiet deskritti fil-punt preċedenti huma oġġettivament paragunabbli.
61 Wara li ġie ċċarat dan, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, l-ipparagunar tas-sitwazzjoni inkwistjoni għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C‑231/05, Ġabra p. I‑6373, punt 38, kif ukoll Papillon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
62 F’dan ir-rigward, fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jindika li d-digriet adottat fl-1 ta’ Frar 2002 mir-Reġjun ta’ Vlaanderen, li wettaq diversi emendi għall-Wb.Reg, fil-formulazzjoni preċedenti tiegħu, għandu fundamentalment tliet għanijiet.
63 L-ewwel nett, dan id-digriet huwa intiż sabiex tiżdied il-mobbiltà marbuta max-xogħol u sabiex jitnaqqas it-traffiku fit-toroq għall-benefiċċju tal-ambjent. F’dan il-kuntest, l-iskema ta’ taxxa portabbli tinkoraġġixxi, b’mod partikolari, il-bidla tar-residenza lejn dar iktar adatta. It-tieni nett, l-imsemmija skema tippromwovi ir-rinnovazzjoni tal-proprjetajiet immobbli u ta’ djar minflok li jinbnew il-ġodda. It-tielet nett, it-tnaqqis tat-taxxa tar-reġistrazzjoni jippremetti l-moderazzjoni tal-kirjiet filwaqt li jżid, b’mod partikolari, id-dħul gross għas-sidien tal-proprjetà.
64 F’dan ir-rigward, anki fil-każ li l-leġiżlazzjoni kkontestata tista’ ettettivament tilħaq dawn l-għanijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma esponiex kif l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-iskema ta’ taxxa portabbli tal-persuni li biegħu ir-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, tippermetti li dawn l-għanijiet jintlaħqu aħjar.
65 Fil-fatt, kif ġustament tindika l-Kummissjoni, id-diskriminazzjoni mwettqa minn din l-iskema, jiġifieri l-esklużjoni għal ċertu tip ta’ xerreja ta’ beni immobbli li jinsabu fir-Reġjun ta’ Vlaanderen mill-benefiċċju ta’ taxxa portabbli, ma tikkontribwixxix għal li l-għanijiet indikati jintlaħqu, peress li r-residenti tal-Istati Membri li jgħixu qrib ir-Reġjun ta’ Vlaanderen u li jeżerċitaw attività ekonomika, bħala persuni li jaħdmu għal rashom jew bħala ħaddiema indipendenti f’dan ir-reġjun, jistgħu jiġu mħajra mill-iskema inkwistjoni sabiex jittrasferixxu r-residenza prinċipali tagħhom lejn l-imsemmi reġjun u għaldaqstant jibbenefikaw mill-vantaġġi esposti fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.
66 Konsegwentement, l-argument imressaq mir-Renju tal-Belġju u li huwa bbażat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli nazzjonali ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-persuni taxxabbli li ġejjin minn Stat Membru ieħor, ma jistax jintlaqa’.
67 Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li sa fejn, fuq il-livell fiskali, l-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg. jisfavorixxi s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, huwa jikkostitwixxi restrizzjoni li hija pprojbita mill-Artikolu 56(1) KE.
68 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk hija tiġġustifika ruħha minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’tali ipoteżi, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li dan l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 35, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, p. I‑2107, punt 64).
69 F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Belġju, sostnut mill-Gvern Ungeriż, isostni li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mill-Artikolu 61/3 tal‑Wb.Reg. hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali tiegħu.
70 Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni tali li tillimita l-libertajiet fundamentali (sentenzi Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; tat-28 ta’ Jannar 1992, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C‑157/07, Ġabra p. I‑8061, punt 43).
71 Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jiġi aċċettat, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Verkooijen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57; tat-18 ta’ Settembru 2003, Bosal, C‑168/01, Ġabra p. I‑9409, punt 29, kif ukoll Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
72 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif isostni r-Renju tal-Belġju, skont l-iskema stabbilita mill-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg., it-taxxa tar-reġistrazzjoni li tħallset mal-akkwist ta’ dar maħsuba sabiex issir ir-residenza prinċipali fir-Reġjun ta’ Vlaanderen tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, titnaqqas sa mhux iktar minn EUR 12 500, mit-taxxa tar-reġistrazzjoni dovuta mal-akkwist ta’ residenza prinċipali ġdida f’dan ir-reġjun.
73 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li peress li r-Renju tal-Belġju ma għandu l-ebda dritt li jintaxxa t-tranżazzjoni ta’ xiri mwettqa preċedentement fi Stat Membru ieħor mill-persuni li jiddeċiedu li jistabbilixxu r-residenza prinċipali l-ġdida tagħhom fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, il-konfigurazzjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali jirrifletti loġika simetrika (ara, b’analoġija, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
74 Fil-fatt, jekk dawn il-persuni kellhom jibbenefikaw mill-iskema ta’ taxxa portabbli meta jakkwistaw beni immobbli fir-Reġjun ta’ Vlaanderen, huma jkollhom vantaġġ inġust minn skema ta’ taxxa li l-akkwist ta’ proprjetà immobbli preċedenti, barra mill-Belġju, ma kinitx suġġetta għaliha.
75 Minn dan jirriżulta li, fl-imsemmija skema, teżisti rabta bejn il-vantaġġ fiskali u l-intaxxar inizjali. Fil-fatt, minn naħa, din tirrigwarda l-istess persuna taxxabbli, li diġà ħallset it-taxxa inkwistjoni u li hija eliġibbli għat-tnaqqis u, min-naħa l-oħra, vantaġġ mogħti fil-kuntest tal-istess taxxa.
76 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, f’dan il-każ, l-istess persuna taxxabbli u l-istess taxxa, tqiesu suffiċjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Verkooijen, punt 58; Bosal, punti 29 u 30, kif ukoll Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, punt 42). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tikkontestax, u anki ammettiet fir-replika tagħha, li l-vantaġġ fiskali inkwistjoni huwa mogħti lill-istess persuna taxxabbli u fil-kuntest tal-istess taxxa.
77 Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-restizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 61/3 tal-Wb.Reg. hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali.
78 Xorta jibqa’ l-fatt li sabiex ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata minħabba f’dan, hija trid tkun xierqa u proporzjonata fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.
79 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li, fl-atti tagħhom, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Renju tal-Belġju ma ħadu pożizzjoni fuq in-natura proporzjonata tal-iskema inkwistjoni.
80 Għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjoni inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq tali għan sakemm hija topera b’mod perfettament simetriku, billi t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa preċedentement fil-kuntest tal-iskema fiskali Belġjana biss tista’ titnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
81 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-imsemmija restrizzjoni hija assolutament proporzjonata għall-għan tagħha, peress li d-dispożizzjoni inkwistjoni tillimita għal mhux iktar minn EUR 12 500 l-ammont tat-tnaqqis mogħti fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni li għaliha hija responsabbli l-persuna li tixtri residenza prinċipali ġdida fir-Reġjun ta’ Vlaanderen (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Fil-fatt, billi tipprovdi għal tali limitu, l-iskema kkontestata żżomm in-natura tagħha ta’ vantaġġ fiskali u ma tammontax għal eżenzjoni moħbija.
82 Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata minn raġunijiet intiżi sabiex iħarsu l-koerenza tas-sistema fiskali.
83 Għal dak li jirrigwarda l-impatt tal-iskema kkontestata fuq l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, invokat mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu għandhom l-istess portata ġuridika bħad-dispożizzjonijiet, li huma sostanzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-521/07, Ġabra p. I‑4873, punt 33, u tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C‑72/09, Ġabra p. I‑10659, punt 22), il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, ikunu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40.
84 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-moviment liberu tal-kapital huwa infondat. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
85 Skont l‑Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l‑Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitlub mir‑Renju tal‑Belġju.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.