EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0233

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-14 ta' Jannar 2010.
Milan Kyrian vs Celní úřad Tábor.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Nejvyšší správní soud - ir-Repubblika Ċeka.
Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti - Direttiva 76/308/KEE - Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba - Forza eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru - Natura regolari tan-notifika tat-titolu lid-debitur - Notifika b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx.
Kawża C-233/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:11

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

“Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti — Direttiva 76/308/KEE — Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba — Forza eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru — Natura regolari tan-notifika tat-titolu lid-debitur — Notifika b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx”

Fil-Kawża C-233/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura

Milan Kyrian

vs

Celní úřad Tábor,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias kif ukoll minn E. Leftheriotou u V. Karra, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Afonso u L. Jelínek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 1, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 12 p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/308”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Kyrian u Celní úřad Tábor (Uffiċċju tad-Dwana ta’ Tábor) dwar il-verifika tan-natura eżekuttiva ta’ titolu li jippermetti l-irkupru ta’ kreditu maħruġ mill-Hauptzollamt Regensburg (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, Ratisbonne, il-Ġermanja).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 76/308 hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq komuni li jirriżultaw mil-limitazzjoni territorjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-irkupru, b’mod partikolari, ta’ dazji doganali.

4

Skont is-sitt premessa tad-Direttiva 76/308, il-forom differenti ta’ assistenza għandhom jingħataw mill-awtorità mitluba skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-oqsma kkonċernati fl-Istat Membru li fih din tkun tinsab, filwaqt li s-seba’ premessa tal-istess direttiva tipprovdi li hemm lok li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom it-talbiet għal assistenza għandhom ikunu stabbiliti mill-awtorità applikanti u li jiġu definiti b’mod limitat iċ-ċirkustanzi partikolari li jippermettu, f’każ jew ieħor, lill-awtorità mitluba tiċħad l-assistenza.

5

L-għaxar premessa tad-Direttiva 76/308 tindika li huwa possibbli li, matul il-proċedura ta’ rkupru fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, il-kreditu jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu, maħruġ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, ikun ikkontestat mill-persuna kkonċernata u li, f’dan il-każ, għandu jiġi stabbilit li l-azzjoni ta’ kontestazzjoni għandha titressaq minn din il-persuna kkonċernata quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, u li l-awtorità mitluba għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni li hija bdiet sakemm dan il-korp kompetenti jagħti d-deċizjoni tiegħu.

6

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 76/308 jistipula li:

“L-awtorità mitluba mhiex obbligata li tforni tagħrif:

a)

li ma tkunx tista’ tikseb bl-iskop li tirkupra talbiet [kreditu] bħal dawn li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih tkun tinsab;

b)

li jikxef xi sigrieti kummerċjali, industrijali jew professjonali; jew

ċ)

li l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika s-sigurta ta’ jew imur kontra l-politika [l-ordni] pubblika tal-Istat”.

7

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-awtorità mitluba għandha, fuq it-talba tal-awtorità applikanti, u skond ir-regoli fis-seħħ għan-notifika ta’ atti korrispondenti fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, tinnotifika lid-destinatarju b’ kull att u deċiżjoni, inklużi dawk ta’ natura ġudizzjarja, relatati ma’ kreditu jew mal-irkupru tiegħu, maħruġa mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti.

8

L-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li t-talba għan-notifika għandha tindika l-isem, l-indirizz u kull tagħrif ieħor utli għall-identifikazzjoni tad-destinatarju li l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess għalih, in-natura u s-suġġett tal-att jew deċiżjoni li għandhom jiġu nnotifikati u, jekk ikun il-każ, l-isem, l-indirizz u kull tagħrif ieħor utli għall-identifikazzjoni tad-debitur li l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess għalih u l-kreditu imsemmi fl-att jew fid-deċiżjoni kif ukoll kull tagħrif utli ieħor.

9

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/308 jistabbilixxi:

“1.   Fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta’ talbiet [krediti] bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta’ xi dokument [titolu] li jippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] tagħhom.

2.   Għal dan l-iskop kull talba li għaliha jkun intalab l-irkupru għandha tiġi trattata bħala talba ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, ħlief fejn japplika Artikolu 12.”

10

L-Artikolu 7(1)(2)(3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   It-talba għall-irkupru ta’ pretensjoni [kreditu] li l-awtorità applikanti tindirizza lill-awtorità mitluba għandha tiġi akkumpanjata minn koppja uffiċċjali jew iċċertifikata ta’ l-istrument [titolu] li tippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] tagħha, maħruġa mill-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità applikanti u, jekk ikun xieraq, permezz ta’ l-oriġinali jew kopja ċċertifikata ta’ dokumenti oħra meħtieġa għall-irkupru.

2.   L-awtorità applikanti m’għandhiex tagħmel talba għall-irkupru kemm-il darba:

a)

il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha m’humiex ikkontestati fl-Istat Membru li fih hija tinstab, ħlief f’każijiet fejn jiġi applikat it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2);

b)

hija applikat, fl-Istat Membru li fih hija tinstab, il-proċeduri ta’ rkupru xierqa li kienu għad-disposizzjoni tagħha a bażi ta’ l-istrument imsemmi fil-paragrafu 1, u l-miżuri li jittieħdu ma jirriżultawx fil-ħlas sħiħ tal-pretensjoni.

3.   It-talba għall-irkupru għandha tindika:

a)

l-isem, l-indirizz u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata u/jew tal-parti terza li żżomm l-assi tiegħu jew tagħha;

[…]”

11

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-istrument [titolu] li jippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] tal-pretensjoni [kreditu] għandu jkun rikonoxxut direttamant u ttrattat awtomatikament bħala strument li jippermetti l-infurzar ta’ pretensjoni ta’ l-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba.

2.   Minkejja l-ewwel paragrafu, l-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu, fejn ikun xieraq, u b’konformità mad-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba, jiġi aċċettat bħala, rikonoxxut bħala, msaħħaħ permezz ta’, jew mibdul bi strument li jawtorizza l-infurzar fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tiġi riċevuta t-talba ta’ rkupru, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jtemmu tali aċċettazzjoni, rikonoxximent, tisħiħ jew bdil, ħlief f’kazijiet fejn jiġi applikat it-tielet subparagrafu. M’għandhomx jiġu rifjutati jekk l-istrument li jippermetti tali infurzar jiġi mfassal sew. L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex tkun qabżet il-perjodu ta’ tliet xhur.

Jekk xi waħda minn dawn il-formalitajiet tagħti lok għall-kontestazzjoni dwar il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar maħruġ mill-awtorità applikanti, għandu japplika l-Artikolu 12.”

12

L-Artikolu 12(1) sa (3) tad-Direttiva 76/308 jistabbilixxi:

“1.   Jekk, matul il-proċedura ta’ rkupru, it-talba u/jew id-dokument [titolu] li jippermettu l-infurzar [eżekuzzjoni] tiegħu maħruġa fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab huma kontestati minn parti interessata, l-azzjoni għandha titressaq minn din tal-aħħar quddiem il-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab, skond il-liġijiet fis-seħħ hemmhekk. Din l-azzjoni għandha tiġi notifikata mill-awtorità applikanti lill-awtorità mitluba. Il-parti konċernata tista’ wkoll tinnotifika l-awtorità mitluba bl-azzjoni.

2.   Hekk kif l-awtorità mitluba tkun irċeviet in-notifika li għaliha jirreferi l-paragrafu 1 jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, għandha tissospendi l-proċedura ta’ infurzar sakemm ikun hemm iddeċiżjoni tal-korp kompetenti fil-materja, kemm-il darba l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor b’mod konformi mat-tieni subparagrafu. […]

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 2, l-awtorità applikanti tista’ b’mod konformi mal-liġi, mar-regolamenti u mal-prattika amministrativa fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hija tinstab, titlob lill-awtorità mitluba sabiex tirkupra pretensjoni [kreditu] kkontestata, kemm-il darba l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba jippermettu tali azzjoni. Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni huwa sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applicanti għandha tkun responsabbli għar-rimborz ta’ kull somma rkuprata, flimkien ma’ kull kumpens dovut, b’mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba.

3.   Fejn huma l-miżuri ta’ infurzar meħuda fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab li qed ikunu kkontestati l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompeteneti ta’ dak l-Istat Membru skond il-liġijiet u r- regolamenti tiegħu.”

13

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Talbiet għall-għajnuna, l-istrumenti [titoli] li jippermetti l-infurzar [eżekuzzjoni] u dokumenti li għandhom x’jaqsmu magħhom għandhom ikunu akkompanjati minn traduzzjoni fl-ilsien uffiċjali, jew waħda mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fihom l-awtorità mitluba tkun tinsab, bla ħsara għad-dritt ta’ l-awtorità ta’ l-aħħar li tirrinunzja għat-traduzzjoni.”

14

Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, din ma tostakolax “miżura akbar ta’ għajnuna reċiproka milli tkun mogħtija kemm issa jew fil-futur minn Stati Membri partikolari taħt xi ftehim jew arranġamenti, inklużi dawk għan-notifikazzjoni ta’ atti legali jew ekstralegali”.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15

Skont l-Artikolu 2(7) tal-Liġi Nru 191/2004, dwar l-assistenza internazzjonali għall-irkupru ta’ ċerti krediti finanzjarji (Zákon č. 191/2004 Sb., o mezinárodní pomoci při vymáhání některých finančních pohledávek), fl-implementazzjoni tal-assistenza internazzjonali għandha tiġi applikata l-Liġi Nru 337/1992, dwar l-amministrazzjoni tad-dazju tas-sisa u tat-taxxi (Zákon č. 337/1992 Sb., o správě daní a poplatků), sakemm il-Liġi Nru 191/2004 ma tipprovdix mod ieħor.

16

L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 191/2004, intitolat “L-irkupru ta’ krediti”, jistabbilixxi:

“1.   […] Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, il-Ministeru għandu jiżgura l-irkupru ta’ krediti; […]. It-talba għall-irkupru għandha tiġi ġġustifikata permezz tal-oriġinali jew ta’ kopja ċċertifikata tat-titolu eżekuttiv li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat tal-awtorità kompetenti.

2.   Il-Ministeru għandu jipproċedi għall-irkupru sakemm it-talba għall-irkupru tindika:

a)

l-isem, il-kunjom u l-post ta’ residenza tal-persuna fiżika jew l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-persuna ġuridika debitriċi jew, jekk ikun il-każ, tal-persuna li għandha tħallas il-kreditu skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti […] kif ukoll informazzjoni oħra meħtieġa sabiex tkun tista’ tiġi identifikata l-persuna debitriċi jew persuna oħra fil-pussess tal-beni tagħha,

b)

in-natura tal-kreditu u l-ammont tal-kapital u tal-interessi, tal-penalitajiet, tal-multi u tal-ispejjeż dovuti, ippreċiżat fil-valuta taż-żewġ Stati li jindika t-titolu eżekuttiv,

ċ)

informazzjoni fuq in-natura definittiva (res judicata) tat-titolu eżekuttiv u fuq it-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekandenza tad-dritt għall-irkupru tal-kreditu,

[…]

f)

id-dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor skont l-Artikolu 6(2), […]

3.   […] Fil-każ li t-talba ma jkollhiex l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Ministeru għandu jipproċedi għall-irkupru sakemm, fuq talba tiegħu, din id-data tkun tista’ tiġi kkompletata.”

17

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 191/2004, id-dokument li jikkostitwixxi t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu fl-Istat tal-awtorità kompetenti huwa, mid-data tal-irċevuta tat-talba kompleta għall-irkupru, rikonoxxut bħala titolu li jippermetti l-irkupru tal-kreditu fir-Repubblika Ċeka. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fuq il-bażi tat-talba għall-irkupru, il-Ministeru jista’ jibda l-irkupru tal-kreditu biss jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor tiddikjara li t-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu mhuwiex ikkontestat fl-Istat tal-awtorità kompetenti, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija liġi, u li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni diġà ġiet implementata fl-Istat tal-awtorità kompetenti mingħajr ma wasslet għall-ħlas sħiħ tal-kreditu.

18

L-Artikolu 13(1) tal-Liġi Nru 191/2004 jistabbilixxi:

“L-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Ministeru u l-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor għandhom isiru bil-lingwa uffiċjali tal-Istat li fih tkun tinsab l-awtorità li tkun irċiviet it-talba għal assistenza għall-irkupru. […] Meta l-Ministeru u l-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor jiftehmu mod ieħor, il-lingwa uffiċjali tal-Istat li lilu saret it-talba għal assistenza għall-irkupru m’għandhiex tintuża.”

19

L-Artikolu 32(1) tal-Liġi Nru 337/1992 jistabbilixxi:

“Fi proċeduri fiskali, jistgħu jiġu imposti obbligi jew rikonoxxuti drittijiet biss permezz ta’ deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha effet ġuridiku fuq id-destinatarju biss jekk din tkun ġiet innotifikata jew ikkomunikata lilu b’mod regolari, sa fejn din il-liġi jew liġi speċjali ma tipprovdix mod ieħor.”

20

L-Artikolu 73 tal-Liġi Nru 337/1992 jiddeskrivi l-proċedura għall-irkupru tal-arretrati ta’ dazji tas-sisa. Skont l-Artikolu 73(7), fir-rigward tal-eżekuzzjoni fiskali, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandu japplika b’mod adattat.

21

Skont l-Artikolu 261a(1) tal-Liġi Nru 99/1963, dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zákon č. 99/1963 Sb., občanský soudní řád), kif emendat, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tista’ tiġi ordnata biss jekk din tindika l-benefiċjarju u d-debitur, tistabbilixxi l-portata u l-kontenut tal-obbligi li huma s-suġġett tat-talba għall-eżekuzzjoni u tiffissa t-terminu għal din l-eżekuzzjoni.

22

Kif ġie ppreċiżat mill-qorti tar-rinviju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati superjuri Ċeki, l-identifikazzjoni preċiża tad-debitur ma għandhiex toħloq konfużjoni jew, tal-inqas, it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni inkwistjoni għandu jippermetti mingħajr l-inqas dubju li tiġi stabbilita l-persuna li fir-rigward tagħha l-obbligu ġie impost (sentenza tal-qorti tar-rinviju tal-25 ta’ Frar 1999, bir-referenza 21 Cdo 2101/98, ippubblikata fis-Soudní judikatura 6/1999, p. 233). Fl-opinjoni tan-Nejvyšší soud tar-Repubblika Soċjalista Ċeka tat-18 ta’ Frar 1981, bir-referenza Cpj 159/79 (Sbírka soudních rozhodnutí a stanovisek, 1981, p. 499), ġie stabbilit ukoll li d-deċiżjoni li ma tidentifikax preċiżament id-debitur mhijiex deċiżjoni eżekuttiva u ma tistax isservi ta’ bażi għall-eżekuzzjoni tal-irkupru. Bl-istess mod, mis-sentenza tal-Awla Estiża tal-qorti tar-rinviju, tas-26 ta’ Ottubru 2005, bir-referenza 2 Afs 81/2004-54, jirriżulta li l-atti eżekuttivi mwettqa fuq il-bażi ta’ titolu li jindika b’mod insuffiċjenti d-destinatarju għandhom jiġu annullati.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Fit-2 ta’ Lulju 1999, il-Hauptzollamt Weiden (Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, Weiden) (il-Ġermanja) indirizza avviż ta’ stima tat-taxxa lil “Milan Kyrian, Studnicni 836, 39811 Protivin, Ir-Repubblika Ċeka”, li permezz tiegħu dan ġie ordnat iħallas dazji tas-sisa fl-ammont ta’ DM 218520. It-titolu eżekuttiv, hekk maħruġ mill-Hauptzollamt Weiden ġie nnotifikat permezz tal-Ministerstvo financí — Generální ředitelství cel (Ministeru tal-Finanzi Ċek — Direttorat Ġenerali tad-Dwana, ir-Repubblika Ċeka) (iktar ’il quddiem l-“awtorità mitluba fil-kawża prinċipali”) fis-6 ta’ Awwissu 1999.

24

Fit-28 ta’ Settembru 2004, il-Hauptzollamt Regensburg, l-awtorità applikanti, ħareġ avviż ta’ ħlas, u fis-7 ta’ Ottubru 2004, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/08, talab lill-awtorità mitluba fil-kawża prinċipali sabiex tirkupra d-dazji tas-sisa skont it-titolu eżekuttiv maħrug mill-Hauptzollamt Weiden. Fit-talba għall-irkupru, ir-rikorrent ġie identifikat bħala d-debitur fil-kawża prinċipali permezz ta’ ismu, kunjomu, l-indirizz u d-data tat-twelid tiegħu, u d-dazji tas-sisa flimkien mal-multa ġew indikati bħala ammont totali ta’ CZK 3258625.30.

25

Fix-xahar ta’ Diċembru 2004, l-awtorità mitluba fil-kawża prinċipali ddelegat l-irkupru tal-arretrati ta’ dazji tas-sisa inkwistjoni lis-Celní úřad Tábor. B’hekk, f’Diċembru 2004, dan tal-aħħar ħareġ żewġ avviżi ta’ rkupru tal-arretrati ta’ dazji tas-sisa li jirrigwardaw, rispettivament, id-dazji tas-sisa u l-multi u stabbilixxa terminu ta’ ħlas skont l-Artikolu 73(1) tal-Liġi Nru 337/1992. M. Kyrian ippreżenta appell kontra dawn iż-żewġ avviżi, li s-Celní ředitelství České Budějovice (Direttorat tad-Dwana, České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka) ċaħad permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Marzu u tas-6 ta’ April 2005. Din iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata b’digriet tal-Krajský soud v Českých Budějovicích tal-5 ta’ Ottubru 2005 u b’sentenza tan-Nejvyšší správní soud tat-28 ta’ Ġunju 2006.

26

Fis-6 ta’ Marzu 2006, is-Celní úřad Tábor ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni tal-arretrati ta’ dazji tas-sisa permezz ta’ tnaqqis mis-salarju ta’ M. Kyrian. Dan tal-aħħar ressaq ilmenti kontra dan il-mandat ta’ eżekuzzjoni, li s-Celní úřad Tábor ċaħad b’deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2006.

27

M. Kyrian ippreżenta rikors kontra l-imsemmi mandat ta’ eżekuzzjoni quddiem il-Krajský soud v Českých Budějovicích. Huwa b’mod partikolari sostna li l-identifikazzjoni tad-destinatarju fit-titolu eżekuttiv maħruġ mill-Hauptzollamt Weiden bl-isem, il-kunjom u l-indirizz hija insuffiċjenti, peress li l-imsemmi titolu seta’ japplika għal missieru u għal ibnu li jisimhom ukoll Milan Kyrian u joqogħdu fl-istess indirizz. Peress li d-dokument ta’ notifika ma jippreċiżax għal min mit-tliet persuni omonomi l-imsemmi titolu eżekuttiv inħareġ, dan it-titolu ma jistax jiġi eżegwit, għaliex ma ġiex innotifikat b’mod regolari.

28

M. Kyrian sostna wkoll li, peress li huwa ma fehemx id-dokumenti li ntbagħtulu bil-Ġermaniż mill-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi, huwa ma setax jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Huwa jikkunsidra li huwa ma għandu ebda obbligu li jakkwista, bi spejjeż għalih, it-traduzzjoni tal-imsemmija dokumenti.

29

Il-Krajský soud v Českých Budějovicích, li quddiemha tressqet il-kawża fl-ewwel istanza, ċaħdet ir-rikors b’deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2007. Hija osservat li, skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 191/2004, li ttraspona d-Direttiva 76/308, id-dokument li jservi bħala titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu fl-Istat li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti huwa immedjatament meqjus bħala titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu fir-Repubblika Ċeka. Huwa għalhekk li la l-awtorità mitluba fil-kawża prinċipali u lanqas il-Krajský soud v Českých Budějovicích ma għandhom kompetenza biex jeżaminaw l-ilmenti mqajma minn M. Kyrian kontra t-titolu eżekuttiv maħruġ mill-Hauptzollamt Weiden.

30

Skont il-Krajský soud v Českých Budějovicích, il-fatt li fit-talba għall-irkupru M. Kryian ġie indikat mhux biss b’ismu, b’kunjomu u bl-indirizz tiegħu, iżda wkoll bid-data tat-twelid tiegħu, jidentifikah b’mod ċar bħala d-debitur. Skont it-talba għall-irkupru u d-dokument ta’ notifika anness, it-titolu eżekuttiv inkwistjoni kien ġie nnotifikat u huwa validu. Barra minn hekk, il-fatt li l-proċeduri quddiem l-awtoritajiet tad-dwana Ġermaniżi nżammu bil-Ġermaniż ma kienx kiser id-drittijiet ta’ M. Kyrian. Skont il-Krajský soud v Českých Budějovicích, xejn ma kien iwaqqaf lil dan tal-aħħar milli jakkwista, fl-interess tiegħu stess, it-traduzzjoni tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu inkwistjoni, inklużi l-istruzzjonijiet imniżżla f’dan tal-aħħar dwar il-possibbiltajiet li jippreżenta rikors kontra dan it-titolu.

31

M. Kyrian ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Krajský soud v Českých Budějovicích quddiem in-Nejvyšší správní soud fejn allega, fuq il-bażi tal-istess motivi li kien invoka fl-ewwel istanza, li t-titolu eżekuttiv inkwistjoni ma setax jiġi eżegwit.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [76/308] għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk jiġi ppreżentat quddiem il-qorti ta’ Stat Membru, li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, rikors kontra miżuri ta’ rkupru, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ, skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dan l-Istat Membru, jekk it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru huwiex eżegwibbli u jekk dan ġiex regolarment innotifikat lid-debitur?

2)

Mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mill-prinċipju tad-dritt għal smigħ xieraq, mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mill-istat tad-dritt, jirriżulta li n-notifika tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru lid-debitur bil-’lingwa għajr dik li huwa jifhem u li lanqas hija l-lingwa uffiċjali tal-Istat li fih it-titolu huwa nnotifikat lid-debitur hija vvizzjata b’difett li jippermetti li jiġi rrifjutat l-irkupru abbażi ta’ tali titolu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba għandhom il-ġurisdizzjoni, minn naħa, biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru u, min-naħa l-oħra, biex jistħarrġu jekk l-imsemmi titolu ġiex innotifikat lid-debitur b’mod regolari.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru

34

Id-Direttiva 76/308 tistabbilixxi regoli komuni dwar l-assistenza reċiproka biex jiġi garantit l-irkupru ta’ krediti relatati ma’ ċerti imposti, dazji u taxxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 53).

35

Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 76/308 tingħata effikaċja sħiħa u interpretazzjoni awtonoma, irid, b’mod partikolari, isir riferiment għall-istruttura ġenerali u għall-għanijiet tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein, C-433/01, Ġabra p. I-981, punt 24, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, Ġabra p. I-8661, punt 35).

36

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 76/308, it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu għandu jkun direttament rikonoxxut u awtomatikament ittrattat bħala strument li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ kreditu tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Għalkemm, skont l-Artikolu 8(2), l-imsemmi titolu jista’, jekk ikun il-każ u skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, jiġi aċċettat bħala, rikonoxxut bħala, imsaħħaħ permezz ta’ jew mibdul b’titolu li jawtorizza l-eżekuzzjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, dawn il-formalitajiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ċaħda meta t-titolu jkun ġie fformulat b’mod regolari. Minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ li wieħed minn dawn il-formalitajiet jagħti lok għal kontestazzjoni dwar il-kreditu u/jew dwar it-titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru tiegħu maħruġ mill-awtorità applikanti, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva għandu jiġi applikat.

37

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 76/308 jipprevedi tqassim ta’ kompetenzi bejn l-istanzi tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti u dawk tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba sabiex jisimgħu kontestazzjonijiet dwar il-kreditu, it-titolu eżekuttiv jew il-miżuri ta’ eżekuzzjoni.

38

Skont l-Artikolu 12(1) jekk persuna kkonċernata tikkontesta l-kreditu jew it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu maħruġ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, skont il-liġijiet fis-seħħ hemmhekk. Fil-fatt, l-Artikolu 12(2) jistabbilixxi li l-awtorità mitluba, hekk kif tirċievi n-notifika tat-tali azzjoni jew mil-awtorità applikanti jew mill-parti kkonċernata, għandha tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-korp kompetenti f’dan il-qasam kemm-il darba l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor.

39

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, meta l-kontestazzjoni tirrigwarda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

40

Dan it-tqassim ta’ kompetenzi jirriżulta mill-fatt li l-kreditu u t-titolu eżekuttiv huma stabbiliti fuq il-bażi tal-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, filwaqt li, għall-miżuri ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, din tal-aħħar tapplika, skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 76/308, id-dispożizzjonijiet li d-dritt nazzjonali tagħha tipprevedi għal atti simili, peress li din l-awtorità tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ att skont id-dritt nazzjonali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International, C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 36, u tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 63).

41

L-imsemmi tqassim ta’ kompetenzi, bħala regola ġenerali, ma jippermettix lill-awtorità mitluba tikkontesta l-validità u n-natura eżekuttiva tal-att jew tad-deċiżjoni li l-awtorità applikanti titlob in-notifika tagħhom.

42

B’hekk għalkemm, bħala regola ġenerali, l-istħarriġ tal-fondatezza tal-kontestazzjonijiet dwar il-kreditu jew it-titolu eżekuttiv jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti ma jistax jiġi eskluż li, b’mod eċċeżjonali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba jkunu awtorizzati jistħarrġu jekk l-eżekuzzjoni tal-imsemmi titolu hijiex tali li tippreġudika, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat Membru u, jekk ikun il-każ, jirrifjutaw li jagħtu kompletament jew parzjalment l-assistenza jew jissuġġettaw tali assistenza għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

43

Fil-fatt, skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 76/308, il-kreditu li huwa s-suġġett ta’ talba għall-irkupru kif ukoll it-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu huma trattati bl-istess mod bħall-krediti u t-titoli simili tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Issa, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru tal-kreditu jkun eżegwit minn dan l-Istat Membru jekk din l-eżekuzzjoni hija ta’ natura li tiippreġudika l-ordni pubbliku tiegħu. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku hija prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 76/308 fir-rigward tat-talbiet għal għoti ta’ informazzjoni mressqa mill-awtorità applikanti, li bis-saħħa tiegħu l-awtorità mitluba tista’ tirrifjuta tali għoti b’mod partikolari meta dan ikun ta’ natura li jippreġudika l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih hi tkun tinsab.

44

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx il-ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba biex jistħarrġu jekk it-titolu eżekuttiv ġiex innotifikat lid-debitur b’mod regolari

45

Sabiex tingħata risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda huwa neċessarju li tiġi interpretata l-espressjoni “miżuri ta’ infurzar [eżekuzzjoni]” użata fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308.

46

Issa, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-ewwel stadju tal-eżekuzzjoni tal-irkupru fil-kuntest tal-assistenza reċiproka huwa preċiżament in-notifika lid-destinatarju, mill-awtorità mitluba, tal-atti u d-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ kreditu jew mal-irkupru tiegħu maħruġa mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti; din in-notifika għandha titwettaq abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità applikanti.

47

Minn dan jirriżulta li n-notifika tikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308 u li, għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, l-azzjonijiet kollha kontra n-notifika għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba.

48

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, kif essenzjalment jirriżulta wkoll mis-sitt premessa u mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/308, in-notifika għandha titwettaq skont il-liġijiet fis-seħħ għan-notifika ta’ atti simili fl-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba.

49

Issa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-korp kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jinterpreta l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ f’dan l-Istat Membru.

50

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola ġenerali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn jiġi ppreżentat quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru rikors kontra l-validità jew ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħan-notifika tat-titolu eżekuttiv, din il-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ jekk dawn il-miżuri twettqux b’mod regolari skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-imsemmi Stat Membru.

Fuq it-tieni domanda

51

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda, il-Gvern Ċek jenfasizza li, peress li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx id-dritt jevalwaw jekk il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ġewx osservati meta l-atti ġew innotifikati lid-debitur, l-imsemmija domanda ma għandha l-ebda effett fuq id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju u hija għalhekk purament ipotetika.

52

Peress li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni biex tistħarreġ in-natura regolari tan-notifika, hija għandha wkoll, fi kwalunwe każ, il-ġurisdizzjoni biex tikkonstata eventwali irregolarità fil-proċedura ta’ notifika skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hi tkun tinsab. Għalhekk, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ċari tan-Nejvyšší správní soud fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, dwar ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li t-tieni domanda li hija tressaq hija rilevanti u li risposta hija meħtieġa sabiex il-kawża quddiemha tissolva, l-imsemmija domanda hija, bil-kontra għal dak li jenfasizza l-Gvern Ċek, ammissibbli.

53

Permezz tat-tieni domanda tagħha, in-Nejvyšší správní soud essenzjalment tistaqsi jekk huwiex possibbli li n-notifika ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni titqies bħala regolari meta din in-notifika tkun saret fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx u li lanqas ma hija l-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru.

54

Hemm lok li jiġi enfasizzat li d-Direttiva 76/308 ma tistabbilixxix regoli li abbażi tagħhom in-notifika ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru b’lingwa differenti minn dik li jifhem biha d-destinatarju jew b’lingwa li mhix il-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba hija irregolari.

55

Ċertament, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 76/308 jistabbilixxi li t-talbiet għal assistenza, it-titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru u d-dokumenti l-oħra annessi għandhom ikunu akkompanjati minn traduzzjoni bil-lingwa uffiċjali, jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, bla ħsara għad-dritt tal-istess awtorità li tirrinunzja għat-traduzzjoni mingħajr ma din il-possibbiltà hija offruta lid-destinatarju tat-titolu eżekuttiv.

56

Madankollu, kif ġustament jenfasizzaw il-Gvern Ċek u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni, it-traduzzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni huma intiżi għall-ħtiġijiet tal-awtorità mitluba u bl-ebda mod għad-debitur. Barra minn hekk, kif ġustament issostni wkoll il-Kummissjoni, bħala xebh tal-iskema ġenerali tad-Direttiva 76/308 ma’ dik tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali kif stabbilita, b’mod partikolari, mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p.79), peress li din tal-aħħar hija suġġetta għal leġiżlazzjoni distinta minn dik li tinkwadra l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji amministrattivi u fiskali, il-proċedura quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa jew in-notifika sussegwenti tad-deċiżjonijiet huma rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri.

57

Mill-għan tad-Direttiva 76/308 jirriżulta li din hija hi intiż sabiex tiggarantixxi, b’mod partikolari, it-twettiq effettiv tan-notifiki tal-atti u d-deċiżjonijiet kollha, inklużi dawk ġudizzjarji, relatati ma’ kreditu jew mal-irkupru tiegħu, maħruġa mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti. Issa, din id-direttiva ma tistax tilħaq dan il-għan mingħajr ma tirrispetta l-interessi leġittimi tad-destinatarji tal-imsemmija notifiki (ara, b’analoġija, sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, Plumex, C-473/04, Ġabra p. I-1417, punt 21).

58

F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat li l-funzjoni tan-notifika, imwettqa fiż-żmien xieraq, hija li tqiegħed lid-destinatarju f’pożizzjoni li jifhem is-suġġett u l-kawża tal-att innotifikat u li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C-14/07, Ġabra p. I-3367, punt 73).

59

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-assistenza reċiproka skont id-Direttiva 76/308, id-destinatarju tat-titolu eżekuttiv għandu jkun f’pożizzjoni li jidentifika, b’mod ċert, tal-inqas is-suġġett u l-kawża tat-talba.

60

Fi proċeduri bħal dawk fil-kawża prinċipali, dan huwa l-każ jekk in-notifika ssir b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Fil-fatt, skont l-Artikoli 5(1) tad-Direttiva 76/308, in-notifika lid-destinatarju għandha titwettaq mill-awtorità mitluba skont ir-regoli fis-seħħ għan-notifika ta’ atti simili fl-Istat Membru li fih hi tkun tinsab, li jimplika, b’mod partikolari, in-notifika b’lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

61

Peress li d-Direttiva 76/308 ma tipprevedix konsegwenzi f’każ ta’ notifika b’lingwa għajr minn lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju, li jista’ jwassalha tinterpreta regola nazzjonali li oriġinalment kienet intiża biss għal sitwazzjoni interna sabiex tkun tista’ taplikaha għas-sitwazzjoni transkonfinali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler, C-443/03, Ġabra p. I-9611, punt 51).

62

Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji espliċiti, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tirregola l-modalitajiet proċedurali dwar l-aċċess għall-ġustizzja intiżi sabiex jiżguraw li d-drittijiet tal-individwi li jitnisslu mill-effett dirett tad-dritt Komunitarji jiġu mħarsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanza u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5, u Leffler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mis-sistema legali interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma għandhomx irendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli u eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, is-sentenzi, Rewe-Zentralfinanza u Rewe-Zentral, iċċitata iktar ’il fuq, point 5; tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I-4951, punt 34, u Leffler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

63

B’hekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fil-kuntest tal-assistenza reċiproka stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 76/308, id-destinatarju ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru għandu, sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, jirċievi n-notifika ta’ dan it-titolu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Sabiex jiġi ggarantit ir–rispett ta’ dan id-dritt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE, tal-15 ta’ Ġunju 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola ġenerali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn jiġi ppreżentat quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru rikors kontra l-validità jew ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħan-notifika tat-titolu eżekuttiv, din il-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ jekk dawn il-miżuri twettqux b’mod regolari skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-imsemmi Stat Membru.

 

2)

Fil-kuntest tal-assistenza reċiproka stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, id-destinatarju ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru għandu, sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, jirċievi n-notifika ta’ dan it-titolu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Sabiex jiġi ggarantit ir–rispett ta’ dan id-dritt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top