This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0211
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 15 June 2010.#European Commission v Kingdom of Spain.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Article 49 EC - Social security - Hospital care needed during a temporary stay in another Member State - Lack of right to assistance from the competent institution to supplement that of the institution of the Member State of stay.#Case C-211/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Ġunju 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 49 KE - Sigurtà soċjali - Kura fi sptar neċessarja matul soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor - Nuqqas ta’ dritt għal intervent tal-instituzzjoni kompetenti supplimentari għal dik tal-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn.
Kawża C-211/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' Ġunju 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 49 KE - Sigurtà soċjali - Kura fi sptar neċessarja matul soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor - Nuqqas ta’ dritt għal intervent tal-instituzzjoni kompetenti supplimentari għal dik tal-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn.
Kawża C-211/08.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:340
Kawża C-211/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 KE — Sigurtà soċjali — Kura fi sptar neċessarja matul soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor — Nuqqas ta’ dritt għal intervent tal-istituzzjoni kompetenti supplimentari għal dik tal-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn”
Sommarju tas-sentenza
Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rimbors għal spejjeż mediċi magħmula fi Stat Membru ieħor — Kura fi sptar mhux ippjanata —Regolament Nru 1408/71
(Artikolu 49 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 22(1)(a)(i))
Stat Membru li jonqos milli jipprovdi għal rimbors supplimentari lill-benefiċjarji tas-sistema nazzjonali tas-saħħa ta’ dan l-Istat Membru għal spejjeż mediċi magħmula fi Stat Membru ieħor fil-każ ta’ trattament ġewwa sptar riċevut skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, dwar l-applikazzjoni tal‑iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir‑Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, sa fejn il-livell ta’ kopertura applikabbli fl-Istat Membru fejn dan it-trattament jingħata huwa inqas minn dak previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna hija assigurata, ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 49 KE.
Fil-fatt, il-fatt li persuni assigurati mas-sistema tas-saħħa ta’ Stat Membru jistgħu jiġu mħajra jirritornaw qabel iż-żmien f’dan l-Istat Membru sabiex jirċievu hemmhekk il-kura fi sptar li tkun saret neċessarja minħabba deterjorament tal‑kundizzjoni ta’ saħħa tagħhom waqt soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor jew li jirrinunzjaw għal vjaġġ, pereżempju turistiku jew ta’ studju, fit-tali Stat Membru ieħor, peress li ma jistgħux joqogħdu, ħlief f’każijiet partikolari limitati, fuq intervent supplimentari tal-istituzzjoni kompetenti fil-każ li l-ispiża ta’ trattament ekwivalenti fl-Istat Membru li fih il-persuna hija assigurata teċċedi l‑livell ta’ kopertura applikabbli f’dan l-Istat Membru ieħor, jidher wisq inċert u indirett. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni kkontestata ma tistax, b’mod ġenerali, titqies li hija ta’ natura li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kura fi sptar, ta’ servizzi turistiċi jew ta’ servizzi edukattivi.
Barra minn hekk, il-każijiet li fihom il-kura fi sptar mhux ippjanata pprovduta lil persuna assigurata matul is-soġġorn temporanju tagħha fi Stat Membru ieħor jesponu, minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, lill-Istat Membru li fih ġiet assigurata l‑persuna għal spiża finanzjarja ikbar milli kieku din il-kura ġiet ipprovduta f’wieħed mill-istabbilimenti tiegħu, huma meqjusa li jibbilanċjaw b’mod globali permezz tal-każijiet li fihom, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn twassal għal spiża għall-Istat Membru li fih ġiet assigurata l-persuna għall-kura fi sptar li hija inqas minn dik li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu stess.
(ara l-punti 72, 78, 80)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Ġunju 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 KE – Sigurtà soċjali – Kura fi sptar neċessarja matul soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor – Nuqqas ta’ dritt għal intervent tal-instituzzjoni kompetenti supplimentari għal dik tal-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn”
Fil-Kawża C‑211/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Traversa u R. Vidal Puig, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn M. Hoskins, barrister,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), J.‑C. Bonichot u P. Lindh, Presidenti ta’ Awla, P. Kūris, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqas milli jipprovdi għal rimbors lill‑benefiċjarji tas-sistema medika nazzjonali Spanjola għal spejjeż mediċi magħmula fi Stat Membru ieħor fil-każ ta’ trattament ġewwa sptar riċevut skont id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l‑Komunità, fil‑verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p.1, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1408/71”), sa fejn il-livell ta’ kopertura applikabbli fl-Istat Membru fejn dan it-trattament jingħata huwa inqas minn dak previst mill‑leġiżlazzjoni Spanjola, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
2 Ir-Regolament Nru 1408/71, fl-Artikolu 22 tiegħu, intitolat “Rimanenza barra l‑Istat kompetenti – Ritorn lejn jew trasferiment ta’ residenza għall-Istat Membru ieħor waqt il-mard jew il-maternità – Bżonn ta’ mawra fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu l-kura neċessarja”, jistabbilixxi:
“1. Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal‑leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u:
a) li l-kondizzjoni tiegħu teħtieġ benefiċċji in natura li jsiru meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi matul qagħda fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin-natura tal-benefiċċji u t-tul mistenni tal-qagħda fil-post,
jew,
[…]
c) li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kondizzjoni tagħha,
tkun intitolata:
i) għall-benefiċċji b’xi mod ipprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza […], skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti
[…]
2. […]
L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(ċ) ma tistax tiġi rifjutata meta l-kuri li magħhom hija tittratta jidhru fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirresjedi l-persuna kkonċernata u jekk dawn il-kuri ma jistgħux, b’kont meħud ta’ l-istat ta’ saħħa attwali tagħha u ta’ l-evoluzzjoni probabbli tal-marda, jiġu provduti lilha fiż-żmien normalment neċessarju sabiex tingħata l-kura in kwistjoni fl-Istat Membru ta’ residenza.”
3 L-Artikolu 34a tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi:
“[…] [l-Artikoli] 22(1)(a) u (ċ) […] 22(2), it-tieni subparagrafu […] għandhom japplikaw b’anoloġija għall-istudenti u għall-membri tal-familji tagħhom kif ikun meħtieġ.”
4 L-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi:
“Il-benefiċċji b’xi mod ipprovduti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru wieħed f’isem l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun mogħtija kollha kemm hi lura”.
5 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l‑proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 fil‑verżjoni emendata u aggornata mir-Regolament Nru 118/97, hekk kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 311/2007 tad-19 ta’ Marzu 2007 (ĠU L 56M, p. 143, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”) jiddisponi fl‑Artikolu 21(1) tiegħu”:
“Sabiex tirċievi l-benefiċċji in natura taħt l-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament [Nru 1408/71], persuna impjegata jew li taħdem għal rasha għandha tipprezenta lil min jipprovdi l-kura dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti li jiċċertifika li hija għandha dritt għall-benefiċċji in natura. Dak id-dokument għandu jkun ifformulat skond l-Artikolu 2 […].
[…]”
6 L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 574/72 jiddisponi:
“Jekk matul iż-żmien li għalih il-ħaddiem qiegħed fi Stat Membru ieħor għajr l‑Istat kompetenti, ma jkunx possibili għalih li jlesti minn kollox il-formalitajiet provduti bl-Artikolu [...] 21 [...] tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-ispejjeż tiegħu għandhom fuq l-applikazzjoni tiegħu, jiġu mħallsa lura mill-istituzzjoni kompetenti tal-post ta’ l-għixien tiegħu”.
7 Abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 574/72, il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti msemmija fl‑Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1408/71, adottat mudell għaċ-ċertifikat relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(a)(i) ta’ dan l-aħħar regolament, jiġifieri l‑formularju “E 111”. Dan il-formolarju ġie sostitwit, mill-1 ta’ Ġunju 2004, bil-“karta tal-assigurazzjoni tas-saħħa Ewropea”, taħt id-Deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti, tat-18 ta’ Ġunju 2003, Nru 189, intiżi sabiex jiġu sostitwiti bil-karta tal‑assigurazzjoni tas-saħħa Ewropea, il-formolarji neċessarji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71 u Nru 574/72 għal dak li jikkonċerna l‑aċċess għall-kura matul soġġorn temporanju fi Stat Membru li ma huwiex l-istat kompetenti jew ta’ residenza (ĠU L 276, p.1) Nru 190, dwar il-karatteristiċi tekniċi tal-karta tal-assigurazzjoni tas-saħħa Ewropea (ĠU L 276, p.4) u Nru 191, dwar is-sostituzzjoni tal-formularji E 111 u E 111 B bil-karta tal-assigurazzjoni tas-saħħa Ewropea (ĠU L 276, p.19). .
8 Il-portata tal-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 kienet ġiet ippreċiżata bid-Deċiżjoni Nru 194 tal-Kummissjoni Amministrattiva dwar is‑sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti tas-17 ta’ Diċembru 2003, dwar l‑applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 fl‑Istat Membru ta’ soġġorn (ĠU 2004 L 104, p.127).
9 Is-seba’ premessa tad-Deċiżjoni Nru 194 tipprovdi:
“Il-kriterji tal-Artikolu 22(1)(a)(i) […] ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jiġi eskluż il-mard kroniku jew li kien jeżisti qabel. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat [fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ frar 2003, Ioannidis (C-326/00, Ġabra p. I-1703)] li l-kunċett ta’ ’‘kura neċessarja’ ma jistax jiġi interpretat ‘fis-sens li l-[benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu] huwa limitat biss għal dawk il-każijiet fejn il-kura meħtieġa ssir neċessarja minħabba marda li tfeġġ għal għarrieda. B’mod partikolari ċ-ċirkustanza li l-kura meħtieġa minħabba l-iżvilupp ta’ l-istat tas-saħħa ta’ l-assigurat soċjali matul is-soġġorn provviżorju tiegħu fi Stat Membru ieħor tkun marbuta ma’ patoloġija li tkun diġà teżisti u li tkun magħrufa mill-assigurat, bħal pereżempju marda kronika, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tibbenefika mid-dispożizzjonijiet [imsemmija iktar ’il fuq]’” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Il-punt 1 u 2 tad-Deċiżjoni Nru 194 jiddisponu:
“1. Huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1)(a)(i) […] il-benefiċċji in natura medikament neċessarji li jingħataw lil persuna li tinsab f’soġġorn temporanju, bl-għan li jiġi impedit li din ma tkunx mġiegħla tidħol qabel iż-żmien fl-Istat kompetenti sabiex tirċievi hemmhekk il-kura li l-istat ta’ saħħa tagħha jeħtieġ.
Tali benefiċċji huma intiżi sabiex jippermettu l-persuna assigurata tkompli s-soġġorn tagħha f’kundizzjonijiet medikament ċerti fid-dawl tat-tul taż-żmien ippjanat tas-soġġorn.
Madankollu, ma humiex koperti minn dawn l-istess dispożizzjonijiet is-sitwazzjonijiet li fihom persuna assigurata tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tirċievi trattament mediku hemmhekk.
2. Sabiex jiġi evalwat jekk benefiċċju in natura jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(a)(i) […] il-fatturi ta’ natura medika fil-kuntest tas-soġġorn temporanju biss tal-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-kundizzjoni medika tagħha u tal-passat mediku tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 L-Artikolu 43 tal-Kostituzzjoni Spanjola jistabbilixxi d-dritt għall-protezzjoni tas‑saħħa u jipprovdi li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jorganizzaw u jipproteġu s-saħħa pubblika permezz tal-benefċċji u s-servizzi neċessarji.
12 Għal dan l-għan, il-Liġi Ġenerali 14/1986 fuq is-saħħa (Ley 14/1986, General de Sanidad), tal-25 ta’ April 1986 (BOE Nru 102, tad-29 ta’ April 1986, p. 15207, iktar ’il quddiem il-“LĠS”), tistabbilixxi l-bażijiet ta’ sistema nazzjonali ta’ saħħa pubblika, universali u b’xejn.
13 Is-servizzi pprovduti mis-sistema nazzjonali ta’ saħħa lill-persuni koperti minn din is-sistema huma kompletament b’xejn. Min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 17 tal‑LĠS, il-benefiċċji mogħtija barra minn din is-sistema huma, bħala regola ġenerali, imħallsa mill-pazjent u ma jagħtux lok għal rimbors min-naħa tal-korpi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.
14 Id-Digriet Irjali 63/1995, fuq l-organizzazzjoni tal-benefiċċji ta’ saħħa tas-sistema nazzjonali ta’ saħħa (Real Decreto 63/1995, sobre ordenación de prestaciones sanitarias del Sistema Nacional de Salud), tal-20 ta’ Jannar 1995 (BOE Nru 35, tal-10 ta’ Frar 1995, p. 4538), jiddisponi, fl-Artikolu 5 tiegħu:
“1. L-użu ta’ benefiċċji jitwettaq bil-mezzi disponibbli fi ħdan is-sistema nazzjonali ta’ saħħa […]
2. Il-benefiċċji […] jistgħu jintalbu biss mill-persunal, u mill-istrutturi u d-dipartimenti tas-sistema nazzjonali ta’ saħħa jew bi ftehim magħha, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali.
3. Fil-każ ta’ kura urġenti, immedjata jew ta’ natura vitali li tkun ingħatat barra mis-sistema ġenerali ta’ saħħa, l-ispejjeż relatati jiġu rrimborsati fejn tingħata prova li ma kienx possibli li dan is-servizz jingħata minn din is-sistema fi żmien utli u li din il-kura ma tikkostitwixix użu elużiv jew abbużiv ta’ din l-eċċezzjoni.”
15 Il-Liġi Nru 16/2003 rigward il-koeżjoni u l-kwalità tas-servizz tas-saħħa nazzjonali (Ley 16/2003, de cohesión y calidad del Sistema Nacional de Salud), tat-28 ta’ Mejju 2003 (BOE Nru 128, tad-29 ta’ Mejju 2003, p. 20567), tistabbilixxi n‑nomenklatura tal-benefċċji ta’ din is-sistema.
16 Skont l-Artikolu 14 tal-LĠS, l-Artikolu 9 tal-Liġi 16/2003 jipprevedi:
“Il-benefiċċji mediċi tas-sistema nazzjonali ta’ saħħa jingħataw biss mill‑persunal legalment responsabbli, fiċ-ċentri, mid-dipartimenti tas-sistema tas‑saħħa nazzjonali jew bi ftehim magħha, barra minn dawk is-sitwazzjonijiet ta’ riskju ta’ mewt, fejn tingħata prova li ma kienx possibli li dan is-servizz jingħata minn din is-sistema mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal‑konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom hija parti Spanja.”
17 Id-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Liġi 16/2003 huma mniżżla fid‑Digriet Irjali 1030/2006 li jistabbilixxi n-nomenklatura tas-servizzi komuni tas-sistema tas-saħħa nazzjonali kif ukoll il-proċedura għar-reviżjoni tagħha (Real Decreto 1030/2006, por el que se establece la cartera de servicios comunes del Sistema Nacional de Salud y el procedimiento para su actualización), tal-15 ta’ Settembru 2006 (BOE Nru 222, tas-16 ta’ Settembru 2006, p. 32650). Dan id‑digriet irjali abroga u sostitwixxa d-Digriet Irjali 63/1995.
18 L-Artikolu 4(3) tad-Digriet Irjali 1030/2006 jippreċiża:
“Is-servizzi komuni kollha huma mogħtija biss miċ-ċentri, mill-istrutturi u mid‑dipartimenti tas-sistema tas-saħħa nazzjonali jew bi ftehim magħha, barra minn dawk is-sitwazzjonijiet ta’ riskju ta’ mewt, fejn tingħata prova li ma kienx possibli li dan is-servizz jingħata minn din is-sistema. Fil-każ ta’ kura urġenti, immedjata u vitali, mogħtija barra mis-sistema tas-saħħa nazzjonali, l-ispejjeż relattivi huma rimborsati wara li tinġieb prova li s-servizzi ta’ din is-sistema ma setgħux jintużaw fi żmien utli u li dan ma kienx każ ta’ użu elużiv jew abbużiv ta’ din l-eċċezzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom hija parti Spanja jew tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jirregolaw l-għoti ta’ kura meta s-servizzi jingħataw fl-esteru.”
19 Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta persuna koperta mis-sistema ta’ saħħa Spanjola tirċievi, fi Stat Membru ieħor, kura fi sptar li saret neċessarja minħabba żvilupp tal-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha waqt soġġorn temporanju f’dan l-Istat Membru, l-istituzzjoni li hija taqa’ fiha ma tintervjenix fil-kopertura ta’ din il-kura lilhinn mill-obbligu tagħha taħt id-dispożizzjoni tal-Artikolu 22(1)(a)(i) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 36 tar-Regolament 1408/71, ħlief fil-każ u fil‑kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) tad-Digriet Irjali 1030/2006. Konsegwentement, tali persuna assigurata ma għandhiex dritt, bla ħsara għal din l-eċċezzjoni, għall-ħlas mill-istituzzjoni Spanjola tal-parti tal-ispiża ta’ din il-kura mhux koperta mill-intervent tal-istituzzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn.
Il-proċedura prekontenzjuża
20 Il-Kummissjoni rċeviet ilment minn ċittadin Franċiż residenti fiż-żmien tal-fatti fi Spanja u assigurat mas-sistema Spanjola ta’ saħħa. Wara li kellu jiġi ammess fi sptar, waqt soġġorn fi Franza, taħt il-kopertura ta’ formularju E 111, l-interessat, meta rritorna fi Spanja, iltaqa’ ma’ rifjut mill-istituzzjoni Spanjola sabiex tirrimborsah il-parti tal-ispejjeż talli ġie ammess fi sptar li l-istituzzjoni Franċiża kienet talbitu jħallas skont il-leġiżlazzjoni Franċiża.
21 Wara li talbet mingħajr suċċess lir-Renju ta’ Spanja informazzjoni fuq il‑leġiżlazzjoni tiegħu dwar ir-rimbors ta’ kura ta’ saħħa rċevuti fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Deċembru 2005, talbet lil dan l‑Istat Membru jipprovdiha risposta sodisfaċenti f’terminu ta’ xarhejn.
22 Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2006, ir-Renju ta’ Spanja rrisponda li l‑leġiżlazzjoni ma kinitx tipprevedi l-possibbiltà għall-persuna assigurata mas‑sistema nazzjonali ta’ saħħa li tikseb rimbors mill-istituzzjoni kompetenti ta’ spejjeż ta’ saħħa mġarba barra mill-imsemmija sistema, ħlief fiċ‑ċirkustanzi eċċezzjonali previsti, f’dak iż-żmien, fl-Artikolu 5 tad-Digriet Irjali 63/1995.
23 Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra ta’ intimazzjoni li fiha hija ġibdet l-attenzjoni tiegħu dwar l-inkompatibblità tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mal-Artikolu 49 KE sa fejn din il-leġiżlazzjoni teskludi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti lill‑persuna assigurata mas-sistema nazzjonali ta’ saħħa, tal-ispejjeż imġarrba minnha għal kura fi sptar riċevuti fi Stat Membru ieħor taħt l‑Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-każ fejn teżisti differenza pożittiva bejn il-livelli ta’ kopertura rispettivament applikabbli fi Spanja u f’dan l‑Istat Membru ieħor.
24 Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Diċembru 2006, ir-Renju ta’ Spanja rrisponda lil din l‑ittra ta’ intimazzjoni, billi sostna, essenzjalment, li l-pożizzjoni tal‑amministrazzjoni tiegħu fir-rigward tal-awtur tal-ilment imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza kienet konformi mar-Regolament Nru 1408/71, li l-każ tal‑persuna kkonċernata kien differenti minn dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Vambraekel et (C-368/98, Ġabra p. I-5363), u li l‑interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni twassal sabiex taffettwa l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema nazzjonali tiegħu.
25 Peress li ma kinitx sodisfatti b’din ir-risposta, il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju ta’ Spanja, fid-19 ta’ Lulju 2007, opinjoni motivata li fiha affermat li l‑leġiżlazzjoni Spanjola tmur kontra l-Artikolu 49 KE u talbet lil dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jitwaqqaf dan il-ksur f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni motivata.
26 Peress li r-Renju ta’ Spanja kompla jsostni l-pożizzjoni tiegħu fir-risposta tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2007 tal-imsemmi opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq l-ammissibbiltà
27 Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors.
28 Huwa jinvoka n-natura konfuża tat-talbiet tal-Kummissjoni, li tallega ksur tal‑Artikolu 49 KE filwaqt li tammetti l-konformità tal-prassi tal‑amministrazzjoni Spanjola mar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72. Barra minn hekk, ir-rikors fih ilment li jallega li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) tad‑Digriet Irjali 1030/2006 ma jikkonformax mal-imsemmi artikolu, filwaqt li s‑sitwazzjonijiet bħal dawk tal-awtur tal-ilment imsemmi fil-punt 20 ta’ din is‑sentenza jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-aħħar sentenza ta’ dan l-Artikolu 4(3), li jirreferi għad-Dritt tal-Unjoni.
29 Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li, għalkemm il-Kummissjoni tallega li huwa kiser l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 574/72 minħabba r-rifjut tal‑amministrazzjoni Spanjola li tħallas lill-persuni assigurati mas-sistema nazzjonali ta’ saħħa d-differenza bejn l-ispiża kompleta tal-kura fi sptar rċevuti fi Stat Membru ieħor u l-ammont tal-kopertura ta’ din il-kura mill-istituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru, il-formulazzjoni tardiva ta’ dan l-ilment tirrendih inammissibbli.
30 Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, barra minn hekk, li r-rikors fih ilment, mhux ifformulat matul il-proċedura prekontenzjuża, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 4(3) tad-Digriet Irjali 1030/2006 mal-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
31 Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Artikolu 49 KE bl-ebda mod ma ssemma’ fl‑opinjoni motivata, għalhekk ir-rikors ma jistax ikun fih argument ibbażat fuq dan l-artikolu.
32 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal‑motivi, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jkunu jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal‑aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, Ġabra p. I-3351, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, Ġabra p. I-275, punt 26).
33 Barra minn hekk, is-suġġett tar-rikors imressaq skont l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’dan l-artikolu. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun ibbażat fuq ilmenti identiċi bħal dawk li jinsabu fl-opinjoni motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
34 F’dan il-każ, ir-rikors u t-talbiet tal-Kummissjoni jissodisfaw dawn l-eżiġenzi differenti.
35 Fil-fatt, bħall-opinjoni motivata, ir-rikors ma fihx l-epożizzjoni ta’ lment marbut ma’ nuqqas allegat tar-Renju ta’ Spanja li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir‑Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72. Skont il-pożizzjoni konsistentament murija mill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-rikors huwa intiż esklużivament sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ dan l-Istat Membru li jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.
36 Huwa ċar mir-rikors u t-talbiet tal-Kummissjoni li nuqqas allegat minn dan tal‑aħħar jinsab fil-fatt li, fir-rigward ta’ persuni assigurati mas-sistema Spanjola ta’ saħħa li l-kundizzjoni tas-saħħa tagħhom tirriżulta li teħtieġ kura fi sptar matul soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(a)(i) tar‑Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni kkontestata tirrifjuta lill dawn il‑persuni assigurati, ħlief fil-każ ta’ kura urġenti vitali msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) tad-Digriet Irjali 1030/2006, id-dritt, li jirriżulta mill‑Artikolu 49 KE, għal rimbors supplimentari min-naħa tal-istituzzjoni Spanjola meta l-livell ta’ kopertura applikabbli fl-Istat Membru ta’ soġġorn huwa inqas minn dak applikabbli fi Spanja.
37 F’dan il-kuntest, ir-riferiment, b’mod partikolari fit-talbiet tal-Kummissjoni, għall‑Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa intiż, mhux sabiex jiġi fondat ilment awtonomu, iżda sabiex jiġi ddefinit iċ-ċirku ta’ persuni assigurati li għad-detriment tagħhom il-leġiżlazzjoni kkontestata tikkostitwixxi, skont il‑Kummissjoni, ksur tal-Artikolu 49 KE.
38 Minn dan isegwi li r-rikors huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
39 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 49 KE huwa applikabbli għas-servizzi ta’ kura ta’ saħħa kkonċernati mil-leġiżlazzjoni Spanjola, inkluż meta n-neċessità ta’ tali kura tinħoloq matul soġġorn temporanju tal-persuna assigurata fi Stat Membru ieħor.
40 Wara li osservat li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 jikkomplementa l‑Artikolu 49 KE, il-Kummissjoni tallega li, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Spanjola hija ta’ natura li tirrestrinġi kemm il-provvista tas-servizzi ta’ kura fi sptar kif ukoll il-provvista ta’ servizzi turistiċi u edukattivi, li l-kisba tagħhom tista’ timmotiva soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor.
41 Filwaqt li osservat li l-każ previst fl-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ikopri kull sitwazzjoni li fiha kura ssir neċessarja matul soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor minħabba deterjorament tal-kundizzjoni ta’ saħħa tal-persuna assigurata, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni kkontestata tista’ twassal lill-persuna assigurata mas-sistema Spanjola ta’ saħħa, li tinsab f’tali sitwazzjoni u li għandha għażla bejn ammissjoni fi sptar fl-Istat Membru ta’ soġġorn u ritorn qabel iż-żmien fi Spanja sabiex tieħu kura, sabiex tagħżel it-tieni soluzzjoni kull darba li l-livell applikabbli fl-Istat Membru ta’ soġġorn huwa inqas favorevoli minn dak applikabbli fi Spanja.
42 Il-Kummissjoni żżid li l-leġiżlazzjoni kkontestata hija ta’ natura li tiskoraġġixxi l‑persuni assigurati anzjani jew li jsofru minn marda kronika li biha hemm riskju ta’ ammissjoni fi sptar, bħala turisti jew studenti, li jmorru fi Stat Membru li fih il‑kundizzjonijiet ta’ ħlas ta’ kura fi sptar ikunu inqas vantaġġużi minn Spanja.
43 Il-Kummissjoni ssostni li r-restrizzjoni li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni ma hijiex iġġustifikata. B’mod partikolari, in-neċessità tagħha fir-rigward tal-għan li jikkonsisti fil-garanzija tal-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema nazzjonali ta’ saħħa ma tistax tintwera’, fid-dawl tal-fatt li l-ispiża, għall-imsemmija sistema, ta’ trattament fi sptar mogħti fi Stat Membru ieħor lil persuna assigurata ma’ din is‑sistema ma tista’, fl-ebda każ, teċċedi l-ispiża ta’ trattament ekwivalenti mogħti fi Spanja.
44 Il-Gvern Spanjol, sostnut mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Finlandiż u mill-Gvern tar-Renju Unit, jikkontesta li l-fatt li leġiżlazzjoni kkontestata tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi, turistiċi jew edukattivi u jsostni li, f’kull każ, din l-allegata restrizzjoni hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, relatati maż-żamma tal-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema nazzjonali ta’ saħħa inkwistjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
45 L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-applikabbiltà tal-Artikolu 22(1)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, f’dan il-każ, ma teskludiex l-applikabbiltà, b’mod parallel, tal-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun konformi mar-Regolament Nru 1408/71, ma għandux bħala effett li jeskludiha mid‑dispożizzjonijiet tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punti 46 u 47).
46 Issa li saret din il-premessa preliminari, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk is-servizzi identifikati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha għandhomx, fil-każ ta’ persuna assigurata mas-sistema nazzjonali ta’ saħħa li l-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha għandha bżonn kura fi sptar waqt is-soġġorn temporanju tagħha fi Stat Membru ieħor, natura transkonfinali li tista’ tqegħdhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et, 352/85, Ġabra p. 2085, point 13).
47 Fir-rigward, minn naħa, tas-servizzi ta’ kura ta’ saħħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-servizzi mediċi li jingħataw bi ħlas jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inklużi meta l-kura tkun ingħatat f’kuntest ta’ sptarijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, provvista ta’ servizz mediku ma titlifx il‑kwalifika tagħha ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE għar‑raġuni li l-pazjent, wara li jkun ħallas lil min ikun ipprovdielu s-servizz barra mill-pajjiż għall-kura li jkun ingħata, jitlob sussegwentement li servizz nazzjonali tas-saħħa jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ din il-kura (ara s‑sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq , punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà ddeċidiet li l-Artikolu 49 KE japplika meta l-fornitur u d-destinatarju tas-servizz ikunu stabbiliti fi Stati Membri differenti (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra p. I-7641, punt 19). Is-servizzi li dak li jipprovdi s-servizz stabbilit fi Stat Membru jipprovdi, mingħajr ma jiċċaqlaq, lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 49 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, Ġabra p. I-1141, punti 21 u 22, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C-243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 53).
49 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi mhux biss il-libertà ta’ fornitur li joffri u jagħti s-servizzi lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fit-territorju tiegħu dan jkun jinsab, iżda wkoll il-libertà li d-destinatarju jirċievi jew jibbenefika mis-servizzi offruti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun imxekkel b’xi restrizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq , punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)
50 Minn dan isegwi li servizzi ta’ kura fi sptar li fornitur stabbilit fi Stat Membru jipprovdi f’dan tal-aħħar lil destinatarju stabbilit ft Stat Membru ieħor jaqgħu taħt il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 49 KE, inkluż il-każ, bħal f’dan il-każ, fejn is-soġġorn temporanju tad-destinatarju ta’ dawn is-servizzi ta’ kura fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur isir għal raġunijiet li ma humiex mediċi.
51 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, ta’ servizzi li ma humiex mediċi, bħas-servizzi turistiċi u edukattivi speċifikament imsemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, għandu jitfakkar, barra mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-persuni stabbiliti fi Stat Membru, li jmorru fi Stat Membru ieħor bħala turisti jew fil-kuntest ta’ vjaġġ ta’ studju, jitqiesu li huma destinatarji ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (ara s-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16; tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, Ġabra p. 195, punt 15, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C-348/96, Ġabra p. I-11, punt 16).
52 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà ta’ persuna assigurata stabbilita fi Stat Membru li tmur, pereżempju, bħala turista jew studenta, fi Stat Membru ieħor għal soġġorn temporanju u hemmhekk tirċievi kura fi sptar minn fornitur stabbilit f’dan l-Istat Membru l-ieħor meta l-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha tkun teħtieġ tali kura matul dan is-soġġorn.
53 Huwa minnu li huwa kostanti li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fin‑nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Watts, iċċitata aktar ’il fuq, punt 92 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
54 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fit-tieni lok, jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni kkontestata tikkostitwixxix nuqqas tal-imsemmija dispożizzjonijiet.
55 Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (ara b’mod partikolari, is-sentenza Stamatelaki, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiggarantixxix lill-persuna assigurata li tkun ġiet awtorizzata tirċievi kura fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, livell ta’ kopertura daqshekk vantaġġuż bħal dak li din il-persuna assigurata kienet tibbenefika minnha li kieku rċeviet kura fl-Istat Membru li fih il-persuna hija assigurata, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal‑Artikolu 49 KE li tista’ tiskoraġġixxi, jekk mhux timpedixxi, l-imsemmija persuna assigurata li tmur għand fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kura fi sptar b’xejn ipprovduta fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ saħħa, li tali livell ta’ kopertura jikkorrispondi għall-ispiża, fis-sistema tal-Istat Membru li fih il-persuna hija assigurata, ta’ trattament ekwivalenti għal dak irċevut fl-Istat Membru ta’ soġġorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 131 u 133).
57 Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, peress li ħlas lura supplimentari, li huwa funzjoni tas-sistema ta’ kopertura tal-Istat Membru li fih il-persuna hija assigurata, fil-fatt ma jimponix piż finanzjarju addizzjonali fuq is-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ dan l-Istat Membru meta mqabbel mar-rimbors jew l-ispiża li kien ikollha ssir li kieku l-kura fi sptar kienet ipprovduta minn dan tal-aħħar, lanqas ma jista’ jiġi sostnut li l-fatt li din is-sistema ta’ assigurazzjoni kontra l‑mard kellha tħallas dan ir-rimbors supplimentari jwassal għal effett sinjifikattiv fuq il-finanzjament tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membru (sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
58 Madankollu, fir-rigward tal-anqas ta’ kura ta’ saħħa fi sptar, li huma s-suġġett f’din il-kawża, il-każ, imsejjaħ “kura mhux ippjanata” previst fl-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa s-suġġett f’dan il-każ huwa differenti, fir-rigward tal-Artikolu 49 KE, mill-każ, imsejjaħ “kura ppjanata” previst fl-Artikolu 22(1)(c) tal-imsemmi regolament, li huwa s-suġġett tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Vanbraekel et kif ukoll Watts.
59 Għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li l-każ fejn tittieħed kura fi sptar ippjanata fi Stat Membru ieħor, taħt l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, jirriżulta, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2), minn konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ disponibbiltà, fl-Istat Membru li fih il‑persuna hija assigurata, tal-kura inwistjoni, jew ta’ kura li għandha l-istess grad ta’ effettività, f’terminu medikament aċċettabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Watt, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 79). F'din is-sitwazzjoni, dan l-aħħar Stat Membru għandu, barra mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal‑Artikolu 22(1)(c) flimkien mal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71, jiggarantixxi, jekk ikun il-każ, li l-persuna assigurata għandha livell ta’ kopertura vantaġġuża daqs dak li d-disponibbiltà tal-imsemmija kura f’tali terminu, fis‑sistema ta’ saħħa tagħha, kienet tagħtiha, u dan biex ma jkunx hemm ksur tar‑regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq.
60 Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni hija differenti għal dak li jikkonċerna l-kura mhux ippjanata msemmija fl-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
61 Fil-fatt, fir-rigward ta’ persuna assigurata li ċ-ċaqliq tagħha lejn Stat Membru ieħor jirriżulta minn motivi, pereżempju, turistiċi jew edukattivi u mhux minn kwalunkwe insuffiċjenza tal-provvista tas-sistema ta’ saħħa li fiha din taqa’, ir‑regoli tat-trattat fil-qasam tal-moviment liberu ma jiggarantixxulhiex in‑newtralità għal kull servizz ta’ kura fi sptar li setgħet kellha tingħata b’mod mhux mistenni fl-Istat Membru ta’ soġġorn. Fir-rigward, minn naħa, tad-differenzi nazzjonali li jeżistu fil-qasam ta’ kopertura soċjali u, min-naħa l-oħra, tal-għan tar-Regolament Nru 1408/71, li jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżda mhux fl-armonizzazzjoni tagħhom, il-kundizzjonijiet relatati ma’ soġġorn fi sptar fi Stat Membru ieħor jistgħu, skont il-każ, ikunu iktar jew inqas vantaġġużi jew żvantaġġużi għall-persuna assigurata (ara, b-analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et, C-393/99 u C-394/99, Ġabra p. I-2829, punti 50 sa 52; tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 55, u tas‑26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 76).
62 Insegwitu għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ ta’ kura fi sptar ippjanata fi Stat Membru ieħor, il-persuna assigurata hija, bħala regola ġenerali, f’pożizzjoni li tikseb kalkolu globali tal-ispiża tat-trattament fl-isptar inkwistjoni, li jieħu l-forma ta’ stima, li tippermettielu jqabbel il-livelli ta’ kopertura applikabbli, rispettivament, fl-Istat Membru li fih is-soġġorn fi sptar huwa previst u fl-Istat Membru li fih il-persuna hija assigurata.
63 F’dan il-kuntest, il-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru ma tiggarantixxix il-persuna assigurata d-dritt għar-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, tad-differenza pożittiva eventwali bejn il-livell ta’ kopertura applikabbli f’dan l-Istat Membru u dak applikabbli fl-Istat Membru li fih kienet ippjanata l-kura fi sptar inkwistjoni huwa ta’ natura li jħajjar din il-persuna assigurata tirrinunzja għat-trattament previst f’dan l-Istat Membru l-ieħor u dan iwassal għal restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, hekk kif il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi ċċitati Vanbraekel et u Watts.
64 Min-naħa l-oħra, hekk kif jenfasizza l-Gvern Spanjol, is-sitwazzjoni ta’ kura mhux ippjanata msemmija fl-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 tkopri, b’mod partikolari, numru indefinit ta’ każijiet li fihom il-kundizzjoni ta’ saħħa tal-persuna assigurata tkun teħtieġ, waqt soġġorn temporanju ta’ din tal‑aħħar fi Stat Membru ieħor, kura fi sptar f’ċirkustanzi marbuta, b’mod partikolari, mal-urġenza tas-sitwazzjoni, mal-gravità tal-marda jew tal-inċident, jew ukoll mal-impossibbiltà medika li l-persuna tmur lura fl-Istat Membru li fih hija assigurata, li ma jħallux, oġġettivament, alternattiva oħra ħlief il-provvista lill‑interessat ta’ trattament fi sptar fi stabbiliment li jinsab fl-Istat Membru ta’ soġġorn.
65 F’dawn il-każijiet kollha, huwa eskluż li l-leġiżlazzjoni kkontestata ma tistax ikollha xi effett restrittiv fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ kura fi sptar mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru ieħor.
66 Huwa minnu, hekk kif osservat il-Kummissjoni, li s-sitwazzjoni prevista fl‑Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 tikkonċerna wkoll il-każijiet li fihom id-deterjorament tas-saħħa tal-persuna assigurata waqt soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor, li ma hijiex ippjanata, ma hijiex ta’ natura li tippriva lil din mill-għażla bejn ammissjoni fi sptar f’dan l-aħħar Stat Membru u ritorn qabel iż-żmien fi Spanja sabiex tirċievi l-kura fi sptar meħtieġa.
67 Madankollu, hekk kif jenfasizza l-punt 1 tad-Deċiżjoni Nru 194, is-sistema stabbilita fl-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha f’tali każ, preċiżament, bħala għan li jiġi evitat li l-persuna assigurata tkun kostretta tidħol qabel iż-żmien fl-Istat Membru li fih hija assigurata sabiex tirċievi l-kura neċessarja, billi tagħti lill-interessat dritt, li kieku ma kienx ikollha, ta’ aċċess għal kura fi sptar fl-Istat Membru ta’ soġġorn fil-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż favorevoli daqs dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni assigurati li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is‑sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, C-56/01, Ġabra p. I-12403, punti 21 u 22).
68 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-effett potenzjali tal-leġiżlazzjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni ta’ tali persuna assigurata jiddependi fuq fatt li, fil‑mument li fih din il-persuna assigurata hija kkonfrontata b’tali għażla, isir inċert, jiġifieri l-possibiltà li l-livell tal-kopertura applikabbli fl-Istat Membru ta’ soġġorn għat-trattament fi sptar possibbli hemmhekk u li l-ispiża totali tiegħu li ma tkunx, f’dak iż-żmien magħrufa, hija inqas mill-ispiża ta’ trattament ekwivalenti ipotetiku pprovdut fi Spanja.
69 Fir-rigward ta’ servizzi li ma humiex dawk mediċi, bħas-servizzi turistiċi jew edukattivi, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-każ ta’ kura mhux ippjanata, fis‑sens tal-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jippresupponi, b’definizzjoni, nuqqas ta’ ċertezza, fil-mument li fih il-persuna assigurata taħseb biex tmur fi Stat Membru ieħor, pereżempju bħala turista jew bħala studenta, fir‑rigward tal-ħtieġa ta’ kura fi sptar waqt is-soġġorn temporanju f’dan l-Istat Membru.
70 Is-sitwazzjoni ta’ persuni assigurati anzjani kif ukoll dik ta’ persuni li jsofru minn marda kronika jew li kienet teżisti qabel, li d-Deċiżjoni Nru 194 tinkludi, skont il‑punt 1 u s-seba’ premessa tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, hija, f’dan ir-rigward, ukoll inċerta.
71 Fil-fatt, għalkemm huma jistgħu jinkorru riskju ikbar ta’ deterjorament tal‑kundizzjoni tas-saħħa tagħhom, dawn il-persuni assigurati jistgħu, bħall‑persuni assigurati, jiġu affettwati mil-leġiżlazzjoni kkontestata biss fl‑eventwalità li l‑kundizzjoni ta’ saħħa tagħhom tkun teħtieġ effettivament kura fi sptar, barra minn dik li tirreferi għaliha t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) tad‑Digriet Irjali 1030/2006, matul is-soġġorn tagħhom fi Stat Membru ieħor, u fil-każ li l-livell ta’ kopertura applikabbli f’dan l-Istat Membru huwa inqas mill‑ispiża ta’ trattament ekwivalenti pprovdut fi Spanja.
72 Minn dan isegwi li l-fatt li persuni assigurati mas-sistema ta’ saħħa Spanjola jistgħu jiġu mħajra jirritornaw qabel iż-żmien fi Spanja sabiex jirċievu hemmhekk il‑kura fi sptar li tkun saret neċessarja minħabba deterjorament tal-kundizzjoni ta’ saħħa tagħhom waqt soġġorn temporanju fi Stat Membru ieħor jew li jirrinunzjaw għal vjaġġ, pereżempju turistiku jew ta’ studju f’tali Stat Membru ieħor, peress li ma jistgħux joqgħodu, ħlief fil-każ previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) tad-Digriet Irjali 1030/2006, fuq intervent supplimentari tal-istituzzjoni kompetenti fil-każ li l-ispiża ta’ trattament ekwivalenti fi Spanja teċċedi l-livell ta’ kopertura applikabbli f’dan l-Istat Membru ieħor, jidher wisq inċert u indirett. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni kkontestata ma tistax, b’mod ġenerali, titqies li hija ta’ natura li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kura fi sptar, ta’ servizzi turistiċi jew servizzi edukattivi (ara, b’anoloġija, rispettivament fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-moviment liberu ta’ ħaddiema, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1990, Krantz, C-69/88, Ġabra p. I-583, punt 11, kif ukoll tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C-190/98, Ġabra p. I-493, punti 24 u 25).
73 Il-każ tal-awtur tal-ilment imsemmi fil-punt 20 ta’ din is-sentenza jikkonferma din il-konklużjoni. Fil-fatt, dan juri n-natura ipotetika tal-effett tal-leġiżlazzjoni kkontestata, peress li t-talba għal rimbors supplimentari mressqa mill-interessat kienet fil-fatt infondata, hekk kif jirriżulta mill-proċess, u dan minħabba l-livell inferjuri tal‑ispiża ta’ trattament ekwivalenti fi Spanja meta mqabbel mal-livell ta’ kopertura applikata fl-Istat Membru ta’ soġġorn.
74 Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, għad-differenza tal-każijiet li jaqgħu taħt l‑Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, dawk previsti f’dan l‑Artikolu 22(1)(a) ma humiex, għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom responsabbli mill-protezzjoni soċjali, prevedibbli.
75 Fil-fatt, kull Stat Membru għandu, bħala Stat Membru li fih hija assigurata l‑persuna, il-possibbiltà, fil-kuntest tal-kompetenza rrikonoxxuta lilu mill‑Artikoli 153 TFUE u 168 TFUE, jorganizza s-sistema ta’ saħħa pubblika u ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 92 u 146, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 43), li jadotta miżuri li jaffetwaw il-portata u l-kundizzjonijiet, inter alia, ta’ terminu b’mod partikolari, tal-offerta ta’ kura fi sptar fit-territorju tiegħu sabiex jikkontrolla n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li għandhom joħorġu, skont l‑Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, għall-kuri ppjanati fi Stat Membru ieħor mill-persuni assigurati li jaqgħu taħt din is-sistema.
76 Min-naħa l-oħra, hekk kif osservaw il-Gvern Daniż u l-Gvern tal-Finlandja, il‑mobbiltà li dejjem qed tiżdied taċ-ċittadini ġewwa l-Unjoni, b’mod partikolari għal motivi turistiċi jew edukattivi, tista’ twassal għal numru iktar sinjifikattiv ta’ każijiet ta’ kura fi sptar mhux ippjanati, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, li l-Istati Membri bl-ebda mod ma jistgħu jikkontrollaw.
77 F’dan il-kuntest, fejn kull Stat Membru joqgħod fuq, bħala Stat Membru li fih il-persuna hija assigurata, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn għal dak li jikkonċerna l-livell ta’ kopertura, li għalih hija responsabbli l‑istituzzjoni kompetenti, ta’ kura fi sptar li ssir neċessarja minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħa tal-persuna assigurata matul is-soġġorn temporanju f’dan l-aħħar Stat Membru, l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 flimkien mal-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament, dwar il-mekkaniżmu ta’ rimbors bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati hija bbażata fuq kumpens globali għar‑riskji.
78 Fil-fatt, il-każijiet li fihom il-kura fi sptar mhux ippjanata pprovduta lil persuna assigurata matul is-soġġorn temporanju tiegħu fi Stat Membru jesponu, minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, l-Istat Membru li fih ġiet assigurata l‑persuna għal spiża finanzjarja ikbar milli kieku din il-kura ġiet ipprovduta f’wieħed mill-istabbilimenti tagħha, huma meqjusa li huwa bbilanċjati b’mod globali mill-każijiet li fihom, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn twassal għal spiża għall-Istat Membru li fih ġiet assigurata l-persuna għall-kura fi sptar li hija inqas minn dik li kienet tirriżulta mill-applikazzoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu.
79 Konsegwentament, il-fatt li jiġi impost fuq Stat Membru l-obbligu li jiggarantixxi lill-persuni assigurati tiegħu rimbors supplimentari mill-istituzzjoni kompetenti kull darba li l-livell ta’ kopertura applikabbli fl-Istat Membru ta’ soġġorn għall‑kura fi sptar mhux ippjanata inkwistjoni jkun inqas minn dak applikabbli skont il-leġiżlazzjoni tiegħu jammonta għal dannu tal-ekonomija stess tas-sistema stabbilita mir‑Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, f’kull każ relatat ma’ tali kura, l‑istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih hija assigurata l-persuna tkun sistimetikament esposta għall-ikbar piż finanzjarju, jew b’applikazzjoni, skont l‑Artikolu 22(1)(a) tal-imsemmi regolament, tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ soġġorn li tipprevedi livell ta’ kopertura ogħla minn dak previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija assigurata l-persuna jew b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar leġiżlazzjoni fl-ipoteżi kuntrarja.
80 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, il-Kummissjoni ma wrietx li, f’termini ġenerali, il-leġiżlazzjoni kkontestata tikkostitwixxi nuqqas tar-Renju ta’ Spanja li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.
81 Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
82 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mir-Renju ta’ Spanja. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit, li intervenew f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
3) Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal‑Finlandja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.