EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0203

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-3 ta' Ġunju 2010.
Sporting Exchange Ltd vs Minister van Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
Artikolu 49 KE - Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi - Logħob tal-ażżard - Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet - Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku - Tiġdid tal-liċenzja mingħajr sejħa għal offerti - Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza - Applikazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard.
Kawża C-203/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:307

Kawża C-203/08

Sporting Exchange Ltd, li topera bl-isem “Betfair”

vs

Minister van Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State)

“Artikolu 49 KE — Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet — Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku — Tiġdid tal-liċenzja mingħajr sejħa għal offerti — Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza — Applikazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

2.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard

(Artikolu 49 KE)

1.        L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprojbixxi lil kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

Billi s-settur tal-logħob tal-ażżard offert permezz tal-internet ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Stat Membru jista’ jikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur jipproponi legalment servizzi li jaqgħu f’dan is-settur permezz tal-internet fi Stat Membru ieħor, fejn ikun stabbilit u fejn fil-prinċipju jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jikkostitwixxix garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità, fid-dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jsibu, f’tali kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalitajiet u tal-onestà professjonali tal-operaturi. Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi. Għaldaqstant, l-imsemmija restrizzjoni tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard bl-internet, titqies bħala ġustifikata minħabba l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità.

(ara l-punti 33, 34, 36, 37 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ trasparenza li minnu jirriżulta huma applikabbli għall-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ liċenzja lil operatur uniku fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, sakemm ma huwiex operatur pubbliku li l-amministrazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kontroll dirett tal-Istat jew operatur privat li l-attivitajiet tiegħu huma suġġetta għal kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi.

Fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma huma rregolati minn ebda waħda mid‑direttivi li permezz tagħhom il‑leġiżlatur tal‑Unjoni rregola l‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi. Madankollu, sabiex sistema ta’ liċenzja minn qabel, bħal dik li tipprojbixxi l-organizzazzjoni jew il-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard mingħajr din il-liċenzja u li tagħti biss liċenzja waħda għal kull logħba tal-ażżard awtorizzata, tkun iġġustifikata anki jekk tidderoga minn libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet sabiex din ma tintużax arbitrarjament. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedji effettivi ta’ natura ġudizzjarja.

(ara l-punti 39-43, 50, 62 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Artikolu 49 KE – Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet – Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku – Tiġdid tal-liċenzja mingħajr sejħa għal offerti – Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza – Applikazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard”

Fil-Kawża C‑203/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2008, fil-kawża

Sporting Exchange Ltd, li topera bl-isem “Betfair”,

vs

Minister van Justitie,

fil-preżenza ta’:

Stichting de Nationale Sporttotalisator,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sporting Exchange Ltd, li topera bl-isem “Betfair”, minn I. Scholten‑Verheijen, O. Brouwer, A. Stoffer u J. Franssen, avukati,

–        għall-iStichting de Nationale Sporttotalisator, minn W. Geursen, E. Pijnacker Hordijk u M. van Wissen, avukati,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels kif ukoll minn M. de Grave u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, avukat,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn M. Tassopoulou, Z. Chatzipavlou u A. Samoni‑Rantou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Mateus Calado kif ukoll minn A. Barros, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski u J. Heliskoski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås u K. Moen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa, A. Nijenhuis u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 49 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Sporting Exchange Ltd, li topera bl-isem “Betfair”, stabbilita fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem “Betfair”), u Minister van Justitie (Ministru għall-Ġustizzja, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar iċ-ċaħda ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, għat-talbiet tagħha sabiex tikseb il-liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fil‑Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, għar-rikorsi li hija ppreżentat kontra l‑liċenzji mogħtija lil żewġ operaturi oħrajn.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        L-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard (Wet op de kansspelen, iktar ’il quddiem il-“Wok”) jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu Va ta’ din il-liġi, huwa pprojbit:

a.      li tingħata l-possibbiltà li wieħed jikkompeti għal premjijiet jew rigali jekk l‑għażla tar-rebbieħa tkun imsejsa esklużivament fuq ix-xorti li fuqha l‑parteċipanti ma jkunu jistgħu jeżerċitaw, ġeneralment, l-ebda influwenza effettiva, sakemm ma tkunx ingħatat il-liċenzja għal dan il-għan, skont din il-liġi;

b.      li tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni f’attività imsemmija fil-paragrafu a, offerta mingħajr liċenzja skont din il-liġi, jew f’attività korrispondenti barra mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-Ewropa, jew li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu għal dan il-għan dokumenti partikolari għall-pubblikazzjoni jew distribuzzjoni; […]”

4        L-Artikolu 16(1) tal-Wok jgħid dan li ġej:

“Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ministru għall-Benesseri, għas-Saħħa Pubblika u għall-Kultura jistgħu jagħtu lil persuna li għandha personalità ġuridika sħiħa liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi għal tul ta’ żmien li huma jistabbilixxu, bl-għan li jiġu ffavoriti l-interessi ta’ istituzzjonijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari fil-qasam tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika, tal-kultura, tal-benesseri soċjali u tas-saħħa pubblika.”

5        L-Artikolu 23 tal-Wok jipprovdi li:

“1.      Il-liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri reċiproki tista’ tingħata biss skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu.

2.      ‘imħatra reċiproka’ tfisser kwalunkwe opportunità li ssir imħatra fuq ir‑riżultati tat-tiġrijiet taż-żwiemel bit-trott jew bil-galopp, bil-kundizzjoni li t-total tal-flus milgħuba, suġġett għal tnaqqis permess mil-liġi jew minn din l-istess liġi, jinqasam bejn il-persuni li għamlu l-imħatra tagħhom fuq ir‑rebbieħ jew wieħed mir-rebbieħa.”

6        Skont l-Artikolu 24 tal-Wok, il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd u l-Ministru għall-Ġustizzja jistgħu jagħtu lil persuna ġuridika unika, li għandha l-kapaċità ġuridika sħiħa, liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri reċiproki għal tul ta’ żmien li għandu jiġi ddeterminat minnhom.

7        L-Artikolu 25 tal-Wok jipprovdi li:

“1.      Il-Ministri msemmija fl-Artikolu 24 iżidu mal-liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri reċiproki ċerti kundizzjonijiet.

2.      Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw b’mod partikolari:

a.      in-numru tat-tiġrijiet taż-żwiemel bit-trott jew bil-galopp;

b.      l-ammont massimu li kull persuna tista’ tilgħab;

c.      il-perċentwali miżmuma qabel ma jsir il-qsim bejn ir-rebbieħa tal-imħatri kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ din il-perċentwali;

d.      il-verifika tal-applikazzjoni li għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet;

e.      l-obbligu ta’ prevenzjoni u tal-assigurazzjoni li jkun hemm prevenzjoni, sa fejn dan ikun possibbli, kontra l-imħatri mhux awtorizzati jew l-intermedjazzjoni fil-qasam tal-imħatri fil-postijiet fejn isiru t-tiġrijiet taż-żwiemel bit-trott jew bil-galopp.

3.      Il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu emendati u miżjuda.”

8        Skont l-Artikolu 26 tal-Wok:

“Il-liċenzja mogħtija skont l-Artikolu 24 tista’ tiġi rtirata mill-Ministri msemmija fl-istess artikolu qabel id-data ta’ skadenza jekk jiġu miksura l-kundizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 25.”

9        Skont l-Artikolu 27 tal-Wok, huwa pprojbit li jiġi propost jew li jiġi pprovdut lill‑pubbliku servizz intermedjarju fit-teħid ta’ mħatri minn operatur ta’ mħatri reċiproki.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-logħob tal-ażżard hija bbażata fuq sistema ta’ liċenzji esklużivi skont liema, minn naħa, huma pprojbiti l-organizzazzjoni jew il‑promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard jekk ma tinkisibx liċenzja għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali jagħtu biss liċenzja waħda għal kull logħba tal-ażżard awtorizzata.

11      Barra minn hekk, mill-proċess tal-kawża prinċipali kif intbagħat lill‑Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ma teżisti l-ebda possibbiltà li l‑logħob tal-ażżard jiġi offert fil-Pajjiżi l-Baxxi b’mod interattiv permezz tal‑internet.

12      L-iStichting de Nationale Sporttotalisator (iktar ’il quddiem “De Lotto”), li hija fondazzjoni rregolata taħt id-dritt privat mingħajr skop ta’ lukru, għandha, mill‑1961, liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi, tal-lottu u ta’ logħob tan-numri. Il-liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri reċiproki fuq ir-riżultati ta’ tiġrijiet taż-żwiemel ingħatat lill-kumpannija ta’ responsabbiltà limitata Scientific Games Racing BV (iktar ’il quddiem “SGR”), li hija sussidjarja tal-kumpannija Scientific Games Corporation Inc., stabbilita fl-Istati Uniti.

13      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li De Lotto għandha bħala għan, skont l-istatut tagħha, il-gbir ta’ fondi permezz tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard u t-tqassim ta’ dawn il-fondi bejn istituzzjonijiet li jaħdmu fl‑interess ġenerali, b’mod partikolari fil-qasam tal-isport, tal-edukazzjoni fiżika, tal-benesseri soċjali, tas-saħħa pubblika u tal-kultura. De Lotto hija mmexxija minn kulleġġ ta’ kummissarji kompost minn ħames membri, li l-president tiegħu huwa nnominat mill-Ministru. Il-membri l-oħra huma magħżula mill-iStichting Aanwending Loterijgelden Nederland (Fondazzjoni għall-użu tad-dħul mil-lottu) kif ukoll min-Nederlands Olympisch Comité/Nederlandes Sport Federatie (Kumitat Olimpiku Olandiż/Federazzjoni Sportiva Olandiża).

14      Betfair topera fis-settur tal-logħob tal-ażżard u toffri s-servizzi tagħha unikament permezz tal-internet u permezz tat-telefon. Mir-Renju Unit, hija tpoġġi għad‑dispożizzjoni tad-destinatarji ta’ servizzi sistema għall-imħatri fuq l‑avvenimenti sportivi u t-tiġrijiet taż-żwiemel, magħrufa bl-isem ta’ “betting exchange”, abbażi ta’ liċenzji Brittaniċi u Maltin. Betfair ma tiddisponi minn ebda stabbiliment jew post tal-bejgħ fil-Pajjiżi l-Baxxi.

15      Billi xtaqet toffri s-servizzi tagħha b’mod attiv fis-suq Olandiż, Betfair talbet lill‑Ministru jieħu deċiżjoni dwar jekk liċenzja hijiex neċessarja għall-eżerċizzju ta’ tali attivitajiet. Talbitu wkoll liċenzja għall-organizzazzjoni, fuq l-internet jew le, ta’ mħatri sportivi u ta’ mħatri reċiproki fuq ir-riżultati tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, il-Ministru ċaħad dawn it-talbiet.

16      Il-kontestazzjoni mressqa kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda mill-Ministru fid-9 ta’ Awwissu 2004. Dan tal-aħħar osserva b’mod partikolari li l-Wok tipprovdi għal sistema magħluqa ta’ liċenzji li ma tagħtix il-possibbiltà li jingħataw liċenzji bl-għan li tiġi offerta l-possibbiltà li persuna tipparteċipa f’logħob tal-ażżard permezz tal-internet. Billi Betfair ma setgħetx tottjeni liċenzja skont l-imsemmija liġi għall-attivitajiet attwali tagħha bl-internet, kienet ipprojbita milli toffri servizzi lil destinatarji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

17      Betfair resqet ukoll żewġ kontestazzjonijiet kontra d-deċiżjonijiet tal-Ministru tal‑10 ta’ Diċembru 2004 u tal-21 ta’ Ġunju 2005 li jġeddu l-liċenzji mogħtija rispettivament lil De Lotto u lil SGR.

18      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Ministru, tas-17 ta’ Marzu u tal-4 ta’ Novembru 2005 rispettivament, dawn il-kontestazzjonijiet ġew miċħuda.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (qorti distrettwali tad-Den Haag) iddikjarat li r-rikorsi ppreżentati minn Betfair kontra d‑deċiżjonijiet ta’ ċaħda msemmija iktar ’il fuq huma infondati. Għaldaqstant Betfair ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State.

20      Fl-appell tagħha, Betfair sostniet, essenzjalment, li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom l-obbligu, minn naħa, li jirrikonoxxu l-liċenzja li minnha hija tibbenefika fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, li jirrispettaw, abbażi tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑260/04, Ġabra p. I‑7083), il-prinċipju ta’ trasparenza fl-għoti ta’ liċenzja sabiex jiġi offert logħob tal-ażżard.

21      Fid-dawl tal-fatt li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kawża quddiemha, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn sistema magħluqa ta’ liċenzji tiġi applikata fi Stat Membru għall-provvista ta’ servizzi relatati mal-logħob tal-ażżard, l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tipprekludi lill‑awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru milli tipprojbixxi lil fornitur ta’ servizzi li diġà nħarġitlu liċenzja għall-provvista ta’ dawn is-servizzi permezz tal-internet fi Stat Membru ieħor milli joffri dawn is-servizzi permezz tal-internet fl-ewwel Stat Membru?

2)      L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat għall-Artikolu 49 KE, u b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ ugwaljanza u għall-obbligu ta’ trasparenza derivanti minnu, f’numru ta’ każijiet li jikkonċernaw konċessjonijiet hija applikabbli għall-proċedura tal-għoti ta’ liċenzja għall-provvista ta’ servizzi relatati mal-logħob tal-ażżard taħt sistema unika ta’ liċenzjar stabbilita mil‑liġi?

3)      a)     Taħt sistema, stabbilita mil-liġi, ta’ liċenzja unika, l-estensjoni tal‑liċenzja tad-detentur tal-liċenzja, mingħajr ma jkun hemm applikanti oħra f’pożizzjoni li jikkompetu għal din il-liċenzja, tista’ tikkostitwixxi mezz adegwat u proporzjonat sabiex jintlaħqu r‑rekwiżiti ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġuni għall-ġustifikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tal-logħob tal-ażżard? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

      b)      Tagħmel differenza għar-risposta tad-domanda 3(a) jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv jew fin-negattiv?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l‑promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

23      L-Artikolu 49 KE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-prestatarji nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal‑prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi analogi. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija għall-benefiċċju kemm tal‑prestatarju kif ukoll tad-destinatarju ta’ servizzi (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra, p. I‑7633, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill‑Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll ta’ llum stess, Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, C-258/08, Ġabra p. I‑4757, punt 16).

25      Madankollu, għandu jiġi eżaminat sa fejn tali restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata taħt il-miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE, applikabbli għal dan il-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 55 KE, jew ġustifikata, inkonformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

26      L-Artikolu 46(1) KE jaċċetta restrizzjonijiet ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Barra minn hekk, il‑ġurisprudenza identifikat ċertu numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu wkoll jiġġustifikaw l-imsemmija restrizzjonijiet, bħalma huma l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal‑inkoraġġiment taċ-ċittadini li jidħlu f’nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob kif ukoll ta’ prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali b’mod ġenerali (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

27      F’dan il-kuntest, il-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas‑soċjetà li huma relatati mal-logħob u l-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza favur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet li jinkludu l-protezzjoni tal‑konsumatur u tal-ordni soċjali (sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01, Ġabra p. I-13031, punt 63, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I-1891, punt 47).

28      L-Istati Membri huma liberi li jiffissaw, skont l-iskala ta’ valuri tagħhom stess, l‑għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom, madankollu, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Placanica et, punt 48, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 59).

29      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika jekk il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jwieġbux verament għall-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawhom u jekk ir-restrizzjonijiet minnhom imposti jidhrux li huma sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et, punt 75, kif ukoll Placanica et, punt 58).

30      Billi rreferiet b’mod partikolari għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et kif ukoll Placanica et, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-għanijiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll sabiex jiġġieldu l-kriminalità u d-dipendenza fir-rigward tal-logħob, li fuqhom hija bbażata s-sistema ta’ liċenzji esklużivi prevista fil-Wok, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Il-qorti nazzjonali tikkunsidra wkoll li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill‑imsemmija sistema mhuma la sproporzjonati u lanqas applikati b’mod diskriminatorju. Għal dak li jirrigwarda speċifikament il-proporzjonalità, hija tenfasizza li l-fatt li operatur speċifiku biss jingħata liċenzja jiffaċilita mhux biss il-kontroll ta’ dan, b’tali mod li l-kontroll tar-regoli marbuta mal-liċenzja jista’ jkun iktar effettiv, iżda jwaqqaf ukoll li kompetizzjoni li dejjem tiżdied, li twassal għal żieda fid-dipendenza għal-logħob, tistabbilixxi ruħha fost il-varji operaturi b’liċenzja. L-istess qorti żżid li l-projbizzjoni għal kull persuna minbarra dik li għandha liċenzja li toffri logħob tal-ażżard tapplika mingħajr distinzjoni fir‑rigward tal-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ dawk li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħrajn.

32      Id-dubju tal-qorti tar-rinviju joriġina mill-fatt li, fil-kawża prinċipali, Betfair tallega li hija ma għandhiex bżonn li tkun fil-pussess ta’ liċenzja maħruġa mill‑awtoritajiet Olandiżi sabiex toffri s-servizzi tagħha ta’ mħatri sportivi permezz tal-internet lil persuni li jagħmlu l-imħatri u li jirrisjedu fil-Pajjiżi l‑Baxxi. Fil-fatt, dan l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-liċenzji li ngħataw lil din il-kumpannija minn Stati Membri oħrajn.

33      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li s-settur tal-logħob tal-ażżard offrut permezz tal-internet ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, Stat Membru jista’ jikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur bħal Betfair jipproponi legalment servizzi li jaqgħu f’dan is-settur permezz tal‑internet fi Stat Membru ieħor, fejn ikun stabbilit u fejn fil-prinċipju jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità, fid-dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jsibu, f’tali kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalitajiet u tal-onestà professjonali tal-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

34      Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l‑operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

35      Il-fatt li operatur li joffri logħob tal-ażżard permezz tal-internet ma għandux politika attiva ta’ bejgħ fl-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari minħabba l-fatt li ma għandux aċċess għar-reklamar f’dan l-Istat, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra l-kusiderazzjonijiet magħmula fiż-żewġ punti preċedenti. Dawn huma bbażati unikament fuq l-effetti tas-sempliċi aċċessibbiltà tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet u mhux fuq il-konsegwenzi eventwalment diverġenti tal-offerta attiva jew passiva ta’ servizzi minn dan l-operatur.

36      Minn dan jirriżulta li r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet, titqies bħala ġustifikata minħabba l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

37      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

38      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, minn naħa, jekk il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE kif ukoll tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza li minnu jirriżulta, fil-qasam tal-konċessjoni ta’ servizzi, hijiex applikabbli għall-proċedura għall‑għoti ta’ liċenzja lil operatur uniku fil-qasam tal-logħob tal-ażżard. Hija ssaqsi, min-naħa l-oħra, jekk it-tiġdid ta’ din il-liċenzja, mingħajr sejħa għall‑offerti, jistax jikkostitwixxi mezz idoneju u proporzjonat għat-twettiq ta’ għanijiet ibbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

39      Fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma huma rregolati minn ebda waħda mid‑direttivi li permezz tagħhom il‑leġiżlatur tal‑Unjoni rregola l‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi. Madankollu, l‑awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti huma obbligati jirrispettaw ir‑regoli fundamentali tat‑Trattat KE b’mod ġenerali, b’mod partikolari l‑Artikoli 49 KE, u, speċjalment il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li minnhom jirriżulta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punti 60 sa 62; tal-10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser, C‑206/08, Ġabra I‑8377, punt 44, kif ukoll tat-13 ta’ April 2010, Wall, C‑91/08, I‑2815, punt 33).

40      Dan l‑obbligu ta’ trasparenza japplika fl‑eventwalità li l‑konċessjoni ta’ servizzi kkonċernata tista’ tinteressa lil impriża li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak li fih tingħata din il‑konċessjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 17, u Wall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

41      Mingħajr ma neċessarjament jimplika obbligu li ssir sejħa għal offerti, dan l‑obbligu ta’ trasparenza jeħtieġ li l-awtorità konċedanti tiggarantixxi, favur kull konċessjonarju potenzjali, livell ta’ pubbliċità xieraq b’tali mod li l-konċessjonijiet ta’ servizzi jkunu miftuħa għall-kompetizzjoni u li l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ assenjazzjoni tal-konċessjonijiet tkun tista’ tiġi kkontrollata (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C‑324/07, Ġabra p. I‑8457, punt 25, u Wall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

42      Kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-kliem tat-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali jirriżulta li l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi bl‑għan li ċerti operaturi ekonomiċi jitħallew jipprovdu fil-Pajjiżi l-Baxxi servizzi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard huwa kkunsidrat minn din il-qorti bħala l-għoti ta’ liċenzja unika.

43      Kif ġie indikat fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, il-Wok hija bbażata fuq sistema ta’ liċenzji esklużivi, skont liema, minn naħa, hija pprojbita l-organizzazzjoni jew il‑promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard mingħajr ma tingħata liċenzja għal dan il‑għan u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali jagħtu biss liċenzja waħda għal kull logħba tal-ażżard awtorizzata.

44      Il-liċenzja unika tikkostitwixxi intervent tal-awtoritajiet pubbliċi li l-għan tiegħu huwa li jirregola l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, f’dan il-każ l-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard.

45      Fid-deċiżjoni li tagħti l-liċenzja hemm numru ta’ kundizzjonijiet imposti mill‑imsemmija awtoritajiet rigward b’mod partikolari n-numru massimu ta’ mħatri sportivi awtorizzati f’sena, l-ammonti ta’ dawn l-imħatri, it-tqassim tad‑dħul nett lil istituzzjonijiet ta’ interess ġenerali u d-dħul għall-operatur inkwistjoni, fis-sens li dan tal-aħħar jista’ jżomm biss l-ammont tal-ispejjeż sostnuti mingħajr ma jagħmel ebda profitt. Dan l-operatur huwa barra minn hekk awtorizzat jikkostitwixxi, kull sena, fond ta’ riżerva li jikkorrispondi għal mhux iktar minn 2.5 % tad-dħul miksub matul is-sena kalendarja preċedenti, u dan sabiex jiżgura l-kontinwità tal-attività tiegħu.

46      Il-fatt li l-għoti ta’ liċenzja unika ma huwiex ekwivalenti għal kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 49 KE, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ trasparenza, jiġu miksura meta tingħata liċenzja bħal dik fil‑kawża prinċipali.

47      Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 154 u 155 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu ta’ trasparenza jidher bħala prekundizzjoni obbligatorja tad-dritt ta’ Stat Membru li jattribwixxi lil operatur id-dritt esklużiv li jwettaq attività ekonomika, ikun xi jkun il-mod ta’ kif jintgħażel dan l-operatur. Tali obbligu għandu japplika wkoll fil-kuntest ta’ sistema ta’ liċenzja mogħtija lil operatur uniku mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ ordni pubbliku tagħhom, għaliex l-effetti ta’ din il-konċessjoni fir-rigward tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jistgħu jkunu potenzjalment interessati fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, huma l-istess bħal dawk ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi.

48      Ċertament, hekk kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-Istati Membri jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni mixtieqa fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, konsegwentement, jistgħu jagħżlu, bħal fil-kawża prinċipali, sistema ta’ liċenzja lil operatur uniku.

49      Madankollu, sistema bħal din ma tagħtix id-dritt li jittieħdu deċiżjonijiet diskrezzjonali minn naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ natura tali li jċaħħdu mill-effettività tagħhom id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali bħal dik tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

50      Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti, sabiex sistema ta’ liċenzja minn qabel tkun iġġustifikata anke jekk tiddevja minn libertà fundamentali, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li tiġi limitata l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet sabiex din ma tintużax arbitrarjament (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-389/05, Ġabra p. I-5397, punt 94, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 64). Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha jkollha rimedji ta’ natura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C‑205/99, Ġabra p. I-1271, punt 38).

51      L-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza li minnu jirriżulta għandhom neċessarjament jimplikaw li l-kriterji oġġettivi li jippermettu li tiġi limitata s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti tal‑Istati Membri jiġu ppubbliċizzati suffiċjentement.

52      Għal dak li jirrigwarda l-proċedura għat-tiġdid tal-liċenzji esklużivi mogħtija taħt il-Wok, il-Gvern Olandiż spjega, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l‑liċenzji dejjem jingħataw fuq bażi temporanja, ġeneralment għal perijodu ta’ ħames snin. Dan l-approċċ huwa adottat għal għanijiet ta’ kontinwità, b’dati speċifiċi ta’ riferiment li jippermettu li jiġi deċiż jekk il-bdil tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja huwiex iġġustifikat.

53      Huwa paċifiku li, permezz tad-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2004 u tal-21 ta’ Ġunju 2005, il-Ministru ġedded il-liċenzji mogħtija rispettivament lil De Lotto, għal perijodu ta’ ħames snin, u lil SGR, għal perijodu ta’ tliet snin, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti.

54      F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk l-effetti restrittivi ta’ liċenzja unika jirriżultawx mill-għoti tagħha bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fil‑punt 50 ta’ din is-sentenza jew mit-tiġdid ta’ tali liċenzja bl-istess kundizzjonijiet.

55      Proċedura ta’ tiġdid ta’ liċenzja, bħal dik fil-kawża prinċipali, li ma tissodisfax l‑imsemmija kundizzjonijiet, twaqqaf fil-prinċipju lil operaturi oħrajn milli juru l‑interess tagħhom fl-eżerċizzju tal-attività kkonċernata u, b’hekk, dawn tal-aħħar huma preklużi milli jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 49 KE.

56      Il-Gvern Olandiż jenfasizza li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema ta’ liċenzja mogħtija lil operatur uniku huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li huma adatti u proporzjonati.

57      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti tar‑rinviju li għalihom jirreferi l-Gvern Olandiż jirrigwardaw, b’mod ġenerali, sistema ta’ liċenzja esklużiva bħal dik prevista fil-Wok u mhux, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ tiġdid tal-liċenzja mogħtija lill-operatur li jibbenefika mid-dritt esklużiv li jorganizza u jippromwovi l-logħob tal-ażżard.

58      Hekk kif l-Avukat Ġenerali jirrileva fil-punt 161 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha ssir distinzjoni bejn l-effetti tal-ftuħ ta’ sejħa għal offerti fis-suq tal‑logħob tal-ażżard, li n-natura detrimentali tagħhom tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-attività tal-operaturi ekonomiċi, u dawk tal-ftuħ ta’ sejħa għal offerti għall-għoti tal-kuntratt ikkonċernat. In-natura detrimentali tal‑kompetizzjoni fis-suq, jiġifieri bejn diversi operaturi li jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu l-istess logħba tal-ażżard, jiġi mill-fatt li dawn l-operaturi jkollhom jikkompetu fuq livell kreattiv biex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti u b’hekk iżidu l-infiq tal-konsumaturi marbut mal-logħob u r-riskji ta’ dipendenza ta’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, dawn il-konsegwenzi ma għandhomx ikunu ta’ inkwiet fl-istadju tal-għoti tal-liċenzja.

59      F’kull każ, ir-restrizzjonijiet għal-libertà fundamentali stabbilita fl-Artikolu 49 KE li jirriżultaw speċifikament mill-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ liċenzja lil operatur uniku, bħal dawk fil-kawża prinċipali, setgħu jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati li kieku l-Istat Membru kkonċernat iddeċieda jagħti jew iġedded il‑liċenzja lil operatur pubbliku li l-amministrazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kontroll dirett tal-Istat jew lil operatur privat li l-attivitajiet tiegħu huma suġġetta għal kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C-124/97, Ġabra p. I-6067, punti 40 u 42, kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 67).

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti jew it-tiġdid favur tali operatur, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti, ta’ drittijiet esklużivi għall-operat ta’ logħob tal‑ażżard ma jkunux jidhru sproporzjonati fir-rigward tal-għan li l-Wok tipprova tilħaq.

61      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-operaturi b’liċenzja fil‑Pajjiżi l-Baxxi għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard jissodisfawx il‑kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 59 ta’ din is-sentenza.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat‑tieni u t-tielet domanda hija li l-Artikoli 49 KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ trasparenza li minnu jirriżulta huma applikabbli għall-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ liċenzja lil operatur uniku fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, sakemm ma huwiex operatur pubbliku li l-amministrazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kontroll dirett tal-Istat jew operatur privat li l-attivitajiet tiegħu huma suġġetta għal kontroll strett tal‑awtoritajiet pubbliċi.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ logħob tal-ażżard għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed u li tipprekludi kull operatur ieħor, inkluż lil operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli joffri, permezz tal-internet, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, servizzi li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema.

2)      L-Artikoli 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ trasparenza li minnu jirriżulta huma applikabbli għall-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ liċenzja lil operatur uniku fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, sakemm ma huwiex operatur pubbliku li l-amministrazzjoni tiegħu hija suġġetta għall‑kontroll dirett tal-Istat jew operatur privat li l-attivitajiet tiegħu huma suġġetta għal kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top