Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0147

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta' Mejju 2011.
    Jürgen Römer vs Freie und Hansestadt Hamburg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Arbeitsgericht Hamburg - il-Ġermanja.
    Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol - Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni - Artikolu 157 TFUE - Direttiva 2000/78/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċett ta’ ‘remunerazzjoni’ - Esklużjonijiet - Skema ta’ sigurtà soċjali professjonali taħt forma ta’ pensjoni tal-irtirar kumplimentari għall-ex impjegati ta’ kollettività lokali u s-superstiti tagħhom - Metodu ta’ kalkolu ta’ din il-pensjoni li jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji miżżewġa meta mqabbla ma’ dawk li jgħixu fil-kuntest ta’ unjoni tul il-ħajja rreġistrata - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.
    Kawża C-147/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:286

    Kawża C-147/08

    Jürgen Römer

    vs

    Freie und Hansestadt Hamburg

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg)

    “Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Artikolu 157 TFUE — Direttiva 2000/78/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘remunerazzjoni’ — Esklużjonijiet — Skema ta’ previdenza professjonali taħt forma ta’ pensjoni tal-irtirar kumplimentari għall-ex impjegati ta’ kollettività lokali u s-superstiti tagħhom — Metodu ta’ kalkolu ta’ din il-pensjoni li jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji miżżewġa meta mqabbla ma dawk li jgħixu fil-kuntest ta’ sħubija ċivili rreġistrata — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Kamp ta’ applikazzjoni

    (Artikolu 157 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, premessa 22 u Artikolu 3(3))

    2.        Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali

    (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1, 2 u 3(1)(ċ))

    3.        Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali

    (Artikolu 13 KE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2)

    1.        Id-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tagħha, la minħabba l-Artikolu 3(3) tagħha u lanqas minħabba l-premessa 22 tagħha, il-pensjonijiet tal-irtirar kumplimentari bħal dawk imħallsa minn entità pubblika li tħaddem lill-ex impjegati tagħha u lis-superstiti tagħhom abbażi tal-liġi nazzjonali, li jikkostitwixxu remunerazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

    (ara l-punt 36 u d-dispożittiv 1)

    2.        Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 1, 2 u 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li abbażi tagħha benefiċjarju marbut fil-kuntest ta’ sħubija ċivili jirċievi pensjoni tal-irtirar kumplimentari f’ammont inferjuri għal dak mogħti lil benefiċjarju miżżewweġ u mhux separat b’mod permanenti, jekk :

    –      fl-Istat Membru kkonċernat, iż-żwieġ huwa rriżervat għal persuni ta’ sess differenti u jeżisti flimkien ma’ sħubija ċivili li hija rriżervata għal persuni tal-istess sess, u

    -      teżisti diskriminazzjoni diretta abbażi tal-orjentazzjoni sesswali minħabba l-fatt li, fid-dritt nazzjonali, l-imsemmi sieħeb ċivili jinsab f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli ma’ dik ta’ persuna miżżewġa f’dak li jirrigwarda l-imsemmija pensjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà, u din għandha tkun iffokata fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-konjuġi u tal-persuni marbuta fi sħubija ċivili, hekk kif inhuma rregolati fil-kuntest tal-istituzzjonijiet korrispondenti, li huma rilevanti fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni

    (ara l-punt 52 u d-dispożittiv 2)

    3.        La l-Artikolu 13 KE u lanqas id-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ma jippermettu li mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi marbuta, għall-perijodu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, sitwazzjoni fejn, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar il-pensjonijiet kumplimentari tal-irtirar u tas-superstiti tal-impjegati ta’ entità pubblika li tħaddem, benefiċjarju marbut fil-kuntest ta’ sħubija ċivili jirċievi pensjoni tal-irtirar kumplimentari f’ammont inferjuri għal dak mogħti lil benefiċjarju miżżewweġ u mhux separat b’mod permanenti.

    Fil-każ fejn tali dispożizzjoni nazzjonali tkun tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, id-dritt għal-trattament ugwali jkun jista’ jiġi invokat minn individwu milqut minn din id-dispożizzjoni minn wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva msemmija, u dan mingħajr ma jkun hemm għalfejn li jiġi mistenni li d-dispożizzjoni msemmija titqiegħed f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur nazzjonali.

    (ara l-punti 61, 64 u d-dispożittiv 3)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    10 ta’ Mejju 2011 (*)

    “Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 157 TFUE – Direttiva 2000/78/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘remunerazzjoni’ – Esklużjonijiet – Skema ta’ previdenza professjonali taħt forma ta’ pensjoni tal-irtirar kumplimentari għall-ex impjegati ta’ kollettività lokali u s-superstiti tagħhom – Metodu ta’ kalkolu ta’ din il-pensjoni li jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji miżżewġa meta mqabbla ma’ dawk li jgħixu fil-kuntest ta’ sħubija ċivili rreġistrata – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali”

    Fil-Kawża C‑147/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Ġermanja), bid-deċiżjonijiet tal-4 ta’ April 2008 u tat-23 ta’ Jannar 2009, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ April 2008 u fit-28 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura

    Jürgen Römer

    vs

    Freie und Hansestadt Hamburg,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, D. Šváby (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N  Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal M. Römer, minn H. Graupner, avukat,

    –        għall-Freie und Hansestadt Hamburg, minn M. Härtel, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Artikolu 141 KE (li llum jikkorrispondi għall-Artikolu 157 TFUE) fir-rigward tad-diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali fl-impjieg u fix-xogħol.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Römer u l-Freie und Hansestadt Hamburg dwar l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar kumplimentari li dan għandu dritt għaliha.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    3        It-tlettax u t-tnejn u għoxrin premessi tad-Direttiva 2000/78 jiddisponu:

    “(13) Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 [KE] […]

    […]

    (22)      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom.”

    4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiddisponi:

    “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

    5        Skont l-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija:

    “1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

    a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

    i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

    […]”

    6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva huwa redatt b’dan il-mod:

    “1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

    […]

    ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

    […]

    3.      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

    […]”

    7        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva Nru 2000/78, l-Istati Membri kellhom, fil-prinċipju, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, jew setgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali l-kompitu tal-implementazzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettivi, billi jiżguraw li dawn tal-aħħar jiġu implementati sal-istess data.

     Id-dritt nazzjonali

     Il-Liġi fundamentali

    8        L-Artikolu 6(1) tal-Liġi fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland, iktar ’il quddiem il-“Liġi fundamentali”) jipprovdi li “[i]ż-żwieġ u l-familja jinsabu taħt il-protezzjoni speċjali tal-Istat”.

     Il-liġi dwar l-sħubija ċivili rreġistrata

    9        L-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar l-isħubija ċivili rreġistrata (Gesetz über die Eingetragene Lebenspartnerschaft), tas-16 ta’ Frar 2001 (iktar ’il quddiem l-“LPartG”), jipprovdi, fir-rigward tal-forma u tal-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita tali unjoni:

    “(1) Żewġ persuni tal-istess stess jistabbilixxu sħubija meta huma jiddikjaraw reċiprokament, personalment u quddiem xulxin, li huma jixtiequ li jkollhom sħubija ċivili (imsieħba ċivili). Id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux ikunu suġġetti għal kundizzjoni jew terminu ta’ żmien. Id-dikjarazzjonijiet ikollhom effett meta jsiru quddiem l-awtorità kompetenti. […]”

    10      L-Artikolu 2 tal-LpartG jipprovdi:

    “L-imsieħba ċivili għandhom jagħtu għajnuna u assistenza lil xulxin u jobbligaw ruħhom reċiprokament għal unjoni għal ħajja. Huma jassumu responsabbilitajiet fil-konfront ta’ xulxin.”

    11      Skont l-Artikolu 5 tal-liġi msemmija:

    “L-imsieħba ċivili huma reċiprokament obbligati jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-bżonnijiet tal-sħubija ċivili. L-Artikoli 1360(a) u 1360(b) tal-Kodiċi Ċivili [(Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-‘BGB’)] japplikaw b’analoġija.”

    12      L-Artikolu 11(1) tal-istess liġi, dwar l-effetti l-oħrajn tal-sħubija ċivili jipprovdi:

    “Salv għal dispożizzjoni kuntrarja, is-sieħeb ċivili huwa kkunsidrat bħala membru tal-familja tas-sieħeb ċivili l-ieħor.”

    13      Il-liġi li tirriforma d-dritt tas-sħubija ċivili (Gesetz zur Überarbeitung des Lebenspartnerschaftsrechts), tal-15 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2004”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005, emendat l-LpartG u għal darb’oħra reġgħet qarrbet l-istat tas-sħubija ċivili rreġistrata lejn dak taż-żwieġ. B’mod partikolari, it-tqassim kumpensatorju tad-drittijiet tal-pensjoni bejn imsieħba huwa llum previst f’każ ta’ xoljiment tas-sħubija ċivili (Artikolu 20 tal-LPartG), kif inhu l-każ bejn miżżewġin f’każ ta’ divorzju. Barra minn hekk, is-sistema leġiżlattiva ta’ assigurazzjoni għall-irtirar ġiet emendata sabiex l-imsieħba rreġistrati jirċievu, l-istess bħall-miżżewġin, il-pensjoni tas-superstiti, anki fil-każijiet fejn l-imsieħeb ikun miet qabel l-1 ta’ Jannar 2005 [Artikolu 46(4) tal-Ktieb VI, tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali (Sozialgesetzbuch)].

     Id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Land ta’ Hamburg dwar il-previdenza soċjali

    14      L-Artikolu 1 tal-liġi tal-Land ta’ Hamburg dwar l-assigurazzjoni kumplimentari (Hamburgisches Zusatzversorgungsgesetz), tas-7 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem l-“HmbZVG”), jindika li din tapplika għall-persuni impjegati mill-Freie und Hansestadt Hamburg kif ukoll għal kull persuna li lilha l-belt għandha tħallas pensjoni fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi (persuni intitolati għal pensjoni). Skont dan l-aħħar artikolu, il-pensjoni tingħata taħt forma ta’ pensjoni tal-irtirar, irregolata mill-Artikoli 3 sa 10 tal-liġi msemmija, jew pensjoni tas-superstiti, irregolata mill-Artikoli 11 sa 19 tagħha. B’mod konformi mal-Artikoli 2 a u 2 ċ tal-HmbZVG, l-impjegati fis-servizz tal-belt imsemmija jipparteċipaw fl-ispejjeż tal-pensjoni billi jħallsu kontribuzzjoni li r-rata inizjali tagħha tammonta għal 1.25 % tar-remunerazzjoni taxxabbli, li hija s-suġġett ta’ tnaqqis minnha. Skont l-Artikolu 2 b ta’ din il-liġi, l-obbligu tal-kontribuzzjoni jibda fid-data tal-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol u jintemm fid-data li din tal-aħħar tintemm.

    15      L-Artikolu 6 tal-HmbZVG jipprovdi li l-ammont ta’ kull xahar tal-irtirar jikkorrispondi, għal kull sena sħiħa tal-perijodu ta’ impjieg li jagħti dritt għall-irtirar, għal 0.5 % tar-remunerazzjonijiet li jidħlu fil-kalkolu tal-irtirar.

    16      Ir-remunerazzjonijiet inklużi fil-kalkolu tal-irtirar huma spjegati fl-Artikolu 7 tal-HmbZVG, filwaqt li l-perijodi ta’ impjieg li jagħtu dritt għal irtirar kif ukoll dawk li huma esklużi huma ddefiniti fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi.

    17      L-Artikolu 29 tal-HmbZVG fih id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw lill-persuni intitolati għal pensjoni li kienu koperti mil-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ preċedentement, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi. B’mod konformi mal-punt 1 tal-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 29, moqri flimkien mal-punt 5 tiegħu, l-imsemmija persuni intitolati għal pensjoni jibqgħu jirċievu, b’mod partikolari b’deroga mill-Artikolu 6(1) u (2) tal-liġi msemmija, pensjoni ugwali għal dik li rċevew f’Lulju 2003 jew għal dik li kien ikollhom dritt għaliha, abbażi tal-punti 2 u 4 tal-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 29, f’Diċembru 2003.

    18      Il-kwistjoni kienet preċedentement irregolata bil-liġi tal-Land ta’ Hamburg dwar il-pensjonijiet kumplimentari ta’ rtirar u tas-superstiti tal-impjegati tal-Freie und Hansestadt Hamburg (Erstes Ruhegeldgesetz der Freien und Hansestadt Hamburg, iktar ’il quddiem l-“ewwel RGG”). L-Artikolu 10(6) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

    “Id-dħul nett nazzjonali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni huwa ddeterminat billi mir-remunerazzjonijiet li jidħlu fil-kalkolu tal-pensjoni (Artikolu 8) jitnaqqsu

    1.      l-ammont li jkun imissu tħallas bħala taxxa fuq is-salarji [bl-esklużjoni tal-parti mħallsa lill-Knisja (Kirchenlohnsteuer)] skont il-klassi ta’ taxxa III/0, fil-każ ta’ benefiċjarju miżżewweġ mhux separat b’mod permanenti fil-ġurnata meta tibda titħallas il-pensjoni ta’ rtirar (Artikolu 12(1)), jew ta’ benefiċjarju li, fl-istess ġurnata, jista’ jippretendi li jista’ jibbenefika minn allowances tal-familja jew benefiċċji korrispondenti, [jew]

    2.      l-ammont li jkun imissu tħallas, fil-ġurnata meta tibda titħallas il-pensjoni ta’ rtirar, bħala taxxa fuq is-salarji (bl-esklużjoni tal-parti mħallsa lill-Knisja) skont il-klassi ta’ taxxa I, fil-każ tal-benefiċjarji l-oħra. […]”

    19      Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(10) tal-ewwel RGG, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(6)(1) tal-ewwel RGG ikunu sodisfatti biss wara li tibda titħallas il-pensjoni ta’ rtirar, għandha, jekk il-persuna kkonċernata titlob dan, tiġi applikata din l-aħħar dispożizzjoni minn din id-data.

    20      L-ammont li għandu jitnaqqas b’riferenza għat-taxxa fuq l-impjegati dovuta taħt il-klassi ta’ taxxa III/0 huwa ħafna iżgħar minn dak li għandu jitnaqqas b’riferenza għat-taxxa fuq l-impjegati dovuta taħt il-klassi ta’ taxxa I.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    21      Il-partijiet ma humiex qed jaqblu fuq l-ammont tal-pensjoni li jista’ jitlob ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, J. Römer, minn Novembru 2001.

    22      Mill-1950 sa meta seħħ l-avveniment li wassal għall-inkapaċità tiegħu milli jaħdem, fil-31 ta’ Mejju 1990, J. Römer ħadem għall-Freie und Hansestadt Hamburg, bħala impjegat fl-amministrazzjoni. Mill-1969, huwa kien jgħix kontinwament ma’ U. Fil-15 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u s-sieħeb tiegħu daħlu fi sħubija ċivili rreġistrata, skont l-LPartG. J. Römer informa b’dan lill-persuna li kienet timpjegah permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2001. Permezz ta’ ittra oħra tat-28 ta’ Novembru 2001, huwa talab li l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar kumplimentari tiegħu jiġi kkalkolat mill-ġdid, billi jiġi applikat it-tnaqqis mis-salarju iktar vantaġġuż previst mill-klassi ta’ taxxa III/0, u dan b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2001, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jafferma, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li talab din il-modifika fil-pensjoni biss mill-1 ta’ Novembru 2001.

    23      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2001, il-Freie und Hansestadt Hamburg informat lil J. Römer bir-rifjut tagħha li tibdel il-kalkolu tal-pensjoni msemmija, minħabba li skont l-Artikolu 10(6)(1) tal-ewwel RGG, huwa biss fil-konfront tal-benefiċjarji miżżewġin mhux separati b’mod permanenti u l-benefiċjarji li għandhom dritt għal allowances tal-familja jew għal benefiċċju korrispondenti li għandhom id-dritt li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom jiġi kkalkolat abbażi tal-klassi ta’ taxxa III/0.

    24      Skont ir-“rendikont tad-drittijiet għall-pensjoni” redatt mill-Freie und Hansestadt Hamburg fit-2 ta’ Settembru 2001, il-pensjoni ta’ rtirar imħallsa kull xahar lil J. Römer, minn Settembru 2001, kienet tammonta, abbażi tar-remunerazzjoni mnaqqsa sal-ammont li kellu jitħallas abbażi tat-taxxa fuq ir-remunerazzjoni skont il-klassi ta’ taxxa I, għal DEM 1 204.55 (EUR 615.88). Skont il-kalkoli tal-persuna kkonċernata, li ma ġewx ikkontestati mill-persuna li kienet timpjegah, l-ammont ta’ din il-pensjoni ta’ rtirar kienet, f’Settembru 2001, DEM 590.87 (EUR 302.11) ogħla fix-xahar li kieku ttieħdet inkunsiderazzjoni l-klassi ta’ taxxa III/0 fid-determinazzjoni tal-ammont tal-pensjoni msemmija.

    25      Il-kawża ġiet ippreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju. J. Römer iqis li huwa għandu d-dritt li jiġi ttrattat bħala benefiċjarju miżżewweġ mhux separat b’mod permanenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 10(6)(1) tal-ewwel RGG. Huwa jsostni li l-kriterju tal-“benefiċjarju miżżewweġ mhux separat b’mod permanenti”, previst mill-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-benefiċjarji li daħlu fi sħubija ċivili rreġistrata skont l-LPartG.

    26      J. Römer jikkunsidra li d-dritt tiegħu għat-trattament ugwali mal-benefiċjarji miżżewġin mhux separati b’mod permanenti jirriżulta, fi kwalunkwe każ, mid-Direttiva 2000/78. Huwa jsostni wkoll li, peress li l-imsemmija direttiva ma ġietx trasposta fid-dritt nazzjonali fit-terminu previst mill-Artikolu 18 tagħha, jiġifieri sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, hija tapplika direttament għall-konvenuta fil-kawża prinċipali.

    27      Il-Freie und Hansestadt Hamburg issostni li t-terminu “miżżewweġ” fis-sens tal-Artikolu 10(6)(1) tal-ewwel RGG, ma jistax jiġi interpretat fis-sens mitlub minn J. Römer. Hija ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 6(1) tal-Liġi fundamentali jqiegħed iż-żwieġ u l-familja taħt il-protezzjoni partikolari tal-Istat. Dejjem skont il-Freie und Hansestadt Hamburg, il-kwistjoni tat-tassazzjoni komuni u dik tal-possibbiltà li l-klassi tat-taxxa III/0 tiġi applikata b’mod fittizju għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar kumplimentari mħallsa taħt l-ewwel RGG huma simili. Hija ssostni li r-riżorsi finanzjarji li l-persuni kkonċernati jkollhom kull xahar sabiex jiżgura l-bżonnijiet tal-ħajja ta’ kuljum huma ddeterminati kemm mit-tassazzjoni komuni matul il-perijodu ta’ attività professjonali kif ukoll mill-applikazzjoni fittizja tal-klassi ta’ taxxa III/0 għall-kalkolu tal-pensjonijiet. Il-vantaġġ mogħti lill-persuni li jkunu stabbilixxew familja, jew li setgħu jagħmlu dan, għandu l-għan li jikkumpensa l-piż finanzjarju addizzjonali li tinvolvi s-sitwazzjoni tagħhom.

    28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Hamburg (qorti tax-xogħol ta’ Hamburg), b’deċiżjoni tal-4  ta’ April 2008, ikkompletata b’deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2009, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Il-pensjonijiet supplimentari mħallsin lil ex impjegati tal-Freie und Hansestadt Hamburg […] u lis-superstiti tagħhom, irregolati mill-[ewwel RGG], jikkostitiwixxu ‘ħlasijiet […] magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali’, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva 2000/78], b’tali mod li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għas-settur kopert mill-ewwel RGG?

    2)      [a)] Fil-każ li tingħata risposta negattiva għad-domanda preċedenti[, i]d-dispożizzjonijiet tal-ewwel RGG, li jagħmlu distinzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ pensjonijiet, bejn il-benefiċjarji miżżewġin u l-benefiċjarji l-oħrajn, billi jagħtu vantaġġ lil dawk tal-ewwel – meta mqabbla mal-persuni li kkonkludew [sħubija ċivili] rreġistrata ma’ persuna tal-istess sess […] skont [l-LPartG] – jikkostitwixxu ‘liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili [jew] drittijiet li jiddependu minnhom’ fis-sens tal-premessa 22 tad-Direttiva 2000/78?

    b)      [Fil-każ li tingħata risposta affermattiva, d]an iwassal għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 għad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-ewwel RGG minkejja li l-imsemmija direttiva ma tinkludi fiha l-ebda limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha li jikkorrispondi għall-[imsemmija] premessa 22?

    3)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel […] jew għat-tieni parti tat-tieni domanda[, l]-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG, li jgħid li l-pensjonijiet imħallsin lill-benefiċjarji miżżewġin mhux separati b’mod permanenti jitqiesu li jaqgħu taħt il-klassi ta’ taxxa III/0 (vantaġġuża għall-persuna taxxabbli), u l-pensjonijiet tal-benefiċjarji l-oħrajn kollha li jitqiesu li jaqgħu taħt il-klassi ta’ taxxa I (żvantaġġuża għall-persuna taxxabbli), jikser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 1, 2 u 3(1)(ċ), tad-Direttiva 2000/78, fil-każ ta’ benefiċjarju li kkonkluda [sħubija ċivili rreġistrata] ma’ persuna tal-istess sess li ma huwiex separat b’mod permanenti minnha?

    4)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew għat-tieni parti tat-tieni domanda, jew jekk tingħata risposta negattiva għat-tielet domanda[, f]id-dawl tar-regoli msemmija fid-domanda 3, jew tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-livell ġuridiku, l-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG jikser l-Artikolu 141 KE jew prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju?

    5)      [a)] Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għat-tielet domanda jew għar-raba’ domanda[, d]an għandu bħala konsegwenza li, sakemm l-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG ma jiġix emendat b’tali mod li jirrimedja n-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament invokat, il-benefiċjarju […] li kkonkluda [sħubija ċivili] rreġistrata [u li ma jkunx separat b’mod permanenti] jkun jista’ jitlob li jiġi ttrattat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni [kumplimentari] tiegħu, bħala benefiċjarju miżżewweġ li ma huwiex separat b’mod permanenti?

          [b)]      Jekk dan huwa l-każ, dan japplika wkoll – jekk hija applikabbli d-Direttiva 2000/78 u jekk tingħata risposta pożittiva għad-domanda 3 – minn qabel l-iskadenza tat-terminu għall-implementazzjoni previst mill-Artikolu  18(1) tad-Direttiva 2000/78?

    6)      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ħames domanda[, d]an japplika biss, skont il-motivi tas-sentenza [tas-17 ta’ Mejju 1990,] Barber (C‑262/88[, Ġabra p. I-1889]), taħt il-kundizzjoni li l-ugwaljanza fit-trattament għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni [kumplimentari] tapplika biss għad-drittijiet miksuba mill-benefiċjarju mis-17 ta’ Mejju 1990?

    7)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li teżisti diskriminazzjoni diretta:

    a)      X’importanza għandha tingħata għall-fatt li kemm il-Liġi fundamentali […] kif ukoll id-dritt Komunitarju jimponu, minn naħa, li jiġi osservat il-prinċipju tat-trattament ugwali, iżda, min-naħa l-oħra, id-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprovdi li ż-żwieġ u l-familja jinsabu taħt il-protezzjoni speċjali tal-Istat, bis-saħħa tal-valur legali kostituzzjonali li huwa rikonoxxut espressament lilhom mill-Artikolu 6(1) tal-Liġi fundamentali?

    b)      Dispożizzjoni legali li hija direttament diskriminatorja tista’ tiġi ġġustifikata minkejja l-kliem tad-[D]irettiva [2000/78], għar-raġuni li hija għandha għan ieħor imħaddan mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru [kkonċernat] iżda mhux mid-dritt Komunitarju? F’dan il-każ, [dan] l-għan l-ieħor tad-dritt ta[’ dan ]l-Istat Membru jista’ sempliċement jieħu preċedenza fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali?

    ċ)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti[, abbażi ta’ liema kriterju legali jista’ jiġi deċiż kif, f’tali każ, għandu jinżamm il-bilanċ bejn il-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali u l-għan legali l-ieħor tad-dritt nazzjonali tal-[imsemmi S]tat Membru? Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu  2(2)(b) [ (19) ], (i) tad-direttiva [2000/78] dwar l-aċċettazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, jiġifieri li l-leġiżlazzjoni diskriminatorja għandha tkun oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u li l-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan il-għan għandhom ikunu xierqa u neċessarji, japplikaw ukoll f’dan ir-rigward?

    d)      Regola bħall-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità imposti mid-dritt Komunitarju, [id]definiti fir-risposta għad-domanda preċedenti? Hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet bis-sempliċi fatt li teżisti d-dispożizzjoni partikolari tad-dritt nazzjonali, li ma teżisti ebda dispożizzjoni bħalha fid-dritt Komunitarju, jiġifieri l-Artikolu 6(1) tal-Liġi fundamentali?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel żewġ domandi

    29      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandha tingħata risposta għalihom flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk pensjonijiet tal-irtirar kumplimentari bħal dawk imħallsa abbażi tal-ewwel RGG lill-ex impjegati tal-Freie und Hansestadt Hamburg u lis-superstiti tagħhom humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 2000/78 minħabba l-Artikolu 3(3) jew il-premessa 22 tad-direttiva msemmija.

    30      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-benefiċċji jikkostitwixxu remunerazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

    31      Qabel kollox, fir-rigward tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk il-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-direttiva msemmija “ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali” ifissirx li l-iskema inkwistjoni għandha, bħala skema pubblika, titqies li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija.

    32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) tagħha moqri flimkien mat-tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva, li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex meqjusa bħala remunerazzjoni skont it-tifsira mogħtija lil dan it-terminu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE u lanqas il-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula mill-Istat li għandhom bħala għan l-aċċess għall-impjieg jew iż-żamma tal-impjieg (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, Ġabra p. I-1757, punt 41).

    33      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li pensjoni tal-irtirar kumplimentari mħallsa minn skema pubblika u li tikkostitwixxi remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija.

    34      F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-premessa 22 tad-Direttiva 2000/78, li tgħid li “[d]in id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom”, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà adottat deċiżjoni fuq il-portata tagħha fil-punti 58 sa 60 tas-sentenza Maruko, iċċitata iktar ’il fuq.

    35      Hekk kif jirriżulta minn din is-sentenza, peress li pensjoni tal-irtirar kumplimentari bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ikkwalifikata bħala “paga” skont l-Artikolu 157 TFUE, u peress li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, il-premessa 22 tagħha ma tistax tpoġġi fid-dubju l-applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Maruko, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

    36      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda li saru għandha tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tagħha, la minħabba l-Artikolu 3(3) tagħha u lanqas minħabba l-premessa 22 tagħha, il-pensjonijiet tal-irtirar kumplimentari bħal dawk imħallsa lill-ex impjegati tal-Freie und Hansestadt Hamburg u lis-superstiti tagħhom abbażi tal-ewwel RGG, li jikkostitwixxu remunerazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

     Fuq it-tielet u s-seba’ domanda

    37      Permezz tat-tielet u tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, min-naħa waħda, jekk id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 1, 2 u 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludux dispożizzjoni bħall-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG, li abbażi tagħha l-pensjoni kumplimentari mħallsa lil benefiċjarju miżżewweġ hija iktar vantaġġjuża minn dik imħallsa lil benefiċjarju li kkonkluda sħubija ċivili rreġistrata ma’ persuna tal-istess sess, sa fejn tali dispożizzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, minħabba l-orjentazzjoni sesswali. Min-naħa l-oħra, din tixtieq tkun taf jekk, u f’liema ċirkustanzi, għan segwit minn Stat Membru bħall-protezzjoni taż-żwieġ, stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi fundamentali, jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni diretta minħabba l-orjentazzjoni sesswali.

    38      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni fuq l-istat ċivili tal-persuni tifforma parti mill-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, b’mod konformi mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tiġġieled, fl-impjieg u fix-xogħol, kontra ċerti tipi ta’ diskriminazzjoni, li fosthom hemm dawk ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali, bil-għan li timplementa, fl-Istati Membri, il-prinċipju tat-trattament ugwali.

    39      Skont l-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

    40      Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

    41      Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-direttiva msemmija, tippresupponi, fl-ewwel lok, li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma paragunabbli.

    42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mis-sentenza Maruko, iċċitata iktar ’il fuq (punti 67 sa 73), min-naħa waħda, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ dan il-karattru paragunabbli għandu jsir mhux b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat. Fil-fatt, f’din is-sentenza, li tirrigwarda r-rifjut tal-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti lis-sieħeb ċivili ta’ persuna affiljata ma’ skema ta’ previdenza professjonali li mietet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma wettqitx paragun globali taż-żwieġ u tal-sħubija ċivili rreġistrata fil-liġi Ġermaniża, iżda, ibbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-liġi Ġermaniża mwettqa mill-qorti li ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tgħid li fil-liġi Ġermaniża kienet teżisti approssimazzjoni progressiva tas-sistema implementata għal din is-sħubija ma’ dik applikabbli għaż-żwieġ, sabiex tenfasizza li s-sħubija msemmija hija paragunabbli maż-żwieġ f’dak li jikkonċerna l-pensjoni ta’ armla jew armel.

    43      Għalhekk, il-paragun tas-sitwazzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni ffokata fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-konjuġi miżżewġin u tal-imsieħba ċivili rreġistrati, hekk kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet interni applikabbli, li huma rilevanti b’kunsiderazzjoni tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u ma għandux jikkonsisti fil-verifika jekk id-dritt nazzjonali wettaqx assimilazzjoni legali ġenerali u kompleta tas-sħubija ċivili rreġistrata maż-żwieġ.

    44      F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mill-2001, is-sena meta daħlet fis-seħħ l-LPartG, fil-verżjoni inizjali tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja adattat is-sistema legali tagħha biex tippermetti lill-persuni tal-istess sess jgħixu f’unjoni ta’ assistenza u għajnuna ċivili kkostitwita formalment. Billi għażel li ma jippermettix li dawn il-persuni jiżżewġu, peress li ż-żwieġ baqa’ rriżervat biss għal persuni ta’ sess differenti, dan l-Istat Membru ħoloq sistema distinta għall-persuni tal-istess sess, l-isħubija ċivili rreġistrata, li l-kundizzjonijiet tagħha ġew progressivament assimilati ma’ dawk applikabbli għaż-żwieġ.

    45      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-emenda tal-LPartG bil-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2004 ikkontribwixxiet għall-approssimazzjoni progressiva tas-sistema adottata għall-isħubija ċivili ma’ dik applikabbli għaż-żwieġ. Skont din il-qorti, ma teżisti ebda differenza legali notevoli bejn dawn iż-żewġ stati ta’ persuni hekk kif inhuma mifhuma fis-sistema legali Ġermaniża. Id-differenza prinċipali sussistenti tinsab fil-fatt li ż-żwieġ jippresupponi li l-konjuġi jkunu ta’ sessi differenti, filwaqt li l-isħubija ċivili rreġistrata tippresupponi li l-imsieħba jkunu tal-istess sess.

    46      Diversament mill-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Maruko, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet pensjoni tas-superstiti, il-benefiċċju inkwistjoni f’din il-kawża prinċipali jikkonsisti fil-pensjoni tal-irtirar kumplimentari mħallsa mill-Freie und Hansestadt Hamburg lil wieħed mill-ex impjegati tagħha. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Hamburg inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux biss tippresupponi li l-benefiċjarju jkun miżżewweġ, iżda barra minn hekk tippresupponi li ma jkunx separat b’mod permanenti mill-konjuġi. Din hija intiża sabiex tikseb, matul l-aċċess għall-irtirar, dħul suplenti intiż favur il-persuna kkonċernata, iżda wkoll, b’mod indirett, favur il-persuni li jgħixu miegħu.

    47      F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm, ċertament, il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2004 saħħet, fuq ċertu numru ta’ punti preċiżi bħad-dritt għal pensjoni tas-superstiti, l-allinjament tal-istat legali tas-sħubija ċivili ma’ dak taż-żwieġ, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-verżjoni inizjali tagħha, l-LPartG kienet diġà tipprovdi, fl-Artikoli 2 u 5 tagħha, li l-imsieħba ċivili għandhom l-obbligi reċiproċi, min-naħa waħda, li jgħinu u li jassistu lil xulxin u, min-naħa l-oħra, li jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-bżonnijiet tal-komunità tas-sħubija permezz tax-xogħol u tal-patrimonju tagħhom, hekk kif inhu l-każ ukoll bejn il-konjuġi matul il-ħajja tagħhom flimkien.

    48      Isegwi li tali obbligi jorbtu, sa mid-dħul fis-seħħ tal-LPartG, lill-imsieħba ċivili l-istess bħall-konjuġi miżżewġin.

    49      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju ta’ trattament inqas favorevoli bbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pensjoni tal-irtirar kumplimentari ta’ J. Römer kienet tiżdied, b’applikazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 8(10) tal-ewwel RGG, kieku f’Ottubru 2001, huwa żżewweġ, minflok ma kkonkluda sħubija ċivili rreġistrata ma’ raġel.

    50      Issa, hekk kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan it-trattament iktar favorevoli ma kienx marbut la mad-dħul tal-partijiet fl-unjoni, la mal-eżistenza ta’ tfal, u lanqas ma’ fatturi oħra bħal dawk relattivi għall-bżonnijiet ekonomiċi tal-imsieħeb.

    51      Barra minn hekk, jidher li, matul il-ħajja professjonali tiegħu, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-persuna kkonċernata b’relazzjoni mal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienu bl-ebda mod ibbażati fuq l-istat ċivili tiegħu, peress li huwa kien marbut li jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-pensjoni billi jħallas kontribuzzjoni ugwali għal dik tal-kollegi miżżewġin tiegħu.

    52      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet u għas-seba’ domanda li saru għandha tkun li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 1, 2, u 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG, li abbażi tagħha benefiċjarju marbut fil-kuntest ta’ sħubija ċivili jirċievi pensjoni tal-irtirar kumplimentari f’ammont inferjuri għal dak mogħti lil benefiċjarju miżżewweġ u mhux separat b’mod permanenti, jekk

    –        fl-Istat Membru kkonċernat, iż-żwieġ huwa rriżervat għal persuni ta’ sess differenti u jeżisti flimkien ma’ sħubija ċivili bħal dik stabbilita mill-LPartG, li hija rriżervata għal persuni tal-istess sess, u

    –        teżisti diskriminazzjoni diretta abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, minħabba l-fatt li, fid-dritt nazzjonali, l-imsemmi msieħeb ċivili jinsab f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli ma’ dik ta’ persuna miżżewġa f’dak li jirrigwarda l-imsemmija pensjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà, u din għandha tkun iffokata fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-konjuġi u tal-persuni marbuta fi sħubija ċivili, hekk kif inhuma rregolati fil-kuntest tal-istituzzjonijiet korrispondenti, li huma rilevanti fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni.

     Fuq il-ħames domanda

    53      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-iżvantaġġ soffert minn benefiċjarju bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-persuna kkonċernata tistax titlob li tiġi ttrattata b’mod ugwali għall-benefiċjari miżżewġin li ma jkunux separati b’mod permanenti, u dan saħansitra qabel ma l-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG jiġi emendat sabiex isir kompatibbli ma’ dan id-dritt, sa fejn il-Freie und Hansestadt Hamburg ma hijiex persuna li timpjega li hija suġġetta għad-dritt privat, iżda kollettività lokali pubblika li taġixxi kemm fil-kwalità ta’ persuna li timpjega kif ukoll fil-kwalità ta’ leġiżlatur fir-rigward tad-dispożizzjoni msemmija.

    54      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, anki jekk tkun sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C‑314/08, Ġabra p. I-11049, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55      Barra minn hekk, meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti meħtieġa sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jistgħu jiġu invokati mill-individwi kontra l-Istat quddiem il-qorti nazzjonali, huma jistgħu jagħmlu dan tkun xi tkun il-kwalità li jaġixxi fiha l-Istat, jiġifieri bħala min iħaddem jew bħala awtorità pubblika (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09 Ġabra p. I-0000, punt 70).

    56      Minn dan isegwi li, fil-każ fejn dispożizzjoni bħall-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG tkun tikkostitwixxi diskriminazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, id-dritt għal trattament ugwali jista’ jiġi invokat minn individwu kontra kollettività lokali mingħajr ma jkollu jistenna li din id-dispożizzjoni titqiegħed f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur nazzjonali, fid-dawl tas-supremazija ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C-341/08, Ġabra p. I-00047, punt 81, u Georgiev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

    57      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi minn liema data għandu jiġi żgurat it-trattament ugwali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li fil-każ fejn tkun teżisti diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jkunx jista’ jibbenefika abbażi ta’ din id-direttiva mill-istess drittijiet bħall-benefiċjarji miżżewġin fir-rigward tal-pensjoni kumplimentari inkwistjoni fil-kawża prinċipali qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponuha.

    58      Fir-rigward ta’ dan it-terminu, għandu jiġi osservat li, għalkemm, hekk kif b’mod partikolari ġie kkonstatat fis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I-9981, punt 13), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet sabiex tibbenefika, b’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, minn terminu supplimentari ta’ tliet snin mit-2 ta’ Diċembru 2003 għat-traspożizzjoni tad-direttiva msemmija, din il-fakultà, hekk kif jirriżulta mit-termini tad-dispożizzjoni msemmija, kienet tikkonċerna biss id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-diżabbiltà. Konsegwentement, it-terminu mogħti għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali skada, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħall-Istati Membri l-oħra, fit-2 ta’ Diċembru 2003.

    59      Finalment, fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn ir-reġistrazzjoni tas-sħubija ċivili tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-15 ta’ Ottubru 2001, u l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva 2000/78 abbażi tal-Artikolu 13 KE u fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma tistabbilixxix fiha nnifisha l-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol, li jsib is-sors tiegħu f’diversi strumenti internazzjonali u fl-użanzi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iżda hija sempliċement intiża sabiex fir-rigward ta’ dawn l-istess oqsma tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet differenti, (ara s-sentenzi Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74, u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, Ġabra p. I-00365, punt 20), fosthom l-orjentazzjoni sesswali.

    60      Madankollu, sabiex il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali japplika f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li dan jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

    61      Issa, la l-Artikolu 13 KE u lanqas id-Direttiva 2000/78 ma jippermettu li mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi marbuta sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-perijodu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2008, Bartsch, C‑427/06, Ġabra p. I-7245, punti 16 u 18, kif ukoll Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    62      Fil-fatt, l-Artikolu 13 KE, li jippermetti lill-Kunsill li jieħu, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattat KE, il-miżuri xierqa biex jiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, ma jistax, bħala tali, iqiegħed fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għall-finijiet tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni ta’ dan it-tip, sitwazzjonijiet li, bħal fil-kawża prinċipali, ma kinux jidħlu fil-kuntest tal-miżuri adottati abbażi tal-artikolu msemmi, b’mod partikolari, fir-rigward tad-Direttiva 2000/78, qabel l-iskadenza tat-terminu li din tipprevedi għat-traspożizzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Bartsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

    63      Barra minn hekk, l-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG ma jikkostitwixxix miżura ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u lanqas ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li kien biss mal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva li din kellha l-effett li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-każwa prinċipali, li tikkonċerna qasam irregolat mid-direttiva msemmija, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza Bartsch, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17, 24 u 25).

    64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li, fil-każ fejn l-Artikolu 10(6) tal-ewwel RGG ikun jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, id-dritt għal trattament ugwali jkun jista’ jiġi invokat minn individwu bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali sa minn wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva msemmija, jiġifieri mit-3 ta’ Diċembru 2003, u dan mingħajr ma jkun hemm għalfejn li jiġi mistenni li d-dispożizzjoni msemmija titqiegħed f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur nazzjonali.

     Fuq ir-raba’ u s-sitt domanda

    65      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għat-tielet u l-ħames domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda li saret.

    66      Fir-rigward tas-sitt domanda, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda drittijiet għal pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-1 ta’ Novembru 2001, li fuqhom il-limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien tas-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, Ġabra p. I-1889) għall-perijodu wara s-17 ta’ Mejju 1990 ma jistax ikollha effett, minkejja l-fatt li l-kontribuzzjonijiet intiżi bħala support għal dawn id-drittijiet kienu tħallsu qabel id-data tas-sentenza msemmija. Barra minn hekk, la r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas il-Freie und Hansestadt Hamburg ma ssuġġerew xi limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti ta’ din is-sentenza, u ebda element imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li hemm lok li dan isir.

     Fuq l-ispejjeż

    67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tagħha, la minħabba l-Artikolu 3(3) tagħha u lanqas minħabba l-premessa 22 tagħha, il-pensjonijiet tal-irtirar kumplimentari bħal dawk imħallsa lill-ex impjegati tal-Freie und Hansestadt Hamburg u lis-superstiti tagħhom abbażi tal-liġi tal-Land ta’ Hamburg dwar il-pensjonijiet kumplimentari ta’ rtirar u tas-superstiti tal-impjegati tal-Freie und Hansestadt Hamburg (Erstes Ruhegeldgesetz der Freien und Hansestadt Hamburg), fil-verżjoni tagħha tat-30 ta’ Mejju 1995, li jikkostitwixxu remunerazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

    2)      Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 1, 2, u 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 10(6) tal-imsemmija liġi tal-Land ta’ Hamburg, li abbażi tagħha benefiċjarju marbut fil-kuntest ta’ sħubija ċivili jirċievi pensjoni tal-irtirar kumplimentari f’ammont inferjuri għal dak mogħti lil benefiċjarju miżżewweġ u mhux separat b’mod permanenti, jekk

    –        fl-Istat Membru kkonċernat, iż-żwieġ huwa rriżervat għal persuni ta’ sess differenti u jeżisti flimkien ma’ sħubija ċivili bħal dik stabbilita mil-liġi dwar l-isħubija ċivili rreġistrata (Gesetz über die Eingetragene Lebenspartnerschaft), tas-16 ta’ Frar 2001, li hija rriżervata għal persuni tal-istess sess, u

    –        teżisti diskriminazzjoni diretta abbażi tal-orjentazzjoni sesswali minħabba l-fatt li, fid-dritt nazzjonali, l-imsemmi sieħeb ċivili jinsab f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli ma’ dik ta’ persuna miżżewġa f’dak li jirrigwarda l-imsemmija pensjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà, u din għandha tkun iffokata fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-konjuġi u tal-persuni marbuta fi sħubija ċivili, hekk kif inhuma rregolati fil-kuntest tal-istituzzjonijiet korrispondenti, li huma rilevanti fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni.

    3)      Fil-każ fejn l-Artikolu 10(6) tal-liġi tal-Land ta’ Hamburg dwar il-pensjonijiet kumplimentari ta’ rtirar u tas-superstiti tal-impjegati tal-Freie und Hansestadt Hamburg fil-verżjoni tagħha tat-30 ta’ Mejju 1995 ikun jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, id-dritt għal trattament ugwali jkun jista’ jiġi invokat minn individwu bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali sa minn wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva msemmija, jiġifieri mit-3 ta’ Diċembru 2003, u dan mingħajr ma jkun hemm għalfejn li jiġi mistenni li d-dispożizzjoni msemmija titqiegħed f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur nazzjonali.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top