Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0132

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-30 ta' April 2009.
    Lidl Magyarország Kereskedelmi bt vs Nemzeti Hírközlési Hatóság Tanácsa.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Fővárosi Bíróság - l-Ungerija.
    Moviment liberu tal-merkanzija - Tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni - Rikonoxximent reċiproku tal-konformità - Nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa mill-produttur stabbilit fi Stat Membru ieħor.
    Kawża C-132/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:281

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    30 ta’ April 2009 ( *1 )

    “Moviment liberu tal-merkanzija — Tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet — Rikonoxximent reċiproku tal-konformità — Nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa mill-produttur stabbilit fi Stat Membru ieħor”

    Fil-Kawża C-132/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2008, fil-proċedura

    Lidl Magyarország Kereskedelmi bt

    vs

    Nemzeti Hírközlési Hatóság Tanácsa,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Lidl Magyarország Kereskedelmi bt, minn R. Kölcsey-Rieden, ügyvéd,

    għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u A. Sipos, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 254), u tad-Direttiva 2001/95 /KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2001, dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447), u tal-Artikolu 30 KE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Lidl Magyarország Kereskedelmi bt (iktar ’il quddiem “Lidl”) u Nemzeti Hírközlési Hatóság Tanácsa (il-Kunsill tal-Awtorità tal-Komunikazzjoni Ungeriża, iktar ’il quddiem il-“Hatóság”), dwar ir-rifjut minn dan tal-aħħar li jawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni minn Lidl, fl-Ungerija, ta’ tagħmir tar-radju mmanifatturat minn kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Belġju.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt Komunitarju

    Id-Direttiva 1999/5

    3

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/5 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tqegħid fis-suq, moviment liberu u tqegħid fis-servizz fil-Komunità ta’ tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni.”

    4

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/5:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva t-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    a)

    ‘apparat’ tfisser kull tagħmir li huwa jew tagħmir tar-radju jew tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni jew it-tnejn;

    […]

    ċ)

    ‘tagħmir tar-radju’ tfisser prodott jew komponent relivanti [rilevanti] tiegħu, kapaċi għall-komunikazzjoni bil-mezz ta’ emissjoni u/jew riċeviment ta’ mewġ tar-radju li jutilizza l-ispettru allokat għal radjukomunikazzjoni terrestrija/spazjali;

    d)

    ‘mewġ tar-radju’ tfisser mewġ elettromanjetiku ta’ frekwenzi minn 9 kHz sa 3000 GHz, propagat fl-ispazju mingħajr gwida artifiċjali;

    […]”

    5

    Fir-rigward tal-ħtiġijiet essenzjali dwar sigurtà li għandu jissodisfa l-apparat, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Il-ħtiġijiet essenzjali li ġejjin japplikaw għall-apparat kollu:

    a)

    il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dak li juża u ta’ kull persuna oħra, inklużi l-għanijiet dwar il-ħtiġijiet ta’ sigurtà li jinsabu fid-Direttiva 73/23/KEE, iżda mingħajr l-applikazzjoni ta’ limitu [minimu] ta’ vultaġġ;

    b)

    il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni dwar kompatibilità elettromanjetika li jinsabu fid-Direttiva 89/336/KEE.”

    6

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/5 jistabbilixxi:

    “1.   Fejn l-apparat jilħaq l-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet tiegħu [tagħhom] […] l-Istati Membri għandhom jippreżumu l-konformità ma’ dawk tal-ħtiġijiet essenziali [l-konformità tiegħu mal-ħtġijiet essenzjali] imsemmija f’Artikolu 3 billi huma koperti bl-imsemmija standards armonizzati jew partijiet tagħhom.

    2.   Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jikkonsidraw li l-konformità ma’ standard armonizzat ma jiżgurax [tiżgurax] konformità mal-ħtiġijiet essenzjali imsemmija f’Artikolu 3 li l-imsemmi standard huwa maħsub li jkopri, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru konċernat għandu jġib il-kwistjoni quddiem il-[Kumitat għall-evalwazzjoni tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet].

    3.   […] Wara konsultazzjoni mal-kumitat […], il-Kummissjoni tista’ tirtira l-istandards armonizzati bil-pubblikazzjoni ta’ avviz fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew [Ewropej].”

    7

    L-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 1999/5 jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appart [apparat] jitqiegħed fis-suq biss jekk ikun jikkonforma mal-ħtiġijiet essenzjali xierqa identificati [identifikati] f’Artikolu 3 u d-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti ta’ din id-Direttiva meta jkun stallat u miżmum kif jixraq u wżat għall-għan maħsub. M’għandux ikun suġġett għal aktar dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tqegħid fis-suq.

    […]

    4.   Fil-każ ta’ tagħmir tar-radju li juża firxiet ta’ frekwenza li l-użu tagħhom, mhux armonizzati mal-Komunità kollha, il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jew il-persuna responsabbli għat-tqegħid tat-tagħmir fis-suq għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali responsabbli fl-Istat Membru relevanti għall-immaniġġar ta’ l-ispettru bil-ħsieb li jqiegħed dak it-tagħmir fis-suq nazzjonali tiegħu.

    Din in-notifikazzjoni għandha tingħata mhux anqs [anqas] minn erba’ ġimgħat bil-quddiem mill-bidu tat-tqegħid fis-suq u għandha tipprovdi tagħrif dwar il-karatteristiċi tar-radju u t-tagħmir […] u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat imsemmi f’Anness IV jew V.”

    8

    Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 1999/5:

    “L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ma jħallux t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz fuq it-territorju tagħhom apparat li jġorr il-marka CE imsemmija f’Anness VII, li tindika l-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva […]. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal Artikoli 6(4), 7(2) u 9(5). ”

    9

    F’dak li jikkonċerna l-marka “CE” ta’ konformità, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5 jistabbilixxi:

    “Apparat li jikkonforma mal-ħtiġijiet rilevanti essenzjali għandu jġorr il-marka ta’ konformità CE imsemmija f’Anness VII. Għandha titwaħħal fuq responsabbiltà tal-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fil-Komunità jew il-persuna responsabbli għat-tqegħid ta’ l-apparat fis-suq.”

    Id-Direttiva 2001/95

    10

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/95 jiddefinixxi l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

    “1.   Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiżgura illi l-prodotti mqiegħda fis-suq ikunu ta’ sigurtà.

    2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti kollha ddefiniti fl-Artikolu 2(a). Kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha tapplika safejn u sakemm ma jkun hemm l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi bl-istess mira fir-regoli tal-liġijiet Komunitarji li jirregolaw is-sigurtà tal-prodotti interessati.

    Meta l-prodotti jkunu bla ħsara għall-ħtiġiet speċifiċi tas-sigurtà imposti bil-leġislazzjoni Komunitarja, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-aspetti u r-riskji jew il-kategoriji tar-riskji mhux koperti b’dawn il-ħtiġiet. […]”

    11

    L-Artikolu 2(a)(e) u (f) tad-Direttiva 2001/95 jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    a)

    ‘prodott’ għandu jfisser kull prodott — inkluż fil-kuntest tal-provvediment ta’ servizz — li huwa maħsub għall-konsumaturi jew x’aktarx, taħt kondizzjonijiet previsti b’mod raġjonevoli, sabiex jiġi wżat mill-konsumaturi saħansitra jekk mhux maħsub għalihom, u li jiġi fornit jew magħmul disponibbli, sewwa jekk bil-flus u sewwa jekk le, fil-kors ta’ attività kummerċjali, u jekk ġdid, użat jew ikkondizzjonat mill-ġdid.

    […]

    e)

    ‘produttur’ għandu jfisser:

    i)

    il-fabbrikant tal-prodott, meta jkun stabbilit fil-Komunità, u kull persuna oħra li tippreżenta lilha nfisha bħala fabbrikant billi mal-prodott tiegħu iwaħħal l-isem, l-isem kummerċjali jew marka oħra distintiva, jew il-persuna li tikkondizzjona l-prodott mill-ġdid;

    ii)

    ir-rappreżentant tal-fabbrikant, meta l-fabbrikant ma jkunx stabbilit fil-Komunità jew, jekk ma jkunx hemm rappreżentant stabbilit fil-Komunità, l-importatur tal-prodott;

    iii)

    professjonisti oħra fil-katina tal-provvista, safejn u sakemm l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaffettwaw il-proprjetajiet tas-sigurtà ta’ prodott;

    f)

    ‘distributur’ għandu jfisser kull professjonist fil-katina tal-provvista li l-attività tiegħu tista’ taffettwa l-proprjetajiet tas-sigurtà ta’ prodott”.

    12

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/95:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-produtturi u d-distributuri jħarsu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva hekk illi l-prodotti mqiegħda fis-suq ikunu ta’ sigurtà.”

    13

    L-ewwel u tieni subparagrafi tal-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva jistabbilixxu:

    “Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jieħdu l-miżuri bħal dawk ipprovvduti fil-paragrafu 1, b’mod partikolari dawk riferiti mid-(d) sa l-(f), [huma] għandhom jaġixxu skond it-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 30 tiegħu, hekk illi jimplimentaw il-miżuri f’manjiera pproporzjonata mal-gravità tar-riskju, u filwaqt li jqisu kif mistħoqq il-prinċipju prekawzjonarju.

    F’dan il-kuntest, [huma] għandhom jinkoraġġixxu u jippromwovu l-azzjoni volontarja mill-produtturi u mid-distributuri, skond l-obbligi responsabbli minnhom skond din id-Direttiva, u b’mod partikolari l-Kapitolu III tagħha, inkluż meta applikabbli bl-iżvilupp tal-kodiċijiet tal-prattika t-tajba.”

    Id-dritt nazzjonali

    14

    Skont il-punt 32 tal-Artikolu 188 tal-Liġi Nru C. tal-2003, dwar il-komunikazzjoni elettronika (2003. évi C. törvény az elektronikus hírközlésről):

    “Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

    […]

    32.

    ‘produttur’ ifisser kull entità ekonomika responsabbli għall-ħolqien, għall-produzzjoni, għall-ippakkjar, għall-immarkar, għat-tqegħid fil-kummerċ tat-tagħmir, indipendentement mill-kwistjoni jekk hija twettaqx dawn ix-xogħlijiet f’isimha jew f’isem ħaddieħor. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll bħala produttur min jagħmel tibdil jew żidiet fuq tagħmir eżistenti, għall-finijiet tat-tqegħid fil-kummerċ tiegħu, li jkollhom effett fuq il-karatteristiċi essenzjali tiegħu jew min jipproduċi tagħmir ġdid minn tagħmir eżistenti. Jekk l-uffiċċju rreġistrat tal-produttur ma jkunx jinsab fl-Ungerija, l-importatur tal-apparat jiġi kkunsidrat bħala l-produttur tiegħu.”

    15

    Skont l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Nru 5/2004 (IV.13.) IHM tal-Ministeru tal-Informatika u tal-Komunikazzjonijiet, dwar it-tagħmir tar-radju u t-tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni, kif ukoll dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom [5/2004. (IV. 13.) IHM rendelet a rádióberendezésekről és az elektronikus hírközlő végberendezésekről, valamint megfelelőségük kölcsönös elismeréséről], “taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi digriet fl-Ungerija, barra l-Awtorità tal-Komunikazzjoni Ungeriża, kull persuna fiżika jew ġuridika jew kull entità li ma għandhiex personalità ġuridika, kif ukoll kull kumpannija sussidjarja jew rappreżentanza fl-Ungerija ta’ impriża li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab barra mill-pajjiż, li timmanifattura, timporta, tqiegħed fil-kummerċ (iktar ’il quddiem imsejħa globalment “produttur”), tqassam, tiċċertifika, tpoġġi fis-servizz, u tuża t-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1”.

    16

    Skont l-Artikolu 4(4) ta’ dan id-digriet, meta tagħmir tar-radju juża frekwenza jew firxa ta’ frekwenzi mhux armonizzati fl-Unjoni Ewropea, il-produttur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet partikolari stabbiliti f’dan ir-rigward, bl-intenzjoni tiegħu li jikkummerċjalizza fl-Ungerija t-tagħmir inkwistjoni.

    17

    Dan għandu, skont l-Artikolu 10(6) tal-imsemmi digriet, “jagħmel dikjarazzjoni ta’ konformità tat-tagħmir mal-ħtiġijiet essenzjali. Għall-finijiet tat-tqegħid fil-kummerċ ta’ apparat immanifatturat fl-Ungerija, għandha ssir dikjarazzjoni ta’ konformità miktuba bil-lingwa Ungeriża jew f’lingwi oħra inkluż l-Ungeriż. Meta l-apparat ma jkunx immanifatturat fl-Ungerija, id-dikjarazzjoni tista’ ssir f’lingwa uffiċjali ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti sostanzjali dwar id-dikjarazzjoni ta’ konformità jidhru fl-Anness 6”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Lidl tikkummerċjalizza, fl-Ungerija, it-tagħmir tar-radju tat-tip “UC Babytalker 500”, immanifatturat minn kumpannija Belġjana li tat lil dan it-tagħmir il-marka “CE” u li ħarġet dikjarazzjoni ta’ konformità għal dan il-prodott. Dan it-tagħmir juża frekwenza mhux armonizzata.

    19

    Wara investigazzjoni fl-2007 f’post ta’ bejgħ ta’ Lidl, il-Hatóság ikkonstata li l-imsemmi tagħmir ma kienx jissodisfa d-dikjarazzjoni ta’ konformità prevista mil-leġiżlazzjoni Ungeriża. Għalhekk, huwa pprojbixxa lil Lidl milli tikkummerċjalizza t-tagħmir inkwistjoni sakemm tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa skont id-dritt Ungeriż, peress li Lidl għandha, skontu, tiġi kkunsidrata bħala produttur ta’ tagħmir peress li hija tqiegħdhom fis-suq fl-Ungerija.

    20

    Peress li l-Hatóság ma aċċettax id-dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa mill-produttur Belġjan, Lidl ressqet kawża kontra d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni fejn talbet l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

    21

    Peress li kkunsidrat li l-prodott ikkonċernat seta’, skont id-direttivi Komunitarji applikabbli, jiġi kkummerċjalizzat fl-Istati Membri kollha, il-Fővárosi Bíróság, fid-dawl tal-opinjoni kuntrarja espressa mill-konvenut fil-kawża prinċipali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva [1999/5] jista’ jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni dwar il-moviment liberu ta’ tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem it-‘tagħmir’) ma tippermettix li jiġu imposti obbligi addizzjonali sabiex jitqiegħed fil-kummerċ tagħmir li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u li fuqu prodottur li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor ikun għamel il-marka ‘CE’?

    2)

    Fir-rigward tal-obbligi dwar il-kummerċjalizzazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(e) u (f) tad-Direttiva [2001/95/KE] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-entità li tqiegħed fil-kummerċ it-tagħmir fi Stat Membru (mingħajr ma kellha xi sehem fil-manifattura tiegħu) u li l-uffiċċju rreġistrat tagħha ma jinsabx fl-istess Stat Membru bħal dak tal-produttur tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala produttur?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(e)(i), (ii) u (iii) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva [2001/95] jistgħu jiġu interpetati fis-sens li d-distributur (li mhuwiex il-produttur) ta’ tagħmir immanifatturat fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi obbligat joħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità li tinkludi l-informazzjoni teknika dwar it-tagħmir inkwistjoni?

    4)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(e)(i), (ii) u (iii) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva [2001/95] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li entità li hija responsabbli biss mill-kummerċalizzazzjoni fi Stat Membru fejn jinsab ukoll l-uffiċċju rreġistrat tagħha tista’ titqies ukoll bħala produttur ta’ tagħmir ikkummerċjalizzat, meta l-attività tad-distributur inkwistjoni m’għandhiex effett fuq il-karatteristiċi ta’ sigurtà tat-tagħmir?

    5)

    L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva [2001/95] jista’ jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli li d-distributur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jiġi obbligat ukoll jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti applikabbli fi kwalunkwe każ għall-produttur biss fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, pereżempju li joħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità li tinkludi l-informazzjoni teknika dwar it-tagħmir inkwistjoni?

    6)

    Huwa possibbli li, fuq l-Artikolu 30 [KE] u/jew fuq wieħed mir-rekwiżiti imperattivi tiġi bbażata eċċezzjoni għall-formula li ħarġet mis-sentenza [tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837] fid-dawl ukoll tar-rekwiżiti relatati mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ rikonoxximent reċiproku marbuta magħha?

    7)

    L-Artikolu 30 [KE] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kull restrizzjoni għall-importazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ merkanzija li tinsab fi tranżitu għal motivi distinti minn dawk li hemm imsemmija f’dan l-artikolu?

    8)

    Il-marka ‘CE’ tissodisfa l-prinċipji ta’ ekwivalenza u/jew ta’ rikonoxximent reċiproku, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 30 [KE]?

    9)

    Il-marka ‘CE’ tista’ tiġi interpretata fis-sens li, meta t-tagħmir ikollu l-marka ‘CE’, l-Istati Membri ma jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ ebda regola teknika jew ta’ kwalità oħra għat-tagħmir inkwistjoni?

    10)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [2001/95] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, il-produttur u d-distributur jistgħu jiġu kkunsidrati bħala suġġetti għal obbligi analogi, meta l-produttur ma jikkummerċjalizzax il-prodotti inkwistjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/5

    22

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk Stat Membru jistax, skont id-Direttiva 1999/5, jirrikjedi li operatur li jqiegħed tagħmir tar-radju fis-suq nazzjonali għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità anki jekk il-produttur tal-imsemmi tagħmir, li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor, ikun għamel il-marka “CE” fuq dan it-tagħmir, u jkun ħareġ dikjarazzjoni ta’ konformità għal dan il-prodott.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 1999/5, li tistabbilixxi qafas leġiżlattiv għat-tqegħid fis-suq, għall-moviment liberu u għat-tqegħid fis-servizz fil-Komunità ta’ tagħmir tar-radju, fiha, fl-Artikoli 6, 8, u 12 tagħha, ir-regoli rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    24

    L-Artikolu 6 u 8 ta’ din id-direttiva jiżguraw il-moviment liberu tal-apparat li jissodisfa d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 50).

    25

    Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 1999/5, li l-apparat jitqiegħed fis-suq biss jekk ikun konformi mal-ħtiġijiet essenzjali msemmija f’din id-direttiva, skont it-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, huma ma għandhomx jissuġġetaw dan l-apparat għal iktar ħtiġijiet nazzjonali fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(1) ta’ din l-istess direttiva, huma ma għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq fit-territoru tagħhom ta’ apparat li jkollu l-marka “CE”.

    26

    Fil-fatt, id-Direttiva 1999/5 tagħti preżunzjoni ta’ konformità lill-apparat li jkollu l-marka “CE”. Din il-marka tindika l-konformità tal-imsemmi apparat mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva, fosthom il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità tiegħu kif previsti mill-imsemmija direttiva (ara s-sentenza ATRAL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    27

    F’din l-iskema, il-marka “CE” hija, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5, imwaħħla fuq ir-responsabbiltà tal-manifattur, tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu fil-Komunità jew inkella tal-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq.

    28

    Għalhekk, il-prodotti mmarkati “CE” jistgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr ma jkunu suġġetti għal mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATRAL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52) jew għal xi proċedura oħra intiża li timmultiplika n-numru ta’ persuni li għandhom iwaħħlu l-marka ta’ konformità.

    29

    L-Istati Membri huma għalhekk obbligati, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6(4), 7(2) u 9(5) tad-Direttiva 1999/5, jirrikonoxxu l-marka “CE” mwaħħla minn waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva. Jekk waħda minn dawn il-persuni tiġi obbligata tipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità għal tagħmir tar-radju li fuqu diġà twaħħlet il-marka “CE” minn waħda mill-persuni l-oħra msemmija fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5, ikun qiegħed jiġi mfixkel it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott billi jkun qiegħed jiġi sottomess għal ħtiġijiet oħra barra dawk previsti mid-Direttiva 1999/5.

    30

    Minn dan isegwi li d-Direttiva 1999/5 tipprekludi regoli nazzjonali li, fil-qasam armonizzat minn din id-direttiva, jobbligaw lill-persuni responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott immarkat “CE” u li jkollu dikjarazzjoni ta’ konformità maħruġa mill-produttur sabiex jipprovdu wkoll dikjarazzjoni ta’ konformità.

    31

    Il-fatt li l-produttur li kien waħħal il-marka “CE” jinsab fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq ma għandu ebda impatt fuq din l-evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, meta tirreferi għall-moviment liberu ta’ tagħmir tar-radju u għar-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tiegħu, id-Direttiva 1999/5 tkopri preċiżament din is-sitwazzjoni.

    32

    Barra minn hekk, il-fatt li t-tagħmir ikkonċernat fil-kawża prinċipali juża frekwenza mhux armonizzata lanqas ma jista’, fid-dawl tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 1999/5, ibiddel din l-evalwazzjoni. Ir-regola proċedurali stabilita f’din id-dispożizzjoni timponi biss fuq il-produttur jew fuq ir-rappreżentant tiegħu li jinsab fil-Komunità jew fuq il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq l-obbligu li jinformaw lill-awtorità nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-frekwenzi bl-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw dan it-tagħmir fis-suq nazzjonali tagħha. Għalkemm din ir-regola proċedurali hija intiża li tikkumplementa l-implementazzjoni tal-mekkaniżmi tad-Direttiva 1999/5 fid-dritt nazzjonali, din ir-regola ta’ proċedura b’ebda mod ma tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jimponu kundizzjonijiet jew li jillimitaw il-projbizzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 1999/5 (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2002, Radiosistemi, C-388/00 u C-429/00, Ġabra p. I-5845, punt 53).

    33

    Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Istati Membri ma jistgħux, skont id-Direttiva 1999/5, jirrikjedu li persuna li tqiegħed tagħmir tar-radju fuq is-suq tipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità anki jekk il-produttur ta’ dan it-tagħmir, li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, iwaħħal il-marka “CE” fuqu u jkun ħareġ dikjarazzjoni ta’ konformità għal dan il-prodott.

    Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/95

    34

    Permezz tat-tieni sal-ħames domandi u tal-għaxar domanda tagħha, li għandhom jiġu trattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk distributur ta’ tagħmir tar-radju jistax, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/95, jiġi kkunsidrat bħala l-produttur ta’ dan il-prodott mingħajr ma jkun ħa sehem fil-produzzjoni u mingħajr ma l-attività tiegħu jkollha impatt fuq il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-prodott, u jekk jistax jiġi obbligat joħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità li tinkludi l-informazzjoni teknika dwar it-tagħmir tar-radju inkwistjoni jew jekk jistax jiġi suġġett għal obbligi li jaqgħu fuq il-produttur, meta dan ma jikkummerċjalizzax il-prodotti inkwistjoni.

    35

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2001/95 ma tapplikax, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, meta jkun hemm leġiżlazzjoni Komunitarji speċifika li tirregola s-sigurtà tal-prodotti kkonċernati u li jkollha l-istess għan.

    36

    Kif isostnu essenzjalment, b’mod partikolari, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, id-Direttiva 1999/5 tikkostitwixxi tali leġiżlazzjoni speċifika fejn tidħol id-dikjarazzjoni ta’ konformità tat-tagħmir tar-radju.

    37

    B’hekk, id-Direttiva 2001/95, u d-definizzjonijiet tat-termini “produttur” u “distributur” li jinsabu fl-Artikolu 2(e) u (f) tagħha, ma japplikawx sa fejn il-kwistjoni hawnhekk tikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ domandi marbuta mal-obbligu ta’ persuna li tipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ tagħmir tar-radju.

    38

    Sa fejn il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk Stat Membru jistax jimponi fuq tali distributur obbligi li normalment jaqgħu fuq il-produtturi u li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/95, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fihx indikazzjonijiet dwar obbligi oħra barra l-obbligu tad-distributuri ta’ tagħmir tar-radju fl-Ungerija li jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ konformità.

    39

    Fi kwalunkwe każ, sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi speċifiċi li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/95, għandu jiġi kkonstatat li persuna li tikkummerċjalizza prodott tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-produttur ta’ dan il-prodott fil-kundizzjonijiet biss iddefiniti minn din id-direttiva fl-Artikolu 2(e) tagħha u bħala d-distributur ta’ dan il-prodott fil-kundizzjonijiet biss iddefiniti mill-imsemmi Artikolu 2(f). Il-produttur u d-distributur jistgħu jiġu marbuta biss bl-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/95 għal kull wieħed minnhom rispettivament.

    40

    Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni sal-ħames domandi u għall-għaxar domanda hija li d-Direttiva 2001/95 ma tistax tapplika sa fejn il-kwistjoni hawnhekk tikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ domandi marbuta mal-obbligu ta’ persuna li tipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ tagħmir tar-radju. Fir-rigward tas-setgħa tal-Istati Membri li jimponu, skont id-Direttiva 2001/95, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ tagħmir tar-radju, obbligi oħra barra l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità, persuna li tikkummerċjalizza prodott tista’ tiġi kkunsidrata, minn naħa, bħala l-produttur ta’ dan il-prodott fil-kundizzjonijiet biss iddefiniti minn din id-direttiva stess fl-Artikolu 2(e) tagħha u, min-naħa l-oħra, bħala d-distributur ta’ dan il-prodott fil-kundizzjonijiet biss iddefiniti mill-imsemmi Artikolu 2(f). Il-produttur u d-distributur jistgħu jiġu marbuta biss bl-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/95 għal kull wieħed minnhom rispettivament.

    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 KE

    41

    Is-sitt sad-disa’ domandi, li għandhom jiġu trattati flimkien, jirrigwardaw ġustifikazzjonijiet eventwali li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru insostenn ta’ xkiel għall-moviment liberu ta’ tagħmir tar-radju li jkollu l-marka ta’ konformità “CE” u l-intepretazzjoni tal-Artikolu 30 KE.

    42

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif targumenta b’mod partikolari l-Kummissjoni, meta kwistjoni tkun irregolata b’mod armonizzat fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali li għandha x’taqsam magħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 KE u 30 KE (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Fir-rigward tal-obbligu li tiġi pprovduta dikjarazzjoni ta’ konformità għal tagħmir tar-radju, id-Direttiva 1999/5 għandha leġiżlazzjonijiet speċifiċi. Mill-formulazzjoni u mill-għan ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija mmirata sabiex tintroduċi armonizzazzjoni sħiħa fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li, fl-oqsma li jaqgħu taħt din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw għal kollox magħha u ma jistgħux iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji (ara s-sentenza ATRAL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

    44

    Il-moviment liberu tal-apparat kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/5, li huwa preżunt li huwa konformi mal-ħtiġijiet essenzjali u b’hekk mar-regoli ta’ sigurtà identifikati minnha, jista’ jiġi mfixkel biss fil-kundizzjonijiet previsti f’din id-direttiva stess. Meta Stat Membru jikkunsidra li l-konformità ma’ standard armonizzat ma tiggarantixxix ir-rispett tal-ħtiġijiet essenzjali previsti mill-imsemmija direttiva li dan l-istandard huwa preżunt li jkopri, dan l-Istat Membru jista’, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, iressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat. Fil-każ ta’ nuqqasijiet fl-istandards armonizzati meta mqabbla mal-ħtiġijiet essenzjali, dawn l-istandards jistgħu jiġu rtirati biss skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/5. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema implementata mid-Direttiva 1999/5 tiżgura r-rispett tal-ħtiġijiet essenzjali identifikati mill-imsemmija direttiva.

    45

    Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, fil-każ li Stat Membru jinvoka, insostenn ta’ restrizzjoni, motivi li ma jkunux marbuta mal-qasam armonizzat mid-Direttiva 1999/5, huwa jista’ jirreferi għall-Artikolu 30 KE. F’dan il-każ, l-Istat Membru jista’ jinvoka biss waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali ddefiniti fl-Artikolu 30 KE jew wieħed mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon”, 120/78, Ġabra p. 649, punt 8). Fiż-żewġ każijiet, ir-restrizzjoni għandha tkun ta’ natura adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Radiosistemi, punt 42, u ATRAL, punt 64).

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lis-sitt sad-disa’ domandi hija li, meta kwistjoni tkun irregolata b’mod armonizzat fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali li għandha x’taqsam magħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 KE u 30 KE. Fl-oqsma li jaqgħu taħt id-Direttiva 1999/5, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw għal kollox mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u ma jistgħux iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji. Meta Stat Membru jikkunsidra li l-konformità ma’ standard armonizzat ma tiggarantixxix ir-rispett tal-ħtiġijiet essenzjali previsti mid-Direttiva 1999/5 li dan l-istandard huwa preżunt li jkopri, dan l-Istat Membru huwa obbligat isegwi l-proċedura prevista mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Mill-banda l-oħra, Stat Membru jista’ jinvoka, insostenn ta’ restrizzjoni, motivi li ma jkunux marbuta mal-qasam armonizzat mid-Direttiva 1999/5. F’dan il-każ, l-Istat Membru jista’ jinvoka biss ir-raġunijiet iddefiniti fl-Artikolu 30 KE jew rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali.

    Fuq l-ispejjeż

    47

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Istati Membri ma jistgħux, skont id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom, jirrikjedu li persuna li tqiegħed tagħmir tar-radju fuq is-suq tipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità anki jekk il-produttur ta’ dan it-tagħmir, li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, iwaħħal il-marka “CE” fuqu u jkun ħareġ dikjarazzjoni ta’ konformità għal dan il-prodott.

     

    2)

    Id-Direttiva 2001/95 /KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2001, dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, ma tistax tapplika sa fejn il-kwistjoni hawnhekk tikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ domandi marbuta mal-obbligu ta’ persuna li tipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ tagħmir tar-radju. Fir-rigward tas-setgħa tal-Istati Membri li jimponu, skont id-Direttiva 2001/95, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ tagħmir tar-radju, obbligi oħra barra l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità, persuna li tikkummerċjalizza prodott tista’ tiġi kkunsidrata, minn naħa, bħala l-produttur ta’ dan il-prodott fil-kundizzjonijiet biss iddefiniti minn din id-direttiva stess fl-Artikolu 2(e) tagħha u, min-naħa l-oħra, bħala d-distributur ta’ dan il-prodott fil-kundizzjonijiet biss iddefiniti mill-imsemmi Artikolu 2(f). Il-produttur u d-distributur jistgħu jiġu marbuta biss bl-obbligi previsti mid-Direttiva 2001/95 għal kull wieħed minnhom rispettivament.

     

    3)

    Meta kwistjoni tkun irregolata b’mod armonizzat fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali li għandha x’taqsam magħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 KE u 30 KE. Fl-oqsma li jaqgħu taħt id-Direttiva 1999/5/KE, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw għal kollox mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u ma jistgħux iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji. Meta Stat Membru jikkunsidra li l-konformità ma’ standard armonizzat ma tiggarantixxix ir-rispett tal-ħtiġijiet essenzjali previsti mid-Direttiva 1999/5 li dan l-istandard huwa preżunt li jkopri, dan l-Istat Membru huwa obbligat isegwi l-proċedura prevista mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Mill-banda l-oħra, Stat Membru jista’ jinvoka, insostenn ta’ restrizzjoni, motivi li ma jkunux marbuta mal-qasam armonizzat mid-Direttiva 1999/5. F’dan il-każ, l-Istat Membru jista’ jinvoka biss ir-raġunijiet iddefiniti fl-Artikolu 30 KE jew rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top