Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0097

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-10 ta' Settembru 2009.
Akzo Nobel NV et. vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Kompetizzjoni - Akkordji - Artikolu 81(1) KE - Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE - Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 - Grupp ta’ impriżi - Imputabbiltà tal-ksur - Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mill-kumpanniji sussidjarji tagħha - Influwenza deċiżiva eżerċitata mill-kumpannija parent - Preżunzjoni juris tantum fil-każ ta’ proprjetà tal-ishma kollha.
Kawża C-97/08 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08237

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:536

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81(1) KE — Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE — Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Grupp ta’ impriżi — Imputabbiltà tal-ksur — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha — Influwenza deċiżiva eżerċitata mill-kumpannija parent — Preżunzjoni juris tantum fil-każ ta’ ishma miżmuma 100%”

Fil-Kawża C-97/08 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2008,

Akzo Nobel NV, stabbilita f’Arnhem (l-Olanda),

Akzo Nobel Nederland BV, stabbilita f’Arnhem,

Akzo Nobel Chemicals International BV, stabbilita f’Amersfoort (l-Olanda),

Akzo Nobel Chemicals BV, stabbilita f’Amersfoort,

Akzo Nobel Functional Chemicals BV, stabbilita f’Amersfoort,

irrappreżentati minn C. Swaak, M. van der Woude u M. Mollica, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J.N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kakott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali matul is-seduta tat-23 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Akzo Nobel NV (iktar ’il quddiem “Akzo Nobel”), Akzo Nobel Nederland BV (iktar ’il quddiem “Akzo Nobel Nederland”), Akzo Nobel Chemicals International BV (iktar ’il quddiem “Akzo Nobel Chemicals International”), Akzo Nobel Chemicals BV (iktar ’il quddiem “Akzo Nobel Chemicals”) u Akzo Nobel Functional Chemicals BV (iktar ’il quddiem “Akzo Nobel Functional Chemicals”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (T-112/05, Ġabra p. II-5049, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/566/KE, tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ C.37.533 — klorur tal-kolin) (ĠU 2005, L 190, p. 22, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2

F’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni akkużat lid-destinatarji bi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

3

Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3):

“Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10% tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza:

a)

dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, jew

[…]”

4

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205), jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat; jew

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni tal-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10% tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li għalihom tirreferi l-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, il-fatti li wasslu għall-kawża huma s-segwenti.

6

Wara li rċeviet, f’April 1999, talba sabiex jiġu applikati miżuri ta’ klemenza min-naħa ta’ produttur Amerikan, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fuq livell dinji tas-settur tal-klorur tal-kolin. Din l-investigazzjoni kopriet il-perijodu ta’ bejn l-1992 u t-tmiem tal-1998.

7

Il-klorur tal-kolin jifforma parti mill-grupp ta’ vitamini idrosolubbli B kumplessi (vitamina B 4). Dan huwa prinċipalment użat fl-industrija tal-alimentazzjoni tal-annimali bħala aditiv alimentari. Minbarra l-produtturi, is-suq tal-klorur tal-kolin jirrigwarda, minn naħa, il-konvertituri, li jixtru l-prodott mingħand il-produtturi f’forma likwida u jikkonvertuh fi klorur tal-kolin kemm f’isem il-produttur kif ukoll għalihom stess, u, min-naħa l-oħra, id-distributuri.

8

L-appellanti huma ħames kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp Akzo Nobel u jagħmlu parti mill-produtturi tal-klorur tal-kolin. Matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni, Akzo Nobel, il-kumpannija parent tal-grupp, kienet proprjetarja, direttament jew indirettament, ta’ 100% tal-kapital tal-appellanti l-oħra. Fil-fatt, din tal-aħħar kienet 100% proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarji tagħha Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Nederland. Din kienet ukoll proprjetarja 100% tal-kapital tas-sussidjarja tagħha Akzo Nobel Chemicals li min-naħa tagħha kienet proprjetarja tal-kapital kollu ta’ Akzo Nobel Functional Chemicals.

9

Id-dħul mill-bejgħ dinji globali ddikjarat ta’ Akzo Nobel fl-2003, li kienet is-sena fiskali li ġiet immedjatament wara d-deċiżjoni kontenzjuża, kien ta’ EUR 13-il biljun.

10

F’dak li jirrigwarda ż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddim iż-“ŻEE”), ġie implementat akkordju fuq żewġ livelli differenti, iżda strettament konnessi, jiġifieri l-livell dinji u dak Ewropew.

11

Fuq livell dinji, diversi kumpanniji tal-Amerika ta’ Fuq u Ewropej, fosthom l-appellanti, ħadu sehem f’attivitajiet anti-kompetittivi bejn Ġunju 1992 u April 1994. Kienu biss il-kumpanniji Ewropej, foshom l-appellanti, li ħadu sehem fil-laqgħat li implementaw l-akkordju fuq livell Ewropew, li dam fis-seħħ minn Marzu 1994 sa Ottubru 1998.

12

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-arranġamenti konklużi fuq livell dinji u Ewropew kienu jikkostitwixxu ksur kumpless u kontinwat uniku fir-rigward taż-ŻEE u li l-produtturi tal-Amerika ta’ Fuq kienu ħadu sehem f’dan il-ksur għal ċertu żmien waqt li l-produtturi Ewropej ħadu sehem f’dan il-ksur għall-perijodu kollu kopert mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

13

Fid-9 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni hija kkonstatat li diversi impriżi, fosthom l-appellanti, kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 52 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), billi ħadu sehem f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li kienu jinvolvu kemm l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq, kif ukoll azzjonijiet miftiehma kontra l-kompetituri fis-settur tal-klorur tal-kolin fiż-ŻEE.

14

Fir-rigward tal-grupp Akzo Nobel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza d-deċiżjoni kontenzjuża flimkien u in solidum lill-appellanti kollha. Akzo Nobel Chemicals, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Nederland, jew il-kumpanniji li kienu jikkontrollawhom, kienu ħadu sehem direttament fil-ksur. Akzo Nobel Functional Chemicals ġiet stabbilita bħala sussidjarja ta’ Akzo Nobel Chemicals f’Ġunju 1999. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkunsidrat li Akzo Nobel Functional Chemicals kienet is-suċċessur legali tal-kumpannija parent fir-rigward tal-parti l-kbira tal-attivitajiet fis-settur tal-klorur tal-kolin li kienu preċedentement eżerċitati minn din tal-aħħar u kellha, inkwantu tali, ukoll tkun destinatarja tal-imsemmija deċiżjoni.

15

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ Akzo Nobel, il-Kummissjoni kkunsidrat li din kienet tikkostitwixxi unità ekonomika flimkien mal-persuni ġuridiċi l-oħra tal-grupp Akzo Nobel li kienu destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża u li kienet din l-unità ekonomika li ħadet sehem fl-akkordju. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-imsemmija unità kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, li tagħhom hija kellha, direttament jew indirettament, il-kapital kollu, u li kien possibbli li jiġi preżunt li hija kienet effettivament għamlet dan. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sussidjarji ta’ Akzo Nobel ma kinux kummerċjalment awtonomi u dan wassallha sabiex tindirizza d-deċiżjoni kontenzjuża lil din tal-aħħar minkejja l-fatt li hija ma kinitx ħadet sehem fl-akkordju personalment.

16

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li l-kumpanniji operattivi jew l-unitajiet kummerċjali tal-grupp Akzo Nobel ma kinux ekonomikament awtonomi kien ipprovat ukoll mid-dokumenti li Akzo Nobel ipprovdiet matul il-proċedura amministrattiva.

17

Billi bbażat ruħha fuq is-sehem tas-suq tal-appellanti kollha u, b’mod partikolari, fuq l-informazzjoni msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, bl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, imponiet fuq l-appellanti, flimkien u in solidum, multa ta’ EUR 20.99 miljun għall-ksur ikkontemplat fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni.

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata.

18

Insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti invokaw tliet motivi.

19

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmi rikors kien jew inammissibbli minħabba li, fil-fehma tagħha, ma kienx ġie ppreżentat skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jew inkella, fir-rigward ta’ Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International u Akzo Nobel Chemicals, kien infondat peress li l-imsemmi rikors, li kellu jiġi analizzat f’ħames rikorsi individwali, ma kienx jinkludi motivi li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu din kienet tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ dawn il-kumpanniji jew inkwantu din kienet tiffissa l-ammont tal-multa fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Il-Kummissjoni sussidjarjament sostniet li għal dawn l-istess raġunijiet kien manifest li s-sussidjarji ta’ Akzo Nobel, għalkemm kienu destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma kellhomx interess ġuridiku li jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni fil-punti 31 u 32 tas-sentenza appellata.

21

Fuq il-mertu, l-ewwel motiv tal-appelanti kien ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata ta’ responsabbiltà in solidum lill-Akzo Nobel, kumpannija holding tal-grupp, li kienet proprjetarja, direttament jew indirettament, ta’ 100% tal-kapital tas-sussidjarji tagħha.

22

L-appellanti sostnew li l-influwenza determinanti, li kumpannija parent għandha teżerċita sabiex tkun tista’ tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ sussidjarja tagħha, għandha tkun tikkonċerna l-politika kummerċjali stricto sensu ta’ din tal-aħħar.

23

Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha, l-ewwel nett, tipprova l-possibbiltà li l-kumpannija parent teżerċita setgħa ta’ direzzjoni ta’ livell tali li jċċaħħad lis-sussidjarja minn kull awtonomija fir-rigward tal-politika kummerċjali u, it-tieni nett, għandha tipprova li din is-setgħa ġiet effettivament eżerċitata.

24

Mill-ġurisprudenza Komunitarja jirriżulta li sussidjarja li l-kapital kollu tagħha jkun miżmum mill-kumpannija parent tista’ tiġi preżunta li applikat l-istruzzjonijiet li ngħatawlha minn din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-Kummissjoni tkun obbligata timputa r-responsabbiltà biss fuq sussidjarja, din tal-aħħar għandha tkun f’pożizzjoni li individwalment tiddetermina, fil-parti l-kbira, il-politika kummerċjali tagħha. Ġaladarba din iċ-ċirkustanza tiġi stabbilita, hija mill-ġdid il-Kummissjoni li għandha tipprova li f’każ konkret il-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti.

25

Minn dan jirriżulta li l-organizzazzjoni unitarja ta’ numru ta’ kumpanniji, bħal dik tal-grupp Akzo Nobel, mhijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex teżenta lill-Kummissjoni milli tipproduċi l-prova li l-kumpannija parent kienet effettivament involuta.

26

L-appellanti kkunsidraw li stabbilixxew li s-sussidjarji ta’ Akzo Nobel kienu jiddeterminaw, fil-parti l-kbira, il-politika kummerċjali tagħhom awtonomament u li għalhekk invertew il-preżunzjoni li minnha kienet tibbenefika l-Kummissjoni. Huma kkunsidraw li din tal-aħħar kellha tipprova li l-imsemmija kumpannija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-appellanti l-oħra. Issa, il-Kummissjoni ma ssodisfatx dan l-obbligu minħabba l-fatt li l-elementi kollha li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex issib lill-Akzo Nobel responsabbli flimkien u in solidum mas-sussidjarji tagħha, apparti l-fatt li Akzo Nobel kienet proprjetarja tal-kapital kollu ta’ dawn tal-aħħar, huma jew irrilevanti jew żbaljati.

27

Fir-rigward tal-ewwel motiv li l-appellanti kienu invokaw insostenn tar-rikors tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza preliminarjament eżaminat il-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja billi, ddeċidiet kif ġej:

“57

Għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE jinkludi entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkostitwixxi organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li jippersegwu fit-tul skop ekonomiku determinat, organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettieq ta’ ksur previst minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalhekk mhijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur, bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u anqas u anqas mhija l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fil-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens espost iktar ’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003 Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290).

59

Għandu wkoll jiġi osservat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni u t-twettieq tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li tiġi identifikata, bħala destinatarja, entità li jkollha personalità ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 978).

60

Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tkun 100% proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti prezunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50 u s-sentenza PVC II, punt 59 iktar’il fuq, punti 961 u 984), u li għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-71/03, T-74/03, T 87/03 u T-91/03, punt 59). Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qegħdha tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir imwettaq mis-sussidjarja tagħha, li għandha tinverti din il-preżunzjoni billi tipproduċi provi li jistgħu juru l-awtonomija ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 136; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stora”, punt 29).

61

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora, punt 60 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat, apparti l-proprjetà ta’ 100% tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent eżerċitat fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja esponiet l-imsemmija ċirkustanzi biss sabiex tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażat ir-raġunament tagħha sabiex tikkonkludi li dan ma kienx ibbażat biss fuq il-fatt li l-kumpannija parent kienet il-proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja. Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’din il-kawża ma jwassalx sabiex il-prinċipju stabbilit fil-punt 50 tas-Sentenza AEG vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, jinbidel.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa proprjetà tal-kumpannija parent tagħha sabiex tikkonkludi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħha. Konsegwentement il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li, sussegwentement, tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti fuq is-sussidjarja tagħha, ħlief jekk din il-kumpannija parent tipprova li s-sussidjarja essenzjalment ma taplikax id-direttivi maħruġin minnha u taġixxi, għaldaqstant, b’mod awtonomu fis-suq.

63

Għandu jiġi eżaminat ukoll, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet preliminarji preżenti, l-argument prinċipali, li jinsab fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti, li jgħid li l-preżunta influwenza tal-kumpannija parent minħabba l-fatt li hija l-proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha tirrigwarda l-politika kummerċjali strictu sensu tagħha […]. Skont ir-rikorrenti taħt din il-politika jaqgħu, pereżempju, l-istrateġija ta’ distribuzzjoni u l-iffissar tal-prezzijiet. Għaldaqstant, il-kumpannija parent tista’, skont dan l-argument, tinverti l-preżunzjoni billi turi li hija din is-sussidjarja li tamministra dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha u dan mingħajr ma tirċevi direttivi f’dan ir-rigward.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ entità ekonomika unika komposta minn diversi kumpanniji li jiffurmaw parti minn grupp, il-qorti Komunitarja eżaminat jekk kumpannija parent setgħetx tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 137, u Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 45), l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punti 37 u 39 sa 41), l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash flow”, l-istoks u l-kummerċjalizzazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T-102/92, Ġabra p. II-17, punt 48). Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li huma biss dawn l-aspetti li jaqgħu taħt il-kunċett tal-politika kummerċjali ta’ sussidjarja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha.

65

Bil-kontra ta’ dan, minn din il-ġurisprudenza, moqrija flimkien mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 57 u 58 iktar ’il fuq, jirriżulta li hija l-kumpannija parent li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha u li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Minn dan jirriżulta wkoll li, matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiema mill-partijiet, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat.

66

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk Akzo Nobel u s-sussidjarji tagħha kkonċernati mid-deċiżjoni jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.”

28

Wara dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 67 sa 85 tas-sentenza appellata, id-diversi atti tal-proċess u ddeċidiet li l-appellanti ma kienx irnexxilhom jinvertu l-preżunzjoni li tgħid li Akzo Nobel, il-kumpannija parent proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha li kienu destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża, kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ dawn tal-aħħar. Minn dan hija kkonkludiet li din il-kumpannija, flimkien mal-appelanti l-oħra, kienet tikkostitwixxi impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk hija kinitx eżerċitat influwenza fuq l-aġir tagħhom, u ċaħdet l-ewwel motiv li l-appellanti kienu invokaw insostenn tar-rikors tagħhom.

29

Fir-rigward tat-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, inkwantu l-ammont tal-multa jaqbeż l-10% tad-dħul mill-bejgħ li Akzo Nobel Functional Chemicals għamlet fl-2003, u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-imputazzjoni in solidum tar-responsabbiltà lil Akzo Nobel, il-Qorti tal-Prim’Istanza caħdithom rispettivament fil-punti 90 u 91 kif ukoll fil-punti 94 sa 96 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet kollu kemm huwa r-rikors ippreżentat quddiemha.

It-talbiet tal-partijiet

30

Fl-appell, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, inkwantu din ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata ta’ responsabbiltà flimkien u in solidum lill-Akzo Nobel;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu din timputa r-responsabbiltà tal-ksur lill-Akzo Nobel, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, kemm fir-rigward tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell, inkwantu dawn jikkonċernaw l-aggravju mqajjem f’dan l-appell.

31

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jinċaħad u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-interess ġuridiku tal-appellanti l-oħra minbarra Akzo Nobel

32

Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li, inkwantu l-aġġravju waħdieni tal-appell jikkonċerna esklużivament ir-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel, hija biss din tal-aħħar li għandha interess li tara li s-sentenza appellata tiġi annullata. L-appell mhuwiex ammissibbli fir-rigward tal-appellanti l-oħra peress li la r-responsabbiltà tagħhom u lanqas il-multa imposta fuqhom mhuma qegħdin jiġu kkontestati.

33

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-appellant jippreżupponi li l-appell jista’, jekk jirnexxi, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, is-sentenza appellata kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża li tpoġġi fuq l-appellanti kollha l-obbligu li flimkien u in solidum iħallsu l-multa ta’ EUR 20.99 miljun imposta mill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International, Akzo Nobel Chemicals u Akzo Nobel Functional Chemicals għandhom interess li jiksbu l-annullament tas-sentenza appellata (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Awwissu 2001, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni, T-111/01 R, Ġabra p. II-2335, punt 17).

35

Fil-fatt, li kieku s-sentenza appellata kellha tiġi annullata fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Akzo Nobel, is-sitwazzjoni tas-sussidjarji tagħha tinbidel, b’mod partikolari fid-dawl tal-implikazzjonijiet li jirriżultaw mir-regoli tar-responsabbiltà in solidum.

36

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajjma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-interess ġuridiku ta’ Akzo Nobel Nederland, Akzo Nobel Chemicals International, Akzo Nobel Chemicals u Akzo Nobel Functional Chemicals għandha tinċaħad.

Fuq l-eżistenza ta’ motiv ġdid ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-Appell

37

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-aggravju waħdieni tal-appell jikkostitwixxi motiv ġdid, ippreżentat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, u li għaldaqstant huwa inammissibbli inkwantu jinkludi punti li l-appellanti ma qajmux quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, permezz tal-aggravju tagħhom l-appellanti jikkontestaw l-eżistenza nnifisha ta’ preżunzjoni li tgħid li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq sussidjarja meta din tkun 100% proprjetarja tal-kapital ta’ din tal-aħħar, filwaqt li quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma qatt ma kkontestaw l-eżistenza ta’ din il-preżunzjoni u ammettew, billi ppruvaw jinvertuha, li din kienet applikabbli għall-każ inkwistjoni. Anki l-argumenti tal-appellanti li jirrigwardaw l-għan rilevanti tal-attività tas-sussidjarja, ikkonċernat mill-influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent, huma inammissibbli.

38

Skont l-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 42(2) tal-istess regoli, li bħala prinċipju jipprojbixxi li jitressqu motivi ġodda matul l-istanza, huwa applikabbli għal proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha bħala suġġett appell minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni li l-Qoti tal-Prim’Istanza tkun għamlet tal-motivi li jkunu ġew diskussi quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 61). Fil-fatt, li kieku parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajjmitx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jkun ifisser li din il-parti tkun qed titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni li tkun usa minn dik li fuqha ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 165).

39

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti invokaw motiv ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata ta’ responsabbiltà in solidum lil Akzo Nobel, li permezz tiegħu huma sostnew li din tal-aħħar ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarji tagħha u li ma kinitx tifforma, flimkien ma dawn is-sussidjarji, unità ekonomika. Għaldaqstant, l-argumenti li l-appellanti ressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-preżunzjoni li tgħid li fil-każ fejn il-kumpannija parent tkun proprjetarja ta’ 100% tal-ishma tas-sussidjarja tagħha din titqies bħala li teżerċita influwenza determinanti fuqha, għandhom jiġu kkunsidrati bħala żvilupp fuq l-imsemmi motiv. Fill-fatt, inkwantu dawn l-argumenti u dawk dwar l-għan rilevanti tal-attività tas-sussidjarja, ikkonċernat mill-influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent, jikkostitwixxu argumenti supplimentari dwar l-applikazzjoni tar-regoli relatati mal-imputabbiltà ta’ responsabbiltà lill-Akzo Nobel għall-aġir tas-sussidjarji tagħha, l-appellanti ma biddlux is-suġġet tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

40

Konsegwentement, l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il-mertu

41

Insostenn tal-appell tagħhom l-appellanti jinvokaw aggravju waħdieni li permezz tiegħu jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tar-responsabbiltà tal-ksur lill-Akzo Nobel, applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Dan l-aggravju huwa kompost minn żewġ partijiet distinti.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju waħdieni, ibbażata fuq id-definizzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova li l-Kummissjoni għandha fir-rigward in-nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja

— L-argumenti tal-partijiet

42

L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tiddetermina jekk is-sussidjarji ta’ Akzo Nobel kinux, jew le, jaġixxu b’mod awtonomu fis-suq.

43

Skont l-appellanti, normalment hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza kummerċjali determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Madankollu, sabiex tnaqqas dan l-oneru tal-prova, il-Qorti tal-Ġustizzja stablixxiet preżunzjoni juris tantum.

44

Fis-sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat espliċitament li, fil-każ fejn ma jkunx paċifiku li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza kummerċjali determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, il-fatt li din tal-ewwel tkun proprjetarja ta’ 100% tal-kapital ta’ din tal-aħħar mhuwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-kumpannija parent. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ir-raġunament tal-Avukat Ġenerali Mischo, espost fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża li tagħat lok għall-imsemmija sentenza, li jgħid li, għalkemm l-oneru li l-Kummissjoni għandha, jiġifieri li tipprova li l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, jeħfief fil-każ fejn din tal-ewwel tkun proprjetarja ta’ 100% tal-kapital ta’ din tal-aħħar, madankollu xorta waħda jibqa neċessarju li jitressaq element supplimentari apparti r-rata tal-ishma, iżda tali element jista’ jkun kompost minn indizji.

45

Għaldaqstant, il-proprjetà tal-kapital kollu tal-kummpannija sussidjarja, flimkien mal-eżistenza ta’ indizji supplimentari, tagħti lok għal preżunzjoni li s-sussidjarja ma kinitx taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tevita l-oneru tal-prova li hija għandha billi sempliċement tirreferi għaċ-ċirkustanza li l-kumpannija parent hija proprjetarja ta’ 100% tal-kapital tas-sussidjarja tagħha. Hija għandha tipproduċi wkoll indizji oħra li juru li l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret dan il-prinċipju meta ddeċidiet li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumannija sussidjarja tagħha sabiex tikkonkludi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

46

Barra minn dan, f’żewġ sentenzi oħra, jiġifieri s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni (T-325/01, Ġabra p. II-3319), kif ukoll tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni (T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947), il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod korrett il-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti billi ddeċidiet li għalkemm l-element li jirrigwarda l-proprjetà tal-kapital kollu tas-sussidjarja jikkostitwixxi indizju qawwi tal-eżistenza, favur il-kumpannija parent, ta’ setgħa ta’ influwenza fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq, dan mhuwiex biżżejjed, waħdu, sabiex l-aġir tas-sussidjarja jkun jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent u għandu jitressaq element supplimentari apparti r-rata tal-ishma, madankollu dan l-aħħar element jista’ jkun kompost minn indizji.

47

L-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ħaffet l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni u talli, billi għamlet dan, adottat kunċett ta’ dan l-oneru tal-prova li jikser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-fatt il-Kummissjoni hija obbligata li tipproduċi dak li l-appellanti jikkunsidraw bħala indizji supplimentari, fis-sens tas-sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq, kif interpretata minnhom, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mhux biss fl-istadju tad-deċiżjoni. Issa, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat l-intenzjoni tagħha li żżomm lill-Akzo Nobel flimkien u in solidum responsabbli fuq il-fatt li din il-kumpannija kienet proprjetarja 100% tal-kapital tal-kumpanniji li ħadu sehem fil-ksur. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kontenzjuza hija bbażat ruħha wkoll fuq allegati indizji supplimentari, fis-sens tas-sentenza Stora, li kienu ġew imfassla b’mod artifiċjali permezz tal-iżnaturament tal-elementi li l-appellanti invokaw fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

48

Fl-aħħar nett, l-appellanti jikkritikaw il-punt 62 tas-sentenza appellata peress li fih, sa fejn iddeċidiet li, sabiex il-preżunzjoni inkwistjoni tkun tista’ tiġi invertita, għandu jiġi pprovat li s-sussidjarja essenzjalment ma tapplikax id-direttivi maħruġa mill-kumpannija parent, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat soluzzjoni li twassal sabiex din il-preżunzjoni tkun tista’ tiġi invertita biss fil-każ fejn ikunu nħarġu direttivi mill-kumpannija parent.

49

Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li s-sussidjarja jkollha personalità ġuridika separata minn dik tal-kumpannija parent mhuwiex biżżejjed sabiex ir-responsabbiltà għall-aġir tagħha ma jiġix imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent. Ġaladarba l-kumpannija parent tkun proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja, ikun superfluwu li jiġi vverifikat jekk din tal-ewwel effettivament użatx is-setgħa tagħha li tinfluwenza b’mod determinanti l-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

50

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonfutatx dan il-prinċipju fis-sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq. Hija kkunsidrat li, ġaladarba sussidjarja tkun 100% proprjetà tal-kumpannija parent, din tal-aħħar hija preżunta li eżerċitat is-setgħha tagħha li tinfluwenza l-aġir ta’ din tal-ewwel. Skont il-Kummissjoni, għalkemm fil-punt 29 tal-imsemmija sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iġġustifikata li tibbaża ruħha fuq din il-preżunzjoni, b’mod partikolari wara li kkonstatat li l-kumpannija parent kienet ippreżentat ruħha, matul il-proċedura amministrattiva, bħala l-uniku kelliemi mal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur inkwistjoni, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall dan l-element biss sussidjarjament, inkwantu element supplimentari li jixhed favur li r-responsabbiltà tal-ksur tiġi imputata lill-kumpannija parent.

51

Sensiela ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, waqt li rreferew għas-sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq, applikaw l-imsemmija preżunzjoni mingħajr ma ssuġġettaw din l-applikazzjoni għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari. La s-sentenza DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni u lanqas is-sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, ma jikkonfutaw l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sentenzi l-Qorti tal-Prim’Istanza waħħdet il-kunċett ta’ kontroll fuq kumpannija u dak tal-eżerċizzju ta’ dan il-kontroll, peress li huwa biss dan l-aħħar eżerċizzju li huwa preżunt ġaladarba l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent. Barra minn dan, l-indizji supplimentari ġew eżaminati matul l-analiżi tal-provi prodotti sabiex tiġi invertita l-preżunzjoni.

52

Fir-rigward tal-argument dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Kummissjoni tqis li mhuwiex inabitwali li fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jkunu jeżistu preżunzjonijiet. Il-Kummissjoni, billi tinforma lill-impriża kkonċernata li hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq preżunzjoni, tagħti lill-din l-impriża l-opportunità li tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt u li tipprovdilha kull prova li tista’ ssostni din il-pożizzjoni. Peress li hija l-impriża li għandha l-informazzjoni kollha dwar il-funzjonament intern tagħha, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jidher għalkollox loġiku.

53

Fir-rigward tal-kritika tal-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li din hija msejsa fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ sentenza meħuda barra mill-kuntest tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza riedet tgħid li sussidjarja hija entita ekonomika awtonoma jekk ma ssegwix id-direttivi tal-kumpannija parent tagħha. Dan ikun minnu kemm jekk ma tingħata l-ebda direttiva kif ukoll jekk id-direttivi ma jiġux segwiti.

— Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

54

Preliminarjament għandu jiġi osservat li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112; tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 107, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C-205/03 P, Ġabra p. I-6295, punt 25).

55

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspetiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40).

56

Meta entità ekonomika bħall din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 145; tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punt 78, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 39).

57

Il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, punt 38). Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha wkoll tindika f’liema kwalità l-persuna ġuridika tkun qedgħha tiġi akkużata bil-fatti allegati.

58

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 132 u 133; Geigy vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 15, kif ukoll Stora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26), b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 117, kif ukoll ETI et, punt 49).

59

Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

60

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100% proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 136 u 137), u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, AEG vs Il-Kummissjoni, punt 50, u Stora, punt 29).

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

62

Kif ġustament tosserva l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 61 tas-sentenza appellata, għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-proprjetà ta’ 100% tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza.

63

Minn dawn il-kunsiderazzjonjiet kollha jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, ġaladarba kumpannija parent tkun 100% proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li din il-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

64

Konsegwentement, peress li fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ksur il-Kummissjoni kienet obbligata li tippreżenta, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, biss il-provi li jirrigwardaw il-fatt li l-kumpannija parent kienet proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarji tagħha, l-argument tal-appellanti dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jintlaqgħa.

65

Fir-rigward tal-kritika tal-punt 62 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi osservat li minn dan il-punt bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat il-possibilitajiet li l-preżunzjoni msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza tiġi invertita biss għal dawk il-każijiet fejn il-kumpannija parent tkun ħarġet direttivi. Bil-kontra ta’ dan, mill-punti 60 u 65 tas-sentenza appellata jirriżulta li f’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat pożizzjoni relattivament wiesa’ u dan billi ddeċidiet, b’mod partikolari, li hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kull prova, fir-rigward tar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha, li tista’ turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.

66

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-aggravju waħdieni li l-appellanti ressqu insostenn tal-appell tagħhom għandha tinċaħad bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju waħdieni, ibbażata fuq id-definizjoni żbaljata tal-kunċett ta’ politika kummerċjali tas-sussidjarja

— L-argumenti tal-partijiet

67

Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkunsidrat li apparti l-aspetti msemmija fil-punt 64 tas-sentenza appellata, hemm aspetti oħra li jiffurmaw parti mill-politika kummerċjali tas-sussidjarja li fuqha l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti u meta kkunsidrat li l-provi dwar ir-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi kif ukoll ġuridiċi bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha huma rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-awtonomija ta’ din tal-aħħar.

68

Il-politika kummerċjali hija konnessa mal-aġir fis-suq u hija limitata għall-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi li impriża tbiegħ skont ċerti kundizzjonijiet lil konsumaturi f’territorju partikolari u fi żmien partikolari. Il-politika kummerċjali ma tinvolvix aspetti oħra.

69

Skont l-appellanti, jekk il-kunċett ta’ politika kummerċjali jiġi interpretat bħala li jkopri iktar mill-aġir tas-sussidjarja fis-suq, dan ikun ifisser li tiġi introdotta sistema ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija li tkun kontra l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali ggarantit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

70

Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni dwar jekk għandiex tiġi adottata definizzjoni wiesa’ jew restrittiva tal-kunċett ta’ politika kummerċjali hija irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ impriża waħda, determinazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja iktar tiħu inkunsiderazzjoni r-rabtiet ekonomiċi u organizzazzjonali li jeżistu bejn il-kumpanniji.

71

Fir-rigward tal-argument dwar l-introduzzjoni ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jeżistix prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u dan peress li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ma jimputawx responsabbiltà lill-kumpanniji jekk tali responsabbiltà ma tkunx ġiet ipprovata. Il-fatt li kumpannija parent li hija proprjetarja ta’ 100% tal-kapital tas-sussidjarja tagħha tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ din tal-aħħar, ma jiksirx il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Kif ġie osservat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent.

73

Minn dan jirriżulta, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 sa 94 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-aġir tas-sussidjarja fis-suq ma jistax jikkostitwixxi l-uniku element li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-kumpannija parent, iżda dan huwa biss wieħed mis-sinjali li jindika l-eżistenza ta’ unità ekonomika.

74

Mill-punt 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-elementi indikati fil-punt 64 tas-sentenza appellata iżda wkoll l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw r-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent. Dawn l-elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti.

75

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tal-qasam li fih tiġi eżerċitata l-influwenza tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja.

76

Din il-konklużjoni mhijiex ikkonfutata mill-argument tal-appellanti dwar ir-responsabbiltà mingħajr ħtija.

77

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa msejjes fuq il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-entità ekonomika li wettqet il-ksur. Issa, jekk il-kumpannija parent tifforma parti minn din l-unità ekonomika, li, kif jingħad fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, tista’ tkun komposta minn diversi persuni ġuridiċi, tista’ tiġi kkunsidrata bħala responsabbli, in solidum mal-persuni ġuridiċi l-oħra li jikkostitwixxu din l-unità, għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm il-kumpannija parent ma tipparteċipax direttament għall-ksur, hija teżerċita, f’dan il-każ, influwenza determinanti fuq is-sussidjarji li pparteċipaw fil-ksur. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-kuntest, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma tistax tiġi kkunsidrata bħala responsabbiltà mingħajr ħtija.

78

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-aggravju waħdieni li l-appellanti ressqu insostenn tal-appell tagħhom ma tistax tintlaqgħa u, għaldaqstant, l-aggravju għandu jinċaħad kollu kemm huwa bħala infondat.

Fuq l-ispejjeż

79

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu hemm lok li muma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud

 

2)

Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Nederland BV, Akzo Nobel Chemicals International BV, Akzo Nobel Chemicals BV u Akzo Nobel Functional Chemicals BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Signatures


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top