EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0088

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-18 ta' Ġunju 2009.
David Hütter vs Technische Universität Graz.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
Direttiva 2000/78/KE - Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol - Diskriminazzjoni abbażi tal-età - Determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ aġenti kuntrattwali tal-Istat - Esklużjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena.
Kawża C-88/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:381

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Direttiva 2000/78/KE — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ membri tal-persunal tal-Istat bil-kuntratt — Esklużjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena”

Fil-Kawża C-88/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-proċedura

David Hütter

vs

Technische Universität Graz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó. Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal David Hütter, minn T. Stampfer, u C. Orgler, Rechtsanwälte,

għal Technische Universität Graz, minn M. Gewolf-Vukovich, Mitglied der Finanz Prokuratur,

għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u B. Kotschy, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Hütter u t-Technische Universität Graz (iktar ’il quddiem it-“TUG”) dwar il-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskala tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku waqt li huwa ġie impjegat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3

Il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

“Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġata d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’; għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq [sabiex jintlaħaq] ikun[u] approprjati [xierqa] u neċessarji, jew

ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[…]”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età” jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

[l]-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

8

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, ir-Repubblika tal-Awstrija kellha tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija direttiva mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003.

Id-dritt nazzjonali

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 128 tal-Liġi Federali tal-2002 dwar l-organizzazzjoni tal-universitajiet u tal-istudji universitarji, (Universitätsgesetz 2002, BGBl. I, 120/2002) jipprovdi li l-kundizzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi bejn l-università u l-impjegati tagħha wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, jiġifieri, fl-1 ta’ Jannar 2004, u sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim kollettiv huma rregolati bil-Liġi dwar l-impjegati kuntrattwali tal-1948 (Vertragsbedienstetengesetz 1948, BGBl., 86/1948), kif emendata bil-Liġi tal-2004 (BGBl. I, 176/2004, iktar ’il quddiem il-“VBG”).

10

L-Artikolu 3(1)(a) tal-VBG jistabbilixxi r-regoli ta’ klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt. Dawk il-persuni li jkunu għalqu 15-il sena biss jistgħu jiġu impjegati bħala aġenti.

11

Fir-rigward tad-drittijiet li jiddependu fuq it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol jew tal-esperjenza professjonali, il-VBG ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ xogħol li jkun twettaq qabel l-età ta’ 18-il sena, ħlief fil-każ ta’ ċerti sitwazzjonijiet partikolari, li ma humiex rilevanti għall-kawża inkwistjoni. Għaldaqstant, fl-iffissar tad-data ta’ referenza għall-avanz fl-iskala, l-Artikolu 26(1) tal-VGB jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol li jkunu twettqu qabel l-età ta’ 18-il sena. Il-perijodi ta’ xogħol li jkunu twettqu “fil-kuntest ta’ taħriġ professjonali fil-qasam tat-tagħlim […] f’università jew fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla […]” imsemmija fl-Artikolu 26(2)(1)(b) tal-VBG jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-iskala bil-kundizzjoni li jkunu twettqu wara li l-persuna kkonċernata tkun għalqet 18-il sena.

12

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fl-Awstrija bil-Liġi Federali dwar it-trattament ugwali tal-1993 (Bundes-Gleichbehandlungsgesetz 1993, BGBl., 100/1993), kif emendata bil-Liġi tal-2004 (BGBl. I, 65/2004, iktar ’il quddiem il-“B-GIBG”). Din il-liġi tirregola l-kuntratti ta’ xogħol mal-universitajiet. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-B-GIBG ma emendatx l-Artikolu 26(1) tal-VBG li għalhekk jibqa’ applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

D. Hütter, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, twieled fl-1986. Flimkien ma’ kollega, huwa wettaq, mit-3 ta’ Settembru 2001 sat-, perijodu ta’ apprendistat bħala tekniku f’laboratorju mat-TUG, korp pubbliku li huwa rregolat mil-Liġi Federali tal-2002 l-organizzazzjoni tal-universitajiet u tal-istudji universitarji.

14

Sussegwentement, D. Hütter u l-kollega tiegħu ġew impjegati mit-TUG, b’effett mit-3 ta’ Marzu 2005 sat-, jiġifieri għal tliet xhur. Peress li l-kollega tiegħu kienet 22 xahar ikbar minnu, hija ġiet ikklassifikata fi skala ogħla, li jfisser differenza ta’ EUR 23.20 fil-paga ta’ kull xahar. Din id-differenza hija dovuta għall-fatt li l-perijodu ta’ apprendistat li twettaq minn D. Hütter wara li kien sar maġġorenni kien biss ta’ madwar 6.5 xhur, meta mqabbel ma’ 28.5 xhur tal-kollega tiegħu.

15

D. Hütter ressaq rikors quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz. Huwa talab li jingħata kumpens ekwivalenti għad-differenza fit-trattament li sar fil-konfront tiegħu minħabba l-età tiegħu, liema trattament huwa kkunsidra li ma kienx ġustifikat u li kien jikser kemm il-B-GIBG kif ukoll id-Direttiva 2000/78. Din id-differenza fit-trattament tammonta għas-somma ta’ EUR 69.60.

16

Peress li t-talba ta’ D. Hütter intlaqgħet fl-ewwel istanza u fl-appell, TUG ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jipprekludix miżura nazzjonali li tippermetti lil min jimpjega ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ esperjenza professjonali miksuba qabel ma wieħed ikun sar maġġorenni, sabiex tevita li tippreġudika persuni li jkunu kisbu edukazzjoni sekondarja, u sabiex ma tħeġġiġx l-istudenti jevitaw din it-tip ta’ edukazzjoni, u b’mod iktar ġenerali, sabiex tevita li tirrendi finanzjarjament diffiċli l-apprendistat għas-settur pubbliku u tippromwovi l-integrazzjoni ta’ apprendisti żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

17

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtsof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva [2000/78] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali […] li teskludi, fost il-perijodi ta’ impjieg li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tad-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avanz fil-grad, dawk li jkunu twettqu qabel ma l-persuna kkonċernata tkun għalqet it-18-il sena?”

Fuq id-domanda preliminari

L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18

D. Hütter iqis li, fil-każ fejn l-esperjenza professjonali tkun ugwali, ma hemm ebda ġustifikazzjoni li tippermetti, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata esklużivament fuq l-età li jkollha persuna meta tinkiseb din l-esperjenza. Tali regola bħal dik fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi nuqqas ta’ inċentiv li tiġi eżerċitata attività professjonali qabel l-età ta’ 18-il sena. Din tikkostiwixxi diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2000/78.

19

It-TUG tikkontesta l-fatt li hemm diskriminazzjoni. Hija ssostni li l-Artikolu 26(1) tal-VBG japplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna, indipendentement mill-età. Konsegwentement, ma hemm ebda kwistjoni dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Isegwi li din id-dispożizzjoni tista’ biss tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, li jikkonċerna diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq kriterji apparentement newtrali.

20

It-TUG issostni, sussidjarjament, li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għan leġittimu u hija kemm xierqa kif ukoll neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

21

Fil-fatt, tali miżura tipprovdi, lis-servizzi pubbliċi, struttura ċara u uniformi għall-iffissar tas-salarji tal-membri tal-persunal bil-kuntratt. Dan huwa għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

22

Matul is-sena 2000, madwar 0.03% tal-apprendisti wettqu t-taħriġ tagħhom wara li għalqu 18-il sena. Il-fatt li l-apprendisti għandhom ikollhom prova ta’ perijodi ta’ esperjenza professjonali miksuba qabel ma jkunu għalqu 18-il sena, liema perijodi ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom, tippromwovi l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Skont it-TUG, din tippermetti lil min iħaddem inaqqas l-ispejjeż marbuta mar-reklutaġġ ta’ apprendisti żgħażagħ.

23

Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol li twettqu qabel l-età ta’ 18-il sena tippreġudika indebitament lill-persuni li kisbu edukazzjoni ġenerali. Fi Stat Membru bħal dak tar-Repubblika tal-Awstrija, fejn is-suq tax-xogħol ibati min-nuqqas ta’ persuni li għandhom kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla, miżura bħal dik fil-kawża prinċipali tevita li persuni ma jagħżlux li jkollhom edukazzjoni ġenerali.

24

Il-Gvern Daniż iqis li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħal dik fil-kawża prinċipali, jekk din ikollha għan leġittimu marbut mat-taħriġ professjonali kif ukoll mal-politika tax-xogħol favur iż-żgħażagħ u tkun xierqa u neċessarja.

25

L-imsemmi Gvern jenfasizza s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fir-rigward ta’ miżuri bbażati fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punti 62 u 63, kif ukoll tas-, Palacios de la Villa, C-411/05, Ġabra p. I-8531, punt 68).

26

Il-Gvern Daniż iqis li jekk jiġi pprovdut li persuni taħt it-18-il sena jitħallsu inqas mill-adulti, dan iħeġġeġ lil persuni taħt it-18-il sena jkomplu bl-edukazzjoni sabiex dawn jiksbu paga aħjar. Barra minn hekk, kieku min jimpjega kien marbut li jħallas lil persuni taħt it-18-il sena bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-ħaddiema adulti, dan ikun imħeġġeġ jimpjega ħaddiema ikbar fl-età u li għandhom iktar esperjenza. Fl-aħħar nett, il-persuni taħt it-18-il sena ma humiex, b’mod ġenerali, kapaċi li jwettqu l-istess kompiti bħal dawk ta’ persuni maġġorenni. Din hija r-raġuni għalfejn numru ta’ ftehim kollettivi fid-Danimarka jipprovdu kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni inqas favorevoli fir-rigward ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ età.

27

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tqis li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna kundizzjoni ta’ impjieg u ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri l-kundizzjoni relatata mar-remunerazzjoni. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

28

Skont il-Kummissjoni, ir-regola li teskludi l-perijodi ta’ xogħol li twettqu qabel l-età ta’ 18-il sena tistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Il-fatt li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna li tkun għalqet it-18-il sena hija irrilevanti f’dan ir-rigward. Id-diskriminazzjoni tinsab fil-fatt li r-regola hija iktar favorevoli fir-rigward ta’ persuni li jkunu kisbu esperjenza professjonali wara li jagħlqu t-18-il sena. Il-fatti fil-kawża prinċipali juru l-effett diskriminatorju ta’ din ir-regola peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipal għandu l-istess esperjenza iżda huwa ttrattat inqas favorevolment minn waħda mill-kollegi tiegħu tax-xogħol abbażi tad-differenza fl-età tagħhom.

29

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-bżonn li jkun hemm sistema uniformi għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tal-esperjenza professjonali għall-impjegati kollha, il-Kummissjoni tammetti li jista’ jkun hemm għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, hija tikkunsidra li r-regola inkwistjoni la hija xierqa u lanqas neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan. Is-sistema ta’ kalkolu tal-perijodi ta’ anzjanità xorta tkun uniformi u loġika jekk ma jiġux esklużi perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena.

30

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq it-trattament ugwali bejn l-apprendisti, minn naħa, u l-istudenti ta’ edukazzjoni ġenerali min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan jista’ jaqa’ taħt it-taħriġ professjonali msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, hija xorta għandha dubji fir-rigward tan-natura xierqa u neċessarja tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din il-miżura tippreġudika lill-istudenti ta’ edukazzjoni ġenerali meta mqabbla ma’ apprendisti, peress li dawn tal-aħħar jistgħu ġeneralment jiksbu esperjenza professjonali qabel ma jsiru maġġorenni.

31

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni tiddubita li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tali effett. Id-differenza fit-trattament stabbilita minn din il-miżura tikkostitwixxi żvantaġġ li jintrabat mal-impjegat matul il-karriera tiegħu. L-esklużjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ma tikkonċernax esklużivament liż-żgħażagħ iżda wkoll, skont il-Kummissjoni, lill-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu taħt il-VBG, indipendentement mill-età tagħhom meta jiġu impjegati. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm metodi inqas restrittivi li jistgħu jippromwovu x-xogħol għaż-żgħażagħ.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, jekk dan huwa l-każ, jekk hemmx inkwistjoni miżura diskriminatorja bbażata fuq l-età li tista’, skont il-każ, tiġi kkunsidrata li hija ġustifikata fid-dawl tal-imsemmija direttiva.

33

Mit-titolu, mill-preambolu, mill-kontenut u mill-għan tagħha, jirriżulta li d-Direttiva 2000/78 hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna trattament ugwali “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffri protezzjoni effikaċji kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, li fosthom hija inkluża l-età.

34

B’mod partikolari, mill-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din tapplika, fil-kuntest tal-kompentenzi mogħtija lill-Komunità, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg […] inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali” u, min-naħa l-oħra, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

35

L-Artikolu 26 tal-VBG jeskludi, b’mod ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fl-iskala tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku Awstrijak. Għalhekk, din id-dispożizzjoni taffettwa d-determinazzjoni tal-grad li fih jiġu impjegati tali persuni. Din taffettwa wkoll, konsegwentement, ir-remunerazzjoni tagħhom. Għalhekk, leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi kkunsidrata li tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-impjieg, għar-reklutaġġ u għar-remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78.

36

F’dawn il-kundizzjonijiet, id-Direttiva 2000/78 tapplika għal sitwazzjoni bħal dik li tat lok għall-kawża li tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju.

37

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 jiddefinixxi l-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” li huwa jimplementa bħala li “m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tad-direttiva jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni simili, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

38

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża inkwistjoni timponi trattament inqas favorevoli fir-rigward ta’ persuni li parti mill-esperjenza professjonali tagħhom tkun inkisbet qabel it-18-il sena meta mqabbla ma’ persuni li wara li jagħlqu t-18-il sena, ikunu kisbu esperjenza tal-istess natura u ta’ tul simili. Tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn persuni bbażata fuq l-età li kellhom meta kisbu l-esperjenza professjonali tagħhom. Kif juru l-fatti fil-kawża prinċipali, dan il-kriterju jista’ jwassal għal differenza bejn żewġ persuni li jkunu wettqu l-istess studji u li jkunu kisbu l-istess esperjenza professjonali, u dan esklużivament abbażi tal-età rispettiva ta’ dawn il-persuni. Għalhekk, tali dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq il-kriterju tal-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) u 2(a) tad-Direttiva 2000/78.

39

Madankollu, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li tali differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età “m’għand[homx] jikkostitwixx[u] diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu[ma] objettivament u raġonevolment iġġustifikat[i] b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji”.

40

Fir-rigward tan-natura leġittima tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Awstrijak kellu l-intenzjoni li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel ma jkun hemm kapaċità legali sħiħa, fl-età ta’ 18-il sena, sabiex ma jippreġudikax persuni li kisbu edukazzjoni ġenerali sekondarja meta mqabbla ma’ persuni li kisbu edukazzjoni professjonali. Minbarra l-imsemmi inċentiv għall-istudji sekondarji, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għar-rieda tal-leġiżlatur li jevita li jirrendi finanzjarjament diffiċli l-apprendistat professjonali għas-settur pubbliku u li jippromwovi l-integrazzjoni ta’ żgħażagħ li jkunu kisbu din it-tip ta’ edukazzjoni fis-suq tax-xogħol. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-għanijiet jistgħux jiġi kkunsidrati li huma leġittimi fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, u konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, huma għanijiet ta’ politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C-388/07, Ġabra p. I-1569, punt 46).

42

L-għanijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju jaqgħu taħt il-kategorija ta’ għanijiet leġittimi u huma xierqa sabiex jiġġustifikaw differenzi fit-trattament li huma marbuta ma’ “l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg […], inkluzi […] kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ […] sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom” u “[l]-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg” ipprovduti fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) rispettivament, tad-Direttiva 2000/78.

43

Konsegwentement, għanijiet ta’ natura bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, kif ipprovdut fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ġiet implementata mill-Istati Membri.

44

Huwa wkoll neċessarju li jiġi eżaminat, skont l-imsemmija dispożizzjoni, jekk il-miżuri li ġew implementati sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet humiex “approprjati [xierqa] u neċessarji”.

45

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri mingħajr ebda dubju għandhom marġni diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri li bihom ikunu jistgħu jwettqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

46

Minkejja din il-marġni diskrezzjonali li jgawdu l-Istati Membri, għandu jiġi enfasizzat li l-għanijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju jistgħu prima facie jidhru li huma paradossali. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet huwa li studenti jiġu mħeġġa jiksbu edukazzjoni sekondarja ġenerali pjuttost milli edukazzjoni professjonali. Għan ieħor huwa l-promozzjoni tar-reklutaġġ ta’ persuni li jiksbu edukazzjoni professjonali pjuttost milli persuni b’edukazzjoni ġenerali, kif jidher mill-punt 40 tas-sentenza preżenti. Għaldaqstant, fl-ewwel każ, hemm inkwistjoni l-fatt li persuni li jiksbu edukazzjoni sekondarja ġenerali ma jkunux ippreġudikati meta mqabbla ma persuni li jiskbu edukazzjoni professjonali, u fit-tieni każ, bil-kontra. Għaldaqstant, huwa diffiċli li jiġi ammess, prima facie, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali tista’ simultanjament tkun ta’ vantaġġ għal grupp wieħed minn dawn iż-żewġ gruppi, bi ħsara għall-grupp l-ieħor.

47

Minbarra dan in-nuqqas ta’ koerenza interna, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq il-kriterju ta’ esperjenza professjonali preċedenti għall-finijiet tal-iffissar tal-klassifikazzjoni fl-iskala u, konsegwentement, tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku. Issa, li tiġi kkumpensata l-esperjenza, li tippermetti lill-ħaddiem jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar, hija regola ġenerali meqjusa li hija għan leġittimu. Għalhekk, min jimpjega huwa liberu li jikkumpensa din l-esperjenza (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman, C-17/05, Ġabra p. I-9583, punti 35 u 36). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali ma tikkumpensax biss l-esperjenza iżda tistabbilixxi, fil-każ ta’ esperjenza ugwali, differenza fit-trattament skont l-età li kellha persuna meta nkisbet din l-esperjenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali kriterju marbut mal-età għalhekk ma għandux rabta diretta mal-għan, sa fejn jikkonċerna l-fatt li min jimpjega jikkumpensa l-esperjenza professjonali miksuba.

48

Fir-rigward tal-għan li ma tkunx ippreġudikata l-edukazzjoni sekondarja ġenerali meta mqabbla ma’ edukazzjoni professjonali, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju tal-età li kellha persuna meta kisbet l-esperjenza preċedenti japplika indipendentement mit-tip ta’ edukazzjoni miksuba. Dan jeskludi kemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena minn persuna li kisbet edukazzjoni ġenerali kif ukoll minn persuna li kisbet edukazzjoni professjonali. Għaldaqstant, dan il-kriterju jista’ jwassal għad-differenza fit-trattament bejn żewġ persuni li kisbu edukazzjoni ġenerali jew bejn żewġ persuni li kisbu edukazzjoni ġenerali bbażata biss fuq il-kriterju tal-età li kellhom meta kisbu l-esperjenza professjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterju tal-età li kellha l-persuna meta kisbet l-esperjenza professjonali ma jidhirx li huwa xieraq sabiex jinkiseb l-għan li ma tkunx ippreġudikata l-edukazzjoni ġenerali meta mqabbla mal-edukazzjoni professjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kriterju li huwa bbażat direttament fuq it-tip ta’ studji li nkisbu mingħajr ma jirreferi għall-età tal-persuni kkonċernati jkun, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, iżjed adatta sabiex jitwettaq l-għan li ma tkunx ippreġudikata l-edukazzjoni ġenerali.

49

Fir-rigward tal-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ żgħażagħ li jkunu kisbu edukazzjoni professjonali, għandu jiġi enfasizzat li l-esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba qabel it-18-il sena tapplika mingħajr distinzjoni għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku kollha, indipendentement mill-età li kellhom meta ġew impjegati. Għalhekk, il-kriterju tal-età li kellha persuna meta kisbet l-esperjenza professjonali ma jippermettix li jiġi identifikat grupp ta’ persuni skont l-età żgħira tagħhom sabiex jingħataw kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ speċjali intiżi li jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Tali regola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn miżuri bħal dawk evokati mill-Gvern Daniż li huma intiżi li jippromwovu l-integrazzjoni professjonali ta’ żgħażagħ ta’ inqas minn 18-il sena sa fejn dawn jipprovdu, fir-rigward tagħhom, kundizzjonijiet minimi ta’ remunerazzjoni inferjuri għal dawk applikabbli għall-ħaddiema ikbar fl-età. Sa fejn ma tiħux inkunsiderazzjoni l-età tal-persuni meta huma jiġu impjegati, għaldaqstant, regola bħal dik fil-kawża prinċipali ma hijiex xierqa sabiex tippromwovi d-dħul fis-suq tax-xogħol ta’ kategorija ta’ ħaddiema identifikata fuq il-bażi tal-età żgħira tagħhom.

50

Konsegwentement, leġiżlazzjoni li għandha karatteristiċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li hija xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

51

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex ma tippreġudikax l-edukazzjoni ġenerali meta mqabbla mal-edukazzjoni professjonali, u sabiex tippromwovi l-integrazzjoni ta’ apprendisti żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, teskludi l-perijodi ta’ xogħol imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena milli jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-iskala li fiha għandhom jiġu kklassifikati l-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

L-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex ma tippreġudikax l-edukazzjoni ġenerali meta mqabbla mal-edukazzjoni professjonali, u sabiex tippromwovi l-integrazzjoni ta’ apprendisti żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, teskludi perijodi ta’ xogħol imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena milli jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-iskala li fiha għandhom jiġu kklassifikati l-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top