EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0012
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 16 July 2009.#Mono Car Styling SA, in liquidation v Dervis Odemis and Others.#Reference for a preliminary ruling: Cour du travail de Liège - Belgium.#Reference for a preliminary ruling - Directive 98/59/EC - Articles 2 and 6 - Procedure for informing and consulting employees in the case of collective redundancy - Employer’s obligations - Workers’ right of action - Obligation to interpret national law in conformity with Community law.#Case C-12/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-16 ta' Lulju 2009.
Mono Car Styling SA, fi stralċ vs Dervis Odemis et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour du travail de Liège - il-Belġju.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 98/59/KE - Artikoli 2 u 6 - Proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-persunal f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi - Obbligi ta’ min iħaddem - Dritt ta’ rikors tal-ħaddiema - Ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi.
Kawża C-12/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-16 ta' Lulju 2009.
Mono Car Styling SA, fi stralċ vs Dervis Odemis et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour du travail de Liège - il-Belġju.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 98/59/KE - Artikoli 2 u 6 - Proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-persunal f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi - Obbligi ta’ min iħaddem - Dritt ta’ rikors tal-ħaddiema - Ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi.
Kawża C-12/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06653
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:466
*A9* Cour du travail de Liège, section de Liège, arrêt du 03/01/2008 (R.G. 34.138-2006)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Artikoli 2 u 6 — Proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-persunal fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi — Obbligi ta’ min iħaddem — Dritt għal rikors tal-ħaddiema — Ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi”
Fil-Kawża C-12/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour du travail de Liège (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2008, fil-kawża
Mono Car Styling SA, fi stralċ,
vs
Dervis Odemis et,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Mono Car Styling SA, fi stralċ, minn P. Cavenaile u F. Ligot, avocats, |
— |
għal D. Odemis et, minn H. Deckers, avocat, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn G. Demez, avocat, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Van Hoof u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327). |
2 |
Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest tal-kawża bejn Mono Car Styling SA (iktar ’il quddiem “Mono Car”), kumpannija fi stralċ, u xi ħaddiema li kienu jaħdmu magħha qabel fir-rigward tat-tkeċċija kollettiva tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali
3 |
L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, intitolat “Dritt għal smigħ xieraq”, jipprovdi: “Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]” |
Id-dritt Komunitarju
4 |
Id-Direttiva 98/59 tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet kollettivi (ĠU L 48, p. 29) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
5 |
Skont it-tieni, is-sitt, l-għaxar u t-tnax-il premessa tad-Direttiva 98/59:
[…]
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 jiddisponi: “1. Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim. 2. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jużaw is-servizzi ta’ esperti skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali. 3. Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:
Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v). 4. L-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2, u 3, għandhom japplikaw irrespettivament minn jekk id-deċiżjoni dwar il-redundancies kollettivi tkux qed tittieħed minn min iħaddem jew minn impriża li tikkontrolla lil min iħaddem. Waqt li jkun qed jiġi kkunsidrat il-ksur allegat tal-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni, tal-konsultazzjoni u tan-notifika stabbiliti f’din id-Direttiva, m’għandux jittieħed kont ta’ xi difiża fuq il-parti ta’ min iħaddem fuq il-bażi li l-informazzjoni neċessarja ma ġietx ipprovduta lil min iħaddem mill-impriża li ħadet id-deċiżjoni li wasslet għar-redundancies kollettivi.” |
7 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jistabbilixxi: “1. Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi. […] Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat. 2. Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rapreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibħagtu xi kummenti li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti.” |
8 |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59: “Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.” |
9 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 jiddisponi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi għall-infurzar ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew għall-ħaddiema.” |
Id-dritt nazzjonali
10 |
Id-Direttiva 75/129 ġiet trasposta fil-liġi Belġjana permezz tal-ftehim kollettiv tax-xogħol Nru 24, tat-2 ta’ Ottubru 1975, dwar il-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, li sar obbligatorju permezz tad-digriet irjali tal-21 ta’ Jannar 1976 (Moniteur belge tas-17 ta’ Frar 1976, p. 1716) kif emendat permezz tal-ftehim kollettiv tax-xogħol Nru 24c, tal-21 ta’ Diċembru 1993, li sar obbligatorju permezz tad-digriet irjali tat-28 ta’ Frar 1994 (Moniteur belge tal-15 ta’ Marzu 1994, p. 6345, iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv Nru 24”). |
11 |
Skont l-Artikolu 6 tal-ftehim kollettiv Nru 24: “Meta min iħaddem ikun se jeffettwa tkeċċija kollettiva, għandu jinforma minn qabel lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u jikkonsultahom; din l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta fi ħdan il-kunsill tal-impriża jew, fin-nuqqas tiegħu, lid-delegazzjoni sindakali […] Fin-nuqqas ta’ kunsill tal-impriża u ta’ delegazzjoni sindakali, l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta lill-persunal jew lir-rappreżentanti tiegħu. Il-konsultazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-possibbiltà li tkun evitata it-tkeċċija kollettiva jew li jitnaqqas in-numru ta’ dawk li jitkeċċew kif ukoll fuq il-possibbiltà li jittaffew il-konsegwenzi tagħha billi jintużaw miżuri soċjali kollaterali li għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jiffaċilitaw l-impjieg jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li jkunu tkeċċew. Għal dan il-għan, min iħaddem huwa obbligat li jagħti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kull informazzjoni utli u, f’kull każ, permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub, ir-raġunijiet tal-pjan tat-tkeċċija, il-kriterji li mistennija jintużaw biex jintgħażlu l-ħaddiema li se jitkeċċew, in-numru u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu pprovdut għal kwalunkwe kumpens eventwali għat-tkeċċija li ma jirriżultax mil-liġi jew minn ftehim kollettiv tax-xogħol, il-perijodu meta mistennija jitkeċċew, biex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu l-kummenti u l-proposti tagħhom b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jitqiesu”. |
12 |
Il-liġi Belġjana tat-13 ta’ Frar 1998 li tinkludi dispożizzjonijiet favur l-impjiegi (Moniteur belge tad-19 ta’ Frar 1998, p. 4643, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1998”) tinkludi l-Kapitolu VII, intitolat “tkeċċijiet kollettivi”. Skont l-Artikolu 66 ta’ din il-liġi: “1. Min iħaddem, li huwa biħsiebu jipproċedi għal tkeċċija kollettiva, għandu josserva l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni pprovduta rigward it-tkeċċijiet kollettivi, hekk kif ġie stabbilit minn ftehim kollettiv tax-xogħol li ġie konkluż fi ħdan il-kunsill nazzjonali tax-xogħol. F’dan ir-rigward, min iħaddem għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
Min iħaddem irid jagħti l-prova li ssodisfa l-kundizzjonijiet li jissemmew fil-paragrafu preċedenti. 2. Min iħaddem għandu jinnotifika l-ħsieb li jipproċedi għal tkeċċija kollettiva lill-uffiċjal maħtur mir-Re. Din in-notifika għandha tikkonferma li kien hemm konformità mal-kundizzjonijiet li jissemmew fit-tieni subparagafu tal-Artikolu 66(1). Kopja tan-notifika għandha tiġi kkomunikata, dakinhar li tintbagħat lill-uffiċjal li jissemma fl-ewwel subparagrafu, lill-kunsill tal-impriża jew, fin-nuqqas ta’ dan tal-aħħar, lid-delegazzjoni sindakali, u għandha titwaħħal fil-bini tal-impriża. Barra minn hekk, dakinhar li titwaħħal il-komunikazzjoni, għandha tintbagħat kopja tagħha, permezz ta’ ittra reġistrata, lill-ħaddiema suġġetti għat-tkeċċija kollettiva u li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom ikun diġà ġie mitmum dakinhar li twaħħlet il-komunikazzjoni.” |
13 |
L-Artikolu 67 tal-liġi tal-1998 jiddisponi: “Il-ħaddiem li jitkeċċa jista’ jikkontesta il-konformità mal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni biss jekk min iħaddem ma kienx konformi mal-kundizzjonijiet li jissemmew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(1). Il-ħaddiem li jitkeċċa ma jistax jikkontesta l-konformità mal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni jekk ir-rappreżentanti tal-persunal fi ħdan il-kunsill tal-impriża jew, fin-nuqqas ta’ dan tal-aħħar, il-membri tad-delegazzjoni sindakali jew, fin-nuqqas ta’ din, il-ħaddiema, li għandhom jiġu informati u kkonsultati, ma jkunux innotifikaw l-oġġezzjonijiet lil min iħaddem rigward il-konformità ma’ kundizzjoni waħda jew iktar li tissemma fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(1) fi ħdan 30 jum mid-data ta’ meta twaħħlet il-komunikazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(2). Fi żmien 30 jum mid-data tat-tkeċċija tiegħu jew mid-data meta t-tkeċċijiet saru tkeċċijiet kollettivi, il-ħaddiem li jitkeċċa għandu jikkomunika lil min iħaddmu, permezz ta’ ittra reġistrata, li qed jikkontesta l-konformità mal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni.” |
14 |
Fil-każ ta’ kontestazzjoni, minn ħaddiema mkeċċija li jippreżentaw rikors individwalment, f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni, u sakemm din il-kontestazzjoni tkun fondata, l-Artikoli 68 u 69 tal-liġi tal-1998 rispettivament jipprovdu jew is-sospensjoni tat-terminu ta’ notifika jew li l-ħaddiema għandhom jiksbu mill-ġdid l-impjieg tagħhom. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Mono Car ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza mogħtija bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali quddiem it-tribunal du travail de Liège fit-3 ta’ Frar 2006, D. Odemis et, kif ukoll ippreżentat appell inċidentali minn din is-sentenza. |
16 |
Mono Car, hija kumpannija sussidjarja tal-grupp Mono International, li tipproduċi partijiet u aċċessorji dekorattivi u kisi intern għal numru ta’ produtturi differenti ta’ karozzi. Fl-2004, minħabba f’telf qawwi li sofriet, il-kunsill amministrattiv ta’ Mono Car iddeċieda li jistudja l-possibbiltà li jipproċedi jew għal stralċ volontarju tal-kumpannija, jew għal tnaqqis sostanzjali tal-persunal tagħha. |
17 |
Hija informat lill-kunsill tal-impriża bis-sitwazzjoni finanzjarja u tal-possibbiltà ta’ tkeċċijiet kollettivi. Insegwitu, hija ffirmat flimkien mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet sindakali abbozz ta’ ftehim bil-miktub dwar pjan soċjali, li ġie sussegwentement ratifikat permezz ta’ ftehim kollettiv tax-xogħol, li jipprovdi l-metodi għar-ristrutturazzjoni tal-impriża u l-kundizzjonijiet għat-tkeċċija kollettiva, fosthom in-nuqqas ta’ notifika kif ukoll fatturi għall-kalkolu tal-kumpens għal tkeċċija u l-ammont tal-kumpens għal danni morali. Dan il-ftehim kollettiv ta’ xogħol jippreċiża li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva ġie ssodisfatt minn Mono Car. |
18 |
Fil-laqgħa ġenerali tal-persunal ta’ Mono Car ġie adottat il-pjan soċjali fuq imsemmi u l-kunsill tal-impriża rratifika l-vot meħud f’din il-laqgħa. |
19 |
Fl-14 ta’ Ġunju 2004 Mono Car ikkomunikat lill-awtorità pubblika kompetenti l-lista tat-30 ħaddiem ikkonċernati mit-tkeċċija kollettiva kif ukoll il-kriterji użati sabiex dawn jiġu magħżula u keċċiet lil dawn il-ħaddiema mill-21 ta’ Ġunju 2004. Ma tressqet l-ebda kontestazzjoni mir-rappreżentanti tal-persunal fi ħdan il-kunsill tal-impriża fir-rigward tal-osservanza ta’ waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 66 tal-liġi tal-1998. |
20 |
Fil-15 ta’ Ġunju 2004, l-awtorità pubblika kompetenti qablet li t-terminu ta’ notifika qabel ma jsiru t-tkeċċijiet jonqos b’ġurnata u kkonstatat li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ġiet osservata. |
21 |
Madankollu, wara laqgħa bejn Mono Car u l-ħaddiema mkeċċija, 21 minnhom kkontestaw quddiem it-tribunal du travail de Liège r-regolarità ta’ din il-proċedura skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67 tal-liġi tal-1998 u minn naħa, talbu li jerġgħu jiksbu mill-ġdid l-impjieg tagħhom kif ukoll ħlas għal remunerazzjoni mitlufa mill-ġurnata li fiha ntemm il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, kumpens għal dannu materjali jew morali subit. |
22 |
Bid-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2006, it-tribunal du travail de Liège ddeċieda li din il-kawża kienet ammissibbli u parzjalment laqgħa t-talbiet, billi kkundanna lil Mono Car għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali subit minħabba fin-nonosservanza tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni. Dan it-tribunal ikkonstata, bħala nuqqasijiet, in-nuqqas ta’ rapport bil-miktub u ta’ diskussjoni fi ħdan il-kunsill tal-impriża, in-nonosservanza tat-terminu ta’ notifika qabel ma jsiru t-tkeċċijiet kif ukoll it-tkomplija ta’ konsultazzjoni sindakali barra mill-kunsill tal-impriża. |
23 |
Mono Car appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-cour du travail de Liège, fejn talbet il-bdil ta’ din. Il-ħaddiema kkonċernati wkoll appellaw u talbu li l-ammonti mogħtija bħala kumpens għad-dannu materjali jiżdiedu u li jiġi rikonoxxut dannu morali. |
24 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-cour du travail de Liège, wara li laqgħat l-appell prinċipali u dak inċidentali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
25 |
Il-Gvern Belġjan ressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-1998 ma japplikawx fil-kawża prinċipali, billi din il-liġi tirrigwarda biss it-talbiet għall-ksib mill-ġdid tal-impjieg jew tas-sospensjoni tan-notifika tal-ħaddiema prevista fl-Artikoli 68 u 69 tiegħu, u fil-kuntest ta’ dan l-appell ma sarux dawn it-talbiet. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 98/59 ma tarmonizzax il-mezzi ta’ rikors fir-rigward tat-tkeċċijiet kollettivi. |
26 |
Dan il-gvern iqis ukoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli billi tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u billi l-qorti tar-rinviju ma tesponix korrettament il-portata tad-dritt Belġjan applikabbli. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C-414/07, Ġabra p. I-10921, punt 22) |
28 |
Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25; kif ukoll Magoora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). |
29 |
F’dak li jirrigwarda dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni tar-rinviju tesponi b’mod dettaljat il-kuntest legali u ta’ fatt tal-kawża prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li r-risposta għad-domandi magħmula hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha. |
30 |
It-tieni nett, fil-każ fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonstata diverġenzi fil-ġurisprudenza nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-portata tad-dritt nazzjonali applikabbli, xorta jibqa’ l-fatt li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li interpretazzjoni bħal din tkun neċessarja sabiex tittieħed deċiżjoni fil-kawża prinċipali. |
31 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli. |
Fuq l-ewwel domanda u t-tieni parti tar-raba’ domanda
32 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) sa (3) tiegħu, jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 67 tal-liġi tal-1998, li, fil-każ ta’ kontestazzjoni mressqa minn ħaddiema li jippreżentaw rikors individwalment, dwar l-osservanza minn min iħaddem tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni prevista minn din id-direttiva, minn naħa, tillimita l-ilmenti magħmula fir-rigward tan-nuqqasijiet mill-obbligi stabbiliti minn dispożizzjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(1) ta’ din il-liġi u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ kontestazzjoni bħal din għan-notifika minn qabel lil min iħaddem, lir-rappreżentanti tal-persunal fi ħdan il-kunsill tal-impriża, ta’ oġġezzjonijiet fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn l-obbligi, kif ukoll li l-ħaddiem ikkonċernat jikkomunika minn qabel lil min iħaddem, dwar il-fatt li jikkontesta li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ġiet osservata. |
33 |
Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi għall-infurzar tal-obbligi taħt din id-direttiva huma disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew għall-ħaddiema. |
34 |
Għalhekk, jirriżulta mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jistabbilixxu proċeduri li jippermettu l-osservanza tal-obbligazzjonijiet previsti mid-Direttiva 98/59. Min-naħa l-oħra, u sa fejn din id-direttiva ma tiżviluppax iktar ’il quddiem dan l-obbligu, huwa għall-Istati Membri li jirregolaw il-metodi ta’ dawn il-proċeduri. |
35 |
Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-każ fejn id-Direttiva 98/59 tiżgura biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi, xorta jibqa’ l-fatt li n-natura limitata ta’ armonizzazzjoni bħal din m’għandhiex tneħħi l-effetti utli tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 75/129, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-383/92, Ġabra p. I-2479, punt 25). |
36 |
Konsegwentement, jekk huwa għall-Istati Membri li jiżviluppaw il-proċeduri li jippermettu l-osservanza tal-obbligazzjonijiet previsti mid-Direttiva 98/59, dan l-iżvilupp madankollu m’għandux ineħħi l-effetti utli tad-dispożizzjonijiet ta’ din. |
37 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni Belġjana tipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, dritt ta’ kontestazzjoni li, minn naħa, mhuwiex limitat f’dak li jirrigwarda l-ilmenti li jistgħu jiġu invokati u, min-naħa l-oħra, mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, għajr dawk dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, huwa paċifiku li l-Artikolu 67 tal-liġi tal-1998 jagħti lill-ħaddiema dritt li jippreżentaw rikors individwalment, għalkemm limitat għall-ilmenti li jistgħu jiġu invokati u bil-kundizzjoni li l-oġġezzjonijiet mir-rappreżentanti tal-ħaddiema jiġu fformulati minn qabel, kif ukoll li min iħaddem ikun ikkomunikat minn qabel, mill-ħaddiem ikkonċernat tal-fatt li jikkontesta li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ġiet osservata. Għalhekk tqum id-domanda dwar jekk tali limitu ta’ dritt ta’ kontestazzjoni individwali tal-ħaddiema jew li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għal tali kundizzjonijiet jistax ineħħi l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 jew, hekk kif sostnew D. Odemis et, jillimita l-protezzjoni tal-ħaddiema previst minn din id-direttiva. |
38 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta l-ewwel nett mit-test u mill-istruttura tad-Direttiva 98/59 li d-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li tipprovdi hija intiża għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u mhux għall-ħaddiema individwalment. |
39 |
Għalhekk, l-għaxar premessa u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu(2) tad-Direttiva 98/59 jirreferu għall-esperti li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jirreferu għalihom minħabba fin-natura teknika kumplessa tal-oqsma li jafu jkunu suġġetti għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni. Barra minn dan, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, li fih definizzjonijiet għall-finijiet ta’ dan, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rappreżentanti tal-ħaddiema”, iżda mhux dak ta’ ħaddiema. Bl-istess mod, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddeskrivi l-obbligi ta’ min iħaddem u d-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li jirrelathom biss mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Bl-istess mod, l-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi l-obbligu ta’ notifika lill-awtorità pubblika kompetenti dwar kull pjan ta’ tkeċċija kollettiva flimkien mal-informazzjoni kollha utli dwar din u l-konsultazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, li għandhom jirċievu mingħand min iħaddem kopja ta’ din in-notifika u jistgħu jindirizzaw l-osservazzjonijiet tagħhom eventwali lil din l-awtorità, filwaqt li tali possibilitajiet ma jingħatawx lill-ħaddiema. |
40 |
It-tieni nett, in-natura kollettiva tad-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni jirriżulta wkoll minn interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 98/59. Sa fejn l-informazzjoni u l-konsultazzjoni previsti minn din id-direttiva b’mod partikolari huma intiżi, minn naħa, sabiex jippermettu l-ifformular ta’ proposti kostruttivi li għallinqas jirrigwardaw il-possibilità li jiġu evitati jew li jitnaqqsu t-tkeċċijiet kollettivi u li jittaffew il-konsegwenzi kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jitressqu osservazzjonijiet eventwali lill-awtorità pubblika kompetenti, huma r-rappreżentanti tal-ħaddiema li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni sabiex jilħqu l-għan ta’ din id-direttiva. |
41 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li d-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni, li kien diġà ġie previst b’mod identiku mid-Direttiva 75/129, huwa eżerċitat permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 u 23, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, Confédération générale du travail et, C-385/05, Ġabra p. I-611, punt 48). |
42 |
Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni previst fid-Direttiva 98/59, b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tagħha, huwa intiż b’mod li jibbenefikaw il-ħaddiema bħala grupp u għalhekk għandu natura kollettiva. |
43 |
Il-livell ta’ protezzjoni ta’ dan id-dritt kollettiv mitlub mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jintlaħaq f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tagħti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema dritt li jippreżentaw rikors, li hekk kif indikat mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, mhuwiex suġġett għal limiti jew għal kundizzjonijiet speċifiċi. |
44 |
Konsegwentement, u bla ħsara għall-mezzi ta’ rikors ta’ dritt intern previsti sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet individwali tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija irregolari, ma jistax jiġi argumentat b’mod validu li l-protezzjoni tal-ħaddiema hija ristretta jew li l-effett utli tad-Direttiva 98/59 huwa effettwat mill-fatt li, fil-kuntest tal-proċeduri li jippermettu lill-ħaddiema li jippreżentaw rikors individwalment sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni previst minn din id-direttiva, l-ilmenti li jistgħu jiġu invokati minn dawn huma limitati jew li d-dritt tagħhom li jippreżentaw rikors huwa suġġett għall-ifformular minn qabel tal-oġġezzjonijiet mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, kif ukoll mill-komunikazzjoni minn qabel lil min iħaddem mill-ħaddiem ikkonċernat, rigward il-fatt li jikkontesta li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ġiet osservata. |
45 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fir-rigward tal-ewwel domanda u t-tieni parti tar-raba’ domanda għandu jingħad li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tagħha, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċeduri li jippermettu kemm lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kif ukoll lil dawn tal-aħħar individwalment jiżguraw l-osservanza tal-obbligi previsti minn din id-direttiva, iżda tillimita d-dritt individwali tal-ħaddiema li jippreżentaw rikors f’dak li jirrigwarda l-ilmenti li jistgħu jiġu invokati u li tissuġġetta dan id-dritt għall-kundizzjoni li jkunu fformulati oġġezzjonijiet minn qabel fir-rigward ta’ min iħaddem mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, kif ukoll għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikkonċernat ikun informa minn qabel lil min iħaddem dwar il-fatt li jkun qiegħed jikkontesta li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni kienet ġiet osservata. |
Fuq it-tieni domanda
46 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u għat-tieni parti tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk sistema bħal dik analizzata fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn id-domandi, fejn id-dritt individwali tal-ħaddiema li jippreżentaw rikors sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni previsti minn din id-direttiva huwa limitat f’dak li jirrigwarda l-ilmenti li jistgħu jiġu invokati u huwa suġġett għall-fatt li l-oġġezzjonijiet ikunu fformulati minn qabel mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, kif ukoll li l-ħaddiem ikkonċernat jikkomunika minn qabel lil min iħaddem, dwar il-fatt li jikkontesta li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ġiet osservata, hijiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal protezzjoni legali effettiva stabbilit mill-Artikolu 6 tal-KEDB. |
47 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar mill-bidu li l-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u li ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 335). |
48 |
Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għaldaqstant, għalkemm hija l-liġi nazzjonali li għandha, bħala prinċipju, tistabbilixxi l-kwalità u l-interess ta’ individwu biex jippreżenta rikors, madankollu d-dritt Komunitarju jirrikjedi minbarra l-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li l-liġi nazzjonali ma tostakolax id-dritt għall-protezzjoni legali effettiva (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1991, Verholen et, C-87/90 sa C-89/90, Ġabra p. I-3757, punt 24; tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero, C-13/01, Ġabra p. I-8679, punt 50, kif ukoll Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). |
50 |
Fir-rigward tad-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni previst fid-Direttiva 98/59, għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-punti 38 sa 42 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt huwa intiż għall-benefiċċju tal-ħaddiema bħala grupp u li għalhekk għandu natura kollettiva. Il-fatt li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu proċeduri favur ħaddiema individwalment ma jbiddilx in-natura kollettiva ta’ din id-dritt. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sistema nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi favur ir-rappreżentanti tal-ħaddiema proċedura li tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza minn min iħaddem tal-obbligi kollha ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni stabbiliti mid-Direttiva 98/59 u li barra minn dan tagħraf dritt individwali favur il-ħaddiema li jippreżentaw rikors suġġett għal limiti u kundizzjonijiet speċifiċi, huwa ta’ natura li jiżgura protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet kollettivi stabbiliti minn din id-direttiva fil-qasam tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni. |
52 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal ’il fuq, jaqbel li t-tweġiba għat-tieni domanda magħmula tkun li ċ-ċirkustanza li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi għar-rappreżentanti tal-ħaddiema proċeduri li jippermettulhom li jiżguraw l-osservanza minn min iħaddem tal-obbligi kollha ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni stabbiliti mid-Direttiva 98/59, hija suġġetta għal limiti u tagħmel kundizzjonijiet fuq id-dritt individwali ta’ kull ħaddiem suġġett għal tkeċċija kollettiva li jippreżenta rikors mhijiex ta’ natura li tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva |
Fuq it-tielet domanda
53 |
Fid-dawl tar-risposti mogħtija lill-ewwel u lit-tieni domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li ġiet magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-każ fejn id-Direttiva 98/59 tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 67 tal-liġi tal-1998. |
Fuq l-ewwel parti tar-raba’ domanda
54 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 jipprekludix dispożizzjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tal-liġi tal-1998, billi din tal-aħħar tnaqqas mill-obbligi ta’ min iħaddem li biħsiebu jipproċedi għal tkeċċija kollettiva. |
55 |
F’dan ir-rigward għandu jingħad, hekk kif semma l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, li m’hemmx dubju li l-obbligi imposti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tal-liġi tal-1998 fuq min iħaddem, sabiex jipproċedi għal tkeċċija kollettiva, ma jikkorrispondux ma’ dawk kollha previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59. |
56 |
Konsegwentement, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tal-liġi tal-1998 meta kkunsidrat waħdu, li hija ta’ natura li tnaqqas l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ta’ min iħaddem li biħsiebu jipproċedi għal tkeċċijiet kollettivi meta mqabbel ma’ dawk previsti f’dan l-Artikolu 2. |
57 |
Madankollu għandu jingħad li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tal-liġi tal-1998 li min iħaddem li biħsiebu jipproċedi għal tkeċċijiet bħal dawn għandu josserva l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni fir-rigward tat-tkeċċijiet kollettivi, skont il-ftehim kollettiv applikabbli. Il-ftehim kollettiv Nru 24, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, tirriproduċi b’mod komplet l-obbligi li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi li jimponi fuq min iħaddem. |
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tal-liġi tal-1998 hija, fid-dawl tas-subparagrafu preċedenti għaliha, suxxettibbli għal interpretazzjoni fejn din id-dispożizzjoni, meta tirreferi għall-ftehim kollettiv Nru 24, ma teżentax lil min iħaddem mill-osservanza tal-obbligi kollha msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59. |
59 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata kontrih, minkejja li tkun dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva intiża sabiex tagħti drittijiet jew sabiex timponi obbligi fuq individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ kawża bejn individwi biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punti 108 u 109). |
60 |
Madankollu, meta tapplika d-dritt intern, il-qorti nazzjonali għandha tinterpretaha sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex tikseb ir-riżultat mixtieq tagħha u għaldaqstant tkun konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 249 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113). |
61 |
Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali u hija limitata mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dak taċ-ċertezza legali, fis-sens li ma tistax tkun il-bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, Ġabra p. 3969, punt 13; tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 110; tal-15 ta’ April 2008, Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100, u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07, Ġabra p. I-3071, punt 199). |
62 |
Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali hekk kif impost mid-dritt Komunitarju, jitlob li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu kemm hu sabiex tevalwa sa liema punt jista’ jiġi applikat sabiex ma twassalx għal riżultat li jmur kontra dak stabbilit mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115). |
63 |
F’dan ir-rigward, jekk id-dritt nazzjonali, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mill-liġi nazzjonali jwassal, f’ċerti ċirkustanzi, biex dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali tiġi interpretata b’tali mod sabiex jiġi evitat kunflitt ma’ regola oħra ta’ liġi nazzjonali jew l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni jiġi ristrett billi tiġi applikata biss sa fejn hija kompatibbli mar-regola kkonċernata, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tuża dawn il-metodi sabiex tikseb ir-riżultat li riedet tasal għalih id-direttiva inkwistjoni (ara s-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116). |
64 |
F’dan il-każ, dan il-prinċipju għalhekk jitlob li l-qorti tar-rinviju tiżgura li sa fejn huwa fil-ġurisdizzjoni tagħha, fir-rigward tar-regoli kollha ta’ dritt nazzjonali, id-Direttiva 98/59 ikollha effett utli, sabiex tevita li l-obbligi ta’ min iħaddem, li huwa biħsiebu jipproċedi għat-tkeċċijiet kollettivi jitnaqqsu meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. |
65 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jaqbel li t-tweġiba għall-ewwel parti tar-raba’ domanda magħmula tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas l-obbligi ta’ min iħaddem li jkun biħsiebu jagħti tkeċċijiet kollettivi meta mqabbla ma’ dawk previsti f’dan l-Artikolu 2. Fl-applikazzjoni tad-dritt intern, il-qorti nazzjonali għandha, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali, tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u tinterpretahom, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 98/59 sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq tagħha. Konsegwentement għandha tiżgura, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, li l-obbligi ta’ min iħaddem ma jitnaqqsux meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
66 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.