Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0341

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 3 ta' Settembru 2009.
Domnica Petersen vs Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Sozialgericht Dortmund - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 2(5) u 6(1) - Projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa l-età ta’ 68 sena bħala l-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa - Għan imfittex - Kunċett ta’ ‘miżura neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa’ - Koerenza - Karattru adattat u approprjat tal-miżura.
Kawża C-341/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:513

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2009 ( 1 )

Kawża C-341/08

Domnica Petersen

vs

Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe

“Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(5) u 6(1) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa għal 68 sena l-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa — Għan li għandu jintlaħaq — Kunċett ta’ ‘miżura neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa’ — Koerenza — Natura adatta u xierqa tal-miżura”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, is-Sozialgericht Dortmund (il-Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ) għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-awtorizzazzjoni biex tiġi eżerċitata l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiskadi fl-aħħar tat-trimestru li matulu d-dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jilħaq l-età ta’ 68 sena.

2. 

Il-partikolarità ta’ din il-kawża hija li, fid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tara l-ġustifikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fir-rigward biss tal-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti li jaqgħu taħt is-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, mill-aspett taż-żamma ta’ servizz mediku ta’ kwalità minħabba l-preżunzjoni ta’ kapaċità ġenerali inferjuri min-naħa ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jkunu laħqu l-età ta’ 68 sena.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nispjega għaliex jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-analiżi tal-istess leġiżlazzjoni ma tiġix limitata għall-aspett uniku tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Jiena ser nuri li, fid-dawl tal-kuntest ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ġustifikazzjoni tal-istess leġiżlazzjoni għandha tkun evalwata l-ewwel nett fid-dawl taż-żewġ għanijiet prinċipali li hija għandha, jiġifieri, minn naħa, l-għan intiż biex jiġi kkonservat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard u, min-naħa l-oħra, dak li huwa intiż li jiggarantixxi l-possibbiltajiet għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda biex jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

4. 

Huwa abbażi ta’ dawn iż-żewġ għanijiet li jiena ser insostni li l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 5, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-Direttiva 2000/78

5.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

6.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

7.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

8.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

9.

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

B — Id-dritt nazzjonali

10.

Il-liġi fuq il-garanzija u t-titjib tal-istrutturi tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard (Gesetz zur Sicherung und Strukturverbesserung der gesetzlichen Krankenversicherung), tal-21 ta’ Diċembru 1992 ( 3 ), introduċiet limitu fl-età massima li tapplika għat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jinsab, mill-14 ta’ Novembru 2003, fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tal-Ktieb V tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch). ( 4 )

11.

Dan l-artikolu jipprevedi li, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 1999, l-awtorizzazzjoni biex wieħed jeżerċita l-attività ta’ tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiskadi fl-aħħar tat-trimestru li fih it-tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jilħaq l-età ta’ 68 sena. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 72(1) tas-SGB V, din id-dispożizzjoni tapplika b’analoġija għad-dentisti.

12.

L-espożizzjoni tal-motivi tal-GSG 1993 hija fformulata kif ġej:

“It-tkabbir fin-numru ta’ tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jikkostitwixxi waħda mill-kawżi essenzjali taż-żidiet eċċessivi fl-ispejjeż tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard. Fid-dawl tat-tkabbir kostanti fin-numru ta’ tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali, jidher li huwa meħtieġ li jiġi limitat in-numru ta’ tobba fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. L-eċċess fil-provvista ma jistax jiġi kkontrollat biss b’limitazzjonijiet fl-awtorizzazzjoni u għaldaqstant bi żvantaġġ għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tat-tobba. L-introduzzjoni ta’ limitu obbligatorju fl-età tat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa huwa meħtieġ ukoll għal dan il-għan.”

13.

Sussegwentement, il-leġiżlatur Ġermaniż ħassar id-dispożizzjoni tas-SGB V li kienet tillimita l-awtorizzazzjonijiet skont il-bżonn, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007.

14.

Barra minn hekk, bil-liġi għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni fil-qasam tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard (Gesetz zur Stärkung des Wettbewerbs in der gesetzlichen Krankenversicherung), tas-26 ta’ Marzu 2007, il-leġiżlatur Ġermaniż neħħa r-restrizzjonijiet kollha fuq l-awtorizzazzjoni tad-dentisti fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa b’seħħ mill-1 ta’ April 2007, minħabba, b’mod partikolari, li l-problema tal-eċċess fil-provvista ma tqumx bl-istess mod fil-qasam tal-kura dentali statali kif tqum fil-qasam tal-kura medika tal-istat. Madankollu, il-limitu marbut mal-età ta’ 68 sena baqa’ hemm.

15.

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta permezz tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej għall-implementazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali (Gesetz zur Umsetzung europäischer Richtlinien zur Verwirklichung des Grundsatzes der Gleichbehandlung), tal-14 ta’ Awwissu 2006, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Awwissu 2006. L-ewwel artikolu ta’ din il-liġi fiha l-liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz) ( 5 ). Din il-liġi la ħassret u lanqas biddlet il-limitu fl-età previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V.

II — Il-kawża prinċipali u d-domandi prinċipali

16.

D. Petersen, li twieldet fl-24 ta’ April 1939, laħqet l-età ta’ 68 sena fix-xahar ta’April 2007. Hija kienet ilha awtorizzata tipprovdi servizzi ta’ dentista fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa sa mill-1 ta’ April 1974.

17.

B’deċiżjoni tal-25 ta’ April 2007, il-Kummissjoni għall-Awtorizzazzjoni tad-Dentisti tad-distrett ta’ Westfalen-Lippe kkonstatat li din l-awtorizzazzjoni kienet tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2007.

18.

D. Petersen ressqet ilment kontra kontra din id-deċiżjoni fejn esponiet, b’mod partikolari, li hija kienet tmur kontra d-Direttiva 2000/78 u kontra l-liġi Ġermaniża li tittrasponi din id-direttiva. Hija talbet ukoll, permezz ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, l-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji li jawtorizzawha teżerċita bħala dentist fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa għal perijodu ta’, mill-inqas, sentejn oħra. Din it-talba, madankollu, ma ntlaqgħatx la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell.

19.

Barra minn hekk, peress li l-appell tagħha ġie eżaminat u miċħud mill-Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe, D. Petersen ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem is-Sozialgericht Dortmund.

20.

Din il-qorti tesponi li ċ-ċaħda tal-ilment ippreżentat minn D. Petersen hija valida fid-dawl tad-dritt nazzjonali, peress li l-liġi Ġermaniża li tittrasponi d-Direttiva 2000/78 ma hijiex ta’ livell ogħla mil-liġi li timponi l-limitu fl-età u għaldaqstant ma tinvalidax din tal-aħħar. Il-kostituzzjonalità ta’ dan il-limitu fl-età ġiet eżaminata wkoll mill-Bundesverfassungsgericht.

21.

B’sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2007, din tal-aħħar iddeċidiet b’hekk li l-limitu fl-età inkwistjoni ma jmurx kontra l-Kostituzzjoni Ġermaniża. Hija tiġġustifika dan bil-ħtieġa li jiġu protetti l-assigurati fir-rigward tar-riskji li jippreżentaw id-dentisti anzjani li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li l-kapaċità ġenerali tagħhom ma tibqax waħda mill-aħjar. Skont il-Bundesverfassungsgericht, l-esperjenza ġenerali turi li r-riskju ta’ tnaqqis fil-kapaċità ġenerali tagħhom jiżdied mal-età. Hija kkunsidrat li, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu, il-leġiżlatur Ġermaniż ma kellux l-għażla unika li jipprovdi, għall-każijiet speċifiċi, eżami individwali li jippermetti li tiżgura l-kapaċità fiżika u mentali tat-tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa malli jagħlaq l-età ta’ 68 sena. Min-naħa l-oħra, dan il-leġiżlatur jista’ jadotta leġiżlazzjoni ġenerali bbażata fuq data bbażata fuq l-esperjenza. Il-Bundesverfassungsgericht iddeċidiet ukoll li kien irrilevanti l-fatt li ma ssemmietx il-protezzjoni tas-saħħa tal-assigurati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni legali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-aspetti kollha, anki jekk dawn ma jinstabux fl-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi.

22.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk din l-analiżi tapplikax ukoll għad-Direttiva 2000/78. Hija tqis, fil-fatt, li jeżistu dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V ma’ din id-direttiva.

23.

Wara li uriet li, fil-fehma tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha tapplika u li l-limitu fl-età ta’ 68 sena jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fuq bażi tal-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju ssostni li la l-Artikolu 2(5) u lanqas l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva ma jippermettu li jiġi ġġustifikat dan il-limitu fl-età.

24.

Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, din l-istess direttiva ma tippreġudikax il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali li huma neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa. Peress li l-leġiżlatur ma adottax il-limitu tal-età taħt dan l-aspett, din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti.

25.

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq l-età ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni li tmur kontra l-imsemmija direttiva jekk hija tkun tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol professjonali inkwistjoni. Madankollu, il-limitu fl-età inkwistjoni għandu erba’ eċċezzjonijiet li skont il-qorti tar-rinviju, irendu impossibbli l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li huma:

jekk l-interessat ikun ħadem għal perijodu ta’ inqas minn 20 sena bħala tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa meta huwa jilħaq l-età ta’ 68 sena u jekk huwa jkun diġà ġie awtorizzat bħala tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa qabel l-1 ta’ Jannar 1993, f’dan il-każ, il-kummissjoni responsabbli għandha testendi l-awtorizzazzjoni sa mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ 20 sena;

jekk jirriżulta jew ikun imminenti nuqqas ta’ tobba f’ċerti żoni tar-reġjun tal-awtorizzazzjoni, il-limitu fl-età ma japplikax;

f’każ ta’ mard, leave jew parteċipazzjoni f’taħriġ, it-tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jista’ jiġi sostwitwit b’tabib (dentist) li ma jkunx għadu awtorizzat bħala tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa minħabba l-limitu fl-età, u

id-dentisti jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikomplu jeżerċitaw l-attività tagħhom wara l-età ta’ 68 sena barra mis-sistema nazzjonali li magħha jkunu ntrabtu fuq bażi kuntrattwali.

26.

Il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-limitu fl-età previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V huwiex kopert mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fehma tagħha, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “għan leġittimu” kif ukoll tat-termini “approprjati [xierqa]” u “neċessarji” li jinsabu f’dan l-Artikolu 6(1).

27.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Ġermaniż bl-introduzzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V, jiġifieri li jigi ggarantit il-finanzjament tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard u li jiġi żgurat it-tqassim ibbilanċjat tal-piżijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, jikkostitwixxu “għanijiet leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, f’dak li jikkonċerna d-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, dan il-limitu fl-età ma huwiex jew ma huwiex iktar meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-liġi għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni fil-qasam tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard tas-26 ta’ Marzu 2007 neħħiet ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-awtorizzazzjoni għad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, b’seħħ mill-1 ta’ April 2007, fejn il-leġiżlatur Ġermaniż ikkunsidra li l-problema tal-eċċess fil-provvista ma kinitx tqum bl-istess mod fil-qasam tal-kura dentali statali kif tqum fil-qasam tal-kura medika statali.

28.

Barra minn hekk, skont din il-qorti, il-protezzjoni tas-saħħa tal-assigurati tikkostitwixxi, fil-prinċipju, “għan leġittimu” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Hija tirrileva, madankollu, li dan l-għan, fir-realtà, bl-ebda mod ma mmotiva lil-leġiżlatur Ġermaniż biex jintroduċi t-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V. Huwa ċar li, fin-nuqqas ta’ defiċit finanzjarju fis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard u għaldaqstant fin-nuqqas ta’ ħtieġa li jiġu limitati l-awtorizzazzjonijiet, ma kienet tiġi introdotta ebda skadenza tal-awtorizzazzjoni bbażata fuq l-età. Ma jeżisti ebda element li juri li, il-leġiżlatur Ġermaniż bix-xewqa tiegħu li jorganizza, kien imbagħad jieħu inkunsiderazzjoni l-aspett li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-assigurati flimkien mal-limitu fl-età inkwistjoni. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-protezzjoni tas-saħħa tal-assigurati tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu f’din il-kawża.

29.

Hija tiddubita wkoll li l-limitu fl-età introdott mit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V huwa xieraq u neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa tal-assigurati. Hija tistaqsi jekk setax kienu previsti mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari billi, jekk ikun hemm talba f’dan is-sens, tkun permessa l-estensjoni temporanja tal-awtorizzazzjoni wara li jsir eżami individwali tal-prestazzjoni. L-impatt tal-limitu fl-età huwa, fil-fatt, penalizzanti ħafna għad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jkunu jixtiequ jwettqu l-attività tagħhom lil hinn minn dan il-limitu, u dan peress li 90% tal-popolazzjoni huma assigurati mis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

30.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li s-Sozialgericht Dortmund iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Tista’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi età massima għall-aċċess għal professjoni (f’dan il-każ għall-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa) fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tkun miżura objettiva u raġonevoli għall-protezzjoni ta’ għan leġittimu (f’dan il-każ is-saħħa tal-pazjenti li għandhom assigurazzjoni tas-saħħa statutorja) u mezz xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78/KE meta din il-leġiżlazzjoni hija bbażata esklużivament fuq il-preżunzjoni, derivata mill-“esperjenza ġenerali tal-ħajja”, li wara età partikolari tibda tmur lura l-kapaċità ġenerali ta’ dak li jkun mingħajr ma tittieħed b’ebda mod inkunsiderazzjoni l-kapaċità attwali tal-persuna kkonċernata?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: jista’ għan (leġiżlattiv) (f’dan il-każ il-protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti li għandhom assigurazzjoni tas-saħħa statutorja) jiġi kkunsidrat bħala leġittimu fis-sens ta’ l-Artikolu 6 anki jekk dan l-għan ma kellu ebda rwol fil-perċezzjoni mil-leġiżlatur tad-diskrezzjoni leġiżlattiva tiegħu?

3)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda: liġi promulgata qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE li ma hijiex kompatibbli ma’ din id-direttiva għandha, minħabba l-preċedenza tad-dritt Ewropew, ma tiġix applikata jekk il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (f’dan il-każ l-Allgemeine Gleichbehandlungsgesetz [Liġi ġenerali dwar it-trattament ugwali]) ma tipprevedi ebda konsegwenza legali fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni?”

III — Kunsiderazzjonijiet

A — Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

31.

Il-gvern Ġermaniż iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan il-gvern isostni li d-dispożizzjoni kkontestata kellha titħassar bl-ewwel artikolu, punt 1(1) tal-liġi fuq l-iżvilupp tas-sistemi organizzattivi tal-assigurazzjoni tal-mard legali (Gesetz zur Weiterentwicklung der Organisationsstrukturen in der gesetzlichen Krankenversicherung), b’seħħ retrospettiv għall-1 ta’ Ottubru 2008. Skont l-istess gvern, din il-liġi kellha tkun is-suġġett ta’ liġi oħra li tagħti lil D. Petersen il-possibbiltà li tikseb awtorizzazzjoni biex teżerċita l-professjoni tagħha u dan indipendentement mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

32.

Dan l-argument ma jidhirlix li huwa rilevanti. Tkun xi tkun l-emenda ulterjuri fid-dritt nazzjonali, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju hija, fil-fatt, determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari, sabiex din il-qorti tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi jekk iċ-ċaħda tal-ilment tar-rikorrenti min-naħa tal-Berufungsausschuss für Zahnärzte für den Bezirk Westfalen-Lippe kinitx ġustifikata u jekk din ġietx imċaħħda mill-possibbiltà li teżerċita l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa wara t-30 ta’ Ġunju 2007.

B — Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

33.

Jiena ser nanalizza l-ewwel u t-tieni domandi flimkien. B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-awtorizzazzjoni biex wieħed jeżerċita l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiskadi fi tmiem it-trimestru li fih id-dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jilħaq l-età ta’ 68 sena. Hija tistaqsi wkoll fuq il-metodu li jippermetti li jiġi identifikat l-għan li fid-dawl tiegħu trid tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni għat-trattament differenti bbażat fuq l-età.

34.

Jiena ser nibda biex nivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqax sewwasew fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

35.

Jirriżulta, kemm mit-titolu u kemm mill-preambolu li l-kontenut u l-għan tad-Direttiva 2000/78, li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali biex jiġi żgurat trattament ugwali “fl-impjieg u fix-xogħol” lil kulħadd, billi tiġi offruta protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-ewwel artikolu tagħha, fosthom l-età. B’mod iktar partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78 li din tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, “il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali” u, min-naħa l-oħra, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

36.

Id-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jipprovdu l-kura fil-kuntest tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard. It-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V tobbliga lil dawn id-dentisti biex jieqfu jipprovdu kura taħt is-sistema nazzjonali malli jilħqu l-età ta’ 68 sena, ħaġa li għandha bħala effett li taffettwa l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom. Iktar minn hekk, l-introduzzjoni ta’ tali limitu fl-età tista’ jkollha bħala konsegwenza li twaqqaf l-attività professjonali minħabba nuqqas ta’ vijabbiltà, inkwantu, kif tindika l-qorti tar-rinviju, madwar 90% tal-popolazzjoni hija assigurata bis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard. Wara l-età ta’ 68 sena, id-dentisti ma jkunux jistgħu jkomplu jaħdmu bħala dentisti fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u jsibu ruħhom, b’mod iktar ġenerali, affettwati fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom bħala dentisti. Din il-liġi nazzjonali tikkonċerna għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-“kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll il-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din l-istess direttiva. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li tali liġi nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

37.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 jiddefinixxi l-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” li hija intiża li timplementa bħala li jfisser li “m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-direttiva]”. L-Artikolu 2(2)(a) tal-istess direttiva jippreċiża li, biex japplika l-paragrafu 1 tal-artikolu msemmi, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn oħra li qiegħda f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

38.

F’dan il-każ, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħti trattament inqas favorevoli lid-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jkunu laħqu l-età ta’ 68 sena meta mqabbla ma’ dawk li jkunu għadhom ma laħqux dik l-età. Tali leġiżlazzjoni tagħmel, b’hekk, differenza fit-trattament li hija bbażata direttament fuq l-età li, fil-prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

39.

Għad irid jiġi stabbilit jekk tali trattament differenti jistax ikun iġġustifikat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit l-aspett li minnu trid tiġi eżaminata din il-ġustifikazzjoni.

40.

Fl-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel enfasi fuq l-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-pazjenti li jaqgħu taħt is-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, mill-aspett taż-żamma ta’ servizz mediku ta’ kwalità minħabba l-preżunzjoni li tibda tmur lura l-kapaċità ġenerali tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jilħqu l-età ta’ 68 sena. Id-diċitura stess ta’ dawn iż-żewġ domandi kif ukoll l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha juru madankollu li hija għandha dubji dwar ir-rilevanza ta’ dan l-għan biex jiġi ġġustifikat il-limitu fl-età previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V ( 6 ).

41.

Waqt is-seduta, il-gvern Ġermaniż ipprova jiġġustifika din id-dispożizzjoni prinċipalment fid-dawl ta’ żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi kkonservat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard u, min-naħa l-oħra, dak intiż li jiġu ggarantiti l-possibbiltajiet tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Dan il-gvern indika espliċitament li huwa kien ser jeżamina, b’mod marġinali biss, l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-pazjenti li jidħlu fis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

42.

Din il-pożizzjoni ssaħħaħ il-konvinzjoni tiegħi li dan l-aħħar għan huwa ta’ natura sekondarja meta mqabbel maż-żewġ għanijiet prinċipali mfittxija mit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V.

43.

L-eżami tal-kuntest ġenerali li jdur ma’ dan l-artikolu jikkonferma din il-fehma. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenzi tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa ( 7 ), u tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England ( 8 ), il-passi li għandhom jittieħdu biex jiġi identifikat l-għan jew l-għanijiet li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ġġustifikat xi trattament differenti bbażat fuq l-età. Jirriżulta minn dawn is-sentenzi li, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-għanijiet li hija għandha, huwa essenzjali li elementi oħra, li jirriżultaw mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu li jiġi identifikat l-għan wara din il-miżura sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tagħha kif ukoll dak li jikkonċerna n-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi adottati sabiex jitwettaq dan il-għan ( 9 ).

44.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha jinsab dan l-artikolu ma jurix espressament li l-limitu fl-età inkwistjoni ġie introdott u mbagħad miżmum abbażi tal-preżunzjoni li l-kwalità tas-servizzi pprovduti mid-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tonqos malli dawn jilħqu l-età ta’ 68 sena. Dan l-aspett, għalhekk, ma huwiex l-aspett li ntuża biex tkun iġġustifikata l-introduzzjoni tal-limitu fl-età ta’ 68 sena.

45.

Il-kuntest ġenerali ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali lanqas ma jippermetti li jingħad, fil-fehma tiegħi, li hija l-preżunzjoni li l-kapaċità ġenerali tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jilħqu l-età ta’ 68 sena tibda tmur lura, li hija deċiżiva biex jiġi spjegat il-fatt li l-limitu fl-età jinżamm. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-liġi Ġermaniża li inizjalment introduċiet dan il-limitu fl-età kellha l-għan li tiggarantixxi u ttejjeb l-istrutturi tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard sabiex tiżgura l-finanzjament tagħha u li l-imsemmi limitu llum jinsab fil-kodiċi Ġermaniż tas-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, huwa dan l-aspett tal-protezzjoni tas-saħħa li jirrigwarda l-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard li jirriżulta mill-analiżi tal-kuntest ġenerali tal-liġi msemmija, u mhux dak li jirrigwarda t-tnaqqis fil-livell ta’ kwalità tas-servizzi dentali li jiġu pprovduti minn dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jkollhom iktar minn 68 sena. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod espliċitu mill-motivi tal-GSG 1993 li l-introduzzjoni ta’ limitu fl-età għall-eżerċizzju tal-attività ta’ tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa kienet mifhuma mil-leġiżlatur Ġermaniż bħala strument intiż li jikkontrolla ż-żieda fl-ispejjeż tas-saħħa marbutin mal-eċċess ta’ provvista ta’ servizzi mediċi fil-kuntest tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

46.

Waqt is-seduta, il-gvern Ġermaniż spjega sewwasew għaliex l-għan maħsub li jikkonserva l-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard kien dejjem validu, anki wara t-tneħħija, mill-1 ta’ April 2007, tar-restrizzjonijiet imposti fuq l-għoti tal-awtorizzazzjoni sabiex wieħed jaħdem ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Huwa indika li, sabiex jiġu limitati l-ispejjeż tas-saħħa fil-kuntest tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, il-leġiżlatur Ġermaniż ħass li kien meħtieġ li jitnaqqas in-numru ta’ tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, billi jitlaq mill-premessa li d-domanda twassal għall-provvista. Minn dan l-aspett, ir-restrizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni biex wieħed jaħdem ta’ tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa kienu ġew implementati, iżda dawn ma kinux l-uniċi strumenti intiżi biex jiġġieldu kontra ż-żieda fl-ispejjeż tas-saħħa. Il-limitu fl-età ta’ 68 sena kien jinsab ukoll fost dawn l-istrumenti ( 10 ). Meta, fl-2007, il-leġiżlatur Ġermaniż ħass li l-problema tal-eċċess fil-provvista tas-servizzi ma kinitx tapplika bl-istess mod fil-qasam tax-xogħol tad-dentisti bħalma tapplika f’dak tat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, huwa ddeċieda li jneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni għad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u li jimplementa fażi ta’ osservazzjoni li tista’ twassal eventwalment għat-tneħħija tal-miżuri regolatorji kollha li qabel kienu ġew implementati fir-rigward tal-istess dentisti. Il-leġiżlatur Ġermaniż, madankollu, ma xtaqx jabbanduna simultanjament il-mezzi kollha intiżi li jikkontrollaw iż-żieda fl-ispejjeż tas-saħħa. Huwa xtaq iżomm, b’mod tranżitorju, wieħed minn dawn il-mezzi, jiġifieri l-limitu fl-età ta’ 68 sena, filwaqt li jirriżerva l-possibbiltà għalih li jneħħih sussegwentement skont l-iżvilupp fl-ispejjeż tas-saħħa li jirrigwardaw is-servizzi ta’ kura dentali pprovduti fil-kuntest tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

47.

Dawn l-elementi juru, fil-fehma tiegħi, li l-għan li jiġi ggarantit il-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard jagħmel parti mill-għanijiet li għandu l-limitu fl-età ta’ 68 sena previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tasd-SGB V.

48.

Barra minn hekk, jirriżulta ċar mill-motivi tal-GSG 1993 li l-introduzzjoni tal-limitu fl-età ta’ 68 sena tikkostitwixxi ukoll miżura ta’ ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet, intiża li tevita li l-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ dentisti tkun l-unika waħda li jkollha tbati l-inkonvenjenti marbutin mal-implementazzjoni ta’ politika ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tas-saħħa fi ħdan is-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard. B’hekk, it-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V għandha ukoll l-għan li tiggarantixxi li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

49.

Fil-fehma tiegħi, l-elementi preċedenti ma jfissrux li l-analiżi tal-ġustifikazzjoni tat-trattament differenti bbażat fuq l-età għandha dejjem tkun limitata għall-għanijiet imfittxija inizjalment mil-leġiżlatur nazzjonali. Fil-fatt, huwa possibbli li tinżamm l-istess miżura meta hija jkollha għanijiet ġodda, fid-dawl tal-iżvilupp tal-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi, demografiċi u finanzjarji. Madankollu, jeħtieġ li l-kuntest ġenerali tal-miżura jippermetti li jiġu identifikati dawn l-għanijiet. Ma jidhirx li dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-għan intiż li jipproteġi s-saħħa tal-pazjenti li jaqgħu fis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard minħabba li tibda tmur lura l-kapaċità ġenerali tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jkunu laħqu l-età ta’ 68 sena.

50.

Jiena nippreċiża madankollu li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li dan l-aspett tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika huwa effettivament wieħed minn dawk l-għanijiet li tfittex it-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V, il-limitu fl-età previst f’dan l-artikolu, fil-fehma tiegħi, diffiċilment jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju għal dan il-għan, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet li d-dritt Ġermaniż jimponi fuq l-applikazzjoni tiegħu. Dawn l-eċċezzjonijiet iwasslu biex wieħed jiddubita mill-koerenza intrinsika tal-istess artikolu meħud f’dan il-kuntest. Fil-fatt, jekk il-leġiżlatur Ġermaniż jikkunsidra verament li, minħabba l-preżunzjoni tat-tnaqqis fil-kapaċità ġenerali tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jkunu laħqu l-età ta’ 68 sena, l-eżerċizzju tax-xogħol tal-istess dentisti wara din l-età jkun jista’ jippreġudika s-saħħa tal-pazjenti li jidħlu fis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, huwa diffiċli li jinstabu raġunijiet sodi li jippermettu li tingħata spjegazzjoni għaliex dawn id-dentisti jistgħu, minkejja kollox, ikomplu jwettqu l-professjoni tagħhom f’każ ta’ nuqqas ta’ servizzi mediċi f’xi reġjun, billi jissostitwixxu lill-oħrajn, jew inkella meta huma jkunu ħadmu għal perijodu ta’ inqas minn 20 sena bħala dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Barra minn hekk, il-gvern Ġermaniż ammetta, fis-seduta, li meħud minn dan l-aspett, it-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V ma hijiex nieqsa minn ċerti inkoerenzi. Il-konstatazzjoni dwar dawn l-inkoerenzi xejn m’hi sorprendenti peress li l-volontà tal-leġiżlatur Ġermaniż, kif tirriżulta mill-kuntest ġenerali tal-miżura inkwistjoni, ma kinitx manifestament li tipproteġi l-pazjenti li jaqgħu fis-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard abbażi tal-preżunzjoni li tibda tmur lura l-kapaċità ġenerali tad-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jkunu laħqu l-età ta’ 68 sena.

51.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, huwa biss għalhekk fid-dawl taż-żewġ għanijiet prinċipali tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V, jiġifieri, minn naħa, l-għan li jikkonsisti fil-konservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard u, min-naħa l-oħra, dak li jiggarantixxi li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, li jiena ser nanalizza jekk il-limitu fl-età ta’ 68 sena jistax jitqies bħala ġġustifikat bis-saħħa ta’ dak li tipprovdi d-Direttiva 2000/78. Jiena ser nanalizza imbagħad dawn iż-żewġ għanijiet.

1. L-għan intiż li jiġi kkonservat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard

52.

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-għan li jikkonsisti f’li jiġi evitat ir-riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jikkostitwixxi wieħed mill-aspetti tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika ( 11 ). Fis-sentenza tagħha Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet, fir-rigward tal-kura outpatient, li l-ippjanar tas-servizzi mediċi huwa intiż sabiex jiżgura li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u li jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, kull ħela tar-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani, peress li s-settur tal-kura medika jiġġenera spejjeż kunsiderevoli u jrid jissodisfa ħtiġijiet li dejjem jikbru, filwaqt li r-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-kura tas-saħħa ma humiex illimitati, irrispettivament mill-metodu ta’ finanzjament użat ( 12 ).

53.

Bħala strument li jagħmel parti mill-politika tal-ippjanar tal-provvista tal-kura dentali intiż li jikkontrolla ż-żieda fl-ispejjeż tas-saħħa tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard, il-limitu fl-età ta’ 68 sena previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V għandu l-għan li jipproteġi s-saħħa pubblika, taħt l-aspett tal-konservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

54.

F’dan l-istadju, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema hija d-dispożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 li hija l-iktar xierqa sabiex tiġi eżaminata tali ġustifikazzjoni.

55.

F’dan ir-rigward, jiena mhux konvint li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, hekk kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi d-dispożizzjoni xierqa. Fil-fatt, jiena nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat biċ-ċar fis-sentenza tagħha Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq, li jirriżulta minn dan l-artikolu li l-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “leġittimi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, għaldaqstant, adattati sabiex jiġġustifikaw li ssir deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, huma għanijiet li jirrilevaw mill-politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali ( 13 ). Peress li, fil-fehma tiegħi, l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika diffiċilment jista’ jitqabbel ma’ għan ta’ politika soċjali, ħlief jekk wieħed ma jestendix ħafna dan il-kunċett, jiena nsostni li huwa jrid jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 li jikkontempla, min-naħa tiegħu, espressament il-protezzjoni tas-saħħa.

56.

Jiena nfakkar li, skont dan l-artikolu, id-Direttiva 2000/78 “m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji […] għall-protezzjoni tas-saħħa”. L-istess artikolu jsemmi għalhekk il-protezzjoni tas-saħħa bħala motiv li jista’ jiġġustifika trattament differenti bbażat fuq wieħed mill-motivi projbiti minn din id-direttiva. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V tikkostitwixxix miżura li tista’ titqies bħala li hija neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa.

57.

Din l-analiżi tan-neċessità tal-miżura fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa għandha ssir fid-dawl tal-fatt li jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 152(5) KE li d-dritt Komunitarju ma jnaqqas xejn mill-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, u b’mod partikolari, li jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jorganizzaw u jagħtu servizzi ta’ saħħa u ta’ kura medika ( 14 ). Madankollu, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda din il-kawża, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78. Fl-evalwazzjoni tar-rispett ta’ dan l-obbligu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni li jokkupaw l-ewwel post fost l-assi u l-interessi protetti mit-trattat KE u li jappartjeni lill-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri ( 15 ).

58.

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jiena nsostni li Stat Membru jista’, fil-kuntest tas-setgħa tiegħu li jorganizza l-provvista tal-kura dentali u bil-għan li jilħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, jadotta miżura regolatorja li tikkonsisti fil-fatt li jiffissa limitu fl-età ta’ 68 sena sabiex wieħed jaħdem bħala dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

59.

Fil-fehma tiegħi, tali miżura hija xierqa biex tiggarantixxi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. B’mod partikolari, jekk Stat Membru jqis li s-sitwazzjoni tal-provvista tal-kura dentali toħloq riskju għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard tiegħu, huwa għandu jkun jista, bħala prevenzjoni, jadotta l-miżuri regolatorji li jippermettu li jitnaqqas dan ir-riskju ( 16 ).

60.

Għandu jingħad ukoll li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali hija adattata sabiex tiggarantixxi l-ksib ta’ għan invokat biss jekk din verament tirrifletti l-ħtieġa li l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 17 ). Jiena nsostni, f’dan ir-rigward, li l-eżistenza ta’ eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-limitu fl-età ta’ 68 sena ma tippreġudikax il-koerenza intrinsika tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fi kliem ieħor, dawn id-derogi ma jikkontradixxux, fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni li l-limitu fl-età ta’ 68 sena previst f’dan l-artikolu huwa xieraq biex jintlaħaq l-għan li jiġi kkonservat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

61.

Jiena nfakkar, f’dan ir-rigward, li l-limitu fl-età inkwistjoni għandu erba’ eċċezzjonijiet kif ġej:

jekk l-interessat ikun ħadem għal perijodu ta’ inqas minn 20 sena bħala tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa meta huwa jilħaq l-età ta’ 68 sena magħluqa u jekk huwa jkun diġà ġie awtorizzat bħala tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa qabel l-1 ta’ Jannar 1993, f’dan il-każ, il-kummissjoni responsabbli għandha testendi l-awtorizzazzjoni sa mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ 20 sena;

jekk jirriżulta jew ikun imminenti nuqqas ta’ tobba f’ċerti żoni tar-reġjun tal-awtorizzazzjoni, il-limitu fl-età ma japplikax;

f’każ ta’ mard, leave jew parteċipazzjoni f’taħriġ, it-tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jista’ jiġi sostwitwit b’tabib (dentist) li ma jkunx għadu awtorizzat bħala tabib (dentist) li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa minħabba l-limitu fl-età, u

id-dentisti jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikomplu jeżerċitaw l-attività tagħhom wara l-età ta’ 68 sena barra mis-sistema nazzjonali li magħha jkunu ntrabtu fuq bażi kuntrattwali.

62.

Dawn l-erba’ eċċezzjonijiet huma intiżi li jikkoreġu l-eċċessi li tista’ twassal għalihom l-applikazzjoni stretta ħafna tal-limitu fl-età ta’ 68 sena u jirriżultaw minn kompromess bejn diversi interessi li jixraq li jiġu protetti.

63.

B’hekk, l-ewwel eċċezzjoni hija mmotivata mill-volontà tal-leġiżlatur Ġermaniż li ma jaffettwax b’mod eċċessiv il-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu d-dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. B’mod iktar preċiż, bil-fatt li jiggarantilhom tul minimu ta’ 20 sena ħidma bħala dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, dan il-leġiżlatur ried jiggarantixxi li, fi tmiem il-karriera professjonali tagħhom, dawn id-dentisti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, enfasizzat sew l-importanza li għandha l-possibbiltà li jittieħed dan il-kumpens finanzjarju wara l-karriera professjonali tal-ħaddiema milqutin b’limitu fl-età ( 18 ). Barra minn hekk, inkwantu, skont din id-deroga, l-awtorizzazzjoni biex wieħed jaħdem bħala dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma tistax tiġi estiża ħlief għal dawk li kienu diġà awtorizzati qabel l-1 ta’ Jannar 1993, tali eċċezzjoni hija ta’ natura provviżorja u tikkonċerna numru limitat ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Għaldaqstant, hija ma tippreġudikax, fil-fehma tiegħi, il-koerenza tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V fir-rigward tal-għan li jiġi kkonservat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

64.

Fir-rigward tat-tieni u t-tielet eċċezzjonijiet, dawn huma intiżi li jevitaw li l-limitu fl-età ta’ 68 sena jwasslu għal nuqqas jew assenza ta’ dentisti f’ċirkustanzi jew żoni partikolari. Il-leġiżlatur Ġermaniż, b’hekk, ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikazzjoni stretta ħafna tal-limitu fl-età jista’, f’ċerti każijiet, ikollu konsegwenzi negattivi fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Inkwantu t-tieni u t-tielet eċċezzjonijiet dawn jikkontribwixxu biex tiżgura l-kontinwità u d-disponibbiltà tal-kura dentali nazzjonali, u huma intiżi biex jinżamm servizz mediku ta’ kwalità u aċċessibbli għal kulħadd, ħaġa li tikkostitwixxi aspett ieħor tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika ( 19 ). Li wieħed ifittex dan l-aspett tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika ma jkun bl-ebda mod qiegħed jikkontradixxi, fil-fehma tiegħi, l-aspett l-ieħor intiż biex jikkonserva l-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

65.

Ir-raba’ eċċezzjoni hija intiża, min-naħa tagħha, biex tipproteġi l-libertà professjonali tad-dentisti. Inkwantu din l-eċċezzjoni tippermettilhom li jkomplu jaħdmu fil-professjoni tagħhom wara t-68 sena barra mis-sistema nazzjonali, din ma tippreġudikax l-koerenza tat-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V fid-dawl tal-għan li jiġi kkonservat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard.

66.

Barra minn hekk, dan l-artikolu, fil-fehma tiegħi, ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jiżgura dan l-għan. Fil-fatt, fil-kuntest tal-kompetenza tiegħu fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, Stat Membru jista’, fil-fehma tiegħi, iqis l-età ta’ 68 sena bħala suffiċjentement avvanzata biex isservi bħala t-tmiem tal-awtorizzazzjoni biex wieħed jaħdem bħala dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Jien insostni wkoll li, fid-dawl tal-medja tal-etajiet li ġeneralment jitqiesu mill-Istati Membri bħala li jagħtu dritt għall-pensjoni tal-irtirar, l-iffissar ta’ limitu fl-età ta’ 68 sena sabiex wieħed jaħdem bħala dentist fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma huwiex sproporzjonat.

67.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nsostni li l-limitu fl-età ta’ 68 sena previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V jista’ jitqies bħala neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, b’mod li dan ma jippreġudikahiex.

68.

Tali limitu fl-età huwa, fil-fehma tiegħi, iġġustifikat ukoll mill-għan intiż li jiġi ggarantit li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

2. L-għan intiż li jiġi ggarantit li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa

69.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li dan l-għan ma jistax jiġi invokat biex jiġġustifika l-limitu fl-età ta’ 68 sena. Hija tindika li dan il-limitu fl-età kien intiż oriġinarjment mil-leġiżlatur Ġermaniż bħala miżura addizzjonali mar-restrizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet biex wieħed jaħdem bħala dentist fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, sabiex jiġi evitat li d-dentisti żgħażagħ ikunu l-uniċi li għandhom ibatu l-inkonvenjenti marbutin ma’ dawn ir-restrizzjonijiet. L-imsemmi limitu fl-età b’hekk ġie introdott sabiex iqassam b’mod ekwu l-piżijiet bejn id-dentisti li għandhom diġà awtorizzazzjoni u l-ġenerazzjoni żagħżugħa tad-dentisti li jkunu jixtiequ jiksbu awtorizzazzjoni. F’dan il-każ, peress li l-leġiżlatur Ġermaniż ikkunsidra, sussegwentement, li kellha titneħħa s-sistema restrittiva tal-awtorizzazzjoni skont il-bżonnijiet, il-limitu fl-età ta’ 68 sena tilef il-funzjoni inizjali tiegħu, b’mod li ma jistax jibqa’ jiġi ġġustifikat mill-għan intiż li jiggarantixxi li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

70.

B’kuntrast ma’ dak li tindika l-qorti tar-rinviju u fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-gvern Ġermaniż waqt is-seduta, jiena ma naħsibx li tali ġustifikazzjoni tista’ wkoll tiġi skartata kategorikament. Fil-fatt, anki wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet imposti fuq l-għoti tal-awtorizzazzjoni biex wieħed jaħdem bħala dentist fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, il-limitu fl-età ta’ 68 sena, fil-fehma tiegħi, kompla jissostitwixxi l-funzjoni oriġinali tiegħu, jiġifieri li jiggarantixxi li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentisti li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, b’mod partikolari fiż-żoni l-iktar attraenti. It-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, b’hekk, ma biddlitx ix-xewqa li seta’ kellu l-leġiżlatur Ġermaniż biex jiffavorixxi t-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet ta’ dentisti fir-reġjuni fejn il-volum għoli tal-provvista ta’ kura dentali nazzjonali kien jostakola d-dħul ta’ dentisti żgħażagħ li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

71.

Din il-ġustifikazzjoni li hija bbażata fuq l-għan intiż li jiggarantixxi li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi eżaminata fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Jirriżulta minn dan l-artikolu li t-trattament differenti fuq bażi ta’ età “m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji”.

72.

Jeħtieġ, barra minn hekk, li jitfakkar li l-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, u konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni abbażi tal-età, huma għanijiet ta’ politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali ( 20 ).

73.

L-għan li jiġi ggarantit li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa u, b’mod iktar ġenerali, li jiġi ffavorit it-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jaqa’, fil-fehma tiegħi, taħt din il-kategorija ta’ għanijiet leġittimi. Jirriżulta, fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri u din l-evalwazzjoni għandha tapplika għal strumenti tal-politika tas-suq tax-xogħol nazzjonali li jfittxu li jtejbu l-possibbiltajiet ta’ dħul fis-suq tax-xogħol ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema ( 21 ).

74.

Dan l-għan għandu, konsegwentement, jitqies bħala li jiġġustifika “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, kif jipprevedi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, trattament differenti fuq bażi ta’ età bħalma huwa inkluż fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V.

75.

Għandu jiġi vverifikat ukoll, skont it-termini stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jekk il-mezzi implementati biex dan l-għan jitwettaq humiex “approprjati [xierqa] u neċessarji”.

76.

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri mingħajr ebda dubju għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li bihom ikunu jistgħu jwettqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg ( 22 ).

77.

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għandu, barra minn hekk, iktar tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ miżura li taqa’ ukoll, kif diġà rajna, fil-kompetenza li l-Istati Membri għandhom biex jorganizzaw is-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika tagħhom.

78.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nsostni li l-limitu fl-età ta’ 68 sena previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V jikkostitwixxi mezz xieraq biex jintlaħaq l-għan li huwa intiż li jiġi ggarantit li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

79.

L-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-limitu fl-età ma jaffettwawx din l-evalwazzjoni inkwantu ma jiċħdux il-koerenza intrinsika ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali fid-dawl tal-għan imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fatt, filwaqt li nirreferi għal dak kollu li diġà semmejt fir-rigward ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, jiena ninnota li l-ewwel eċċezzjoni tikkonċerna numru limitat ta’ dentisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, li t-tieni waħda tirrigwarda ż-żoni l-iktar żvantaġġjati fuq livell mediku fejn m’hemm ebda problema ta’ aċċess għad-dentisti żgħażagħ li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, li t-tielet waħda tikkonċerna s-sostituzzjoni temporanja tad-dentisti u, finalment, li r-raba’ eċċezzjoni tipprevedi l-possibbiltà ta’ ħruġ mis-sistema nazzjonali, b’mod li hija ma tistax taffettwa b’mod negattiv l-għan li huwa intiż li jiġi ggarantit li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

80.

Barra minn hekk, il-limitu fl-età ta’ 68 sena previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V, fil-fehma tiegħi, ma jeċċedix dak li hu xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li huwa intiż li jiġi ggarantit li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Kif indikajt qabel, jiena nsostni, fil-fatt, li fid-dawl tal-medja ta’ etajiet li ġeneralment jitqiesu mill-Istati Membri bħala li jagħtu dritt għall-pensjoni tal-irtirar, l-iffissar ta’ limitu fl-età ta’ 68 sena sabiex wieħed jaħdem ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma huwiex sproporzjonat. Barra minn hekk, il-leġiżlatur Ġermaniż adotta approċċ ibbilanċjat billi eskluda l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu fl-età fir-reġjuni li għandhom nuqqas ta’ servizzi mediċi, fejn l-aċċess għax-xogħol ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma jiltaqa’ mal-ebda diffikultà.

81.

Fil-fehma tiegħi, minn dawn l-elementi jirriżulta li t-trattament differenti fuq bażi ta’ età li jinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 95(7) tas-SGB V jista’ jiġi kkunsidrat bħala oġġettivament u raġjonevolment iġġustifikat mill-għan intiż li jiġi ggarantit li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u li huwa ma jeċċedix dak li hu xieraq u neċessarju biex dak l-għan jintlaħaq.

C — Fuq it-tielet domanda

82.

Fid-dawl tar-risposta li jiena nipproponi li tingħata lill-ewwel u t-tieni domanda, ma hemmx lok li tiġi proposta risposta għat-tielet domanda.

IV — Konklużjoni

83.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li:

“L-Artikoli 2(2)(a) u 5, kif ukoll 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, li biha l-awtorizzazzjoni biex wieħed jaħdem ta’ dentist fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiskadi mat-tmiem it-trimestru li fih id-dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa jilħaq l-età ta’ 68 sena.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 3 ) BGBl. I, p. 2266, iktar ’il quddiem il-“GSG 1993”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem is-“SGB V”.

( 5 ) BGBl. I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”.

( 6 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) C-411/05, Ġabra p. I-8531.

( 8 ) C-388/07, Ġabra p. I-1569.

( 9 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Palacios de la Villa (punt 57) u Age Concern England (punt 45).

( 10 ) Bħala miżurja regolatorja, wieħed jista’ jiċċita wkoll ir-riforma tal-istudji fil-mediċina bil-għan li jintlaħaq tnaqqis ta’ 20% tal-istudenti tal-mediċina [ara r-rapport nru 1675 tal-Istitut tar-riċerka u dokumentazzjoni fuq l-ekonomija tas-saħħa (IRDES), Novembru 2007, p. 49].

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ibidem (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Punt 46. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C-88/08, Ġabra p. I-5325, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29), kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punt 18).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).

( 16 ) Ara, b’analoġija, f’dak li jikkonċerna r-riskju għall-provvista ta’ mediċini lill-poplu li tkun protetta u ta’ kwalità, is-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).

( 17 ) Ara s-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Punt 73.

( 19 ) Ara s-sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenza Hütter, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Sentenza Hütter, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top