EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0303

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 8 ta' Lulju 2010.
Land Baden-Württemberg vs Metin Bozkurt.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja.
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Riunifikazzjoni tal-familja - L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni - Konjiġi ta’ ħaddiem Torka li għex magħha għal iktar minn ħames snin - Żamma tad-dritt ta’ residenza wara d-divorzju - Kundanna tal-parti kkonċernata għal vjolenza mwettqa kontra l-ex mara tiegħu - Abbuż ta’ dritt.
Kawża C-303/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13445

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:413

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2010 1(1)

Kawża C‑303/08

Metin Bozkurt

vs

Land Baden-Württemberg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il‑Ġermanja)]

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 – Dritt ta’ residenza miksub mill-konjuġi ta’ ħaddiem Tork – Jekk dan id-dritt jintilifx b’konsegwenza tad-divorzju tal-konjuġi – Jekk dan id-dritt jintilifx b’konsegwenza ta’ abbuż tar-relazzjoni konjugali li tagħti d-dritt ta’ residenza”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna d-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”) (2). Il-qorti nazzjonali tistaqsi dwar il-pożizzjoni ta’ ċittadin Tork li kiseb id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru fil-kapaċità tiegħu bħala r-raġel ta’ ħaddiema Torka. Iż-żwieġ ġie sussegwentament xolt u r-raġel instab ħati li stupra u attakka lill-ex mara tiegħu. Jibqa’ intitolat għad-drittijiet taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minkejja x-xoljiment taż-żwieġ li kien oriġinarjament intitolah li jirrisjedi fl-Istat ospitanti? Jekk dan huwa l-każ, ikun ifisser li l-fatt li seta’ abbuża mir-relazzjoni ta’ żwieġ tiegħu billi stupra u attakka lil martu jwassal għat-telfien ta’ dawk id-drittijiet li seta’ kellu taħt l-Artikolu 7?

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija

2.        Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija (3) (iktar ’il quddiem il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni’) ġie ffirmat fl-1963.

3.        L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (4) jaqra kif ġej:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija ma għandhiex tirċievi trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil xulxin skont it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

4.        Il-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu hija intitolata “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Din tiġbor fiha l-Artikoli 6 sa 16 tad-deċiżjoni.

5.        L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork, li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu mal-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

–        għandu d-dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tal-impjieg ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu.

(2) Vaganzi annwali u assenzi għal raġunijiet ta’ maternità jew inċident fuq ix-xogħol jew perijodi qosra ta’ mard għandhom jiġu ttrattati bħala perijodi ta’ impjieg legali. Perijodi ta’ qgħad involontarju debitament iċċertifikat mill-awtoritajiet rilevanti u assenzi twal minħabba mard ma għandhomx jitqiesu bħala perijodi ta’ impjieg legali, iżda ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet miksuba b’riżultat tal-perijodu ta’ impjieg preċedenti[traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

6.        L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

–        għandhom id-dritt – bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità – li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-inqas tliet snin;

–        għandhom igawdu minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-inqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil‑kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-inqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

7.        L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom japplikaw bla ħsara għal‑limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubbliċi [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

 Il-proċeduri ewlenin u d-domandi preliminari

8.        M. Bozkurt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa ċittadin Tork. Huwa twieled fl-1959.

9.        Huwa daħal fil-Ġermanja fl-1992 u applika għal ażil. F’Settembru 1993, huwa żżewweġ ħaddiema Torka li kienet irreġistrata legalment fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru. Wara ż-żwieġ tiegħu, huwa rtira l-applikazzjoni tiegħu għal ażil u f’Ottubru 1993 ingħata permess ta’ residenza temporanju. F’Ottubru 1998 il-permess ta’ residenza nbidel għal wieħed permanenti. F’dak iż-żmien, huwa kien issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

10.      Sa minn Ġunju 2000, huwa għex separatament minn martu. Il-koppja ddivorzjat f’Novembru 2003.

11.      Waqt ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja, M. Bozkurt kellu numru ta’ impjiegi differenti. Madankollu, il-qorti nazzjonali tgħid li ma tistax tagħti dettalji preċiżi ta’ dawn, għax M. Bozkurt jirrifjuta li jipprovdi din l-informazzjoni, minkejja li kien intalab li jagħmel hekk. Jidher li mill-bidu tal-2000 huwa kien fuq leave tal-mard għal 18‑il xahar. Minn dak iż-żmien, huwa kien bla xogħol u kien qed jirċievi l-benefiċċji mill-Istat.

12.      M. Bozkurt instab ħati ta’ reati kriminali f’diversi okkażjonijiet. F’Mejju 1996, intbagħa erba’ xhur ħabs minħabba attakk li kkawża feriti gravi. F’Novembru 2000, ingħata sentenza ta’ tmien xhur ħabs għal attakk, tentattiv ta’ attakk li kkawża feriti gravi u ħsara fuq proprjetà. F’Mejju 2004, instab ħati li stupra lill-ex mara tiegħu, kif ukoll li kkawża feriti intenzjonali fuq il-ġisem. Jidher li l-istupru seħħ fl-2002, meta l-koppja kienet għadha miżżewġa, għalkemm separata. Fl-appell, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs. Is-sentenza ġiet sospiża u f’Jannar 2005 huwa nħeles mill-kustodja.

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2005, il-Land Baden-Württemberg, il-konvenut fil-kawża prinċipali, ordna t-tkeċċija ta’ M. Bozkurt mill-Ġermanja. M. Bozkurt appella dik id-deċiżjoni quddiem il-Vewaltungsgericht (Qorti Amministrattiva) u d-deċiżjoni nqalbet permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2006. Din id-deċiżjoni kienet appellata mil-Land Baden-Württemberg quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva Għolja). Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Marzu 2007, l-appell ma ġiex aċċettat. Il-Verwaltungsgerichtshof essenzjalment iddeċidiet li peress li M. Bozkurt kien intitolat li jitlob dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ordni għat-tkeċċija tiegħu għandha tikkonforma mal-proċeduri li kienu japplikaw għal ċittadini tal-Unjoni (5). Peress li fil-fatt ma kienx hemm konformità ma’ dawk il-proċeduri, id-deċiżjoni tat-tkeċċija ma kinitx legali. Lanqas il-fatt li M. Bozkurt kien ilu bla xogħol mis-sena 2000, li kien possibbli li seta’ qatt ma kien jerġa’ jibda jaħdem minħabba l-mard tiegħu, u li kien qatta’ madwar disa’ xhur ħabs ma kien ifisser li huwa kien tilef id-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 7. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiġi interpretata li tfisser li d-dritt ta’ residenza tiegħu kien baqa’ jeżisti minkejja li l-kundizzjonijiet li wasslu biex dan jinkiseb ma kinux għadhom qed jintlaħqu. Għaldaqstant, kien għadu ntitolat li jitlob id-drittijiet skont dak l-artikolu.

14.      Il-Land Baden-Württemberg appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali). F’dak l-appell, tqajmu domandi dwar l-applikabbiltà ta’ drittijiet li jirriżultaw, inter alia, mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għal persuna bħal M. Bozkurt.

15.      Peress li kienet tal-fehma li r-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiemha kienet teħtieġ interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Id-dritt ta’ xogħol u ta’ residenza miksub, bħala membru tal-familja, mill-konjuġi ta’ ħaddiem Torka li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] jibqa’ fis-seħħ anke wara x-xoljiment taż-żwieġ?

1)         Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

2.      Huwa abbuz ta’ dritt il-fatt li ċittadin Tork jinvoka, permezz tal-ex mara tiegħu, dritt ta’ residenza bbażat fuq it-tieni inċiż tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80] meta l-imsemmi ċittadin Tork ikun stupra u weġġa’ lil martu wara li kiseb dan l-istatus u ġie kkundannat għal sentejn priġunerija għal dan ir-reat?”

16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn M. Bozkurt, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Taljan, mill-Land Baden-Württemberg u mill-Kummissjoni Ewropea. La ntalbet u lanqas ma saret l-ebda seduta.

Analiżi

 Osservazzjoni preliminari

17.      Għalkemm id-domandi preliminari jikkonċernaw l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-qorti nazzjonali tagħmel riferiment fid-deċiżjoni tar-rinviju għall-possibbiltà li M. Bozkurt kien kiseb id-drittijiet bħala ħaddiem Tork skont l-Artikolu 6 ta’ dik id-deċiżjoni. Madankollu, hija tkompli biex tindika li din il-possibbiltà għandha tiġi eskluża, peress li M. Bozkurt ma pprovdiex la dettalji preċiżi tal-impjieg tiegħu fil-Ġermanja u lanqas dokumentazzjoni marbuta miegħu, minkejja li ntalab li jagħmel hekk mil-Land Baden-Württemberg. Mingħajr il-kooperazzjoni ta’ M. Bozkurt, huwa impossibbli li jiġi stabbilit jekk kisibx drittijiet skont dak l-artikolu jew jekk tilifhomx minħabba li kien bla xogħol għal numru ta’ snin.

18.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni espremiet id-dubji tagħha dwar l-approċċ adottat mill-qorti nazzjonali. Hija tosserva li l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jgħid b’mod ċar li, filwaqt li perijodi involontarji ta’ bla xogħol u assenzi twal mix-xogħol minħabba mard ma għandhomx jiġu trattati bħala perijodi ta’ impjieg legali, dawn ma għandhomx jaffetwaw id-drittijiet miksuba b’konsegwenza tal-perijodu tal-impjieg preċedenti. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali għandha ġġedded l-inkjesti tagħha f’dan l-aspett. Kieku kien il-każ li M. Bozkurt kellu drittijiet skont l-Artikolu 6, ma kienx ikun meħtieġ li titqies l-pożizzjoni tiegħu skont l-Artikolu 7.

19.      Kif osservat il-Kummissjoni stess, hija ġurisprudenza stabbilita li, fi proċeduri skont l-Artikolu 234 KE (li issa sar l-Artikolu 267 TFEU), li huwa bbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (6). Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (7).

20.      Minkejja dan, jaf ikun ta’ għajnuna jekk ngħid – sabiex il-qorti nazzjonali tkun mgħejjuna sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kawża li tressqet quddiemha – li naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni b’rabta mal-kliem u l-effett tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-fatt li M. Bozkurt kien bla xogħol għal diversi snin ma jwassalx, fih innifsu, biex jintilfu d-drittijiet tiegħu skont dak l-artikolu (8). L-applikazzjoni preċiża ta’ dan l-artikolu fil-proċeduri ewlenin hi, naturalment, kwistjoni kompletament f’idejn il-qorti nazzjonali.

 L-ewwel domanda

21.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment qed tistaqsi jekk jistgħux jintalbu drittijiet taħt it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 7”) meta l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha waħda mill-“membri tal-familja” ta’ ħaddiem Tork legalment irreġistrat fl-Istat ospitanti.

22.      Fi kliem ieħor, hija kompetenza ta’ Stat Membru li jagħmel dawk id-drittijiet kundizzjonali dwar iż-żamma tal-istatus ta’ “membru tal-familja”? Mhux f’idejn dak l-Istat li jordna t-tkeċċija ta’ persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Bozkurt jekk id-drittijiet ikkonċernati għandhom jitqiesu bħala awtonomi ladarba jkunu japplikaw.

23.      Il-Gvern Daniż u l-Gvern Ġermaniż u l-Land Baden-Württemberg jargumentaw li, jekk ma jinżammx l-istatus ta’ familja, dawk id-drittijiet jintilfu. M. Bozkurt u l-Kummissjoni jargumentaw bil-kontra, jiġifieri, li d-drittijiet, ladarba jinkisbu, huma awtonomi. Il-Gvern Taljan jargumenta li d-divorzju ta’ M. Bozkurt ma għandux jaffetwa d-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 7, iżda jikkwalifika din il-fehma f’ċerti aspetti.

24.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li l-ewwel jiġi kkunsidrat sa fejn l-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jilħqu rwol soċjali fil-ħolqien tad-drittijiet għal ħaddiema Torok u membri tal-familji tagħhom fi ħdan l-Istati Membri. Imbagħad, għandu jiġi kkunsidrat il-proċess li permezz tiegħu, l-għanijiet wara dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati fil-prattika u, b’estensjoni, sa fejn dawk l-Istati jistgħu jimponu kundizzjonijiet dwar ir-residenza ta’ dawk li jfittxu li jibbenefikaw minnhom. Hemm diversi deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam u ser nirreferi ħafna għal din il-ġurisprudenza fl-analiżi tiegħi ta’ dawn il-kwistjonijiet.

 L-Artikolu 7 bħala strument soċjali

25.      L-Artikolu 7 jidher fit-Taqsima 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (intitolata “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”) tal-Kapitolu II (intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”) ta’ dik id-deċiżjoni.

26.      Huwa ċar li l-Artikolu 7 għandu jingħata effett dirett fl-Istati Membri, b’tali mod li ċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tiegħu jistgħu jinvokaw direttament id-drittijiet li jagħtihom (9).

27.      Permezz tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jidher fl-istess taqsima, il-ħaddiema Torok li huma legalment irreġistrati fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru jingħataw ċerti drittijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol f’dak l-Istat. Wara erba’ snin ta’ impjieg legali taħt dan l-artikolu, ikunu intitolati għal aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg tal-għażla tagħhom, sakemm dak l-impjieg ikun fl-Istat ospitanti (10).

28.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, il-membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, li jkunu ġew awtorizzati li jmorru jgħixu miegħu, għandhom ikunu intitolati għal aċċess limitat għas-suq tax-xogħol fl-Istat ospitanti wara li jkunu ilhom residenti legalment għal mill-inqas tliet snin. Wara ħames snin ta’ residenza legali, ikollhom aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg bi ħlas tal-għażla tagħhom. Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jinbeda proċess gradwali ta’ integrazzjoni, kemm għall-ħaddiem u kif ukoll għall-membri ta’ familtu.

29.      Sabiex jibbenefika mid-drittijiet skont l-Artikolu 7, il-membru tal-familja kkonċernat għandu, l-ewwel, ikun membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li diġà huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol tal-Istat ospitanti, u t-tieni nett, ikun ġie awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat biex jingħaqad hemmhekk ma’ dak il-ħaddiem (11).

30.      Il-proċess ta’ integrazzjoni provdut taħt l-Artikolu 7 jopera f’żewġ stadji. L-ewwel wieħed idum tliet snin. Matul dan il-perijodu, sakemm l-Istat ospitanti ma jagħżilx li jdaħħal fis-seħħ arranġamenti li huma iżjed ta’ benefiċċju għall-membri tal-familja b’mod ġenerali, il-persuna kkonċernata ma għandha l-ebda dritt li tibda taħdem f’dak l-Istat. It-tieni stadju jdum sentejn. Il-membru tal-familja jista’ jibda jaħdem, iżda d-dritt li jagħmel dan ikun suġġett għall-“prijorità li tingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità”. Ladarba dak il-perijodu ta’ ħames snin ikun għadda, il-membru tal-familja jkun liberu li jieħu impjieg bi ħlas tal-għażla tiegħu.

31.      Id-dritt li wieħed ifittex u/jew jikseb impjieg neċessarjament jimplika dritt konkomitanti ta’ residenza fl-Istat ospitanti, li mingħajru d-dritt imsemmi qabel ma jkunx operattiv (12).

L-applikazzjoni tal-Artikolu 7 fil-prattika

32.      Sa fejn jistgħu l-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet fuq id-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja?

33.      Jirriżulta ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istat Membru inkwistjoni jista’ jimponi kundizzjonijiet, kemm fil-kuntest tad-dħul oriġinali tal-membru tal-familja fit-territorju tiegħu u fil-kuntest tar-residenza ta’ dik il-persuna matul (mill-inqas) il-perijodu ta’ tliet snin wara dan id-dħul. Id-deċiżjoni dwar id-dħul hija kwistjoni li hija kompletament f’idejn l-Istat ospitanti. Dan huwa liberu li jimponi kundizzjonijiet dwar dak id-dħul. Il-kundizzjonijiet li jista’ jimponi Stat ladarba d-dħul jiġi awtorizzat huma iżjed limitati: essenzjalment, huma intitolati li jiżguraw li l-preżenza tal-membru tal-familja hija “konformi mal-ispirtu u l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7”. Huwa ċar, pereżempju, li l-Istat ospitanti jista’ jimponi kundizzjoni li membru tal-familja jgħix taħt l-istess saqaf mal-ħaddiem li miegħu ġie awtorizzat li jingħaqad hemmhekk (13).

34.      X’inhuma l-għanijiet ta’ dan il-perijodu ta’ kwalifikazzjoni, mill-aspett tal-ħaddiem Tork u l-membri tal-familja tiegħu?

35.      Essenzjalment, hemm tnejn. L-ewwel, il-preżenza tal-membri tal-familja fit-territorju tal-Istat ospitanti hija intiża biex tippermetti li l-familja tkun maqgħuda (14). Fil-bidu, għall-inqas, l-enfażi hija fuq it-titjib tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok, iżjed milli dik tal-membri tal-familja. Billi jingħaqdu magħhom il-membri tal-familja, dawn jibbenefikaw minn kwalità tal-ħajja aħjar fil-post tax-xogħol tagħhom.

36.      It-tieni nett, l-iskop huwa li jiġi integrat il-membru tal-familja. Meta l-membri tal-familja jingħataw il-permess li jkunu preżenti fl-Istati ospitanti, dawn il-persuni jkollhom l-opportunità biex bil-mod il-mod jiffurmaw parti mis-soċjetà ta’ dak l-Istat u, finalment, jibdew jaħdmu hemm. B’konsegwenza ta’ dan, il-pożizzjoni tagħhom fl-Istat ospitanti tiġi “konsolidata” (15). L-attenzjoni f’dan il-każ hija fuq il-membri tal-familja, iżjed milli fuq il-ħaddiem Tork li miegħu ġew biex jingħaqdu.

37.      X’inhi l-pożizzjoni ladarba jiskadi l-perijodu ta’ kwalifikazzjoni? Jista’ l-Istat ospitanti jkompli jimponi kundizzjonijiet fuq id-dritt ta’ residenza ta’ dawk il-membri tal-familja ladarba jiksbu d-dritt mingħajr kundizzjonijiet li jiksbu aċċess fis-suq tax-xogħol f’dak l-Istat? Jista’, fil-prattika, jgħid lil persuna bħal M. Bozkurt: “tista’ tibqa’ f’dan il-pajjiż sakemm tkun għadek miżżewweġ. Jekk, madankollu, tiddivorzja, nirriservaw id-dritt li nkeċċuk mit-territorju tagħna”?

38.      Fil-fehma tiegħi, ma għadux f’idejn l-Istat ospitanti li jorbot kundizzjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza f’din is-sitwazzjoni. Dak iż-żmien għadda.

39.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 7, kemm fil-kuntest tal-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tan-natura ġenerali tad-dritt u l-każijiet partikolari li fihom il-Qorti rrikonoxxiet l-eżistenza kontinwa tiegħu. Minn pespettiva ġenerali, dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja kien li enfasizzat in-natura awtonoma tad-dritt li jirriżulta ladarba jgħaddi l-perijodu ta’ kwalifikazzjoni. Għaldaqstant, fis-sentenza Ergat (16), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “l-Istati Membri ma għadhomx intitolati li jimponu kundizzjonijiet fuq ir-residenza ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork wara dak il-perjodu ta’ tliet snin”, u li “dan għandu a fortiori jkun il-każ għal migrant Tork li […] jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7” (jiġifieri, li ilu residenti legalment fl-Istat Membru ospitanti għal ħames snin) (17). Hija għamlet riferiment ukoll għall-istatus ta’ membru tal-familja li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 bħala dak ta’ persuna li “hija […] diġà integrata legalment fl-Istat Membru ospitanti” u li “għandha l-prospett li tiġi integrata b’mod permanenti fl-Istat Membru ospitanti tiegħu” (18). Fis-sentenza Eyüp (19), għamlet riferiment għar-rekwiżit li “l-unità tal-familja, imfittxija mill-persuna kkonċernata li daħlet fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għandha tiġi pruvata għal perijodu speċifikat permezz tal-koabitazzjoni attwali f’dar mal-ħaddiem u dan għandu jibqa’ hekk sakemm isir intitolat li jidħol fis-suq tax-xogħol f’dak l-Istat” (20).

40.      Permezz tal-enfasi li saret fuq il-funzjoni tal-Artikolu 7 fl-integrazzjoni tal-membri tal-familja li għandhom drittijiet taħtu fis-soċjetà tal-Istat ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dritt ta’ residenza, li huwa l-korollarju tad-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat, huwa “indipendenti mill-eżistenza kontinwa tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għal [dak id-dritt] [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (21). Fis-sentenza Ergat, intqal li “d-dritt mhux kundizzjonali ta’ impjieg magħżul liberament mill-persuna kkonċernata, mhux imxekkel, barra minn hekk, bi kwalunkwe prijorità għal ħaddiema tal-Istati Membri […] jispiċċa kompletament bla sinjifikat jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jimponu kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet ta’ kwalunkwe xorta fuq l-applikazzjoni tad-drittijiet speċifiċi li ġew mogħtija lill-ħaddiema migranti permezz ta’ [Deċiżjoni Nru 1/80]” (22).

41.      Meta wieħed japplika dak ir-raġunament għal sitwazzjonijiet partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet, pereżempju, li d-drittijiet jistgħu jintalbu legalment taħt l-Artikolu 7, anki jekk missier ir-rikorrent, li mingħandu jkun kiseb id-dritt ta’ residenza tiegħu, ikun telaq l-Istat ospitanti fiż-żmien li dawk id-drittijiet ikunu ġew eżerċitati u ma kienx għadu residenti jew impjegat hemm (23). Bl-istess mod, qalet li l-fatt li persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, fl-età ta’ 23, tkun għadha mingħajr impjieg bi ħlas, ma għandux itellef lil dik il-persuna milli tkun intitolata għal dritt ta’ residenza (24).

42.      Huwa minnu li l-ġurisprudenza tikkonċerna persuni li, b’differenza minn M. Bozkurt, kienu “membri tal-familja” fiż-żmien meta d-dritt tar-residenza tagħhom ġie kkontestat mill-Istat ospitanti. Iżda li jiġi argumentat, bħalma għamlu l-Gvern Daniż u l-Gvern Ġermaniż u l-Land Baden-Württemberg fl-osservazzjonijiet tagħhom, li n-nuqqas ta’ rbit familjari kontinwu jfisser li M. Bozkurt issa tilef id-drittijiet kollha li kellu taħt l-Artikolu 7, fil-fehma tiegħi jindika li wieħed ma jkunx fehem il-punt. Huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li M. Bozkurt qatta’ ħames snin bħala l-membru tal-familja ta’ ħaddiema Torka legalment irreġistrata fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, f’dan il-każ il-Ġermanja. Ma hemm xejn x’jindika li, matul dan il-perijodu, għamel xi ħaġa oħra ħlief li kkonforma mal-kundizzjonijiet li kienu imposti fuqu. Għaldaqstant, mat-tmiem ta’ dak il-perijodu ta’ ħames snin, huwa kiseb drittijiet sħaħ taħt l-Artikolu 7. Dawk id-drittijiet kienu awtonomi u, suġġetti għaż-żewġ kwalifiki li ser nindirizza fil-punt li jmiss, li jkompli ma’ dan. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li sussegwentement iddivorzja u tilef ir-relazzjoni ta’ “membru tal-familja” ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq il-pożizzjoni tiegħu.

43.      Iż-żewġ kwalifiki huma dawn. Iċ-ċittadini Torok li jkunu kisbu drittijiet mhux kundizzjonali ta’ residenza u ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat ospitanti jistgħu jitilfu dawk id-drittijiet f’waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel waħda tinvolvi l-bażi tal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika li hija stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Ser immur lura għal dan il-punt iżjed tard (25). It-tieni waħda hi meta l-parti kkonċernata titlaq mit-territorju tal-Istat ospitanti għal tul ta’ żmien sinjifikattiv mingħajr raġunijiet leġittimi (26).

44.      Għaldaqstant, l-ewwel sitwazzjoni tirrifletti d-dritt kontinwu ta’ Stat Membru li jkeċċi ċittadin Tork mit-territorju tiegħu għal raġuni partikolari valida – dritt li jinżamm ukoll fil-kuntest ta’ ċittadini tal-UE. It-tieni sitwazzjoni tirrifletti l-fatt li dritt ta’ residenza mhux kwalifikat mhuwiex, kunċettwalment, l-istess bħal pussess taċ-ċittadinanza tal-Istat ospitanti jew li jgawdi d-drittijiet speċjali assoċjati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

45.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa pjuttost ċar li dawn huma l-uniċi raġunijiet għaliex jistgħu jintemmu d-drittijiet li tibbenefika minnhom persuna bħal M. Bozkurt (27).

46.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali tirreferi għall-impatt li r-Regolament Nru 1612/68 (28) jista’ jkollu fuq is-sitwazzjoni ta’ M. Bozkurt. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-Artikolu 7 ma fihx definizzjoni ta’ “membru tal-familja”, jista’ jsir riferiment għad-definizzjoni ta’ dak il-kunċett fir-regolament sabiex jinterpreta l-kunċett ekwivalenti fl-Artikolu 7 (29). Fis-sentenza Reed (30), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet, b’rabta mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, li l-kunċett ta’ “familja” ta’ ħaddiem ma kienx jestendi għal persuna li tgħix miegħu li mhijiex ir-raġel jew il-mara tiegħu (31). Il-qorti nazzjonali (li l-mod ta’ kif taħsibha f’dan il-kuntest huwa appoġġjat mill-Gvern Daniż u l-Gvern Ġermaniż) tistaqsi jekk dan għandux jiġi interpretat li jfisser li d-dritt ta’ residenza ta’ M. Bozkurt intemm bid-divorzju tiegħu.

47.      Fil-fehma tiegħi, il-konsegwenza ta’ din l-analiżi hi li, ladarba l-perijodu ta’ ħames snin ikun għadda u jkunu nkisbu drittijiet sħaħ taħt l-Artikolu 7, il-kwistjoni tal-applikazzjoni permezz ta’ analoġija tar-Regolament Nru 1612/68 għal persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Bozkurt issir irrilevanti. Il-kwistjoni jekk M. Bozkurt huwiex membru tal-familja sempliċement ma tqumx f’dan il-kuntest. Li huwa importanti huwa li huwa kien membru tal-familja fil-perijodu ta’ kwalifikazzjoni ta’ ħames snin.

48.      Fl-aħħar nett, nixtieq nindirizza l-applikazzjoni tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li tqajmet ukoll mill-qorti nazzjonali u mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern Taljan. Permezz ta’ dik id-dispożizzjoni, it-trattament iżjed favorevoli taċ-ċittadini Torok minn ċittadini oħra tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet komparabbli huwa effettivament prekluż. Skont il-leġiżlazzjoni tal-Komunità fis-seħħ fiż-żmien tal-ordni tat-tkeċċija ta’ M.Bozkurt (32), iċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu daħlu u kienu jirrisjedu fi Stat Membru fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-familja setgħu jitilfu d-dritt ta’ residenza tagħhom fil-każ li jiddivorzjaw il-persuna li magħha jkunu ġew biex jingħaqdu. Kieku l-Artikolu 7 kellu jiġi interpretat li jfisser li M. Bozkurt kellu dritt kontinwu ta’ residenza f’ċirkustanzi ekwivalenti (l-argument ikompli), dan kien iwassal biex jiġi trattat b’mod iżjed favorevoli. Dan ir-riżultat imur kontra l-Artikolu 59 u għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

49.      Jiena ma naqbilx.

50.      Kif tgħid tajjeb il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-istess argument mutatis mutandis – il-każ kien jikkonċerna minuri milli konjuġi – ġie indirizzat, u miċħud, fis-sentenza Derin (33). Dak il-każ kien jinvolvi t-tifel ta’ ċittadin Tork, li talab id-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 għalkemm kellu iżjed minn 21 sena u ma kienx għadu jgħix ma’, jew qed jiġi mantnut mill-ġenituri tiegħu, li magħhom kien ġie biex jingħaqad fl-Istat ospitanti. Fil-kunsiderazzjoni tagħha tal-applikabbiltà tal-Artikolu 59, il-Qorti tal-Ġustizzja pparagunat id-drittijiet disponibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni ma’ dawk disponibbli għaċ-ċittadini Torok. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet osservat li t-tfal ta’ dawk iċ-ċittadini kienu jibbenefikaw minn dritt mhux kundizzjonali li jistabbilixxu ruħhom mal-familja tagħhom fl-Istat ospitanti, filwaqt li d-dritt ekwivalenti tat-tfal ta’ ċittadini Torok kien kundizzjonali, peress li kien jeħtieġ il-kunsens tal-awtoritajiet tal-Istat ikkonċernat. Imbagħad, kienet osservat ukoll li t-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni jgawdu d-dritt li jibdew jagħmlu kwalunkwe attività bħala persuna impjegata fl-Istat ospitanti, filwaqt li d-dritt ekwivalenti tat-tfal ta’ ħaddiema Torok huwa rregolat speċifikament bl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Fl-aħħar nett, hija osservat li ċ-ċittadini Torok mhumiex intitolati għal-libertà tal-moviment fil-Komunità, u li jistgħu jitilfu d-dritt ta’ residenza tagħhom f’każijiet fejn l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika jew fejn iħallu t-territorju tal-Istat ospitanti għal tul taż-żmien sinjifikattiv mingħajr raġunijiet leġittimi (34). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant qalet li s-sitwazzjoni ta’ tifel ta’ ħaddiem Tork “ma tistax tiġi raġonevolment imqabbla” ma’ dik ta’ dixxendent ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, wara li kkunsidrat id-differenzi sinjifikattivi bejn is-sitwazzjonijiet legali rispettivi tagħhom (35).

51.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm xejn li jipprekludi li dan ir-raġunament jiġi traspost għal persuna, bħal M. Bozkurt, fil-kapaċità tiegħu bħala l-konjuġi ta’ ċittadin Tork.

52.      Minn dan jirriżulta li l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi miċħud.

53.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, jiena tal-fehma li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt ta’ residenza u impjieg miksub minn membru tal-familja skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 mill-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru jinżamm anki wara d-divorzju.

 It-tieni domanda

54.      Din hija domanda importanti. Qabel ma nikkunsidra l-kwistjonijiet ta’ dritt ippreżentati hawnhekk, nixtieq nenfasizza li dan il-każ ma jirrigwardax stupru u x’wieħed jaħseb dwar stupru. Din il-kwistjoni tirrigwarda x’jikkostitwixxi abbuż ta’ drittijiet, fejn ikun hemm żwieġ li jkun spiċċa u li minnu jkun oriġina d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 7. Dan huwa l-isfond li fuqu għandha tingħata r-risposta. Id-dritt ta’ Stat Membru li jkeċċi persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Bożkurt hija sitwazzjoni separata, irregolata bl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li ser nikkunsidra fil-punti 71 et seq.

55.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk huwiex abbuż tad-drittijiet għal persuna bħal M. Bozkurt li titlob id-dritt ta’ residenza li ġej mill-ex martu skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, wara li kien stupraha u kkawżalha feriti wara li kien kiseb dak id-dritt u r-reat ġie kkastigat b’terminu sospiż ta’ sentejn ħabs.

56.      Il-Gvern Daniż u l-Gvern Ġermaniż u l-Land Baden-Württemberg jargumentaw li dan l-aġir fil-fatt jikkostitwixxi abbuż tad-drittijiet. Isegwi li Stat Membru huwa kompetenti li jċaħħad lil M. Bozkurt mid-dritt ta’ residenza tiegħu. Il-Gvern Taljan huwa tal-fehma li din id-domanda għandha tiġi trattata billi jiġi kkunsidrat l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Ser nindirizza din il-kwistjoni hawn taħt (36). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni targumenta li jkun żbaljat jekk il-kunċett ta’ abbuż tad-drittijiet fil-kawża prinċipali jiġi applikat għal sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Bozkurt.

57.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni.

58.      Ma hemm l-ebda dubju li huwa prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni Ewropea li l-abbuż tad-drittijiet huwa pprojbit (37). Minn dan jirriżulta li l-liġi tal-UE ma tistax tintuża għal għanijiet frawdolenti jew abbużivi (38).

59.      Ġie osservat li t-test biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm aġir li jammonta għal abbuż f’każ individwali huwa “jekk kienx hemm distorsjoni fl-għanijiet u oġġettivi tad-dispożizzjoni Komunitarja li tagħti d-dritt inkwistjoni” (39).

60.      Id-dritt inkwistjoni f’din il-kawża huwa d-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 7. Jiena diġà spjegajt x’inhuma l-għanijiet u l-oġġettivi ta’ dan id-dritt (40).

61.      Jista’ jingħad li l-aġir ħażin ta’ M. Bozkurt, fih innifisu u xejn iżjed, jista’ jwassal biex jintemm dak id-dritt?

62.      Fil-fehma tiegħi, ma jistax.

63.      Minn ebda element tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jidhirx li dan huwa każ ta’ żwieġ frawdolenti, ikkuntrattat sabiex jinkisbu l-benefiċċji li ma kinux ikunu possibbli b’mod ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li żwieġ ta’ konvenjenza ma jistax joħloq drittijiet skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea (41). Kieku M. Bozkurt prova jikseb drittijiet skont l-Artikolu 7 billi jikkuntratta relazzjoni fittizzja, dawk id-drittijiet ma kienx ikollhom valur (42). Iżda hawnhekk dan mhuwiex il-każ.

64.      L-istupru huwa reat serju ħafna. Peress li l-vittma tar-reat ta’ M. Bozkurt kienet martu, ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li huwa abbuża miż-żwieġ. Fl-opinjoni tiegħi, madankollu, dan ma jammontax għal aġir li jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt ta’ residenza ta’ M. Bozkurt taħt l-Artikolu 7 sabiex iwassal biex dan id-dritt jintilef minħabba l-prinċipji stabbiliti hawn fuq.

65.      Qed ngħid dan għal żewġ raġunijiet.

66.      L-ewwel nett, jidhirli li, jekk id-dritt inkwistjoni għandu jiġi interpretat bħala wieħed awtonomu, kif ipproponejt li għandu jkun, ikun żbaljat li wieħed jitkellem dwar id-dritt bħala li huwa abbużat minħabba reat imwettaq kontra l-persuna li minnha joriġina dan id-dritt. Meta d-dritt ikun wieħed indipendenti, kwistjonijiet relatati mas-sors ta’ dak id-dritt, bħala definizzjoni, ma japplikawx iktar.

67.      It-tieni nett, sabiex ikun stabbilit jekk kienx hemm abbuż tad-drittijiet għall-finijiet tal-Artikolu 7, huwa meħtieġ li wieħed iħares lejn ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza. Fis-sentenza Emsland-Stärke (43), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li għandu jiġi applikat test f’żewġ stadji. L-ewwel nett, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita tagħqida ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnha jirriżulta li, minkejja osservazzjoni formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli Komunitarji, l-iskop ta’ dawk ir-regoli ma ntlaħaqx. It-tieni nett, għandu jkun hemm element suġġettiv li jikkonsisti fl-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ mir-regoli Komunitarji billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kisba tiegħu (44). Dak l-element suġġettiv għandu jirrappreżenta l-“għan uniku” tal-aġir inkwistjoni (45).

68.      Huwa ċar li l-aġir li dwaru sar ilment fil-każ ta’ M. Bozkurt ma jistax jilħaq dawn ir-rekwiżiti. Ma jistax jingħad li, meta żżewweġ lis-Sinjura Bozkurt, l-għan uniku tiegħu kien li jikseb vantaġġ mir-regoli Komunitarji. Il-qorti nazzjonali tosserva li l-aġir ta’ M. Bozkurt jagħmlu “mhux denju” li jirċievi d-drittijiet taħt l-Artikolu 7. Jista’ jkun li dan huwa l-każ, iżda l-kunċett li wieħed mhux denju u l-abbuż tad-drittijiet skont id-dritt Komunitarju mhumiex l-istess ħaġa. “Li wieħed mhux denju” mhuwiex test stabbilit fis-sentenza Emsland-Stärke (46).

69.      Għall-kompletezza nżid li l-konsegwenza loġika ta’ din il-konklużjoni hi li, anki kieku l-aġir li kien ibbażat fuqu l-ilment seħħ fil-perijodi ta’ tliet jew ħames snin imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, xorta ma kienx ikun jammonta għal abbuż tad-drittijiet għall-finijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

70.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jien tal-fehma li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li mhuwiex abbuż tad-drittijiet li wieħed jitlob id-dritt ta’ residenza li joriġina mill-ex mara taħt it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, meta l-persuna inkwistjoni tkun stuprat u kkawżat feriti fuqha wara l-kisba ta’ drittijiet taħt dan l-artikolu u r-reat kien punibbli b’terminu ta’ priġunerija sospiż għal sentejn.

 Osservazzjonijiet finali

71.      Għalkemm il-qorti nazzjonali ssemmi l-Artikolu 14 tad-Deċizjoni Nru 1/80 fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, hija ma tiżviluppa l-ebda raġunament speċifiku b’rabta ma’ dak l-artikolu. Milli qed nifhem, it-tentattiv li jitkeċċa M. Bozkurt fl-2005 ma rnexxiex minħabba l-ostakolu li jirriżulta mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/221. Kien ċar li d-dispożizzjoni kellha tiġi osservata jekk id-deċiżjoni ta’ tkeċċija kellha tkun valida, u li din id-dispożizzjoni ma kinitx ġiet osservata (47).

72.      Minkejja dan, huwa diffiċli li wieħed jevita dak li nista’ niddeskrivi bħala sensazzjoni ta’ skumdità li toħroġ kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż u l-Gvern Ġermaniż u dawk tal-Land Baden-Württemberg li persuna bil-fedina penali bħal M. Bozkurtt għandha titħalla tibqa’ fit-territorju nazzjonali. Xi ħaġa trid issir.

73.      Ma nixtieqx ngħid li t-tentattivi biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ tkeċċija “lateralment”, kif kien il-każ fil-kawża prinċipali, huma fihom infushom iddestinati li jfallu. Persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7, interpretati korrettament, ma tibbenefikax mid-dritt li tibqa’ fit-territorju tal-Istat ospitanti u tista’ titkeċċa.

74.      Madankollu, jidhirli li, bħala regola ġenerali, meta tqum kwistjoni dwar jekk ċittadin Tork li jkun għamel użu mid-drittijiet tiegħu taħt id-Deċiżjoni Nru 1/80 jistax jitkeċċa mit-territorju ta’ Stat Membru, il-punt jiġi ndirizzat bl-iżjed mod faċli permezz tal-użu tal-Artikolu 14 ta’ dik id-deċiżjoni bħala punt ta’ tluq. Dik id-dispożizzjoni hija, wara kollox, intiża li tirregola t-tkeċċijiet preċiżament f’dan it-tip ta’ każ.

75.      Ir-regoli dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ġew stabbiliti b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan li ġej huwa sunt qasir. Meta l-awtoritajiet nazzjonali jfittxu li jkeċċu persuna taħt dan l-artikolu, huma għandhom jevalwaw l-aġir personali tal-awtur ta’ ksur kif ukoll tan-natura attwali, reali u suffiċjentement gravi tal-periklu li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubblika u għas-sigurtà pubblika u li, minbarra dan, huma għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq l-Artikolu 14(1) tista’ tittieħed biss jekk l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata jindika riskju reali ta’ ħsara ġdida u serja tal-ordni pubbliku. Miżura bħal din ma tistax tiġi ordnata awtomatikament wara kundanna kriminali u bil-għan ta’ prevenzjoni ġenerali  (48). Qorti nazzjonali li tintalab tirrevedi l-legalità ta’ ordni għat-tkeċċija f’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tikkunsidra kwistjonijiet fattwali li jkunu seħħew wara d-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jindikaw it-twaqqif jew it-tnaqqis tat-theddida preżenti li l-aġir tal-persuna kkonċernata jikkostitwixxi għar-rekwiżiti tal-ordni pubbliku (49).

76.      Ir-rekwiżiti proċedurali kollha taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-liġi nazzjonali, għandhom, naturalment, jiġu osservati.

77.      F’dan l-isfond, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplikax għall-fatti fil-proċeduri ewlenin, kif inhuma sal-lum, hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali biss.

 Konklużjoni

78.      Fid-dawl ta’ dan kollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht kif ġej:

1)        Id-dritt ta’ residenza u impjieg miksub minn membru tal-familja skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija mill-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru jinżamm anki wara d-divorzju.

2)        Mhuwiex abbuż tad-drittijiet li wieħed jitlob id-dritt ta’ residenza li joriġina mill-ex mara taħt it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, meta l-persuna inkwistjoni tkun stuprat u kkawżat feriti fuqha wara l-kisba ta’ drittijiet taħt dan l-artikolu u r-reat kien punibbli b’terminu ta’ priġunerija sospiż għal sentejn.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963.


3 –      Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li kien konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685).


4 – Protokoll Addizzjonali, iffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU 1972 L 293, p. 1).


5 – Ara, rigward dan is-suġġett, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal (C‑136/03, Ġabra p. I‑4759, punt 69). Il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11) japplikaw għal ċittadini Torok li l-istatus legali tagħhom huwa rregolat bl-Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 tad-Deċizjoni Nru 1/80. L-Artikolu 9(1) ta’ dik id-direttiva jipprovdi, essenzjalment, li ħlief meta jkun hemm dritt sħiħ ta’ appell quddiem qorti tal-ġustizzja, li jkollu effett ta’ sospensjoni, u ħlief f’każijiet ta’ urġenza, deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid ta’ permess ta’ residenza jew li tordna t-tkeċċija tad-detentur ta’ permess ta’ residenza ma għandhiex tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali sakemm tkun inkisbet opinjoni minn awtorità kompetenti tal-Istat ospitanti, li quddiemha l-persuna kkonċernata jkollha dawk id-drittijiet ta’ difiża u ta’ assistenza u ta’ rappreżentazzjoni kif ipprovduti fil-liġi domestika ta’ dak il-pajjiż. Għalkemm jidher li l-Artikolu 9(1) japplika għad-deċiżjoni tat-tkeċċija ta’ M. Bozkurt, qatt ma nkisbet opinjoni mill-awtorità kompetenti kif tirrikjedi dik id-dispożizzjoni. Id-Direttiva 64/221 tħassret bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 t’April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) b’seħħ mit-30 ta’ April 2006.


6 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel (36/79, Ġabra p. 3439, punt 12), u tal-15 ta’ April 2010, Sandström (C‑433/05, Ġabra p. I-2885, punt 35).


7 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59), u tat-18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C‑440/08, Ġabra p. I-2323, punt 27).


8 – Ara, f’dan il-kuntest, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik (C‑171/95, Ġabra p. I‑329, punt 38).


9 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, Ġabra p. I‑6495, punt 47).


10 – Għal analiżi iżjed dettaljata tal-isfond tal-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ara l-punt 29 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pehlivan (C‑484/07, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


11 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz (C‑275/02, Ġabra p. I‑8765, punt 34).


12 – Ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ April 1997, Kadiman (C‑351/95, Ġabra p. I‑2133, punt 29). Ir-raġunament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk jirrifletti r-raġunament preċedenti tagħha b’rabta mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80: ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, Ġabra p. I‑3461, punt 29), u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus (C‑237/91, Ġabra p. I‑6781, punt 22).


13 – Ara s-sentenza Kadiman, iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq, punti 33 u 41. Għal analiżi iżjed sħiħa tal-kundizzjonijiet li Stat Membru ospitanti huwa intitolat li jimponi matul il-perijodu inkwistjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pehlivan iċċitati fin-nota f’qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punti 39 et seq.


14 – Ara s-sentenza Kadiman (iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 12, punti 35 u 36).


15 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Kadiman (iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 12, punti 35 u 36).


16 – Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000 (C‑329/97, Ġabra p. I‑1487).


17 – Punti 38 u 39.


18 – Punti 42 u 43.


19 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000 (C‑65/98, Ġabra p. I‑4747).


20 – Punt 28 (enfasi miżjuda).


21 – Ara s-sentenzi Ergat (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 40), u tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 31).


22 – Ara l-punt 41. Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2008, Er (C‑453/07, Ġabra p. I‑7299, punt 27).


23 – Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Akman (C‑210/97, Ġabra p. I‑7519, punt 51),


24 – Ara s-sentenza Er (iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 22, punt 31), li tindika li l-Artikolu 7 jvarja f’dan il-kuntest mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli (C‑373/03, Ġabra p. I‑6181, punt 31) u Derin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 56).


25 – Ara l-punti 71 et seq. hawn taħt.


26 – Ara, inter alia, is-sentenzi Ergat (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota f’qiegħ il-paġna 16, punt 48); tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat (C‑349/06, Ġabra p. I‑8167, punt 21), u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Altun (C‑337/07, Ġabra p. I‑10323, punt 62).


27 – Ara, inter alia, is-sentenza Cetinkaya (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota f’qiegħ il-paġna 21, punt 38).


28 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat. B’seħħ mit-30 ta’ April 2006, l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament tħassru u nbidlu bid-Direttiva 2004/38/KE.


29 – Ara s-sentenza Ayaz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota f’qiegħ il-paġna 11, punt 38).


30 – Sentenza tas-17 ta’ April 1986 (59/85, Ġabra p. 1283).


31 – Ara l-punt 16.


32 – Ara l-punt 46 iktar ’il fuq.


33 – Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


34 – Punti 62 sa 67.


35 – Punt 68.


36 – Ara l-punti 71 et seq hawn taħt.


37 – Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, Ġabra p I‑5795, punt 38).


38 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, Ġabra p. I‑2843, punt 20); tat-23 ta’ Marzu 2000, Diamantis (C‑373/97, Ġabra p. I‑1705, punt 33), kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari (C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 64).


39 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Zhu (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1994, C‑200/02, Ġabra p. I‑9925), punt 115.


40 – Ara l-punti 25 et seq iktar ’il fuq.


41 – Ara, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1612/68, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, Ġabra p. I‑9607, punt 61). Ara, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Kol (C‑285/95, Ġabra p. I‑3069, punt 25).


42 – Fl-opinjoni tiegħi, anke wara l-iskadenza tal-perijodi stabbiliti fl-Artikolu 7. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pehlivan (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota f’qiegħ il-paġna 10, punti 89 et seq).


43 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 20000 (C‑110/99, Ġabra p. I‑11569).


44 – Ara l-punti 52 u 53.


45 – Punt 50. Ara wkoll is-sentenza Kofoed, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 38, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-aġir abbużiv inkwistjoni li kien ‘biss” għall-għan li jinkiseb vantaġġ.


46 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43.


47 – Ara l-punt 13 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


48 – Ara s-sentenza Derin (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 47).


49 – Ara s-sentenza Cetinkaya (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 47).

Top