Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0254

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 23 ta' April 2009.
Futura Immobiliare srl Hotel Futura et. vs Comune di Casoria.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale della Campania - l-Italja.
Talba għal deċiżjoni preliminari -Direttiva 2006/12/KE- Artikolu 15(a) - Nuqqas ta’ attribuzzjoni tal-ispejjeż tar-rimi tal-iskart skont il-produzzjoni effettiva tiegħu- Kompatibbiltà mal-prinċipju li min iniġġes iħallas.
Kawża C-254/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06995

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:264

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-23 ta’ April 2009 ( 1 )

Kawża C-254/08

Futura Immobiliare srl Hotel Futura et

vs

Comune di Casoria

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2006/12/KE — Artikolu 15(a) — Nuqqas ta’ attribuzzjoni tal-ispejjeż tar-rimi tal-iskart skont il-produzzjoni effettiva tiegħu — Kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”

I — Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, għandu jiġi ċċarat sa fejn il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, inkluż fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri biex jistabblixxu regoli li jirregolaw il-mezzi kif jitqassmu l-ispejjeż tar-rimi tal-iskart urban. Fil-fatt, għadd ta’ lukandi qed jikkontestaw l-ispejjeż imposti fuqhom u qed isostnu li dawn ma jikkorrispondux għall-kwantità ta’ skart li jipproduċu huma.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-Direttiva Qafas dwar l-iskart

2.

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, inkluż fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, ġie stabbilit mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart ( 2 ) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva Qafas dwar l-iskart”):

“Skond il-prinċipju li ‘min iniġġes iħallas’, l-ispiża tar-rimi ta’ l-iskart għandha titħallas minn:

id-detentur li l-iskart tiegħu jiġi mmaniġġat minn kollettur ta’ l-iskart jew minn impriża kif imsemmija fl-Artikolu 9; u/jew

id-detenturi ta’ qabel jew il-produttur tal-prodott li minnu ġie l-iskart.”

3.

Din id-dispożizzjoni hija identika għall-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart ( 3 ), li d-Direttiva 2006/12, bl-emendi kollha tagħha, hija l-kodifikazzjoni tagħha. L-Artikolu 20 jirregola t-tranżizzjoni mid-direttiva preċedenti għad-direttiva fis-seħħ:

“Id-Direttiva 75/442/KEE hija b’dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali stabbiliti fl-Anness III, Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.”

4.

Il-Parti B tal-Anness III jipprovdi l-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 75/442 kif ukoll tad-direttivi li jemendawha.

5.

Id-Direttiva 2006/12 daħlet fis-seħħ, skont l-Artikolu 21, fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-17 ta’ Mejju 2006.

6.

Sadanittant, kienet ġiet adottata d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti direttivi ( 4 ), li ħassret id-Direttiva Qafas dwar l-iskart b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010. L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98 jinkludi dispożizzjoni simili dwar l-ispejjeż tar-rimi tal-iskart li, madankollu, ma tinkludix lid-detenturi preċedenti kollha tal-prodott li minnu ġie l-iskart.

B — Id-dritt Taljan

7.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti essenzjalment tiġi spjegata kif ġej:

8.

Skont id-dritt fis-seħħ s’issa (Artikoli 58 et seq tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/1993) ( 5 ), il-muniċipalitajiet għandhom jistabbilixxu taxxa annwali għar-rimi tal-iskart solidu urban. Il-kundizzjoni biex tiġi imposta u tinġabar it-taxxa hija l-okkupazzjoni jew il-pussess ta’ bini u ta’ żoni battala fit-territorju muniċipali. L-ammont tat-taxxa huwa proporzjonat għas-superfiċji taxxabbli u għall-koeffiċjent tal-produzzjoni tal-kwantitajiet ikkalkolat skont l-użu tal-bini.

9.

Din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi sostitwita minn sistema ta’ tariffi li l-bażijiet tagħha kienu inizjalment stabbiliti fuq l-Artikolu 49 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997 ( 6 ) u li sadanittant huma rregolati mill-Artikolu 238 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 ( 7 ). Id-dettalji tas-sistema huma stabbiliti bid-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 158/1999 ( 8 ). B’mod partikolari, it-tariffa hija magħmula minn parti fissa — maħsuba biex tkopri l-ispejjeż essenzjali tas-servizz u hija kkalkolata fuq il-bażi tas-superfiċji tal-bini użati jew fil-pussess — u minn parti varjabbli, relatata mal-kwantità ta’ skart miġbur.

10.

L-applikazzjoni tas-sistema ta’ tariffi madankollu ġiet posposta kemm-il darba, b’mod partikolari mill-Artikolu 1(184) tal-Liġi Nru 296/2006.

III — Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talba għal deċiżjoni preliminari

11.

Fil-kawża prinċipali, diversi lukandi li jinsabu fil-Comune di Casoria, qrib Napoli, jikkontestaw il-kalkolu tat-taxxi li huma obbligati jħallsu għar-rimi tal-iskart. Fl-2006, din it-taxxa kienet tmien darbiet ogħla mit-taxxa relatata ma’ appartamenti privati simili u, fl-2007, kienet disa’ darbiet ogħla.

12.

Ir-rikorrenti qed isostnu li t-taxxa ffissata għal-lukandi hija sproporzjonatament għolja meta mqabbla ma’ dik li tiġi applikata għad-djar privati u hija kkalkolata fuq il-kapaċità tad-dħul iktar milli fuq il-kapaċità tal-produzzjoni tal-iskart, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni r-rata ta’ riżervazzjonijiet tal-kmamar, tal-preżenza ta’ servizzi ta’ ristoranti, tal-fenomenu tal-attività staġjonali u tas-superfiċji mhux okkupati li huma maħsuba biex jingħataw xi servizzi.

13.

Għaldaqstant, it-Tribunale Amministrativo Regionale della Campania qed jagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-leġiżlazzjoni nazzjonali, stabbilita fl-Artikoli 58 et seq tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507 tal-1993 u fil-liġi tranżitorja li estendiet l-applikazzjoni tagħhom, permezz tal-Artikolu 11 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 488 tal-1999, b’emendi suċċessivi, u tal-Artikolu 1(184) tal-Liġi Nru 296 tal-2006, li tippermetti ż-żamma ta’ sistema ta’ natura fiskali sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tas-servizz tar-rimi ta’ skart u li tipposponi l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tariffi fejn l-ispiża tas-servizz tiġi sostnuta mill-persuni li jipproduċu u jiġbru l-iskart, hija kompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 75/442/KEE, kif emendat bl-Artikolu 1 tad-Direttiva Nru 91/156/KEE u mal-prinċipju li ‘min iniġġes iħallas’?”

14.

Il-Comune di Casoria, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma kienx hemm trattazzjoni orali.

IV — Il-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A — L-ammissibbiltà u l-interpretazzjoni tar-rinviju

15.

Il-Comune di Casoria u l-Gvern Taljan ġustament jenfasizzaw li, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa bis-saħħa tal-Artikolu 234 KE, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju sabiex din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar din il-kompatibbiltà u tagħti d-deċiżjoni tagħha rigward il-kawża li għandha quddiemha ( 9 ).

16.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem prinċipalment il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jipprekludix il-ġbir tal-ispejjeż għar-rimi tal-iskart f’forma ta’ taxxa. Fil-fatt il-qorti nazzjonali qed tistaqsi jekk sistema ta’ natura fiskali għandhiex tkun sostitwita minn sistema ta’ tariffi.

17.

Madankollu, ma hemmx għalfejn jiġi ċċarat kif id-dritt Taljan jiddefinixxi dawn is-sistemi fid-dettall. Anzi, il-kawża prinċipali essenzjalment tqajjem il-kwistjoni dwar sa fejn produttur ta’ skart jista’ jeżiġi li l-ħlasijiet li jiġu imposti fuqu għar-rimi tal-iskart jikkorrispondu għall-iskart miġbur mingħandu u mhux għall-kapaċità ekonomika ta’ dħul tal-impriża tiegħu.

18.

Din hija wkoll id-distinzjoni determinanti, f’din il-kawża, bejn iż-żewġ sistemi li jikkonċernaw l-ispejjeż: is-sistema ta’ tariffa l-ġdida Taljana fuq ir-rimi tal-iskart, li s’issa baqgħet ma ġietx applikata fil-każi inkwistjoni, tistabbilixxi b’mod iktar evidenti mil-liġi dwar it-taxxa fuq l-iskart li bħalissa tinsab fis-seħħ, li l-ammont tal-ħlas jiddependi mill-iskart miġbur.

19.

It-talba għal deċiżjoni preliminari għaldaqstant trid tinftiehem fis-sens li l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart jipprekludi liġi li abbażi tagħha l-ħlasijiet għar-rimi tal-iskart jiġu kkalkolati fid-dawl tas-superfiċji użati u tal-kapaċità ekonomika ta’ dħul tal-produttur tal-iskart u mhux fuq il-bażi tal-iskart effettivament prodott.

20.

Peress li t-tifsira tad-domanda preliminari b’hekk tidher li hija suffiċjentement ċara, ir-rinviju mhux inammssibbli għaliex mhux motivat b’mod suffiċjenti, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Taljan ( 10 ).

B — L-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart

21.

Il-Comune di Casoria jsostni li d-Direttiva Qafas dwar l-iskart 2006/12 għadha ma tapplikax fir-rigward tal-każi inkwistjoni, li għandhom x’jaqsmu mal-2006 u mal-2007. Il-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni skada fl-2008.

22.

Madankollu, ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart 2006/12: skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart 2006/12, id-Direttiva 75/442 hija mħassra u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 jiċċara li minflokha għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/12 skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV.

23.

Madankollu, b’dan il-mod is-sitwazzjoni ġuridika ma nbidlitx. Anzi, mil-lat ta’ redazzjoni, hija għamlet biss kjarifika tad-dispożizzjonijiet li huma ġeneralment applikabbli ( 11 ). Id-Direttiva Qafas dwar l-iskart il-ġdida għalhekk tissostitwixxi b’mod formali, mid-data minn meta daħlet fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet li qabel kienu validi, u għaldaqstant applikabbli.

24.

F’dan il-każ mhux rilevanti jekk il-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għandhiex tiġi evalwata b’mod differenti jekk kien hemm, oġġettivament emendi għad-direttiva sostitwita. Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” inkwistjoni, inkluż fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, bl-ebda mod ma ġie ppreġudikat mil-lat sostantiv.

C — Fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart

25.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart jirregola r-responsabbiltà finanzjarja għar-rimi tal-iskart. Skont l-ewwel inċiż, f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, din ir-responsabbiltà hija tad-detentur li l-iskart tiegħu jiġi mmaniġġat minn kollettur tal-iskart jew minn impriża. Barra minn hekk, it-tieni inċiż isemmi lid-detentur ta’ qabel jew lill-produttur tal-prodott li minnu ġej l-iskart.

26.

Skont l-Artikolu 249 KE, l-Istati Membri filwaqt li għandhom l-għażla tal-forma u l-metodi, huma marbuta fir-rigward tar-riżultat li jrid jintlaħaq mid-direttiva, f’dak li jirrigwarda l-attribuzzjoni tal-ispejjeż marbuta mar-rimi tal-iskart. Konsegwentement, skont is-sentenza Commune de Mesquer, huma għandhom jiżguraw li d-dritt nazzjonali tagħhom jippermetti li l-spejjeż jiġu attribwiti, jew lid-detenturi ta’ qabel, jew lill-produtturi tal-prodott li minnu ġej l-iskart ( 12 ).

27.

Għaldaqstant, l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, l-ewwel nett, jagħti ċerta setgħa diskrezzjonali fl-għażla biex jiġi deċiż min għandu jsostni l-ispejjeż tar-rimi tal-iskart. Il-grupp ta’ persuni li jistgħu jiġu kkunsidrati huwa limitat mid-diċitura tad-dispożizzjoni, iżda mhux stabbilit b’mod definittiv. It-tieni nett, hemm marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-forma u tal-metodi tat-traspożizzjoni.

28.

F’dan il-każ, jitqies biss id-detentur li l-iskart tiegħu jiġi mmaniġġat minn kollettur tal-iskart jew minn impriża. F’dan il-kuntest, ma jidhirx li hu rilevanti sa fejn, pereżempju, jistgħu jitqiesu anki l-produtturi ta’ prodotti li ser isiru skart ( 13 ).

29.

Madankollu, ma hemmx qbil dwar jekk il-prinċipju ewlieni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, jiġifieri l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, jippermettix li jiġu kkalkolati l-ħlasijiet għar-rimi tal-iskart fuq il-bażi tas-superfiċji użati u tal-kapaċità ekonomika ta’ dħul tal-produttur tal-iskart, iżda mhux fuq il-bażi tal-iskart effettivament prodott.

1. Il-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”

30.

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” huwa, skont l-Artikolu 174(2) KE, wieħed mill-prinċipji tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent. Huwa jistabbilixxi li min jipproduċi l-iskart għandu jsostni l-ispejjeż għar-rimi tiegħu.

31.

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” huwa partikolarment importanti fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent għaliex min iniġġes qed jingħata inċentiv sabiex jevita t-tniġġis ambjentali ( 14 ). Meta dan — bħal fil-każ tal-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart — mhuwiex implementat bħala projbizzjoni għal imġiba li twassal għat-tniġġis tal-ambjent, imma f’forma ta’ skema ta’ spejjeż, min iniġġes jista’ jiddeċiedi jekk iwaqqafx it-tniġġis, jiġifieri jnaqqsu jew inkella jbati l-ispejjeż meħtieġa sabiex dan jitwaqqaf ( 15 ).

32.

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu wkoll l-għan li jqassam b’mod ugwali l-ispejjeż marbuta mat-tniġġis tal-ambjent. Dawn ma jiġux imposti fuq oħrajn, b’mod partikolari l-pubbliku, jew sempliċement injorati, imma jiġu imposti fuq min ikun responsabbli għat-tniġġis ( 16 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant qieset il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 17 ). Fil-fatt, ma jkunx xieraq li l-ispejjeż għar-rimi tal-iskart ibatihom xi ħadd li ma jkollux x’jaqsam mal-produzzjoni tal-iskart.

33.

Bħala prinċipju tal-attribuzzjoni tal-ispejjeż, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jagħti lok b’mod konkret ukoll għall-prinċipju ta’ trattatment ugwali jiġifieri ta’ nondiskriminazzjoni. Dan jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 18 ). Skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, biex ikunu komparabbli u eventwalment iġġustifikati l-obbligi tal-ħlas għar-rimi tal-iskart huwa determinanti li wieħed ikun ikkontribwixxa għat-tniġġis. F’dan is-sens, dan il-prinċipju jiżgura anki l-kompetizzjoni ġusta, meta jiġi applikat b’mod koerenti u uniformi fil-konfront tal-impriżi ( 19 ).

34.

Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-possibbiltà li l-persuni involuti fil-produzzjoni tal-iskart jevitaw l-obbligi finanzjarji tagħhom, kif inhu pprovdut mid-Direttiva Qafas dwar l-iskart mhijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”  ( 20 ); min-naħa l-oħra, ħadd ma għandu jkun obbligat jitgħabba b’piżijiet marbuta mal-eliminazzjoni ta’ tniġġis li ma kkontribwiex għalih ( 21 ). Oriġinarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għamlet din l-affermazzjoni rigward it-tniġġis tal-ilmijiet; madankollu, tista’ tiġi trasposta għar-rimi tal-iskart.

35.

Għaldaqstant, nikkonkludi li persuna ma għandhiex tbati l-ispejjeż għar-rimi ta’ skart prodott minn persuni oħrajn ( 22 ). Dawn il-produtturi l-oħra tal-iskart fil-fatt ikunu qed jiġu eżentati milli jwettqu l-obbligi imposti fuqhom skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

36.

Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għalhekk jista’ jinftiehem bħala sistema preċiża tal-attribuzzjoni tal-ispejjeż, b’mod analogu, pereżempju, għall-kriterju tar-rabta kawżali fid-dritt tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ( 23 ).

2. Fuq is-sistema tal-ispejjeż għar-rimi tal-iskart urban

37.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jidher li jipprekludi d-dispożizzjoni inkwistjoni, marbuta mar-rimi tal-iskart, peress li l-ammont tat-taxxa mhux neċessarjament jikkorrispondi għall-isforz li jkun sar biex jinġabar u jintrema l-iskart prodott mill-persuni li għandhom jagħmlu l-ħlas. Għal sistema tal-ispejjeż tar-rimi tal-iskart urban, li tikkorrispondi eżattament għall-kwantità tal-iskart, għandhom jiġi rreġistrati l-iskart miġbur u l-ispejjeż li jkunu saru, biex imbagħad il-produttur tal-iskart għandu jintalab iħallashom. L-inċentiv biex ikun evitat li jiġi prodott l-iskart ikun relattivament kbir, peress li għal kull tnaqqis fil-kwantità tal-iskart jiġu ffrankati l-ispejjeż.

38.

Madankollu, huwa kkontestat jekk il-mudell tal-kalkolu eżatt tal-ispejjeż għandux jiġi applikat għar-rimi tal-iskart urban.

39.

L-iskart urban huwa konsegwenza prevedibbli tal-istil ta’ ħajja attwali. Fil-parti l-kbira, l-iskart jiġi prodott minn għadd kbir ta’ konsumaturi finali u ta’ impriżi żgħar. L-ispejjeż li jkun hemm f’kull każ partikolari ġeneralment ikunu limitati. Ir-rimi tal-iskart urban għaldaqstant huwa “kwistjoni tal-massa”. Dan diġà jista’ jiġġustifika li l-ispejjeż ma jiġux iffatturati b’mod eżatt, imma li jitqassmu permezz ta’ skema b’rata fissa.

40.

Ma’ dan għandu jiżdied l-isforz kbir marbut ma’ likwidazzjoni eżatta. Jidher b’mod ċar li l-isforz marbut mal-attribuzzjoni tal-ispejjeż huwa relattivament baxx jekk, pereżempju, jinġabru biss il-boroż tal-iskart minn fuq il-bankini u għal dan is-servizz kull resident iħallas tariffa waħda. Kontroll iktar preċiż tal-kwantità tal-iskart wisq probabbli jeżiġi iktar investimenti u żieda fl-ispejjeż tal-amministrazzjoni.

41.

Sistemi li jiswew iktar flus jirreferu b’mod approssimattiv għall-kwantitajiet ta’ skart, pereżempju, billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni boroż tal-iskart speċjali jew kontenituri tal-iskart standard bi ħlas ta’ korrispettiv. Sistemi iktar żviluppati jiżnu l-iskart prodott li jinġabar biex imbagħad il-piż jitqies meta jiġu kkalkolati t-tariffi.

42.

Saħansitra, wieħed jista’ jqis anki l-kompożizzjoni tal-iskart. Madankollu, dan ikun jiswa iktar, minħabba, pereżempju, l-użu ta’ strumenti ta’ kejl speċjali jew investigazzjoni viżwali tal-iskart. B’mod partikolari, l-analiżi fil-fond tal-kompożizzjoni tal-iskart domestiku, b’mod speċjali, tinvadi barra minn hekk il-ħajja privata tal-produtturi tal-iskart. L-iskart fil-fatt jagħti l-possibbiltà li wieħed jasal għall-konklużjonijiet dwar kif tkun organizzata l-ħajja privata tal-produttur.

43.

Jinqalgħu iktar diffikultajiet rigward l-attribuzzjoni eżatta tal-ispejjeż għar-rimi tal-iskart fil-każ ta’ djar jew ta’ bini maqsuma f’għadd ta’ appartamenti. Filwaqt li r-residenzi li jospitaw familja waħda jgħaddu lill-kolletturi pubbliċi l-iskart ta’ familja waħda biss, l-iskart ta’ bini fejn joqogħdu iktar minn familja waħda ġeneralment jinġabar kollu flimkien. L-attribuzzjoni individwali tal-kwantità tal-iskart tippreżumi miżuri addizzjonali fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-bini.

44.

Kif ġustament issostni l-Kummissjoni, f’dan il-kuntest għandu jiġi osservat ukoll li inċentiv ikbar biex jitnaqqas l-iskart miġbur jista’ jwassal anki għal rimi illegali. Il-produtturi tal-iskart tista’ tiġihom it-tentazzjoni li jarmu l-iskart tagħhom bħala “free riders” f’sistemi ta’ ġbir ta’ oħrajn (pereżempju billi jużaw il-kontenituri taż-żibel tal-ġar jew il-kontenituri tal-iskart pubbliċi), jew inkella, fl-agħar każ, jitilquh barra fejn ġie ġie ( 24 ).

45.

Fl-aħħar nett, għandu jitqies ukoll li r-rimi tal-iskart urban jeżiġi li tkun disponibbli sistema ta’ ġbir u ta’ rimi tal-iskart.

46.

Anki jekk il-produtturi tal-iskart jirriċiklaw huma stess, b’mod eċċezzjonali, l-iskart, pereżempju billi jibdluh f’kompost, fil-prinċipju huma la għandhom interess u lanqas il-kapaċità li jarmu l-iskart kollu tagħhom. Barra minn hekk, f’bosta postijiet, jiġu prodotti ammonti kbar ta’ skart domestiku. Għandhom jitqiesu wkoll l-għadd ta’ problemi ambjentali li jistgħu jinqalgħu jekk dan ma jinġabarx regolarment u jintuża jew inkella jintrema malajr u b’mod adegwat.

47.

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jistabbilixxu [u jżommu] netwerk integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet għar-rimi, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. Dan in-netwerk jitqies li jkun adegwat jekk ikollu kapaċità suffiċjenti biex jilqa’ l-ammonti ta’ skart li huma mistennija li jiġu prodotti.

48.

Konsegwentement, għandha tinħoloq sistema għall-ġbir tal-iskart. Filwaqt li d-Direttiva Qafas dwar l-iskart ma teħtieġx espressament li tinħoloq din is-sistema; madankollu, fil-prattika din hija obbligatorja.

49.

L-ispejjeż marbuta mal-ħolqien u mal-manutenzjoni tal-installazzjonijiet għar-rimi tal-iskart u tas-sistemi għall-ġbir tal-iskart ma jiddependux direttament mill-kwantitajiet ta’ skart effettivament prodotti. B’mod partikolari jekk il-kwantità ta’ skart tonqos b’mod kunsiderevoli, imma l-installazzjonijiet diġà mibnija jridu jkomplu jiġu ffinanzjati, jista’ jkun hemm differenza kbira bejn l-ispejjeż u l-kwantità ta’ skart.

50.

Sistema bħal din hija vantaġġ għall-individwu anki jekk dan jipproduċi kwantità minima ta’ skart li għandha tintrema jew jekk ma jipproduċi l-ebda skart. Fil-fatt, dan jista’ jserraħ rasu li jista’ jgħaddi lis-sistema skart li rriżulta b’mod eċċezzjonali. Din il-possibbiltà, f’ċerti kundizzjonijiet, tista’ tiġġustifika ċertu kontribut għall-ispejjeż. Il-liġijiet li jirregolaw l-ispejjeż fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ skart effettivament prodotti għaldaqstant bosta darbi jipprovdu għal ħlas bażiku, li jippermetti l-aċċess għas-sistema għar-rimi tal-iskart. Mudelli ta’ finanzjament simili huma użati wkoll fil-każ ta’ servizzi oħrajn marbuta ma’ netwerks, għalkemm f’dawn il-każi, ma jkunux esklużi tariffi mingħajr ħlas bażiku.

51.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li jista’ jkun hemm motivi biex is-sistema tal-ispejjeż għar-rimi tal-iskart urban ma tkunx ibbażata fuq likwidazzjoni eżatta tal-ispejjeż ikkawżati mill-produttur individwali tal-iskart.

3. Fuq il-flessibbiltà rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”

52.

Madankollu, ma hemmx qbil dwar jekk il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, applikabbli skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, jippermettix li jitqiesu dawn il-motivi.

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ħjiel li fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” hemm ċerta flessibbiltà. Fil-fatt, ċerti drabi hija rabtet l-obbligu li wieħed ibati l-ispejjeż mhux mal-kawżalità imma maċ-ċirkustanza li l-persuna responsabbli li tintalab tħallas l-ispejjeż tkun ikkontribwiet biex tiġġenera l-iskart jew id-danni ( 25 ).

54.

Huwa paċifiku li ma għandhiex tkun meħtieġa likwidazzjoni eżatta tal-ispejjeż iżda għandu jitqies jekk il-persuna tkunx parti minn grupp li huwa kollettivament responsabbli għat-tniġġis tal-ambjent. Dan huwa manifestament konformi mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jekk, minkejja li jiġi aċċertat li l-membri kollha tal-grupp ikunu kkontribwew għat-tniġġis, ma jkunx però jista’ jiġi stabbilit b’mod ċar il-kontribut individwali rispettiv u l-ispejjeż li jirriżultaw. Bl-istess mod, tista’ tkun espressjoni tar-responsabbiltà tal-grupp li jiġi kopert kollettivament riskju li jikkonċerna lill-membri kollha, kif pereżempju ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ inċidenti kkawżati minn żejt imxerred fil-baħar ( 26 ).

55.

Fl-opinjoni tiegħi, il-bażi legali għal implementazzjoni iktar flessibbli tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, tinsab fil-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ( 27 ), li l-Istati Membri huma obbligati josservaw meta jimplementaw u japplikaw id-dritt Komunitarju ( 28 ).

56.

Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura ma jistax taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tagħha, peress li meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi ( 29 ).

57.

Fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, l-Istati Membri għandhom iwieżnu b’mod partikolari l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-alternattivi differenti. F’dan il-kuntest, huma jistgħu u għandhom iqisu l-imsemmija kunsiderazzjonijiet. Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni jiddependi ħafna mill-kundizzjonijiet lokali, bħal pereżempju l-kundizzjonijiet ġeografiċi, it-tip ta’ habitat, il-fażi tal-iżvilupp tas-sistema ta’ ġbir u ta’ rimi tal-iskart użata jew l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ rimi illegali tal-iskart. Ikun ukoll rilevanti jekk permezz ta’ likwidazzjoni eżatta tal-ispejjeż individwali jkunux jistgħu jiġu previsti differenzi suffiċjentement kbar mil-lat prattiku fil-piż finanzjarju jew jekk il-produttur individwali tal-iskart, minkejja kontroll tal-iskart li jiswa ħafna flus, ikollux iħallas l-istess ammont li ħallas sa dak il-mument, jekk mhux saħansitra ammont ikbar, minħabba ż-żieda fl-ispejjeż biex jitwettqu l-kontrolli.

58.

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni teżiġi deċiżjonijiet kumplessi bbażati fuq previżjonijiet. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom, fil-prinċipju, setgħa diskrezzjonali u deċiżjonali wiesgħa (“setgħa diskrezzjonali”) ( 30 ). Madankollu, l-argument tal-Italja u tal-Comune di Casoria huwa inkorrett meta jallegaw li l-Artikolu 15 tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart huwa vag wisq biex individwu jkun jista’ jinvoka l-ksur tiegħu. Huwa minnu li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri tfisser li tali ksur huwa improbabbli; madankollu, jekk l-awtoritajiet kompetenti jaqbżu l-limiti tas-setgħat li għandhom, l-individwu jista’ jinvoka dan il-ksur tad-dritt Komunitarju.

59.

Il-kriterju sostantiv biex ikun aċċertat ksur huwa jekk l-awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxux manifestament ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Ġeneralment, evalwazzjoni kumplessa, tista’ tiġi kkontestata biss jekk ma tkun ibbażata fuq l-ebda bażi raġonevoli ( 31 ). Madankollu, peress li l-kwistjoni tirrigwarda l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, mhux kwalunkwe kunsiderazzjoni raġonevoli hija suffiċjenti; iżda l-fattur rilevanti huwa jekk hemmx rabta raġonevoli jew le mal-kontribut kawżali tal-prodottur tal-iskart.

60.

Is-sistema finanzjarja Taljana għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din il-bażi.

4. Fuq l-użu tas-superfiċji bħala fattur ta’ tqassim

61.

Skont id-dritt Taljan applikabbli, l-ammont tal-kontribut għall-ispejjeż huwa bbażat, minn naħa, fuq l-erja tal-bini użat u tal-postijiet battala, u min-naħa l-oħra, fuq il-koeffiċjent tal-produzzjoni tal-kwantitajiet ikkalkolat għat-tip ta’ użu.

62.

Ma jidhirx li hemm oġġezzjonijiet fil-konfront taż-żewġ fatturi per se. L-erja tas-superfiċji użati u t-tip ta’ użu, fil-prinċipju, jippermettu li jsiru suppożizzjonijiet plawżibbli fuq il-kwantitajiet ta’ skart li probabbilment jistgħu jiġu prodotti, b’mod partikolari jekk tkun disponibbli d-data empirika relatata.

63.

Huwa minnu li dawn iwasslu għal sistema tal-ispejjeż ikkaratterizzata minn każi tipiċi, li ma tqisx il-kwantità effettiva tal-iskart. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, meta jwieżnu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ attribuzzjoni iktar eżatta tal-ispejjeż, jistgħu jaslu għall-konklużjoni li jeħtieġ li din is-sistema tiġi ppreferuta.

5. Fuq il-kunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ dħul

64.

Dak li ngħad iktar ’il fuq madankollu għadu ma ċċarax li l-kontribut għall-ispejjeż li għandhom il-lukandi rikorrenti ma jistax jiġi kkontestat. Fil-fatt dan huwa bbażat b’mod deċiżiv fuq il-koeffiċjent ikkalkolat għat-tip ta’ użu tas-superfiċji. Fl-2006, dan kien tmien darbiet iktar ogħli mill-koeffiċjent tas-superfiċji użat minn persuni privati; fl-2007 kien disa’ darbiet iktar ogħli. Fir-rigward ta’ dan il-kalkolu, il-qorti tar-rinviju qalet biss li l-lukandi rikorrenti, fil-proċedura nazzjonali, sostnew li dan jirreferi mhux għall-kapaċità tal-produzzjoni tal-iskart tagħhom, imma għall-kapaċità ta’ dħul tagħhom.

65.

Il-kapaċità ta’ dħul ta’ produttur tal-iskart mhijiex direttament marbuta mal-kwantità ta’ skart tiegħu. Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li l-impriżi li l-iktar li jaqalgħu flus jipproduċu kwantità partikolarment kbira ta’ skart; madankollu, wieħed jista’ jassumi anki li jiġri l-kontra. Kapaċità ikbar tista’ tabilħaqq tkun ibbażata fuq imġiba kkaratterizzata minn livell baxx ta’ konsum tar-riżorsi.

66.

Il-kapaċità tad-dħul ma tistax tiġġustifika tariffi ogħla lanqas mill-perspettiva soċjali. Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu l-għan li jiggarantixxi li l-livelli soċjali kollha jkollhom imġiba li tkun tal-inqas dannu possibbli għall-ambjent. Għaldaqstant ma jkunx kompatibbli ma’ dan il-prinċipju jekk ċerti gruppi jiġu direttament eżentati, minħabba li ma jifilħux iħallsu jew minħabba li ma tantx għandhom kapaċità ta’ produzzjoni, mill-ispejjeż marbuta mat-tniġġis tal-ambjent li jkunu kkawżaw huma stess. Però dan ma jeskludix il-ħtieġa li dawn l-ispejjeż — jiġifieri, skont kemm it-tniġġis tal-ambjent huwa komponent inevitabbli tal-istil tal-ħajja — jitqiesu fil-kalkolu tal-miżuri eventwali ta’ appoġġ fil-qasam soċjali. B’dan il-mod, fil-fatt tiġi ggarantita l-funzjoni ta’ inċentiv li għandu l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

67.

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-kapaċità ta’ dħul hija kriterju manifestament mhux adattat biex ikun implementat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

6. Fuq il-kriterji l-oħra invokati

68.

Fil-kawża prinċipali, il-lukandi rikorrenti sostnew li jeħtieġ li jitqiesu anki l-livell ta’ riżervazzjonijiet tal-kmamar, il-preżenza ta’ servizzi ta’ ristoranti, il-fenomenu tal-attività staġjonali, u l-effetti tas-superfiċji mhux okkupati li huma maħsuba biex jingħataw xi servizzi.

69.

Eventwalment, dawn il-kriterji jippermettu li jinġibdu konklużjonijiet dwar il-kwantità ta’ skart li se tkun probabbilment prodotta u għalhekk ma jidhirx li mhumiex adattati għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Madankollu, lanqas ma jkun manifestament żbaljat jekk wieħed jirrinunzja għal dawn il-kriterji. Għaldaqstant, dawn mhux bilfors għandhom jitqiesu meta jiġu kkalkolati l-kontributi.

V — Konklużjoni

70.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

“Il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, stabbilit fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi liġijiet nazzjonali li jimponu fuq l-individwi spejjeż manifestament mhux adegwati għar-rimi tal-iskart minħabba li dawn ma jurux rabta suffiċjentement raġonevoli mal-produzzjoni tal-iskart.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 114, p. 9.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23, emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).

( 4 ) ĠU L 312, p. 3.

( 5 ) GURI Nru 288 tad-9 ta’ Diċembru 1993, Supplemento Ordinario Nru 108, li sussegwentement ġie emendat kemm-il darba.

( 6 ) GURI Nru 38 tal-15 ta’ Frar 1997, Supplemento Ordinario Nru 33.

( 7 ) GURI Nru 88 tal-14 ta’ April 2006, Supplemento Ordinario Nru 96.

( 8 ) GURI Nru 129 tal-4 ta’ Ġunju 1999, Supplemento Ordinario Nru 107.

( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1997, USSL Nru 47 di Biella (C-134/95, Ġabra p. I-195, punt 17); tat-30 ta’ April 1998, Sodiprem et (C-37/96 u C-38/96, Ġabra p. I-2039, punt 22); tat-3 ta’ Ottubru 2000, Échirolles Distribution (C-9/99, Ġabra p. I-8207, punti 15 et seq.); tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C-60/05, Ġabra p. I-5083, punt 18); u tat-22 ta’ Mejju 2008, Citiworks (C-439/06, Ġabra p. I-3913, punt 21).

( 10 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C-295/05, Ġabra p. I-2999, punti 32 et seq.); tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto (C-467/05, Ġabra p. I-5557, punti 41 et seq.); u tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich (C-345/06, Ġabra p. I-1659, punti 30 et seq.).

( 11 ) Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart.

( 12 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C-188/07, Ġabra p. I-4501, punt 80).

( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 fil-kawża Commune de Mesquer (C-188/07, Ġabra 2008, p. I-4501, punti 122 et seq).

( 14 ) Ara l-paragrafu 1 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 75/436/Euratom, KEFA, KEE dwar l-attribuzzjoni tal-ispejjeż u l-intervent tas-setgħat pubbliċi fil-qasam tal-ambjent (ĠU L 194, p. 94).

( 15 ) Ara l-paragrafu 4(b) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 75/436 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14).

( 16 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fit-30 ta’ April 2002 fil-kawża GEMO (C-126/01, Ġabra 2003, p. I-13769, punt 60). Ara wkoll il-paragrafu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 75/436 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14).

( 17 ) Sentenza tad-29 ta’ April 1999, Standley et (C-293/97, Ġabra p. I-2603, punt 52).

( 18 ) Sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 39); tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95); tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 57); u tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63).

( 19 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C-444/00, Ġabra p. I-6163, punt 79). Ara wkoll il-paragrafu 1 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 75/436 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14).

( 20 ) Sentenza Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 72).

( 21 ) Sentenza Standley et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 51).

( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 120).

( 23 ) Dan kien il-punt ta’ tluq tas-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et (C-1/03, Ġabra p. I-7613, punti 54 et seq); u Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 69 et seq): l-ispejjeż ta’ inċidenti marbuta mat-tniġġis kellhom jiġu imposti fuq ċerti persuni responsabbli.

( 24 ) Dan ir-riskju jeżisti f’forma differenti fil-każi ta’ inċidenti ambjentali, bħal dawk li kienu kkonċernati mis-sentenzi Van de Walle, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23; u Commune de Mesquer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 25 ) Sentenzi Standley (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17); u Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12).

( 26 ) Sentenza Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 81).

( 27 ) Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster, Berodt & Co. (25/70, Ġabra p. 1161, punti 21 et seq); tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra p. 4587, punt 15); tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13); tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 97); u tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel (C-37/06 u C-58/06, Ġabra p. I-69, punt 33).

( 28 ) Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C-2/92, Ġabra p. I-955, punt 16); tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma (C-107/97, Ġabra p. I-3367, punt 65); tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 87); tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 105); u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28). Rigward ir-rabta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw u/jew li jikkomplementaw is-Sitt Direttiva mar-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, Ġabra p. I-7281, punt 48); u tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska (C-25/07, Ġabra p. I-5129, punt 23).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Köster, Berodt & Co. (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 28 u 32); Fedesa et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 13); u Viamex Agrar Handel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 35); u tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21); u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81).

( 30 ) Ara f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Steinicke (C-77/02, Ġabra p. I-9027, punt 61); u tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 63) rigward l-għanijiet tal-politika ta’ impjieg u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 125).

( 31 ) Dwar l-evalwazzjonijiet kumplessi tal-leġiżlatur Komunitarju, ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-10 ta’ Marzu 2009 fil-kawża pendenti S.P.C.M. et (C-558/07, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top