Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0063

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 31 ta' Marzu 2009.
Virginie Pontin vs T-Comalux SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal du travail d’Esch-sur-Alzette - il-Lussemburgu.
Politika soċjali - Protezzjoni tal-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu - Direttiva 92/85/KEE - Artikoli 10 u 12 - Projbizzjoni ta’ tkeċċija mix-xogħol matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala sat-tmiem il-leave ta’ maternità - Protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju - Trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa - Direttiva 76/207/KEE - Subparagrafu 3 tal-Artikolu 2(7) - Trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala jew mal-leave ta’ maternità - Restrizzjoni ta’ rimedji disponibbli għan-nisa mkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħhom.
Kawża C-63/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-10467

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:211

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2009 ( 1 )

Kawża C-63/08

Virginie Pontin

vs

T-Comalux SA

Werrej

 

I — Introduzzjoni

 

II — Il-kuntest ġuridiku

 

A — Id-dritt Komunitarju

 

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE

 

2 Id-Direttiva 92/85/KEE

 

B — Id-dritt nazzjonali

 

III — Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V — L-argumenti prinċipali tal-partijiet fil-kawża

 

A — Fuq l-ewwel żewġ domandi

 

B — Fuq it-tielet domanda

 

VI — Id-dritt

 

A — Rimarki preliminari dwar il-koinċidenza bejn iż-żewġ direttivi msemmija fid-domandi preliminari

 

B — Sinteżi tal-elementi strutturali tad-dritt Lussemburgiż applikabbli fil-qasam tat-tkeċċija u li jirriżulta mill-proċess

 

C — Fuq ir-rilevanza tad-diversi domandi preliminari u l-ordni li fiha għandhom jingħataw risposti għalihom

 

D — Fuq it-tielet domanda — Indisponibbiltà tar-rikors għad-danni

 

1. Skop u rilevanza

 

2. Protezzjoni legali effettiva

 

3. Ir-rimedji previsti mill-Istati Membri u l-prinċipju ta’ trattament ugwali

 

a) Id-determinazzjoni tal-kriterju ta’ diskriminazzjoni rilevanti

 

b) Diskriminazzjoni diretta

 

c) Trattament inqas favorevoli

 

d) Konklużjoni provviżorja

 

E — Fuq l-ewwel parti tal-ewwel u t-tieni domandi — Terminu biex jiġi ddikjarat l-istat ta’ tqala lil min iħaddem

 

F — Fuq it-tieni parti tal-ewwel u t-tieni domandi — Terminu għall-preżentata ta’ azzjoni.

 

1. Fuq il-legalità b’mod ġenerali tat-termini perentorji biex jiġu eżerċitati quddiem il-qrati drittijiet li l-persuna kkonċernata jkollha taħt id-dritt Komunitarju

 

2. Kunsiderazzjonijiet dwar il-fatturi li jista’ jkollhom rwol fil-kalkolu tat-termini ta’ azzjoni meta ssir tkeċċija

 

3. It-terminu ta’ ħmistax-il jum fid-dritt nazzjonali

 

4. Konklużjoni provviżorja

 

VII — Konklużjoni

“Politika soċjali — Protezzjoni tal-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu — Direttiva 92/85/KEE — Artikoli 10 u 12 — Projbizzjoni ta’ tkeċċija bejn il-bidu tat-tqala u tmiem il-leave tal-maternità — Protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju — Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa — Direttiva 76/207/KEE — Subparagrafu 3 tal-Artikolu 2(7) — Trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità — Restrizzjoni tar-rimedji disponibbli għan-nisa mkeċċija matul it-tqala tagħhom”

I — Introduzzjoni

1.

Fil-kawża prinċipali, ħaddiema tqila ssostni l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ordinarja u straordinarja li ttieħdet fil-konfront tagħha minn min iħaddimha. Hija tikkunsidra li għandha żewġ mezzi ta’ azzjoni kontra d-deċiżjoni msemmija hawn fuq: jiġifieri, minn naħa waħda, rikors għal annullament, u min-naħa l-oħra, rikors għad-danni kif dan huwa wkoll il-każ f’oqsma oħrajn tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija abbużiva. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Komunitarju applikabbli mat-termini nazzjonali previsti biex min iħaddem jiġi informat dwar tqala kif ukoll dawk previsti biex jiġu ppreżentati proċeduri f’każ fejn min iħaddem ikeċċi ħaddiema matul it-tqala tagħhom.

2.

F’dan il-kuntest, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) ( 2 ) kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol ( 3 ), kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 ( 4 ) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 76/207).

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE ( 5 )

3.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas-sess l-ieħor, kemm-il darba dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex jtintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa;

[…]

7.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità.

[…]

Trattament anqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew leave ta’ maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85/KEE għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva.

[…]”.

4.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi li:

“L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

[…]

ċ)

impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s-sensji, kif ukoll paga kif previsti fid-Direttiva 75/117/KEE;

[…]”

5.

L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jqisuh approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-applikazzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għall-persuni kollha li jikkunsidraw irwieħhom offiżi minħabba ommissjoni ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għalihom, ukoll wara li l-assoċjazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni tkun allegata li tkun ġrat tkun intemmet.

2.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri kif huma neċessarji biex jiżguraw kumpens jew riparazzjoni effettiva hekk kif l-Istati Membri jiddeċiedu għat-telf u d-dannu mġarrba minn persuna offiża bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 3, b’mod illi huwa diswassiv u proporzjonat għad-danni mġarrba[…]”.

6.

L-Artikolu 8 (d) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw li huma applikati.

Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi […]”.

7.

Fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 2002/73, huwa indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet b’mod konsistenti li kull trattament sfavorevoli għan-nisa relatat mat-tqala jew mal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni sesswali diretta.

8.

Fid-dsatax-il premessa tad-Direttiva 2002/73, huwa indikat li b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli nazzjonali dwar it-termini għat-teħid ta’ azzjoni huma ammissibbli sakemm ma jkunux inqas favorevoli mit-termini għal azzjonijiet simili ta’ natura interna u sakemm dawn ma jirrendux impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

9.

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) ( 6 ), li minħabba raġunijiet marbuta mad-data ma tapplikax għall-fatti fil-kawża prinċipali, tifformola mill-ġdid, għall-finijiet ta’ kjarezza, id-dispożizzjonijiet prinċipali fil-qasam inkwistjoni u tiġborhom f’test wieħed. L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2006/54 iħassar id-Direttiva 76/207 (fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2002/73) b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni.

2 Id-Direttiva 92/85/KEE ( 7 )

10.

Skont id-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85, il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu ma għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għan-nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas ma għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa.

11.

Mill-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li r-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmel ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, u li għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita t-tkeċċija.

12.

Għall-finijiet tad-Direttiva 92/85, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tagħha, “ħaddiema tqila” għandha tfisser “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”

13.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija” huma fformulat kif ġej:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1)

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2)

jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1”.

14.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85 bit-titolu “Il-Ħarsien tad-Drittijiet” huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra”.

B — Id-dritt nazzjonali

15.

Il-Kapitolu IV tal-Ewwel Ktieb tal-Code du travail Lussemburgiż, bit-titolu “Xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol” jinkludi fit-Taqsima 1 tiegħu, bit-titolu “Xoljiment mingħajr preavviż”, dispożizzjonijiet dwar xoljiment ordinarju ta’ kuntratt ta’ xogħol u fit-Taqsima 2 tiegħu, bit-titolu “Xoljiment għal raġuni serja”, dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment straordinarju ta’ kuntratt. It-tielet taqsima tal-istess kapitolu, (li tinkludi l-Artikoli L.124-11 u L.124-12) għandha t-titolu “Xoljiment abbużiv ta’ kuntratt ta’ xogħol minn min iħaddem”.

16.

Skont l-Artikolu L. 124-11 tal-Code du travail Lussemburgiż:

“(1)

Hija abbużiva u tikkostitwixxi att soċjalment u ekonomikament mhux normali, it-tkeċċija li tkun kontra l-liġi u li mhijiex ibbażata fuq raġunijiet reali u serji marbuta mal-abbiltà jew l-imġiba tal-impjegat jew ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-funzjonament tal-impriża, tal-istabbiliment jew tas-servizz[ ( 8 )].

L-istess jgħodd meta t-tkeċċija tkun tmur kontra l-kriterji ġenerali msemmija fl-Artikolu L. 423-1(3).[ ( 9 )].

(2)

L-azzjoni ġudizzjarja ta’ kumpens minħabba x-xoljiment abbużiv tal-kuntratt ta’ xogħol għandha tittressaq quddiem il-qorti industrijali f’terminu perentorju ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tat-tkeċċija jew tal-motivazzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta’ motivazzjoni, it-terminu jibda jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu L. 124-5(2)[ ( 10 )].

Dan it-terminu jiġi interrott b’mod validu f’każ ta’ interpellazzjoni bil-miktub mill-impjegat kontra min iħaddmu. Meta ssir din l-interpellazzjoni jiskatta terminu perentorju ġdid ta’ sena”.

17.

L-Artikolu 124-12 tal-Code du travail jipprovdi li:

“(1)

Meta ssib li kien hemm użu abbużiv tad-dritt ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indefinit, il-qorti industrijali għandha tikkundanna lil min iħaddem għall-ħlas tad-danni lill-impjegat fid-dawl tad-dannu li dan tal-aħħar ikun ġarrab minħabba t-tkeċċija tiegħu.

(2)

Meta tiddeċiedi dwar id-danni li għandhom jitħallsu lill-impjegat imkeċċi b’mod abbużiv, il-qorti industrijali tista’, fuq talba tal-impjegat ippreżentata matul il-kawża u meta hija jidhrilha li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal kontinwazzjoni jew issoktar mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ xogħol, tirrakkomanda lil min iħaddem li jerġa’ jdaħħal lill-impjegat għax-xogħol bħala rimedju għat-tkeċċija abbużiva tiegħu.

Fil-każ li l-impjegat jerġa’ jiddaħħal jaħdem biż-żamma tad-drittijiet ta’ anzjanità tiegħu, min iħaddem jinħeles mill-oneru tal-ħlas tad-danni li jkun ġie kkundannat iħallas lill-impjegat bħala riżarċiment għat-tkeċċija abbużiva tiegħu.

Jekk min iħaddem ma jkunx irid jerġa’ jdaħħal għax-xogħol lill-impjegat imkeċċi b’mod abbużiv kif ikun ġie rrakkomandat lilu mill-qorti industrijali, huwa jista’ jiġi kkundannat, fuq talba tal-impjegat, għall-ħlas tad-danni msemmija fil-paragrafu (1) tal-imsemmi artikolu billi jħallas kumpens ekwivalenti għal xahar salarju jew paga.

[…]

(4)

Fil-każijiet ta’ nullità tat-tkeċċija previsti mil-liġi, il-qorti industrijali għandha tordna li l-impjegat jinżamm jaħdem mal-impriża jekk huwa jkun talab hekk. […]

Huma applikabbli għall-azzjoni ġudizzjarja għal nullità d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 124-11”.

18.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.337-1 tal-Code du travail huma fformulati kif ġej:

“(1)

Huwa pprojbit għal min iħaddem li jinnotifika x-xoljiment ta’ relazzjoni ta’ xogħol jew, fejn applikabbli, l-avviż għal intervista preliminari lil impjegata meta din tkun fi stat ta’ tqala medikament stabbilita u matul perijodu ta’ tnax-il ġimgħa wara l-ħlas.

F’każ ta’ notifika tax-xoljiment qabel mat-tqala tkun stabbilita medikament, l-impjegata tista’, f’terminu ta’ tmint ijiem mid-data tan-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt, tressaq prova dwar l-istat tagħha billi tippreżenta ċertifikat b’ittra rreġistrata.

Kull tkeċċija nnotifikata bi ksur tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija kif imsemmi fiż-żewġ paragrafi preċedenti u, fejn applikabbli, l-avviż għal intervista preliminari, huma nulli u mingħajr effett.

Fil-ħmistax-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt, l-impjegata tista’ titlob, b’sempliċi rikors, lill-President tal-qorti industrijali, li għandu jiddeċiedi b’urġenza u b’mod sommarju, wara li jinstemgħu l-partijiet jew wara li dawn ikunu ġew debitament imsejħa, biex jikkonstata n-nullità tat-tkeċċija u biex jordna li hija tinżamm fil-post tax-xogħol tagħha, jew fejn applikabbli, li terġa’ tiddaħħal taħdem b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 124-12(4).

L-ordni tal-President tal-qorti industrijali huwa provviżorjament eżegwibbli. Dan jista’ jiġi appellat b’sempliċi rikors fi żmien erbgħin jum mid-data tan-notifika permezz tar-reġistru quddiem il-Maġistrat li jippresjedi fl-Awla tal-Qorti tal-Appell li lilha huma assenjati l-appelli fil-qasam tad-dritt industrijali […].”.

III — Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19.

V. Pontin, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ħadmet full-time u għal żmien indefinit minn Novembru 2005 bħala segretarja/assistenta għall-impriża T-COMALUX SA (iktar ’il quddiem: T-COMALUX).

20.

B’ittra rreġistrata tat-18 ta’ Jannar 2007, innotifikata lil V. Pontin fit-22 ta’ Jannar 2007, T-COMALUX keċċiet lir-rikorrenti mingħajr indikazzjoni tar-raġunijiet, b’perijodu ta’ preavviż legali ta’ xahrejn stabbilit minn min iħaddem għall-perijodu mill-31 ta’ Jannar sat-30 ta’ Marzu 2007.

21.

Fil-kawża prinċipali, il-partijiet mhumiex jaqblu dwar jekk V. Pontin bagħtitx lil T-COMALUX, b’ittra tad-19 ta’ Jannar 2007, ċertifikat ta’ inkapaċità għax-xogħol.

22.

Fl-24 ta’ Jannar 2007, V. Pontin bagħtet lil T-COMALUX posta elettronika bit-titolu “Suġġett: Estensjoni tal-inkapaċità għax-xogħol” li fiha hija indikat li l-istat tas-saħħa tagħha ma kienx mar wisq għall-aħjar u li għal din ir-raġuni, hija ma kinitx ser tmur l-uffiċċju l-għada filgħodu skont kif kien previst. F’din il-posta elettronika hija indikat li ser tibgħat iċ-ċertifikat mediku tagħha mill-iktar fis possibbli.

23.

B’ittra tal-25 ta’ Jannar 2007, li ntbagħtet bħala ittra rreġistrata b’avviż ta’ kunsinna, T-COMALUX keċċiet lil V. Pontin, din id-darba mingħajr preavviż. Din it-tkeċċija kienet immotivata minn assenza mhux iġġustifikata ta’ iktar minn tlitt ijiem. Skont l-impriża T-COMALUX, V. Pontin kienet assenti mix-xogħol mill-ġimgħa d-19 ta’ Jannar 2007 iżda T-COMALUX ma kinitx irċeviet ebda ċertifikat ta’ inkapaċità għax-xogħol sal-ġurnata tat-tkeċċija mingħajr preavviż. Barra minn hekk, mill-posta elettronika li ntbagħtet fl-24 ta’ Jannar 2007 filgħaxija ma kienx possibbli li wieħed jiddeduċi t-tul ta’ żmien previst tal-inkapaċità għax-xogħol. L-impjegata tkeċċiet minħabba nuqqas serju; fil-fatt, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ. L-impjegat li ma jkunx kapaċi jaħdem minħabba mard jew inċident għandu, fl-istess jum tal-impediment, javża personalment jew permezz ta’ persuna intermedjarja, lil min iħaddem jew lir-rappreżentant tiegħu. Sa mhux iktar tard mit-tielet jum tal-assenza tiegħu, l-impjegat huwa obbligat li jissottometti lil min iħaddem ċertifikat mediku li jiddikjara l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol u t-tul ta’ żmien previst.

24.

B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2007, li ntbagħtet bħala ittra rreġistrata b’avviż ta’ kunsinna u li waslet għand T-COMALUX fit-30 ta’ Jannar 2007, V. Pontin informat lill-impriża bit-tqala tagħha u bid-data prevista tal-ħlas billi hemżet ċertifikat mediku. Hija informat ukoll lill-impriża li minħabba dan, hija kienet tibbenefika minn protezzjoni kontra t-tkeċċija u li t-tkeċċija li ġiet innotifikata lilha ma kinitx valida. Barra minn hekk, hija talbet lill-impriża biex tikkomunikalha bil-miktub ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tat-tkeċċija. Ma’ din it-talba hija hemżet iċ-ċertifikat mediku tagħha għall-perijodu bejn il-25 ta’ Jannar 2007 u l-4 ta’ Frar 2007.

25.

Billi V. Pontin ma rċevitx risposta għall-ittra tagħha, hija ressqet rikors, fil-5 ta’ Frar 207 quddiem it-Tribunal du travail de et à Esch-sur-Alzette li fih hija talbet li tiġi kkonstatata n-nullità tat-tkeċċija tagħha b’mod konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tal-maternità tal-mara li taħdem.

26.

B’sentenza tat-30 ta’ Marzu 2007, il-qorti inkwistjoni, komposta diversament, iddikjarat ruħha mhux kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba ta’ V. Pontin li tiġi kkonstatata n-nullità tat-tkeċċija tagħha tat-18 ta’ Jannar 2007. Hija ġġustifikat din id-deċiżjoni billi indikat li V. Pontin kellha tindirizza t-talba tagħha għall-konstatazzjoni tan-nullità tat-tkeċċija tagħha lill-President tal-qorti hawn fuq imsemmija ( 11 ), peress li skont tal-Artikolu L.337-1 tal-Code du travail Lussemburgiż, dan għandu kompetenza speċifika rigward annullament ta’ tkeċċija ( 12 ), f’każijiet ta’ tkeċċija matul tqala. V. Pontin ma appellatx minn din id-deċiżjoni.

27.

Permezz ta’ rikors ġdid, V. Pontin talbet li tingħata d-danni għal tkeċċija abbużiva. Saru seduti pubbliċi quddiem il-qorti tar-rinviju fil-11 ta’ Diċembru 2007 u fit-12 ta’ Frar 2008.

28.

Kien f’dan il-kuntest li t-Tribunal du travail de et à Esch-sur-Alzette għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti b’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2008:

1)

L-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li l-leġiżlatur nazzjonali jissuġġetta l-azzjoni ġudizzjarja ta’ mara tqila li tkun ġiet imkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha għal termini stabbiliti minn qabel bħal dak ta’ tmint ijiem impost mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 337(1) tal-Code du travail u t-terminu ta’ ħmistax-il jum impost mir-raba’ subparagrafu tal-istess Artikolu 337(1) rispettivament?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, […] għandhom it-termini ta’ tmint ijiem u ta’ ħmistax-il jum rispettivament jiġu kkunsidrati bħala qosra wisq sabiex jippermettu lil impjegata tqila mkeċċija mix-xogħol waqt it-tqala tagħha tinvoka d-drittijiet tagħha b’azzjoni ġudizzjarja?

3)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jċaħħad lill-impjegata tqila li tkun ġiet imkeċċija mix-xogħol matul il-tqala tagħha mid-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja għad-danni minħabba tkeċċija mix-xogħol abbużiva kif huwa pprovdut fl-Artikoli L. 124-11(1) u (2) tal-Code du travail fir-rigward ta’ impjegati oħra mkeċċija mix-xogħol?

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2008.

30.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u l-Gvern Lussemburgiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet fit-terminu msemmi fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31.

Wara li ngħalqet il-proċedura bil-miktub, saret seduta fl-14 ta’ Jannar 2009 li matulha l-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw u ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

V — L-argumenti prinċipali tal-partijiet fil-kawża

A — Fuq l-ewwel żewġ domandi

32.

V. Pontin issostni li d-Direttiva 92/85 għandha l-għan li tiggarantixxi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, protezzjoni effettiva, inter alia, permezz tal-projbizzjoni tat-tkeċċija. L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu lill-ħaddiema mara tqila protezzjoni effettiva kontra t-tkeċċija, li jimplika, inter alia, id-definizzjoni ċara tal-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji kontra tali deċiżjonijiet. L-effettività tal-protezzjoni ġuridika titkejjel, inter alia, fid-dawl tat-termini għad-dispożizzjoni tal-persuna kkonċernata biex issostni d-drittijiet tagħha u l-mezzi ta’ azzjoni previsti għal dan il-għan.

33.

F’dan ir-rigward id-dritt Lussemburgiż mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 92/85. V. Pontin issostni li t-terminu formali ta’ tmint ijiem min-notifika tat-tkeċċija li matulu l-ħaddiema mara tista’ tressaq prova tal-istat tagħha permezz ta’ ċertifikat b’ittra rreġistrata hija restrittiva wisq u inkompatibbli ma’ protezzjoni effettiva. Hija tenfasizza wkoll li d-dritt Lussemburgiż jeżiġi li l-ħaddiema mara tqila tippreżenta r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni quddiem il-President tal-qorti industrijali, jiġifieri quddiem qorti speċjali, filwaqt li rikorsi ġudizzjarji ordinarji taħt id-dritt industrijali jitressqu quddiem il-qorti industrijali sedenti fil-formazzjoni kolleġjali, jiġifieri, President u żewġ assistenti. Din ir-regola għandha l-konsegwenza li l-ħaddiema mara tqila għandha jkollha għarfien avvanzat dwar id-dritt proċedurali Lussemburgiż, li jmur kontra l-protezzjoni effikaċi intiża mid-Direttiva 92/85. Barra minn hekk, iż-żmien sabiex wieħed jippreżenta rikors huwa limitat għal ħmistax-il jum filwaqt li fid-dritt industrijali Lussemburgiż, iż-żmien ta’ rikors ordinarju biex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ tkeċċija huwa ta’ tliet xhur.

34.

T-COMALUX tindika, fir-rigward tal-ewwel domanda li d-dritt Lussemburgiż applikabbli mhuwiex kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85, la f’dak li jirrigwarda t-terminu ta’ tmint ijiem impost fuq ħaddiema sabiex tiddikjara l-istat ta’ tqala tagħha lil min iħaddimha, lanqas f’dak li jirrigwarda t-terminu ta’ ħmistax-il jum li fih għandha tippreżenta azzjoni ġudizzjarja. Skont T-COMALUX, wieħed għandu jifhem it-terminu ta’ tmint ijiem impost fuq ħaddiema mara sabiex tinforma lil min iħaddimha dwar l-istat tagħha fis-sens li min iħaddem għandu jkun informat mill-aktar fis possibbli dwar l-istat ta’ tqala sabiex il-protezzjoni tad-Direttiva 92/85 tkun tista’ tiġi applikata minnufih. It-terminu ta’ ħmistax-il jum huwa intiż biex jiżgura, minn naħa waħda, il-protezzjoni tal-ħaddiema mara tqila, u min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza legali. Mingħajr dawn iż-żewġ termini, il-protezzjoni prevista mid-direttiva ma tkunx tista’ tiġi applikata bis-sħiħ.

35.

Fir-rigward tat-tieni domanda, T-COMALUX issostni li għandha tingħata risposta biss f’każ ta’ tweġiba negattiva għall-ewwel waħda. Skont din il-kumpannija, it-termini msemmija mhumiex qosra wisq. Sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni tad-direttiva, il-ħaddiema mara inkwistjoni għandha tinforma lil min iħaddimha bl-istat tagħha fl-iqsar żmien possibbli. Fil-każ li t-tqala ma tkunx ġietx iddikjarata lil min iħaddem qabel it-tkeċċija, ikun meħtieġ li dan isir fl-iqsar żmien possibbli. It-terminu sabiex wieħed iressaq azzjoni jiggarantixxi reazzjoni mgħaġġla ħafna f’każ fejn ħaddiema mara tkun tkeċċiet meta min iħaddimha ma jkunx jaf bit-tqala tagħha.

36.

Il-Gvern Taljan huwa tal-fehma li huwa kompatibbli mal-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 li leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi termini għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ta’ tkeċċija li ssir matul it-tqala. Madankollu, termini bħaż-żewġ termini previsti f’din il-kawża fid-dritt Lussemburgiż huma qosra wisq biex ikun żgurat b’mod effettiv il-ħarsien tal-għan previst mid-Direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza Marshall ( 13 ). Fid-dawl tas-sitwazzjoni fiżika u psikoloġika matul it-tqala, huwa diffiċli li jiġu osservati termini daqshekk qosra.

37.

Il-Gvern Lussemburgiż jindika li t-termini previsti fid-dritt nazzjonali mhumiex qosra wisq. Fir-rigward tar-rikors għal annullament, jeħtieġ li wieħed jikkunsidra l-fatt li fid-dawl tal-possibbiltà li ħaddiema mara terġa’ tiddaħħal taħdem mal-kumpannija, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jassumi importanza partikolari għal min iħaddem. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza Lussemburgiża jirriżulta li t-termini perentorji ma japplikawx f’każ ta’ ħaddiema mara li fil-fatt ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tagħha, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li hi stess ma kinitx taf bit-tqala tagħha.

38.

Il-Kummissjoni tenfasizza li t-terminu ta’ tmint ijiem għad-dikjarazzjoni ta’ tqala għandu jkun ikkunsidrat bħala miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttiva. Sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, jeħtieġ mhux biss li l-ħaddiema tkun tqila iżda wkoll li din tiddikjara t-tqala tagħha lil min iħaddimha b’mod konformi mal-prattiki nazzjonali fis-seħħ.

39.

Rigward it-terminu ta’ ħmistax-il jum għat-teħid ta’ azzjoni previst mid-dritt nazzjonali, għandha ssir referenza għas-sentenzi Preston ( 14 ) u Levez ( 15 ), li minnhom jirriżulta li l-Istati Membri għandhom fil-prinċipju d-dritt li jistabbilixxu termini perentorji sabiex jiggarantixxu l-osservanza tad-dritt Komunitarju. Terminu għat-teħid ta’ azzjoni bħal dik f’din il-kawża li huwa iqsar mit-terminu ta’ azzjoni ordinarja prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-tkeċċija mhuwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju minħabba li hemm ksur tal-prinċipju ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Dan it-terminu għalhekk jagħmilha impossibbli jew diffiċli ħafna għal ħaddiema mara tqila li teżerċita d-drittijiet tagħha fil-prattika. Jeħtieġ li jiġi indikat ukoll li f’dan il-każ, it-terminu jibda jiddekorri sa minn meta min iħaddem jibgħat l-ittra ta’ tkeċċija. Din id-dispożizzjoni għalhekk għandha l-konsegwenza li ż-żmien li jkun laħaq għadda sakemm il-ħaddiema tirċievi l-ittra jkompli jqassar it-terminu tal-azzjoni. Barra minn hekk, huwa spiss diffiċli, fi żmien daqshekk qasir, li wieħed jieħu parir mingħand avukat u li jiġi rrappreżentat minnu. Dan it-terminu, li huwa iqsar mit-termini għal azzjonijiet ordinarji, ma jidhirx li huwa bbażat fuq ġustifikazzjoni konvinċenti.

B — Fuq it-tielet domanda

40.

F’dan ir-rigward V. Pontin tenfasizza li, għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tippreżenta rikors għad-danni fil-kuntest ta’ tkeċċija, huwa kontra d-Direttiva 76/207 li wieħed jittratta b’mod differenti l-impjegati tqal u l-impjegati l-oħra kollha li huma kkonċernati bit-tkeċċija. Ma teżistix ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan it-trattament differenti. F’dan il-każ ikun hemm diskriminazzjoni sesswali li tmur kontra d-Direttiva.

41.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-dritt Lussemburgiż fis-seħħ preċedentement għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-impjegati tqal fuq ix-xogħol kien jipprevedi b’mod espliċitu li l-impjegata tqila kellha wkoll id-dritt li tippreżenta rikors għad-danni. Skont id-dritt Lussemburgiż, l-impjegati li jkunu tkeċċew minħabba li jkunu żżewġu kellhom id-dritt li jagħżlu bejn li jkomplu r-relazzjoni tax-xogħol jew li jippreżentaw rikors għad-danni.

42.

T-Comalux tindika fir-rigward tat-tielet domanda, li d-Direttiva 76/207 ma tipprekludix il-fatt li leġiżlatur nazzjonali ma jawtorizzax lil impjegata biex tippreżenta rikors għad-danni f’każ ta’ tkeċċija matul it-tqala tagħha. Fil-fatt, matul it-tqala tagħha, l-impjegata tibbenefika minn protezzjoni speċifika għaliex għandha d-dritt li tippreżenta rikors għal annullament. Għalhekk, ma hemmx diskriminazzjoni f’dan il-każ.

43.

Fir-rigward tat-tielet domanda, il-Gvern Taljan isostni li kull trattament diskriminatorju matul it-tqala jikkostitwixxi diskriminazzjoni sesswali. Il-fatt li impjegata, f’każ ta’ tkeċċija matul it-tqala, tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tippreżenta rikors għad-danni meta l-impjegati jibbenefikaw minn tali protezzjoni f’każijiet oħra ta’ tkeċċija, inkluż minħabba li jkunu żżewġu, ma jirriflettix protezzjoni effettiva. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jiddeduċi mis-sentenza Paquay ( 16 ) li b’referenza għall-iskop tad-Direttiva 76/207, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur tad-dritt Komunitarju jiġi ppenalizzat taħt kundizzjonijiet, sostantivi u proċedurali, simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ importanza simili. Regola bħar-regola Lussemburgiża msemmija ma tissodisfax din il-kundizzjoni. Il-fatt li jeżisti d-dritt għal rikors għal annullament ma jbiddel xejn f’dan ir-rigward.

44.

Il-Gvern Lussemburgiż jindika li mhuwiex preċiż meta jingħad li jekk impjegata tqila tħalli jgħaddi t-terminu ta’ tmint ijiem u t-terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex taġixxi, ma jkollhiex id-dritt li tippreżenta rikors għad-danni. Huwa jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali. Anke jekk l-Artikolu L-337-1 tal-Code du travail jipprevedi regoli speċifiċi għall-protezzjoni ta’ impjegata tqila, dan ma jfissirx li d-dritt ġenerali fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija ma japplikax. Għalhekk id-dritt Lussemburgiż huwa konformi mad-Direttiva.

45.

Il-Kummissjoni ssostni li dritt nazzjonali li jkun ta’ ostakolu biex impjegata tqila tagħmel rikors għad-danni meta dan ikun possibbli b’mod ġenerali f’każ ta’ tkeċċija huwa diskriminatorju.

VI — Id-dritt

A — Rimarki preliminari dwar il-koinċidenza bejn iż-żewġ direttivi msemmija fid-domandi preliminari

46.

Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw kemm id-Direttiva 92/85 kif ukoll id-Direttiva 76/207. Għalhekk, fl-ewwel lok nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn id-direttivi mhumiex biss paralleli iżda, b’ċertu mod, jidħlu wkoll fuq xulxin ( 17 ).

47.

Minn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/85, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat li protezzjoni kontra t-tkeċċija kellha tiġi rrikonoxxuta lill-mara matul il-perijodu kollu tat-tqala fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u b’mod partikolari, tal-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 (fil-verżjoni kif emendata bid-Direttiva 2002/73) ( 18 ). Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/85, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva ser ikollu, bħala lex specialis, probabbilment f’bosta każijiet, supremazija fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 76/207 ( 19 ); madankollu dawn tal-aħħar se jkomplu jkollhom l-importanza tagħhom għal diversi sitwazzjonijiet problematiċi ( 20 ), kif ser naraw ukoll iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet.

48.

Id-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85 diġà turi wkoll il-koinċidenza hawn fuq imsemmija; skont din il-premessa, il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema tqal, li qegħdin ireddgħu jew li għadhom kif welldu ( 21 ) li hija b’mod partikolari kkodifikata f’din id-direttiva ma għandhiex tkun ta’ preġudizzju għad-direttivi dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, fosthom id-Direttiva 76/207.

49.

Referenza ekwivalenti għal din il-premessa tidher fid-Direttiva 76/207 kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tat 23 ta’ Settembru 2002 u b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(7) ta’ din tal-aħħar, li jipprovdi li din id-direttiva ma tipprekludix dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-mara, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqala u l-maternità, u kwalunkwe trattament inqas favorevoli tal-mara marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità skont id-Direttiva 92/85 jikkostitwixxi diskriminazzjoni skont id-Direttiva 76/207.

50.

Għalhekk jidher ċar li d-Direttiva 92/85 ma tirrigwardax biss il-protezzjoni tal-mara (tqila) u tat-tarbija, u r-relazzjoni ta’ bejniethom ( 22 ), iżda dan l-għan prinċipali għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ( 23 ).

B — Sinteżi tal-elementi strutturali tad-dritt Lussemburgiż applikabbli fil-qasam tat-tkeċċija u li jirriżulta mill-proċess

51.

Sabiex il-problema ta’ din il-kawża tkun tista’ tinftiehem aħjar, ser niġbor fil-qosor xi elementi strutturali tad-dritt Lussemburgiż applikabbli għat-tkeċċija, kif jirriżultaw mill-proċess ( 24 ), flimkien ma’ informazzjoni li tirriżulta mid-duttrina ( 25 ). B’mod ċar, skont dan id-dritt, wieħed għandu jagħmel distinzjoni bejn tkeċċija abbużiva u tkeċċija vvizzjata b’nullità. Jidher li l-konsegwenzi ġuridiċi, li huma fil-prinċipju previsti wara azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija, huma riżarċiment tad-danni kkawżati minħabba t-telf tal-impjieg jew l-annullament ta’ tkeċċija filwaqt li l-impjegat jinżamm fl-impjieg tiegħu, iżda dawn is-soluzzjonijiet mhumiex aċċessibbli bl-istess mod fil-każijiet kollha.

52.

Jidher li l-konstatazzjoni mill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża dwar il-karattru abbużiv ta’ tkeċċija jkollha normalment il-konsegwenza li twassal għall-validità tat-tkeċċija u x-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol filwaqt li fl-istess ħin min iħaddem jiġi obbligat iħallas id-danni ( 26 ). Skont id-duttrina, l-Artikolu L.124-12(2) tal-Code du travail Lussemburgiż jipprevedi bħala alternattiva, għar-riżarċiment tad-danni mġarrba mill-impjegat, il-possibbiltà li jerġa’ jiddaħħal jaħdem, possibbiltà li fil-prattika hija kkunsidrata bħala li mhijiex rilevanti ( 27 ). F’dan ir-rigward din hija biss proposta tal-qorti li għandha tiġi aċċettata minn min iħaddem. F’tali każijiet, huwa ċar li l-impjegat ma jistax jerġa’ jiddaħħal jaħdem kontra l-volontà ta’ min iħaddem. F’każ ta’ tkeċċija abbużiva, kundanna tista’ tipprovdi biss għall-ħlas tad-danni u, fejn applikabbli, għall-ħlas ta’ kumpens addizzjonali meta min iħaddem ma jkunx segwa r-rakkomandazzjoni li l-impjegat jerġa’ jiddaħħal jaħdem.

53.

Min-naħa l-oħra huwa previst f’ċerti każijiet li min iħaddem ma għandux id-dritt li jxolji l-kuntratt ta’ xogħol. Dan jirrigwarda, inter alia, il-projbizzjoni ta’ tkeċċija bi preavviż matul il-perijodu ta’ leave tal-maternità jew ta’ leave parentali u l-projbizzjoni ta’ tkeċċija tar-rappreżentanti tal-persunal. F’tali każijiet, huwa ċar li jista’ jkun hemm konstatazzjoni tan-nullità tat-tkeċċija mill-qrati li quddiemhom jitressqu l-kawżi u li dawn jistgħu jordnaw li jinżamm il-kuntratt mingħajr il-kunsens ta’ min iħaddem ( 28 ).

C — Fuq ir-rilevanza tad-diversi domandi preliminari u l-ordni li fiha għandhom jingħataw risposti għalihom

54.

Minħabba l-fatt li l-azzjoni għal annullament imressqa minn V. Pontin diġà ġiet miċħuda ( 29 ) permezz ta’ sentenza li manifestament saret res judicata ( 30 ), l-ewwel u t-tieni domanda jistgħu jkunu rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u għaldaqstant, ammissibbli f’din il-kawża biss jekk għandhom xi rabta mar-rikors għad-danni ta’ V. Pontin fil-kawża prinċipali. Madankollu, f’din il-kawża, mhux magħruf b’mod ċar jekk ir-rimedju tar-rikors għad-danni huwiex disponibbli b’mod ġenerali jew għandux jintuża flimkien mal-azzjoni għal annullament. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix ir-rimedju msemmi hawn fuq f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża ( 31 ). F’dan il-kuntest, it-tielet domanda għandha l-għan li tiċċara jekk ir-rimedju tar-rikors għad-danni huwiex disponibbli mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, minħabba li l-kwistjoni ta’ ammissibbiltà u tal-adegwatezza tat-termini tista’ tkun rilevanti biss fil-każ li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkun għad għandha rimedju ta’ azzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, ser nibda l-analiżi ġuridika billi nirrispondi t-tielet domanda, biex wara, jekk ikun il-każ, nindirizza l-ewwel u t-tieni domanda.

D — Fuq it-tielet domanda — Indisponibbiltà tar-rikors għad-danni

1. Skop u rilevanza

55.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix regola nazzjonali bħall-Artikolu L.124-11(1) u (2) tal-Code du travail Lussemburgiż li ma jagħtix lil impjegata tqila, li tkeċċiet matul it-tqala, il-possibbiltà li tressaq rikors għad-danni minħabba tkeċċija abbużiva, meta din il-possibbiltà hija miftuħa għall-ħaddiema l-oħrajn kollha.

56.

Fir-rigward ta’ din id-domanda, il-Gvern Lussemburgiż iddikjara li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali. Mhuwiex preċiż li jingħad li impjegata tqila li tħalli jgħaddi t-terminu ta’ tmint ijiem u t-terminu ta’ ħmistax-il-jum sabiex tippreżenta rikors ma tistax b’mod validu tressaq azzjoni għad-danni.

57.

Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa irrilevanti. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li tikkaratterizza l-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 234 KE, jeħtieġ li f’din il-kawża wieħed jibbaża ruħu fuq id-domandi li l-qorti nazzjonali, fil-kapaċità tagħha bħala qorti nazzjonali kompetenti biex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Protezzjoni legali effettiva

58.

Dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam tal-protezzjoni legali jinsabu fiż-żewġ direttivi msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

59.

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, inter alia, li l-proċeduri legali jkunu aċċessibbli għal dawk il-persuni kollha li jqisu li jkunu ġew ippreġudikati minħabba li ma jkunx ġie applikat il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tagħhom. Anki meta titqies il-verżjoni preċedenti tal-artikolu inkwistjoni li kellu l-istess kontenut bi kliem kemxejn differenti ( 32 ), jirriżulta mill-ġurisprudenza li tali obbligu jimplika li l-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu effikaċji biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 76/207 u għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati b’mod effettiv quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati ( 33 ). Jeħtieġ għalhekk li tkun assigurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi ( 34 ) li hija l-element ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni tad-dritt Komunitarju ( 35 ). L-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effikaċja sħiħa tad-direttiva inkwistjoni, b’konformità mal-għan li hija tfittex, iħallilhom il-libertà tal-għażla tal-mod u l-mezzi intiżi sabiex jassiguraw l-implementazzjoni tagħha ( 36 ).

60.

Jirriżulta mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85 li l-Istati Membri għandhom jinkorporaw fis-sistema ġuridika interna tagħhom, il-miżuri meħtieġa li jippermettu lil kwalunkwe impjegata li tħoss li tkun ġiet ippreġudikata minħabba n-nuqqas ta’ ħarsien tal-obbligi taħt l-imsemmija direttiva li tiddefendi d-drittijiet tagħha permezz ta’ mezzi ġudizzjarji u/jew, skont il-leġiżlazzjonijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, billi tirrikorri quddiem awtoritajiet kompetenti oħra. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 92/85 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iħarsu lill-impjegati nisa, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, mill-konsegwenzi ta’ tkeċċija li tkun illegali skont l-imsemmi l-Artikolu 10(1) ( 37 ).

61.

Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jadottaw xi miżura speċifika iżda li l-miżura li tiġi adottata għandha tkun tali li tiggarantixxi protezzjoni legali effettiva u effikaċi ( 38 ) japplika għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, kif diġà rajna li huwa l-każ fil-kuntest tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207.

62.

L-Istati Membri madankollu għandhom ir-responsabbiltà li jassiguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva tad-drittijiet inkwistjoni ( 39 ). F’dan ir-rigward, wieħed għandu jfakkar li l-obbligu tal-Istati Membri, taħt direttiva, li jiksbu r-riżultat previst minnha kif ukoll l-obbligu impost fuqhom mill-Artikolu 10 tat-Trattat li jadottaw il-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali kollha għat-twettiq ta’ dan l-obbligu, japplikaw għall-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri inklużi, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji ( 40 ). Fil-fatt, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, b’mod partikolari, jassiguraw il-protezzjoni legali li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju għall-individwi u jiggarantixxu l-effett sħiħ tagħhom ( 41 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li dawn ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li jesprimu l-obbligu ġenerali li l-Istati Membri għandhom li jassiguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju, jgħoddu wkoll f’dak li jirrigwarda l-ħatra tal-qrati li jkollhom il-kompetenza sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq dan id-dritt ( 42 ). Fil-fatt, il-ksur tal-imsemmija rekwiżiti fuq dan il-livell huwa, bħalma huwa nuqqas fil-konfront tagħhom fil-livell tad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali, ta’ natura li jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 43 ).

63.

Fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti ċari, jirriżultaw dubji serji rigward l-effettività tal-mod ta’ azzjoni li għandu jiġi implementat fil-każ ta’ rikors għal annullament li jirrigwarda tkeċċija kuntrarja għad-Direttiva tal-Kunsill92/85/KEE. Jidher ( 44 ) li f’dan il-każ jeżisti biss ir-rikors eċċezzjonali, li jikkonsisti fi proċedura sommarja quddiem il-President tal-qorti industrijali bħala Mħallef uniku li fil-kuntest tagħha jsir biss eżami sommarju u mhux fid-dettall ( 45 ) iżda mhux proċedura prinċipali quddiem Awla ( 46 ). Barra minn hekk, mill-mod kif intemmet l-ewwel azzjoni ta’ V. Pontin ( 47 ) wieħed jifhem li din l-azzjoni hija suġġetta għal rekwiżiti stretti ħafna fuq il-livell formali li n-nuqqas ta’ ħarsien tagħhom jista’ diġà jwassal għaċ-ċaħda tar-rikors. Għalhekk, jidher li l-ewwel azzjoni ta’ V. Pontin, li b’mod ċar ma tressqitx quddiem il-persuna li quddiemha kellha tittressaq, ġiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ kompetenza peress li ma kienx jidher possibbli li jsir digriet tar-rinviju lill-Imħallef kompetenti fi ħdan l-istess qorti ( 48 ). Dawn iż-żewġ aspetti, il-proċedura speċifika li għandha tkun segwita u l-ħtieġa li l-azzjoni tittressaq quddiem persuna speċifikata b’mod metikoluż, jeħtieġu għarfien għal kollox speċifiku fil-qasam tar-rimedji ġudizzjarji li jirrappreżentaw ostakolu kbir għal azzjonijiet potenzjali. Il-protezzjoni kontra tkeċċija illegali, madankollu, tista’ titqies li hija effettiva biss jekk l-impjegata tqila tista’ tagħmel użu minn rimedji ġudizzjarji li mhumiex ikkaratterizzati minn proċedura disważiva jew oneru tal-prova sfavorevoli għalihom ( 49 ). Id-diffikultajiet iffaċċjati f’dan il-każ għall-implimentazzjoni tad-dritt jikkostitwixxu ostakolu ikbar inkwantu r-rikorrenti quddiem il-qrati industrijali tal-ewwel istanza, bħal pereżempju, fil-Lussemburgu ( 50 ), fejn mhumiex obbligati li jkunu assistiti minn avukat u jistgħu għalhekk jistrieħu fuq il-fatt li mhumiex sejrin jiffaċċjaw rekwiżiti formali daqstant stretti. Ma hemmx lok li din il-problema tiġi eżaminata f’iktar dettall, minħabba li din mhijiex espliċitament is-suġġett tad-domanda preliminari.

64.

B’mod kuntrarju għal dak li sostniet V. Pontin fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, impjegata tqila li tippreżenta rikors kontra tkeċċija ma tistax, fil-fehma tiegħi, fuq il-bażi biss tad-Direttiva 92/85 tikkonkludi li għandu jkollha l-possibbiltà li tagħżel bejn rikors għal annullament u rikors għad-danni sabiex l-aspett tal-protezzjoni tas-saħħa ( 51 ), enfasizzat fil-premessi tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq, ikun osservat ( 52 ).

65.

Kif diġà spjegajt iktar ’il fuq ( 53 ), l-Istati Membri mhumiex obbligati, la mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207, u lanqas mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, li jadottaw xi miżura speċifika. Dawn iż-żewġ direttivi ma fihomx indikazzjonijiet preċiżi dwar id-determinazzjoni tal-qrati kompetenti jew dwar il-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji. B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ regolamenti Komunitarji f’dan il-qasam, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jagħżel il-qrati kompetenti u li jirregola il-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi sabiex jassiguraw li d-drittijiet li l-persuni kkonċernati jiksbu mid-dritt Komunitarju jkunu protetti ( 54 ).

66.

Barra minn hekk, wieħed ma jistax jieħu pożizzjoni kuntrarja għal din il-ġurisprudenza billi jinvoka l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207. Fil-fatt, wieħed ma jista’ jiddeduċi ebda element mill-artikolu msemmi li jirrigwarda r-rimedji ġudizzjarji.

67.

F’dak li jirrigwarda t-tielet domanda, għall-kuntrarju tal-argument ta’ V. Pontin, wieħed ma jistax jiddeduċi, fuq il-bażi biss tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85, rimedju speċifiku, f’din il-kawża, dak ta’ rikors għad-danni.

3. Ir-rimedji previsti mill-Istati Membri u l-prinċipju ta’ trattament ugwali

68.

It-tielet domanda li saret mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna b’mod speċifiku l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 u b’konsegwenza ta’ dan, il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-qorti tar-rinviju tqabbel il-possibbiltajiet ta’ rimedju ġudizzjarju tal-impjegati nisa tqal meta dawn jitkeċċew minn min iħaddimhom u l-possibbiltajiet previsti b’mod ġenerali mid-dritt nazzjonali f’każ ta’ tkeċċija minn min iħaddem.

69.

Jeħtieġ għalhekk li wieħed jistaqsi jekk, fid-dawl tal-fatt li d-dritt nazzjonali jiftaħ it-triq għal rikors għad-danni f’każ ta’ tkeċċija minn min iħaddem, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimponix li din il-possibbiltà tingħata wkoll lil impjegata tqila f’każ ta’ tkeċċija.

a) Id-determinazzjoni tal-kriterju ta’ diskriminazzjoni rilevanti

70.

Jeħtieġ fl-ewwel lok li jiġi vverifikat liema huwa l-kriterju applikabbli sabiex tiġi vverifikata d-diskriminazzjoni, jiġifieri li wieħed janalizza, jekk f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huwiex il-każ ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

71.

Il-kwistjoni tal-kriterju applikabbli hija importanti minn diversi aspetti. Kif jirriżulta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, il-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta huwa bbażat fuq approċċ ibbażat fuq kategoriji ta’ persuni, li jirriżulta diġà mill-użu tal-plural “persuni”. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta ssir f’żewġ fażijiet: l-ewwel, l-analiżi tad-diskriminazzjoni, it-tieni, l-analiżi tal-ġustifikazzjoni invokata, meta jkun il-każ, mill-konvenut ( 55 ).

72.

Min-naħa l-oħra, id-diskriminazzjoni diretta għandha tkun analizzata b’mod totalment differenti, b’mod konformi mad-definizzjoni li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207. Id-diskriminazzjoni kontra persuna waħda meta mqabbla ma’ persuna oħra — f’din il-kawża, fil-kuntest tad-Direttiva 76/207, persuna tas-sess oppost — hija importanti, billi l-paragun f’dan il-kuntest jista’ jsir ( 56 ) ma’ persuna “li teżisti realment” fil-preżent jew fil-passat ( 57 ) jew ma’ persuna ipotetika ( 58 ). Differenza oħra importanti mill-analiżi tad-diskriminazzjoni indiretta tinsab fil-fatt li fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta, mhux previst li tiġi vverifikata xi ġustifikazzjoni possibbli, u għalhekk l-evalwazzjoni ssir f’fażi waħda ( 59 ). Konklużjoni bħal din tirriżulta b’mod ċar mit-test tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 li jipprevedi eżami tal-ġustifikazzjonijiet ippreżentati filwaqt li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva ma jipprevedix dan. Abbażi ta’ dan, diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ sess ma tistax tkun iġġustifikata; f’dan ir-rigward, l-iktar li jista’ jkun hemm hija eċċezzjoni jekk id-direttiva tipprevedi dan b’mod espliċitu, bħalma hemm pereżempju, fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 76/207 ( 60 ).

b) Diskriminazzjoni diretta

73.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’ġurisprudenza stabbilita, li t-tkeċċija ta’ impjegata minħabba tqala ( 61 ) tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ sess ( 62 ), peress li fil-fatt tkeċċija matul dawn il-perijodi tikkonċerna biss lin-nisa ( 63 ).

74.

Għandu jiġi kkonstatat ukoll f’sitwazzjoni bħal dik ta’ din il-kawża li dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni kontra t-tkeċċija li jirreferu għall-protezzjoni kontra t-tkeċċija matul it-tqala, jistgħu jikkonċernaw biss lin-nisa u għaldaqstant għandhom jiġu evalwati abbażi tad-diskriminazzjoni diretta.

c) Trattament inqas favorevoli

75.

Għaldaqstant, hemm lok, b’mod konformi mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, li wieħed jistaqsi, jekk persuna bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hijiex ittrattata b’mod inqas favorevoli minħabba s-sess tagħha minn persuna oħra li hija, kienet jew tista’ tkun f’sitwazzjoni simili.

76.

Fil-ġurisprudenza tagħha s’issa dwar id-diskriminazzjoni matul il-perijodu tat-tqala — li kienet madankollu tirreferi għal verżjoni preċedenti tad-Direttiva 76/207, li ma kinitx għadha tinkludi definizzjoni espliċita tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta — il-Qorti tal-Ġustizzja ma qabblitx din is-sitwazzjoni ma’ dik ta’ raġel f’sitwazzjoni paragunabbli ( 64 ). Fil-fatt, fil-każ ta’ tqala, ma tistax issir referenza għal persuna tas-sess oppost li jsib ruħu f’sitwazzjoni direttament paragunabbli ( 65 ).

77.

Madankollu, jekk il-ħtieġa ta’ “sitwazzjoni paragunabbli” f’sitwazzjoni bħal f’din il-kawża, tirrigwarda biss iċ-ċirkustanza “ta’ tkeċċija minn min iħaddem u tal-azzjoni mressqa kontra din it-tkeċċija” u mhux iċ-ċirkustanza tat-“tqala”, paragun fis-sens tad-definizzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 huwa għal kollox possibbli.

78.

Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli li ma jagħtix lil impjegata tqila, imkeċċija matul it-tqala tagħha, il-possibbiltà altrimenti disponibbli, b’mod ġenerali, għall-irġiel kif ukoll ghan-nisa li jippreżentaw rikors għad-danni, fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ttrattata b’mod inqas favorevoli, jew mhux b’mod effettivament żvantaġġuż. Mhux neċessarju f’dan ir-rigward li l-ħaddiema l-oħra kollha jkollhom il-possibbiltà msemmija qabel, peress li skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 huwa biżżejjed li persuna waħda tas-sess oppost issib ruħha f’sitwazzjoni paragunabbli.

79.

Wieħed ma jistax jaċċetta l-argumenti ssollevati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali waqt il-proċedura orali fejn hija qalet li ma hemmx diskriminazzjoni f’din il-kawża peress li, fin-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rikors għad-danni, tibqa’ biss il-possibbiltà li tiddaħħal taħdem mill-ġdid mal-impriża, li fuq medda ta’ żmien twil ikun aħjar minn riżarċiment tad-danni. Fil-fatt, li wieħed ma jkollux il-possibbiltà li jippreżenta rikors għad-danni jimplika definittivament ir-restrizzjoni, meta mqabbel mal-każ ta’ impjegati mkeċċija b’mod ġenerali, tal-possibbiltajiet li wieħed jagħmel għażliet deċiżjonali, li fil-prinċipju għandu jitqies li jaffettwa b’mod negattiv dawk l-għażliet.

80.

Wieħed għandu jinnota wkoll li, anki jekk huwa previst biss rikors għal annullament, mhuwiex eskluż li l-impjegat jirrinunzja b’mod volontarju għall-impjieg tiegħu filwaqt li jibbenefika minn kumpens wara soluzzjoni bonarja. Għall-kuntrarju, ir-rikors għad-danni jinvolvi dritt ġuridikament protett u li jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja u mhux tranżazzjoni volontarja.

81.

F’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi biex jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet ikkonċernati għandhom taħt id-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili tad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmluha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli biex wieħed jeżerċita drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) ( 66 ).

82.

Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu ggarantiti l-portata u l-effettività tad-dritt Komunitarju ( 67 ). Kif diġà indikat kemm il-darba l-Qorti tal-Ġustizzja, meta jagħżlu s-soluzzjoni adegwata sabiex jiggarantixxu l-għan tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur tad-dritt Komunitarju jiġi ppenalizzat taħt kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jkunu simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali li jkun ta’ natura u ta’ importanza simili ( 68 ).

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-impjegati nisa tqal f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali għandhom ikunu jistgħu jagħżlu bejn rikors għal annullament (meħtieġ skont id-Direttiva 92/85) u rikors għad-danni (fuq il-bażi tat-trattament ugwali fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli għat-tkeċċija).

d) Konklużjoni provviżorja

84.

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi bħala regola ġenerali l-possibbiltà ta’ rikors għad-danni f’każ ta’ tkeċċija minn min iħaddem, dan ir-rimedju għandu jkun miftuħ ukoll għal ħaddiema mara tqila f’tali każ.

E — Fuq l-ewwel parti tal-ewwel u t-tieni domandi — Terminu biex jiġi ddikjarat l-istat ta’ tqala lil min iħaddem

85.

Bl-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85 /KEE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li terminu ta’ tmint ijiem mogħti lil impjegata biex tinforma lil min iħaddimha bl-istat ta’ tqala tagħha, bħal dak previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu L.337-1(1) tal-Code du travail Lussemburgiż huwa kompatibbli mal-Artikoli msemmija.

86.

Bl-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf, fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, jekk terminu ta’ tmint ijiem għandux jiġi kkunsidrat bħala qasir wisq biex jippermetti lil ħaddiema mara tqila li tkeċċiet matul it-tqala tagħha teżerċita d-drittijiet tagħha b’azzjoni ġudizzjarja.

87.

Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85, “għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”. Rigward il-projbizzjoni ta’ tkeċċija, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 92/85 jirreferi b’mod espliċitu għal din id-definizzjoni; fil-fatt fih hemm indikat li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa “biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 […]”.

88.

Minn rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li l-maġġoranza tal-Istati Membri jeżiġu mill-ħaddiema li jinfurmaw lil min iħaddimhom bit-tqala tagħhom jew bil-fatt li għadhom kif welldu jew qegħdin ireddgħu, u l-protezzjoni tagħhom tibda biss wara li tingħata l-informazzjoni lil min iħaddimhom ( 69 ).

89.

L-idea li min iħaddem għandu jiġi informat bit-tqala qabel il-bidu tal-protezzjoni effettiva prevista mid-Direttiva 92/85 tfisser, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva li loġikament jippresupponu li min iħaddem għandu jiġi informat bit-tqala, li konsegwentement jiġi rrikonoxxut l-obbligu ta’ protezzjoni minħabba dan il-fatt u li miżuri ta’ protezzjoni jkunu jistgħu jittieħdu b’mod effettiv, pereżempju, billi l-mara inkwistjoni tiġi eżentata minn xogħol bil-lejl ( 70 ) jew billi ma titħalliex tiġi esposta għal ċerti elementi jew ċerti kundizzjonijiet ta’ xogħol ( 71 )

90.

Madankollu għandi dubji dwar jekk il-fatt li impjegata ma tkunx informat lil min iħaddimha bit-tqala tagħha jwassalx, mingħajr eċċezzjoni, għall-konklużjoni li l-projbizzjoni ta’ tkeċċija matul it-tqala ma tapplikax ( 72 ). Wieħed jista’ jieħu l-eżempju ta’ mara li ma tkunx taf li tkun tqila fil-mument li tiġi mkeċċija jew fit-terminu, jekk ikun il-każ estiż skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, li hija għandha biex tinforma lil min iħaddimha bit-tqala tagħha, kif inhu l-każ f’din il-kawża. Id-dubji tiegħi huma b’mod partikolari bbażati fuq il-fatt li fil-premessi tagħha, id-Direttiva 92/85 hija ispirata minn kunsiderazzjonijiet wiesgħa ħafna fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema tqal, li għadhom kif welldu jew li qegħdin ireddgħu u li l-protezzjoni tas-saħħa f’dan ir-rigward għandha rwol fundamentali ( 73 ). Jiena tal-opinjoni li fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija, huwa diffiċli li din il-protezzjoni wiesgħa tiġi llimitata minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata ma tkunx informat lil min iħaddimha bit-tqala tagħha, u li fi kwalunkwe każ, din il-protezzjoni ma tistax tkun hekk illimitata b’mod partikolari meta l-impjegata stess ma kinitx taf bl-istat tagħha. Barra minn hekk, jidher li f’dan il-każ id-dritt nazzjonali Lussemburgiż jew il-ġurisprudenza tal-qrati Lussemburgiżi jibbażaw ruħhom fuq kunsiderazzjonijiet simili, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Lussemburgiż ( 74 ). Madankollu mhuwiex meħtieġ eżami dettaljat ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet hawnhekk ladarba dawn ma għandhomx l-ebda rabta ma’ din il-kawża.

91.

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85, li għaliha jirreferi l-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija, tirreferi, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-tqala mill-impjegata lil min iħaddimha, għad-dispożizzjonijiet jew għall-prattiki tad-diversi Stati Membri.

92.

Id-dispożizzjoni Lussemburgiża li tinsab fl-Artikolu L.337-1 tal-Code du travail ( 75 ) tagħti terminu addizzjonali lill-impjegata biex tinforma lil min iħaddimha bit-tqala iżda biss fil-każ li x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol ikun ġie nnotifikat qabel iċ-ċertifikat mediku tat-tqala. Dan it-terminu addizzjonali ( 76 ) huwa ta’ tmint ijiem li jiddekorri min-notifika tat-tkeċċija u għalhekk jeċċedi, għall-benefiċċju tal-impjegata kkonċernata, il-kliem tad-definizzjoni rilevanti li tidher fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85.

93.

Għandu jiġi indikat b’mod ċar, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem il-formulazzjoni tal-ewwel domanda, li l-azzjoni ġudizzjarja fid-dritt Lussemburgiż ma tiddependix fuq ir-rispett tal-obbligu ta’ komunikazzjoni li huwa rilevanti f’din il-kawża. Fil-fehma tiegħi, din il-formulazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rispett tat-terminu previst biex min iħaddem jiġi informat bit-tqala għandu konsegwenzi fuq l-applikabbiltà tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija u għalhekk, b’mod indirett, ukoll fuq l-eżitu eventwali tal-azzjoni. Probabbilment f’dan ir-rigward mhijiex kwistjoni ta’ ammissibbiltà tal-azzjoni intiża biex il-ħaddiema mara tqila terġa’ tiddaħħal taħdem iżda kwistjoni ta’ fondatezza ta’ tali azzjoni.

94.

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni disponibbli s’issa, ma nistax insib b’mod definittiv raġunijiet ta’ kritika għal dan it-terminu addizzjonali allokat mid-dritt nazzjonali, fid-dawl tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85 li għaliha jirreferi b’mod espliċitu l-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva. Fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85 dwar il-protezzjoni legali, lanqas ma jidhirli li hemm ksur tad-dritt Komunitarju f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża.

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tal-ewwel domanda hi li l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux terminu ta’ tmint ijiem stabbilit minn qabel biex min iħaddem jiġi informat bl-istat ta’ tqala f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża.

F — Fuq it-tieni parti tal-ewwel u t-tieni domandi — Terminu għall-preżentata ta’ azzjoni.

96.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li terminu ta’ ħmistax-il jum biex tittressaq azzjoni bħal dik imsemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu L.337-1 tal-Code du travail Lussemburgiż, li n-nuqqas ta’ ħarsien tiegħu jwassal għaċ-ċaħda tal-azzjoni, huwa kompatibbli mal-imsemmija Artikoli.

97.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni parti tal-ewwel domanda, jekk dan it-terminu ta’ ħmistax-il jum għandux jiġi kkunsidrat bħala qasir wisq biex jippermetti lill-ħaddiema mara tqila, li tkun tkeċċiet, teżerċita d-drittijiet tagħha ġudizzjarjament.

98.

Fl-ewwel lok nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-qorti tar-rinviju ma indikatx b’mod ċar fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jekk it-terminu għall-preżentata tal-azzjoni, fl-opinjoni tagħha, huwiex biss marbut mat-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament li f’din il-kawża ġie fi tmiemu minħabba sentenza li saret res judicata jew jekk jistax ukoll ikollu rwol għall-finijiet ta’ rikors għad-danni. Peress li din l-aħħar possibbiltà ta’ azzjoni ma tistax tiġi eskluża għal kollox, jiena tal-fehma li jkun utli li tingħata risposta għal din id-domanda.

1. Fuq il-legalità b’mod ġenerali tat-termini perentorji biex jiġu eżerċitati quddiem il-qrati drittijiet li l-persuna kkonċernata jkollha taħt id-dritt Komunitarju

99.

Id-Direttiva 92/85 ma tinkludix dispożizzjonijiet fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri jistgħux jistabbilixxu terminu perentorju biex jiġi eżerċitat dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija matul it-tqala.

100.

Huwa magħruf sew li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-prinċipju tikkunsidra li l-konformità mad-dritt Komunitarju tat-termini nazzjonali perentorji adegwati tikkostitwixxi każ ta’ applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali kemm-il darba, fl-iffissar ta’ dawn it-termini, jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ( 77 ).

101.

Rigward dawn il-prinċipji ġenerali, dawn it-termini għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 78 ) diġà msemmija, skont liema, minn naħa waħda, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk applikati biex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet mogħtija mid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, dawn ma għandhomx jiġu organizzati b’mod li jagħmlu l-eżerċitar tad-drittijiet rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli jew diffiċli wisq. Is-sustanza ta’ dawn id-drittijiet ma għandhiex tiġi ppreġudikata. ( 79 )

102.

B’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza, huwa indikat ukoll fid-dsatax-il premessa tad-Direttiva 2002/73 ( 80 ), li r-regoli nazzjonali dwar it-termini ta’ azzjoni jistgħu japplikaw sakemm ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura interna u sakemm ma jirrendux l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju prattikament impossibbli.

2. Kunsiderazzjonijiet dwar il-fatturi li jista’ jkollhom rwol fil-kalkolu tat-termini ta’ azzjoni meta ssir tkeċċija

103.

Il-kalkolu tat-termini ta’ azzjoni f’każ ta’ tkeċċija mhuwiex uniformi fl-Istati Membri. Fl-opinjoni tiegħi, iridu jiġu kkunsidrati fatturi ferm differenti fil-kalkolu ta’ tali termini. Wieħed għandu jikkunsidra l-fatt li t-termini ta’ azzjoni għandhom l-għan li jiżguraw iċ-ċertezza legali f’terminu adegwat.

104.

B’mod partikolari meta l-konsegwenzi ta’ azzjoni ppreżentata biex tiġi kkontestata tkeċċija jikkostitwixxu ordni biex wieħed jibqa’ fl-impriża, biex wieħed jerġa’ jiddaħħal jaħdem jew biex jinżamm fl-impjieg, wieħed għandu jikkunsidra l-fatt li kemm mill-perspettiva tal-impriża kif ukoll minn dik tal-impjegat li għandu jinżamm fl-impjieg tiegħu, għandu jiġi stabbilit f’terminu xieraq jekk ir-relazzjoni tax-xogħol ġietx effettivament fi tmiemha ( 81 ). Terminu ta’ azzjoni twil wisq jista’ jkun problematiku fil-każijiet imsemmija hawn fuq għaliex it-tkomplija tal-proċess ta’ xogħol jeħtieġ, bħala regola ġenerali, li jinħolqu ferm malajr kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali u ta’ kjarezza, fir-rigward tad-disponibbiltà tad-diversi impjiegi fl-impriża. Jekk min-naħa l-oħra ma tkunx kwistjoni ta’ żamma fl-impriża iżda t-tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol billi jingħata kumpens finanzjarju, jista’ jiġi previst terminu ħafna itwal.

105.

Bħala element ieħor għall-evalwazzjoni tal-kalkolu tat-termini fil-proċedura ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija, nixtieq nindika l-kwistjoni tal-aċċess fi żmien utli għal assistenza legali. Jekk f’sistema ġuridika partikolari, it-termini ta’ azzjoni kontra t-tkeċċija jkunu ta’ bosta ġimgħat jew xhur u termini qosra ħafna jkunu previsti biss f’ċerti każijiet eċċezzjonali speċifiċi ħafna, wieħed jista’ jimmaġina li s-sistema ġuridika inkwistjoni ma tkunx tipprevedi trattament xieraq ta’ dawn it-termini u li jkun diffiċli, pereżempju, li wieħed jagħmel appuntament ma’ avukat f’terminu qasir wisq u li barra minn hekk għandu jkun hemm biżżejjed żmien biex jiġu fformulati u ppreżentati atti ġudizzjarji ( 82 ). Ikun mod ieħor fil-każ ta’ sistemi ġuridiċi fejn, pereżempju, l-azzjonijiet kollha ppreżentati f’każ ta’ tkeċċija jkunu suġġetti għat-termini ta’ preskrizzjoni u fejn l-osservanza ta’ dawn it-termini taqa’ taħt il-prattiki normali tas-sistema ġuridika inkluża dik tal-konsulenza legali. F’dan l-aħħar każ, il-pubbliku inġenerali u konsegwentement, il-persuni possibbilment ikkonċernati huma informati iktar dwar iż-żmien qasir tat-terminu milli huma dawk fis-sistemi ġuridiċi li fihom it-terminu qasir huwa l-eċċezzjoni.

106.

Barra minn hekk għandu jiġi kkunsidrat ukoll mhux biss il-fatt li terminu validu għandu jiġi kkalkolat b’mod li parti tkun tista’ tikkonsulta ma’ konsulent legali b’mod effettiv, iżda wkoll li għandu jkun tali li l-persuna mkeċċija jkollha l-possibbiltà li tinforma ruħha dwar is-sitwazzjoni ġenerali u jekk ikun il-każ, dwar il-possibbiltajiet futuri fis-suq tax-xogħol u li b’din l-informazzjoni tkun tista’ tirrifletti fuq il-passi li għandha tieħu.

107.

Nixtieq insemmi wkoll li f’każ ta’ tkeċċija matul it-tqala, għandha tiġi kkunsidrata sitwazzjoni partikolari ħafna msemmija fil-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/85. Fil-fatt, b’mod partikolari, fid-dawl tal-effetti ħżiena kkawżati minn tali tkeċċija fuq l-istat fiżiku u psikoloġiku tal-ħaddiema tqal (u l-ħaddiema li għadhom kif welldu jew li qegħdin ireddgħu), it-tkeċċija tagħhom matul dan il-perijodu hija pprojbita mid-direttiva. Din il-kunsiderazzjoni li fuqha hija bbażata l-projbizzjoni ta’ tkeċċija matul it-tqala hija wkoll aspett li għandu jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tat-termini.

3. It-terminu ta’ ħmistax-il jum fid-dritt nazzjonali

108.

Kemm fir-rigward tal-prinċipji esposti diġà tal-protezzjoni legali effettiva ( 83 ) kif ukoll fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 84 ), għandi dubji kbar dwar il-kwistjoni jekk it-terminu ta’ ħmistax-il jum tad-dritt nazzjonali huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju f’każ ta’ azzjoni ppreżentata minħabba tkeċċija matul il-perijodu tat-tqala.

109.

Terminu ta’ ħmistax-il jum, jiġifieri ta’ madwar ġimagħtejn, għandu jkun diġà qasir ħafna fih innifsu biex jippermetti li ssir l-ewwel evalwazzjoni tas-sitwazzjoni, biex wieħed jikseb pariri u jekk ikun il-każ, biex tiġi fformulata u ppreżentata azzjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, dwar il-prattiki abitwali tas-sistema ta’ protezzjoni legali ( 85 ), għandu jissemma wkoll il-fatt li jidher li, b’mod ġenerali, id-dritt Lussemburgiż dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija jipprovdi għal terminu ta’ tliet xhur biex tiġi ppreżentata azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija, azzjoni li madankollu ma għandhiex l-għan li tikkundanna lil min iħaddem biex iżomm lill-impjegat fl-impjieg tiegħu iżda li tikkundannah għall-ħlas tad-danni. Ma għandux jiġi eskluż li r-regola normali ta’ tliet xhur għandha l-konsegwenza li probabbilment is-sistema ġuridika fit-totalità tagħha ma tistax tirreaġixxi b’mod xieraq għal terminu daqshekk qasir bħal dak previst f’din il-kawża.

110.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li mill-proċess ( 86 ) jirriżulta li jekk ikun il-każ, il-punt tat-tluq għall-kalkolu tat-terminu mhuwiex in-notifika iżda meta tintbagħat l-ittra ta’ tkeċċija, u dan ikompli jnaqqas it-terminu li diġà huwa ferm qasir li l-impjegata tqila għandha għad-dispożizzjoni tagħha, bi preġudizzju għaliha. Għalhekk it-terminu li hija effettivament għandha, jiddependi fuq iż-żmien li jgħaddi sakemm tasal l-ittra u jidher li lanqas mhuwa limitat għall-jiem tax-xogħol. F’każ mhux favorevoli, pereżempju, f’perijodu li għandu bosta btajjel, bħal pereżempju l-perijodu tal-Milied u tal-ewwel tas-sena, huwa possibbli li t-terminu li jkollha l-impjegata biex tressaq l-azzjoni tagħha jiġi b’mod definittiv ridott għal ftit jiem biss.

111.

Nixtieq barra minn hekk niġbed l-attenzjoni għall-fatt li jirriżulta mill-proċess li min iħaddem għandu terminu nettament itwal biex jippreżenta appell, jiġifieri 40 jum min-notifika tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza ( 87 ). Dan it-terminu nettament itwal lanqas mhuwa mqassar biż-żmien li jgħaddi sakemm jaslu l-ittri peress li dan jibda jiddekorri biss mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza u għalhekk min iħaddem għandu t-terminu sħiħ għad-dispożizzjoni tiegħu.

4. Konklużjoni provviżorja

112.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tal-ewwel domanda u għat-tieni parti tat-tieni domanda hi li l-applikazzjoni ta’ terminu perentorju ta’ ħmistax-il jum biex tiġi mressqa azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni kontra it-tkeċċija f’każ ta’ tkeċċija minn min iħaddem matul it-tqala, terminu li jibda jiddekorri sa minn meta tintbagħat l-ittra ta’ tkeċċija mhuwiex kompatibbli mal-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 kemm-il darba dak it-terminu jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

VII — Konklużjoni

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula lilha mit-Tribunal du travail de et à Esch-sur-Alzette kif ġej:

1)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol fil-verżjoni kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi bħala regola ġenerali l-possibbiltà ta’ rikors għad-danni f’każ ta’ tkeċċija minn min iħaddem, dan ir-rimedju għandu jkun miftuħ ukoll għal ħaddiema mara tqila f’tali każ.

2)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċendenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tal-ewwel domanda hi li l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux terminu ta’ tmint ijiem stabbilit minn qabel biex min iħaddem jiġi informat bi stat ta’ tqala f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża.

3)

L-applikazzjoni ta’ terminu perentorju ta’ ħmistax-il jum biex tiġi mressqa azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni kontra it-tkeċċija f’każ ta’ tkeċċija minn min iħaddem matul it-tqala, terminu li jibda jiddekorri sa minn meta tintbagħat l-ittra ta’ tkeċċija mhuwiex kompatibbli mal-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 kemm-il darba dan it-terminu jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.


( 1 ) Lingwa oriġinali: is-Sloven.

( 2 ) ĠU L 348, p.1.

( 3 ) ĠU L 39, p. 40.

( 4 ) ĠU L 269, p.15.

( 5 ) Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/73 (ara iktar ’il fuq, il-punt 2 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva mhux aktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005 u għandhom jassiguraw, mhux aktar tard minn din id-data, li l-amministrazzjoni u l-ħaddiema jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim.

( 6 ) ĠU L 204, p. 23.

( 7 ) Għandu jiġi kkonstatat li attwalment hemm proposta biex tiġi emendata din id-direttiva: Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/85 tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (COM (2008) 637 finali).

( 8 ) Għalhekk ir-raġunijiet għal tkeċċija previsti mid-dispożizzjonijiet applikabbli huma ta’ natura personali, marbuta ma’ mġieba jew skont il-ħtiġijiet tal-impriża.

( 9 ) Dawn huma kriterji ġenerali li jirrigwardaw l-għażla tal-persunal fil-każ ta’ tkeċċijiet li huma ddeterminati minn “kumitat konġunt ta’ impriżi” (korp tal-impriża f’impriżi ta’ aktar minn 150 impjegat li huwa kompost b’mod ugwali minn rappreżentanti tal-impjegati u ta’ min iħaddem, ara, J.-L. Putz, Luxemburgisches Arbeitsrecht, il-Lussemburgu, 2006, p. 145, Nru. 474).

( 10 ) Din id-dispożizzjoni għandha l-konsegwenza li t-terminu perentorju jiġi estiż b’żewġ xhur oħra: Skont l-Artikolu L.124-5(1) tal-Code du travail, f’terminu ta’ xhar min-notifika tat-tkeċċija b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 124-3, l-impjegat jista’ jitlob lil min iħaddmu r-raġunijiet tat-tkeċċija. Skont l-Artikolu L.124-5(2) tal-Code du travail, min iħaddem huwa obbligat jagħti b’mod preċiż b’ittra rreġistrata, sa mhux aktar tard minn xahar wara n-notifika tal-ittra rreġistrata, ir-raġuni jew raġunijiet tat-tkeċċija. Fin-nuqqas ta’ motivazzjoni bil-miktub fformulata qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi fil-paragrafu preċedenti, it-tkeċċija titqies li hija abbużiva. Skont l-Artikolu L.124-5(3), l-impjegat li ma jkunx eżerċita fit-terminu previst il-fakultà mogħtija lilu mill-paragrafu (1), iżomm id-dritt li jistabbilixxi bi kwalunkwe mezz li t-tkeċċija tiegħu kienet abbużiva. Skont dawn id-dispożizzjonijiet kollha, l-Artikolu L.124-5 tal-Code du travail essenzjalment jinkludi regola li sservi biex tiffaċilita l-produzzjoni tal-prova fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva.

( 11 ) Skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti li jirriżultaw mill-proċess, ir-rikors kien indirizzat għall-attenzjoni ta’ “Monsieur le Président et de ses assesseurs” (il-President u l-assistenti tiegħu).

( 12 ) Minbarra l-proċedura ordinarja tad-dritt industrijali, teżisti proċedura sommarja (référé) quddiem il-President tal-qorti industrijali għall-każijiet li jitqiesu bħala urġenti jew inkontestabbli (J.–L. Putz, ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 477, Nru. 1718; M. Feyereisen, Droit du Travail, il-Lussemburgu, 2007, p. 323).

( 13 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C-271/91, Ġabra p. I-4367).

( 14 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C-78/98, Ġabra p. I-3201).

( 15 ) Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96, Ġabra p. I-7835, punt 19).

( 16 ) Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay (C-460/06, Ġabra p. I-8511, punt 52).

( 17 ) Ara wkoll f’dan ir-rigward K. Nebe, Betrieblicher Mutterschutz ohne Diskriminierung, Baden-Baden 2006.

( 18 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Handels-og Kontorfunktionærernes Forbund (C-179/88, Ġabra p. I-3979, punt 13). Ara wkoll f’dan ir-rigward is-sentenza Paquay (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 29).

( 19 ) Ara wkoll pereżempju A. Epiney u M. Freiermuth Abt, Das Recht der Gleichstellung von Mann und Frau in der EU, Baden-Baden 2003, p. 177.

( 20 ) Fir-rigward tal-problemi ta’ aċċess għall-impjieg minħabba t-tqala, ara iktar ’il fuq, A. Epiney u M. Freiermuth Abt,(nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 177) kif ukoll C. Barnard, EC Employment Law, it-tielet Edizzjoni, Oxford, 2006, p.458. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr (C-506/06, Ġabra p. I-1017, punti 40 et seq, fir-rigward tal-fertilizzazzjoni in vitro u t-tkeċċija).

( 21 ) Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex it-test ikun jista’ jinqara aħjar mil-lat lingwistiku, ser nikkonċentra essenzjalment fuq il-ħaddiema nisa tqal li huma s-suġġett ta’ din il-kawża u bħala regola ġenerali, mhux ser insemmi espressament il-ħaddiema nisa tqal, li għadhom kif welldu jew li qed ireddgħu li wkoll jaqgħu taħt id-Direttiva.

( 22 ) Dan jikkonsisti, minn naħa waħda, fil-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul it-tqala u wara u, min-naħa l-oħra, fil-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha fil-perijodu wara li tkun welldet. (Ara f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown (C-394/96, Ġabra p. I-4185, punt 17) u tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, (C-203/03, Ġabra p. I-935, punt 43).

( 23 ) Ara K. Nebe (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), p. 111 et seq fuq l-għan tad-Direttiva 92/85.

( 24 ) Ara d-dispożizzjonijiet tad-dritt Lussemburgiż fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara, inter alia, R. Schingten, Droit du Travail, il-Lussemburgu, 1996, p. 38 et seq; P. Schiltz u J.– L. Putz, Droit du Travail — Mode d’emploi, it-tieni Edizzjoni, il-Lussemburgu, 2006, p. 137 et seq; J.-L. Putz, (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 301 et seq) kif ukoll M. Feyereisen, (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, p.189 et seq).

( 26 ) J.– L. Putz (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 382, punt 1399). Din il-konsegwenza hija prevista wkoll mid-dritt Franċiż waqt li pereżempju d-dritt Ġermaniż, Awstrijakk, Finlandiż, Portugiż, Spanjol, Taljan u Żvediż fil-prinċipju jikkunsidraw li meta jkun ġie kkonstatat li t-tkeċċija mhijiex iġġustifikata (mil-lat soċjali) jew li hija illegali, din it-tkeċċija tkun invalida (I. Laurent-Merle, “Le licenciement individuel dans les quinze États membres de l’Union européenne”, Villeneuve-d’Ascq, 2006, p. 225 et seq).

( 27 ) J.– L. Putz (ara iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 382, punt 1400).

( 28 ) Ara l-preżentazzjoni f’P. Schiltz u J.–L. Putz, (nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iċċitata iktar ’il fuq, p. 139) li minnha jirriżulta li n-nullità tat-tkeċċija għandha rwol fi ftit każijiet biss, jiġifieri, fil-każ ta’ tkeċċija matul it-tqala jew ftit wara t-twelid kif ukoll matul il-leave parentali, fil-każ ta’ tkeċċija ta’ membri ta’ korpi ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ interessi u fil-każ ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema li jkunu ġew irrelegati fi ħdan l-impriża.

( 29 ) [Nota: minħabba l-ordni tal-kliem f’din il-verżjoni huwa meħtieġ li tinqaleb l-ordni tan-noti ta’ qiegħ il-paġna 29 u 30 meta mqabbla mat-test Ġermaniż]. Ara f’dan ir-rigward il-kunsiderazzzonijiet tiegħi fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jipprovdi li V. Pontin ma appellatx mis-sentenza tat-Tribunal du travail de et à Esch-sur-Alzette tat-30 ta’ Marzu 2007. Xejn ma jindika li tali appell kien għadu possibbli fid-data meta din il-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 31 ) Fuq l-argument tal-Gvern Lussemburgiż, jiġifieri li r-rimedju tar-rikors għad-danni huwa disponibbli fid-dritt Lussemburgiż, anki f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) F’dak iż-żmien, kien indikat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/207: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jenħtieġu biex il-persuni kollha li jqisu li sarilhom xi tort bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 3, 4 u 5, ikunu jistgħu ikomplu t-talbiet tagħhom permezz ta’ proċedura ġudizzjarja wara li jkunu possibilment irrikorrew għand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra”.

( 33 ) Ara s-sentenzi Marshall (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 22) u Paquay (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 43).

( 34 ) Ara s-sentenzi Marshall (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 24) u Paquay (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 45).

( 35 ) Ara wkoll, D. Schieck, “Gleichbehandlungsrichtlinien de EU — Umsetzung im deutschen Arbeitsrecht”, fi: Neue Zeitschrift für Arbeitsrecht, 2004, p. 873 et seq, u b’mod partikolari, p. 877.

( 36 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 15) u tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 40).

( 37 ) Ara wkoll is-sentenza Paquay (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 47).

( 38 ) Ara s-sentenzi Marshall (iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 24) u Paquay (iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 45 u 49). Bħala regola ġenerali, il-prinċipju applikabbli huwa li, biex jintlaħaq l-għan li jinkisbu opportunitajiet indaqs b’mod effettiv, jeħtieġ li l-miżura meħuda jkollha, fi kwalunkwe każ, effett disważiv reali fir-rigward ta’ min iħaddem u li tkun, fi kwalunkwe każ, adegwata għad-dannu mġarrab, ara s-sentenza Paquay (nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 45 u 49).

( 39 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 40) kif ukoll Impact (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 45) li tinkludi referenzi oħrajn għall-ġurisprudenza stabbilita.

( 40 ) Sentenzi von Colson u Kamann (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 26) u Impact (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 41).

( 41 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 111) u Impact (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 42).

( 42 ) Impact (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 47).

( 43 ) Impact (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 48)

( 44 ) Din l-impressjoni ġiet ikkonfermata matul is-seduta tal-14 ta’ Jannar 2009 mill-ispjegazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali; il-konvenuta enfasizzat f’dan ir-rigward li fil-fatt kien għal kollox possibbli li, anki fil-kuntest ta’ proċedura sommarja, il-qorti tieħu l-ħin biex tistudja l-proċess, mhux biss b’mod sommarju iżda b’mod dettaljat; madankollu ġie rrikonoxxut f’dan ir-rigward li tali approċċ ma kienx preskritt b’mod formali iżda kien jiddependi fuq l-evalwazzjoni tad-diversi mħallfin.

( 45 ) Ara J.–L. Putz, (ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 478, punt 1722).

( 46 ) Ara J.–L. Putz, (ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 481, punt 1728).

( 47 ) Ara iktar ’il fuq, punt 26.

( 48 ) F’dan ir-rigward nirrimarka li jista’ jkun hemm, f’dan il-każ, ksur tad-dritt fundamentali li jiġu mħarsa d-drittijiet tad-difiża (dwar is-sinjifikat ta’ dan il-prinċipju fid-dritt Komunitarju, V.Skouris u D.Kraus, “Die Bedeutung der Grundfreiheiten und Grundrechte für das europäische Wettbewerbsrecht” fi: G. Hirsch, F.Montag u F.–J. Säcker [Ed.] Europäisches Wettbewerbsrecht, Münchener Kommentar zum Europäischen und Deutschen Wettbewerbsrecht [Kartellrecht], l-1 volum, introduzzjoni, punt 385), li għandu jiġi kkunsidrat meta leġiżlazzjoni nazzjonali (bħal f’dan il-każ, il-protezzjoni tal-impjegata tqila kontra t-tkeċċija) taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (f’din il-kawża, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85) (ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso (C-81/05, Ġabra p. I-7569, punt 35 li jinkludi referenzi oħrajn)).

( 49 ) Ara wkoll D. Coester-Waltjen, Mutterschutz in Europa — Der Schutz der erwerbstätigen Frauen während der Schwangerschaft und der Mutterschaft in der Mitgliedstaaten der Europäischen Gemeinschaften, Munich, 1986, p.177.

( 50 ) Fil-Lussemburgu, fil-prinċipju mhemmx l-obbligu li wieħed jikseb l-assistenza ta’ avukat quddiem il-qrati industrijali b’tali mod li l-impjegati u dawk li jħaddmu jistgħu huma stess iressqu azzjoni u jirrappreżentaw lilhom infushom quddiem il-qrati (J.– L. Putz, ara iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 462, punt 1695). Barra minn hekk, Stati Membri oħrajn, bħal pereżempju l-Greċja, ma jipprevedux l-obbligu li wieħed ikun irrappreżentat minn avukat fl’ewwel istanza quddiem il-qrati industrijali (K. Kerameos u G.Kerameus, “Arbeitsrecht in Griechenland”, fi: M.Hennsler u A. Braun [Ed.] Cologne, Arbeitsrecht in Europa, (it-tieni Edizzjoni, 2007, p. 506, punt 222) u l-Ġermanja (Artikolu 11 tal-kodiċi tal-qrati industrijali “Arbeitsgerichtgesetz”, ara f’dan ir-rigward, U. Koch, “Artikel 11 ArbGG- Prozessvertretung”, fi: R. Müller-Glöge, U. Preis u I. Schmidt [Ed.] Erfurter Kommentar zum Arbeitsrecht, Munich, id-disa’ Edizzjoni 2009, punt 2).

( 51 ) L-ewwel premessa tad-Direttiva 92/85 hija fformulata skont kif ġej: “l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi nkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema”. Jirriżulta wkoll mill-ħames premessa, li tirreferi għall-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema adottata fil-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989 mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet ta’ 11-il Stat Membru li “[k]ull ħaddiem għandu jgawdi kundizzjonijiet sodisfaċenti tas-saħħa u s-sigurtà fl-ambjent tax-xogħol tiegħu.”

( 52 ) F’dan ir-rigward, V. Pontin indikat li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ir-ritorn fl-impriża jista’ jirriżulta perikoluż għas-saħħa għaliex ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn min iħaddem u l-impjegata setgħet ġiet fi tmiemha, minħabba ċ-ċirkustanzi tat-tkeċċija, b’mod partikolari meta t-tkeċċija tkun saret għal raġunijiet mhux xierqa.

( 53 ) Ara iktar ’il fuq, punt 61.

( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5) kif ukoll Impact (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 44) li tinkludi referenzi oħrajn għall-ġurisprudenza stabbilita.

( 55 ) F’kull każ huwa l-konvenut — f’din il-kawża għalhekk min iħaddem — li jrid jippreżenta u jipprova, fejn ikun meħtieġ, l-argumenti li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tiegħu [ara, inter alia, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO (C-236/98, Ġabra p. I-2189, punti 53 u 62) kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer (C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 62)]. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess tikkodifika fl-istess termini l-obbligu li jaqa’ f’dan l-istadju tal-proċedura fuq il-konvenut biex jippreżenta u jipprova l-argumenti li huwa jressaq (ĠU L 14, p. 6). Regoli ta’ prova iktar favorevoli jistgħu japplikaw biss, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 97/80, għall-attur.

( 56 ) [Minħabba l-pożizzjoni tal-kliem fis-sentenzi f’din il-verżjoni u f’dik Ġermaniża huwa meħtieġ li tiġi mmodifikata l-ordni tan-noti ta’ qiegħ il-paġna f’din il-verżjoni. Din in-nota ta’ qiegħ il-paġna tikkorrispondi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 tal-verżjoni Ġermaniża]. Ara wkoll D. Schieck, iktar ’il fuq,(nota ta’ qiegħ il-paġna 35, p. 874).

( 57 ) Li jirriżulta b’mod ċar mill-għażla tal-kliem “hija” jew “kienet” fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207.

( 58 ) Li jirriżulta b’mod ċar mill-għażla tal-kliem “tista’ tiġi” fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207.

( 59 ) L-istess analiżi tinsab f’A. Epiney u M. Freiermuth Abt, (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, pp. 31 et seq). Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ sess fil-kuntest ta’ kawżi qabel id-dħul fis-seħħ tal-verżjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 msemmija f’din il-kawża, argumenti dwar ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni ġew madankollu eżaminati, tal-inqas parzjalment, għalkemm dawn ġew dejjem miċħuda. Eżempji ta’ tali analiżi jinsabu fis-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark (C-109/00, Ġabra p. I-6993, punt 28) u tas-27 ta’ Frar 2003, Busch (C-320/01, Ġabra p. I-2041, punti 41- 46). Madankollu, b’differenza minn dak li huwa l-każ fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta, fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta, ma jistax jiġi stabbilit bħala ġustifikazzjoni li d-diskriminazzjoni kkonstatata hija mmotivata minn raġuni oħra apparti s-sess. (F’dan is-sens, ġustament, E. Szyszczak, “Community law on pregnancy and maternity”, fi: D. O’Keeffe u T.K. Hervey (eds), Sex Equality Law in the European Union, 1996, p. 51 et seq, u b’mod partikolari, p. 58).

( 60 ) Huwa indikat fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 76/207 li “[l]-Istati Membri għandhom jiddisponu, fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg inkluż it-taħriġ li jwassal għalih, li d-differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata mas-sess m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, għar-raġuni tan-natura ta’ l-attivitajiet ta’ xogħol partikolari relatati jew fl-isfond li fih jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit ġenwin u determinanti tax-xogħol, iżda dak l-iskop ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonat”. Fuq id-distinzjoni bejn ġustifikazzjoni u eċċezzjoni, ara wkoll E. Szyszcak, (iċċitat iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, p. 58).

( 61 ) Fir-rigward tal-espressjoni “minħabba t-tqala tagħha” (jew “abbażi tat-tqala tagħha”) fil-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 76/207, għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-projbizzjoni ta’ tkeċċija fformulata fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 92/85 tmur iktar lil hinn u ma tirrigwardax biss il-każijiet fejn impjegata tkun tkeċċiet “minħabba” t-tqala (jew leave tal-maternità) iżda b’mod iktar wiesgħa tirreferi għal kull tkeċċija “matul iż-żmien” (“durante” fil-verżjoni Spanjola, “during” fil-verżjoni Ingliża, “während” fil-verżjoni Ġermaniża u “gedurende” fil-verżjoni Olandiża) tat-tqala jew tal-leave tal-maternità, anki jekk dan il-prinċipju huwa suġġett għal eċċezzjonijiet, kif turi t-tieni parti ta’ dan il-paragrafu “barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorita’ kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha ….”. Din id-differenza bejn id-diversi oqsma ta’ protezzjoni taż-żewġ direttivi ċċitati hawn fuq tirriżulta mill-ġurisprudenza fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, (C-438/99, Ġabra p. I-6915, punti 36 u 46) u Tele Danmark, (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punti 25 u 26) (ara wkoll D. Schiek, Europaïsches Arbeitsrecht, it-tieni Edizzjoni, Baden-Baden, 2005, p. 216 et seq, punt 64). Il-projbizzjonijiet ta’ tkeċċija minħabba tqala stabbiliti mid-diversi Stati Membri huma fformulati b’mod differenti f’dan ir-rigward, inkwantu ċerti Stati Membri jipprojbixxu t-tkeċċija “minħabba” tqala jew għal raġunijiet relatati ma’ tqala, filwaqt li diversi oħrajn isegwu l-formulazzjoni tad-direttiva u jipprojbixxu t-tkeċċija “matul iż-żmien” tat-tqala (ara D. Coester–Waltjen, ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, p. 148 et seq) kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 92/85, (iċċitat iktar ’l isfel, nota ta’ qiegħ il-paġna 69, p. 15).

( 62 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Handels-og Kontorfunktionærernes Forbund (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 29), sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, punt 25) u Paquay (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 29). Ara wkoll, E. Szyszczak,( iċċitat iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, p. 52).

( 63 ) Sentenza Paquay (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 29).

( 64 ) Ara pereżempju, is-sentenzi Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund, (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C-177/88, Ġabra p. I-3941), Tele Danmark (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 59) u Paquay (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16). Ara wkoll, ġustament, D. Schiek,( iċċitat iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, p. 874).

( 65 ) Ara, inter alia, J. Kokott, “Zur Gleichstellung von Mann und Frau — Deutsches Verfassungsrecht und europäisches Gemeinschaftsrecht”, fi: Neue Juristische Wochenschrift 1995, p. 1056 kif ukoll D. Schieck, (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, p. 874).

( 66 ) Ara s-sentenza Impact (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 46) li tinkludi referenzi oħrajn għall-ġurisprudenza stabbilita.

( 67 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-354/99, Ġabra p. I-7657, punt 46).

( 68 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, Ġabra p. 2965, punt 24), Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 68, punt 46), tat-22 ta’ April 1997, Draehmpaehl (C-180/95, Ġabra p. I-2195, punt 29) u Paquay (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 52).

( 69 ) Rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Marzu 1999 [COM (1999)] 100 finali, li jindika f’paġna 7: “Fir-Renju Unit, għalkemm ma jeżistix rekwiżit ġenerali li min iħaddem jiġi informat, dan tal-aħħar mhuwiex obbligat li jagħmel evalwazzjoni tar-riskji kemm-il darba ma jkunx ġie avżat; fil-Finlandja, il-Belġju u Franza, minkejja n-nuqqas ta’ dan l-istess rekwiżit fil-leġiżlazzjoni, il-ftuħ tad-drittijiet marbuta mal-maternità kif ukoll il-protezzjoni prevista huma suġġetti għall-kundizzjoni li min iħaddem jiġi infurmat. Fi Spanja, ħaddiema li t-tqala tagħha tkun magħrufa minn min iħaddimha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-maternità, anki jekk dan tal-aħħar ikun għadu ma ġiex mgħarraf uffiċjalment. Fl-Irlanda u fil-Portugall, min iħaddem irid jiġi informat bil-miktub u jista’ jeżiġi ċertifikat mediku li jikkonferma l-istat tal-ħaddiema. Fil-Lussemburgu, il-mara trid tibgħat b’ittra rreġistrata lil min iħaddimha ċertifikat mediku li juri li hija tinsab tqila jew qed tredda’. Fl-Awstrija, it-tqala trid tiġi mgħarrfa lill-ispettorat tax-xogħol u lil min iħaddem, li jista’ jeżiġi ċertifikat mediku”.

( 70 ) Ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85.

( 71 ) Ara l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/85.

( 72 ) Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 92/85 minħabba l-obbligu li jiġi informat min iħaddem, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll problema fir-rapport diġà msemmi (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, p. 22). Ir-rapport jindika f’dan ir-rigward li meta jkun ċar li ħaddiema tkun tqila iżda tkun għadha ma informatx uffiċjalment lil min iħaddimha, hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni rationae personae tad-direttiva minkejja li fir-realtà min iħaddem ikun jaf bit-tqala. Il-Kummissjoni biħsiebha ssib soluzzjoni għal din il-problema fil-futur. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-prattiki tal-Istati Membri mhux biss jinvolvi trattament differenzjali, iżda f’ċerti ċirkustanzi jinvolvi wkoll limitazzjoni kbira tal-protezzjoni mogħtija mid-direttiva. A. Epiney u M. Freiermuth Abt,(ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, p. 168) u K. Nebe (iċċitat iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 141) li jsemmu wkoll id-differenza ferm kbira fit-trattament imsemmi iktar ’il fuq.

( 73 ) Ara t-tmien premessa tad-Direttiva 92/85 (“[b]illi ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta’ riskju speċifiku taħt ħafna aspetti, u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom”); kif ukoll il-ħmistax-il premessa (ara iktar ’il fuq, punt 11).

( 74 ) Ara iktar ’il fuq, punt 37: It-termini perentorji ma japplikawx għal impjegata li effettivament ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tagħha, b’mod partikolari minħabba li lanqas hi stess ma kienet indunat bit-tqala tagħha.

( 75 ) Ara iktar ’il fuq punt 18.

( 76 ) Il-Gesetz zum Schutze der erwerbstätigen Mutter “Mutterschutzgesetz, MuSchG”, (liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni tal-ommijiet li jwettqu attività professjonali) (BGBl I, 2004, p. 2748) fil-verżjoni kif ippubblikata fl-20 ta’ Ġunju 2002, (BGBl. 2004, p. 2748) kif ukoll l-österreichische Mutterschutzgesetz (MSchG) (liġi Awstrijakka dwar il-protezzjoni tal-ommijiet li jwettqu attività professjonali) (BGBl. Nru. 221/1979), emendata l-aħħar mill-BGBl. I (Nru. 53/2007) u l-Code Français du Travail (kodiċi Franċiż tax-xogħol) (f’dan l-aħħar każ, jikkonsisti f’terminu ta’ ħmistax-il jum min-notifika tat-tkeċċija), (ara H. Flichy u L. Gamet, Licenciement: Procédures — indemnités — Contentieux, Pariġi 2005, p. 66) jipprovdu wkoll, pereżempju, terminu addizzjonali ta’ tul differenti. Fil-MuSchG Ġermaniż, huwa indikat fl-Artikolu 9, fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tkeċċija: “Il-projbizzjoni tat-tkeċċija matul it-tqala … hija illeċita meta min iħaddem ikun ġie informat bit-tqala fil-mument tat-tkeċċija jew ikun ġie informat bit-tqala fi żmien ġimagħtejn wara li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bit-tkeċċija; id-dekorrenza ta’ dan it-terminu mhijiex ta’ preġudizzju għall-impjegata meta din tkun dovuta għal raġuni mhux imputabbli lill-persuna kkonċernata u t-tqala tiġi mgħarrfa lil min iħaddem mingħajr dewmien”. B’mod konformi mal-Artikolu 10(2) tal-MSchG Awstrijakka, it-tkeċċija hija invalida jekk it-tqala tiġi mgħarrfa lil min iħaddem fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tiġi mħabbra jew innotifikata t-tkeċċija. Huwa fil-Polonja li l-protezzjoni hija l-iktar wiesgħa u mhux marbuta ma’ terminu preċiż għall-komunikazzjoni tat-tqala lil min iħaddem. (M. Kiedrowski, Kündigungsschutz im polnischen Arbeitsrecht — ein Strukturvergleich mit dem deutschen Recht, Hamburg, 2007, p. 273).

( 77 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5), tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 28), tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 33) u tat-18 ta’ Settembru 2003, Pflücke (C-125/01, Ġabra p. I-9375, punt 33).

( 78 ) Ara iktar ’il fuq, punt 81. B’riferiment konkret ukoll għat-termini perentorji hawn fuq imsemmija, ara s-sentenza Pflücke (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punt 34).

( 79 ) Ara s-sentenzi Pflücke (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punt 34) u Preston et, (iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 77, punt 34).

( 80 ) Ara iktar ’il fuq, punt 8.

( 81 ) Fl-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni dwar it-tkeċċija li tipprevedi ż-żamma tal-impjieg jew li l-ħaddiema mkeċċija jerġgħu jiddaħħlu jaħdmu mal-impriża, it-termini ta’ azzjoni jidhru li huma effettivament pjuttost qosra. Fil-Polonja pereżempju, jeżisti terminu ta’ sebgħat ijiem li jibda jiddekorri min-notifika tad-dikjarazzjoni tat-tkeċċija [(ara J. Zimoch-Tucholka u M. Malinowska-Hyla, “Arbeitsrecht in Polen”, fi: M. Hennsler u A.Braun, (nota ta’ qiegħ il-paġna 50, p. 1039 et seq), (p. 1081, nota ta’ qiegħ il-paġna 138), fil-Ġermanja, terminu ta’ 3 ġimgħat li jibda jiddekorri min-notifika bil-miktub tat-tkeċċija (Artikolu 4 tal-Kündigungschutzgesetz liġi dwar il-protezzjoni fil-qasam tat-tkeċċija, BGBl. I, p. 1317,) fuq l-aħħar emenda, ara BGBl. I, p. 602) u fil-Latvja, xahar wara n-notifika tat-tkeċċija jew wara t-tkeċċija stess (V. Kronbergs, “Arbeitsrecht in Lettland”, fi: M. Hennsler u A. Braun, (iċċitat iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, p.717 et seq, p.727, punt 49)].

( 82 ) Għalkemm mhuwiex neċessarju li wieħed ikun irrappreżentat minn avukat fl-istadju tal-ewwel istanza f’kawża quddiem il-qorti industrijali (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 50), din ir-rappreżentazzjoni għandha tkun possibbli mingħajr ma tkunx ostakolata b’termini wisq qosra.

( 83 ) Ara iktar ’il fuq, punti 58 et seq.

( 84 ) Ara iktar ’il fuq, punti 81 u 101.

( 85 ) Ara iktar ’il fuq, punt 105.

( 86 ) Ara iktar ’il fuq, punt 39. Matul is-seduta, iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali indikaw li l-Artikolu L.337-1 tal-Code du travail Lussemburgiż (punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jistipula fir-raba’ inċiż tal-paragrafu 1 li rikors jista’ jiġi ppreżentat fi żmien ħmistax-il jum mix-“xoljiment tal-kuntratt” waqt li normalment it-terminu jibda jiddekorri min-“notifika tat-tkeċċija”.

( 87 ) Ara iktar ’il fuq, punt 18.

Top