Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0007

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 23 ta' April 2009.
    Har Vaessen Douane Service BV vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
    Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni - Regolament (KEE) Nru 918/83 - Artikolu 27 - Merkanzija ta’ valur individwali negliġibbli mibgħuta bħala kunsinna kollettiva - Kunsinni mibgħuta direttament minn Stat terz lil kunsinnatarju fil-Komunità.
    Kawża C-7/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:259

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fit-23 ta’ April 2009 ( 1 )

    Kawża C-7/08

    Har Vaessen Douane Service BV

    vs

    Staatssecretaris van Financiën

    “Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni — Regolament (KEE) Nru 918/83 — Artikolu 27 — Merkanzija ta’ valur individwali negliġibbli mibgħuta bħala kunsinna kollettiva — Kunsinni mibgħuta direttament minn Stat terz lil destinatarju fil-Komunità”

    I — Introduzzjoni

    1.

    Bid-digriet tar-rinviju f’din il-kawża, il-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda) qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali ( 2 ), li jistabbilixxi eżenzjoni mid-dazji doganali għall-kunsinni ta’ merkanzija b’valur negliġibbli mibgħuta minn pajjiż terz lejn il-Komunità. Sostanzjalment irid jiġi stabbilit jekk, u b’liema kundizzjonijiet, jaqgħu taħt din l-eżenzjoni anki l-kunsinna kollettiva u d-dikjarazzjoni doganali kollettiva ta’ numru kbir ta’ pakketti individwali li kull wieħed minnhom, ikkunsidrat separatament, għandu valur iżgħar mil-limitu ffissat fid-dispożizzjoni inkwistjoni.

    II — Il-kuntest ġuridiku

    2.

    Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 ( 3 ) kien jgħid dan li ġej:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 28, kull kunsinna mibgħuta lil kunsinnatarju [destinatarju] tagħha permezz ta’ ittra jew pakkett postali li fih oġġetti ta’ valur totali li ma jaqbiżx ECU 10 għandha tiddaħħal mingħajr dazju [ ( 4 )]”.

    3.

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2287/83 ( 5 ) stabbilixxa kundizzjoni oħra għall-għoti tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83. Dan kien jipprovdi li:

    “L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku tapplika biss għall-kunsinni li jintbagħtu permezz ta’ ittra jew pakkett postali direttament minn pajjiż terz lil persuna fiżika jew ġuridika fil-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4.

    Ir-raġuni għal din l-emenda tirriżulta mit-tielet u r-raba’ premessi tar-Regolament Nru 2287/83, li jgħidu dan li ġej:

    “Billi l-impriżi kummerċjali ma għandhomx ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn id-dispożizzjonijiet billi joħolqu attivitajiet ad hoc jew billi jittrasferixxu b’mod artifiċjali attivitajiet eżistenti u b’hekk jikkawżaw distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq komuni; billi, sabiex ma jkunx hemm dawn id-distorsjonijiet, il-kunsinni msemmija qabel ma għandhomx ikollhom dritt għal eżenzjoni mid-dazji doganali jekk, qabel ma ġew rilaxxati ġew suġġetti għal proċedura doganali oħra;

    billi, għalhekk, l-eżenzjoni għandha tingħata biss meta l-kunsinni inkwistjoni jintbagħtu direttament minn pajjiż terz lil persuna fiżika jew ġuridika fil-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5.

    Bir-Regolament Nru 3357/91/KEE ( 6 ) tħassret il-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 għall-kunsinni mibgħuta bil-posta.

    6.

    L-ewwel premessa tar-Regolament Nru 3357/91 tgħid hekk dwar din l-emenda:

    “Billi s-simplifikazzjoni amministrattiva li għaliha jipprovdi l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (EEC) [(KEE)] Nru 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983 li jwaqqaf sistema tal-Komunità għall-ħelsien mid-dazju doganali [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4235/88 [2], għandu [għandha], jekk għandu jkun effetiv [jekk għandha tkun effettiva], jiġi applikat [tiġi applikata] għall-importazzjonijiet kollha ta’ kunsinni magħmula minn oġġetti ta’ valur negliġibbli”.

    7.

    L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83, kif emendat bir-Regolament Nru 3357/91, issa jistabbilixxi:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 28, kull kunsinna magħmula minn oġġetti ta’ valur negliġibbli mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil kunsinnatarju [destinatarju] fil-Komunità għandha tiddaħħal ħielsa mid-dazju ta’ importazzjoni.

    Għal ‘oġġetti ta’ valur negliġibbli’ tfisser oġġetti li l-valur intrinsiku tagħhom ma jeċċedix total ta’ ECU 22 kull kunsinna.”

    8.

    L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 918/83 jeskludi mill-eżenzjoni ċerti kategoriji ta’ oġġetti.

    III — Il-fatti, it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    9.

    Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità ta’ avviż ta’ taxxa indirizzat lill-kumpannija ta’ kunsinni doganali Har Vaessen Douane Service B.V. (iktar ’il quddiem “Har Vaessen”).

    10.

    Mill-indikazzjonijiet li hemm fid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li l-proċedimenti Olandiżi żvolġew, fl-essenzjal tagħhom, kif ġej:

    11.

    Fil-perijodu mit-12 ta’ Novembru 1998 sat-28 ta’ Ottubru 1999, Har Vaessen ippreżentat, f’isem il-kumpannija Olandiża ECS Media B.V., li kellha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Olanda (iktar ’il quddiem “ECS”), dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa fir-rigward ta’ diski kompatti, kassetts u tejps manjetiċi. Dawn il-prodotti kienu ġew ordnati mingħand il-kumpannija parent ta’ ECS — il-kumpannija Olandiża ECI voor Boeken en Platen B.V. (iktar ’il quddiem “ECI)” — minn klijenti individwali. Skont ftehim bejn ECI u s-sussidjarja tagħha ECS, ECI tibgħat dawn l-ordnijiet lil ECS li, min-naħa tagħha, tikkunsinna lill-klijenti l-merkanzija ordnata minn ċentru ta’ distribuzzjoni li jinsab fl-Isvizzera.

    12.

    Il-merkanzija kienet tiġi ppreparata għall-kunsinna fl-Isvizzera minn ECS. Il-merkanzija ordnata minn kull klijent kienet titpoġġa f’pakkett indirizzat lill-klijent rispettiv. Fil-pakkett kienet titqiegħed formula tal-ħlas f’isem ECI li biha l-klijent seta’ jħallas wara li jkun irċieva l-merkanzija. Fuq il-formula, minbarra l-prezz tal-merkanzija, ikun hemm indikat separatament ammont dwar l-ispiża tal-kunsinna.

    13.

    Il-pakketti individwali mbagħad jiġu ttrasportati flimkien minn Har Vaessen f’ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ PTT Post B.V (iktar ’il quddiem “PTT”) fl-Olanda. Minn hawn PTT kienet tieħu ħsieb tikkunsinna l-pakketti individwali lill-klijenti individwali ta’ ECI.

    14.

    Fil-kuntest tad-dikjarazzjoni, Har Vaessen invokat l-applikazzjoni tal-eżenzjoni doganali prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83, li jipprovdi li l-kunsinni ta’ merkanzija li l-valur tagħha ma jaqbiżx EUR 22 huma eżentati mill-ħlas ta’ dażji doganali. Fil-formola tad-dikjarazzjoni ( 7 ) kien hemm indikat, fil-kaxxa 8, li PTT kienet id-destinatarja, fil-kaxxa 9 li ECS kienet responsabbli finanzjarjament u fil-kaxxa 15 li l-Isvizzera kienet il-pajjiż tal-kunsinna/esportazzjoni. Mad-dikjarazzjoni ġew annessi l-listi tal-individwi destinatarji tal-pakketti individwali, kif ukoll l-ammont li kellhom iħallsu individwalment. Huwa aċċettat li l-valur tal-merkanzija li kien hemm fil-pakketti individwali ma kienx jaqbeż EUR 22.

    15.

    It-talba għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni doganali ppreżentata minn Har Vaessen ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Olandiżi. B’avviż tad-29 ta’ Diċembru 1999, Har Vaessen intalbet tħallas dazji doganali għall-merkanzija ttrasportata, liema dazji kienu jammontaw għal total ta’ NLG 436907.60. F’dan l-avviż Har Vaessen intalbet tħallas ukoll it-taxxa fuq il-valur miżjud, li kienet tammonta għal NLG 4468110.70.

    16.

    Wara li l-ilment tagħha ġie miċħud, Har Vaessen appellat minn din id-deċiżjoni. Il-Gerechtshof Amsterdam annullat l-ordni tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud imma ċaħdet ir-rikors fir-rigward tad-dazji doganali bħala infondat.

    17.

    Har Vaessen ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-Hoge Raad. B’digriet tas-7 ta’ Diċembru 2007, il-Hoge Raad issospendiet il-proċedimenti quddiemha u bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi preliminari:

    1)

    L-Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983, kif emendat permezz tar-Regolament (KEE) Nru 3357/91 tas-7 ta’ Novembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’dan l-artikolu tista’ tiġi invokata għal kunsinni ta’ merkanzija li, għalkemm huma ta’ valur negliġibbli jekk jitqiesu individwalment, jiġu madankollu ppreżentati bħala kunsinna kollettiva, b’valur intrinsiku totali tal-kunsinni tal-merkanzija li jintbagħtu b’dan il-mod li jaqbeż il-limitu ta’ valur li jinsab fl-Artikolu 27?

    2)

    Għandu jiġi kkunsidrat li, għall-għanijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ “kunsinna […] mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil kunsinnatarju [destinatarju] fil-Komunità” jinkludi wkoll il-każ fejn, qabel ma tibda l-kunsinna lil dan il-kunsinnatarju, il-merkanzija tinsab f’pajjiż terz, filwaqt li l-parti l-oħra fil-kuntratt mal-kunsinnatarju tkun stabbilita fil-Komunità?

    18.

    Fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Har Vaessen, il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom.

    IV — Kunsiderazzjonijiet

    A. Fuq l-ewwel domanda preliminari

    19.

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fis-sustanza tistaqsi jekk l-eżenzjoni doganali stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 tapplikax anki għall-kunsinna kollettiva u għad-dikjarazzjoni doganali kollettiva ta’ kunsinni individwali, li l-valur ta’ kull waħda minnhom ma jaqbiżx EUR 22 imma li kumplessivament jaqbżu dan il-limitu ta’ valur.

    20.

    L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 jistabbilixxi li “kull kunsinna magħmula minn oġġetti ta’ valur negliġibbli mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil kunsinnatarju [destinatarju] fil-Komunità” għandha tiddaħħal ħielsa mid-dazju ta’ importazzjoni.

    21.

    Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 27, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni stabbilita f’dan l-artikolu huma fformulati b’mod wiesa’. Din il-formulazzjoni ma tillimitax, apparti mill-kriterju territorjali, la ċ-ċirku tal-kunsinnaturi u lanqas tad-destinatarji. Għalhekk, l-Artikolu 27 ikopri anki kunsinni individwali li jiġu ttrasportati u ddikjarati flimkien ma’ kunsinni individwali oħra.

    22.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju mhijiex ċerta jekk proċedura ta’ kunsinna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-eżenzjoni. Fil-proċedimenti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet iddiskutew żewġ punti.

    23.

    Min-naħa, hemm il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-“kunsinnatarju [tad-destinatarju]” ta’ kunsinna kollettiva bħal din u jekk dan huwiex id-destinatarju finali indikat fuq il-pakketti jew, għall-kuntrarju, kif isostni l-Gvern Olandiż, PTT, li rċeviet il-kunsinni kollha sabiex tikkunsinnjahom lid-destinatarji individwali.

    24.

    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-oġġezzjoni tal-qorti tar-rinviju, u speċifikament jekk mill-għan tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni għandhiex tirriżulta restrizzjoni, minħabba raġunijiet teleoloġiċi, tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    1. Id-destinatarju

    25.

    Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li PTT hija d-destinatarja tal-kunsinni. Fil-fatt, il-kumpannija tal-kunsinni, wara l-passaġġ mill-fruntiera, bagħtet il-kunsinni individwali, miġbura flimkien għall-finijiet tal-kunsinna, lil PTT, li b’dan il-mod ġiet inkarigata li tikkunsinnjahom lid-destinatarji individwali. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, PTT hija d-destinatarja fil-Komunità fis-sens tal-Artikolu 27. Skont il-Gvern Olandiż, billi PTT rċeviet kunsinna li l-valur kumplessiv tagħha, irrappreżentat mit-total tal-valur tal-kunsinni individwali, jaqbeż b’mod sostanzjali l-limitu tal-valur taħt l-Artikolu 27, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

    26.

    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li d-destinatarji fis-sens tal-Artikolu 27 huma, f’dan il-każ, id-diversi destinatarji tal-pakketti individwali. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra l-kunsinna inkwistjoni bħala trasport kollettiv ta’ diversi kunsinni individwali lil klijenti individwali u mhux bħala kunsinna lil PTT, liema kunsinna taqbeż il-limitu tal-valur taħt l-Artikolu 27. Fil-fehma tagħha, każ bħal dan preżenti jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni.

    27.

    Jeħtieġ li jkun hemm qbil mal-Kummissjoni fuq il-fatt li d-destinatarji finali tal-pakketti għandhom jiġu kkunsidrati bħala d-destinatarji tagħhom fis-sens tar-Regolament. PTT tirrappreżenta biss stadju intermedjarju fil-katina loġistika, li tibda fl-Isvizzera bil-kunsinna lill-kumpannija tal-kunsinni u li tispiċċa fl-Olanda għand l-individwi li lilhom huma indirizzati l-pakketti individwali, li huma d-destinatarji fis-sens tal-Artikolu 27.

    28.

    Il-pakketti jiġu ppreparati għall-kunsinna minn ECS fl-Isvizzera u jkollhom fuqhom l-indirizzi tal-klijenti fl-Olanda. Għalhekk, anki f’dan l-istadju, il-pakketti jistgħu jingħataw lill-Posta Svizzera u jintbagħtu lid-destinatarji fl-Olanda permezz ta’ proċedura ta’ kunsinna waħda. Madankollu, f’dan il-każ, id-distribuzzjoni finali lill-klijenti fl-Olanda xorta waħda ssir, probabbilment, permezz tal-Posta Olandiża, u għalhekk permezz ta’ ħolqa oħra fil-katina tat-trasport. Mingħajr dubju, f’dan il-każ ikun kompletament barra minn loku jekk il-Posta Olandiża tiġi kkunsidrata bħala d-destinatarja tal-pakketti għaliex hija tieħu ħsieb id-distribuzzjoni fl-Olanda għan-nom tal-Posta Svizzera.

    29.

    Mandankollu, il-kwistjoni ta’ jekk hijiex il-Posta Svizzera li tittrasporta l-pakketti fl-Olanda, fejn imbagħad il-posta lokali twassalhom għand id-destinatarji, jew jekk, għall-kuntrarju, l-ewwel stadju tal-proċess tal-kunsinna tieħux ħsiebu kumpannija tal-kunsinna, hija kwistjoni li bl’ebda mod ma għandu jkollha impatt fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-identifikazzjoni tad-destinatarju tal-pakketti fis-sens tal-Artikolu 27. Id-destinatarju huwa biss dak li, sa mill-bidu tal-katina tal-kunsinna, jiġi indikat bħala tali fuq kull pakkett, u mhux il-kumpannija Olandiża PTT, li hija biss stadju intermedjarju f’katina ta’ kunsinna magħmula minn diversi elementi.

    30.

    Ma jkunx konformi mal-għan tar-Regolament jekk jiġu ffavoriti xi metodi tat-trasport minflok oħrajn billi jiġi eżentat biss metodu tat-trasport magħmul minn element wieħed imma mhux katina ta’ trasport magħmula minn diversi elementi.

    31.

    L-ebda impriża tat-trasport involuta, bħala ħolqa ta’ katina ta’ trasport, mhija l-“kunsinnatarja [d-destinatarja]” tal-merkanzija għaliha nnifisha imma sempliċement għall-finijiet (tat-tkomplija) tat-trasport.

    32.

    Anki l-bidu leġiżlattiv tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni doganali jikkonferma din l-interpretazzjoni tar-regola. Sakemm daħal fis-seħħ ir-Regolament ta’ emenda Nru 3357/91, l-Artikolu 27 kien jikkontempla biss dawk il-kunsinni mibgħuta bil-posta. F’tentattiv li titwessa’ s-simplifikazzjoni amministrattiva konnessa mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni doganali, din ir-restrizzjoni għall-applikazzjoni tagħha tneħħiet bir-Regolament Nru 3357/91. Għalhekk, billi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni jkunu sodisfatti irrispettivament mill-metodu tat-trasport, ma jkunx rilevanti li ssir distinzjoni skont jekk it-trasport isirx esklużivament permezz ta’ impriża privata jew permezz ta’ taħlita ta’ trasport privat u trasport permezz tal-Posta. Fil-każ ta’ katina ta’ trasport magħmula minn diversi elementi, wieħed mit-trasportaturi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala d-destinatarju fis-sens tal-Artikolu 27.

    33.

    Fl-aħħar, anki mit-tip u mill-modalitajiet tad-dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-klijenti individwali — u mhux PTT — għandhom jiġu kkunsidrati bħala d-destinatarji tal-kunsinni individwali.

    34.

    Huwa veru li fil-kaxxa 8 tad-dikjarazzjoni, PTT — u mhux pereżempju “diversi” — hija indikata bħala d-destinatarja. Dan iżda — kif sostniet anki l-Kummissjoni — huwa irrilevanti ( 8 ). Fil-fatt, evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw id-dikjarazzjoni twassal neċessarjament għall-konklużjoni li l-kunsinna inkwistjoni ġiet madankollu ddikjarata bħala trasport kollettiv ta’ diversi kunsinni individwali lil diversi klijenti. Għalhekk, mad-dikjarazzjoni kien hemm mehmuża lista tal-persuni individwali li kienu d-destinatarji tal-pakketti individwali, kif stabbilit mid-dikjarazzjoni ta’ kunsinna kollettiva fit-Titolu II tal-Anness 37 tar-Regolament Nru 2454/93 flimkien mad-dispożizzjonijiet Olandiżi f’affarijiet doganali.

    35.

    Barra minn hekk, mil-lista annessa kien jirriżulta l-valur tal-merkanzija f’kull pakkett. Issa, l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tagħmel sens biss fil-każ ta’ dikjarazzjoni għal numru kbir ta’ kunsinni individwali indirizzati lil destinatarji differenti.

    36.

    Fl-aħħar, jeħtieġ li tiġi eżaminata oġġezzjoni possibbli li, għalkemm ma tqajmitx mill-partijiet fil-kawża prinċipali, għandha tiġi ttrattata fil-qosor. Din l-oġġezzjoni tirrigwarda r-rekwiżit li l-merkanzija għandha, skont l-Artikolu 27, tintbagħat direttament minn pajjiż terz lil destinatarju li jinsab fil-Komunità. F’dan il-każ jista’ jiġi oġġezzjonat li l-merkanzija ma ntbagħtitx direttament lid-destinatarju għaliex l-ewwel ġiet ikkunsinnata lil PTT. Madankollu, ir-Regolament jagħti sens ieħor lil dan il-kriterju tan-natura “diretta”, kif ser jintwera iktar ’l isfel.

    37.

    Il-kundizzjoni li l-kunsinna għandha tintbagħat “direttament minn pajjiż terz” ġiet introdotta fl-Artikolu 27 bir-Regolament Nru 2287/83 li emendah. Skont it-tielet u r-raba’ premessi ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi evitat li l-impriżi kummerċjali, billi joħolqu attivitajiet ad hoc jew billi jċaqilqu b’mod artifiċjali attivitajiet eżistenti, jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni u b’hekk jikkawżaw distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq komuni. Sabiex jiġu evitati dawn id-distorsjonijiet, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 dawk il-kunsinni li, qabel ir-rilaxx tagħhom fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa, kienu suġġetti għal proċedura doganali oħra.

    38.

    Permezz tal-kriterju tal-kunsinna diretta, l-eżenzjoni doganali għandha tiġi eskluża — kif qalet sew il-Kummissjoni — biss jekk il-merkanzija kienet qabel suġġetta għal proċedura doganali oħra. Dan ikun il-każ meta, pereżempju, kif sostniet il-Kummissjoni, il-merkanzija tkun l-ewwel tqiegħdet f’depożitu doganali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx qabel suġġetta għal proċedura doganali oħra. Mill-informazzjoni li hemm fid-digriet tar-rinviju wieħed ma jistax jikkonkludi, kif tgħid ukoll il-Kummissjoni, li l-merkanzija inkwistjoni kienet qabel suġġetta għal proċedura doganali oħra.

    39.

    Madankollu, anki jekk wieħed jagħti interpretazzjoni differenti lill-kriterju tal-kunsinna “diretta”, xorta waħda ma jasalx għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, jekk PTT ma tistax tiġi kkunsidrata bħala d-destinatarja minħabba li hija biss ħolqa newtrali fil-katina tat-trasport, dan lanqas ma jista’ jinterrompi n-natura diretta tal-kunsinna mill-kunsinnatur lid-destinatarju.

    40.

    Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsinna inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija trasport kollettiv ta’ diversi kunsinni individwali lill-klijenti rispettivi, u li PTT mhijiex id-destinatarja ta’ kunsinna kollettiva li l-valur tagħha jaqbeż il-limitu previst fl-Artikolu 27.

    2. Is-sinjifikat u l-iskop tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni

    41.

    B’referenza għall-ewwel premessa tar-Regolament Nru 3357/91, li tgħid li l-eżenzjoni doganali hija miżura ta’ “simplifikazzjoni amministrattiva”, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-eventwalità li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 jirregola biss dawk il-każijiet fejn l-ispejjeż amministrattivi marbuta mad-dikjarazzjoni jaqbżu l-ammont tad-dazji doganali dovuti. Billi mhux bilfors li jkun hemm dan l-iżbilanċ bejn l-ispejjeż amministrattivi u d-dazji doganali fil-każ ta’ dikjarazzjoni doganali kollettiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali kunsinni jissodisfawx ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni.

    42.

    Din ir-riflessjoni iżda ma għandhiex bażi fil-formulazzjoni tal-Artikolu 27. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li jkun hemm żbilanċ bejn il-piż amministrattiv marbut mal-ġbir tad-dazji doganali u d-dazju li għandu jinġabar minn kunsinna individwali. L-Artikolu 27 jirreferi biss għall-valur ta’ kull kunsinna, u lanqas ma jagħmel distinzjoni skont it-tip u l-modalitajiet tad-dikjarazzjoni doganali. Għalhekk, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li l-eżenzjoni doganali mhijiex limitata biss għall-kunsinni ta’ valur negliġibbli li jiġu ddikjarati individwalment, u li għalhekk jinvolvu piż amministrattiv relattivament għoli. Għall-kuntrarju, il-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tinkludi mingħajr dubju anki l-kunsinni ta’ valur negliġibbli li, pereżempju, jintbagħtu flimkien fi kwantitajiet kbar minn kunsinnatur professjonali, u li għalhekk jinvolvu, fil-każ li ssir dikjarazzjoni doganali kollettiva, piż amministrattiv li jkun ferm iktar baxx. Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 27, ir-relazzjoni bejn id-dazju doganali dovut fil-prinċipju u l-piż amministrattiv li jirriżulta mhijiex rilevanti.

    43.

    Mill-ewwel premessa lanqas m’huwa possibbli li wieħed jikkonkludi li l-eżenzjoni tista’ tingħata biss jekk, fil-każ konkret, ikun hemm żbilanċ bejn l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ġbir tad-dazji u l-ammont tad-dazju rispettiv. L-ewwel premessa sempliċement tħabbar l-iskop segwit mill-Artikolu 27, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva tal-ġbir tad-dazji.

    44.

    Fl-aħħar, id-dikjarazzjoni kollettiva tirrappreżenta wkoll simplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva għall-awtoritajiet doganali. It-tagħrif li altrimenti kien jingħata b’mod separat għal kull kunsinna individwali jinġabar f’applikazzjoni waħda. Ma jintlaħaqx l-iskop ta’ simplifikazzjoni amministrattiva jekk dikjarazzjoni kollettiva tiġi eskluża fil-prinċipju mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni, jew jekk il-kunsinni ta’ valur negliġibbli jiġu suġġetti għal dazji doganali għas-sempliċi raġuni li jiġu ddikjarati flimkien fid-dwana fl-istess applikazzjoni. Dan fil-fatt iwassal sabiex min jagħmel id-dikjarazzjoni jiddikjara numru kbir ta’ kunsinni individwali sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni. Dan ikun ta’ piż addizzjonali għall-awtoritajiet doganali mingħajr ebda gwadann. Għall-kuntrarju, għall-kunsinnatur professjonali, ikun, mingħajr dubju, awtomatikament iktar sempliċi li jistabbilixxi dikjarazzjoni waħda.

    45.

    Għalhekk mhemmx lok li tiġi aċċettata l-proposta li tiġi ristretta, għal finijiet teleoloġiċi, il-portata tal-Artikolu 27 li huwa fformulat f’termini ġenerali.

    3. Konklużjoni parzjali

    46.

    Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata fil-każ ta’ kunsinna kollettiva ta’ kunsinni individwali ta’ merkanzija li kull waħda minnhom ma taqbiżx il-valur ta’ EUR 22 jekk il-kunsinni individwali jintbagħtu lil destinatarji individwali fil-Komunità u jekk il-merkanzija ma tkunx qabel suġġetta għal proċedura doganali oħra.

    B. Fuq it-tieni domanda preliminari

    47.

    Bit-tieni domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 japplikawx ukoll jekk il-parti l-oħra fil-kuntratt mad-destinatarju tal-kunsinna rispettiva tkun stabbilita fil-Komunità, jew jekk dawn il-kundizzjonijiet japplikawx biss meta din il-parti tkun stabbilita fl-Istat terz li minnu tintbagħat il-merkanzija inkwistjoni. F’dan il-każ, il-kuntratt ta’ bejgħ li huwa l-bażi tal-kunsinna mhuwiex effettivament konkluż bejn id-destinatarju u l-kunsinnatur fl-Isvizzera imma bejn id-destinatarju u impriża stabbilita fl-Olanda. Din tal-aħħar imbagħad tieħu ħsieb li tibgħat il-merkanzija mid-depożitu tagħha fl-Isvizzera lid-destinatarji fl-Olanda.

    48.

    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 ma jirriżultax li l-eżenzjoni doganali tapplika biss fil-preżenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kunsinnatur u d-destinatarju tal-merkanzija. L-Artikolu 27 tar-Regolament jirreferi għas-sempliċi fatt tal-kunsinna u jgħid biss li l-merkanzija għandha tintbagħat direttament minn pajjiż terz lil destinatarju li jinsab fil-Komunità. M’hemmx referenza għall-post fejn tinsab il-parti l-oħra fil-kuntratt mad-destinatarju tal-merkanzija u lanqas għall-fatt li bejn il-kunsinnatur u d-destinatarju jkun hemm relazzjoni ġuridika. Fil-fatt, intgħażel preċiżament li ma jintużax kliem bħal “bejjiegħ” u “xerrej”, imma l-kunċetti ta’ “kunsinnatur” u “kunsinnatarju [destinatarju]”.

    49.

    Permezz tal-kriterju tal-kunsinna “diretta”, kif ingħad iktar ’il fuq ( 9 ), jistgħu jiġu esklużi mill-eżenzjoni doganali dawk il-kunsinni biss li qabel kienu suġġetti għal proċedura doganali oħra. Minn dan il-kriterju għalhekk ma tirriżulta ebda indikazzjoni li għandu jkun hemm relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kunsinnatur u d-destinatarju.

    50.

    Għaldaqstant, bħala konklużjoni parzjali, għandu jingħad li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 ma jagħmilx l-eżenzjoni doganali tiddependi mill-fatt li l-kunsinnatur ikun il-parti l-oħra fil-kuntratt mad-destinatarju.

    51.

    Fl-aħħar, għad irid jiġi eżaminat jekk raġunijiet marbuta mal-prevenzjoni tal-abbużi jiffavorixxux interpretazzjoni differenti tar-Regolament.

    52.

    Il-Gvern Olandiż isostni li l-aġir ta’ ECI huwa abbużiv għaliex mill-bidu kien intiż sabiex ma titħallasx taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni. Skont l-Artikolu 101 tal-Kodiċi Doganali Olandiż (Douaneregeling), il-merkanzija li għaliha tapplika l-eżenzjoni doganali prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 lanqas m’hija suġġetta għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

    53.

    Il-Gvern Olandiż jenfasizza li ECI, sabiex tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud, l-ewwel iġġorr il-merkanzija mill-Olanda għall-Isvizzera sabiex imbagħad tiġi kkunsinnata mill-Isvizzera lill-klijenti tagħha fl-Olanda. Dan l-aġir iwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, billi l-kunsinnaturi li jibagħtu l-merkanzija tagħhom direttament mill-Olanda, lill-klijenti Olandiżi tagħhom, huma obbligati li jħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud. Sabiex jiġi evitat abbuż bħal dan, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv biżżejjed sabiex, fil-każijiet bħal dan preżenti, ma tingħata ebda eżenzjoni doganali.

    54.

    Il-Gvern Olandiż, għalhekk, ma jsostnix li l-impriża inkwistjoni tibbenefika abbużivament mill-eżenzjoni doganali. Minn kif jiddeskrivi l-affarijiet il-Gvern Olandiż, lanqas ma jirriżulta li l-impriża tagħżel il-mod ta’ bejgħ b’ordni postali tagħha sabiex tibbenefika abbużivament mill-eżenzjoni doganali. Fil-każ ta’ kunsinna diretta mill-Olanda, hija lanqas ma tkun suġġetta, a priori, għal dazju doganali, b’tali mod li kunsinna mibgħuta mill-Isvizzera ma tkun ta’ ebda vantaġġ doganali għall-impriża li toffri prodotti għall-bejgħ b’ordni postali.

    55.

    Madankollu, il-Gvern Olandiż isostni li l-impriża qed tikseb abbużivament eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

    56.

    L-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/181/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, li tiddetermina l-iskop tal-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti ( 10 ), jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet fuq importazzjonijiet ta’ oġġetti li l-valur totali tagħhom huwa bejn EUR 10 u 22 ( 11 ). L-Olanda użat din il-fakultà u teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud l-importazzjoni ta’ merkanzija b’valur negliġibbli. F’dan ir-rigward, id-dritt Olandiż jorbot l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud mal-eżenzjoni doganali li għandha tingħata skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83.

    57.

    Mhijiex aċċettabbli interpretazzjoni restrittiva tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni doganali sabiex jiġi evitat abbuż fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fil-fatt, ir-rabta bejn l-eżenzjoni doganali u l-eżenzjoni potenzjalment abbużiva mit-taxxa fuq il-valur miżjud tirriżulta biss mir-rabta relattiva stabbilita mid-dritt Olandiż.

    58.

    Sa fejn l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 83/181 tistabbilixxi eżenzjoni obbligatorja mit-taxxa fuq il-valur miżjud għall-merkanzija li l-valur tagħha ma jaqbiżx EUR 10, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 22 saħansitra jagħti lill-Istati Membri, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-fakultà li jeskludu minn din l-eżenzjoni fiskali l-oġġetti importati fil-kuntest ta’ bejgħ b’ordni postali.

    59.

    Għalhekk, abbuż potenzjali fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud jista’ jiġi effettivament evitat fil-kuntest tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Tali abbuż potenzjali ma jfissirx li, fil-kuntest tal-eżenzjoni doganali, għandha neċessarjament tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83.

    60.

    Fl-aħħar, fis-settur tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ammissibbli ċ-ċaħda ta’ vantaġġ fiskali meta l-operazzjonijiet ikkontestati jkollhom ir-riżultat li jiksbu vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jkun kuntrarju għall-għan segwit minn dawn id-dispożizzjonijiet u meta minn kumpless ta’ elementi oġġettivi jirriżulta li l-iskop tal-operazzjonijiet ikkontestati jkun essenzjalment il-kisba ta’ vantaġġ fiskali ( 12 ). B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li huwa possibbli li ssir oppożizzjoni kontra l-kisba abbużiva ta’ vantaġġi fiskali.

    61.

    L-oġġezzjoni bbażata fuq abbuż potenzjali fl-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud li, fid-dritt nazzjonali, hija marbuta mal-eżenzjoni doganali, għandha għalhekk tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u ma tistax twassal għal interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 fid-dawl tal-formulazzjoni f’termini wiesgħa tiegħu.

    V — Konklużjoni

    62.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja lill-Hoge Raad (l-Olanda):

    1)

    L-Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 918/83, kif emendat bir-Regolament Nru 3357/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata fil-każ ta’ kunsinna kollettiva ta’ kunsinni individwali ta’ merkanzija li kull waħda minnhom ma taqbiżx il-valur ta’ EUR 22 jekk il-kunsinni individwali jintbagħtu lil destinatarji individwali fil-Komunità u jekk il-merkanzija ma tkunx qabel suġġetta għal proċedura doganali oħra.

    2)

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “kunsinna […] mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil kunsinnatarju [destinatarju] fil-Komunità” għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-każ fejn, qabel ma tintbagħat lid-destinatarju, il-merkanzija tkun tinsab f’pajjiż terz imma l-parti l-oħra fil-kuntratt mad-destinatarju tkun stabbilita fil-Komunità.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3357/91, tas-7 ta’ Novembru 1991, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 918/83 li jistabbilixxi sistema tal-Komunità ta’ ħelsien mid-dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 236,, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 918/830” jew ir-“Regolament”).

    ( 3 ) Iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

    ( 4 ) L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-Euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 81), jistabbilixxi li kull referenza għall-ecu għandha tinbidel b’referenza għall-euro b’rata ta’ euro għal kull ecu. Iktar ’il quddiem “ECU” qed jiġi b’hekk mibdul b’“EUR”, ħlief f’ċitazzjonijiet testwali. Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et (C-294/02, Ġabra p. I-2175, punt 32).

    ( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2287/83, tad-29 ta’ Lulju 1983, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat l-Artikolu 127 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali (ĠU L 220, p. 12).

    ( 6 ) Iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

    ( 7 ) Titolu II tal-Anness 37 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju.

    ( 8 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet li hemm fil-punt 4.3.18 tal-konklużjonijiet tal-Advocaat-Generaal W. de Wit tat-13 ta’ Lulju 2006, li jagħmlu parti integrali mid-digriet tar-rinviju tal-Hoge Raad.

    ( 9 ) Ara l-punti 38 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 10 ) Direttiva Nru 83/181, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 88/331/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 131).

    ( 11 ) Għall-merkanzija li l-valur totali tagħha ma jaqbiżx EUR 10, id-Direttiva tistabbilixxi eżenzjoni obbligatorja mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

    ( 12 ) Sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 74 u 75), kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service (C-425/06, Ġabra p. I-897, punt 42).

    Top