Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0462

    Kawża T-462/07: Rikors imressaq fid- 19 ta' Diċembru 2007 — GALP Energia España et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 51, 23.2.2008, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 51/50


    Rikors imressaq fid-19 ta' Diċembru 2007 — GALP Energia España et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-462/07)

    (2008/C 51/92)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: GALP Energia España SA (Madrid, Spanja) Petróleos de Portugal SA (Lisbona, il-Portugall) u GALP Energia, SGPS, SA (Lisbona, il-Portugall) (rappreżentant: M. Slotboom, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    l-ewwel nett, tannulla d-deċiżjoni kkontestata; jew

    sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni safejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti; jew

    sussdijarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni safejn dan jimponi multa fuq ir-rikorrenti; jew

    sussidjarjament, tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni;

    tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta' dan l-att, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament, totali jew parzjali, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4441 finali tat-3 ta' Ottubru 2007 dwar proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/38710 — Bitum Spanja) li permezz tagħha l-Kummissjoni sabet li r-rikorrenti, fost impriżi oħra, ipparteċipat f'numru ta' akkordji u prattiċi miftiehma fil-kummerċ tal-bitum ta' penetrazzjoni li kienu jkopru t-territorju ta' Spanja u li kienu jikkonsistu f'akkordji ta' diviżjoni tas-suq u ta' koordinazzjoni tal-prezzijiet.

    In sostenn ta' l-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jressqu dawn il-motivi:

    il-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba li jinsab fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, naqset milli twettaq investigazzjoni ġusta, bir-reqqa u imparzjali, billi ssostitwixxiet l-investigazzjoni indipendenti tagħha tal-fatti rilevanti b'akkużi vagi u inkorretti magħmula minn rikorrenti oħra li talbu trattament favorevoli;

    il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) minħabba żball manifest ta' evalwazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-liġi, billi kkonstatat li GALP Energia España pparteċipat fi tqassim ta' klijenti, f'mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' kumpens, jew fl-akkordji dwar iffissar ta' prezzijiet kif inhu deskritt fid-deċiżjoni kkontestata;

    il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 permezz tal-konstatazzjoni tagħha tat-tul ta' żmien li matulu dam għaddej l-allegat ksur ta' l-Artikolu 81 KE billi kkonkludiet li l-involviment ta' GALP Energia España fil-prattiċi pporjbiti dam sa Ottubru 2002. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-imsemmija dispożizzjonijiet meta ddeterminat il-livell tal-multa imposta fuqhom;

    fl-aħħar nett, peress li l-Kummissjoni naqset milli twettaq investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti, kien hemm evalwazzjoni difettuża tal-provi u ksur tal-prinċipju ta' l-obbligu ta' motivazzjoni kif previst fl-Artikolu 253 KE.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).


    Top