Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0421

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-8 ta' Diċembru 2011.
Deutsche Post AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat - Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur Deutsche Post AG - Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE - Nuqqas ta’ deċiżjoni definittiva preċedenti - Inammissibbiltà.
Kawża T-421/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-08105

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:720

Kawża T-421/07

Deutsche Post AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur Deutsche Post AG — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE — Assenza ta’ deċiżjoni definittiva preċedenti — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jipproduċu effetti legali — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali li qed tiġi implementata suġġetta għall-klassifikazzjoni provviżorja bħala għajnuna ġdida — Att li jista’ jiġi kkontestat — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-istess miżuri bħal dawk li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ preċedenti — Inammissibbiltà fl-assenza tal-għeluq tal-ewwel proċedura

(Artikoli 87(1) KE, 88(2) u (3) KE, u 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 7)

Huma biss il‑miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l‑interessi tar‑rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s‑sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ rikors għal annullament fis‑sens tal‑Artikolu 230 KE. Dan ikun il-każ meta tkun involuta deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali fir‑rigward ta’ għajnuna mill‑Istat meta l‑Kummissjoni tikklassifika miżura li tkun qiegħda tiġi eżegwita bħala għajnuna ġdida, u dan mhux biss fil‑każ li din il‑miżura titqies mill‑awtoritajiet tal‑Istat Membru kkonċernat bħala għajnuna eżistenti iżda anki fil‑każ li dawn l‑awtoritajiet iqisu li din il‑miżura ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE.

Fil‑fatt, deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali fir‑rigward ta’ miżura li tkun qiegħda tiġi eżegwita u li tkun ikklassifikata bħala għajnuna ġdida mill‑Kummissjoni tibdel neċessarjament il‑portata legali tal‑miżura kkunsidrata, kif ukoll is‑sitwazzjoni legali tal‑impriżi li jkunu l‑benefiċjarji tagħha, b’mod partikolari fir‑rigward tat‑tkomplija tal‑implementazzjoni ta’ din il‑miżura. Tali deċiżjoni tista’ tiġi invokata anki quddiem qorti nazzjonali li tkun mitluba tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 88(3) KE. Fl-aħħar nett, tali deċiżjoni tista’ twassal lill-impriżi benefiċjarji tal-miżura sabiex fi kwalunkwe każ jirrifjutaw ħlasijiet ġodda, jew vantaġġi ġodda, jew sabiex iwarrbu s-somom meħtieġa għal eventwali kumpens finanzjarju sussegwenti. Il-komunità tan-negozju wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-benefiċjarji msemmija, is-sitwazzjoni legali u finanzjarja prekarja ta’ dawn tal-aħħar.

Għall-kuntrarju, tali deċiżjoni ma jistax ikollha effetti legali awtonomi u għalhekk ma tistax titqies bħala deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn tkun tikkonċerna l-istess miżuri bħal dawk li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ preċedenti, u dan sa fejn il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ dawn il-miżuri ma tkunx ingħalqet u sa fejn, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni tkun diġà indikat li l-miżuri kontenzjużi jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE.

Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-effetti legali awtonomi marbuta ma’ proċedura ta’ investigazzjoni formali jkunu diġà mmaterjalizzaw b’konsegwenza tal-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ.

(ara l-punti 49-51, 61, 63)







SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur Deutsche Post AG – Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE – Assenza ta’ deċiżjoni definittiva preċedenti – Inammissibbiltà”

Fil‑Kawża T‑421/07,

Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn N. Khan u B. Martenczuk, sussegwentement minn B. Martenczuk u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

UPS Europe NV/SA, stabbilita fi Brussell (il‑Belġju),

u

UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, stabbilita f’Neuss (il‑Ġermanja),

irrappreżentati minn T. Ottervanger u E. Henny, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni tat‑12 ta’ Settembru 2007 li tiftaħ il‑proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE fir‑rigward tal‑għajnuna mill‑Istat mogħtija mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja lil Deutsche Post AG [għajnuna C 36/07 (ex NN 25/07)],

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Fit‑8 ta’ Ġunju 1989, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja adottat il‑Postverfassungsgesetz (Liġi dwar l‑organizzazzjoni tal‑posta) (BGBl. 1989 I, p. 1026, iktar ’il quddiem il‑“PostVerfG”). Skont l‑Artikolu 1(2) tal‑PostVerfG, l‑amministrazzjoni postali Ġermaniża, id‑Deutsche Bundespost, ġiet maqsuma fi tliet entitajiet ġuridiċi distinti, jiġifieri d‑Deutsche Bundespost Postdienst (iktar ’il quddiem id‑“DB‑Postdienst”), id‑Deutsche Bundespost Telekom (iktar ’il quddiem id‑“DB‑Telekom”) u d‑Deutsche Bundespost Postbank (iktar ’il quddiem id‑“DB‑Postbank”). Skont l‑Artikolu 65(2) tal‑PostVerfG, dawn l‑entitajiet kienu obbligati jżommu s‑servizzi li kienet toffri d‑Deutsche Bundespost. Kien għalhekk li, filwaqt li d‑DB‑Telekom issuċċediet lid‑Deutsche Bundespost fl‑attivitajiet tagħha ta’ telekomunikazzjoni, id‑DB‑Postdienst ħadet f’idejha l‑attivitajiet tad‑Deutsche Bundespost fis‑settur tal‑posta, inkluż is‑servizz postali universali.

2        Fl‑14 ta’ Settembru 1994, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja adottat il‑Postumwandlungsgesetz (Liġi dwar l‑organizzazzjoni mill‑ġdid tal‑posta) (BGBl. 1994 I, p. 2339, iktar ’il quddiem il‑“PostUmwG”). Skont l‑Artikoli 1 u 2 tal‑PostUmwG, it‑tliet entitajiet ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq ġew mibdula f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata, mill‑1 ta’ Jannar 1995. L‑attivitajiet tad‑DB‑Postdienst għaddew f’idejn ir‑rikorrenti, Deutsche Post AG. L‑attivitajiet tad‑DB‑Telekom u dawk tad‑DB‑Postbank għaddew, rispettivament, f’idejn Deutsche Telekom AG u Deutsche Postbank AG.

3        Fis‑7 ta’ Lulju 1994, il‑kumpannija ta’ distribuzzjoni ta’ pakketti, UPS Europe NV/SA (iktar ’il quddiem “UPS Europe”), ippreżentat ilment (iktar ’il quddiem l‑“ilment tal‑1994”) quddiem il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej fil‑konfront tad‑DB‑Postdienst li kien ibbażat kemm fuq l‑Artikolu 86 tat‑Trattat KE (li sar l‑Artikolu 82 KE) kif ukoll fuq l‑Artikolu 92 tat‑Trattat KE (li sar l‑Artikolu 87 KE). Dan l‑ilment kien segwit b’ilment ieħor ippreżentat, fl‑1997, mill‑assoċjazzjoni ta’ prestatarji privati ta’ servizzi ta’ kurrier u ta’ kunsinna espressa ta’ posta u ta’ pakketti, il‑Bundesverband Internationaler Express‑und Kurierdienste eV (iktar ’il quddiem il‑“BIEK”).

4        Essenzjalment, UPS Europe u l‑BIEK kienu qegħdin isostnu li d‑DB‑Postdienst kienet abbużat mill‑pożizzjoni dominanti tagħha billi applikat politika ta’ bejgħ b’telf fis‑settur miftuħ għall‑kompetizzjoni tal‑kunsinna ta’ pakketti bieb bieb, politika li kienet iffinanzjata permezz tad‑dħul mill‑bejgħ iġġenerat fis‑settur tat‑trasport tal‑posta (jew tal‑ittri mibgħuta bil‑posta), settur li fih DB‑Postdienst kienet tgawdi minn monopolju legali (iktar ’il quddiem is‑“settur irriżervat”), jew inkella permezz ta’ għajnuna kuntrarja għall‑Artikolu 87 KE.

5        Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Awwissu 1999, ippubblikata f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej fit‑23 ta’ Ottubru 1999 (ĠU C 306, p. 25), il‑Kummissjoni informat lir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja bid‑deċiżjoni tagħha li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 88(2) KE fir‑rigward ta’ diversi miżuri li permezz tagħhom ir‑rikorrenti kienet ibbenefikat minn fondi pubbliċi (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999”), u talbitha tagħtiha numru ta’ dokumenti u informazzjoni.

6        Fl‑20 ta’ Marzu 2001, il‑Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni 2001/354/KE dwar proċedura skont l‑Artikolu 82 KE (Każ COMP/35.141 – Deutsche Post AG) (ĠU L 125, p. 27). Il‑Kummissjoni kkonkludiet li r‑rikorrenti kienet abbużat mill‑pożizzjoni dominanti tagħha fis‑settur tal‑bejgħ b’korrispondenza billi ssuġġettat, mill‑1974 sal‑2000, l‑għoti ta’ tnaqqis minħabba lealtà lill‑klijenti tagħha għall‑kundizzjoni li dawn jintrabtu li jużaw is‑servizzi tagħha fil‑rigward tal‑kunsinni kollha tagħhom jew tal‑parti kbira minnhom u billi pprattikat, mill‑1990 sal‑1995, politika ta’ bejgħ b’telf.

7        Fid‑19 ta’ Ġunju 2002, il‑Kummissjoni adottat id‑Deċiżjoni 2002/753/KE dwar miżuri meħuda mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja favur ir‑rikorrenti (ĠU L 247, p. 27, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tal‑2002”).

8        Id‑deċiżjoni tal‑2002 kienet tinkludi, essenzjalment, raġunament maqsum f’erba’ stadji.

9        Fl‑ewwel stadju, il‑Kummissjoni bdiet billi fakkret li, fid‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, hija kienet qajmet l‑ipoteżi li l‑ħlasijiet riċevuti mid‑DB‑Postdienst u, sussegwentement, mir‑rikorrenti bħala kumpens għall‑funzjoni tagħhom ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem is‑“SIEĠ”) kienu ogħla mill‑ispejjeż addizzjonali netti dovuti għal din il‑funzjoni, filwaqt li kienet ħabbret li kienet ser teżamina ħames miżuri li setgħu jitqiesu li kienu miżuri ta’ għajnuna. Fost dawn il‑miżuri kien hemm, l‑ewwel nett, garanziji mogħtija mill‑Istat li permezz tagħhom ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja għamlitha ta’ garanti għad‑djun li daħlet fih id‑Deutsche Bundespost qabel it‑trasformazzjoni tagħha fi tliet kumpanniji b’responsabbiltà limitata (iktar ’il quddiem il‑“garanziji pubbliċi”), it‑tieni nett, l‑eżistenza ta’ finanzjament pubbliku tal‑pensjonijiet tal‑impjegati tad‑DB‑Postdienst u tar‑rikorrenti u, it‑tielet nett, eventwali għajnuna finanzjarja mill‑Istat favur ir‑rikorrenti (premessi 2, 4, 5 u 7 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

10      Il‑Kummissjoni kompliet billi esponiet l‑osservazzjonijiet tar‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja dwar il‑ħames miżuri li setgħu jitqiesu li kienu miżuri ta’ għajnuna koperti mid‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999 (premessi 12 sa 20 tad‑deċiżjoni tal‑2002). Fir‑rigward tal‑għajnuna finanzjarja mill‑Istat, il‑Kummissjoni indikat li r‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja kienet irrikonoxxiet li d‑DB‑Postdienst u r‑rikorrenti kienu bbenefikaw minn żewġ trasferimenti pubbliċi li kienu jikkonsistu, minn naħa, fl‑għoti ta’ trasferimenti magħmula bejn l‑1990 u l‑1994 mid‑DB‑Telekom, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 37(3) tal‑PostVerfG u, min‑naħa l‑oħra, fir‑rinunzja mid‑DB‑Telekom, fl‑1 ta’ Jannar 1995, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7 tal‑PostUmwG, ta’ kreditu fil‑konfront tar‑rikorrenti (iktar ’il quddiem it‑“trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom”). Il‑Kummissjoni indikat li l‑Gvern Ġermaniż ma kienx qiegħed jinnega li dawn it‑trasferimenti kienu attribwibbli lill‑Istat iżda kien qiegħed isostni li dawn kienu indispensabbli sabiex titwettaq il‑funzjoni ta’ SIEĠ tar‑rikorrenti (premessi 16 sa 20 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

11      Il‑Kummissjoni għalqet billi indikat li, “skont l‑ilmenti ta’ UPS [Europe] u tal‑BIEK, [id‑deċiżjoni tal‑2002] [kienet] tittratta l‑kopertura tal‑ispejjeż fis‑settur miftuħ għall‑kompetizzjoni tas‑servizzi tal‑kunsinna ta’ pakketti bieb bieb” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li l‑eżami tal‑Kummissjoni kellu jikkonċerna b’mod partikolari l‑kopertura tal‑ispejjeż tar‑rikorrenti marbuta maż‑żewġ servizzi prinċipali ta’ kunsinna ta’ pakketti bieb bieb li huma miftuħa għall‑kompetizzjoni: it‑trasport ta’ pakketti indirizzat lil klijentela professjonali u t‑trasport ta’ pakketti bieb bieb għal kumpanniji ta’ bejgħ b’korrispondenza (premessa 21 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

12      Fit‑tieni stadju, il‑Kummissjoni indikat li r‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja kienet informatha li, bejn l‑1990 u l‑1998, ir‑rikorrenti kienet irreġistrat profitt fis‑settur irriżervat u telf fis‑setturi miftuħa għall‑kompetizzjoni, u li, fis‑setturi kollha b’mod ġenerali, kienet irreġistrat bilanċ negattiv. Minn dan hija kkonkludiet li eventwali bilanċ negattiv fis‑settur tal‑pakketti ma kienx ser ikun jista’ jiġi kkumpensat, la mill‑profitt mis‑settur irriżervat u lanqas mid‑dħul iġġenerat permezz tas‑setturi miftuħa għall‑kompetizzjoni (premessi 66 sa 69 u nota ta’ qiegħ il‑paġna 107 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

13      Fit‑tielet stadju, il‑Kummissjoni kkonstatat li t‑telf imġarrab mir‑rikorrenti fis‑settur tal‑pakketti matul il‑perijodu bejn l‑1990 u l‑1998 kellu neċessarjament jiġi kopert permezz ta’ riżorsi pubbliċi u ddeċidiet li teżamina jekk dan it‑telf kienx marbut mal‑funzjoni ta’ SIEĠ tar‑rikorrenti, filwaqt li osservat li, jekk dan it‑telf ma kienx marbut ma’ din il‑funzjoni, ir‑rikorrenti kienet tkun qiegħda tiġi ffavorita, fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE (premessa 72 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

14      F’dan id‑dawl, il‑Kummissjoni kkonstatat li, b’effett mill‑1 ta’ Frar 1994, ir‑rikorrenti kellha, skont il‑punt 3 tal‑Artikolu 2(2) tal‑Postdienst‑Pflichtleistungsverordnung (Regolament dwar il‑prestazzjonijiet obbligatorji) (BGB1. 1994 I, p. 86), il‑possibbiltà, iżda mhux l‑obbligu, li tagħti, fis‑settur tal‑pakketti, traħħis lill‑klijenti tagħha li kellu jwassal għal tariffi inferjuri għat‑tariffa unika stabbilita mill‑Artikolu 1(1) tal‑Postdienst‑Pflichtleistungsverordnung. Hija indikat li, fid‑dawl tat‑traħħis applikat, id‑dħul mill‑bejgħ kien insuffiċjenti mill‑1994 sal‑1999 sabiex ikopri l‑ispejjeż tal‑operat, sitwazzjoni li wasslet għal bilanċ negattiv ta’ DEM 1 118.7 miljuni mingħajr ebda rabta kawżali ma’ funzjoni ta’ SIEĠ (premessi 75 sa 79, 82, 86 u 88 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

15      Il‑Kummissjoni kompliet billi osservat, l‑ewwel nett, li r‑riżorsi użati għall‑finanzjament pubbliku tal‑pensjonijiet kienu jaqgħu taħt il‑kontroll tar‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, it‑tieni nett, fir‑rigward tal‑garanziji pubbliċi, li r‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja kienet tikkontrolla direttament it‑titoli tad‑dejn tar‑rikorrenti u, it‑tielet nett, fir‑rigward tal‑għajnuna finanzjarja mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja favur ir‑rikorrenti, li t‑trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom kellhom jiġu imputati lil dan l‑Istat Membru (premessi 92 sa 94 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

16      Il‑Kummissjoni osservat li, mingħajr it‑trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja kien ikollha tirrikorri għar‑riżorsi tal‑baġit ġenerali sabiex issostni lid‑DB‑Postdienst u lir‑rikorrenti (premessa 95 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

17      Il‑Kummissjoni kompliet billi kkonkludiet li kien hemm distorsjoni tal‑kompetizzjoni u li kien affettwat il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri. Hija kkonkludiet ukoll li l‑għajnuna riċevuta kienet inkompatibbli mas‑suq komuni sa fejn ma kinitx ġustifikata fid‑dawl tal‑Artikolu 87(2) u (3) KE u li l‑ispejjeż addizzjonali netti ta’ DEM 1 118.7 miljuni fis‑settur tal‑pakketti ma setgħux jitqiesu li kienu r‑riżultat tal‑obbligi tal‑funzjoni ta’ SIEĠ tar‑rikorrenti, fis‑sens tal‑Artikolu 86(2) KE (premessi 96 sa 106 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

18      Fir‑raba’ stadju, il‑Kummissjoni kkonkludiet li, sa fejn il‑kumpens mogħti mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja fir‑rigward tal‑ispejjeż addizzjonali kkawżati mill‑politika ta’ bejgħ b’telf kien naqqas l‑ispejjeż normalment marbuta mal‑provvista ta’ servizzi fis‑settur tal‑pakketti bieb bieb, din il‑miżura kienet tikkostitwixxi vantaġġ fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE u għajnuna inkompatibbli mas‑suq komuni li kienet tammonta għal EUR 572 miljun (premessa 107 tad‑deċiżjoni tal‑2002).

19      Id‑dispożittiv tad‑deċiżjoni tal‑2002 huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L‑għajnuna mill‑Istat fl‑ammont ta’ EUR 572 miljun (DEM 1 118.7 miljuni), li [ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja] tat [lir‑rikorrenti], hija inkompatibbli mas‑suq komuni.

Artikolu 2

1.      [Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja] għandha tieħu l‑miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand [ir‑rikorrenti] l‑għajnuna msemmija fl‑Artikolu 1, li ngħatatilha illegalment.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

20      Permezz tas‑sentenza tagħha tal‑1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑266/02, Ġabra p. II‑1233), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li issa saret il‑Qorti Ġenerali) annullat id‑deċiżjoni tal‑2002. L‑appell ippreżentat mill‑Kummissjoni kontra dik is‑sentenza ġie miċħud permezz tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, Ġabra p. I‑7831).

21      Fit‑22 ta’ April 2004, UPS Europe ppreżentat ilment quddiem il‑Kummissjoni fuq il‑bażi tal‑Artikolu 82 KE fejn sostniet li t‑tariffi tar‑rikorrenti fis‑settur irriżervat kienu abbużivi. Il‑Kummissjoni bdiet investigazzjoni f’dan ir‑rigward, investigazzjoni li fil‑kuntest tagħha rċeviet ċerti dokumenti dwar deċiżjonijiet tal‑awtoritajiet Ġermaniżi fir‑rigward ta’ dawn it‑tariffi.

22      Fil‑11 ta’ Mejju 2004, UPS Europe ippreżentat ilment ieħor quddiem il‑Kummissjoni fejn sostniet li l‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni tal‑2002, ma kinitx eżaminat il‑miżuri pubbliċi kollha msemmija fl‑ilment tal‑1994 u li l‑vantaġġi li kienet tgawdi minnhom ir‑rikorrenti kienu ħafna iktar mill‑ammont li l‑Kummissjoni kienet ordnat l‑irkupru tiegħu. Min‑naħa tagħha, fis‑16 ta’ Lulju 2004, TNT Post AG & Co. KG ippreżentat ilment fejn allegat li t‑tariffi tas‑servizzi ffatturati mir‑rikorrenti lill‑kumpannija sussidjarja tagħha, id‑DB‑PostBank, kienu eċċessivament baxxi u li dawn is‑servizzi kienu ffinanzjati permezz tad‑dħul mill‑bejgħ iġġenerat mis‑settur irriżervat. Sussegwentement għal dawn l‑ilmenti, il‑Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, talbiet li twieġbu minn din tal‑aħħar.

23      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2006, il‑Kummissjoni informat lil UPS Europe li ma kienx hemm interess Komunitarju suffiċjenti sabiex tittieħed azzjoni fuq l‑ilment tagħha ppreżentat abbażi tal‑Artikolu 82 KE.

24      Fis‑26 ta’ April 2007, UPS Europe stiednet formalment lill‑Kummissjoni sabiex tieħu l‑miżuri meħtieġa dwar l‑ilment tagħha tal‑11 ta’ Mejju 2004.

25      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ġunju 2007, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja tat il‑kunsens tagħha sabiex l‑informazzjoni mogħtija lill‑Kummissjoni fil‑kuntest tal‑investigazzjoni miftuħa sussegwentement għall‑ilment ta’ UPS Europe tat‑22 ta’ April 2004 tintuża fil‑kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna mill‑Istat.

26      Fit‑3 ta’ Settembru 2007, UPS Europe u UPS Deutschland Inc. & Co. OHG (iktar ’il quddiem imsejħa, flimkien, “UPS”), ippreżentaw rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali, taħt l‑Artikolu 232 KE, intiż sabiex jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni kienet naqset milli tieħu azzjoni sa fejn ma kinitx iddeċidiet dwar l‑ilment ippreżentat fil‑11 ta’ Mejju 2004 (Kawża T‑329/07, UPS Europe u UPS Deutschland vs Il‑Kummissjoni).

27      Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Settembru 2007, il‑Kummissjoni nnotifikat lir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja bid‑deċiżjoni tagħha li tiftaħ il‑proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE fir‑rigward tal‑għajnuna mill‑Istat mogħtija mill‑awtoritajiet Ġermaniżi favur Deutsche Post AG [għajnuna C 36/07 (ex NN 25/07)] (iktar ’il quddiem l‑“att ikkontestat”). L‑att ikkontestat huwa ppubblikat f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Ottubru 2007 (ĠU C 245, p. 21) fil‑lingwa awtentika (il‑Ġermaniż), ippreċedut minn sommarju fil‑lingwi uffiċjali l‑oħra.

28      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Novembru 2007, UPS irrinunzjaw għar‑rikors tagħhom fil‑Kawża T‑329/07, imsemmija fil‑punt 26 iktar ’il fuq. Permezz ta’ digriet tal‑Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 2007, UPS Europe u UPS Deutschland vs Il‑Kummissoni (T‑329/07, mhux ippubblikat fil‑Ġabra), il‑kawża tħassret mir‑reġistru.

29      L‑att ikkontestat huwa maqsum f’diversi punti.

30      Fil‑punt 1 tal‑att ikkontestat, il‑Kummissjoni fakkret il‑proċeduri miftuħa, skont l‑Artikoli 82 KE u 87 KE, kontra r‑rikorrenti wara l‑ilment tal‑1994. Hija invokat il‑ħtieġa li titwettaq investigazzjoni globali dwar id‑distorsjonijiet kollha tal‑kompetizzjoni li jirriżultaw mill‑fondi pubbliċi mogħtija lir‑rikorrenti u lill‑predeċessur tagħha u indikat li l‑proċedura miftuħa permezz tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999 ser tiġi kkompletata sabiex tiġi inkluża l‑informazzjoni li ġiet ikkomunikata reċentement u sabiex tiġi adottata pożizzjoni definittiva dwar il‑kompatibbiltà ta’ dawn il‑fondi mat‑Trattat KE (premessi 1 sa 15 tal‑att ikkontestat).

31      Il‑Kummissjoni enfasizzat li l‑“investigazzjoni addizzjonali” li hija kellha l‑intenzjoni twettaq “b’ebda mod ma [kienet ser] tissostitwixxi d‑deċiżjoni tal‑2002”, liema deċiżjoni tikkonstata li “għajnuna mill‑Istat fl‑ammont ta’ EUR 572 miljuni kienet intużat għas‑sussidju trażversali ta’ attivitajiet kummerċjali, mingħajr ma tiddeċiedi dwar il‑kwistjoni ta’ jekk [ir‑rikorrenti u l‑predeċessur tagħha] kinux irċevew kumpens eċċessiv [għat‑twettiq tal‑funzjoni ta’ SIEĠ tagħhom] minn fondi pubbliċi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il‑Kummissjoni spjegat li hija kellha l‑intenzjoni, fl‑investigazzjoni tagħha, tiddetermina jekk kienx hemm kumpens addizzjonali, minbarra dawn il‑EUR 572 miljuni, u ddikjarat li hija kienet ser teżamina l‑miżuri pubbliċi kollha adottati favur l‑impriżi msemmija bejn l‑1 ta’ Lulju 1989, id‑data meta nħolqot id‑DB‑Postdienst, u l‑31 ta’ Diċembru 2007, id‑data li fiha huwa kkunsidrat li ntemmet il‑funzjoni ta’ SIEĠ tar‑rikorrenti (premessa 15 tal‑att ikkontestat).

32      Fil‑punt 3 tal‑att ikkontestat, intitolat “Deskrizzjoni tal‑miżuri pubbliċi favur id‑DB‑Postdienst u favur [ir‑rikorrenti]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], minn naħa, il‑Kummissjoni indikat essenzjalment li d‑DB‑Postdienst u r‑rikorrenti kienu bbenefikaw mit‑trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom kif ukoll minn garanziji pubbliċi (premessi 25 sa 32, 38 u 39 tal‑att ikkontestat).

33      Min‑naħa l‑oħra, il‑Kummissjoni eżaminat l‑eżistenza tal‑finanzjament pubbliku tal‑pensjonijiet. Fir‑rigward tal‑perijodu bejn l‑1989 u l‑1994, hija indikat li ma kellha ebda informazzjoni li minnha kien jirriżulta li d‑DB‑Postdienst kienet ikkontribwixxiet għall‑finanzjament tal‑pensjonijiet tal‑impjegati tagħha, u għalhekk dan il‑finanzjament ġie preżunt li twettaq esklużivament mill‑Istat Ġermaniż. Fir‑rigward tal‑perijodu bejn l‑1995 u l‑1999, ir‑rikorrenti ttrasferixxiet ammont fil‑fond tal‑pensjoni għall‑uffiċjali tal‑posta li nħoloq fl‑1 ta’ Jannar 1995, skont l‑Artikolu 16(1) tal‑Gesetz zum Personalrecht der Beschäftigen der Früheren Deutschen Bundespost (Postpersonalrechtsgesetz, Liġi tal‑14 ta’ Settembru 1994, dwar il‑persunal ta’ dik li kienet id‑Deutsche Pundespost, BGB1. 1994 I, p. 2325). Issa, skont il‑Kummissjoni, l‑Istat Ġermaniż kien għamel tajjeb għall‑bilanċ negattiv ta’ dan il‑fond. Fl‑aħħar nett, l‑ammont tal‑kontribuzzjonijiet imħallsa mir‑rikorrenti f’dan il‑fond tnaqqas fl‑2000 għal 33 % tas‑salarju gross tal‑uffiċjali fis‑servizz, filwaqt li l‑Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni preċiża fir‑rigward tas‑snin sussegwenti (premessi 40 sa 48 tal‑att ikkontestat).

34      Fil‑punt 6 tal‑att ikkontestat, intitolat “Evalwazzjoni fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ għajnuna mill‑Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l‑ewwel nett, il‑Kummissjoni kkonstatat li kull vantaġġ selettiv mogħti lid‑DB‑Postdienst u lir‑rikorrenti kien joħloq distorsjoni tal‑kompetizzjoni u kien jaffettwa l‑kummerċ bejn l‑Istati Membri. It‑tieni nett, il‑Kummissjoni osservat li t‑trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom u l‑garanziji pubbliċi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE (premessi 72 sa 75 tal‑att ikkontestat). It‑tielet nett, il‑Kummissjoni osservat li l‑finanzjament pubbliku tal‑pensjonijiet kien jinvolvi trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi. Hija indikat li, fir‑rigward tal‑perijodu bejn l‑1989 u l‑1995, id‑“DB‑Postdienst ma kinitx manifestament ikkontribwiet għall‑finanzjament tal‑pensjonijiet tal‑uffiċjali tagħha” u li, fir‑rigward tal‑perijodu bejn l‑1995 u l‑1999, hija “kienet qiegħda tqajjem il‑kwistjoni ta’ jekk [ir‑rikorrenti] kinitx ibbenefikat minn vantaġġ ekonomiku minħabba l‑kundizzjonijiet li fihom kienu ngħataw l‑iskemi ta’ rtirar kmieni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’mod partikolari, il‑Kummissjoni indikat li xtaqet teżamina sa fejn il‑finanzjament pubbliku tal‑pensjonijiet “kien iktar vantaġġjuż [għar‑rikorrenti] milli għal operaturi oħra” wara li rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet sostniet li, sa mill‑1995, ir-rikorrenti kienet “sostniet l‑ispejjeż marbuta mal‑pensjonijiet li l‑ammont tagħhom kien ogħla mis‑somom imħallsa mill‑kompetituri tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 76 sa 78 tal‑att ikkontestat).

35      Fil‑punt 7 tal‑att ikkontestat, intitolat “Evalwazzjoni tal‑konformità tal‑għajnuna mill‑Istat mas‑suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il‑Kummissjoni indikat li hija kienet ser teżamina sa fejn il‑kumpens mogħti lir‑rikorrenti u lill‑predeċessur tagħha kien meħtieġ sabiex tiġi żgurata l‑eżekuzzjoni tal‑funzjoni ta’ SIEĠ li huma kellhom iwettqu bejn l‑1989 u l‑31 ta’ Diċembru 2007 (premessi 80 u 81 tal‑att ikkontestat). Il‑Kummissjoni esponiet il‑metodu ta’ kalkolu li hija kellha l‑intenzjoni tuża f’dan ir‑rigward kif ukoll id‑dħul mill‑bejgħ li hija kellha l‑intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni (premessi 84 sa 104 tal‑att ikkontestat).

36      Fil‑punt 8 tal‑att ikkontestat, intitolat “Deċiżjoni”, il‑Kummissjoni stiednet lir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja sabiex “tesprimi l‑pożizzjoni tagħha f’terminu ta’ xahar minn meta tirċievi [l‑att ikkontestat]” u sabiex “tikkomunika l‑informazzjoni utli kollha għall‑evalwazzjoni legali tal‑miżuri msemmija fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet li jirregolaw l‑għajnuna mill‑Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet

37      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Novembru 2007, ir‑rikorrenti fetħet din il‑kawża.

38      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Frar 2008, UPS talbu sabiex jitħallew jintervjenu insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni.

39      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Lulju 2008, il‑President tal‑Ewwel Awla tal‑Qorti Ġenerali laqa’ t‑talba għal intervent ta’ UPS.

40      Peress li l‑kompożizzjoni tal‑awli tal‑Qorti Ġenerali nbidlet, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lit‑Tmien Awla u, konsegwentement, din il‑kawża ġiet attribwita lil din l‑awla.

41      Wara r‑rapport tal‑Imħallef Relatur, il‑Qorti Ġenerali (It‑Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali u li tagħmel numru ta’ mistoqsijiet lill‑partijiet fil‑kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, skont l‑Artikolu 64 tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali. Il‑partijiet wieġbu għal dawn il‑mistoqsijiet fit‑terminu mogħti.

42      It‑trattazzjoni tal‑partijiet u t‑tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu matul is‑seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2011.

43      Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l‑att ikkontestat;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

44      Il‑Kummissjoni, sostnuta minn UPS, titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id‑dritt

45      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis‑sens tal‑Artikolu 114 tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑Kummissjoni, sostnuta minn UPS, tikkontesta l‑ammissibbiltà tar‑rikors.

46      Insostenn tal‑pożizzjoni tagħha, il‑Kummissjoni tinvoka żewġ argumenti prinċipali. Fl‑ewwel lok, fir‑risposta tagħha hija ssostni li deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat biss jekk tindirizza l‑kwistjoni ta’ jekk għajnuna għandhiex tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida jew eżistenti. Għall‑kuntrarju, din id‑deċiżjoni ma tkunx att li jista’ jiġi kkontestat jekk tindirizza l‑klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill‑Istat. Issa, la r‑rikorrenti u lanqas ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja ma sostnew fi żmien opportun li l‑miżuri eżaminati fl‑att ikkontestat kienu għajnuna eżistenti.

47      Fit‑tieni lok, il‑Kummissjoni sostniet, fit‑tweġiba bil‑miktub tagħha għal mistoqsija magħmula mill‑Qorti Ġenerali u matul is‑seduta, li l‑effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw għar‑rikorrenti mill‑att ikkontestat kienu diġà ġew ipprovokati mid‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999. Skont il‑Kummissjoni, din id‑deċiżjoni kienet tkopri l‑miżuri kollha kklassifikati provviżorjament bħala għajnuna ġdida fl‑att ikkontestat. Fl‑eventwalità li dan l‑att jiġi annullat, dawn il‑miżuri xorta waħda jibqgħu s‑suġġett ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li ilha miftuħa sa mill‑1999. Għaldaqstant, ir‑rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku f’din il‑kawża.

48      Ir‑rikorrenti ssostni li r‑rikors huwa ammissibbli. F’dan ir‑rigward hija ssostni li l‑miżuri koperti mill‑att ikkontestat għandhom jiġu ttrattati bħala għajnuna eżistenti peress li diġà kienu s‑suġġett ta’ proċedura li ngħalqet f’kull aspett permezz tad‑deċiżjoni tal‑2002. Għaldaqstant, sa fejn dawn il‑miżuri qegħdin jiġu kklassifikati bħala għajnuna ġdida fl‑att ikkontestat, ir‑rikors huwa ammissibbli. Sussidjarjament, ir‑rikorrenti ssostni li deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura hija att li jista’ jiġi kkontestat sa fejn tkun qiegħda tiġi kkontestata l‑klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna.

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il‑miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l‑interessi tar‑rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s‑sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ rikors għal annullament fis‑sens tal‑Artikolu 230 KE. B’mod iktar partikolari, meta jkunu involuti atti jew deċiżjonijiet li t‑tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmien ta’ proċedura interna, huma biss, bħala prinċipju, il‑miżuri li jistabbilixxu definittivament il‑pożizzjoni tal‑istituzzjoni fi tmiem din il‑proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl‑esklużjoni tal‑miżuri intermedjarji li jkunu intiżi li jippreparaw id‑deċiżjoni finali (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punti 9 u 10; sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra p. II‑367, punt 42, u tal‑25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, T‑332/06, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 34).

50      Fir‑rigward ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali fir‑rigward ta’ għajnuna mill‑Istat, mill‑ġurisprudenza madankollu jirriżulta li, meta l‑Kummissjoni tikklassifika miżura li tkun qiegħda tiġi eżegwita bħala għajnuna ġdida, tali deċiżjoni jkollha effetti legali awtonomi, b’mod partikolari fir‑rigward tas‑sospensjoni tal‑miżura kkunsidrata (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I‑7303, punt 62; sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑346/99 sa T‑348/99, Ġabra p. II‑4259, punt 33, u Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 49 iktar ’il fuq, punt 34). Din il‑konklużjoni ma tgħoddx biss fil‑każ li l‑miżura li tkun qiegħda tiġi eżegwita titqies mill‑awtoritajiet tal‑Istat Membru kkonċernat bħala għajnuna eżistenti iżda anki fil‑każ li dawn l‑awtoritajiet iqisu li l‑miżura koperta mid‑deċiżjoni ta’ ftuħ ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE (ara s‑sentenza Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, punt 35, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil‑fatt, deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali fir‑rigward ta’ miżura li tkun qiegħda tiġi eżegwita u li tkun ikklassifikata bħala għajnuna ġdida mill‑Kummissjoni tibdel neċessarjament il‑portata legali tal‑miżura kkunsidrata, kif ukoll is‑sitwazzjoni legali tal‑impriżi li jkunu l‑benefiċjarji tagħha, b’mod partikolari fir‑rigward tat‑tkomplija tal‑implementazzjoni ta’ din il‑miżura. Sal‑adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, l‑Istat Membru, l‑impriżi benefiċjarji u l‑operaturi ekonomiċi l‑oħra jistgħu jaħsbu li l‑miżura tkun qiegħda tiġi implementata b’mod legali bħala miżura ġenerali li ma taqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE jew bħala għajnuna eżistenti. Għall‑kuntrarju, wara l‑adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, ikun hemm minn tal‑inqas dubju kunsiderevoli dwar il‑legalità ta’ din il‑miżura, li, bla ħsara għall‑possibbiltà li jintalbu miżuri provviżorji quddiem l‑Imħallef għal miżuri provviżorji, għandu jwassal lill‑Istat Membru sabiex jissospendi l‑applikazzjoni tagħha peress li l‑ftuħ tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali jeskludi deċiżjoni immedjata li tikkonstata l‑kompatibbiltà tal‑miżura inkwistjoni mas‑suq komuni, konstatazzjoni li tfisser li l‑eżekuzzjoni tagħha tkun tista’ titkompla b’mod legali. Tali deċiżjoni tista’ tiġi invokata anki quddiem qorti nazzjonali li tkun mitluba tislet il‑konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill‑ksur tal‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 88(3) KE. Fl‑aħħar nett, tali deċiżjoni tista’ twassal lill‑impriżi benefiċjarji tal‑miżura sabiex fi kwalunkwe każ jirrifjutaw ħlasijiet ġodda, jew vantaġġi ġodda, jew sabiex iwarrbu s‑somom meħtieġa għal eventwali kumpens finanzjarju sussegwenti. Il‑komunità tan‑negozju wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, fir‑relazzjonijiet tagħha mal‑benefiċjarji msemmija, is‑sitwazzjoni legali u finanzjarja prekarja ta’ dawn tal‑aħħar (sentenzi Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 50 iktar ’il fuq, punt 34, u Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 49 iktar ’il fuq, punt 36).

52      Mill‑att ikkontestat jirriżulta li dan ġie adottat bil‑għan li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali fil‑konfront ta’ tliet miżuri, jiġifieri t‑trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom, il‑garanziji pubbliċi u l‑finanzjament pubbliku tal‑pensjonijiet (iktar ’il quddiem il‑“miżuri kontenzjużi”).

53      Kif indikat fil‑punt 34 iktar ’il fuq, fl‑att ikkontestat il‑Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna ġdida t‑trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom u l‑garanziji pubbliċi (premessi 72 sa 75 tal‑att ikkontestat). Fir‑rigward tal‑finanzjament pubbliku tal‑pensjonijiet, il‑Kummissjoni indikat id‑dubji tagħha dwar il‑kwistjoni ta’ kemm dan il‑finanzjament kien ta vantaġġ ekonomiku lir‑rikorrenti (premessi 76 sa 78 tal‑att ikkontestat).

54      Skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punti 49 sa 51 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk l‑att ikkontestat kellux effetti legali awtonomi li jwasslu sabiex dan l‑att ikun jista’ jiġi kkontestat.

55      Għal dan il‑għan għandu jitfakkar li l‑att ikkontestat kien ippreċedut minn deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri d‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999. Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l‑effetti legali allegatament iġġenerati mill‑att ikkontestat kinux, fi kwalunkwe każ, diġa prodotti mid‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, kif issostni l‑Kummissjoni fil‑kuntest tal‑argumenti tagħha dwar l‑inammissibbiltà tar‑rikors (ara l‑punt 47 iktar ’il fuq).

56      Huwa paċifiku bejn il‑partijiet li l‑proċedura formali miftuħa mid‑deiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999 kienet diġà tkopri l‑miżuri kontenzjużi, li, barra minn hekk, huma eżaminati fid‑deċiżjoni tal‑2002.

57      Fil‑fatt, dwar dan il‑punt għandu jiġi rrilevat li l‑Kummissjoni indikat, fil‑premessa 37 tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, li, skont UPS Europe u l‑BIEK, id‑dejn tar‑rikorrenti kien, skont l‑Artikolu 40 tal‑PostVerfG, kopert minn garanzija mill‑Istat limitata, minn wara t‑2 ta’ Jannar 1995, għad‑dejn eżistenti f’dik id‑data. Fil‑premessa 62 tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, il‑Kummissjoni osservat li minn eżami preliminari ta’ din il‑miżura ma setax jiġi konkluż li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat.

58      Il‑Kummissjoni kompliet billi indikat, fil‑premessa 40 tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, li, skont il‑BIEK, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja kienet ħadet responsabbiltà għall‑bilanċ negattiv tal‑fond tal‑pensjoni għall‑uffiċjali tal‑posta, u li dan jikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat favur ir‑rikorrenti. Fil‑premessa 65 tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, il‑Kummissjoni indikat li l‑ispejjeż marbuta mal‑pensjonijiet tal‑ex impjegati tar‑rikorrenti u tal‑predeċessur tagħha kienu jitħallsu minn dan il‑fond u enfasizzat li r‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja kienet għamlet tajjeb għall‑bilanċ negattiv kunsiderevoli mġarrab minn dan il‑fond. Il‑Kummissjoni osservat ukoll li minn eżami preliminari ta’ din il‑miżura ma setax jiġi konkluż li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat.

59      Fl‑aħħar nett, fil‑premessa 63 tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, il‑Kummissjoni indikat li t‑trasferiment mill‑Istat ta’ proprjetà immobbli jew ta’ assi oħra lir‑rikorrenti kellu, bħala prinċipju, jitqies bħala għajnuna mill‑Istat u, għalhekk, kellu jiġi ġġustifikat. Fil‑premessa 80 ta’ din id‑deċiżjoni, il‑Kummissjoni talbet lill‑awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar l‑appoġġ finanzjarju mill‑Istat mogħti lill‑attivitajiet tar‑rikorrenti, filwaqt li ċċitat, fost miżuri oħra, l‑eventwali sussidji li r‑rikorrenti kienet ibbenefikat minnhom, sa fejn tali sussidji jkunu sinjifikattivi fis‑sens tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat KE li jikkonċernaw l‑għajnuna mill‑Istat.

60      Bi tweġiba għat‑talba tal‑Kummissjoni, l‑awtoritajiet Ġermaniżi informawha b’mod iddettaljat dwar l‑eżistenza tat‑trasferimenti magħmula mid‑DB‑Telekom (ara l‑premessi 16 sa 20 tad‑deċiżjoni tal‑2002). Il‑Kummissjoni indikat, bi tweġiba għal mistoqsija tal‑Qorti Ġenerali, li din l‑informazzjoni ngħatatilha fis‑16 ta’ Settembru 1999. Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja kkomunikat ukoll lill‑Kummissjoni osservazzjonijiet dwar il‑kwistjoni ta’ jekk dawn it‑trasferimenti kinux jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat.

61      B’hekk, sa fejn l‑att ikkontestat jikkonċerna l‑istess miżuri bħal dawk li kienu s‑suġġett tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, sa fejn, fil‑kuntest ta’ dik id‑deċiżjoni u tal‑proċedura li segwiet minnha, il‑Kummissjoni kienet diġà qalet li l‑miżuri kontenzjużi setgħu jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑projbizzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE u sa fejn l‑effetti legali awtonomi marbuta ma’ proċedura ta’ investigazzjoni formali kienu għalhekk diġà ġew prodotti sussegwentement għad‑deċiżjoni ta’ ftuħ imsemmija, l‑att ikkontestat ma jistax ikollu tali effetti u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is‑suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil‑fatt, sa mill‑proċedura miftuħa fl‑1999, kien diġà jeżisti minn tal‑inqas dubju kunsiderevoli dwar il‑legalità tal‑miżuri kontenzjużi sa fejn il‑ftuħ tal‑proċedura msemmija kien jeskludi deċiżjoni immedjata li tikkonstata l‑kompatibbiltà mas‑suq komuni, konstatazzjoni li kieku kienet tfisser li l‑eżekuzzjoni tal‑imsemmija miżuri setgħet titkompla b’mod legali u seta’ jittieħed benefiċċju minnhom.

62      Ir‑rikorrenti ssostni madankollu li l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi permezz tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999 kienet ingħalqet f’kull aspett permezz tad‑deċiżjoni tal‑2002. Għall‑kuntrarju, il‑Kummissjoni ssostni li din id‑deċiżjoni kienet għalqet biss parzjalment il‑proċedura msemmija.

63      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din il‑proċedura kinitx ingħalqet fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi qabel l‑adozzjoni tal‑att ikkontestat.

64      Skont l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), applikabbli għall‑proċedura dwar l‑għajnuna illegali bis‑saħħa tal‑Artikolu 13(1) tar‑regolament imsemmi, il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l‑Artikolu 7(2) sa (5) tal‑istess regolament (ħlief fil‑każ li n‑notifika tiġi rtirata mill‑Istat Membru kkonċernat).

65      Mill‑Artikolu 7(2) sa (5) tar‑Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li deċiżjoni li tagħlaq il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali jista’ jkollha erba’ kontenuti differenti, jiġifieri li l‑miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna [Artikolu 7(2)], li l‑miżura msemmija tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas‑suq komuni [deċiżjoni pożittiva, Artikolu 7(3)], li din il‑miżura tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas‑suq komuni bil‑kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet u obbligi [deċiżjoni kundizzjonali, Artikolu 7(4)] jew, fl‑aħħar nett, li l‑miżura msemmija tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas‑suq komuni [deċiżjoni negattiva, Artikolu 7(5)].

66      Minn dawn id‑dispożizzjonijiet jirriżulta li l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni li tikklassifika b’mod espliċitu l‑miżura eżaminata fid‑dawl ta’ waħda mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 7(2) sa (5) tar‑Regolament Nru 659/1999.

67      Issa, mid‑deċiżjoni tal‑2002, b’mod partikolari mill‑premessi tagħha ċċitati fil‑punti 9 sa 16 iktar ’il fuq, jirriżulta li, f’din id‑deċiżjoni, il‑Kummissjoni ma kklassifikatx b’mod espliċitu l‑miżuri kontenzjużi fir‑rigward ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet ħlief għall‑EUR 572 miljuni msemmija fid‑dispożizzjoni tad‑deċiżjoni inkwistjoni. Il‑Kummissjoni sempliċement ikkonstatat, minn naħa, li dawn il‑miżuri kienu jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi favur ir‑rikorrenti u, min‑naħa l‑oħra, li dawn ir‑riżorsi kellhom neċessarjament jintużaw sabiex jiġi rrimedjat il‑bilanċ negattiv maħluq mill‑politika ta’ bejgħ b’telf tar‑rikorrenti fis‑settur tal‑pakketti, ikkalkolat bħala DEM 1 118.7 miljuni, li huwa ekwivalenti għal EUR 572 miljuni, sa fejn ir‑rikorrenti ma setgħetx tiffinanzja l‑bilanċ negattiv inkwistjoni permezz tal‑fondi tagħha stess.

68      Matul is‑seduta l‑Kummissjoni ammettiet li d‑deċiżjoni tal‑2002 ma kinitx tinkludi spjegazzjonijiet li jindikaw li dik kienet deċiżjoni definittiva parzjali fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi u li l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet baqgħet parzjalment miftuħa. Skont il‑Kummissjoni, din id‑deċiżjoni għandha madankollu tiġi interpretata fl‑intier tagħha u d‑dispożittiv tagħha għandu jinqara fid‑dawl tal‑premessi tagħha.

69      F’dan ir‑rigward għandu jiġi osservat li, kif indikat fil‑punt 11 iktar ’il fuq, il‑Kummissjoni enfasizzat, fil‑premessa 21 tad‑deċiżjoni tal‑2002, li din id‑deċiżjoni kienet tikkonċerna l‑kopertura tal‑ispejjeż fis‑settur kompetittiv tas‑servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti bieb bieb.

70      F’din il‑premessa, il‑Kummissjoni ppreċiżat li l‑analiżi li kienet għamlet fid‑deċiżjoni tal‑2002 sabiex tevalwa l‑kompatibbiltà tal‑miżuri kontenzjużi mas‑suq komuni kienet tikkonċerna biss is‑settur tal‑pakketti. F’dan is‑sens, fil‑punt II F tad‑deċiżjoni tal‑2002, intitolat “Ammont tal‑ispejjeż ta’ infrastruttura imputabbli għas‑servizzi tal‑kunsinna ta’ pakketti bieb bieb” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il‑Kummissjoni analizzat biss il‑possibbiltà ta’ spejjeż addizzjonali kkawżati minn funzjoni ta’ SIEĠ f’dan is‑settur. Fil‑punt II G tad‑deċiżjoni tal‑2002, intitolat “Importanza tal‑funzjoni ta’ servizz pubbliku [tar‑rikorrenti] fis‑settur tal‑pakketti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il‑Kummissjoni ma eżaminatx funzjonijiet oħra ta’ SIEĠ tar‑rikorrenti. Fil‑punt II H tad‑deċiżjoni tal‑2002, intitolat “Piżijiet mill‑passat li waqgħu fuq [ir‑rikorrenti] bħala ex impriża pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il‑Kummissjoni analizzat biss l‑impatt fis‑settur tal‑pakketti tal‑piżijiet invokati mir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja u mir‑rikorrenti. Il‑punt III tad‑deċiżjoni tal‑2002, intitolat “Osservazzjonijiet minn terzi interessati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jikkonċerna prinċipalment il‑kummenti magħmula minn terzi fir‑rigward tas‑sitwazzjoni finanzjarja, tal‑aġir kkummerċjali u tal‑ispejjeż addizzjonali marbuta ma’ funzjoni ta’ SIEĠ tad‑DB‑Postdienst u tar‑rikorrenti fis‑settur tal‑pakketti biss.

71      Bl‑istess mod, fid‑deċiżjoni tal‑2002, il‑Kummissjoni analizzat l‑eżistenza ta’ vantaġġ għar‑rikorrenti u għad‑DB‑Postdienst fir‑rigward biss tal‑kopertura tat‑telf tagħhom fis‑settur tal‑pakketti (premessi 66 sa 91 tad‑deċiżjoni tal‑2002). Kienu biss il‑kwistjonijiet tal‑eżistenza ta’ distorsjoni tal‑kompetizzjoni, tal‑impatt fuq il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri u tal‑kompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ dan il‑vantaġġ li ġew eżaminati sussegwentement (premessi 96 sa 106 tad‑deċiżjoni finali tal‑2002).

72      Fl‑aħħar nett, meta fid‑deċiżjoni tal‑2002 il‑Kummissjoni kkonkludiet li miżura li kienet is‑suġġett tal‑proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl‑1999 ma kinitx għajnuna mill‑Istat, hija għamlet dan b’mod espliċitu.

73      Fil‑fatt, fil‑premessa 64 tad‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, il‑Kummissjoni indikat li persuna li lmentat kienet allegat li r‑rikorrenti kienet akkwistat mingħand ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja parti mid‑Deutsche Postbank fl‑1998 billi mill‑prezz tal‑bejgħ tnaqqas kreditu ineżistenti fir‑rigward tal‑Istat Ġermaniż. Il‑Kummissjoni kkunsidrat li minn eżami inizjali tal‑kundizzjonijiet li fihom seħħ dan l‑akkwist ma setax jiġi konkluż li, permezz ta’ dan l‑akkwist, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja ma kinitx tat għajnuna mill‑Istat lir‑rikorrenti. Issa, fil‑premessa 65 tad‑deċiżjoni tal‑2002, il‑Kummissjoni indikat li l‑akkwist tad‑DB‑Postbank mir‑rikorrenti ma kienx involva l‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat.

74      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni, fid‑deċiżjoni tal‑2002, analizzat il‑miżuri kontenzjużi biss sa fejn kienu jikkonċernaw il‑finanzjament ta’ ċerti attivitajiet tar‑rikorrenti marbuta mas‑settur tal‑pakketti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni la eskludiet u lanqas ma kkonfermat, fid‑deċiżjoni tal‑2002, li dawn il‑miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mat‑Trattat KE ħlief għall‑EUR 572 miljuni msemmija fid‑dispożittiv ta’ din id‑deċiżjoni.

75      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li, fil‑mument tal‑adozzjoni tal‑att ikkontestat, il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl‑1999 fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi ma kinitx ingħalqet permezz tad‑deċiżjoni tal‑2002 ħlief fir‑rigward tal‑EUR 572 miljuni msemmija fid‑dispożittiv ta’ din id‑deċiżjoni tal‑aħħar.

76      Huwa minnu li, fid‑deċiżjoni tal‑2002, il‑Kummissjoni setgħet esponiet b’mod iktar ċar sa fejn kienet qiegħda tagħlaq l‑investigazzjoni formali miftuħa bid‑deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999. Madankollu, din il‑konstatazzjoni ma għandhiex impatt fuq l‑analiżi tal‑ammissibbiltà tar‑rikors.

77      Il‑konklużjoni esposta fil‑punt 75 iktar ’il fuq ma hijiex ikkonfutata mis‑sentenza Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 20 iktar ’il fuq, li permezz tagħha l‑Qorti Ġenerali annullat id‑deċiżjoni tal‑2002 wara l‑preżentata tar‑rikors fil‑kawża ineżami. Fil‑fatt, f’dik is‑sentenza, il‑Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il‑kwistjoni ta’ jekk il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl‑1999 fir‑rigward tal‑miżuri kontenzjużi kinitx ingħalqet.

78      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fil‑mument tal‑adozzjoni tiegħu, l‑att ikkontestat la bidel il‑portata legali tal‑miżuri kontenzjużi u lanqas is‑sitwazzjoni legali tar‑rikorrenti.

79      Għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, is‑sentenza Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil‑punt 20 iktar ’il fuq, tapplika ex tunc u għalhekk kellha l‑effett li telimina retroattivament id‑deċiżjoni tal‑2002 mill‑ordinament ġuridiku (ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑171/99, Ġabra p. II‑2967, punt 50, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, dik is‑sentenza b’ebda mod ma tista’ taffettwa l‑konklużjoni li d‑deċiżjoni tal‑2002 ma kellhiex impatt fuq l‑eżistenza ta’ eventwali effetti legali awtonomi prodotti mill‑att ikkontestat.

80      Minn dak kollu li għadu kemm intqal jirriżulta li l‑att ikkontestat ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis‑sens tal‑Artikolu 230 KE. Għaldaqstant ir‑rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l‑ispejjeż

81      Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, kif mitlub mill‑Kummissjoni.

82      UPS għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom skont it‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 87(4) tar‑Regoli tal‑Proċedura.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Deutsche Post AG għandha tbati l‑ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal‑Kummissjoni Ewropea.

3)      UPS Europe NV/SA u UPS Deutschland Inc. & Co. OHG għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, fit‑8 ta’ Diċembru 2011.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.

Top