Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0405

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tal-20 ta' Mejju 2009.
    Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE) vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Applikazzjonijiet għat-trade marks Komunitarji verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD - Raġuni assoluta għal rifjut - Nuqqas parzjali ta’ karattru distintiv - Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
    Każijiet Magħquda T-405/07 u T-406/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-01441

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:164

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

    20 ta’ Mejju 2009 ( *1 )

    “Trade mark Komunitarja — Applikazzjonijiet għat-trade marks Komunitarji verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas parzjali ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

    Fil-Kawżi magħquda T-405/07 u T-406/07,

    Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE), stabbilita fi Strasbourg (Franza), irrappreżentata minn P. Greffe, J. Schouman u L. Paudrat, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

    konvenut,

    li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati, rispettivament, kontra d-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ Lulju 2007 (Każ R 119/2007-1) u tat- (Każ R 120/2007-1), dwar applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tas-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD bħala trade marks Komunitarji,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

    komposta minn J. Azizi (Relatur), President tal-Awla, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

    Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

    wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Novembru 2007,

    wara li rat id-digriet tal-10 ta’ Jannar 2008 li għaqqad il-Kawżi T-405/07 u T-406/07,

    wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Frar 2008,

    wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-1 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti, il-Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE), ippreżentat lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) żewġ applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat. It-trade marks li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom huma s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD. Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 36 u 38 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-, kif rivedut u emendat.

    2

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 u tas-7 ta’ Diċembru 2006, ibbażati fuq l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi kkonċernati kollha. Dawn il-prodotti u servizzi jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 9: apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi, tas-sinjali, ta’ kontroll (spezzjoni), apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni, ir-riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ stampi; diski għar-reġistrazzjoni, aġendi elettroniċi, distributuri awtomatiċi, tejps tal-vidjo (video tapes), magni li jagħtu l-flus, il-biljetti, id-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet, kameras (apparat ċinematografiku), kameras tal-vidjo, kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, kassetts vidjo, CD-ROMs, magni li jaqraw il-kowds ta’ linji (bar codes), diski kompatti (awdjo vidjo), diski ottiċi kompatti, detekters tal-flus foloz, diski flessibbli (floppy disks), tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, skrins tal-vidjo, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmi reġistrati), monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għall-kompjuter, programmi tal-komjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi operattivi rreġistrati (għal kompjuters), apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, apparat tat-televiżjoni, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, apparat għar-reġistrazzjoni tal-ħin, trażmettituri (telekomunikazzjoni), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri);

    klassi 36: affarijiet dwar proprjetà immobbli, assigurazzjoni għall-inċidenti, factoring, affarijiet bankarji, affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji, aġenziji ta’ kreditu, aġenziji ta’ rkupru ta’ dejn, analiżi finanzjarja, assigurazzjonijiet, self għal kera, evalwazzjoni (stima) ta’ proprjetà immobbli, ħruġ ta’ titoli ta’ valur, fond tas-sigurtà soċjali, kostituzzjoni, investiment u kollokament tal-kapital, servizzi ta’ kards ta’ kreditu, servizzi ta’ kards ta’ debitu, sigurtajiet (garanziji), operazzjonijiet ta’ kambju, verifika ta’ ċekkijiet, ħruġ ta’ ċekkijiet tal-ivvjaġġar, konsultazzjoni f’materja finanzjarja, senserija f’assigurazzjonijiet, senserija fi proprjetà immobbli, senserija fil-Borża, kreditu, depożitu ta’ oġġetti ta’ valur, depożiti f’kaxxaforti, tfaddil, stimi u evalwazzjonijiet finanzjarji (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), servizzi ta’ trusts, servizzi ta’ finanzjament, informazzjoni finanzjarja (assigurazzjoni, banek, proprjetà immobbli), servizzi ta’ investiment u kollokament ta’ fondi, trasferiment elettroniku ta’ fondi, amministrazzjoni ta’ patrimonji, informazzjoni finanzjarja, irkupru ta’ kirjiet, assigurazzjoni għall-mard, assigurazzjoni marittima, self b’rahan, operazzjonijiet finanzjarji, operazzjonijiet monetarji, għajnuna (sponsorship) finanzjarju, self (finanzi), tranżazzjonijiet finanzjarji, assigurazzjoni fuq il-ħajja, amministrazzjoni ta’ kontijiet ta’ valur, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji online, servizzi ta’ informazzjoni finanzjarji interattivi informatiċi, bl-esklużjoni, għas-servizzi kollha indikati fl-applikazzjonijiet għal trade mark, tas-servizzi li jikkonċernaw il-kura tas-saħħa u t-teknoloġiji mediċi minn terzi persuni li jħallsu;

    klassi 38: telekomunikazzjonijiet, aġenziji ta’ informazzjoni (ġodda) b’mod partikolari fil-qasam bankarju, komunikazzjonijiet permezz ta’ terminals tal-kompjuters, komunikazzjonijiet radjofoniċi, komunikazzjonijiet telefoniċi, spedizzjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, xandir ta’ programmi tat-televiżjoni, trażmissjonijiet radjofoniċi, trażmissjonijiet televiżivi, informazzjoni dwar telekomunikazzjonijiet, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjonijiet, kiri ta’ apparat għat-trażmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ telefons, sistema elettronika ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi bl-għajnuna ta’ kompjuter, radjotelefonija mobbli, trażmissjoni bis-satellita, servizzi telefoniċi, trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks tal-Internet, tal-Intranet u tal-Extranet, servizzi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni interattivi informatiċi, trażmissjoni ta’ informazzjoni li ġejja bażi ta’ data informatika, servizzi internazzjonali ta’ trażmissjoni ta’ data bejn sistemi informatiċi li jinsabu f’netwerk, trażmissjoni ta’ informazzjoni online, bl-esklużjoni, għas-servizzi kollha indikati fl-applikazzjonijiet għal trade mark, tas-servizzi li jikkonċernaw il-kura tas-saħħa u t-teknoloġiji mediċi minn terzi persuni li jħallsu.

    3

    Fis-16 ta’ Jannar 2007, ir-rikorenti ppreżentat, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, appell kontra d-deċiżjonijiet tal-eżaminatur.

    4

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Lulju 2007 fil-Każ R 119/2007-1 (Kawża T-405/07) u tat- fil-Każ R 120/2007-1 (Kawża T-406/07) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli tar-rikorrenti.

    5

    Insostenn tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ikkonstata, essenzjalment, li, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit minn konsumaturi medji Ewropej li kellhom għarfien tal-lingwa Ingliża. It-termini “p@y” u “pay”, li jfissru “ħallas”, jistgħu jkunu assoċjati mal-qasam tal-Internet u tal-informatika, peress li l-konsumatur medju huwa mdorri juża n-netwerk tal-Internet u l-mezzi ta’ ħlas elettroniċi sabiex jixtri mill-bogħod (punti 15 u 16 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Ir-riferiment dirett u perċepibbli immedjatament minn dan il-konsumatur għan-netwerk tal-Internet, għall-kummerċ elettroniku u għat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi huwa msaħħaħ mill-karattru tipografiku “@” fis-sinjal P@YWEB CARD (punti 15 u 16 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-405/07). Rigward it-terminu “web”, il-Bord tal-Appell irrileva li dan kien użat ta’ spiss sabiex jindika n-netwerk tal-Internet kollu kemm hu. Fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom intlabet ir-reġistrazzjoni, dan it-terminu jinftiehem immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala riferiment dirett għall-Internet u b’mod iktar ġenerali għan-netwerks informatiċi (punti 17 u 18 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Rigward it-terminu “card”, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kien użat ħafna fil-lingwaġġ tal-informatika, finanzjarju u bankarju. Il-konsumatur medju jifhmu bħala riferiment dirett għall-kards ta’ kreditu u, b’mod iktar ġenerali, għall-ismart cards, u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u servizzi inkwistjoni (punti 19 u 20 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Għalhekk, ebda wieħed mill-elementi li jikkomponu t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma għandu karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (punt 21 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

    6

    Barra minn hekk, l-għaqda tat-tliet termini inkwistjoni f’wieħed mhijiex arbitrarja jew inabitwali fl-istruttura tagħha u ma tbiddilx il-perċezzjoni jew il-komprensjoni tagħhom mill-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, it-termini magħquda “p@yweb card” u “payweb card” jagħtu l-impressjoni li s-sens tat-tliet termini li jikkomponuhom huwa eżattament l-istess bħall-espressjoni komposta mill-istess termini mhux magħqudin (punti 22 sa 24 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Għalhekk, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, l-istruttura ta’ dawn it-termini magħquda ma għandhiex differenzi perċettibli meta mqabbla mat-terminoloġija użata fil-lingwaġġ kurrenti li jistgħu jindikaw l-oriġini kummerċjali tagħhom (punt 25 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

    7

    Rigward it-tifsira tat-tliet komponenti tas-sinjali inkwistjoni, il-Bord tal-Appell irrileva li l-konsumatur medju, li huwa f’kuntatt ta’ kuljum mat-teknoloġiji tal-Internet u tal-elettronika, għandu jifhem immedjatament ir-rabta li hemm bejn, minn naħa, dawn it-teknoloġiji u l-prodotti u s-servizzi marbuta magħhom u, min-naħa l-oħra, it-termini “pay” jew “p@y”, “web” u “card”, li jintużaw b’mod komuni fil-lingwaġġ tal-informatika u tal-kummerċ elettroniku (punt 27 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Għalhekk l-għaqda ta’ dawn it-tliet elementi, assoċjata mal-prodotti u mas-servizzi inkwistjoni, tinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala li tindika kard li tista’ tintuża sabiex ikun jista’ jsir xiri permezz tan-netwerk tal-Internet u b’mod iktar ġenerali ta’ teknoloġiji elettroniċi ġodda ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni (punt 28 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

    8

    B’hekk, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni huma intiżi prinċipalment sabiex iħeġġu lill-konsumatur jixtri l-prodotti u juża s-servizzi inkwistjoni sabiex ikun jista’ jagħmel, permezz ta’ kard, ħlasijiet online. Dan jikkonċerna l-“apparat u strumenti fotografiċi, ċinemetagrofiċi, tas-sinjali, ta’ kontroll (spezzjoni), apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni, ir-riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ stampi; diski għar-reġistrazzjoni, aġendi elettroniċi, distributuri awtomatiċi, tejps tal-vidjo (video tapes), magni li jagħtu l-flus, il-biljetti, id-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet, kameras (apparat ċinematografiku), kameras tal-vidjo, kassetts vidjo, CD-ROMs, magni li jaqraw il-kowds ta’ linji (bar codes), diski kompatti (awdjo vidjo), diski ottiċi kompatti, detekters tal-flus foloz, diski flessibbli (floppy disks), tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, skrins tal-vidjo, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmi reġistrati), monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għall-kompjuter, programmi tal-kompjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi operattivi rreġistrati (għal kompjuters), apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, apparat tat-televiżjoni, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, apparat għar-reġistrazzjoni tal-ħin, trażmettituri (telekomunikazzjoni), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri)” li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice. Dawn il-prodotti għandhom kollha l-funzjoni speċifika u neċessarja li jiżguraw l-implementazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bankarji u finanzjarji indispensabbli sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta’ ħlas online (punti 30 u 31 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

    9

    Barra minn hekk, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, moqrija kollha flimkien, jistgħu jservu sabiex jindikaw kemm il-ġeneru kif ukoll il-finalità ta’ “kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni” li jaqgħu fl-istess klassi. Skont il-Bord tal-Appell, dawn il-prodotti huma smart cards li jistgħu jintużaw bħala mezz ta’ ħlas fuq in-netwerk tal-Internet. Barra minn hekk, il-funzjoni speċifika ta’ dawn il-prodotti hija li jiżguraw l-implementazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni online offerti mir-rikorrenti, li huma indispensabbli għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ xiri mill-bogħod. B’hekk, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti relazzjoni diretta u konkreta bejn it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u dawn il-prodotti (punti 32 u 33 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

    10

    Minħabba n-natura purament informattiva u promozzjonali tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni fir-rigward is-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 36 u 38 tal-Ftehim ta’ Nice, huwa diffiċli li huma jiġu perċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn is-servizzi. Dawn is-servizzi kollha għandhom bħal suġġett prinċipali jew aċċessorju servizzi ta’ telekomunikazzjoni elettronika, inklużi dawk provduti min-netwerk tal-Internet, kif ukoll servizzi online fil-qasam bankarju, fil-qasam finanzjarju u fil-qasam ta’ assigurazzjoni (punt 34 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Rigward servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jagħtu messaġġ informattiv ċar, jiġifieri li l-informazzjoni u l-operazzjonijiet relattivi għas-servizzi inkwistjoni jistgħu jinkisbu u jitwettqu mill-bogħod grazzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kard ta’ ħlas imqabbda mal-Internet jew ma’ netwerk tal-informatika inġenerali. Barra minn hekk, peress li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38 jirrigwardaw proċessi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni elettronika, huma għandhom rabta immedjata mat-tħaddim u mal-użu tan-netwerk tal-Internet u, b’mod iktar ġenerali, ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni (punti 35 u 36 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

    11

    Minn dan jirriżulta li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, moqrija kollha flimkien, huma prinċipalment ipperċepiti bħal preżentazzjoni kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni u li huma għandhom il-funzjoni prinċipali, jekk mhux esklużiva, li jindikaw lill-konsumatur ikkonċernat li quddiemu għandu prodott jew servizz li jippermettulu jagħmel, permezz ta’ kard, operazzjonijiet ta’ ħlas online (punt 37 tad-deċiżjonijiet kontestati).

    12

    Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-eżaminatur ġustament kien ikkunsidra li r-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kienet tipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni. Huwa kkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm għalfejn tiġi deċiża l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 7(1)(ċ) tal-imsemmi regolament (punti 39 u 40 tad-deċiżjonijiet ikkontestati).

    It-talbiet tal-partijiet

    13

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

    tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha li jaqgħu fil-klassijiet 9, 36 u 38 skont il-Ftehim ta’ Nice.

    14

    Fis-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti spjegat li hija kienet qegħdha titlob biss l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li hija kienet qegħdha tirrinunzja għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, u dan ġie rreġistrat fil-verbal tas-seduta.

    15

    L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundana lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    1. L-argumenti tal-partijiet

    16

    Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Arrtikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    17

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-terminu “pay” jew “p@y” jagħmel riferiment għall-verb “ħallas” u ma għandu ebda rabta mal-oqsma tal-Internet u tal-informatika. Barra minn hekk, fil-każ tas-sinjal P@YWEB CARD, l-element “p@y” mhuwiex abitwali u sorprendenti minħabba l-preżenza tas-sinjal @.

    18

    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna t-terminu “web”, ir-rikorrenti ssostni li l-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż jifhem dan it-terminu prinċipalment bħala li jindika xibka, netwerk ta’ xbieki jew labirint u, b’analoġija, kull grupp jew netwerk kumpless li jinkludi konnessjonijiet u ramifikazzjonijiet u mhux bħala referenza diretta għall-Internet jew għal netwerks informatiċi. It-terminu “web” jista’ jiġi assoċjat mal-Internet u ma’ netwerks oħra ta’ telekomunikazzjoni biss bħala taqsira tal-espressjoni “world wide web” u, f’dan il-każ, ikun dejjem preċedut mill-artiklu definit “the”.

    19

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu “card” ifisser, l-ewwel nett, biċċa karta jew kartuna u ma jinftehimx mill-konsumatur bħala riferiment għall-qasam tal-informatika, għall-qasam bankarju jew għall-qasam finanzjarju.

    20

    Ir-raba’ nett, rigward it-terminu magħqud inabitwali “payweb” jew “p@yweb”, li ż-żewġ elementi tiegħu ma jappartjenux lill-istess qasam u jevokaw kunċetti differenti, ir-rikorrenti ssostni li dan it-terminu magħqud ma għandu ebda sens dirett, ċert u immedjat identifikabbli għall-konsumatur li jitkellem bl-Ingliż tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati u għalhekk għandu karattru distintiv. Dan jgħodd ukoll għall-għaqda tal-elementi “pay” jew “p@y”, “web” u “card” kollha flimkien, li teħtieġ analiżi fil-fond u mhijiex konformi mar-regoli sintattiċi Ingliżi.

    21

    Għalhekk, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni huma termini magħquda arbitrarji fir-rigward tal-prodotti u s-servizi kkonċernati minħabba l-assoċjazzjoni inabitwali u partikolari tat-termini “pay” jew “p@y”, “web” u “card” u huma nieqsa minn sinjifikat identifikabbli b’mod ċar u immedjat. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell seta’ jasal għall-konklużjoni tiegħu biss permezz ta’ raġunament kumpless, li l-konsumatur medju raġonevolment attent ma jagħmilx. Meta jiġi kkunsidrat li ma għandhomx sinjifikat dirett, ċert u immedjat għall-pubbliku rilevanti, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala deskrittivi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom u huma distintivi fir-rigward tagħhom.

    22

    F’dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice, kif inhuma msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tiċħad bħala manifestament żbaljata d-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell li dawn il-prodotti kollha għandhom il-funzjoni speċifika u neċessarja li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u ta’ servizzi bankarji u finanzjarji indispensabbli sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta’ ħlas online. Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma jistgħux jiġi perċepiti mill-pubbliku rilevanti bħal indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom. Huwa biss permezz ta’ raġunament kumpless, li l-konsumatur medju raġonevolment attent ma jagħmilx, li l-Bord tal-Appell seta’ jikkonkludi li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

    23

    Rigward il-prodotti l-oħra li jaqgħu fil-klassi 9, kif iċċitati fil-punt 9 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tikkunsidra, essenzjalment għar-raġunijiet spjegati fil-punti 21 u 22 iktar ’il fuq, li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell hija wkoll manifestament żbaljata. Fl-aħħar nett, għal raġunijiet analogi, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar is-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 36 u 38 skont il-Ftehim tal-Nice hija, wkoll, manifestament żbaljata.

    24

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti tikkonkludi li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għandhom karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati kollha u li ma għandhomx karattru deskrittiv.

    25

    L-UASI jitlob li r-rikors jiġi miċħud essenzjalment għar-raġuni li, moqrija fit-totalità tagħhom, it-trademarks li għalihom saret l-applikazzjoni jkunu pperċepiti, minn naħa, bħala kard ta’ ħlas għal tranżazzjonijiet elettroniċi fuq l-Internet u, min-naħa l-oħra, bħala kard li tippermetti aċċess bi ħlas għall-Internet.

    26

    Rigward l-ewwel wieħed minn dawn is-sinjifikati, l-UASI jsostni li s-sinjali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD jiddeskrivu direttament in-natura u/jew l-għan tal-kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu kif ukoll kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur u kards manjetiċi li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice, sa fejn jistgħu jintużaw bħala kards ta’ ħlas. L-istess raġunament japplika għas-servizzi ta’ kards ta’ kreditu u għas-servizzi ta’ kards ta’ debitu li jaqgħu fil-klassi 36 u, b’mod iktar ġenerali, għas-servizzi kollha tal-proprjetà immobbli jew dawk finanzjarji indikat mit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, li l-għan tagħhom ikun, b’mod partikolari, it-trasferiment ta’ flus. Dan is-sinjifikat jiddeskrivi wkoll il-funzjoni tal-prodotti tal-informatika kollha li jaqgħu fil-klassi 9 kif ukoll tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 38, li huma l-aċċessorji neċessarji għall-implementazzjoni ta’ sistema tal-informatika ta’ ħlas bl-Internet.

    27

    Dwar it-tieni wieħed minn dawn is-sinjifikati, l-UASI jsostni li dan jiddeskrivi n-natura u l-funzjoni tal-kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 9, peress li dawn il-prodotti jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni ta’ utent tal-Internet sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata jew tat-tranżazzjonijiet magħmula fuq l-Internet. Dan jgħodd ukoll għat-tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku u għat-tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku li jaqa’ fl-istess klassi, sa fejn dan it-tagħmir jista’ jkollu l-forma ta’ kards u jista’ jippermetti aċċess bi ħlas għall-Internet. Dan is-sens jiddeskrivi wkoll il-funzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jaqgħu fil-klassi 38.

    28

    It-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jiddeskrivu funzjoni ta’ dawn is-servizzi kollha li jista’ jkollhom l-aspett komuni li jirċievu u jittrażmettu (bi ħlas) informazzjoni bl-Internet. Dan jikkonċerna s-servizzi ta’ komunikazzjoni radjofonika, ta’ xandir ta’ programmi tat-televiżjoni, ta’ trażmissjoni radjofonika, ta’ trażmissjoni televiżiva, ta’ radjotelefonija mobbli, ta’ trażmissjoni bis-satellita, is-servizzi telefoniċi, peress li huwa magħruf li l-Internet jippermetti li jiġu rċevuti xandiriet tar-radju u tat-televizjoni kif ukoll komunikazzjonijiet telefoniċi.

    29

    Għalhekk, skont l-UASI, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jinftiehmu bħala indikazzjoni tan-natura, tal-għan u/jew tal-modi ta’ tħaddim tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni pjuttost milli bħala riferiment għall-oriġini kummerċjali tagħhom. Ebda wieħed mill-elementi tagħhom ma jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jimmemorizzahom faċilment u immedjatament bħala trade marks distintivi għal dawn il-prodotti u dawn is-servizzi.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    Osservazzjonijiet dwar il-bażijiet legali u l-ġurisprudenza rilevanti

    30

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi rrifjutata għal “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”.

    31

    Il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jikkoinċidi mal-funzjoni essenzjali tat-trademark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trademark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C-304/06 P, Ġabra p. I-3297, punt 56, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

    32

    B’hekk, ma tkunx ta’ karattru distintiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni t-trade mark li tippermetti li l-prodott jew is-servizz li għalih tkun intalbet ir-reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li ġej minn impriża speċifika u għalhekk li dan il-prodott jew dan is-servizz jiġi distint minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 34). Għal dan il-għan, mhuwiex meħtieġ li t-trade mark tittrażmetti informazzjoni preċiża dwar l-identità tal-manifattur tal-prodotti jew tal-prestatarju tas-servizzi. Huwa biżżejjed li t-trade mark tippermetti li l-pubbliku kkonċernat jiddistingwi l-prodott jew is-servizz li hija tindika minn dawk li jkollhom oriġini kummerċjali oħra u li jikkonkludi li l-prodotti u s-servizzi kollha li hija tindika huma prodotti, kummerċjalizzati jew provduti taħt il-kontroll tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, li lilu tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-, Inter-IKEA vs UASI (Stampa ta’ paletta), T-387/06 sa T-390/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata].

    33

    Għall-kuntrarju, mhumiex ta’ karattru distintiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sinjali li ma jippermettux lill-pubbliku kkonċernat li jerġa’ jixtri, jekk l-ewwel esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li ma jerġax jixtri, jekk tirriżulta negattiva, meta jiġi biex jerġa’ jixtri l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, ta’ sinjali li jintużaw b’mod komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, dawn is-sinjali ma jitqisux kapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Pim’Istanza, tat-12 ta’ Marzu 2008, Compagnie générale de diététique vs UASI (GARUM), T-341/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 29, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata].

    34

    Fl-aħħar nett, il-karattru distintivu għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni tagħhom li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza Stampa ta’ paletta, iċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

    Fuq il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni

    Osservazzjonijiet ġenerali

    35

    Rigward, l-ewwel nett, id-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 36 u 38 skont il-Ftehim ta’ Nice, li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni f’dan il-każ, jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-elettronika, l-informatika, l-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, l-apparat u tagħmir elettroniku, tal-informatika u ta’ telekomunikazzjoni kif ukoll tranżazzjonijiet kummerċjali li jaqgħu fil-qasam finanzjarju, fil-qasam bankarju, fil-qasam ta’ assigurazzjoni u fil-qasam ta’ proprjetà immobbli, li huma mitluba mill-konsumaturi medji Ewropej kollha. Peress li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni huma magħmula minn tliet termini li ġejjin mil-lingwa Ingliża u peress li l-użu ta’ din il-lingwa huwa frekwenti fil-qasam finanzjarju, fil-qasam bankarju, fil-qasam elettroniku, u fil-qasam tal-informatika, li fihom jaqgħu l-klassijiet msemmija iktar ’il fuq, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż u li għandu għarfien elementari tal-lingwa Ingliża, li, fi kwalunkwe każ, jirrappreżenta parti kbira ħafna mill-pubbliku rilevanti Ewropew.

    36

    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell analizzax b’mod korrett is-sinjifikat tat-tliet komponenti tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, meħuda separatament u kollha flimkien, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, sabiex jikkonkludi li mhumiex ta’ karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni.

    37

    Kif ippreċiżat il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ sinjali verbali komposti, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni s-sinjifikat rilevanti tagħhom, stabbilit abbażi tal-elementi kollha li jiffurmaw dawn is-sinjali, u mhux is-sinjifikat ta’ wieħed biss minn dawn l-elementi [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Novembru 2007, RheinfelsQuellen H. Hövelmann vs UASI (VOM URSPRUNG HER VOLLKOMMEN), T-28/06, Ġabra p. II-4413, punt 32]. Fir-rigward ta’ tali trade mark komposti, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom ma tistax tkun limitata għal analiżi ta’ kull wieħed mit-termini jew mill-elementi tagħhom, meħuda separatament, iżda għandha, f’kull każ, tkun ibbażat fuq il-perċezzjoni globali li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dawn it-trade marks u mhux fuq il-preżunzjoni li xi elementi li, waħedhom, mhumiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux, meta jinġabru flimkien, ikollhom tali karattru distintiv. Fil-fatt is-sempliċi fatt li ebda wieħed minn dawn l-elementi, ikkunsidrat separatament, ma jkollu karattru distintiv ma jeskludix li l-għaqda ta’ dawn l-elementi jista’ jkollha tali karattru distintiv (sentenza Eurohypo vs UASI, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punt 41). Fi kliem ieħor, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk trade mark hijiex jew le ta’ karattru distintiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li hija tipproduċi, ħaġa din li madankollu tista’ timplika li inizjalment, waqt din l-evalwazzjoni globali, jsir eżami suċċessiv tad-diversi elementi li jifformaw din it-trade mark (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-, Develey vs UASI, C-238/06 P, Ġabra p. I-9375, punt 82).

    38

    Għalhekk it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma għandhomx jiġu eżaminati biss fir-rigward tad-diversi elementi li jifformawhom u tar-relazzjonijiet bejniethom iżda wkoll kollha flimkien.

    Fuq it-tliet elementi li jifformaw it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u r-relazzjonijiet bejniethom

    39

    Rigward it-terminu Ingliż “pay” jew “p@y”, il-Bord tal-Appell korrettement ikkonstata li dan it-terminu jfisser “ħallas”, filwaqt li s-sostituzzjoni tal-ittra “a” bis-sinjal tipografiku “@” — li jikkonsisti biss fl-ittra żgħira “a” bil-korsiv imdawwra b’ċirku — ma għandhiex effett sostanzjali fuq il-mod kif tinftiehem mill-konsumatur medju. Kif sostna l-UASI, il-fatt li, bil-lingwa Ingliża, din il-kelma tintuża bħala verb ma jimpedixxix li tintuża bħal nom (sostantiv), bħal fit-termini magħquda “payTV” jew “payphone”. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, mill-perspettiva tal-pubbliku medju, it-terminu “pay” jew “p@y” għandu konnotazzjoni finanzjarja u bankarja qawwija.

    40

    Huwa wkoll b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa, it-terminu “pay” jew “p@y” u, min-naħa l-oħra, il-qasam tal-informatika u tal-Internet. Rigward it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-Kawża T-405/07, din ir-rabta tirriżulta mis-sempliċi fatt li t-terminu “p@y” għandu @, li fiha nnifisha tevoka l-Internet u, b’mod partikolari, l-e-mails, jiġifieri komunikazzjonijiet elettroniċi skambjati fuq in-netwerk tal-Internet.

    41

    Barra minn hekk, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jgħaqqdu t-terminu “pay” jew “p@y” mat-termini “web” u “card”, filwaqt li r-rabtiet bejn it-termini “pay” jew “p@y” u “web” huma b’mod partikolari qawwija peress li huma magħquda f’kelma waħda. Għalhekk, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-konnotazzjoni informatika tat-terminu “web” (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punt 16 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-terminu “pay” jew “p@y” immedjatament bħala marbut mal-Internet u mal-attività tal-ħlas elettroniku, u dan hu b’mod partikolari l-każ meta jkun hemm xiri mill-bogħod jew aċċess bi ħlas għal netwerk ta’ komunikazzjoni.

    42

    Rigward it-terminu “web”, it-teżi tar-rikorrenti li dan it-terminu jfisser prinċipalment “xibka”, “netwerk ta’ xibka” jew “labirint” u ma għandux rabta suffiċjenti mal-qasam tal-informatika jew ma’ dak tal-Internet għandha tiġi miċħuda. Fil-ġurnata tal-lum, it-terminu “web” jagħmel parti mill-vokabularju tal-informatika Ingliż bażiku u jagħmel riferiment għall-Internet, li tikkostitwixxi infrastruttura elettronika u informatika dinjija, magħrufa b’mod komuni u użata ħafna. Dan huwa kkonfermat mill-abbrevjazzjoni tal-ismijiet ta’ dominju “www”, li tindika l-espressjoni sinonima “world wide web”, jew minn espressjonijiet bħal “surf the web”, li jikkaratterizzaw operazzjonijiet ta’ navigazzjoni fuq in-netwerk tal-Internet. Għalhekk, il-Bord tal-Appell korrettement ikkonstata, fil-punti 17 u 18 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li t-terminu “web” huma mifhum mill-ewwel mill-konsumatur medju bħala riferiment dirett għall-Internet u, b’mod iktar ġenerali, għan-netwerks informatiċi.

    43

    Rigward it-terminu “card”, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li, fl-Ingliż kurrenti, dan it-terminu ħafna drabi jagħmel riferiment għall-kards ta’ kreditu jew ta’ debitu u għall-kards bankarji inġenerali, inklużi smart cards (punti 19 u 20 tad-deċiżjonijiet ikkontestati). Din il-konnotazzjoni finanzjarja u bankarja mhijiex ikkontestata mill-fatt li d-dizzjunarji prinċipali u ġenerali bl-Ingliż jiddefnixxu dan it-terminu wkoll bħala li jindika biċċa karta jew kartuna. F’dan il-każ, din il-konnotazzjoni hija msaħħa iktar b’mod partikolari fid-dawl tal-għaqda tat-terminu “card” mat-terminu “pay” jew “p@y”, anki jekk, fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, dawn it-termini huma separati bi spazju.

    44

    Barra minn hekk, ma tistax tintlaqa’ t-teżi tar-rikorrenti li ma hemmx rabta bejn it-terminu “card” u l-qasam tal-informatika jew tal-Internet. Fil-fatt, b’mod partikolari, il-fatt li jista’ jkun hemm aċċess, permezz ta’ kard, jekk ikun il-każ bi ħlas, għal netwerk ta’ komunikazzjoni bl-użu ta’ terminal elettroniku pubbliku jew privat u li jistgħu jsiru tranżazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji fuq dan in-netwerk jew il-fatt li jista’ jsir xiri ta’ servizzi jew prodotti online grazzi għal kard ta’ kreditu saru fenomeni ferm mifruxa għall-konsumatur medju Ewropew [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-25 ta’ Novembru 2008, CFCMCEE vs UASI (SURFCARD), T-325/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 56 u 67].

    45

    Għalhekk, fid-dawl tas-sinjifikat tat-terminu “pay” jew “p@y” (ħallas) u tar-rabta stretta tiegħu, minn naħa, mat-terminu “web” li huwa magħqud miegħu u, min-naħa l-oħra, mat-terminu “card”, li jfisser, b’mod partikolari, kard bankarja jew kard ta’ kreditu jew ta’ debitu, il-konsumatur medju, meqjus normalment informat u raġonevolment attent u avżat, neċessarjament jasal sabiex jassoċja dawn it-tliet elementi differenti, mingħajr riflessjoni fil-fond, kemm mal-qasam finanzjarju u ma’ dak bankarju fis-sens wiesgħa kif ukoll mal-qasam tal-informatika u ma dak tal-Internet.

    Fuq l-evalwazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni kollha flimkien

    46

    Għandu jiġi rrilevat li s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD huma magħmula minn nom prinċipali (card) u minn żewġ nomi kwalifikattivi (pay jew p@y u web). In-nom prinċipali huwa separat bi spazju miż-żewġ nomi kwalifikattivi, li huma magħquda f’kelma waħda. Kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-istruttura ta’ dan it-terminu magħqud ma għandhiex natura inabitwali u hija għal kollox konformi mar-regoli lessikali u sintattiċi tal-lingwa Ingliża, l-istess bħal neoloġiżmi bħal “payphone” jew “payTV”, li jintużaw, b’mod partikolari, fil-qasam tal-informatika, fil-qasam elettroniku, fil-qasam tal-tal-medja u f’dak tat-telekomunikazzjonijiet imsemmija fil-klassijiet 9, 36 u 38 skont il-Ftehim ta’ Nice (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, put 53).

    47

    F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li t-termini magħquda “p@yweb” u “payweb”, li jistgħu jindikaw infrastruttura elettronika jew tal-informatika bi ħlas kif ukoll servizzi bi ħlas offerti f’dan il-kuntest, ma jistgħux joħolqu impressjoni inabitwali jew arbitrarja tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni mill-perspettiva tal-konsumatur medju. Dan huwa iktar u iktar veru meta dawn it-termini magħquda huma kkompletati mit-terminu “card”, li jindika mezz ta’ ħlas li jista’ jintuża fil-kuntest ta’ din l-infrastruttura jew għall-finijiet tax-xiri ta’ dawn is-servizzi (ara l-punti 43 u 45 iktar ’il fuq).

    48

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, fil-punt 24 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sens tat-termini magħquda “p@yweb card” u “payweb card” mhuwiex differenti minn dak tal-espressjoni komposta mill-istess termini mhux magħquda u li, għalhekk, dawn it-termini magħquda mhumiex fihom infushom inabitwali jew arbitrarji.

    49

    Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti, imressaq insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża T-405/07, li t-trade mark verbali P@YWEB CARD għandha karattru distintiv peress li l-ittra “a” hija ssostitwita mis-sinjal tipografiku “@”, ħaġa din li hija inabitwali u sorprendenti għall-konsumatur medju. Mil-lat kunċettwali, is-sinjal @ ma jikkostitwixxix element ta’ fantasija ta’ din it-trade mark li jagħti lok għal differenza perċepibbli fil-konfront tat-terminoloġija użata fil-lingwaġġ ta’ kuljum tal-pubbliku rilevanti, jiġifieri t-terminu “pay”. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Internet u tal-informatika, kuntest li f’dan il-każ ma jistax jiġi evitat peress li hemm it-terminu magħqud “web”, il-konsumatur medju mhuwiex iggwidat sabiex jagħti attenzjoni partikolari lis-sinjal @, li l-aspett figurattiv tiegħu jikkostitwwixxi biss varjant ta’ stil tal-ittra “a” (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ammettiet li t-terminu “p@y” jista’ jitqarreb lejn il-verb “pay”, li jfisser “ħallas”.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell seta’ validament jikkunsidra, essenzjalment, li l-pubbliku rilevanti li jitkellem bl-Ingliż jipperċepixxi immedjatament it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, kemm fid-dettalji tagħhom kif ukoll kollha flimkien, bħala kards li jippermettu jew aċċess bi ħlas għal netwerk ta’ komunikazzjoni informatika jew elettronika, bħall-Internet, jew ħlas elettroniku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali magħmula permezz ta’ tali netwerk.

    51

    Fid-dawl ta’ din il-perċezzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni mill-pubbliku rilevanti, għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmija trade marks għandhomx jew le karattru suffiċjentement distint fir-rigward tad-diversi prodotti u servizzi kkonċernati li jaqgħu fil-klassijiet 9, 36 u 38 tal-Ftehim ta’ Nice.

    Fuq in-natura distintiva tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati

    Osservazzjonijiet preliminari

    52

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, b’mod partikolari, is-sinjali użati b’mod komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati ma għandhomx karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li jitqiesu inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz sabiex il-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz indikat mit-trade mark ikun jista’, meta jerġa’ jagħmel akkwist, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun pożittiva jew jagħmel għażla oħra jekk tkun negattiva (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar’il fuq).

    53

    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, rigward in-natura tal-konnessjoni li hemm bejn, minn naħa, is-sinjali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra, fil-punti 30 sa 37 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-konsumatur medju jipperċepixxi t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni prinċipalment bħala preżentazzjoni kummerċjali ta’ natura ta’ reklamar tal-imsemmija prodotti u servizzi li ma tippermettilux li jidentifika l-oriġini kummerċjali tagħhom. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati li jaqgħu fil-klassijiet 9, 36 u 38 skont il-Ftehim ta’ Nice huma varjati ħafna u jaqgħu taħt diversi gruppi u kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi.

    54

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali rigward l-applikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104 /KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, 1989 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 92), applikabbli b’analoġija f’din il-kawża peress li l-kontenut leġiżlattiv ta’ din id-dispożizzjoni huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-, Suez vs UASI (Delivering the essentials of life), T-128/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33, u tat-, Eurocopter vs UASI (STEADYCONTROL), T-181/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42; ara wkoll is-sentenza Develey vs UASI, iċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, punti 91 u 92] jirriżulta li, minn naħa, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni li biha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha, bħala prinċipju, tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jirriżulta wkoll mir-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni ta’ awtorità li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt rikonoxxut mid-dritt Komunitarju għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minħabba f’hekk, għandu jirrigwarda l-legalità tal-motivi. Madankollu, meta l-istess raġuni għal rifjut titqajjem għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, din l-awtorità tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-, BVBA Management, Training en Consultancy, C-239/05, Ġabra p. I-1455, punti 34 sa 37).

    55

    Madankollu, il-possibbiltà li l-UASI jagħti motivazzjoni globali dwar l-applikazzjoni ta’ raġuni assoluta għal rifjut għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew servizzi ma għandhiex tippreġudika l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont l-Artikolu 253 KE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, li huwa li deċiżjoni li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ Novembru 2007, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI — Lidl Stiftung (VITAL FIT), T-111/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62]. Għalhekk, għandu jiġi rikjest li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jkollhom bejniethom rabta diretta u konkreta suffiċjenti, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenei biżżejjed sabiex l-UASI jkun jista’ jagħti tali motivazzjoni globali [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-, Gagliardi vs UASI — Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU MANU), T-392/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 91 u 92]. Issa, is-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nice mhuwiex suffiċjenti għal dan il-għan, peress li dawn il-klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom.

    56

    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li jammontaw għal ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 253 KE, jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ April 2008, Dainichiseika Colour & Chemicals Mfg. vs UASI — Pelikan (Stampa ta’ pellikan), T-389/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 85, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata].

    57

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Bord tal-Appell eżaminax u mmotivax, b’mod suffiċjenti, in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li, bħala prinċipju, minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I), T-441/05, Ġabra p. II-1937, punt 42], huwa iktar u iktar importanti li l-UASI josserva dan l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-imsemmija prodotti u servizzi kolha.

    Fuq il-prodotti msejħa “kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’ mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu”, “tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku” u “mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni” li jaqgħu fil-klassi 9

    58

    Għandu jitfakkar li, fil-punti 32 u 33 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ikkonstata, essenzjalment, dwar il-prodotti msejħa “kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’ mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni” li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice, li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, moqrija kollha flimkien, jistgħu jservu sabiex jindikaw kemm il-ġeneru kif ukoll il-finalità ta’ dawn il-prodotti, peress li dawn il-prodotti jikkostitwixxu “smart cards”. Barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, il-fatt li jkunu marbuta mal-ħlas fuq in-netwerk tal-Internet huwa kwalità, jew saħansitra karatteristika essenzjali ta’ dawn il-prodotti, li l-funzjoni speċifika u neċessarja tagħhom hija li tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni online u t-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ xiri mill-bogħod.

    59

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn dawn il-prodotti jkollhom il-forma ta’ kard b’tejp manjetiku, b’mikroproċessur jew b’ċipp li kapaċi tirreġistra u tittrażmetti informazzjoni bl-għajnuna ta’ strument (diġitali) ta’ qari u ta’ pproċessar ta’ data, karatteristika li ma ntwerietx fir-rigward tat-“tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku” (ara l-punti 63 sa 65 iktar ’il quddiem), l-imsemmija prodotti jikkostitwixxu, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u minħabba l-funzjonijiet simili, jew saħansitra identiċi, tagħhom, grupp omoġeneu ta’ prodotti. Fil-fatt, minn naħa, huma jippermettu t-trasferiment ta’ informazzjoni u ta’ data, li huma reġistrati fuqhom, fi ħdan netwerk ta’ komunikazzjoni, bħall-Internet, netwerk bil-cable jew bis-satellita, lil prestatarju ta’ servizzi, b’mod partikolari fornitur ta’ aċċess għall-Internet, operatur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni jew ta’ servizzi televiżivi, sabiex ikun jista’ jidentifika l-possessur tagħhom kif ukoll id-dritt ta’ aċċess tiegħu. Min-naħa l-oħra, dawn il-kards jippermettu lill-possessur tagħhom, jekk ikun il-każ bi ħlas, li jkollu aċċess għan-netwerk ta’ komunikazzjoni inkwistjoni sabiex jiġu trażmessi, jiġu rċevuti u jiġu rreġistrati informazzjoni u data oħra u li jwettaq ċerti tranżazzjonijiet online, inkluż ħlas elettroniku waqt xiri mill-bogħod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 64). Huwa wkoll veru li “mekanniżmi ta’ ħlas minn qabel għal apparat ta’ televiżjoni” sa fejn dawn il-mekkaniżmi, bħal decoder jew riċevituri ta’ programmi televiżivi bi ħlas offerti fuq netwerk tal-cable jew tas-satellita, huma mgħammra kemm b’kard (spiss imsejħa “smartcard”) kif ukoll bi strument li jippermetti li tiddaħħal din il-kard sabiex jiġi awtorizzat l-aċċess bi ħlas għal dan in-netwerk.

    60

    Għalhekk, il-Bord tal-Appell seta’ validament jikkonkludi, fil-punt 33 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD għandhom konnessjoni diretta u konkreta ma’ dawn il-kards. Is-sempliċi fatt li l-Bord tal-Appell ikkwalifika dawn il-prodotti bħala “smart cards”, fil-punt 32 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma jistax jaffettwa l-fondatezza tal-evalwazzjoni tiegħu, peress li dawn il-kards jista’ jkollhom l-istess kwalitajiet u funzjonijiet bħall-kards manjetiċi u peress li dawn spiss ikunu mgħammra wkoll b’tejp manjetiku, mingħajr ma l-konsumatur medju jkun neċessarjament jista’ jiddistingwi tal-ewwel minn tal-aħħar kif ukoll il-karatteristiċi u l-funzjonijiet differenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 65).

    61

    Il-fatt li għalhekk il-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni li tirrigwarda essenzjalment in-natura deskrittiva tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-funzjonijiet tal-prodotti kkonċernati ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hemm sovrapożizzjoni evidenti bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet assoluti għal rifjut indikati fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94, u dan jimplika, b’mod partikolari, li trade mark deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti u servizzi jista’, minħabba dan il-fatt, ma jkollhiex karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, bla ħsara għal raġunijiet oħra li jistgħu jiġġustifikaw dan in-nuqqas ta’ karattru distintiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punti 18 u 19, u Eurohypo vs UASI, iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, punti 54 u 69).

    62

    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna l-prodotti msejħa “kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu” u “mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni” li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice.

    63

    Rigward, fit-tieni lok, il-prodotti msejħa “tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku” għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, minn naħa, fil-punt 32 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li dawn jikkostitwixxu wkoll smart cards, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 33 tal-imsemmija deċiżjonijiet, li l-funzjoni speċifika u neċessarja ta’ dawn il-prodotti hija li tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ servizzi ta’ komumikazzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni online li huma indispensabbli għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ xiri mill-bogħod. Fl-atti tiegħu, l-UASI żied li dawn il-prodotti jista’ jkollhom il-forma ta’ kards u jistgħu jippermettu aċċess bi ħlas għall-Internet jew għal netwerk ta’ komunikazzjoni ieħor.

    64

    Indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-Bord tal-Appell setax jikkuntenta b’din il-motivazzjoni globali, mil-lista tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, kif indikata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li tirreferi għall-“kards tal-memorja jew b’mikroproċessur, kards manjetiċi” u għat-“tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku” bħala prodotti separati, jirriżulta li, salv prova kuntrarja, dan it-tagħmir ġeneralment ma jkunx smart cards u ma jkollux neċessarjament il-kwalitajiet u l-funzjonijiet tal-imsemmija kards kif deskritti fil-punt 59 iktar ’il fuq. Għalhekk, huwa l-UASI li għandu jistabbilixxi li dan it-tagħmir jista’ jieħu l-forma ta’ kard, jista’ jkollu l-karatteristiċi essenzjali tagħha u li jista’ jiġi pperċepit hekk mill-pubbliku rilevanti, u li jforni, f’dan is-sens, indizji konkreti, jew saħansitra provi konkreti, ħaġa li huwa baqa’ ma għamilx. Dan huwa iktar u iktar neċessarju meta jidher ftit plawżibbli li l-konsumatur medju jista’ jassoċja l-karatteristiċi ta’ kard ma’ hard disk manjetiku jew ma’ tejp manjetiku awdjoviżwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punti 71 u 72).

    65

    Fid-dawl tas-sinjifikat tat-trade marks mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jiġifieri kard ta’ ħlas sabiex isiru tranżazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari fuq l-Internet jew sabiex ikun hemm aċċess bi ħlas għall-Internet, għandu jiġi kkunsidrat li, f’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ma pprovax, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD huma inkapaċi li jissodisfaw il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark, jiġifieri li jindikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti msejħa “tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku”.

    66

    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jintlaqa’ f’dak li jikkonċerna dawn l-aħħar prodotti.

    Fuq il-prodotti l-oħra li jaqgħu fil-klassi 9

    67

    Dwar il-prodotti l-oħra li jaqgħu fil-klassi 9, kif ġew iċċitati fil-punt 8 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkonstata, fil-punti 30 u 31 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, b’mod ġenerali, li, fid-dawl tal-fatt li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni huma intiżi prinċipalment sabiex iħajru lill-konsumatur jixtri l-prodotti u juża s-servizzi inkwistjoni sabiex ikun jista’ jagħmel, permezz ta’ kard, ħlas online, dawn il-prodotti kollha għandhom bħala funzjoni speċifika u neċessarja li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u ta’ servizzi bankarji u finanzjarji indispensabbli għat-twettiq ta’ dan il-ħlas.

    68

    Madankollu, abbażi ta’ din il-motivazzjoni ġenerali u vaga ħafna, u fid-dawl tan-natura eteroġena u varjata ħafna tal-prodotti ċċitati fil-punt 8 iktar ’il fuq, li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom mhumiex deskritti fid-deċiżjonijiet ikkontestati, mhuwiex possibbli li jiġi vverifikat jekk hemmx rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn dawn id-diversi prodotti u l-kards li għandhom il-funzjonijiet u l-karatteristiċi msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq sabiex b’hekk jiġi ddeterminat jekk huwiex involut grupp omoġeneu ta’ prodotti li jista’ jkun is-suġġett ta’ motivazzjoni globali, bħal dik li ngħatat fil-punti 30 u 31 tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    69

    Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ikkontestati lanqas biss għandhom ħjiel ta’ motivazzjoni dwar, minn naħa, ir-raġunijiet għaliex il-Bord tal-Appell jidher li qies li dawn il-prodotti għandhom madankollu karatteristiċi komuni mal-prodotti msemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq li jiġġustifikaw li jiġu kklassifikati fi grupp omoġeneu u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD speċifikatament fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Fi kwalunkwe każ, id-deskrizzjoni ġenerali ħafna tal-allegata funzjoni tagħhom li tikkonsisti f’li tiġi żgurata l-implementazzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tas-servizzi bankarji u finanzjarji indispensabbli għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ ħlas online permezz ta’ kard mhijiex manifestament rilevanti għal prodotti bħalma huma “apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi, tas-sinjali, ta’ kontroll (spezzjoni)”, id-“diski għar-reġistrazzjoni, aġendi elettroniċi, distributuri awtomatiċi, tejps tal-vidjo (video tapes), magni li jagħtu l-flus, il-biljetti, id-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet, kameras (apparat ċinematografiku), kameras tal-vidjo”, il-“kassetts vidjo, CD-ROMs, magni li jaqraw il-kowds ta’ linji (bar codes), diski kompatti (awdjo vidjo), diski ottiċi kompatti, detekters tal-flus foloz, diski flessibbli (floppy disks)”, u l-“apparat telefoniku, l-apparat tat-televiżjoni”, li l-funzjonijiet u l-karatteristiċi tagħhom jistgħu jvarjaw konsiderevolment. Għal dan il-għan, l-argument vag imressaq mill-UASI waqt is-seduta, li jgħid li dawn il-prodotti jikkostitwixxu, bl-istess mod bħal kamera “webcam”, aċċessorji neċessarji sabiex jitwettqu, permezz ta’ kard, operazzjonijiet fuq netwerk tal-informatika, ma jistax, anki jekk jitqies fondat, ħaġa li wara kollox l-UASI ma sostniex għall-prodotti l-oħra inkwistjoni li jaqgħu fil-klassi 9, jirrimedja għal dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li l-UASI ma jistax iressaq, matul il-kawża, motivi addizzjonali ta’ deċiżjoni li jkollha nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 463; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 95, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-, Confédération nationale du Crédit mutue vs Il-Kummissjoni, T-93/02, Ġabra p. II-143, punt 126).

    70

    Għalhekk, il-motivazzjoni globali li tinsab fil-punti 30 u 31 tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, kif stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, sa fejn abbażi ta’ din il-motivazzjoni globali d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice.

    71

    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, hemm għalhekk lok li jitqajjem ex officio l-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati f’dan ir-rigward.

    Fuq is-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 36 u 38

    — Osservazzjonijiet dwar il-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati

    72

    F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni u l-motivazzjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD fir-rigward tas-servizzi kkonċernati li jaqgħu fil-klassijiet 36 u 38 skont il-Ftehim ta’ Nice, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell l-ewwel nett ikkonstata, fil-punt 34 tal-imsemmija deċiżjonijiet, b’mod ġenerali, li dawn is-sinjali għandhom karattru purament informattiv u promozzjonali fir-rigward tas-servizzi kollha li jaqgħu f’dawn il-klassijiet, li jkun ta’ xkiel sabiex jiġu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn is-servizzi, li kollha għandhom bħala oġġett prinċipali jew aċċessorju servizzi ta’ telekomunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari permezz tan-netwerks tal-Internet, tal-Intranet jew tal-Extranet, kif ukoll servizzi online fil-qasam bankarju, fil-qasam finanzjarju u fil-qasam ta’ assigurazzjoni.

    73

    It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 35 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD jagħtu, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, messaġġ ċar ta’ informazzjoni, jiġifieri li l-informazzjoni u l-operazzjonijiet dwar l-imsemmija servizzi jistgħu jinkisbu u jitwettqu mill-bogħod grazzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kard ta’ ħlas imqabbda mal-Internet u b’mod iktar ġenerali ma’ netwerk tal-informatika. F’dak li jikkonċerna s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 36 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li dawn is-servizzi, li jirrigwardaw grupp sħsiħ ta’ proċessi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni elettronika, għandhom rabta immedjata mat-tħaddim u mal-użu tan-netwerk tal-Internet u, b’mod iktar ġenerali, mat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni. Għalhekk, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, il-fatt li jistgħu jsiru operazzjonijiet ta’ ħlas fuq dan in-netwerk permezz ta’ smart card jikkostitwixxi kwalità ta’ dawn is-servizzi.

    74

    Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 37 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, moqrija kollha flimkien, jiġu prinċipalment ipperċepiti bħal preżentazzjoni kummerċjali tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati u li għandhom il-funzjoni prinċipali, jekk mhux esklużiva, li jindikaw lill-konsumatur ikkonċernat li quddiemu għandu prodott jew servizz li jippermettilu li, permezz ta’ kard, jagħmel operazzjonijiet ta’ ħlas online.

    — Fuq is-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u fuq is-“servizzi ta’ kards ta’ debitu” li jaqgħu fil-klassi 36

    75

    Rigward is-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u s-“servizzi ta’ kards ta’ debitu” li jaqgħu fil-klassi 36, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw direttament il-kards imsemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punti 75 u 76), dawn is-servizzi għandhom karattru diversifikat u kumpless ħafna. Minn naħa, huma jinkludu servizzi mogħtija mill-bank li joħroġ kard bankarja fir-rigward tal-klijenti tiegħu sabiex ikunu jistgħu jużaw l-imsemmija kard, jekk ikun il-każ, permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma jkopru wkoll varjetà kbira ta’ servizzi oħra pprovduti fil-kuntest ta’ diversi relazzjonijiet kummerċjali distinti, jiġifieri dawk bejn il-banek li joħorġuhom, l-operaturi tad-diversi netwerks responsabbli għat-tpaċija tal-ħlasijiet li jkunu saru u l-kummerċjanti li l-klijent huwa awtorizzat iħallashom bil-kard tiegħu. Għalhekk, dawn is-servizzi għandhom ikunu distinti b’mod ċar mill-kwalitajiet u mill-funzjonijiet tal-kards fihom infushom, kif deskritti fil-punt 59 iktar ’il fuq, sa fejn huma jmorru lil hinn mis-sempliċi relazzjoni kummerċjali bilaterali bejn il-bank li joħroġhom u l-konsumatur.

    76

    Madankollu, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva, fil-punt 35 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ċertament b’mod pjuttost astratt u ġenerali, kwalità essenzjali komuni għal dawn is-servizzi kollha meta kkonstata, essenzjalment, li huma jirreferu, b’mod partikolari, għal operazzjonijiet li jitwettqu mill-bogħod grazzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kard ta’ ħlas imqabbda mal-Internet u b’mod iktar ġenerali ma’ netwerk tal-informatika, li fir-rigward tagħhom is-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD jittrażmettu messaġġ informattiv ċar.

    77

    Fid-dawl ta’ dawn il-kwalitajiet u għanijiet komuni marbuta mal-qasam tal-informatika u mal-Internet, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja n-natura diversifikata u kumplessa tagħhom, dawn is-servizzi jistgħu jiġu kklassifikati fi grupp ta’ servizzi suffċjentement omoġeneu u, għalhekk, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali motivazzjoni globali. Bl-istess mod, fir-rigward, b’mod partikolari tal-komponenti “payweb” u “p@yweb” tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, li jindikaw funzjoni ta’ ħlas permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika jew informatika, il-Bord tal-Appel ġustament ikkonkluda li l-konsumatur normalment informat u raġonevolament attent u avżat jipperċepixxi l-imsemmija trade marks bħala kumpless sħiħ ta’ kards u ta’ servizzi li huma marbuta ma’ xulxin u li huma intiżi li jippermettulu jagħmel, grazzi għal dawn il-kards, operazzjonijiet ta’ ħlas online.

    78

    B’hekk, il-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra validament, fil-punt 37 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD jistgħu jkunu pperċepiti prinċipalment bħala preżentazzjoni kummerċjali tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati sa fejn jindikaw lill-pubbliku rilevanti li quddiemu għandu prodott jew servizz li jippermettilu li jagħmel, grazzi għal kard, operazzjonijiet ta’ ħlas online. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ rabta diretta u konkreta, mill-perspettiva ta’ dan il-pubbliku, bejn, minn naħa, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, is-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u s-“servizzi ta’ kards ta’ debitu” li jaqgħu l-klassi 36, tippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn it-trade marks għandhom funzjoni ta’ preżentazzjoni kummerċjali tal-imsemmija servizzi u li jiġi konkluż li ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

    79

    Għalhekk, il-Bord tal-Appell immotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet ikkontestati u applika korrettement l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għas-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u għas-“servizzi ta’ kards ta’ debitu” li jaqgħu fil-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice.

    — Fuq is-servizzi l-oħra li jaqgħu fil-klassi 36

    80

    Rigward is-servizzi l-oħra tal-klassi 36, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn ma għandhomx rabta daqstant diretta u konkreta mal-kards imsemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq bħas-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u s-“servizzi ta’ kards ta’ debitu”, peress li huma rappreżentattivi ta’ varjetà kbira ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li jaqgħu fil-qasam tal-proprjetà immobbli, fil-qasam ta’ assigurazzjoni, fil-qasam bankarju, u fil-qasam tal-informatika, oqsma li fir-rigward tagħhom, iżda, għandu jiġi rikonoxxut li hemm ċerta konnessjoni. It-tieni nett, għandu jitfakkar li huwa biżżejjed, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jirreferu għal funzjoni jew għal karatteristika partikolari tas-servizzi inkwistjoni sabiex jiġi kkonstatat li ma għandhomx karattru distintiv. Issa, dawn is-servizzi kollha għandhom karatteristika komuni jew l-istess għan, jiġifieri li jsiru, fl-oqsma msemmija iktar ’il fuq, tranżazzjonijiet kummerċjali, inkluż il-ħlas permezz ta’ kard, u dan, jekk ikun il-każ, b’mezz elettroniku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jistgħu jitqiesu bħala li jaqgħu fi grupp omoġeneu ta’ servizzi għall-finijiet ta’ motivazzjoni globali. Għalhekk, il-motivazzjoni li tinsab fil-punt 35 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li tipprovdi li l-operazzjonijiet marbuta mas-servizzi inkwistjoni jistgħu jinkisbu u jitwettqu mill-bogħod grazzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kard ta’ ħlas imqabbda mal-Internet u b’mod iktar ġenerali ma’ netwerk tal-informatika hija, ċertament fil-qosor iżda suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tagħmel stħarriġ ta’ legalità f’dan ir-rigward.

    81

    Fil-fatt, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, hemm konnessjoni diretta u konkreta biżżejjed bejn, minn naħa, is-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD u, min-naħa l-oħra, kwalità partikolari tas-servizzi l-oħra kollha li jaqgħu fil-klassi 36, jiġifieri l-possibbiltà li jsiru, grazzi għal kard, operazzjonijiet ta’ ħlas mill-bogħod jew b’mezz elettroniku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li jaqgħu taħt il-qasam tal-proprjetà immobbli, il-qasam ta’ assigurazzjoni, il-qasam bankarju, il-qasam finanzjarju u l-qasam tal-informatika. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dawn is-sinjali jistgħu jikkostitwixxu sempliċi preżentazzjoni kummerċjali ta’ dawn is-servizzi, u dan jippermetti li jiġi konluż li ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward tal-imsemmija servizzi.

    82

    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li n-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD jista’ jiġi kkonstatat biss sa fejn il-provvista tas-servizzi msemmija fil-put 80 iktar ’il fuq tippreżumi effettivament l-użu ta’ kard, bħalma hija kard ta’ assigurazzjoni għall-mard. Meta l-provvista ta’ dawn is-servizzi tista’ ssir indipendentement minn kard, dawn is-servizzi ma jkollhomx, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, rabta diretta u konkreta biżżejjed ma’ dawn is-servizzi, peress li dan il-pubbliku jkollu jagħmel raġunament kumpless biex jasal għal dan. Għalhekk, in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jikkonċerna biss is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 li, bħas-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u bħas-“servizzi ta’ kards ta’ debitu”, jirrikjedu jew jikkonċernaw l-użu ta’ kard (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 82).

    83

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell immotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet ikkontestati u applika korrettament l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn huwa rrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għas-servizzi kkonċernati kollha li jaqgħu fil-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice.

    — Fuq is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38

    84

    F’dak li jikkonċerna s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38, li huma msemmija “telekomunikazzjonijiet, komunikazzjonijiet permezz ta’ terminals tal-kompjuters, informazzjoni dwar telekomunikazzjonijiet, sistema elettronika ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi u ta’ stampi bl-għajnuna ta’ kompjuter, trażmissjoni bis-satellita, trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks tal-Internet, tal-Intranet u tal-Extranet, servizzi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni interattivi informatiċi, trażmissjoni ta’ informazzjoni li ġejja minn bażi ta’ data informatika, servizzi internazzjonali ta’ trażmissjoni ta’ data bejn sistemi informatiċi li jinsabu f’netwerk, trażmissjoni ta’ informazzjoni online”, għandu jiġi rrilevat li, bħas-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u bħas-“servizzi ta’ kards ta’ debitu” li jaqgħu fil-klassi 36, dawn is-servizzi jaqgħu fi grupp omoġeneu ta’ servizzi konnessi direttament mal-qasam tal-informatika u tal-Internet. Barra minn hekk, huma għandhom, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, konnessjoni diretta u konkreta mas-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD sa fejn dawn is-sinjali jindikaw, b’mod partikolari, funzjoni ta’ trażmissjoni ta’ data permezz tal-Internet jew ta’ netwerks oħra ta’ komunikazzjoni, pereżempju, għall-finijiet ta’ xiri mill-bogħod li jsir grazzi għal kard tat-tip ta’ dawk deskritti fil-punt 59 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-fatt li jista’ jkun hemm aċċess għall-Internet jew għal netwerks oħra ta’ komunikazzjoni permezz ta’ kard u li hemmhekk isiru operazzjonijiet ta’ trażmissjoni ta’ data u tranżazzjonijiet oħra online, bħalma huma xiri u ħlas mill-bogħod, jikkostitwixxi kwalità komuni għal dawn is-servizzi. F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 60 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li l-Bord tal-Appell ibbaża l-analiżi tiegħu fuq “smart cards” ma jistax jikkontesta l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punti 79 u 80).

    85

    Għalhekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament, fil-punt 37 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD bħala li jindikaw kumpless sħiħ u inseparabbli ta’ kards u ta’ servizzi li jippermettulu li jagħmel operazzjonijiet ta’ ħlas online. Għalhekk, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma jissodisfawx il-funzjoni essenzjali tagħhom, li hija li tiġi identifikata l-oriġini kummerċjali tas-servizzi inkwistjoni.

    86

    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li n-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD jista’ jiġi kkonstatat biss sa fejn il-provvista tas-servizzi msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq tippreżumi effettivament l-użu ta’ kard. Meta l-provvista ta’ dawn is-servizzi tkun tista’ titwettaq independentement minn kard, dawn is-sinjali ma jkollhomx, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, rabta diretta u konkreta biżżejjed ma’ dawn is-servizzi, peress li dan il-pubbliku jkollu jagħmel raġunament kumpless biex jasal għal dan. Għalhekk, in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jikkonċerna biss is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38 li, bħas-“servizzi ta’ kards ta’ kreditu” u bħas-servizzi ta’ kards ta’ debitu li jaqgħu fil-klassi 36, jirrikjedu jew jikkonċernaw l-użu ta’ kard.

    87

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn il-provvista tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 38, kif indikati fil-punt 84 iktar ’il fuq, tirrikjedi l-użu ta’ kard, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament li s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD ma għandhomx karattru distintiv biżżejjed fir-rigward tal-imsemmija servizzi. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud sa fejn jagħmel riferiment għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għas-servizzi ċċitati iktar ’il fuq.

    88

    Madankollu, rigward is-servizzi l-oħra li jaqgħu fil-klassi 38, jiġifieri dawk imsemmija “aġenziji ta’ informazzjoni (ġodda) b’mod partikolari fil-qasam bankarju, komunikazzjonijiet radjofoniċi, komunikazzjonijiet telefoniċi, spedizzjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, xandir ta’ programmi tat-televiżjoni, trażmissjonijiet radjofoniċi, trażmissjonijiet televiżivi, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni, kiri ta’ apparat għat-trażmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ telefons, […] radjotelefonija mobbli, servizzi telefoniċi”, id-deċiżjonijiet ikkontestati lanqas biss għandhom ħjiel ta’ motivazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn is-servizzi u dawk indikati fil-punt 84 iktar ’il fuq jaqgħu fi grupp omoġeneu li jista’ jiġġustifika motivazzjoni globali, bħal dik mogħtija fil-punti 36 u 37 tal-imsemmija deċiżjonijiet. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet lanqas ma jagħtu spjegazzjoni li permezz tagħha tista’ tiġi vverifikata l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD mhumiex suffiċjentement distinti speċifikament fir-rigward ta’ dawn is-servizzi l-oħra.

    89

    Issa, għalkemm il-motivazzjoni fil-punt 36 tad-deċiżjonijiet ikkontestati — li tgħid li s-servizzi inkwistjoni jirreferu għal kumpless ta’ proċessi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni elettronika u għandhom rabta immedjata mat-tħaddim u mal-użu tan-netwerk tal-Internet u, b’mod iktar ġenerali, mat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni, hekk li l-fatt li jistgħu jsiru operazzjonijiet ta’ ħlas fuq dan in-netwerk permezz ta’ smart card jikkostitwixxi kwalità ta’ dawn is-servizzi — hija rilevanti għas-servizzi msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq, hija mhijiex neċessarjament rilevanti għas-servizzi l-oħra li jaqgħu fil-klassi 38. Fi kwalunkwe każ, minn din il-motivazzjoni ġenerali ma jirriżultawx ir-raġunijiet, fir-rigward tas-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD, għaliex dawn is-servizzi għandhom, mill-perspettiva tal-konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, rabta biżżejjed diretta u konkreta mal-ħlasijiet online mewttqa permezz ta’ kard.

    90

    Barra minn hekk, l-argument addizzjonali mressaq mill-UASI waqt il-kawża, li jgħid li huwa fatt magħruf li l-Internet jippermetti li jiġu rċevuti xandiriet tar-radju, tat-televiżjoni kif ukoll ta’ komunikazzzjonijiet telefoniċi, huwa, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett peress li l-UASI ma jistax iressaq, f’dan l-istadju, motivi addizzjonali għal deċiżjoni li jkollha nuqqas ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq).

    91

    Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma mmottivax suffiċjentement l-allegat nuqqas ta’ karattru suffiċjentement distintiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni globali li tinsab fil-punti 36 u 37 tad-deċizjonijiet ikkontestati ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/74, peress li abbażi tagħha l-imsemmija deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

    92

    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jitqajjem ex officio l-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati ukoll f’dan ir-rigward.

    Nuqqas li tiġi invokata r-raġuni għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

    93

    Peress li l-Bord tal-Appell ma bbażax id-deċiżjonijiet ikkontestati fuq ir-raġuni assoluta għal rifjut tal-Artikolu 7(l)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ibbażata fuq il-karattru deskrittiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni (ara l-punt 40 tal-imsemmija deċiżjonijiet) u peress li r-rikorrenti talbet biss l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, fis-sens tal-Artikolu 63 ta’ dan ir-regolament, u, għalhekk, tal-isħarriġ ta’ legalità li l-qorti Komunitarja hija obbligata li teżerċita f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SURFCARD, iċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, punt 85, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

    94

    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eventwali nuqqas ta’ karattru deskrittiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni mhumiex effettivi u mhuwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwahom.

    95

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li għandu jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati sa fejn huma kkonkludew li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ma għandhomx karattru distintiv fir-rigward:

    tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, kif indikati fil-punt 2 iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni ta’ “kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu” u ta’ “mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni”;

    tas-servizzi msemmija “aġenziji ta’ informazzjoni (ġodda) b’mod partikolari fil-qasam bankarju, komunikazzjonijiet radjofoniċi, komunikazzjonijiet telefoniċi, spedizzjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, xandir ta’ programmi tat-televiżjoni, trażmissjonijiet radjofoniċi, trażmissjonijiet televiżivi, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni, kiri ta’ apparat għat-trażmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ telefons, radjotelefonija mobbli, servizzi telefoniċi” li jaqgħu fil-klassi 38.

    Fuq l-ispejjeż

    96

    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ talbiet tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-10 ta’ Lulju 2007 (Każ R 119/2007-1), u tat- (Każ R 120/2007-1), huma annullati sa fejn jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni bħala trade marks Komunitarji tas-sinjali verbali P@YWEB CARD u PAYWEB CARD għal apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi, tas-sinjali, ta’ kontroll (spezzjoni), apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni, ir-riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ stampi; diski għar-reġistrazzjoni, aġendi elettroniċi, distributuri awtomatiċi, tejps tal-vidjo (video tapes), magni li jagħtu l-flus, il-biljetti, id-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet, kameras (apparat ċinematografiku), kassetts vidjo, CD-ROMs, magni li jaqraw il-kowds ta’ linji (bar codes), diski kompatti (awdjo vidjo), diski ottiċi kompatti, detekters tal-flus foloz, diski flessibbli (floppy disks), tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, skrins tal-vidjo, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmu reġistrati), monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għall kompjuter, programmi tal-kompjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi ta’ operattivi rreġistrati (għal kompjuters), apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, apparat tat-televiżjoni, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, apparat għar-reġistrazzjoni tal-ħin, trażmettituri (telekomunikazzjoni), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri) li jaqgħu fil-klassi 9 kif ukoll għas-servizzi msejħa aġenziji ta’ informazzjoni (ġodda) b’mod partikolari fil-qasam bankarju, komunikazzjonijiet radjofoniċi, komunikazzjonijiet telefoniċi, spedizzjoni ta’ messaġġi, trażmissjoni ta’ messaġġi, xandir ta’ programmi tat-televiżjoni, trażmissjonijiet radjofoniċi, trażmissjonijiet televiżivi, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni, kiri ta’ apparat għat-trażmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ telefons, radjotelefonija mobbli, servizzi telefoniċi li jaqgħu fil-klassi 38 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-, kif irrivedut u emendat.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    Il-Caisse fédérale du Crédit mutuel Centre Est Europe (CFCMCEE) u l-UASI għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Azizi

    Cremona

    Frimodt Nielsen

    Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Mejju 2009.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top