This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007TJ0359
Judgment of the Court of First Instance (Appeal Chamber) of 20 February 2009. # Commission of the European Communities v Marli Bertolete and Others. # Appeal - Public service - Equal treatment. # Joined cases T-359/07 P to T-361/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) ta' 20 ta' Frar 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Marli Bertolete et..
Appell - Servizz pubbliku - Trattament ugwali.
Każijiet Magħquda T-359/07 P sa T-361/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) ta' 20 ta' Frar 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Marli Bertolete et..
Appell - Servizz pubbliku - Trattament ugwali.
Każijiet Magħquda T-359/07 P sa T-361/07 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2009 I-B-1-00005; II-B-1-00021
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:40
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
tal-20 ta’ Frar 2009
Kawżi magħquda T-359/07 P sa T-361/07 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Marli Bertolete et
“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt tal-UIL – Ex ħaddiema impjegati taħt il-liġi Belġjana – Tibdil fis-sistema applikabbli – Deċiżjonijiet tal Kummissjoni li jistabbilixxu r-remunerazzjoni – Trattament ugwali”
Suġġett: Appelli mis-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Lulju 2007, Bertolete et vs Il- Kummissjoni (F-26/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), Abarca Montiel et vs Il-Kummissjoni (F‑24/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u Ider et vs Il‑Kummissjoni (F-25/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), intiżi għall-annullament ta’ dawn is-sentenzi.
Deċiżjoni: Is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tal‑5 ta’ Lulju 2007, Bertolete et vs Il-Kummissjoni (F-26/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), Abarca Montiel et vs Il‑Kummissjoni (F-24/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), u Ider et vs Il-Kummissjoni (F-25/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), huma annullati. Ir-rikorsi tar‑rikorrenti fl-ewwel istanza, Marli Bertolete u t-8 membri tal‑persunal bil-kuntratt l-oħra tal-Kummissjoni, Sabrina Abarca Montiel u d-19-il membri tal-persunal bil-kuntratt l-oħra tal-Kummissjoni, Béatrice Ider, Marie-Claire Desorbay u Lino Noschese, huma miċħuda. Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Sommarju
1. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Kunċett (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 62 et seq; Kondizzjonijiet tal-impieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 19 et seq, Artikolu 92, u Anness, Artikolu 2(2))
2. Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Kumpens għat-tnaqqis fir-remunerazzjoni subit mill-membri tal-persunal impjegati preċedentement taħt ir-regolamenti tal-persunal tal-liġi nazzjonali
(Kondizzjonijiet tal-impieg ta’ impjegati oħra, Anness, Artikolu 2(2))
3. Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Trattament ugwali – Applikazzjoni għal sistema tranżitorja
1. Fir-rigward tal-fatt li l-kunċett ta’ remunerazzjoni, kif definit fl-Artikoli 62 et seq tar-Regolamenti tal-Persunal u applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati preċedentement taħt regolamenti tal-persunal tal-liġi nazzjonali skont l-Artikoli 19 et seq tal-Kondizzjonijiet tal-impieg ta’ impjegati oħra, moqri flimkien mal-Artikolu 92 ta’ dawn il-kondizzjonijiet tal-impieg, jinkludi l-allowances tal-familja, l-obbligu tal-istituzzjonijiet, skont l-Artikolu 2(2) tal-Anness għal dawn il-kondizzjonijiet tal-impieg, li jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni fiskali, is-sigurtà soċjali u l‑pensjoni tal-Istat Membru tal-impieg u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-membru tal-persunal bil-kuntratt, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dawn l-istituzzjonijiet għandhom l-intenzjoni li jikkumpensaw tnaqqis fir-remunerazzjoni matul it-tranżizzjoni għas-sistema tal-membri tal-persunal bil-kuntratt Komunitarju, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkostitwixxu dan il-kunċett ta’ remunerazzjoni. Biex jagħmlu dan, huma għalhekk għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-liġi nazzjonali applikabbli preċedentement fil-qasam fiskali, is-sigurtà soċjali u tal-pensjoni li jistgħu jkollhom effett fuq il-livell ta’ din ir-remunerazzjoni fis-sens statutorju Komunitarji ta’ dan it-terminu, għalkemm il-benefiċċji pekunarji potenzjali li jaqgħu taħt dawn il-karatteristiċi mhux bilfors huma komponenti tar-remunerazzjoni taħt il-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, l-Artikolu 2(2) tal-Anness għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jimponi fuq l-istituzzjonijiet, meta jieħdu d-deċiżjoni diskrezzjonali li jikkumpensaw tnaqqis fir-remunerazzjoni, li jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammonti addizzjonali, il-benefiċċji kollha tas‑salarju, fiskali u soċjali li jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali li, fid-dritt Komunitarju applikabbli, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ remunerazzjoni. Għalhekk, il-fatt, għall-istituzzjoni, li tkun integrat l-allowances tal-familja skont il-liġi nazzjonali, li jaqgħu taħt benefiċċju tas-sigurtà soċjali mħallas mill-Istat u mhux taħt ir-remunerazzjoni mħallsa minn min iħaddem, fil-kalkolu tal-ammonti addizzjonali mogħtija lill-membri tal-persunal ikkonċernati jikkostitwixxi applikazzjoni korretta tal-Artikolu 2(2) tal-Anness għall-Kondizzjonijiet tal‑impjieg ta’ impjegati oħra.
(ara l-punti 45 sa 47)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Mejju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 186/85, Ġabra p. 2029, punti 26 u 29; Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Mejju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 189/85, Ġabra p. 2061, punt 18
2. Sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta jiġu ddeterminati l-ammonti addizzjonali li għandhom jingħataw lill-membri tal-persunal li kienu impjegati preċedentement taħt regolamenti tal-persunal ta’ liġi nazzjonali, wara t-tranżizzjoni tagħhom għall-kondizzjonijiet tal-impieg ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt Komunitarji, l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tipparaguna s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 2(2) tal-Anness għall-Kondizzjonijiet tal-impieg ta’ impjegati oħra, sabiex jinżamm il-livell tar-remunerazzjoni preċedenti kif iddefinit statutorjament, jiġifieri r-remunerazzjoni globali preċedenti, inklużi l-allowances tal-familja, u li dan jiġi msarraf f’remunerazzjoni fis-sens statutorju. Dan il-paragun, fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet applikabbli u tal-kunċett Komunitarju ta’ remunerazzjoni, jimplika wkoll l-obbligu, għall-istituzzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni familjari rispettiva tal-persuni kkonċernati u, b’mod partikolari, il-fatt jekk ikollhom tfal jew le. Issa, mill-perspettiva kemm fattwali kif ukoll legali, matul it-tranżizzjoni għas-sistema għal membru tal-persunal bil‑kuntratt prevista bl-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni li jikkonċernaw miżuri tranżitorji applikabbli għall‑membri tal-persunal impjegati mill-Uffiċċju għall-Infrastruttura fi Brussell, is-sitwazzjoni tal-familja u tas-salarju ta’ persuna li għandha tifel wieħed jew iktar hija differenti, essenzjalment, minn dik ta’ persuna mingħajr tfal, peress li din tal-aħħar m’għandhiex id-dritt – la abbażi tal-kondizzjonijiet tal-impieg kuntrattwali applikabbli preċedentement u lanqas abbażi tad-dritt statutorju Komunitarju – għal allowances tal-familja għal tfal dipendenti bħala komponent partikolari tal-kumpens. Bil-kontra, is-sitwazzjoni differenti tal-familja u tas‑salarju ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni hija kriterju rilevanti li jagħmel differenza li l-istituzzjoni ma tistax legalment tinjora fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni applikabbli.
(ara l-punti 50 u 51)
3. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għal sistema tranżitorja tassumi li l-istituzzjoni tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi personali ta’ dawk kollha kkonċernati fil-mument preċiż tal-bidla fis-sitwazzjoni tagħhom, bidla li tikkostitwixxi avveniment li joħloq qtugħ sinjifikattiv, li jista’ jbiddel, sostanzjalment, id‑drittijiet u l-obbligi kollha tagħhom. Li kieku kien mod ieħor, l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom, sabiex josservaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’tali sitwazzjoni ta’ tibdil ad hoc fis-sitwazzjoni ta’ dawk ikkonċernati, jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali, żviluppi ipotetiċi fis-sitwazzjoni personali ta’ kull waħda minn dawn il‑persuni kkonċernati, u dan jagħmilhom suġġetti għal ħtieġa eċċessiva u mhux prattika ta’ eżami prospettiv u komparattiv. Din l-evalwazzjoni hija madankollu bla ħsara għall-ħtieġa li tiġi vverifikata, f’intervalli regolari, is‑sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal ikkonċernati u li jiġu rrimedjati, jekk ikun il-każ, inugwaljanzi futuri bejn il-persuni li jkunu jinsabu, f’dan l-istadju ulterjuri, f’sitwazzjonijiet li jixxiebħu jew identiċi.
(ara l-punt 54)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Frar 2007, Simões Dos Santos vs UASI, T‑435/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 90 et seq