Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0334

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Novembru 2009.
    Denka International BV vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Sustanza attiva dichlorvos - Noninklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE - Proċedura ta’ evalwazzjoni - Opinjoni tal-grupp xjentifiku tal-EFSA - Eċċezzjoni ta’ illegalità - Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 - Preżentazzjoni ta’ studji ġodda u ta’ data matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni - Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 451/2000 - Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 - Aspettattivi leġittimi - Proporzjonalità - Trattament ugwali - Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba - Drittijiet tad-difiża - Prinċipju ta’ sussidjarjetà - Artikolu 95(3) KE, Artikolu 4(1) u Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.
    Kawża T-334/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-04205

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:453

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

    “Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva dichlorvos — Nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE — Proċedura ta’ evalwazzjoni — Opinjoni ta’ grupp xjentifiku tal-EFSA — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 — Preżentazzjoni ta’ studji ġodda u ta’ data matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni — Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 451/2000 — Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 — Aspettattivi leġittimi — Proporzjonalità — Trattament ugwali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ sussidjarjetà — Artikolu 95(3) KE, Artikolu 4(1) u Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414”

    Fil-Kawża T-334/07,

    Denka International BV, stabbilita f’Barneveld (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty u L. Parpala, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/387/KE, tas-6 ta’ Ġunju 2007, dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (ĠU L 145, p. 16),

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

    komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

    Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 91/414/KEE

    1

    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), tistabbilixxi s-sistema Komunitarja applikabbli għall-awtorizzazzjoni u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

    2

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I […]”.

    3

    Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ sustanzi attivi fl-Anness I huma pprovduti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414:

    “ 1.   Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal perijodu ta’ żmien inizjali li ma jkunx jaqbeż l-10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu jwettqu l-kondizzjonijiet segwenti:

    a)

    il-fdalijiet tagħhom, wara użu konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet, jekk ikunu sinifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux;

    b)

    l-użu tagħhom, li jrid ikun konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollux effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skond ma jiddisponi l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v).

    […]”

    4

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

    “L-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19.

    Dan li ġej għandu jiġi deċiż ukoll skond dik il-proċedura:

    kwalunkwe kondizzjoni għall-inklużjoni,

    […]”

    5

    Is-sustanzi attivi li ma humiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jistgħu jibbenefikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn sistema derogatorja tranżitorja. Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, Stat Membru seta’, matul perijodu ta’ tnax-il sena b’effett mid-data ta’ notifika tad-Direttiva 91/414, jawtorizza t-tqegħid fis-suq nazzjonali tiegħu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu sustanzi attivi li ma humiex inklużi fl-Anness I, li kienu diġà fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika tad-Direttiva 91/414, jiġifieri fil-25 ta’ Lulju 1993. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kellha tibda programm ta’ xogħol għall-eżami gradwali ta’ dawn is-sustanzi attivi. Sussegwentement, seta’ jiġi deċiż jekk l-imsemmija sustanza kellhiex tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. L-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet rilevanti, skont il-każ, jingħataw, jiġu rtirati jew jiġu emendati.

    6

    L-imsemmi perijodu ta’ tnax-il xhar ġie estiż bl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2005, tat-12 ta’ Awwissu 2005, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2076/2002 u d-Deċiżjonijiet 2002/928/KE, 2004/129/KE, 2004/140/KE u 2004/247/KE u 2005/303/KE dwar il-perijodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u l-użu kontinwu ta’ ċerti sustanzi mhux inklużi fl-Anness I tiegħu (ĠU 2006, L 287M, p. 297), sat-30 ta’ Settembru 2007 għas-sustanzi attivi li huma evalwati fil-kuntest tat-tieni fażi prevista mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000, tat-28 ta’ Frar 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 28, p. 292).

    Ir-Regolament Nru 451/2000

    7

    Ir-Regolament Nru 451/2000, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002, tal-14 ta’ Awwissu 2002, li jwaqqaf regoli oħra għall-implementazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 524), jirregola l-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ diversi sustanzi fid-dawl tal-inklużjoni eventwali tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fost dawn is-sustanzi hemm id-dichlorvos.

    8

    Il-proċedura stabbilita bir-Regolament Nru 451/2000 tibda permezz ta’ notifika ta’ interess, prevista fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li, fir-rigward tad-dichlorvos, kellha tintbagħat sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2000, lill-Istat Membru relatur (iktar ’il quddiem l-“IMR”) indikat fl-Anness I tar-Regolament, jiġifieri r-Repubblika Taljana, mill-produttur li jixtieq jikseb l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

    9

    Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 451/2000, kull awtur ta’ notifika għandu jittrażmetti lill-IMR inkartament sommarju u inkartament komplut, kif iddefiniti fl-Artikolu 6(2) u (3) tal-istess regolament.

    10

    It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dawn il-fajls, kif ukoll tal-informazzjoni rilevanti li tista’ tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi, kien it-30 ta’ April 2002, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(4)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 451/2000 moqrija flimkien ma dawk tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 703/2001, tas-6 ta’ April 2001, li jistabbilixxi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti fit-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jirrevedi l-lista tal-Istati Membri magħżula bħala rapporteurs għal dawk is-sustanzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 32, p. 77).

    11

    Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 451/2000, l-IMR għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jkun irċieva l-fajls kollha rigward is-sustanza attiva, rapport dwar il-kompletezza tal-fajls ippreżentati. Fir-rigward tas-sustanzi attivi li l-fajl tagħhom jiġi kkunsidrat bħala komplut, l-IMR għandu jissokta bl-evalwazzjoni tal-fajl.

    12

    Il-fażi ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi, fihom infushom, hija rregolata mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, kif emendata bl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002.

    13

    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi:

    “ L-[IMR] għandu jevalwa u jagħmel rapport biss fuq dawk is-sustanzi attivi li għalihom mill-anqas fajl wieħed ġie determinat bħala komplut […] Hu għandu jibgħat abbozz tar-rapport ta’ l-istima tiegħu tal-fajl lill-[Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel] mill-iktar fis possibbli, u mhux iktar tard minn 12–il xahar wara li l-fajl ġie meqjus bħala komplut. […]

    Fl-istess ħin, l-Istat Membru relatur għandu jagħti rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni jew:

    biex tinkludi sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva, u tagħti l-kondizzjonijiet għall-inklużjoni jew,

    biex ma tinkludix sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], u tagħti r-raġunijiet għan-non-inklużjoni.

    […]”

    14

    F’dan l-istadju tal-evalwazzjoni, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 451/2000, kif emendat, jipprovdi li “sottomissjoni ta’ studji ġodda ma tistax[, bħala prinċipju,] tintlaqa’”, iżda li “[l-IMR] jista’ jitlob lill-persuni li jagħmlu n-notifika sabiex jissottomettu informazzjoni oħra fejn hemm bżonn sabiex jiġu ċċarati l-fajls” u li “għandu joħloq limitu ta’ żmien li matulu [din] l-informazzjoni għandha tingħata”.

    15

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000, “l-[Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel] għandha tgħaddi l-abbozz tar-rapport ta’ stima lill-Istati Membri u tista’ torganizza konsultazzjoni ma’ l-esperti inklużi dawk ta’ l-[ISR]”. F’dan l-istadju tal-proċedura, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000, kif emendat, jipprovdi:

    “Mingħajr ħsara għall-Artikolu 7 tad-Direttiva [91/414], sottomissjoni ta’ l-istudji ġodda ma għandhiex tiġi aċċettatata. L-[IMR], bi qbil ma’ l-[Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel], jista’ jitlob lill-persuni li jagħmlu n-notifika sabiex jissottomettu fi żmien speċifikat informazzjoni oħra kkunsidrata mill-[IMR] jew [mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel] bħala bżonnjuża sabiex tikkjarifika l-fajl.”

    16

    L-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi:

    “L-[Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel] għandha tevalwa l-abbozz ta’ stima tar-rapport [relatur] u tagħti l-opinjoni tagħha dwar jekk is-sustanza attiva hijiex mistennija tissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ sigurtà tad-Direttiva [91/414] mhux iktar tard minn sena wara l-irċevuta ta’ l-abbozz tar-rapport ta’ stima mill-[IMR]. Fejn hemm bżonn, l-[Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel] għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-għażliet maħsuba li jilħqu l-kondizzjonijiet ta’ sigurtà […]”

    17

    L-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi:

    “Mhux iktar tard minn sitt xhur wara li l-[Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel] tkun irċeviet l-opinjoni li tissemma [fil-paragrafu 7], il-Kummissjoni għandha tissottometti l-abbozz tar-rapport ta’ analiżi [… H]i għandha tissottometti lill-Kumitat:

    a)

    abbozz ta’ Direttiva li għandha tinkludi s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], li tistabbilixxi fejn hemm bżonn il-kondizzjonijiet, inkluż il-limitu ta’ żmien, għal din l-inklużjoni, jew

    b)

    abbozz ta’ deċiżjoni indirizzat lill-Istati Membri sabiex ineħħu l-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva, skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414], għalhekk din is-sustanza attiva mhix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], u jissemmew ir-raġunijiet għal din in-non-inklużjoni.

    […]”

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

    18

    L-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 6, p. 463), jipprovdi kif ġej:

    “Il-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet Permanenti Xjentifiċi għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdu opinjonijiet xjentifiċi lill-Awtorità, kull wieħed fl-isferi tiegħu ta’ kompetenza, u għandu jkollhom il-possibiltà, fejn meħtieġ, li jorganizzaw smiegħ pubbliku.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    19

    Ir-rikorrenti, Denka International BV, hija kumpannija li tikkummerċjalizza d-dichlorvos u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tad-dichlorvos.

    20

    Id-dichlorvos huwa sustanza attiva li tintuża bħala insettiċida organikafosforika fit-trattamenti fis-serer u fl-imħażen wara li jkun sar il-ħsad.

    21

    Fl-20 ta’ April 2000, ir-rikorrenti nnotifikat lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħha li tikseb l-inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

    22

    Fis-17 ta’ April 2002, ir-rikorrenti ppreżentat l-fajl tagħha quddiem l-IMR. Wara li talab iktar informazzjoni rigward l-fajl, l-IMR qies, fis-17 ta’ Ottubru 2002, li l-fajl kien komplut u ssokta bl-evalwazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000.

    23

    Fl-20 ta’ Ottubru 2003, l-IMR ippreżenta l-abbozz tar-rapport ta’ stima tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ARS”) lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (iktar ’il quddiem “EFSA”). L-ARS irrakkommanda n-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, prinċipalment, minħabba l-fatt li kien hemm nuqqas ta’ diversa data.

    24

    Fil-21 ta’ Ġunju 2004, l-EFSA bagħtet l-ARS lill-Istati Membru u lir-rikorrenti. Wara din it-trażmissjoni, ir-rikorrenti ppreżentat, fis-16 ta’ Awwissu 2004, rapport ta’ perizja dwar it-tossiċità kronika kif ukoll l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ARS. It-trażmissjoni tal-ARS implikat il-bidu tal-proċedura msejħa “eżami mill-pari”, kif ipprovdut fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000.

    25

    F’dan il-kuntest, inżammet laqgħa ta’ evalwazzjoni fid-9 ta’ Frar 2005, li laqqgħet flimkien lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, lill-EFSA u lir-rikorrenti.

    26

    F’Mejju 2005, l-IMR ippubblika addendum għall-ARS li ħa inkunsiderazzjoni, kif kien deċiż fil-laqgħa tad-9 ta’ Frar 2005, ir-rapport ta’ perizja dwar it-tossiċità kronika kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri u tar-rikorrenti. F’dan l-addendum, l-IMR indika li, minkejja d-data ppreżentata mir-rikorrenti, kien għad hemm kwistjonijiet pendenti, b’mod partikolari, rigward it-tossiċità fuq perijodu twil u l-mutaġeniċità tad-dichlorvos. F’dan l-addendum, l-IMR tenna r-rakkommandazzjoni tiegħu rigward in-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

    27

    Mis-27 ta’ Ġunju sal-1 ta’ Lulju 2005, ġiet organizzata laqgħa tal-unità ta’ koordinazzjoni tar-reviżjoni inter partes tal-pestiċidi tal-EFSA (iktar ’il quddiem l-“EPCO”), li matulha ġiet eżaminata t-tossiċità tad-dichlorvos. Matul din il-laqgħa, l-EPCO ma kinitx f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni definittiva, b’mod partikolari, fir-rigward tal-mutaġeniċità u tal-karċinoġeniċità tad-dichlorvos. Konsegwentement, ġie deċiż li jsiru żewġ mistoqsijiet lil wieħed mill-gruppi xjentifiċi tal-EFSA, il-grupp xjentifiku tas-saħħa tal-pjanti, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tar-residwi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“grupp SPR”). Għalhekk, l-EPCO saqsa lill-grupp SPR, minn naħa, jekk kienx possibbli li jidentifika mekkaniżmu li permezz tiegħu d-dichlorvos jikkawża tumuri u li jistabbilixxi l-limitu ta’ espożizzjoni neċessarja qabel ma jiżvelaw ruħhom, u min-naħa l-oħra, jekk it-tumuri fil-firien u l-ġrieden kinux elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti tad-dichlorvos fuq is-saħħa tal-bniedem.

    28

    Fl-1 ta’ April 2006, il-grupp SPR adotta opinjoni li ġiet eżaminata fil-5 ta’ April 2006 waqt il-laqgħa ta’ evalwazzjoni definittiva tad-dichlorvos bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-EFSA.

    29

    Fit-12 ta’ Mejju 2006, l-EFSA iffinalizzat ir-rapport tagħha intitolat “Konklużjonijiet dwar l-eżami kolleġjali tal-evalwazzjoni tar-riskji marbuta mas-sustanza attiva dichlorvos użata bħala pestiċida” (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-EFSA”) u sussegwentement bagħtitu lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000.

    30

    Fit-22 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport tal-EFSA.

    31

    Ir-rapport tal-EFSA u l-opinjoni tal-grupp SPR ġew eżaminati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali. L-ewwel laqgħa ta’ dan il-kumitat inżammet fl-14 ta’ Lulju 2006. Fil-kuntest tat-tieni laqgħa, organizzata fit-28 u fid-29 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni stabbilixxiet ir-rapport ta’ evalwazzjoni tad-dichlorvos tagħha, li fih hija proponiet li din is-sustanza ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-direttiva.

    32

    Fis-6 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/387/KE dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (ĠU L 145, p. 16, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    33

    Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li d-dichlorvos ma għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Għaldaqstant, fl-Artikolu 2 tagħha, hija timponi li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu d-dichlorvos jiġu rtirati qabel is-6 ta’ Diċembru 2007 u li, b’effett mis-7 ta’ Ġunju 2007, ma humiex ser jingħataw jew jiġġeddu l-awtorizzazzjonijiet ta’ tali prodotti. Skont l-Artikolu 4, id-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lill-Istati Membri.

    34

    Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jissemmew fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata:

    “Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. B’mod partikolari, skond id-data tossikoloġika disponibbli u fid-dawl ta’ l-inċertezzi tal-proprjetajiet ġenotossiċi u karċinoġeni tas-sustanza kif ukoll meta titqies il-kwalità baxxa tal-fajl, intwera [ma ntweriex] li l-esponiment imbassar għall-operatur, għall-ħaddiem u l-persuni fil-qrib huwa aċċettabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    35

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

    36

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kif ukoll għall-interessi kumpensatorji u moratorji ta’ 8%.

    37

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    38

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità u disa’ motivi ta’ annullament. L-eċċezzjoni ta’ illegalità hija bbażata fuq l-illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002. Il-motivi huma bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 178/2002, u ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ bażi xjentifika oġġettiva tad-deċiżjoni kkontestata, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża, il-ħames nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, is-sitt nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-opinjonijiet xjentifiċi; is-seba’ nett, fuq ksur tal-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”, it-tmien nett, fuq ksur tal-Artikolu 95 KE, tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, u d-disa’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u tal-Artikolu 5 KE.

    Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002

    L-argumenti tal-partijiet

    39

    Ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002, li, skontha, ippreġudikat bil-kbir id-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi tagħha billi inkludiet l-intervent tal-EFSA fil-proċeduri ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi previsti għat-tieni fażi tal-programm ta’ xogħol, bħad-dichlorvos, li jikkostitwixxi stadju addizzjonali obbligatorju fl-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi, filwaqt li, taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, dan l-istadju kien fakultativ. L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002 għandu jiġi ddikjarat illegali u inapplikabbli fir-rigward tar-rikorrenti peress li din id-dispożizzjoni kienet ġiet applikata b’effett retroattiv għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tad-dichlorvos.

    40

    Fil-fatt, ir-rikorrenti tfakkar li l-prinċipju tad-dritt Komunitarju ta’ nonretroattività jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tad-dichlorvos, skont id-Direttiva 91/414, tkun dik fis-seħħ meta bdiet l-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju jimponi li din il-leġiżlazzjoni ma tiġix emendata sostanzjalment sussegwentement. Huwa biss eċċezzjonalment li tista’ tkun ammessa l-applikazzjoni retroattiva ta’ atti ġuridiċi, taħt riżerva ta’ motivazzjoni ġusta u sakemm ma jiġux ippreġudikati l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi.

    41

    Issa, ir-rikorrenti ssostni li la d-Direttiva 91/414, la r-Regolament Nru 451/2000, u lanqas l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002 ma jipprovdu raġuni għalfejn l-EFSA kellha tintervjeni b’effett retroattiv fil-kuntest tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni pendenti. Barra minn hekk, kien hemm ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti peress li ma setgħetx tipprevedi l-intervent ta’ organu distint, bħall-EFSA, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, u l-eżami mill-pari tardiv tal-ARS.

    42

    Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    43

    Għandu jiġi mfakkar, qabelxejn, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000 ġew emendati bl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002. Filwaqt li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1490/2002, is-sustanzi attivi kienu evalwati mill-IMR u mill-Kummissjoni, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 451/2000 “[setgħet] torganizza konsult[azzjoni] ta’ esperti minn Stat Membru wieħed jew iktar”, ir-Regolament Nru 1490/2002 assenja rwol lill-EFSA fl-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 451/2000, kif emendat, l-IMR jindirizza, għas-sustanzi attivi li fir-rigward tagħhom ġie kkunsidrat li kien hemm fajl komplut, l-ARS lill-AESI li, skont l-Artikolu 8(7) ta’ dan l-istess Regolament, għandha tevalwah u tibgħat lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva mal-eżiġenzi ta’ sigurtà tad-Direttiva 91/414.

    44

    Sussegwentement, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1490/2002 ma jipprovdi ebda applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet tiegħu, u b’mod partikolari, tal-Artikolu 20 tiegħu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, dan daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fit-28 ta’ Awwissu 2002, u d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu applikabbli immedjatament b’effett minn din id-data.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, kuntrarjament għar-regoli Komunitarji tad-dritt sostantiv, li għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jinkludux, bħala prinċipju, sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regoli proċedurali japplikaw immedjatament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il-Kummissjoni, T-27/03, T-46/03, T-58/03, T-79/03, T-80/03, T-97/03 u T-98/03, Ġabra p. II-4331, punt 116, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Issa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1490/2002, li jipprovdu għall-intervent tal-EFSA fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi jikkostitwixxu regoli proċedurali li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, għandhom japplikaw immedjatament.

    47

    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000 għal proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ sustanzi attivi pendenti kienet illegali. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1490/2002 ma jeżiġi ebda motivazzjoni speċifika fir-rigward tal-applikazzjoni immedjata tar-regoli proċedurali.

    48

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi estiż sal-punt li jipprekludi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jkunu tnisslu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill, 203/86, Ġabra p. 4563, punt 19; u tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music, C-60/98, Ġabra p. I-3939, punt 25, u tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 55).

    49

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fil-prattika, ir-Regolament Nru 1490/2002 ma introduċiex stadju addizzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 451/2000 kien jipprovdi, qabel ma ġie emendat bir-Regolament Nru 1490/2002, li l-Kummissjoni “[setgħet] torganizza konsult[azzjoni] ta’ esperti minn Stat Membru wieħed jew iktar”. Għalhekk, fuq din il-bażi, ir-rikorrenti, meta ttrażmettiet l-fajl tagħha lill-IMR, setgħet tistenna li kien ser isir eżami mill-pari.

    50

    It-tieni nett, peress li r-Regolament Nru 178/2002 ġie ppubblikat fl-1 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti setgħet tistenna, b’mod partikolari abbażi tal-premessi 34 u 36 kif ukoll tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, li l-EFSA tkun inkarigata li tipprovdi opinjoni xjentifika, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi inklużi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Għalhekk, ir-rikorrenti ma setax kellha aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-EFSA ma kellhiex tintervjeni fl-evalwazzjoni.

    51

    Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 178/2002 u tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

    — L-argumenti tal-partijiet

    52

    Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, l-EFSA kellha tibgħat ir-rapport tagħha lill-Kummissjoni f’Ottubru 2004. Hija għamlet dan biss f’Mejju 2006. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, l-EFSA wettqet evalwazzjoni matul perijodu li matulu ma kinitx legalment awtorizzata li tagħmel dan u li fir-rigward tagħha hija ma kellhiex mandat speċjali, mogħti mill-Kummissjoni jew minn istituzzjoni Komunitarja oħra. Għaldaqstant, l-EFSA marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

    53

    Peress li r-rapport tal-EFSA kien, skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000, serva ta’ bażi għad-deċiżjoni kkontestata, id-difett proċedurali tal-imsemmi rapport jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, li kieku l-EFSA osservat it-terminu previst fl-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti, peress li l-Kummissjoni kien ikollha tippreżenta l-ARS lill-EFSA jew lil korp xjentifiku indipendenti ieħor sabiex isir eżami mill-pari sussegwenti. Għalhekk, l-IMR kien ikollu l-possibbiltà li jippreżenta t-tħassib tiegħu lir-rikorrenti li kien ikollha iktar żmien sabiex tevalwa l-ARS u tipproduċi studji addizzjonali jew sabiex tippreżenta iktar provi.

    54

    Il-Kummissjoni tikkonstesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    55

    Hemm lok li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, l-EFSA tevalwa l-ARS u tibgħat lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva mal-eżiġenzi ta’ sigurtà tad-Direttiva 91/414 f’terminu ta’ sena wara li tkun irċeviet l-ARS. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-EFSA ma osservatx dan it-terminu. Fil-fatt, minkejja li l-EFSA rċeviet l-ARS fl-20 ta’ Ottubru 2003, hija bagħtet l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni biss fit-12 ta’ Mejju 2006.

    56

    Madankollu, anki jekk jitqies li t-terminu tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000 huwa mandatorju, l-iskadenza tal-imsemmi terminu taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. 1375, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 416).

    57

    Ir-rikorrenti tallega li dan huwa l-każ, inkwantu, li kieku l-EFSA osservat it-terminu previst fl-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, il-Kummissjoni kien ikollha tippreżenta l-ARS lill-EFSA jew lil korp xjentifiku indipendenti ieħor sabiex isir eżami mill-pari ieħor. Għalhekk, l-IMR kien ikollu l-possibbiltà li jippreżenta t-tħassib tiegħu lir-rikorrenti li kien ikollha iktar żmien sabiex tevalwa l-ARS u tipproduċi studji addizzjonali jew sabiex tippreżenta iktar provi.

    58

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-ARS u l-addendum tiegħu, kif ukoll ir-rapport tal-EFSA juru li l-fajl, kif innotifikat mir-rikorrenti, ma kienx jinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex ikun hemm evalwazzjoni sodisfaċenti tal-effetti ta’ ħsara tad-dichlorvos. Issa, jekk, wara l-iskambju ta’ fehmiet u informazzjoni organizzat fi ħdanha matul diversi xhur, l-EFSA finalment ikkonkludiet, fit-12 ta’ Mejju 2006, li d-dichlorvos kien ta’ ħsara, hija lanqas ma kienet ser tasal, fid-dawl tan-natura insuffiċenti tal-fajl innotifikat, għal riżultat differenti li kieku adottat ir-rapport tagħha f’terminu ta’ sena minn meta ntbagħat l-ARS. Kuntrarjament, l-IMR ma kienx ikun f’pożizzjoni li jippreżenta addendum għall-ARS, kif għamel f’Mejju 2005.

    59

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fir-rigward tal-possibbiltà tal-Kummissjoni li tippreżenta l-ARS lill-EFSA jew lil korp xjentifiku indipendenti ieħor sabiex isir eżami mill-pari ġdid, ir-Regolament Nru 451/2000 ma jipprovdix tali possibbiltà. Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandha ebda kompetenza sabiex tippreżenta l-ARS. Dan ir-rwol huwa fdat lill-IMR biss li għandu jibgħat l-ARS lill-EFSA sa mhux iktar tard minn tnax-il xhar wara li l-fajl ikun ġie kkunsidrat bħala komplut. Minn naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 451/2000, il-preżentazzjoni ta’ ARS ġdida hija possibbli biss f’każijiet eċċezzjonali, jiġifieri meta dan id-dokument ma jissodisfax b’mod ċar ir-rekwiżiti rigward il-format stabbiliti mill-Kummissjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tistabbilixxi, flimkien mal-EFSA u l-IMR, terminu għall-preżentazzjoni ta’ ASR ġdid li, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 451/2000, ma jistax jeċċedi erba’ xhur. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li, li kieku r-rapport ta’ l-EFSA ġie adottat fit-termini stabbiliti, il-Kummissjoni kien ikollha tippreżenta l-ARS lill-EFSA jew lill-korp xjentifiku ieħor u, b’mod partikolari, dan kien jagħtiha iktar żmien sabiex tipproduċi studji addizzjonali, huwa żbaljat.

    60

    Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

    — L-argumenti tal-partijiet

    61

    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tirrileva li, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 178/2002, l-EPCO, waqt l-evalwazzjoni tad-dichlorvos skont id-Direttiva 91/414, għamlet mistoqsijiet dwar il-karċinoġeniċità u l-ġenotossiċità tad-dichlorvos lill-grupp SPR. Skont ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 178/2002, l-opinjoni ppreżentata mill-grupp SPR tirrappreżenta l-opinjoni xjentifika tal-EFSA fl-intier tagħha. Għalhekk, din l-opinjoni kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, mingħajr ebda modifika, fir-rapport tal-EFSA. Peress li dan tal-aħħar kien jikkontradixxi l-opinjoni tal-grupp SPR, kien hemm ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 178/2002. Barra minn hekk, peress li r-rapport tal-EFSA jikkostitwixxi l-bażi xjentifika tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar hija nieqsa minn kull bażi xjentifika u proċedurali u għalhekk għandha tiġi annullata.

    62

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    63

    L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti essenzjalment iqajmu żewġ mistoqsijiet. L-ewwel mistoqsija tikkonċerna l-valur ġuridiku tal-opinjoni tal-grupp SPR. B’mod iktar preċiż, għandu jiġi eżaminat jekk din l-opinjoni torbotx l-EFSA. It-tieni mistoqsija, li ma tqumx jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, tikkonċerna l-allegata kontradizzjoni bejn l-opinjoni tal-grupp SPR u r-rapport tal-EFSA. Dawn iż-żewġ mistoqsijiet għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

    64

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-valur ġuridiku tal-opinjoni tal-grupp SPR, għandu qabelxejn jiġi kkjarifikat ir-rwol attribwit lill-grupp SPR, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-fajls innotifikati mill-produtturi li jixtiequ jiksbu l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kif ipprovdut fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000.

    65

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan l-artikolu mkien ma jsemmi espliċitament il-grupp SPR. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 451/2000, l-IMR jistabbilixxi ARS li jittrażmetti lill-EFSA. Skont l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament, l-EFSA tittrażmetti l-ARS lill-Istati Membri u tista’ torganizza konsultazzjoni mal-esperti. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 8(7) tal-imsemmi regolament, l-EFSA tevalwa l-ARS u tittrażmetti lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva skont ir-rekwiżiti tas-sigurtà tad-Direttiva 91/414.

    66

    Madankollu, huwa fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000 li jista’ jingħata rwol lill-grupp SPR. Skont dan l-artikolu, l-EFSA hija marbuta li torganizza eżami mill-pari, jiġifieri mill-Istati Membri u, jekk neċessarju, mill-esperti nazzjonali, sabiex tevalwa l-ARS. Bl-għan li din l-evalwazzjoni tiġi razzjonalizzata, l-EFSA fasslet proċeduri partikolari. Dawn il-proċeduri huma deskritti fid-dokument intitolat “Procedure of the peer review of active substances used in plant protection products evaluated in the second stage of the review programme” (“Proċedura ta’ eżami mill-pari ta’ sustanzi attivi użati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti evalwati fil-kuntest tat-tieni fażi tal-programm ta’ xogħol”). F’dan id-dokument, l-EFSA tiddeskrivi erba’ tipi ta’ proċeduri li tista’ tagħżel minn fosthom, skont id-diffikultajiet ippreżentati mill-fajl. Dawn il-proċeduri huma mmexxija, fi ħdan l-EFSA, minn unità ta’ koordinazzjoni tal-eżami mill-pari tal-pestiċidi, msejħa wkoll PRAPeR (EFSA’s Pesticide Risk Assessment Peer Review), unità li ħadet il-funzjonijiet li preċedentement kienu tal-EPCO. Huwa fil-kuntest tal-proċedura speċifika mfassla mill-EFSA sabiex tipproċedi għall-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi li hemm dubji dwar kemm ma humiex ta’ ħsara — li hija waħda mill-erba’ tipi ta’ proċedura ċċitati iktar ’il fuq — li l-EFSA assenjat rwol għall-grupp SPR, stabbilit skont l-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 178/2002. Fil-fatt, għal dawn is-sustanzi, l-EFSA ipprevediet li żżomm laqgħat ta’ esperti nazzjonali kif ukoll il-possibbiltà li tikkonsulta l-grupp SPR rigward kwistjonijiet problematiċi.

    67

    Sussegwentement, għandu jiġi determinat jekk l-opinjoni tal-grupp SPR torbotx lill-EFSA fir-rigward tat-tfassil tar-rapport tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li dan huwa l-każ billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 178/2002.

    68

    Skont dan l-artikolu, “[i]l-Bordijiet Permanenti Xjentifiċi għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdu opinjonijiet xjentifiċi lill-[EFSA]”. Għandu jiġi kkonstatat, skont ir-rikorrenti, li l-kliem ta’ dan l-artikolu jimplika li l-EFSA, jekk tiddeċiedi li titlob opinjoni xjentifika mingħand tali grupp, hija marbuta li tikkonforma ruħha magħha. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-regoli stabbiliti mill-EFSA: fil-każ ta’ konsultazzjoni mal-grupp SPR, huwa previst li r-rapport tal-laqgħat ta’ esperti nazzjonali msemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq jieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tiegħu. Eċċezzjoni għal din ir-regola hija possibbli biss fil-każ fejn l-EFSA jkollha elementi xjentifiċi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-opinjoni.

    69

    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-fajls innotifikati mill-prodotturi li jixtiequ jiskbu l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, l-opinjoni tal-grupp SPR ma tistax tiġi konfuża mal-opinjoni tal-EFSA dwar il-konformità tas-sustanza attiva mar-rekwiżiti ta’ sigurtà tad-Direttiva 91/414, imfassla skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat, fil-kuntest tal-proċedura ċċitata, il-grupp SPR jista’ jiġi kkonsultat mill-PRAPeR rigward ċerti diffikultajiet partikolari tal-fajls li tagħhom hija tkun qed tikkoordina l-evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-grupp SPR ma jista’ f’ebda każ jieħu post l-EFSA fir-rigward tat-tfassil tal-opinjoni msemmija fl-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000.

    70

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq isegwi li, fil-kuntest tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, l-opinjoni tal-grupp SPR torbot lill-EFSA fir-rigward ta’ kwistjonijiet li dwarhom ġiet ikkonsultata, iżda bla ħsara għall-evalwazzjoni ġenerali tar-riskju ppreżentat mis-sustanza attiva inkwistjoni.

    71

    It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk l-opinjoni tal-grupp SPR ġietx żnaturata jew kontradetta fir-rapport tal-EFSA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-opinjoni xjentifika tal-grupp SPR ingħatat fuq talba tal-EPCO. Saru żewġ mistoqsijiet lil grupp SPR. Min-naħa, ġie mistoqsi lill-imsemmi grupp jekk huwa setax jidentifika l-mekkaniżmi li bihom id-dichlorvos jikkawża tumuri u, fil-każ ta risposta affermattiva, jekk setax jiddetermina jekk kienx possibbli li jiġi stabbilit livell ta’ espożizzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa ġie mistoqsi jekk it-tumuri osservati fl-annimali setgħux ikunu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti tad-dichlorvos fuq is-saħħa tal-bniedem.

    72

    Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, il-grupp SPR għamel distinzjoni, fir-risposta tiegħu, bejn il-ġenotossiċità u l-karċinoġeniċità. Fir-rigward tal-mekkaniżmi eventwali li permezz tagħhom id-dichlorvos jista’ jkun ġenotossiku, l-opinjoni tal-grupp SPR ikkonstatat, minn naħa, il-mutaġeniċità in vitro tad-dichlorvos u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ ċerti provi li juru li d-dichlorvos jinbidel fil-punt ta’ kuntatt in vivo, iżda li l-mekkaniżmu li jibda dan l-effett ma huwiex magħruf sew. Fir-rigward tal-karattru karċinoġenu tad-dichlorvos, il-grupp SPR enfasizza li l-uniku effett karċinoġenu kkonstatat kien jikkonċerna tumuri skoperti fl-istonku anterjuri tal-ġrieden. Skont il-grupp SPR, tali tumuri jidhru li huma l-konsegwenza ta’ konċentrazzjonijiet lokali għolja tad-dichlorvos matul perijodu estiż (ikkawżat mit-tmigħ sfurzat tal-annimali). F’dan ir-rigward, il-grupp SPR indika li kien possibbli, iżda xejn ċert, li dawn it-tumuri huma dovuti għal bidla fid-DNA taċ-ċelloli fil-punt ta’ kuntatt, li timplika, fil-prinċipju, li t-tumuri jistgħu jiżviluppaw f’postijiet oħra. Madankollu, skont il-grupp SPR, id-dożi neċessarji sabiex ikun hemm tumuri kienu tant għolja li l-iżvilupp ta’ tali tumuri f’postijiet oħra ma kienx wisq probabbli. Għalhekk, dan ifisser, skont il-grupp SPR, li jeżisti livell minimu li jekk ma jintlaħaqx, ma jkun hemm lok għal ebda reazzjoni ta’ karċinoġeniċità.

    73

    Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, il-grupp SPR ikkonkluda li, peress li, b’differenza għall-ġrieden, il-bnedmin ma għandhomx stonku anterjuri, kien hemm inċertezza xjentifika kunsiderevoli fir-rigward tat-tip ta’ azzjoni u tar-rilevanza għall-bnedmin ta’ tumuri tal-istonku anterjuri dovuti għad-dichlorvos fil-ġrieden. Il-grupp SPR tenna li, minkejja li ma kienx possibbli li tiġi eskluża interazzjoni mad-DNA bħala stadju kritiku tal-produzzjoni ta’ dawn it-tumuri, l-iżvilupp ta’ tali tumuri deher li kien il-konsegwenza ta’ konċentrazzjonijiet lokali għoljin u fit-tul tad-dichlorvos. Skont il-grupp SPR, il-provi disponibbli donnhom jissuġġerixxu li dawn it-tumuri ma jipproduċux ruħhom f’każ ta’ livelli ta’ espożizzjoni li jaqblu mal-użu propost tas-sustanza attiva, inkwantu tali tossiċità sistematika gravi tfeġġ qabel ma jiżviluppaw it-tumuri.

    74

    Għandu jiġi kkonstatat li r-rapport tal-EFSA jinkludi sommarju eżawrjenti ta’ dawn ir-risposti. Wara dan is-sommarju, l-EFSA qablet li, skont l-opinjoni tal-grupp SPR, teoretikament jista’ jiġi stabbilit livell minimu li jekk ma jinqabiżx l-użu tas-sustanza attiva dichlorvos ma jkunx ta’ ħsara. Madankollu, skont rapport tal-EFSA, peress li l-fajl ma jinkludix studju serju fuq żmien twil dwar il-karċinoġeniċità, la huwa possibbli li tiġi stabbilta d-“doża mingħajr effett mhux mixtieq osservat” (DMEMMO), u lanqas li tingħata stampa ġenerali tal-proprjetajiet tossikoloġiċi tas-sustanza attiva. Għalhekk, ir-rapport tal-EFSA jiddikjara li tali livell minimu ma jistax jiġi ddefinit, f’dan il-każ.

    75

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport tal-EFSA la jiżnatura u lanqas ma jinjora l-opinjoni tal-grupp SPR. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li, fir-rapport tagħha, l-EFSA qieset li l-evalwazzjoni tar-riskji marbuta mad-dichlorvos għas-saħħa tal-bniedem ma kinitx konklużiva minħabba inċertezzi marbuta mal-proprjetajiet ġenotossiċi u karċinoġeni ta’ din is-sustanza, filwaqt li l-grupp SPR enfasizza li l-provi disponibbli donnhom kienu jissuġġerixxu li r-riskju ta’ ġenotossiċità u ta’ karċinoġeniċità kien minimu, kien direttament marbut mal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 69 iktar ’il fuq li tipprovdi li l-grupp SPR jista’ jiġi kkonsultat dwar ċerti diffikultajiet partikolari tal-fajls li għandhom jiġu evalwati, iżda ma jista’ fl-ebda każ jieħu post l-EFSA fir-rigward tat-tfassil tal-opinjoni msemmija fl-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000. Fil-fatt, filwaqt li l-evalwazzjoni tar-riskji li saret mill-grupp SPR hija ta’ natura teoretika, hija l-EFSA li għandha, meta twettaq tali evalwazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-kontinġenzi prattiċi marbuta mal-ġestjoni ta’ dawn ir-riskji. F’dan il-każ, minkejja li l-grupp SPR qies li, fit-teorija, ir-riskji tal-mutaġeniċità u tal-karċinoġeniċità kienu minimi, ir-rapport tal-EFSA indika li, minħabba ċerti lakuni fid-data pprovduta mir-rikorrenti, li rrendiet impossibbli l-iffissar ta’ livell minimu, l-evalwazzjoni tar-riskji ma kinitx konklużiva.

    76

    Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

    — L-argumenti tal-partijiet

    77

    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tippreżenta, lill-Istati Membri, kull informazzjoni utli għad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva, qabel ma jittieħed vot fi ħdan il-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali. Nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000.

    78

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa l-osservazzjonijiet kollha. Fost dawn tal-aħħar kien hemm l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport tal-EFSA, tat-22 ta’ Ġunju 2006. Peress li dawn l-osservazzjonijiet ma ntbgħatux lill-Istati Membri, il-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, u dan jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    79

    Barra minn hekk, fir-replika tagħha r-rikorrenti ssostni li minkejja li dawn l-osservazzjonijiet tabilħaqq intbagħtu lill-Istati Membri fil-11 ta’ Settembru 2006, kif tallega l-Kummissjoni, kien waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali tal-14 ta’ Lulju 2006 li l-Kummissjoni pproponiet, għall-ewwel darba, in-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dichlorvos. Għalhekk, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma kellhomx aċċess għal dawn id-dokumenti meta saret l-ewwel evalwazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, huma kellhom aċċess għalihom biss 17-il jum qabel il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali tat-28 ta’ Settembru 2006, li matulha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

    80

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    81

    Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000, il-Kummissjoni hija marbuta li tippreżenta, mhux iktar tard minn sitt xhur wara li tirċevi r-rapport tal-EFSA, abbozz ta’ rapport ta’ analiżi kif ukoll abbozz ta’ direttiva intiżi għall-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I jew abbozz ta’ deċiżjoni indirizzat lill-Istati Membri intiż għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sustanza attiva inkwistjoni, u għalhekk, in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

    82

    Fil-kawża preżenti għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu li tikkomunika l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-rapport tal-EFSA, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-22 ta’ Ġunju 2006 ġew trażmessi lill-Istati Membri, fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali tat-28 u tad-29 ta’ Settembru 2006, fil-11 ta’ Settembru 2006. Anki jekk, kif tfakkar ir-rikorrenti, l-ewwel laqgħa tal-kumitat inżammet fl-14 ta’ Lulju 2006, laqgħa li matula ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar l-inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, il-vot dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ittieħed, fi ħdan l-istess kumitat, biss waqt il-laqgħat tat-28 u tad-29 ta’ Settembru 2006. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ġew ikkomunikati lill-Istati Membri kmieni biżżejjed sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jeħduhom inkunsiderazzjoni waqt il-vot tagħhom.

    83

    Għalhekk, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni xjentifika tad-deċiżjoni kkontestata

    L-argumenti tal-partijiet

    84

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma kellhiex provi xjentifiċi suffiċjenti li kienu jippermettulha tikkonstata, fuq bażi oġġettiva, in-neċessità li d-dichlorvos jiġi pprojbit.

    85

    Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konklużjoni xjentifika essenzjali li tipprovdi li l-ġenotossiċità u l-karċinoġeniċità tad-dichlorvos ma jistgħux jiġu esklużi. Din il-konklużjoni hija kontradetta mill-opinjoni tal-grupp SPR, li tipprovdi li d-dichlorvos ma għandux riskju karċinoġenu jew ġenotossiku. Għalhekk, il-kliem ta’ din l-opinjoni, li jipprovdi li, “[w]ara li eżamina d-data kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, il-grupp SPR ikkonkluda li, bl-eċċezzjoni għat-tumuri fl-istonku anterjuri tal-ġrieden, ma kien hemm ebda prova konvinċenti ta’ żieda marbuta mal-kompożizzjoni tal-effett ta’ tumur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jikkontradixxu l-konklużjonijiet magħmula fir-rapport tal-EFSA u fid-deċiżjoni kkontestata.

    86

    Issa, minn naħa, l-opinjoni tal-grupp SPR għandha tkun ġuridikament assimilata mal-opinjoni tal-EFSA fl-intier tagħha.

    87

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, bħall-EFSA, tista’ biss tagħżel bejn jew li taqbel mal-opinjoni tal-grupp SPR jew li tvarja minnha, bil-kundizzjoni, fl-aħħar każ, li tirreferi għall-opinjoni ġdida tal-grupp SPR jew ta’ korp xjentifiku tal-istess statura jew tal-istess livell. F’dan ir-rigward, ir-rapport tal-EFSA huwa partikolarment suġġett għal prudenza, inkwantu ġie ffinalizzat biss ħamest ijiem wara n-notifika tal-opinjoni tal-grupp SPR li, min-naħa tiegħu, kellu bżonn sena ta’ evalwazzjoni metodika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq skoperti xjentifiċi serji dwar in-nuqqas ta’ ġenotossiċità u ta’ karċinoġeniċità tad-dichlorvos, kif esposti fl-opinjoni tal-grupp SPR, u ma kien hemm ebda riċerka serja li turi mod ieħor. Fl-aħħar nett, l-opinjoni tal-grupp SPR ma hijiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni ma tippreżenta ebda ġustifikazzjoni ta’ ksur fid-deċiżjoni kkontestata.

    88

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku r-rapport tal-EFSA kellu jiġi kkunsidrat bħala bażi valida għad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rapport huwa, fih innifsu, ivvizzjat inkwantu ma tfassalx mill-EFSA, bħala korp indipendenti li jippreżenta opinjonijiet xjentifiċi, iżda fil-kwalità tagħha ta’ koordinatur tal-laqgħat tal-esperti. Dan jirriżulta mill-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata u mir-rapport tal-EFSA nnifsu.

    89

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-effetti tad-dichlorvos fuq il-popolazzjoni inġenerali u fuq l-ambjent ma humiex rilevanti fid-dawl tal-użu propost tad-dichlorvos, jiġifieri użu fuq ġewwa għall-basal tal-fjuri. Huwa evidenti li, kemm minn perspettiva loġika kif ukoll minn dik xjentifika, ma hemm ebda riskju għall-popolazzjoni jew għall-ambjent jekk id-dichlorvos jintuża biss fuq ġewwa għall-basal tal-fjuri. Konsegwentement, ma hemm ebda ġustifikazzjoni xjentifika għar-restrizzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq tħassib ipotetiku.

    90

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li ma kienx possibbli li ssir evalwazzjoni tajba tar-riskju minħabba l-lakuni fil-fajl, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika tagħha, li l-IMR innifsu kkonstata li l-fajl kien komplut. Tali dikjarazzjoni neċessarjament timplika li l-IMR jikkunsidra li l-fajl kien jinkludi d-data kollha meħtieġa skont id-Direttiva 91/414 sabiex ikun jista’ jipproċedi għall-evalwazzjoni tas-sustanza attiva. Il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti qiesu li l-fajl kien komplut u ssoktaw bl-evalwazzjoni tal-fajl nisslet fir-rikorrenti aspettativi leġittimi li d-data kollha meħtieġa kienet ġiet ipprovduta.

    91

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    92

    Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mid-disa’ premessi tagħha, id-Direttiva 91/414 għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid Hollandse Milieufederatie, C-138/05, Ġabra p. I-8339, punt 43 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, T-75/06, Ġabra p. II-2081, punt 81).

    93

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, sabiex l-għan assenjat lilha jkun jista’ jintlaħaq b’mod effiċjenti, u fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandu jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C-326/05 P, Ġabra p. I-6557, iktar ’il quddiem is-“sentenza IQV”, punt 75, u s-sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 82).

    94

    L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa madankollu suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5, u tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C-16/90, Ġabra p. I-5163, punt 12; sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 83).

    95

    Għandu jitfakkar ukoll li mill-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 451/2000 jirriżulta li huwa l-awtur tan-notifika li għandu jipproduċi l-prova li, abbażi tal-informazzjoni sottomessa għal preparazzjoni jew għal diversi preparazzjonijiet li jikkorrispondu għal serje limitata ta’ użu rappreżentattivi, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/414 huma sodisfatti fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, huwa l-awtur tan-notifika li għandu l-oneru li jipprova li s-sustanza attiva ma hijiex ta’ ħsara (ara, b’analoġija, is-sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 85).

    96

    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk il-konklużjonijiet xjentifiċi esposti fid-deċiżjoni kkontestata humiex nieqsa, kif tallega r-rikorrenti, minn bażi xjentifika oġġettiva u valida.

    97

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konklużjoni xjentifika essenzjali li tipprovdi li l-ġenotossiċità u l-karċinoġeniċità tad-dichlorvos ma jistgħux jiġu esklużi, konklużjoni li hija kontradetta mill-opinjoni tal-grupp SPR, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm it-tħassib ewlieni huwa dwar l-inċertezzi marbuta mal-proprjetajiet ġenotossiċi u karċinoġeni tad-dichlorvos, madankollu ssir ukoll referenza għall-kwalità fqira globali tal-fajl li kkostitwixxiet ostakolu sabiex jintwera li l-espożizzjoni stmata tal-operaturi, tal-ħaddiema u tal-persuni preżenti kienet aċċettabbli.

    98

    Għalkemm il-Kummissjoni ma tagħtix iktar dettalji fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-lakuni tal-fajl, ir-rapport tal-EFSA, li huwa paċifiku li jikkostitwixxi l-bażi xjentifika tad-deċiżjoni kkontestata, jipprovdi tali dettalji. Għalhekk, lil hinn mill-inċertezzi marbuta mal-proprjetajiet ġenotossiċi u karċinoġeni tad-dichlorvos, ir-rapport tal-EFSA jiżvela l-problemi segwenti:

    ebda limitu ta’ referenza definittiv ma huwa kkonfermat;

    nuqqas ta’ qbil dwar il-limiti ta’ referenza definittivi, l-evalwazzjoni tar-riskju għall-operaturi, il-ħaddiema u l-persuni preżenti ma hijiex konklużiva;

    ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita speċifikazzjoni teknika għad-dichlorvos;

    ebda metodu analitiku għad-determinazzjoni tar-residwi tad-dichlorvos fil-ħamrija, fl-ilma, fl-arja, fid-demm u fit-tessuti tal-annimali ma huwa disponibbli.

    99

    Għalhekk, ir-rikorrenti tiżbalja meta tinjora l-problemi l-oħra identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, minbarra l-inċertezzi marbuta mal-ġenotossiċità u mal-karċinoġeniċità tad-dichlorvos.

    100

    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkontradixxix l-opinjoni tal-grupp SPR. Kif diġà ġie espost fil-punti 71 sa 75 iktar ’il fuq, ir-rapport tal-EFSA, li jikkostitwixxi l-bażi xjentifika tad-deċiżjoni kkontestata, jinkludi b’mod eżawrjenti t-termini ta’ din l-opinjoni. Minkejja li r-rapport tal-EFSA jindika li l-evalwazzjoni tar-riskji ma hijiex konklużiva, filwaqt li l-grupp SPR jissuġġerixxi li r-riskju ta’ ġenotossiċità u ta’ karċinoġeniċità huwa minimu, f’dan ir-rapport l-EFSA tispjega, kif ġie enfasizzat fil-punt 74 iktar ’il fuq, ir-raġuni għalfejn riskji li jistgħu jidhru aċċettabbli fit-teorija ma humiex aċċettabbli fil-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, kif intwera fil-punt 98 iktar ’il fuq, ir-rapport tal-EFSA jirreferi għal problemi oħra minbarra inċertezzi marbuta mal-ġenotossiċità u mal-karċinoġeniċità tad-dichlorvos, problemi li dwarhom il-grupp SPR ma ġiex ikkonsultat.

    101

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuq il-konklużjoni xjentifika essenzjali li tipprovdi li l-ġenotossiċità u l-karċinoġeniċità tad-dichlorvos ma jistgħux jiġu esklużi, konklużjoni li hija kontradetta mill-opinjoni tal-grupp SPR, għandu jiġi miċħud.

    102

    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rapport tal-EFSA ma tfassalx minn din tal-aħħar fil-kwalità tagħha ta’ korp indipendenti, iżda fil-kwalità tagħha ta’ koordinatur tal-laqgħat tal-esperti, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni timplika, min-naħa tar-rikorrenti, interpretazzjoni żbaljata tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-fajls innotifikati mill-prodotturi li jixtiequ jiksbu l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kif prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000.

    103

    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 65 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 451/2000, l-IMR jistabbilixxi ARS li jittrażmetti lill-EFSA. Skont l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament, l-EFSA tittrażmetti l-ARS lill-Istati Membri u tista’ torganizza konsultazzjoni mal-esperti. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 8(7) tal-imsemmi regolament, l-EFSA tevalwa l-ARS u tittrażmetti lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva skont ir-rekwiżiti tas-sigurtà tad-Direttiva 91/414.

    104

    Din il-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha tiġi intepretata fid-dawl tal-preambolu tar-Regolament Nru 1490/2002, peress li dan ir-regolament emenda l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000. Mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 1490/2002 jirriżulta b’mod partikolari li l-ARS huma “riveduti mill-[EFSA] qabel ma jkunu sottomessi lill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali”. Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000, din ir-reviżjoni ssir permezz tal-organizzazzjoni ta’ eżami mill-pari. Huwa abbażi ta’ dan l-eżami mill-pari li l-EFSA tittrażmetti l-ARS kif ukoll ir-rapport tagħha stess lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000.

    105

    Għalhekk, huwa b’mod korrett li l-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ARS kien suġġett għal “reviżjoni inter pares” mill-Istati Membri u l-EFSA u li ġie ppreżentat lilha fil-forma ta’ rapport tal-EFSA. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-imsemmi rapport huwa vvizzjat inkwantu ma tfassalx mill-EFSA fil-kwalità tagħha ta’ korp indipendenti.

    106

    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-effetti tad-dichlorvos fuq il-popolazzjoni inġenerali u fuq l-ambjent ma humiex rilevanti inkwantu d-dichlorvos huwa biss intiż għall-użu fuq ġewwa għall-basal tal-fjuri, għandu jiġi rrilevat li, anki li kieku ma kien jeżisti ebda riskju għall-popolazzjoni inġenerali u għall-ambjent, ir-rikorrenti għandha tipprova, skont l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 451/2000, li r-riskju għall-operaturi li jimmaniġġjaw is-sustanza attiva kien konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/414 u b’mod partikolari mal-kriterji pprovduti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. Issa, kif diġà ġie sostnut fil-punti 97 sa 99 iktar ’il fuq, il-lakuni tal-fajl ma jippermettux evalwazzjoni tar-riskju konklużiva.

    107

    Ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, peress li l-IMR iddikjara l-fajl bħala komplut, il-Kummissjoni ma tistax iktar tikkritikah talli ħalla barra xi informazzjoni, huwa inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, inkwantu tqajjem għall-ewwel darba fir-replika.

    108

    Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex fondat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 451/2000, l-awturi ta’ notifika għandhom “jissottomettu lill-awtorità nominata [mill-IMR] għal kull sustanza attiva partikolari l-inkartament komplut li ssir riferenza għalih fil-paragrafu 3”. Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 451/2000, l-inkartament komplut għandu jinkludi “fiżikament ir-rapporti individwali tal-prova u l-istudju”.

    109

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li fajl ġie ddikjarat komplut, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 451/2000, mhux neċessarjament jiggarantixxi li dan il-fajl ikun jinkludi l-informazzjoni kollha sabiex l-IMR, l-EFSA u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jieħdu pożizzjoni fuq l-effett ta’ ħsara, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, tas-sustanza attiva kkonċernata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li fajl li jkun fih l-istudji u r-rapporti previsti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 451/2000, għandu jiġi kkunsidrat komplut mill-IMR, u dan ma jimplikax deċiżjoni dwar il-kwalità tal-fajl u ma jeskludix li tintalab data addizzjonali sabiex tippermetti lill-IMR u/jew lill-EFSA jwettqu l-evalwazzjoni xjentifika tagħhom tas-sustanza attiva.

    110

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414

    L-argumenti tal-partijiet

    111

    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, għandha ssir distinzjoni bejn il-perikolu u r-riskju. Skont ir-rikorrenti, il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 huma bbażati fuq evalwazzjoni tar-riskju. Id-deċiżjoni kkontestata tikser dan l-artikolu peress li ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji, iżda biss fuq il-konstatazzjoni tal-proprjetajiet intrinsikament perikolużi tad-dichlorvos.

    112

    Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-inċertezzi marbuta mal-proprjetajiet ġenotossiċi u karċinoġeni ta’ din is-sustanza sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Għalhekk, il-ġenotossiċità u n-natura karċinoġena tad-dichlorvos huma relatati mal-proprjetajiet intrinsikament perikolużi tiegħu. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet ma tippermettix fiha nfisha li jiġi konkluż li d-dichlorvos jesponi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem għal riskju inaċċettabbli. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tispeċifika li d-data disponibbli ma hijiex suffiċjenti, mingħajr ma tasal għal konklużjoni ċara fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din timplikax riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

    113

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    114

    Għandu jiġi mfakkar li mid-disa’ premessa tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jridu jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni, li b’mod partikolari, għandu jevita l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-każ fejn ir-riskji li huma jippreżentaw għas-saħħa, għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ambjent ma kinux is-suġġett ta’ riċerka xierqa.

    115

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, sabiex sustanza tkun tista’ tiġi inkluża fl-Anness I, huma fformulati b’mod wiesa’ u bbażati fuq analiżi tar-riskji ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art jew influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent (sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 184).

    116

    Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’rabta mal-prinċipju ta’ kawtela. Skont dan il-prinċipju, meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu ppruvati b’mod eżawrjenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punt 99, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, Ġabra p. II-3305, punt 139). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kawtela, li ipotetikament jikkorrispondi ma’ kuntest ta’ inċertezza xjentifika, ma jistax jiġi meħtieġ li evalwazzjoni tar-riskji għandha b’mod obbligatorju tipprovdi lill-istituzzjonijiet Komunitarji bi provi xjentifiċi konklużivi dwar ir-realtà tar-riskju u l-gravità tal-effetti ħżiena potenzjali f’każ li jseħħ dan ir-riskju (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 142).

    117

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 92 sa 95 iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li mill-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar hija bbażata mhux biss fuq id-data tossikoloġika disponibbli u fuq l-inċertezzi marbuta mal-proprjetajiet ġenotossiċi jew karċinoġeni tad-dichlorvos, iżda wkoll, b’mod ġenerali, fuq il-kwalità fqira tal-fajl kollu. F’dan ir-rigward, fil-punt 98 iktar ’il fuq diġà ġie stabbilit li peress li l-fajl ippreżentat mir-rikorrenti kien fih ħafna lakuni, l-ebda konklużjoni affidabbli ma setgħet tiġi konkluża fir-rigward tal-proprjetajiet ġenotossiċi u karċinoġeni tad-dichlorvos kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-fatt li d-dichlorvos ma huwiex ta’ ħsara. Għalhekk, ir-rapport tal-EFSA jindika li ċerti inċertezzi setgħu jitneħħew biss jekk id-data u l-istudji neqsin jiġu pprovduti.

    118

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kawtela, li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-data tossikoloġika disponibbli, tal-inċertezzi marbuta mal-proprjetajiet ġenotossiċi u karċinoġeni tad-dichlorvos, u tal-lakuni tal-fajl li ma jagħmluhiex possibbli li titwettaq evalwazzjoni tar-riskji konklużiva, ma wettqitx ksur manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata u barra minn hekk, lanqas ma kisret l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414.

    119

    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv

    — L-argumenti tal-partijiet

    120

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt għal smigħ tagħha billi naqset, l-ewwel nett, mill-obbligu tagħha li tagħtiha l-possibbiltà u ż-żmien biżżejjed sabiex tippreżenta osservazzjonijiet u tippreżenta studji bħala risposta għall-oġġezzjonijiet mqajma matul l-evalwazzjoni tad-dichlorvos dwar in-nuqqas ta’ studji fuq żmien twil li jippermettu li jiġi eskluż r-riskju ġenotossiku u karċinoġenu, u, it-tieni nett, mill-obbligu li teżamina bir-reqqa l-osservazzjonijiet tagħha.

    121

    L-ewwel nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tagħtiha l-possibbiltà u ż-żmien biżżejjed sabiex tippreżenta osservazzjonijiet u tippreżenta studji, ir-rikorrenti tqis li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni jew l-EFSA evokawx in-nuqqas ta’ studji fuq żmien twil suffiċjentement kmieni matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni u jekk hija kellhiex żmien biżżejjed sabiex tippreżenta d-data nieqsa.

    122

    Fir-rigward tal-mument ta’ meta l-Kummissjoni u l-EFSA evokaw in-nuqqas ta’ studji fuq żmien twil, ir-rikorrenti ssostni li, l-ewwel nett, la l-IMR u lanqas il-grupp SPR ma qajmu l-kwistjoni tal-istudji fuq żmien twil bħala aspett essenzjali tal-evalwazzjoni xjentifika. It-tieni nett, din il-kwistjoni ġiet tradotta f’talba formali għal data, min-naħa tal-EFSA, biss fi stadju tard ħafna tal-ipproċessar tal-fajl meta l-EFSA kienet iffinalizzat ir-rapport tagħha. It-tielet nett, ir-rikorrenti ma setgħetx tistenna din it-talba sa fejn il-grupp SPR ikkunsidraha bħala inutli. Ir-raba’ nett, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li hija ma kinitx obbligatha li tavżaha bil-lakuni fil-fajl u li tagħtiha żmien biżżejjed sabiex tirrimedja dan peress li notifikant jista’ dejjem jippreżenta talba ġdida, għandha tiġi kkunsidrata bħala risposta sproporzjonata u mhux xierqa għal nuqqas imprevedibbli tad-data li jkun hemm matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni.

    123

    Fir-rigward tal-kwistjoni taż-żmien li hija kellha sabiex tipprepara dawn l-istudji fuq żmien twil, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tathiex il-possibbiltà u ż-żmien sabiex tieħu ħsieb dan il-punt peress li qieset li t-termini sabiex dan isir kienu skadew. Il-Kummissjoni kellha testendi jew tissospendi t-termini amministrattivi tagħha sabiex tagħtiha possibbiltà xierqa li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha. Dan huwa partikolarment minnu fid-dawl tal-fatt li hija kienet irċeviet garanziji preċiżi, waqt il-laqgħa tal-EPCO organizzata mis-27 ta’ Ġunju sal-1 ta’ Lulju 2005 u min-naħa tal-grupp SPR, li ebda studju fuq żmien twil ma kien neċessarju. Għalhekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija paragunabbli għal dik tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza IQV, punt 93 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, in-negliġenza murija mill-Kummissjoni, fir-rigward tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, hija enfasizzata mill-fatt li r-rikorrenti għamlet l-almu tagħha matul l-evalwazzjoni kollha sabiex tissodisfa kull talba tal-awtoritajiet kompetenti. Fl-aħħar nett, inkwantu l-awtoritajiet kompetenti ma osservawx it-termini previsti mil-leġiżlazzjoni, huma ma jistgħux leġittimament jippruvaw jimponu b’mod strett l-osservanza tat-termini applikabbli għar-rikorrenti.

    124

    It-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġu eżaminati bir-reqqa l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, din tal-aħħar tirrileva li, fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-osservazzjonijiet kollha li ppreżentat ġew eżaminati bir-reqqa. Issa, dan ma huwiex il-każ.

    125

    Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ppermettitilhiex tippreżenta l-istudji l-ġodda fuq żmien twil, wara li kienet ċaħdet l-argumenti tagħha kif ukoll l-opinjoni tal-grupp SPR, li kienu jgħidu li dawn l-istudji kienu inutli.

    126

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    127

    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri inkwistjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom, għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C-28/05, Ġabra p. I-5431, punt 74, u s-sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 130).

    128

    Fil-kawża inkwistjoni, għandu qabel xejn jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti peress li ma tilqax it-talba tagħha għall-inklużjoni tad-dichlorvos fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

    129

    Sussegwentement, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru, inkwantu la ngħatat il-possibbiltà u lanqas żmien biżżejjed sabiex tippreżenta studji, bħala risposta għall-oġġezzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ studji fuq żmien twil, imqajjma fir-rapport tal-EFSA, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-regolamenti applikabbli ma jipprovdu ebda obbligu li notifikant jingħata l-opportunità li jippreżenta studji matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni.

    130

    Għalhekk, l-Artikolu 8(2) u (5) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi li “studji ġodda” ma humiex, bħala prinċipju, ammissibbli, fil-każ fejn l-IMR u l-EFSA, rispettivament, ikunu bdew l-evalwazzjoni tas-sustanza attiva. Għalkemm, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, l-IMR, bi ftehim mal-EFSA skont il-każ, meta l-ARS ikun diġà ġie trażmess lil din tal-aħħar, jista’ jistieden lin-notifikant sabiex jissottometti, fit-termini speċifikati, data addizzjonali li l-IMR jew l-EFSA jqisu neċessarja sabiex jikkjarifikaw l-fajl, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux tali eċċezzjoni għall-preżentazzjoni ta’ studji ġodda. A fortiori, ma teżisti ebda possibbiltà li tiġi pprovduta data addizzjonali jew studji wara li l-EFSA tkun iffinalizzat ir-rapport tagħha.

    131

    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li testendi jew tissospendi t-termini legali sabiex tagħtiha possibbiltà xierqa li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha. Skont ir-rikorrenti, dan l-obbligu jirriżulta, minn naħa, mill-garanziji preċiżi li ebda studju fuq żmien twil ma kien neċessarju, mogħtija waqt il-laqgħa tal-EPCO li nżammet mis-27 ta’ Ġunju sal-1 ta’ Lulju 2005 u minn naħa tal-grupp SPR, u min-naħa l-oħra, mis-sentenza IQV, punt 93 iktar ’il fuq.

    132

    Issa, minn naħa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti effettivament irċevietx garanziji preċiżi li ebda studju fuq żmien twil ma kien neċessarju, tali garanziji ma setgħux inisslu aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti peress li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi espliċitament li studji ġodda ma humiex, bħala prinċipju, ammessi meta l-EFSA tkun bdiet l-evalwazzjoni tagħha tas-sustanza attiva. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma biss il-garanziji konformi man-normi applikabbli li jistgħu jnisslu aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T-347/03, Ġabra p. II-2555, punt 102, u tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T-282/02, Ġabra p. II-319, punt 77).

    133

    Min-naħa l-oħra, is-sentenza IQV, punt 93 iktar ’il fuq, ma hijiex utli għall-każ inkwistjoni. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li għandha tingħata estensjoni tat-terminu ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva meta ma jkunx possibbli li ssir deroga mit-termini proċedurali stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwstjoni u jekk il-partijiet li nnotifikaw is-sustanza attiva sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li pprekludiethom milli josservaw it-termini proċedurali, fatt li jista’ jseħħ jekk l-impossibbiltà li jiġu osservati tali termini kienet dovuta, minn tal-inqas parzjalment, għall-aġir kontradittorju tal-awtoritajiet kompetenti (sentenza IQV, punt 93 iktar ’il fuq, punti 84 sa 88, u sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 89). Fil-każ inkwistjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk kienx possibbli li ssir deroga mit-termini proċedurali stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda prova li tista’ turi li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li pprekludietha milli tosserva dawn it-termini. Kuntrarjament, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-ARS, innotifikat lir-rikorrenti f’Ġunju 2004, kien diġà jindika li l-fajl, kif innotifikat minn din tal-aħħar, ma kienx jinkludi l-elementi kollha neċessarji li jippermettu lill-EFSA tevalwa, b’mod sodisfaċenti, l-effetti ta’ ħsara tad-dichlorvos. B’mod partikolari, dan jindika, fil-punt 4.6 tiegħu, in-neċessità li jiġi sottomess studju dwar it-tossiċità fuq żmien twil tad-dichlorvos.

    134

    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu li r-rikorrenti tingħata l-possibbiltà u żmien biżżejjed sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha kif ukoll tal-obbligu li l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati jiġu eżaminati bir-reqqa, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta tali osservazzjonijiet dwar ir-rapport tal-EFSA, stedina li hija aċċettat bil-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2006. Din l-istess premessa tikkonferma li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti “ġew eżaminati bir-reqqa”, iżda li “t-tħassib […] baqa’ mhux indirizzat”. Minn dan mhux biss isegwi li r-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, iżda li, barra minn hekk, dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

    135

    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti matul il-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ġie rrispettat. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv

    — L-argumenti tal-partijiet

    136

    Ir-rikorrenti ssostni li, billi ċaħdet l-opinjoni tal-grupp SPR u l-osservazzjonijiet tagħha nnotifikati fit-22 ta’ Ġunju 2006 b’mod mgħaġġel, mingħajr ma pprovdiet modalitajiet oħra ta’ kif jista’ jiġi solvut il-kunflitt ta’ opinjoni bejn l-esperti, pereżempju billi titlob opinjoni oħra jew billi tagħti iktar żmien lir-rikorrenti sabiex tiġbor id-data neċessarja, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    137

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    138

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxa mill-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15; sentenzi Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 116 iktar ’il fuq, punt 411, u Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 223).

    139

    Madankollu, fil-qasam tal-agrikoltura, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa partikolari, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza jirrikonoxxu lil-leġiżlatur Komunitarju setgħa diskrezzjonali li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi li l-Artikoli 34 KE sa 37 KE jagħtuh f’dan il-qasam (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 61). Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura deċiża f’dan is-settur, meta mqabbla mal-għan imfittex mill-istituzzjoni kompetenti, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 82; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 116 iktar ’il fuq, punt 412, u tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99, Ġabra p. II-3495, punti 177 sa 180).

    140

    Ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Kummissjoni ma kellhiex tiċħad l-opinjoni tal-grupp SPR u l-osservazzjonijiet tagħha nnotifikati fit-22 ta’ Ġunju 2006, mingħajr ma tipprovdi modalitajiet oħra ta’ kif jista’ jiġi solvut il-kunflitt ta’ opinjoni bejn l-esperti, pereżempju billi titlob opinjoni oħra jew billi tagħti iktar żmien lir-rikorrenti sabiex tiġbor id-data neċessarja.

    141

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni setgħet titlob opinjoni oħra jew testendi t-termini legali ma huwiex ibbażat fuq il-kuntest ġuridika applikabbli. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tintervjeni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sustanza attiva, l-EFSA tkun diġà, skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, ifformulat opinjoni dwar il-konformità tal-imsemmija sustanza mar-rekwiżiti tas-sigurtà tad-Direttiva 91/414. Issa, f’dan l-istadju tal-proċedura, la d-Direttiva 91/414 u lanqas ir-Regolament Nru 451/2000 ma jipprovdu l-possibbiltà li tintalab opinjoni addizzjonali. Barra minn hekk, ġie stabbilit, fil-punti 129 sa 133 iktar ’il fuq, li, minbarra f’każ ta’ forza maġġuri, ebda estensjoni tat-termini legali ma hija possibbli u li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda element intiż li juri li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri.

    142

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kellha għażla bejn diversi miżuri xierqa, ħaġa li kienet timponilha tagħżel l-inqas miżura restrittiva, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    143

    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li d-dikjarazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni ċaħdet l-opinjoni tal-grupp SPR kif ukoll l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-rapport tal-EFSA b’mod mgħaġġel, huwa fattwalment żbaljat. Fil-fatt, ġie stabbilit, rispettivament fil-punti 74 u 134 iktar ’il fuq, li l-kliem tal-opinjoni tal-grupp SPR ġie riprodott b’mod eżawrjenti fir-rapport tal-EFSA u li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar dan ir-rapport ġew eżaminati bir-reqqa. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex fondata.

    144

    Għaldaqstant, lanqas it-tieni parti tar-raba’ motiv ma tista’ tintlaqa’ u konsegwentement l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

    L-argumenti tal-partijiet

    145

    Ir-rikorrenti tallega li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minn żewġ aspetti. Minn naħa, hija rċeviet garanziji li d-data l-ġdida li hija ppreżentat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dichlorvos kellha tiġi studjata u tkun suġġetta għall-eżami mill-pari. Dawn il-garanziji oriġinaw minn żewġ korpi li jaġixxu f’isem jew taħt l-awtorità tal-Kummissjoni, l-IMR u l-EFSA. Billi ma ssuġġettatx għall-eżami mill-pari d-data ppreżentata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ppreġudikat l-aspettattivi leġittimi tagħha.

    146

    Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li hija ngħatat x’tifhem li kien inutli li tfassal studju ta’ natura karċinoġena fuq żmien twil, peress li l-iskeda tax-xogħol ma kinitx tippermetti dan, u li l-kwistjoni kienet ġiet sottomessa lill-grupp SPR sabiex tintlaħaq konklużjoni definittiva. Il-fatt li l-grupp SPR kien ħareġ opinjoni li tneħħi kull tħassib dwar in-natura karċinoġena u l-ġenotossiċità kien saħħaħ l-aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li l-EFSA kienet ser tipproduċi rapport kompatibbli ma’ din l-opinjoni.

    147

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    148

    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, Ġabra p. I-6911, punt 70; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T-203/96, Ġabra p. II-4239, punt 74; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 153). Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, indipendentement mill-forma ta’ notifika tagħha, tikkostitwixxi tali garanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C-82/98 P, Ġabra p. I-3855, punt 33). Min-naħa l-oħra, ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi li ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-506/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 58, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 147).

    149

    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva għall-finijiet tal-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, l-EFSA għandha tevalwa l-effetti ta’ ħsara tas-sustanza kkonċernata u tibgħat opinjoni xjentifika rigward dan il-punt lill-Kummissjoni. L-imsemmija opinjoni xjentifika hija mfassla abbażi tal-ARS, kif evalwat matul l-eżami mill-pari mill-Istati Membri u, jekk neċessarju, mill-esperti nazzjonali. Bħala prinċipju, għandu jkun hemm kuntatt bejn in-notifikant jew in-notifikanti tas-sustanza attiva inkwistjoni u l-EFSA qabel ma jibda l-eżami mill-pari. Il-Kummissjoni, jew skont il-każ, il-Kunsill, għandhom sussegwentement jieħdu deċiżjoni definittiva dwar is-sustanza attiva kkonċernata. Fir-rigward tar-rwol hekk attribwit lill-EFSA fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, kemm il-garanziji preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni kif ukoll dawk mogħtija mill-EFSA matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva jistgħu jnisslu aspettattivi leġittimi fi ħdan in-notifikant.

    150

    It-tieni nett, fir-rigward tal-garanziji li r-rikorrenti allegatament irċeviet, jiġifieri li d-data l-ġdida li hija ppreżentat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dichlorvos, kellha tiġi studjata u tkun suġġetta għall-eżami mill-pari, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma tippreċiżax liema data ġiet ippreżentata, iżda mhux evalwata. Issa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din għandha, għalhekk, tispeċifika l-kontenut tal-motiv li huwa bbażat fuqu r-rikors, b’tali mod li d-dikjarazzjoni astratta tiegħu biss ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 120). Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar id-data allegatament ippreżentata, iżda mhux evalwata, ma hijex dettaljata, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    151

    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ngħatat x’tifhem li kien inutli li tfassal studju ta’ natura karċinoġena fuq żmien twil tad-dichlorvos peress li, l-ewwel nett, l-iskeda tax-xogħol ma tippermettix dan, it-tieni nett, il-kwistjoni kienet ġiet ippreżentata lill-grupp SPR sabiex tintlaħaq konklużjoni definittiva u, it-tielet nett, il-grupp SPR kien ħareġ opinjoni li neħħiet kull tħassib dwar in-natura karċinoġena u l-ġenotossiċità tad-dichlorvos, għandu jiġu kkonstatat li r-rikorrenti ma tallegax li rċeviet garanziji preċiżi li kien inutli li jitfassal tali studju. Hija tillimita ruħha, fil-fatt, li tallega li minn ċerti fatti hija ddeduċiet li ma kellhiex għalfejn tippreżenta studju fuq żmien twil. Isegwi li, fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi pprovduti mill-EFSA jew mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jista’ jiġi invokat.

    152

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-opinjonijiet xjentifiċi

    L-argumenti tal-partijiet

    153

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif sottoskritt fl-Artikolu 211 KE, billi ma bbażatx id-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, fuq opinjonijiet xjentifiċi indipendenti, it-tieni nett, fuq provi deċiżivi, it-tielet nett, fuq evalwazzjoni xjentifika imwettqa fi żmien xieraq, ir-raba’ nett, fuq evalwazzjoni diliġenti u metikoluża tad-data kollha u billi naqset milli tavża lir-rikorrenti bil-fatt li l-kwalità tal-fajl tagħha kienet insuffiċjenti.

    154

    L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, ir-rapport tal-EFSA u d-deċiżjoni kkontestata ma jissodisfawx ir-rekwiżit tal-indipendenza. Fil-fatt, kif jirriżulta minn dan ir-rapport, li jsemmi li “kien paċifiku fil-laqgħa mar-rappreżentanti tal-Istat Membru f’April 2006 li l-evalwazzjoni tar-riskji tibqa’ inkonklużiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u mill-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, l-EFSA kienet adottat ir-rapport tagħha billi ssuġġettat il-perizja tagħha nfisha dwar in-natura karċinoġena u l-ġenotossiċità tad-dichlorvos għal evalwazzjoni u għal eżami mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, fil-5 ta’ April 2006. Din hija l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-adozzjoni tal-opinjoni xjentifika tal-EFSA, skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, li tikkomprometti l-indipendenza ta’ din l-opinjoni.

    155

    It-tieni nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-esperti nazzjonali kkuntentaw irwieħhom sempliċement li jiddikjaraw li d-data dwar in-natura karċinoġena u l-ġenotossiċità kienu inkonklużivi, li f’dan l-istadju ma kinux jissuġġerixxu li jsir studju ġdid fuq żmien twil u li kien il-grupp SPR li kellu jilħaq konklużjoni definittiva dwar dan il-punt. Skont ir-rikorrenti, minn naħa, l-esperti qiesu fil-fatt li studju ġdid ma kienx xieraq fid-dawl tal-iskadenza tat-termini amministrattivi ġenerali. Issa, mis-sentenza IQV, punt 93 iktar ’il fuq, jirriżulta li n-neċessità li jiġu osservati t-termini stretti ma tistax tipprevali fuq in-neċessità li ssir evalwazzjoni tar-riskji li tkun eżawrjenti u konformi mal-istat aġġornat tat-tagħrif. Min-naħa l-oħra, jekk id-data ma kinitx konklużiva u jekk il-grupp SPR biss kien f’pożizzjoni li jagħmel konklużjoni rigward dan il-punt, ir-raġuni li għaliha l-esperti ma qablux mal-opinjoni tal-grupp SPR ma hijiex ċara. Għalhekk, billi injorat l-opinjoni tal-grupp SPR, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evawlazzjoni u kisret l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba.

    156

    It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, fil-kawża inkwistjoni, naqset mill-obbligu tagħha li tosserva l-iskeda stabbilita mid-Direttiva 91/414 u mill-annessi tagħha għall-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, inkwantu l-EFSA ppreżentat ir-rapport tagħha lill-Kummissjoni wara t-terminu previst fir-Regolament Nru 451/2000.

    157

    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ukoll l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll l-obbligu li teżamina kull każ b’diliġenza u imparzjalità, billi ma nnotifikatx lill-Istati Membri u lill-EFSA l-osservazzjonijiet li r-rikorrenti ppreżentat fit-22 ta’ Ġunju 2006, minkejja li, skont il-ġurisprudenza, hija kienet marbuta li tissuġġetta l-istudji jew id-data rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dichlorvos għall-istess eżami li għalih ġew suġġetti l-istudji kollha invokati waqt ix-xogħol tal-evalwazzjoni.

    158

    Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni fir-replika li, jekk il-Kummissjoni qieset li l-fajl kien tant ta’ kwalità ħażina li ma kienx possibbli li ssir evalwazzjoni tar-riskju, hija kellha l-obbligu, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li tavżaha b’dan, fil-perijodu ta’ bejn il-preżentazzjoni tal-fajl tagħha, f’April 2002, u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’Ġunju 2007.

    159

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    160

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq opinjonijiet xjentifiċi indipendenti, għandu jiġi rrilevat li l-argument li r-rikorrenti żviluppat fil-kuntest tal-motiv preżenti huwa identiku għal dak żviluppat fil-kuntest tat-tieni motiv. Issa, ġie deċiż li dan l-argument kien infondat. Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

    161

    It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata fuq provi deċiżivi, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti essenzjalment tallega, minn naħa, li l-applikazzjoni ta’ termini stretti ma tistax tipprevali fuq in-neċessità li ssir evalwazzjoni tar-riskji eżawrjenti u konformi mal-istat aġġornat ta’ tagħrif, u min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta injorat l-opinjoni tal-grupp SPR. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa essenzjalment identiku għal dak żviluppat rispettivament fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv u fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv. Issa, ġie deċiż li dan l-argument kien infondat. Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

    162

    It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment invokat mir-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq eżami xjentifiku mwettaq fi żmien xieraq, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa identiku għal dak żviluppat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv. Issa, ġie deċiż li dan l-argument kien infondat. Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

    163

    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni diliġenti u metikoluża tad-data kollha, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tibbaża l-ilment tagħha fuq il-fatt li l-Kummisjoni naqset milli tikkomunika lill-Istati Membri u lill-EFSA l-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fit-22 ta’ Ġunju 2006. Dan l-argument huwa essenzjalment identiku għal dak żviluppat fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv. Issa, ġie deċiż li dan l-argument kien infondat. Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

    164

    Il-ħames nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet marbuta, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li tavżaha bil-kwalità fqira tal-fajl tagħha bejn il-preżentazzjoni tiegħu, f’April 2002, u d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, diġà ġie rrilevat, fil-punt 58 iktar ’il fuq, li l-ARS, l-addendum tiegħu kif ukoll ir-rapport tal-EFSA, dokumenti li ntbagħtu lir-rikorrenti bejn l-2004 u l-2006, kienu jindikaw li l-fajl, kif innotifikat mir-rikorrenti, ma kienx jinkludi l-elementi kollha neċessarji sabiex l-EFSA tkun tista’ tevalwa, b’mod sodisfaċenti, l-effetti ta’ ħsara tad-dichlorvos. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienet ġiet infurmata bl-eżistenza ta’ lakuni fil-fajl tagħha fl-2003, jiġifieri saħansitra qabel ma’ ġie ffinalizzat l-ARS. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li hija ma ġietx avżata bil-kwalità fqira tal-fajl tagħha.

    165

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali

    L-argumenti tal-partijiet

    166

    Ir-rikorrenti ssostni li s-sustanzi attivi, li huma suġġetti għal evalwazzjoni tar-riskji fil-kuntest tal-programm ta’ xogħol tranżitorju mmexxi mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, jinsabu f’sitwazzjoni identika. Issa, hija tosserva li diversi sustanzi, bħal maneb, il-mancozeb u l-oxamyl, ġew inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 minkejja li kellhom riskju ta’ tossiċità abbażi ta’ data pprovduta, bil-kundizzjoni madankollu li s-sustanzi inkwistjoni jkunu suġġetti għal testijiet addizzjonali, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414.

    167

    Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”, inkwantu ma jeżisti ebda motiv li jiġġustifika oġġettivament d-distinzjoni magħmula, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414, bejn l-oxamyl, il-mancozeb u l-maneb, minn naħa, u d-dichlorvos, min-naħa l-oħra.

    168

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    169

    Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 453, u Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 236).

    170

    Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-dichlorvos huwa paragunabbli mas-sustanzi attivi msemmija fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/72/KE, tal-21 ta’ Ottubru 2005, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-chlorpyriphos, il-chlorpyrifos-methyl, il-mancozeb, il-maneb u l-metiram bħala sustanzi attivi (ĠU 2006, L 321M, p. 90), fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/16/KE, tas-7 ta’ Frar 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-oxamyl bħala sustanza attiva (ĠU L 330M, p. 149), kif ukoll fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE, tat-23 ta’ April 2007, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala sustanzi attivi (ĠU 2008, L 56M, p. 326). F’dawn id-direttivi, il-Kummissjoni aċċettat l-inklużjoni tas-sustanzi attivi inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 bil-kundizzjoni li jitwettqu studji addizzjonali.

    171

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2005/72, mill-premessa 4 tad-Direttiva 2006/16 u mill-premessa 4 tad-Direttiva 2007/25 jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li d-diversi eżamijiet mwettqa kienu wrew li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi ikkonċernati mill-imsemmija direttivi setgħu b’mod ġenerali jiġu kkunsidrati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414. Għalhekk dawn is-sustanzi attivi ġew inklużi fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, bil-kundizzjoni madankollu li jitwettqu testijiet addizzjonali intiżi li jikkonfermaw l-evalwazzjoni tar-riskji fuq ċerti punti.

    172

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dichlorvos, il-Kummissjoni qatt ma kkonstatat li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414. Bil-kontra ta’ dan, hija kkonstatat, fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat ta’ esperti tal-[EFSA] ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kondizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-dichlorvos għandhom jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    173

    Peress li l-evalwazzjoni tad-dichlorvos, minn naħa, u tas-sustanzi attivi kkonċernati mid-Direttivi 2005/72, 2006/16 u 2007/25, min-naħa l-oħra, kienet wasslet għal riżultati differenti, il-Kummissjoni setgħet tirriżerva trattament differenti għad-dichlorvos u għalhekk setgħet tiddeċiedi, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li ma tinkludiex din is-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

    174

    Għalhekk, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 95 KE kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

    L-argumenti tal-partijiet

    175

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni kkontestata b’kunsiderazzjoni tal-istat ta’ tagħrif xjentifiku u tekniku li kien disponibbli fis-6 ta’ Ġunju 2007, data ta’ meta ġiet adottata din id-deċiżjoni. Billi għamlet hekk, hija kisret l-Artikolu 95 KE kif ukoll l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

    176

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li l-Artikolu 95(3) KE jipprovdi li, meta jadottaw miżuri fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi xjentifiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 ma jagħtix lill-Kummissjoni l-fakultà li tidderoga mill-obbligu li deċiżjonijiet f’dan il-qasam jiġu adottati fid-dawl tal-istat ta’ tagħrif xjentifiku u tekniku. Din il-fehma hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414 jinkludi referenza għan-neċessità li l-Istati Membri jadottaw deċiżjonijiet rilevanti dwar sustanzi attivi fid-dawl għat-tagħrif xjentifiku u tekniku.

    177

    Issa, ir-rikorrenti tirrileva, minn naħa, li l-Kummissjoni ma eżaminatx d-data kollha għad-dispożizzjoni tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti ippreżentat diversi studji lill-Kummissjoni, f’Awwissu 2005, li fihom hija evalwat, l-ewwel nett, il-livelli ta’ espożizzjoni tal-operatur tad-dichlorvos, it-tieni nett ir-riskju li għalih kienu esposti l-persuni preżenti, it-tielet nett, il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tad-dichlorvos u, ir-raba’ nett, il-metodu analitiku fl-ilma. Barra minn hekk, f’Marzu 2006, hija ppreżentat ukoll l-istudju mitlub dwar il-metodu analitiku fl-arja. Dawn l-istudji qatt ma ġew evalwati, minkejja l-garanzija espliċita li dawn kellhom jiġu evalwati. Ir-rikorrenti tirrileva, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzatha tippreżenta data iktar konklużiva, peress li kienet ikkunsidrat li t-terminu sabiex tagħmel dan kien skada.

    178

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

    179

    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li, sabiex sustanza tkun tista’ tiġi inkluża fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva, għandu jiġi mistenni li, fid-dawl tal-istat tat-tagħrif xjentifiku u tekniku, l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva inkwistjoni, wara applikazzjoni konformi mal-prattiċi xierqa għall-protezzjoni tal-pjanti, ma jkollux effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew l-annimali u li ma jkollux xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v) tal-istess direttiva.

    180

    Din id-dispożizzjoni, interpretata b’rabta mal-prinċipju ta’ kawtela, timplika li, fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet serji li, filwaqt li ma jeskludux l-inċertezza xjentifika, jippermettu raġonevolment li titqiegħed fid-dubju s-sigurtà ta’ sustanza, bħala regola ġenerali, tmur kontra l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ kawtela huwa intiż sabiex jipprevjeni r-riskji potenzjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, T-229/04, Ġabra p. II-2437, punt 161).

    181

    Huwa madankollu importanti li jiġi speċifikat li mir-referenza, fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, għat-“tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti” ma jistax jiġi konkluż li impriżi li jkunu nnotifikaw sustanza attiva u li jkunu kkonfrontati bil-probabbiltà ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom jibbenefikaw mill-possibbiltà li jissottomettu data ġdida sakemm ikun għad hemm dubji dwar is-sigurtà ta’ din is-sustanza attiva. Tali interpretazzjoni tkun tmur kontra l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali li jifforma l-bażi tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 inkwantu din ikollha l-effett li tagħti lill-parti li tkun innotifikat is-sustanza attiva li, minn naħa, għandha l-oneru tal-prova tas-sigurtà tagħha u, min-naħa l-oħra, għandha l-aħjar għarfien tas-sustanza inkwistjoni, dritt ta’ veto fir-rigward ta’ deċiżjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 93).

    182

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni hija iktar u iktar inkonċepibbli fid-dawl tal-eżistenza, kif indikat fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-possibbiltà ta’ notifika (mill-ġdid) tas-sustanza attiva sabiex din tiġi eventwalment inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq, punt 94).

    183

    Barra minn hekk, kif diġà ġie espost fil-punt 130 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li jeżistu dispożizzjonijiet regolamentari preċiżi dwar it-termini li għandhom jiġu osservati min-notifikanti għall-preżentazzjoni ta’ studji u ta’ data, fil-kuntest tal-proċedura ġenerali ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi tad-Direttiva 91/414, b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 451/2000. Peress li r-rikorrenti ma tallegax li ppreżentat data addizzjonali mitluba mill-EFSA, bi ftehim mal-IMR, waqt il-laqgħa ta’ evalwazzjoni tad-9 ta’ Frar 2005, għandu jiġi kkonstatat li l-istudji li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ma ġewx ippreżentati b’mod konformi ma’ dan l-artikolu.

    184

    Għalkemm, kif irrilevat ir-rikorrenti, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000 ma jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tidderoga mill-obbligu li d-deċiżjonijiet adottati skont id-Direttiva 91/414 għandhom jittieħdu fid-dawl tal-istat tat-tagħrif xjentifiku u tekniku, madankollu din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-ispirtu u mal-għan tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 li tiegħu hija tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni.

    185

    Issa, fil-punt 133 iktar ’il fuq diġà ġie rrilevat li l-estensjoni tat-terminu ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva u, skont il-każ, ta’ preżentata ta’ data ġdida tapplika biss bil-kundizzjoni li, minn naħa, ma jkunx impossibbli li ssir deroga mit-termini proċedurali stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet li jkunu nnotifikaw is-sustanza attiva jkunu sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li pprekludithom milli josservaw it-termini proċedurali. Minbarra l-każ, diġà msemmi fil-punt 133 iktar ’il fuq, fejn l-impossibbiltà li jiġu osservati l-imsemmija termini hija dovuta għall-aġir kontradittorju tal-awtoritajiet kompetenti, tali ċirkustanza hija biss possibbli meta l-istat ta’ tagħrif xjentifiku u tekniku jkun żviluppa, b’mod imprevedibbli, b’effett min-notifika tal-fajl lill-IMR.

    186

    Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda element intiż li juri li hija sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ forza maġġura li pprekluditha milli tosserva t-termini. B’mod partikolari, ebda żvilupp ġdid fit-tagħrif xjentifiku u tekniku dwar id-dichlorvos, b’effet min-notifika tal-fajl lill-IMR, li jista’ jikkonfuta l-affidabbiltà tal-informazzjoni inkluża fl-imsemmi fajl, ma ġiet ippruvata.

    187

    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 għandu jiġi miċħud.

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 95(3) KE

    188

    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 95(3) KE jipprovdi li l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha lill-Kunsill għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni filwaqt li tqis b’mod partikolari kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. L-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jkun żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politika u tal-attivitajiet kollha tal-Komunità Ewropea.

    189

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssostni, fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 isostni u jirriproduċi dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 95(3) KE huwa ħaġa waħda ma’ dak żviluppat insostenn tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414. Issa, ġie deċiż li dan l-argument huwa infondat. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 95(3) KE għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 95(3) KE, li hija kkontestata mill-Kummissjoni.

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414

    190

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jkun biss awtorizzat jekk tiġi stabbilita l-ħsara tiegħu, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku. Sa fejn dan l-artikolu, li jikkonċerna l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (iktar ’il quddiem l-“APP”) mill-Istati Membri, huwa fformulat f’termini li huma essenzjalment simili għal dawk tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, dawn l-artikoli għandhom jiġu interpretati bl-istess mod.

    191

    Għalhekk, indipendentement mill-fatt li dan l-artikolu huwa indirizzat lill-Istati Membru u mhux lill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, l-istess bħall-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 95(3) KE, l-argument tar-rikorrenti dwar ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414 huwa ħaġa waħda ma’ dak żviluppat insostenn tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva. Issa, ġie deċiż li dan l-argument huwa infondat. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414 għandu jiġi miċħud.

    192

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-istat tat-“tagħrif xjentifiku u tekniku” ma jistax jintlaqa’. Għalhekk, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

    Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-Artikolu 5 KE

    L-argumenti tal-partijiet

    193

    Ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tipprojbixxi sustanza attiva mingħajr ma teżamina jekk din id-deċiżjoni tistax tiġi adottata aħjar fuq livell tal-Istati Membri, hija tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà li fuqu hija bbażata, skontha, fuq id-Direttiva 91/414.

    194

    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-prassi tal-Kummissjoni hija li teżamina jekk sustanza attiva tistax tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, bil-kundizzjoni li d-data addizzjonali jew konfermatorja tkun suġġetta għall-awtoritajiet tal-Istat Membru fil-każ fejn il-proprjetarji tal-APP jixtiequ jiġġustifikaw iż-żamma tal-imsemmija APP. Din il-prassi tikkonsisti f’li l-Istat Membru, li fih jintalab il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, jingħata l-kompitu li jwettaq evalwazzjoni xjentifika finali tas-sustanza attiva li tinkludi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Għalhekk, huma l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk id-data suġġetta għal-livell nazzjonali hijiex suffiċjenti sabiex telimina kull preokkupazzjoni. Dan huwa aspett loġiku tas-sistema fid-dawl tal-fatt li l-evalwazzjoni ta’ sustanza attiva bbażata fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni oġġettiva tar-riskji ma tistax, pereżempju, tieħu inkunsiderazzjoni kompletament id-differenzi fil-kundizzjonijiet ġeografiċi u agrikoli speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

    195

    Issa, minkejja li l-Kummissjoni kienet legalment marbuta li tistaqsi ruħha dwar jekk kinitx tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri sabiex tiddeċiedi dwar suġġetti ta’ preokkupazzjoni li, skont kif ipprovdut fid-deċiżjoni kkontestata, ma ġiex solvut, hija naqset milli tagħmel tali kunsiderazzjonijiet f’dan is-sens.

    196

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    197

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà jissemma fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE li jipprovdi li f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, il-Komunità għandha taġixxi skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà biss, jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju.

    198

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’mod konformi mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 91/414 u mir-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva. Issa, ir-rikorrenti ma tinvokax l-illegalità ta’ din id-direttiva u ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

    199

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 91/414 tqassam ir-responsabbiltajiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri, skont l-għanijiet tal-azzjoni mixtieqa. Għalhekk, skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 91/414, l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw prodott għall-protezzjoni tal-pjanti biss jekk is-sustanzi attivi kkonċernati jkunu inklużi fl-Anness I. Barra minn hekk, mill-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 jirriżulta li hija biss il-Kummissjoni jew, skont il-każ, il-Kunsill li għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu dwar l-inklużjoni jew le ta’ sustanza attiva li taqa’ taħt it-tieni fażi tal-programm ta’ xogħol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Din id-dispożizzjoni f’ebda każ ma tippermetti li l-Istati Membri jieħdu deċiżjoni finali dwar jekk is-sustanza attiva inkwistjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

    200

    Peress li l-kuntest ġuridiku li jirregola l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jipprovdix, f’dan ir-rigward, l-intervent tal-Istati Membri, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tal-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

    201

    Għalhekk, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

    202

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    203

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Denka International BV hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

     

    Pelikánová

    Jürimäe

    Soldevila Fragoso

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Novembru 2009.

    Firem

    Werrej

     

    Il-kuntest ġuridiku

     

    Id-Direttiva 91/414/KEE

     

    Ir-Regolament Nru 451/2000

     

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1490/2002

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 178/2002 u tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000

     

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni xjentifika tad-deċiżjoni kkontestata

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

     

    Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv

     

    — L-argumenti tal-partijiet

     

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-opinjonijiet xjentifiċi

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 95 KE kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

     

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 95(3) KE

     

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/414

     

    Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-Artikolu 5 KE

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top