Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0043

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) tat-13 ta' Ottubru 2008.
    Neophytos Neophytou vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Servizz pubbliku - Kompetizzjoni ġenerali.
    Kawża T-43/07 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 I-B-1-00053; II-B-1-00373

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:432

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

    13 ta’ Ottubru 2008

    Kawża T-43/07 P

    Neophytos Neophytou

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    “Appell – Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent – Kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla għal eżamijiet orali – Prinċipju ta’ trattament ugwali – Motivi ġodda – Żball ta’ liġi – Appell parzjalment infondat u parzjalment fondat – Rinviju quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

    Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2006, Neophytou vs Il-Kummissjoni (F-22/05, ĠabraSP p. I A 1 159 u II A 1 617), intiża għall-annullament ta’ din is-sentenza.

    Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2006, Neophytou vs Il-Kummissjoni (F‑22/05), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara inammissibbli l-ilmenti, bl-eċċezzjoni tal-aħħar wieħed, imqajma minn Neophytos Neophytou matul is-seduta fl-ewwel istanza u miġbura fil-qosor fil-punt 27 tas-sentenza. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż huma rriżervati.

    Sommarju

    1.      Appell – Aggravji – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżentazzjoni ta’ argumenti li kienu diġà tressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Nuqqas ta’ effett

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 138(1)(ċ))

    2.      Appell – Aggravji – Stħarriġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu  48(2))

    3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Kompożizzjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

    4.      Proċedura – Preżentazzjoni ta’ aggravji ġodda matul il-kawża – Aggravju bbażat fuq elementi li ġew irrivelati matul il-kawża

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 48(2))

    5.      Appell – Aggravji – Żnaturament tal-provi

    6.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Kompożizzjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

    1.      Meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-ewwel qorti, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell. Fil-fatt, kieku rikorrent ma kienx ikun jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq aggravji u argumenti diġà użati fl-ewwel istanza, il-proċedura tal-appell kienet titlef parti mis-sens tagħha. B’hekk, rikorrent, fil-kuntest ta’ appell, jista’ jinvoka lmenti fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tagħhom fis-sentenza kkontestata meta jiġi allegat li l-ewwel qorti kienet għamlet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza sostanzjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess jew li din żnaturat il-provi ppreżentati quddiemha. Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kritiċi tas-sentenza li ntalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

    (ara l-punti 24, 41)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 34; Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament, C‑488/01 P, Ġabra p. I‑13355, punti 39 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punti 32 sa 35

    2.      Meta rikorrent jikkontesta l-klassifikazzjoni li ssir mill-qorti tal-ewwel istanza tan-natura legali tal-fatti, sabiex minnha jkunu dedotti konsegwenzi ta’ liġi, din hija kwistjoni ta’ liġi li tista’ titqajjem fil-kuntest tal-appell. B’mod partikolari dan huwa l-każ tal-kwistjoni legali li jsir magħruf jekk il-preżenza stabbilita waqt id-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ta’ membru supplenti fl-istess waqt mal-membru titolari rispettiv “tiegħu” tistax tkun ta’ natura li tinfluwenza indebitament il-vot tal-Bord tal-Għażla u, għaldaqstant, li dan il-vot ikun ivvizzjat b’illegalità.

    (ara l-punti 45, 46, 71)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 49; Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punti 38 sa 40

    3.      Il-preżenza simultanja, matul it-testijiet orali ta’ kompetizzjoni, ta’ membri titulari u ta’ membri supplenti fi ħdan il-Bord tal-Għażla ma tirrendix illegali x-xogħol u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla sa fejn, f’tali ċirkustanzi, il-membru supplenti ma jkollux dritt għall-vot.

    (ara l-punt 53)

    Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Settembru 2005, Pantoulis vs Il‑Kummissjoni, T‑290/03, ĠabraSP p. I‑A‑241 u II‑1123, punti 62, 77 u 78; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 210

    4.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprojbixxi l-produzzjoni ta’ raġunijiet ġodda matul il-proċeduri, sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq elementi li jirriżultaw matul il-proċeduri. Soluzzjoni analoga tapplika għal ilment invokat insostenn ta’ motiv. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni mkien ma teskludi li l-imsemmija elementi setgħu kienu ġew skoperti fil-każ ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fl-aħħar nett, id-dekadenza prevista minn din id-dispożizzjoni, sa fejn tillimita l-possibbiltà għall-parti kkonċernata li tressaq kull element neċessarju għas-suċċess tat-talbiet tagħha, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

    (ara l-punt 76)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 370; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑32/91, Ġabra p. II‑1825, punt 40; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 156

    5.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel qorti żnaturatx il-provi li jinsabu f’dokumenti li jindikaw il-kompożizzjoni ta’ Bord tal-Għażla billi ddikjarat inammissibbli l-ilmenti bbażati fuq in-nominazzjoni illegali tal-Bord tal-Għażla u tan-numru mnaqqas tal-membri tiegħu, imqajma matul is-seduta fil-kuntest tal-ewwel istanza, hemm lok, għall-Qorti tal-Prim’Istanza, li teżamina jekk il-proċess tal-kawża fl-ewwel istanza u, b’mod partikolari, id-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni kinux jippermettulha tistabbilixxi s-sens u l-portata ta’ dawn l-oġġezzjonijiet u li tistħarreġ jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaqx żball manifest fil-qari u fl-evalwazzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

    Dan huwa l-każ meta fil-proċess tal-kawża ma jkun hemm xejn x’jindika li r-rikorrent kien f’pożizzjoni li jqajjem dawn l-ilmenti qabel is-seduta fil-kuntest tal-ewwel istanza.

    (ara l-punti 78, 80, 82)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punti 57 sa 60

    6.      Huwa l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li għandu jaċċerta b’mod strett l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-kandidati u hija l-qorti Komunitarja li għandha teżamina jekk il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla meta saru t-testijiet orali kinitx konformi mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti mis-sistema legali Komunitarja. In-nonosservanza, mill-Bord tal-Għażla, tar-regoli li jirregolaw il-ħidma tiegħu għandhom jiġu kkwalifikati bħala ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, b’mod li rikorrent ma jkunx obbligat juri li r-riżultat tal-kompetizzjoni seta’ kien differenti kieku ma kienx twettaq dan il-ksur.

    Peress li r-regoli fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet huma bbażati fuq l-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Qorti Komunitarja twettaq żball ta’ liġi jekk ma tirrikonoxxix ir-rabta stretta li teżisti bejn dan il-prinċipju u r-regoli fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla.

    (ara l-punti 85 u 86)

    Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il‑Kummissjoni, T‑95/98, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑219, punti 25, 37 sa 39, 53 u 54, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T‑165/03, ĠabraSP p. I‑A‑343 u II‑1575, punt 40

    Top