Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0025

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Frar 2009.
    Iride SpA u Iride Energia SpA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Għajnuna mill-Istat - Settur tal-enerġija - Kumpens għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni - Obbligu għall-impriża benefiċjarja li tirrimborża minn qabel għajnuna preċedenti ddikjarata bħala illegali - Riżorsi tal-Istat - Vantaġġ - Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża T-25/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:33

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Frar 2009 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat — Settur tal-enerġija — Kumpens għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Obbligu għall-impriża benefiċjarja li l-ewwel tirrimborsa għajnuna preċedenti ddikjarata illegali — Riżorsi tal-Istat — Vantaġġ — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża T-25/07,

    Iride SpA, stabbilita f’Turin (l-Italja),

    Iride Energia SpA, stabbilita f’Turin,

    irrappreżentati minn L. Radicati di Brozolo, M. Merola u C. Bazoli, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Righini u G. Conte, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/941/KE, tat-8 ta’ Novembru 2006, dwar l-għajnuna mill-Istat C 11/06 (ex N 127/05) li r-Repubblika Taljana għandha l-intenzjoni li timplementa favur AEM Torino (ĠU L 366, p. 62), permezz ta’ sussidji intiżi li jirrimborsaw l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati fis-settur tal-enerġija, sa fejn din id-deċiżjoni, minn naħa, tipprovdi li din hija għajnuna mill-Istat u sa fejn, min-naħa l-oħra, tissuġġetta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni għall-kundizzjoni li AEM Torino tirrimborsa l-għajnuna illegali preċedenti mogħtija fil-kuntest ta’ skema favur impriżi denominati “municipalizzate”.

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

    komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, Iride SpA u Iride Energia SpA, huma, rispettivament, kumpannija holding tal-grupp Iride u l-kumpannija sussidjarja tagħha fis-settur tal-enerġija elettrika u termali. Dan il-grupp issawwar wara li, fil-31 ta’ Ottubru 2005, ingħaqdu AEM Torino SpA u AMGA SpA. Ir-rikorrenti saru benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża preżenti wara li saru kontribuzzjonijiet favur l-għaqda min-naħa ta’ AEM Torino, li kienet l-proprjetarja tal-impjanti li kienu s-suġġett tal-imsemmija miżuri.

    L-għajnuna preċedenti

    2

    Wara lment ippreżentat fl-1997, il-Kummissjoni, fil-5 ta’ Ġunju 2002, adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE, dwar għajnuna mogħtija mill-Istat fir-rigward tal-eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali favur impriżi tas-servizz pubbliku fil-parti l-kbira b’kapital pubbliku (ĠU L 77, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjonijiet fiskali u s-self mogħti mir-Repubblika Taljana favur impriżi denominati “municipalizzate” huma illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru tal-għajnuna mingħand l-impriżi benefiċjarji. Permezz tas-sentenza tal-, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-207/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, peress li ma eżegwitx id-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali, ir-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha.

    3

    Fit-18 ta’ Lulju 2000, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(2) KE, l-għajnuna mill-Istat relatata mar-rimbors tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati (denominati “spejjeż mitlufa”), wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU 1997, L 27, p. 20), favur il-grupp ENEL u kumpanniji oħra li xtraw ċerti impjanti qodma ta’ ENEL. L-AEM Torino kellha holding ta’ 8% fil-kapital ta’ waħda minn dawn il-kumpanniji, Edipower SpA. Il-Kummissjoni ddikjarat din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3)(c) KE, permezz tad-deċiżjoni tal- (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ENEL”), u dan abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż mitlufa.

    Il-miżura inkwistjoni

    4

    Fil-21 ta’ Marzu 2005, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(2) KE, għajnuna mill-Istat ġdida relatata mar-rimbors tal-ispejjeż mitlufa favur l-AEM Torino (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

    5

    Il-miżura inkwistjoni kienet stabbilita minn numru ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, id-digriet tal-Ministru tal-Industrija, tal-Kummerċ u tal-Artiġġjanat tas-26 ta’ Jannar 2000 (GURI Nru 27, tat-), dwar l-ispejjeż ġenerali relatati man-netwerk elettriku, jipprovdi, fl-Artikolu 2(1)(a) li, “l-kumpens għall-ispejjeż mitlufa mogħti lill-impriżi li jipproduċu-jiddistribwixxu” jagħmel parti mill-ispejjeż ġenerali.

    6

    Fir-rigward tal-finanzjament tal-kumpens mogħti għall-ispejjeż mitlufa, l-Autorità per l’energia elettrica e il gas (Awtorità għall-enerġija elettrika u għall-gass, iktar ’il quddiem l-“AEEG”), permezz tad-deċiżjoni Nru 238/00, tat-28 ta’ Diċembru 2000 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 4, tal-), fetħet kont speċifiku mal-fond ta’ aġġustament għas-settur tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“CCSE”), u l-flus għal dan il-kont kienu jiġu minn proporzjon fiss (“A 6”) tat-tariffa elettrika, imħallsa mill-klijenti finali kollha.

    7

    Fl-aħħar nett, permezz tad-digriet tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi tal-10 ta’ Marzu 2005, l-ispejjeż mitlufa ġew ikkalkolati, fir-rigward ta’ AEM Torino, li jammontaw għal EUR 16338000.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    8

    Fix-xhur li segwew in-notifika tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni indirizzat numru ta’ talbiet għall-informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani sabiex tivverifika jekk AEM Torino kinitx ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, u jekk dan kien il-każ, jekk AEM Torino kinitx osservat l-obbligu tagħha ta’ rifużjoni. Dawn it-talbiet kienu jirreferu, b’mod partikolari, għal għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali.

    9

    Peress li qieset li kien hemm nuqqas ta’ risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ April 2006, fetħet il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-miżura inkwistjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat, l-ewwel nett, li, fil-fehma tagħha, il-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni nett, li din l-għajnuna kienet konformi mal-kriterji pprovduti fil-Komunikazzjoni dwar l-ispejjeż mitlufa iżda, it-tielet nett, li, f’dan il-każ, din l-għajnuna ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, sa fejn AEM Torino kienet probabbilment ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li kienet għadha ma ġietx imħallsa lura.

    10

    Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Mejju 2006 (ĠU C 116, p. 2). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xhar b’effett minn din il-pubblikazzjoni. Madankollu, ebda osservazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, la mill-awtoritajiet Taljani, la minn AEM Torino, u lanqas minn terzi interessati.

    11

    Permezz tad-Deċiżjoni 2006/941/KE, tat-8 ta’ Novembru 2006, dwar l-għajnuna mill-Istat C 11/06 (ex N 127/05) li r-Repubblika Taljana għandha l-intenzjoni timplementa favur AEM Torino (ĠU L 366, p. 62, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni temmet il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE. F’din id-deċiżjoni, hija essenzjalment ikkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, iżda madankollu din l-għajnuna ma setgħetx tiġi awtorizzata qabel ma r-Repubblika Taljana tipproduċi prova li l-AEM Torino ma kinitx benefiċjarja tal-għajnuna relatata mad-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali, jew, skont il-każ, il-prova li l-AEM Torino kienet ħallset lura l-imsemmija għajnuna flimkien mal-interessi moratorji.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    12

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti ressqu r-rikors preżenti.

    13

    Ir-rikorrenti talbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat il-miżura inkwistjoni, kif ukoll sa fejn “tissospendi l-ħlas tal-għajnuna” sakemm ir-Repubblika Taljana tipproduċi prova tar-rifużjoni, mill-AEM Torino, tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    14

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    15

    Ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, u min-naħa l-oħra, fuq l-illegalità tas-“sospensjoni tal-ħlas tal-għajnuna”.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE

    16

    L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, sa fejn il-kundizzjoni tal-finanzjament minn riżorsi tal-Istat u l-kundizzjoni tal-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji ma kinux sodisfatti.

    17

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw, fil-kuntest tal-ewwel motiv, żewġ ilmenti oħra, jiġifieri n-nuqqas ta’ investigazzjoni u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, peress li, fil-verità, dawn l-ilmenti mhumiex marbuta mal-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, dawn ser jiġu eżaminati separatament, rispettivament, bħala t-tielet u r-raba’ motiv.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar il-kundizzjoni tal-finanzjament minn riżorsi tal-Istat

    — L-argumenti tal-partijiet

    18

    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-miżura inkwistjoni ma timplikax riżorsi tal-Istat, iżda tikkonċerna sempliċement trasferiment bejn persuni ekonomiċi li jaqgħu taħt is-settur privat, jiġifieri l-konsumaturi finali tal-elettriku, minn naħa, u d-distributuri tal-elettriku, min-naħa l-oħra.

    19

    Fil-fatt, is-sistema Taljana ta’ kopertura tal-ispejjeż mitlufa hija ġuridikament ippreżentata bħala li tipprovdi obbligu impost mill-Istat fuq kategorija ta’ persuni privati, jiġifieri l-konsumaturi finali tal-elettriku, li jittrasferixxu ċerti somom lil kategorija oħra ta’ persuni privati, jiġifieri l-impriżi li jibbenefikaw mill-kumpens għall-ispejjeż mitlufa. Ir-rikorrenti jsostnu li, minn dan il-lat, is-sistema inkwistjoni mhijiex differenti minn obbligu ta’ xiri bi prezzijiet minimi stabbiliti minn qabel, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE, u dan anke jekk, bħal fil-każ preżenti, it-trasferiment tar-riżorsi finanzjarji bejn il-persuni privati jsir obbligatorjament permezz ta’ kont miftuħ mal-CCSE, u mhux direttament.

    20

    Skont ir-rikorrenti, il-CCSE jaqdi biss il-funzjoni ta’ sempliċi intermedjarju li jżomm il-kontabbiltà bejn il-persuni privati li għandhom obbligu ta’ ħlas u l-persuni li jibbenefikaw mill-ħlas ta’ dawn is-somom, u għalhekk il-CCSE ma jistax, anke jekk għal perijodu qasir, juża s-somom iddepożitati.

    21

    Il-Kummissjoni tiddikjara li s-somom ittrasferiti jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, peress li l-CCSE, li jiġborhom u jiżgura d-distribuzzjoni tagħhom, huwa korp pubbliku u li l-Istat jista’ juża s-somom iddepożitati.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    22

    L-Artikolu 87(1) KE jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma li tikkawża distorsjoni jew li tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti manifatturi.

    23

    Għalhekk, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li huma kkunsidrati għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn l-“għajnuna mogħtija mill-Istat” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” ma tfissirx li kull vantaġġ mogħti mill-Istat jikkostitwixxi għajnuna, indipendentement minn jekk ikunx jew le iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, iżda hija biss intiża sabiex tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, magħżul jew stabbilit minn dan l-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li s-somom inkwistjoni fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni kienu qabelxejn miġbura mingħand persuni privati, jiġifieri mingħand il-konsumaturi kollha tal-enerġija, u wara ddepożitati f’kont tal-CCSE, u sussegwentement ittrasferiti lil AEM Torino, li hija impriża privata. Huwa paċifiku wkoll li l-CCSE huwa korp pubbliku, magħżul mill-Istat Taljan sabiex jagħti lill-impriżi benefiċjarji l-kumpens għall-ispejjeż mitlufa.

    25

    It-tieni nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-Artikolu 87(1) KE ikopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex jgħinu lil impriżi, mingħajr mhuwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jagħmlu parti kontinwament mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anke jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura inkwistjoni mhumiex kontinwament fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 50, u tas-, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 37).

    26

    Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-miżura inkwistjoni tixbah lil miżura inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-impriżi privati tal-provvista tal-elettriku kienu obbligati jixtru l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija li tista’ tiġġedded bi prezzijiet minimi stabbiliti, ma kien jimplika ebda trasferiment dirett jew indirett tar-riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku (punt 59).

    27

    Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, lilhinn mill-impożizzjoni tal-obbligu legali ta’ xiri bi prezz minimu, l-Istat ma kellu ebda rwol fil-ġbir u/jew fid-distribuzzjoni tal-fondi inkwistjoni: is-somom korrispondenti mal-prezz tax-xiri kienu direttament ittrasferiti bejn, minn naħa, persuni ekonomiċi fis-settur privat, jiġifieri l-impriżi distributtriċi tal-elettriku, u min-naħa l-oħra, il-prodotturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li tista’ tiġġedded. Fil-kawża preżenti, min-naħa l-oħra, il-proporzjon fiss tat-tariffa tal-elettriku jinġabar u jiġi amministrat fuq kont speċifiku mill-CCSE, li huwa korp pubbliku, qabel ma jitqassam lill-benefiċjarja, jiġifieri lill-AEM Torino.

    28

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq, is-somom inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat, peress li mhux biss huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, iżda talli huma wkoll il-proprjetà tal-Istat.

    29

    Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kontroll pubbliku, il-Kummissjoni rrilevat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-CCSE seta’ juża s-somom disponibbli fil-kont tiegħu A 6 sabiex ikopri temporanjament dejn fuq kontijiet oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għal każ fejn l-awtoritajiet Taljani kienu, permezz ta’ digriet ministerjali, użaw parti mis-somom disponibbli fuq l-imsemmi kont għall-finijiet oħra li ma kinux dawk li għalih ġew iddepożitati. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi kemm li l-CCSE kien jeżerċita biss funzjoni ta’ sempliċi intermedjarju li jżomm il-kontabbità kif ukoll li d-depożitu tal-imsemmija somom inkwistjoni fuq dan il-kont tal-CCSE, ma jippermettix li dan jittrasferixxihom, anke temporanjament, għandu jinċaqħad. Huwa minnu li r-rikorrenti sostnew li, fil-każ preżenti, l-Istat Taljan ma kienx aġixxa fuq inizjattiva tiegħu, iżda bl-għan li jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u li l-bdil fl-allokazzjoni ta’ dawn is-somom meta mqabbla mal-allokazzjoni inizjali tagħhom kien biss il-konsegwenza tal-impossibbiltà li jiġu mħallsa lura lil dawk li kienu ħallsuhom indebitament. Madankollu, dan ma jikkonfutax il-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li tipprovdi li l-Istat Taljan għandu l-fakultà, jekk dan ikun neċessarju jew xieraq, li jittrasferixxi s-somom disponibbli fuq il-kont A 6 tal-CCSE, b’mod partikolari billi jbiddel l-allokazzjoni tagħhom.

    30

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-proprjetarju tas-somom iddepożitati fil-kont A 6 tal-CCSE, għalkemm ir-rikorrenti jiċħdu li dawn jappartjenu lil CCSE innifsu, madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, huma ma jispjegawx min hu l-proprjetarju tagħhom, u jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw li s-somom inkwistjoni huma dejjem tas-“sistema elettrika”. Waqt is-seduta, wara li saritilhom mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma l-konsumaturi finali tal-elettriku li jibqgħu l-proprjetarji tal-imsemmija somom.

    31

    Għalhekk, il-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ kassazzjoni Taljana) iddeċidiet, fis-sentenza (Awli Ċivili magħquda) Nru 11632/03, tat-3 ta’ April 2003, li l-CCSE ma kellux personalità legali distinta minn dik tal-Istat Taljan u li kien dan tal-aħħar li kellu jiġi kkunsidrat il-proprjetarju tas-somom iddepożitati mal-CCSE. Fil-punti 4.3 sa 4.7 tal-imsemmija sentenza, il-Corte suprema di cassazione wettqet analiżi fid-dettall tal-kwistjoni tal-personalità legali tal-CCSE, ibbażata kemm fuq eżami tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli f’dan il-qasam, kif ukoll fuq il-ġurisprudenza relatata ma’ każijiet simili fid-dritt Taljan. Hija kkonkludiet li l-CCSE kien korp tal-Istat u li s-somom li ġew iddepożitati miegħu, għalkemm provenjenti minn persuni privati u huma intiżi għall-impriżi privati, kienu l-proprjetà tal-Istat.

    32

    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-replika sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ din is-sentenza u l-portata tagħha fuq il-kawża preżenti mhumiex konvinċenti.

    33

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Corte suprema di cassazione kienet ġiet mitluba, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, tiddeċiedi fuq kwistjonijiet legali differenti minn dawk eżaminati fil-kawża preżenti. Fil-fatt, skont dawn, il-Corte suprema di cassazione kienet iddeċidiet dwar in-natura ta’ ksur li permezz tiegħu l-membri tal-Kumitat interministerjali tal-prezzijiet Taljan (CIP) kienu ppreġudikaw, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, id-dħul tal-Istat miżmum minn CCSE. F’dan il-kuntest, hija kienet ispirata mir-rieda li f’kull każ tikkastiga lill-persuni inkwistjoni. Għalhekk, il-prinċipji esposti mill-Corte suprema di cassazione ma jistgħux jiġu applikati b’mod astratt għall-każijiet simili oħra, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ġew stabbiliti.

    34

    Għalhekk, indipendentement mill-fondatezza tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-motivi li fuqhom hija bbażata s-sentenza inkwistjoni, il-konstatazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar in-natura statali tar-riżorsi inkwistjoni m’għandhomx jitqiesu inseparabbli mill-fatt li l-Corte suprema di cassazione kienet iddeċidiet f’kawża kriminali u mhux f’kawża ċivili jew amministrattiva. Fil-fatt, peress li d-dritt kriminali u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-frodi tal-kontabbiltà, li kienu inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet mogħtija lill-persuni fiżiċi jew legali mid-dritt ċivili jew mid-dritt amministrattiv, l-aventi kawża tal-kontijiet inkwistjoni għandhom fi kwalunkwe każ jiġu ddeterminati abbażi tad-dritt ċivili jew tad-dritt amministrattiv. Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tas-sentenza tal-Corte suprema di cassazione dwar in-nuqqas ta’ personalità legali tal-CCSE u l-proprjetà tal-fondi ddepożitati fil-kontijiet amministrati minnu għandhom japplikaw b’mod ġenerali, anke fir-rigward ta’ oqsma differenti minn dak kriminali.

    35

    It-tieni nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, fil-frattemp, il-kuntest legali applikabbli għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Corte suprema di cassazione ġie emendat kompletament. F’dan ir-rigward, huma jirreferu, b’mod partikolari, għall-ħolqien, permezz ta’ liġi tal-1995, tal-AEEG, li ġew attribwiti lilha l-kompetenzi preċedentement eżerċitati minn CIP, kif ukoll id-deliberazzjoni Nru 70/97 tal-AEEG, li fiha din tal-aħħar għamlet, għall-ewwel darba, distinzjoni netta bejn it-tariffa tal-elettriku, inklużi s-supplimenti tagħha, u d-dħul tal-Istat. Skont ir-rikorrenti, qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur affettwat minn din l-emenda, il-komponenti differenti tat-tariffa tal-elettriku kienu jikkontribwixxu għall-baġit tal-ENEL bħala korp tal-Istat u dan kien iwassal sabiex dawn jitqiesu riżorsi pubbliċi, filwaqt li, skont id-dispożizzjonijiet legali sa mill-1992, l-ENEL kienet fil-frattemp inbidlet u saret kumpannija b’responsabbiltà limitata.

    36

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn l-argumenti huma kkonfutati mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-impenji ta’ CIP ittrasferiti lill-AEEG, huwa evidenti li, sakemm il-kompetenzi eżerċitati ma nbidlux, mhuwiex neċessarju li jsir magħruf jekk id-determinazzjoni, l-amministrazzjoni u d-destinazzjoni tas-supplimenti tat-tariffa tal-elettriku jaqgħux taħt awtorità amministrattiva indipendenti, bħall-AEEG, jew taħt kumitat interministerjali, bħall-CIP. Fir-rigward tal-fatt li ENEL, bħala destinatarja tas-supplimenti tat-tariffa elettrika li kienet is-suġġett tas-sentenza tal-Corte suprema di cassazione, mhijiex iżjed stabbiliment pubbliku, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti għolja Taljana enfasizzat li l-fatt li s-somom inkwistjoni huma intiżi għall-kumpens tal-impriżi m’għandu ebda effett fir-rigward tal-fatt li huma proprjetà tal-Istat. Bl-istess mod, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-fatt li l-AEEG għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, is-supplimenti intiżi li jagħmlu parti mill-baġit ġenerali tal-Istat u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mħallsa fuq kont imblukkat miftuħ mal-CCSE u intiżi għall-kumpens lill-impriżi, ma jeskludix li dawn tal-aħħar isiru l-proprjetà tal-Istat ladarba jitħallsu lil CCSE.

    37

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li jista’ jiġi dedott, bħal ma għamlet il-Corte suprema di cassazione, li l-fondi disponibbli fil-kont A 6 tal-CCSE huma fondi pubbliċi minħabba l-fatt li l-CCSE huwa suġġett għas-sistema ta’ kontabbiltà tal-Istat. Fil-fatt, in-natura ġuridika tal-fondi ma tiddependix fuq in-natura pubblika jew privata tal-korp li miegħu ġew iddepożitati. Fi kwalunkwe każ, l-AEEG, li setgħet liberament tagħżel l-istabbiliment bankarju sabiex miegħu tafda l-amministrazzjoni ta’ kont speċifiku, għażlet lil CCSE għal raġuni sempliċi ta’ opportunità.

    38

    Huwa biżżejjed li jingħad, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali Taljan li saret mill-Corte suprema di cassazione.

    39

    Minn dan isegwi li s-somom iddepożitati fuq il-kont A 6 tal-CCSE jappartjenu lill-Istat Taljan u li dan tal-aħħar jista’ jużahom. Għalhekk, skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq, dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat.

    40

    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tinċaħad bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar il-kundizzjoni tal-għoti ta’ vantaġġ

    — L-argumenti tal-partijiet

    41

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-miżura kkontestata ma tissodisfax il-kundizzjoni dwar l-għoti ta’ vantaġġ lill-impriża benefiċjarja u li l-Kummissjoni ma tagħti ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata.

    42

    Fl-opinjoni tagħhom, il-miżura kkontestata tippermetti lill-impriżi benefiċjarji li jirkupraw l-ispejjeż, li huma spejjeż fissi relatati mal-investimenti li saru skont l-obbligi imposti mill-Istat, qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq, u li dawn l-impriżi ma jistgħux ikopru bid-dħul tagħhom biss, li jirriżultaw mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq liberalizzat. Għalhekk, dan ma jimplikax vantaġġ ekonomiku, iżda miżura intiża sabiex tevità li l-impriżi ma jiġux ippenalizzati minħabba s-sempliċi fatt li jkunu kkonformaw ruħhom, qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq, mal-indikazzjonijiet strateġiċi tal-awtoritajiet, sitwazzjoni li tkun tfisser li jingħata vantaġġ lill-impriżi kompetituri li ma kinux obbligati li jagħmlu tali investimenti li ma jħallux profitt.

    43

    Fil-fehma tar-rikorrenti, l-ispejjeż mitlufa mhumiex spejjeż li normalment huma ta’ piż fuq il-baġit tal-impriżi, skont il-ġurisprudenza Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li, f’sitwazzjoni normali ta’ suq miftuħ għall-kompetizzjoni, ebda impriża ma kienet twettaq l-investimenti li taw lok għall-ispejjeż mitlufa. Għalhekk, ma jistax jingħad li hemm vantaġġ li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni, iżda pjuttost l-eliminazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema preċedenti.

    44

    Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha turi li l-miżura inkwistjoni kienet tmur lilhinn minn sempliċi kopertura tal-ispejjeż mitlufa u kienet tikkostitwixxi vantaġġ addizzjonali għall-benefiċjarji. Issa, dan huwa eskluż fil-każ preżenti, peress li s-somom li kellhom jiġu mħallsa minnhom kienu ġew ikkalkolati abbażi tad-differenza bejn l-ispejjeż fissi tal-impjanti u d-dħul li seta’ jinkiseb mill-bejgħ tal-elettriku.

    45

    Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-miżura inkwistjoni tikkonsisti fit-trasferiment lil AEM Torino ta’ somma ta’ EUR 16338000 li ma tirrappreżentax il-korrispettiva tas-servizzi pprovduti lill-Istat jew lill-pubbliku, iżda li hija intiża li tkopri spejjeż li għandhom normalment jiġu sostnuti mill-imsemmija impriża, din tikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    46

    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 60, u tad-, DM Transport, C-256/97, Ġabra p. I-3913, punt 22; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, EPAC vs Il-Kummissjoni, T-204/97 u T-270/97, Ġabra p. II-2267, punt 66).

    47

    Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li l-miżura inkwistjoni tipprovdi għat-trasferiment tal-ammont ta’ EUR 16338000 lil AEM Torino. Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk dan it-trasferiment huwiex vantaġġ ekonomiku li din l-impriża ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, kif tiddikjara l-Kummissjoni, jew inkella jekk jammontax sempliċement għall-fatt li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet normali tas-suq fir-rigward ta’ AEM Torino, meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri li ma kellhomx għalfejn isostnu l-ispejjeż mitlufa, kif jiddikjaraw ir-rikorrenti.

    48

    Ir-risposta għal din il-kwistjoni tiddependi fuq l-interpretazzjoni li tingħata għall-kunċett ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq”, fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-produzzjoni tal-elettriku. Skont il-Kummissjoni, l-emendi li saru f’dan il-kuntest jagħmlu parti mill-iżviluppi li l-operaturi għandhom jistennew fil-kundizzjonijiet normali tas-suq, jew, minn tal-inqas, l-imsemmija operaturi ma seta jkollhom ebda aspettativi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-kuntest regolamentari eżistenti. Min-naħa l-oħra, ir-rikrorenti essenzjalment isostnu li l-kundizzjonijiet normali tas-suq jimplikaw stabbiltà tal-kuntest regolamentari, jew, minn tal-inqas, il-protezzjoni tal-aspettattivi li huma kellhom f’tali stabbiltà, b’mod partikolari, meta l-impriżi ġew imħeġġa, jekk mhux saħansitra obbligati mill-Istat, li jwettqu ċerti investimenti, kif kien il-każ fil-kawża preżenti.

    49

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-opinjoni tal-Kummissjoni hija iktar konvinċenti.

    50

    Fil-fatt, fi Stat demokratiku, kif ukoll f’ekonomija tas-suq, il-kuntest regolamentari jista’ jiġi emendat f’kull waqt. Fid-dawl tal-orjentazzjoni ġenerali tal-politika ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea lejn ftuħ tas-swieq nazzjonali u lejn iffaċilitar tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, dan jgħodd iktar u iktar fil-każijiet fejn, bħal fil-kawża preżenti, il-kuntest regolamentari preċedenti kien jipprovdi għal għeluq nazzjonali u/jew reġjonali ta’ suq, b’mod li joħloq sitwazzjonijiet ta’ monopolju. Isegwi li l-ftuħ ta’ suq li qabel kien magħluq, bħal dak imwettaq fil-kuntest tad-Direttiva 96/92, ma jistax jitqies bħala anomalija meta mqabbel mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

    51

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, l-emenda tal-kuntest regolamentari fis-settur tal-elettriku li saret wara d-Direttiva 96/92 tagħmel parti mill-kundizzjonijiet normali tas-suq u li, meta AEM Torino wettqet investimenti li taw lok għall-ispejjeż mitlufa inkwistjoni, hija ħadet riskji normali, inerenti fl-emendi eventwali tal-leġiżlazzjoni.

    52

    Huwa minnu li f’kull sistema li taqa’ taħt l-istat tad-dritt, l-impriżi, bħal kull individwu, għandhom id-dritt għal protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħhom. Madankollu, fil-kawża preżenti, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti setgħux leġittimament jinvokaw il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li huma kellhom fl-istabbiltà tal-kuntest regolamentari relatat mas-settur tal-elettriku.

    53

    Fil-fatt, l-ewwel nett, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element li jsostni d-dikjarazzjoni tagħhom li tipprovdi li l-awtoritajiet Taljani kienu obbligawhom jaċċettaw l-investimenti li taw lok għall-ispejjeż mitlufa koperti mill-miżura inkwistjoni.

    54

    It-tieni nett, protezzjoni tal-aspettattivi li r-rikorrenti kellhom fl-istabbiltà tal-kuntest regolamentari relatat mas-settur tal-elettriku kienet fil-fatt iggarantita fil-kawża preżenti, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li, bħala prinċipju, kienet kompatibbli mas-suq komuni, taħt l-unika riżerva ta’ rimbors preċedenti tal-għajnuna msemmija fid-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali. Din id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni tagħmel parti mill-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni dwar il-metodoloġija ta’ analiżi tal-għajnuna mill-Istat relatata mal-ispejjeż mitlufa, li fiha hija indikat li jista’ jkollha “attitudni favorevoli fir-rigward ta’ din l-għajnuna sa fejn id-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija kontrobilanċjata mill-kontribuzzjoni tagħhom għat-twettiq tal-għan Komunitarju li l-forzi tas-suq ma jistgħux jiksbu”, u li hija tikkunsidra li “l-għajnuna intiża li tikkumpensa l-ispejjeż mitlufa tista’ bħala prinċipju tibbenefika mid-deroga pprovduta fl-Artikolu 87(3)(c) [KE]”.

    55

    Għalhekk, peress li r-rikorrenti bbenefikaw minn protezzjoni effettiva tal-aspettattivi li huma kellhom fl-istabbiltà tal-kuntest regolamentari relatat mas-settur tal-elettriku, huma ma jistgħux jippretendu li din il-protezzjoni tkun implementata b’mod partikolari u mhux b’mod ieħor, jiġifieri permezz tal-esklużjoni tal-miżura kkontestata mill-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE pjuttost milli minn dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà ta’ din il-miżura, skont l-Artikolu 87(3)(c) KE.

    56

    Isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha wkoll tinċaħad bħala infondata.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    57

    Ir-rikorrenti jqajmu motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

    58

    Il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tat-tielet motiv.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    59

    Skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni trid tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk hemm bżonn mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Minħabba dan il-fatt, ir-rikors għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li sempliċi evokazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    60

    Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti la żviluppaw dan il-motiv fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, u lanqas waqt is-seduta, b’mod li l-unika indikazzjoni dwar it-tielet motiv mogħtija minnhom tikkonsisti fl-evokazzjoni astratta tiegħu, fil-kap tal-ewwel motiv tagħhom. Għalkemm waqt is-seduta huma indikaw, wara li saritilhom mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-iżvilupp ta’ dan il-motiv kellu jinsab fl-iżviluppi tagħhom li jirrigwardaw il-motivi l-oħra, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tfittex, fost l-elementi kollha invokati insostenn ta’ motiv, jekk dawn jistgħux jintużaw ukoll insostenn ta’ motiv ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T-322/01, Ġabra p. II-3137, punt 209).

    61

    Isegwi li t-tielet motiv għandu jinċaqħad bħala inammissibbli.

    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    62

    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li la din u lanqas id-deċiżjoni ta’ ftuħ ma jinkludu spjegazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. L-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex ikkompensat mir-referenza li ssir għad-deċiżjoni ENEL. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma kkonċernatx il-miżuri adottati favur l-impriżi denominati “municipalizzate”, li huma inkwistjoni fil-kawża preżenti.

    63

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li, anke jekk tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni ENEL għall-finijiet ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xorta hemm nuqqas gravi ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, is-sistema Taljana ta’ kopertura tal-ispejjeż mitlufa ġiet analizzata b’mod impreċiż u l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni waslet għalihom abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar taxxi parafiskali huma żbaljati.

    64

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-Gvern Taljan, li huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, innotifika l-miżura inkwistjoni skont l-Artikolu 88(3) KE billi kklassifikaha bħala għajnuna mill-Istat, l-istess bħal fil-każ tal-għajnuna li tat lok għad-deċiżjoni ENEL. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata hija llimitat ruħha li tikkonferma l-klassifikazzjoni legali li saret mill-Gvern Taljan. It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet globalment ikkonfermat il-konklużjonijiet preliminari esposti fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li dwarhom la r-Repubblika Taljana u lanqas l-AEM Torino ma kienu ppreżentaw osservazzjonijiet. It-tielet nett, il-kuntest legali tal-miżura inkwistjoni huwa identiku għal dak tad-deċiżjoni ENEL, u l-Kummissjoni indikat dan b’mod espliċitu fid-deċiżjoni kkontestata.

    65

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li l-kuntest, magħruf sew kemm mill-Gvern Taljan kif ukoll minn AEM Torino, li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jinkludix biss id-deċiżjoni tal-ftuħ iżda wkoll id-deċiżjoni ENEL, li l-motivazzjoni tagħha tippermetti li jiġi mifhum b’mod ċar ir-raġunament li wassal għall-konklużjoni li l-miżura kkontestata kienet iffinanzjata minn riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li la l-awtoritajiet Taljani u lanqas AEM Torino ma kienu ppreżentaw osservazzjonijiet rigward il-konklużjonijiet preliminari esposti fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tiġi mmotivata fil-qosor.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    66

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun adattata għan-natura ta’ dan l-att u għandha turi b’mod ċar ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tiegħu, b’tali mod li tippermetti lil-partijiet interessati jifhmu l-bażi tiegħu u lill-qorti tistħarreġ il-fondatezza tiegħu, mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta’ dritt u ta’ fatt rilevanti, peress li l-kwistjoni ta’ konformità mal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl kemm tal-kontenut tal-att kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra p. II-2123, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Fil-kawża preżenti, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata nnfisha, huwa minnu li f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tillimita ruħha, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, għas-sempliċi sentenza li tipprovdi li hija “kkonstatat li l-miżura inkunsiderazzjoni [għandha] tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat”.

    68

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’kuntest magħruf sewwa kemm mill-Gvern Taljlan kif ukoll mir-rikorrenti u li hija ssegwi prassi deċiżjonali stabbilita.

    69

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Taljan innifsu, fin-notifika tal-21 ta’ Marzu 2005 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), ikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

    70

    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, il-kuntest legali u fattwali tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi, minbarra d-deċiżjoni ta’ ftuħ, id-deċiżjoni ENEL, li hemm referenza espliċita għaliha fil-punt 5 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni “hija bbażata fuq miżura simili approvata mill-Kummissjoni”, filwaqt li ppreċiżat li l-miżura kienet is-suġġett tad-deċiżjoni ENEL.

    71

    Għalhekk, id-deċiżjoni ENEL tinkludi, fil-punt 3.1, preżentazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu għajnuna mill-Istat. Hija spjegat, fir-rigward ta’ kull waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE, għalfejn kienet tqis li dawn kienu sodisfatti fir-rigward tal-miżura inkwistjoni. Dawn l-ispjegazzjonijiet huma mogħtija pjuttost fil-qosor fir-rigward tal-kriterji ta’ selettività, tad-dannu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji, iżda huma iżjed dettaljati fir-rigward tal-kriterju tal-finanzjament permezz tar-riżorsi tal-Istat, li juri d-differenza fil-livell ta’ diffikultà fl-evalwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji għall-imsemmija miżura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkostitwixxu, fihom infushom, motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq.

    72

    Madankollu, peress li mhijiex motivazzjoni relatata mal-miżura inkwistjoni, iżda motivazzjoni relatata ma’ miżura oħra, li għandha natura simili, għandha wkoll tiġi eżaminata r-rilevanza ta’ din il-motivazzjoni għall-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni, b’kunsiderazzjoni għad-differenzi bejn iż-żewġ miżuri inkwistjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li d-deċiżjoni ENEL tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni skont il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li hija ma tikkonċernax il-miżuri favur l-impriżi denominati “municipalizzate”, li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda biss il-miżuri favur impriżi oħra, jiġifieri dawk li jappartjenu għall-grupp ENEL u kumpanniji oħra li ħadu l-impjanti l-qodma ta’ ENEL (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

    73

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża li tat lok għad-deċiżjoni ENEL u f’dik li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata huma msejsa fuq l-istess bażijiet legali fid-dritt Taljan, kif jirriżulta mill-punt 2.1 tad-deċiżjoni ENEL u mill-punt 4 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-impriżi benefiċjarji jappartjenu għall-istess settur ekonomiku, jiġifieri dak tal-produzzjoni u/jew tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li l-imsemmija miżuri huma intiżi, fiż-żewġ każijiet, li jkopru l-ispejjeż mitlufa marbuta mal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92, u li l-modalitajiet tal-ġbir u tad-distribuzzjoni tas-somom inkwistjoni huma identiċi, peress li, fiż-żewġ każijiet, l-imsemmija somom jinġabru mingħand il-konsumaturi finali kollha tal-enerġija permezz tal-istess proporzjon A 6 tat-tariffa elettrika, u wara jiġu amministrrati minn CCSE fuq kont speċifiku, qabel ma jkunu sussegwentement imħallsa lill-impriżi benefiċjarji tal-miżura.

    74

    Barra minn hekk, ir-rabta bejn iż-żewġ miżuri hija wkoll ikkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat, fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni ENEL, li l-ispejjeż mitlufa tal-impriżi denominati “municipalizzate”, li fosthom hija ssemmi espliċitament lil AEM Torino, kienu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali separata u li din tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ notifika u ta’ deċiżjonijiet sussegwenti. Bl-istess mod, fil-punt 5 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tirreferi espliċitament għall-fatt li l-ispejjeż mitlufa marbuta mal-impriżi denominati “municipalizzate” ma kinux, f’dak iż-żmien, is-suġġett tad-deċiżjoni ENEL.

    75

    Minn dan isegwi li ż-żewġ miżuri tant jippreżentaw livell ta’ rabta u ta’ similitudni, li l-motivazzjoni mogħtija għall-kwalifika tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ waħda minnhom turi b’ċarezza suffiċjenti r-raġunamnet segwit mill-Kummissjoni fir-rigward tal-oħra, b’mod li tippermetti lir-rikorrenti li jifhmu l-bażi tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tistħarreġ il-fondatezza tiegħu, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, jidher li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jiżguraw id-difiża tagħhom fuq il-bażi tad-dokumenti u tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, peress li huma jikkontestaw in extenso, fir-rikors tagħhom, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni ENEL.

    76

    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li, anke jekk id-deċiżjoni ENEL tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa l-fatt li f’din is-sentenza s-sistema Taljana tal-kopertura tal-ispejjeż mitlufa hija analizzata biss b’mod impreċiż u minn dan jirriżultaw konklużjonijiet żbaljati, għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, li huwa distint, bħala tali, mill-motiv dwar l-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li għandu jiġi mistħarreġ fil-kuntest tal-eżami tal-mertu ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 47). L-argument tar-rikorrenti jikkonċerna biss l-inażettezza fir-rigward tal-mertu tal-motivi. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi kkontestat.

    77

    Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jinċaħad bħala infondat.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tas-“sospensjoni tal-ħlas tal-għajnuna”

    78

    It-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa maqsum f’żewġ partijiet ibbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas tar-rilevanza tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni (C-355/95 P, Ġabra p. I-2549), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, TWD vs Il-Kummissjoni, (T-244/93 u T-486/93, Ġabra p. II-2265, iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Deggendorf”), għall-eżami tal-kawża preżenti u fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-akkumulazzjoni tal-għajnuna preċedenti mal-miżura kkontestata.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar ir-rilevanza tal-ġurisprudenza Deggendorf

    — L-argumenti tal-partijiet

    79

    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li s-“sospensjoni tal-ħlas” ta’ għajnuna mill-Istat skont il-ġurisprudenza Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, timplika li għandhom ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-għajnuna mħallsa għandha tkun ġiet iddikjarata illegali, it-tieni nett, l-irkupru tagħha għandu jkun ġie ordnat u, it-tielet nett, il-kumpannija benefiċjarja għandha tkun naqset milli teżegwixxi din l-ordni. Għalhekk, fil-kawża preżenti, fid-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali, il-Kummissjoni sempliċement ikkundannat skema ta’ għajnuna mingħajr madankollu ma identifikat l-impriżi benefiċjari u mingħajr ma stabbilixxiet l-ammonti preċiżi li huma kellhom jirrimborsaw. Għalhekk, ma hemmx ordni ta’ rkupru li magħha r-rikorrenti ma kkonformawx ruħhom.

    80

    Huma jsostnu wkoll li ma jistgħux jinżammu responsabbli għad-dewmien eventwalment inġustifikat tar-Repubblika Taljana li tordna l-irkupru tal-għajnuna msemmija fid-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li jiġi aċċettat li tali dewmien jista’ jiġġustifika s-“sospensjoni tal-ħlas” ta’ għajnuna ġdida kompatibbli skont il-ġurisprudenza Deggendorf, ikun ifisser li din il-miżura tingħata kontenut tabilħaqq ripressiv li bl-ebda mod ma kien mixtieq mill-qrati, u dan fin-nuqqas ta’ kull bażi legali fid-dritt Komunitarju.

    81

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li hija ma eżaminatx l-aġir tal-impriża benefiċjarja fir-rigward ta’ ordni ta’ rkupru, iżda dak tal-Istat Membru kkonċernat u, it-tieni nett, li hija qieset, li fil-kawża preżenti, AEM Torino kienet ibbenefikat minn għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni li l-Istat Taljan kellu jirkupra. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li r-Repubblika Taljana ġiet ikkundannata mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li ma rkupratx, fit-termini stabbiliti, l-għajnuna li taqa’ taħt l-iskema tal-eżenzjonijiet fiskali (sentenza Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq).

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    82

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE jagħti lill-Kummissjoni r-responsabbiltà li timplementa, taħt stħarriġ mill-qorti Komunitarja, proċedura speċjali li toħloq analiżi permanenti u kontroll tal-għajnuna li l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 16, u tal-, British Aerospace u Rover vs Il-Kummissjoni, C-294/90, Ġabra p. I-493, punt 10). B’mod partikolari, fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna skont l-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). Meta l-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, inklużi, skont il-każ, il-kuntest diġà evalwat f’deċiżjoni preċedenti, kif ukoll l-obbligi li din id-deċiżjoni preċedenti setgħet imponiet fuq Stat Membru (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-261/89, Ġabra p. I-4437, punt 20).

    83

    Fil-ġurisprudenza Deggendorf, il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet li l-Kummissjoni ma tabbużax mis-setgħa diskrezzjonali tagħha meta, fil-każ fejn għandha tieħu deċiżjoni dwar pjan ta’ għajnuna li Stat Membru jipproponi li jagħti lill-impriża, hija tadotta deċiżjoni li tiddikjara din l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni, iżda taħt riżerva li l-impriża inkwistjoni preliminarjament tirrimborsa għajnuna preċedenti ddikjarata illegali, u dan minħabba l-effett kumulattiv tal-għajnuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 27).

    84

    Ir-raġunament tar-rikorrenti jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u minn interpretazzjoni ħażina tal-karatteristiċi tal-proċedura ta’ verifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, peress li dan jikkonsisti f’li din il-proċedura tinftiehem minn perspettiva tar-relazzjoni bejn l-impriża benefiċjarja u l-Kummissjoni, u mhux minn perspettiva reali li teżisti f’dan ir-rigward bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni. Dan l-approċċ żbaljat iwassal lir-rikorrenti sabiex jikkunsidraw li, skont l-imsemmija ġurisprudenza, id-deċiżjoni li tiddikjara bħala inkompatibbli l-għajnuna preċedenti illegali u li tordna l-irkupru tagħha għandha bħala suġġett l-għajnuna li l-impriżi benefiċjarji effettivament irċevew u li ma tawx lura.

    85

    Għalhekk, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom biss u unikament bħala destinatarji l-Istati Membri kkonċernati [ara l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 45]. Konsegwentement, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti, inkluż il-kuntest diġà evalwat f’deċiżjoni preċedenti, kif ukoll l-obbligi li hija setgħet imponiet fuq Stat Membru f’din id-deċiżjoni preċedenti, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza iċċitata iktar ’il fuq (sentenza Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20), il-Kummissjoni teżamina biss l-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat li jinsabu f’tali deċiżjoni, u mhux dawk li jistgħu, skont il-każ, jirriżultaw għal kumpannija benefiċjarja. Bl-istess mod, kif tenfasizza korrettament il-Kummissjoni, hija qatt ma tindirizza, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ordnijiet ta’ rkupru lill-impriżi, iżda dejjem lill-Istati Membri li għandhom, min-naħa tagħhom, jimponu fuq l-impriżi benefiċjarji l-irkupru tas-somom imħallsa.

    86

    Għalhekk, f’dan ir-rigward, il-fatti fil-kawża preżenti mhumiex differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. B’mod partikolari, fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Istat Membru kkonċernat kien ta għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, mingħajr mhija tat l-approvazzjoni tagħha minn qabel, u ordnat l-irkupru tagħhom mingħand l-impriżi benefiċjarji, ordni li ma twettqitx mill-Istati Membri inkwistjoni.

    87

    L-unika differenza bejn iż-żewġ każijiet tinsab fil-fatt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-għajnuna illegali preċedenti kienet għajnuna individwali li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat li ordnatlu jirkupra, mingħand benefiċjarju wieħed, l-għajnuna kkalkolata bl-eżatt, filwaqt li, fil-kawża preżenti, l-għajnuna illegali preċedenti inkwistjoni kienet taqa’ taħt skema ta’ eżenzjonijiet fiskali li, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet Taljani, il-benefiċċju eżatt mogħti lill-impriżi ma setax jiġi ddeterminat u kkalkolat fid-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali.

    88

    Għalhekk, din id-differenza ma tistax tiġġustifika li ma tiġix applikata, fil-kawża preżenti, is-soluzzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza Deggendorf. Qabelxejn, kif issostni l-Kummissjoni, din il-ġurisprudenza tirrispondi għall-bżonn li jiġi evitat l-effett kumulattiv tal-għajnuna li ma ġietx imħallsa lura u tal-għajnuna intenzjonata li tagħti lill-impriża vantaġġ kompetittiv illegali li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bi ksur tal-interess Komunitarju (sentenza tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83). Dan il-bżonn jeżisti kemm jekk fir-rigward ta’ għajnuna individwali kif ukoll jekk fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija taħt skema ta’ għajnuna.

    89

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet eżatti, min-naħa tal-Kummissjoni, fir-rigward ta’ impriżi benefiċjarji ta’ skema illegali u fir-rigward tal-ammonti eżatti li dawn irċevew la jaffettwa l-validità ta’ ordni ta’ rkupru u lanqas ma jikkostitwixxi ostakolu għall-eżekuzzjoni tagħha sa fejn, minn naħa, l-Istat Membru kkonċernat jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jikseb din l-informazzjoni u, minn naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija awtorizzata, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, li tieħu deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni li hija jkollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punti 48 sa 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    90

    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr mhija kontradetta mir-rikorrenti li, fil-kawża li tat lok għad-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali, minkejja talbiet ripetuti min-naħa tagħha, la r-Repubblika Taljana u lanqas AEM Torino ma ħadu l-opportunità li jippreżentaw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni partikolari ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. B’mod partikolari, huma qatt ma ppreżentaw informazzjoni li tindika li, għal raġunijiet relatati mal-każ partikolari tagħha, AEM Torino ma kinitx marbuta li twettaq tali rimbors. Konsegwentement, mill-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni ddeduċiet li AEM Torino kienet ibbenefikat minn għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li l-proċedura ta’ rimbors kienet bdiet iżda ma spiċċatx.

    91

    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tas-sitwazzjoni individwali tagħhom kienet rekwiżit preliminari neċessarju sabiex ikun jista’ jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li dan il-kompitu kien tar-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-proċedura tal-irkupru fuq livell nazzjonali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna mogħtija skont skema ta’ għajnuna, l-obbligu tal-Istat Membru li jikkalkola l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, b’mod partikolari meta dan il-kalkolu jiddependi fuq informazzjoni li ma ġietx ikkomunikata minnu lill-Kummissjoni, jagħmel parti minn kuntest ikbar tal-obbligu tal-kooperazzjoni leali li jorbot reċiprokament il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-implementazzjoni tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Bl-istess mod, fil-każ fejn Stat Membru għandu dubji fuq l-identità tad-destinatarji tal-ordnijiet ta’ rkupru, huwa jista’ jissuġġetta dawn il-problemi għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2002, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-382/99, Ġabra p. I-5163, punti 91 u 92). Għalhekk, il-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ analiżi tas-sitwazzjoni individwali tagħhom kellhom jiġu indirizzati lir-Repubblika Taljana, u mhux lill-Kummissjoni.

    92

    Min-naħa l-oħra, in-nuqqas regolari tar-Repubblika Taljana li tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha f’dan ir-rigward, li huwa attestat, fil-kawża preżenti, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jipprekludi lill-Kummissjoni milli, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, tiddeduċi l-konsegwenzi kollha li jimponu ruħhom fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna ġdida li r-Repubblika Taljana tipproponi li tagħti lill-istess impriża. Fil-fatt, kull soluzzjoni oħra tkun tfisser li jiġu ppremjati dawk l-Istati Membri li, wara li jkunu taw għajnuna illegali, ma jirrispettawx, barra minn hekk, il-kompitu ta’ kooperazzjoni leali tagħhom u dan ixejjen l-effiċjenza tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

    93

    Isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tinċaħad bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-akkumulazzjoni tal-għajnuna preċedenti u tal-miżura inkwistjoni

    — L-argumenti tal-partijiet

    94

    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li turi l-effetti potenzjalment negattivi fuq il-kompetizzjoni ta’ akkumulazzjoni ta’ għajnuna illegali preċedenti mal-għajnuna l-ġdida, kif ukoll l-obbligu li tidentifika is-suq li fih seħħew dawn l-effetti.

    95

    Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tispjega r-raġunijiet għalfejn l-għajnuna l-ġdida, li fiha nfisha hija kompatibbli mas-suq komuni, ma setgħetx tingħata, inkwantu din setgħet timplika distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk din tiġi akkumulata mal-għajnuna preċedenti mhux irkuprata. Ir-rikorrenti ma jaċċettaw ebda tentattiv tal-Kummissjoni intiż li jpoġġi fuqhom l-oneru tal-prova tal-effett kumulattiv tal-għajnuna u li għalhekk tissuġġetta l-benefiċċju tad-derogi previsti fl-Artikolu 87(3) KE għal kundizzjoni addizzjonali. Fil-fatt, ir-ratio tal-ġurisprudenza Deggendorf mhuwiex dak li l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna tkun suġġetta għal kundizzjoni formali ġdida, li la hija prevista fit-Trattat KE u lanqas fid-dritt derivat, u li għaldaqstant, tkun illegali.

    96

    Skont ir-rikorrenti, ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tonqos milli twettaq tali analiżi bl-iskuża li m’għandhiex l-informazzjoni neċessarja għal dan il-għan. Il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-ammont tal-allegata għajnuna preċedenti illegali jirriżulta mill-għażla tagħha li ma teżaminax is-sitwazzjoni individwali tal-impriżi kkonċernati fid-deċiżjoni dwar l-eżenzjonijiet fiskali u li tadotta b’mod astratt id-deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna. In-nuqqasijiet eventwali fl-implementazjoni ta’ tali deċiżjoni fuq livell nazzjonali ma jawtorizzawx lill-Kummissjoni li takkuża lill-benefiċjarji billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza Deggendorf fil-kuntest tal-eżami ta’ għajnuna oħra.

    97

    Il-Kummissjoni tqis li hija applikat korrettament is-soluzzjoni tal-ġurisprudenza Deggendorf għall-kawża preżenti. B’mod partikolari, hija fakkret id-dubji, li kienet esprimiet fid-deċiżjoni tal-ftuħ billi għamlet referenza għal din il-ġurisprudenza, dwar ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti u tal-miżura inkwistjoni, u hija kkonstatat li dawn id-dubji la ġew eliminati mir-Repubblika Taljana u lanqas minn AEM Torino. Skont il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ informazzjoni kuntrarja ppreżentata mir-Repubblika Taljana jew minn AEM Torino, hija kellha d-dritt li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li hija kellha waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex minn din tikkonkludi li d-dubji tagħha dwar ir-riskju inerenti tal-effett kumulattiv tal-għajnuna inkwistjoni kien għadhom hemm.

    98

    Skont il-Kummissjoni, mis-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26), jirriżulta li n-nuqqas ta’ effett kumulattiv ta’ għajnuna ġdida ma’ għajnuna preċedenti illegali mhux imħallsa lura jagħmel parti mill-kundizzjonijiet ġenerali li jippermettu li jsir rikors għal waħda mid-derogi previsti mit-Trattat fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Għalhekk, għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha li tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga mitluba huma sodisfatti.

    99

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrimarka li, li kieku l-possibbiltà li tiġi applikata s-soluzzjoni adottata fil-ġurisprudenza Deggendorf tkun tiddependi fuq il-fatt li l-Istati Membri jkunu temmew il-proċedura ta’ investigazzjoni u kkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-ammont tal-għajnuna rċevuta minn diversi impriżi benefiċjarji, dan ikun ifisser li tixxejjen l-effiċjenza tas-sistema ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat għaliex tkun “tippremja” lill-Istati Membri li ma josservawx il-kompitu tagħhom ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni leali.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    100

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istat Membru li jitlob li jagħti għajnuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat huwa marbut bid-dover ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, li permezz tiegħu għandu, b’mod partikolari, jipprovdi l-informazzjoni kollha li tista’ tippermetti lil din l-istituzzjoni li tivverifika li l-kundizzjonijet tad-deroga mitluba jkunu sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-364/90, Ġabra p. I-2097, punt 20; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, T-132/96 u T-143/96, Ġabra p. II-3663, punt 140, u Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129).

    101

    Dan l-obbligu ġie estiż għal benefiċjarju potenzjali ta’ pjan ta’ għajnuna. Fil-fatt, ġie deċiż li, peress li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE tinkludi analiżi preliminari suffiċjenti tal-Kummissjoni li tesponi r-raġunijiet li għalihom hija għandha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, huma l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali li għandhom jippreżentaw l-informazzjoni neċessarja sabiex juru li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, u, eventwalment, li jippreżentaw iċ-ċirkustanzi speċifiċi dwar ir-rimbors tal-għajnuna diġà mħallsa, fil-każ fejn il-Kummissjoni titlob li dan isir (sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-176/01, Ġabra p. II-3931, punti 93 u 94, u, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 170).

    102

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu li l-Istat Membru u l-impriża benefiċjarja għandhom li jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna proposta ma jistax jiġi estiż għall-effett kumulattiv tal-għajnuna prċedenti illegali u tal-għajnuna ġdida, peress li dan il-kriterju ma jagħmilx parti mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(3) KE.

    103

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Qabelxejn, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-kliem tas-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza kellhom l-intenzjoni li jintroduċi kundizzjoni ġdida, differenti minn dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 87(3) KE, għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. Kuntrarjament, huma kkunsidraw, b’mod ċar, li l-kriterju tan-nuqqas ta’ effett kumulattiv tal-għajnuna l-ġdida eżaminata mal-għajnuna preċedenti ddikjarata illegali u inkompatibbli u li ma ġietx rimborsata taqa’ taħt l-eżami ġenerali tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna li għandu jsir mill-Kummissjoni, u għalhekk jikkostitwixxi biss wieħed mill-element li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 56 tas-sentenza tat-, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, meta l-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti, inklużi, skont il-każ, il-kuntest diġà evalwatat f’deċiżjoni preċedenti, kif ukoll l-obbligi li hija setgħet imponiet fuq Stat Membru f’din l-aħħar deċiżjoni. Minn dan, hija kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l- eventwali effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna ġdida, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-għajnuna preċedenti, iddikjarata illegali, ma kinitx imħallsa lura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet sostniet ukoll, fil-punt 26 tas-sentenza tal-, TWD vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fil-qasam tal-Artikolu 87(3) KE, applikabbli għad-deċiżjonijiet ikkontestati kollha, il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li għandhom jsiru f’kuntest Komunitarju.

    104

    Minn dan jirriżulta li l-obbligu li għandhom l-Istat Membru u l-impriża potenzjalment benefiċjarja ta’ għajnuna ġdida li jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni li tista’ turi li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq) japplika wkoll għall-bżonn li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ effett kumulattiv ta’ għajnuna ġdida mal-għajnuna preċedenti dikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li ma ġietx rimborsata.

    105

    Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-kundizzjoni stabbilita fl-imsemmija ġurisprudenza hijiex sodisfatta fil-kawża preżenti, billi jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni ta’ ftuħ tinkludix analiżi preliminari suffiċjenti li tesponi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

    106

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spjegat fid-dettall, fil-punti 31 u segwenti tad-deċiżjoni tal-ftuħ, ir-raġunijiet li għalihom hija kellha l-intenzjoni, b’applikazzjoni tas-soluzzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza Deggendorf, li tissuġġetta l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni għall-irkupru preliminari tal-għajnuna illegali li taqa’ taħt l-iskema tal-eżenzjonijiet fiskali.

    107

    Hija rrilevat b’mod partikolari, fil-punti 35 u 37 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-awtoritajiet Taljani la kienu f’pożizzjoni li jindikaw l-ammont tas-somom li kellhom jitħallsu lura minn AEM Torino, u lanqas il-kundizzjonijiet u l-iskadenzi relatati mal-pagamenti tagħhom u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa l-effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti mal-għajnuna ġdida u d-distorsjoni tas-suq komuni li tista’ tirriżulta skont il-każ.

    108

    Għalhekk, hija r-Repubblika Taljana, kif ukoll AEM Torino, li għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ eżami, l-informazzjoni li tista’ turi n-nuqqas ta’ effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti mal-miżura inkwistjoni u n-nuqqas ta’ distorsjoni tas-suq komuni li tirriżulta. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma wrietx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-effetti potenzjalment negattivi fuq il-kompetizzjoni li jista’ jkollha akkumulazzjoni ta’ għajnuna illegali preċedenti u tal-miżura inkwistjoni, peress li mhuwiex kompitu tal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ kull kooperazzjoni mir-Repubblika Taljana u mir-rikorrenti, tfittex l-informazzjoni li tipprova tali effetti.

    109

    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ analiżi tas-suq li r-rikorrenti jallegaw fil-konfront tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tikkawża distorsjoni jew thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li tiddefinixxi s-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punti 9 sa 12, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II-2319, punt 95).

    110

    Fil-kawża preżenti, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Taljani u minn AEM Torino bħala benefiċjarja potenzjali tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni la kienet f’pożizzjoni li tevalwa l-effett kumulattiv tal-għajnuna illegali preċedenti u tal-għajnuna ġdida, u lanqas l-effett fuq il-kompetizzjoni li seta’ jirriżulta. Għalhekk, skont ir-raġunament li fuqu hija bbażata s-soluzzjoni adottata fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, fil-punti 100 u 101, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li r-Repubblika Taljana ma kkonformatx ruħha mal-obbligu li kellha li tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tippermettilha tipproċedi għal din l-evalwazzjoni, u lanqas fuq in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tagħhom f’dan ir-rigward, sabiex jallegaw fil-konfront tal-Kummissjoni nuqqas ta’ identifikazzjoni jew analiżi tas-suq inkwistjoni li l-evalwazzjoni tagħhom kienet teżoneraha.

    111

    Isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tinċaħad.

    112

    Peress li l-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti nċaħdu, ir-rikors għandu jinċaħad fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    113

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Iride SpA u Iride Energia SpA huma kkundannati għall-ispejjeż.

     

    Pelikánová

    Jürimäe

    Soldevila Fragoso

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Frar 2009.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top