Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0020

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) tat-12 ta' Settembru 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Eleni Chatziioannidou.
    Appell - Servizz pubbliku - Uffiċjali.
    Kawża T-20/07 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2007 I-B-1-00017; II-B-1-00083

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2007:277

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla ta’ l-Appelli)

    12 ta’ Settembru 2007

    Kawża T-20/07 P

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Eleni Chatziioannidou

    “Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Annullament fl-ewwel istanza ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tas-snin tas-servizz pensjonabbli – Trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni nazzjonali”

    Suġġett: Appell ippreżentat mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) ta’ l-14 ta’ Novembru 2006, Chatziioannidou vs Il-Kummissjoni (F-100/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li huwa intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

    Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Sommarju

    Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Trasferiment lejn l-iskema Komunitarja

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2); Regolamenti tal-Kunsill Nru 1103/97, Artikoli 1 u 3, u Nru 974/98, Artikolu 14)

    Peress li, skond l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ l-euro, japplika wkoll għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi u statutorji kif ukoll għal atti ta’ natura amministrattiva, dan ma jistax għalhekk jiġi interpretat bħala li huwa limitat li jimponi prinċipju tal-kontinwità tal-kuntratti. Min-naħa l-oħra, huwa jipprovdi obbligu ta’ newtralità tal-konverżjoni għall-euro, li hija implementata, b’mod partikolari, fil-qasam kuntrattwali, permezz tal-prinċipju tal-kontinwità tal-kuntratti, li japplika għall-istrumenti legali kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1103/97 jirriżulta li l-liġijiet jew ir-regolamenti, imsemmija b’mod partikolari minn dan ir-regolament, bl-ebda mod mhuma emendati mill-introduzzjoni ta’ l-euro u japplikaw bl-istess mod kemm għas-sitwazzjonijiet li huma kienu jirregolaw qabel l-introduzzjoni ta’ l-euro kif ukoll għal dawk li huma jirregolaw wara din l-introduzzjoni. Isegwi li r-Regolament Nru 1103/97 ma jeżiġix l-eżistenza ta’ relazzjoni, kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-euro, sabiex il-prinċipju tal-kontinwità japplika għas-sitwazzjonijiet irregolati mill-istrumenti legali msemmija minn dan l-Artikolu.

    Konsegwentement, jekk il-leġiżlatur jew l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom l-intenzjoni li jemendaw it-termini ta’ strument legali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1103/97 jew jilliberaw jew jeħilsu mill-implementazzjoni tiegħu, għandha tiġi introdotta emenda espliċita ta’ dan l-istrument legali. Isegwi li, skond ir-Regolament Nru 1103/97, il-Kummissjoni kellha, wara l-introduzzjoni ta’ l-euro, tapplika, bl-istess mod, fir-rigward tat-talbiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba fl-Istati Membri li adottaw din il-munita, il-mekkaniżmu tar-rata aġġornata medja ta’ konverżjoni għall-kalkolu tas-servizz pensjonabbli li għandu jiġi kkreditat, stabbilit mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li hija kienet adottat. Min-naħa l-oħra, jekk hija għandha l-intenzjoni li tagħti portata oħra lil dawn id-dispożizzjonijiet, hija għandha temenda dawn ir-regoli.

    (ara l-punti 34 u 41 sa 43)

    Referenza għal: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Franza u Ir-Renju Unit, 92/87 u 93/87, Ġabra p. 405, punti 22 sa 24

    Top