This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007FO0105
Order of the Civil Service Tribunal (First Chamber) of 6 March 2008. # R bis v Commission of the European Communities. # Public service - Officials - Action for damages - Establishment - Manifest inadmissibility. # Case F-105/07.
Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tas-6 ta' Marzu 2008.
R bis vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Servizz pubbliku - Uffiċjali - Rikors għad-danni - Kuntratt permanenti - Inammissibbiltà manifesta.
Kawża F-105/07.
Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tas-6 ta' Marzu 2008.
R bis vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Servizz pubbliku - Uffiċjali - Rikors għad-danni - Kuntratt permanenti - Inammissibbiltà manifesta.
Kawża F-105/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 I-A-1-00079; II-A-1-00401
ECLI identifier: ECLI:EU:F:2008:29
DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)
6 ta’ Marzu 2008
Kawża F-105/07
R bis
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Kundizzjonijiet li fihom jiżvolġi l-perijodu ta’ prova – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova – Ħatra bħala uffiċjal permanenti – Inammissibbiltà manifesta”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R bis titlob, b’mod partikolari, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2007, li tiċħad l-ilment tat-13 ta’ Marzu 2007 imressaq kontra ċ-ċaħda tat-talba għal kumpens ippreżentata fit-8 ta’ Novembru 2006; sa fejn huwa neċessarju, jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Frar 2007, li tiċħad l-ilment u t-talba għal kumpens ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2006 u jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 2005, li tiċħad l-ilment u t-talba għal kumpens tas-17 ta’ Awwissu 2005; jikkundanna lill-Kummissjoni tħallasaha EUR 2 500 000 bħala kumpens għad-dannu li hija tallega li bagħtiet minħabba l-istituzzjoni.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)
2. Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
3. Proċedura – Spejjeż – Rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 122)
1. Jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li jidher li huwa manifestament inammissibbli, hija regola ta’ proċedura applikabbli, bħala tali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għall–kawżi kollha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ma japplikax fir-rigward ta’ regoli tad-dritt li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, iqis li rikors huwa manifestament inammissibbli u li għandhom ikunu applikabbli biss ir-regoli applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.
(ara l-punt 35)
2. It-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huma intiżi biex jiżguraw iċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi, huma ta’ ordni pubblika u huma imposti fuq il-partijiet u fuq il-qorti. Għaldaqstant, uffiċjal ma jistax, billi jressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra talba fis-sens tal-Artikolu 90(1), joħloq mill-ġdid, għall-vantaġġ tiegħu, dritt ta’ rikors kontra deċiżjoni li saret finali mal-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors. Konsegwentement, talba ġdida għal kumpens ma tistax terġa’ tagħti bidu għat-terminu ta’ rikors li jiddekorri mid-data li fiha r-rikorrent ikun irċieva notifika tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li huwa ppreżenta kontra ċ-ċaħda tal-ewwel talba għal kumpens tad-danni morali, professjonali u materjali.
(ara l-punti 43 u 44)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Settembru 1994, Carrer et vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑495/93, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑651, punt 20; 14 ta’ Lulju 1998, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑42/97, ĠabraSP p. I‑A‑371 u II‑1071, punt 25
3. Id-dispożizzjonijiet relattivi għat-taxxi u l-ispejjeż tal-qorti li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma japplikawx, skont l-Artikolu 122 tal-imsemmija regoli, għal kawża ppreżentata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti li n-notifika lill-konvenuta tar-rikors, imressaq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli, ġiet posposta għal data sussegwenti, sabiex jiġu korretti irregolaritajiet formali li jivvizzjaw id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti, peress li dan il-fatt huwa, skont l-Artikolu 8(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mingħajr effett fuq id-data li fiha ġie ppreżentat ir-rikors.
(ara l-punti 49 u 50)