This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0487
Judgment of the Court (First Chamber) of 18 June 2009.#L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC and Laboratoire Garnier & Cie v Bellure NV, Malaika Investments Ltd and Starion International Ltd.#Reference for a preliminary ruling: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - United Kingdom.#Directive 89/104/EEC - Trade marks - Article 5(1) and (2) - Use in comparative advertising - Right to have such use prevented - Taking unfair advantage of the repute of a trade mark - Impairment of the functions of the trade mark - Directive 84/450/EEC - Comparative advertising - Article 3a(1)(g) and (h) - Conditions under which comparative advertising is permitted - Taking unfair advantage of the reputation of a trade mark - Presentation of goods as imitations or replicas.#Case C-487/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Ġunju 2009.
L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC u Laboratoire Garnier & Cie vs Bellure NV, Malaika Investments Ltd u Starion International Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Direttiva 89/104/KEE - Trade marks - Artikolu 5(1) u (2) - Użu f’reklamar komparattiv - Dritt li jkun hemm projbizzjoni ta’ dan l-użu - Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni - Dannu għall-funzjonijiet tat-trade mark - Direttiva 84/450/KEE - Reklamar komparattiv - Artikoli 3a(1)(ġ) u (h) - Kundizzjonijiet ta’ legalità tal-paragun fir-reklamar - Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni li għandha trade mark - Preżentazzjoni ta’ prodott bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni.
Kawża C-487/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Ġunju 2009.
L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC u Laboratoire Garnier & Cie vs Bellure NV, Malaika Investments Ltd u Starion International Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Direttiva 89/104/KEE - Trade marks - Artikolu 5(1) u (2) - Użu f’reklamar komparattiv - Dritt li jkun hemm projbizzjoni ta’ dan l-użu - Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni - Dannu għall-funzjonijiet tat-trade mark - Direttiva 84/450/KEE - Reklamar komparattiv - Artikoli 3a(1)(ġ) u (h) - Kundizzjonijiet ta’ legalità tal-paragun fir-reklamar - Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni li għandha trade mark - Preżentazzjoni ta’ prodott bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni.
Kawża C-487/07.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:378
*A9* Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), Civil Division, judgment of 22/10/2007 (A3/2006/2258 ; [2007] EWCA Civ 936)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )
“Direttiva 89/104/KEE — Trade marks — Artikolu 5(1) u (2) — Użu f’reklamar komparattiv — Dritt li tintalab projbizzjoni ta’ dan l-użu — Vantaġġ inġust meħud mir-reputazzjoni — Dannu għall-funzjonijiet tat-trade mark — Direttiva 84/450/KEE — Reklamar komparattiv — Artikolu 3a(1)(g) u (h) — Kundizzjonijiet għal legalità tar-reklamar komparattiv — Vantaġġ inġust meħud mill-fama li għandha trade mark — Preżentazzjoni ta’ prodott bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni”
Fil-Kawża C-487/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-, fil-proċedura
L’Oréal SA,
Lancôme parfums et beauté & Cie SNC,
Laboratoire Garnier & Cie
vs
Bellure NV,
Malaika Investments Ltd, li topera taħt l-isem kummerċjali “Honey pot cosmetic & Perfumery Sales”,
Starion International Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), A. Tizzano, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal L’Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC u Laboratoire Garnier & Cie, minn H. Carr u D. Anderson, QC, kif ukoll minn J. Reid, barrister, mandatarji ta’ Baker & McKenzie LLP, |
— |
għal Malaika Investments Ltd u Starion International Ltd, minn R. Wyand, QC, kif ukoll minn H. Porter u T. Moody-Stuart, solicitors, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, wara minn L. Seeboruth, bħala aġenti, assistiti minn S. Malynciz, barrister, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn A.-L. During u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn A. Rutkowska u K. Rokicka, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u I. Vieira da Silva, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u H. Krämer, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1. p. 92), kif ukoll tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, tal-, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227), kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 365, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 84/450”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn L’Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC kif ukoll minn Laboratoires Garnier & Cie (iktar ’il quddiem, flimkien, “L’Oréal et”) kontra Bellure NV (iktar ’il quddiem “Bellure”), Malaika Investments Ltd, li topera taħt l-isem kummerċjali “Honey pot cosmetics & Perfumery Sales” (iktar ’il quddiem “Malaika”), u Starion International Ltd (iktar ’il quddiem “Starion”), sabiex dawn tal-aħħar jinstabu ħatja ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
Id-Direttiva 89/104 ġiet abrogata bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), li daħlet fis-seħħ fit-. Madankollu, fid-dawl tad-data li fiha seħħew il-fatti, il-kawża prinċipali hija rregolata mid-Direttiva 89/104. |
4 |
L-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104 tipprovdi kif ġej: “Billi l-protezzjoni mogħtija lit-trade marks registrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, hi assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi; billi l-protezzjoni tapplika wkoll f’każ ta’ xebħ bejn il-marka u l-merkanzija jew is-servizzi; billi hu indispensabbli li tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xebħ fir-rigward tal-possibbiltà li jkun hemm konfużjoni; billi l-possibbiltà li jkun hemm konfużjoni, li l-apprezzament tagħha jiddependi fuq ħafna elementi u, partikolarment fuq ir-rikonoxximent tat-trade mark fis-suq, ta’ l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bis-sinjal użat jew registrat, tal-grad ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-merkanzija jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kondizzjoni specifika għal tali protezzjoni; billi l-metodi għall-istabbiliment tal-possibbiltà ta’ konfużjoni u partikolarment l-onus tal-prova, huma kwistjoni għar-regolamenti ta’ proċedura nazzjonali li ma humiex preġudikati bid-Direttiva.” |
5 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark” jipprovdi: “1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:
2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark. 3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ, […]
[…]” |
7 |
Id-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar komparattiv ġew introdotti fid-Direttiva 84/450, fil-verżjoni oriġinali tagħha, bid-Direttiva 97/55. |
8 |
Il-premessi 2, 7, 9, 13 sa 15 u 19 tad-Direttiva 97/55 jipprovdu kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
9 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 84/450 għandha b’mod partikolari l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom ir-reklamar komparattiv jitqies li huwa permess. |
10 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi bħala reklamar “l-għemil ta’ preżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi”. Skont il-punt 2a tal-istess Artikolu, reklamar komparattiv ifisser “kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur”. |
11 |
L-Artikolu 3a(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 ġew trasposti fid-dritt nazzjonali permezz tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994). L-Artikolu 5(1)(a) u (2) tad-Direttiva 89/104 ġew trasposti fl-Artikolu 10(1) u (3) ta’ din il-liġi. |
13 |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 84/450 ġew trasposti fid-dritt nazzjonali permezz tar-Regolamenti tal-2000 dwar il-kontroll tar-reklamar qarrieqi [Control of Misleading Advertisements (Amendment) Regulations 2000 (SI 2000/914)], li introduċew Artikolu 4 A ġdid, fir-Regolamenti tal-1988 dwar il-kontroll tar-reklamar qarrieqi [Control of Misleading Advertisements (Amendment) Regulations 1988 (SI 1988/915)]. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 |
L’Oréal et huma membri tal-grupp L’Oréal, li jimmanifattura u jikkummerċjalizza fwejjaħ ta’ lussu. Fir-Renju Unit, huma proprjetarji tat-trade marks magħrufa li ġejjin, irreġistrati għal fwejjaħ u fragranzi oħra:
|
15 |
Malaika u Starion jikkummerċjalizzaw fir-Renju Unit imitazzjonijiet tal-fwejjaħ ta’ lussu tal-kollezzjoni “Creation Lamis”. Starion tikkummerċjalizza wkoll imitazzjonijiet tal-fwejjaħ ta’ lussu tal-kollezzjonijiet “Dorall” u “Stitch”. |
16 |
Il-kollezzjonijiet “Creation Lamis” u “Dorall” huma mmanifatturati minn Bellure. |
17 |
Il-kollezzjoni “Creation Lamis” tinkludi, b’mod partikolari, il-fwieħa La Valeur, li hija imitazzjoni tal-fwieħa Trésor, u li l-flixkun u l-kaxxa tagħha jixbhu b’mod ġenerali lil dawk ta’ din tal-aħħar. Din il-kollezzjoni tinkludi wkoll il-fwieħa Pink Wonder, li hija imitazzjoni tal-fwieħa Miracle, u li l-flixkun u l-kaxxa tagħha jixbhu b’mod ġenerali lil dawk ta’ din tal-aħħar. |
18 |
Fiż-żewġ każijiet, huwa stabbilit li x-xebh mhuwiex tali li jqarraq bill-professjonisti jew bil-pubbliku. |
19 |
Il-kollezzjoni “Dorall” tinkludi b’mod partikolari l-fwieħa Coffret d’Or, li hija imitazzjoni tal-fwieħa Trésor, u li l-flixkun u l-kaxxa tagħha jixbhu b’mod ġenerali lil dawk ta’ din tal-aħħar. |
20 |
Il-kaxxi tal-fwejjaħ tal-kollezzjoni “Stitch”, ta’ apparenza sempliċi, ma jixbhu bl-ebda mod lill-fliexken u lill-kaxxi tal-fwejjaħ ikkummerċjalizzati minn L’Oréal et. |
21 |
Fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fwejjaħ tal-kollezzjonijiet “Creation Lamis”, “Dorall” kif ukoll “Stitch”, Malaika u Starion jużaw listi ta’ paragun, ikkomunikati lill-bejjiegħa bl-imnut, li jindikaw it-trade mark verbali tal-fwieħa ta’ lussu li hija imitata mill-fwieħa kkummerċjalizzata (iktar ’il quddiem il-“listi ta’ paragun”). |
22 |
L’Oréal et ippreżentaw rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, intiż għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra Bellure, Malaika u Starion. |
23 |
L’Oréal et sostnew, minn naħa, li l-użu tal-listi ta’ paragun kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tagħhom abbażi tat-trade marks verbali tagħhom Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa, kif ukoll mit-trade marks verbali u figurattivi tagħhom Noa, liema ksur huwa pprojbit skont l-Artikolu 10(1) tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks. |
24 |
Min-naħa l-oħra, huma sostnew li l-imitazzjoni tal-fliexken u tal-kaxxi tal-prodotti tagħhom kif ukoll il-bejgħ tal-fwejjaħ f’dawn il-kundizzjonijiet kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tagħhom abbażi tat-trade marks verbali tagħhom Trésor u Miracle, kif ukoll abbażi tat-trade marks verbali u figurattivi tagħhom tal-flixkun ta’ Trésor, tal-kaxxa ta’ Trésor, tal-flixkun ta’ Miracle u tal-kaxxa ta’ Miracle, ipprojbit mill-Artikolu 10(3) tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks. |
25 |
Permezz tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2006, il-High Court laqgħet ir-rikors safejn dan kien ibbażat fuq l-Artikolu 10(1) tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks. Min-naħa l-oħra, hija ma laqgħetx ir-rikors sa fejn dan kien ibbażat fuq l-Artikolu 10(3) ta’ din il-liġi, ħlief fir-rigward tat-trade marks tal-kaxxa ta’ Trésor u tal-flixkun ta’ Miracle. |
26 |
Kemm Malaika u Starion kif ukoll L’Oréal et appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division). |
27 |
Fir-rigward tal-użu tal-listi ta’ paragun li jirreferu għat-trade marks verbali li L’Oréal et huma l-proprjetarji tagħhom, liema listi huma kkunsidrati minn dawn tal-aħħar bħala li jikkostitwixxu reklamar komparattiv fis-sens tad-Direttiva 84/450, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ruħha dwar il-fatt jekk l-użu tat-trade mark ta’ kompetitur, fil-kuntest ta’ tali listi, jistax jiġi pprojbit skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104. |
28 |
Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk tali użu jistax madankollu jiġi awtorizzat bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 89/104. Peress li hija tqis, f’dan ir-rigward, li l-użu tat-trade mark ta’ kompetitur f’reklamar komparattiv jissodisfa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/104 jekk l-imsemmi reklamar jissodisfa l-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, hija tqis li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija neċessarja sabiex tiddeċiedi fuq il-kawża prinċipali. |
29 |
Fir-rigward tal-użu ta’ kaxxi u ta’ fliexken simili għal dawk tal-fwejjaħ ta’ lussu kkummerċjalizzati minn L’Oréal et, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ruħha dwar il-kunċett ta’ “vantaġġ mhux onest” fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104. |
30 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
31 |
Kif ġie ppreċiżat mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel sar-raba’ domandi, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 u tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450, jirrigwardaw l-użu, f’listi ta’ paragun min-naħa tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, tat-trade marks verbali li l-proprjetarji tagħhom huma L’Oréal et, filwaqt li l-ħames domanda, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, tirrigwarda l-użu tal-kaxxi u tal-fliexken simili għal dawk tal-fwejjaħ ta’ lussu kkummerċjalizzati minn L’Oréal et, li huma protetti minn trade marks verbali u figurattivi. Peress li din l-aħħar dispożizzjoni tista’ madankollu tapplika wkoll għall-użu tal-imsemmija trade marks fil-listi ta’ paragun inkwistjoni, għandha qabel kollox tiġi eżaminata l-ħames domanda. |
Fuq il-ħames domanda
32 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li terz li jagħmel użu minn sinjal simili għal trade mark magħrufa jistax jitqies bħala li jikseb vantaġġ inġust mit-trade mark, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan l-użu jagħtih vantaġġ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu, madankollu mingħajr ma jimplika, għall-pubbliku, probabbiltà ta’ konfużjoni jew joħloq jew jirriskja li joħloq preġudizzju lit-trade mark jew lill-proprjetarju tagħha. |
33 |
Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-kuntest legali u fattwali huwa ddeterminat mill-qorti tar-rinviju, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tqiegħed indiskussjoni l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35, kif ukoll tas-, ASM Brescia, C-347/06, Ġabra p. I-5641, punt 28). Għalhekk, anki jekk, kif isostnu l-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Franċiż, prima facie, jista’ jidher ftit probabbli li l-użu, minn terz, ta’ sinjal simili għal trade mark, sabiex dan jikkummerċjalizza prodotti li jimitaw lil dawk li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata, jibbenefika l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ terzi mingħajr, fl-istess waqt, ma jippreġudika l-immaġni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li għandhom l-imsemmija trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta b’din is-sitwazzjoni kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju. |
34 |
L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 jistabbilixxi, favur trade marks magħrufa, protezzjoni ta’ portata ikbar minn dik ipprovduta fl-Artikolu 5(1). Il-kundizzjoni speċifika ta’ tali protezzjoni hija magħmula minn użu mingħajr raġuni valida ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata li jieħu jew jista’ jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, jew li jippreġudikahom jew li jista’ jippreġudikahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’Ġunju 2000, Marca Mode, C-425/98, Ġabra p. I-4861, punt 36; tat-, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C-408/01, Ġabra p. I-12537, punt 27, u tal-, adidas u adidas Benelux, C-102/07, Ġabra p. I-2439, punt 40, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tas-, Intel Corporation, C-252/07, Ġabra p. I-8823, punt 26). |
35 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 japplika wkoll fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff, C-292/00, Ġabra p. I-389, punt 30; Adidas-Salomon u Adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 sa 22, kif ukoll adidas u adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). |
36 |
Il-ksur imsemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, meta jinħoloq, huwa l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn is-sinjal u t-trade mark, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li l-grad ta’ xebh bejn it-trade mark li għandha reputazzjoni u s-sinjal użat mit-terzi jkun tali li, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Huwa biżżejjed li l-grad ta’ xebh bejn it-trade mark li għandha reputazzjoni u s-sinjal ikollu bħala effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejn is-sinjal u t-trade mark (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, punti 29 u 31, kif ukoll adidas u adidas Benelux, punt 41). |
37 |
L-eżistenza ta’ tali rabta mill-perspettiva tal-pubbliku tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja, iżda, fiha nnifisha, mhux suffiċjenti, sabiex jiġi konkluż li jeżisti xi ksur li kontra tiegħu l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 jiżgura protezzjoni favur trade marks magħrufa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32). |
38 |
Dan il-ksur jinkludi fl-ewwel lok, dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark, fit-tieni lok, dannu lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u, fit-tielet lok, vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). |
39 |
Fir-rigward tad-dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark, li huwa denominat ukoll bit-termini “taħlit”, “tnaqqir” jew “tiċpis”, dan id-dannu jseħħ meta tidgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata, peress li l-użu ta’ sinjal identiku jew simili minn terz iwassal għall-frammentazzjoni tal-identità tat-trade mark u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta t-trade mark, li kienet tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). |
40 |
Fir-rigward tad-dannu li jsir lir-reputazzjoni tat-trade mark, li huwa denominat ukoll bit-termini “titbigħ” jew “degradazzjoni”, dan id-dannu jseħħ meta l-prodotti jew is-servizzi li għalihom is-sinjal identiku jew simili jintuża minn terz jistgħu jintgħoġbu mill-pubbliku b’mod li s-saħħa ta’ attrazzjoni tat-trade mark tonqos. Il-probabbiltà ta’ tali dannu tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-prodotti u s-servizzi offruti minn terz ikollhom karatteristika jew kwalità li tista’ terżerċità influwenza negattiva fuq l-immaġni tat-trade mark. |
41 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark”, denominat ukoll bit-termini “parassitiżmu” u “free-riding”, dan il-kunċett mhuwiex marbut mad-dannu subit mit-trade mark, iżda mal-vantaġġ miksub minn terzi mill-użu ta’ sinjal identiku jew simili. Dan jinkludi b’mod partikolari l-każ fejn, minħabba trasferiment tal-immaġni tat-trade mark jew tal-karatteristiċi tagħha lejn prodotti koperti mis-sinjal identiku jew simili, ikun hemm użu manifest minn fuq dahar trade mark magħrufa. |
42 |
Wieħed biss minn dawn it-tliet ċirkustanzi ta’ ksur huwa biżżejjed sabiex ikun japplika l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). |
43 |
Minn dan jirriżulta li l-vantaġġ miksub minn terz mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark jista’ jkun inġust, anki jekk l-użu tas-sinjal identiku jew simili la jkun jippreġudika l-karattru distintiv u lanqas ir-reputazzjoni tat-trade mark jew, b’mod iktar ġenerali, lill-proprjetarju tagħha. |
44 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ sinjal jagħtix vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti kif ukoll in-natura u l-grad ta’ rabta tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-grad ta’ karattru distintiv tat-trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, iktar ma jkunu kunsiderevoli l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ dannu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, iktar ma tkun immedjata u b’saħħitha l-evokazzjoni tat-trade mark mis-sinjal, iktar huwa kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, jew li jippreġudikahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 sa 69). |
45 |
Barra minn hekk, għandu jingħad li, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni globali, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ riskju ta’ taħlit jew ta’ titbigħ tat-trade mark. |
46 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li Malaika u Starion jużaw kaxxi u fliexken simili għat-trade marks magħrufa rreġistrati minn L’Oréal et sabiex jikkummerċjalizzaw fwejjaħ li jikkostitwixxu imitazzjonijiet “ta’ kollezzjonijiet bażiċi” tal-fwejjaħ ta’ lussu li għalihom huma rreġistrati u użati l-imsemmija trade marks. |
47 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju kkonstatat rabta bejn, minn naħa, ċerti kundizzjonijiet użati minn Malaika u Starion u, min-naħa l-oħra, ċerti trade marks marbuta ma’ kaxxi u ma’ fliexken li l-proprjetarji tagħhom huma L’Oréal et. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din ir-rabta tagħti vantaġġ kummerċjali lill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li x-xebh bejn l-imsemmija trade marks u l-prodotti kkummerċjalizzati minn Malaika u minn Starion inħoloq intenzjonalment sabiex, fil-moħħ tal-pubbliku, ikun hemm assoċjazzjoni bejn il-fwejjaħ ta’ lussu u l-imitazzjonijiet tagħhom, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. |
48 |
Fl-evalwazzjoni ġenerali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk, f’dawn il-kundizzjonijiet, tistax tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-użu tal-kaxxi u tal-fliexken simili għal dawk tal-fwejjaħ imitati għandu l-għan li jittieħed benefiċċju, għal finijiet ta’ reklamar, mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tat-trade marks li bihom huma kkummerċjalizzati dawn il-fwejjaħ. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, meta terz jipprova, permezz tal-użu ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark, il-vantaġġ miksub minn dan l-użu għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark. |
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kisba ta’ vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tippresupponi la l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u lanqas ta’ riskju ta’ dannu kkawżat lil dan il-karattru distintiv jew reputazzjoni, jew, b’mod iktar ġenerali, lill-proprjetaru tagħha. Il-vantaġġ li jirriżulta mill-użu minn terz ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa huwa inġustament miksub minn dan it-terz mill-imsemmi karattru distintiv jew reputazzjoni meta b’dan l-użu, huwa jipprova japprofitta minn fuq dahar din it-trade mark magħrufa sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju, l-isforz kummerċjali magħmul mill-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni tagħha. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
51 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jistax jipprojbixxi l-użu minn terz, fir-reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġsitrata l-imsemmija trade mark, meta dan l-użu ma jkunx jista’ jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi. Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata flimkien mal-ewwel domanda, l-imsemmija qorti essenzjalment tistaqsi jekk il-proprjetarju ta’ trade mark magħrufa sew jistax jopponi tali użu, skont l-Artikolu 5(1)(a), meta dan l-użu ma jkunx jista’ jippreġudika lit-trade mark jew lil waħda mill-funzjonijiet tagħha, iżda xorta jkollu rwol sinjifikattiv fir-reklamar tal-prodotti jew tas-servizzi tat-terz. |
52 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-listi ta’ paragun, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala reklamar komparattiv. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/450, reklamar jinkludi kull forma ta’ komunikazzjoni magħmula fil-kuntest ta’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni bl-għan li jiġu rreklamati prodotti jew servizzi. Skont l-imsemmi Artikolu 2(2a), tali reklamar għandu jkun ikkwalifikat bħala komparattiv jekk jidentifika, espliċitament jew impliċitament, lil kompetitur jew prodotti jew servizzi offruti minn kompetitur. Fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet partikolarment wiesgħa, ir-reklamar komparattiv jista’ jieħu diversi forom [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Toshiba Europe, C-112/99, Ġabra p. I-7945, punti 28 u 31; tat-, Pippig Augenoptik, C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 35; tad-, De Landtsheer Emmanuel, C-381/05, Ġabra p. I-3115, punt 16, kif ukoll tat-, O2 Holdings u O2 (UK), C-533/06, Ġabra p. I-4231, punt 42]. |
53 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-użu minn min jirreklama, f’reklamar komparattiv, ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark ta’ kompetitur sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li joffri dan il-kompetitur, għandu jitqies bħala użu fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi stess ta’ min jirreklama, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104. Tali użu jista’ għalhekk jiġi pprojbit, jekk ikun il-każ, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet [ara s-sentenza O2 Holdings u O2 (UK), iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37]. |
54 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata ma jistax jipprojbixxi l-użu, minn terza persuna, f’reklamar komparattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għal legalità msemmija fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450, ta’ sinjal identiku jew li jixbah lit-trade mark tiegħu [ara s-sentenza O2 Holdings u O2 (UK), iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 51]. |
55 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li huwa paċifiku li Malaika u Starion użaw, fil-listi ta’ paragun tal-fwejjaħ, it-trade marks verbali Trésor, Miracle, Anaïs-Anaïs u Noa, kif kienu rreġistrati minn L’Oréal et, u mhux sinjali li kienu sempliċement simili għal dawn it-trade marks. Barra minn hekk, dan l-użu sar fir-rigward ta’ prodotti identiċi għal dawk li għalihom ġew irreġistrati l-imsemmija trade marks, jiġifieri fir-rigward ta’ fwejjaħ. |
56 |
Tali użu jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, u mhux f’dak tal-Artikolu 5(1)(b). |
57 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, it-trade mark irreġistrata tagħti dritt esklużiv lill-proprjetarju tagħha. Skont l-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, dan id-dritt esklużiv jipprovdi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jipprojbixxi lil kull terz li m’għandux il-kunsens tiegħu, milli juża, fin-negozju, sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata din it-trade mark. |
58 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li d-dritt esklużiv ipprovdut fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ngħata sabiex jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ din it-trade mark, jiġifieri sabiex jiżgura li din it-trade mark tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun riżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika jew ikun jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C-206/01, Ġabra p. I-10273, punt 51; tas-, Anheuser-Busch, C-245/02, Ġabra p. I-10989, punt 59, u tal-, Adam Opel, C-48/05, Ġabra p. I-1017, punt 21). Fost dawn il-funzjonijiet hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar. |
59 |
Għaldaqstant, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandha portata ikbar minn dik ipprovduta fl-istess Artikolu 5(1)(b) li l-implementazzjoni tagħha teħtieġ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u għalhekk il-possibbiltà ta’ ksur tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Davidoff, punt 28, kif ukoll O2 Holdings u O2 (UK), punt 57]. Fil-fatt, skont l-għaxar premessa tad-Direttiva 89/104, il-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata hija assoluta fil-każ ta’ identiċità bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi, filwaqt li, f’każ ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal, kif ukoll bejn il-prodotti jew is-servizzi, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni. |
60 |
Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark, abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, ma jistax jipprojbixi l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark, jekk dan l-użu ma jkun jista’ jippreġudika ebda waħda mill-funzjonijiet tagħha (ara, wkoll, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Arsenal Football Club, punt 54, u Adam Opel, punt 22). |
61 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċerti użi għal finijiet purament deskrittivi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104, peress li dawn ma jippreġudikaw ebda wieħed mill-interessi li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipproteġi, u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ użu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2002, Hölterhoff, C-2/00, Ġabra p. I-4187, punt 16). |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li s-sitwazzjoni deskritta fil-kawża prinċipali hija fundamentalment differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Hölterhoff, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-użu tat-trade marks verbali li jappartjenu lil L’Oréal et fil-listi ta’ paragun imqassma minn Malaika u Starion, m’għandux finijiet kompletament deskrittivi, iżda skop ta’ reklamar. |
63 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-użu li jsir mit-trade marks li jappartjenu lil L’Oréal et jistax jippreġudika lil waħda mill-funzjonijiet ta’ dawn it-trade marks, bħal b’mod partikolari l-funzjonijiet tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar ta’ dawn it-trade marks. |
64 |
Barra minn hekk, sa fejn din il-qorti tikkonstata li l-imsemmija trade marks igawdu minn reputazzjoni, l-użu tagħhom fil-listi ta’ paragun jista’ jiġi pprojbit ukoll bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, li l-applikabbiltà tiegħu mhux neċessarjament tippresupponi, kif ġie deċiż fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu lit-trade mark jew lill-proprjetarju tagħha, sakemm it-terz jikseb vantaġġ inġust mill-użu ta’ din it-trade mark. |
65 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’ jipprojbixxi l-użu minn terz, f’reklamar komparattiv li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal legalità kollha stabbiliti fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450, ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata l-imsemmija trade mark, anki jekk dan l-użu ma jkunx jista’ jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti jew servizzi, bil-kundizzjoni li l-imsemmi użu jippreġudika jew ikun jista’ jippreġudika lil waħda mill-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domandi
66 |
Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta min jirreklama jindika, bl-għajnuna ta’ lista ta’ paragun, u mingħajr ma joħloq konfużjoni jew qerq, li l-prodott tiegħu jinkludi karatteristika essenzjali simili għal dik ta’ prodott ikkummerċjalizzat taħt trade mark li għandha reputazzjoni, liema prodott ikun imitat mill-prodott ta’ min jirreklama, din il-persuna li tirreklama tiksibx vantaġġ inġust mill-fama tal-imsemmija trade mark, fis-sens tal-Artikolu 3a(1)(g) jew tippreżentax “oġġett[i] jew servizz[i] bħala imitazzjoni[jiet] jew replik[a]” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3a(1)(h). |
67 |
L-Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450 jelenka, fil-paragrafu 1(a) sa (h) tiegħu, kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti minn reklam komparattiv sabiex jitqies bħala legali. |
68 |
Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi għall-ibbilanċjar tal-interessi differenti li jistgħu jkunu kkonċernati mill-awtorizzazzjoni tar-reklamar komparattiv. B’hekk, mill-qari flimkien tat-tieni, tas-seba’ u tad-disa’ premessa tad-Direttiva 97/55, jirriżulta li dan l-Artikolu 3a għandu bħala għan li jħeġġeġ il-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ prodotti u ta’ servizzi, fl-interess tal-konsumaturi, billi jippermetti lill-kompetituri li jinvokaw b’mod oġġettiv il-vantaġġi tal-prodotti differenti paragunabbli u billi jipprojbixxi, fl-istess waqt, prattiċi li jistgħu jimplikaw distorsjoni tal-kompetizzjoni, jippreġudikaw lill-kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l-għażliet tal-konsumaturi. |
69 |
Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet elenkati fl-imsemmi Artikolu 3a(1) għandhom jiġu interpretati fl-iktar sens favorevoli sabiex jippermettu reklamar li jipparaguna oġġettivament il-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li jiżguraw li r-reklamar komparattiv ma jintużax b’mod antikompetittiv u żleali jew b’mod li jippreġudika l-interessi tal-konsumaturi. |
70 |
Fir-rigward, b’mod iktar konkret, tal-użu tat-trade mark ta’ kompetitur f’reklamar komparattiv, l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 jissuġġetta tali użu b’mod partikolari għal erba’ kundizzjonijiet speċifiċi, esposti rispettivament f’dan l-Artikolu 3a(1)(d)(e)(g) u (h). Għalhekk, huwa meħtieġ li l-użu tat-trade mark la joħloq probabbilta’ ta’ konfużjoni, la jiskredita jew jimmalafama lit-trade mark, la jagħti lok għall-vantaġġ inġust meħud mill-fama marbuta magħha, u lanqas ma jippreżenta prodott jew servizz bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ prodott jew ta’ servizz ikkummerċjalizzat taħt dik it-trade mark. |
71 |
Hekk kif jirriżulta mill-premessa 13 sa 15 tad-Direttiva 97/55, dawn il-kundizzjonijiet għandhom bħala għan li jiġi rrikonċiljat, minn naħa, l-interess tal-proprjetarju tat-trade mark li jibbenefika minn protezzjoni tad-dritt esklużiv tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-kompetituri tal-imsemmi proprjetarju kif ukoll dak tal-konsumaturi li jkollhom reklamar komparattiv effettiv li jippermetti li jiġu esposti oġġettivament id-differenzi li jeżistu bejn il-prodotti u s-servizzi offruti. |
72 |
Minn dan jirriżulta li l-użu tat-trade mark ta’ kompetitur f’reklamar komparattiv huwa permess mid-dritt Komunitarju meta l-paragun jikkostitwixxi espożizzjoni oġġettiva tad-differenzi li m’għandhiex l-għan jew l-effett li tipprovoka sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali, bħal dawk ipprovduti b’mod partikolari fl-Artikolu 3a(1)(d), (e), (g) u (h) tad-Direttiva 84/450 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). |
73 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 3(a)(1)(h) tad-Direttiva 84/450, li bis-saħħa tiegħu r-reklamar komparattiv ma jistax jippreżenta prodott jew servizz bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ prodott jew servizz li għandu trade mark jew isem kummerċjali protett, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-premessa 19 tad-Direttiva 97/55, jirriżulta b’mod ċar li din il-kundizzjoni ma tapplikax biss għall-prodotti ta’ falsifikazzjoni, iżda wkoll għal kull imitazzjoni jew riproduzzjoni. |
74 |
Barra minn hekk, minn interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450 jirriżulta li din ma tippresupponi la l-eżistenza ta’ natura qarrieqa ta’ reklamar komparattiv, u lanqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ tali natura u probabbiltà tikkostitwixxi kundizzjonijiet indipendenti għal legalità tar-reklamar komparattiv, ipprovduti fl-imsemmi Artikolu 3a(1)(a) u (d). |
75 |
L-għan speċifiku tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450 jikkonsisti fil-projbizzjoni ta’ min jirreklama li juri, f’reklamar komparattiv, il-fatt li l-prodott jew servizz li huwa jikkummerċjalizza jikkostitwixxi imitazzjoni jew riproduzzjoni tal-prodott jew tas-servizz ta’ trade mark. F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhumiex biss ipprojbiti reklami li jirreferu espliċitament għall-idea ta’ imitazzjoni jew ta’ riproduzzjoni, iżda wkoll dawk li, fir-rigward tal-preżentazzjoni globali u tal-kuntest ekonomiku inkwistjoni, jistgħu b’mod impliċitu jittrażmettu din l-idea lill-pubbliku destinatarju. |
76 |
Huwa paċifiku li l-listi ta’ paragun inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom bħala għan u effett li jindikaw lill-pubbliku kkonċernat il-fwieħa oriġinali li hija imitata mill-fwejjaħ ikkummerċjalizzati minn Malaika u Starion. Għalhekk, dawn il-listi juru l-fatt li dawn il-fwejjaħ tal-aħħar jikkostitwixxu imitazzjonijiet tal-fwejjaħ ikkummerċjalizzati taħt ċerti trade marks li jappartjenu lil L’Oréal et, u konsegwentement, jippreżentaw il-prodotti kkummerċjalizzati minn min jirreklama bħala imitazzjonijiet ta’ prodotti li għandhom trade mark protetta, fis-sens tal-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward il-kwistjoni dwar jekk ir-reklam jindikax li hemm imitazzjoni globali tal-prodott li għandu trade mark protetta jew sempliċement imitazzjoni ta’ karatteristika essenzjali tiegħu, bħal, fil-każ inkwistjoni, tar-riħa tal-prodotti inkwistjoni. |
77 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva 84/450, li bis-saħħa tiegħu r-reklamar komparattiv m’għandux iwassal għal vantaġġ inġust mill-fama marbuta mat-trade mark, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “vantaġġ inġust” miksub minn din il-fama, użat fl-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, għandu, fid-dawl tal-premessi 13 u 14 tad-Direttiva 97/55, jkollu, bħala prinċipju, l-istess interpretazzjoni [ara, b’analoġija, is-sentenza O2 Holdings u O2 (UK), iċċitata iktar ’il fuq, punt 49]. |
78 |
Sa fejn ġie kkonstatat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza li l-listi ta’ paragun użati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali jippreżentaw lill-fwejjaħ ikkummerċjalizzati minnhom bħala imitazzjoni jew riproduzzjoni ta’ prodotti li għandhom trade mark protetta fis-sens tal-Artikolu 3a(1)(h) tad-Direttiva 84/450, it-tielet domanda għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għall-kwistjoni jekk f’tali kundizzjonijiet, il-vantaġġ li jirriżulta mill-użu tal-listi msemmija jinkisibx inġustament mill-fama marbuta ma’ din it-trade mark protetta, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3a(1)(g). |
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li reklamar komparattiv li jippreżenta l-prodotti ta’ min jirreklama bħala imitazzjoni ta’ prodott li għandu trade mark huwa kkwalifikat mid-Direttiva 84/450 bħala li jmur kontra kompetizzjoni leali u għalhekk li huwa illegali, il-vantaġġ miksub minn min jirreklama permezz ta’ tali reklamar huwa r-riżultat ta’ kompetizzjoni żleali u konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ inġust miksub mill-fama marbuta ma’ din it-trade mark. |
80 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 84/450 għandu jiġi interpretat fis-sens li, persuna li tirreklama li ssemmi b’mod espliċitu jew impliċitu, f’reklamar komparattiv, li l-prodott li tikkummerċjalizza jikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott li għandu trade mark magħrufa sew tkun qed tippreżenta “oġġett[i] jew servizz[i] bħala imitazzjoni[jiet] jew replika” fis-sens tal-Artikolu 3a(1)(h). Il-vantaġġ miksub minn min jirreklama permezz ta’ tali reklamar komparattiv illegali għandu jiġi kkunsidrat bħala “vantaġġ inġust” miksub mill-fama marbuta ma’ din it-trade mark fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3a(1)(g). |
Fuq l-ispejjeż
81 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.