This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0466
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 12 February 2009.#Dietmar Klarenberg v Ferrotron Technologies GmbH.#Reference for a preliminary ruling: Landesarbeitsgericht Düsseldorf - Germany.#Social policy - Directive 2001/23/EC - Transfer of undertakings - Safeguarding of employees’ rights - Concept of ‘transfer’ - Legal transfer of a part of a business to another undertaking - Organisational autonomy following the transfer.#Case C-466/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Frar 2009.
Dietmar Klarenberg vs Ferrotron Technologies GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landesarbeitsgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Politika soċjali - Direttiva 2001/23/KE - Trasferiment ta’ impriżi - Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema - Kunċett ta’ ‘trasferiment’ - Trasferiment ta’ parti min-negozju lil impriża oħra - Awtonomija fl-organizzazzjoni wara t-trasferiment.
Kawża C-466/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Frar 2009.
Dietmar Klarenberg vs Ferrotron Technologies GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landesarbeitsgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Politika soċjali - Direttiva 2001/23/KE - Trasferiment ta’ impriżi - Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema - Kunċett ta’ ‘trasferiment’ - Trasferiment ta’ parti min-negozju lil impriża oħra - Awtonomija fl-organizzazzjoni wara t-trasferiment.
Kawża C-466/07.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:85
*A9* Landesarbeitsgericht Düsseldorf, Beschluß vom 10/08/2007 (9 Sa 303/07)
*P1* Bundesarbeitsgericht, Urteil vom 13/10/2011 (8 AZR 455/10)
- Melot de Beauregard, Paul: Was ist eigentlich ein Betriebsteil?, Der Betrieb 2011 nº 44 p.M1
- Lenzen, Frank: Die Antwort des BAG auf die Klarenberg-Entscheidung des EuGH vom 12.2.2009, Der Betrieb 2011 nº 47 p.M9
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Frar 2009 ( *1 )
“Politika soċjali — Direttiva 2001/23/KE — Trasferiment ta’ impriżi — Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati — Kunċett ta’ ‘trasferiment’ — Trasferiment ta’ parti min-negozju lil impriża oħra — Awtonomija fl-organizzazzjoni wara t-trasferiment”
Fil-Kawża C-466/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura
Dietmar Klarenberg
vs
Ferrotron Technologies GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal D. Klarenberg, minn J. Dieker, Rechtsanwalt, |
— |
għal Ferrotron Technologies GmbH, minn M. Trayer, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 05, Vol. 04 p. 98 ). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Klarenberg u Ferrotron Technologies GmbH (iktar ’il quddiem “Ferrotron”) rigward il-konstatazzjoni ta’ trasferiment tar-relazzjonijiet ta’ impjieg lejn din il-kumpannija. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
Id-Direttiva 2001/23 ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/187”). |
4 |
Skont it-tmien premessa tad-Direttiva 2001/23: “Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skond kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.” |
5 |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:
|
6 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ [i]mpjieg jew minn relazzjoni ta’ [i]mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
7 |
L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.” |
8 |
L-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdu kif ġej: “Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju jippreservaw l-awtonomija tagħhom, l-istatus u l-funzjoni tar-rappreżentanti jew tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegati milquta mit-trasferiment għandhom jiġu ppreservati skond l-istess termini u soġġett għall-istess kundizzjonijiet li kien[u] jeżistu qabel id-data tat-trasferiment minħabba l-liġi, ir-regolament, id-dispożizzjoni jew il-ftehim amminstrattiv, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegat ikunu sodisfatti. […] Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju ma jippreservawx l-awtonomija tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti li kienu rappreżentati qabel it-trasferiment jibqgħu jiġu rappreżentati b’mod addattat waqt il-perjodu neċessarju biex terġa’ titwaqqaf jew terġa’ tiġi maħtura r-rappreżentanza ta’ l-impjegati skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali.” |
9 |
Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, hija, essenzjalment, identika għal dik tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 613a(1) tal-Kodiċi ċivili Ġermaniż, (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) tipprovdi kif ġej: “Jekk impriża jew parti minnha tiġi ttrasferita lil persuna oħra li timpjega permezz ta’ negozju ġuridiku, dan l-individwu għandu jsir responsabbli fir-rigward tad-drittijiet u tad-dmirijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta’ impjieg li kien hemm fil-waqt tat-trasferiment.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
Mill-1 ta’ Jannar 1989, D. Klarenberg kien impjegat ma’ ET Electrotechnology GmbH (iktar ’il quddiem “ET”), kumpannija li tispeċjalizza fl-iżvilupp u fil-manifattura ta’ prodotti fil-qasam tal-awtomatizzazzjoni industrijali u tat-teknoloġiji tal-kejl u tal-kontroll għall-industrija tal-azzar. |
12 |
Fl-1 ta’ Mejju 1992, D. Klarenberg inħatar bħala d-Direttur tad-Dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” (Riċerka u żvilupp / Sistemi elettroniċi / Netwerks / Interfaces) ta’ ET. Dan id-dipartiment kien magħmul minn tliet taqsimiet, jiġifieri, “F+E / ET Systeme” (Riċerka u żvilupp / Sistemi elettroniċi), li kien imexxi direttament D. Klarenberg, “EDV / Netzwerk / Serversysteme / Datensicherung” (IT / Netwerks / Servers / Sigurtà tal-informazzjoni) u “Produktion / Schaltschränke / Platinen” (Produzzjoni / Panils ta’ kontroll / Skedi), li kien imexxihom is-Sur Neumann, li kien ukoll il-Viċi Direttur tad-dipartiment kollu. |
13 |
Ferrotron tispeċjalizza fil-ħolqien u fil-manifattura ta’ prodotti fis-settur tat-teknoloġiji tal-kejl u tal-kontroll għall-industrija tal-azzar. |
14 |
Fit-22 ta’ Novembru 2005 ET ikkonkludiet ma’ Ferrotron u mal-kumpannija parent ta’ din tal-aħħar, li hija stabbilita fl-Istati Uniti tal-Amerika, kuntratt imsejjaħ “asset and business sale and purchase agreement” (“ftehim ta’ bejgħ u xiri tal-assi u tal-impriża”), li kien ikopri l-prodotti li ġejjin, żviluppati mit-taqsima “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” ta’ ET u msemmija “ET-DecNT”, “ET-DecNT light”, “ET-DecNT Power Melt”, “ET-TempNet”, “ET-OxyNet” u “FT7000”. |
15 |
Skont dan il-kuntratt, il-kumpannija parent ta’ Ferrotron akkwistat id-drittijiet kollha fuq is-softwer, fuq il-privattivi, fuq l-applikazzjonijiet għal privattivi, u fuq l-invenzjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll id-drittijiet fuq l-ismijiet tagħhom u fuq l-għarfien tekniku. Ferrotron akkwistat il-ħardwer sabiex tiżviluppahom u l-materjal ta’ manifattura li kien maħżun minn ET, u kif ukoll lista ta’ fornituri u lista tal-klijenti. Ferrotron ħadet ukoll ċerti impjegati ta’ ET, jiġifieri s-Sur Neumann, kif ukoll tliet inġinjieri mill-grupp “F+E / ET-Systeme”. |
16 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li Ferrotron tiżviluppa, timmanifattura u tiddistribwixxi, minbarra l-prodotti li kienu s-suġġett tal-imsemmi kuntratt, prodotti oħra fis-settur tat-teknoloġiji tal-kejl tal-metalli u li l-ex impjegati ta’ ET ġew integrati fl-istruttura implementata minn Ferrotron. Barra minn hekk, l-imsemmija impjegati jeżerċitaw ukoll funzjonijiet marbuta ma’ prodotti oħra minbarra dawk li Ferrotron akkwistat mingħand ET. |
17 |
Fis-17 ta’ Lulju 2006 nbdiet proċedura ta’ falliment fil-konfront ta’ ET. |
18 |
D. Klarenberg ressaq kawża quddiem l-Arbeitsgericht Wesel bl-intenzjoni li Ferrotron tiġi ordnata timpjegah magħha bħala direttur ta’ dipartiment. Madankollu, b’deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, l-Arbeitsgericht Wesel ċaħdet it-talba tiegħu. |
19 |
D. Klarenberg appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf, fejn talab li Ferrotron tiġi ordnata timpjegah magħha skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ impjieg konkluż ma’ ET fl-1 ta’ Jannar 1989. Sussidjarjament, D. Klarenberg talab lil din il-qorti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet b’effett mid-9 ta’ Diċembru 2005. |
20 |
L-imsemmija qorti qieset li d-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” immexxi minn D. Klarenberg huwa parti min-negozju, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 613a(1) tal-BGB, li ġiet ittrasferita lil Ferrotron, peress li din tal-aħħar akkwistat il-mezzi ta’ produzzjoni essenzjali tan-negozju kkonċernat u l-listi relatati tal-fornituri u tal-klijenti, peress li hija żammet parti mill-persunal li għandhom l-għarfien u peress li l-kumpannija parent tagħha kienet akkwistat id-drittijiet relatati mal-prodotti u mat-teknoloġiji prinċipali. |
21 |
Madankollu, il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk dan huwiex trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23. Fil-fatt, skont ċertu numru ta’ deċiżjonijiet reċenti tal-Bundesarbeitsgericht, l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ parti min-negozju lil persuna li timpjega ġdida ma tistax tiġi ammessa fil-każ fejn il-persuna li lilha jsir it-trasferiment ma tibqax tmexxi l-parti min-negozju kkonċernata mingħajr bidla sostanzjali u fil-każ li din il-persuna ma żżommx l-identità ta’ din il-parti. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-trasferiment jeħtieġ li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment iżżomm l-awtonomija tal-parti tan-negozju fis-sens organizzattiv. Għall-kuntrarju, parti min-negozju ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ttrasferita meta din tiġi kompletament integrata fl-istruttura organizzattiva tal-impriża l-oħra jew meta x-xogħol jitwettaq fi ħdan struttura organizzattiva li tkun ħafna ikbar. |
22 |
Fil-kawża prinċipali, skont il-qorti tar-rinviju, Ferrotron ma żammitx l-awtonomija organizzattiva tal-parti tan-negozju kkonċernata, sa fejn l-impjegati ġew integrati f’dipartimenti differenti u sa fejn is-servizzi pprovduti huma mwettqa fil-kuntest ta’ struttura organizzattiva oħra. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “It-trasferiment ta’ parti minn impriża jew min-negozju lil persuna li timpjega oħra, li jirriżulta minn trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23/KE […], jeħtieġ li l-persuna li timpjega l-ġdida tkompli tmexxi l-parti minn impriża jew min-negozju bħala parti minn impriża jew min-negozju awtonoma fis-sens organizzattiv?” |
Fuq l-ammissibbiltà u t-talba għal deċiżjoni preliminari
24 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha, Ferrotron esprimiet xi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li kkontestat ir-rilevanza ta’ din it-talba għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
25 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma jkollhom bżonn sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni li huma jkunu mitluba jiddeċiedu dwarha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider, C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 20; tal-14 ta’ Settembru 2006, Stradasfalti, C-228/05, Ġabra p. I-8391, punt 44, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2008, Kirtruna u Vigano, C-313/07, Ġabra p. I-7907, punt 25). |
26 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tittratta l-kontroversja u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kawża, il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jittrattaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tiddeċiedi dwarhom (sentenzi Schneider, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; tat-30 ta’ Ġunju 2005; Längst, C-165/03, Ġabra p. I-5637, punt 31, kif ukoll Kirtruna u Vigano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). |
27 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-202/04 u C-94/04, Ġabra p. I-11421, punt 25; tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22, kif ukoll Kirtruna u Vigano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). |
28 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi preliminari ma tistax tingħeleb mis-sempliċi ċirkustanza li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett ta’ dik il-kawża (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Cipolla et, punt 26, kif ukoll van der Weerd et, punt 23). |
29 |
Fl-ewwel lok, Ferrotron issostni li l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 għandha tiġi eskluża a priori peress li ma ntweriex li l-elementi akkwistati minn Ferrotron kienu jikkostitwixxu entità li tista’ tkun is-suġġett ta’ tali trasferiment. Għaldaqstant, id-domanda preliminari preżenti mhijiex rilevanti sabiex tinstab soluzzjoni fil-kawża prinċipali. |
30 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju għamlet evalwazzjoni differenti ta’ dan il-punt. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, id-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” huwa parti min-negozju fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 613a(1) tal-BGB, li ġiet ittrasferita lil Ferrotron, peress li din tal-aħħar akkwistat il-mezzi ta’ produzzjoni essenzjali tan-negozju kif ukoll il-listi relatati tal-fornituri u tal-klijenti, peress li hija żammet parti mill-persunal li għandhom l-għarfien u peress li l-kumpannija parent tagħha akkwistat il-prodotti u t-teknoloġiji prinċipali. Fid-dawl tal-elementi evokati mill-qorti tar-rinviju u tal-konklużjoni li hija wasslet għaliha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, m’hemmx lok li jitqajjem dubju dwar ir-rilevanza tad-domanda preliminari magħmula minn dik il-qorti. |
31 |
Fit-tieni lok, Ferrotron tosserva li, anki li kieku jiġi kkunsidrat li twettaq trasferiment ta’ impriża fuq il-bażi tad-Direttiva 2001/23, dan ma jimplikax it-trasferiment tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li l-funzjonijiet li dan tal-aħħar kien iwettaq fi ħdan ET kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, imwettqa f’dipartimenti differenti mid-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” u għaldaqstant ma setgħux jiġu marbuta ma’ dan id-dipartiment. |
32 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju, fid-deskrizzjoni tagħha tal-kuntest fattwali li fl-isfond tiegħu saret id-domanda, tindika espressament, għall-kuntrarju, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien imexxi d-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS”. Issa, kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza preżenti, tali evalwazzjoni fattwali titwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali biss, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tivverifika l-eżattezza tagħha. |
33 |
Fit-tielet lok, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis li D. Klarenberg huwa skwalifikat mid-dritt tiegħu li jinvoka t-trasferiment tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu peress li, minkejja li kien jaf bil-ftehim li kien hemm bejnha u ET, xorta stenna li joħroġ fid-dawl l-istat ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar sabiex jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fil-konfront tagħha. |
34 |
Issa, l-eżistenza fil-Ġermanja ta’ leġiżlazzjoni li tipprovdi terminu li wara l-iskadenza tiegħu r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jkunx jista’ jinkvoka iktar it-trasferiment tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu tikkostitwixxi kwistjoni li, kif jirriżulta mill-punt 28 tas-sentenza preżenti, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifikaha. |
35 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domanda preliminari
36 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tiġi applikata wkoll f’sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega l-ġdida ma żżommx l-awtonomija, fis-sens organizzattiv, tal-parti minn impriża jew min-negozju ttrasferita. |
37 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21; tas-6 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-53/05, Ġabra p. I-6215, punt 20, u tas-16 ta’ Ottubru 2008, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C-298/07, Ġabra p. I-7841, punt 15). |
38 |
Mit-termini stess tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkopri kull trasferiment lejn persuna oħra li timpjega ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju, bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali. |
39 |
Sabiex tkun applikabbli d-Direttiva 2001/23, minbarra li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-trasferiment għandu jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, jiġifieri għandu jirrigwarda entità ekonomika, jiġifieri “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”, li żżomm, sussegwentement għal tali trasferiment, l-“identità” tagħha. |
40 |
Għandu qabel kollox jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mit-tmien premessa tad-Direttiva 2001/23, din id-dispożizzjoni ġiet introdotta sabiex tiċċara l-kunċett ta’ trasferiment fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, Botzen et, 186/83, Ġabra p. 519, punt 6, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, Ġabra p. 1119, punt 11). Skont din il-ġurisprudenza, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju u, b’hekk, sabiex tipproteġi lill-impjegati f’sitwazzjoni fejn isseħħ tali bidla. |
41 |
Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23, moqrija flimikien ma’ dawk tal-Artikolu 1(1)(b) tal-istess direttiva, jirriżulta li, fil-każ fejn l-entità ekonomika ttrasferita ma żżommx l-identità tagħha, id-dispożizzjoni prinċipali stabbilita f’dan l-Artikolu 1(1)(a) ma tapplikax minħabba l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 1(1)(b). Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tista’ tillimita l-portata tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 u, bl-istess mod, il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni għandha tiġi interpretata strettament. |
42 |
Issa, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li l-“entità ekonomika”, iddefinita fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, iżżomm l-identità tagħha biss meta tinżamm ir-rabta organizzattiva li tgħaqqad il-persuni u/jew l-elementi kollha. Għall-kuntrarju, l-entità ekonomika ttrasferita ma żżommx l-identità tagħha fil-każ fejn, minħabba t-trasferiment, titlef l-awtonomija tagħha fis-sens organizzattiv minħabba li r-riżorsi akkwistati jiġu integrati mill-persuna li lilha jsir it-trasferiment fi struttura kompletament ġdida. |
43 |
Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan segwit mid-Direttiva 2001/23, li, kif jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza preżenti, hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impjegati f’sitwazzjoni ta’ trasferiment, tali interpretazzjoni tal-identità tal-entità ekonomika bbażata fuq fattur wieħed li jirrigwarda l-awtonomija organizzattiva, kif imressqa mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni timplika, minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment tiddeċiedi li xxolji l-parti tal-impriża jew tan-negozju akkwistata u li tintegraha fl-istruttura tagħha stess, l-esklużjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 għal din il-parti tal-impriża jew tan-negozju, u b’hekk iċċaħħad lill-impjegati kkonċernati mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva. |
44 |
Fir-rigward preċiżament tal-fattur li jirrigwarda l-organizzazzjoni, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan huwa wieħed mill-fatturi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddefinita l-identità ta’ entità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C-13/95, Ġabra p. I-1259, punt 15; tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et, C-234/98, Ġabra p. I-8643, punt 27; tas-26 ta’ Settembru 2000, Mayeur, C-175/99, Ġabra p. I-7755, punt 53, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne, C-172/99, Ġabra p. I-745 punt 34), hija ddeċidiet ukoll li bidla fl-istruttura organizzattiva tal-entità ttrasferita mhijiex ta’ natura li tostakolha l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys, C-171/94 u C-172/94, Ġabra p. I-1253, punti 20 u 21; Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2007, Jouini et, C-458/05, Ġabra p. I-7301, punt 36). |
45 |
Barra minn hekk, fih innifsu, l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 jiddefinixxi l-identità ta’ entità ekonomika billi jirreferi għal “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”, b’tali mod li ma jenfasizzax biss l-element organizzattiv tal-entità ttrasferita iżda wkoll dak tat-tkomplija tal-attività ekonomika tagħha. |
46 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-kundizzjoni marbuta maż-żamma tal-identità ta’ entità ekonomika fis-sens tad-Direttiva 2001/23 għandha tiġi interpretata billi jiġu kkunsidrati ż-żewġ elementi, kif previsti mill-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, li, meħuda flimkien, jikkostitwixxu din l-identità, kif ukoll l-għan ta’ protezzjoni tal-impjegati minn din id-direttiva. |
47 |
Skont dawn il-kunsiderazzjonijiet u, sabiex id-Direttiva 2001/23 ma tiġix imċaħħda minn parti tal-effett utli tagħha, din il-kundizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li teħtieġ iż-żamma tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-persuna li timpjega fir-rigward tad-diversi fatturi tal-produzzjoni ttrasferiti imma, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li teħtieġ iż-żamma tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà bejn dawn il-fatturi. |
48 |
Fil-fatt, iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment tuża dawn tal-aħħar, anki jekk wara t-trasferiment jiġu integrati fi struttura ġdida li tkun differenti mill-aspett organizzattiv, sabiex tkompli attività ekonomika identika jew analoga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 1994, Schmidt, C-392/92, Ġabra p. I-1311, punt 17). |
49 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-elementi preċedenti u fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spijkers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C-29/91, Ġabra p. I-3189, punt 24; Süzen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, kif ukoll Allen et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26), jekk inżammitx l-identità tal-entità ekonomika ttrasferita. |
50 |
Kif irrilevaw kemm il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari u kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini tal-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23 jikkonfermaw li, f’moħħ il-leġiżlatur Komunitarju, din id-direttiva hija intiża sabiex tapplika għal kull trasferiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tagħha, kemm jekk l-entità ekonomika ttrasferita żżomm l-awtonomija tagħha fl-istruttura tal-persuna li lilha jsir it-trasferiment u kemm jekk le. |
51 |
Fl-aħħar, għandha tingħata tweġiba għall-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li, fil-każ li tintilef l-awtonomija organizzattiva tal-entità ekonomika ttrasferita, il-kontinwità fir-relazzjonijiet ta’ impjieg li d-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiggarantixxi ma tistax, f’kull każ, tiġi ggarantita, peress li l-pożizzjoni ta’ direttur ta’ dipartiment, okkupata qabel minn D. Klarenberg, ma tista’ tintrabat ma’ ebda pożizzjoni ekwivalenti fl-organizzazzjoni ta’ xogħol ġdida implementata mill-persuna li lilha jsir it-trasferiment. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eventwali obbligu li jintemmu l-kuntratti ta’ impjieg taħt id-dritt privat fil-każ ta’ trasferiment ta’ attività ekonomika lil persuna ġuridika tad-dritt pubbliku jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment tal-impjegat, li tirriżulta direttament mit-trasferiment, b’tali mod li t-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti għandha titqies, f’każ bħal dan, bħala li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ min jimpjega (sentenza Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-eventwali impossibbiltà li, fil-każ ta’ trasferiment, impjegat jingħata, fl-istruttura organizzattiva implementata mill-persuna li lilha jsir it-trasferiment, pożizzjoni ekwivalenti għal dik li dan l-impjegat kien jokkupa fis-servizz ta’ min għamel it-trasferiment tista’, jekk twassal għal bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment tal-impjegat ikkonċernat, tiġi ekwiparata għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ min jimpjega fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
53 |
Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tapplika wkoll f’sitwazzjoni fejn il-parti tal-impriża jew tan-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha fis-sens organizzattiv bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li din ir-rabta tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment tuża dawn tal-aħħar sabiex tkompli attività ekonomika identika jew analoga, kundizzjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozju, għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tapplika wkoll f’sitwazzjoni fejn il-parti tal-impriża jew tan-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha fis-sens organizzattiv, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li din ir-rabta tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment tuża dawn tal-aħħar sabiex tkompli attività ekonomika identika jew analoga, kundizzjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.