EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0438

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-6 ta' Ottubru 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Iżvezja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ambjent - Direttiva 91/271/KEE - Trattament tal-ilma urban mormi - Nuqqas li jordna trattament iktar rigoruż tan-nitroġenu fl-impjanti kollha ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000.
Kawża C-438/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09517

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:613

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 91/271/KEE — Trattament tal-ilma urban mormi — Nuqqas li tordna trattament iktar rigoruż tan-nitroġenu fl-impjanti kollha ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10000”

Fil-Kawża C-438/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-18 ta’ Settembru 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn I. Koskinen u L. Parpala kif ukoll minn M. Patakia u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, bħala aġent,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka, U. Lõhmus u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Frar 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma żgurax, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, li l-iskariki kollha tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni (EP) ta’ iktar minn 10000 li jidħlu direttament fiż-żoni sensittivi jew fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dawn iż-żoni sensittivi, jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE, tas-27 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/271”), ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva 91/271.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar taż-żona tal-Baħar Baltiku

2

Il-Komunità Ewropea, flimkien ma’ diversi Stati Membri u mal-Federazzjoni Russa, hija firmatarja tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar taż-żona tal-Baħar Baltiku (Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992) (ĠU 1994, L 73, p. 20, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Baħar Baltiku”), adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE tal-21 ta’ Frar 1994, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992) (ĠU L 73, p. 19).

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 91/271 tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskarikar ta’ ilma urban mormi kif ukoll it-trattament u l-iskarikar ta’ ilma użat mormi minn ċerti setturi industrijali, u għandha bħala għan li tipproteġi l-ambjent minn effetti negattivi li jirriżultaw mill-iskariki tal-ilma mormi msemmi iktar ’il fuq.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

1)

‘ilma mormi urban’ tfisser ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma’ ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita;

[…]

4)

‘agglomerazzjoni’ tfisser żona fejn il-popolazzjoni u/jew l-attivitajiet ekonomiċi jkunu konċentrati b’mod suffiċjenti sabiex l-ilma mormi urban ikun jista jinġabar u jittieħed f’impjant ta’ trattament ta’ l-ilma mormi urban jew għall-punt ta’ skarikar finali;

5)

‘sistema ta’ ġbir’ tfisser sistema ta’ pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban;

6)

‘1 e.p. (ekwivalenti ta’ popolazzjoni)’ tfisser it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum;

[…]

8)

‘trattament sekondarju’ ifisser trattament ta’ ilma mormi urban bi proċessi li jinvolvu ġeneralment trattament bioloġiku bi tqegħid sekondarju, jew proċessi oħra li fihom il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness I huma rispettati;

9)

‘trattament xieraq’ ifisser trattament ta’ ilma mormi urban bi kwalunkwe proċess u/jew sistema ta’ disponiment li wara l-iskarikar jippermetti li l-ilmijiet riċeventi jilħqu l-għanijiet ta’ kwalità u d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din u ta’ Direttivi oħra tal-Komunità;

[…]

11)

‘ewtrofikazzjoni’ tfisser li l-ilma jkun mogħni b’nutrijenti, speċjalment b’komposti ta’ nitroġenu u/jew fosfru, li jikkawżaw it-tkabbir mgħaġġel ta’ algae u forom aktar għoljin ta’ pjanti ħajjin biex [li] jipproduċu tfixkil mhux mixtieq lill-bilanċ ta’ organiżmi li jkunu preżenti fl-ilma kif ukoll lill-kwalità ta’ l-ilma kkonċernat;

[…]

13)

‘ibħra kostali’ tfisser l-ilmijiet li jkunu barra l-linja l-baxxa ta’ l-ilma jew barra l-limitu esterjuri taż-żona estwarja.”

5

Ir-regoli ġenerali applikabbli għall-ilma mormi, li huwa kopert mill-imsemmija direttiva, jinsabu fl-Artikolu 4 tagħha, li jipprovdi, fil-paragrafu 1:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu[, qabel] ma jkun skarikat[,] ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti […]”

6

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi:

“1.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p.

3.   Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji relevanti ta’ l-Anness I B. Dawn il-kriterji jistgħu jkunu emendati skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 18. […]

[…]

5.   Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiz-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4.

[…]”

7

Il-paragrafi 2 u 3 tal-Anness I.B ta’ din id-direttiva jipprovdu kif ġej:

“2.

Skariki minn impjant tat-trattment ta’ l-ilma mormi urban soġġetti għat-trattament skond l-Artikoli 4 u 5 għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet murija fit-Tabella 1.

3.

Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban għal ġo dawk iż-żoni sensittivi li huma soġġetti għal ewtrofikazzjoni, kif identifikati fl-Anness II. A (a), għandhom jilħqu wkoll il-kriterji murija fit-Tabella 2 ta’ dan l-Anness.”

8

It-Tabella 2 tal-imsemmi Anness I tipprovdi kif ġej:

“Tabella 2: Rekwiżiti ghal tnixxijiet [skariki] minn impjanti ta’ [trattament ta’] l-ilma ta’ l-iskart urban [ilma urban mormi] għal wesgħat sensittivi [f’żoni sensittivi] li huma suġġetti għal ewtrofikazzjoni kif identifikat fl-Anness II.A(a). Parametru wieħed jew it-tnejn li huma jistgħu jiġu applikati, skond is-sitwazzjoni lokali. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal tat-tnaqqis għandhom jgħoddu.”

9

Skont it-tieni entrata f’din it-tabella, in-nitroġenu totali għandu jew jew konċentrazzjoni massima ta’ 15 mg/l għall-agglomerazzjonijiet li l-EP tagħhom huwa bejn l-10000 u l-100000 u ta’ 10 mg/l għall-agglomerazzjonijiet ikbar, jew għandu jkollu perċentwali minimu ta’ tnaqqis ta’ 70 sa 80%.

10

It-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness IIA tad-Direttiva 91/721 jipprovdi:

“L-elementi li ġejjin jistgħu jiġu evalwati meta wieħed jikkunsidra liema nutrijent għandu jitnaqqas permezz ta’ trattament ieħor:

i)

għadajjar u nixxigħat li jilħqu għadajjar/ġibjuni/bajjiet magħluqa li jkollhom skambju fqir ta’ ilma, u li permezz t’hekk tkun tista’ tifforma l-agglomerazzjoni [l-akkumulazzjoni]. F’dawn iż-żoni, it-tneħħija tal-fosfru għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta’ dan ma jkollha l-ebda effett fuq il-livell ta’ ewtrofikazzjoni. Fejn isiru skariki minn agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tan-nitroġenu tista’ tkun ukoll kunsidrata;

ii)

estwarji, bajjiet u ilmijiet kostali oħra li jkollhom skambju fqir ta’ ilma, jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti. Skariki minn agglomerazzjonijiet żgħar f’dawk iż-żoni normalment ikunu ta’ importanza minima, iżda għal agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tal-fosfru u/jew nitroġenu għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta’ dan ma tħalli l-ebda effett fuq il-livell ta’ ewtrofikazzjoni.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11

Mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali pprovduta fl-atti tar-Renju tal-Isvezja jirriżulta li l-attivitajiet kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom importanza mhux sinjifikattiva għall-ambjent jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Ambjent Żvediż (miljöbalken). Barra minn hekk, kull impjant ta’ trattament Żvediż li jittratta l-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 2000 għandu jkollu permess li jinkiseb wara li tkun saret evalwazzjoni każ b’każ. Waqt l-eżami tal-applikazzjoni għal permess, issir evalwazzjoni globali tal-istatus taż-żona riċeventi, li hija bbażata fuq l-iskariki akkumulati li joriġinaw mis-sorsi kollha, kif ukoll evalwazzjoni tal-effetti tal-iskariki li jsiru iktar ’il quddiem.

Il-proċedura prekontenzjuża

12

Fl-1994, ir-Renju tal-Isvezja identifika l-ilmijiet kollha tiegħu bħala żoni sensittivi. Fl-1998 u fl-2000, huwa kkonferma din il-klassifikazzjoni mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru sostna li kien għamel użu mill-ewtrofikazzjoni bħala kriterju u li kienu l-mases tal-ilmijiet ikkonċernati li ppermettew li jiġi ddeterminat it-tip ta’ trattament meħtieġ. Skont ir-Renju tal-Isvezja, bis-saħħa tal-kriterji msemmija fl-Anness II.A(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/271, it-territorju Żvediż kollu huwa sensittiv għall-ewtrofikazzjoni jew għar-riskju tal-ewtrofikazzjoni minħabba l-iskariki tal-fosfru.

13

Fit-23 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Isvezja peress li dan l-Istat Membru ma kienx ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271. Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas kien dovut għall-fatt li l-iskariki kollha minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi fiż-żoni sensittivi ma kinux konformi mar-rekwiżiti pprovduti fl-Anness I.B tal-imsemmija direttiva. Ir-Renju tal-Isvezja kellu jikkonforma ruħu mal-imsemmija rekwiżiti sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, rekwiżiti li japplikaw għall-iskariki kollha minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 kif ukoll għall-iskariki kollha ta’ tali impjanti ta’ trattament li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’żoni sensittivi.

14

Fir-risposta tiegħu tal-5 ta’ Frar 2003, ir-Renju tal-Isvezja ċaħad id-dikjarazzjonijet tal-Kummissjoni u sostna li huwa kien konformi mad-Direttiva 91/271. L-awtoritajiet Żvediżi qiesu li ma kienx neċessarju li jitneħħa n-nitroġenu inkluż fl-ilma li jiżbokka fil-Baħar Baltiku mill-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jinsabu fit-tramuntana tal-muniċipalità ta’ Norrtälje. Huma qiesu wkoll li l-iskariki tan-nitroġenu li joriġinaw minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet oħra li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jinsabu fiċ-ċentru u fin-nofsinhar tal-Isvezja ma jikkontribwixxux għall-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet kostali, peress li assorbiment naturali suffiċjenti tan-nitroġenu jitwettaq waqt it-tranżitu miż-żona fejn jinġabar l-ilma bejn is-sors tat-tniġġis u l-baħar.

15

Fl-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju tal-Isvezja li fiha esponiet l-istudji xjentifiċi li juru li l-eliminazzjoni tan-nitroġenu inkluż fl-ilma li jiżbokka fil-Bajja ta’ Botnia u fil-Baħar ta’ Botnia kellu effett fuq il-livell tal-ewtrofikazzjoni fil-Baħar Baltiku nnifsu. Hija sostniet li l-ilmijiet kollha li jiżbokkaw fil-Baħar Baltiku, inkluż il-Bajja u l-Baħar ta’ Botnia, mill-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 kellhom ikunu suġġetti għal trattament ta’ eliminazzjoni kemm għan-nitroġenu kif ukoll għall-fosfru.

16

Il-Kummissjoni kkunsidrat, barra minn hekk, li l-iskariki ta’ nitroġenu minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 fir-reġjuni fiċ-ċentru u fin-nofsinhar tal-Isvezja jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-Baħar Baltiku, li huwa żona sensittiva. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-assorbiment naturali fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma ma kienx metodu aċċettabbli ta’ tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu għaż-żoni kostali.

17

Ir-Renju tal-Isvezja wieġeb għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni b’ittri tal-14 u tat-22 ta’ Ġunju 2004, billi indika li, meta Stat Membru jkun mistieden jieħu pożizzjoni fuq iż-żoni li huma sensittivi għall-ewtrofikazzjoni, skont id-Direttiva 91/271, huwa għandu wkoll jevalwa liema nutrijenti jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni. Meta dan l-Istat Membru jkun ħa pożizzjoni fuq dan il-punt, huwa għandu jiżgura li jsir trattament iktar rigoruż tan-nitroġenu u/jew tal-fosfru, skont is-sitwazzjoni lokali. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja sostna li l-Istati Membri kienu liberi li jagħżlu l-metodu li huma jixtiequ jużaw sabiex ineħħu n-nitroġenu mill-ilma urban mormi. Għaldaqstant, id-Direttiva 91/271 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-assorbiment naturali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala metodu għall-eliminazzjoni tan-nitroġenu mill-ilma urban mormi li joriġina mill-intern, u li jiżbokka fix-xmajjar u fi flussi u li wara jidħol lejn żoni kostali sensittivi.

18

Peress li ma kinitx sodisfatta mir-risposta li ta r-Renju tal-Isvezja għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ressqet ir-rikors preżenti.

19

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2008, ir-Repubblika tal-Finlandja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Isvezja.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

20

Ir-Renju tal-Isvezja qasam f’ħames gruppi, li jissemmew fl-ewwel ħames annessi tar-risposta tiegħu, il-141 impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li l-iskariki tagħhom jidħlu direttament fiż-żoni sensittivi jew fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dawn iż-żoni sensittivi.

21

Dan l-Istat Membru, fil-kontroreplika tiegħu, ippreċiża li kien neċessarju li tiġi rettifikata s-sitwazzjoni ta’ 5 mill-imsemmija 141 impjant ta’ trattament. Għalhekk, l-impjanti ta’ trattament mill-agglomerazzjonijiet ta’ Kristianstad, minn naħa, u ta’ Jönköping u ta’ Huskvarna, li issa jikkostitwixxu agglomerazzjoni waħda, min-naħa l-oħra, għandhom jitneħħew mill-Anness 1 tar-risposta ta’ dan l-Istat Membru u għandhom jiġu inklużi fl-Anness 3 ta’ din in-nota. L-impjant ta’ trattament ta’ Lysekil għandu jitneħħa mill-imsemmi Anness 1 u għandu jiġi inkluż fl-Anness 2 tal-imsemmija nota. Fl-aħħar nett, l-impjant ta’ trattament ta’ Hammarö għandu jitneħħa mill-Anness 2 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja u għandu jiġi inkluż fl-Anness I ta’ din in-nota.

22

L-ewwel nett, l-Anness 1 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, kif emendat bil-kontroreplika tagħha (iktar ’il quddiem l-“Anness 1 emendat”), jelenka l-impjanti ta’ trattament li dan l-Istat Membru jikkunsidra bħala li huma konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271. In-nuqqas mhuwiex fondat fir-rigward tal-imsemmija impjanti peress li kollha kemm huma għandhom tagħmir speċifiku għall-eliminazzjoni tan-nitroġenu li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Il-Kummissjoni sempliċement issostni li l-impjanti ta’ trattament ta’ Eslöv, ta’ Kristianstad u ta’ Jönköping ma jeliminawx in-nitroġenu mill-ilma urban mormi li huma jittrattaw, bi ksur tal-imsemmija direttiva.

23

It-tieni nett, fir-rigward, minn naħa, tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 2 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, kif emendat bil-kontroreplika tiegħu (iktar ’il quddiem l-“Anness 2 emendat”), u, min-naħa l-oħra, tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 3 tal-imsemmija risposta, kif emendat bl-imsemmija kontroreplika (iktar ’il quddiem l-“Anness 3 emendat”), il-Kummissjoni tindika li hija taċċetta l-pożizzjoni tar-Renju tal-Isvezja li l-imsemmija impjanti ta’ trattament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271, peress li l-ewwel grupp ta’ impjanti ta’ trattament mhumiex mgħammra sabiex jeliminaw in-nitroġenu, u t-tieni grupp ma jeliminawx suffiċjentement in-nitroġenu mill-ilma urban mormi li huma jittrattaw.

24

It-tielet nett, fir-rigward tal-impjanti elenkati fl-Anness 5 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, il-Kummissjoni tiddistingwi bejniethom skont jekk l-iskariki tagħhom jiżbokkawx direttament jew indirettament fil-Bajja ta’ Botnia, u jekk jiżbokkawx direttament jew indirettament fil-Baħar ta’ Botnia. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, peress li l-parti l-kbira tal-ilmijiet interni Svediżi jiżbokkaw fil-Baħar Baltiku nnifsu, li l-ewtrofikazzjoni tiegħu hija kkawżata prinċipalment mill-fosfru u min-nitroġenu, dawn iż-żewġ mases ta’ ilmijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala sensittivi għal dawn iż-żewġ nutrijenti. Għalhekk, dawn l-impjanti ta’ trattament kollha għandhom, minbarra l-fosfru, jistabbilixxu trattament iktar rigoruż tan-nitroġenu skont l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva 91/271 (iktar ’il quddiem “trattament terzjarju”).

25

Il-Kummissjoni taqbel li l-ilmijiet tal-Bajja ta’ Botnia huma sensittivi biss għal fosfru, iżda tikkunsidra li din il-bajja ma tistax tiġi kkunsidrata waħedha peress li nutrijenti, inkluż in-nitroġenu, huma ttrasportati miż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’din il-bajja lejn il-partijiet l-oħra tal-Baħar Baltiku. Il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq rapport stabbilit fuq talba tagħha fl-2003 mill-Water Research Center dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/271 fl-Isvezja (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-2003”), hija tal-fehma li l-ilmijiet tal-Baħar ta’ Botnia huma minn tal-inqas parzjalment sensittivi għan-nitroġenu. Għalhekk, il-fluss tal-ilmijiet li joriġinaw mill-Bajja ta’ Botnia u mill-Baħar ta’ Botnia lejn il-Baħar Baltiku nnifsu jirriżulta fi trasferiment ta’ kwantità kunsiderevoli ta’ nitroġenu.

26

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 4 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, li huma kkunsidrati minn dan l-Istat Membru bħala konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271, lanqas m’hemm in-neċessità li ssir l-eliminazzjoni tan-nitroġenu, peress li l-assorbiment naturali huwa tant sinjifikattiv li l-iskariki tagħhom ma jikkontribwixxux għall-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet kostali. Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni wkoll f’dan ir-rigward li tali proċess ta’ tindif naturali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni, skont l-imsemmija direttiva, ta’ jekk l-eliminazzjoni tan-nitroġenu hijiex neċessarja. Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li r-rati ta’ assorbiment invokati mir-Renju tal-Isvezja ma jippermettux eliminazzjoni suffiċjenti tan-nitroġenu u li l-kalkoli tiegħu huma bbażati fuq tnaqqis medju tan-nitroġenu, li mhuwiex permess mid-Direttiva 91/271. Għaldaqstant, l-assorbiment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva dwar il-livell ta’ trattament suffiċjenti u kostanti.

27

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li mir-rekwiżit li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni bbażat fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, stabbilit mill-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikolu 174(2) KE u kif ikkonfermat b’ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li huwa aħjar jekk it-tniġġis jiġi rrettifikat fl-oriġini tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Renju tal-Isvezja ma stabbilixxiex li l-eliminazzjoni tan-nitroġenu mill-ilmijiet kemm interni kif ukoll kostali ma twassalx għal titjib tal-livell tal-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku.

28

Ir-Renju tal-Isvezja jwieġeb f’dan ir-rigward li eliminazzjoni tan-nitroġenu fil-każijiet fejn is-sitwazzjoni lokali ma tirrikjedihx tista’ tipprovoka ż-żieda ta’ ċjanobatterji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kummissjoni ma ressqitx prova li s-sitwazzjoni lokali teħtieġ eliminazzjoni tan-nitroġenu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni pjuttost jiskoraġġixxi tali eliminazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271 jirriżulta li l-ilma urban mormi kollu li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jiżbokka f’żona sensittiva għandu jkun suġġett, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, għal trattament iktar rigoruż minn dak imsemmi fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

30

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jkun hemm skarikar fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271 indipendentement mill-fatt jekk l-ilma mormi jiżbokkax direttament jew indirettament f’żona sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-396/00, Ġabra p. I-3949, punti 29 sa 32). Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, dan huwa konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni mixtieq mill-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikolu 174(2) KE.

31

Skont l-Anness II.A tad-Direttiva 91/271, l-identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi tista’ tkun ibbażata fuq l-ewtrofikazzjoni, fuq l-astrazzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb jew fuq ir-rekwiżiti pprovduti f’direttivi oħra.

32

Fil-kawża inkwistjoni huwa paċifiku li, fl-1994, ir-Renju tal-Isvezja identifika l-ilmijiet kollha tiegħu bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni u li l-impjanti kollha ta’ trattament ta’ dan l-Istat Membru jwettqu, direttament jew indirettament, skariki f’dawn iż-żoni.

33

Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet jirriżulta li, b’mod ġenerali, waħda mis-sustanzi nutrittivi, irrispettivament minn jekk huwiex il-fosfru jew in-nitroġenu, tinsab fi kwantità inqas meta mqabbla mal-oħra u li dan in-nuqqas jillimita l-produzzjoni tal-alka. Għaldaqstant, din is-sustanza hija msejħa “fattur li jillimita”. L-ilmijiet ta’ żona jistgħu jkunu sensittivi għal sustanza waħda jew l-oħra, jew għat-tnejn li huma. Għalhekk, it-tnaqqis tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu, skont is-sensittività tal-imsemmija ilmijiet, jippermetti l-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-alka.

34

L-ilmijiet kollha Svediżi ġew identifikati bħala sensittivi għall-ewtrofikazzjoni jew għar-riskju ta’ ewtrofikazzjoni minħabba l-iskariki tal-fosfru. Huma biss l-ilmijiet kostali bejn il-fruntiera Norveġiża u l-muniċipalità ta’ Norrtälje li ġew identifikati bħala sensittivi għall-ewtrofikazzjoni jew għar-riskju ta’ ewtrofikazzjoni minħabba l-iskariki tan-nitroġenu.

35

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsdirat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Renju tal-Isvezja speċifika, fil-kuntest tal-identifikazzjoni taż-żoni sensittivi, liema huma n-nutrijenti li għandhom, skont it-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271, jiġu eliminati meta l-ilma urban mormi jiżbokka fl-ilmijiet interni Svediżi. Fil-fatt, kif josserva r-Renju tal-Isvezja, ebda distinzjoni f’dan ir-rigward ma ġiet stabbilita bejn l-ilmijiet kostali u l-ilmijiet interni.

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/271 jiddetermina liema regoli huwa suġġett għalihom it-trattament terzjarju tal-iskariki f’tali żoni sensittivi. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet li tirreferi għalihom, jirriżulta li l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi f’żoni sensittivi li huma suġġetti għal ewtrofikazzjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fit-Tabella 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li dawn ir-rekwiżiti japplikaw bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness II.A tad-Direttiva 91/271 (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-280/02, Ġabra p. I-8573, punti 104 u 105). Għalhekk, il-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li, fir-rigward ta’ ilmijiet kostali li għandhom skambju baxx ta’ ilma jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti, għandha tiġi prevista, għall-agglomerazzjonijiet kbar, l-eliminazzjoni tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu, sakemm ma jiġix stabbilit li din l-eliminazzjoni mhijiex ser taffettwa l-livell ta’ ewtrofikazzjoni.

38

It-Tabella 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva tikkonċerna t-tnaqqis tal-fosfru u tan-nitroġenu fl-ilma urban mormi. Skont it-titolu ta’ din it-tabella, hija prevista, fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali, l-applikazzjoni ta’ parametru wieħed jew tat-tnejn. Fil-fatt, huwa fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali li n-nitroġenu jew il-fosfru, jew iż-żewġ sustanzi, għandhom jitnaqqsu. L-Istat Membru, għalhekk, jista’ jagħżel li japplika l-valuri ta’ konċentrazzjoni jew il-perċentwali ta’ tnaqqis.

39

Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja jaqblu fuq il-fatt li l-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku tikkostitwixxi problema ambjentali kbira, u li dan il-fenomenu huwa pprovokat miż-żieda fil-konċentrazzjoni ta’ nitroġenu u ta’ fosfru, żewġ sustanzi li, madankollu, huma indispensabbli għall-ħajja marina.

40

Għalhekk, kif isostni r-Renju tal-Isvezja, m’hemmx soluzzjoni uniformi għall-problema tal-ewtrofikazzjoni għall-Baħar Baltiku kollu.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-proċess jirriżulta li huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri differenti sabiex titnaqqas l-ewtrofikazzjoni f’parti waħda mill-Baħar Baltiku jew f’oħra. Id-Direttiva 91/271 tipprovdi f’dan ir-rigward li l-Istati Membri għandhom jevalwaw, abbażi tas-sitwazzjoni lokali, is-sustanzi — fosfru u/jew nitroġenu — li jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni u, skont din l-evalwazzjoni, għandhom jadottaw miżuri ta’ trattament xierqa.

42

Għaldaqstant, id-Direttiva 91/271 ma teżiġix awtomatikament tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu minkejja li l-iskariki tal-impjanti ta’ trattamenti ta’ ilma urban mormi jiżbokkaw fl-ilmijiet riċeventi f’żona sensittiva. Huwa l-motiv dovut għas-sensittività ta’ dawn l-ilmijiet riċeventi, flimkien ma’ eżami tas-sitwazzjoni lokali, li jiddetermina jekk għandux jitnaqqas in-nitroġenu u/jew il-fosfru.

43

Għalhekk, ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li s-sempliċi fatt li l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi jispiċċaw f’żona sensittiva jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 91/271 teżiġi trattament terzjarju tan-nitroġenu. Skont l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, l-obbligu ta’ tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu jiddependi minn kemm l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’żoni sensittivi jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn tal-aħħar.

44

Peress li d-determinazzjoni tal-fattur li jillimita mhijiex marbuta esklużivament mas-sensittività tal-ilmijiet riċeventi, iżda wkoll mal-fatt li l-iskariki jniġġsu lil dawn l-ilmijiet, ma jistax jingħad, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, li, peress li l-Baħar Baltiku nnifsu għandu ewtrofikazzjoni qawwija minħabba n-nitroġenu u l-fosfru, u peress li l-biċċa l-kbira tal-ilmijiet interni Svediżi jiżbokkaw f’dan il-baħar, kemm il-lagi u kemm ix-xmajjar, u kif ukoll l-ilmijiet kostali Svediżi, għandhom jitqiesu li huma sensittivi għaż-żewġ sustanzi.

45

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-Direttiva 91/271 ma tipprovdix obbligu ġenerali li jsir trattament terzjarju tan-nitroġenu tal-iskariki ta’ kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000.

46

Peress li d-Direttiva 91/271 teżiġi t-tnaqqis tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu abbażi tas-sitwazzjoni lokali, jiġifieri s-sensittività tal-ilmijiet riċeventi għal wieħed u/jew għal ieħor minn dawn in-nutrijenti u l-fatt li l-iskariki jniġġsu lil dawn l-ilmijiet, jista’ jsir eżami konġunt tal-impjanti ta’ trattament inkwistjoni li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fl-istess żona li fiha jinġabar l-ilma.

47

Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk humiex diretti jew indiretti, l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li jinsabu fl-istess żona fejn jinġabar l-ilma li jispiċċa f’żona sensittiva huma suġġetti, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/271, għar-rekwiżiti applikabbli għaż-żoni sensittivi biss sa fejn dawn l-iskariki jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ din iż-żona. Għalhekk, għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmija skariki u t-tniġġis taż-żoni sensittivi.

48

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali rabta.

49

Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji kollha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, u dan mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-135/05, Ġabra p. I-3475, punt 26).

50

Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li jippermettu li jiġu stabbiliti fatti li seħħew fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u dettaljat l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, Ġabra p. 4875, punt 21, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punti 84 u 86).

51

L-ewwel nett, fir-rigward tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 1 emendat, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr madankollu ma tressaq prova, li, minn naħa, l-impjanti ta’ trattament ta’ Eslöv, ta’ Kristianstad u ta’ Jönköping mhumiex mgħammra sabiex jeliminaw in-nitroġenu mill-ilma urban mormi li huma jittrattaw. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sempliċement tiddikjara li n-nitroġenu ma ġiex eliminat mill-ilma mormi mill-agglomerazzjonijiet ta’ Hönö, ta’ Strömstad, ta’ Lidköping, ta’ Sävsjö, ta’ Borgholm, ta’ Bjuv, ta’ Svedala, ta’ Klippan, ta’ Torekov u ta’ Åmål.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex provi biżżejjed sabiex tkun tista’ tifhem eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt Komunitarju allegat fil-konfront tar-Renju tal-Isvezja u, għaldaqstant, sabiex tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, Ġabra p. I-3351, punt 32).

53

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Annessi 2 u 3 emendati, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata jekk jeżistix jew le l-allegat nuqqas, anki sa fejn l-Istat ikkonċernat ma jikkontestax in-nuqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 20, u tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-43/05, punt 11).

54

Għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Isvezja jirrikonoxxi huwa stess li naqas, f’dan ir-rigward, mill-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 91/271. Dan l-Istat Membru jiddikjara li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Annessi 2 u 3 emendati ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli skont l-Anness I tal-imsemmija direttiva. Mit-tweġibiet tar-Renju tal-Isvezja għall-mistoqsijiet bil-miktub jirriżulta, minn naħa, li l-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 2 emendat ma kellhomx teknoloġija speċifika sabiex jeliminaw in-nitroġenu. Min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Isvezja ammetta li l-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 3 emendat kellhom teknoloġija speċifika għall-eliminazzjoni tan-nitroġenu, iżda li l-iskariki tan-nitroġenu li joriġinaw minn dawn l-impjanti kienu tant sinjifikattivi li, anki fil-każ ta’ rata ta’ assorbiment għolja, huma jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni.

55

Anki jekk jitqies li r-rikors tal-Kummissjoni jadotta perspettiva globali fir-rigward tal-iskariki kollha mill-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li jidħlu direttament fiż-żoni sensittivi jew fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dawn iż-żoni sensittivi, dan il-fatt ma jostakolax il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ uħud mill-imsemmija impjanti. Fil-fatt, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li r-Renju tal-Isvezja, filwaqt li jammetti li l-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Annessi 2 u 3 emendati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti applikabbli skont l-Anness 1 tad-Direttiva 91/271, sostna b’mod espress li mhuwex jikkontesta dik il-parti mir-rikors tal-Kummissjoni.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 91/271 fir-rigward tal-iskariki ta’ nitroġenu mill-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Annessi 2 u 3 emendati.

57

It-tielet nett, fir-rigward tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 4 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, minn naħa, u tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 5 ta’ din in-nota, min-naħa l-oħra, li fir-rigward tagħhom mhuwa neċessarju ebda tagħmir speċifiku għall-eliminazzjoni tan-nitroġenu peress li l-iskariki tagħhom ma jikkontribwixxux għall-ewtrofikazzjoni ta’ żoni sensittivi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li l-iskariki tal-imsemmija impjanti jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni ta’ dawn iż-żoni.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-proċess, li l-imsemmija impjanti huma mifruxa fuq żoni li fihom jinġabar l-ilma, li l-ilmijiet riċeventi tagħhom huma, minn naħa, il-Golf ta’ Botnia, li jikkostitwixxi fergħa tal-Baħar Baltiku, u, min-naħa l-oħra, il-Baħar Baltiku nnifsu.

Fuq l-impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia

59

Fost l-impjanti ta’ trattament imsemmija fl-Anness 5 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, l-iskariki ta’ numru minnhom jiżbokkaw direttament jew indirettament fil-Bajja ta’ Botnia filwaqt li l-iskariki ta’ oħrajn jiżbokkaw direttament jew indirettament fil-Baħar ta’ Botnia. Għalhekk, huwa possibbli li l-impjanti ta’ trattament inkwistjoni, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fl-istess żona li fiha jinġabar l-ilma, jiġu eżaminati flimkien.

60

L-ewwel nett, l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament fil-Bajja ta’ Botnia jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’din il-bajja huma dawk ta’ Haparanda, ta’ Luleå, ta’ Piteå, ta’ Skellefteå u ta’ Umeå, u dawk ta’ Kiruna, ta’ Gällivare u ta’ Boden, rispettivament.

61

Il-partijiet jaqblu li l-Bajja ta’ Botnia hija l-unika żona importanti tal-Baħar Baltiku li, b’mod ġenerali, mhijiex affettwata mill-ewtrofikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fosfru huwa l-fattur li jillimita fil-Bajja ta’ Botnia.

62

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, minħabba l-kundizzjonijiet li hemm fil-Bajja ta’ Botnia, ir-Renju tal-Isvezja kellu jordna trattament terzjarju tan-nitroġenu f’kull impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li l-iskariki tiegħu jiżbokkaw fil-Bajja ta’ Botnia.

63

It-tieni nett, l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament fil-Bajja ta’ Botnia jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’din il-bajja, huma dawk ta’ Örnsköldsvik, ta’ Härnösand, ta’ Timrå, ta’ Sundsvall, ta’ Hudiksvall, ta’ Söderhamn u ta’ Gävle, u dawk ta’ Sollefteå, ta’ Östersund, ta’ Åre, ta’ Ljusdal, ta’ Bollnäs, ta’ Mora, ta’ Falun, ta’ Borlänge, ta’ Avesta u ta’ Sandviken, rispettivament.

64

Il-partijiet ma jaqblux dwar, minn naħa, il-preżenza ta’ ewtrofikazzjoni kif ukoll id-determinazzjoni tal-fattur li jillimita fil-Baħar ta’ Botnia u, min-naħa l-oħra, dwar l-eżistenza u l-eventwali effetti ta’ trasferiment tan-nitroġenu li joriġina mill-Golf ta’ Botnia u li jinżel sal-Baħar Baltiku nnifsu.

— Fuq il-preżenza ta’ ewtrofikazzjoni u fuq id-determinazzjoni tal-fattur li jillimita fil-Baħar ta’ Botnia

65

Skont ir-riżultati tal-istudji mehmuża mal-proċess mir-Renju tal-Isvezja, il-Golf ta’ Botnia, inkluż il-Baħar ta’ Botnia, huwa l-uniku sottoreġjun tal-Baħar Baltiku li ma jurix sinjal ċar ta’ ewtrofikazzjoni.

66

Il-Kummissjoni tibbaża d-dikjarazzjoni tagħha li n-nitroġenu huwa fattur li jillimita sinjifikattiv tal-ewtrofikazjoni tal-Baħar ta’ Botnia fuq ir-rapport tal-2003.

67

Madankollu, dan ir-rapport jenfasizza l-fatt li huwa ġeneralment meqjus li l-ewtrofikazzjoni mhijiex ikkunsidrata bħala problema fl-ilmijiet miftuħa tal-Baħar ta’ Botnia.

68

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li n-nitroġenu huwa fattur li jillimita sinjifikattiv tal-ewtrofikazzjoni fl-ilmijiet miftuħa tal-Baħar ta’ Botnia.

69

Skont il-konklużjonijiet tar-rapport tal-2003, l-ewtrofikazzjoni hija problema fil-Baħar Baltiku nnifsu, fil-Kattegat, fis-Sund kif ukoll fiż-żoni kostali tal-Baħar ta’ Botnia, fejn l-iskambju tal-ilma huwa baxx u l-ammont ta’ nutrijenti huwa għoli.

70

Fir-rigward tal-ilmijiet kostali, ir-rapport tal-2003 jiddikjara li dawn qegħdin jesperjenzaw ewtrofikazzjoni minħabba skambju baxx tal-ilma u minħabba ammonti għolja ta’ nutrijenti f’dawn l-ilmijiet. Barra minn hekk, dan ir-rapport isostni li l-fosfru huwa l-fattur li jillimita prinċipali fl-ilmijiet kostali Svediżi.

71

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness II.A tad-Direttiva 91/271 li jipprovdi li, fir-rigward tal-ilmijiet kostali li fihom hemm skambju tal-ilma baxx, jew li jirċievu ammonti għolja ta’ nutrijenti, l-iskariki li joriġinaw minn agglomerazzjonijiet żgħar ġeneralment mhumiex importanti, iżda li, fir-rigward tal-agglomerazzjoni l-kbar, għandha tiġi prevista l-eliminazzjoni tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu, sakemm ma jiġix stabbilit li tali eliminazzjoni mhijiex ser taffettwa l-livell ta’ ewtrofikazzjoni.

72

F’dan ir-rigward, ir-rapport tal-2003 jirrileva li jippersistu dubji dwar l-effiċjenza tal-eliminazzjoni tan-nitroġenu u jiddikjara li tnaqqis tal-ammont tan-nitroġenu fil-partijiet tal-Baħar Baltiku fejn il-fosfru huwa l-fattur li jillimita jkollu biss effett limitat fuq l-ewtrofikazzjoni.

73

Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja jiddikjara, mingħajr ma l-Kummissjoni tressaq provi kuntrarji f’dan ir-rigward, li eliminazzjoni tan-nitroġenu jkollha bħala konsegwenza li t-trasferiment tan-nitroġenu mill-Bajja ta’ Botnia lejn il-Baħar ta’ Botnia jonqos b’madwar 19-il tunnellata, li jirrappreżentaw inqas minn 0.1% tat-trasferiment kollu tan-nitroġenu bejn dawn iż-żewġ żoni marittimi. L-effett tal-eliminazzjoni tan-nitroġenu fil-Golf ta’ Botnia fuq il-livell tal-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku nnifsu, għalhekk, mhuwiex sinjifikattiv.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, minħabba l-kundizzjonijiet li hemm fil-Baħar ta’ Botnia, ir-Renju tal-Isvezja kellu jordna trattament terzjarju tan-nitroġenu inkluż fl-iskariki ta’ kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li jiżbokkaw fil-Baħar ta’ Botnia.

— Fuq l-eżistenza u l-eventwali effetti ta’ trasferiment tan-nitroġenu li joriġina mill-Golf ta’ Botnia u li jinżel sal-Baħar Baltiku nnifsu

75

Il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, kwantità sinjifikattiva ta’ nutrijenti hija ttrasportata bejn iż-żoni marittimi differenti li fihom jinġabar l-ilma. Għalhekk, 62% tal-kwantità totali ta’ nitroġenu mormi direttament jew indirettament fil-Bajja ta’ Botnia sussegwentement jidħol fil-Baħar ta’ Botnia, li hija żona marittima li fiha n-nitroġenu jikkostitwixxi fattur li jillimita sinjifikattiv.

76

Minn naħa, huwa minnu, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja, li l-obbligu ta’ trattament tan-nitroġenu għandu jiġi evalwat minn perspettiva globali, fid-dawl kemm tas-sensittività tal-ilmijiet interni kif ukoll fid-dawl tas-sensittività tal-ilmijiet kostali riċeventi. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ żona li fiha jinġabar l-ilma għandu limitu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 44 tar-replika tagħha, hija ma ssostnix li l-Bajja ta’ Botnia u l-Baħar ta’ Botnia jistgħu jitqiesu bħala żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa fil-Baħar Baltiku nnifsu.

77

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Isvezja li jipprovdi li l-iskambju tal-ilma bejn il-Bajja ta’ Botnia, il-Baħar ta’ Botnia u l-Baħar Baltiku nnifsu huwa limitat ħafna, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Baħar Baltiku mhuwiex baħar fond ħafna, karatteristika li ma tiffavorix l-iskambju tal-ilmijiet. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Anness 11 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, li jippreżenta t-topografija tal-Baħar Baltiku, bejn il-Bajja ta’ Botnia u l-Baħar ta’ Botnia, l-iskambji tal-ilma huma limitati minn ostakoli naturali li jinsabu fil-livell tat-tramuntana tal-arċipelagu ta’ Kvarken. Skont din il-mappa, il-Bajja ta’ Botnia u l-Baħar ta’ Botnia huma konnessi bejniethom b’numru ta’ sikek fejn l-ilmijiet għandhom fond massimu ta’ 25 metru. Barra minn hekk, dan il-fatt huwa kkorroborat mill-Anness 12 tal-imsemmija nota, li turi l-profil tal-qiegħ tal-Baħar Baltiku.

78

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li ma teżisti ebda barriera fiżika li tillimita t-trasferiment tan-nitroġenu bejn iż-żoni rilevanti li fihom jinġabar l-ilma.

79

Barra minn hekk, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Baħar ta’ Botnia jservi verament ta’ bir għan-nitroġenu. Barra minn hekk, fir-rapport tal-2003, huwa stabbilit li l-problemi ta’ ewtrofikazzjoni marbuta man-nitroġenu fil-Golf ta’ Botnia mhumiex sinjifikattivi u li hija biss kwantità żgħira ta’ nitroġenu li hija ttrasportata sal-Baħar Baltiku nnifsu. Il-preżenza ta’ sikek u tad-djieq tal-Golf ta’ Botnia madwar il-gżejjer ta’ Åland juru li tali topografija ma tiffavorixxix it-trasferiment tal-ilma, u għalhekk tan-nitroġenu.

80

Għaldaqstant, għalkemm jeżisti tabilħaqq trasferiment tan-nitroġenu bejn il-Golf ta’ Botnia u l-Baħar Baltiku nnifsu, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-fluss tal-ilmijiet tal-Bajja ta’ Botnia u tal-Baħar ta’ Botnia lejn il-Baħar Baltiku nnifsu jimplika trasferiment ta’ kwantità sinjifikattiva ta’ tniġġis tan-nitroġenu li joriġina mir-reġjuni fit-tramuntana tal-Isvezja li l-impjanti ta’ trattament tagħhom ma jeliminawx in-nitroġenu.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li madwar 11% tan-nitroġenu kollu preżenti fil-Baħar ta’ Botnia jispiċċa fil-Baħar Baltiku nnifsu.

82

Madankollu, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess u mill-osservazzjonijiet magħmula mir-Renju tal-Isvezja matul is-seduta, il-perċentwali rilevanti hija, kif jirrileva dan l-Istat Membru, dik li tirrappreżenta l-kwantità ta’ nitroġenu mormi mill-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia, u li huwa ttrasportat lejn il-Baħar Baltiku. Min-naħa l-oħra, il-fluss kollu tan-nitroġenu ma jistax, f’dan il-każ, jitqies bħala element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nitroġenu li joriġina minn tali impjanti għandux ikun suġġett għal trattament terzjarju.

83

Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jista’ jiġi stabbilit li n-nutrijenti, fosthom in-nitroġenu, joriġinaw minn numru ta’ attivitajiet tal-bniedem u eventwalment jispiċċaw fil-baħar permezz, l-ewwel nett, ta’ emissjonijiet atmosferiċi u ta’ depożiti li jirriżultaw minnhom, it-tieni nett, ta’ skariki minn sorsi speċifiċi li jinsabu tul il-kosta jew li joriġinaw minn żoni li fihom jinġabar l-ilma, u li huma ttrasportati mill-ixmajjar, u, it-tielet nett, skariki minn sorsi mxerrda.

84

F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess jista’ jiġi stabbilit, minn naħa, li l-kwantità ta’ nitroġenu preżenti fil-Golf ta’ Botnia tinkludi parti kbira li toriġina minn skariki minn sorsi mxerrda. Min-naħa l-oħra, fl-istess kategorija, l-agrikultura hija l-attività tal-bniedem li hija responsabbli għall-parti l-kbira tal-iskariki ta’ nitroġenu.

85

Minn dan jirriżulta li l-kwantità ta’ nitroġenu mormi mill-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 ma tikkorrispondix mal-perċentwali ta’ nitroġenu li tirreferi għaliha l-Kummissjoni.

86

F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa diffiċli li jiġi identifikat għalxiex tirreferi r-rata ta’ trasferiment ta’ 62% li ġiet invokata mill-Kummissjoni. Tali rata ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkorrispondi għall-kwantità ta’ nitroġenu inkluż fl-iskariki tal-impjanti ta’ trattament li jittrattaw l-ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000.

87

Skont l-osservazzjonijiet tar-Renju tal-Isvezja waqt is-seduta, il-perċentwali ta’ nitroġenu ttrasferit, li tinkludi biss l-iskariki ta’ dan in-nutrijent mill-impjanti ta’ trattament inkwistjoni, tammonta għal madwar 1.2%.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li t-trasport tan-nitroġenu li joriġina minn impjanti ta’ trattament Svediżi li jittrattaw ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia lejn il-Baħar Baltiku nnifsu, jista’ jiġi kkwalifikat bħala sinjifikattiv fis-sens tal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-fluss tan-nitroġenu kkawżat mill-ilma urban mormi li jiżbokka f’ilma ewtrofikat għandu jiġi kkunsidrat bħala sinjifikattiv jekk jammonta għal 10% jew iktar mill-fluss kollu tan-nitroġenu (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

89

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Helcom, li taqa’ taħt il-Konvenzjoni dwar il-Baħar Baltiku adottat, waqt il-laqgħa ministerjali ta’ Krakovja tal-15 ta’ Novembru 2007, pjan ta’ azzjoni għall-Baħar Baltiku (Helcom Baltic Sea Action Plan). Dan il-pjan, li kien diskuss matul is-seduta, jipprovdi limitu massimu għall-iskariki tan-nitroġenu u tal-fosfru kif ukoll tnaqqis neċessarju tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-partijiet differenti tal-Baħar Baltiku. Minn dan jirriżulta li mhuwiex neċessarju li titnaqqas ir-rata ta’ nitroġenu fil-Bajja ta’ Botnia u fil-Baħar ta’ Botnia.

90

Għalkemm huwa minnu li, fl-istess waqt, l-imsemmi pjan ta’ azzjoni jipproponi tnaqqis ta’ nitroġenu fil-Baħar Baltiku nnifsu b’94000 tunellata kull sena, għandu jiġi rrilevat li dan ma japplikax fir-rigward tar-Renju tal-Isvezja. Għall-kuntrarju, din il-figura hija intiża għall-Istati li jinsabu fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa fil-Baħar Baltiku nnifsu.

91

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqitx prova, minn naħa, tal-fatt li l-iskariki tan-nitroġenu mill-ilmijiet interni u mill-ilmijiet kostali tal-Bajja ta’ Botnia jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni tal-Baħar ta’ Botnia u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li n-nitroġenu huwa l-fattur prinċipali li jillimita tal-ewtrofikazzjoni tal-Baħar ta’ Botnia.

92

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kwantità ta’ nitroġenu li toriġina minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia, jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni fil-Baħar Baltiku nnifsu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ressqitx prova tal-fatt li r-Renju tal-Isvezja kellu jordna trattament terzjarju tan-nitroġenu f’kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tiegħu jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma ressqitx prova tal-fatt li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 91/271 fir-rigward ta’ kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia.

Fuq l-impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma tal-Baħar Baltiku nnifsu

94

Fir-rigward tal-iskariki tal-impjanti ta’ trattament elenkati fl-Anness 4 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, li jinsabu fl-intern tan-nofsinhar tal-Isvezja u li jittrattaw ilma mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma u li l-ilmijiet tagħhom jiżbokkaw fl-ilmijiet li huma sensittivi għan-nitroġenu bejn il-fruntiera Norveġiża u l-muniċipalità ta’ Norrtälje, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li trattament terzjarju tan-nitroġenu mhuwiex neċessarju sa fejn il-fenomenu tal-assorbiment naturali jippermetti eliminazzjoni suffiċjenti ta’ dan in-nutrijent.

95

F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assorbiment huwa proċess naturali li jseħħ fil-lagi u fl-ixmajjar, li jassorbu l-parti kbira tan-nitroġenu mormi u jittrasformawh f’gass mhux perikoluż, proċess dan li jikkorrispondi wkoll għall-proċess użat mill-impjanti ta’ trattament fl-eliminazzjoni tan-nitroġenu. L-assorbiment iseħħ b’mod partikolari fil-ġibjuni, fejn il-fluss tal-ilma jonqos u fejn normalment iż-żmien ta’ permanenza jkun ta’ snin twal. Dan il-fenomenu jseħħ b’tali mod li n-nitroġenu huwa eliminat jew b’sustanza organika fis-sedimenti tal-qiegħ tal-lagi fejn jinġabar l-ilma jew bi proċess ta’ nitrifikazzjoni/denitrifikazzjoni ta’ mikrobi bħala gass tan-nitroġenu fl-atmosfera.

96

Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-assorbiment huwa proċess kimiku li jseħħ fl-ilma u li jnaqqas il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu, iżda ssostni li dan il-proċess ma jistax jintuża bħala sostitut għall-eliminazzjoni tan-nitroġenu mill-impjanti ta’ trattament kif ipprovdut fid-Direttiva 91/271, peress li dan jikkontradixxi l-prinċipju ta’ prekawzjoni. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-proċess tal-assorbiment tan-nitroġenu ma jiżgurax l-eliminazzjoni dewwiema tiegħu u huwa suġġett għal varjazzjonijiet staġunali.

97

Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 91/271 ma tipprekludi li l-assorbiment naturali tan-nitroġenu jitqies bħala metodu ta’ eliminazzjoni tan-nitroġenu mill-ilma urban mormi.

98

Fir-rigward tal-argument invokat mill-Kummissjoni, li jipprovdi li l-proċess tal-assorbiment tan-nitroġenu huwa instabbli wisq sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Isvezja osserva li l-kalkolu tal-iskariki ta’ kull agglomerazzjoni fl-ilmijiet kostali sensittivi huwa bbażat fuq l-iskariki effettivi tal-agglomerazzjoni flimkien mal-assorbiment ikkalkulat individwalment. Il-metodu użat jinkludi r-riżultati tal-miżuri effettivi tal-ammont ta’ nitroġenu f’diversi xmajjar u l-kalkoli huma normalment ibbażati fuq programm ta’ miżuri mwettqa fuq perijodi sa għaxar snin. Minn dan jirriżulta li l-kalkoli jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll in-nitroġenu li jirritorna fl-ilma, u għalhekk dan ir-riżultat juri l-assorbiment nett li jinkludi n-nitroġenu kollu, inkluż dak li nqabad qabel u li ġie rilaxxat mill-ġdid.

99

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rapport tal-2003 nnifsu jammetti li l-assorbiment naturali jikkostitwixxi għażla legalment aċċettabbli.

100

Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 47 tas-sentenza preżenti, għandu jkun hemm rabta kawżali xierqa bejn l-iskariki u t-tniġġis taż-żoni sensittivi. Għalhekk, minkejja li l-Baħar Baltiku nnifsu qiegħed jesperjenza ewtrofikazzjoni minħabba, b’mod partikolari, in-nitroġenu, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-iskariki ta’ nitroġenu minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li jiżbokkaw fil-Baħar Baltiku nnifsu, jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni ta’ dan il-baħar, mhuwiex neċessarju li jiġi ordnat trattament terzjarju tan-nitroġenu għal kull wieħed minn dawn l-impjanti.

101

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, it-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 ma teżiġix, fil-kuntest tat-trattament terzjarju, trattament komplet iżda, fir-rigward tan-nitroġenu, tnaqqis li jippermetti li jintlaħaq valur ta’ 15 mg/l għall-agglomerazzjonijiet li għandhom EP bejn 10000 u 100000, jew li tintlaħaq perċentwali minima ta’ tnaqqis ta’ 70 sa 80%. Skarikar indirett tan-nitroġenu f’ilmijiet li huma sensittivi għalih, għalhekk, ma jimplikax l-obbligu li jitnaqqas in-nitroġenu ħlief jekk, fir-rigward ta’ impjant ta’ trattament, iktar minn 30% tan-nitroġenu inkluż fl-ilma urban mormi jilħaq dawn iż-żoni sensittivi.

102

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li l-iskariki mill-impjanti inkwistjoni humiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

103

Preliminarjament, kif jirrileva r-Renju tal-Isvezja, it-territorju ta’ dan l-Istat Membru huwa magħmul minn diversi lagi u xmajjar. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja sostna wkoll li jgħaddi terminu sinjifikattiv qabel ma n-nitroġenu li jiżbokka fis-sistema idrawlika jilħaq il-kosta u li għalhekk il-proċess naturali ta’ separazzjoni tan-nitroġenu fl-iskariki jseħħ matul diversi snin. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi naturali tat-territorji Svediż jidhru li huma ta’ natura tali li jiffavorixxu l-assorbiment tan-nitroġenu.

104

Minn naħa, ir-Renju tal-Isvezja ddikjara, mingħajr ma kien kontradett mill-Kummissjoni, li impjant ta’ trattament standard li jkun mgħammar għal dekontaminazzjoni mekkanika, bijoloġika u kimika dejjem jelimina ċertu ammont tan-nitroġenu, anki jekk ma jkunx speċifikament mgħammar għal dan il-għan. It-tnaqqis tan-nitroġenu f’tali impjant ta’ trattament huwa ta’ medja ta’ 30%. Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni kkomunikata mir-Renju tal-Isvezja fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub jirriżulta li, skont il-kalkoli li saru fl-2008, ir-rata ta’ assorbiment ta’ nitroġenu hija ta’ 54% għall-impjant ta’ trattament ta’ Filipstad, ta’ 81% għal dak ta’ Kumla, ta’ 47% għal dak ta’ Flen, ta’ 92% għal dak ta’ Nässjö, ta’ 74% għal dak ta’ Tranås, ta’ 70% għal dak ta’ Vimmerby u ta’ 48% għall-impjant ta’ trattament ta’ Olofström.

105

Għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, għal kull waħda mill-impjanti elenkati fl-Anness 4 tar-risposta tar-Renju tal-Isvezja, l-effetti konġunti tat-tnaqqis tan-nitroġenu mill-impjanti ta’ trattament, minn naħa, u tal-assorbiment naturali, min-naħa l-oħra, ma jippermettux li tintlaħaq ir-rata minima ta’ eliminazzjoni ta’ nitroġenu meħtieġa mid-Direttiva 91/271.

106

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqitx prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat fir-rigward ta’ l-imsemmija impjanti.

107

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ma żgurax, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, li l-iskariki kollha tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 elenkati fl-Annessi 2 u 3 emendati, li jidħlu direttament fiż-żoni sensittivi jew fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dawn iż-żoni sensittivi, jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tal-imsemmija direttiva.

108

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fuq l-ispejjeż

109

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Għalkemm ġew miċħuda l-parti l-kbira tal-motivi invokati mill-Kummissjoni, peress li r-Renju tal-Isvezja ma talabx li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha, hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

110

Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma żgurax, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, li l-iskariki kollha tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 elenkati fl-Annessi 2 u 3 tar-risposta tiegħu, kif emendati bir-replika tiegħu, li jidħlu direttament fiż-żoni sensittivi jew fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dawn iż-żoni sensittivi, jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE tas-27 ta’ Frar 1998, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tal-imsemmija direttiva.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.

Top