This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0423
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 22 April 2010.#European Commission v Kingdom of Spain.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Directive 93/37/EEC - Articles 3 and 11 - Public works concession contracts - Obligations regarding advertising - Extent of the obligations - Contract notice - Description of the object of the concession and of the location of the works - Additional works not expressly set out in the contract notice or in the tender specifications - Principle of equal treatment.#Case C-423/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' April 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu -Direttiva 93/37/KEE- Artikoli 3 u 11 - Konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi - Obbligi fil-qasam tar-reklamar - Portata tal-obbligi - Avviż ta’ kuntratt- Deskrizzjoni tas-suġġett tal-konċessjoni u tal-lokalità tax-xogħlijiet- Xogħlijiet supplimentari mhux espliċitament previsti fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt - Prinċipju ta’ trattament ugwali.
Kawża C-423/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' April 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu -Direttiva 93/37/KEE- Artikoli 3 u 11 - Konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi - Obbligi fil-qasam tar-reklamar - Portata tal-obbligi - Avviż ta’ kuntratt- Deskrizzjoni tas-suġġett tal-konċessjoni u tal-lokalità tax-xogħlijiet- Xogħlijiet supplimentari mhux espliċitament previsti fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt - Prinċipju ta’ trattament ugwali.
Kawża C-423/07.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:211
Kawża C-423/07
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 93/37/KEE — Artikoli 3 u 11 — Konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi — Obbligi fil-qasam tar-reklamar — Portata tal-obbligi — Avviż ta’ kuntratt — Deskrizzjoni tas-suġġett tal‑konċessjoni u tal-lokalità tax-xogħlijiet — Xogħlijiet supplimentari mhux espliċitament previsti fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt — Prinċipju ta’ trattament ugwali”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 93/37 — Konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi — Regoli dwar reklamar
(Direttiva tal-Kunsill 93/37, Artikoli 3(1) u (4), u 11(3) u (6))
Stat Membru li, wara li jagħti bidu għal proċedura sabiex tingħata konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, dwar il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ċerti meded ta’ awtostradi, jattribwixxi xogħlijiet addizzjonali, b’mod partikolari l-bini ta’ toroq addizzjonali għaċ-ċirkulazzjoni u ta’ mina ġdida fuq ċerti meded ta’ awtostradi, mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet kienu msemmija fis-suġġett tal‑kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, kif deskritt fl-avviż ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jonqos mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3(1) u 11(3) u (6) tad-Direttiva 93/37, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi moqrija flimkien mal-Anness V tagħha.
Fill-fatt, is-suġġett tal-konċessjoni inkwistjoni għandu jiġi ddefinit fl-avviż u fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li għandhom jinkludu s-suġġett prinċipali u s‑suġġetti addizzjonali tal-kuntratt, id-deskrizzjoni u l-lokalità tax-xogħlijiet li tirreferi għalihom il-konċessjoni, kif ukoll il-kwantità u l-estensjoni globali tagħhom. Għalkemm huwa ta’ min ifaħħar il-fatt li l-awtorità kontraenti, fir‑rigward tal-partikolaritajiet eventwali tax-xogħlijiet li huma s-suġġett ta’ konċessjoni, tħalli ċertu marġni għall-inizjattiva tal-offerenti fir-rigward tal‑formulazzjoni tal-offerti tagħhom, riferiment mill-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-possibbiltà għall-offerenti li jippreżentaw varjazzjonijiet fl-offerti tagħhom ma huwiex legali meta ma jkunux ġew ippreċiżati, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet minimi li tali varjazzjonijiet għandhom josservaw.
Barra minnhekk, ma huwiex konformi mad-Direttiva 93/37 li jiġi attribwit b’mod mhux trasparenti kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi li jinkludi xogħlijiet imsejħa “supplimentari” li waħidhom jikkostitwixxu “kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet” fis-sens ta’ din id-direttiva u li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu li huwa previst fih. F’każ kuntrarju, dan ifisser li dawn ix-xogħlijiet, imsejħa “supplimentari”, jaħarbu mill-obbligu ta’ reklamar u, għaldaqstant, minn kull kompetizzjoni.
Barra minn hekk, il-fatt li konċessjonarju ma jimplementax huwa stess ix‑xogħlijiet addizzjonali, imma jqabbad lil impriżi terzi, skont ir-rekwiżiti ta’ reklamar stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 93/37, ma jilliberax lill-awtorità kontraenti mill-obbligi tagħha, peress li l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jimponi b’mod ċar, kemm għall-awtorità kontraenti kif ukoll għall-konċessjonarju, obbligi ta’ reklamar kumulattivi u mhux alternattivi.
(ara l-punti 55, 64-66, 70, 71, 76-81 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ April 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 93/37/KEE – Artikoli 3 u 11 – Konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi – Obbligi fil-qasam tar-reklamar – Portata tal-obbligi – Avviż ta’ kuntratt– Deskrizzjoni tas‑suġġett tal-konċessjoni u tal-lokalità tax-xogħlijiet – Xogħlijiet supplimentari mhux espliċitament previsti fl-avviż ta’ kuntratt u fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt – Prinċipju ta’ trattament ugwali”
Fil-Kawża C‑423/07,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2007,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Kukovec u M. Konstantinidis, kif ukoll minn S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, assistiti minn M. Canal Fontcuberta, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma inkludiex, fost ix-xogħlijiet li huma s-suġġett ta’ konċessjoni, fl-avviż u fl-ispeċifikazzjonijiet klawsoli amministrattivi partikolari dwar l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-konnessjonijiet tal-awtostrada A-6 ma’ Segovia u Ávila, kif ukoll għall-manutenzjoni u l-amministrazzjoni sa mill-2018 tal-awtostrada A-6, il-medda Villalba-Adanero, ċerti xogħlijiet li mbagħad ingħataw fil-kuntest tal-għoti tal-imsemmi kuntratt, fosthom xogħlijiet fuq il-medda mingħajr ħlas tal-awtostrada A-6, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), u, għaldaqstant, tal-Artikolu 11(3), (6), (7), (11) u (12) tagħha, u kiser il-prinċipji tat-Trattat KE, b’mod partikolari dawk ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Id-Direttiva 93/37 tistabbilixxi, fil-ħames premessa tagħha, li “[...] bil-ħsieb li titkabbar l-importanza tal-kuntratti ta’ konċessjoni fil-kamp tax-xogħlijiet pubbliċi u fin-natura speċifika tagħhom, ir-regoli li jikkonċernaw ir-riklami għandhom jiġu inklużi f’din id-Direttiva”.
3 Skont it-termini tal-Artikolu 1(ċ) ta’ din id-direttiva:
“‘xogħol’ ifisser ir-riżultat ta’ bini jew inġinerija ċivili, xogħlijiet kunsidrati bħala sħaħ li jilħqu funzjoni ekonomika u teknika”
4 Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(d) tal-istess direttiva:
“‘konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi’ huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal dak indikat f’(a) [dwar il-kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi] bl-eċċezzjoni tal-fatt li l-konsiderazzjoni biex isiru x-xogħlijiet tikkonsisti jew biss fid-dritt li jesplojtja l-kostruzzjoni jew bħal dan id-dritt flimkien mal-ħlas”.
5 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/37 jipprovdi:
“1. Jekk awtoritajiet ta’ kuntrattar jagħlqu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, ir-regoli ta’ riklamar kif deskritti fl-Artikolu 11(3), (6), (7) u (9) sa (13), u l-Artikolu 15, għandhom japplikaw għal dak il-kuntratt meta l-valur ma jkunx anqas minn ECU 5 000 000
[…]
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jaraw li konċessjonarju li mhux l-awtorità ta’ kuntrattar għandu japplika r-regoli tar-riklamar stabbiliti fl-Artikolu 11(4), (6), (7) u (9) sa (13), u fl-Artikolu 16, fl-aspett tal-kuntratti li huwa jagħti lil parti terza meta l-valur tal-kuntratti ma jkunx anqas minn ECU 5 000 000 […]
[…]”
6 L-Artikolu 11 tad-Direttiva 93/37, li jaqa’ taħt it-Titolu III tagħha, bit-titolu “Regoli [komuni] ta’ riklamar”, jipprovdi:
“1. Awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] għandhom jgħarrfu, permezz ta’ avviż indikattiv, il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratti tax-xogħlijiet li għandhom ħsieb jagħtu u l-estimi tal-valur li ma jkunx anqas mill-valur bażiku stabbilit fl-Artikolu 6(1).
[…]
3. Awtoritajiet ta’ kuntrattar li jixtiequ jagħtu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż.
[…]
6. L-avviżi msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 għandhom isiru bi qbil mal-mudelli stabbiliti fl-Annessi IV, V u VI, u għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni mitluba f’dawk l-Annessi
[…]
7. L-awtoritajiet ta’ kuntrattar għandhom jibagħtu l-avviżi msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 malajr kemm jista’ jkun u bl-aktar mod adekwat lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali għal Komunitajiet Ewropej […]
[…]
9. L-avviżi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom ikunu ppubblikati b’mod sħiħ fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej […]
10. L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandu jippubblika l-avviżi mhux aktar tard minn 12-il ġurnata wara t-tqassim tagħhom. Fil-każ ta’ proċedura mgħaġġla msemmija fl-Artikolu 14, dan il-perijodu għandu jonqos għal ħamest ijiem
11. L-avviż m’għandux ikun ippubblikat fil-ġurnali Uffiċjali jew fl-istampa tal-pajjiż ta’ l-awtorità ta’ kuntrattar qabel id-data tat-tqassim lejn il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu jsemmi din id-data. M’għandux ikollu informazzjoni oħra minbarra dik ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
12. L-awtoritajiet ta’ kuntrattar iridu jkunu kapaċi jissupplixxu evidenza tad-data ta’ tqassim
[…]”
7 L-annessi li jirreferi għalihom l-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 93/37, jinkludu mudelli ta’ avviżi li għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità kontraenti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Anness IV tal-imsemmija direttiva huwa dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, l-Anness V huwa dwar il-konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u l-Anness VI jinkludi l-mudell ta’ avviż meta l-konċessjonarju jkun irid jimplementa flimkien ma’ terzi kuntratti ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet li jkunu ngħatawlu.
8 L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“L-awtoritajiet ta’ kuntrattar li jixtiequ jagħtu kuntratt ta’ konċessjoni għandhom jiddeċiedu il-limitu taż-żmien għall-wasla ta’ kandidaturi għal konċessjoni, li m’għandux ikun anqas minn 52 ġurnata mid-data tat-tqassim ta’ l-avviż”.
9 L-Artikolu 61 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 132), bit-titolu “Għoti ta’ xogħlijiet addizzjonali lill-konċessjonarju” jipprovdi:
“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal xogħlijiet addizzjonali mhux inklużi fil-proġett ta’ konċessjoni ikkunsidrat inizjalment jew fil-kuntratt inizjali iżda li, minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, ikunu saru meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol deskritt fihom, li l-awtorità kontrattwanti tkun tat lill-konċessjonarju, bil-kondizzjoni li l-għotja tkun magħmula lill-operatur ekonomiku li jkun qed iwettaq xogħol bħal dan:
– meta xogħlijiet addizzjonali bħal dawn ma jkunux jistgħu jiġu separati teknikament jew ekonomikament mill-kuntratt inizjali mingħajr inkonvenjenza maġġura għall-awtoritajiet kontrattwanti, jew
– meta xogħlijiet bħal dawn, għalkemm separabbli mit-twettiq tal-kuntratt inizjali, huma strettament meħtieġa għat-tlestija tiegħu
Madankollu, il-valur miġbur tal-kuntratti mogħtija għal xogħlijiet addizzjonali ma jistax jaqbeż il-50 % ta’ l-ammont tal-kuntratt oriġinali għal konċessjoni ta' xogħlijiet.”
10 Il-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni fuq il-konċessjonijiet fid-dritt Komunitarju (ĠU 2000 C 121, p. 2), tipprovdi, fil-punt 3.1.1, bit-titolu “L-ugwaljanza ta’ trattament”:
“[…]
Kultant jiġri li l-konċedent meta ma jkollux il-possibbiltà li jiddefinixxi l-bżonnijiet tiegħu f’termini preċiżi biżżejjed, jirrikorri għal offerti alternattivi tajbin biex jipprovdu soluzzjonijiet differenti għal problema espressa f’termini ġenerali. Madankollu, f’dan il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandhom fi kwalunkwe każ, sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni b’saħħitha u effiċjenti, jippreżentaw b’mod nondiskriminatorju u oġġettiv dak li huwa mitlub mill-kandidati u, fuq kollox, il-metodi tal-approċċ li għandhom isegwu fil-preparazzjoni tal-offerti tagħhom. […]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Il-liġi Nru 8, tal-10 ta’ Mejju 1972, dwar il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-awtostradi permezz ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1996 (iktar ’il quddiem “liġi dwar l-awtorstradi”), tistabbilixxi, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha:
“[…] jagħmlu parti mill-għanijiet tal-kumpannija konċessjonarja, […] il-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tat-toroq, differenti minn dawk li huma s-suġġetti tal-konċessjoni imma li għandhom effett fuqha, magħmulin fiż-żona ta’ influwenza tal-awtostrada jew meħtieġa għall-ġestjoni tat-traffiku, fejn id-disinn jew it-twettiq tiegħu, jew it-twettiq tiegħu biss, huma mitluba mill-konċessjonarju bħala remunerazzjoni […]”
12 Id-digriet Irjali Nru 597, tas-16 ta’ April 1999, stabilixxa għal 20 km l-estensjoni taż-żona ta’ influwenza tal-awtostrada.
It-tranżazzjoni inkwistjoni
13 L-awtostrada A-6 tgħaqqad il-belt ta’ Madrid mal-belt La Coruña u tikkostitwixxi l-assi prinċipali li jgħaqqad iċ-ċentru mat-tramuntana u mal-majistral ta’ Spanja. Huwa paċifiku li huwa wieħed mill-assi ta’ toroq l-iktar importanti u l-iktar użati ta’ dan il-pajjiż. Il-medda ta’ din l-awtostrada li tinsab bejn Madrid u l-belt ta’ Villalba hija medda mingħajr ħlas, li hija twila bejn wieħed u ieħor 40 km, u tgħaddi minn żona prattikament urbana. Dik li tinsab bejn il-bliet ta’ Villalba u ta’ Adanero hija medda bil-ħlas, li hija twila bejn wieħed u ieħor 70 km (iktar ’il quddiem il-“medda bi ħlas tal-awtostrada A-6”). Huwa paċifiku li dawn iż-żewġ meded ta’ awtostrada kienu kkaratterizzati għal ħafna żmien b’ċirkulazzjoni intensa ħafna u jippreżentaw problemi serji ta’ konġestjoni tat-traffiku.
14 Sa mill-1968, il-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 hija amministrata mill-kumpannija Ibérica de Autopistas SA (iktar ’il quddiem “Iberpistas”) taħt il-forma ta’ konċessjoni. Din il-konċessjoni kienet ingħatat sad-29 ta’ Jannar 2018.
15 B’digriet tas-26 ta’ Mejju 1997, il-Ministru Spanjol tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jinkludi fil-“pjan tal-awotstradi”, approvat mill-Gvern Spanjol fix-xahar ta’ Frar 1997, il-kostruzzjoni ta’ awtostradi li jgħaqqdu l-bliet ta’ Segovia u ta’ Ávila mal-awtostrada A‑6, peress li, “fid-dawl tal-movimenti ta’ ċirkulazzjoni sostanzjali li jeżistu attwalment u li jipprovokaw konġestjoni tat-traffiku […], il-bini tal-awtostradi li jippermetti li jingħaqdu dawn il-bliet mal-awtostrada A-6 attwali huwa interess pubbliku eċċezzjonali għall-iżvilupp tagħhom”.
16 B’avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU S 115, tas-16 ta’ Ġunju 1999, iktar ’il quddiem l-“ewwel avviż”) u bi speċifikazzjonijiet tal-kuntratt approvati b’digriet tal-4 ta’ Ġunju 1999 (BOE Nru 136, tat-8 ta’ Ġunju 1999, iktar ’il quddiem, l-“ewwel speċifikazzjonijiet tal-kuntratt”), il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fi kwalità ta’ awtorità kontraenti, beda proċedura sabiex tingħata konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi. Il-paragrafu 2 tal-ewwel avviż u l-klawsola Nru , paragrafu 4 tal-ewwel speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li l-kontenut tagħhom huwa identiku, jiddeskrivu s-suġġett tas-sejħa għal offerti fid-dawl tal-konċessjoni.
17 Dan is-suġġett jikkonċerna x-xogħlijiet li ġejjin:
– il-bini, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-konnessjonijiet tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 mal-bliet ta’ Ávila u ta’ Segovia,
– il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni, sa mit-30 ta’ Jannar 2018, tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6, għal perijodu li għandu jiġi ddeterminat abbażi tan-numru medju ta’ vetturi li jgħaddu minn din il-medda,
– il-kostruzzjoni ta’ triq alternattiva madwar il-belt ta’ Guadarrama, komun li jinsab fuq il-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6, u
– it-tkabbir ta’ parti mill-medda mingħajr ħlas tal-awtostrada A-6, jiġifieri tal-medda bejn Madrid u Villalba. Dan jirrikjedi l-kostruzzjoni tar-raba’ korsija ta’ ċirkulazzjoni f’kull direzzjoni sabiex tiżdied il-kapaċità tal-awtostrada A-6 fuq din il-medda.
18 B’digriet tas-7 ta’ Lulju 1999 (BOE Nru 163, tad-9 ta’ Lulju 1999), l-awtorità kontraenti ppubblikat speċifikazzjonijiet tal-kuntratt ġodda (iktar ’il quddiem it-“tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt”). Ġie ppubblikat avviż ġdid fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU S 137, tas-17 ta’ Lulju 1999, iktar ’il quddiem it-“tieni avviż”). Il-preambolu ta’ dan it-tieni digriet jistabbilixxi li, “għal raġunijiet ta’ natura teknika jeħtieġ li jiġu emendati l-[ewwel] speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sabiex jerġa’ jiġi definit is-suġġett tas-sejħa għal offerti u sabiex jiġu introdotti ċerti emendi fid-determinazzjoni tad-dewmien tal-konċessjoni”.
19 Il-paragrafu 2 tat-tieni avviż u l-klawsola Nru 2 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt jiddefinixxi s-suġġett tal-konċessjoni kif ġej:
“1. Il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-meddha bi ħlas tal-awtostrada A-6, konnessjoni ma’ Segovia, […]
2. Il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-meddha bi ħlas tal-awtostrada A-6, konnessjoni ma Ávila […]
3. Il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-awtostrada bi ħlas A-6, meddha Villalba‑Adanero […]”
20 Minn dan jirriżulta li t-tieni avviż u t-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, fis-suġġett tal-konċessjoni la jsemmu l-bini tat-triq alternattiva madwar Guadarrama u lanqas it-tkabbir ta’ parti mill-medda mingħajr ħlas tal-awtostrada A-6.
21 Il-klawsola Nru 3 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt tirrinvija għall-“fajl amministrattiv”.
22 Il-paragrafi 13 u 16 tal-klawsola Nru 5 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt li l-formulazzjoni tagħhom kienet l-istess fl-ewwel speċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprovdu:
“13 L-offerenti għandhom jindikaw espliċitament fl-offerti tagħhom il-miżuri li fi ħsiebhom jadottaw fir-rigward tal-effetti li jirriżultaw mill-konċessjoni fuq in-netwerk globali tat-traffiku, l-interess turistiku taż-żona u l-valorizzazzjoni tal-monumenti ta’ interess storiku jew artistiku, kif ukoll dawk dwar il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-pajsaġġ u d-difiża tan-natura, kollox irrispettivament mill-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fuq is-suġġett.
[…]
16 L-offerenti għandhom jindikaw lill-amministrazzjoni l-miżuri li jipproponu l-adozzjoni tagħhom biex ikun hemm ġestjoni xierqa tat-traffiku interurban taż-żoni affettwati mill-kostruzzjoni tat-toroq li huma s-suġġett tal-konċessjoni, billi jiġi indikat liema fosthom l-offerent għandu l-intenzjoni li jwettaq bi spejjeż tiegħu. Il-kreattività u l-possibbiltà tat-twettiq ta’ dawn il-proposti ser jiġu evalwati pożittivament fl-għoti tal-kuntratt, fid-dawl tal-livell għoli ta’ konġestjoni taż-żoni fejn it-traffiku tagħhom jiġi affettwat mit-toroq li huma s-suġġett tal-konċessjoni.”
23 Fil-klawsola Nru 10 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li hija identika għal dik li tinsab fl-ewwel speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kienu elenkati l-kriterji li kienu se jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għoti tal-kuntratt. Fost dawn il-kriterji hemm:
– il-vijabbiltà tal-offerta ppreżentata u l-volum tal-mezzi implementati (punt III),
– il-miżuri proposti għall-ġestjoni tat-traffiku u tal-ambjent (punt V).
24 Sotto-kriterju V.i jindika::
“[i]l-miżuri proposti għall-ġestjoni tat-traffiku interurban, inkluż ukoll dawk li jikkonċernaw l-installazzjoni ta’ ħlas dinamiku fiż-żona affettwata mill-kostruzzjoni ta’ meded li huma s-suġġett tal-konċessjoni, jistgħu jirċievu sa 75 punt għall-kreattività, vijabbiltà u l-effiċjenza tagħhom”.
25 Il-klawsola Nru 29 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt tistabbilixxi li, f’dak li jikkonċerna l-konnessjonijiet tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 ma’ Ávila u Segovia, il-konċessjonarju għandu jara li, fl-ebda post fl-awtostrada ma jinqabeż ċertu livell ta’ intensità taċ-ċirkulazzjoni, espressa f’termini tekniċi, u li għandu jagħmel bi spejjeż tiegħu l-estensjonijiet neċessarji għal dan il-għan.
26 Fl-aħħar nett, il-klawsola Nru 33 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt tipprovdi li d-dewmien tal-kuntratt ma huwiex la iktar minn 37 sena u lanqas inqas minn 22 sena, u li d-dewmien eżatt tal-kuntratt, ikkalkolat fi snin, għandu jiġi ddeterminat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reali taċ-ċirkulazzjoni fuq kull waħda mill-meded differenti, li hija stmata għal 20 sena wara l-bidu tal-kuntratt.
27 Bis-saħħa tad-digriet Irjali 1724/1999, tal-5 ta’ Novembru 1999, l-awtorità kontraenti allokat il-kuntratt ta’ konċessjoni lil Iberpistas. L-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet Irjali jipprovdi madankollu l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fit-tieni avviż u fit-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt. B’hekk, minbarra l-kostruzzjoni tal-konnessjonaijiet tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 ma’ Ávila u Segovia, kif ukoll il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 bejn Villalba u Adanero, kienu previsti x-xogħlijiet li ġejjin:
– il-kostruzzjoni tat-tielet korsija ta’ ċirkulazzjoni f’kull direzzjoni fuq il-parti tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 li tinsab bejn Villalba u l-junċtion Valle de los Caídos (iktar ’il quddiem ix-“xogħol A”),
– il-kostruzzjoni tat-tielet korsija reversibbli fuq il-parti tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 bejn il-junction Valle de los Caídos u l-belt ta’ San Rafael, inkluż ukoll il-kostruzzjoni ta’ mina ġdida (iktar ’il quddiem ix-“xogħol B”), u
– il-kostruzzjoni tar-raba’ korsija ta’ ċirkulazzjoni f’kull direzzjoni fuq il-medda mingħajr ħlas tal-awtostrada A-6 bejn Madrid u Villalba (iktar ’il quddiem ix-“xogħol Ċ”).
28 Ix-xogħlijiet A, B u Ċ huma msemmija iktar ’il quddiem bħala x-“xogħlijiet addizzjonali”.
29 Minn dak li jippreċedi jirriżulta li x-xogħol Ċ kien imsemmi fl-ewwel avviż u l-ewwel speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, imma mhux fit-tieni. Ix-xogħlijiet A u B ma kienu msemmija la fl-ewwel u lanqas fit-tieni. Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ korsija alternattiva madwar Guadarrama, li kienet imsemmija fl-ewwel speċifikazzjonijiet tal-kuntratt imma mhux fit-tieni wieħed, dawn ma kinux jaqgħu taħt is-suġġett tal-konċessjoni mogħtija lil Iberpistas u finalment ma sarux.
30 Mill-fajl jirriżulta li l-konnessjoni bejn il-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 u Segovia bdiet titħaddem fl-2003, u li r-raba’ korsija ta’ ċirkulazzjoni fuq il-medda mingħajr ħlas tal-awtostrada A-6 (xogħol Ċ) bdiet tintuża fl-1 ta’ Jannar 2006. Mill-fajl jirriżulta wkoll li fil-frattemp laħqu saru x-xogħlijiet l-oħrajn.
31 Minn ittra tal-awtoritajiet Spanjoli, tat-28 ta’ Novembru 2001, jirriżulta li l-prezz tax-xogħlijiet espliċitament imsemmija fit-tieni avviż u t-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jiġifieri l-konnessjonijiet tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 ma’ Segovia u Ávila, tela’ għal EUR 151.76 miljun. Dan il-prezz ma jinkludix dak li jirrigwarda x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6, li ġew konċessi sa mit-30 ta’ Jannar 2018. Għalhekk, il-prezz tat-tliet xogħlijiet addizzjonali tela’ għal EUR 132.03 miljun.
Il-proċedura prekontenzjuża
32 Peress li kellha dubji dwar ir-regolarità, fir-rigward tar-regoli tad-Direttiva 93/37, tal-proċedura skont liema ngħatat il-konċessjoni għall-implementazzjoni tax-xogħlijiet addizzjonali, il-Kummissjoni, fit-30 ta’ April 2001, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja, li dan irrispondiha b’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2001. Peress li ġġudikat li l-ispjegazzjonijiet li fil-frattemp dan l-Istat Membru laħaq ipprovda ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni, fit-18 ta’ Lulju 2002, tat opinjoni motivata, li għaliha l-imsemmi Stat irrisponda b’ittri tal-20 ta’ Settembru 2002 u tat-13 ta’ Marzu 2003.
33 Fil-25 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra ta’ intimazzjoni supplimentari dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li għaliha dan irrisponda b’ittra tat-28 ta’ Ottubru 2003. Fit-22 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata supplimentari dwar il-ksur tal-imsemmija prinċipji, li għaliha dan l-Istat Membru rrisponda b’ittra tat-3 ta’ Marzu 2005. Peress li din ir-risposta ma ssodisfathiex, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
34 Ir-Renju ta’ Spanja jqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. L-ewwel nett, isostni li r-rikors ma jissodisfax l-eżiġenzi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ma ġietx imressqa l-prova ta’ kapaċità ta’ rappreżentazzjoni f’dak li jikkonċerna l-avukat li tirrappreżenta l-Kummissjoni. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni ma tiġġustifikax l-inkarigu mogħti lil din l-avukat sabiex tintervjeni f’din il-kawża, peress li din ma tidhirx fi kwalità ta’ aġent tal-Kummissjoni.
35 Fit-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-rikors tal-Kummissjoni ma huwiex ċar, inkwantu dan jirreferi għal ksur tal-Artikoli 3 u 11(3), (6), (7), (11) u (12) tad-Direttiva 93/37 mingħajr ebda distinzjoni. Issa, l-unika dispożizzjoni tal-Artikolu 3 li tista’ tiġi kkunsidrata fil-każ inkwistjoni hija dik fil-paragrafu 1. Barra minn hekk, f’dan il-każ l-awtorità kontraenti kienet kompletament osservat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11(3), (7), (11) u (12) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-paragrafu 6 tal-istess artikolu jirreferi għall-annessi IV, V u VI tal-imsemmija direttiva, filwaqt li huwa biss l-Anness V li japplika f’dan il-każ. Għalhekk, is-suġġett tar-rikors huwa indeterminat.
36 F’dak li jikkonċerna l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet debitament irrappreżentata minn tliet aġenti u li dawn kienu assistiti minn avukat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni annettiet mar-rikors tagħha l-kopja ta’ dokument li jiċċertifika li l-avukat ikkonċernat kienet awtorizzata tipprattika, fis-sens tal-Artikolu 38(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, quddiem qorti ta’ Stat Membru, jiġfieri r-Renju ta’ Spanja.
37 Bl-istess mod, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, mid-dokumenti kollha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors u l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni huma dwar in-nuqqas ta’ osservanza, matul il-proċedura ta’ konċessjoni tax-xogħlijiet inkwistjoni, tal-obbligi ta’ reklamar li għandha l-awtorità kontraenti skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37, inkwantu fl-avviż previst f’dan is-sens minn dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex imsemmija x-xogħlijiet kollha effettivament mogħtija u li saru.
38 Għalhekk, f’dan il-każ, ma tqum l-ebda problema ta’ ċarezza tas-suġġett tar-rikors li tista’ timmina l-ammissibbiltà tiegħu.
39 L-eventwalità li wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37 identifikati mill-Kummissjoni insostenn tal-oġġezzjonijiet tagħha mhumiex rilevanti f’dan il-każ ma tirrendix ir-rikors tagħha inammissibbli.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
40 Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li s-suġġett tal-konċessjoni kif deskritt fl-avviż u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u x-xogħlijiet li effettivament ingħataw, għandhom jaqblu. Issa, is-suġġett tal-konċessjoni inkwistjoni huwa ddefinit b’mod preċiż fil-klawsola Nru 2 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt u huwa dwar xogħlijiet determinati, jiġifieri l-konnessjonijiet tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 ma’ Segovia u Ávila kif ukoll il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-imsemmija medda sa mit-30 ta’ Jannar 2018. Min-naħa l-oħra, ix-xogħlijiet supplimentari mhumiex imsemmija la fit-tieni avviż u lanqas fit-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
41 Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas li huwa akkużat bih ir-Renju ta’ Spanja, jinsab fil-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli, billi allokaw lil Iberpistas xogħlijiet li ma kinux ġew ippubblikati u li jinsabu barra miż-żona ġeografika koperta mis-suġġett tal-konċessjoni kif ġiet ippubblikata, estendew a posteriori s-suġġett tal-konċessjoni. Dan jikkostitwixxi nuqqas għall-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3 u 11 tad-Direttiva 93/37.
42 Il-Kummissjoni ssostni li la l-bidla tas-suġġett tal-konċessjoni li saret fit-tieni avviż u t-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas il-formulazzjoni tal-klawżoli Nru 5, paragrafi 13 u 16, Nru 29 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jistgħu jwasslu lil offerent, raġonevolment informat u diliġenti, sabiex jifhem li fil-fatt huwa kien mistieden mill-awtoritajiet kompetenti jifformula proposti li setgħu jwasslu għall-implementazzjoni ta’ xogħlijiet bħax-xogħlijiet addizzjonali. Kieku kien mod ieħor dan kien iwassal fil-fatt sabiex jiġi aċċettat li l-offerenti setgħu jipproponu xogħlijiet fuq it-toroq kollha tal-provinċja ta’ Madrid, ta’ Segovia u ta’ Ávila, peress li t-traffiku fuq dawn jista’ jiġi affettwat mix-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-konċessjoni.
43 Skont il-Kummissjoni, il-fatt li x-xogħlijiet supplimentari ma kinux inklużi fis-suġġett tal-konċessjoni u li offerent normalment informat ma setax jiddeduċi mill-klawżoli tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li seta’ jressaq proposti dwar l-implementazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tali kalibru, kien jiffavorixxi biss lil Iberpistas, li kienet diġà l-konċessjonarja tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 u kienet taf il-bżonnijiet reali tal-awtorità kontraenti. Min-naħa l-oħra, la l-kandidati l-oħrajn u lanqas l-offerenti potenzjali ma setgħu jkunu jafu l-elementi li kienu ser jiġu kkunsidrati għall-għoti tal-konċessjoni, li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament tal-offerenti.
44 Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-ewwel speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, is-sejħa għal offerti kienet irregolata mhux biss minn dawn l-ispeċifikazzjonijiet, imma wkoll mil-leġiżlazzjoni kollha applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri mil-liġi dwar l-awtostradi, kif ukoll mill-ispeċifikazzjonijiet ġenerali approvati mid-Digriet Nru 215, tal-25 ta’ Jannar 1973. Issa, l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li titħalla, skont l-implementazzjoni tal-pjan tal-awtostradi msemmija iktar ’il fuq, libertà kbira għall-inizjattivi tal-impriżi privati kemm fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom kif ukoll matul l-implementazzjoni tal-attivitajiet tagħhom wara li jiġi allokat il-kuntratt.
45 Barra minn hekk dan l-approċċ ġie segwit, mingħajr diffikultajiet, matul l-allokazzjoni tal-konċessjoni ta’ kostruzzjoni ta’ awtorstradi oħra fi Spanja u huwa wkoll ikkonfermat mill-Artikolu 8 tal-liġi dwar l-awtostradi li tipprovdi għall-possibbiltà għall-offerenti li jipproponu xogħlijiet addizzjonali kemm fiż-żona ta’ influwenza tal-awtostradi, skont id-definizzjonijiet mogħtijia f’dan is-sens fil-liġi nazzjonali, kif ukoll barra minn din iż-żona.
46 F’dan il-każ, it-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma reġgħux semmew, b’mod espliċitu, il-pjan ta’ kostruzzjoni ta’ ċerti xogħlijiet. Din il-bidla kellha l-għan li tħalliha għall-inizjattiva u l-kreattività tal-imprendituri privati li jipproponu lill-awtoritajiet kontraenti l-implementazzjoni ta’ xogħlijiet li jistgħu jsolvu l-problemi tat-traffiku fuq l-awtostrada A-6, b’mod partikolari wara l-kostruzzjoni ta’ konnessjonijiet ġodda ma’ Ávila u Segovia. Fil-fatt, il-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ awtostradi aggravat is-sitwazzjoni tat-traffiku fuq l-assi kkonċernat. Il-proposta ta’ soluzzjoni ta’ din il-problema tħalliet għall-inizjattiva tal-offerenti, kif jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-klawżola Nru 5, paragrafi 13 u 16, kif ukoll mill-klawżoli Nri 29 u 33 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
47 It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fi kwalunkwe każ, dan ma jistax ikun każ ta’ nuqqas ta’ obbligu ta’ reklamar f’dak li jikkonċerna l-allokazzjoni tax-xogħlijiet addizzjonali. Fil-fatt, Iberpistas ma għamlitx hija stess dawn ix-xogħlijiet, imma għamlet sejħa għal offerti u allokat dawn ix-xogħlijiet lil kumpanniji terzi, skont l-eżiġenzi ta’ reklamar u ta’ kompetizzjoni stabbiliti mid-Direttiva 93/37 u mil-leġiżlazzjoni Spanjola. Għalhekk, dawn ix-xogħlijiet addizzjonali saru minn impriżi terzi indipendenti mill-offerenti Iberpistas.
48 It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-oġġezzjonaijiet lill-Kummissjoni ma sarux minn offerenti li ma ntgħażlux u lanqas minn terzi kkonċernati realment jew potenzjalment mill-għoti tal-konċessjoni inkwistjoni, imma minn persuni u entitajiet li ma għandhom l-ebda rabta professjonali ma’ din il-konċessjoni. Dawn il-persuni li oġġezzjonaw ma għandhom l-ebda interess għall-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ kompetizzjoni, imma huma ggwidati minn motivazzjonijiet oħrajn. L-entitajiet kollha li xtaqu jipparteċipaw fil-porċedura kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess informazzjoni u l-ebda offerent u l-ebda persuna kkonċernata realment jew potenzjalment ma kkontestat, b’ilment, oġġezzjoni jew rikors ġuridiku, ir-riżultat tal-proċedura. Għalhekk, l-ugwaljanza ta’ trattament ġiet osservata.
49 Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ Spanja josserva, li dawn l-istess persuni li oġġezzjonaw, qabel ma indirizzaw lill-Kummissjoni, kienu ppreżentaw żewġ rikorsi kontra l-proċedura inwkistjoni quddiem it-Tribunal Supremo, l-għola qorti Spanjola, li kienet fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ fatt imqajma f’dan il-każ u li tikkonsisti f’li jiġu ddeterminati r-raġunijiet tal-bidla li saret fit-tieni avviż tal-kuntratt. It-Tribunal Supremo ċaħad dawn ir-rikorsi, b’żewġ sentenzi tal-11 ta’ Frar u tal-4 ta’ Ottubru 2003, fejn eżamina l-allokazzjoni tal-konċessjoni inkwistjoni wkoll fid-dawl tad-dritt Komunitarju u kkonstata li l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni kienu ġew osservati.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li kiser l-Artikoli 3 u 11(3), (6), (7), (11) u (12) tad-Direttiva 93/37, hija ma tikkontesta la l-fatt li ġie ppubblikat avviż ta’ sejħa għal offerti u lanqas il-mument u l-metodi ta’ din il-pubblikazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 11(7), (11) u (12) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mir-rikors tagħha jirriżulta li, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa biss dwar il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.
51 F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tal-Artikoli 3(1) u 11(3) u (6) tad-Direttiva 93/37.
52 F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li t-tranżazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tikkostitwixxi “konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi” fis-sens tal-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 93/37. Skont din id-dispożizzjoni, il-“konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi” hija kuntratt li għandu l-istess karatteristiċi bħal dawk relatati mal-“kuntratti [pubbliċi] għal xogħlijiet”, ħlief għall-fatt li r-remunerazzjoni tax-xogħlijiet tikkonsisti jew fid-dritt tal-amministrazzjoni tax-xogħol jew fi prezz biss.
53 Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/37, fil-każ fejn l-awtoritajiet kontraneti jikkonkludu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, ir-regoli ta’ reklamar stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 11(3) u (6) ta’ din id-direttiva huma applikabbli għal dan il-kuntratt meta l-valur tiegħu jkun daqs jew iktar minn ECU 5 000 000.
54 L-Artikolu 11(3) tal-istess direttiva jeħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi għandhom juru l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż. Dan l-avviż, kif jirriżulta mill-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, għandu jiġi stabbilit skont mudell li jinsab fl-Anness V ta’ din id-direttiva u għandu jagħti l-informazzjoni li jkunu mitluba fih.
55 Fost l-informazzjoni li għandu jinkludi l-imsemmi avviż hemm, skont it-Taqsima II, bit-titolu “Suġġett tal-kuntratt”, ta’ dan l-Anness V, is-suġġett prinċipali u s-suġġetti addizzjonali tal-kuntratt, id-deskrizzjoni u l-lokalità tax-xogħlijiet li tirreferi għalihom il-konċessjoni, kif ukoll il-kwantità u l-estensjoni globali tagħhom.
56 Dan l-obbligu ta’ reklamar, bil-possibbiltà li jitqabblu l-offerti li dan jinkludi, jassigura livell ta’ kompetizzjoni kkunsidrat bħala sodisfaċenti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-konċessjonijiet tax-xogħlijiet pubbliċi.
57 F’dan il-qasam, huwa jesprimi l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, li japplikaw f’kull każ għall-awtoritajiet kontraenti.
58 Bil-formulazzjoni ċara tat-termini tal-avviż, għandha tiġi oġġettivament offerta l-possibbiltà lil kull offerent potenzjali, normalment avżat u esperjenzat u raġonevolment diliġenti, li jieħu idea konkreta tax-xogħlijiet li għandhom isiru kif ukoll tal-lokalità tagħhom, u li jifforma konsegwentement l-offerta tiegħu.
59 In-natura primordjali tal-avviż, f’dak li jikkonċerna kemm il-kuntratti pubbliċi kif ukoll il-konċessjonijiet ta’ xogħol, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni, f’kundizzjonijiet li josservaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-offerenti tad-diversi Stati Membri, hija enfasizzata fl-Artikolu 11(11) tad-Direttiva 93/37, li jipprovdi li l-pubblikazzjonijiet eventwali ta’ informazzjoni fl-livell nazzjonali għandu jkun fihom biss l-informazzjoni li tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
60 Madankollu, minħabba l-ispazju limitat disponibbli fil-mudell tal-avviż ta’ konċessjoni li jinsab fl-Anness V tad-Direttiva 93/37, l-informazzjoni dwar konċessjoni tista’ tkun spjegata fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li l-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi u li tikkostitwixxi t-tkomplija naturali tal-avviż.
61 F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li x-xogħlijiet addizzjonali li huma bbażati fuqhom l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, li l-valur tagħhom jaqbeż b’mod kunsiderevoli l-limitu previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/37, ma kinux imsemmija fis-suġġett tal-konċessjoni inkwistjoni, kif iddefinit fit-tieni avviż u fit-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
62 Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt kellhom jinftiehmu fis-sens li dawn jirrinvijaw għal-leġiżlazzjoni bażi ġeneralment applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, b’mod partikolari l-liġi dwar l-awtostradi, u għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ din il-leġiżlazzjoni, li l-għan tagħha huwa li jagħti libertà kbira lill-inizjattiva tal-offerenti. Għalhekk, l-offerenti kellhom jifhmu, fid-dawl tal-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, li l-awtorità kontraenti fil-fatt kienet qed tagħmel appell għall-inizjattiva u l-kreattività tagħhom sabiex isolvu l-problema primordjali li kien hemm, jiġifieri l-intensità tat-traffiku fuq l-awtostrada A-6. Din il-problema kienet magħrufa u bla dubju kienet tirriżulta mill-istatistika tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Huwa għalhekk is-sens komun li kellu juri li l-awtorità kontraenti kienet qed tistenna tali proposti. Barra minn hekk, din l-istennija kienet ikkonfermata mill-fatt li ċerti xogħlijiet ma reġgħux issemmew fit-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sabiex jitħalla iktar spazju għal-libertà għall-inizzjattiva tal-offerenti, u bil-formulazzjoni tal-klawsoli Nru 5 paragrafi 13 u 16 u Nru 29 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
63 Dan l-argument għandu jiġi miċħud.
64 Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, għall-fini tal-kjarifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ konċessjoni, xi kultant huwa inevitabbli li l-avviż jew l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jagħmlu referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fil-qasam ta’ sigurtà, saħħa, protezzjoni tal-ambjent jew ta’ rekwiżiti ta’ xi tip ieħor. Madankollu, din il-possibbiltà ta’ referenza ma tistax tħalli lill-awtorità kontraenti taħrab mill-obbligi ta’ reklamar imposti mid-Direttiva 93/37, li jeħtieġu li l-konċessjoni inkwistjoni għandha tiġi spjegata fl-avviż u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li għandhom jinkludu l-elementi ta’ informazzjoni imsemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza. Lanqas ma tista’ tiġi aċċettata n-neċessità li l-avviż jew l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jiġu interpretati fid-dawl ta’ tali leġiżlazzjoni, sabiex jintwera s-suġġett veru ta’ konċessjoni.
65 Dan ir-rekwiżit għandu jiġi interpretat b’mod strett. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, eskludiet il-legalità tar-rinviju li jagħmlu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-possibbiltà għall-offerenti li jippreżentaw varjazzjonijiet fl-offerti tagħhom, skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 93/37, peress li ma kinux preċiżi, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet minimi li tali varjazzjonijiet kellhom josservaw (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Traunfellner, C‑421/01, Ġabra p. I‑11941, punti 27 sa 29). Fir-rigward ta’ obbligu ta’ trasparenza intiż sabiex jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti li għandha tosserva kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti rregolata mid-Direttiva 93/37, din il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika wkoll fil-qasam tal-konċessjoni ta’ xogħlijiet.
66 Għandu jingħad ukoll li huwa ta’ min ifaħħar il-fatt li l-awtorità kontraenti fir-rigward tal-partikolaritajiet eventwali tax-xogħlijiet li huma s-suġġett ta’ konċessjoni, tħalli ċertu marġni għall-inizjattiva tal-offerenti fir-rigward tal-formulazzjoni tal-offerti tagħhom.
67 Madankollu, il-klawżoli Nru 5, paragrafi 13 u 16 u Nru 29 tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li biddlu l-ewwel speċifikazzjonijiet, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li appellaw għall-inizjattiva tal-offerenti fid-dawl tal-proposti altrernattivi dwar xogħlijiet oħra barra dawk li kienu identifikati b’mod ċar fit-tieni avviż. Fil-fatt, il-paragrafu 13 tal-klawżola Nru 5 ma jippreċiżax, b’mod partikolari, il-lokalità tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex titnaqqas l-eventwali intensifikazzjoni tat-traffiku prodotta mill-implementazzjoni tax-xogħlijiet imsemmija fit-tieni avviż. Barra minn hekk, il-paragrafu 16 tal-imsemmija klawżola Nru 15 huwa limitat sabiex jistieden lill-offerenti jipproponu miżuri għall-“ġestjoni” adegwata tat-traffiku interurban fiż-“żona affettwata mill-kostruzzjoni ta’ meded li huma s-suġġett tal-konċessjoni”, peress li din iż-żona mhijiex ippreċiżata iktar. Barra minn hekk, il-klawżola Nru 29 ma tirreferi, b’mod mhux preċiż biżżejjed, għal miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-konnessjonijiet tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 ma’ Ávila u Segovia.
68 Għandu jiġi osservat li l-inizjattiva u l-offerti alternattivi tal-offerenti, li stenna l-Gvern Spanjol minħabba li t-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt biddlu l-ewwel speċifikazzjonijiet “għal raġunijiet tekniċi” u “sabiex jispjega mill-ġdid is-suġġett tas-sejħa għal offerti”, minbarra l-fatt li ma kinux jistgħu jinftiehmu minn offerent normalment informat u diliġenti fis-sens allegat mir-Renju Spanjol, ma jirrigwardawx is-suġġett tal-konċessjoni inkwistjoni, imma jikkorrispondu pjuttost għal ħsieb ta’ politika ġenerali tat-trasporti fl-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, abbażi ta’ tali kunċett, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, l-offerenti tħallew liberi li jipproponu mingħajr limiti l-implementazzjoni ta’ xogħlijiet fl-estensjoni kollha tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid u tal-provinċji ta’ Ávila u ta’ Segovia.
69 Bl-istess mod, in-natura eventwalment notorja ta’ problema eżistenti fil-livell nazzjonali, li ma jistax jiġi preżunt li hija neċessarjament mifhuma bħala tali minn offerenti potenzjali stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-offerenti bħala kriterju impliċitu ta’ definizzjoni tas-suġġett ta’ konċessjoni u tinfluwenza b’hekk fuq l-importanza mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-avviż u għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
70 Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li l-offerenti kollha għandhom l-istess perċezzjoni tal-libertà ta’ inizjattiva tagħhom, ma huwiex konformi mad-Direttiva 93/37 li tattribwixxi b’mod mhux trasparenti kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi li jinkludi xogħlijiet imsejħa “supplimentari” li waħidhom jikkostitwixxu “kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet” fis-sens ta’ din id-direttiva u li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu li huwa previst.
71 F’każ kuntrarju, dan ifisser li dawn ix-xogħlijiet imsejħa “supplimentari” jaħarbu mill-obbligu ta’ reklamar u, għaldaqstant, għal kull kompetizzjoni. Peress li l-offerenti li jużaw il-possibbiltà tal-inizjattiva tagħhom huma kompletament liberi li jippreżentaw proposti fejn jiddeterminaw in-natura, l-estensjoni u l-lokalità ġeografika tax-xogħlijiet previsti, b’mod indipendenti u mingħajr il-bżonn li jkun hemm suġġett predeterminat, ma jista’ ssir l-ebda tqabbil tal-offerti tagħhom.
72 Għandu jiġi osservat ukoll, li r-Renju ta’ Spanja ma jistax utilment jibbaża l-argument fuq l-Artikolu 61 tad-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, apparti l-kunsiderazzjoni li din id-direttiva mhijiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li x-xogħlijiet addizzjonali inkwistjoni, ma jikkostitwixxux, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, “xogħlijiet addizzjonali li mhumiex inklużi fil-proġett kif kien intiż inizjalment” tal-konċessjoni li kienu saru neċessarji, wara ċirkustanzi imprevisti, għall-implementazzjoni tax-xogħol hekk kif kien ġie deskritt.
73 Il-mod kif ipproċeda r-Renju ta’ Spanja f’dan il-każ lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat bil-punt 3.1.1 tal-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni fuq il-konċessjonijiet fid-dritt Komunitarju, imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan it-test isemmi biss il-każ fejn, fin-nuqqas li tistabbilixxi l-bżonnijiet f’termini tekniċi preċiżi biżżejjed, l-awtorità kontraenti jkollha l-intenzjoni li tilqa’ offerti alternattivi intiżi li jsolvu problema spjegata f’termini wiesgħa, li ma huwiex il-każ hawnhekk.
74 Għalhekk, għandu jiġi konkluż li x-xogħlijiet addizzjonali ġew allokati lil Iberpistas minkejja li ma kinux inklużi fis-suġġett tal-konċessjoni inkwistjoni, kif deskritti fit-tieni avviż u fit-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 3(1), kif ukoll 11(3) u (6) tad-Direttiva 93/37, moqrija flimkien mal-Anness V tagħha.
75 Kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjoniet tad-Direttiva 93/37 li jeħtieġu reklamar xieraq jikkostitwixxu l-espressjoni tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza. Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi eżaminata separatament il-kwistjoni tal-ksur eventwali ta’ dawn il-prinċipji.
76 Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 74 ta’ din is-sentenza mhijiex imminata bl-argument li r-Renju ta’ Spanja jibbaża ruħu fuq il-fatt li Iberpistas ma għamlitx hi stess ix-xogħlijiet addizzjonali, imma qabbdet lil impriżi terzi, skont ir-rekwiżiti ta’ reklamar stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 93/37. Fil-fatt, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jimponi b’mod ċar, kemm għall-awotorita kontraenti kif ukoll għall-konċessjonarju, obbligi ta’ reklamar kumulattivi u mhux alternattivi, li għandhom jiġi osservati għat-tnejn li huma, fl-istadji kollha tal-proċedura, sabiex jiġi ppriservat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.
77 Bl-istess mod, ma japplikax l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura għal nuqqas wara oġġezzjonijiet imressqa minn persuna li ma għandhomx relazzjoni mal-proċedura inkwistjoni, u lanqas minn offerenti oħra, realment jew potenzjalment ikkonċernati li jingħataw il-konċessjoni inkwistjoni.
78 Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru, li tiddetermina d-dispożizzjonijiet li jinkisru u li tagħżel il-mument meta tibda l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu kontra tiegħu, fejn il-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni. F’dan is-sens, meta l-Kummissjoni tevalwa biss l-opportunità li tressaq azzjoni u li tagħmel rikors għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk in-nuqqas akkużat jeżisix jew le, mingħajr ma jkollha tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑33/04, Ġabra p. I‑10629, punti 65 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li offerenti kompetituri oħrajn ma kkontestawx il-proċedura tal-għoti tal-konċessjoni inkwistjoni ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din il-proċedura u tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors.
79 Għandu jiġi osservat ukoll li lanqas ma huwa rilevanti, sabiex tiġi deċiża din il-kawża, l-argument ibbażat fuq il-fatt li t-Tribunal Supremo, li ntalab jiddeċiedi rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, ikkonkluda b’żewġ sentenzi li ma kienx hemm ksur la tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37 u lanqas tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, u pproċeda, f’dan is-sens, għal evalwazzjoni tal-fatti dwar il-klawżoli tat-tieni speċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali.
80 Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-eżerċizzju ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali, kontra deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti permezz ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu, u d-deċiżjoni ta’ din il-qorti ma jistax ikollhom effett fuq l-ammissibbiltà jew fuq il-mertu tar-rikors għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ mezzi ġuridiċi possibbli fil-qrati nazzjonali ma jistgħux jimminaw l-eżerċizzju tar-rikors imsemmi fl-Artikolu 226 KE peress li ż-żewġ azzjonijiet għandhom għanijiet u effetti differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 1970, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 31/69, Ġabra p. 25, punt 9; tat-18 ta’ Marzu 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 85/85, Ġabra p. 1149, punt 24; tal-10 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-87/02, Ġabra p. I-5975, punt 39, u tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-508/03, Ġabra p. I-3969, punt 71).
81 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba l-allokazzjoni lil Iberpistas, fil-5 ta’ Novembru 1999 tal-
– kostruzzjoni tat-tielet korsija ta’ ċirkulazzjoni f’kull direzzjoni fuq il-parti tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 li tinsab bejn Villalba u l-junction Valle de los Caídos (iktar ’il quddiem ix-“xogħol A”),
– kostruzzjoni tat-tielet korsija reversibbli fuq il-parti tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 bejn il-junction Valle de los Caídos u l-belt ta’ San Rafael, inkluż ukoll il-kostruzzjoni ta’ mina ġdida (iktar ’il quddiem ix-“xogħol B”), u
– kostruzzjoni tar-raba’ korsija ta’ ċirkulazzjoni f’kull direzzjoni fuq il-medda mingħajr ħlas tal-awtostrada A-6 bejn Madrid u Villalba,
mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet kienu msemmija fis-suġġett tal-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, kif deskritt fl-avviż ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3(1) kif ukoll 11(3) u (6) tad-Direttiva 93/37, moqrija flimkien mal-Anness V tagħha.
82 Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.
Fuq l-ispejjeż
83 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dwan ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Minħabba l-allokazzjoni lil Ibérica de Autopistas SA, fil-5 ta’ Novembru 1999 tal-
– kostruzzjoni tat-tielet korsija ta’ ċirkulazzjoni f’kull direzzjoni fuq il-parti tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 li tinsab bejn Villalba u l-junction Valle de los Caídos,
– kostruzzjoni tat-tielet korsija reversibbli fuq il-parti tal-medda bi ħlas tal-awtostrada A-6 bejn il-junction Valle de los Caídos u l-belt ta’ San Rafael, inkluża ukoll il-kostruzzjoni ta’ mina ġdida, u
– kostruzzjoni tar-raba’ korsija ta’ ċirkulazzjoni f’kull direzzjoni fuq il-medda mingħajr ħlas tal-awtostrada A-6 bejn Madrid u Villalba
mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet kienu msemmija fis-suġġett tal-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, kif deskritt fl-avviż ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3(1) kif ukoll 11(3) u (6) tad-Direttiva 93/37, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet] moqrija flimkien mal-Anness V tagħha.
2) Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.