This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0405
Judgment of the Court (Second Chamber) of 6 November 2008.#Kingdom of the Netherlands v Commission of the European Communities.#Appeal - Article 95(5) EC - Directive 98/69/EC - Measures to be taken against air pollution by emissions from motor vehicles - Derogating national provision advancing the lowering of the Community limit on emissions of particulate matter produced by certain new diesel-powered vehicles - Commission’s refusal - Specificity of the problem - Duties of care and to state reasons.#Case C-405/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-6 ta' Novembru 2008.
ir-Renju ta' l-Olanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell -Artikolu 95(5) KE - Direttiva 98/69/KE - Miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġiż tal-arja mill-emissjonijiet tal-vetturi bil-mutur - Dispożizzjoni nazzjonali derogatorja li tantiċipa t-tnaqqis tal-valuri limiti Komunitarji tal-emissjonijiet ta’ partiċelli prodotti mill-vetturi ġodda b’magna diesel - Rifjut tal-Kummissjoni - In-natura speċifika tal-problema - Obbligu ta’ diliġenza u obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-405/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-6 ta' Novembru 2008.
ir-Renju ta' l-Olanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell -Artikolu 95(5) KE - Direttiva 98/69/KE - Miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġiż tal-arja mill-emissjonijiet tal-vetturi bil-mutur - Dispożizzjoni nazzjonali derogatorja li tantiċipa t-tnaqqis tal-valuri limiti Komunitarji tal-emissjonijiet ta’ partiċelli prodotti mill-vetturi ġodda b’magna diesel - Rifjut tal-Kummissjoni - In-natura speċifika tal-problema - Obbligu ta’ diliġenza u obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-405/07 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08301
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:613
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
6 ta’ Novembru 2008 ( *1 )
“Appell — Artikolu 95(5) KE — Direttiva 98/69/KE — Miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis tal-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur — Dispożizzjoni nazzjonali derogatorja li tantiċipa t-tnaqqis tal-valur limitu Komunitarju għall-emissjonijiet ta’ partiċelli prodotti minn ċerti vetturi ġodda b’magna diesel — Rifjut tal-Kummissjoni — Natura speċifika tal-problema — Dmir ta’ diliġenza u obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C-405/07 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-30 ta’ Awwissu 2007,
Ir-Renju tal-Olanda, irrappreżentat minn M. de Grave u C. Wissels, bħala aġenti,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia, A. Alcover San Pedro u H. van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, P. Kūris L. Bay Larsen, u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tal-Olanda jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-27 ta’ Ġunju 2007, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (T-182/06, Ġabra p. II-1983, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba ta’ annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/372/KE, tat-, dwar abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Renju tal-Olanda skont l-Artikolu 95(5) KE u li jistabbilixxi l-limiti għall-emissjoni ta’ partiċelli mill-vetturi b’magna diesel (ĠU L 142, p. 16, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Id-Direttiva 98/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta’ l-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE (ĠU L 350, p. 1), tistabbilixxi, fil-punt 5.3.1.4 tal-Anness I tagħha, valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ massa ta’ partiċelli (PM) ta’ 25 mg/km il-vetturi b’magna diesel li jaqgħu, minn naħa, taħt il-kategorija M (karozzi privati), definiti fit-taqsima A tal-Anness II V tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, tas-, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, p. 1) — bl-eċċezzjoni ta’ vetturi b’piż li mhuwiex inqas minn 2500 kg — u, min-naħa l-oħra, tal-kategorij N1, klassi I, (vetturi kummerċjali ta’ piż awtorizzat ta’ mhux inqas minn 1305 kg). |
3 |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/69: “[…] l-ebda Stat Membru ma jista’, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tniġġis ta’ l-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur:
jekk il-vetturi jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 70/220/KEE [tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis tal-arja b’emissjonijiet minn vetturi b’mutur positive-ignition], kif emendata b’din id-Direttiva.” |
4 |
Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 2007, dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, p. 1), ser jissostitwixxi, b’mod partikolari, mit-, id-Direttivi 70/220 u 98/69. Dan jistabbilixxi, fit-tabella I tal-Anness I tiegħu, in-norma ta’ emissjoni Euro 5 li tipprevedi tnaqqis tal-valur limitu għall-konċentrazzjoni ta’ massa ta’ partiċelli (PM) ta’ 5mg/km għall-kategoriji u l-klassijiet ta’ vetturi kollha mniżżla f’din it-tabella. Fir-rigward tal-vetturi li jaqgħu taħt il-kategoriji M u N, klassi I, dan il-valur ġdid ser ikun vinkolanti, skont l-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament 715/2007, mill- għat-tipi l-ġodda kollha ta’ vetturi u mill- għal vetturi ġodda. |
5 |
Skont it-tieni u t-tnax il-premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġjar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (ĠU L 296, p. 55): “[…] biex jitħares l-ambjent fl-intier tiegħu u s-saħħa tal-bniedem, konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti ta’ l-arja għandhom jiġu evitati, ipprojbiti jew imnaqqsa u valuri limitu u/jew għetiebi ta’ twissija għandhom jinħolqu għal-livelli ta’ tniġġis ta’ l-arja ċirkostanti; […] […] biex jitħares l-ambjent fl-intier tiegħu u s-saħħa tal-bniedem, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni meta l-valuri limiti jinqabżu biex ikun hemm konformità ma’ dawn il-valuri fiż-żmien stipulat”. |
6 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/62, intitolat “Titjib fil-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti — Rekwiżiti ġenerali”, jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonfomaw ma’ din id-Direttiva qabel it-18 ta’ Settembru 1992. 2. Miżuri meħuda biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom: […]
3. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi limitu u/jew ta’ twissija jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dak ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każi individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti jinqabżu.” |
7 |
Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livell tal-inkwinant, wieħed jew iktar, jeċċedi s-somma tal-valur limitu magħdud mal-marġni ta’ eċċess, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta’ żmien speċifikat. Skont dan l-Artikolu, l-imsemmi pjan jew programm għandu jikkontjeni tal-inqas l-informazzjoni nnumerata fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva. Fost dawn tal-aħħar huma inklużi, fil-punti 5 u 6 tal-imsemmi Anness V, l-informazzjoni dwar l-oriġini tat-tniġġiż, partikolarment is-sorsi prinċipali ta’ emissjoni u analiżi tas-sitwazzjoni li tinkludi preċiżjonijiet dwar, b’mod partikolari, il-fatturi responsabbli għall-eċċess bħat-trasport, inkluż it-trasport transkonfinali. |
8 |
L-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 96/62 jistipula: “Meta l-livell ta’ l-inkwinant jiskorri, jew aktarx ikun sa jiskorri, il-valur limitu biż-żieda tal-marġini tat-tolleranza jew, kif jista’ jkun il-każ, il-limitu tat-twissija, wara tniġġis qawwi li jkun ġej minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsibu soluzzjoni. Il-Kummissjoni tista tkun preżenti għal dawn il-konsultazzjonijiet.” |
9 |
Skont l-Artikolu 11(1)(a)(i) tad-Direttiva 96/62, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-okkorrenza tal-livelli ta’ tniġġis li jaqbżu l-valuri limiti miżjud mal-marġni tat-tolleranza, fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem ta’ kull eżerċizzju. |
10 |
Id-Direttiva 96/62 ma tiddeterminax hija stess il-valuri limiti, iżda tindika, fl-Artikolu 4 tagħha flimkien mal-Annessi I u II tagħha, l-inkwinanti tal-arja li għalihom valuri tali għandhom jiġu stabbiliti kif ukoll fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul dan l-iffissar. Fost dawn il-fatturi huwa inkluż il-grad ta’ espożizzjoni tal-populazzjonijiet għall-imsemmija inkwilanti. |
11 |
Il-valuri limiti għall-partiċelli fini, u b’mod partikolari l-PM10 huma stabbiliti permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE, tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU L 163, p. 41). Il-PM10 huma definiti fl-Artikolu 2, punt 11, ta’ din id-Direttiva bħala partiċelli li jgħaddu minn daħla ta’ daqs selettiv b’effiċjenza ta’ 50 % maqtugħa b’10 μm dijametru erodinamiku. |
12 |
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 jistipula: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti kif stmata skond l-Artikolu 7, ma teċċedix il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III mid-dati speċifikati hemmhekk. Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III għandhom japplikaw skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE.” |
13 |
L-Anness III tad-Direttiva 1999/30 jistabbilixxi l-valuri limiti kif ukoll il-marġnijiet ta’ eċċess applikabbli għall-partiċelli PM10 għal żewġ fażijiet suċċessivi billi jindika, għal kull wieħed minnhom, id-data li fiha l-valur limitu għandu jiġi rrispettat. B’hekk, il-valuri u l-marġni previsti għall-ewwel fażi huma ġuridikament vinkolanti mill-1 ta’ Jannar 2005. |
14 |
Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1), tissostitwixxi, bis-saħħa tal-Artikolu 31 tagħha u mill-, b’mod partikolari d-Direttivi 96/62 u 1999/30. Skont id-diċitura tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50, fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-, sakemm ċerti kundizzjonijiet jiġu osservati. |
Fatti li wasslu għall-kawża
15 |
B’ittra tat-2 ta’ Novembru 2005, ir-Renju tal-Olanda nnotifika lill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 95(5) KE, l-intenzjoni tiegħu li jadotta digriet intiż sabiex jissottometti, mill- u b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/69, il-vetturi diesel ġodda tal-kategoriji M1 u N1, klassi I, għal valur limitu ta’ emissjonijiet ta’ partiċelli ta’ 5 mg/km. |
16 |
Insostenn tat-talba tiegħu, ir-Renju tal-Olanda ppreċiża li l-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli, stabbiliti permezz tad-Direttiva 1999/30, inqabżu fuq diversi partijiet tat-territorju tiegħu u li, għalhekk, huwa ma qisx lilu nnifsu li kien f’pożizzjoni li jirrispetta l-obbligi imposti minn din id-Direttiva. Huwa enfasizza, f’dan il-kuntest, id-densità demografika ta’ dan l-Istat Membru u l-grad ta’ konċentrazzjoni tal-infrastrutturi iktar għolja milli fi Stati Membri oħra, li jirriżulta f’rata ogħla ta’ emissjoni ta’ partiċelli għal kull kilometru kwadru. Ir-residenti huma b’hekk esposti ħafna għat-tniġġiż tal-arja minħabba, b’mod partikolari, il-prossimità immedjata taż-żoni ta’ ċirkulazzjoni awtomobilistika u ż-żoni residenzjali. Barra minn dan, parti importanti tat-tniġġiż toriġina mill-Istati Membri fil-qrib, b’mod li biss 15 % tal-medja nazzjonali ta’ konċentrazzjonijiet ta’ partiċelli jistgħu jiġu influwenzati minn normi nazzjonali ta’ ħarsien ambjentali. |
17 |
Sabiex inaqqas il-konċentrazzjonijiet ta’ partiċelli, ir-Renju tal-Olanda, iddikjara li ser jagħti prijorità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati mill-vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali, li huma responsabbli għal 70 % tal-imsemmija emissjonijiet tat-toroq. Il-miżura derogatorja nnotifikata tagħmel għalhekk parti minn dispożittiv leġiżlattiv li jibbaża, fost oħrajn, fuq il-promozzjoni ta’ vetturi u ta’ karburanti li jniġġżu inqas. Hija timplika konkretament it-tqegħid, fuq il-vetturi b’mutur diesel irreġistrati fir-Renju tal-Olanda, ta’ filtru li jnaqqas il-kwantità ta’ partiċelli preżenti fil-ġmied tad-diesel. |
18 |
Ġie fil-fatt espost li d-digriet innotifikat huwa applikabbli biss għall-vetturi rreġistrati fl-Olanda u li ma jbiddel bl-ebda mod il-proċedura ta’ approvazzjoni KE u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi li ngħataw din l-approvazzjoni fi Stati Membri oħra. Minn naħa l-oħra, il-pulizija u l-qrati inkarigati mill-istħarriġ perjodiku Olandiż jistgħu jivverifikaw, wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi digriet, jekk il-vettura għall-passiġġieri jew l-vettura kummerċjali ħafifa tista’ titqies bħala li tirrispetta l-valur limitu ġdid ta’ partiċelli ta’ 5 mg/km. |
19 |
B’ittra tat-23 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju tal-Olanda li rċeviet in-notifika tiegħu u infurmatu li t-terminu ta’ sitt xhur mogħti lilu skont l-Artikolu 95(6) KE, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ deroga, beda jiddekorri fil-. |
20 |
Fit-8 ta’ Frar 2006, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja fl-Olanda għas-sena 2004 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004”), stabbilit b’applikazzjoni tad-Direttiva 96/62, ġie kkomunikat lill-Kummissjoni. Dan ġie rreġistrat minnha fl-10 ta’ Frar ta’ wara. |
21 |
B’ittra tal-10 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Olandiżi infurmaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ rapport stabbilit f’Marzu 2006 mill-Milieu- en Natuurplanbureau [Aġenzija Olandiża għall-evalwazzjoni tal-ambjent (MNP)], intitolat “Nieuwe inzichten in de omvang van de fijnstofproblematiek” (Indikazzjonijiet ġodda fuq il-portata tal-problemi tal-partiċelli, iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-MNP”). |
22 |
Sabiex tevalwa l-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni talbet opinjoni xjentifika u teknika minn konsorzju ta’ konsulenti kkoordinat min-Nederlandse Organisatie voor toegepast-natuur-wetenschappelijk onderzoek [Organizzazzjoni Olandiża għar-riċerja xjentifika applikata (NOT)]. Dan il-korp ippreżenta r-rapport tiegħu fis-27 ta’ Marzu 2006 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tan-NOT”). |
23 |
Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fit-3 ta’ Mejju 2006 ċaħdet l-abbozz tad-digriet innotifikat, minħabba l-fatt li “ir-Renju tal-Olanda ma [kienx] wera l-eżistenza ta’ problema speċifika fid-dawl tad-Direttiva 98/69” u li, f’kull każ, “il-miżura nnotifikata ma [kinitx] proporzjonata mal-għanijiet imfittxija”. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata
24 |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Lulju 2006, ir-Renju tal-Olanda ppreżenta rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, flimkien ma’ talba ta’ trattament mħaffef ta’ dan ir-rikors. |
25 |
Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet, fil-proċedura mħaffa, l-imsemmi rikors. Biex tagħmel dan, din il-qorti eskludiet l-ewwel żewġ motivi invokati mir-Renju tal-Olanda, ibbażati fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ problema speċifika fl-Olanda. |
26 |
Fil-punti 43 sa 49 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel ċaħdet il-motiv li permezz tiegħu r-Renju tal-Olanda sostna li l-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha u l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet billi naqset, mingħajr ma spjegat ruħha, milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-ispeċifiċità tal-problema tal-arja ċirkostanti fl-Olanda, id-data li tikkonċernah relatat mas-sena 2004. Il-Kummissjoni kienet ammettiet, f’dan il-kuntest, li, kuntrarjament għal dak li ddikjarat fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Olanda kien effettivament ipproċeda għal preżentazzjoni uffiċjali tar-rapport tiegħu ta’ evalwazzjoni għal 2004 qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. |
27 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod partikolari f’dan ir-rigward:
|
28 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza kkontestata, li, f’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li naqset milli teżamina d-data reċenti kkomunikata u li tagħti r-raġunijiet ta’ din l-allegata omissjoni. |
29 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement eskludiet il-motiv li jikkonsisti sabiex juri li l-Kummissjoni ċaħdet erronjament l-eżistenza ta’ problema speċifika ta’ kwalità tal-arja ċirkostanti fl-Istati Uniti. |
30 |
Fir-rigward tal-ewwel argument, li skonthu l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ speċifiċità nazzjonali tal-problema, kriterju meħtieġ mill-Artikolu 95(5) KE, meta eżiġiet li l-problema invokata taffettwa r-Renju tal-Olanda b’mod esklussiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punti 66 sa 72 tas-sentenza kkontestata, li din l-allegazzjoni hija nieqsa fil-fatti. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata, bħar-rapport tal-NOT, tagħmel referenza għas-sitwazzjoni ta’ Stati Membri oħra u li jirriżulta minn dan il-paragun li r-Renju tal-Olanda ma kkonfrontax problema speċifika ta’ ħarsien ambjentali li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura derogatorja. |
31 |
It-tieni argument, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ poter tar-Renju tal-Olanda sabiex jittratta l-problema tal-emissjonijiet ta’ partiċelli kkawżati minn navigazzjoni interna u t-trasport marittimu, ġie miċħud fil-punti 78 sa 84 tas-sentenza kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, f’kull każ, dan l-argument huwa nieqes fil-fatti, billi, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Olanda, il-Kummissjoni ma ssuġġettatx il-possibbiltà tal-awtorizzazzjoni tal-miżura nnotifikata għall-kundizzjoni li l-qbiż tal-valuri limiti jirriżultaw fil-parti l-kbira tagħhom f’emissjonijiet kkawżati mill-vetturi b’magni diesel. |
32 |
Fir-rigward tat-tielet argument, li skonthu l-ispeċifiċità tal-problema tal-kwalità tal-arja ċirkostanti hija wkoll ikkostitwita mill-impossibbiltà, għar-Renju tal-Olanda, li jiġġieled kontra t-tniġġiż transfruntalieri, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 87 sa 94 tas-sentenza kkontestata, li din l-impossibbiltà ma tippermettix li jitqies bħala stabbilit li dan l-Istat Membru huwa kkonfrontat bi problema speċifika ta’ kwalità tal-arja. |
33 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 88 u 91 tas-sentenza kkontestata, li, fil-pajjiżi ta’ dimensjoni ġeografika żgħira, bħall-Olanda, proporzjon ikbar ta’ partiċelli tkun kważi ddefinita bħala sors essoġenu. Il-Qorti qieset li b’ebda mod ma ġie stabbilit bl-ebda mod li l-emissjonijiet tal-partiċelli transfruntalieri jaffettwaw il-kwalità tal-arja f’miżura tali li l-problema ta’ limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-partiċelli tippreżenta ruħha b’mod differenti minn dik li tippreżenta ruħha fil-bqija tal-Komunità Ewropea. |
34 |
Barra minn dan, il-Qorti osservat, fil-punt 92 tas-sentenza kkontestata, li huwa fid-dawl tan-normi stabbiliti mid-Direttiva 1999/30 li hemm lok li tiġi evalwata l-ispeċifiċità tal-problema. Issa, l-Anness III tad-Direttiva 1999/30 jistabbilixxi unikament valuri limiti tal-konċentrazzjoni tal-partiċelli mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-partiċelli preżenti. |
35 |
Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 105 sa 116, eskludiet ir-raba’ argument li skonthu l-Kummissjoni ċaħdet, erronjament, in-natura partikolarment gravi tal-qbiż tal-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli rrilevati fl-arja ċirkostanti fl-Olanda. |
36 |
Fil-punt 107 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li ma jirriżultax mill-inkartament li l-qbiż ikkonstatat fl-Olanda juri, meta mqabbel ma’ dawk preżenti fl-Istati Membri l-oħra, urġenza ta’ natura li tikkostitwixxi problema speċifika. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat b’mod partikolari, fil-punt 109 tas-sentenza kkontestata, li jista’ jiġi dedott mil-lista stabbilita fuq il-bażi ta’ rapporti nazzjonali ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja għas-sena 2004 li l-Olanda kienet tagħmel parti minn grupp ta’ ħames Stati Membri li ż-żoni tagħhom irreġistraw, għal din is-sena, rati ta’ konċentrazzjoni ta’ partiċelli ogħla mill-valuri limiti ta’ kuljum. |
37 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat barra minn dan, fil-punt 115 tas-sentenza kkontestata, li, barra mill-fatt li ma jikkostitwux kriterji meqjusa mid-Direttiva 1999/30, ma ġiex stabbilit li d-densità demografika u l-intensità tat-traffiku fit-toroq f’diversi żoni tal-Olanda u l-lokalizzazzjoni tal-habitat tul it-toroq jikkostitwixxu, għal dan l-Istat Membru, problema li toħloq differenza sostanzjali bejnu u r-reġjuni l-oħra, b’mod partikolari dawk tal-Benelux, tal-parti ċentrali tar-Renju Unit u tal-punent tal-Ġermanja. |
38 |
Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza, għaldaqstant, qieset, fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza kkontestata, li r-Renju tal-Olanda ma kienx irnexxilu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ problema speċifika fuq it-territorju tiegħu, li tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa mill-Artikolu 95(5) u (6) KE, hija kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata li tiċħad l-abbozz ta’ digriet innotifikat. Għalhekk, hija pproċediet bil-kors tal-azzjoni u ma ddeċiditx fuq il-motivi l-oħra invokati minn dan l-Istat Membru, billi qegħdet inkwistjoni kemm l-evalwazzjoni kif ukoll il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar, minn naħa, il-proporzjonalità tal-abbozz innotifikat u, minn naħa l-oħra, il-kuntest ġuridiku internazzjonali. |
It-talbiet tal-partijiet
39 |
Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tal-Olanda jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
40 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
41 |
Insostenn tal-appell tiegħu r-Renju tal-Olanda jqajjem żewġ aggravji. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin id-dmir ta’ diliġenza u l-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx dawn id-dmirijiet meta naqset li teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr raġuni speċifika, id-data rilevanti kkontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004. It-tieni, ir-Renju tal-Olanda jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat kriterji legali ħżiena biex tevalwa l-eżistenza ta’ problema speċifika tal-kwalità tal-arja ċirkostanti fuq it-territorju tiegħu. |
Fuq l-ammissibbiltà
42 |
Il-Kummissjoni teċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell. Dwar l-ewwel aggravju, hija ssostni li r-Renju tal-Olanda huwa prekluż mid-dritt li jagħmel użu minn allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004, peress li dan ir-rapport ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu impost mid-Direttiva 96/62 u tliet xhur wara l-preżentazzjoni tat-talba ta’ deroga. Il-Kummissjoni tikkunsidra barra minn dan li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li hija effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmi rapport u li din il-konstatazzjoni ta’ fatt ma tistax tiġi appellata. Dwar it-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma bbażati fuq numru ta’ elementi, li l-parti l-kbira tagħhom mhijiex ikkontestata, u li l-konklużjonijiet jibqgħu ġġustifikati anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta l-argumenti tar-Renju tal-Olanda. |
43 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004 minkejja l-allegat tardività li bih dan ir-rapport ġie ppreżentat, tirrileva, kif ikkonstatat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punti 32 sa 34 tal-Konklużjonijiet tiegħu, mhux mill-ammissibbiltà, iżda mill-merti. |
44 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li r-Renju tal-Olanda jipprova jqiegħed inkwistjoni, permezz tal-ewwel aggravju, il-konstatazzjonijiet fattwali, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan mhux il-każ. Fil-fatt, ir-Renju tal-Olanda ma jikkontesta b’ebda mod il-konstatazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan il-kuntest, li minnhom jirriżulta b’mod partikolari li d-data għas-sena 2004 ġiet inkluża fit-rapport tal-NOT u li l-Kummissjoni, barra minn dan ir-rapport, ħadet inkunsiderazzjoni wkoll tar-rapport tal-MNP. Minn naħa l-oħra, l-imsemmi Stat Membru jikkontesta l-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għalihom minn dawn il-konstatazzjonijiet fattwali. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, korrettament fil-liġi, tikkonkludi mill-imsemmija fatti li l-Kummissjoni ma naqsitx la mid-dmir ta’ diliġenza u lanqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V, C-188/96 P, Ġabra p. I-6561, punt 24, kif ukoll tat-, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 453). |
45 |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-oġġezzjoni mqajma mill-Kummissjoni kontra t-tieni aggravju, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li appell jew aggravju ta’ appell ma jirrigwardax ir-raġunijiet kollha li wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tieħu pożizzjoni fuq kwistjoni ma jwassalx għall-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C-458/98 P, Ġabra p. I-8147, punt 67, u digriet tat-, Andolfi vs Il-Kummissjoni, C-357/04 P, punt 24). |
46 |
Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. |
Fuq il-merti
Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq interpretazzjoni ħażina tad-dmir ta’ diliġenza u tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 253 KE
— L-argumenti tal-partijiet
47 |
Ir-Renju tal-Olanda jenfasizza, fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, li r-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004 huwa estremament importanti, billi juri li, għal din is-sena, il-valuri limiti għal ġurnata, anki magħduda mal-marġni ta’ eċċess, ġew maqbuża fiż-żoni kollha u fl-agglomerazzjonijiet kollha tal-Olanda. Barra minn dan, id-data għal din is-sena tagħti stampa differenti minn dik tas-sena tal-2003, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi hija stess fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, billi tagħmel referenza għar-rapport tal-NOT. |
48 |
Ir-Renju tal-Olanda jiddeduċi mis-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex titrażmetti lil organizzazzjoni ta’ riċerka d-data rilevanti nnotifikata mill-Istat Membru, filwaqt li, minn naħa, hija ma eżaminatx din id-data fid-deċiżjoni kkontestata, u tikkontesta wkoll l-fatt li huma ġew innotifikati lilha, u li, minn naħa l-oħra, hija ma ssemmix, fid-deċiżjoni tagħha, il-konstatazzjoni tal-organizzazzjoni ta’ riċerka li skontha l-imsemmija data tagħti immaġni sostanzjalment differenti u iktar problematika tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni. Permezz ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat ħażin il-garanziji ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha tal-każ u l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti. |
49 |
Skont dan l-Istat Membru, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat fl-aħħar, importanza kbira għall-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport tal-MNP. Hija tinnota, f’dan ir-rigward, li, għalkemm il-Kummissjoni sostniet il-pożizzjoni tagħha bl-għajnuna ta’ dan ir-rapport li, barra minn dan, ġie trażmess xahar u nofs qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kinitx, minn naħa l-oħra, mingħajr motivazzjoni f’dan ir-rigward, ħadet ebda kunsiderazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004 li, ġie trażmess lilha tliet xhur qabel l-imsemmija adozzjoni, iżda li d-data tiegħu hija inqas favorevoli għall-pożizzjoni tagħha. Barra minn dan, ir-rapport tal-NOT juri ċarament li l-konstatazzjonijiet tar-rapport tal-MNP ma jbiddlu b’ebda mod il-konstatazzjonijiet magħmula fir-rigward tal-valuri limiti tad-data li tirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004. |
50 |
Il-Kummissjoni — barra mill-argument, miġjub fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ibbażat fuq l-allegata tardività li biha r-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004 kien ġie ppreżentat — issostni li hija mhijiex taħt obbligu li tinkludi fid-deċiżjonijiet tagħha l-elementi kollha ta’ opinjoni esperta li hija tagħmel użu minnha. Jirriżulta, barra minn dan, minn ċerti punti tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004 kif ukoll mir-rapport tal-MNP li l-kwalità tal-arja fl-Olanda tjiebet meta mqabbla mas-sena 2003 u mas-sitwazzjonijiet preċedenti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
51 |
Skont l-Artikolu 95(5) KE, wara l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jissottomettu għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha derogatorji li huma jqisu neċessarji. |
52 |
L-imsemmija dispożizzjoni tirrikjedi li l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet tali tkun ibbażata fuq provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol reża neċessarja minħabba problema speċifika għal dak l-Istat Membru li tirriżulta wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizazzjoni, u li d-dispożizzjonijiet previsti kif ukoll ir-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-512/99, Ġabra p. I-845, u kif ukoll tat-, Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-439/05 P u C-454/05 P, Ġabra p. I-7141, punt 57). |
53 |
Dawn il-kundizzjonijiet għandhom natura kumulattiva u għandhom għalhekk jiġu kollha sodisfatti taħt piena ta’ ċaħda tad-dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji mill-Kummissjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 81, kif ukoll Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 58). |
54 |
Sabiex tevalwa jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex effettivament sodisfatti, li jista’, jekk ikun il-każ, jirrikjedi evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa kbira diskrezzjonali. |
55 |
L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa mhijiex madankollu eskluża mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti Komunitarja m’għandhix tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tikkontrolla jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 57 u ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, tas-, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il-Kummissjoni, C-258/90 u C-259/90, Ġabra p. I-2901, punt 26, kif ukoll Spanja vs Lenzing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58). |
57 |
L-istħarriġ tal-osservanza tal-imsemmija garanziji proċedurali huwa iktar importanti fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 95(5) KE safejn il-prinċipju tal-kontradittorju ma japplikax għal din tal-aħħar (ara s-sentenza Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). |
58 |
F’dan il-każ, ir-Renju tal-Olanda jikkritika lill-Kummissjoni talli kisret id-dmir ta’ diliġenza u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta naqset milli teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tindika r-raġunijiet tagħha, id-data kkontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004. |
59 |
Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata f’dan ir-rigward, fil-punt 41 tagħha, li “[i]r-rapporti annwali stabbiliti taħt id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE jindikaw li fl-2003, l-Olanda ma kellhix problemi ta’ qbiż partikolarment sinjifikanti meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra (bħal Belġju, l-Awstrija, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, is-Slovenja u s-Slovakkja). Peress li l-Olanda għadha ma kkomunikatx data uffiċjali għal 2004, mhux possibbli li s-sitwazzjoni tagħha tiġi kkumparata fir-rigward ta’ kwalità tal-arja ma’ dik osservata dik is-sena fi Stati Membri oħra [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. |
60 |
Huwa stabbilit li d-data uffiċjali għas-sena 2004 ikkontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni għall-imsemmija sena ġiet effettivament ikkomunikata lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2006 u rreġistrata minn din tal-aħħar fl-10 ta’ Frar segwenti, jiġifieri diversi xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
61 |
Jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 174(3) KE li l-Kummissjoni hija, prinċipalment, obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-ambjent, id-data ġdida xjentifika u teknika kollha disponibbli. Dan l-obbligu jgħodd partikolarment għall-proċedura skont l-Artikolu 95(5) u (6), li għaliha t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ġdida tikkostitwixxi l-mertu nnifsu. |
62 |
Il-Kummissjoni kienet għalhekk, f’dan il-każ, obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni d-data kkontenuta fir-rapport ta’ evalwazzjoni għal 2004. Dan l-obbligu ma kienx b’mod partikolari invalidat permezz tal-fatt li r-Renju tal-Olanda kien ikkomunikalha l-imsemmi rapport barra mit-termini previsti permezz tad-Direttiva 96/62, peress illi dawn it-termini huma irrilevanti għall-proċedura prevista fl-Artikolu 95(5) u (6) KE. Huwa wkoll stabbilit li kien għadhu effettivament possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni tal-imsemmi rapport fit-tħejjija tad-deċiżjoni kkontestata, peress li r-rapporti tal-NOT u tal-MNP, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha fl-imsemmija deċiżjoni, ġew trażmessi lilha anki iktar tard. |
63 |
Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kkontenuti fil-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li din tal-aħħar għamlet l-evalwazzjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ problema speċifika fl-Olanda fuq il-bażi tar-rapporti annwali relatati mas-sena 2003 u mhux mas-sena 2004, iqajmu dubji serji fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tad-data relatata ma’ din l-aħħar sena. |
64 |
Għalkemm huwa veru, kif tosserva l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, li r-rapport tal-NOT jinkludi wkoll data preliminari kkomunikata mir-Renju tal-Olanda għas-sena 2004, jibqa’ il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel ebda riferenza għal dan il-fatt jew għall-konstatazzjonijiet tal-NOT dwar din id-data. |
65 |
Kuntrarjament għas-sentenza kkontestata, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel ebda riferenza tal-evalwazzjoni tal-NOT li skontha din id-data preliminari għas-sena 2004 tagħti stampa differenti minn dik tas-sena preċedenti peress li huwa kkonstatat, fiż-żoni kollha tal-Olanda, qbiż għall-PM10 tal-inqas ta’ wieħed mill-valuri limiti tal-marġni ta’ eċċess. |
66 |
Madankollu, b’mod partikolari fid-dawl tal-imsemmija evalwazzjoni tal-NOT, il-Kummissjoni, sabiex tirrispondi b’mod adegwat għall-obbligu tagħha li teżamina l-elementi rilevanti kollha tal-każ u kif ukoll li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti, kienet obbligata li tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li, ukoll fuq id-database relattiva għas-sena 2004 u minkejja d-differenzi rrilevati mill-NOT bejn din id-data u dik tas-sena preċedenti, l-eżistenza ta’ problema speċifika ma kinitx murija. |
67 |
Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ talba ta’ deroga skont l-Artikolu 95(5) KE, tista’ ikollha tirrikorri għand esperti esterni sabiex tiġbor l-opinjoni tagħhom fuq il-provi xjentifiċi miġjuba insostenn ta’ talba tali (ara sentenza Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32), għandu jiġi madankollu kkonstatat li r-responsabbiltà primarja sabiex tiġi mwettqa l-imsemmija evalwazzjoni hija tal-Kummissjoni, li għandha hija stess, jekk ikun il-każ fuq il-bażi tal-opinjoni tal-esperti, tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u tispjega, fid-deċiżjoni finali tagħha, il-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wassluha sabiex tieħu din id-deċiżjoni. |
68 |
Jirriżulta li s-sempliċi fatt li r-rapport tal-NOT inkluda d-data preliminari għas-sena 2004 ma jistax jiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma eżaminatx id-data relatata mal-imsemmija sena u lanqas ma tat ir-raġunijiet ta’ din l-omissjoni. |
69 |
L-istess ħaġa għandha tgħodd għall-fatt li l-Kummissjoni rrepetiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ċerti konstatazzjonijiet tar-rapport tal-MNP u evalwat l-eżistenza ta’ problema speċifika fl-Olanda, fid-dawl tal-informazzjoni ġdida kkontenuta f’din tal-aħħar. |
70 |
B’hekk, il-konstatazzjonijiet tal-MNP, irrepetuti mill-Kummissjoni fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkontjenu ebda affermazzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk eżistiet, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u b’mod partikolari fid-dawl tad-data relatata mas-sena 2004, problema speċifika ta’ kwalità tal-arja ċirkostanti fl-Olanda. |
71 |
Fil-fatt, dawn il-konstatazzjonijiet — li minnhom jirriżulta li, skont evalwazzjoni ġdida, il-livelli ta’ PM10 huma inqas b’madwar 10 sa 15 % tat-testijiet preċedenti u n-numru ta’ żoni, fejn il-valuri limiti inqabżu, għandu jitnaqqas bin-nofs fl-2010 fil-konfront tas-sena 2005 u fl-2015 fil-konfront tas-sena 2010 — ma jqiegħdux inkwistjoni l-veraċità tad-data relatata mas-sena 2004, li turi l-qbiż tal-valuri limiti fuq it-territorju Olandiż kollu, u ma teskludix li eżistiet, fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, problema speċifika f’dan l-Istat Membru. |
72 |
Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-Qorti tal-Prim’Istanza wetqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, ma kisritx la d-dmir ta’ diliġenza tagħha u lanqas l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. |
73 |
Safejn il-Kummissjoni, biex tevalwa l-eżistenza ta’ problema speċifika ta’ kwalità tal-arja ċirkostanti fl-Olanda, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha, u b’mod partikolari dik relatata mas-sena 2004, din l-evalwazzjoni hija neċessarjament ivvizzjata bi żball, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kienet, fl-imsemmija evalwazzjoni, barra minn dan għamlet applikazzjoni ta’ kriterji ġuridiċi ħżiena, kif sostnut mir-Renju tal-Olanda. |
74 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiċħad ir-rikors tar-Renju tal-Olanda bħala infondat billi tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, tajjeb fil-liġi, il-problema tal-osservanza tal-valuri limiti Komunitarji tal-partiċelli fl-arja ċirkostanti bħala mhux speċifika. |
75 |
Isegwi li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata. Peress li t-trattament tat-tieni aggravju, li permezz tiegħu r-Renju tal-Olanda jeċċepixxi li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet applikazzjoni ta’ kriterji ġuridiċi ħżiena fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ problema speċifika ta’ kwalità tal-arja ċirkostanti ma setax, ikun x’ikun ir-riżultat tiegħu, jinfluwenza r-rimedju tal-appell, jeħtieġ li jsir sommarju tal-eżami tagħha ta’ dan l-aggravju. |
76 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża. |
77 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi mhux kompluta tal-elementi xjentifiċi rilevanti mwettqa mill-Kummissjoni tista’ tivvizzja mhux biss l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ problema speċifika, iżda l-evalwazzjoni tagħha kollha tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 95(5) u (6) KE u b’mod partikolari dik tal-proporzjonalità tal-miżura notifikata, peress li evalwazzjoni iktar kompluta tal-elementi xjentifiċi disponibbli tista’ minn natura tagħha stess, tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura tali. |
78 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa mill-ġdid u fuq il-bażi tal-elementi xjentifiċi rilevanti kollha l-miżura nnotifikata sabiex tiddetermina jekk din tal-aħħar tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 95(5) u (6) KE. |
Fuq l-ispejjeż
79 |
Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
80 |
Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dan l-istess regolament, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dan ir-regolament, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Olanda talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata u din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.