Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0333

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta' Diċembru 2008.
Société Régie Networks vs Direction de contrôle fiscal Rhône-Alpes Bourgogne.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour administrative d’appel de Lyon - Franza.
Għajnuna mill-Istat - Skema ta’ għajnuna favur stazzjonijiet tar-radju lokali - Finanzjament permezz ta’ taxxa parafiskali fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar - Deċiżjoni faverevoli tal-Kummissjoni fl-eżitu tal-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3)KE) - Għajnuna li tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni - Artikolu 92(3) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(3)KE) - Kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni - Obbligu ta’ motivazzjoni - Evalwazzjoni tal-fatti - Kompatibbiltà tat-taxxa parafiskali mat-Trattat KE.
Kawża C-333/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-10807

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:764

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna favur stazzjonijiet tar-radju lokali — Finanzjament permezz ta’ taxxa parafiskali fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar — Deċiżjoni faverevoli tal-Kummissjoni fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l Artikolu 88(3) KE) — Għajnuna li tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni — Artikolu 92(3) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(3) KE) — Kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Evalwazzjoni tal-fatti — Kompatibbiltà tat-taxxa parafiskali mat-Trattat KE”

Fil-Kawża C-333/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour administrative d’appel de Lyon (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura

Société Régie Networks

vs

Direction de contrôle fiscal Rhône-Alpes Bourgogne,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), K. Lenaerts, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, L. Bay Larsen u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-kumpannija Régie Networks, minn B. Geneste u C. Medina, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-P. Keppenne u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Novembru 1997 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-modifika tal-iskema ta’ għajnuna favur stazzjonijiet tar-radju lokali (Għanjnuna mill-Istat Nru N 679/97 — Franza) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li komunikazzjoni fil-qosor tagħha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1999, C 120, p. 2).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-kumpannija Régie Networks, kumpannija rregolata taħt id-dritt Franċiż, (iktar ’il quddiem “Régie Networks”) intiż għar-rimbors tas-somma li din ħallset bħala taxxa parafiskali fuq ir-reklamar imxandar permezz tar-radju u tat-televiżjoni fis-sena 2001.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 80 tal-Liġi Nru 86-1067, tat-30 ta’ Settembru 1986, fuq il-libertà ta’ komunikazzjoni (JORF tal-1 ta’ Ottubru 1986, p. 11755), kif emendat bl-Artikoli 25 tal-Liġi Nru 89-25, tas-17 ta’ Jannar 1989 (JORF tat-18 ta’ Jannar 1989, p. 728), u 27 tal-Liġi Nru 90-1170, tad-29 ta’ Diċembru 1990 (JORF tat-30 ta’ Diċembru 1990, p. 16439), jipprovdi:

“Għal servizzi ta’ xandir bir-radju li r-riżorsi kummerċjali tagħhom ġejjin minn messaġġi pubbliċitarji jew ta’ sponsorjar ikunu anqas minn 20 % tal-fatturat komplessiv tingħata għajnuna skont il-kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet mill-Kunsill tal-Istat.

Din l-għajnuna tiġi ffinanzjata minn taxxa fuq id-dħul li ġej mir-reklami fuq ir-radju u t-televiżjoni.

Id-dħul miksub mis-servizzi ta’ xandir bir-radju għal messaġġi insostenn ta’ miżuri kollettivi jew ta’ utilità pubblika huma esklużi mid-definizzjoni tal-limitu massimu skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.”

4

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 97-1263, tad-29 ta’ Diċembru 1997, fuq l-introduzzjoni ta’ taxxa parafiskali favur fond ta’ sostenn għax-xandir bir-radju (JORF tat-30 ta’ Diċembru 1997, p. 19194):

“B’effett mill-1 ta’ Jannar 1998, biex jiġi ffinanzjat fond ta’ għajnuna intiż għad-detenturi ta’ liċenzja għal servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni li r-riżorsi kummerċjali tagħhom li ġejjin minn messaġġi pubbliċitarji jew ta’ sponsorjar ikunu anqas minn 20 % tal-fatturat komplessiv, qed tiġi stabbilita, għal perijodu ta’ ħames snin, taxxa parafiskali fuq ir-reklami fuq ir-radju u t-televiżjoni [(iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji tar-reklamar”)].

Din it-taxxa hija intiża biex tippromwovi x-xandir bir-radju.”

5

L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“It-taxxa hija kkalkulata fuq il-bażi tas-somom, netti mill-kummissjonijiet tal-aġenziji u t-taxxa fuq il-valur miżjud, imħallsa mill-klijenti għax-xandir ta’ messaġġi pubbliċitarji fit-territorju Franċiż.

Il-persuni suġġetti għat-taxxa huma dawk li jikkummerċjalizzaw l-ispazji tar-reklamar.

Ir-rata tat-taxxa hija stabbilita permezz ta’ digriet konġunt tal-Ministri inkarigati mill-Baġit u l-Komunikazzjoni, skont skala abbażi tad-dħul ta’ kull tliet xhur tal-persuni suġġetti għat-taxxa, wara li jiġu applikati dawn il-limiti massimi:

[…]”

6

Mill-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet jirriżulta li d-dħul nett mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji tar-reklamar jiġi allokat lill-Fond ta’ Sostenn għax-Xandir bir-Radju, (iktar ’il quddiem il-“FSER”), li jikkonsisti f’kont allokat miftuħ fil-kontabbiltà tal-Istitut Nazzjonali tal-Awdjoviżiv.

7

L-Artikolu 4 ta’ dan l-istess digriet jipprovdi li din it-taxxa hija kkalkulata, iffissata u miġbura mid-direttorat ġenerali tat-taxxi u titqiegħed fil-kont tal-FSER skont l-istess regoli, garanziji u sanzjonijiet bħal dawk li huma previsti għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

8

L-Artikoli 7 sa 20 tad-Digriet Nru 97-1263 jipprovdu għall-iskema tal-għajnuna mħallsa mill-Istitut Nazzjonali tal-Awdjoviżiv u ffinanzjata mid-dħul nett mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji tar-reklamar ittrasferit fil-FSER.

9

Il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna huma d-detenturi ta’ liċenzja għas-servizzi ta’ xandir bir-radju koperti mill-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet (iktar ’il quddiem l-“istazzjonijiet tar-radju lokali”).

10

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet, l-għajnuna tingħata abbażi tar-riżorsi disponibbli, minn kumitat li l-kompożizzjoni u l-funzjonament tiegħu huma rregolati minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-Artikoli 8 sa 11 tal-istess digriet (iktar ’il quddiem il-“kumitat tal-FSER”).

11

Id-Digriet Nru 97-1263 jistabbilixxi tliet tipi ta’ għajnuna (iktar ’il quddiem “għajnuna għax-xandir bir-radju”).

12

L-ewwel waħda hija l-għajnuna għall-installazzjoni, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha huma stabbiliti permezz tal-Artikoli 12 u 13 ta’ dan id-digriet. Din l-għajnuna, li l-ammont massimu tagħha huwa ta’ FRF 100000, tingħata lill-istazzjonijiet tar-radju lokali li jkunu kisbu liċenzja ġdida abbażi ta’ fajl ippreżentat minnhom.

13

Imbagħad tinstab l-għajnuna għat-tagħmir, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha huma previsti fl-Artikolu 14 tal-imsemmi digriet. Din l-għajnuna, li tingħata lill-istazzjonijiet tar-radju lokali fid-dawl ta’ fajl ippreżentat minnhom, ma tistax tingħata qabel ħames snin wara l-għoti tal-għajnuna għall-installazzjoni u tista’ tingħata biss darba f’perijodu ta’ ħames snin. L-ammont tagħha ma jistax jaqbeż il-50 % tal-ammont tal-investiment ikkonċernat, u għandha wkoll limitu massimu ta’ FRF 100000.

14

L-aħħar waħda hija l-għajnuna annwali għall-funzjonament, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha huma stabbiliti permezz tal-Artikoli 16 u 17 ta’ dan l-istess digriet.

15

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17, tad-Digriet Nru 97-1263:

“L-ammont tal-għajnuna għall-funzjonament huwa ffissat skont tariffa stabbilita mill-kumitat [tal-FSER], u f’dan ir-rigward isir riferiment għad-dħul mill-operat ordinarju u kurrenti tal-istazzjon tar-radju kkonċernat, qabel ma jitnaqqsu l-ispejjeż għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji tar-reklamar. Huwa jiġi ppubblikat.”

16

It-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu jipprovdi li dan l-ammont jista’ jiġi miżjud b’60 % skont l-isforzi magħmula biex jiġu ddiversifikati r-riżorsi ekonomiċi marbuta direttament mal-attività ta’ xandir bir-radju, il-miżuri adottati favur it-taħriġ professjonali tal-persunal tas-servizz ikkonċernat, il-miżuri ta’ natura edukattiva u kulturali, il-parteċipazzjoni f’inizjattivi komuni fil-kuntest tal-programmi kif ukoll l-isforzi magħmula fl-oqsma tal-komunikazzjoni soċjali fil-kuntest tal-viċinat u tal-integrazzjoni.

17

L-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju stabbilita permezz tad-Digriet Nru 97-1263, applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ħadet post dawk stabbiliti mill-1 ta’ Jannar 1983 permezz ta’ diversi digrieti preċedenti, l-ewwel nett għal perijodu inizjali ta’ sentejn u wara għal perijodi ta’ ħames snin.

18

L-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju prevista fl-Artikolu 302a KD tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, introdotta permezz tal-Artikolu 47 tal-Liġi Nru 2002-1575, tat-30 ta’ Diċembru 2002, tal-finanzi għall-2003 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2002, p. 22025), ħadet post dik introdotta permezz tad-Digriet Nru 97-1263, mill-1 ta’ Jannar 2003, u dan għal perijodu indefinit.

19

Din is-sistema ġdida ġiet emendata, mill-1 ta’ Lulju 2003, bl-Artikolu 22 tal-Liġi Nru 2003-709, tal-1 ta’ Awwissu 2003, dwar l-isponsorjar, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet (Loi relative au mécénat, aux associations et aux fondations, JORF tat-2 ta’ Awwissu 2003, p. 13277).

20

Skont l-Artikolu 302a KD(2), tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, kif emendat minn din il-liġi:

“It-taxxa hija kkalkulata fuq il-bażi tas-somom, netti mill-kummissjonijiet tal-aġenziji u t-taxxa fuq il-valur miżjud, imħallsa mill-klijenti għax-xandir ta’ messaġġi pubbliċitarji fit-territorju Franċiż.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskemi suċċessivi ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju

21

Permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ Marzu 1990, dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru N 19/90, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Franċiżi li ma kinitx beħsiebha tqajjem oġġezzjonijiet kontra l-istabbiliment tal-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju li biha ġiet innotifikata minn dawn l-awtoritajiet skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, li sar hu stess l-Artikolu 88(3) KE).

22

Dan ukoll kien is-sens tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 1992 dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru N 359/92, rigward l-abbozz ta’ digriet li jemenda l-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju li kien is-suġġett tad-deċiżjoni preċedenti tagħha u li l-awtoritajiet Franċiżi kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KEE.

23

F’din it-tieni deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward b’mod partikolari tal-karatteristiċi nfushom tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna (stazzjonijiet tar-radju ta’ daqs żgħir u li jxandru lokalment), ma kienx jidher li l-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju kellhom jiġu affettwati b’mod li jmur kontra l-interess komuni u li għaldaqstant, setgħet tkun iġġustifikata deroga għall-projbizzjoni tal-għajnuna peress li din l-iskema kompliet issegwi l-għanjiet ta’ interess ġenerali.

24

Wara dan, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi li hija ma kinitx beħsiebha tqajjem oġġezzjonijiet kontra l-abbozz ta’ digriet intiż li jemenda l-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju approvat preċedentement, li l-awtoritajiet Franċiżi innotifikawlha skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE u li wara sar id-digriet Nru 97-1263.

25

Wara din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li, peress li l-fondi marbuta mal-għajnuna kkonċernata ma ġewx miżjuda u peress li l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna kienu stazzjonijiet tar-radju li jxandru lokalment, il-kummerċ intra-Komunitarju ma jidhirx li kellu jiġi affettwat b’mod li jmur kontra l-interess komuni u li, għalhekk, deroga għall-projbizzjoni tal-għajununa setgħet tiġi ġġustifikata peress li din l-iskema kompliet issegwi l-għanjiet ta’ interess ġenerali.

26

Fl-aħħar nett, permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Lulju 2003, dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru NN 42/03 (ex N 725/02), il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra l-abbozz ta’ liġi intiż li jemenda l-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju approvat preċedentement, taħt il-kundizzjonijiet suċċessivi tagħhom, permezz tat-tliet deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li l-awtoritajiet Franċiżi kienu nnotifikawlha skont l-Artikolu 88(3) KE. L-iskema emendata b’dan il-mod issa hija s-suġġett tal-Artikolu 302a KD(2), tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, kif emendat permezz tal-Liġi Nru 2003-709.

27

F’din id-deċiżjoni tal-aħħar, il-Kummissjoni osservat li t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar li tiffinanzja l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata hija mħallsa mill-kumpanniji tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar, u mhux mill-klijenti individwali li jagħmlu l-avviż; barra minn hekk, l-imsemmija taxxa lanqas tidher fuq il-fattura.

28

Hija kkonstatat ukoll li din it-taxxa hija imposta biss fuq il-kumpanniji tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar li huma stabbiliti fit-territorju Franċiż u li, għalhekk, l-ebda ħlas m’hu impost fuq ix-xandir ta’ reklami fi Franza minn barra l-pajjiż.

29

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, bil-kontra, il-kumpanniji tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar stabbiliti fit-territorju Franċiż li jxandru esklużivament barra mill-pajjiż huma suġġetti għall-imsemmija taxxa, li hija għaldaqstant konformi mar-regoli Komunitarji li jirregolaw it-taxxi parafiskali intiżi sabiex jiffinanzjaw skema ta’ għajnuna.

30

Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’mod partikolari qieset li, peress li l-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata huma radjijiet mhux kummerċjali u jxandru lokalment biss, din l-iskema għandha għan ta’ interess ġenerali billi tipproteġi l-pluralità tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fuq il-livell lokali u peress li l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju huwa dgħajjef.

31

Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li l-imsemmija skema, li tiffaċilita l-iżvilupp tal-attività tax-xandir bir-radju assoċjattiv u li ma taffettwax il-kummerċ intra-Komunitarju b’mod li jmur kontra l-interess komuni, tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) KE.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

32

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

33

Régie Networks, il-kumpannija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar li tikkummerċjalizza l-ispazju tar-reklamar tal-frekwenzi lokali ta’ NRJ GROUP, ħallset is-somma ta’ ta’ EUR 152524 bħala taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispjazju tar-reklamar għas-sena 2001.

34

Sussegwentement hija talbet ir-rimbors ta’ din is-somma mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa lokali. Peress li t-talba tagħha ġiet impliċitament miċħuda peress li ma kienx hemm deċiżjoni fit-terminu previst mil-liġi, hija ressqet il-kwistjoni quddiem it-tribunal administratif de Lyon.

35

Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ April 2006, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Régie Networks. Għaldaqstant din tal-aħħar appellat quddiem il-cour administrative d’appel de Lyon.

36

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Régie Networks sostniet, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija invalida minħabba motivazzjoni insuffiċjenti.

37

Minn naħa, din id-deċiżjoni ma tiġġusitifikax il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata taqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ deroga previsti mit-Trattat KE. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-punt jekk il-mod ta’ finanzjament ta’ din l-iskema, jiġifieri t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar, hijiex kompatibbli mat-Trattat u milli timmotiva b’mod espliċitu l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward, meta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-eżami huwa indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna, u f’dan ir-rigward, Régie Networks tirreferi għas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249).

38

Fit-tieni lok, Régie Networks sostniet li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. It-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar hija inkompatibbli mas-suq komuni, għar-raġuni, meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Lulju 2003 mfakkra fil-punti 26 sa 31 ta’ din is-sentenza, li, skont ġurisprduenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prodotti u s-servizzi importati għandhom jiġu eżentati minn kull taxxa fiskali intiża sabiex tiffinanzja skema ta’ għajnuna li minnha jibbenfikaw biss l-impriżi nazzjonali.

39

Fit-tielet lok, Régie Networks sostniet li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti peress li l-Kummissjoni ddikjarat, kuntrarjament għar-realtà, li l-fondi marbuta mal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata ma ġewx miżjuda.

40

Régie Networks ikkonkludiet li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi ddikjarata bħala invalida mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskema ta’ għajnuna li l-implementazzjoni tagħha ġiet awtorizzata permezz ta’ din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’illegalità ab initio u li din l-illegalità twassal għal-illegalità tal-finanzjament tagħha.

41

Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tliet motivi ppreżentati minn Régie Networks iqajmu diffikultajiet serji li jqiegħdu f’dubju l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

42

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-cour d’administrative d’appel de Lyon iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja :

“[Id-deċiżjoni kkontestata] hija valida għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tagħha, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni li saret fuq il-kompatibbiltà mat-Trattat KE tal-finanzjament tas-sistema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju stabbilita għall-perijodu bejn l-1998 u l-2002, u għal dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ żieda fir-riżorsi baġitarji tas-sistema ta’ għajnuna inkwistjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

43

Il-Kummissjoni tqis li m’hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata li għamlet il-qorti tar-rinviju, peress li din id-domanda m’għandha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li jikkonċerna l-legalità tat-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar.

44

Skont il-Kummissjoni din it-taxxa ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ladarba l-ammont ta’ għajnuna mħallsa skont l-iskema ta’ għajnuna lix-xandir bir-radju ma jkunx relatat mad-dħul mit-taxxa li tiffinanzjahom, inkwantu l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-ammont m’għandhom l-ebda rabta mal-livell tad-dħul ta’ din it-taxxa, din mhijiex parti integrali minn din l-iskema. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 40 tas-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Ġabra p. I-9481).

45

Din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’.

46

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli li tiddefinixxi, u li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod partikolari, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni fuq domanda preliminari għal eżami tal-validità ta’ att Komunitarju, meta jidher b’mod manifest li din l-evalwazzjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, m’għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal domanda preliminari, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma jistax jiġi eskluż a priori li teżisti rabta bejn id-domanda preliminari għal eżami tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata, meħuda fil-kuntest tar-regoli tat-Trattat dwar għajnuna mill-Istat, u l-kawża prinċipali, peress li din għandha bħala suġġett it-talba ta’ Régie Networks intiża għar-rimbors tas-somom imħallsa għas-sena 2001 bħala taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar li l-eżami tiegħu jenħtieġ l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din it-taxxa.

49

Fil-fatt, bl-ebda mod ma huwa manifest li l-imsemmija taxxa mhijiex parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju.

50

F’dan l-istadju tal-eżami tad-domanda preliminari, biżżejjed jiġi indikat li l-każ jidher li huwa pjuttost bil-kontra, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprovdi b’mod espliċitu li l-dħul mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar huwa ddestinat sabiex jiffinanzja l-FSER, li jservi sabiex tiġi ffinanzjata l-imsemmija għajnuna.

51

Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li jista’ jiġi sostnut li tali rabta teżisti bejn l-imsemmija taxxa u l-għajnuna għall-finanzjament li għaliha din it-taxxa ġiet introdotta, ma jistax jiġi eskluż li l-konstatazzjoni ta’ eventwali invalidità tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tirriżulta mill-illegalità ta’ din it-taxxa, u dan jista’ jwassal għall-obbligu ta’ rimbors tal-ammonti mħallsa taħt it-tali taxxa.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx, għall-inqas b’mod manifest, li l-evalwazzjoni mitluba tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata m’għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

53

Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari peress li ma jirriżultax neċessarjament minn eventwali sentenza preliminari li tiddikjara bħala invalida d-deċiżjoni kkontestata li t-taxxa kkonċernata hija illegali u għandu jsir rimbors tagħha.

54

Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tagħha sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-qorti nazzjonali għandha tordna r-rimbors tat-taxxa li tiffinanzja għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni biss jekk l-invalidità kkonstatata hija tali li, anki fil-kuntest ta’ deċiżjoni ġdida, din l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata biss bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

55

Din l-oġġezzjoni għandha wkoll tiġi mwarrba.

56

Huwa ċertament minnu li, jekk, wara eventwali sentenza preliminari li tiddikjara invalida deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida, din ma jkollhiex neċessarjament il-konsegwenza li t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar għandha titqies li hija illegali, peress li din id-deċiżjoni ġdida tista’ terġa’ ssir favorevoli.

57

Madankollu, minn dan is-sempliċi fatt ma jirriżultax li l-evalwazzjoni mitluba tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata mitluba m’għandha manifestament l-ebda rabta mal-għan tal-kawża prinċipali u li, għalhekk, l-evalwazzjoni li għamlet il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tan-neċessità tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’ tiġi kkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja

58

Bil-kontra, jekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha effettivament tiġi ddikjarata bħala invalida, risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun ċertament utli u rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li din tobbliga lill-Kummissjoni li terġa’ teżamina l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, sa fejn ċerti lmenti ta’ Régie Networks jirrigwardaw aspetti ta’ din l-iskema li l-Kummissjoni għadha ma eżaminatx u li jagħmluha inkompatibbli mas-suq komuni, wara dan l-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-imsemmija skema għandha tiġi effettivament iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni, u dan, kif diġà ġie spjegat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, jista’ jwassal għall-illegalità tat-taxxa fuq il- kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar u, konsegwentment, għall-obbligu ta’ rimbors tas-somom imħallsa taħt din it-taxxa.

60

Għalhekk, il-preżunzjoni ta’ rilevanza tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma tinqalibx permezz tal-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza der Weerd et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23).

61

Minn dan jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

62

Permezz tad-domanda tagħha, sa fejn hija tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-motivazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din id-deċiżjoni għandhiex titqies li hija invalida minħabba motivazzjoni insuffiċjenti, ladarba, minn naħa, hija ma tiġġustifikax il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni taqa’ f’waħda mill-kategoriji ta’ deroga previsti mill-Artikolu 92(3) tat-Trattat KE u li, min-naħa l-oħra, f’din id-deċiżjoni, il-Kummisjoni naqset milli teżamina jekk il-mod ta’ finanzjament ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, jiġifieri t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar, huwiex kompatibbli mat-Trattat u milli timmotiva b’mod espliċitu l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

63

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE) għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 190 tat-Trattat għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 79, u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 88 u l-ġurisprudenza stabbilita).

64

Rigward, fl-ewwel lok, in-natura tal-att inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita permezz tal-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, li għandu biss l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni li tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha għarfien komplet dwar l-informazzjoni kollha marbuta ma’ din l-għajnuna (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Din id-deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq komuni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 48).

66

Rigward, fit-tieni lok, il-kuntest tad-deċiżjoni kkontestatata, kif jirriżulta mill-punti 21 sa 23 ta’ din is-sentenza, din ittieħdet wara żewġ deċiżjonijiet favorevoli oħra li kienu jirrigwardaw skemi preċedenti ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju essenzjalment identiċi għall-iskema kkonċernata fid-deċiżjoni kkontestata u li kienu wkoll ġew innotifikati minn qabel mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi barra minn hekk, b’mod espliċitu, għall-eżami u għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, li din tal-aħħar kellha l-għan li tissostitwixxi.

67

Dan il-fatt jiġġustifika wkoll in-natura konċiża tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

68

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti speċifiċi dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li saru kontra din id-deċiżjoni.

69

L-imsemmija deċiżjoni hija mmotivata permezz tal-kunsiderazzjoni li, “peress li l-fondi ma żdidux u peress li l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna huma stazzjonijiet tar-radju li jxandru lokalment, il-kummerċ intra-Komunitarju ma jidhirx li għandu jiġi affettwat b’mod li jmur kontra l-interess komuni u […], għalhekk, deroga għall-projbizzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun iġġustifikata peress li din l-iskema kompliet issegwi l-għanjiet ta’ interess ġenerali”.

70

Għalkemm ċertament, din il-motivazzjoni hija konċiża, hija madankollu turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta, fil-fatt, li l-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fuq il-motiv essenzjali li l-kummerċ intra-Komunitarju ma deherx li kellu jiġi affettwat minn dan b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

71

Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza, din il-motivazzjoni, inkunsiderazzjoni tan-natura tal-att li fih hija tinsab u inkunsiderazzjoni tal-kuntest tiegħu, għandha titqies li hija suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni li jipprevedi l-Artikolu 190 tat-Trattat, peress li l-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni mhijiex rilevanti għal dan ir-rekwiżit.

72

Għalkemm kien ikun aħjar li, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tidentifika b’mod espliċitu l-kategorija ta’ deroga, fost dawk li huma elenkati fl-Artikolu 92(3) tat-Trattat KE, li għaliha sar riferiment fil-każ inkwistjoni u tiddeskrivi barra minn hekk it-taxxa li tiffinanzja l-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju, kif hija għamlet, wara kollox, fid-deċiżjoni ulterjuri tagħha tat-23 ta’ Lulju 2003 dwar emenda ta’ din l-iskema, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkritikata bis-saħħa tal-Artikolu 190 KE minħabba n-nuqqas ta’ tali motivazzjoni speċifika fuq dawn il-punti.

73

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ilment dwar in-nuqqas ta’ indikazzjoni, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tal-kategorija ta’ deroga prevista fl-Artikolu 92(3) tat-Trattat KE li taħtha taqa’ l-iskema ta’ għajuna inkwistjoni, jirriżulta b’mod impliċitu mid-dikjarazzjonijiet li jgħidu li “il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna huma stazzjonijiet tar-radju li jxandru lokalment” u “l-kummerċ intra-Komunitarju ma deherx li kellu jiġi affettwat b’mod li jmur kontra l-interess komuni” li l-kategorija ta’ deroga intiża kienet dik imsemmija fl-Artikolu 92(3)(ċ) tat-Trattat KE, b’mod partikoalri dik tal-għajuna intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet, f’dan il-każ, kif il-Kummissjoni wara kollox spjegat fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Lulju 2003, l-attività ta’ xandir bir-radju assoċjattiv.

74

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna n-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ motivazzjoni espliċita dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat tal-mod ta’ finanzjament tal-iskema kkonċernata, jiġifieri t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar, l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 190 tat-Trattat ma tistax f’kull każ tintlaqa’ peress li, skont il-Kummissjoni, ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat dan il-punt għaliex din it-taxxa ma tagħmilx parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna kkonċernata.

75

Issa, il-fondatezza ta’ dan l-argument ma tistax tiġi evalwata fil-kuntest tal-eżami tal-ilment li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni. Din l-evalwazzjoni għalhekk issir ulterjorment, fil-kuntest tar-risposta għall-parti tad-domanda preliminari dwar l-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma kkonstatatx li t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

76

Minn dan għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-eżami tad-domanda magħmula ma weriex elementi tali li jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-iżball fl-evalwazzjoni tal-fatti allegat f’dak li jikkonċerna l-evoluzzjoni tal-fondi allokati għall-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju

77

Permezz tad-domanda tagħha, sa fejn hija tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ żieda tal-fondi allokati għall-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-qorti tar-rinivju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imsemmija deċiżjoni għandhiex titiqies bħala invalida peress li l-motivazzjoni tagħha, sa fejn hija tgħid li l-fondi marbuta mal-għajnuna kkonċernata ma żdidux, twassal għal żball fattwali, peress li l-imsemmija riżorsi ġew miżjuda konsiderevolment.

78

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tgawdi, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(3) KE, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Għandu jiġi mfakkar li, f’din il-kawża, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-fondi marbuta mal-għajnuna kkonċernata ma żdidux, meta din ġiet espressa, kienet tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-effetti fil-futur tal-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari d-dħul mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar intiż sabiex jiġi mitfuħ fil-FSER li jservi sabiex jiffinanzja din l-għajnuna.

80

Issa, mhuwiex rilevanti li, wara dan, irriżulta li l-ħlasijiet fl-imsemmi fond żdiedu.

81

Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, a fortiori meta tkun deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna adottata wara l-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, bħad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta hija adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55).

82

Ladarba, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-effetti futuri ta’ skema ta’ għajnuna meta dawn l-effetti ma setgħux jiġu previsti b’ċertezza, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkritikata fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha li l-fondi marbuta mal-għajnuna kkonċernata ma żdidux ħlief jekk din id-deċiżjoni kienet tidher li hija manifestament żbaljata fid-dawl tal-provi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fiż-żmien tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

83

Issa, għalkemm huwa minnu li, f’dak li jikkonċerna r-reklamar fuq it-televiżjoni, l-Artikolu 2 tal-abbozz ta’ digriet li wara sar id-Digriet Nru 97-1263 kien jipprovdi għal żieda fil-limiti li fihom ir-rati ta’ taxxa setgħu jiġu stabbiliti, għandu jiġi kkonstatat li, fiż-żmien meta l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, dawn ir-rati ta’ taxxa kienu għadhom iridu jiġu stabbiliti skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2, tal-imsemmi abbozz.

84

Barra minn hekk, huwa kostanti li, f’dan iż-żmien, l-importanza tad-dħul mir-reklamar li jikkostiwixxi l-bażi taxxabbli fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar lanqas ma kienet għadha magħrufa u għalhekk ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ previżjonijiet.

85

Fid-dawl tal-preżenza ta’ dawn il-fatturi varjabbli, li jikkostiwixxu daqstant elementi ta’ inċertezza li għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, elementi ta’ evalwazzjoni li kienet tinvolvi n-notifika tal-iskema ta’ għajnuna u, jekk ikun il-każ, ta’ informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkonstata żball manifest fl-evalwazzjoni tal-elementi inkwistjoni.

86

Minn dan għandu jiġi konkluż li, f’dak li jirrigwarda l-allegat żball fl-evalwazzjoni tal-fatti, l-eżami tad-domanda magħmula ma weriex elementi tali li jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-allegat żball ta’ liġi fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar mat-Trattat

87

Permezz tad-domanda tagħha, sa fejn hija tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbilità mat-Trattat tal-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju stabbilita għall-perjodu bejn l-1998 u l-2002, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imsemmija deċiżjoni għandhiex tiġi ddikjarata bħala invalida minħabba l-fatt li t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar hija inkompatibbli mas-suq komuni sa fejn din tinġabar ukoll fuq ir-reklamar fuq ir-radju u t-televiżjoni mxandar minn barra l-pajjiż fi Franza, meta d-dħul ta’ din it-taxxa jiffinanzja skema ta’ għajnuna li minnha jistgħu jibbenefikaw biss stazzjonijiet tar-radju lokali stabbiliti fi Franza.

88

Għalkemm, kif ġie mfakkar fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(3) KE, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, din is-setgħa hija suġġetta għal ċerti limiti li l-qorti Komunitarja għandha tikkontrolla l-osservanza tagħhom.

89

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna jista’ jwassal għall-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-iskema ta’ għajnuna kollha. Għalhekk, l-eżami ta’ għajnuna ma jistax jiġi mifrud mill-effetti tal-mod ta’ finanzjament tagħha. Bil-kontra, l-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Kummissjoni għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna meta dan tal-aħħar ikun parti integrali mill-miżura (ara f’dan is-sens, is-sentenzi van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C-345/02, Ġabra p. I-7139, punt 29).

90

F’każ bħal dan, in-notifika tal-miżura ta’ għajnuna, prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, għandha tirrigwarda wkoll il-mod ta’ finanzjament tagħha, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-eżami tagħha abbażi ta’ informazzjoni kompleta. Fin-nuqqas ta’ dan, ma jistax jiġi eskluż li tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni miżura ta’ għajnuna li ma kinitx tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni li kieku l-Kummissjoni kienet taf bil-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenza van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

91

Waqt is-seduta għat-trattazzjoni, il-Kummissjoni madankollu sostniet li l-punt tat-tluq għandu jkun il-prinċipju li taxxa li tiffinanzja miżura ta’ għajuna għandha tiġi nnotifikata minn Stat Membru u, għalhekk, eżaminata mill-Kummissjoni biss jekk teżisti, skont l-ewwel evalwazzjoni li għandha ssir mill-Istat Membru kkonċernat, relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-persuni suġġetti għal din it-taxxa u l-benefiċjarji tal-għajnuna kkonċernata. Fin-nuqqas ta’ tali relazzjoni ta’ kompetizzjoni, ma jeżisti l-ebda interess Komunitarju sabiex Stat Membru jinnotifika u l-Kummissjoni teżamina taxxa li tiffinanzja miżura ta’ għajnuna.

92

Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

93

Għalkemm id-domanda dwar jekk teżistix relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn id-debituri ta’ taxxa u l-benefiċjarji tal-għajnuna li din it-taxxa sservi sabiex tiffinanzja tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-kontroll fil-mertu magħmul mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni, madankollu din ma tistax tinbidel fi kriterju addizzjonali li jistabbilixxi l-portata tal-obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE.

94

Fil-każ ta’ taxxa li tikkostiwixxi l-mod ta’ finanzjament ta’ skema ta’ għajnuna bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, jeżisti interess Komunitarju ċert li l-Istat Membru jinnotifika din l-iskema, inkluż il-mod ta’ finanzjament li jagħmel parti integrali minnha, sabiex il-Kummissjoni jkun jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha t-tagħrif kollu meħtieġ sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni, evalwazzjoni li taqa’ taħt is-setgħa esklużiva tagħha, eżerċitata taħt l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Fil-fatt, l-effettività ta’ din is-setgħa esklużiva għandha mnejn tkun kompromessa jekk l-eżerċizzju tagħha jkun jiddependi minn evalwazzjoni minn qabel u unilaterali magħmula minn kull Stat Membru dwar il-kwistjoni jekk teżistix relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn id-debituri ta’ taxxa u l-benefiċjarji ta’ għajnuna ffinanzjata permezz ta’ din it-taxxa.

96

Dan huwa iktar u iktar il-każ f’kuntest bħal dak li jinsabu fih l-iskema ta’ għajnuna u t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-benefiċjarji tal-għajnuna kkonċernata f’din l-iskema joperaw f’suq li ma jistax jitqies li huwa manifestament distint minn dak li jaqgħu taħtu l-persuni suġġetti għal din it-taxxa.

97

Ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn l-imsemmija benefiċjarji u l-persuni taxxabbli tista’, f’bosta każijiet, tagħti lok għal diskussjoni, kif wera n-nuqqas ta’ qbil espress fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal domanda preliminari kemm fin-noti ta’ osservazzjonijiet kif ukoll fis-seduta għat-trattazzjoni. Din ir-risposta teżiġi fil-fatt eżami dettaljat tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati fil-kuntest tal-eżami fil-mertu tal-miżura ta’ għajnuna li l-Kummissjoni biss tista’ twettaq, taħt l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja.

98

Għandu jiġi stabbilit jekk it-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar kellhiex f’kull każ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-eżami tagħha tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata minħabba l-fatt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, hija kellha tiġi kkunsidrata li tagħmel parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju li din it-taxxa sservi sabiex tiffinanzja.

99

Sabiex taxxa tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta vinkolanti ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jaffettwa direttament l-ammont ta’ din u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, Ġabra p. I-5293, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

F’din il-kawża, mill-Artikoli 3 u 6 tad-Digriet Nru 97-1263 jirriżulta li d-dħul nett mit-taxxa fuq il-kumpanniji tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar jiffinanzja l-FSER, li minnu l-kumitat tal-FSER iħallas l-għajnuna għax-xandir bir-radju. L-imsemmija taxxa hija miġbura b’mod speċifiku u waħdieni għall-finanzjament tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni (ara, b’mod analogu, is-sentenza van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

101

Din ir-rabta stretta li teżisti bejn it-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar u l-għajnuna li hija sservi sabiex tiffinanzja tirriżulta, barra minn hekk, b’mod ċar kemm mit-titolu tad-Digriet Nru 97-1263, “fuq l-introduzzjoni ta’ taxxa parafiskali favur fond ta’ sostenn għax-xandir bir-radju”, kif ukoll mit-titoli taż-żewġ partijiet li dan jinkludi u, għalhekk, mill-istruttura tiegħu, jiġifieri, rispettivament “Dwar ir-riżorsi tal-[FSER]” u “dwar l-għoti tal-għajnuna”.

102

It-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar għandha, barra minn hekk, natura essenzjalment differenti minn dik tat-taxxi li jiffinanzjaw il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni f’ċerti kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġew invokati mill-Kummissjoni, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kinitx teżisti rabta vinkolanti ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Pape, C-175/02, Ġabra p. I-127, kif ukoll Distribution Casino France et, iċċitata iktar ’il fuq).

103

Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, id-dħul mit-taxxa kkonċernata ma kienx jaffettwa direttament l-importanza tal-għajnuna.

104

F’din il-kawża, id-dħul nett mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar huwa allokat b’mod esklużiv u sħiħ għall-finanzjament tal-għajnuna għax-xandir bir-radju, u jaffettwa, għalhekk, direttament l-importanza tiegħu. Għalkemm huwa minnu li din l-għajnuna hija mogħtija mill-kumitat tal-FSER, huwa stabbilit li dan il-korp m’għandux is-setgħa li jalloka l-fondi disponibbli għal finijiet oħrajn għajr dawk ta’ din l-għajnuna.

105

B’hekk, l-Artikolu 7 tad-Digriet Nru 97-1263 jipprovdi li l-għajnuna tingħata, fil-limitu tal-fondi disponibbli, mill-kumitat tal-FSER. Barra minn hekk, mhux ikkontestat li r-riżorsi tal-FSER għajr dawk li ġejjin mid-dħul mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar huma marġinali.

106

Għalkemm huwa minnu li l-limitu massimu għall-għajnuna għall-istallazzjoni u għall-għajnuna għat-tagħmir huma stabbbiliti, u l-imsemmija għajnuna hija kkakolata, skont kriterji ta’ eżami speċifiċi, l-iffissar tal-ammont tagħhom, jekk jinsab taħt il-limiti massimi, għandu jsir essenzjalment fil-limitu tad-dħul nett mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar.

107

Barra minn hekk, dan huwa iktar ċar fir-rigward tal-għajnuna annwali għall funzjonament, li tikkostitwixxi t-tip ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju li hija manifestament l-iktar importanti, peress li tirrappreżenta, fiha nfisha, per eżempju, iktar minn 96 % tal-għajnuna totali mħallsa fl-2003, kif osservat Régie Networks fis-seduta mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt.

108

Fil-fatt, skont l-Artikolu 17 tad-Digriet Nru 97-1263, l-ammont ta’ din l-għajnuna huwa ffissat skont skala stabbilita mill-kumitat tal-FSER, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul tal-operat ordinarju u kurrenti tal-istazzjon tar-radju kkonċernat, qabel ma jitnaqqsu l-ispejjeż għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar.

109

Issa, waqt is-seduta għat-trattazzjoni, Régie Networks spjegat, mill-ġdid mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li l-imsemmija skala hija stabbilita skont ir-riżorsi tal-FSER kkonstatati fis-sena preċedenti, l-ammont previst tad-dħul mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar li jinsab fil-liġi tal-finanzi inizjali u skont il-previżjonijiet ta’ żvilupp tas-suq tar-reklamar.

110

Fl-aħħar nett, jekk l-eventwali żieda tal-għajnuna annwali għall-finanzjament prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, tad-Digriet Nru 97-1263 hija limitata għal 60 %, l-iffissar annwali ta’ din isir ukoll skont, fil-limitu ta’ dan l-ammont massimu, il-fondi disponibbli, u għalhekk essenzjalment id-dħul jew il-previżjonijiet tad-dħul mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar.

111

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dħul minn din it-taxxa jaffettwa l-importanza tal-ammont tal-għajnuna mħallsa lix-xandir bir-radju. Fil-fatt, l-għoti ta’ din l-għajnuna kif ukoll, f’miżura wiesgħa ħafna, il-portata tagħha, jiddependu mid-dħul mill-imsemmija taxxa.

112

Minn dan għandu jiġi konkluż li t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar tagħmel parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna għal xandir bir-radju li din it-taxxa sservi sabiex tiffinanzja.

113

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija taxxa waqt l-eżami tal-għajnuna kkonċernata, f’din il-kawża, wara n-notifika ta’ din l-iskema, fil-kuntest tal-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita permezz tal-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE.

114

Huwa stabbilit li, għalkemm l-imsemmi mod ta’ finanzjament kien ġie, fil-fatt, innotifikat lill-Kummissjoni, ladarba huwa kien jikkostitwixxi t-Titolu I tal-abbozz ta’ digriet li, sussegwentement, sar id-Digriet Nru 97-1263, il-Kummissjoni ma eżaminatux fil-kuntest tal-proċedura li fi tmiemha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni fil-fatt sostniet li dan l-eżami ma kellux isir, peress li t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar ma tagħmilx parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju.

115

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni opponiet ruħha kontra mod ta’ finazjament ta’ skema emendata tal-għajnuna għax-xandir bir-radju li kienet essenzjalment identika għat-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li qieset li dan kien imur kontra l-prinċipju ġenerali ddikjarat regolarment mill-Kummissjoni u kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ġunju 1970, France vs Il-Kummissjoni (47/69, Ġabra p. 487), li l-prodotti jew servizzi importati għandhom jiġu eżentati minn kull taxxa parafiskali intiża sabiex tiffinanzja skema ta’ għajnuna li minnha jibbenefikaw biss impriżi nazzjonali. Huwa biss wara l-emenda tal-abbozz ta’ għajnuna kkonċernat b’tali mod li t-taxxa li kienet marbuta miegħu issa tkopri biss ir-reklamar imxandar mit-territorju Franċiż li l-Kummissjoni ddeċidiet, permezz tal-ittra tagħha tat-28 ta’ Lulju 2003, li ma tqajjimx oġġezzjoni kontra din l-iskema ta’ għajnuna.

116

Sa fejn il-Kummissjoni, sabiex tevalwa l-konformità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mar-regoli tat-Trattat fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-mod ta’ finanzjament ta’ din l-għajnuna, filwaqt li din tal-aħħar kienet parti integrali mill-imsemmija skema, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmija skema mas-suq komuni hija neċessarjament ivvizzjata bi żball.

117

Minn dan jirriżulta li, għal din ir-raġuni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi ddikjarata bħala invalida.

118

Fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi ddikjarata bħala invalida, il-Gvern Franċiż jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha fiż-żmien, billi teżenta minn dan il-limitu biss l-impriżi li, qabel is-sentenza li għandha tingħata, ippreżentaw rikors ġudizzjarju jew qajmu lment ekwivalenti dwar il-ġbir tat-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar.

119

Fl-istess ipoteżi, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tad-deċiżjoni ddikjarata bħala nulla, sabiex la tqiegħed f’dubju l-ġbir tat-taxxi u lanqas l-għoti tal-għajnuna.

120

Insostenn ta’ din it-talba, huwa mfakkar b’mod partikolari li din l-iskema ta’ għajnuna ġiet innotifikata u awtorizzata mill-Kummissjoni, l-istess bħall-iskemi preċedenti, u ġiet applikata għal perjodu estiż. Il-gvern Franċiż iqis b’mod partikolari li obbligu ta’ rkupru tal-ammonti kkonċernati mill-FSER u mill-istazzjonijiet tar-radju lokali għall-perjodu bejn l-1998 u l-2002 għandu mnejn iqiegħed f’periklu l-finanzi u l-eżistenza nfisha tagħhom, u jista’ jikkostitwixxi theddida għall-pluralità tal-medja.

121

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifkawha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, applikabbli, b’analoġija, ukoll fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni tal-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, skont l-Artikolu 234 KE, setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, dawk l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos, C-228/99, Ġabra p. I-8401, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet użu mill-possibbiltà li tillimita fiż-żmien l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jirrigwardaw l-interessi kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li huma involuti fil-kawżi kkonċernati kienu jipprekludu l-kontestazzjoni tal-ġbir jew tal-ħlas ta’ somom ta’ flus li saru abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-perjodu preċedenti għad-data tas-sentenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Silos iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

123

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet applikabbli matul perijodu ta’ ħames snin u li l-għajnuniet mħallsa fil-kuntest ta’ din l-iskema huma bosta u jikkonċernaw numru importanti ta’ operaturi. Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali invokati kemm mill-Gvern Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-fatti li l-imsemmija skema kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u li d-deċiżjoni li permezz tagħha din awtorizzatha ma ġietx ikkontestata quddiem il-qrati Komunitarji, jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni fiż-żmien tad-dikajrazzjoni ta’ invalidità tad-deċiżjoni kkontestata.

124

Għandu jiġi mfakkar, imbagħad, li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-invalidità ta’ att adottat minn awtorità Komunitarja, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 234 KE, id-deċiżjoni tagħha għandha bħala konsegwenza legali li tobbliga lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunità li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, u b’analoġija, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 233 KE f’każ ta’ sentenza ta’ annullament japplika f’każ bħal dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Fl-aħħar nett, kif ġie mfakkar fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha, skont it-Trattat, setgħa esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, taħt l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja.

126

Għalhekk, hemm lok li jiġu sospiżi l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-deċiżjoni kkontestata sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tirrimedja l-illegalità kkonstatata f’din is-sentenza. L-imsemmija effetti jinżammu sospiżi għal perjodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data ta’ din is-sentenza fil-każ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni l-ġdida fil-kuntest tal-Artikolu 88(3) KE u għal perjodu addizzjonali raġjonevoli jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

127

Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-Gvern Franċiż li jiġu eżentati minn din il-limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti ta’ din is-sentenza biss l-impriżi li, qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, ippreżentaw rikors ġudizzjarju jew ilment ekwilaventi dwar il-ġbir tat-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar b’applikazzjoni tad-Digriet Nru 97-1263.

128

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-deċiżjonji kkontestata hija invalida. Madankollu, l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu sospiżi sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 KE. L-imsemmija effetti għandhom jinżammu sospiżi għal perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data ta’ din is-sentenza fil-każ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni l-ġdida fil-kuntest tal-Artikolu 88(3) KE u għal perijodu addizzjonali raġjonevoli jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Huma biss l-impriżi li, qabel din is-sentenza, ippreżentaw rikors ġudizzjarju jew ilment ekwilaventi dwar il-ġbir tat-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar istitwita mill-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 97-1263 li huma eżenti minn din il-limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti ta’ din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

129

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Novembru 1997 li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-modifika tal-isekma ta’ għajnuna favur stazzjonijiet tar-radju lokali (Għajnuna mill-Istat Nru N 679/97 — Franza) hija invalida.

 

Għandhom jiġu sospiżi l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Novembru 1997 sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 KE. L-imsemmija effetti għandhom jinżammu għal perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data ta’ din is-sentenza fil-każ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta din id-deċiżjoni l-ġdida fil-kuntest tal-Artikolu 88(3) KE u għal perijodu addizzjonali raġjonevoli jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Huma biss l-impriżi li, qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, ippreżentaw rikors ġudizzjarju jew ilment ekwilaventi dwar il-ġbir tat-taxxa parafiskali fuq ir-reklamar imxandar permezz tar-radju u tat-televiżjoni, istitwita mill-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 97-1263, tad-29 ta’ Diċembru 1997, fuq l-introduzzjoni ta’ taxxa parafiskali favur fond ta’ sostenn għax-xandir bir-radju, li huma eżenti mil-limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti ta’ din is-sentenza.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top