EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0295

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-11 ta' Diċembru 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Département du Loiret u Scott SA.
Appell - Għajnuna mill-Istat - Prezz preferenzjali ta’ art - Deċiżjoni tal-Kummissjoni - Irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni - Valur attwali tal-għajnuna - Rata ta’ imgħax komposta - Nuqqas ta’ motivazzjoni - Annullament totali - Ammissibbiltà.
Kawża C-295/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09363

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:707

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Prezz preferenzjali ta’ art — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Valur attwali tal-għajnuna — Rata ta’ imgħax komposta — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Annullament totali — Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C-295/07 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Flett, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Département du Loiret, irrappreżentat minn A. Carnelutti, avocat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Scott SA, stabbilita f’Saint-Cloud (Franza), irrappreżentata minn J. Lever, QC, J. Gardner u G. Peretz, barristers, bħala rappreżentati ta’ R. Griffith u M. Papadakis, solicitors,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-29 ta’ Marzu 2007, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni (T-369/00, Ġabra p. II-851, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/KE, tat-12 ta’ Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark (ĠU 2002, L 12, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din id-deċiżjoni tirrigwarda l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art imsemmi fl-ewwel Artikolu tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

2

Intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU l 83, p. 1), jgħid hekk:

“1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni ta’ rkupru”). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.   L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja […] skond l-Artikolu [242] tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”

Il-Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ imgħax applikabbli fil-każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali

3

Fil-Komunikazzjoni tagħha 2003/C 110/08, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar ir-rati tal-imgħax li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali (ĠU C 110, p. 21, iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni tal-2003”, il-Kummissjoni tirrileva dan li ġej:

“[…]

[…] qamet il-kwistjoni jekk dawn l-imgħaxijiet għandhomx ikunu sempliċi jew komposti. […] [I]l-Kummissjoni tqis li hu urġenti li tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

[…]

[…] Jidher, […], minkejja l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet possibbli, li għajnuna illegali għandha bħala effett li tagħti fondi lill-benefiċjarju bl-istess kundizzjonijiet bħal self għal żmien medju mingħajr imgħax. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ imgħaxijiet komposti tidher meħtieġa sabiex il-vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw minn tali sitwazzjoni jiġu newtralizzati kompletament.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tixtieq tinforma lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li, fid-deċiżjonijiet kollha li se tadotta fil-ġejjieni biex tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali se tiġi applikata r-rata ta’ riferiment li tintuża biex jiġi kkalkolat is-sussidju nett ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali fuq bażi komposta. Skont il-prassi normali tas-suq, din il-komputazzjoni tal-imgħaxijiet komposti għandha ssir fuq bażi annwali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tistenna mill-Istati Membri li japplikaw imgħaxijiet komposti fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kollha ta’ rkupru inkwistjoni, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għal prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004

4

Intitolat “Metodu għall-applikazzjoni tal-imgħax”, l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU L 140, p. 1) jipprovdi li:

“1.   Ir-rata ta’ mgħax li għandha tiġi applikata għandha tkun ir-rata ta’ mgħax applikabbli fid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet tqegħdet l-ewwel darba għad-disposizzjoni tal-benefiċjarju.

2.   Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi kompost sad-data ta’ rkupru ta’ l-għajnuna. L-imgħax li jkiġġamma [akkumulat] fis-sena li tiġi qabel għandu jkun suġġett għall-mgħax f’kull sena li tiġi wara.

3.   Ir-rata ta’ mgħax imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata matul il-perjodu kollu sad-data ta’ l-irkupru. Iżda, jekk ikunu għaddew aktar minn ħames snin bejn id-data li fiha l-għajnuna illegali kienet tqegħdet għall-ewwel darba għad-disposizzjoni tal-benefiċjarju u d-data ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna, ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi kalkolata mill-ġdid f’intervalli ta’ ħames snin, waqt li tittieħed bħala bażi r-rata fis-seħħ fiż-żmien tal-kalkolazzjoni mill-ġdid.”

5

Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 11 tiegħu huwa applikabbli għal kull deċiżjoni ta’ rkupru nnotifikata wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif spjegati fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza kkontestata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7

Fil-31 ta’ Awwissu 1987, il-belt ta’ Orléans (Franza), id-Département du Loiret (Franza) u l-kumpannija Scott SA (iktar ’il quddiem “Scott”), laħqu ftehim, b’mod partikolari, fuq il-bejgħ lil din tal-aħħar ta’ art sabiex tinbena fabbrika. Dan il-ftehim kien jipprevedi li d-Département du Loiret u l-belt ta’ Orléans jikkontribwixxu mhux iktar minn 80 miljun FRF (12.2 miljun EUR) għax-xogħlijiet ta’ żvilupp tas-sit favur Scott.

8

Fix-xahar ta’ Jannar 1996, Scott ġiet akkwistata mill-kumpannija Kimberly-Clark Corp., li ħabbret l-għeluq tal-fabbrika fix-xahar ta’ Jannar 1998. L-assi tal-fabbrika, jiġifieri l-art u l-impriża tal-karti, ġew akkwistati mill-kumpannija Procter & Gamble fix-xahar ta’ Ġunju 1998.

9

Wara rapport tal-Qorti tal-Awdituri Franċiża ppubblikat fix-xahar ta’ Novembru 1996, u wara li rċeviet ilment dwar l-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni, wara skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet Franċiżi bejn ix-xhur ta’ Jannar 1997 u April 1998, infurmat lill-imsemmija awtoritajiet, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 1998, bid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 1998 li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE).

10

Fis-sentenza appellata, id-deċiżjoni kkontestata hija mfissra kif ġej:

“10

Id-deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni emendata tagħha, tipprevedi:

L-ewwel Artikolu

L-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art u ta’ rata preferenzjali tal-levy tat-trattament ta’ l-ilma, li Franza implementat favur Scott, f’ammont ta’ 39.58 miljun FRF (6.03 miljun EUR) jew, f’valur materjali [attwali] ta’ 80.77 miljun FRF (12.3 miljun EUR), għal dak li jirrigwarda l-prezz preferenzjali ta’ l-art […], hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   Franza għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mill-benefiċjarja tagħha l-għajnuna indikata fl-ewwel Artikolu u li diġà tqegħdet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.

2.   L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-preżenti deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi l-imgħax mid-data li fiha tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data ta’ l-irkupru tagħha. L-imgħax għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-rati ta’ riferiment użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti fil-kuntest ta’ l-għajnuniet b’finalitajiet reġjunali.’

11

Għal dak li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ l-imgħax, il-Kummissjoni qieset (premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata):

‘Sabiex jiġu ristabbiliti l-kundizzjonijiet ekonomiċi li l-impriża kien ikollha taffaċċa kieku l-għajnuna inkompatibbli ma kinitx tingħata lilha, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex ineħħu l-vantaġġi li joħorġu mill-għajnuna u biex tirkuprahom mill-benefiċjarja.

[…].’

12

B’hekk, il-valur [attwali] ta’ l-għajnuna li trid tiġi rkuprata kkalkolata mill-Kummissjoni, jiġifieri 80.77 miljun FRF (ara l-punt 10 iktar il fuq), jieħu in kunsiderazzjoni l-applikazzjoni ta’ rati ta’ imgħax mid-data ta’ ħruġ ta’ l-għajnuna illegali sad-data tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn ir-rati ta’ imgħax jikkorrispondu għar-rati ta’ riferiment użati mill-Kummissjoni biex iqisu [jikkalkolaw] l-element ta’ għajnuna fis-sussidji pubbliċi fi Franza, jiġifieri ‘5.7 % mill-1 ta’ Jannar 2000’ (premessi 172 u 239 tad-deċiżjoni kkontestata).”

Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Diċembru 2000, id-Département du Loiret ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, fejn talab l-annullament tagħha sa fejn tiddikjara illegali l-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art u tordna l-ħlas lura tas-somma ta’ 39.58 miljun FRF (6.03 miljun EUR) jew, f’valur attwali, ta’ 80.77 miljun FRF (12.3 miljun EUR).

12

Scott, li wkoll ippreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata (Scott vs Il-Kummissjoni, T-366/00), intervjeniet f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tad-Département du Loiret.

13

Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad ir-rikors tad-Département du Loiret bħala infondat.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda l-kapitalizzazzjoni tal-imgħaxijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx motivata biżżejjed. Għalhekk, hija laqgħet il-ħames parti tat-tieni motiv u annullat din id-deċiżjoni sa fejn tirrigwarda l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ prezz preferenzjali tal-art imsemmija fl-ewwel Artikolu tagħha, mingħajr ma eżaminat il-motivi u l-argumenti l-oħra invokati insostenn tar-rikors.

15

Fir-rigward tal-użu ta’ rata komposta, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett ikkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix li qed tuża rata komposta u huwa biss meta l-kalkolu jsir b’referenza għall-valur inizjali u l-“valur [attwali]” tal-għajnuna kif indikati fl-imsemmija deċiżjoni li l-qarrej jista’ jiddeduċi li ntużat rata komposta. Bl-ebda mod ma ġew indikati r-raġunijiet għaliex intużat rata komposta pjuttost milli rata sempliċi.

16

Imbagħad, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-impożizzjoni ta’ imgħaxijiet komposti f’dan il-każ kienet l-ewwel manifestazzjoni ta’ politika ġdida u sinjifikattiva tal-Kummissjoni, li hija ma mmotivat bl-ebda mod. Il-Kummissjoni kellha, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tindika li hija kienet iddeċidiet li tikkapitalizza l-imgħax u, min-naħa l-oħra, tiġġustifika l-approċċ tagħha.

17

Skont il-punt 44 tas-sentenza appellata, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni żdied minħabba l-fatt li, fid-dawl taż-żmien li għadda bejn id-data tal-bejgħ tas-sit u d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri tlettax-il sena, l-impożizzjoni ta’ imgħax kompost kellha konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi fuq l-ammont tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata.

18

Fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet ukoll insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-livell tar-rata ta’ imgħax applikata.

19

Imbagħad, bħala risposta għall-argument tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta’ rata komposta, sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali tal-valur inizjali tas-sussidju, hija ġġustifikata bin-neċessità li tiġi ristabbilita kompetizzjoni effettiva bit-tneħħija tal-vantaġġ li gawda l-benefiċjarju, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, li tali ġustifikazzjoni tippresupponi, minn naħa, li l-benefiċjarju għad għandu dan il-vantaġġ f’din id-data u, min-naħa l-oħra, li l-forma tal-għajnuna inkwistjoni hija assimilabbli għal self bla imgħax ta’ somma ekwivalenti għall-valur tas-sussidju inizjali. Id-deċiżjoni kkontestata ma tagħti l-ebda spjegazzjoni fuq dan il-punt.

20

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, osservat li, fid-dawl tal-forma tal-għajnuna mogħtija lil Scott matul is-sena 1987, jiġifieri t-trasferiment ta’ art amministrata bi prezz preferenzjali, bl-ebda mod ma huwa evidenti li jekk il-valur attwali tal-valur stmat tas-sussidju inizjali jiġi kkalkolat billi tiġi applikata rata ta’ imgħax komposta ta’ 5.7 % matul il-perijodu inkwistjoni dan iwassal għal ċifra li tikkorrispondi għall-valur tal-vantaġġ li minnu gawda l-benefiċjarju bħala proprjetarju tal-beni fl-2000.

21

Skont il-punt 51 tas-sentenza appellata, barra minn hekk, huwa paċifiku li l-art u l-fabbrika nbiegħu lil Procter & Gamble fl-1998. Issa, il-prezz imħabbar mill-awtoritajiet Franċiżi — il-Kummissjoni ma kkontestatx li dan il-bejgħ seħħ f’kundizzjonijiet normali tas-suq u hija analizzat dan il-bejgħ fid-deċiżjoni kkontestata filwaqt li aċċettat il-possibbiltà li l-art kienet inbiegħet b’dan il-prezz — kien inferjuri mhux biss għall-valur li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet fl-1987, imma wkoll għall-prezz imħallas minn Scott.

22

Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ kull motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rabta bejn il-vantaġġ preżunt miżmum minn Scott fl-2000 u s-somma ta’ 80.77 miljun FRF, hija tinsab fl-impossibbiltà li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq il-kwistjoni jekk l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta jwassalx għal valur attwali ekwivalenti għall-valur tal-vantaġġ li jrid jitneħħa.

23

Finalment, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija inkoerenti, sa fejn tapplika, mingħajr ġustifikazzjoni, imgħaxijiet fuq bażi komposta sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, imbagħad imgħaxijiet fuq bażi sempliċi sal-irkupru tal-għajnuna. Fil-fatt, l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, billi jipprevedi li l-irkupru għandu jseħħ skont ir-regoli nazzjonali, kellu bħala konsegwenza li l-imgħaxijiet relattivi għall-perijodu mid-data tad-deċiżjoni kkontestata sa dik tal-irkupru tal-għajnuna ser jiġu kkalkolati b’rata sempliċi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata.

25

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-fondatezza tal-appell u, konsegwentement, tannulla s-sentenza appellata fit-totalità tagħha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-istadju tal-kawża, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament din il-kawża u li tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta. Fin-nuqqas ta’ dan, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża mhijiex fi stat li tiġi deċiża, il-Kummissjoni titlobha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċidiha hi.

26

Konsegwentement, il-Kummissjoni titlob ukoll li d-Département du Loiret jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk magħmula minnha fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza, u li Scott tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza.

27

Id-Département du Loiret jitlob li l-appell jiġi miċħud fit-totalità tiegħu u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

28

Scott titlob li l-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud u li din tal-aħħar tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż magħmula minnha sabiex tiddefendi l-interessi tagħha f’din l-istanza.

Fuq l-appell

29

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem tmien aggravji, li jistrieħu fuq l-affermazzjonijiet li ġejjin, rispettivament:

deċiżjoni tkun suffiċjentement motivata jekk permezz ta’ kalkolu matematiku sempliċi jkun jista’ jiġi kkonstatat liema metodu ta’ kalkolu intuża;

l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta huwa neċessarjament impliċitu fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-għan li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ qabel;

l-oneru tal-prova nqaleb b’mod illegali: kienet ir-rikorrenti li kellha tipprova l-bidla allegata tal-prassi; ma kinitx il-Kummissjoni li kellha turi n-nuqqas ta’ tali bidla;

il-Kummissjoni mhijiex legalment obbligata tistabbilixxi li benefiċjarju għandu vantaġġ fid-data tal-ordni tal-irkupru;

is-sentenza hija bbażata fuq spekulazzjonijiet, u mhux fuq provi, u taqleb l-oneru tal-prova f’dak li jirrigwarda l-prezz allegat tal-bejgħ tal-assi tal-fabbrika lil Procter & Gamble;

prezz ta’ bejgħ allegat ħdax-il sena wara l-għoti tal-għajnuna mhuwiex relevanti biex jiġi kkalkolat l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat;

b’mod konformi mal-obbligu tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet finali fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, fil-każ li d-deċiżjoni finali ma tgħidx xejn, il-kwistjoni dwar jekk l-irkupru hux akkumpanjat minn rata ta’ imgħax sempliċi jew komposta taqa’ taħt id-dritt Komunitarju, u mhux taħt id-dritt nazzjonali;

il-kwistjoni dwar ir-rata ta’ imgħax tista’ tkun distinta mill-ammont prinċipali: fi kwalunkwe każ, m’hemmx bażi legali sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata jekk mhux sa fejn din applikat rata ta’ imgħax ogħla minn rata ta’ imgħax sempliċi.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

30

Il-Kummissjoni tqis li deċiżjoni hija suffiċjentement motivata jekk sempliċi kalkolu jippermetti li jiġi kkonstatat liema metodu ta’ kalkolu intuża (f’dan il-każ, imgħaxijiet komposti). Issa, l-informazzjoni kollha neċessarja tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u l-formula hija waħda li kulħadd jaf. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma setgħetx tibbaża l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata partikolarment fuq il-fatt, imsemmi fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li huwa biss billi jsir ċertu kalkolu matematiku li l-qarrej jista’ jiddeduċi li ġiet applikata rata komposta.

31

Skont id-Département du Loiret, dan l-aggravju huwa irrelevanti, għaliex il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkritikata permezz ta’ dan l-aggravju mhijiex element ta’ motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda element deskrittiv li jirrimedja għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni u ta’ spjegazzjoni, fit-test tad-deċiżjoni kkontestata, tal-metodu użat sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat din id-deċiżjoni, għaliex fl-imsemmija deċiżjoni m’hemm indikata ebda raġuni għaliex intuża dan il-metodu, f’dak iż-żmien mingħajr preċedent fil-prassi tal-Kummissjoni.

32

Scott tqis ukoll li din kienet biss osservazzjoni ta’ fatt li fuqha l-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatx l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Huwa veru li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix li qed tuża imgħax kompost u li huwa biss billi jsir kalkolu li l-qarrej jista’ jiddeduċi li ġiet applikata rata komposta, tinsab fl-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tivverifika jekk il-Kummissjoni immotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi l-valur attwali tal-għajnuna billi tuża imgħaxijiet komposti.

34

Madankollu, jekk din is-silta tinqara fil-kuntest tagħha, u partikolarment, flimkien mal-punti 37 sa 43 tas-sentenza appellata, jirriżulta li din il-konstatazzjoni hija biss preliminari u ma tikkostitwixxix il-bażi tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata. Din l-aħħar konklużjoni tistrieħ aktar fuq il-konstatazzjoni, li tinsab ukoll fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha tindika r-raġunijiet għalfejn hija użat imgħax kompost minflok imgħax sempliċi.

35

Għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

36

B’riferiment mill-ġdid għall-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta huwa, fi kwalunkwe każ, neċessarjament impliċitu fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, meta jiġu kkunsidrati l-għanijiet iddikjarati li jiġi eliminat il-vantaġġ u li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ qabel. L-inflazzjoni hija fatt ekonomiku modern u tiġi espressa f’termini ta’ ammonti komposti fuq bażi annwali. Konsegwentement, ħlief jekk tintuża rata ta’ imgħax komposta, il-valur attwali tal-flus ma jkunx ikkalkolat b’mod korrett u l-vantaġġ ma jiġix eliminat. Din l-analiżi hija kkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni (T-459/93, Ġabra p. II-1675, punti 96 sa 98).

37

Id-Département du Loiret iqis, fl-ewwel lok, li l-użu ta’ rata komposta ma setax ikun impliċitu, f’dak iż-żmien, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku fis-seħħ dakinhar, tal-pożizzjonijiet meħuda u tal-prassi tal-Kummissjoni.

38

Huwa jirreleva partikolarment li, għall-metodu tal-kalkolu tal-imgħax, l-ittra tal-Kummissjoni lill-Istati Membri SG(91) D/4577, tal-4 ta’ Marzu 1991 (Komunikazzjoni lill-Istati Membri dwar il-modalitajiet tan-notifika tal-għajnuna u l-modalitajiet ta’ proċedura fir-rigward ta’ għajnuna li daħlet fis-seħħ bi ksur tal-Artikolu [88](3) tat-Trattat KE), kienet spjegat espliċitament il-metodu ta’ kalkolu stipulat fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru destinatarju tad-deċiżjoni negattiva. Fil-fatt, fi tmiem il-paragrafu 4 tal-punt 2 ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li l-irkupru kellu “isir skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw l-imgħaxijiet ta’ ħlas tardiv fuq dejn dovut lill-Istat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

39

Din l-ittra, li r-rwol ta’ riferiment tagħha ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C-74/00 P et C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punti 164 u 165), kienet tikkostitwixxi, fir-rigward tal-imgħaxijiet, l-espressjoni mill-Kummissjoni tad-dritt applikabbli fuq il-punt sal-adozzjoni tar-Regolament Nru 794/2004. Il-Komunikazzjoni tal-2003 emendatha fuq l-uniku punt tal-metodu sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali.

40

Issa, matul il-perijodu inkwistjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ ħafna Stati Membri kienet tikkunsidra — u għadha tikkunsidra — li l-prezz taż-żmien jitħallas permezz tal-impożizzjoni ta’ imgħaxijiet sempliċi.

41

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni (73/74, Ġabra p. 1491), id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tkun motivata b’mod impliċitu, peress li hija kienet tmur ferm iktar lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti.

42

Scott issostni li dan l-aggravju ma jirrispondix għall-argumentazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tipprovdi bażi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li jikkontradixxi wkoll kemm l-istorja leġiżlattiva kif ukoll il-prassi tal-Kummissjoni fiż-żmien inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, korrettament tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita li minnha jirriżulta li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura tal-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha relevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 KE tkun trid tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, partikolarment, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 166).

44

Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li għalkemm deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ssegwi linja ta’ prassi deċiżjonali stabbilita, tista’ tiġi motivata fil-qosor, partikolarment b’riferiment għal dik il-prassi, jekk tmur iktar lil hinn b’mod sinjifikattiv mid-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, Ġabra p. I-9919, punti 88 u 92).

45

Kif josserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rekwiżit japplika a fortiori fil-każ ta’ allegata motivazzjoni impliċita.

46

Issa, huwa stabbilit li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienu jippreċiżaw li l-imgħaxijiet li għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi komposta. Għall-kuntrarju, hekk kif irrelevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 40 tas-sentenza appellata, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2003, il-Kummissjoni ammettiet espressament li kienet qamet il-kwistjoni dwar jekk dawn l-imgħaxijiet kellhomx ikunu sempliċi jew komposti u hija ddeċidiet li kien urġenti li tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. Hija, għalhekk, informat lill-Istati Membri u l-partijiet interessati li, f’kull deċiżjoni li tordna rkupru ta’ għajnuna illegali li hija setgħet tadotta fil-futur, kienet ser tapplika rata ta’ imgħax komposta.

47

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha tal-11 ta’ Settembru 2006 għal ittra tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ammettiet li d-deċiżjonijiet finali negattivi tagħha qabel id-deċiżjoni kkontestata ma ppreċiżawx li l-metodu tar-rati ta’ imgħaxijiet komposti kellu jiġi applikat.

48

Wara kollox, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka deċiżjoni waħda preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata li kienet effettivament timponi imgħaxijiet komposti. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, osservat biss, mingħajr ma speċifikat iżjed, li hija kienet diġà kkomunikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza xi eżempji ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat li fihom il-Kummissjoni kienet applikat imgħax kompost.

49

Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, ġustament ikkonstatat li l-impożizzjoni ta’ imgħaxijiet komposti f’dan il-każ kienet l-ewwel manifestazzjoni ta’ politika ġdida u sinjifikattiva tal-Kummissjoni, li din kellha tiġġustifika.

50

Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, anke jekk id-deċiżjoni kkontestata speċifikat li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-għajnuna għandhom jitneħħew sabiex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ qabel, l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta m’għandux jiġi kkunsidrat bħala li huwa neċessarjament impliċitu fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

51

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

52

B’riferiment għall-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li din is-sentenza taqleb b’mod illegali l-oneru tal-prova fil-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat u fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Id-Département du Loiret ma pproduċa l-ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni kienet bidlet il-prassi tagħha, u wara kollox, din l-affermazzjoni ġiet ikkonfutata mill-Kummissjoni, partikolarment fir-risposta tagħha tal-11 ta’ Settembru 2006 għal domanda li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

53

Id-Département du Loiret iqis li dan l-aggravju huwa żbaljat fid-dritt u fil-fatt. Peress li dan id-dipartiment, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kien żviluppa b’mod sodisfaċenti l-motiv dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-dawl tal-prassi preċedenti, kienet il-Kummissjoni li kellha, bħala l-iktar li taf x’kienet il-prassi tagħha stess, tikkoreġi l-affermazzjonijiet li fil-fehma tagħha ma kinux eżatti.

54

Scott tosserva wkoll li d-Département du Loiret u hi esponew b’mod dettaljat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li mill-investigazzjonijiet tagħhom irriżulta li l-Kummissjoni qatt ma kienet użat kalkolu ta’ imgħaxijiet komposti qabel id-deċiżjoni kkontestata. Huwa kompletament infondat li tipprova taqleb l-oneru tal-prova fuq dan il-punt.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55

Preliminarjament, għandu jiġi rrelevat li l-kwistjoni dwar liema kienet il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata hija, bħala regola, kwistjoni ta’ natura fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u teżamina l-fatti relevanti kif ukoll sabiex teżamina l-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 177 u 180).

56

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tivverifika jekk ir-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru tal-amministrazzjoni tal-prova ġewx imħarsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 24, u Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

57

Mandakollu, għandu jiġu mfakkar minnufih li insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ tali natura li tikser l-Artikolu 253 KE taqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u tikkostitwixxi motiv li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja (sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24, kif ukoll Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 174).

58

Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk, fil-kuntest tal-analiżi tagħha sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx motivata suffiċjentement jew le fir-rigward tal-kalkolu tal-imgħaxijiet, setgħet teżamina l-kwistjoni dwar liema kienet il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata, tagħmel domandi f’dan ir-rigward lil din l-istituzzjoni u mir-risposta tislet il-konklużjonijiet neċessarji.

59

Konsegwentement, it-tielet aggravju m’għandux jintlaqa’.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

60

B’riferiment għall-punti 50 u 52 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tikkunsidra li din is-sentenza tikkonkludi b’mod żbaljat li l-Kummissjoni hija legalment obbligata tistabbilixxi li l-benefiċjarju jieħu vantaġġ mill-għajnuna fid-data tal-ordni tal-irkupru. Hija tqis li dan il-kunċett huwa bbażat fuq żball dwar l-objettiv essenzjali u l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, li, fir-realtà, tirrigwarda l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u mhux dik bejn l-impriżi. Il-Kummissjoni tistabbilixxi biss li fid-data tal-għoti tal-għajnuna l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE huma sodisfatti. Hija la hija obbligata tivverifika darb’oħra li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti fil-mument tal-ħruġ tal-ordni ta’ irkupru u lanqas ma hija awtorizzata tagħmel dan.

61

Skont id-Département du Loiret, dan l-aggravju huwa infondat, għaliex jagħti lis-sentenza appellata portata li m’għandhiex. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhija bl-ebda mod qed tipprova tistabbilixxi, bħala kundizzjoni ġdida għall-ħlas lura, li għandu jiġi vverifikat li Scott kienet għadha tgawdi minn vantaġġ fid-data tad-deċiżjoni negattiva. Hija riedet sempliċiment li tali deċiżjoni tippermettilha tassigura lilha nfisha fuq il-fondatezza tal-kwantifikazzjoni ta’ dan il-vantaġġ, f’din id-data, permezz tar-raġunament u l-parametri ekonomiċi magħżula.

62

Scott issostni, fuq dan il-punt, li s-sentenza appellata tillimita ruħha sabiex tiżviluppa l-kritika tagħha dwar in-nuqqas ta’ kull motivazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ imgħaxijiet komposti fid-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63

Kif jirriżulta mill-punti 48 sa 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma xtaqitx tistabbilixxi bħala regola ġenerali li, sabiex tkun tista’ tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi li l-benefiċjarju għadu jgawdu vantaġġ minn din l-għajnuna fid-data tal-ordni tal-irkupru. Fil-fatt, ir-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-kwistjoni jekk il-benefiċjarju għadux igawdi, f’din id-data, vantaġġ mill-għajuna huwa b’mod ċar parti mill-analiżi intiża sabiex ikun stabbilit jekk l-użu ta’ rata ta’ imgħaxijiet komposta hux ġustifikat mill-ħtieġa li jitneħħa l-vantaġġ li minnu l-benefiċjarju gawda.

64

Dan l-aggravju għalhekk huwa infondat, peress li huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Huwa, barra minn hekk, ineffettiv inkwantu l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat għaliex hija applikat, għall-ewwel darba, rata ta’ imgħax komposta, kienet biżżejjed, waħedha, sabiex tipprovdi sostenn għall-konklużjoni, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx suffiċjentement motivata.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

65

B’riferiment għall-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis li din is-sentenza hija bbażata illegalment fuq spekulazzjonijiet iktar milli fuq provi f’dak li jirrigwarda l-prezz allegat tal-bejgħ tal-assi tal-fabbrika lil Procter & Gamble fl-1998. Filwaqt li tfakkar fir-regoli applikabbli fil-qasam tal-provi kemm quddiemha kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata rrelevat li, fi kwalunkwe każ, ma tressqet l-ebda prova sabiex jiġi ġġustifikat tali prezz ta’ bejgħ.

66

Id-Département du Loiret isostni li dan l-aggravju jikkonċerna punt superfluwu ta’ ċirkustanza fost oħrajn, u jerġa’ jqiegħed inkwistjoni l-evawlazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk huwa inammissibbli.

67

Scott issostni li l-punt ikkontestat tas-sentenza appellata jiddeskrivi biss is-sitwazzjoni fattwali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tiddiskuti l-kontenut tiegħu. Barra minn hekk, dan il-punt jista’ jiġi rtirat mingħajr ma dan iwassal biex is-sentanza appellata tinbidel.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Il-ħames aggravju jikkonċerna silta mis-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-analiżi tagħha sabiex tistabbilixxi jekk l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta hux ġustifikat mill-ħtieġa li jitneħħa l-vantaġġ li minnu gawda l-benefiċjarju, riedet tenfasizza d-dubji tagħha dwar il-valur tal-vantaġġ li kellha Scott fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata.

69

Huwa għalhekk, bħar-raba’ aggravju, ineffettiv inkwantu l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat għaliex hija applikat, għall-ewwel darba, rata ta’ imgħax komposta, kienet biżżejjed, waħedha, sabiex tipprovdi sostenn għall-konklużjoni, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx suffiċjentement motivata.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

70

B’riferiment għall-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li din is-sentenza tikkunsidra b’mod żbaljat li l-prezz allegat tal-bejgħ tal-assi tal-fabbrika lil Procter & Gamble fl-1998, ħdax-il sena wara l-għoti tal-għajnuna, kien relevanti sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li kellu jiġi rkuprat.

71

Hija tirreleva li m’hemm l-ebda dubju li Scott irċeviet għajnuna mill-Istat sostanzjali u li hemm diversi raġunijiet li jistgħu jispjegaw tnaqqis fil-valur tal-assi. Issa, il-valur ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komun jiġi kkalkolat fid-data tal-għoti tagħha u l-għan li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ qabel jimplika neċessarjament imgħaxijiet komposti, indipendentement minn dak li l-benefiċjarju jkun għamel bl-għajnuna fl-intervall.

72

Skont id-Département du Loiret, dan l-aggravju huwa inammissibbli inkwantu huwa indirizzat kontra evalwazzjoni ta’ fatt mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, peress li l-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata fihom motivazzjoni superfluwa, l-ilmenti li jistgħu jirreferu għalihom huma għalhekk ineffettivi. Scott tressaq l-istess argumenti bħal dawk li ressqet fil-kuntest tal-ħames aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Bħall-ħames aggravju, is-sitt aggravju jirrigwarda silta mis-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-analiżi tagħha sabiex tistabbilixxi jekk l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta hux ġustifikat mill-ħtieġa li jitneħħa l-vantaġġ li minnu gawda l-benefiċjarju, riedet tenfasizza d-dubji tagħha dwar il-valur tal-vantaġġ li kellha Scott fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

74

Għalhekk dan l-aggravju wkoll huwa ineffettiv inkwantu l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat għaliex hija applikat, għall-ewwel darba, rata ta’ imgħax komposta, kienet biżżejjed, waħedha, sabiex tipprovdi sostenn għall-konklużjoni, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx suffiċjentement motivata.

Fuq is-seba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

75

B’riferiment għall-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis li din is-sentenza tikkunsidra b’mod żbaljat li, fil-każ li d-deċiżjoni finali ma tgħid xejn dwar l-għajnuna mill-Istat, il-kwistjoni dwar jekk ir-rata ta’ imgħax tal-irkupru hijiex sempliċi jew komposta taqa’ taħt “proċeduri nazzjonali”.

76

In-neċessità li tintuża rata ta’ imgħax komposta hija kwistjoni ta’ sustanza u mhux proċedurali, bħar-rata ta’ imgħax stess. Din hija kwistjoni essenzjali tad-dritt Komunitarju, bil-għan li jiġi eliminat il-vantaġġ fit-totalità tiegħu u li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ qabel, ħaġa li tirrikjedi li l-valur tal-flus matul iż-żmien jiġi kkalkolat b’mod korrett.

77

Barra minn hekk, li kieku l-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta kienet kwistjoni proċedurali, ir-Regolament Nru 794/2004 kien ikun, minnu nnifsu, illegali, għaliex kien jaffettwa oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999.

78

Id-Département du Loiret iqis li dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għalkemm il-metodu sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali jikkostitiwxxi kwistjoni sostantiva li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju, xorta jibqa’ l-fatt li dan tal-aħħar, f’dak iż-żmien, kien jistipula li fil-każ li d-deċiżjoni finali ma tgħid xejn, kellu jerġa’ jsir riferiment għad-dritt nazzjonali.

79

Scott tqis li, fid-dawl tal-istat tad-dritt, kif jirriżulta, partikolarment mill-punt 88 tas-sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u mill-prassi fiż-żmien ikkonċernat, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi interpretata b’mod raġonevoli bħala li ordnat lill-awtoritajiet Franċiżi biex imorru kontra r-regoli stabbiliti mid-dritt nazzjonali u biex jagħmlu kalkolu ta’ imgħax kompost biex jistabbilixxu l-valur attwali tal-ammont li għandu jiġi rkuprat bejn id-data tal-imsemmija deċiżjoni u d-data tal-irkupru effettiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80

L-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu:

“L-irkupru [tal-għajnuna inkwistjoni] għandu jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-preżenti deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi imgħaxijiet mid-data li fiha tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sad-data tal-irkupru tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

81

Dan il-kliem għandu jinqara filwaqt li jiġi kkunsidrat l-istat tad-dritt Komunitarju kif ukoll il-prassi tal-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali ta’ ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata kif kienu fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

82

Kif ġie kkonstatat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienu jispeċifikaw jekk l-imgħaxijiet li għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi għandhomx jiġi kkalkolati fuq bażi sempliċi jew komposta.

83

Għalkemm il-metodu sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali ta’ għajnuna illegali jikkostitwixxi kwistjoni ta’ sustanza u mhux proċedurali, xorta għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament josserva d-Département du Loiret, il-Kummissjoni indikat, fl-ittra tagħha lill-Istati Membri SG(91) D/4577, tal-4 ta’ Marzu 1991, li d-deċiżjoni finali li permezz tagħha tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni “iġġib magħha l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna diġà mogħtija illegalment, irkupru li għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw l-imgħaxijiet ta’ ħlas tardiv fuq dejn dovut lill-Istat; l-imgħaxijiet ġeneralment jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti tal-għajnuna illegali inkwistjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

84

Din l-ittra għalhekk rabtet il-kwistjoni tal-impożizzjoni tal-imgħaxijiet mal-modalitajiet proċedurali tal-irkupru u, f’dan ir-rigward, għamlet riferiment għad-dritt nazzjonali. Kien biss permezz tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ċerti testi li jirrigwardaw il-politika fil-qasam tal-għajnuna mogħtija mill-Istat li m’għadhomx jgħoddu (ĠU 2004, C 115, p. 1), li l-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri u lit-terzi interessati li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tapplika iktar l-imsemmija ittra, li hija ddeskriviet, barra minn hekk, bħat-testi l-oħra msemmija f’din il-Komunikazzjoni, bħala “test li jikkonċerna kwistjonijiet proċedurali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat”.

85

Peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax espressament li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tingħata valur attwali abbażi ta’ rata ta’ imgħax komposta u peress li, barra minn hekk, mhux ikkontestat li d-dritt Franċiż jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax sempliċi, il-Qorti tal-Prim’Istanza konsegwentement, u ġustament, interpretat l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li din id-dispożizzjoni għandha bħala konsegwenza li l-imgħaxijiet relattivi għall-perijodu mid-data tad-deċiżjoni kkontestata sa dik tal-irkupru tal-għajnuna għandhom jiġu kkalkolati b’rata sempliċi, u kkonstatat li, minħabba f’hekk, id-deċiżjoni kkontestata fiha inkoerenza evidenti.

86

Konsegwentement, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

Fuq it-tmien aggravju

L-argumenti tal-partijiet

87

Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata hija sproporzjonata inkwantu tannulla d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha (sa fejn hija tikkonċerna l-art u l-fabbrika) abbażi ta’ konklużjonijiet limitati għall-motivazzjoni tal-użu ta’ rata ta’ imgħax komposta. Issa, il-kwistjoni tal-imgħax setgħet u jmissha ġiet isseparata mill-kwistjoni tal-ammont prinċipali, u l-kwistjoni tal-imgħax kompost setgħet u jmissha ġiet isseparata mill-kwistjoni tal-imgħax sempliċi. Fil-fatt, l-ammont inizjali tal-għajnuna kif ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata u l-użu ta’ rata ta’ imgħax sempliċi ma ġewx ikkontestati fis-sentenza appellata.

88

It-tmien aggravju ma jibdilx is-suġġett tal-kawża. L-aggravji tal-appell elenkati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu, minnhom infushom, għal kwistjonijiet li jistgħu jitfaċċaw jew jiġu murija f’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kawża preżenti, is-sentenza appellata kisret hija stess id-dritt Komunitarju.

89

Ikun inġust ħafna u inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ protezzjoni legali effettiva li sentenza (mogħtija kontra l-Kummissjoni f’din il-kawża) tinżamm fis-seħħ minkejja żball, mingħajr ebda possibbiltà ta’ rieżami fl-appell. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jfakkar ir-regola fundamentali li talba għall-annullament, totali jew parzjali, ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tqajjem, minnha nfisha, kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal appell.

90

Barra minn hekk, it-tmien aggravju mhuwiex marbut mal-motivi tal-annullament stess kif stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda aktar mal-konswegwenzi tagħhom. Il-Kummissjoni ma taħsibx li huwa l-konvenut quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandu jeżamina minn jeddu, għan-nom ta’ rikorrent jew tal-Qorti tal-Prim’Istanza, x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi varji ta’ rebħa tal-parti avversarja. Dan jobbliga lill-konvenut jiżviluppa argumentazzjoni susssidjarja sħiħa bbażata fuq suppożizzjonijiet fir-rigward ta’ dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tagħmel jew ma tagħmilx.

91

Id-Département du Loiret u Scott iqisu li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li jwessa’ s-suġġett tal-kawża u jikkostitwixxi talba ġdida, filwaqt li l-Kummissjoni fl-ebda ħin ma talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tillimita ruħha għal annullament parzjali, minkejja li l-kritika tal-metodu ta’ kif ġie stabbilit il-valur attwali ġiet espliċitament imqajma.

92

Barra minn hekk, is-separazzjoni bejn l-imgħaxijiet sempliċi u komposti li l-Qorti tal-Ġustizzja intalbet sabiex tikkunsidra fil-kuntest ta’ dan l-aggravju sabiex tibdel is-sentenza appellata twassal għal bidla sostanzjali tad-deċiżjoni kkontestata stess, minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, m’għandhiex ġurisdizzjoni sħiħa. It-teknika tal-kalkolu tal-imgħax tikkostitwxxi element li jifforma parti integrali tal-kalkolu li jwassal għall-ammont finali tal-għajnuna u l-motivazzjoni tal-għażla tagħha hija daqstant importanti daqs dik dwar il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna u tal-kalkolu tal-ammont tagħha qabel ma jiġi stabbilit il-valur attwali. L-indiviżibbiltà finali tagħhom tipprojbixxi li jsir annullament parzjali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

— Fuq l-ammissibbiltà tat-tmien aggravju

93

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għal punti ta’ dritt u jista’ jkun ibbażat fuq aggravji bbażati, partikolarment, fuq ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

94

Barra minn hekk, l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 59, u tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 95).

96

Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni mhijiex qed tipprova tikkontesta s-soluzzjoni legali nfisha mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza għal motiv diskuss quddiemha. Hija aktar tikkritika l-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza siltet mill-konklużjoni tagħha li kien hemm lok li tilqa’ l-ħames parti tat-tieni motiv invokat mid-Département du Loiret, fis-sens li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi l-valur attwali tal-għajnuna billi timponi imgħaxijiet komposti. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, kien b’mod żbaljat, għaliex b’mod li jinjora l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-Qorti tal-Prim’Istanza, abbażi ta’ din l-unika konklużjoni, annullat id-deċiżjoni kkontestata totolament, sa fejn hija tikkonċerna l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ prezz preferenzjali tal-art inkwistjoni.

97

Issa, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tevalwa s-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija għandha, għaliex li kieku ma kienx hekk il-proċedura tal-appell tiġi pprivata minn parti importanti mis-sinjifikat tagħha, tkun kompetenti wkoll sabiex tevalwa l-konsegwenzi legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza siltet minn tali soluzzjoni, li wkoll jikkostitwixxu punt ta’ dritt.

98

F’dan il-kuntest, barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li l-konklużjonijiet konkreti li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk ikun il-każ, tislet fis-sentenza tagħha mill-konstatazzjoni tagħha li motiv huwa fondat ma jistgħux neċessarjament jiġu antiċipati mill-partijiet matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

99

Minn dak li ntqal preċedentament jirriżulta li aggravju mqajjem, fil-qafas ta’ appell, kontra konklużjoni legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun siltet mis-soluzzjoni legali li hija tkun tat għal motiv diskuss quddiemha m’għandux jiġi kkunsidrat bħala li “[jibdel] is-suġġett tal-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza” skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

100

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu d-Département du Loiret u Scott, it-tmien aggravju ma jikkostitwixxix talba ġdida, inammissibbli skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 113(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura.

101

Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad ir-rikors tad-Département du Loiret tinkludi wkoll it-talba iktar ristretta ta’ eventwali ċaħda parzjali biss.

102

Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tad-Département du Loiret u ta’ Scott magħmula kontra t-tmien aggravju għandha tiġi miċħuda.

— Fuq il-fondatezza tat-tmien aggravju

103

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 231 KE u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 224, KE, jekk ir-rikors huwa fondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddikjara l-att ikkontestat bħala null u li ma seħħx.

104

F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li hija tikkunsidra motiv invokat mill-parti rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament bħala fondat, ma jippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher kjarament li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali.

105

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att Komunitarju mhuwiex possibbli ħlief jekk l-elementi li l-annullament tagħhom qiegħed jiġi mitlub jistgħu jinfirdu mill-bqija tal-att (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I-4021, punt 12, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Din l-eżiġenza ta’ firda mhijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel is-sustanza ta’ dan l-att (sentenza Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

107

Issa, f’din il-kawża huwa ċar li l-kwistjoni dwar jekk l-ammont inizjali tal-għajnuna għandux jingħata valur attwali bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax sempliċi jew permezz ta’ rata ta’ imgħax komposta ma tinfluwenzax il-konstatazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni u li għandha tiġi rkuprata.

108

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, partikolarment, li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jiddistingwi hu stess, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, bejn l-ammont inizjali tal-għajnuna in kwistjoni u l-ammont li ngħata valur attwali. La mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mis-sentenza appellata ma jirriżulta argument li huwa kuntrarju għall-fatt li l-kwistjoni tal-imgħaxijiet titqies bħala separabbli mill-ammont inizjali tal-għajnuna.

109

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li ma sseparatx il-kwistjoni tal-imgħax kompost minn dik tal-imgħax sempliċi. Fil-fatt, minn naħa waħda, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tissostwixxi l-metodu sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali tal-ammont inizjali tal-għajnuna bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax komposta permezz tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax sempliċi mingħajr ma tibdel is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrelevat li, fil-punt 45 sa 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ rata ta’ imgħax ta’ 5.7 % għal perijodu ta’ tlettax-il sena.

110

Minn dak li ntqal preċedentament jirriżulta li t-tmien aggravju għandu jintlaqa’ sa fejn jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ddistingwietx bejn l-kwistjoni tal-imgħax u dik tal-ammont prinċipali u li annullat id-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha, sa fejn din tikkonċerna l-art u l-fabbrika, abbażi tal-konklużjonijiet limitati għall-motivazzjoni tal-metodu sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali tal-ammont inizjali tal-għajnuna.

Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

111

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija għalhekk tista’ tiddeċiedi hi stess fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tista’ tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċidiha hi.

112

Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat biss il-ħames parti tat-tieni motiv invokat mid-Département du Loiret insostenn tar-rikors tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tħoss li l-kawża preżenti mhijiex fi stat li tista’ tiġi deċiża. Għalhekk, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

113

Peress li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura tal-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Marzu 2007, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni (T-369/00), hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top