Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0240

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta' Jannar 2009.
    Sony Music Entertainment (Germany) GmbH vs Falcon Neue Medien Vertrieb GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
    Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur - Drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi - Dritt ta’ riproduzzjoni - Dritt ta’ distribuzzjoni - Perijodu ta’ protezzjoni - Direttiva 2006/116/KE - Drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
    Kawża C-240/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:19

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    20 ta’ Jannar 2009 ( *1 )

    “Drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur — Drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi — Dritt ta’ riproduzzjoni — Dritt ta’ distribuzzjoni — Perijodu ta’ protezzjoni — Direttiva 2006/116/KE — Drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi”

    Fil-Kawża C-240/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-proċedura

    Sony Music Entertainment (Germany) GmbH

    vs

    Falcon Neue Medien Vertrieb GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis (Relatur), L. Bay Larsen u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Sony Music Entertainment (Germany) GmbH, minn M. Schaefer, avukat,

    għal Falcon Neue Medien Vertrieb GmbH, minn R. Nirk u E. Schott, Rechtsanwälte,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u H. Krämer, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sony Music Entertainment (Germany) GmbH (iktar ’il quddiem “Sony”) u Falcon Neue Medien Vertrieb GmbH (iktar ’il quddiem “Falcon”) dwar il-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 346, p. 61), kien jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għal aktar armonizzazzjoni, id-drittijiet imsemmija f’din id-Direttiva ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir m’għandhomx jiskadu qabel it-tmiem tat-tulijiet ta’ żmien rispettivi li hemm provvdut dwarhom fil-Konvenzjoni ta’ Ruma [internazzjonali fuq il-protezzjoni ta’ artisti, tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961]. Id-drittijiet imsemmija f’din id-Direttiva għal produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films m’għandhomx jiskadu qabel it-tmiem ta’ perjodu ta’ 20 sena kompjuti mit-tmiem tas-sena li fiha jkun sar l-iffissar.”

    4

    Il-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/100 ġie estiż għal ħamsin sena permezz tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU L 290, p. 9).

    5

    Id-Direttiva 2006/116 ikkodifikat id-Direttiva 93/98. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2006/116 jipprovdi:

    “Id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar […]

    Madankollu, dan il-paragrafu m’għandux ikollu l-effett li jipproteġi mill-ġdid id-drittijiet ta’ produtturi ta’ fonogrammi li, minħabba l-iskadenza tal-perjodu ta’ protezzjoni mogħtija lilhom skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/98/KEE fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda bid-Direttiva 2001/29/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 167, p. 10),] ma kienux aktar protetti fit-.”

    6

    L-Artikolu 7 (1) u (2) tad-Direttiva 2006/116 jipprovdi:

    “1.   Fejn il-pajjiż ta’ oriġini ta’ xogħol, fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna [għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971)], ikun pajjiż terz, u l-awtur tax-xogħol ma jkunx ċittadin tal-Komunità, il-perjodu ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi fid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija mill-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, iżda ma jistax jaqbeż il-perjodu stipulat fl-Artikolu 1.

    2.   Il-perjodi ta’ protezzjoni stipulati fl-Artikolu 3 għandhom japplikaw ukoll fil-każ fejn id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux ċittadini tal-Komunità, kemm-il darba l-Istati Membri jagħtuhom protezzjoni. Madankollu, mingħajr ħsara għall-obbligi internazzjonali ta’ l-Istati Membri, il-perjodu ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija fil-pajjiż li tiegħu d-detentur tad-drittijiet ikun ċittadin u ma jistax jeċċedi il-perjodu stipulat fl-Artikolu 3.”

    7

    L-Artikolu 10 (1) u (3) tad-Direttiva 2006/116 intitulat “Applikazzjoni kronoloġika” jistipula kif ġej:

    “1.   Fejn perjodu ta’ protezzjoni, li jkun itwal mill-perjodu li jikkorrispondi għall-perjodu previst f’din id-Direttiva, ikun diġà beda jiddekorri fi Stat Membru fl-1 ta’ Lulju 1995, din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li tqassar dak il-perjodu f’dak l-Istat Membru.

    2.   Il-perjodi ta’ protezzjoni previsti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għax-xogħlijiet u s-suġġetti kollha li jkunu protetti f’għall-inqas Stat Membru wieħed fid-data msemmija fil-paragrafu 1, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-Direttiva 92/100 […].

    3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijet meħtieġa biex jipproteġu b’mod partikolari drittijiet miksuba ta’ pajjiżi terzi.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    8

    L-Artikolu 137f tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte) tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBI. 1965 I, p.1273), kif emendata bil-liġi tat- (BGBI. 1995 I, p. 842, iktar ’il quddiem l-“UrhG”), huwa d-dispożizzjoni tranżitorja fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/98.

    9

    L-Artikolu 137f (2) u (3) tal-UrhG jipprovdi dan li ġej:

    “(2)   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, fil-verżjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995, japplikaw ukoll għal xogħlijiet li l-protezzjoni tagħhom skadiet, skont din l-istess liġi, qabel l-, imma tibqa’ teżisti f’dik id-data bis-saħħa tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Kontraenti tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea. L-ewwel frażi tapplika b’analoġija għad-drittijiet relatati tal-edituri ta’ xogħlijiet postumi (Artikolu 71), tal-artisti (Artikolu 73) tal-produtturi ta’ fonogrammi (Artikolu 85), tal-organizzazzjonijiet tax-xandir (Artikolu 87) u tal-produtturi tal-films (Artikoli 94 u 95).

    (3)   Jekk, skont il-paragrafu 2, tingħata protezzjoni lil xogħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, l-awtur jiġi reintegrat fid-drittijiet tiegħu. Madankollu, kull attività ta’ użu li tkun bdiet qabel l-1 ta’ Lulju 1995 tista’ tkompli sakemm l-użu jsir kif kien ġie oriġinarjament ippjanifikat. Għal dak li jirrigwarda l-użu mill- għandu jingħata kumpens adegwat. L-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenza japplikaw b’analoġija għad-drittijiet relatati.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, Falcon tiddistribwixxi żewġ fonogrammi b’reġistrazzjoni ta’ interpretazzjonijiet tal-artist Bob Dylan. L-ewwel CD jisimha “Bob Dylan — Blowin in the Wind” u t-tieni waħda jisimha “Bob Dylan — Gates of Eden”.

    11

    Dawn il-fonogrammi jinkludu siltiet li ħarġu diġà fl-albums “Bob Dylan — Bringing It All Back Home”, “The Times They Are A-Changin’” u “Highway 61 Revisited”. Dawn l-albums inħarġu fl-Istati Uniti tal-Amerika qabel l-1 ta’ Jannar 1966.

    12

    Sony, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija s-sussidjarja Ġermaniża tal-kumpannija multinazzjonali Ġappuniża tal-istess isem.

    13

    Sony talbet quddiem il-Landgericht kompetenti, sabiex Falcon tiġi prekluża milli tirriproduċi u/jew li tqabbad lil min jirriproduċi u li tiddistribwixxi u/jew li tqabbad lil min jiddistribwixxi l-fonogrammi “Bob Dylan — Blowin in the Wind” u “Bob Dylan — Gates of Eden”. Hija talbet ukoll li Falcon tiġi kkundannata tippreżenta xi informazzjoni kif ukoll li jiġi kkonstatat l-obbligu tagħha li tagħti kumpens.

    14

    Falcon sostniet li ebda produttur tal-fonogrammi ma għandu drittijiet fit-territorju nazzjonali fir-rigward tal-albums ta’ Bob Dylan irrekordjati qabel l-1 ta’ Jannar 1966.

    15

    Il-Landgericht ċaħad din it-talba ta’ Sony. Il-Qorti tal-Appell, li ġiet adita bil-kawża minn din tal-aħħar, ammettiet li d-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi li jikkonċernaw is-suġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu bla ebda dubju ġew trasferiti, b’mod effettiv, lil Sony. Madankollu, din il-qorti ċaħdet l-appell ta’ Sony billi kkunsidrat li skont il-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-produtturi ta’ fonogrammi mir-riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-fonogrammi tagħhom, adottata f’Ġinevra fid-29 ta’ Ottubru 1971, fis-seħħ fil-Ġermanja u fl-Istati Uniti, il-produtturi ta’ fonogrammi jibbenifikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li jitnisslu mill-Artikolu 85 tal-UrhG biss fuq servizzi ta’ wara l-. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Appell iddikjarat ukoll li r-reġistrazzjonijiet ta’ qabel dik id-data lanqas ma kienu protetti taħt l-Artikolu 137f tal-UrhG li hija dispożizzjoni tranżitorja għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/98/KE fid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, il-paragrafu 2 tagħha ma japplikax għall-fonogrammi rrekordjati qabel l- peress li fil-Ġermanja qatt ma kien hemm protezzjoni f’dan is-sens.

    16

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li Sony talbet reviżjoni ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Appell quddiem il-Bundesgerichtshof li, billi tosserva li l-eżitu tal-proċeduri li għandha quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

    “1)

    Il-perijodu ta’ protezzjoni previst bid-Direttiva 2006/116 […] japplika, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, anki jekk is-suġġett inkwistjoni qatt ma kien protett fl-Istat Membru li fih qed tintalab il-protezzjoni?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

    a)

    Id-dispożizzjonijiet nazzjonali, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 […] jinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri relattivi għall-protezzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet li mhumiex ċittadini Komunitarji?

    b)

    Il-perijodu ta’ protezzjoni previst bl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 […] japplika wkoll għal suġġetti li, fl-1 ta’ Lulju 1995, kienu effettivament jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni stabbiliti mid-Direttiva 92/100 […], iżda li d-detenturi tagħhom mhumiex ċittadini Komunitarji?”

    Fuq id-domandi preliminari

    17

    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonċernaw id-drittijiet dwar ir-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ fonogrammi. Mhuwiex ikkontestat li dawn id-drittijiet ġew trasferiti b’mod effettiv lil Sony.

    18

    Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skont l-Artikolu 126 tal-UrhG, l-impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istati Uniti ma jistgħux jibbenifikaw fil-Ġermanja, mill-protezzjoni prevista mill-Konvenzjoni msemmija f’punt 15 ta’ din is-sentenza ħlief fuq servizzi wara l-1 ta’ Jannar 1966, u dan mhuwiex il-każ tal-fonogrammi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Lanqas l-applikazzjoni tal-Artikolu 137f(2) tal-UrhG ma tagħti protezzjoni lil dawn il-fonogrammi fit-territorju Ġermaniż peress li din id-dispożizzjoni tippreżumi li x-xogħol inkwistjoni kien protett fl-imsemmi territorju qabel l-, iżda dan ma kien qatt il-każ tal-imsemmija fonogrammi inkwistjoni.

    19

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-affermazzjoni li l-protezzjoni prevista mil-legiżlazzjoni tar-Renju Unit tapplika għall-fonogrammi li ġew irrekordjati qabel l-1 ta’ Jannar 1966 u ġiet estiża għall-fonogrammi tal-produtturi Amerikani li nħarġu fl-Istati Uniti.

    Fuq l-ewwel domanda

    20

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-perijodu ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 jistax jiġi estiż għas-suġġetti li qatt ma bbenifikaw minn protezzjoni fl-Istat Membru fejn qed tintalab il-protezzjoni.

    21

    Skont l-Artikolu 10(2) tar-Direttiva 2006/116, il-perijodi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi, previsti mill-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, japplikaw għas-suġġett inkwistjoni jekk, fl-1 ta’ Lulju 1995 dan tal-aħħar kien protett fit-territorju ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, jew jekk l-imsemmi suġġett kienx jissodisfa l-kriterji ta’ protezzjoni previsti bid-Direttiva 92/100.

    22

    B’hekk, mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 10(2), jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni alternattiva prevista minnha tirrigwarda l-eżistenza ta’ protezzjoni preċedenti tas-suġġett inkwistjoni f’mill-inqas Stat Membru wieħed. L-imsemmija dispożizzjoni ma titlobx li l-Istat Membru jkun propju dak fejn il-protezzjoni prevista bid-Direttiva 2006/116 qed tintalab.

    23

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Premessa 3 tad-Direttiva 2006/116 tindika li d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, kif ukoll jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Sabiex jiġi żgurat l-funzjonament korrett tas-suq intern, din id-direttiva għandha l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex il-perijodi ta’ protezzjoni jkunu identiċi fil-Komunità kollha.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 fis-sens li l-applikazzjoni tal-ewwel kundizzjoni alternattiva prevista minn din id-dispożizzjoni tiddependi mill-eżistenza ta’ protezzjoni mogħtija preċedentement mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva qed tintalab, anki jekk tali protezzjoni preċedenti kienet ġiet mogħtija fi Stat Membru ieħor, la hija konformi mat-termini stess tad-dispożizzjoni inkwistjoni u lanqas mal-għan ta’ din id-direttiva.

    25

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-perijodu ta’ protezzjoni previst bid-Direttiva 2006/116 huwa applikabbli wkoll, skont l-Artikolu 10 (2) ta’ din id-direttiva, meta s-suġġett inkwistjoni qatt ma kien ġie protett fl-Istat Membru fejn qed tintalab il-protezzjoni.

    Fuq id-domanda 2(a)

    26

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-sens tal-ewwel kundizzjoni alternattiva tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116, jinkludux ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ detenturi tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, li mhumiex ċittadini tal-Komunità.

    27

    Għandu jiġi rrilevat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 jiffukaw fuq is-suġġett tal-protezzjoni u japplikaw għax-xogħlijiet u s-suġġetti kollha li fl-1 ta’ Lulju 1995 kienu protetti mid-dispożizzjonijiet ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed fuq id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.

    28

    F’dan ir-rigward, ma jirriżultax mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 10(2) li dan jirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-detenturi ta’ tali drittijiet li huma ċittadini tal-Komunità. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-perijodi ta’ protezzjoni previsti bid-Direttiva 2006/116 lix-xogħlijiet u s-suġġetti kollha li, fl-1 ta’ Lulju 1995 kienu, fihom infushom, protetti f’mill-inqas Stat Membru wieħed.

    29

    Fil-kuntest tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116, għandu jiġi eżaminat jekk ix-xogħol jew is-suġġett jistax ikun ikkunsidrat li kien protett, fl-1 ta’ Lulju 1995, f’mill-inqas Stat Membru wieħed, mingħajr ma tingħata kunsiderazzjoni għaċ-ċittadinanza tad-detentur tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, fuq dan ix-xogħol jew suġġett.

    30

    Issa, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Bundesgerichtshof tħaddan dubji dwar il-kwistjoni jekk interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 li tirrikonoxxi l-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni favur id-detenturi tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur li mhumiex ċittadini tal-Komunità, hijiex fil-fatt konformi mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva.

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 huwa li jiċċara l-kundizzjonijiet li taħthom il-perijodi ta’ protezzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, previsti minn din id-direttiva, japplikaw, b’mod tranżitorju, għas-sitwazzjonijiet eżistenti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ dawn il-perijodi fir-rigward tax-xogħlijiet u suġġetti li, fl-1 ta’ Lulju 1995, kienu jibbenifikaw mill-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, f’mill-inqas Stat Membru wieħed.

    32

    L-imsemmi Artikolu 10(2) ma jfittix li jeskludi s-soluzzjoni stabbilita mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/116 f’kull każ fejn, il-perijodi ta’ protezzjoni previsti mill-imsemmija direttiva huma mitluba minn detenturi tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur li mhumiex ċittadini tal-Komunità, fir-rigward ta’ xogħol jew suġġett li ma jissodisfa l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tad-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

    33

    Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 7(2) għandu l-għan li jirregola l-protezzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, fir-rigward ta’ detenturi ta’ tali drittijiet li mhumiex ċittadini tal-Komunità u jipprovdi, għal dan il-għan, li l-perijodi ta’ protezzjoni indikati mill-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva japplikaw fir-rigward ta’ tali detenturi, kemm-il darba l-Istati Membri jkunu tawhom protezzjoni.

    34

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-kwistjoni jekk, fil-kuntest tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116, detentur ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol jew suġġett, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, kienx protett, fl-1 ta’ Lulju 1995, f’mill-inqas Stat Membru wieħed, għandha tkun ikkunsidrata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-protezzjoni prevista minn din id-direttiva qed tintalab. Tali konklużjoni hija wkoll ikkonfermata mill-Premessi 3 u 17 tal-imsemmija direttiva, li juru l-għan ta’ armonizzazzjoni previst u, b’mod partikolari, dak li jiġi pprovdut l-istess punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur, kif ukoll l-istess perijodi ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet ġewwa l-Komunità kollha, sabiex jiġi żgurat l-funzjonament korrett tas-suq intern.

    35

    Minn dan jirriżulta li, għal xogħol jew suġġett protett fl-1 ta’ Lulju 1995 f’mill-inqas Stat Membru wieħed skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, il-fatt li d-detentur ta’ din il-protezzjoni jkun ċittadin ta’ pajjiż terz u li, fl-Istat Membru fejn il-perijodu ta’ protezzjoni previst bid-Direttiva 2006/116 huwa mitlub, dan ma jgawdix minn protezzjoni skont il-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, mhuwiex fattur deċiżiv għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva. Dak li jimporta huwa, fil-fatt, il-kwistjoni jekk ix-xogħol jew is-suġġett inkwistjoni kienx jibbenifika minn protezzjoni fl- skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed.

    36

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fir-Renju Unit, il-protezzjoni prevista bid-dritt nazzjonali tapplika għall-fonogrammi li ġew irrekordjati qabel l-1 ta’ Jannar 1966 u li l-fonogrammi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu diġà jgawdu minn protezzjoni f’dan l-Istat Membru fl-. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/116 ma jistax jirregola s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    37

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda 2(a) għandha tkun li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ protezzjoni previsti minn din id-direttiva japplikaw f’sitwazzjoni fejn ix-xogħol jew is-suġġett inkwistjoni kien, fl-1 ta’ Lulju 1995, fih innifsu protett f’mill-inqas Stat Membru wieħed, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru dwar id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati u fejn id-detentur ta’ tali drittijiet fuq dan ix-xogħol jew dan is-suġġett, li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, kien jibbenefika, f’din id-data, mill-protezzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

    Fuq id-domanda 2(b)

    38

    Fid-dawl ta’ din ir-risposta u b’kunsiderazzjoni għall-affermazzjoni li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tar-rinviju, hekk kif imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, m’għadx hemm għalfejn tingħata risposta għad-domanda 2(b).

    Fuq l-ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-perijodu ta’ protezzjoni previst bid-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati, huwa applikabbli wkoll skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva meta s-suġġett inkwistjoni ma kien qatt ġie protett fl-Istat Membru fejn qed tintalab il-protezzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/116 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ protezzjoni previsti minn din id-direttiva japplikaw f’sitwazzjoni fejn ix-xogħol jew is-suġġett inkwistjoni kien, fl-1 ta’ Lulju 1995, fih innifsu protett f’mill-inqas Stat Membru wieħed, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru dwar id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati u fejn id-detentur ta’ tali drittijiet fuq dan ix-xogħol jew dan is-suġġett, li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, kien jibbenefika, f’din id-data, mill-protezzjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top