This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0198
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 22 December 2008. # Donal Gordon v Commission of the European Communities. # Appeal - Career development report - Action for annulment - Legal interest in bringing proceedings - Official in a state of total permanent invalidity. # Case C-198/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Diċembru 2008.
Donal Gordon vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Rapport tal-iżvilupp tal-karriera - Rikors għal annullament - Interess ġuridiku - Uffiċjali b’invalidità permanenti totali.
Kawża C-198/07 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Diċembru 2008.
Donal Gordon vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Rapport tal-iżvilupp tal-karriera - Rikors għal annullament - Interess ġuridiku - Uffiċjali b’invalidità permanenti totali.
Kawża C-198/07 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-10701;FP-I-B-2-00025
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 II-B-2-00193
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:761
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )
“Appell — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Uffiċjal b’invalidità totali permanenti”
Fil-Kawża C-198/07 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-6 ta’ April 2007
Donal Gordon, ex uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn J. Sambon, P.-P. Van Gehuchten u P. Reyniers, avukati,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u H. Krämer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, D. Gordon jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta’ Frar 2007, Gordon vs Il-Kummissjoni (T-175/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din tal-aħħar, minn naħa, iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament ippreżentant mill-appellant kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2003 li tikkonferma r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera (iktar ’il quddiem ir-“RIK”) għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002, minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku u, min-naħa l-oħra, tiċħad bħala inammissibbli t-talba tiegħu intiża sabiex jikseb kumpens għad-dannu mġarrab minnu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dispożizzjonijiet relatati mal-evalwazzjoni tal-uffiċjali
2 |
Skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħom applikabbli fiż-żmien tal-fatti kkontestati (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) l-abbiltà, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fil-gradi A 1 u A 2, għandhom ikunu suġġetti għal rapport perjodiku magħmul mill-anqas darba kull sentejn taħt il-kundizzjonijiet iffissati għal kull istituzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti. |
3 |
Fis-26 ta’ April 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni”) u deċiżjoni relatata mad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti. B’hekk, ġiet introdotta sistema ġdida ta’ rappurtaġġ. Mir-regola ta’ tranżizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-ewwel eżerċizzju tar-rapport fuq l-evalwazzjoni magħmul skont din is-sistema l-ġdida jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002. |
4 |
Skont l-Artikolu 5(3) tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti, l-uffiċjal jiġi, fil-prinċipju, promoss meta s-somma, minn naħa, tal-punti tal-mertu, li jikkorrispondu għall-evalwazzjoni kkalkulata riżultanti mir-RIK, u min-naħa l-oħra, tal-punti ta’ prijorità, mogħtija fil-kuntest tal-proċedura tal-promozzjoni, akkumulati matul sena waħda jew iktar taqbeż il-“limitu tal-promozzjoni”. |
5 |
Il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali, l-istabbiliment tar-RIK kif ukoll il-kontestazzjoni tiegħu huma regolati prinċipalment mill-Artikoli 7 u 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni. |
6 |
L-Artikolu 7(2) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdi li “fl-laqgħa formali mal-persuna li tokkupa l-post fl-aħħar tal-perijodu ta’ evalwazzjoni, l-evalwatur għandu jeżamina r-rendiment, il-kompetenzi li huwa wera’ u l-kondotta tiegħu fis-servizz; huwa għandu jiddiskuti miegħu l-bżonnijiet fil-qasam ta’ taħriġ u tal-iżvilupp ulterjuri tal-karriera tiegħu […]. Dan l-eżerċizzju formali ta’ djalogu annwali jikkostitwixxi dmir ta’ mmaniġjar fundamentali tal-evalwatur”. |
7 |
Skont l-Artikolu 7(5) tal-imsemmija dispożizzjonijiet, “[…] meta l-persuna li tokkupa l-post ma tkunx sodisfatta bil-kontenut tar-rapport, hija għandha tinforma immedjatament b’dan lill-evalwatur u tindika, fis-sezzjoni tal-‘kummenti’, ix-xewqa tagħha li jkollha laqgħa mal-assessur, billi tispjega r-raġunijiet għat-talba tagħha. F’terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, l-assessur għandu jorganizza djalogu mal-interessat intiż sabiex jintlaħaq ftehim, u mbagħad jew jemenda r-rapport jew jikkonfermah u wara jibgħatu għal darb oħra lill-interessat. F’terminu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol, dan tal-aħħar għandu jiffirma/japprova r-rapport għall-aċċettazzjoni u jibgħathom lill-evalwatur, li għandu jiffirmah/japprovah mingħajr dewmien […]”. |
8 |
Il-paragrafu 6 ta’ dan l-istess Artikolu 7 jispeċifika li “jekk il-persuna li tokkupa l-post mhijiex sodisfatta bid-deċiżjoni tal-assessur, hija tista’ titolbu, f’terminu ta’ ħamest ijiem xogħol, li tidher quddiem il-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni previst fl-Artikolu 8”. |
9 |
L-Artikolu 8(5) tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni jiddikjara li, “għalkemm il-Kumitat ma jistax jissostitwixxi ruħu għall-evalwaturi fir-rigward għall-evalwazzjoni tax-xogħol tal-interessat, huwa għandu jassigura li r-rapport sar b’mod ekwu, oġġettivament u skond l-istandards normali ta’ evalwazzjoni. Huwa għandu jivverifika wkoll li l-proċeduri ġew segwiti korrettament [fil-qasam ta’ djalogu/i, ta’ termini ta’ skadenza, eċċ]. Għal dan l-għan huwa għandu jwettaq il-konsultazzjonijiet li huwa jqis utli”. |
10 |
L-Artikolu 8(7) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jipprevdu li “l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, innotifikata lill-persuna li tokkupa l-post kif ukoll l-evalwatur u l-assessur, għandu jintabgħat lill-evalwatur ta’ appell. F’terminu ta’ tlett ijiem xogħol, dan tal-aħħar għandu jew jikkonferma r-rapport jew jemendah, qabel ma jintbagħat lill-interessat. Meta l-evalwatur ta’ appel ma jimxix mar-rakkomdandazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni, huwa għandu jiġġustifika r-raġunijiet tad-deċiżjoni tiegħu. Kopja tar-rapport għandha tintbagħat lill- Konġunt tal-Evalwazzjoni. Ir-rapport jiġi mbagħad meqjus definitiv”. |
Id-dispożizzjonijiet relatati mal-uffiċjali fi stat ta’ invalidità
11 |
L-Artikolu 53 tar-Regolamenti huwa fformulat kif ġej: “Uffiċ[j]al li l-Kumitat ta’ Invalidità ssib li d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 78 japplikaw għalih għandu awtomatikament ikun irtirat fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih l-awtorità li taħtar tirrikonoxxi l-inkapaċita’ permanenti tiegħu biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu.” |
12 |
L-Artikolu 38 tar-Regolamenti jipprovdi: “Uffiċjal għandu jkun intitolat, fil-mod ipprovdut fl-Artikoli 13 sa 16 ta’ l-Annes VIII [tar-Regolamenti], għall-pensjoni ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità totali permanenti, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrospondu għall-posizzjoni fil-bracket tal-karriera tiegħu. […]” |
13 |
L-Anness VIII tar-Regolamenti jistabbilixxi l-modalitajiet tal-iskema tal-penzjonijiet. L-Artikolu 13 sa 16 tal-Kapitolu 3 tiegħu, intitolat “pensjoni ta’ invalidita”, huma fformulati kif ġej: “Artikolu 13 Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1), uffiċjal li għandu anqas minn 65 sena li fi kwalunkwe żmien li fih ikun qed jakkwista drittijiet għal pensjoni jkun rikonoxxut mill-Kumitat ta’ l-Invalidita bħala li qed isofri minn invalidita permanenti totali li tiprevenih milli jwettaq id-doveri li jikkorispondu ma post fil-bracket tal-karriera tiegħu, u li jkun obbligat li jispiċċa s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet għal dawn ir-raġunijiet ikun intitolat, sakemm tibqa din l-inkapaċita, għal pensjoni ta’ invalidita kif prevista mill-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal. Pensjoni ta’ l-invalidita u ta’ l-irtirar m’għandhomx jiġu mħallsa flimkien. Artikolu 14 Id-dritt ta’ riċeviment ta’ pagament ta’ pensjoni ta’ invalidita għandu jieħu effett mill-ewwel jum tax-xahar kalendarju wara l-irtirar ta’ l-uffiċjal taħt l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal. Meta dak li kien uffiċjal jieqaf jissodisfa r-rekwiżiti għall-pagament tal-pensjoni huwa għandu jiġi mdaħħal mill-ġdid fl-ewwel post li jikkorrispondi mal-bracket tal-karriera tiegħu li jsir battal fil-kategorija jew servizz tiegħu, sakemm ikun jissodisfa r-rekwiżiti għal dak il-post. Jekk jirrifjuta l-post li jkun offrut lilu, huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu ta’ dħul mill-ġdid meta titfaċċa l-pożizzjoni battala li jkun imiss fil-kategorija jew servizz tiegħu suġġett għall-istess proviso; jekk jirrifjuta għat-tieni darba, jista’ jiġi mitlub sabiex jirreżenja; f’dan il-każ, id-dizpożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 japplikaw. Fil-każ tal-mewt tal-persuna li kienet uffiċjal benefiċċjarju tal-penzjoni ta’ invalidità, id-dritt ta’ din il-penzjoni jispiċċa fl-aħħar tax-xaħar kalendarju li matulu l-persuna li kient uffċjal mietet. Artikolu 15 Waqt li dak li kien uffiċjal li jieħu pensjoni ta’ l-invalidita jkollu anqas minn 60 sena, l-istituzzjoni tista’ teżaminah medikalment perjodikament sabiex tiżgura li jkun għadu jissodisfa r-rekwiżiti għall-pagament tal-pensjoni. Artikolu 16 Meta dak li kien uffiċjal li kien qed jieħu pensjoni ta’ l-invalidita jkun imdaħħal mill-ġdid fl-istituzzjoni tiegħu jew f’istituzzjoni oħra tal-Komunitajiet, iż-żmien li fih ikun ħa pensjoni ta’ l-invalidita għandu jkun inkluż għall-għanijiet ta’ kalkolazzjoni tal-pensjoni ta’ l-irtirar tiegħu, mingħajr pagament ta’ arretrati min naħa tiegħu.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
14 |
Il-fatti rilevanti huma deskritti b’dan il-mod fil-punt 7 sa 12 tas-sentenza appellata:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
15 |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrent ressaq rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata u talba għad-danni. |
16 |
Fl-1 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi li m’hemmx lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament tar-rikorrent wara l-irtirar tiegħu billi sostniet li uffiċjali li ġie rtirat minħabba stat ta’ invalidità permanenti meqjusa totali m’għandux iktar interess ġuridiku li jikkontesta r-RIK tiegħu, peress li l-unika għan tiegħu ta’ dan huwa, skont il-ġurisprudenza, li jservi bħala bażi għal deċiżjonijiet futuri relatati mal-karriera tiegħu. Hija kkontestat ukoll l-ammissibbiltà tat-talba tiegħu għad-danni. B’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2005, it-talba sabiex tiddeċiedi li m’hemmx lok għal deċiżjoni ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati. |
17 |
Bis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq it-talba għad-danni tar-rikorrent u, fl-aħħarnett, fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni u ta’ preċedura mitluba minnu. |
Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq ir-rikors għal annullament
18 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba r-raġunijiet li ġejjin, esposti fil-punti 27 sa 39 tas-sentenza appellata:
|
Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq it-talba għad-danni
19 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba għad-danni bħala inammissibbli għall-motivi li ġejjin, esposti fil-punti 42 sa 45 tas-sentenza appellata:
|
Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza għal dak li jikkonċerna t-talba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrent
20 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li t-talba tar-rikorrent intiża sabiex tinkiseb il-produzzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ diversi provi, jiġifieri l-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni, iż-żewġ RIK l-iktar favorevoli u ż-żewġ RIK l-inqas favorevoli li jikkonċernaw l-uffiċjali tad-diviżjoni tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002 kif ukoll id-dokument li fih l-istandards kwantitattivi uffiċjali tad-diviżjonijiet tat-traduzzjoni għall-perijodu msemmi, kienet irrilevanti għall-eżitu tal-kawża u b’hekk kellha tinċaħad. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21 |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
22 |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant iħallas l-ispejjeż kollha. |
Fuq l-Appell
23 |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji. L-ewwel tlieta jsostnu dan l-appell sa fejn dan huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq ir-rikors għal annullament u r-raba’ wieħed sa fejn dan huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq it-talba għall-kumpens ta’ danni. |
Fuq l-aggravji relatati mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq ir-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
24 |
L-appellant isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ dritt peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fl-ewwel lok, li r-RIK jippreżenta interess lill-uffiċjal inkwistjoni biss jekk l-istess uffiċjal għad għandu karriera quddiemu u fit-tieni lok, li l-invalidità totali permanenti hija ekwivalenti għat-terminazzjoni definittiva tax-xogħol tiegħu u fit-tielet lok, li d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-każ ta’ mard professjonali ma jagħtix dritt għal rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
25 |
Fl-ewwel lok, għandu jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-funzjoni eżatta tar-RIK. |
26 |
L-appellant jesponi li l-ġurisprudenza li fuqha l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fil-punt 28 tas-sentenza appellata mhijiex rilevanti iktar, inkwantu hija tirrigwarda s-sistema qadima ta’ evalwazzjoni, fis-seħħ qabel l-2003, fejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni kellu biss rwol anċillari fil-promozzjoni. Is-sistema attwali ta’ evalwazzjoni tinvolvi rabta matematika mal-promozzjoni jew tkeċċija u marġni ta’ manuvra ikbar għar-rapidità jew għan-nuqqas ta’ rapidità tal-progress tal-karriera. Skont l-appellant, fil-kuntest ta’ din is-sistema l-ġdida, mhuwiex biżżejjed li mhux xieraq li dokument li għandu implikazzjonijiet objettivi sinifikattivi jiġi kllassifikat bħala “intern”. Barra minn hekk, ir-rwol tal-uffiċjal fil-proċess ta’ evalwazzjoni ma jistax jitpoġġa f’livell sekondarju meta mqabbel ma’ dak tal-amministrazzjoni. |
27 |
Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ma fehmitx il-konsegwenzi tal-invalidità. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat l-invalidità bħala stat definittiv. Issa, jirriżulta b’mod ċar mit-termini tal-Artikolu 14 tal-Anness VIII tar-Regolamenti li l-invalidità huwa stat riversabbli li, barra minn hekk, huwa rifless permezz tal-prattika li l-każijiet ta’ invalidità huma normalment eżaminati mill-ġdid mis-Servizz Medikali tal-Kummissjoni kull sentejn. |
28 |
L-appellant jenfasizza barra minn hekk li, filwaqt li d-deċiżjoni li jiġi rtirat minħabba invalidità meħuda fir-rigward tiegħu fil-15 ta’ Frar 2005 ġiet adottata għall-sentejn, it-tiġdid li seħħ matul is-sena 2007 mis-Servizz Medikali tal-Kummissjoni ġie limitat għal sena u dan juri li d-dħul mill-ġdid tiegħu fis-servizz mhuwiex sempliċiment ipotetiku, b’mod li l-interess tiegħu fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa effettiv u attwali. |
29 |
Fit-tielet lok, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġuridika effettiva. |
30 |
L-appellant jesponi li, f’dan il-każ, it-tobba ma eskludux l-ipoteżi li l-invalidità li huwa jsoffri minnha hija ta’ oriġini professjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tal-Invalidità ppreferiet tistenna l-opinjoni tal-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri, skontu, l-opinjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, qabel ma tiddeċiedi fuq dan il-punt. Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx fuq il-mertu tal-kawża jfisser li s-sitwazzjoni hija bblokkata kemm mill-aspett tal-appellant, kif ukoll minn dak tas-Servizz Medikal tal-Kummissjoni u minn dak tal-Kummissjoni tal-Invalidità. |
31 |
Issa, id-deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-invalidità hijiex ta’ oriġini professjonali tiddetermina t-termini li fuqhom l-appellant jista’ jerġa jieħu lura l-post tax-xogħol tiegħu jew, fil-każ kuntrarju, il-livell tal-penzjoni ta’ invalidità tiegħu. F’dan il-kundizzjonijiet, l-appellant isostni li ma jistax jingħad li l-interess ġuridiku tiegħu huwa sempliċiment ipotetiku u li hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq din il-kwistjoni biss fil-każ tad-dħul mill-ġdid. |
32 |
L-appellant isostni li, peress li d-dritt għal protezzjoni legali effettiva jikkostitwixxi dritt fundamentali, id-dispożizzjonijiet legali u l-elementi legali inkwistjoni ma jistgħux jiġu interpretati u applikati b’mod strett. |
33 |
Fir-rigward tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellant li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 28 tas-sentenza appellata huwa irrilevanti, peress li din tirreferi għas-ssitema ta’ evalwazzjoni applikabbli qabel is-sena 2003 pjuttost milli għas-sistema attwalment fis-seħħ. |
34 |
Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwelnett, li r-RIK inkwistjoni jikkonċerna perijodu qabel is-sena 2003, jiġifieri l-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002. Għaldaqstant, hija tassumi li l-appellant qed jirreferi pjuttost għas-sistema ta’ evalwazzjoni introdotta mix-xahar ta’ Lulju 2001. |
35 |
Il-Kummissjoni ssostni li dejjem kienet teżisisti rabta bejn l-evalwazzjoni tal-uffiċjali u l-promozzjoni tagħhom. Dan jgħodd ukoll s’issa, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti l-ġodda adottati matul is-sena 2004 għadhom jinstabu f’kapitolu intitolat ‘Rapport, avvanz fl-iskala u promozzjoni’. Skont il-Kummissjoni, ir-rapport ta’ evalwazzjoni mhuwiex utli fil-nuqqas ta’ rabta bejn l-evalwazzjoni u l-promozzjoni tal-uffiċjali. Hija tikkunsidra li l-appellant ma ressaq ebda argument serju, u la invoka xi bdil allegatament importanti fir-regoli u lanqas semma’ xi żvilupp ġdid fil-ġurisprudenza sabiex isostni l-pożizzjoni tiegħu. |
36 |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, relatat mal-konsegwenzi tad-deċiżjoni ta’ rtirar minħabba invalidità, il-Kummissjoni tosserva li l-appellant jinvoka biss l-Artikolu 14 tal-Anness VIII tar-Regolamenti, mingħajr ma jsemmi l-Artikoli 53 u 78 tagħhom. Issa, hekk kif jirriżulta mis-sentenza appellata, l-imsemmi Artikolu 14 ma jistax jinqara b’mod iżolat. Fil-fatt, ir-Regolamenti jagħmlu distinzjoni ċara bejn, minn naħa, l-invalidità temporanja (Artikolu 59) u, min-naħa l-oħra, l-invalidità permanenti (Artikolu 53). Filwaqt li l-invalidità temporanja tagħti d-dritt għal-leave tal-mard, l-invalidità permanenti twassal għall-irtirar tal-uffiċjal ikkonċernat. |
37 |
Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li s-Servizz Medikali ġedded id-deċiżjoni tiegħu għal dak li jikkonċerna l-invalidità tal-appellant għall-perijodu ta’ sena, pjuttost milli għal sentejn, huwa irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-importanza tal-invalidità. L-intervall bejn l-eżamijiet medikali ma jistgħux fil-fatt jitqiesu bħala kriterju sabiex jiġi ddeterminat jekk l-invalidità ta’ uffiċjal hijiex temporanja jew permanenti. Meta każ ta’ invalidità jaqa taħt l-Artikolu 78 tar-Regolamenti, din tal-aħħar għandha titqies permanenti. Barra minn hekk, minkejja l-Artikolu 14 tal-Anness VIII tar-Regolamenti, l-invalidità għandha tiġi kkunsidrata bħala permanenti sakemm din iddum. |
38 |
Għal dak li jikkonċerna t-tliet aggravju, relatat mal-ksur tad-dritt għall-protezzjoni legali effettiva, il-Kummissjoni ssostni li dan huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jallega l-appellant, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi fuq l-oriġini tal-invalidità li ġiet ikkontestata fir-rigward tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni li din hija kwistjoni medikali li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ awtorità medikali, jiġifieri t-tabib tal-Awtorità ta’ Ħatra jew il-Kummissjoni Medikali, skont l-Artikoli 19 et seq. tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti. Minn dan jirriżulta li, meta l-Kumitat tal-Invalidità ssospendiet id-deċiżjoni tagħha sabiex tistenna l-opinjoni tal-‘awtoritajiet kompetenti’, din il-Kummissjoni kienet qed tirreferi għall-opinjoni tal-awtoritajiet medikali u mhux għas-sentenza appellata. |
39 |
Il-Kummissjoni żżid li l-appellant dejjem kellu l-possibbiltà li jibda proċedura abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti sabiex jiddetermina jekk l-imsemmija invalidità hijiex ta’ oriġini professjonali. Għaldaqstant, huwa ma kien ipprivat minn ebda protezzjoni legali f’dan ir-rigward. |
40 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma ppriva l-appellant minn protezzjoni legali għal dak li jikkonċerna r-RIK inkwistjoni, safen dan ma eskludix kompletament il-possibbiltà li l-appellant jista’ jkollu interess ġuridku li jikkontestah iktar tard, fil-każ fejn huwa jidħol mill-ġdid fis-servizz. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
41 |
L-ewwel nett, għandu jingħad li l-Kummissjoni, bħall-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra, għandha obbligu partikolari ta’ trasparenza fir-rigward tar-rapport, tal-avvanz u tal-promozzjoni tal-aġenti tagħha, li l-osservanza tiegħu huwa assigurat permezz tal-proċedura formali stabbilita fl-Artikoli 43 u 46 tar-Regolamenti. |
42 |
F’dan ir-rigward, ir-RIK huwa dokument essenzjali fl-evalwazzjoni tal-persunal impjegat mal-istituzzjonijiet, peress li dan jipperemetti li ssir evalwazzjoni tal-abitità, tal-effiċjenza u tal-kondotta ta’ uffiċjal, kif isemmi l-Artikolu 43 tar-Regolamenti. Dan ir-rapport isir minn tal-anqas kull sentejn taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn kull istituzzjoni, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti. |
43 |
Barra minn hekk, hekk kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-RIK jikkostitwixxi ġudizzju ta’ valur mis-superjuri ġerarkiċi fuq il-mod li bih l-uffiċjal wettaq dmirijiet li ngħatawlu u fuq il-kondotta teigħu fis-servizz matul il-perijodu kkonċernat. |
44 |
Fil-fatt, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-RIK, indipendentement mill-utilità futura tiegħu, jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-uffiċjal. Tali evalwazzjoni ma tiddeskrivix biss id-dmirijiet imwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinvolvi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet umani li l-persuna evalwata wriet fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha. |
45 |
Għaldaqstant, kull uffiċjali għandu dritt li x-xogħol tiegħu jkun approvat minn evalwazzjoni magħmula b’mod ġust u ekwu. Konsegwentement, skont id-dritt għal protezzjoni legali effettiva, uffiċjal għandu, f’kull każ, ikollu d-dritt li jikkontesta RIK li jikkonċernah minħabba l-kontenut tiegħu jew għar-raġuni li ma jkunx sar skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolamenti. |
46 |
It-tieni nett, filwaqt li huwa minnu li uffiċjal li jitqies mill-Kumitat tal-Invalidità bħala li qiegħed fi stat ta’ inkapaċità totali permanenti jiġi awtomatikament irtirat skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti, is-sitwazzjoni ta’ tali uffiċjal hija differenti minn dik ta’ uffiċjal li jkun laħaq l-età tal-irtirar, li jkun irriżenja jew li jkun tkeċċa, peress li din hija sitwazzjoni riversibbli. |
47 |
Fil-fatt, l-uffiċjal li għandu tali invalidità jista’ jerġa’ jibda x-xogħol tiegħu ma’ istituzzjoni Komunitarja, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tal-Anness VIII tar-Regolamenti. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 13 sa 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti. L-attività tal-uffiċjal iddikjarat fi stat ta’ invalidità tiġi biss sospiża, peress li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet hija suġġetta għall-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw din l-invalidità, li tista’ tiġi vverifikata f’intervalli regolari. |
48 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-appellant, il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġġustifikaw l-irtirar tiegħu minħabba invalidità totali permanenti, skont l-Artikolu 13 tal-Anness VIII tar-Regolamenti, ma kinux meqjusa bħala definitivament akkwistati. Dan huwa kollaborat mill-fatt li s-Servizz Medikali tal-Kummissjoni responsabbli mill-eżami tas-sitwazzjoni ta’ invalidità ġedded id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu fil-31 ta’ Jannar 2007 għas-sena addizzjonali biss u mhux għal sentejn, kif kien il-każ tad-deċiżjoni inizjali tal-Kumitat tal-Invalidità tal-1 ta’ Frar 2005. Dan juri li l-possibbiltà ta’ dħul mill-ġdid għall-appellant mhuwiex biss ipotetiku, iżda reali. |
49 |
Meta uffiċjal rikonoxxut bħala li qiegħed fi stat ta’ invalidità totali permanenti, jista’ jiddaħħal mill-ġdid fl-istituzzjonijiet, dan għandu dritt ekwivalenti għal uffiċjal attiv li jara r-RIK tiegħu jsir b’mod ekwu u oġġettiv u skont l-istandards ta’ evalwazzjoni regolari. |
50 |
Fil-każ ta’ dħul mill-ġdid, ir-RIK huwa utli għall-iżvilupp tal-uffiċjal fi ħdan id-dipartiment tiegħu jew l-istituzzjonijiet Komunitarji. Huwa jikkostitwixxi prova konkreta u formali tal-abbiltà u tal-esperjenza tiegħu fi ħdan l-istituzzjoni, li fuqha huwa jista’ jibbaża ruħu. Huwa jippermetti wkoll lis-superjuri li jqabblu l-merti tal-kandidati għal eventwali promozzjoni jew trasferiment. |
51 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li uffiċjal fi stat ta’ invalidità totali permanenti skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti jibqa jżomm interess li jikkontesta RIK. |
52 |
Peress li ma jistax jiġi dedott mid-dikjarazzjoni ta’ invalidità totali permanenti ta’ D. Gordon li dan ma jistax xi darba jerġa jiddaħħal fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji, ma jistax jiġi eskluż li huwa jista’ juża r-RIK, wara dħul mill-ġdid eventwali, fi ħdan dawn. |
53 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat l-ewwel żewġ aggravji bħala fondati. Konsegwentement, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn huwa deċiż li m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa neċesssarju li jiġi eżaminat it-tielet aggravju, li ma jistax iwassal għal annullament iktar wiesa’. |
Fuq l-aggravju bbażat fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq it-talba għall-kumpens tad-danni
L-argumenti tal-partijiet
54 |
L-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li t-talba tiegħu għall-kumpens ta’ danni kienet inammissibbli minħabba li n-natura u l-portata tad-dannu ma ġewx speċifikati. Huwa josserva fil-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċċitata fis-sentenza appellata stess, f’ċirkustanzi partikolari, mhuwiex indispensabbli li jiġi speċifikat fir-rikors l-portata eżatt tad-dannu u li jiġi kkwantifikat l-ammont tal-kumpens mitlub. |
55 |
L-appellant isostni wkoll li huwa qatt ma stenna jew talab deċiżjoni fuq id-dannu fin-nuqqas ta’ deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament. Huwa jispeċifika li, fir-replika tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa espressament irriserva d-dritt li jibda kull proċedura sabiex jikseb kumpens għad-dannu sostnut skont is-sentenza mistennija tal-Qorti tal-Prim’Istanza. |
56 |
L-appellant jikkunsidra li, minħabba ċirkustanzi partikolari u minħabba l-komplessità tas-sitwazzjoni tiegħu, deċiżjoni fuq id-dannu għandha ssir biss wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament. |
57 |
Madankollu, huwa jsostni f’dan l-istadju li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li huwa effettivament kien vittma ta’ evalwazzjoni inekwa kif ukoll ta’ inġustija serja u li, minn dan il-fatt, il-karriera tiegħu realment sostniet dannu irriparabbli, kumpens ta’ tip ta’ EUR 1.5 miljun mhuwiex eċċessiv. |
58 |
Il-Kummissjoni ssostni minn naħa tagħha li l-possibbiltà li jkun eżentat mill-obbligu li jispeċifika fir-rikors il-portata eżatta tad-dannu sostnut tikkostitwixxi eċċezzkoni. Mill-punt 44 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-każ tal-appellant ma jaqax taħt din l-eċċezzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-appellant ma sostnix quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-każ tiegħu jippreżenta xi element li jippermettilu li ma jaqax taħt ir-regola ġenerali. Barra minn hekk, fl-appell tiegħu, l-appellant ma indikax kif l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta applikat ir-regola ġenerali. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li, konsegwentement, l-argument tiegħu jesponih għal objezzjoni ġdida ta’ inammissibbiltà minħabba n-nuqqas ta’ raġunament li jsostni l-pożizzjoni tal-appellant. |
59 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tiegħu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni tad-dannu minħabba li l-appellant kien indika l-intenzjoni tiegħu li jibda wara proċedura separata sabiex jikseb il-kumpens tad-adnnu allegatament sostnut. Fil-fatt, din l-allegazzjoni ma tistax tiġi sostnuta mill-proċess tal-proċedura fl-ewwel istanza. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
60 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba għall-kumpens bħala inammissibbli peress li, min-naħa waħda, l-appellant talab biss danni bħala kumpens għall-ħsara li saret lill-karriera tiegħu, għas-saħħa tiegħu u għall-benessere tiegħu, mingħajr ma kkwantifika l-ammont u mingħajr ma indika, b’mod suffiċjentement preċiż, l-elementi li jippermettu li jiġi determinat il-portata ta’ dan id-dannu u, min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna d-dannu morali, apparti l-assenza totali ta’ evalwazzjoni ta’ dan id-dannu, l-appellant ma qiegħedx il-Qorti tal-Prim’Istanza f’pożizzjoni li tevalwa l-portata u n-natura. |
61 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kwitsjoni dwar jekk l-ammont tal-kumpens mitlub mill-appellant huwiex suffiċjentement iġġustifikat minn dan tal-aħħar teħtieġ evalwazzjoni tal-fatti li ma jaqgħux taħt il-kompeteza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tistħarreġ biss l-osservanza, tas-sentenza appellata, tar-regoli ta’ dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 1996, Buralux et vs Il-Kunsill, C-209/94 P, Ġabra p. I-615, punt 21). |
62 |
Barra minn hekk, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, tas-somma ta’ EUR 1.5 miljun bħala danni, f’każ li l-Qorti teżamina l-kontroversja fil-mertu, tikkostitwixxi talba ġdida, fis-sens tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
63 |
Konsegwentement, l-appell tal-appellant għandu jinċaħad bħala inammissibbli, sa fejn dan jikkontesta ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-talba tiegħu għall-kumpens tad-danni. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
64 |
Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Fil-fehma tagħna dan japplika għall-każ preżenti għal dak li jikkonċerna r-rikors għal annullament. |
L-argumenti tal-partijiet
65 |
L-appellant jitlob fl-ewwel lok l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li tiċħad l-ilment tiegħu mressaq kontra din id-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2003 li tikkonferma r-RIK li hu oġġezzjona għalih għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002. |
66 |
Huwa jinvoka tliet aggravji, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża. |
67 |
F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li diversi irregolaritajiet twettqu fil-kuntest tal-proċedura tal-appell intern kontra r-RIK inkwistjoni. Huwa jsostni b’mod partikolari, li t-tieni stadju ta’ din il-proċedura, li tikkonsisti fl-istħarriġ tal-kundizzjonijiet formali u sostanzjali ta’ RIK mill-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni, ma ġietx irrispettata. |
68 |
Għaldaqstant, l-eżami ta’ dan il-kumitat kien limitat għall-aspett proċedurali u ma rrigwardax il-mertu. Fil-fatt, l-laqgħa formali mal-assessur tar-RIK ma seħħitx u għalhekk l-imsemmi kumitat irrakkomanda li tinżamm din il-laqgħa. Mandankollu, il-fajl tiegħu ma ntbagħatx wara l-imsemmija laqgħa seħħet quddiem dan l-istess kumitat sabiex dan ikun jista’ wkoll jiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk ir-RIK sarx b’mod ekwu, oġġettivament u skont l-istandards normali ta’ evalwazzjoni, kif preskritt fl-Artikolu 8(5) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni. |
69 |
Skont l-appellant, din il-lakuna tikkostitwixxi irregolarità serja li tivvizzja l-proċedura ta’ appell intern. Fil-fatt, il-Kumitat Konġuny ta’ Evalwazzjoni, minħabba l-kompożizzjoni tiegħu, huwa l-unika korp ta’ appell li fl-ambitu tiegħu l-membri tal-persunal li jagħmlu l-istess xogħol bħalu setgħu jeżaminaw ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-opinjoni ta’ dan il-Kumitat għandha saħħa kbira, inkwantu l-evalwatur tal-appell, jekk jirrifjuta milli jsegwi dik l-opinjoni, jkun obbligat li jimmotiva għad-deċiżjoni tiegħu. |
70 |
Il-Kummissjoni tallega li l-appellant ma jistax joħloq argument mill-fatt li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni kkonstata biss li l-laqgħa formali mal-evalwatur tar-RIK ma kinitx seħħet peress li huwa stess naqas milli jinforma lil dan il-kumitat li dik il-laqgħa seħħet fil-25 ta’ Marzu 2003. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
71 |
Mill-proċess jirriżulta li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni ma ddeċidiex fuq il-kontenut tar-RIK inkwistjoni, filwaqt li huwa għandu l-obbligu li jagħmel dan meta, bħal f’dan il-każ, kontestazzjoni tidher quddiemu. Fil-fatt, dan il-kumitat ikkonstata biss, fl-opinjoni trasmessa lill-evalwatur tal-appell fil-11 ta’ April 2003, li d-djalogu formali mal-validatur ma seħħitx u dan kontra l-Artikolu 7 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni. |
72 |
Għaldaqstant, l-evalwatur tal-appell ma setax jiddeċiedi fuq l-appell intern tal-appellant fid-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2003 filwaqt li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni ma kienx ta l-opinjoni tiegħu stess fuq il-kontenut tar-RIK inkwistjoni, b’mod li dan ma kienx definittiv. |
73 |
Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi ddeċieda kif iddeċieda fid-deċiżjoni tigħu tat-28 ta’ April 2003, l-evalwatur tal-appell ittratta d-dritt ta’ appell tal-appellant quddiem il-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazjoni bħala stadju purament formali. Issa, meta kontestazzjoni tasal quddiem dan il-kumitat, l-eżami tal-kontenut tar-RIK ikkonċernat jikkosistwixxi formalità sostanzjali peress li, minn naħa, dan il-kumitat huwa l-unika entità li tipparteċipa fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li tinkludi r-rappreżentanti tal-persunal u, min-naħa l-oħra, l-opinjonijiet tiegħu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-evalwatur tal-appell. |
74 |
Għaldastant, jidher li l-fatt li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni ma ddeċidiex fuq il-kontenut tar-RIK inkwistjoni skont l-Artikolu 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-eżekuzzjoni, jikkostitwixxi ksur sostanzjali tal-proċedura tar-redazzjoni ta’ RIK li jippreġudika d-drittijiet tal-appellant. |
75 |
B’hekk mingħajr m’hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-aggravji l-oħra invokati insostenn tar-rikors għal annullament, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata. |
Fuq l-ispejjeż
76 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
77 |
Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, kif mitlub minn D. Gordon. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.